Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2914(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0440/2020

Dibattiti :

PV 17/12/2020 - 8.3
CRE 17/12/2020 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2020 - 9
PV 17/12/2020 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2020)0376

Testi adottati
PDF 142kWORD 49k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2020 - Brussell
L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012
P9_TA(2020)0376RC-B9-0440/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012 (2020/2914(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, u b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh(1), u dik tas-17 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja li qegħdin il-ħabs(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Diċembru 2020 dwar l-Iran, li titlob il-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Diċembru 2020 dwar l-eżekuzzjoni tas-Sur Ruhollah Zam,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OHCHR tal-25 ta' Novembru 2020 li titlob lill-Iran iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ahmadreza Djalali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tas-26 ta' Ottubru 2020 li tħeġġeġ l-obbligu li jingħata rendikont għat-trażżin vjolenti tal-protesti, u r-rapport tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra l-5 Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iran tad-9 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, it-Tortura u l-Libertà tal-Espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil Nasrin Sotoudeh fl-2012,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Nasrin Sotoudeh, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012 għal-Libertà tal-Ħsieb, hija avukatessa Iranjana, attivista għad-drittijiet tal-bniedem u priġuniera politika li, matul dawn l-aħħar 15-il sena, iġġieldet għad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal, tal-minoranzi reliġjużi, tal-ġurnalisti u tal-artisti, kif ukoll ta' dawk ikkundannati għall-piena tal-mewt, u minħabba f'hekk, kienet attakkata u ffastidjata kontinwament mill-awtoritajiet Iranjani u ġiet arrestata u mibgħuta l-ħabs diversi drabi; billi l-prosekuzzjoni tagħha u l-akkużi miġjuba kontriha juru sa liema punt il-ġudikatura Iranjana qed tikkriminalizza l-attiviżmu għad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi Nasrin Sotoudeh ilha detenuta arbitrarjament mit-13 ta' Ġunju 2018 talli rrappreżentat lil nisa li pprotestaw kontra l-liġi tal-Iran li permezz tagħha l-ilbies tal-hijab huwa obbligatorju u, f'Marzu 2019, ġiet ikkundannata in absentia għal 33 sena ħabs u 148 daqqa ta' frosta; billi l-esperti tan-NU f'diversi okkażjonijiet esprimew tħassib serju li d-detenzjoni attwali tagħha hija arbitrarja u appellaw għall-ħelsien tagħha;

C.  billi Nasrin Sotoudeh inħelset temporanjament fis-7 ta' Novembru 2020 wara test pożittiv għall-COVID-19; billi ġiet ordnata tirritorna fil-ħabs ta' Qarchak, ċentru ta' detenzjoni tan-nisa f'Tehran magħruf għall-kundizzjonijiet ta' detenzjoni krudili u inumani, fit-2 ta' Diċembru 2020; billi din id-deċiżjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani jista' jkollha konsegwenzi potenzjalment letali għaliha u tkompli testendi l-priġunerija arbitrarja tagħha bi ksur tal-obbligi tal-Iran skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-familja, il-qraba u l-ħbieb ta' Nasrin Sotoudeh, b'mod partikolari r-raġel tagħha Reza Khandan, sfaw fil-mira tal-awtoritajiet Iranjani bil-għan li jsikktuhom u jwaqqfu kwalunkwe kampanja għall-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh;

E.  billi l-arrest ta' Nasrin Sotoudeh huwa parti minn repressjoni intensifikata kontra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Iran; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li b'mod attiv għamlu kampanja biex isaħħu l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa ġarrbu fastidju, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u d-drittijiet tagħhom għal proċess ekwu u ġust ġew miksura;

F.  billi Ahmadreza Djalali, tabib Iranjan-Żvediż u akkademiku u professur fl-Università VUB fil-Belġju u fl-Università degli Studi del Piemonte Orientale fl-Italja li ġie kkundannat għall-mewt fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ f'Ottubru 2017, kien irrappurtat li ġie ttrasferit f'reklużjoni bi tħejjija għall-eżekuzzjoni tiegħu, minkejja sejbiet evidenzjati sew li jikkonfermaw li l-proċess tiegħu kien inġust għall-aħħar u li l-kundanna tiegħu kienet ibbażata fuq konfessjoni furzata li ngħatat taħt tortura; billi rċieva theddid ta' mewt fil-konfront tiegħu u tal-familja tiegħu fl-Iżvezja u fl-Iran min-naħa ta' uffiċjali Iranjani; billi f'ittra miktuba mill-ħabs politiku ta' Evin, qal li r-raġuni għad-detenzjoni tiegħu kienet li oġġezzjona li jwettaq spjunaġġ għall-Iran kontra l-istituzzjonijiet Ewropej; billi Dr Djalali ġie infurmat fl-24 ta' Novembru 2020 li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet imminenti;

G.  billi fit-12 ta' Diċembru 2020, il-ġurnalist Ruhollah Zam inqatel bit-tagħliq wara deċiżjoni mgħaġġla tal-Qorti Suprema tat-8 ta' Diċembru 2020, li kkonfermat il-piena kapitali tiegħu għal akkużi vagi ta' "korruzzjoni fid-dinja", li kienu sostnuti minn konfessjonijiet miksuba bil-forza; billi s-Sur Zam, li ngħata ażil fi Franza fl-2009 u mexxa programm popolari fuq Telegram li jikkritika lill-awtoritajiet Iranjani, ġie mħajjar imur l-Iraq fejn inħataf u ttieħed l-Iran mill-awtoritajiet Iranjani; billi l-eżekuzzjoni tiegħu talli eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi Fariba Adelkhah, ċittadina tal-UE, akkademika Franċiża-Iranjana prominenti u direttriċi tar-riċerka fl-Università Sciences Po ta' Pariġi, ilha detenuta arbitrarjament minn Ġunju 2019 fil-ħabs ta' Evin;

I.  billi ċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja tal-UE u Iranjana għadhom qed jiġu arrestati, u wara l-arrest jgħaddu minn perjodi twal ta' reklużjoni u interrogazzjonijiet, b'nuqqas ta' proċess ekwu, ebda aċċess għal proċess ġust u sentenzi twal ta' ħabs ibbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' "sigurtà nazzjonali" u "spjunaġġ"; billi l-Iran ma jirrikonoxxix iċ-ċittadinanza doppja, u b'hekk jillimita l-aċċess tal-ambaxxati barranin għaċ-ċittadini tagħhom b'ċittadinanza doppja miżmuma hemmhekk;

J.  billi l-qrati Iranjani jonqsu milli jipprovdu proċessi ekwi u ġusti, u jiċħdu l-aċċess għal konsulenti legali, b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u jiċħdu żjarat konsulari, tan-NU jew ta' organizzazzjonijiet umanitarji; billi s-sentenzi mill-ġudikatura Iranjana spiss ikunu bbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifikati ta' sigurtà nazzjonali u spjunaġġ; billi m'hemm ebda mekkaniżmu indipendenti biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont fi ħdan il-ġudikatura, u għad hemm tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-imħallfin;

K.  billi l-protesti tas-soċjetà ċivili fl-Iran kontra l-faqar, l-inflazzjoni, il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu politiku ntlaqgħu mill-awtoritajiet Iranjani b'repressjoni qawwija; billi s-servizz tal-intelligence Iranjan intensifika r-repressjoni tiegħu fuq il-ħaddiema tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, l-attivisti ambjentali, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-istudenti, il-ġurnalisti, l-għalliema, is-sewwieqa tat-trakkijiet u l-attivisti paċifiċi;

L.  billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU appellaw lill-Iran biex jiggarantixxi d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-avukati li ntbagħtu l-ħabs talli appoġġaw pubblikament il-protesti kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab fl-Iran u tennew tħassib serju fir-rigward tal-eżekuzzjonijiet kontinwi ta' delinkwenti minorenni fl-Iran;

M.  billi kien hemm diversi rapporti dwar il-kundizzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet u r-rifjut li jingħata aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni bil-għan li d-detenuti jiġu intimiditi, ikkastigati jew li titqiegħed pressjoni fuqhom, bi ksur tar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri;

N.  billi għexieren ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati u attivisti għadhom il-ħabs minħabba attiviżmu paċifiku u ġew esklużi mill-klemenza u mill-ħelsien temporanju implimentati matul il-pandemija tal-COVID-19 biex titnaqqas il-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet;

O.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, fir-rapport annwali tiegħu ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-21 ta' Lulju 2020, esprima l-kosternazzjoni tiegħu għall-użu kontinwu mill-Iran tal-piena tal-mewt u ċ-ċifri għoljin ta' eżekuzzjoni tiegħu u afferma li r-rapporti li waslu juru xejra kontinwa ta' restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi u n-nisa;

P.  billi f'dan l-istess rapport, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU jafferma li minkejja evidenza ċara li l-forzi tas-sigurtà Iranjani użaw forza eċċessiva u letali li kkawżat il-mewt ta' aktar minn 300 ruħ, inklużi nisa u tfal, fil-protesti f'Novembru 2019, kważi sena wara, l-awtoritajiet Iranjani naqsu milli jwettqu investigazzjoni konformi mal-istandards internazzjonali;

Q.  billi l-użu tal-piena tal-mewt kontra d-dimostranti qed jiżdied, b'xejra ta' hekk imsejħa konfessjonijiet li jinkisbu taħt tortura, u wara li jingħataw id-dimostranti jiġu ġġustizzjati mingħajr ma jiġu infurmati l-avukati jew il-membri tal-familja tagħhom, kif ġara fil-każ tal-istilla tar-wrestling Navid Afkari, li nqatel permezz ta' eżekuzzjoni fit-12 ta' Settembru 2020 għal akkużi li ċaħad għalkollox; billi ħutu s-subien għadhom il-ħabs u ngħataw sentenzi twal ħafna talli ħadu sehem fi protesti kontra l-gvern;

R.  billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni li titlob l-istabbiliment ta' unità StratCom tas-SEAE ddedikata għal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari l-Iran;

S.  billi t-teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa qed jintużaw biex jitrażżnu protesti online u fit-toroq, inkluż permezz ta' ċensura online; billi l-midja tal-istat mexxiet kampanji ta' diżinformazzjoni kontra d-dimostranti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bl-involviment ta' personalitajiet nazzjonali ewlenin, bl-għan li jfixklu l-protesti ta' Novembru 2019;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja, il-kundanna u, reċentement, ir-ritorn għall-ħabs ta' Nasrin Sotoudeh, mara impenjata fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u avukatessa, u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex jeħilsuha immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, bħala kwistjoni ta' urġenza, u jippermettulha tirċievi l-kura tas-saħħa li teħtieġ;

2.  Jikkundanna bis-saħħa l-eżekuzzjoni fit-12 ta' Diċembru 2020 tal-ġurnalist ibbażat fi Franza Ruhollah ZAM, editur tal-kanal Amad News Telegram, u tar-wrestler Navid Afkari fit-12 ta' Settembru 2020; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-familji, lill-ħbieb u lill-kollegi tagħhom; jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri tagħha jipprovdu protezzjoni aktar effettiva liċ-ċittadini Iranjani residenti fl-UE li huma soġġetti għal fastidju u theddid mis-servizzi tal-intelligence Iranjani;

3.  Jistieden lill-Iran iwaqqaf immedjatament l-eżekuzzjoni imminenti tal-akkademiku Żvediż-Iranjan Ahmadreza Djalali, jeħilsu u jikkumpensah, u jieqaf jhedded lill-familja tiegħu fl-Iran u fl-Iżvezja; jikkundanna bis-saħħa, barra minn hekk, it-tortura, id-detenzjoni arbitrarja u l-piena tal-mewt tiegħu; jinnota li Dott. Djalali ġie infurmat fl-24 ta' Novembru 2020 li l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kienu ħarġu ordni għas-sentenza u li ġie ttrasferit għal reklużjoni fis-sezzjoni 209 tal-ħabs ta' Evin; itenni s-sejħiet tiegħu għal interventi urġenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u mill-Istati Membri tal-UE, bil-għan li jitwaqqaf kwalunkwe pjan biex jinqatel Ahmadreza Djalali, titħassar il-piena tal-mewt tiegħu u jiġi żgurat il-ħelsien immedjat tiegħu;

4.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex flimkien jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi u jieħdu inizjattivi diplomatiċi biex jimmonitorjaw proċessi inġusti u jżuru ħabsijiet fejn qed jiġu detenuti difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri oħra tal-kuxjenza, inklużi ċittadini tal-UE fl-Iran, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-mijiet ta' persuni detenuti b'mod arbitrarju talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni inklużi d-dimostranti, il-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-midja, id-dissidenti politiċi, l-artisti, il-kittieba u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi avukati, difensuri tad-drittijiet tan-nisa, attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, attivisti tad-drittijiet tal-minoranzi, konservazzjonisti, attivisti kontra l-piena tal-mewt u oħrajn inklużi dawk li jitolbu l-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni għall-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji tal-massa tas-snin '80; jenfasizza li, sakemm jinħelsu, l-awtoritajiet Iranjani jridu jiggarantixxu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom;

6.  Iħeġġeġ lill-Iran iwaqqa' minnufih l-akkużi kollha u jneħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar taċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja Ewropea-Iranjana kollha li huma soġġetti għal detenzjoni arbitrarja u miżuri restrittivi oħra, bħal fil-każijiet ta' Fariba Adelkhah, Nahid Taghavi, Kameel Ahmady u Nazanin Zaghari-Ratcliffe; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Kamran Ghaderi, Massoud Mossaheb u Morad Tahbaz, li bħalissa qed jinżammu f'ħabsijiet Iranjani, u jiddenunzja, għal darb'oħra, il-prattika kontinwa ta' priġunerija ta' ċittadini b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana mill-ġudikatura Iranjana wara proċessi inġusti, u n-nuqqas ta' aċċess tagħhom għall-appoġġ konsulari;

7.  Jesprimi tħassib dwar l-attakk fiżiku u t-trasferiment furzat, fit-13 ta' Diċembru 2020, tal-mara impenjata fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem Golrokh Iraee lejn il-ħabs ta' Evin; jitlob kjarifika immedjata tas-sitwazzjoni tagħha u jtenni t-talba tiegħu għall-ħelsien tagħha;

8.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni fuq id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Iran huwa parti minnu, u jiżguraw id-dritt tad-detenuti kollha għal proċess ekwu u ġust, inkluż id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom;

9.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq l-ispazju ċiviku, l-użu tal-piena tal-mewt bħala arma ta' repressjoni politika, l-amputazzjonijiet, is-swat u pieni krudili u inumani oħra inklużi fil-kodiċi penali tal-Iran, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni krudili u inumani, konfessjonijiet miksuba permezz ta' tortura jew trattament ħażin u l-proċess ta' ċivili quddiem qrati rivoluzzjonarji; jiddenunzja l-użu tal-piena tal-mewt bħala deterrent kontra l-attiviżmu paċifiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt li tiġi eżerċitata l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Iranjan jiddikjara moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet pendenti kollha bil-ħsieb tal-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt;

10.  Jinnota l-iżviluppi li saru min-nisa Iranjani fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, kif jidher mill-fatt li l-maġġoranza tal-istudenti fl-universitajiet tal-Iran huma nisa; iħeġġeġ lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran telimina, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' diskriminazzjoni u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet; jappoġġa bis-saħħa lin-nisa Iranjani u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li, minkejja d-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet personali li qed jiffaċċjaw, jibqgħu jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jindirizzaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-Insara u l-Baha'i, u l-persuni LGBTI, u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha li jinsabu l-ħabs talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jew tal-orjentazzjoni sesswali;

12.  Jappella għall-istabbiliment ta' inkjesta mmexxija min-NU dwar id-delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq waqt il-protesti ta' Novembru 2019 u Jannar 2020; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw miżuri restrittivi mmirati kontra l-uffiċjali responsabbli għal dawk l-abbużi;

13.  Jappoġġa bis-saħħa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Iranjan li jixtieq jgħix f'pajjiż liberu, stabbli, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-imwiet kollha li seħħew waqt dawn il-protesti, dwar dawk kollha suspettati li għandhom responsabbiltà kriminali għall-qtil tad-dimostranti, u dwar il-każijiet kollha ta' vittmi li qed jiġu soġġetti għal għajbien furzat u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji kontinwi; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, barra minn hekk, jeżoneraw u jirritornaw il-fdalijiet tal-vittmi lill-familji tagħhom, jidentifikaw u jħarrku lill-awturi tar-reati, u jipprovdu rimedji effettivi għall-vittmi;

14.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky, mill-Kunsill bħala strument importanti tal-UE biex jissanzjona lil dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob miżuri mmirati kontra uffiċjali Iranjani li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem inklużi l-eżekuzzjonijiet reċenti ta' Ruhollah Zam u Navid Afkari u d-detenzjoni arbitrarja ta' ċittadini doppji u barranin fl-Iran, kif ukoll ta' dawk involuti f'abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi mħallfin li kkundannaw ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti politiċi u attivisti għall-mewt;

15.  Iqis li ser ikunu meħtieġa aktar sanzjonijiet immirati jekk l-awtoritajiet Iranjani ma jeħilsux lil Dott. Djalali, kif qed jitolbu l-UE u l-Istati Membri tagħha;

16.  Jistieden lill-Kunsill iqajjem il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħala komponent ewlieni tal-kooperazzjoni bilaterali tiegħu mal-Iran, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta maqbula mill-VP/RGħ u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan f'April 2016; jistieden lis-SEAE jkompli jinkludi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran u jistieden bil-qawwa lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu l-atti kollha ta' intimidazzjoni u rappreżalji kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem talli jikkomunikaw mal-uffiċjali tal-UE u tan-NU;

17.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw bis-sħiħ ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov permezz tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tagħhom u billi jistabbilixxu task force interistituzzjonali interna f'appoġġ għar-rebbieħa tal-Premju Sakharov li jinsabu f'riskju; huwa tal-fehma li l-appoġġ għar-rebbieħa f'riskju għandu jissaħħaħ min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE;

18.  Jitlob li s-SEAE jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġieled kontra l-interferenza u d-diżinformazzjoni Iranjani fit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu ċ-ċensura tagħhom ta' servizzi u kontenut online u biex ma jużawx shutdowns tal-Internet li huma inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;

19.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-vulnerabilità partikolari tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' miżuri ta' protezzjoni adegwati li jipproteġuhom mir-riskji speċifiċi u bbażati fuq il-ġeneru li huma esposti għalihom;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jagħmlu stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex jikkooperaw b'mod proattiv; iħeġġiġhom jiżguraw b'mod partikolari li r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jitħalla jidħol fil-pajjiż;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

(1) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 127.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0019.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza