Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa" (2020/2846(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa" (ECIXXXX),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3) u 11(4) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 19, 24, 53(1), 63, 79(2), 107(3)(e), 108(4), 109, 118, 165(4), 167(5), 173(3), 177, 178 u 182(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(1) (ir-Regolament dwar l-IĊE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), u b'mod partikolari l-Artikoli 10, 21, 22 u 51 tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1993 li stabbilew ir-rekwiżiti li pajjiż irid jissodisfa sabiex ikun eliġibbli li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (il-kriterji ta' Copenhagen),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li t-tnejn li huma ġew adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-opinjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Copenhagen tal-1990 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-għadd kbir ta' rakkomandazzjonijiet u linji gwida tematiċi dwar id-drittijiet tal-minoranzi maħruġa mill-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali tal-OSKE u mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE (ODIHR),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi(6),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b'mod partikolari l-kawża T-646/13 (Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa vs Il-Kummissjoni)(7), u l-kawża T-391/17 (Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni)(8);
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad-29 ta' Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"(9),
– wara li kkunsidra s-seduta pubblika tal-15 ta' Ottubru 2020 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack" organizzata mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) "Minority SafePack" fir-rigward tal-atti leġiżlattivi mistennija mill-Kummissjoni abbażi tal-IĊE, imressqa lill-Kummissjoni Ewropea wara s-sottomissjoni tal-firem u ppreżentata fil-Parlament Ewropew matul is-seduta pubblika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 222(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
B. billi l-Artikolu 3(3) TUE jiddikjara li l-għan tal-Unjoni huwa li tippromwovi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u solidarjetà fost l-Istati Membri, kif ukoll li tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika rikka tagħha u tiżgura li l-wirt kulturali tal-Ewropa huwa mħares u żviluppat;
C. billi l-Artikolu 6 tat-TFUE jirrikonoxxi li l-UE għandha kompetenzi fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni biex twettaq azzjonijiet biex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri; billi l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha b'mod attiv mal-Istati Membri f'dawn l-oqsma ta' politika, li huma ta' tħassib kbir ukoll għal persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
D. billi skont l-Artikolu 10 TFUE, l-Unjoni jrid ikollha l-għan li tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata, fost l-oħrajn, fuq l-oriġini razzjali jew etnika fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha;
E. billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta jiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-eta' jew l-orjentament sesswali, għandha tkun ipprojbita;
F. billi l-Artikolu 22 tal-Karta jenfasizza li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika;
G. billi r-rispett għad-diversità kulturali huwa minqux fl-Artikolu 167 TFUE;
H. billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-UE jagħmlu parti minn minoranza nazzjonali u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi dawn jirrappreżentaw element essenzjali tal-ġid kulturali tal-Unjoni permezz tal-lingwi u l-kulturi uniċi tagħhom;
I. billi l-kunċett ġenerali ta' minoranzi fl-Ewropa huwa kopert minn firxa wiesgħa ta' termini fil-lingwaġġ ġuridiku u akkademiku; billi dawn il-gruppi soċjali ta' spiss jissejħu b'mod interkambjabbli minoranzi nazzjonali, gruppi etniċi, minoranzi tradizzjonali jew awtoktoni, nazzjonalitajiet, abitanti ta' reġjuni kostituzzjonali, minoranzi lingwistiċi, gruppi li jitkellmu lingwi anqas użati, gruppi lingwistiċi eċċ.; billi sabiex jevita d-diffikultà li tiġi ttrasferita l-varjetà ta' termini użati madwar l-Ewropa, fil-Konvenzjoni Qafas tiegħu dwar il-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, li għadha tirrappreżenta l-ogħla standard internazzjonali għall-ħarsien tal-minoranzi fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa juża t-terminu "minoranza nazzjonali"; billi l-IĊE "Minority SafePack" tuża t-terminu "minoranzi nazzjonali u lingwistiċi" meta tirreferi għal tali gruppi ta' minoranza;
J. billi l-biċċa l-kbira tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi jiffaċċjaw tendenza dejjem akbar ta' assimilazzjoni u telf tal-lingwi, u dan iwassal għal faqar lingwistiku u kulturali fl-UE u t-telf tad-diversità tagħha, ħaġa li l-UE meħtieġa tipproteġi skont it-Trattati; billi l-edukazzjoni hija l-għodda ewlenija biex il-lingwi minoritarji jerġgħu jingħataw il-ħajja u jiġu ppreservati;
K. billi l-Atlas tal-Lingwi tad-Dinja fil-Periklu tal-UNESCO jelenka 186 lingwa mill-Istati Membri tal-UE bħala vulnerabbli jew fil-periklu u tliet lingwi oħra bħala estinti;
L. billi l-IĊE "Minority SafePack" ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-15 ta' Lulju 2013, u talbet azzjoni tal-UE li tappoġġja l-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi fi 11-il qasam;
