Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma (2020/2613(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(1) (“Direttiva Qafas dwar l-Ilma” – WFD),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi(2) (“Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi” – UWWTD),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament(3) (“Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art”),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar(4) (“Direttiva dwar l-Għargħar”),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli(5) (Direttiva dwar in-Nitrati”),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) (“Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali”) ,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(9) (ir-Regolament REACH),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)(10),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar il-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar u s-sommarju eżekuttiv tagħha tal-istess data,
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2019 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi u s-sommarju eżekuttiv tal-istess data,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-1 ta' Frar 2018 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM(2017)0753),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa – għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) (COM(2020)0405),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(11),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titlu "The European environment – state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – il-qagħda u l-perspettiva 2020: Għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa", u b'mod partikolari t-taqsima 2.2 tagħha bit-titlu "Industrija li twitti t-triq għan-newtralità klimatika" (COM(2020)0102),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030(12),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt(13),
– wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent(14),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2020)0021),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titlu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2019 bit-titlu "Approċċ Strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent" (COM(2019)0128),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) ta' Mejju 2020 bit-titlu "Financing Water Supply, Sanitation and Flood Protection - Challenges in EU Member States and Policy Options" (Finanzjament tal-Provvista tal-Ilma, Sanità u Protezzjoni mill-Għargħar - Sfidi fl-Istati Membri tal-UE u Għażliet ta' Politika),
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u, b'mod partikolari, l-SDG Nru 6 dwar l-ilma nadif u s-sanità(15) u l-SDG Nru 14 dwar il-konservazzjoni u l-użu tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi marini,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) ta' Mejju 2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Novembru 2019 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq l-ilma" (Evaluation of the Impact of the CAP on Water),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU 64/292 tat-28 ta' Lulju 2010 li tirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Mejju 2020, fil-Kawża C535/18 IL et al vs Land Nordrhein-Westfalen,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta' Lulju 2015 fil-Kawża C-461/13, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland e.V. vs Bundesrepublik Deutschland (il-Kawża Weser),
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water", u r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta' Lulju 2020 dwar il-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art, id-Direttiva dwar Standards ta' Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar(16),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)"(17),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi l-ilma huwa essenzjali għall-ħajja u l-ġestjoni tal-ilma għandha rwol essenzjali fil-ħarsien tas-servizzi tal-ekosistema tal-UE, kif ukoll fl-użu tar-riżorsi u fil-produzzjoni ekonomika; billi l-Ewropa trid issib soluzzjonijiet effikaċi għall-isfidi attwali relatati mal-ilma u timmaniġġja r-riżorsi tal-ilma eżistenti b'mod effiċjenti, peress li jaffettwaw b'mod dirett is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-kwalità u l-ekosistemi tal-ilma, il-produzzjoni tal-enerġija, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel;
B. billi l-ilma huwa element essenzjali fiċ-ċiklu tal-ikel; billi huwa neċessarju li l-ilmijiet ta' taħt l-art u tal-wiċċ ikunu ta' kwalità tajba u disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti biex tinkiseb sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa, sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent kif deskritta fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; billi ilma nadif u suffiċjenti huwa element essenzjali fl-implimentazzjoni u l-kisba ta' ekonomija ċirkolari reali fl-UE;
C. billi l-ilma jirrappreżenta valur kbir fl-ekonomija tal-UE u billi s-setturi dipendenti mill-ilma tal-UE jiġġeneraw 26 % tal-valur miżjud gross annwali tal-UE, u għalhekk huwa kruċjali li tiġi żgurata disponibbiltà kontinwa ta' ilma ta' kwalità tajba, fi kwantitajiet suffiċjenti biex jiġi kopert kull użu;
D. billi d-WFD stabbiliet qafas għall-protezzjoni ta' 110 000 korp tal-ilma tal-wiċċ fl-UE, bil-għan li jinkiseb "stat ekoloġiku u kimiku tajjeb" sal-2015, u għall-protezzjoni ta' 13 400 korp tal-ilma ta' taħt l-art fl-UE, bil-għan li jinkiseb "stat kwantitattiv u kimiku tajjeb" sal-istess skadenza; u għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb fis-sens tal-Artikolu 7(2); billi l-Kontroll tal-Idoneità sab nuqqasijiet kbar fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma, li l-objettivi tagħha probabbilment ma jinkisbux sal-iskadenza finali tal-2027 sakemm l-isforzi ta' implimentazzjoni kollha meħtieġa ma jinbdewx immedjatament fl-Istati Membri u sakemm il-politiki settorjali relatati mal-ilma ma jiġux allinjati mar-rekwiżiti tad-WFD; billi l-ippjanar tal-ġestjoni tal-ilma u l-programmi ta' miżuri għandhom jitkomplew lil hinn mill-iskadenza tal-2027, u dan se jwassal għal titjib ulterjuri fil-kwalità u l-kwantità tal-ilma;
E. billi 74 % taż-żona ta' korpi tal-ilma ta' taħt l-art huwa fi stat kimiku tajjeb u billi 89 % huwa fi stat kwantitattiv tajjeb; billi l-bilanċ gross ta' nitroġenu fl-UE tnaqqas b'10 % bejn l-2004 u l-2015(18);
F. billi nkiseb stat kimiku tajjeb għal 38 % biss tal-ilmijiet tal-wiċċ u 40 % biss għandu stat jew potenzjal ekoloġiku tajjeb, u billi l-istat ta' 16 % tal-ilmijiet tal-wiċċ għadu mhux magħruf minħabba nuqqas ta' data; billi 81 % tal-ilmijiet tal-wiċċ jikseb stat kimiku tajjeb li kieku ma kienx imniġġes minn sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi ma' kullimkien (uPBTs), bħall-merkurju; billi mill-erba' indikaturi tal-ilma ħelu tad-WFD analizzati mill-EEA, wieħed biss wera progress fl-aħħar 10 sa 15-il sena(19);
