Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0238/2020

Testi mressqa :

A9-0238/2020

Dibattiti :

PV 14/12/2020 - 28
CRE 14/12/2020 - 28

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2020 - 2
PV 17/12/2020 - 2
CRE 17/12/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0362

Testi adottati
PDF 192kWORD 57k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2020 - Brussell
Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn
P9_TA(2020)0362A9-0238/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (2019/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni ta' Ġinevra), u b'mod partikolari d-dritt ta' non-refoulement,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 4, 6, 7, 18, 19, 20 u 47 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Għoxrin Linja Gwida dwar ir-Ritorn Furzat, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta' Mejju 2005,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(1) (id-"Direttiva dwar ir-Ritorn"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali(2) (ir-"ritorn tas-SIS"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali(3),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatati mad-Direttiva 2008/115/KE, inklużi l-Kawżi C-357/09 Kadzoev(4), C-61/11 El Dridi(5), C-534/11 Arslan(6), C-146/14 Mahdi(7), C-554/13 Z. Zh.(8), C‑47/15 Sélina Affum(9), C-82/16 K.A. et(10) u C-181/16 Gnandi(11),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatati mad-Direttiva 2008/115/KE, fosthom Amie et vs Il‑Bulgarija (applikazzjoni Nru 58149/08), N.D. u N.T. vs Spanja (applikazzjoni Nri 8675/15 u 8697/15) u Haghilo vs Ċipru (applikazzjoni Nru 47920/12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2014 dwar il-Politika tar-Ritorn tal-UE (COM(2014)0199),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 dwar Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summits ta' Ottubru 2016 u Ġunju 2018 tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istandards komuni mhux vinkolanti tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 għal Programmi ta' Ritorn Volontarju Assistit (u Riintegrazzjoni) implimentati mill-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 dwar politika aktar effettiva ta' ritorn fl-Unjoni Ewropea – Pjan ta' Azzjoni mġedded (COM(2017)0200),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta' Novembru 2017 li tistabbilixxi "Manwal dwar ir-Ritorn" komuni li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn(13),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-2017 tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni bit-titlu "The effectiveness of return in EU Member States: challenges and good practices linked to EU rules and standards" (L-effettività tar-ritorn fl-Istati Membri tal-UE: sfidi u prattiki tajba marbuta mar-regoli u l-istandards tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (riformulazzjoni) (COM(2018)0634),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2018 dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha: progress skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2018)0798),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2020 dwar il-COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni (C(2020)2516),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE(15),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil u l-Migrazzjoni(16),

—  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta' Novembru 2019 bit-titolu "L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta' migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati",

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Impatt Sostituttiva tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Ewropea tal-EPRS ta' Ġunju 2020 li tipprovdi evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u tad-dimensjoni esterna tad-Direttiva dwar ir-Ritorn,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni tal-Frontex tal-15 ta' Ġunju 2020 dwar l-operazzjonijiet ta' ritorn fit-tieni semestru tal-2019,

–  wara li kkunsidra r-4 Rapport Annwali tal-15 ta' Mejju 2020 taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol,

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tar-ritorn li tfasslu f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbiliet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen(17),

–  wara li kkunsidra l-Manwal tal-2019 tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Settembru 2019 bit-titlu "Practical Guidance on Alternatives to Immigration Detention: Fostering Effective Results" (Gwida Prattika dwar Alternattivi għad-Detenzjoni tal-Migranti: It-Trawwim ta' Riżultati Pożittivi),

–  wara li kkunsidra l-analiżi tas-7 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat ta' Tmexxija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (CDDH) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar aspetti legali u prattiċi ta' alternattivi effettivi għad-detenzjoni fil-kuntest tal-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0238/2020),

A.  billi l-Kummissjoni evalwat l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn darba biss (fl-2014), minkejja l-obbligu legali impost mill-Artikolu 19 ta’ dik id-Direttiva li tirrapporta dwar l-applikazzjoni tagħha kull tliet snin, mill-2013 'il quddiem; billi fl-2015 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li kienet tinkludi pjan ta' azzjoni dwar ir-ritorn; billi fl-2017 ħarġet rakkomandazzjoni dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u ppubblikat Manwal dwar ir-Ritorn; billi f'Settembru 2018, mingħajr ma wettqet valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn biex tinkiseb politika aktar effettiva u koerenti dwar ir-ritorn; billi l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament Ewropew awtorizza lis-EPRS biex jipprovdi valutazzjoni tal-impatt sostituttiva dwar il-proposta għal riformulazzjoni; billi din il-valutazzjoni tirrimarka dwar in-nuqqas ta' evidenza li l-proposta għal riformulazzjoni twassal għal ritorni aktar effettivi;

B.  billi l-objettiv doppju tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar ir-ritorn effettiv f'konformità mad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipju tal-proporzjonalità; billi fir-rakkomandazzjoni tagħha biex ir-ritorni jkunu aktar effettivi, il-Kummissjoni tiffoka fuq ir-rata ta' ritorni bħala indikatur tal-effettività tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u tirrakkomanda miżuri li jista' jkollhom l-effett mhux mixtieq li jillimitaw ċerti salvagwardji ta’ dik id-Direttiva, bħad-dritt ta' appell u li jsir użu minn perjodi itwal ta' detenzjoni; billi r-ritorni sostenibbli u r-riintegrazzjoni b'suċċess huma indikaturi importanti fil-valutazzjoni tal-effettività tar-ritorni; billi attwalment il-monitoraġġ ta' wara r-ritorn mhuwiex komprensiv u preċiż biżżejjed; billi ħarġet evidenza li mhux ir-ritorni kollha huma sostenibbli, speċjalment fir-rigward ta' minorenni mhux akkumpanjati, minħabba nuqqas ta' pjan ta' riintegrazzjoni personali jew appoġġ mar-ritorn tagħhom;

C.  billi l-Kummissjoni nnotat li l-Istati Membri jiffaċċjaw diversi ostakoli għal ritorni effettivi, ta' natura proċedurali, teknika u operattiva, inter alia l-livell ta' kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati involuti kollha, inklużi ma' pajjiżi terzi; billi l-identifikazzjoni tal-persuni rimpatrijati u l-ħtieġa li tinkiseb id-dokumentazzjoni meħtieġa minn pajjiżi terzi ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għal nuqqas ta' ritorn;

D.  billi n-nuqqas ta' armonizzazzjoni kellu impatt qawwi fuq il-prattiki ta' ritorn fost l-Istati Membri; billi mill-valutazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar ir-ritorni aktar effettivi, ħareġ li "l-marġini ta' diskrezzjoni f'idejn l-Istati Membri skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn wassal għal traspożizzjoni inkonsistenti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b'impatt negattiv fuq l-effettività tal-politika ta' ritorn tal-Unjoni" u li "implimentazzjoni aktar effettiva ta' dik id-Direttiva għandha tnaqqas il-possibbiltajiet ta' użu ħażin tal-proċeduri u tneħħi l-ineffiċjenzi, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea";

E.  billi l-Kummissjoni, fil-pjan ta' azzjoni tagħha dwar ir-ritorn ippubblikat fl-2015, esprimiet il-fehma li r-ritorni volontarji kienu, kull meta kien possibbli, l-għażla ppreferuta; billi, għal darb'oħra, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni tagħha, "huwa stmat li madwar 40 % tar-ritorni kien tluq volontarju, ['il fuq] minn 14 % biss fl-2009"; billi, skont l-istimi tal-Kummissjoni, 300 000 persuna kull sena ma jistgħux jiġu rimpatrijati minħabba ostakoli amministrattivi, problemi ta' saħħa jew ir-riskju ta' non-refoulement; billi s-sitwazzjoni tagħhom għandha tiġi indirizzata, inkluż billi jingħataw status ġuridiku abbażi ta' raġunijiet umanitarji;

F.  billi d-data relatata mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn hija disponibbli għall-pubbliku permezz tal-Eurostat iżda mhijiex diżaggregata u komparabbli fil-każijiet kollha; billi tista' tingħata aktar informazzjoni bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1860 dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali (ir-"ritorn tas-SIS") u bir-Regolament (UE) 2020/851 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali;

G.  billi bejn l-2014 u l-2018 l-għadd ta' qsim irregolari tal-fruntieri naqas minn 1,82 miljun għal 142 000; billi l-Istati Membri ħarġu madwar 3 miljun permess bħala l-ewwel permessi ta' residenza fl-2019; billi l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil naqas minn 1,29 miljun fl-2015 għal 698 000 fl-2019; billi fl-2018, l-Istati Membri ħarġu 283 880 deċiżjoni ta' ritorn, li rriżultaw fir-ritorn ta' 147 815 persuna;

H.  billi l-Istati Membri ma jikkondividux b'mod sistematiku informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta' ritorn jew il-projbizzjonijiet fuq id-dħul li jkunu ħarġu, u dan ifisser li r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa mill-Istati Membri u l-infurzar tagħhom huma impossibbli fil-prattika; billi sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-riammissjonijiet, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza tar-ritorni fil-livell Ewropew, ftehimiet formali tal-UE għandhom jingħataw preferenza fuq ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota n-nuqqas ta' valutazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni u jistieden lill-Kummissjoni twettaq tali valutazzjoni, li kellha ssir fl-2017, f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u f'konformità mal-prinċipju ta' tfassil aħjar tal-liġijiet;

2.  Itenni l-importanza ta' approċċ komuni bbażat fuq l-evidenza biex jiġu ggwidati t-tfassil ta' politika koerenti u d-diskors pubbliku infurmat sew u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tappoġġja lill-Istati Membri biex jiġbru u jippubblikaw data kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, b'mod partikolari dwar id-data fuq il-projbizzjonijiet fuq id-dħul u d-detenzjoni, peress li dawn il-kategoriji mhumiex attwalment miġbura mill-Eurostat, filwaqt li jsir użu b'mod partikolari mill-istrumenti l-ġodda disponibbli, bħar-ritorni tas-SIS u r-Regolament (UE) 2020/851 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jiġbru statistika abbażi tar-Regolament (UE) 2020/851 mill-aktar fis possibbli u jipparteċipaw fl-istudji pilota assoċjati; jieħu att bi tħassib tan-nuqqas ta' data disponibbli, inkluż ta' data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età, li tikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn;

3.  Jinsab imħasseb li mill-2015, in-numru ta' deċiżjonijiet ta' ritorn infurzati qed jonqos, u jinnota li dan in-numru ma jikkorrispondix neċessarjament għal żieda jew tnaqqis fid-dħul illegali; jenfasizza li l-politika effettiva dwar ir-ritorn hija waħda mill-elementi ewlenin ta' politika tal-UE fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni li tiffunzjona tajjeb; jinnota li, skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rata ta' ritorn naqset minn 46 % fl-2016 għal 37 % fl-2017 u li din ir-rata tista' ma tippreżentax l-istampa preċiża, minħabba l-marġni inerenti ta' diskrezzjoni li l-Istati Membri jiddisponu minnha għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, b'mod partikolari d-diffikultajiet fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, il-fatt li xi Stati Membri joħorġu aktar minn deċiżjoni ta' ritorn waħda lil persuna waħda, li d-deċiżjonijiet ma jiġux irtirati jekk ir-ritorn ma jseħħx minħabba raġunijiet umanitarji, li xi persuni ma jkunux jistgħu jiġu rimpatrijati peress li r-ritorn tagħhom ikun jikser il-prinċipju ta' non-refoulement, jew li ċerti persuni jiġu rimpatrijati b'mod volontarju mingħajr ma jkunu ġew irreġistrati; jissottolinja li mhux kull deċiżjoni ta' ritorn hija segwita minn proċeduri ta' ritorn u ta' riammissjoni rapidi minħabba ostakoli prattiċi u ġuridiċi u jinnota bi tħassib li dan jista' jikkawża pressjoni serja, mhux biss fuq il-faċilitajiet lokali, iżda wkoll fuq il-persuni involuti;

