Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0233/2020

Testi mressqa :

A9-0233/2020

Dibattiti :

PV 14/12/2020 - 29
CRE 14/12/2020 - 29

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2020 - 15
PV 17/12/2020 - 9

Testi adottati :

P9_TA(2020)0371

Testi adottati
PDF 245kWORD 77k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2020 - Brussell
Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti
P9_TA(2020)0371A9-0233/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (2020/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 151, 152, 153, 156, 157, 162 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokolli 1, 8 u 28 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi milħuq fil-COP 21 li saret fl-2015, u b'mod speċifiku l-preambolu tiegħu fejn il-Partijiet huma mħeġġa biex, meta jimplimentaw il-politiki u l-miżuri tagħhom, jippromwovu tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' xogħol deċenti u impjiegi ta' kwalità skont il-prijoritajiet u l-istrateġiji għall-iżvilupp iddefiniti fil-livell nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol tal-1947 (Nru 81), id-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO (2019), u l-Linji Gwida tal-ILO ta' Frar 2016 għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-Għanijiet 1, 3, 4, 5, 8, 10 u 13,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-2 ta' April 2009(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titolu "Ewropa Soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti" (COM(2020)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa" (COM(2020)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020" (COM(2020)0440),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0441),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar l-impatt tat-tibdil demografiku (COM(2020)0241),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-18 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika" (2017/C017/08),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa"(COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020)0275),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 li jakkumpanja l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar "A Bridge to Jobs – reinforcing the Youth Guarantee" (Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ) (SWD(2020)0124),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u marbuta mal-impjiegi fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2019 dwar L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020 (COM(2019)0650),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rapport konġunt dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2019 li takkumpanja l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1181 tat-8 ta' Lulju 2019 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019(10),

–  wara li kkunsidra l-"Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019 – 2024: Unjoni li Tirsisti għal Aktar", ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Jannar 2019 dwar "Djalogu soċjali għall-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali"(11),

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2020 tas-6 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020 dwar "Pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Lulju 2020 dwar "Il-Pjan ta' rkupru għall-Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-2021 sal-2027",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad fl-Istati Membri tal-UE – Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali"(12),

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bit-titolu "COVID-19: Policy responses across Europe" (Il-COVID-19: Ir-reazzjonijiet politiċi fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu "The COVID confinement measures and EU labour market" (Il-miżuri ta' konfinament minħabba l-COVID u s-suq tax-xogħol tal-UE) li ġie ppubblikat fl-2020 u, b'mod partikolari, l-analiżi tiegħu tal-aktar evidenza reċenti disponibbli tal-mudelli tat-telexogħol fl-UE;

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Proċess ta' Turin, li tnieda fl-2014 bil-għan li jsaħħaħ is-sistema tat-trattati tal-Karta Soċjali Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu mad-dritt tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0233/2020),

A.  billi l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-ekonomija soċjali tas-suq hija bbażata fuq żewġ pilastri komplementari, jiġifieri l-infurzar tal-kompetizzjoni u miżuri robusti ta' politika soċjali li għandhom iwasslu għall-kisba ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali; billi t-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli huma l-pilastru ekonomiku, il-pilastru soċjali u l-pilastru ambjentali; billi l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali; billi dan huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 3(3) TUE; billi, s'issa, ingħatat prijorità lis-sostenibilità ekonomika u ambjentali;

B.  billi hemm sfidi emerġenti li l-Ewropa qed tiffaċċja, bħal żieda fl-inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet, tnaqqis fl-opportunitajiet u r-riżorsi soċjali, tas-saħħa, ekonomiċi u ambjentali, disparitajiet territorjali, u aċċess inugwali għal servizzi soċjali u tas-saħħa fundamentali, opportunitajiet ta' negozju u impjiegi u infrastruttura soċjali; billi t-tnaqqis fl-inugwaljanzi huwa responsabilità kondiviża tal-UE u l-Istati Membri; billi minn wara l-kriżi ekonomika tal-2008 l-inugwaljanzi (fl-introjtu u fl-opportunitajiet) żdiedu fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u dan huwa ta' sfida kemm għas-sostenibilità kif ukoll għall-inklużività tat-tkabbir u l-koeżjoni soċjali u, f'dan il-kuntest, il-progress lejn il-miri tal-UE għall-2020 kien diffiċli;

C.  billi hemm ħtieġa qawwija u preżunta ta' tranżizzjonijiet ġusti, fl-Ewropa u fid-dinja, ta' sfruttament sostenibbli tar-riżorsi, tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 u protezzjoni qawwija tal-ambjent, sabiex jiġu salvagwardjati l-għajxien, is-sigurtà, is-saħħa u l-prosperità tal-ġenerazzjonijiet futuri; billi t-tranżizzjonijiet lejn dimensjoni soċjali u ekonomija stabbli, sostenibbli, ekoloġiċi u li jirrispettaw l-ambjent se jirrikjedu kooperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati, u jridu jkunu akkumpanjati minn proċess ta' riindustrijalizzazzjoni, modernizzazzjoni tal-bażi industrijali u tisħiħ tas-suq intern; billi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi jaffettwaw lir-reġjuni, lis-setturi, lill-ħaddiema u lill-gruppi tal-popolazzjoni Ewropej b'modi differenti u dawn it-tranżizzjonijiet se jirrikjedu taħriġ mill-ġdid u riallokazzjoni tax-xogħol sinifikanti sabiex tiġi evitata l-qerda tal-impjiegi fis-setturi affettwati;

D.  billi r-reġjuni Ewropej fejn hemm l-akbar ħtieġa ta' tranżizzjoni sostenibbli huma ġeneralment ukoll dawk b'livelli għoljin ta' faqar u esklużjoni; billi huma meħtieġa investiment u miżuri deċiżivi għal irkupru mgħaġġel li għandu jkun iffokat fuq il-mitigazzjoni tal-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija, ir-rilanċ tal-attività ekonomika, it-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex jinkisbu stati soċjali aktar effettivi u aktar b'saħħithom; billi Ewropa kompetittiva internazzjonalment trid tkun ibbażata fuq Ewropa soċjali b'saħħitha sabiex tinħoloq triq lejn tkabbir sostenibbli, impjiegi ta' kwalità u sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali għal kulħadd;

E.  billi riċerka tal-Eurofound tiżvela l-kumplessità tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea u tissuġġerixxi li t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali li takkumpanja l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tiġi kkomplementata b'indikaturi addizzjonali li jkopru l-kwalità tal-impjiegi, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali u mobilità ġusta;

F.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 tnediet fl-2010 għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' Lisbona kellha tagħti aktar prijorità lis-sostenibilità u lill-inklużività aktar milli lit-tkabbir;

G.  billi, kif iddikjarat fl-Artikolu 151 tat-TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jżommu f'moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, għandhom bħala objettivi l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol sabiex jingħata lok għall-armonizzazzjoni tagħhom filwaqt li jitkompla t-titjib, kif ukoll il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-għan ta' livell għoli ta' impjieg dejjiemi u l-ġlieda kontra l-esklużjoni; billi l-inizjattivi li joriġinaw mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma responsabilità kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, li għandhom tradizzjonijiet u sistemi soċjali differenti; billi, għalhekk, tali inizjattivi għandhom jipproteġu s-sistemi nazzjonali ta' negozjar kollettiv, sabiex jiġu offruti livelli ogħla ta' protezzjoni; billi d-drittijiet fundamentali, il-proporzjonalità, iċ-ċertezza tad-dritt, l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u s-sussidjarjetà huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u bħala tali jridu jiġu rrispettati;

H.  billi n-nisa huma sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' tmexxija ekonomika u politika li fl-ambitu tagħhom qed jiġu deċiżi r-reazzjonijiet ta' politika għall-COVID-19; billi n-nisa għandhom jiġu inklużi fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jinġiebu aktar perspettivi, għarfien u esperjenza, u dan iwassal għal eżiti ta' politika aħjar;

I.  billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jikkontribwixxu għall-garanzija ta' ħajja deċenti; billi dawk is-sistemi jinkludu sigurtà soċjali, kura tas-saħħa, edukazzjoni, akkomodazzjoni, impjieg, ġustizzja u servizzi soċjali għall-gruppi żvantaġġati, u għandhom rwol ewlieni fil-kisba ta' żvilupp soċjali sostenibbli, fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali u fl-iżgurar tad-dritt għal protezzjoni soċjali kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948); billi l-politiki tal-protezzjoni soċjali huma elementi vitali fl-istrateġiji għall-iżvilupp nazzjonali biex jitnaqqsu l-faqar u l-vulnerabilità tul iċ-ċiklu tal-ħajja u biex jiġi appoġġat tkabbir inklużiv u sostenibbli;

J.  billi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin għal min iħaddem u għat-trade unions sabiex jiġu stabbiliti pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u s-sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; billi t-tendenza hija li s-soċjetajiet b'sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom ikunu dawk aktar għonja u aktar ugwali; billi d-dritt għal negozjar kollettiv huwa kwistjoni li tikkonċerna l-ħaddiema Ewropej kollha u li jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet kruċjali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali; billi n-negozjar kollettiv huwa dritt fundamentali Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej huma marbuta jirrispettawh bl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi, f'dan il-kuntest, il-politiki li jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-sistemi għall-iffissar tal-pagi għandhom rwol kritiku fil-kisba ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja;

K.  billi n-negozjar kollettiv huwa strument ewlieni biex jiġu promossi d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol; billi, skont id-data tal-OECD, matul dawn l-aħħar deċennji, kemm id-densità tat-trade unions kif ukoll il-kopertura tan-negozjar kollettiv naqsu b'mod sinifikanti; billi l-kopertura tan-negozjar kollettiv ilha tonqos fi 22 mis-27 Stat Membru tal-UE mill-2000; billi l-kwalità tax-xogħol u tal-ambjent tax-xogħol hija aħjar bħala medja f'pajjiżi bi sħab soċjali organizzati tajjeb u kopertura akbar ta' ftehimiet kollettivi; billi n-negozjar kollettiv, dment li jkollu kopertura wiesgħa u jkun ikkoordinat tajjeb, irawwem prestazzjoni tajba tas-suq tax-xogħol;

L.  billi, skont il-Eurofound, in-negozjar kollettiv jinsab taħt pressjoni u r-reċessjoni tal-2008 irriżultat fid-deċentralizzazzjoni tiegħu; billi, filwaqt li huwa stmat li wieħed minn kull sitt ħaddiema fl-UE huwa kopert minn ftehim kollettiv dwar il-pagi, hemm diffikultà biex tinkiseb evidenza affidabbli fil-forma ta' data b'kopertura aktar profonda fir-rigward tan-negozjar kollettiv u tal-ftehimiet kollettivi madwar l-UE; billi, skont id-data pprovduta mill-Istitut Ewropew tat-Trade Unions (ETUI), il-livell medju ta' sħubija fi trade union madwar l-UE huwa ta' madwar 23 %, b'varjetà kbira ta' rati ta' sħubija f'union fost l-Istati Membri, li jvarjaw minn 74 % għal 8 %; billi s-sħubija fl-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u s-sehem tas-swieq li jirrappreżentaw ivarjaw b'mod sinifikanti wkoll;

M.  billi l-investiment soċjali jfisser investiment fin-nies sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom; billi l-oqsma ewlenin ta' politika għall-investiment soċjali jinkludu sigurtà soċjali, kura tas-saħħa, kura fit-tul, edukazzjoni, akkomodazzjoni, impjieg, ġustizzja u servizzi soċjali għall-gruppi żvantaġġati; billi politiki soċjali mfassla tajjeb jikkontribwixxu b'mod qawwi kemm għall-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli kif ukoll għall-protezzjoni tal-persuni mill-faqar u jaġixxu ta' stabilizzaturi ekonomiċi;

N.  billi r-rata tal-faqar hija mbassra li tiżdied bħala wieħed mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19; billi n-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabilità u l-familji kbar huma f'periklu akbar minħabba dan l-iżvilupp; billi l-għadd ta' unitajiet domestiċi b'persuna waħda u persuni akbar fl-età li jgħixu waħedhom qed jiżdied; billi l-unitajiet domestiċi b'persuna waħda huma f'riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali, u, partikolarment, in-nisa akbar fl-età huma f'riskju ogħla ta' faqar mill-irġiel akbar fl-età jekk ikunu jgħixu waħedhom; billi l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed huma f'riskju għoli ta' faqar u privazzjoni, u jsibu diffikultà fl-ibbaġitjar minħabba li jkollhom introjtu wieħed u rati ta' impjieg aktar baxxi; billi għadd dejjem akbar ta' adulti żgħażagħ issa qed jiddependu mir-residenza tal-ġenituri tagħhom biex ikunu protetti mill-faqar, iżda 29 % tal-unitajiet domestiċi bi tliet ġenerazzjonijiet jinsabu f'riskju ta' faqar u 13 % qed ibatu minn privazzjoni serja;

O.  billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fid-dar u fis-suq tax-xogħol tista' tirriżulta f'distribuzzjoni inugwali tar-riżorsi, u dan jagħmel lin-nisa aktar vulnerabbli għall-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel; billi jekk jaqgħu fil-faqar, in-nisa għandhom inqas ċans li joħorġu minnu;

P.  billi s-segregazzjoni orizzontali kif ukoll dik vertikali fis-suq tax-xogħol tal-UE għadhom sinifikanti, u n-nisa huma sovrarappreżentati fis-setturi li jħallu inqas qligħ; billi kienu b'mod partikolari n-nisa b'kuntratti prekarji li ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, peress li kienu l-ewwel li tilfu l-impjieg tagħhom, u dan wassal għal konsegwenzi finanzjarji għall-familji tagħhom u għall-indipendenza ekonomika tagħhom, u wassalhom ukoll biex jirċievu protezzjoni insuffiċjenti tas-sigurtà soċjali fi żminijiet ta' kriżi;

Q.  billi fl-2018, kien hemm kważi 109 miljun persuna f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-EU-27, u dan huwa ekwivalenti għal 21,7 % tal-popolazzjoni totali, li 23 miljun minnhom kienu tfal(13); billi l-UE ma laħqitx il-mira tagħha għall-2020 li tnaqqas l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali mill-anqas b'20 miljun; billi x'aktarx li l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Unjoni jiżdied b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; billi l-problema ta' persuni mingħajr dar żdiedet b'70 % b'mod konsistenti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri matul dawn l-aħħar għaxar snin, mill-inqas b'700 000 persuna mingħajr kenn fi kwalunkwe lejl fl-UE; billi l-COVID-19 uriet li l-problema tal-persuni mingħajr dar tirrappreżenta kemm kriżi soċjali kif ukoll tas-saħħa pubblika(14); billi madwar għoxrin fil-mija tal-persuni fl-UE għandhom piż ta' dejn sever u bosta persuni ma jirċevux il-benefiċċji soċjali li huma intitolati għalihom skont is-sistemi nazzjonali tagħhom;

R.  billi ħaddiem minn kull ħamsa fl-UE għandu impjieg ta' kwalità baxxa; billi huwa mistenni li fl-għaxar snin li ġejjin, il-polarizzazzjoni tal-impjiegi u l-forom ta' impjieg mhux standard se jkomplu jiżdiedu u se jkun hemm aktar impjiegi fiż-żewġ estremitajiet tal-ispettru tal-ħiliet(15); billi l-bidla teknoloġika u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali jafu jibdlu s-suq tax-xogħol b'mod sinifikanti; billi dan iwassal għal disparitajiet ulterjuri fir-remunerazzjoni; billi d-domanda għall-ħaddiema kienet l-aktar dgħajfa b'mod konsistenti f'nofs id-distribuzzjoni impjieg – paga, filwaqt li dan kien l-aktar evidenti matul il-perjodi ta' reċessjoni u kontrazzjoni tal-impjiegi bejn l-2008 u l-2013, parzjalment minħabba l-bidla fl-impjiegi mis-setturi tal-manifattura u l-kostruzzjoni għas-servizzi; billi din ix-xejra x'aktarx tiġi msaħħa ulterjorment bil-pandemija; billi l-impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet dejjem se jkunu essenzjali għas-soċjetajiet u jridu joffru paga u kundizzjonijiet deċenti; billi d-diġitalizzazzjoni tista' toħloq opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet, iżda mhux neċessarjament ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għal kulħadd;

S.  billi kważi ma hemm l-ebda tranżizzjoni minn kuntratti ta' impjiegi b'terminu fiss għal dawk permanenti; billi 60 % tal-ħaddiema jinsabu maqbuda involontarjament f'impjieg b'terminu fiss; billi r-rati ta' tranżizzjoni huma partikolarment baxxi f'pajjiżi b'livelli għoljin ta' impjieg b'terminu fiss; billi anke l-amministrazzjonijiet pubbliċi spiss iddependew fuq ħaddiema temporanji biex jissostitwixxu impjegati taċ-ċivil, b'kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prekarji;

T.  billi riċerka mwettqa minn Eurofound dwar "forom ġodda ta' impjieg" turi li l-forom ta' impjieg emerġenti u li qed isiru dejjem aktar importanti, li jiddevjaw mir-relazzjonijiet tradizzjonali ta' bejn min iħaddem u l-impjegat u/jew li huma kkaratterizzati minn organizzazzjoni ta' xogħol u mudelli ta' xogħol mhux tradizzjonali, x'aktarx li jkunu anqas koperti minn protezzjoni soċjali, djalogu soċjali u negozjar kollettiv; billi, peress li nstab ukoll li tali forom ta' impjieg jintużaw b'mod aktar intensiv matul żminijiet ekonomiċi diffiċli, għandhom jiġu kkunsidrati interventi kontra l-kriżi tas-suq tax-xogħol li mistennija tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19;

U.  billi r-rata tal-qgħad hija aktar minn 7 % u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet għal 17 % u mistennija tkompli tiżdied minħabba l-COVID-19(16), speċjalment fost in-nisa u l-ħaddiema li jokkupaw pożizzjonijiet b'ħiliet baxxi; billi r-rata tal-qgħad taż-żona tal-euro mistennija tiżdied minn 8,3 % fl-2020 għal madwar 9,3 % fl-2021, b'differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri(17); billi r-rata tal-qgħad ta' gruppi speċifiċi, bħal persuni b'diżabilità, minoranzi etniċi bħall-poplu Rom, iż-żgħażagħ u l-anzjani, tista' tkun ogħla b'mod sinifikanti; billi skont l-istħarriġ tal-Eurofound dwar l-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19, il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt drammatiku fuq is-suq tax-xogħol, u 8 % tal-impjegati u 13 % tal-ħaddiema indipendenti sfaw qiegħda minn mindu bdiet il-pandemija; billi l-impatt tal-kriżi nħass ukoll minn dawk li baqgħu fis-suq tax-xogħol bi tnaqqis konsiderevoli fis-sigħat tax-xogħol, li ġie rifless fit-telf ta' introjtu u fit-tħassib dwar il-parteċipazzjoni futura fis-suq tax-xogħol u l-insigurtà finanzjarja;

V.  billi skont l-Eurostat, fl-2018 kien hemm 8,3 miljun ħaddiem part-time sottoimpjegat fl-UE-28, 7,6 miljun persuna kienu disponibbli biex jaħdmu iżda ma kinux qed ifittxu impjieg, u 2,2 miljun oħra kienu qed ifittxu impjieg mingħajr ma setgħu jibdew jaħdmu fi żmien qasir; billi fl-2018 b'kollox kien hemm 18,1 miljun persuna li esperjenzaw sitwazzjoni qisha ta' qgħad fl-UE-28;

W.  billi l-ġlieda kontra l-qgħad kemm fost iż-żgħażagħ kif ukoll fost l-anzjani għadha waħda mill-akbar sfidi fil-livell reġjonali tal-UE;

X.  billi l-kriżi tal-COVID-19 kixfet abbużi fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntieri, fruntalieri u staġjonali u l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tagħhom, b'livelli baxxi ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali; billi għalhekk hemm bżonn ta' regolamentazzjoni aktar b'saħħitha, monitoraġġ aktar effiċjenti u infurzar effettiv ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif ukoll kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni u saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol; billi jeħtieġ isir titjib tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija fir-rigward ta' dan l-aspett;

Y.  billi fl-2019 id-disparità fil-parteċipazzjoni fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa kienet ta' 11,7 %; billi din id-differenza għandha spiża ekonomika kbira għall-UE, li tikkorrispondi għal EUR 320 biljun fis-sena, jew 2,37 % tal-PDG tal-UE; billi l-kriżi tal-COVID-19 taffettwa b'mod sproporzjonat is-sitwazzjoni soċjali u tax-xogħol tan-nisa, b'26,5 % tan-nisa f'impjiegi prekarji, li jirrappreżentaw 60 % tal-ħaddiema part-time; billi n-nisa huma affettwati aktar mill-irġiel mid-diffikultajiet li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, minħabba s-setturi tal-impjiegi li fihom huma prevalenti u l-piż tal-kura tat-tfal u tal-anzjani, li għadu jinġarr b'mod partikolari minnhom;

Z.  billi l-persuni b'diżabilità u l-anzjani huma partikolarment suxxettibbli għall-kriżi tal-COVID-19; billi x'aktarx li dawn ibatu b'mod sproporzjonat filwaqt li jkollhom ħtiġijiet ta' appoġġ partikolari li jridu jitqiesu mill-bidu nett fir-reazzjoni għall-pandemija, u r-riċerka turi li dawn il-gruppi għandhom riskju għoli li jiżviluppaw problemi ta' saħħa mentali;

AA.  billi r-reġjuni tal-Ewropa qed jiffaċċjaw xejriet demografiċi fit-tul, li jvarjaw minn stennija tal-għomor itwal għal rati ta' twelid aktar baxxi, soċjetajiet li qed jixjieħu, forza tax-xogħol li qed tiċkien, unitajiet domestiċi iżgħar u urbanizzazzjoni dejjem akbar; billi s-sehem dejjem jonqos tal-Ewropa tal-popolazzjoni globali, li mistenni jammonta għal inqas minn 4 % sal-2070, se jġib miegħu sfidi; billi ż-żoni rurali u periferiċi huma affettwati b'mod qawwi mit-tibdil demografiku;

AB.  billi l-pandemija affettwat b'mod partikolari lill-anzjani, u f'xi każijiet aggravat is-sitwazzjoni ta' dawk li huma iżolati; billi l-anzjani għandhom l-ogħla riskju ta' nuqqas ta' aċċess għall-internet u t-teknoloġiji moderni, u b'konsegwenza ta' dan għandhom riskju ogħla ta' esklużjoni, inkluża l-esklużjoni diġitali;

AC.  billi l-kriżi rriżultat f'faqar urban li qed jiżdied, u li qed jaffettwa iktar unitajiet domestiċi bi dħul medju u qed joħloq gruppi f'riskju ġodda, u qed twassal għal żieda fl-inugwaljanzi territorjali, aggravar tal-iżvantaġġi soċjali f'żoni urbani foqra kif ukoll aċċess inugwali għas-servizzi pubbliċi, u dan qed jiġġenera żieda fid-domanda għas-servizzi soċjali u għall-infrastruttura soċjali fil-livell lokali, fi żmien meta l-baġits lokali jinsabu taħt pressjoni kbira;

AD.  billi r-riċerka bbażata fuq l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-2015 turi li d-doppju tal-għadd ta' teleħaddiema regolari rrapportaw li jaħdmu aktar mit-48 siegħa stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u jistrieħu għal anqas minn 11-il siegħa bejn il-jiem tax-xogħol meta mqabbla ma' dawk li jaħdmu fil-bini tal-impjegaturi tagħhom; billi kważi 30 % ta' tali teleħaddiema jirrapportaw li jaħdmu fil-ħin liberu tagħhom kuljum jew diversi drabi fil-ġimgħa, meta mqabbla ma' anqas minn 5 % tal-ħaddiema bbażati f'uffiċċju; billi huwa aktar probabbli li t-teleħaddiema regolari jirrapportaw li jbatu minn stress relatat max-xogħol, li huma affettwati minn problemi tal-irqad u li jsibuha diffiċli jirrikonċiljaw ir-responsabilitajiet tax-xogħol u dawk tal-familja;

AE.  billi b'riżultat tal-COVID-19 u l-miżuri biex din tiġi indirizzata, jiġifieri l-konfinament u t-telexogħol, in-nisa f'relazzjonijiet abbużivi sfaw esposti b'mod permanenti għall-vjolenza, u dan żied l-għadd ta' każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa; billi konsegwenza waħda tal-konfinament kienet li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fi ħdan il-familja splodiet, b'madwar 30 % f'għadd ta' pajjiżi Ewropej; billi, b'kollox, aktar minn 243 miljun mara bejn l-etajiet ta' 15 u 49 sena esperjenzaw vjolenza sesswali u/jew fiżika madwar id-dinja f'dawn l-aħħar 12-il xahar;

AF.  billi l-pressjoni fuq in-nisa kompliet tiżdied; billi l-forom ġodda ta' xogħol imposti, li jistgħu jiġu estiżi u li huma askapitu tas-separazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata matul il-perjodu ta' konfinament, wasslu għal splużjoni ta' forom ġodda ta' fastidju psikoloġiku u sesswali, kemm online kif ukoll offline; billi l-maġġoranza l-kbira tal-kumpaniji u l-gvernijiet ma stabbilixxew l-ebda miżura biex jiġġieldu dawn il-fenomeni;

1.  Jenfasizza li l-UE bdiet tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi, newtrali għall-klima u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju li trid tiżgura l-ogħla livelli ta' ġustizzja soċjali, filwaqt li żżid il-benessri, il-progress soċjali, is-sigurtà, il-prosperità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni u ma tħalli lil ħadd jibqa' lura; jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu għeruq profondi fil-proġett Ewropew u l-valuri Ewropej, u li s-sostenibilità soċjali hija prerekwiżit fundamentali għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi ġusti u inklużivi; jinsisti li, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, dawn il-proċessi għandhom jitfasslu fl-ambitu ta' tranżizzjoni li tista' toffri opportunitajiet soċjali u prosperità kondiviża; jenfasizza li l-ġustizzja soċjali, ix-xogħol deċenti b'pagi li jiggarantixxu l-għajxien, l-opportunitajiet indaqs, il-mobilità ġusta u sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali huma elementi essenzjali fit-tranżizzjoni ġusta lejn Ewropa sostenibbli u soċjali;

2.  Jemmen li dan il-perjodu ta' rkupru jrid ikun iż-żmien għal riformi impenjati b'mod sħiħ favur l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, ibbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali, it-tqassim ġust tal-ġid, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sistemi pubbliċi ta' protezzjoni soċjali ta' kwalità għolja, impjiegi ta' kwalità u tkabbir sostenibbli – mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli, itejjeb il-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għal kulħadd; iqis li dan huwa l-aħjar mod biex l-UE toħroġ minn din il-kriżi b'mod li tkun aktar sostenibbli, aktar reżiljenti u aktar ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss;

3.  Jenfasizza li l-progress lejn Ewropa soċjali sostenibbli, ġusta u inklużiva jirrikjedi impenn kondiviż u b'saħħtu, kemm għall-progress fir-rigward tal-Aġenda 2030 tan-NU kif ukoll għall-implimentazzjoni u l-materjalizzazzjoni tal-prinċipji u d-drittijiet inklużi fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza li trid titfassal aġenda politika ambizzjuża b'miri u indikaturi tas-sostenibilità soċjali identifikabbli, fattibbli, sostenibbli, ċari u obbligatorji; jirrimarka li s-Summit Soċjali tal-UE li jmiss, ippjanat għal Mejju 2021 f'Porto, ikun l-opportunità perfetta għall-adozzjoni ta' din l-aġenda fl-ogħla livell politiku mill-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea; jitlob li jiġu involuti s-sħab soċjali matul il-proċess kollu;

Qafas ta' governanza għal progress soċjali

4.  Iqis li l-aġenda ta' Porto għandha tieħu approċċ doppju, jiġifieri għandha tiffoka fuq il-parti tas-sostenibilità soċjali tal-Aġenda 2030 tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin twitti t-triq għall-materjalizzazzjoni tal-prinċipji tal-EPSR permezz tal-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni u bħala segwitu għall-istrateġija ta' Lisbona, filwaqt li tistabbilixxi miri u strumenti ambizzjużi li jiddefinixxu l-perkors lejn is-sostenibilità u l-progress soċjali; jemmen li din l-aġenda jista' jkun fiha l-qafas strateġiku għal Ewropa soċjali sostenibbli, ġusta u inklużiva għall-2030;

5.  Jisħaq li l-għanijiet ta' aġenda ġdida għal Ewropa soċjali b'saħħitha jridu jiffukaw fuq li jipproteġu lil kulħadd u speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli u jagħmlu l-irkupru inklużiv u soċjalment ġust, u li dawn l-għanijiet iridu jiġu msaħħa permezz ta' infurzar obbligatorju, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali u jiġu riflessi l-obbligi ekonomiċi u ambjentali li l-osservanza tagħhom hija marbuta mal-aċċess għall-fondi Ewropej; iqis li, f'dan is-sens, ir-riformi, il-programmi u l-azzjonijiet ta' politika tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jitfasslu b'mod li jikkontribwixxi għall-ilħuq ta' dawn l-objettivi obbligatorji u li l-protezzjoni legali għandha timplika li l-azzjonijiet, il-politiki, il-programmi jew ir-riformi li jista' jkollhom impatt negattiv potenzjali fuq il-progress lejn l-ilħuq ta' dawn l-objettivi, jew ixekkluh, għandhom jiġu evitati;

6.  Huwa konvint li qafas ta' governanza għal Ewropa soċjali u sostenibbli għandu jifforma parti mir-riformi li ġejjin: l-integrazzjoni tal-EPSR u protokoll ta' progress soċjali fit-Trattati, biex id-drittijiet soċjali jiġu protetti fuq l-istess livell bħal-libertajiet ekonomiċi fis-suq uniku, u l-adozzjoni ta' Patt ta' Żvilupp Sostenibbli u Progress Soċjali li jagħmel il-miri soċjali u sostenibbli obbligatorji, sabiex jinkisbu l-SDGs tan-NU; iqis li, barra minn hekk, il-proċess tas-Semestru għandu jsegwi l-metodu Komunitarju u jiġi miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, filwaqt li aktar oqsma ta' politika soċjali għandhom jaqgħu taħt il-proċess ta' deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata, b'mod partikolari n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (lil hinn minn sitwazzjonijiet transfruntieri), il-protezzjoni tal-ħaddiema li l-kuntratt tal-impjieg tagħhom ġie tterminat, ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, u l-kundizzjonijiet ta' impjieg għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE;

Mezzi finanzjarji għal Ewropa soċjali u sostenibbli b'saħħitha

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-flessibilità fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-finanzi pubbliċi u l-politiki fiskali, sabiex jagħtu lok għal infiq eċċezzjonali biex jiġu evitati u jittaffew il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali, u jiffinanzjaw impjiegi ta' kwalità, servizzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; jilqa' n-Next Generation EU, il-pjan ta' rkupru tal-UE; jenfasizza li tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti jistgħu jinkisbu biss b'appoġġ xieraq għall-edukazzjoni u l-kura soċjali u l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa, sabiex jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-prosperità għal kulħadd; huwa mħasseb li, fil-kriżi attwali, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali qed jesperjenzaw pressjoni mingħajr preċedent u li n-nefqa pubblika relatata se tiżdied b'mod esponenzjali; jissottolinja li n-nefqa għall-miżuri tal-kriżi ma għandhiex issir għad-detriment ta' dawk l-anqas għonja, iżda għandha tinġarr b'mod ġust; jisħaq, għalhekk, li sabiex jitħeġġeġ l-irkupru, l-isforz ta' investiment tal-UE permezz tal-Pjan ta' Rkupru jrid ikollu dimensjoni soċjali b'saħħitha li ssaħħaħ is-sistemi ta' protezzjoni soċjali u li tinvesti fis-sigurtà soċjali, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni affordabbli, l-impjiegi, il-ġustizzja u s-servizzi soċjali għall-gruppi vulnerabbli, sabiex jiġi miġġieled l-impatt soċjali tal-kriżi; iqis li l-investiment fl-edukazzjoni, is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji progressivi mfassla tajjeb, l-investiment soċjali u l-għoti ta' servizzi pubbliċi u soċjali ta' kwalità huma lievi essenzjali biex jiġi evitat it-trasferiment tal-iżvantaġġi minn ġenerazzjoni waħda għal dik ta' warajha; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-EPSR fil-kuntest tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fl-istess livell bħal dak tal-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni diġitali; jitlob, għalhekk, li r-riformi li ġejjin marbuta mal-pakkett għall-irkupru jinkludu konverġenza soċjali 'l fuq bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tal-programmi nazzjonali ta' riforma, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju; jemmen, f'dan is-sens, li l-miri l-ġodda ta' Porto 2030 għandhom jiġu appoġġati fil-Pjan ta' Rkupru, flimkien mal-miri ekonomiċi u ambjentali;