M. billi fit-13 ta' Settembru 2013 il-Kummissjoni Ewropea ma sabitx li din kienet issostanzjata biżżejjed biex tirreġistra l-IĊE; billi l-organizzaturi tal-IĊE ressqu appell fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u fit-3 ta' Frar 2017 il-Qorti Ġenerali tal-QĠUE tat is-sentenza tagħha fejn annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni;
N. billi sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni analizzat mill-ġdid l-ammissibbiltà legali tal-IĊE u permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/652, irreġistrat l-inizjattiva f'disgħa mill-11-il qasam li kienu proposti inizjalment;
O. billi bi qbil mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-IĊE, il-verifika tal-ammissibbiltà legali tal-Kummissjoni tiġi segwita minn eżami tas-sustanza tal-IĊE wara l-ġbir b'suċċess tal-firem; billi l-Kummissjoni tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE abbażi tat-Trattati tal-UE;
P. billi fis-sentenza tagħha tal-24 ta' Settembru 2019 fil-Kawża T-391/17, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra l-IĊE "Minority SafePack";
Q. billi bejn it-3 ta' April 2017 u t-3 ta' April 2018, inġabru 1 123 422 firma ċċertifikata fl-UE u ntlaħaq il-limitu minimu nazzjonali fi 11-il Stat Membru;
R. billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-ewwel strument għad-demokrazija parteċipattiva transnazzjonali fid-dinja, u tippermetti liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom b'mod dirett mal-istituzzjonijiet tal-UE;
S. billi l-"Minority SafePack" hija l-ħames minn sitt IĊE biss li rnexxew s'issa;
T. billi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/788, wara l-organizzazzjoni ta' seduta pubblika, il-Parlament irid jivvaluta l-appoġġ politiku għal IĊE individwali; billi l-Parlament organizza s-seduta pubblika tiegħu fil-15 ta' Ottubru 2020, f'konformità mal-Artikolu 222 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
1. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-istrument tal-IĊE u jitlob li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu; jenfasizza li l-IĊE hija opportunità eċċezzjonali għaċ-ċittadini biex jidentifikaw u jartikolaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u jitolbu azzjoni mill-UE; jisħaq li l-fatt li ċ-ċittadini jitħallew jieħdu sehem b'mod attiv fil-proċessi politiċi li jaffettwawhom huwa essenzjali biex il-proġett ta' integrazzjoni Ewropea jkun eqreb taċ-ċittadini;
2. Jirrimarka li r-Regolament il-ġdid dwar l-IĊE daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2020, u li huwa ta' importanza kruċjali li l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jagħmlu t-tnedija mill-ġdid ta' dan l-istrument ta' parteċipazzjoni tal-UE suċċess; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq it-talbiet espressi minn aktar minn 1.1 miljun ċittadin tal-UE permezz tal-IĊE "Minority SafePack";
3. Ifakkar li l-protezzjoni ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi hija valur fundamentali espliċitu tal-UE, flimkien mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE;
4. Ifakkar li l-Artikolu 3(3) tat-TUE jipprevedi li l-Unjoni trid tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika rikka tagħha, u tiżgura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew; jisħaq li l-lingwi u l-kulturi minoritarji huma parti integrali u inaljenabbli tal-kultura u l-wirt tal-Unjoni; jissottolinja li l-Unjoni għandha tħeġġeġ azzjonijiet mill-Istati Membri biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
5. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni(10) biex tfassal, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, qafas komuni ta' standards minimi tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, li jkunu integrati b'mod qawwi f'qafas legali li jiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali madwar l-UE;
6. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u jiddefendu d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati bis-sħiħ;
7. Jemmen li d-drittijiet lingwistiċi jridu jiġu rrispettati fil-komunitajiet fejn hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda, mingħajr ma jiġu limitati d-drittijiet ta' grupp wieħed meta mqabbel ma' ieħor, f'konformità mal-ordni kostituzzjonali ta' kull Stat Membru u d-dritt nazzjonali tiegħu; jemmen li l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali u l-protezzjoni tal-komunitajiet lingwistiċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha;
8. Iqis li l-UE għandha tkompli tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-multilingwiżmu fl-Ewropa kollha permezz ta' programmi tal-UE, u tippromwovi b'mod attiv il-vantaġġi tal-multilingwiżmu;
9. Ifakkar li ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta' min jista' jitqies bħala persuna li tagħmel parti minn minoranza nazzjonali jew lingwistika fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti l-minoranzi kollha, tkun xi tkun id-definizzjoni tagħhom, u jisħaq li kwalunkwe definizzjoni għandha tiġi applikata b'mod flessibbli filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni;
10. Jitlob kooperazzjoni ta' rinfurzar reċiproku bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi; jirrimarka li tali kooperazzjoni tippermetti lill-UE l-possibbiltà li tibni fuq il-kisbiet u l-esperjenza tal-Kunsill tal-Ewropa filwaqt li tagħti lok biex il-Kunsill tal-Ewropa jkun jista' jżid l-effettività tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu maħruġa fir-rigward tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;
Dwar id-disa' proposti tal-IĊE
11. Jirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi hija r-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; jirrimarka, madankollu, li l-Unjoni għandha rwol b'saħħtu x'taqdi fl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f'dan l-isforz; jirrimarka li għadd ta' Stati Membri jirrappreżentaw eżempji ta' suċċess ta' koeżistenza rispettuża u armonjuża ta' komunitajiet differenti, inkluż fl-oqsma tal-politiki għar-rivitalizzazzjoni lingwistika u kulturali; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-protezzjoni u l-appoġġ għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u jistieden lill-UE tiffaċilita tali skambji;
12. Huwa tal-opinjoni li miżuri ta' preservazzjoni tal-identità kulturali u lingwistika għall-benefiċċju ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi jridu jimmiraw lejn azzjoni pożittiva, inkluż fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, tal-kultura u tal-edukazzjoni;
13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda allarmanti fir-reati ta' mibegħda u fid-diskors ta' mibegħda, motivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza, fil-konfront ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' diskors kontra l-mibegħda kif ukoll jiżguraw il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fil-konfront ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi;
14. Jirrikonoxxi l-kontribut tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi għall-wirt kulturali tal-UE u jenfasizza r-rwol tal-midja;
15. Jirrimarka li d-diversità lingwistika hija komponent ta' valur tal-ġid kulturali Ewropew, li għandu jiġi protett sabiex jiġi żgurat li l-lingwi reġjonali jew minoritarji jkunu jistgħu jiġu mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar lingwi reġjonali jew minoritarji li huma esposti għar-riskju ta' estinzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi madwar l-UE, inkluż it-tagħlim ta' lingwi minoritarji; jinnota li l-IĊE titlob li jitwaqqaf ċentru Ewropew għad-diversità lingwistika bil-għan li tiġi protetta d-diversità rikka tal-lingwi Ewropej;
16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-ħtiġijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi meta jfasslu l-programmi ta' finanzjament tagħhom; iqis li l-ħarsien tal-multilingwiżmu u tad-diversità kulturali huwa mutur għall-iżvilupp reġjonali u l-innovazzjoni u għalhekk iqis li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fondi ta' Koeżjoni għandhom iqisu dan; jemmen li l-finanzjament mill-Orizzont Ewropa għall-istudju tad-diversità kulturali u lingwistika u l-effett tagħha fuq l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni tal-UE jippermetti li l-politiki pubbliċi jkunu mmirati aħjar għall-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi;
17. Jirrikonoxxi r-rwol tal-lingwa fil-kultura; jinsab imħasseb li l-operaturi kulturali attivi f'lingwi reġjonali jew minoritarji jistgħu jiffaċċjaw sfida addizzjonali biex jilħqu udjenzi wiesgħa u jaċċessaw ir-riżorsi finanzjarji u amministrattivi; jistieden lill-Istati Membri jqisu s-sitwazzjonijiet reġjonali u jiżviluppaw miżuri biex jgħinu lill-operaturi kulturali jesprimu l-libertà tal-kultura, irrispettivament mill-ispeċifiċitajiet lingwistiċi jew ta' tip ieħor tagħhom;
18. Jemmen li kull ċittadin tal-UE għandu jkun jista' jgawdi l-kultura u d-divertiment fil-lingwa tiegħu jew tagħha stess; jirrimarka li l-minoranzi lingwistiċi ħafna drabi jkunu żgħar wisq jew ma jkollhomx l-appoġġ istituzzjonali biex jibnu sistema komprensiva ta' servizzi tal-midja tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tagħmel valutazzjoni u tieħu l-aktar miżuri xierqa biex tappoġġja l-iżvilupp ta' tali servizzi tal-midja; jinnota li, wara s-sottomissjoni tal-IĊE "Minority SafePack" lill-Kummissjoni fl-2013, il-koleġiżlaturi diġà adottaw proposti essenzjali relatati mad-drittijiet tal-awtur u s-servizzi tal-midja awdjoviżiva; jirrikonoxxi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata reċentement dwar l-ewwel reviżjoni ta' terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku (COM(2020)0766), fejn il-Kummissjoni tipproponi eżerċizzju ta' rendikont dettaljat għall-2022, meta jkunu bdew jidhru l-effetti sħaħ tar-regolament; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li timpenja ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati dwar il-kontenut awdjoviżiv bħala parti mill-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-midja u l-awdjoviżiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tħassib dwar il-lingwi minoritarji jitqies fir-regolamenti futuri;
19. Jinnota li għadd kbir ta' persuni mingħajr Stat fl-Unjoni Ewropea jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi; iqis li, b'kunsiderazzjoni xierqa tas-sovranità u l-kompetenzi tal-Istati Membri, miżuri pożittivi jistgħu jittieħdu u qed jittieħdu f'dan ir-rigward; jirrimarka li l-għoti jew l-irtirar taċ-ċittadinanza huwa kompetenza nazzjonali;
20. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall- Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuqha u tipproponi atti legali abbażi tat-Trattati tal-UE u r-Regolament dwar l-IĊE, u f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jirrimarka li l-inizjattiva rreġistrata mill-Kummissjoni titlob proposti leġiżlattivi f'disa' oqsma distinti u jfakkar fit-talba fl-inizjattiva li kull proposta individwali tiġi vverifikata u evalwata fuq il-mertu tagħha stess;
o o o
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.