4.  Jikkondividi l-objettiv tal-Kummissjoni li ttejjeb l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-effettività tal-proċeduri ta' ritorn fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur fejn ġustifikat; jenfasizza li l-effettività tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha titkejjel billi jsir riferiment għar-rata ta' ritorn kif ukoll għas-sostenibbiltà tar-ritorn u l-implimentazzjoni tas-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali, ir-rispett għall-garanziji proċedurali u l-effettività tar-ritorn volontarju; jenfasizza li l-kejl tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandu jittejjeb u jiġi ssimplifikat aktar fost l-Istati Membri sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-komparabbiltà tad-data;

5.  Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li n-nuqqas ta' identifikazzjoni minn pajjiżi terzi u riammissjoni ta' persuni rimpatrijati huwa wieħed mir-raġunijiet ewlenin għal nuqqas ta' ritorn; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fi djalogu kostruttiv dwar il-migrazzjoni bbażat fuq l-ugwaljanza, biex tiġi żgurata kooperazzjoni li tkun ta' benefiċċju reċiproku għal ritorni effettivi u sostenibbli;

6.  Jieħu att tan-natura informali tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu u jgħinu lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE formali, li jkunu akkompanjati bi skrutinju parlamentari u s-sorveljanza ġudizzjarja tal-UE; jenfasizza li għandhom jiġu offruti inċentivi biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni; jinnota li l-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali użati skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn ma joffrux salvagwardji proċedurali xierqa, inkluż li l-persuna kkonċernata tiġi notifikata dwar miżura individwali u informazzjoni dwar rimedji disponibbli u effettivi u dwar il-possibbiltà ta' appell; jinnota li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw sfidi biex jiżguraw b'mod regolari l-okkupanza sħiħa tas-sits disponibbli għall-persuni rimpatrijati f'operazzjonijiet ta' ritorn permezz ta' titjiriet charter ikkoordinati mill-Frontex; jinnota bi tħassib li f'xi każijiet il-possibbiltà li jitwettqu operazzjonijiet ta' ritorn konġunti mill-Frontex hija eskluża minn ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri organizzaturi jew parteċipanti u pajjiżi ta' destinazzjoni li mhumiex fl-UE;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar kooperazzjoni dwar ir-ritorn bejn l-Istati Membri, inklużi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, f'konformità mal-garanziji tad-drittijiet fundamentali; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata appoġġ, inkluż appoġġ operattiv, mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri u l-Frontex;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw kapaċità xierqa, inklużi riżorsi umani u taħriġ suffiċjenti, lill-awtoritajiet responsabbli biex jieħdu u jimplimentaw deċiżjonijiet ta' ritorn, meta jagħmlu hekk jinvestu fil-kwalità tal-proċess deċiżjonali u ta' implimentazzjoni tagħhom;

9.  Jisħaq fuq l-importanza ta' proċeduri ekwi, rapidi u effettivi għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qiegħdin illegalment fit-territorju tal-Unjoni, inklużi dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu ġew irrifjutati, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati;

Deċiżjonijiet ta' ritorn u tluq volontarju

10.  Jirrimarka dwar l-importanza fid-Direttiva dwar ir-Ritorn li tiġi żgurata konformità tal-migranti mad-deċiżjonijiet ta' ritorn u jfakkar fil-prinċipju ewlieni minqux f’dik id-Direttiva li għandha tingħata prijorità lir-ritorn volontarju fuq ir-ritorn furzat meta ma jkunx hemm raġunijiet serji li wieħed jemmen li dan se jimmina l-għan tal-proċedura tar-ritorn, peress li r-ritorni volontarji x'aktarx huma aktar sostenibbli, irħas u inqas ikkumplikati għall-Istati, u adattati aktar biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkunsidra r-ritorn volontarju bħala l-għażla ppreferuta minflok ir-ritorn furzat u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas effettiv għal aċċess faċli għall-programmi ta' ritorn volontarju;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja u żżid ir-riżorsi disponibbli għall-programmi ta' ritorn volontarju assistit sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta' tali programmi bl-għan aħħari li tiżgura ritorn u riintegrazzjoni sostenibbli;

12.  Jenfasizza li skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, deċiżjoni ta' ritorn għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi perjodu adegwat għat-tluq volontarju ta' bejn 7 ijiem u 30 jum, li l-Istati Membri għandhom jestendu fejn ikun meħtieġ, hekk kif iqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali; jiġbed l-attenzjoni għall-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn; jinnota li l-programmi nazzjonali tal-Istati Membri intiżi biex jiġi faċilitat it-tluq volontarju xi kultant għandhom portata u mezzi insuffiċjenti; ifakkar li l-Istati Membri li jipprovdu dan il-perjodu għal tluq volontarju biss wara li jirċievu applikazzjoni jeħtiġilhom jinformaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni;

13.  Jilqa' d-dispożizzjonijiet ta' diversi Stati Membri li jippermettu li jitqiesu b'mod xieraq iċ-ċirkostanzi individwali u li jippermettu l-għoti ta' estensjonijiet ta' perjodu għal tluq volontarju; ifakkar li, f'każijiet fejn id-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi lill-Istati Membri jipposponu t-tneħħija, bħal meta din tikser il-prinċipju ta' non-refoulement, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jirrikjedi lill-Istati Membri jipprovdu lill-persuni kkonċernati konferma bil-miktub li, temporanjament, id-deċiżjoni ta' ritorn mhijiex se tiġi infurzata;

14.  Jenfasizza li definizzjoni wiesgħa tar-riskju ta' ħarba tista' twassal lill-Istati Membri biex joqogħdu lura milli jagħtu perjodu għat-tluq volontarju; ifakkar li t-tneħħija tal-perjodu għat-tluq volontarju twassal ukoll għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul, li jista' jkompli jimmina t-tluq volontarju; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-qafas legali attwali sabiex jiżdiedu r-ritorni volontarji b'suċċess;

15.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Frontex jikkondividu informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar ritorni volontarji b'suċċess u b'mod uman, u jipprovdu għajnuna operattiva fost l-Istati Membri, meta tintalab biex isaħħu u jtejbu l-effettività operattiva tar-ritorni volontarji;

16.  Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti ġestjoni u assistenza ta' każijiet individwali, imfassla apposta għaċ-ċirkostanzi u l-prospetti individwali tal-persuna rimpatrijata, b'attenzjoni partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati;

Salvagwardji proċedurali

17.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tirrikjedi li d-deċiżjonijiet ta' ritorn u ta' projbizzjoni fuq id-dħul u d-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija għandhom ikunu individwalizzati, motivati b'mod ċar fil-liġi u fil-fatt, jinħarġu bil-miktub, u jkunu kompluti b'informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli u l-iskadenzi rilevanti; jenfasizza l-importanza li din l-informazzjoni tiġi pprovduta b'lingwa li l-persuna tifhem; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' dettall u ġustifikazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjonijiet ta' ritorn;

18.  Huwa tal-fehma li t-tfal mhux akkumpanjati m'għandhomx jiġu rimpatrijati sakemm ma jkunx jista' jintwera li dan huwa fl-aħjar interess tat-tfal, u li t-tfal għandhom jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom u r-rimedji disponibbli b'mod adattat għat-tfal u f'lingwa li jifhmu;

19.  Ifakkar li l-prinċipju ta' non-refoulement huwa vinkolanti fuq l-Istati Membri fiċ-ċirkostanzi kollha, inkluż għal proċeduri ta' ritorn li ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn;

20.  Jieħu att tad-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fid-dritt ta' appell, speċjalment fir-rigward tat-tip ta' korp ta' appell u l-limiti ta' żmien tal-appell; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv, inkluż billi jingħataw informazzjoni u għajnuna legali xierqa u aċċessibbli kif ukoll fondi xierqa għall-għoti ta' għajnuna legali;

21.  Jinnota li l-użu tal-klawżola fakultattiva fl-Artikolu 2(2)(a) jista' jwassal għal tnaqqis fl-implimentazzjoni ta' salvagwardji fil-fruntieri meta mqabbla mal-proċedura regolari ta' ritorn; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw salvagwardji proċedurali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u japplikaw id-Direttiva dwar ir-Ritorn għal sitwazzjonijiet tal-fruntieri;

22.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti s-sospensjoni temporanja tal-infurzar ta' tneħħija, sakemm tiġi rieżaminata deċiżjoni dwar ir-ritorn; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati tali sospensjonijiet f'każijiet fejn hemm riskju ta' refoulement; jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-appell kontra r-ritorn mhuwiex awtomatikament sospensiv, u dan jista' jnaqqas il-protezzjoni; jenfasizza li rimedju sospensiv awtomatiku jiżgura li l-persuni ma jiġux rimpatrijati qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar il-proċedura ta' ritorn; jenfasizza li l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, inklużi deċiżjonijiet pendenti relatati mar-ritorn;

23.  Ifakkar li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jagħtu permess ta' residenza awtonomu għal raġunijiet ta' kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġu eżawriti b'suċċess il-possibbiltajiet ipprovduti fid-Direttiva dwar ir-Ritorn biex jiġu infurzati d-deċiżjonijiet ta' ritorn, b'enfasi fuq ir-ritorn volontarju; jinnota, madankollu, l-użu limitat tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jespandu l-użu ta' din il-klawżola; huwa mħasseb dwar in-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li joħorġu permess temporanju ta' residenza fejn jirriżulta li r-ritorn mhuwiex possibbli, li qed iwassal biex ta' spiss il-migranti ma jkunux jistgħu jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom; jissottolinja l-fatt li l-għoti ta' permessi ta' residenza lil individwi li ma jkunux jistgħu jirritornaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jista' jgħin biex jiġu evitati soġġorni illegali mtawla u titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-isfruttament tal-ħaddiema u jista' jiffaċilita l-inklużjoni soċjali tal-individwi fis-soċjetà u l-kontribut tagħhom lilha; jinnota li dan jgħin ukoll biex in-nies joħorġu mil-limbu amminsitrattiv li fih jistgħu jinsabu imblokkati; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu evitati movimenti irregolari ulterjuri ta' persuni soġġetti għal deċiżjoni ta' ritorn;

Projbizzjonijiet fuq id-dħul

24.  Jinnota bi tħassib l-impożizzjoni awtomatika mifruxa tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul, li f'xi Stati Membri huma infurzati flimkien mat-tluq volontarju; jisħaq li dan l-approċċ joħloq ir-riskju li jitnaqqsu l-inċentivi għal ritorn volontarju; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligu tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li jqisu l-irtirar jew is-sospensjoni tal-projbizzjoni f'każijiet fejn ċittadin ta' pajjiż terz ikun jista' juri li telaq mit-territorju ta' Stat Membru;

25.  Jinnota li s-sitwazzjoni ta' persuna tista' tvarja matul il-perjodu impost mill-projbizzjoni fuq id-dħul u li persuna tista' ssib ruħha f'riskju ta' persekuzzjoni fil-pajjiż fejn hija tkun ġiet rimpatrijata; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-projbizzjoni fuq id-dħul abbażi ta' kunsiderazzjonijiet umanitarji f'tali każijiet; itenni li projbizzjoni fuq id-dħul ma għandhiex tiġi applikata awtomatikament, iżda minflok għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni individwali; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri effettivi biex tintalab it-tneħħija ta' projbizzjoni fuq id-dħul, li permezz tagħhom tiġi ggarantita valutazzjoni individwali, fejn l-aħjar interessi tat-tfal jikkostitwixxu l-kunsiderazzjoni primarja u jiġu rispettati d-dritt għall-ħajja tal-familja, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

26.  Jinnota li għalkemm it-theddida ta' impożizzjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul tista' sservi bħala inċentiv biex wieħed jitlaq minn pajjiż fil-perjodu ta' żmien tat-tluq volontarju, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul, ladarba jiġu imposti, jistgħu jnaqqsu l-inċentiv biex wieħed jikkonforma ma' deċiżjoni ta' ritorn u jistgħu jżidu r-riskju ta' ħarba; jistieden lill-Istati Membri jqisu ż-żmien opportun għall-impożizzjoni tal-projbizzjoni fuq id-dħul sabiex deċiżjoni ta' ritorn tiġi implimentata b'suċċess; jenfasizza li d-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha regoli li jippermettu li jitneħħew il-projbizzjonijiet fuq id-dħul u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu minnhom fejn ikun meħtieġ;

27.  Jenfasizza li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul jista' jkollhom konsegwenzi sproporzjonati b'mod partikolari għall-familji u t-tfal; jilqa' l-possibbiltà introdotta minn xi Stati Membri li t-tfal jiġu eżentati mill-impożizzjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul, iżda jisħaq li l-interessi tat-tfal għandhom ikunu wkoll kunsiderazzjoni primarja meta tittieħed deċiżjoni dwar (it-tneħħija ta') projbizzjoni fuq id-dħul tal-ġenituri tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ir-riunifikazzjoni tal-familja u r-rispett għad-dritt għall-ħajja tal-familja, anki billi japplikaw din il-kunsiderazzjoni bħala bażi biex ma jimponux projbizzjonijiet fuq id-dħul;

Detenzjoni u r-riskju ta' ħarba

28.  Ifakkar li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn jiddikjara li r-"riskju ta' ħarba" tfisser l-eżistenza ta' raġunijiet f'każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi biex wieħed jemmen li ċittadin ta' pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta' ritorn jista' jaħrab; jinnota differenzi fit-traspożizzjoni tad-definizzjoni tar-"riskju ta' ħarba" fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jenfasizza li biex jiġi rrispettat l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi individwali tal-persuna involuta meta jiġi identifikat riskju ta' ħarba biex tiġi ġġustifikata d-detenzjoni;

29.  Huwa mħasseb li l-leġiżlazzjoni ta' diversi Stati Membri tinkludi listi estensivi u kultant diverġenti ta' "kriterji oġġettivi" għad-definizzjoni tar-riskju ta' ħarba, fosthom kriterji ġenerali bħan-nuqqas ta' flus; huwa mħasseb li d-definizzjonijiet differenti tal-kriterji oġġettivi għall-valutazzjoni tar-riskju ta' ħarba fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jirriżultaw f'użu inkonsistenti tad-detenzjoni madwar l-Unjoni; jiddispjaċih li dawn il-kriterji ta' spiss jiġu applikati b'mod xi ftit jew wisq awtomatiku, filwaqt li ċ-ċirkostanzi individwali huma ta' kunsiderazzjoni marġinali; jenfasizza li dan wassal biex id-detenzjoni tiġi imposta b'mod sistematiku f'bosta Stati Membri; jissottolinja l-ħtieġa ta' armonizzazzjoni fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-kriterji oġġettivi biex jiġi stabbilit ir-riskju ta' ħarba;

30.  Jenfasizza li, f'konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-detenzjoni trid tibqa' miżura tal-aħħar istanza, tkun preskritta mil-liġi u tkun meħtieġa, raġonevoli u proporzjonali għall-objettivi li għandhom jintlaħqu u trid iddum l-inqas żmien possibbli, u li d-deċiżjoni biex tiġi imposta detenzjoni għandha dejjem tkun ibbażata fuq valutazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali, li fiha għandhom jitqiesu l-interessi tal-individwu kkonċernat;

31.  Itenni li perjodu itwal ta' detenzjoni ma jżidx awtomatikament il-possibbiltà ta' ritorn u ġeneralment jiswa aktar flus mill-alternattivi għad-detenzjoni, u jżid li l-Istati ma għandhomx jirrikorru b'mod awtomatiku għall-perjodu massimu awtorizzat mid-Direttiva dwar ir-Ritorn, u, barra minn hekk għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet kollha għal detenzjoni legali jkunu ssodisfati matul il-perjodu tad-detenzjoni;

32.  Josserva li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tistabbilixxi f'liema ċirkostanzi l-persuni rimpatrijati jistgħu jinżammu legalment; josserva li d-detenzjoni hija possibbli biss jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv f'każ speċifiku miżuri oħra suffiċjenti iżda inqas koerċittivi; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li fil-prattika l-Istati Membri żviluppaw u applikaw verament ftit alternattivi vijabbli; jistieden lill-Istati Membri joffru b'urġenza alternattivi vijabbli bbażati fuq il-komunità għad-detenzjoni, li għandhom impatt inqas negattiv fuq il-migranti, speċjalment it-tfal u l-persuni vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-miżuri li jieħdu bħala alternattiva għad-detenzjoni;

33.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-mandati ta' korpi nazzjonali u internazzjonali rilevanti u kompetenti, bħall-istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet tal-ombudsman u l-mekkaniżmi nazzjonali ta' prevenzjoni, li jwettqu sorveljanza indipendenti tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni;

34.  Jinnota li għadd sinifikanti ta' tfal għadhom f'detenzjoni fl-Unjoni Ewropea bħala parti mill-proċeduri ta' ritorn; jaqbel mal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li ċċara li t-tfal qatt ma għandhom jinżammu f'detenzjoni għal finijiet ta' immigrazzjoni, u li d-detenzjoni qatt ma tista' tiġi ġġustifikata bħala fl-aħjar interessi tat-tfal f'konformità wkoll mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu alternattivi adegwati, umani u mhux ta' kustodja għad-detenzjoni;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri u l-Frontex għandhom stabbiliti korpi ta' monitoraġġ li huma appoġġjati minn mandat xieraq, kapaċità u kompetenza, livell għoli ta' indipendenza u għarfien espert, u proċeduri trasparenti; jenfasizza li l-monitoraġġ tar-ritorn għandu jinkludi l-fażijiet kollha tal-operazzjonijiet tar-ritorn, b'riżorsi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-korpi ta' monitoraġġ indipendenti eżistenti, bħal organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, billi jikooperaw magħhom jew jużawhom bħala sistemi ta' monitoraġġ tar-ritorn furzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara r-ritorn biex issir taf x'sar minnhom il-persuni rimpatrijati, fejn ikun legalment u prattikament possibbli, b'attenzjoni partikolari għal gruppi vulnerabbli inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati u l-familji; jistieden lill-Istati Membri jwettqu trasferiment xieraq tas-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li t-tfal rimpatrijati jkunu indukrati u jkollhom aċċess għas-servizzi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa li jsir segwitu għall-pjanijiet ta' riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-monitoraġġ ta' wara r-ritorn u talloka biżżejjed finanzjament għal dan il-għan;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar ir-Ritorn fl-aspetti kollha tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja din l-implimentazzjoni u tieħu azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
(2) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1.
(3) ĠU L 198, 22.6.2020, p. 1.
(4) ECLI:EU:C:2009:741.
(5) ECLI:EU:C:2011:268.
(6) ECLI:EU:C:2013:343.
(7) ECLI:EU:C:2014:1320.
(8) ECLI:EU:C:2015:377.
(9) ECLI:EU:C:2016:408.
(10) ECLI:EU:C:2018:308.
(11) ECLI:EU:C:2018:465.
(12) ĠU L 66, 11.3.2017, p. 15.
(13) ĠU L 339, 19.12.2017, p. 83.
(14) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 9.
(15) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 39.
(16) Testi adottati, P8_TA(2019)0175.
(17) ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27.
(18) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(19) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 86.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza