Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt (2020/2923(RSP)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 14, 15, 16 u 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) kif ukoll l-Artikoli 295, 310, 311, 312, 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku milħuq fil-5 ta' Novembru 2020 dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni ("Regolament dwar l-Istat tad-Dritt"),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi, inklużi d-dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali, li ntlaħqu fl-10 ta' Novembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 ("il-QFP"), il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda ("il-FII") u l-Istrument tal-UE għall-Irkupru,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-26 ta' Awwissu 2020 tal-Parlament Ewropew dwar l-Istat tad-Dritt mill-mexxejja tal-Gruppi lis-Sinjura Angela Merkel, Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u President tal-Kunsill tal-UE, u lis-Sinjura Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2020 mill-Konferenza tal-Presidenti dwar il-baġit fit-tul tal-UE u l-Istat tad-Dritt,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-11 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta' valuri kif minqux fl-Artikolu 2 TUE;
B. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 swiet il-ħajja ta' eluf ta' persuni fl-Ewropa u fid-dinja u wasslet għal kriżi mingħajr preċedent b'konsegwenzi diżastrużi għall-persuni, il-ħaddiema u n-negozji, u għalhekk teħtieġ rispons mingħajr preċedent, speċjalment wara t-tieni mewġa tal-COVID-19 u sakemm il-pandemija effettivament tasal fi tmiemha;
C. billi d-dibattitu politiku fi ħdan il-Kunsill Ewropew wassal għad-dewmien tal-proċess kollu u bil-konsegwenza li tawwal in-negozjati, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-QFP, tal-FII, tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru u tar-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt;
D. billi Regolament effettiv dwar l-Istat tad-Dritt u l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda kienu prekundizzjoni tal-Parlament Ewropew biex jaqbel mal-pakkett tal-QFP;
E. billi l-koleġiżlaturi tal-Unjoni kienu kapaċi jilħqu ftehimiet mingħajr preċedent matul l-2020;
1. Jilqa' l-ftehimiet politiċi, inklużi d-dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali, milħuqa mill-koleġiżlaturi fil-5 ta' Novembru 2020, dwar ir-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt u fl-10 ta' Novembru 2020, dwar il-QFP, l-FII u l-Istrument tal-UE għall-Irkupru; jenfasizza li dawk il-ftehimiet politiċi storiċi jinkludu, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
—
Pakkett ta' EUR 1,8 triljun mingħajr preċedent li jikkonsisti fil-QFP 2021-2027 (EUR 1 074 biljun li progressivament jitla' għal EUR 1 085 biljun), flimkien mal-Istrument ta' Rkupru (EUR 750 biljun);
—
Żieda ta' EUR 16-il biljun għall-QFP 2021-2027 li għandha titqassam fuq il-programmi ewlenin tal-UE identifikati mill-PE (EU4Health, Orizzont Ewropa, Erasmus+, Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, Frontex, InvestEU, Drittijiet u Valuri, Ewropa Kreattiva, Għajnuna Umanitarja u NDICI) u biex issaħħaħ ir-rispons baġitarju għall-avvenimenti mhux previsti;
—
Pjan direzzjonali legalment vinkolanti li jintroduċi Riżorsi Proprji ġodda matul il-QFP li jmiss, li tal-inqas għandu jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż futuri ta' ħlas lura (prinċipal u mgħax) tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru;
—
Sehem minimu legalment vinkolanti għall-infiq relatat mal-klima ta' mill-inqas 30 % tal-QFP u tal-Next Generation EU u għall-infiq relatat mal-bijodiversità ta' 7,5 % fl-2024 u ta' 10 % mill-2026 'il quddiem tal-QFP;
—
Elementi għall-monitoraġġ tal-infiq fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ġeneri;
—
It-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew bħala awtorità baġitarja, fil-ġestjoni tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru u d-dħul assenjat estern, kif ukoll fl-istabbiliment ta' strumenti ta' emerġenza futuri li għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE;
—
Kundizzjonalità effettiva fil-qasam tal-Istat tad-Dritt;
2. Ifakkar fl-importanza storika tal-pakkett u l-potenzjal tiegħu fir-rigward tal-iżgurar ta' rkupru rapidu mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-effetti soċjoekonomiċi tagħha u biex jintlaqgħu l-isfidi tal-Unjoni għas-seba' snin li ġejjin, inklużi l-Patt Ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali u l-protezzjoni tal-valuri tagħha u ta' flus il-kontribwenti tal-UE;
3. Jilqa' l-eżitu tal-Kunsill Ewropew li approva l-ftehimiet politiċi msemmija hawn fuq fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020; jilqa' l-fatt li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern laħqu ftehim li jippermetti li l-QFP, l-FII, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021; jilqa' l-fatt li t-testi legali baqgħu l-istess;
4. Jiddispjaċih bil-kbir, madankollu, li, minħabba r-regola tal-unanimità fil-Kunsill, l-adozzjoni tal-pakkett sħiħ, inklużi l-programmi l-ġodda tal-UE għall-perjodu 2021-2027, ikkawżat dewmien bla bżonn għall-proċess kollu; ifakkar li l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Regolament dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni huwa superfluwu; ifakkar li l-applikabbiltà, l-iskop u l-ambitu tar-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt huma definiti b'mod ċar fit-test legali tal-imsemmi Regolament;
5. Ifakkar li skont l-Artikolu 15(1) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; iqis, għalhekk, li l-ebda dikjarazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew ma tista' titqies li tirrappreżenta interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) li għandha d-dritt ta' interpretazzjoni;
6. Ifakkar li l-Kummissjoni u l-President tagħha huma eletti mill-Parlament Ewropew; ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati fl-ambitu tagħhom mill-istituzzjonijiet. jafferma, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe mument u fi kwalunkwe ċirkostanza, timxi mal-liġi, dura lex sed lex;
7. Ifakkar li skont l-Artikolu 17(3) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tkun għalkollox indipendenti;
8. Ifakkar li skont l-Artikolu 17(8) TUE, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew; ifakkar li l-Parlament għandu diversi mezzi legali għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura li l-Kummissjoni tirrispetta l-obbligu tagħha skont it-trattat, inkluża l-proċedura ta' kwittanza, sabiex tivvaluta l-ġestjoni xierqa tal-fondi tal-Unjoni; jisħaq, barra minn hekk, li l-Parlament għandu diversi mezzi legali u politiċi għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura li l-liġi tiġi infurzata minn kulħadd u l-ewwel u qabel kollox mill-istituzzjonijiet tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma jistgħux isiru vinkolanti fuq il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-atti legali;
9. Jisħaq fuq il-fatt li l-koleġiżlaturi qablu li r-Regolament dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021 u se jkollu jiġi applikat għall-impenji u l-pagamenti kollha; ifakkar li l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament ma tista' tkun soġġetta għall-adozzjoni tal-ebda linja gwida, peress li t-test maqbul huwa ċar biżżejjed, u mhu previst l-ebda strument ta' implimentazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tiżgura li r-Regolament ikun applikabbli bis-sħiħ mid-data miftiehma mill-koleġiżlaturi u jfakkar li l-annullament tar-Regolament jew ta' parti minnu huwa possibbli biss mill-QĠUE; jafferma li jekk Stat Membru jfittex l-annullament tar-Regolament jew ta' partijiet minnu, il-Parlament se jiddefendi l-validità tiegħu quddiem il-Qorti u jistenna li l-Kummissjoni tintervjeni b'appoġġ għall-pożizzjoni tal-Parlament; jenfasizza, f'dan il-każ, li l-Parlament se jitlob li l-Qorti tipproċedi bi proċedura mħaffa; ifakkar fl-Artikolu 265 tat-TFUE u jiddikjara li jinsab lest jagħmel użu minnu;
10. Huwa tal-fehma li l-ħtieġa ta' involviment parlamentari sħiħ fl-operazzjoni ta' Next Generation EU, trid issir realtà; jisħaq li t-trilogu li għadu għaddej għandu jipprovdi eżitu sodisfaċenti dwar dan il-punt;
11. Huwa tal-fehma li l-għelbien tal-ostakli maħluqa mir-rekwiżit tal-unanimità fil-Kunsill rigward l-adozzjoni tal-QFP u d-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, fost każijiet oħra, għandhom jiġu indirizzati fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa li jmiss;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.