G. billi skont il-prinċipju "wieħed barra, kollha barra", l-istat tal-ilma huwa kkunsidrat tajjeb biss jekk l-elementi kollha tal-valutazzjoni huma kkunsidrati tajbin, li ma jirriflettix titjib f'parametri individwali tal-kwalità tal-ilma; billi stat tajjeb ma jiddependix biss minn miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet atttwali, iżda anke minn miżuri ta' restawr biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet mill-passat u minn miżuri ta' prevenzjoni f'waqthom kontra theddid emerġenti(20);
H. billi l-effettività tad-WFD u l-kisba tal-objettivi tagħha jiddependu mill-implimentazzjoni u linfurzar tagħha mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, mill-iżgurar ta' finanzjament adegwat, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji tal-UE, mill-l-implimentazzjoni ta' atti leġiżlattivi oħra tal-UE, u mill-integrazzjoni aħjar tal-objettivi tal-ilma f'politiki oħra; billi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati huwa element ewlieni għal implimentazzjoni effettiva;
I. billi l-Artikolu 7(3) tad-WFD jistipula li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw il-protezzjoni tal-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb bil-għan li jiġi evitat id-deterjorament fil-kwalità tagħhom; billi l-Kontroll tal-Idoneità jiddikjara li ftit li xejn sar progress fiż-żoni protetti għall-ilma tax-xorb;
J. billi huwa ta' importanza kruċjali li jiġi indirizzat it-tniġġis kimiku u kawżi oħra ta' tniġġis fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art fis-sors bħala prijorità peress li dan huwa l-aktar miżura sostenibbli, effettiva u kosteffikaċi, flimkien mal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;
K. billi d-WFD tispjega l-ħtieġa li jiġu protetti l-ilmijiet użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb; billi l-operaturi tal-ilma tax-xorb għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq riżorsi tal-ilma ta' kwalità għolja sabiex iċ-ċittadini ma jkollhomx għalfejn iħallsu għal trattamenti għoljin; billi huwa għalhekk meħtieġ li jitnaqqas it-tniġġis mis-sors;
L. billi r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES għall-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema jqis it-tniġġis tal-ilma bħala theddida importanti għall-bijodiversità globali; billi l-bijodiversità tal-ilma ħelu hija fost l-aktar mhedda fl-Ewropa u billi t-tniġġis tal-ilma għandu impatt negattiv fuq il-flora u l-fawna; billi l-artijiet mistagħdra Ewropej, li jservu bħala bjar tal-karbonju naturali, naqsu b'50 % mill-1970 u l-ispeċijiet tal-ilma ħelu naqsu bi 83 % sa minn dik is-sena;
M. billi t-tibdil fil-klima huwa t-theddida prinċipali għar-riżorsi tal-ilma fid-dinja, kemm f'termini ta' kwantitajiet għolja kif ukoll baxxi tal-ilma; billi ekosistemi tal-ilma ħelu f'saħħithom u reżiljenti huma aktar kapaċi jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima u jadattaw għalihom;
N. billi d-WFD ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima; billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni madankollu tirrikonoxxi li l-funzjonijiet naturali tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art iridu jiġu restawrati; billi l-Kontroll tal-Idoneità sab li d-WFD "hija preskrittiva biżżejjed fir-rigward tal-pressjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u madankollu hija flessibbli biżżejjed biex tiġi implimentata b'mod aktar konsistenti jekk meħtieġ fir-rigward tal-isfidi emerġenti mhux imsemmija fid-Direttiva bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma u s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib emerġenti";
O. billi ż-żoni urbani qed jikbru b'mod kostanti u qed iżidu l-pressjoni fuq l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi; billi s-sors prinċipali u parzjalment mhux regolat tat-tniġġis tal-ilma fl-UE huwa r-rilaxx ta' ilma mormi urban u/jew industrijali mhux ittrattat jew ittrattat b'mod inadegwat; billi fil-bidu, il-UWWTD) ma kinitx maħsuba biex tittratta r-rilaxx ta' sustanzi kimiċi, ta' residwu farmaċewtiku jew ta' mikroplastiks f'korpi tal-ilma; billi l-UWWTD kienet effikaċi fit-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa mmirati fil-korpi tal-ilma billi naqqset il-piżijiet tad-domanda bijokimika ta' ossiġenu, nitroġenu u fosfru fl-ilma mormi ttrattat fl-UE kollha; billi madankollu, għandha tingħata aktar attenzjoni għal sorsi ta' tniġġis kemm eżistenti kif ukoll emerġenti; billi sors diffuż ewlieni ieħor tat-tniġġis tal-ilma huwa l-agrikoltura, b'rilaxxi ta' nutrijenti, pestiċidi, antibijotiċi u sustanzi niġġiesa oħra fil-baċini tad-dranaġġ u xmajjar; billi dispożizzjonijiet relatati mal-ilma tal-PAK attwali kienu insuffiċjenti biex japoġġjaw il-kisba tal-objettivi tad-WFD; billi t-tniġġis diffuż huwa ostakolu għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;
P. billi terz tal-pajjiżi Ewropej ibatu minn skarsezza tal-ilma, jiġifieri għandhom anqas minn 5 000 m3 ta' ilma per capita kull sena(21); billi, f'każ ta' kunflitti dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, is-salvagwardja tad-dritt tal-bniedem għall-ilma trid tieħu prijorità; billi 13-il Stat Membru ddikjaraw li jinsabu f'riskju ta' deżertifikazzjoni fil-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni(22);
Q. billi l-astrazzjoni tal-ilma tpoġġi pressjoni kbira fuq is-sorsi tal-ilma tal-UE; billi madwar kwart tal-ilma ddevjat mill-ambjent naturali fl-UE jintuża għall-agrikoltura; billi ntlaħaq ftehim dwar ir-regolament l-ġdid dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, li se jiffaċilita l-użu tal-ilma mormi urban trattat għall-irrigazzjoni agrikola;
R. billi hemm sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet li jiġġestixxu korpi tal-ilma huma ffinanzjati minn attivitajiet li jiddeterjoraw l-istat kimiku u ekoloġiku tal-korpi tal-ilma, filwaqt li jimpedixxu l-kisba tal-objettivi tad-WFD; billi f'dawn is-sitwazzjonijiet, il-kunflitti ta' interess huma diffiċli biex jiġu evitati u jżommu lill-entitajiet li jiġġestixxu korpi tal-ilma fi ċrieki vizzjużi, u jagħmluhom dipendenti minn attivitajiet li jiddeterjoraw il-korpi tal-ilma;
S. billi 60 % tal-baċini tax-xmajjar jinsabu f'reġjuni transnazzjonali, li jrendi kruċjali l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva; billi 20 pajjiż Ewropew jiddependu minn pajjiżi oħra għal aktar minn 10 % tar-riżorsi tal-ilma tagħhom, u 75 % tar-riżorsi ta' ħames pajjiżi jaslu għandhom minn barra l-pajjiż permezz tax-xmajjar; billi nuqqas ta' konformità mal-UWWTD fir-reġjuni tal-fruntiera jikkawża deterjorament tal-korpi tal-ilma transfruntiera tad-WFD, li jagħmilha impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tad-WFD fl-Istat Membru riċevitur;
T. billi l-konnettività tax-xmara, mix-xmajjar żgħar sal-estwarji u d-deltas hija kruċjali għal speċijiet migratorji ta' ħut, li l-istadji tal-ħajja tagħhom huma element ċentrali fl-ekosistemi rispettivi u fil-katina alimentari, u li qed jiksbu valur soċjokulturali dejjem akbar fil-komunitajiet tas-sajjieda;
U. billi l-konsum globali tal-enerġija fis-settur tal-ilma fl-UE huwa sinifikanti u jeħtieġ li jkun aktar effiċjenti sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, l-għanijiet klimatiċi tal-UE lejn l-2030 u l-għan tagħha li tinkiseb in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050;