8.  Jenfasizza li l-investiment soċjali fil-pakkett ta' rkupru, bħala ambizzjoni, għandu jikkorrispondi għall-miri tal-Aġenda ta' Porto, sabiex jipprovdi wkoll l-appoġġ finanzjarju meħtieġ; jemmen li Pjanijiet ta' Progress Soċjali (SPPs) għandhom jiddeskrivu kif il-miri tal-Aġenda ta' Porto u l-prinċipji tal-EPSR se jiġu implimentati, id-daqs tal-investimenti soċjali, l-oqsma inkwistjoni, u r-riżultati tal-progress fil-mira;

9.  Ifakkar li l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar huma għodda effettiva biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi matul kriżi ekonomika; jilqa' l-istabbiliment tal-Istrument għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) bħala miżura ta' emerġenza biex jiġu appoġġati l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar tal-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza li dan huwa strument ewlieni li jappoġġa skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, u b'hekk jagħmilha possibbli li jiġu salvagwardjati l-impjiegi u l-ħiliet u li jiġi ppreservat proporzjon kbir ta' pagi u dħul; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-prestazzjoni ta' dan l-istrument temporanju u teżamina l-possibilità li jiġi introdott strument speċjali permanenti f'dan ir-rigward, li jiġi attivat – fuq talba tal-Istati Membri – f'każ ta' kriżi mhux mistennija li twassal għal żieda kostanti fin-nefqa għal skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza finanzjarja tingħata biss lil impriżi li mhumiex reġistrati fil-pajjiżi elenkati fil-lista komuni tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta' taxxa jew fl-Anness 1 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jikkonformaw mal-valuri fundamentali minquxa fit-Trattati, u li l-kumpaniji li jirċievu appoġġ finanzjarju pubbliku jipproteġu lill-ħaddiema, jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, jirrispettaw it-trade unions u l-ftehimiet kollettivi applikabbli, iħallsu s-sehem tagħhom tat-taxxi, u joqogħdu lura milli jwettqu riakkwist ta' ishma jew iħallsu bonusijiet lill-maniġment jew dividendi lill-azzjonisti; jenfasizza l-importanza li l-programmi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jiġu kkombinati mal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali għall-ħaddiema affettwati;

10.  Jilqa' t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li pproponiet Skema tal-UE ta' Riassigurazzjoni tal-Benefiċċju tal-Qgħad, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha; jitlob biex dan l-istrument jipproteġi t-tipi kollha ta' ħaddiema, inaqqas il-pressjoni minn xokkijiet esterni fuq il-finanzi pubbliċi u jissalvagwardja s-sistemi nazzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad matul kriżijiet li jwasslu għal żieda f'daqqa fin-nefqa; jitlob li din il-proposta tkopri pajjiżi tal-UEM bil-possibilità li jissieħbu pajjiżi barra mill-UEM;

11.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' Fond għal Tranżizzjoni Ġusta; jisħaq li aċċettazzjoni soċjali wiesgħa tal-miżuri tal-protezzjoni ambjentali u tal-azzjoni klimatika hija vitali għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu b'mod effettiv lis-sħab soċjali, lill-gvern reġjonali u lokali u lis-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta; ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-bidliet strutturali sussegwenti diġà qed iħallu impatt qawwi fuq ħafna reġjuni Ewropej u l-abitanti tagħhom; jisħaq li l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u deċenti huwa kruċjali sabiex jinkiseb suq tal-impjiegi inklużiv u bbilanċjat biex jakkumpanja t-tranżizzjoni xierqa u ġusta lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, ċirkolari, effiċjenti ħafna fir-riżorsi u fl-enerġija u bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, effiċjenti ħafna fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, u bbażata fuq sorsi rinnovabbli u biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jinsisti li jiżdied l-ammont imressaq f'Mejju 2020 għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha; jitlob li l-Fond ikollu biżżejjed mezzi finanzjarji biex jappoġġa lir-reġjuni fi tranżizzjoni u jiżgura li jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità u li l-koeżjoni soċjali tkun il-prinċipju gwida għall-għoti ta' appoġġ fl-ambitu tal-Fond; jisħaq li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni rivedut huwa essenzjali biex jiġu appoġġati l-pjanijiet soċjali għall-ħaddiema milquta mir-ristrutturar, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu dwar żieda sostanzjali fil-baġit għal dan l-istrument bħala parti mill-appoġġ finanzjarju usa' tal-Fond Ewropew għal Tranżizzjoni Ġusta; jitlob li jsir użu sostenibbli u ambizzjuż tal-fondi disponibbli sabiex jiġu appoġġati dawk ir-reġjuni li huma l-aktar vulnerabbli u li għadhom lura, billi jintużaw miżuri tranżitorji fejn meħtieġ; ifakkar fl-importanza li l-proġetti eliġibbli jkunu konsistenti mal-objettiv ta' newtralità klimatika għall-2050, inklużi l-passi intermedji relatati sal-2030, kif ukoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

12.  Jenfasizza l-bidliet li t-tranżizzjoni ġusta ġġib fis-suq tax-xogħol u d-distribuzzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji biex jiżguraw l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi ekoloġiċi ġodda u biex inaqqsu d-disparità bejn il-ġeneri fl-impjiegi fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli;

13.  Ifakkar li, qabel il-pandemija tal-COVID-19, aktar minn 100 miljun Ewropew kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' faqar u privazzjoni materjali kuljum u li s-sitwazzjoni se tmur għall-agħar b'riżultat tal-kriżi; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-fondi u l-programmi Ewropej kollha fil-qasam soċjali u r-rwol saħansitra aktar essenzjali li l-FSE+ u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) futuri se jkollhom fis-seba' snin li ġejjin; jenfasizza li l-isforzi ta' rkupru għandhom jagħtu spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir u lir-reżiljenza u l-ġustizzja tas-soċjetajiet tagħna, u għandhom ikunu kkomplementati minn dimensjoni soċjali b'saħħitha, filwaqt li jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u l-ħtiġijiet ta' dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, b'mod partikolari l-gruppi vulnerabbli u dawk żvantaġġati, bħal dawk fil-faqar, il-persuni qiegħda, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità, il-ġenituri waħedhom, il-ħaddiema mobbli u l-migranti; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li timmobilizza l-FEG b'reazzjoni għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fil-livell soċjali u ekonomiku, u jenfasizza li l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi se tirrikjedi finanzjament suffiċjenti għas-snin li ġejjin; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dan il-fond sabiex jakkumpanjaw lill-ħaddiema spostati f'dawn it-tranżizzjonijiet;

14.  Jinsab imħasseb li fil-kuntest tal-irkupru mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, se ssir imminenti fis-snin li ġejjin; jissottolinja li l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 5 % tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) taħt ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw attivitajiet fl-ambitu tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal (ECG); jisħaq li huwa essenzjali li jinħoloq baġit separat ta' EUR 3 biljun għall-ewwel sena mill-implimentazzjoni tagħha, meta l-UE tkun qed ssofri l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, li se jkollha impatt dejjem akbar fuq it-tfal bħala l-aktar grupp vulnerabbli fost dawk l-aktar żvantaġġati, u li total ta' mill-anqas EUR 20 biljun jiġi investit fl-ECG fil-perjodu 2021 – 2027; iħeġġeġ sabiex dan jiġi kkomplementat minn Strateġija komprensiva Kontra l-Faqar li tinkludi miżuri li jiżguraw akkomodazzjoni deċenti u affordabbli u li jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar; ifakkar li kwalunkwe strateġija biex jinqered il-faqar fost it-tfal trid tqis ir-realtà tal-ġenituri waħedhom u l-familji b'għadd kbir ta' tfal, minħabba li l-familji b'ġenitur wieħed u l-unitajiet domestiċi b'ħafna tfal huma fost il-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jissottolinja wkoll li l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-anqas 3 % tar-riżorsi tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex jindirizzaw il-privazzjoni alimentari u materjali kif ukoll biex jappoġġaw l-inklużjoni soċjali ta' dawk l-aktar fil-bżonn;

15.  Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 diġà ħalliet bosta persuni mingħajr impjieg, speċjalment żgħażagħ li jsibu ruħhom aktar ta' spiss f'impjieg prekarju; jilqa' f'dan il-kuntest il-pjanijiet tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità; jenfasizza li jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinvestu riżorsi suffiċjenti tal-FSE+ f'miżuri li jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ u li għalhekk dawn iridu jallokaw mill-anqas 15 % tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom taħt ġestjoni kondiviża għal azzjonijiet immirati u riformi strutturali biex jappoġġaw impjiegi taż-żgħażagħ ta' kwalità; ifakkar fil-ħtieġa ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ vinkolanti, aktar effettiva u inklużiva li tipprovdi traineeships, apprendistati u internships bi ħlas għall-gruppi kollha ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), f'qafas ċar ta' kriterji tal-kwalità li jirregola l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jikkundanna l-prattika ta' internships mhux imħallsa, meta tali prattika ma tkunx relatata mal-kisba ta' kwalifiki professjonali, bħala forma ta' sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas legali għal projbizzjoni effettiva u infurzabbli fuq tali internships, traineeships u apprendistati mhux imħallsa;

L-Aġenda ta' Porto: miri u proposti

16.  Jemmen li l-Aġenda ta' Porto, bħala aġenda Soċjali Ewropea b'saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli, għandha tinkludi indikaturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-benessri u għandha tkopri l-oqsma li ġejjin: xogħol deċenti, ġustizzja soċjali u opportunitajiet indaqs, sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali u mobilità ġusta; iqis li, sabiex jinkisbu riżultati aktar tanġibbli, din l-aġenda l-ġdida għandha tikkombina miri kwantitattivi u kwalitattivi u għandha tkun imsejsa fuq approċċ ibbażat fuq id-drittijiet;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod attiv id-distakk diġitali fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, li bosta minnhom ġew diġitalizzati matul il-COVID-19, billi jiżguraw appoġġ finanzjarju mill-UE għall-innovazzjoni soċjali fil-livell lokali biex is-servizzi pubbliċi jsiru aċċessibbli aktar faċilment, inklużi l-bini tal-kapaċitajiet u l-iskalar tal-inizjattivi innovattivi minn isfel għal fuq għall-inklużjoni elettronika u l-litteriżmu fid-data, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja, aċċessibbli u faċli għall-utent;

1.Xogħol deċenti u swieq tax-xogħol sostenibbli u inklużivi

18.  Jinnota li pagi deċenti huma element essenzjali ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u għal ekonomija soċjali tas-suq li tirnexxi, u li l-pagi għandhom jippermettu lill-ħaddiema jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u dawk tal-familji tagħhom; jemmen li kull ħaddiem fl-UE għandu jirċievi paga li tiżgura mill-inqas standard tal-għajxien deċenti; jemmen li negozjar kollettiv imsaħħaħ huwa l-aħjar mod biex jiġu promossi pagi deċenti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-ostakli għan-negozjar kollettiv fl-UE u jieħu nota tal-proposta għal direttiva dwar il-pagi minimi u n-negozjar kollettiv; jissottolinja li din id-direttiva għandha tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-faqar fost dawk li jaħdmu u tippromwovi n-negozjar kollettiv, f'konformità mat-tradizzjonijiet nazzjonali u bir-rispett dovut għall-awtonomija tas-sħab soċjali nazzjonali u l-mudelli ta' negozjar kollettiv li jiffunzjonaw tajjeb; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar indiċi tal-pagi li jiggarantixxu l-għajxien, sabiex tistma l-għoli tal-ħajja u l-introjtu approssimattiv meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-unitajiet domestiċi għal kull Stat Membru u reġjun, peress li dan jista' jservi bħala għodda ta' referenza għas-sħab soċjali; jinsisti li l-pagi minimi statutorji jiġu stabbiliti f'livell ogħla mis-soll tad-deċenza, bl-involviment sħiħ tas-sħab soċjali, billi dan jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-faqar fost dawk li jaħdmu, filwaqt li jiggarantixxi introjtu għal kull ħaddiem 'il fuq mil-livell tal-faqar filwaqt li jitqiesu l-varjazzjonijiet fl-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri; jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE sabiex jinkiseb tkabbir reali tal-pagi, jiġi evitat l-ispiral 'l isfel ta' kompetizzjoni dannuża fir-rigward tal-kost lavorattiv u tiżdied il-konverġenza soċjali 'l fuq għal kulħadd;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, jimpenjaw ruħhom li jilħqu kopertura ta' negozjar kollettiv ta' 90 % sal-2030 f'dawk is-sistemi nazzjonali li jikkombinaw ir-regolament statutorju u tas-sħab soċjali dwar il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u tax-xogħol; jisħaq li n-negozjar kollettiv jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali tas-suq, li hija waħda mill-miri fit-Trattat ta' Lisbona; itenni li t-trattati Ewropej, li jipproteġu b'mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali, u s-sistemi awtoregolatorji fis-seħħ f'xi Stati Membri, iridu jiġu protetti sabiex is-sħab soċjali jirregolaw b'mod awtonomu, filwaqt li jiġu żgurati leġittimità b'saħħitha u progress fil-kopertura tan-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-finijiet ta' organizzazzjoni; jissottolinja li r-riformi fl-Istati Membri m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv in-negozjar kollettiv u li dan jeħtieġ li jiġi promoss fil-livell settorjali, inkluż bl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lis-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika Ewropea, inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jemmen li l-miri proposti jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar fost dawk li jaħdmu u biex jiġu żgurati pagi ġusti għall-ħaddiema Ewropej;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-direttiva Ewropea dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġi stabbilit trattament preferenzjali għall-kumpaniji li jikkonformaw mal-ftehimiet tan-negozjar kollettiv; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-klawżola soċjali u teskludi mill-offerti lil kumpaniji li kienu involuti f'attivitajiet kriminali jew li jfixklu lit-trade unions (union-busting) jew li rrifjutaw li jipparteċipaw f'negozjar kollettiv, filwaqt li tiżgura li l-fondi pubbliċi jintużaw biex isir investiment fit-Tranżizzjonijiet Ġusti bil-għan li jippromwovu l-ftehimiet kollettivi u jżidu d-densitajiet tat-trade unions; iqis ukoll li l-appoġġ finanzjarju kollu tal-UE lill-impriżi għandu jkun soġġett għall-konformità tagħhom mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi applikabbli u/jew mal-obbligazzjonijiet ta' min iħaddem li jirriżultaw mill-ftehimiet kollettivi rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet tas-servizzi pubbliċi, kemm jekk ġestiti privatament kif ukoll jekk ġestiti pubblikament, jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persunal tagħhom, filwaqt li jirrispettaw b'mod partikolari l-libertà (tagħhom?) li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi settorjali jew fil-livell tal-kumpaniji u d-dritt (tagħhom?) għal pagi adegwati;

21.  Jinnota bi tħassib kbir il-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'għadd ta' Stati Membri u l-fraġilità tal-kuntratti tax-xogħol tal-ħaddiema żgħażagħ, b'mod partikolari f'setturi milquta serjament mill-COVID-19; jitlob Strument ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħaħ bil-għan li jitnaqqas il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ mill-inqas b'50 % sal-2030, li jinkludi wkoll kriterji għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità bi qbil mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 8 tal-Aġenda 2030 tan-NU; jemmen li wasal iż-żmien li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir kemm vinkolanti għall-Istati Membri kollha kif ukoll inklużiva, inklużi miżuri ta' sensibilizzazzjoni attivi lejn NEETs fit-tul u żgħażagħ minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, bħal żgħażagħ b'diżabilità u żgħażagħ Romani;

22.  Jisħaq li aġenda Ewropea għal impjiegi ta' kwalità mhijiex biss kwistjoni ta' deċenza, iżda hija tajba wkoll għall-ekonomija peress li ttejjeb il-produttività u tagħti spinta lid-domanda interna; iqis li impjieg ta' kwalità jrid jinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien, sigurtà tal-impjieg u aċċess għall-protezzjoni soċjali, opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin f'postijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa, ħinijiet tax-xogħol raġonevoli b'bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u rappreżentanza tat-trade unions u drittijiet ta' negozjar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-objettiv ġenerali li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol fil-livell Ewropew fil-proċess tas-Semestru u t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, bil-għan li tiggwida u tivvaluta l-kontribut tal-politiki dwar l-impjiegi madwar l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-SDGs u l-EPSR; jistieden lill-Istati Membri jagħtu lir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fl-oqsma soċjali u dawk relatati mal-impjiegi, speċjalment dawk maħruġa wara l-kriżi tal-COVID-19, l-istess importanza bħal dik li jagħtu lir-rakkomandazzjonijiet (fl-oqsma) ekonomiċi u baġitarji;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ir-reviżjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Impjiegi mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tagħhom fl-2020, sabiex iqisu l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali u għall-impjiegi tagħha, u jirrispondu aħjar għal kriżijiet futuri simili; jinsisti li, sabiex jissaħħaħ il-proċess deċiżjonali demokratiku, il-Parlament Ewropew għandu jiġi involut fid-definizzjoni tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, fuq bażi ugwali mal-Kunsill; jistieden lill-Eurofound tikkontribwixxi għall-kejl tal-kwalità tal-impjiegi f'ambjenti kuntrattwali u ta' impjiegi differenti u tipprovdi analiżijiet rilevanti għall-politika biex tgħin fit-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u tagħmel ix-xogħol sostenibbli;

24.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-għadd ta' ħaddiema f'forom ta' impjieg prekarju u mhux standard, ħaddiema indipendenti b'mod fittizju u ħaddiema b'kuntratti ta' żero sigħat, inkluż fl-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex jintlaħaq l-objettiv li jiġu eliminati l-impjiegi temporanji involontarji u l-impjiegi part-time involontarji sal-2030 u biex 80 % tal-impjiegi maħluqa jkunu b'paga medja jew għolja u kkonċentrati f'setturi sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw il-prattiki ta' kuntratti ta' żero sigħat u impjiegi indipendenti fittizji;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-imwiet relatati max-xogħol u jnaqqsu l-mard relatat max-xogħol sal-2030; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ bi strateġija ġdida għas-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali, li tittratta kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tal-ħaddiema, sabiex jintlaħaq dan il-għan; jemmen li din l-istrateġija għandha tinkludi r-reviżjoni tad-direttiva qafas dwar is-saħħa u s-sikurezza sabiex il-ħaddiema jiġu protetti waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħall-pandemiji, kif ukoll proposti leġiżlattivi ambizzjużi dwar disturbi muskoloskeletali u relatati mal-istress, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġġorna d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD) u tipproponi Valuri ta' Limitu Vinkolanti għall-Esponiment Okkupazzjonali (BOELs) għal minimu ta' 50 sustanza addizzjonali sal-2024, u tinkludi fid-Direttiva sustanzi b'effetti ta' ħsara fuq is-sistema riproduttiva u tintroduċi valuri ta' limitu aktar stretti fuq sustanzi dannużi bħall-karċinoġeni u l-mutaġeni; jisħaq li l-UE trid tkompli tibni fuq il-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar is-Saħħa Mentali; jinnota li waħda mill-miri hija wkoll il-prevenzjoni tal-kanċer, peress li huwa meqjus li 40 % tal-kanċers jistgħu jiġu evitati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Pjan ambizzjuż għall-Ġlieda kontra l-Kanċer biex tgħin biex titnaqqas it-tbatija kkawżata minn din il-marda; jitlob li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jissaħħaħ biex tippromwovi postijiet tax-xogħol sani u sikuri madwar l-Unjoni u tiżviluppa aktar inizjattivi li jtejbu l-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol fis-setturi ta' attività kollha;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta aġenda ta' kura strateġika tal-UE bħala pass ieħor 'il quddiem biex tingħata s-setgħa b'mod kwalitattiv lis-settur tal-kura tas-saħħa fl-UE, inklużi l-ħaddiema ta' servizzi personali u domestiċi; itenni li l-aġenda tal-kura jeħtieġ li tirrifletti wkoll is-sitwazzjoni tal-100 miljun persuna li tindokra b'mod informali fl-UE, li jipprovdu 80 % tal-kura fit-tul iżda li fil-parti l-kbira tagħhom jibqgħu ma jiġux rikonoxxuti; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa qafas regolatorju li jiggarantixxi servizzi ta' kura ta' kwalità, inkluża l-valutazzjoni ta' opportunitajiet ġodda fis-settur tal-kura tas-saħħa li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u l-pazjenti, filwaqt li tirrispetta r-rwol tal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-għoti ta' servizzi liċ-ċittadini u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persuni li jindukraw;

27.  Jirrikonoxxi li xogħol ġust u soċjalment sostenibbli u parteċipazzjoni reali tal-impjegati fit-tfassil tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma aktar importanti minn qatt qabel, fil-pjattaformi diġitali kif ukoll fis-setturi l-oħra kollha, u li l-ħaddiema jrid ikollhom influwenza demokratika fuq il-governanza tax-xogħol; jissottolinja li l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni jridu jiġu kondiviżi b'mod wiesa' u ekwu u li l-ħaddiema fis-settur diġitali jridu jgawdu l-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk f'setturi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u d-drittijiet fl-ekonomija diġitali, li tkopri lill-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema mhux standard b'kuntratti atipiċi, il-ħaddiema f'kumpaniji pjattaforma u dawk li jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, f'din id-direttiva, li n-negozji tal-pjattaforma jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti, tikkjarifika l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiema bbażati fuq il-pjattaformi permezz tas-suppożizzjoni konfutabbli ta' relazzjoni ta' impjieg u tissalvagwardja l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u s-saħħa u s-sikurezza tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom li jorganizzaw, li jkunu rrappreżentati minn trade unions u li jinnegozjaw ftehimiet kollettivi, inkluż għal dawk li jaħdmu għal rashom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni mmirata tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE biex tippermetti li jiġi stabbilit prezz kollettiv għal dawk li jaħdmu għal rashom b'mod prekarju, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar fil-poter tan-negozjar u suq intern aktar ġust;

28.  Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 issottolinjat l-importanza ta' soluzzjonijiet diġitali, b'mod partikolari t-telexogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta direttiva dwar standards u kundizzjonijiet minimi għal telexogħol ġust, tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi n-natura volontarja tiegħu, ir-rispett tas-sigħat tax-xogħol, il-liv, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u drittijiet diġitali oħra fuq il-post tax-xogħol bħad-dritt għall-iskonnessjoni, il-protezzjoni tal-privatezza tal-ħaddiema, inkluż kontra monitoraġġ mill-bogħod jew kwalunkwe tip ieħor ta' traċċar, u l-projbizzjoni ta' impjanti ta' mikroċipep fuq il-ħaddiema u tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-proċessi ta' reklutaġġ, filwaqt li jitqies il-Ftehim Qafas tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar id-Diġitalizzazzjoni;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi direttiva qafas ġdida dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għal forom ta' kumpaniji Ewropej, inklużi l-ktajjen tas-sottokuntrattar u l-frankiġji, u għall-kumpaniji li jużaw strumenti Ewropej ta' mobilità tal-kumpaniji, sabiex jiġu stabbiliti standards minimi, inkluż dwar l-antiċipazzjoni ta' bidla u ristrutturar, b'mod partikolari fil-livell tal-kumpaniji; jitlob ukoll li ssir reviżjoni tad-direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (EWC) biex jiġu żgurati, fost l-oħrajn, infurzar xieraq, aċċess għall-ġustizzja u sanzjonijiet effettivi għal ksur tar-regoli u biex jittejjeb il-funzjonament tal-korp speċjali ta' negozjar, inkluż proċess transnazzjonali ta' informazzjoni u konsultazzjoni, li għandu jitwettaq u jitlesta kif xieraq qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sjieda ta' ishma għall-impjegati, bħala għodda biex tittejjeb l-inklużjoni tal-ħaddiema billi tittejjeb id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jitnaqqsu l-inugwaljanzi kif ukoll ir-riskju tat-telf ta' impjiegi waqt perjodi ta' reċessjoni;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex sal-2030 ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet koperti minn ftehimiet ta' governanza korporattiva sostenibbli, filwaqt li jiġu stabbiliti strateġiji miftiehma mal-ħaddiema sabiex jiġi influwenzat b'mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta' prattiki ta' governanza u preżenza fis-suq, tittejjeb l-akkontabbiltà tad-diretturi fir-rigward tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-proċessi deċiżjonali korporattivi, u jiġu promossi prattiki ta' governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpaniji, b'referenza, fost l-oħrajn, għar-rapportar korporattiv, ir-remunerazzjoni tal-membri tal-bord, id-differenza fil-proporzjon tal-paga massima, il-kompożizzjoni tal-bordijiet u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

31.  Jitlob li titfassal direttiva dwar drittijiet tal-bniedem vinkolanti, diliġenza dovuta u mġiba responsabbli fin-negozju, li tinkludi d-drittijiet tal-ħaddiema bħad-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' negozjar kollettiv u d-dritt tas-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, filwaqt li tistabbilixxi diliġenza dovuta obbligatorja li tkopri l-attivitajiet tal-kumpaniji u r-relazzjoni kummerċjali tagħhom, inklużi l-ktajjen tal-provvista u tas-sottokuntrattar; jisħaq li din id-direttiva għandha tiżgura l-involviment sħiħ tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-proċess kollu tad-diliġenza dovuta u għandha tiggarantixxi d-dritt li jinkiseb negozjar kollettiv fil-livelli rilevanti rigward il-politiki dwar id-diliġenza dovuta; jissottolinja li kemm l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) iridu jkunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet konġunti tul il-katina kollha, ikunu miftuħa li jressqu lmenti, u jkunu jistgħu joffru appoġġ għall-konformità, fir-rigward tal-kumpaniji kollha tal-UE u tal-kumpaniji li jixtiequ jkollhom aċċess għas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti fuq ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet 81 (spezzjoni tax-xogħol) u 129 (spezzjoni tax-xogħol fis-settur agrikolu) tal-ILO mis-sħab kummerċjali kollha tal-UE;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċità tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li qed juru li huma importanti ħafna għas-soċjetà matul il-pandemija, u tevalwa l-iżvilupp ta' programmi u strumenti finanzjarji speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-qafas tagħha għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' kooperattivi u intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li min-natura tagħhom jagħmlu enfasi aktar qawwija fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema;

33.  Jissottolinja li infurzar effettiv huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-ħaddiema u l-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali; jiddispjaċih li l-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom lura milli jissodisfaw l-impenn tagħhom fil-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol fir-rigward tal-għadd ta' spetturi tax-xogħol; jinsisti li l-Istati Membri jżidu l-kapaċità ta' infurzar tagħhom sabiex jilħqu proporzjon ta' mill-inqas spettur wieħed tax-xogħol għal kull 10 000 persuna impjegata, sa mhux aktar tard mill-2030;

2.Ġustizzja soċjali u opportunitajiet indaqs

34.  Jisħaq li l-qerda tal-faqar fost it-tfal u l-iżgurar tal-benessri u l-opportunitajiet indaqs għat-tfal iridu jkunu fost l-ogħla prijoritajiet għall-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal sabiex sal-2030 kull tifel u tifla fl-UE jkollhom aċċess sħiħ għal kura tas-saħħa ta' kwalità u bla ħlas, għall-edukazzjoni u għall-kura tat-tfal, ikunu qed jgħixu f'dar deċenti u jirċievu nutrizzjoni adegwata; jinnota li din il-politika trid tkun integrata ma' miżuri oħra speċifiċi għall-politika dwar il-faqar u l-familji sabiex twassal għal ċikli ta' politika żviluppati bis-sħiħ li jkunu kapaċi joffru lit-tfal u lill-familji tagħhom opportunitajiet ta' inklużjoni soċjali, inklużi strateġiji nazzjonali u lokali biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, filwaqt li jitqiesu l-isfidi speċifiċi ffaċċjati minn gruppi differenti ta' tfal fil-bżonn fil-livell lokali;

35.  Jikkundanna l-użu tal-pandemija bħala skuża biex xi gvernijiet jerġgħu lura milli jirrispettaw xi wħud mid-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u tan-nisa; ifakkar fid-dritt inaljenabbli ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, kif ukoll id-dritt li wieħed ikollu awtodeterminazzjoni fuq il-ġisem tiegħu stess; jenfasizza, għalhekk, li d-drittijiet tal-kura tas-saħħa riproduttiva, tal-kontraċezzjoni u tal-abort iridu jiġu ggarantiti, inkluż permezz ta' estensjoni tal-perjodu ta' żmien legali għal abort;

36.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-introjtu minimu biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li tipproponi qafas għal skemi ta' introjtu minimu, bil-għan li tissalvagwardja d-dritt għal ħajja deċenti u teqred il-faqar, u filwaqt li tindirizza l-kwistjonijiet tal-adegwatezza u l-kopertura, inkluża klawżola ta' nonrigressjoni; jissottolinja li kull persuna fl-Ewropa għandha tkun koperta minn skema ta' introjtu minimu u li l-pensjonijiet għandhom jiżguraw introjtu ogħla mis-soll tal-faqar;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, li bħalissa hija ta' 16 % – u d-differenza fil-pensjonijiet li tirriżulta minnha – b'mira ta' 0 % għall-2030, billi tingħata prijorità lill-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti qafas legali dwar it-trasparenza fil-pagi, kif imwiegħed oriġinarjament għall-ewwel 100 jum tagħha, inklużi rappurtar dwar it-trasparenza fil-pagi u informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi; itenni li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet tirriżulta wkoll minn skemi ta' pensjonijiet inadegwati li ma jqisux kif xieraq il-perjodi tal-liv tal-maternità jew tal-ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri fit-tul biex inaqqsu r-rati għolja tal-qgħad fost in-nisa u jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, biex jiżguraw parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, u biex jintroduċu inizjattivi biex jippromwovu l-aċċess tan-nisa għall-finanzi, l-intraprenditorija femminili u l-indipendenza finanzjarja tan-nisa;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri konkreti li japplikaw kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat, filwaqt li tqis kif xieraq l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi żgħar u medji, bħad-definizzjoni ċara ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol, is-sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjiegi newtrali fir-rigward tal-ġeneru, l-awditi u r-rapporti tal-pagi fir-rigward tal-ġeneru biex jiggarantixxu paga ugwali, id-dritt tal-ħaddiema li jitolbu informazzjoni sħiħa dwar il-pagi u d-dritt għal rimedju, u miri ċari għall-prestazzjoni tal-kumpaniji fir-rigward tal-ugwaljanza; jitlob, barra minn hekk, li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u għall-introduzzjoni ta' drittijiet proċedurali aktar b'saħħithom biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali u tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha (nazzjonali, settorjali, lokali u tal-kumpaniji) fil-leġiżlazzjoni li jmiss dwar it-trasparenza fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miżuri ta' infurzar b'saħħithom għal dawk li ma jikkonformawx, bħal penali u sanzjonijiet għal min iħaddem li jikser id-dritt ta' ugwaljanza fil-pagi;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiżblukkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet u jadottaw pożizzjoni ambizzjuża fil-Kunsill sabiex jindirizzaw l-iżbilanċ konsiderevoli bejn in-nisa u l-irġiel fil-proċess deċiżjonali fl-ogħla livell; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-effett tas-saqaf tal-ħġieġ fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati billi jintroduċu l-objettiv li tintlaħaq rappreżentanza ta' mill-inqas 40 % ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali għolja;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Strateġija Ewropea dwar id-Diżabilità wara l-2020 li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-UNCRPD u li jkun fiha miri ambizzjużi, ċari u li jistgħu jitkejlu, azzjonijiet ippjanati bi skedi ta' żmien ċari u riżorsi dedikati, kif ukoll li jkunu appoġġati minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ adegwat u b'riżorsi suffiċjenti b'punti ta' riferiment u indikaturi ċari li jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tinkiseb aċċessibbiltà sħiħa tal-oġġetti u s-servizzi, inkluż(i?) l-ambjent mibni, l-edukazzjoni inklużiva u s-suq tax-xogħol u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, sabiex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, kif ukoll impenn favur il-finalizzazzjoni tal-proċess ta' deistituzzjonalizzazzjoni tal-faċilitajiet ta' indukrar fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi disponibbli mill-Fond ta' Koeżjoni, il-FEŻR kif ukoll il-FSE b'mod partikolari, sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-ispazji pubbliċi għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, inklużi l-persuni b'diżabilità, il-persuni bit-tfal, u l-anzjani, li għadhom jiffaċċjaw il-problema tal-esklużjoni soċjali;

41.  Iħeġġeġ l-inkorporazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrateġija li jmiss għall-2021 dwar id-diżabilità u l-ugwaljanza, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lit-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri u azzjonijiet speċifiċi;

42.  Jappoġġa l-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva u aċċessibbli, inkluż l-aċċess għall-internet broadband, u t-taħriġ vokazzjonali u diġitali, inkluż għall-gruppi vulnerabbli u l-persuni b'diżabilità, sabiex b'mod partikolari l-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u dawk akbar fl-età jkunu jistgħu jitħarrġu mill-ġdid u jitgħallmu ħiliet ġodda; jappoġġa l-ħolqien ta' possibbiltajiet ta' apprendistat mifruxa madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi lejn aktar inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol billi jneħħu l-ostakli billi jużaw l-opportunitajiet li x-xogħol diġitali joffri għall-inklużjoni tagħhom u joħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom; ifakkar li, skont l-Eurofound, ħaddiem wieħed biss minn kull tlieta b'mard kroniku u rari li jirriżulta f'limitazzjonijiet għandu l-post tax-xogħol tiegħu adattat kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissuktaw bil-ħidma tagħhom ta' trawwim tal-impjieg, iż-żamma fix-xogħol u r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni b'diżabilità u b'mard kroniku fl-Ewropa;

43.  Jilqa' l-aġenda l-ġdida għall-ħiliet għall-EU; jenfasizza l-importanza ta' aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f'industriji u f'setturi li jeħtieġ li jwettqu bidliet fundamentali bil-għan li tinkiseb tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jenfasizza li l-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati jipprovdu valur miżjud lill-ħaddiema, itejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u jistgħu jiġu trasferiti fi tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; jappella biex il-politika pubblika dwar il-ħiliet tkun orjentata lejn iċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kwalifiki u tal-kompetenzi; jenfasizza li s-sistemi ta' kumpens ibbażati fuq il-ħiliet għandhom jiġu stabbiliti f'kumpaniji li jaċċessaw il-fondi pubbliċi għat-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema u bi ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, billi din is-sistema tiżgura li jkun hemm redditu fuq l-investiment pubbliku; jenfasizza li l-istrateġija Ewropea dwar il-ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, l-ekwità soċjali u r-reżiljenza trid tiggarantixxi d-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd u fl-oqsma kollha;

3.Sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti

44.  Jinnota li l-investiment attwali fl-infrastruttura soċjali fl-UE ġie stmat li huwa ta' madwar EUR 170 biljun fis-sena u li l-Kummissjoni tistma li l-investiment meħtieġ huwa ta' EUR 192 biljun, filwaqt li s-saħħa u l-kura fit-tul jammontaw għal 62 % ta' dak l-investiment meħtieġ (l-akkomodazzjoni affordabbli EUR 57 biljun; is-saħħa, EUR 70 biljun; il-kura fit-tul, EUR 50 biljun; l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, EUR 15-il biljun); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-EPSR proporzjon tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jkun ekwivalenti għall-investimenti fi prijoritajiet ambjentali u diġitali; jinsisti li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titqies fl-allokazzjoni tar-riżorsi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-Istrateġija Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bbażati fuq l-istrateġija Ewropea, bħala komponent importanti tal-miżuri soċjoekonomiċi meħuda wara l-kriżi tal-COVID-19;

46.  Jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data aħjar u aktar armonizzata dwar l-għadd ta' persuni mingħajr dar fl-Ewropa, billi dan jikkostitwixxi l-bażi ta' kwalunkwe politika pubblika effettiva;

47.  Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom obbligu li jiżguraw aċċess universali għal akkomodazzjoni deċenti, sikura u affordabbli, bi qbil mal-Aġenda 2030 tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 11, u f'konformità mad-drittijiet fundamentali bħal dawk definiti fl-Artikoli 16, 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden f'dak ir-rigward lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jenfasizza li l-investiment f'akkomodazzjoni soċjali, deċenti u affordabbli huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata u tittejjeb il-kwalità tal-għajxien għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi fir-rigward tal-investiment f'akkomodazzjoni affordabbli biex ikopru l-ħtiġijiet ta' akkomodazzjoni tal-gruppi b'introjtu baxx u medju (it-tliet kwintili tal-qiegħ), filwaqt li jiżguraw li mill-inqas 30 % tad-djar ġodda kollha jikkostitwixxu akkomodazzjoni affordabbli għal dawn iż-żewġ gruppi b'dan l-introjtu, u biex jeliminaw il-faqar enerġetiku sal-2030 billi jappoġġaw investiment fl-effiċjenza enerġetika minn unitajiet domestiċi b'introjtu baxx; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lir-rinnovazzjoni fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni ambizzjuż biex teqred b'mod progressiv il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar sal-2030, inkluż approċċ li jagħti prijorità assoluta lill-akkomodazzjoni mifrux madwar l-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali dwar il-persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw standards minimi għal akkomodazzjoni ta' kwalità għall-ħaddiema transfruntieri u staġonali, li għandhom ikunu diżakkoppjati mir-remunerazzjoni tagħhom, kif ukoll jiżguraw faċilitajiet deċenti, privatezza tal-inkwilini u kuntratti ta' kiri bil-miktub infurzati minn spettorati tax-xogħol, u jistabbilixxu standards f'dan ir-rigward;

48.  Jinsisti li l-ħaddiema kollha jkunu inklużi fis-sistema tas-sigurtà soċjali u jkunu intitolati għal benefiċċji tal-qgħad, leave mħallas minħabba mard, leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, assigurazzjoni għall-inċidenti u protezzjoni kontra sensja inġusta;

49.  Huwa mħasseb dwar l-iżbilanċi fil-kwalità tal-kura tas-saħħa u fl-aċċess għaliha madwar l-UE li ħarġu biċ-ċar minħabba l-kriżi tal-COVID-19; ifakkar li l-persuni aktar foqra x'aktarx jgħixu medja ta' 6 snin inqas mill-persuni aktar sinjuri u li l-persuni b'diżabilità spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-kura tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-determinanti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tas-saħħa sabiex jiġu indirizzati dawn l-inugwaljanzi fis-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi u metodoloġiji komuni biex tiġi mmonitorjata s-saħħa kif ukoll il-prestazzjoni u l-aċċessibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi, jiġu identifikati u prijoritizzati l-oqsma li jeħtieġu titjib u tinkiseb żieda fil-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza kif is-sistemi nazzjonali differenti ta' protezzjoni soċjali qed ikopru l-ħtiġijiet ta' protezzjoni soċjali matul il-kriżi attwali, sabiex jiġu identifikati l-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet rigward l-aċċess għas-servizzi u l-protezzjoni soċjali u l-għoti tagħhom, u biex jiġi żgurat mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-Ewropa, sabiex jiġi vverifikat il-livell ta' reżiljenza tagħhom meta jgħaddu minn xokkijiet ta' livelli differenti ta' severità u jistudjaw b'liema mod jistgħu jsiru aktar reżiljenti u robusti biex jifilħu għal kriżijiet futuri;

50.  Jenfasizza li l-aċċess universali għal pensjonijiet tal-irtirar u tax-xjuħija pubbliċi, adegwati u bbażati fuq is-solidarjetà jrid jingħata lil kulħadd; jirrikonoxxi l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, iżda jisħaq fuq l-importanza li titħares is-solidarjetà fis-sistemi tal-pensjonijiet billi tissaħħaħ in-naħa tad-dħul; jissottolinja l-importanza ta' sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u okkupazzjonali li jipprovdu dħul tal-irtirar adegwat 'il fuq mis-soll tal-faqar u jippermettu lill-pensjonanti jżommu l-livell ta' għajxien tagħhom; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjieg u li jiġu pprovduti aktar impjiegi ta' kwalità għall-etajiet kollha, jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, u jiġi allokat l-infiq pubbliku meħtieġ; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom jiffukaw, fost affarijiet oħra, fuq l-età effettiva tal-irtirar u jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija; iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li qed jiġu affettwati ħażin minħabba impjieg inċert u prekarju, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu s-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol, u jintensifikaw l-isforzi tagħhom favur it-tixjiħ attiv u f'saħħtu billi jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra l-anzjani fl-impjieg u jiżviluppaw programmi ta' inklużjoni fis-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini li jkollhom aktar minn 55 sena, bit-tagħlim tul il-ħajja bħala prijorità ewlenija;

51.  Huwa mħasseb dwar il-mod kif il-pandemija tal-COVID-19 aggravat aktar il-vulnerabbiltà, l-iżolament u r-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali tal-anzjani; jisħaq li l-pandemija wriet il-ħtieġa ta' mudell tal-UE li jippromwovi u jissalvagwardja d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan biex tiżgura s-saħħa mentali, id-dinjità u l-benessri tal-persuni, inklużi l-anzjani, billi tappoġġa servizzi pubbliċi tal-kura tas-saħħa u tal-kura adegwati u ta' kwalità, tinvesti f'servizzi bbażati fil-komunità, fil-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa, fil-protezzjoni soċjali, u f'akkomodazzjoni u infrastruttura deċenti u affordabbli, kif ukoll tappoġġa proġetti tal-ekonomija soċjali, inklużi l-koabitazzjoni u l-abitazzjoni kooperattiva, il-programmi tas-saħħa u l-benessri, il-kura ta' matul il-jum għall-adulti u l-kura fit-tul, u tipproteġi r-rwol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jindukraw, filwaqt li trawwem ukoll is-solidarjetà interġenerazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess ugwali għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba kif minqux fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi servizzi u faċilitajiet mediċi u ta' kura li ma jiddiskriminawx abbażi tal-età;

52.  Jilqa' r-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-impatt tat-tibdil demografiku fuq gruppi differenti fis-soċjetà u fuq żoni u reġjuni affettwati b'mod sproporzjonat fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw aktar mir-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-FEŻR għat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni f'żoni b'popolazzjoni li qed tixjieħ kbira, kif ukoll primarjament f'żoni rurali u f'żoni affettwati minn depopolazzjoni;

4.Mobilità ġusta

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar l-Aġenzija tax-Xogħol Temporanju (TWA) sabiex tistabbilixxi qafas legali li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u trattament ugwali għall-ħaddiema staġonali intra-UE u l-ħaddiema mobbli b'kuntratti ta' terminu fiss ma' aġenziji tax-xogħol temporanji jew kwalunkwe tip ieħor ta' intermedjarju tas-suq tax-xogħol, inklużi l-aġenziji tar-reklutaġġ; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-infurzar u jiġġieldu kontra l-prattiki ta' aġenziji tax-xogħol temporanju malizzjużi; jisħaq li dan il-qafas legali jista' jinkludi: projbizzjoni tal-intermedjarji tas-suq tax-xogħol li ma jikkonformawx mad-Direttiva TWA li joperaw fis-suq uniku, paga minima garantita bi ftehim kollettiv jew b'liġi, numru minimu garantit ta' sigħat fil-ġimgħa/fix-xahar li min iħaddem ma jistax inaqqas taħt ebda intestatura mill-paga minima jew pagi stabbiliti bi ftehim kollettiv, ebda tnaqqis mill-pagi fil-każ ta' kuntratti part-time, garanzija ta' trattament ugwali għal kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala ħaddiem li jaħdem fl-istess kumpanija/settur, rekwiżit li l-aġenziji tax-xogħol temporanju kollha li joperaw fis-suq intern ikunu elenkati f'reġistru Ewropew u jkunu ċċertifikati biex joperaw fis-suq uniku, sanzjonijiet kontra kumpaniji li jużaw prattiki ta' reklutaġġ frawdolenti u li jittraffikaw il-persuni għall-isfruttament tal-ħaddiema, u aċċess għal informazzjoni dwar il-kuntratti tal-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema b'lingwa li l-ħaddiem jista' jifhem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu l-pagamenti diretti fl-ambitu tal-politika agrikola komuni għall-benefiċjarji li ma jikkonformawx mal-liġi nazzjonali u Ewropea tax-xogħol, mal-Konvenzjonijiet tal-ILO u l-ftehimiet ta' negozjar kollettiv applikabbli;

54.  Jenfasizza li l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fl-UE hija libertà fundamentali u parti integrali mis-suċċess tas-suq intern; jisħaq fuq il-fatt li l-moviment liberu tas-servizzi jrid jintlaħaq mingħajr ma jmur kontra d-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet soċjali; iqis li l-moviment liberu tas-servizzi jimxi id f'id mal-mobilità libera u ġusta tal-ħaddiema li jipprovdu dawn is-servizzi, u li s-suq intern jibbenefika meta r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu rispettati u meta jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mobbli; jinnota li hemm oqsma ta' ambigwità u lakuni legali b'xi ħaddiema jeżerċitaw din il-libertà f'kundizzjonijiet prekarji u ħafna drabi permezz ta' aġenziji ta' reklutaġġ u intermedjarji tas-suq tax-xogħol frawdolenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u trattament indaqs għall-ħaddiema mobbli kollha fl-UE;

55.  Jappella għal approċċ tal-UE biex tintemm il-kompetizzjoni fil-kost lavorattiv u biex tiżdied il-konverġenza soċjali 'l fuq għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti għall-ħaddiema mobbli, transfruntieri u staġonali fl-UE u li jgawdu minn aċċess ugwali għall-impjiegi u l-opportunitajiet fi Stati Membri oħra u livelli ugwali ta' protezzjoni soċjali kif previst fl-Artikolu 45.2 tat-TFUE; jitlob li jitqiesu wkoll il-prattiki relatati mal-ħaddiema stazzjonati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni adegwata tas-sigurtà soċjali, inkluż permezz tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(18), u permezz tat-tisħiħ tat-trasferibbiltà tad-drittijiet; jappella għal aktar promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha affettwati f'każijiet ta' trasferiment ta' impriżi, u jivvalutaw il-ħtieġa ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi;

56.  Jissottolinja li l-prattiki tal-istabbiliment ta' sussidjarji jew il-ħolqien ta' ktajjen ta' sottokuntrattar bil-għan li titnaqqas is-sigurtà soċjali, jiġu evitati l-obbligi u l-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem mingħajr ma tinħoloq kopertura effettiva tal-assigurazzjoni soċjali fil-prattika, huma ta' detriment kemm għall-protezzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jridu jiġu indirizzati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan tal-ekwità fis-suq intern, biex jieħdu miżuri leġiżlattivi biex itemmu s-sottokuntrattar abbużiv, kif ukoll biex jiżguraw obbligazzjoni in solidum ġenerali tul il-katina kollha tas-sottokuntrattar sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema u l-pretensjonijiet tagħhom fi kwistjonijiet bħall-arretrati tal-pagi, in-nuqqas ta' ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali, il-falliment, l-għajbien u s-"sottokuntratturi fittizji" li ma jħallsux kif miftiehem;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforza bil-qawwa l-klawżola soċjali tad-direttiva eżistenti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u teżamina l-ħtieġa ta' reviżjoni ta' dik id-direttiva sabiex jissaħħu l-klawżoli soċjali fil-kuntratti pubbliċi, u b'hekk tirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi u lis-sottokuntratturi jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt ta' negozjar kollettiv tal-ħaddiema, u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet kollettivi settorjali applikabbli u l-kundizzjonijiet tax-xogħol deskritti fihom, waqt li fl-istess ħin jiġu rispettati t-tradizzjonijiet u l-mudelli nazzjonali tas-suq tax-xogħol; jappella biex din ir-reviżjoni teżenta s-servizzi soċjali u ta' protezzjoni soċjali kollha mill-obbligi tal-akkwist u tistabbilixxi mekkaniżmu ta' esklużjoni Ewropew biex teskludi lill-kuntratturi u lis-sottokuntratturi primarji li jinvolvu ruħhom ripetutament f'kompetizzjoni inġusta u frodi tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw konformità, monitoraġġ u infurzar;

58.  Huwa mħasseb dwar l-ammonti kbar ta' dħul mit-taxxa mitlufa minħabba evitar tat-taxxa fuq skala kbira; jistieden lill-Kunsill jaċċelera n-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni fir-rigward tar-rapportar pubbliku għal kull pajjiż u bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, u jirrevedi l-kriterji kemm għall-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni tal-impriżi kif ukoll għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx;

59.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA); jitlob li l-ELA tibda topera bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli; jistedinha twettaq skambju kontinwu ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki mal-awtoritajiet tax-xogħol rispettivi tal-Istati Membri u tinforza spezzjonijiet tentattivi; jisħaq li sabiex l-ELA tkun effettiva fil-ġlieda kontra l-prattiki illegali u l-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema, għandha tiġi ffaċilitata biex twettaq kontrolli u timponi penali fuq kumpaniji mhux konformi; jissottolinja li dan jeħtieġ ukoll mandat imwessa' tal-Awtorità, li jkopri atti leġiżlattivi tal-UE bħal, pereżempju, id-Direttivi 2008/104/KE(19), id-Direttiva 2014/36/UE(20) u 2009/52/KE(21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jemmen li l-ELA u l-ispettorati nazzjonali għandhom ikunu meħtieġa jwettqu spezzjoni konġunta jew miftiehma meta każijiet ta' abbuż jinġiebu għall-attenzjoni tagħha minn sieħeb soċjali nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi dawn l-aspetti fl-evalwazzjoni tal-mandat tal-ELA prevista għall-2024 u tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati b'għarfien profond ta' mudelli differenti tas-suq tax-xogħol fil-ħidma u fl-evalwazzjonijiet tal-ELA; iqis ukoll li l-maniġment tal-ELA għandu jsegwi l-istess struttura tripartitika bħall-aġenziji l-oħra u b'hekk jippermetti aktar rappreżentanza, inklużi id-drittijiet tal-vot, tas-sħab soċjali fil-Bord tat-Tmexxija;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, wara li twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa, proposta għal numru tas-sigurtà soċjali diġitali tal-UE, kif ħabbret fl-2018, sabiex trawwem u tipproteġi l-mobilità tal-ħaddiema, li jkollha wkoll il-potenzjal li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll kemm għall-individwi kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu koperti u li s-sigurtà soċjali titħallas skont l-obbligi, bħal kard tax-xogħol professjonali, u li r-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu infurzati b'mod ġust u effettiv; jemmen, barra minn hekk, li l-ħaddiema u r-rappreżentanti u l-ispettorati tagħhom irid ikollhom aċċess aġġornat għall-informazzjoni dwar min iħaddimhom u d-drittijiet għal paga u d-drittijiet tax-xogħol u soċjali tagħhom, f'konformità mal-ftehim kollettiv settorjali jew mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta applikabbli, u f'konformità mal-kriterji tal-protezzjoni tad-data;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltajiet li l-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiksbu permessi tax-xogħol fl-UE, bil-kundizzjoni li s-salvagwardji kollha fid-dritt tax-xogħol nazzjonali u tal-UE jkunu qed jiżguraw b'mod effettiv il-protezzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi wkoll u li dan ma jirriżultax f'distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni estensiva dwar it-tendenzi li jikkaratterizzaw iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi stazzjonati fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri ta' politika possibbli fil-livell tal-UE jew f'dak nazzjonali abbażi tal-eżitu tal-investigazzjoni; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda attwali fis-sehem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi f'setturi b'reputazzjoni għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u każijiet ta' abbuż; jissottolinja li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi spiss ikunu aktar vulnerabbli għal sfruttament u għalhekk jeħtieġu protezzjoni; jenfasizza li dan jinkludi prattiki abbużivi bħal stazzjonar fittizju, impjieg indipendenti fittizju, sottokuntrattar u aġenziji ta' reklutaġġ frawdolenti, kumpaniji fittizji u xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-liġijiet u r-regoli applikabbli dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg meta jittrattaw ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi, sabiex jiġu eliminati l-abbużi, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-elementi protettivi tad-Direttiva 2009/52/KE, filwaqt li jiżguraw mekkaniżmi ta' lment aċċessibbli u effettivi li jagħmluha possibbli li l-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti jintalbu lura b'mod effettiv;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(2) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(3) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0176.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0194.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0180.
(7) Testi adottati, P9_TA(2019)0033.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0337.
(9) ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0202.
(11) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 1.
(12) ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32.
(13) https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10163468/3-16102019-CP-EN.pdf/edc3178f-ae3e-9973-f147-b839ee522578
(14) https://www.feantsa.org/public/user/Resources/resources/Rapport_Europe_2020_GB.pdf
(15) Eurofound (2018), Upward convergence in the EU: Concepts, measurements and indicators (Konverġenza 'l fuq fl-UE: Kunċetti, kejl u indikaturi), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu. Eurofound (2017), Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol – Rapport ġenerali (aġġornament tal-2017), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
(16) Statistika dwar il-qgħad: Eurostat, Lulju 2020
(17) European Economic Forecast, Autumn 2020 (Tbassir Ekonomiku Ewropew, Ħarifa 2020), Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/ip136_en.pdf
(18) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(19) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(20) Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375).
(21) Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza