Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar il-ħatra proposta ta' Marek Opioła bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C9-0350/2020 – 2020/0806(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0350/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0249/2020),
A. billi, bl-ittra tal-5 ta' Novembru 2020, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Marek Opioła għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
B. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
C. billi dan il-Kumitat imbagħad, fis-7 ta' Diċembru 2020, ipproċeda b'seduta ta' smigħ tal-kandidat, li matulha dan għamel stqarrija preliminari, u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
1. Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Marek Opioła bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, u jitlob lill-Kunsill biex jirtira l-proposta tiegħu u biex jippreżenta waħda ġdida lill-Parlament;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.