Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III (2019/2206(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(2)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 80 tat-TFUE dwar il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 5, 8 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Refuġjati,
— wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 li jittrattaw l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni ta' Ġinevra),
— wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid), magħruf bħala r-Regolament ta' Dublin III(1).
— wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015(2) u (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015(3) li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0270) dwar riforma tar-Regolament ta' Dublin III,
– wara li kkunsidra l-mandat ta' negozjar adottat mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-19 ta' Ottubru 2017, li ġie approvat fil-Plenarja fis-16 ta' Novembru 2017, u li ġie kkonfermat mill-Konferenza tal-Presidenti fis-17 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(4),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatati mar-Regolament (UE) Nru 604/2013, b'mod partikolari C-695/15 PPU Mirza (ECLI: UE: C:2016 :188), C-63/15 Ghezelbash (Awla Manja) (*) (ECLI:EU:C:2016:409), C-155/15 Karim (ECLI:EU:C:2016:410), C-578/16 PPU C.K. et al (*) (ECLI:EU:C:2017:127), C-528/15 Al Chodor (ECLI:EU:C:2017:213), C-36/17 Ahmed (Digriet) (ECLI:EU:C:2017:273), C-490/16 A.S. (Awla Manja) (ECLI:EU:C:2017 :585), C-646/16 Jafari (Awla Manja) (*) (ECLI:EU:C:207:586), C-670/16 Mengesteab (Awla Manja) (ECLI:EU:C:2017:587), C-60/16 Khir Amayri, ECLI:EU:C:2017:675, C-201/16 Shiri, (ECLI:EU:C:2017:805), C-360/16 Hasan (ECLI:EU:C:2018:35), C-647/16 Hassan (ECLI:EU:C:2018:368), C-213/17 X (ECLI:EU:C:2018:538), C-56/17 Fathi (ECLI:EU:C:2018:803), C-47/17 X (Awla Manja) (ECLI:EU:C:2018:900), C-661/17 M.A. et al (Awla Manja) (*) (ECLI:EU:C:2019:53), C-163/17 Jawo (Awla Manja) (*) (ECLI:EU:C:2019:218), C-582/17 H. (Awla Manja) (*) ECLI:EU:C:2019:280, u C-715/17, C-718/17 u C-719/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka,
— wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatati mar-Regolament (UE) Nru 604/2013, u b'mod partikolari Sharifi vs l-Awstrija tal-5 ta' Diċembru 2013 (sentenza tal-Awla), Mohammadi vs l-Awstrija tat-3 ta' Lulju 2014 (sentenza tal-Awla), Sharifi et vs l-Italja u l-Greċja tal-21 ta' Ottubru 2014 (sentenza tal-Awla) u Tarakhel vs l-Iżvizzera tal-4 ta' Novembru 2014 (sentenza tal-Awla Manja), u QEDB - M.S.S. vs il-Belġju u l-Greċja (AM), Applikazzjoni Nru 30696/09, Sentenza tal-21 ta' Novembru 2011 b'rabta mar-Regolament (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 (Dublin II),
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),
— wara li kkunsidra l-hekk imsejħa Dikjarazzjoni ta' Malta ta' Settembru 2019,
— wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati bit-titolu "Left in Limbo" (Mitlufin fil-Limbu), dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III,
— wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III tal-2015 u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III tal-2016, imwettqa f'isem il-Kummissjoni minn ICF International,
— wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ta' Novembru 2019, intitolat "L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta' migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati",
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni" (2020/C 126/02),
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil tat-2 ta' Ġunju 2020 dwar miżuri ta' emerġenza rigward il-COVID-19 fis-sistemi tal-asil u tal-akkoljenza,
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Annual Report on the Situation of Asylum in the European Union" (Rapport Annwali dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea) tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) ta' Ġunju 2020,
— wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) tar-Regolament ta' Dublin, ta' Jannar 2019, imfassal mid-Dott. Amandine Scherrer tal-Unità tal-Evalwazzjoni ex post tad-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament (l-ewwel parti) u mit-tim tar-riċerka tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Rifuġjati u l-Eżiljati (ECRE), fuq talba tal-Unità tal-Evalwazzjoni ex post (it-tieni parti),
— wara li kkunsidra studji oħra kkummissjonati mill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari l-valutazzjoni tal-EPRS tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin u l-proċeduri tal-asil fl-Ewropa, ta' Gertrud Malmersjo u Milan Remáč, tal-2016, l-istudju tad-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali (Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni) dwar ir-riforma tar-Regolament ta' Dublin III, ta' Francesco Maiani, ta' Ġunju 2016, l-istudju tal-EPRS "The Cost of Non-Europe in Asylum Policy" (Xi jfisser kieku ma kienx hemm l-Ewropa għall-Politika tal-Asil), ta' Wouter van Ballegooij u Cecilia Navarra, ta' Ottubru 2018, u l-istudju tal-EPRS dwar ir-riforma tas-sistema ta' Dublin, ta' Anja Radjenovic, ta' Marzu 2019,
— wara li kkunsidra s-smigħ tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) li seħħ fid-19 ta' Frar 2020,
— wara li kkunsidra t-tweġibiet mill-Parlamenti tal-Istati Membri dwar il-ħidma tagħhom fuq ir-Regolament ta' Dublin III, ipprovduti permezz tas-sistema awtomatizzata taċ-Ċentru Ewropew għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni Parlamentari,
— wara li kkunsidra t-tweġiba mogħtija mill-Ġermanja għal lista ta' 5 mistoqsijiet mibgħuta mill-President u mir-Rapporteur tal-Kumitat LIBE lill-awtoritajiet nazzjonali kollha involuti fil-proċedura ta' Dublin,
— wara li kkunsidra l-vjaġġi ta' ġbir ta' informazzjoni mir-Rapporteur f'Bochum (il-Ġermanja), Ter Apel (in-Netherlands), Bucharest (ir-Rumanija) u Lampedusa (l-Italja),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0245/2020),
A. billi 1 393 920 applikant għall-asil applikaw għal protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi tal-UE+ fl-2015 u 1 292 740 fl-2016, jiġifieri żieda ta' erba' darbiet meta mqabbla mal-2012 (373 375 applikazzjoni) u mal-2013 (464 515); billi l-għadd ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi tal-UE+ reġa' żdied bejn l-2018 (665 920) u l-2019 (738 425), ekwivalenti għal 0.13 % tal-popolazzjoni totali tal-UE fl-2019;
B. billi t-tfal jirrappreżentaw kważi nofs it-talbiet għall-asil imressqa fl-UE, u madwar 17 700 minorenni mhux akkumpanjati ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-2019; billi 86 % minnhom kienu subien u 90 % kellhom bejn l-14 u t-18-il sena;
C. billi Stat Membru li joħroġ viża lil ċittadin ta' pajjiż terz huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament ta' Dublin III; billi, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Dublin III, l-applikazzjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz jew ta' persuna mingħajr stat li jkunu daħlu fit-territorju ta' Stat Membru li jagħti eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tiġi eżaminata minn dan l-Istat Membru;
D. billi saru 145 000 deċiżjoni dwar talbiet ta' Dublin fl-2019; billi r-rata ta' aċċettazzjoni għad-deċiżjonijiet dwar talbiet ta' Dublin kienet ta' 62 % fl-2019;
E. billi bejn l-2008 u l-2017 terz tal-Istati Membri ospitaw 90 % tal-applikanti għall-asil;
F. billi l-kriterji biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta' Stat Membru għal applikazzjoni għall-asil jinkludu, f'ordni ġerarkika, l-unità tal-familja, il-ħruġ ta' permessi ta' residenza jew viżi, id-dħul jew is-soġġorn irregolari, u dħul b'eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża; billi, jekk ma tapplika l-ebda waħda minn dawn il-kriterji, l-Istat Membru li fih tkun saret applikazzjoni għall-asil għall-ewwel darba isir l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3(2); billi, b'konsegwenza tal-użu sproporzjonat tal-Artikolu 13, li jalloka r-responsabbiltà għall-eżami ta' applikazzjoni għall-asil lill-Istat Membru tal-ewwel dħul irregolari, ir-responsabbiltajiet mhumiex qed jitqassmu b'mod ġust bejn l-Istati Membri; billi għadd ta' Stati Membri "tal-ewwel dħul" fil-Mediterran, jiġifieri l-Greċja, l-Italja, Malta, Ċipru u Spanja, irċevew proporzjon kbir mill-applikazzjonijiet tal-ewwel darba, b'mod partikolari matul il-kriżi tal-2015-2016;
G. billi fl-2018, il-Ġermanja (82.8 miljun abitant, 18.6 % tal-popolazzjoni totali tal-UE) irreġistrat l-akbar numru ta' applikazzjonijiet (184 180, jew 28 % tal-applikazzjonijiet totali, ekwivalenti għal 0.22 % tal-popolazzjoni tagħha), segwita minn Franza (66.9 miljun abitant, 15 % tal-popolazzjoni totali tal-UE) b'120 425 applikazzjoni (19 % tal-applikazzjonijiet totali, ekwivalenti għal 0.18 % tal-popolazzjoni tagħha), il-Greċja (10.74 miljun abitant, 2.4 % tal-popolazzjoni totali tal-UE) b'66 695 applikazzjoni (11 % tal-applikazzjonijiet totali, 0.62 % tal-popolazzjoni tagħha), l-Italja (60.48 miljun abitant, 13.6 % tal-popolazzjoni totali tal-UE), b'59 950 applikazzjoni (10 % tal-applikazzjonijiet totali, 0.01 % tal-popolazzjoni tagħha), u Spanja (46.66 miljun abitant, 10.49 % tal-popolazzjoni totali tal-UE), bi 52 700 applikazzjoni (9 % tal-applikazzjonijiet totali, u 0.11 % tal-popolazzjoni tagħha);
H. billi bejn l-2016 u l-2019, il-Ġermanja u Franza kienu bil-bosta l-iżjed li ħarġu talbiet ta' Dublin (68 % tat-total tal-UE), filwaqt li Spanja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, is-Slovakkja, il-Bulgarija, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka ħarġu ftit talbiet; billi Spanja ma ħarġet kważi l-ebda talba ta' Dublin, minkejja n-numru kbir u li qed jikber ta' applikazzjonijiet għall-asil; billi hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi, b'54.6 % tat-trasferimenti mwettqa mill-Greċja, 42.2 % mill-Iżvezja, 11.2 % mill-Ġermanja, 6.7 % minn Franza, u 1.6 % mill-Italja bejn l-2016 u l-2019; billi hemm nuqqas sinifikanti ta' informazzjoni għal għadd ta' pajjiżi;
I. billi r-Regolament ta' Dublin III huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni ewlenija li l-applikanti għall-asil jingħataw drittijiet indaqs fl-Istati Membri kollha u li kull talba tiġi eżaminata b'mod ġust, ikun x'ikun il-post fejn titressaq it-talba fl-UE; billi r-realtà hija 'l bogħod ħafna minn dan;
J. billi l-Istati Membri għamlu biss użu limitat ħafna tal-klawsola tal-persuni dipendenti (l-Artikolu 16) jew tal-klawsola umanitarja u diskrezzjonali (l-Artikolu 17) fir-Regolament; billi dawn il-klawsoli jipprovdu soluzzjonijiet raġonevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja jew għar-rilokazzjonijiet, inkluż wara l-iżbark;
K. billi, fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri ta' Dublin, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġerarkija tal-kriterji kif ukoll l-iskadenzi stabbiliti mhumiex implimentati kif suppost, u t-trasferimenti ma jitwettqux; billi f'sitwazzjonijiet li jinvolvu t-tfal u l-familji, dawn in-nuqqasijiet huma partikolarment ta' preġudizzju għall-aħjar interessi tat-tfal u għad-dritt tal-applikanti għall-asil għar-riunifikazzjoni tal-familja;
L. billi d-data u l-istudji dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III joħorġu fid-dieher l-injorar regolari tad-dispożizzjonijiet dwar il-familji u l-applikazzjoni skorretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal; billi, pereżempju, fl-2018, il-kriterju tal-unità tal-familja ġie invokat f'5 % biss tat-talbiet "biex tittieħed responsabbiltà" fi Franza (minn 12 000) u fi 3.7 % fil-Ġermanja (minn 17 500), u l-figuri kienu saħansitra aktar baxxi fil-Belġju, fl-Iżvezja u fl-Iżvizzera; jissottolinja li, b'kuntrast, il-Greċja ħarġet 79.3 % tat-talbiet tagħha "biex tittieħed responsabbiltà" abbażi tal-kriterju tal-unità tal-familja fl-2018; billi l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja jiġu aċċettati b'inqas frekwenza (48 % tal-każijiet), meta mqabbla mar-rata medja ta' aċċettazzjoni għall-proċeduri kollha (67.6 %); billi l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament tista' tiggarantixxi l-effikaċja tad-dritt tal-applikanti għall-asil għall-ħajja tal-familja u għall-unità tal-familja;
M. billi kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III, inkluż waqt li kien hemm għadd kbir ta' wasliet fl-2015 u l-pandemija tal-COVID-19, u minħabba f'hekk iddgħajfu l-fiduċja bejn l-Istati Membri u d-dritt għall-protezzjoni internazzjonali, u dan wassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali; billi r-regoli ta' Dublin III urew li mhumiex adattati biex jiġu ffaċċjati influssi sostanzjali ta' migranti, u dan irriżulta f'sistema li tpoġġi responsabbiltà u piżijiet eċċessivi fuq ftit Stati Membri;
N. billi l-mekkaniżmu temporanju tas-solidarjetà għat-tfittxija u s-salvataġġ fil-Mediterran miftiehem fid-Dikjarazzjoni ta' Malta, u li ġie ffirmat fit-23 ta' Settembru 2019 mill-Ġermanja, Franza, l-Italja u Malta, kien validu għal perjodu ta' mill-inqas sitt xhur; billi l-ebda Stat Membru ieħor ma ngħaqad f'dan il-ftehim ad hoc;
O. billi d-dispożizzjoni dwar l-azzjoni preventiva (Artikolu 33) qatt ma ntużat;
P. billi l-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Dublin III jippermetti d-detenzjoni bħala miżura eċċezzjonali "sabiex jiġu żgurati proċeduri ta' trasferiment" jekk ikun hemm "riskju sinifikanti" li l-applikant jaħrab; billi din id-definizzjoni għadha mhix ċara u l-interpretazzjoni tagħha tvarja minn Stat Membru għall-ieħor;
Q. billi hemm nuqqas ta' konformità dwar il-garanziji u s-salvagwardji proċedurali għall-applikanti għall-asil, b'mod speċjali t-tfal; billi t-tul tal-proċeduri u n-nuqqas ta' eżiti prevedibbli flimkien mal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza ħżiena u l-prekarjetà soċjali għandhom impatt fuq il-benessri tal-applikanti għall-asil, li f'ħafna każijiet ikunu għaddew minn esperjenzi trawmatiċi meta kienu għadhom f'pajjiżhom u/jew fi triqithom lejn l-UE;
R. billi l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III hija marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni ta' fajls oħra tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-asil; billi, b'mod partikolari, id-difetti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil riformulata (2013/32/UE), id-Direttiva dwar l-Akkoljenza riformulata (2013/33/UE) u d-Direttiva dwar il-Kwalifika riformulata (2011/95/UE) kellhom impatt fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III; billi l-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel iżjed sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw dawn id-Direttivi, inkluż permezz ta' proċeduri ta' ksur;
S. billi wħud minn dawn id-difetti huma inerenti għat-tifsila tar-Regolament ta' Dublin u ma jistgħux jissolvew biss permezz ta' implimentazzjoni aħjar;
T. billi l-lakuni fl-informazzjoni jipprevjenu li ssir evalwazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III; billi l-informazzjoni statistika mhix ipprovduta b'mod sistematiku u konsistenti mill-Istati Membri, u mhux bl-istess livell ta' dettall jew frekwenza; billi l-lakuni fl-informazzjoni essenzjali jkopru r-raġunijiet għat-talbiet, id-durata tal-proċeduri, ir-riżorsi, l-applikazzjonijiet irtirati, it-trasferimenti li ma rnexxewx, il-proċessi tal-appelli, u d-detenzjoni;
U. billi fis-6 ta' Novembru 2017 il-Parlament adotta Riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar il-proposta ta' riformulazzjoni ta' Dublin IV b'maġġoranza ta' żewġ terzi;
L-integrazzjoni tal-prinċipju ta' solidarjetà fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil
1. Iqis li r-Regolament ta' Dublin III li hemm fis-seħħ bħalissa jimponi responsabbiltà sproporzjonata fuq minoranza ta' Stati Membri, b'mod partikolari meta jseħħu għadd kbir ta' wasliet; iqis li, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, il-kriterju tal-pajjiż tal-ewwel dħul fir-Regolament ta' Dublin III ipoġġi piż bla preċedent u sproporzjonat fuq il-pajjiżi l-aktar esposti f'dawk li huma r-reġistrazzjoni u l-akkoljenza tal-applikanti għall-asil; jirrimarka li r-Regolament ta' Dublin III, kif imfassal u implimentat, naqas milli jiggarantixxi l-objettiv ewlieni tiegħu, jiġifieri li jiddetermina malajr l-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għall-asil, u b'hekk li jiżgura d-distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-aċċess effettiv u rapidu għall-proċeduri tal-asil;
2. Jisħaq li l-introduzzjoni tal-hotspots ikkombinata mal-programm ta' rilokazzjoni temporanja propost mill-Kummissjoni fl-2015 kienet intenzjonata biex tiffaċilita l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil meta l-applikanti jidħlu fit-territorju tal-UE, u kienet approċċ pragmatiku li jpatti għad-difetti li jinsabu fir-Regolament ta' Dublin III li kienu bdew jidhru f'dak iż-żmien; ifakkar, barra minn hekk, fil-kontribut tal-aġenziji tal-UE bħall-EASO u l-Frontex biex jappoġġjaw lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw piżijiet eċċessivi fl-implimentazzjoni tal-acquis dwar l-asil, u jenfasizza l-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn dawn l-aġenziji tittejjeb;
3. Jenfasizza li l-applikazzjoni mhux xierqa tal-ġerarkija tal-kriterji, b'mod partikolari l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-ewwel pajjiż ta' dħul u l-eżekuzzjoni ineffettiva tat-trasferimenti, żiedet ir-responsabbiltà sproporzjonata mġarrba minn ċerti Stati Membri, speċjalment l-Istati Membri l-aktar esposti; huwa tal-fehma li l-UE għalhekk teħtieġ mekkaniżmu ta' solidarjetà sostenibbli li jistabbilixxi regoli ġusti għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 80 tat-TFUE, u b'rispett sħiħ tad-dritt fundamentali għas-sikurezza u l-protezzjoni tal-applikanti għall-asil;
4. Iqis li huwa essenzjali li jiġu pprovduti aktar riżorsi u kapaċitajiet lill-Istati Membri l-aktar esposti, pereżempju permezz tal-EASO, sakemm is-sistema ta' Dublin ma tiġix riformata;
5. Ifakkar li d-dritt għall-asil huwa dritt fundamentali; jenfasizza li l-proċedura tal-asil isservi biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet u tingħata protezzjoni internazzjonali lill-applikanti li jikkwalifikaw, filwaqt li tipprevedi deċiżjoni rapida u ġusta għal dawk li ma jikkwalifikawx;
6. Jinnota li, skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament ta' Dublin III, l-Istati Membri jistgħu jew jitolbu li jieħdu lura persuna jew li jwettqu proċedura ta' ritorn fil-każ ta' persuni li l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni finali fi Stat Membru; jenfasizza li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24(4), ir-ritorn ta' persuni li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni internazzjonali, speċjalment abbażi tal-konformità volontarja, jista' jgħin il-funzjonament tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni;
7. Jilqa' d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-2015 u l-2016 dwar ir-rilokazzjoni li kienu ġew adottati bħala miżura urġenti ta' solidarjetà; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-impenji mhux issodisfati tal-Istati Membri għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv ta' xi Stati Membri; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea ma mxietx mat-talba tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 għal proposta li l-miżuri ta' rilokazzjoni jiġu estiżi għal sa meta tiġi adottata r-riforma tar-Regolament ta' Dublin III; jenfasizza li ftehimiet ad hoc dwar ir-rilokazzjoni ma jistgħux jissostitwixxu Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) armonizzata u sostenibbli;
8. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, għall-kuntrarju tal-Parlament, ma adottax pożizzjoni dwar il-proposta għal Dublin IV riformulata, u għalhekk imblokka l-isforzi għar-riforma tar-Regolament ta' Dublin III, minkejja n-nuqqasijiet tagħha li huma dokumentati sew; huwa tal-fehma li dan l-imblukkar jista' jiġi interpretat bħala ksur tal-prinċipju tal-kooperazzjoni reċiproka u sinċiera bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fl-Artikolu 13(2) tat-TUE, kif ukoll minħabba l-fatt li l-Kunsill dejjem fittex qbil unanimu minkejja l-fatt li l-maġġoranza kwalifikata hija prevista mit-Trattati; jiddispjaċih b'mod partikolari li l-Unjoni għad għandha l-istess ġabra ta' regoli li ntwera li kienu ineffettivi fil-ġestjoni ta' għadd kbir ta' wasliet; jitlob riforma rapida tas-SEKA;
9. Jinnota li l-mekkaniżmu għal twissija bikrija, l-istat ta' tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet fl-Artikolu 33 s'issa għadu ma ġiex applikat, lanqas biss waqt li kien hemm għadd kbir ta' wasliet fl-2015-2016; jinnota, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja li kellhom l-għan li jindirizzaw il-protezzjoni temporanja f'każ ta' influssi tal-massa ta' persuni spostati li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom għad iridu jiġu invokati;
10. Iqis li fl-UE għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu bbażat fuq is-solidarjetà biex tiġi żgurata l-kontinwità tad-dritt fundamentali tal-asil fl-UE bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għall-asil u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-asil għandu dejjem jibqa' fil-qalba ta' dan il-mekkaniżmu; iqis li mekkaniżmu bħal dan għandu jippermetti l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu assistenza professjonali lill-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari fejn din tkun ta' natura legali;
11. Jissottolinja li l-klawsola diskrezzjonali fl-Artikolu 17, li tippermetti lil Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għal applikazzjoni għall-asil, anke jekk ma jkunx ġie identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli fl-ambitu tar-Regolament ta' Dublin III, tintuża b'mod differenti, rarament, u minn ftit Stati Membri biss; jinnota li l-Ġermanja, in-Netherlands u Franza kienu responsabbli għall-maġġoranza tal-każijiet fl-2018; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu aħjar mill-klawsola diskrezzjonali fl-Artikolu 17 biex jittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli u emerġenzi umanitarji fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' solidarjetà permanenti; huwa tal-fehma li l-klawsoli diskrezzjonali tal-Artikolu 17 għandhom jintużaw bħala għodda ta' solidarjetà għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' għadd kbir ta' wasliet bl-art u bil-baħar, jew għat-trasferiment tal-applikanti għall-asil li bħalissa qed jgħixu fil-hotspots f'kundizzjonijiet inumani, degradanti, mhux sanitarji u mhux sikuri u mingħajr aċċess suffiċjenti għall-appoġġ tas-saħħa fiżika u mentali;
12. Huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet dwar l-unità tal-familja, li huma l-ewwel fil-ġerarkija tal-kriterji biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà, għandhom jiġu implimentati b'mod effikaċi, u li d-dispożizzjonijiet dwar il-persuni dipendenti (Artikolu 16) u l-klawsoli diskrezzjonali (Artikolu 17) jistgħu jintużaw b'mod aktar mifrux biex jappoġġjaw l-unità tal-familja;
13. Jenfasizza l-ħafna sfidi involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III; jinnota l-appoġġ operattiv u tekniku sinifikanti pprovdut mill-EASO lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' Dublin, b'mod partikolari fil-hotspots;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw ix-xogħol tal-persunal tal-EASO billi jippermettu li l-intervisti tal-applikanti għall-asil isiru b'lingwa differenti minn dik tal-pajjiż li fih isiru filwaqt li jiżguraw li l-applikanti jiġu pprovduti interpretazzjoni b'lingwa li huma jifhmu; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-EASO josserva l-ogħla standards fil-ħidma operazzjonali tiegħu u li jpoġġi l-interessi tal-applikanti li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, inkluż l-aħjar interessi tat-tfal, fil-qalba tal-ħidma tiegħu; jitlob l-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea għall-Asil, b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati, biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri fil-proċeduri ta' Dublin; iħeġġeġ l-organizzazzjoni u l-forniment ta' persunal adegwati tal-unitajiet Ewropej ta' Dublin sabiex tiġi ssimplifikata u mħaffa t-tlestija tal-proċeduri relatati mas-sistema ta' Dublin, u b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Kapitolu III tar-Regolament ta' Dublin III, li jorbot applikant għall-asil ma' Stat Membru partikolari;
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali
15. Jirrimarka li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali trid tkun fil-qalba tal-miżuri kollha li jittieħdu għall-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III, inkluża l-protezzjoni tat-tfal, tal-vittmi tat-traffikar, tal-persuni LGBTI u ta' persuni oħra li jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli; jindika l-prezz uman li n-nuqqasijiet tas-SEKA qed jikkawżaw lill-applikanti għall-asil, li s-saħħa mentali tagħhom diġà tinsab imdgħajfa minħabba t-trawmi li esperjenzaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u potenzjalment matul ir-rotot migratorji;
16. Ifakkar li l-applikanti għall-asil għandhom id-dritt li jkunu informati bil-proċeduri b'mod sħiħ; jiddispjaċih li l-livell ta' informazzjoni pprovdut lill-applikanti għall-asil huwa konsiderevolment differenti minn Stat Membru għall-ieħor; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-minorenni jkollhom informazzjoni mfassla apposta u adattata għat-tfal u appoġġ speċifiku; jisħaq li l-forniment ta' assistenza legali u ta' interpretazzjoni huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-applikanti għall-informazzjoni;
17. Jindika li t-trasferimenti tal-applikanti għall-asil, u b'mod partikolari tal-persuni vulnerabbli, tal-minorenni u tal-familji jistgħu jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; itenni li n-non-refoulement u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma raġuni biżżejjed biex jiġi sospiż trasferiment anke meta l-pajjiż ta' destinazzjoni ma jippreżentax defiċjenzi sistemiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod adegwat ir-riskji li għalihom l-applikanti jkunu esposti fl-Istat Membru ta' destinazzjoni; jisħaq b'mod partikolari li t-trasferimenti jridu jitwettqu b'tali mod li l-individwi fl-ebda ċirkostanza ma jkunu esposti għal riskju ta' refoulement;
18. Ifakkar li, kif spjegat fl-Artikolu 28, id-detenzjoni tal-applikanti għall-asil fl-ambitu tal-proċedura ta' Dublin tista' tiġi imposta biss bħala miżura tal-aħħar istanza, biss jekk id-detenzjoni tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u jekk l-ebda miżura alternattiva u inqas koerċittiva ma tkun tista' tiġi implimentata b'mod effettiv biex jiġi żgurat li l-proċedura tat-trasferiment tkun tista' titwettaq f'każijiet fejn ikun hemm riskju għoli li jaħarbu; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konkreti biex isibu alternattivi validi għad-detenzjoni;
19. Iqis li detenzjoni bħal din għandha tkun kemm jista' jkun qasira u m'għandhiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex il-proċeduri amministrattivi meħtieġa jiġu ssodisfati bid-diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment fl-ambitu ta' dan ir-Regolament; jisħaq li fin-nuqqas ta' kriterji armonizzati sabiex jiġi ddeterminat ir-riskju ta' ħarba, l-Istati Membri adottaw kriterji diverġenti u xi kultant kontroversjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiċċaraw "riskju sinifikanti ta' ħarba";
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiddikjaraw b'mod ċar li d-detenzjoni qatt mhi fl-aħjar interessi tat-tfal;
21. Ifakkar li skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(5) huwa illegali li tiġi imposta miżura ta' detenzjoni fuq minorenni mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tagħhom, tas-sitwazzjoni individwali tagħhom bħala minorenni mhux akkumpanjati jekk applikabbli, jew mingħajr valutazzjoni tal-proporzjonalità jew mingħajr ma jkunu disponibbli alternattivi għad-detenzjoni;
22. Jenfasizza li l-għan aħħari tal-protezzjoni tat-tfal, bħal kontra t-traffikar tat-tfal, għandu dejjem jipprevali, sabiex jiġi żgurat li t-tfal migranti jkollhom aċċess rapidu għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għal akkomodazzjoni xierqa; jissottolinja li t-tfal mhux akkumpanjati għandhom igawdu minn miżuri ta' protezzjoni xierqa bħall-kustodja effettiva;
23. Jindika għadd kbir ta' defiċjenzi u defiċjenzi sistemiċi fil-konformità mal-ġerarkija tal-kriterji; jisħaq li l-unità tal-familja żgur li mhijiex l-aktar kriterju applikat, għalkemm fil-Kapitolu III tar-Regolament din tinsab fil-quċċata tal-ġerarkija; iqis li l-Istati Membri, abbażi tal-prinċipju ta' kooperazzjoni reċiproka, għandhom jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti u liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fit-titjib tal-istabbiliment tar-rabtiet tal-familja eżistenti ppruvati fil-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istati Membri responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità sħiħa mal-ġerarkija tal-kriterji;
24. Iqis li huwa essenzjali li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tar-riunifikazzjoni tal-familja, u li tingħata prijorità, kif spjegat fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament, lill-applikazzjoni tal-Artikoli 8, 10 u 16 bħala l-kriterji ewlenin biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil, sabiex jiġu żgurati l-effettività tad-dritt għall-unità tal-familja u l-implimentazzjoni aktar malajr tad-deċiżjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jarmonizzaw l-istandard tal-prova meħtieġa għar-riunifikazzjoni tal-familja fid-direzzjoni ta' standards u rekwiżiti li jistgħu jintlaħqu aktar; jindika li l-interpretazzjonijiet ta' x'jikkostitwixxi "familja" jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u dan jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' konformità mal-ġerarkija tal-kriterji u għad-disfunzjonament tas-sistema; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-applikazzjoni tajba tad-definizzjonijiet relatati mal-familja min-naħa tal-Istati Membri, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament;
25. Ifakkar li skont ir-Regolament, l-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun il-kunsiderazzjoni primarja fil-proċeduri u d-deċiżjonijiet kollha ta' Dublin li jirrigwardaw lit-tfal; jiddispjaċih li l-Istati Membri japplikaw interpretazzjonijiet differenti tal-aħjar interessi tat-tfal;
26. Jiddispjaċih li mekkaniżmi ta' identifikazzjoni inadegwati u kultant metodi żbaljati ta' evalwazzjoni tal-età spiss ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-minorenni, u jwasslu biex l-eżitu tal-proċeduri ta' Dublin jiġi ttardjat jew negattivament affettwat; jinnota li ġew żviluppati prattiki tajba f'ċerti Stati Membri, bħall-użu ta' persunal speċjalizzat għall-minorenni mhux akkumpanjati jew approċċ multidixxiplinari sabiex tiġi ddeterminata l-età;
27. Jinsab imħasseb serjament li f'ħafna Stati Membri minħabba sfidi prattiċi l-ħatra ta' rappreżentant biex jassisti lill-minorenni mhux akkumpanjati fil-proċeduri ta' Dublin spiss tiġi ttardjata jew ma tkunx garantita; jinnota wkoll li f'xi pajjiżi dawn ir-rappreżentanti mhumiex informati biżżejjed dwar il-proċeduri ta' Dublin, u li l-minorenni mhux akkumpanjati m'għandhomx aċċess għal appoġġ adattat għat-tfal;
Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri, it-tnaqqis sinifikanti ta' kemm jieħu żmien l-ipproċessar u r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv
28. Jenfasizza li l-għadd ta' proċeduri ta' trasferiment żdiedu b'mod sinifikanti fl-2016-2017 u jiġġeneraw spejjeż umani, materjali u finanzjarji konsiderevoli; jiddeplora, madankollu, il-fatt li t-trasferimenti twettqu biss fi 11 % tal-każijiet, fattur ieħor fit-tagħbija żejda frekwenti fuq is-sistemi tal-asil, li juri biċ-ċar in-nuqqas ta' effikaċja tar-Regolament; iqis li huma essenzjali l-isforzi li jsiru biex jiġu garantiti l-aċċess għall-informazzjoni u l-proċeduri rapidi għar-riunifikazzjoni tal-familja u għat-trasferiment tal-applikanti għall-asil;
29. Jenfasizza l-ġabra importanti ta' ġurisprudenza tal-QEDB u tal-QĠUE f'dawn l-aħħar snin li ċċarat ir-raġunijiet ammissibbli biex jiġu prevenuti t-trasferimenti ta' Dublin, b'mod partikolari kwalunkwe sors ta' riskju għall-individwu; jinnota b'mod partikolari l-għadd dejjem akbar ta' deċiżjonijiet mill-qrati Ewropej u nazzjonali biex jiġu sospiżi t-trasferimenti lejn Stati Membri fejn applikant għall-asil ikun se jiġi mċaħħad b'mod inġust minn protezzjoni internazzjonali (każijiet ta' refoulement indirett) jew ikun se jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu fil-proċedura ta' Dublin; jiddeplora l-fatt li l-applikanti għall-asil huma l-vittmi ta' trattament inuman jew degradanti f'ċerti Stati Membri;
30. Jinnota li n-nuqqasijiet fl-organizzazzjoni strutturali u l-funzjonament tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-asil, flimkien mal-iskarsezza tar-riżorsi, ikkontribwew għal dewmien fil-proċeduri ta' Dublin u xekklu l-applikazzjoni tar-Regolament; jinnota li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom awtorità speċjalizzata waħda għall-asil, xi Stati Membri għażlu li jaqsmu r-responsabbiltà bejn awtoritajiet differenti, u b'hekk inħolqu kumplessitajiet prattiċi għall-applikanti għall-asil f'ċerti każijiet u diverġenzi fl-implimentazzjoni tar-Regolament;
31. Jisħaq li l-effettività tal-proċeduri ta' Dublin tiddependi wkoll mill-kwalità u mil-livelli ta' forniment ta' persunal ta' kull awtorità nazzjonali kompetenti għall-asil; jinnota lakuni importanti minn awtorità kompetenti għall-asil għall-oħra f'dak li hu numru ta' persunal għal kull applikant għall-asil; jisħaq li l-unitajiet ta' Dublin nazzjonali m'għandhomx biżżejjed persunal waqt li qed jiffaċċjaw żieda sinifikanti fl-ammont ta' xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi biex ir-Regolament ta' Dublin III jsir operazzjonali, b'mod partikolari n-numru ta' uffiċjali tal-asil;
32. Jenfasizza n-nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, li jdgħajjef b'mod attiv il-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE u jikkontribwixxi b'mod dirett għall-piż eċċessiv fuq is-sistemi f'ċerti Stati Membri;
33. Jisħaq li l-applikazzjoni eċċessiva u parzjalment mhux xierqa tal-kriterju ta' "dħul irregolari" tpoġġi piż sproporzjonat fuq il-pajjiżi tal-ewwel dħul, li spiss ma jkollhomx ir-riżorsi u l-kapaċità biex jospitaw u jirreġistraw lill-applikanti għall-asil; jinnota li t-talbiet biex "l-applikant jittieħed lura" kienu l-forma predominanti tal-proċedura ta' Dublin f'dawn l-aħħar snin, jiġifieri li l-biċċa l-kbira tal-persuni li ddaħħlu fi proċedura ta' Dublin kienu diġà applikaw għall-asil fi Stat Membru ieħor; jinnota li miżuri adegwati għall-prevenzjoni ta' movimenti sekondarji għandhom japplikaw għall-Istati Membri fiż-Żona Schengen, kif ukoll għal dawk li huma barra minnha;
34. Ifakkar li l-limiti ta' żmien f'kull stadju tal-proċedura ta' Dublin huma maħsuba biex il-proċedura ma tiħux ħafna żmien u biex ikun permess l-aċċess rapidu għall-proċedura tal-asil; jinnota li għad hemm nuqqas ta' ċarezza u varjazzjonijiet minn Stat Membru għall-ieħor dwar il-kalkolu tal-limiti ta' żmien u d-determinazzjoni tal-mument meta jibda jgħodd iż-żmien għal kull proċedura; jipproponi l-kjarifika u l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jiskattaw il-proċeduri ta' trasferiment;
35. Iqis li f'xi każijiet ir-regoli dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà skont Dublin III jimminaw l-effiċjenza tal-proċeduri tal-asil u t-twettiq tat-trasferimenti billi jżidu l-periklu li dak li jkun jaħrab; jiddeplora r-raġunijiet li spiss mhumiex ġenwini mressqa mill-Istati Membri biex jirrifjutaw it-trasferimenti; iqis li dawn il-fatturi, fost l-oħrajn, ikkontribwew għaż-żieda fl-għadd ta' movimenti sekondarji billi inkoraġġew lill-applikanti għall-asil jibqgħu barra mis-sistema; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli sabiex ittejjeb l-eżekuzzjoni tat-trasferimenti u tneħħi t-trasferiment tar-responsabbiltà fil-każijiet fejn applikant għall-asil jaħrab, trawwem il-fiduċja bejn l-Istati Membri, timmonitorja s-sitwazzjoni u, fejn meħtieġ, timponi pieni fuq l-Istati Membri li jirrifjutaw it-trasferimenti;
36. Jinnota li l-applikazzjoni inkorretta tar-regoli dwar il-ġerarkija tal-kriterji, b'mod partikolari rigward ir-riunifikazzjoni tal-familja u s-sitwazzjoni tat-tfal mhux akkumpanjati, kif ukoll l-użu sproporzjonat tal-kriterju tal-ewwel pajjiż ta' dħul irregolari jdgħajfu wkoll il-proċeduri tal-asil; jinnota li dawn il-lakuni fl-implimentazzjoni jistgħu jinkoraġġixxu lil dawk li jfittxu l-asil jibqgħu barra mis-sistema; jisħaq li aktar armonizzazzjoni tas-sistemi tal-asil tal-Istati Membri hija essenzjali għal Regolament ta' Dublin III li jiffunzjona u għall-prevenzjoni tal-movimenti sekondarji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sistema li tqis kif dovut ir-rabtiet sinjifikattivi ppruvati li dawk li jfittxu l-asil ikollhom ma' Stat Membru, bħar-residenza legali preċedenti jew id-diplomi edukattivi, u li tiżgura li t-trattament ta' dawk li jfittxu l-asil ikun ugwali f'termini relattivi fl-UE kollha;
37. Iqis li l-għoti ta' assistenza legali lill-applikanti għall-asil għall-proċeduri ta' Dublin, b'mod partikolari fil-hotspots, huwa fundamentali biex jiġi żgurat li l-applikanti jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom matul proċedura ta' Dublin; jenfasizza li dan itejjeb il-proċeduri li jkunu konformi mad-drittijiet, jissimplifika l-proċeduri ta' Dublin, u jtejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet; jinnota li rappreżentant legali jista' jiżgura li kull fajl tal-każ ikun komplut u preċiż, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-rata ta' appelli u għas-salvagwardja tad-dritt għan-non-refoulement; jinnota bi tħassib li għad hemm xi kwistjonijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali, bħall-aċċess limitat għal rappreżentanti legali indipendenti fiċ-ċentri tal-asil remoti, ir-rati baxxi ta' rimunerazzjoni finanzjarja għall-assistenza legali, nuqqas ta' faċilitajiet adegwati għall-intervisti preparatorji u privati, u l-forniment inadegwat ta' għajnuna legali għall-applikanti fiċ-ċentri tad-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jżidu l-fondi disponibbli għall-forniment ta' assistenza legali matul il-proċedura ta' Dublin;
38. Jisħaq li l-kwalità u l-ammont ta' informazzjoni pprovduta lill-applikanti matul il-proċedura ta' Dublin xejn mhija sodisfaċenti, tvarja b'mod sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor, u f'xi każijiet, fil-pajjiżi stess; jinnota li fatturi differenti jaffettwaw il-konformità mad-dritt għall-informazzjoni, bħall-kwalità u ċ-ċarezza tal-informazzjoni, l-aċċess għal interpretu, id-disponibbiltà ta' dokumenti tradotti, l-aċċess għall-informazzjoni f'ħin xieraq; ifakkar li d-dritt għall-informazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament huwa essenzjali minħabba n-natura kumplessa tal-proċeduri ta' Dublin u sabiex tingħata garanzija ta' aċċess għal eżami ġust ta' applikazzjoni għall-asil fl-UE; jissottolinja li l-lakuni f'dan il-qasam jistgħu jkun attribwiti għan-nuqqas ta' riżorsi, iżda li jirriżultaw ukoll minn għażliet politiċi intenzjonati f'ċerti pajjiżi fejn ikunu nħatru ftit wisq rappreżentanti legali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-EASO, itejbu l-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikanti għall-asil informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar il-proċeduri kumplessi ta' Dublin, jiżguraw li hija ċara u aċċessibbli għal kulħadd, b'mod partikolari fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, skont l-Artikoli 4 u 26 tar-Regolament, u jipprovdu aċċess għal rimedju effettiv u għal assistenza legali, skont l-Artikolu 27;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni ġenerali tas-SEKA, kif ukoll kwalunkwe lakuna u nuqqas fir-Regolament ta' Dublin III li jwasslu biex jitpoġġa piż sproporzjonat ta' responsabbiltà fuq il-pajjiżi li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE;
Implimentazzjoni uniformi tal-arranġamenti ta' Dublin ibbażata fuq id-drittijiet fil-każijiet ta' asil fl-UE kollha
40. Jenfasizza li l-prinċipju ta' applikazzjoni għall-asil unika fl-UE ma jistax jiġi rrispettat, u dan imur kontra l-għan innifsu tar-Regolament ta' Dublin III; jinnota li l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju hija mxekkla minn diversi fatturi, li jfisser li hemm diversi raġunijiet għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet sussegwenti għall-asil; iqis li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkondividu l-informazzjoni rilevanti tagħhom, b'mod partikolari dwar l-għoti u ċ-ċaħda ta' applikazzjonijiet għall-asil, f'bażi ta' data Ewropea bħall-Eurodac, biex iħaffu l-proċeduri u jipprevjenu li jsiru applikazzjonijiet multipli għall-asil, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni tad-data personali; iqis li r-reġistrazzjoni tal-applikanti u tal-migranti kollha li jaqsmu l-fruntieri b'mod irregolari hija prijorità;
41. Jinnota li l-livell ta' protezzjoni tal-applikanti għall-asil tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor għal ċerti nazzjonalitajiet, u li dan jista' jikkontribwixxi għall-moviment ulterjuri; iqis li l-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet individwali tal-applikanti fil-proċeduri ta' Dublin tnaqqas il-movimenti sekondarji; jemmen li l-kunsiderazzjoni ta' "rabtiet sinifjikattivi ppruvati" ma' Stat Membru partikolari hija approċċ effettiv għat-tnaqqis tal-movimenti sekondarji, u jitlob li dan jiġi inkluż bħala kriterju għar-rilokazzjoni;
It-tisħiħ tal-governanza u l-konverġenza bejn l-Istati Membri
42. Jisħaq li n-network tal-Kummissjoni tal-unitajiet ta' Dublin tal-Istati Membri ltaqa' biss darba jew darbtejn fis-sena u ma wettaqx rwol operazzjonali; iqis li l-użu mingħajr koordinazzjoni tan-Network tal-Unitajiet ta' Dublin tal-EASO jipprevjeni lir-Regolament ta' Dublin III milli jiffunzjona b'mod effettiv; jinnota madankollu li n-Network ta' Dublin tal-EASO kien aktar attiv u li l-EASO wettaq numru ta' missjonijiet utli biex jappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III, bħall-produzzjoni ta' dokumenti ta' gwida u analiżi, jew l-istazzjonament ta' aġenti; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-asil sabiex jikkondividu l-informazzjoni, irawmu l-iżvilupp ta' prattiki uniformi u tal-aħjar prattiki, jissimplifikaw it-trasferimenti u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-każijiet ta' applikazzjonijiet multipli; jipproponi li l-EASO jiġi inkarigat mit-tfassil ta' arranġamenti ta' governanza msaħħa għall-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III, inkluż djalogu operattiv ta' kull xahar bejn l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll pjattaforma għall-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu, fost is-sorsi użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament, informazzjoni affidabbli u aġġornata mogħtija mill-atturi mhux statali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs;
44. Jinnota li bejn l-2008 u l-2017 għadd sinifikanti ta' applikazzjonijiet għall-asil tressqu minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li vvjaġġaw mingħajr viża jew b'viża għal żjara qasira biex jidħlu fiż-Żona Schengen(6); jinnota, barra minn hekk, li wħud minn dawn l-applikazzjonijiet tressqu fi Stat Membru differenti minn dak li għalih tkun inħarġet il-viża; jenfasizza li għall-proċeduri sussegwenti ta' Dublin, ġie ppruvat li r-regoli fl-Artikoli 12 u 14 mhumiex ċari biżżejjed, u b'hekk ifixklu d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara kif l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament għandhom jiġu applikati meta jkun qed jiġi ddeterminat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli għal applikazzjoni għall-asil; jipproponi li ssir l-evalwazzjoni, bħala waħda mill-ġerarkija tal-kriterji, tal-impatt possibbli li jkollhom l-applikazzjonijiet għad-dħul b'eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża fuq il-funzjonament xieraq tas-sistema ta' Dublin;
45. Jinnota li bejn l-Istati Membri ġew konklużi ftehimiet bilaterali sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċeduri ta' Dublin jew jiġi żgurat it-trasferiment tal-applikanti għall-asil; jenfasizza madankollu li dawn ħarġu wkoll li kellhom effett negattiv, u f'ċerti każijiet dgħajfu l-ilħiq tal-objettivi tar-Regolament fil-livell Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex, minflok, jieħdu kont tal-fatturi li jikkontribwixxu għal effiċjenza akbar, biex jieħdu azzjoni konġunta u kkoordinata biex jottimizzaw l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament ta' Dublin III, u jaħdmu għall-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament;
46. Jinnota li l-Istati Membri jistgħu jfasslu pjanijiet ta' azzjoni preventiva, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u b'koordinazzjoni magħha, fejn l-applikazzjoni tar-Regolament tista' tiġi pperikolata minħabba riskju sostanzjat ta' pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-asil tal-Istati Membri u/jew minħabba problemi fil-funzjonament tas-sistemi tal-asil tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 33; jinnota li dawn il-miżuri preventivi jistgħu jqisu l-informazzjoni mill-Kummissjoni u mill-EASO, u jistgħu jwasslu għal solidarjetà ġenwina u prattika, f'konformità mal-Artikolu 80 tat-TFUE, mal-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi tal-asil tagħhom b'mod ġenerali, inkluż bħala riżultat ta' flussi migratorji mħallta, u mal-applikanti, u b'hekk jippermettu stat ta' tħejjija aħjar f'każ ta' kriżi potenzjali tal-asil;
47. Iqis li l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III mhijiex qed turi li hi effettiva għax l-objettivi primarji tiegħu mhux qed jiġu ssodisfati, jiġifieri d-determinazzjoni rapida u ġusta tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali; ifakkar li ġew identifikati lakuni sinifikanti fl-implimentazzjoni għal għadd ta' dispożizzjonijiet ta' Dublin; jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-Regolament hija bil-wisq ineffiċjenti fir-rigward tal-isforzi, ir-riżorsi umani u l-persunal iddedikat għaliha mill-Istati Membri;
48. Jistieden lill-Kunsill jadotta votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata meta jkun qed jirriforma r-Regolament ta' Dublin III, u meta jkun qed jaġixxi fir-rigward tal-Artikolu 78(2) tat-TFUE;
49. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx ir-rapport ta' valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 46; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni aktar effikaċi tar-Regolament ta' Dublin III;
o o o
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Pajjiżi Membri u lill-parlamenti nazzjonali.
EDAL, QEDB - Rahimi v. Greċja, Applikazzjoni Nru 8687/08, Sentenza tal-5 ta' Lulju 2011: https://www.asylumlawdatabase.eu/en/content/ecthr-rahimi-v-greece-application-no-868708-1
Il-Kummissjoni Ewropea, Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, "Impact of Visa Liberalisation on Countries of Destination" (L-Impatt tal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi fuq il-Pajjiżi ta' Destinazzjoni), Marzu 2019: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/00_eu_visa_liberalisation_2019_synthesis_report_en_0.pdf