Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2913(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0432/2020

Dibattiti :

PV 17/12/2020 - 8.2
CRE 17/12/2020 - 8.2

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0375

Testi adottati
PDF 154kWORD 53k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2020 - Brussell
Ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang
P9_TA(2020)0375RC-B9-0432/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang (2020/2913(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, partikolarment dik tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)(1), dik tat-18 ta' April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi(2), dik tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang(3), dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(4), dik tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(5), dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(6), u dik tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov 2019 mogħti lil Ilham Tohti, ekonomista Ujgur li qed jiġġieled paċifikament għad-drittijiet tal-minoranza Ujgura fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998(9) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem(10),

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-7 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-President tal-Kunsill Charles Michel wara l-laqgħa tal-mexxejja UE-Ċina tal-14 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President Michel u l-President von der Leyen dwar id-difiża tal-interessi u l-valuri tal-UE fi sħubija kumplessa u vitali wara t-22 Summit UE-Ċina li sar fit-22 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-appell tal-esperti tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2020 għal miżuri deċiżivi favur il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titlu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Ottubru 2018 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fix-Xinjiang,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titlu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tistipula li "ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù" u li "ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju",

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012, li jqiegħed il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, it-tortura u trattament krudili ieħor, il-libertà tal-espressjoni online u offline u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini kollha għal-libertà reliġjuża, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li qatt ma ġie ratifikat miċ-Ċina minkejja li ffirmatu fl-1998,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat, li ma ġiex iffirmat miċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Australian Strategic Policy Institute (ASPI) bit-titlu "Uyghurs for sale – 'Re-education', forced labour and surveillance beyond Xinjiang" u "Cultural erasure – Tracing the destruction of Uyghur and Islamic spaces in Xinjiang", ippubblikati fl-2020, kif ukoll ix-"Xinjiang Data Project" tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qofol tar-relazzjoni twila ta' bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tirrispettahom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu aktar minn 10 miljun Ujgur Musulman u Każaki, iddeterjorat malajr, partikolarment mindu l-Gvern Ċiniż vara kampanja ta' "azzjoni ħarxa kontra l-estremiżmu vjolenti" fl-2014, u billi l-Ujguri u minoranzi etniċi oħra – primarjament Musulmani – fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang ġew soġġetti għal detenzjoni arbitrarja, tortura, restrizzjonijiet serji fuq il-prattika u l-kultura reliġjużi, u sistema ta' sorveljanza diġitalizzata tant mifruxa li kull aspett tal-ħajja ta' kuljum huwa taħt monitoraġġ permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ, scans tat-telefons ċellulari, ġbir, aggregazzjoni u pproċessar illegali ta' data personali fuq skala kbira, flimkien ma' preżenza estensiva u intrużiva min-naħa tal-pulizija; billi ġie osservat rinfurzar ġenerali tar-reġim Ċiniż u twebbis fit-trattament tal-minoranzi, b'mod partikolari fil-konfront tal-Ujguri, it-Tibetani u l-Mongoljani, bil-ħsieb li jiġu assimilati bl-impożizzjoni tal-istil ta' ħajja u l-ideoloġija komunista tal-maġġoranza Ċiniża; billi l-pulizija għamlet użu estensiv minn pjattaformi predittivi, bħall-pjattaforma operattiva konġunta integrata, biex issib individwi suspettużi abbażi ta' mġiba ta' kuljum, legali u mhux vjolenti;

C.  billi, skont rapporti kredibbli, aktar minn miljun persuna, qed jinżammu, jew inżammu, f'dawk li qed jissejħu ċentri ta' "riedukazzjoni politika", fl-akbar inkarċerazzjoni tal-massa ta' popolazzjoni minoritarja etnika fid-dinja llum; billi s-sistema tal-kampijiet ta' internament fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang qed tespandi, u aktar minn 380 faċilità ta' detenzjoni huma suspettati li nbnew jew ġew estiżi mill-2017 'l hawn, u tal-anqas 61 sit ta' detenzjoni nbnew ġodda jew ġew estiżi bejn Lulju 2019 u Lulju 2020;

D.  billi l-ġenerazzjoni żagħżugħa Ujgura qed tbati wkoll; billi, skont rapporti, tfal żgħar kienu qed jintbagħtu f'orfanatrofji mmexxija mill-Istat anke jekk ġenitur wieħed biss ikun miżmum f'kamp ta' internament; billi, skont ir-riżultati ta' riċerka, sa tmiem l-2019, aktar minn 880 000 tifel u tifla Ujguri kienu tqiegħdu f'faċilitajiet ta' alloġġ; billi riċerka kredibbli turi li l-awtoritajiet Ċiniżi implimentaw skema uffiċjali ta' miżuri mmirati għall-prevenzjoni tat-twelid fil-konfront tan-nisa Ujguri fi sforz biex jitnaqqsu r-rati tat-twelid tal-Ujguri; billi, bħala parti minn din l-iskema, nisa Ujguri fl-etajiet li jista' jkollhom it-tfal qed jiġu soġġetti sistematikament mill-awtoritajiet Ċiniżi għal aborti furzati, injezzjonijiet fl-utru u sterilizzazzjoni, tant li 80 % tal-proċeduri ta' tqegħid ta' tagħmir IUD fiċ-Ċina saru fir-reġjun Ujgur, minkejja l-fatt li dan jikkostitwixxi 1.8 % biss tal-popolazzjoni taċ-Ċina; billi tali miżuri għall-prevenzjoni tat-twelid fi ħdan il-popolazzjoni Ujgura jistgħu jissodisfaw il-kriterji kollha ta' appartenenza għall-agħar delitti kontra l-umanità;

E.  billi, f'Awwissu 2018, il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali kkonfronta lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-abbużi fix-Xinjiang, fosthom il-ħolqien ta' kampijiet ta' detenzjoni arbitrarja tal-massa; billi, f'Settembru 2018, fl-ewwel diskors tagħha f'dan ir-rwol, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet innutat "l-allegazzjonijiet ferm inkwetanti ta' detenzjonijiet arbitrarji fuq skala kbira fil-konfront tal-Ujguri u ta' komunitajiet Musulmani oħra f'hekk imsejħa 'kampijiet ta' riedukazzjoni' fix-Xinjiang";

F.  billi r-regolamenti l-ġodda dwar il-kwistjonijiet reliġjużi fiċ-Ċina li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018, huma aktar restrittivi fil-konfront ta' gruppi u attivitajiet reliġjużi u jġegħluhom jaderixxu aktar mill-qrib mal-politiki tal-partit; billi l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza laħqu livell baxx ġdid minn mindu bdew ir-riformi ekonomiċi u mill-ftuħ taċ-Ċina lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet; billi ċ-Ċina tospita waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' priġunieri reliġjużi; billi kien hemm rapporti kredibbli li żvelaw li kien hemm qerda intenzjonata u sistematika ta' moskej, knejjes u postijiet oħra ta' qima, l-aktar mill-2017 'l hawn, bir-riżultat li l-għadd tagħhom naqas għal-livell l-aktar baxx mir-Rivoluzzjoni Kulturali 'l hawn;

G.  billi ċ-Ċina għadha ma rratifikatx erbgħa mit-tmien Konvenzjonijiet Fundamentali tal-ILO, jiġifieri l-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà tal-Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, il-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u għan-Negozjar Kollettiv, il-Konvenzjoni Nru 29 dwar ix-Xogħol Furzat u l-Konvenzjoni Nru 105 dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat; billi ċ-Ċina rratifikat il-Konvenzjoni Nru 111 dwar id-Diskriminazzjoni (Impjieg u Xogħol) u l-Konvenzjoni Nru 100 dwar ir-Remunerazzjoni Ugwali; billi l-ftehimiet tad-WTO jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri kummerċjali relatati mal-prodotti tax-xogħol fil-ħabsijiet;

H.  billi, b'mod parallel mal-kampanja "Strike Hard Campaign against Violent Terrorism" (Azzjoni Ħarxa kontra t-Terroriżmu Vjolenti)", il-programmi ta' trasferiment tal-ħaddiema żdiedu mill-2014, u dan jissuġġerixxi li dawn saru prijorità politika għall-Gvern Ċiniż bħala għodda biex itaffi l-faqar fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang; billi hemm diversi rapporti kredibbli ta' xogħol furzat tal-Ujguri fil-ktajjen tal-produzzjoni fis-setturi tal-ħwejjeġ, tat-teknoloġija u tal-karozzi, inkluż ir-rapport ta' Marzu 2020 tal-ASPI, li identifika 27 fabbrika f'disa' provinċji Ċiniżi li għax-xogħol qed jużaw mill-inqas 80 000 Ujgur ittrasferiti mix-Xinjiang bejn l-2017 u l-2019; billi dawn il-fabbriki jfornu mill-inqas 82 marka globali, inklużi dawk li huma proprjetà ta' ħafna kumpaniji multinazzjonali Ewropej;

I.  billi ċ-Ċina hija waħda mill-akbar produtturi tal-qoton fid-dinja, u r-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang jirrappreżenta aktar minn 20 % tal-produzzjoni globali tal-qoton; billi ċ-Ċina hija l-akbar produttur u esportatur tal-ħjut, u l-akbar produttur u esportatur ta' tessuti u lbies; billi l-Gvern Ċiniż qed jippjana li jirdoppja l-kapaċità tal-manifattura fir-Reġjun Ujgur sal-2025, u għandu l-ħsieb li l-ilbies u t-tessuti jkunu jiffurmaw element ewlieni ta' dak il-pjan; billi fl-2018 biss, tliet reġjuni Ujguri waħidhom immobilizzaw mill-inqas 570 000 persuna f'operazzjonijiet ta' ġbir tal-qoton permezz tal-iskema ta' taħriġ u trasferiment tax-xogħol koerċittiva tal-gvern; billi t-trasferiment totali ta' forza tax-xogħol ta' minoranzi etniċi fix-Xinjiang għall-ġbir tal-qoton x'aktarx li jaqbeż din iċ-ċifra b'diversi mijiet ta' eluf, li jagħmel ix-xogħol furzat karatteristika intrinsika u ġeneralizzata tal-ħsad tal-qoton fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang; billi 84 % tal-qoton Ċiniż ġej mir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, li jfisser li l-ħjut, it-tessuti u l-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton Ċiniż jippreżentaw riskju straordinarjament għoli li huma mċappsa minn xogħol furzat u xogħol fil-ħabs, kemm jekk manifatturati fiċ-Ċina kif ukoll fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja;

J.  billi ġie rrappurtat li aktar minn 80 korporazzjoni internazzjonali tad-ditta allegatament jagħmlu profitt, direttament jew indirettament, mix-xogħol furzat tal-Ujguri fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; billi l-kuntest attwali ta' oppressjoni jipprevjeni li jitwettqu investigazzjonijiet u awditi indipendenti fir-reġjun Ujgur;

K.  billi l-kumpaniji m'għandhom l-ebda mezz affidabbli disponibbli biex jivverifikaw li kull post tax-xogħol fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang ikun ħieles minn xogħol furzat jew biex jipprevjenu l-użu ta' xogħol furzat f'dawn il-postijiet tax-xogħol f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-istandards tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali), il-kumpaniji ma għandhom l-ebda responsabbiltà legali li jieħdu azzjoni biex jipprevjenu lilhom infushom milli jikkontribwixxu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; billi d-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju timponi obbligu ta' rappurtar fuq il-kumpaniji, iżda ma teħtiġhomx li jieħdu passi biex jipprevjenu l-ħsara fil-ktajjen tal-provvista tagħhom jew tippermetti li dawn jinżammu responsabbli;

M.  billi fl-okkażjoni tas-seduta ta' smigħ tiegħu fil-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Viċi President Eżekuttiv Dombrovskis indika li l-ġlieda kontra x-xogħol furzat hija prijorità għall-UE u li, anke fil-qafas tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina, l-investiment tal-UE se jkollu jirrispetta l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO dwar ix-xogħol furzat;

N.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu bħalissa qed jaħdem fuq inizjattiva dwar "diliġenza dovuta korporattiva u responsabbiltà korporattiva"; billi fl-1 ta' Diċembru 2020 il-Kunsill ippubblika l-konklużjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali, li jistiednu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali tal-UE dwar governanza korporattiva sostenibbli, inklużi obbligi ta' diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali tul il-ktajjen tal-provvista globali; billi l-Kummissjoni ħabbret li se tressaq proposta leġiżlattiva dwar "Governanza Korporattiva Sostenibbli" fit-tieni kwart tal-2021, li se tindirizza l-ħtieġa ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-valur;

O.  billi l-Kunsill adotta deċiżjoni u regolament li jistabbilixxi r-reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi fil-mira, inklużi stati u atturi mhux statali, li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, inkluż l-iskjavitù, jew ikunu involuti fihom jew assoċjati magħhom;

P.  billi l-Kungress tal-Istati Uniti għadda l-Att dwar il-Politika tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ujguri fl-2019; billi fit-22 ta' Settembru 2020, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti adottat l-Att għall-Prevenzjoni tax-Xogħol Furzat tal-Ujguri li jimponi diversi restrizzjonijiet relatati mar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, inkluż billi jipprojbixxi ċerti importazzjonijiet mix-Xinjiang u jimponi sanzjonijiet fuq l-individwi u l-entitajiet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk;

Q.  billi ċ-Ċina għamlet progress fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, iżda qed tonqos serjament milli tiggarantixxi standards internazzjonali bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

R.  billi fil-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, l-UE impenjat ruħha li żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna tagħha, u li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qofol tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sistema mmexxija mill-gvern tax-xogħol furzat, b'mod partikolari l-isfruttament tal-Ujguri, tal-Każaki u l-Kirgiżi etniċi, u gruppi minoritarji Musulmani oħra, f'fabbriki kemm ġewwa kif ukoll barra l-kampijiet ta' internament fix-Xinjiang, kif ukoll it-trasferiment ta' ħaddiema furzati lejn diviżjonijiet amministrattivi Ċiniżi oħrajn, u l-fatt li ditti u kumpaniji Ewropej magħrufa sew qed jibbenefikaw mill-użu ta' xogħol furzat; jistieden lill-atturi rilevanti mis-settur privat jivvalutaw l-impenji tagħhom fix-Xinjiang, jeżerċitaw ir-responsabbiltà korporattiva tagħhom, iwettqu awditi indipendenti tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista sħaħ tagħhom, u jtemmu r-relazzjonijiet kummerċjali fejn jinstab li dawn jiksru d-drittijiet tal-bniedem jew, fejn ikun impossibbli li jiġi aċċertat jekk kienx hemm ksur, direttament jew indirettament, permezz tal-attività ta' wieħed mill-fornituri tagħhom jew mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom fil-katina tal-valur tagħhom fiċ-Ċina;

2.  Huwa mħasseb ferm dwar ir-reġim dejjem aktar oppressiv li ħafna minoranzi reliġjużi u etniċi, b'mod partikolari l-Ujguri u l-Każaki, qed jiffaċċjaw, li huma bi vjolazzjoni tad-dinjità umana tagħhom, kif ukoll tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni kulturali u tat-twemmin reliġjuż, għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll għal-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni; jiddeplora s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong, u jitlob li l-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali;

3.  Jiddeplora bil-qawwa l-persekuzzjoni kontinwa u l-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjoni arbitrarja ta' membri tal-minoranzi Ujguri u minoranzi Musulmani oħrajn mingħajr ebda akkuża, proċess jew kundanna għal reati kriminali, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri tad-detenzjoni kollha u jeħles lill-persuni miżmuma minnufih u bla kundizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jtemmu l-programmi sponsorjati mill-gvern ta' xogħol furzat u sterilizzazzjoni tal-massa; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang jipprovdu informazzjoni dwar il-post u l-kundizzjonijiet mediċi tal-persuni miżmuma f'detenzjoni, u biex jeħilsuhom minnufih jekk ma jkunx hemm evidenza ta' attività kriminali reali;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu estensiv ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw il-popolazzjoni fix-Xinjiang, u t-testijiet żvelati l-aktar reċentement ta' software għar-rikonoxximent tal-wiċċ li jista' jibgħat "allarmi ta' Ujguri" lill-awtoritajiet tal-gvern meta s-sistemi tal-kamera tiegħu jidentifikaw membri tal-minoranza Ujgur; jiddispjaċih għall-fatt li ċ-Ċina mhijiex qed tikkonforma mal-impenji li daħlet għalihom hija stess meta aderixxiet mal-prinċipji tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u meta ffirmat id-dikjarazzjoni tal-G20 ta' Ġunju 2019, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappellaw liċ-Ċina biex taderixxi mal-impenji tagħha stess f'dan ir-rigward;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel fil-provinċja tax-Xinjiang, u aċċess mingħajr restrizzjonijiet fil-kampijiet ta' internament għall-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali, inkluż għall-uffiċjali tal-UE, wara l-istedina tal-President Xi Jinping matul is-Summit UE-Ċina tal-14 ta' Settembru 2020, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lid-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jinsistu fuq l-istabbiliment ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tan-NU fix-Xinjiang u l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali;

6.  Jitlob liċ-Ċina tippermetti li titwettaq missjoni mill-Parlament Ewropew fix-Xinjiang bil-kundizzjoni li tingħata aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità u s-sikurezza lill-popolazzjoni lokali;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja massiva rrapportata mill-Partit Komunista Ċiniż biex irażżan ir-rati tat-twelid tal-Ujguri fix-Xinjiang, u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu minnufih kwalunkwe miżura mmirata biex tipprevjeni t-twelid fil-popolazzjoni Ujgura, inklużi sterilizzazzjonijiet furzati, aborti jew sanzjonijiet kontra l-ksur tal-kontroll tat-twelid;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirratifika u jimplimenta l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat, il-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, il-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-Libertà tal-Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u għan-Negozjar Kollettiv; iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

9.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' fastidju min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fil-konfront tal-Ujguri barra l-pajjiż sabiex iġegħluhom jaġixxu bħala informaturi kontra Ujguri oħra, imorru lura x-Xinjiang jew jibqgħu siekta dwar is-sitwazzjoni t'hemmhekk, xi drabi billi jarrestaw lill-membri tal-familja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jinvestigaw dawn ir-rapporti b'urġenza, jiżguraw il-protezzjoni tal-membri tad-dijaspora tax-Xinjiang u jħaffu l-applikazzjonijiet għall-asil imressqa mill-Ujguri u minn Musulmani oħra ta' oriġini Turkika; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Ġermanja u l-Iżvezja li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki jew Musulmani oħra ta' oriġini Turkika fiċ-Ċina fid-dawl tar-riskju ta' detenzjoni arbitrarja, tortura jew maltrattament ieħor;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew djalogu ma' stati fejn l-Ujguri jinsabu f'riskju ta' deportazzjoni lejn iċ-Ċina biex jipprevjenu li jseħħu tali deportazzjonijiet; jistieden lill-membri tal-Kunsill jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni tagħhom mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, biex jipprevjenu l-estradizzjoni tal-Ujguri, ta' ċittadini ta' Hong Kong, ta' Tibetani, jew ta' dissidenti Ċiniżi fl-Ewropa biex jibdew proċess ġudizzjarju politiku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

11.  Jistieden lill-UE taħdem b'mod proattiv favur inkjesta indipendenti tan-NU dwar iċ-Ċina bil-ħsieb li jiġi żgurat li jingħata kont tar-reati mwettqa;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-miżuri tal-istat Ċiniż biex jiżgura s- "superviżjoni komprensiva" tax-Xinjiang permezz tal-installazzjoni tas-sorveljanza elettronika Skynet fiż-żoni urbani ewlenin u trackers tal-GPS fil-vetturi bil-mutur kollha, l-użu ta' skanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-postijiet ta' kontroll u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, bl-użu ta' software ibbażat fuq sistemi ta' kameras tal-intelliġenza artifiċjali maħsuba biex jidentifikaw l-Ujguri u membri oħra ta' gruppi ta' minoranzi etniċi, u l-kampanja ta' ġbir tad-demm mill-pulizija tax-Xinjiang sabiex tkompli tiġi estiża l-bażi tad-data tad-DNA taċ-Ċina; jesprimi tħassib serju dwar l-aħħar rivelazzjonijiet dwar lista li fiha dettalji ta' aktar minn 2 000 priġunier Ujgur miżmuma fil-prefettura ta' Aksu bejn l-2016 u l-2018; jesprimi wkoll il-biża' li ċ-Ċina qed tesporta dawn it-teknoloġiji lejn reġimi awtoritarji fid-dinja kollha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-akkwist u l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji, u l-attività tal-fornituri tagħhom, u joqogħdu lura milli jiftħu l-aċċess għalihom lil istituzzjonijiet tal-UE u nazzjonali li huma responsabbli għall-finanzjament pubbliku u l-akkwist pubbliku;

13.  Jikkritika l-akkwist ta' kameras termali mingħand Hikivision mill-amministrazzjoni tal-Parlament u mill-Kummissjoni; jinsisti dwar l-introduzzjoni ta' politika ta' akkwist għaqlija li tqis kif xieraq it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament u lill-President tiegħu biex immedjatament jaqtgħu kwalunkwe relazzjoni ta' negozju diretta jew indiretta ma' Hikivision, u biex itejbu t-trasparenza tal-attivitajiet ta' akkwist tal-Parlament;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet l-istudjuż Ujgur u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti, u jiżguraw, sadanittant, li jkollu aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familja tiegħu u għall-avukati tal-għażla tiegħu, u li ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament ħażin ieħor; jitlob li ssir investigazzjoni immedjata, effikaċi u imparzjali b'rabta mal-allegati torturi fil-konfront ta' Ilham Tohti u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.  Jilqa' l-inklużjoni fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar leġiżlazzjoni obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposti leġiżlattivi rilevanti mhux aktar tard minn matul it-tieni kwart tal-2021, kif kien ippjanat, li jinkludu tliet proposti distinti, iżda li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli, dwar id-drittijiet tal-bniedem korporattivi u d-diliġenza dovuta ambjentali, u dwar ir-riforma tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju; huwa tal-fehma li, sabiex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-kwistjoni tax-xogħol furzat u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji, tali leġiżlazzjoni għandha tinkludi wkoll projbizzjoni tat-tqegħid tal-prodotti rilevanti fis-suq tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-pożizzjoni tiegħu fir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali, li titlob miżuri komplementari, bħall-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti marbuta ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħax-xogħol furzat jew it-tħaddim tat-tfal;

16.  Jistieden lill-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw b'mod effettiv il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż permezz ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ġodda jew aġġornati li fihom taħlita ta' miżuri volontarji u obbligatorji.

17.  Huwa tal-fehma li l-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina jrid jinkludi impenji adegwati biex jiġu rispettati l-konvenzjonijiet internazzjonali kontra x-xogħol furzat; iqis, b'mod partikolari, li ċ-Ċina għandha għalhekk tirratifika l-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO;

18.  Jilqa' l-ftehim reċenti milħuq mill-koleġiżlaturi dwar ir-riforma tar-Regolament tal-UE dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju abbażi ta' konsiderazzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonvinċu lill-Gvern Ċiniż jagħlaq il-kampijiet u jtemm kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang u f'postijiet oħrajn, bħat-Tibet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtennu dan il-messaġġ lill-Gvern Ċiniż f'kull okkażjoni u fl-ogħla livelli; jiddispjaċih li l-approċċ meħud u l-għodod użati mill-UE s'issa ma wasslux għal progress tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li fl-aħħar għaxar snin marret għall-agħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta strateġija olistika fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jsir progress ġenwin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jimplimentaw ir-riformi nazzjonali meħtieġa biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, iffirmat miċ-Ċina fl-1998, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fis-7 ta' Diċembru 2020; jistieden lill-Istati Membri u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jevalwaw malajr l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kontra uffiċjali u entitajiet immexxija mill-istat Ċiniżi, bħax-Xinjiang Production and Construction Corporation, li hija responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' detenzjoni tal-massa tal-Ujguri u Musulmani Turkiċi oħra fix-Xinjiang, għall-użu ta' xogħol furzat, u għall-organizzazzjoni tar-ripressjoni ħarxa tal-libertà reliġjuża, il-libertà tal-moviment u ta' drittijiet bażiċi oħra fir-reġjun u f'postijiet oħra, bħat-Tibet;

21.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw il-pakkett ta' miżuri maqbul f'Lulju, inkluż il-ħolqien ta' "skema ta' salvawomu" għall-persuni oppressi fiċ-Ċina, b'segwitu tad-deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

22.  Itenni l-appoġġ tiegħu għad-Djalogu li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, u jħeġġeġ li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu prominenti fl-aġenda tiegħu; jappella għal koordinazzjoni akbar fost id-demokraziji fl-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri oħra biex jiġu indirizzati l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong, kif ukoll l-isfidi ġeopolitiċi ppreżentati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) Testi adottati, P9_TA(2019)0110.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0422.
(3) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 25.
(4) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(5) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.
(6) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
(7) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0337.
(9) ĠU L 410I, 7.12.2020, p. 1.
(10) ĠU L 410I, 7.12.2020, p. 13.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza