Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 – Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament f'konformità mal-previżjonijiet aġġornati tan-nefqa u aġġustamenti oħra tan-nefqa u d-dħul (13643/2020 – C9-0395/2020 – 2020/0298(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (Regolament QFP),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 10/2020, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2020 (COM(2020)0962),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020, adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Diċembru 2020 (13643/2020 – C9-0395/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9‑0252/2020),
A. billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020 huwa li jiżdied il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament skont il-previżjoni aġġornata u, wara li jitqiesu r-riallokazzjonijiet proposti fit-"Trasferiment Globali" (DEC 16/2020), li tiġi aġġustata n-naħa tad-dħul biex jiġi inkorporat l-impatt tad-differenzi fir-rati tal-kambju u l-multi addizzjonali miġbura, u li jiġu bbaġitjati aġġustamenti tan-nefqa aktar limitati fir-rigward tal-livell ta' approprjazzjonijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u ta' xi aġenziji deċentralizzati (ESMA, EIOPA, EBA u ELA),
B. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020 jipproponi żieda globali fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 1 569,3 miljun li tikkonċerna l-intestatura 1a "Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi", l-intestatura 1b "Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali", l-intestatura 2 "Tkabbir Sostenibbli – Riżorsi Naturali" u l-intestatura 4 "Ewropa Globali",
C. billi l-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 93,8 miljun ser jgħinu l-oneru tal-obbligi tal-Faċilità ta' Garanzija għal Self fi ħdan il-Programm COSME biex jiġu appoġġjati l-SMEs milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19,
D. billi EUR 750 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali taħt il-FAEŻR ser jiffinanzjaw b'mod partikolari pagamenti ta' somma f'daqqa biex jipprovdu għajnuna lill-bdiewa u lin-negozji agrikoli żgħar u medji affettwati mill-kriżi tal-COVID-19,
E. billi l-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 586 miljun ser jappoġġjaw ir-reazzjoni Globali tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi sħab permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI),
F. billi r-rieżami bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji deċentralizzati identifika ffrankar li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 9,1 miljun,
G. billi pagamenti ta' EUR 128 miljun f'multi u penali, li ġew imsarrfa sal-aħħar ta' Settembru 2020, għenu biex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi proprji mill-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni,
H. billi l-impatt globali propost tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020 fuq in-naħa tad-dħul huwa tnaqqis ta' EUR 588 miljun fi dħul ieħor riekwilibrat b'żieda korrispondenti fil-kontribuzzjonijiet tal-ING,
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 10/2020, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, li huwa ddedikat, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, għall-provvediment ta' EUR 1 569,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali, wara li jitqiesu r-riallokazzjonijiet proposti fit-"Trasferiment Globali", biex tiġi aġġustata n-naħa tad-dħul u biex jiġu bbaġitjati aġġustamenti tan-nefqa aktar limitati;
2. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 9/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.