V. billi l-idroelettriku għandu, sa ċertu punt, il-potenzjal li jiddekarbonizza l-ġenerazzjoni tal-elettriku u għalhekk jista’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miri għall-klima u l-enerġija tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi; billi l-idroelettriku jeħtieġ li jitqies b'mod olistiku, li jinkludi l-effetti tiegħu fuq il-kundizzjonijiet idromorfoloġiċi u l-ħabitats; billi, meta mqabbel mal-elettriku ġġenerat mir-riħ u mix-xemx, l-idroelettriku għandu volatilità aktar baxxa u għalhekk jikkontribwixxi għal provvista tal-enerġija konstanti u għal grilja stabbli; billi l-ħażna ppumpjata tal-ilma tirrappreżenta aktar minn 90 %(23) tal-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija tal-UE; billi l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri li qed jinvolvu ruħhom fi proġetti idroelettriċi li jirrispettaw l-ambjent u li fl-istess ħin ma joħolqux theddid għas-saħħa tal-komunitajiet lokali;
W. billi l-bidliet strutturali fil-korpi tal-ilma huma l-pressjonijiet ewlenin fuq l-istat tagħhom(24); billi l-idromorfoloġija taffettwa 40 % tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ li jikkonsistu f'alterazzjonijiet fiżiċi (26 %), digi, barrieri u locks (24 %), alterazzjonijiet idroloġiċi (7 %) jew alterazzjonijiet idromorfoloġiċi oħra (7 %); billi attwalment hemm aktar minn 21 000 impjant idroelettriku fl-Ewropa; billi ma ttieħdet ebda azzjoni komprensiva mill-UE għat-tneħħija tad-digi u tqassib skaduti, minkejja evidenza li l-koordinazzjoni tal-UE f'din il-kwistjoni tipprovdi valur miżjud;
X. billi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità ġie rrikonoxxut bħala dritt tal-bniedem mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-28 ta' Lulju 2010;
Y. billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, fost konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali oħra, jirrikonoxxu b'mod espliċitu d-dritt għall-ilma u s-sanità u jobbligaw lill-Istati partijiet jieħdu miżuri xierqa f'dan ir-rigward;
Z. billi miljun persuna fl-Ewropa m'għandhom l-ebda aċċess għall-ilma u tmien miljun persuna m'għandhom l-ebda sanità(25), billi globalment 844 miljun persuna m'għandhomx aċċess sikur għal ilma tax-xorb sikur(26), u billi terz tal-popolazzjoni tad-dinja m'għandhiex sanità bażika; billi r-Right2Water tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) ġabret aktar minn 1.8 miljun firma f'Marzu 2014; billi r-Right2Water talab li jiġu garantiti l-ilma u s-sanità għal kulħadd fl-UE u globalment, aċċess aħjar għall-ilma tax-xorb għall-pubbliku u aktar trasparenza dwar il-kwalità tal-ilma, kif ukoll l-inklużjoni tad-dritt għall-ilma fil-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tagħha b'rispons għall-"Inizjattiva Right2Water"(27); billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water, il-Parlament ikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tissodisfa t-talbiet tal-inizjattiva u talab lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-aċċess universali u d-dritt tal-bniedem għall-ilma(28);
AA. billi l-istudji juru li l-ittestjar tal-ilma mormi jista' jaġixxi bħala sistema ta' twissija bikrija biex jiġu previsti jew lokalizzati tifqigħat tal-COVID-19, u għaldaqstant jista' jkollu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija;
1. Jilqa' s-suċċess tad-WFD fl-istabbiliment ta' qafas ta' governanza adegwat għall-ġestjoni integrata tal-ilma, kif ukoll is-suċċess tagħha fit-titjib tal-kwalità tal-ilma, jew f'xi każijiet tal-anqas fit-tnaqqis tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma;
2. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex l-ilma jiġi kkummerċjalizzat (bħal fil-każ tan-negozjar ta' suq tal-futuri għall-ilma fil-Borża ta' New York); jiddeplora l-implikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tan-natura, li tesponi l-prodotti pubbliċi essenzjali għall-ispekulazzjoni u tiċħad d-dritt universali għall-użu tagħhom;
3. Jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li d-WFD hija adattata għall-iskop tagħha, iżda jinnota li l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ li titjib u titħaffef billi jiġu involuti l-awtoritajiet kompetenti rilevanti mill-Istati Membri u billi jiġu integrati aktar l-objettivi tad-WFD fil-politiki settorjali, b'mod partikolari fl-agrikoltura, it-trasport u l-enerġija, li jiżguraw li l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art ikunu fi stat tajjeb sa mhux aktar tard mill-2027;
4. Jisħaq li ebda reviżjoni tad-WFD mhija meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tiddikjara li d-WFD ma hijiex se tiġi riveduta, sabiex tintemm l-inċertezza tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipproponi aġġornamenti għall-annessi kif meħtieġ;
5. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li nofs il-korpi tal-ilma fl-UE għadhom ma kisbux stat tajjeb u li l-objettivi tad-WFD għadhom ma ntlaħqux, l-aktar minħabba finanzjament inadegwat, b'mod partikolari implimentazzjoni bil-mod, infurzar insuffiċjenti, nuqqas ta' implimentazzjoni tal-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' min iniġġes iħallas, u l-użu wiesa' tal-eżenzjonijiet tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri, u jesprimi dispjaċir ukoll għall-fatt li l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali kienet insuffiċjenti;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi restawrata u tittejjeb il-kwalità tal-ilma; jinnota li biex jittejjeb l-istat tal-korpi tal-ilma huwa vitali li l-livelli kollha tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet fl-Istati Membri jkunu involuti u jikkooperaw fl-integrazzjoni tal-għanijiet tad-WFD fil-politika, fil-leġiżlazzjoni u fil-miżuri tad-WFD; ifakkar fil-prinċipju ta' nondeterjorament, fejn l-Istati Membri huma meħtieġa jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-konformità mad-WFD, permezz, fost l-oħrajn, tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar (RBMPs), li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri fl-2021; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali tagħha biex jiżguraw li l-RBMPs li jmiss jiġu adottati fil-ħin, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-konsultazzjoni pubblika; jistieden lill-Kummissjoni żżid id-disponibbiltà tal-finanzjament u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-WFD;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju tal-OECD li jistma li EUR 253 biljun addizzjonali jridu jintefqu fis-settur tal-ilma tal-UE sal-2030 biex tinżamm u tinkiseb konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-ilma(29); jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet reġjonali biex jidentifikaw u jiżguraw il-fondi u l-istrumenti finanzjarji meħtieġa għal infrastruttura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent jew li taffettwa b'mod negattiv is-saħħa pubblika, iżda wkoll biex jiġu identifikati infrastrutturi li jiffunzjonaw ħażin u li ma humiex standard u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' kontaminanti ta' tħassib emerġenti u sfidi oħra tas-soċjetà; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għal metodi innovattivi sostenibbli u b'mod partikolari soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħal infrastruttura ta' trattament newtrali għall-karbonju jew ibbażata fuq il-laguna, ir-restawr ta' artijiet mistagħdra u pjanuri tal-għargħar, it-tixrib mill-ġdid tal-artijiet tal-pit imsoffi, filwaqt li jitqiesu kif xieraq is-sħubijiet pubbliċi-privati; jenfasizza l-importanza li jiġu aġġustati l-flussi ta' finanzjament eżistenti relatati mal-ġestjoni tal-ilma u użu tal-art relatat ieħor bħall-agrikoltura u r-restawr tal-ħabitats, inklużi sussidji, lil hinn minn miżuri ta' inġinerija tradizzjonali lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura;
8. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni neċessarja kollha, inkluż l-iżgurar tal-fondi u r-riżorsi umani u l-għarfien espert neċessarji, biex jiksbu konformità sħiħa mad-WFD mill-aktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-2027; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri sabiex tiżgura li tintlaħaq l-iskadenza tal-2027; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-ilma b'assistenza teknika u taħriġ xieraq, billi jikkondividu l-aħjar prattiki u l-għarfien espert sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tad-WFD, u billi tippromwovi programmi ta' skambju professjonali bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-461/13 għall-implimentazzjoni tad-WFD; jistieden lill-Kummissjoni biex toffri gwida ċara dwar l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet skont l-Artikolu 4(4)(c) wara l-2027;
9. Jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni li huma meħtieġa biex il-korpi tal-ilma jkunu fi stat tajjeb u jfasslu l-Programmi ta' Miżuri abbażi tal-aqwa evidenza disponibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-Programmi ta' Miżuri tal-Istati Membri u l-evalwazzjonijiet rispettivi biex titjieb il-kondiviżjoni ta' prattiki u strateġiji tajba u biex jitjieb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni;
10. Iqis li l-prinċipju "wieħed barra, kollha barra" għandu jibqa' kif inhu; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji ta' rapportar komplementari (bħal distakk mill-miri, miżuri implimentati u progress magħmul fil-parametri ta' kwalità individwali) li jipprovdu opportunità għal valutazzjoni aħjar tal-progress lejn stat tal-ilma tajjeb; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u l-għoti ta' informazzjoni komprensiva lill-pubbliku dwar il-kwalità u l-kwantità tal-ilma fl-UE;
11. Jiddeplora l-użu ta' eżenzjonijiet għal aktar minn nofs il-korpi tal-ilma tal-UE, b'ġustifikazzjoni limitata; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġġornaw id-dokumenti ta' gwida għall-użu ta' eżenzjonijiet sabiex din il-prattika tiġi limitata biss għal każijiet iġġustifikati b'mod sħiħ, biex ma tibqax tipprevjeni l-kisba tal-objettivi ambjentali tad-WFD; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b'mod rapidu u sistematiku proċedimenti ta' ksur fejn l-eżenzjonijiet ma humiex iġġustifikati;
12. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, li jipprevedi li l-utenti kollha tal-ilma jipparteċipaw b'mod effettiv u proporzjonat finanzjarjament fl-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, għadha baxxa jekk mhux ineżistenti f'diversi Stati Membri, speċjalment fir-rigward tad-djar, l-industrija u l-agrikoltura; jisħaq li l-użu tal-ilma f'xi partijiet tal-UE jhedded l-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma lil hinn mil-livell ta' fluss ekoloġiku miżmum; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali tagħhom jimplimentaw politiki adegwati dwar l-ipprezzar tal-ilma u japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż kemm għal spejjeż ambjentali kif ukoll tar-riżorsi, skont id-WFD u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; ifakkar, li l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż jista' jiġi applikat fir-rigward tal-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tiegħu, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjuni affettwati; jistieden lill-Kummissjoni teżegwixxi dan il-prinċipju; jenfasizza, madankollu, li jrid jiġi żgurat id-dritt għall-ilma u s-sanità, fejn iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal servizzi tal-ilma affordabbli u ta' kwalità tajba;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni stretta u rapida fir-rigward tal-ksur min-naħa tal-Istati Membri biex tiġi żgurata konformità sħiħa tal-Istati Membri kollha mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, b'mod partikolar mad-WFD, mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-2027; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet stretti u rapidi rigward il-każijiet ta' ksur miftuħa relatati mal-ksur sistemiku tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-riżorsi tagħha fir-rigward tal-proċeduimenti ta' ksur b'mod ġenerali, u b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;
14. Jinnota li t-tibdil fil-klima għandu u ser ikompli jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq sorsi tal-ilma ħelu b'nixfiet li jwasslu għal flussi mnaqqsa ta' xmajjar u konċentrazzjonijiet ogħla ta' sustanzi li jniġġsu, b'mod partikolari fiż-żoni tal-ilma "magħluqa" u b'xita qawwija li twassal għal żieda fl-ilma tax-xeba' urban u agrikolu; ifakkar li l-inċidenza aktar frekwenti ta' fenomeni klimatiċi estremi bħaċ-ċikluni u l-maltempati, twassal għal żieda fis-salinità tal-ilma ħelu u kostali; jenfasizza li temperaturi li qed jogħlew iwasslu għal żieda fl-istress tal-ilma, impatt fuq l-ambjent, diversi setturi ekonomiċi li jiddependu mill-astrazzjoni u l-użu tal-ilma għoli, kif ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja; jissottolinja li r-reżiljenza tal-ekosistemi tal-ilma, l-għargħar, l-iskarsezza tal-ilma u l-impatt tagħhom fuq il-produzzjoni tal-ikel għandhom jitqiesu debitament fl-istrateġija li jmiss tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-Ftehim ta' Pariġi;, kif ukoll fil-proċess ta' implimentazzjoni tad-WFD (RMBPs);
15. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fil-kondiviżjoni u l-iffaċilitar tal-għarfien u l-aħjar prattiki tal-isforzi differenti tal-adattament għat-tibdil fil-klima fil-livell reġjonali u lokali fl-UE;
16. Jissottolinja li x-xmajjar u l-artijiet mistagħdra huma l-aktar żoni mhedda minkejja li huma kkunsidrati l-akbar fornituri tas-servizzi tal-ekosistemi; ifakkar li l-artijiet mistagħdra, bħall-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, għandhom rwol fundamentali fir-regolament tal-ilma u l-klima, u jipprovdu servizzi permezz tal-ekosistemi naturali u r-riżorsi tagħhom, u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi jew kulturali, li kollha jiddependu minn stat ekoloġiku tajjeb tar-riżorsi tal-ilma; jisħaq li l-artijiet mistagħdra huma bjar tal-karbonju globali u stabbilizzaturi tal-klima fuq livell dinji, għandhom rwol importanti fil-mitigazzjoni tal-għargħar u n-nixfiet, jipprovdu ilma nadif, jipproteġu x-xtut, jintroduċu mill-ġdid l-akwiferi tal-ilma ta' taħt l-art, isostnu ġeodiversità kbira, għandhom funzjoni essenzjali fil-pajsaġġ u jipprovdu servizzi rikreattivi u kulturali lis-soċjetà; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex inaqqsu l-isfruttament tal-akwiferi, jippjanaw l-iżvilupp urban fuq barra tal-pjanuri mfawra u jirrispettaw il-bijodiversità marbuta max-xmajjar u l-artijiet mistagħdra;
17. Jisħaq li l-użu effiċjenti tal-ilma huwa kontribut importanti għall-għanijiet klimatiċi tal-UE billi jista' jiffranka l-enerġija għall-ippumpjar tal-ilma, inaqqas l-ammont ta' sustanzi kimiċi użati għat-trattament tal-ilma u jnaqqas l-istress idriku; jinnota li hemm rati ta' tnixxija għoljin minn pajpijiet f'xi Stati Membri li mhumiex aċċettabbli fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-isforzi rigward l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-fatt li skont id-Direttiva l-ġdida dwar l-Ilma tax-Xorb, il-Kummissjoni se tevalwa r-rati ta' tnixxija u tistabbilixxi valuri ta' limitu massimu li se jiskattaw azzjoni fl-Istati Membri rispettivi; jilqa' wkoll l-obbligu l-ġdid biex il-fornituri tal-ilma l-kbar jagħmlu r-rati tat-tnixxija trasparenti;
18. Jinnota li fl-Ewropa kollha, il-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb jiffaċċjaw pressjonijiet ġodda u antiki li jistgħu jikkawżaw żieda fil-ħtieġa ta' sforzi ta' trattament ta' purifikazzjoni minn fornituri tal-ilma; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ l-Artikolu 7(3) tad-WFD u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex iwaqqfu d-deterjorament tal-korpi tal-ilma għall-astrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem;
19. Jilqa' l-evidenza li d-direttivi wasslu għal tniġġis ridott fl-ilmijiet tal-UE; madankollu jqis li hemm ħtieġa urġenti ta' titjib fil-qasam tas-sustanzi kimiċi; jinnota li l-Kummissjoni identifikat differenzi mhux mistennija bejn l-Istati Membri, l-aktar fil-mod kif tiġi aġġornata l-lista tas-sustanzi prijoritarji u kif jitqiesu l-effetti kombinati tat-taħlitiet; jinnota wkoll li d-Direttiva dwar is-Sustanzi Prijoritarji sa issa bilkemm tinkludi sustanzi rilevanti għad-dispożizzjoni dwar l-ilma tax-xorb; jinnota li differenzi kunsiderevoli fl-approċċi għall-metodi ta' klassifikazzjoni, valutazzjoni u rapportar jagħmluha diffiċli li jkun hemm paragunar u analiżi fl-UE kollha;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tikseb stat kimiku tajjeb u tieħu azzjoni deċiżiva fl-UE kollha fejn l-Istati Membri jonqsu milli jissodisfaw l-istandards tal-kwalità ambjentali għal sustanzi prijoritarji li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jisħaq li sustanzi rilevanti għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, bħal sustanzi Per- u polifluworoalkiliċi (PFAS) u farmaċewtiċi rilevanti, għandhom jiżdiedu mal-lista tas-sustanzi prijoritarji; iqis li s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib emerġenti u taħlita tossiċità jistgħu u jeħtieġu jiġu indirizzati fil-qafas tad-WFD u d-direttivi sussidjarji tagħha; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna u żżid sustanzi rilevanti li jinsabu fl-Annessi tad-Direttiva dwar is-Sustanzi Prijoritarji u d-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art, biex ikun possibbli li jintlaħqu l-għanijiet tad-WFD u għal protezzjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb; jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma mal-Istrateġija Kimika għas-Sostenibbiltà u mal-Istrateġija dwar il-Bijodiversità biex il-korpi tal-ilma ħl-lelu u l-ekosistemi tagħhom ikunu protetti b'mod adegwat, biex tistabbilixxi skeda ta' żmien għat-tneħħija gradwali tal-użi mhux essenzjali kollha tal-PFAS u biex tistimula l-iżvilupp ta' alternattivi sikuri u mhux persistenti għall-użi kollha tal-PFAS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp ta' strateġiji biex jiġu indirizzati s-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi ma' kullimkien (uPBTs), bil-għan li titjieb il-kwalità tal-korpi tal-ilma u jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem u għall-ambjent; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' linji gwida ġodda dwar metodi ta' monitoraġġ u rapportar imtejba għal taħlitiet kimiċi; jitlob użu aktar estensiv tal-lista ta' sorveljanza biex jiġu mmonitorjati sustanzi niġġiesa potenzjali tal-ilma u jiġi ddeterminat ir-riskju li joħolqu għall-ambjent akkwatiku; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma tagħha fuq l-iżvilupp ta' metodi għall-valutazzjoni u l-ġestjoni ta' taħlitiet kimiċi u biex tikkomplementa l-ħidma tagħha billi tintroduċi l-fattur tal-valutazzjoni tat-taħlitiet;
21. Jinnota li huwa stmat li l-mikroplastiks ilhom sekli persistenti fl-ilma ħelu u li l-impjanti tat-trattament tal-ilma attwali ma jiffiltrawx dawn il-partikoli b'mod komplet; jilqa' għalhekk id-deċiżjoni li tiġi żviluppata metodoloġija għall-monitoraġġ tal-mikroplastiks u l-istabbiliment ta' lista ta' sorveljanza fid-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-miżuri tal-kontroll fis-sors biex jilħqu ekonomija ambjentali u ċirkolari mhux tossika; jisħaq li t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors itaffi l-pressjoni fuq l-ekosistemi u jnaqqas l-ispiża tat-trattament tal-ilma; jitlob aktar azzjoni deċiżiva fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u reġjonali biex jiġu indirizzati s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib emerġenti, bħall-PFAS, mikroplastiks, is-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u l-farmaċewtiċi permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'miżuri ta' kontroll fis-sors u soluzzjonijiet komplementari fil-punt tar-rimi f'sitwazzjoni estrema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw b'mod sħiħ approċċ ta' ċiklu tal-ħajja għas-sustanzi niġġiesa, filwaqt li jimplimentaw il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, inkluż permezz ta' strumenti innovattivi bħall-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR), biex jiġu ffinanzjati soluzzjonijiet tat-trattament;
22. Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-azzjonijiet biex tiġi indirizzata l-ewtrofikazzjoni kemm tal-ilmijiet ħelwin kif ukoll tal-ibħra kkawżata min-nitroġenu u mill-fosfru mis-sorsi kollha, inkluż mill-agrikoltura u mill-ilma mormi mhux ittrattat jew ittrattat b'mod inadegwat; ifakkar li l-ewtrofikazzjoni ddgħajjef l-istat ambjentali tal-korpi tal-ilma u tagħmilhom aktar vulnerabbli għal speċijiet aljeni invażivi; iħeġġeġ lill-bdiewa kollha biex jużaw l-Għodda tas-Sostenibilità tal-Irziezet għan-Nutrijenti, li tiffaċilita ġestjoni aħjar u tnaqqas it-tnixxija tan-nutrijenti fl-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw b'mod xieraq iż-żoni vulnerabbli għat-tniġġis min-nitrati u jsaħħu l-miżuri adottati fil-qafas tad-Direttiva dwar in-Nitrati;
23. Jenfasizza li l-kriżi attwali tal-bijodiversità għandha tiġi indirizzata b'mod sħiħ mill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-ilma, bil-minimizzazzjoni tal-fatturi ta' stress għall-ekosistemi tal-ilma u r-restawr tal-ekosistemi degradati; jissottolinja l-importanza tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 il-ġdida; ifakkar li fl-implimentazzjoni tad-WFD, jeħtieġ li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-Istrateġija għall-Bijodiversità l-ġdida, id-Direttivi dwar in-Natura u leġiżlazzjoni ambjentali oħra;
24. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità għall-2030 biex jerġa' jkun hemm 25 000 km ta' xmajjar li jimxu bla xkiel fl-UE permezz tat-tneħħija tal-ostakli u r-restawr ta' pjanuri tal-għargħar, u biex tistabbilixxi metodoloġija u dispożizzjonijiet għall-UE kollha biex tidentifika u tivvaluta l-kundizzjoni tal-ekosistemi u tiżgura li dawn ikunu f'kundizzjoni tajba; jinnota li bħalissa hemm 21 000 impjant tal-idroenerġija fl-UE u li l-idroenerġija u l-impjanti idroelettriċi żgħar jipprovdu l-akbar sehem ta' enerġija rinnovabbli fl-UE; jieħu nota tal-iżviluppi fl-idroelettriku b'impatt baxx; jinnota, madankollu, li l-kostruzzjoni ta' digi tista' taffettwa b'mod negattiv il-ħabitats u toħloq pressjoni kbira fuq l-ilmijiet tal-wiċċ; ifakkar li d-WFD timponi kriterji stretti għall-protezzjoni tal-kundizzjonijiet idromorfoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsiru valutazzjonijiet stretti tal-impatti tat-tibdil fuq il-kwalità u l-kwantità tal-ilma u l-ekosistemi u li l-objettivi tad-WFD jiġu osservati fil-proġetti idroelettriċi eżistenti u potenzjali ġodda kollha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tikkonsulta b'mod urġenti mad-direttorati ġenerali rilevanti kollha, inkluż id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-impjanti idroelettriċi u tqis ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom;
25. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-azzjoni neċessarja kollha biex jimminimizzaw dawn il-pressjonijiet sabiex jirrestawraw il-funzjonijiet naturali tax-xmajjar u jipproteġu l-ekosistemi; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jibnu impjanti idroelettriċi u jevitaw proġetti oħra f'żoni protetti li jwasslu għal pressjonijiet idromorfoloġiċi sinifikanti fuq l-ilma; iqis li s-sussidji u l-finanzjamenti pubbliċi tal-UE f'żoni mhux protetti, għandhom jingħataw biss lil impjanti idroelettriċi ġodda li għalihom il-benefiċċji globali jisbqu b'mod ċar l-impatti negattivi globali;
26. Ifaħħar il-fatt li, skont l-10 rapport biennali dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-UWWTD(30), il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tjieb matul l-aħħar għaxar snin fl-UE, u l-fatt li l-UWWTD wasslet għat-tnaqqis tal-piżijiet tat-tniġġis, u b'hekk ikkontribwixxiet għat-titjib tal-kwalità tal-ilma; jesprimi dispjaċir madankollu għall-fatt li għadha ma ntlaħqitx konformità sħiħa mal-UWWTD, peress li xi Stati Membri għadhom 'il bogħod ħafna mill-miri tagħhom; jaqbel mal-Kummissjoni li hemm aktar x'jista' jsir biex jiġu indirizzati t-tniġġis, il-kontaminanti ta' tħassib emerġenti, l-użu tal-enerġija u l-ġestjoni tal-ħama li jifdal kif ukoll kwistjonijiet governattivi; jesprimi dispjaċir ukoll għall-fatt li l-evalwazzjoni tal-UWWTD ma tanalizzax l-effikaċja fir-rigward tar-rilaxx tal-ilma industrijali mormi fis-sistemi ta' ġbir u l-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tqis dan fir-reviżjoni tal-UWWTD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva billi tippermetti l-finanzjament sostenibbli tal-ilma u tinċentiva l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi tal-ilma mormi; jistieden lill-Kummissjoni teżamina b'attenzjoni kif ir-rekwiżiti tal-UWWTD dwar id-disinn u l-bini tal-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi (UWWTP) fl-istadji kollha tal-iżvilupp teknoloġiku jinteraġixxu mal-obbligi tad-WFD dwar in-nondeterjorament, biex tiġi żgurata koerenza bejn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet u t-trattament tal-ilma urban mormi filwaqt li jiġu ppreservati l-inċentivi kollha biex jittieħdu miżuri xierqa ta' trattament tekniku; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva, jekk tkun meħtieġa; jisħaq li l-miżuri mmirati l-aktar biex tiġi rettifikata l-problema fis-sors huma vitali biex jiġu ttrattati s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib emerġenti; jenfasizza li reviżjoni futura tal-UWWTD jeħtieġ li tqis ukoll dawn l-isfidi l-ġodda li joħolqu dawn is-sustanzi niġġiesa;
28. Jinnota li l-UWWTD u d-WFD ma jindirizzawx b'mod adegwat il-problemi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, bħal flussi żejda tal-ilma tat-tempesti, il-ġestjoni urbana u l-għargħar f'agglomerazzjonijiet, u lanqas ma jindirizzaw l-impatti ta' ilma mormi li ma jkunx trattat b'mod suffiċjenti fuq il-korp riċevitur tal-ilma; jemmen li l-monitoraġġ u l-kontroll tal-flussi żejda tal-ilma tal-maltemp u tal-ilma tax-xeba' urban għandhom jiġu indirizzati aħjar mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali, minħabba li dan iniġġes b'mod sinifikanti l-korpi riċevituri tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art;
29. Jinsisti li, fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-installazzjonijiet idroelettriċi, huwa meħtieġ approċċ olistiku, li jinkludi l-benefiċċju soċjetali li jiġi pprovdut elettriku mingħajr emissjonijiet u l-kontribut għal provvista tal-enerġija sigura permezz tal-idroelettriku u l-ħażna ppumpjata tal-ilma, u l-effetti negattivi fuq l-ilmijiet tal-wiċċ u l-ħabitats; jissottolinja f'dan ir-rigward il-kontribut li l-elettriku ġġenerat mill-impjanti idroelettriċi jista’ jagħmel biex jintlaħqu l-miri għall-klima u l-enerġija tal-UE kif ukoll biex jiġu osservati l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, iżda jqis li dan ma għandux jinkiseb għad-detriment tal-ilmijiet tal-wiċċ u l-protezzjoni tal-ħabitats; jirrikonoxxi li hemm modi u teknoloġiji biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u l-ħajja selvaġġa akkwatika; jinnota li hemm potenzjal kbir biex tiżdied l-effiċjenza tal-impjanti tal-enerġija tax-xmajjar eżistenti;
30. Jinnota li l-bidla mit-trasport tal-merkanzija bit-triq għall-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tkun konsistenti għalkollox mal-prinċipju ta' nondeterjorazzjoni tad-WFD, kif ukoll ma' leġiżlazzjoni ambjentali oħra, inklużi d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, u għandha timxi id f'id mal-appoġġ għal leġiżlazzjoni sostenibbli, karburanti u teknoloġija alternattivi u navigazzjoni interna bħall-provvista tal-enerġija minn fuq l-art għall-bastiment, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u sustanzi oħra li jniġġsu u jiġi evitat deterjorament fl-istat ekoloġiku u kimiku tal-korpi tal-ilma u degradazzjoni tal-kwalità tal-arja, kif ukoll biex jiġi evitat l-istress fuq l-ekosistemi tal-ilma, tiġi protetta l-bijodiversità u jsir sforz biex ikun hemm ambjent ta' tniġġis żero;
31. Jinnota l-livell għoli ta' konsum ta' enerġija fis-settur tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri effiċjenti fl-enerġija u l-possibbiltà li l-ilma mormi ttrattat jintuża bħala sors "fuq il-post" ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-titjib fl-effiċjenza enerġetika fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, biex jiġi rrikonoxxut u sfruttat il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija tas-settur; jinnota li skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-UWWTD, l-iffrankar tal-enerġija potenzjali jammonta għal bejn 5 500 GWh u 13 000 GWh fis-sena;
32. Jirrikonoxxi li l-astrazzjoni totali tal-ilma fl-Ewropa naqset b'aktar minn 20 % tul dawn l-aħħar 15-il sena; jinnota, madankollu, li tmien pajjiżi jistgħu jitqiesu suġġetti għal stress fir-rigward tal-ilma(31), u dawn jirrappreżentaw 46 % tal-popolazzjoni Ewropea, li n-numru ta' pajjiżi suġġetti għal stress fir-rigward tal-ilma qiegħed jiżdied b'mod kostanti, u li madwar kwart tal-ilma li jiġi ddevjat mill-ambjent naturali fl-UE jintuża għal skopijiet agrikoli(32); jinnota l-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ilma fil-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari għar-riżorsi tal-ilma u biex titnaqqas l-estrazzjoni diretta mill-korpi tal-ilma u l-ilma ta' taħt l-art; jilqa' l-ftehim dwar ir-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, li se jiffaċilita l-użu tal-ilma mormi urban ittrattat għall-irrigazzjoni agrikola; jappoġġja l-immodernizzar kostanti tal-infrastrutturi tal-irrigazzjoni permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda;
33. Jissottolinja l-importanza li jinstabu sinerġiji bejn il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-għargħar u l-ippjanar għall-prevenzjoni u l-istat ta' preparazzjoni għal diżastri fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji għall-ġestjoni tan-nixfa, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-provvista tal-ilma tax-xorb u tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel, bħala parti mill-RBMPs u l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar u jiġu integrati sistemi diġitali ta' monitoraġġ, kontroll u twissija bikrija għall-istat tal-veġetazzjoni u r-rispons tagħha għan-nixfa biex jiġu appoġġjati deċiżjonijiet effettivi u bbażati fuq id-data dwar il-miżuri ta' protezzjoni, rispons u komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu r-restawr tal-pjanuri mfawra u l-artijiet mistagħdra, kif ukoll il-protezzjoni tal-korpi tal-ilma ta' taħt l-art fil-qalba ta' dawn il-pjanijiet peress li korpi tal-ilma u ekosistemi f'kundizzjoni tajba huma essenzjali biex jitnaqqas l-impatt negattiv kemm tan-nixfiet kif ukoll tal-għargħar;
34. Jinnota li wieħed mill-oqsma li fih id-WFD kienet ikkunsidrata mill-partijiet ikkonċernati bħala ineffettiva huwa l-ġestjoni tal-effetti tan-nixfiet(33); jistieden lill-Istati Membri biex jiddedikaw aktar sforzi biex jindirizzaw il-bidla fil-klima u l-problemi ġodda ta' astrazzjoni (żejda) li jistgħu jinqalgħu fil-baċini tax-xmajjar, inklużi dawk li storikament ma jiffaċċjawx sfidi ta' astrazzjoni(34); jinnota li approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-ilma u l-adattament għat-tibdil fil-klima jista' jikseb rispons aktar effiċjenti u jnaqqas l-impatt ta' avvenimenti estremi; jitlob l-integrazzjoni sħiħa tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fl-implimentazzjoni tad-direttiva u jenfasizza wkoll il-potenzjal ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura f'dan ir-rigward; itenni li għandu jiġi żgurat infiq pubbliku suffiċjenti għall-objettivi tad-WFD u l-adattamenti meħtieġa;
35. Jissuġġerixxi li n-nixfiet u l-iskarsezza tal-ilma jiġu indirizzati billi tingħata prijorità lill-astrazzjoni tal-ilma għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb fuq użi oħra, biex jiġi żgurat li d-dritt tal-bniedem għall-ilma jiġi ssodisfatt, u permezz tal-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet biex jinġabar il-mewġ tal-ilma tax-xita u l-għargħar għal użu aktar tard, inklużi, fost l-oħrajn, proġetti ta' ġbir tal-ilma tax-xita fid-disinn tal-bini u l-infrastruttura, baċini tal-ħżin taħt l-art, sistemi doppji ta' distribuzzjoni tal-ilma fid-djar u proġetti għall-użu mill-ġdid ta' barrieri mhux użati, fejn meqjus xieraq; jinkoraġġixxi r-riċerka u l-investiment f'miżuri li jgħinu fil-ġlieda kontra n-nixfiet u l-iskarsezza tal-ilma;
36. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' allinjament tal-politika agrikola komuni (PAK), id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb(35), id-Direttiva dwar in-Nitrati, ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti(36) u r-Regolament REACH mad-WFD fir-rigward tal-ħtieġa ta' aktar miżuri ta' protezzjoni tal-ilma u l-użu effiċjenti tal-ilma fl-agrikoltura; jissottolinja l-ħtieġa ta' żieda kunsiderevoli fil-finanzjament għall-miżuri ambjentali u tat-tibdil fil-klima fiż-żewġ pilastri tal-PAK, kif ukoll għal finanzjament addizzjonali ta' miżuri ekoloġiċi mmirati fil-qafas tar-reviżjoni tal-PAK, sabiex tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw u jimplimentaw fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK tnaqqis fl-użu tal-fertilizzant u l-użu u r-riskji tal-pestiċidi, u biex jimplimentaw elementi relatati mal-ilma fis-sistemi ta' kundizzjonalità tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi t-tniġġis tal-ilma ħelu u l-astrazzjoni żejda bħala suġġetti ta' prijorità fir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-PAK lill-Istati Membri; jistieden, fl-aħħar nett, lill-Kummissjoni tiżgura li d-WFD tiġi implimentata wkoll permezz tal-politika ta' koeżjoni (ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni(37), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali/il-Fond ta' Koeżjoni(38)) u f'konformità mal-objettiv ta' politika 2 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;
37. Jilqa' l-miri għat-tnaqqis tal-użu u r-riskji tal-pestiċidi b'50 % sal-2030 u għat-tnaqqis tat-telf ta' nutrijenti mill-fertilizzanti, kif stabbilit fl-Istrateġiji mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġiji ta' Bijodiversità, id-deċiżjoni li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-inklużjoni ta' ġestjoni mtejba tan-nutrijenti fl-għanijiet tal-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK u taż-żewġ strateġiji; jitlob li l-miri u l-objettivi msemmija hawn fuq, kif ukoll il-pjan ta' azzjoni ta' tniġġis żero li jmiss, jirriżultaw f'leġiżlazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitnaqqas l-impatt tal-pestiċidi fuq ir-riżorsi tal-ilma tax-xorb billi tiġi indirizzati bis-sħiħ il-protezzjoni tagħhom fl-approvazzjoni (mill-ġdid) ta' sustanzi attivi u fl-awtorizzazzjoni (mill-ġdid) tal-pestiċidi;
38. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-omoġenizzazzjoni tal-istandards u tnaqqas l-firxa wiesgħa tal-limiti massimi fl-Istati Membri fid-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art;
39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki dwar l-ilma u l-bijodiversità bl-introduzzjoni ta' miżuri xierqa intiżi sabiex jipproteġu aħjar il-korpi tal-ilma żgħar u l-ekosistemi tal-ilma ta' taħt l-art fil-kuntest tal-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar, inklużi r-rekwiżiti ta' rapportar, il-gwida u l-proġetti;
40. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw aħjar id-Direttiva dwar il-Ġestjoni tar-Riskji ta' Għargħar fil-politiki dwar il-prijoritizzazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, jaġġustaw il-flussi ta' finanzjament skont dan; jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar b'mod integrat u globali;
41. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ integrat bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, billi 97.3 % tar-riżorsi tal-ilma fuq l-art ġejjin mill-oċeani, u billi l-ilmijiet ta' taħt l-art, kontinentali, tranżitorji, kostali u marini huma marbuta maċ-ċiklu tal-ilma u mar-rabta bejn l-art u l-baħar;
42. Jitlob azzjoni akbar b'finanzjament suffiċjenti biex tittejjeb il-migrazzjoni tal-ħut fl-UE kollha; jitlob, fejn applikabbli, li l-konnettività tax-xmara tiġi inkluża fil-kriterji tekniċi ta' skrinjar żviluppati fil-kuntest tat-Tassonomija Ekoloġika tal-UE għall-Attivitajiet Sostenibbli u biex il-proġetti relatati mal-enerġija u t-trasport jiġu kkunsidrati bħala sostenibbli biss meta jinkludu passaġġi tal-ħut li jixbħu lil dawk naturali;
43. Jinnota li l-"użu sostenibbli u protezzjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-baħar" jappartjeni għal wieħed mis-sitt għanijiet ambjentali tat-tassonomija tal-UE għall-finanzi sostenibbli; jinkoraġġixxi għalhekk l-użu tiegħu biex l-investimenti pubbliċi u privati jiġu orjentati b'mod li tkun żgurata l-protezzjoni tal-korpi tal-ilma;
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw, fiċ-ċiklu li jmiss ta' ppjanar idroloġiku, il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu ffaċilitati l-konservazzjoni u l-irkupru tal-ekosistemi akkwatiċi, jiġu promossi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, jiġi involut is-settur finanzjarju bil-promozzjoni ta' investimenti sostenibbli u jiġu promossi l-bili ta' kapaċità u l-edukazzjoni dwar it-tkabbir ambjentalment sostenibbli;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti u tappoġġja lill-Istati Membri fir-rigward tal-koordinazzjoni transfruntiera tal-korpi tal-ilma tad-WFD; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-miżuri tad-WFD u l-implimentazzjoni tal-UWWTD f'reġjuni transfruntiera u jtejbu l-kooperazzjoni f'baċini tal-ilma internazzjonali;
46. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissimplifika u ttejjeb is-sistemi ta' monitoraġġ għall-kwalità tal-ilma u għas-sustanzi li jniġġsu l-ambjent, billi tiġbor, fost l-oħrajn, data dwar is-sorsi ewlenin ta' emissjoni ta' sustanzi perikolużi, inklużi residwi u metaboliti radjuattivi u ta' pestiċidi, bijoċidi, residwi farmaċewtiċi, sustanzi kimiċi ta' tħassib - bħall-PFAS - u mikroplastiks, kif ukoll sustanzi oħra li jniġġsu li huma ta' tħassib emerġenti f'korpi tal-ilma tal-UE, u biex jiġi applikat l-użu tat-tekniki disponibbli l-aktar reċenti u l-aktar effettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-armonizzazzjoni tal-istandards tan-networks u r-rapportar tad-data; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero tagħha tiffaċilita l-użu ta' metodi ta' monitoraġġ mhux invażivi u bijoindikaturi sabiex jiġi mminimizzat l-esponiment tal-bniedem u tal-ħajja selvaġġa għal kontaminanti fl-arja, il-ħamrija u l-ilma; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu min-networks ta' monitoraġġ kompluti tagħhom meta jirrapportaw data lill-Kummissjoni;
47. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-ilma jintegraw id-diġitalizzazzjoni u jsaħħu l-użu tad-data dwar il-ġestjoni u l-kejl għat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza fil-livell regolatorju u tal-konsum; jitlob teknoloġiji tal-ilma diġitalment abilitati biex ikunu permessi l-monitoraġġ u r-rapportar mill-bogħod dwar il-kwantità tal-ilma, it-tnixxijiet u l-użu u r-riżorsi;
48. Jieħu nota tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali fit-titjib tal-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-korpi tal-ilma, il-ħolqien ta' data aħjar u l-analiżi tal-evidenza għall-appoġġ ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, minħabba li dawn jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għall-identifikazzjoni ta' malajr ta' tibdil żgħir fil-kwalità tal-ilma li jista' jirrappreżenta theddida għall-korpi tal-ilma, għall-evalwazzjoni tal-aħjar prattiki u għall-identifikazzjoni tal-aktar miżuri kosteffikaċi;
49. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu oqfsa legali li jevitaw sitwazzjonijiet li fihom l-entitajiet li jiġġestixxu l-korpi tal-ilma jiġu ffinanzjati minn attivitajiet li jiddeterjoraw l-istat kimiku u ekoloġiku tal-korpi tal-ilma; jistieden lill-Istati Membri jisseparaw b'mod ċar l-entitajiet inkarigati mill-ġestjoni u dawk inkarigati mill-valutazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma;
50. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi omoġenizzata d-data dwar l-ilma u jinħolqu standards ta' rapportar obbligatorji għall-Istati Membri biex tingħata spinta lit-trasparenza tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb is-sistema WISE (Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa) biex trendiha 'għodda ta' informazzjoni faċli għall-kulħadd fl-UE, li tagħti informazzjoni dwar il-kwantità, il-kwalità u d-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll li tistabbilixxi parametri ta' referenza għall-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-korpi tal-ilma;
51. Jinnota li, skont ir-rapport dwar l-idoneità, hemm lok għal titjib kemm fl-aċċessibilità tal-informazzjoni dwar il-politiki u l-kwalità tal-ilma, kif ukoll fil-livell ta' dettall tagħha; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrimedjaw dan u jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni ċara, komprensiva u faċilment disponibbli dwar il-politiki u l-kwalità tal-ilma; jitlob, barra minn hekk, trasparenza akbar u għalhekk għal titjib sinifikanti fil-konsultazzjoni pubblika, l-għarfien pubbliku u l-edukazzjoni dwar l-ilma u dwar ir-rabtiet bejn l-ilma, l-ekosistemi, is-sanità, is-saħħa, is-sikurezza tal-ikel, is-sigurtà tal-ikel u l-prevenzjoni tad-diżastri, għal djalogu intersettorjali bejn l-operaturi ekonomiċi, il-fornituri tal-ilma, il-pubbliku ġenerali, l-awtoritajiet u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja kemm taħt id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) kif ukoll taħt id-WFD f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja;
52. Jilqa' l-fatt li l-UE rrispondiet parzjalment għar-Right2Water fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, billi daħħlet artikolu ġdid dwar l-aċċess għall-ilma u aktar trasparenza dwar il-kwalità tiegħu biex ittejjeb is-saħħa u l-ambjent; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jeżegwixxu b'mod sħiħ id-WFD biex jiżguraw aċċess għall-ilma għal kulħadd u jirreaġixxu b'mod sħiħ għar-Right2Water;
53. Jistieden lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-ilma jużaw b'mod sistematiku l-ittestjar għall-COVID-19 fl-ilma mormi bħala sistema ta' twissija bikrija biex tiġi appoġġjata l-ġlieda kontra l-pandemija;
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381).
id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna", ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171
Fir-Riżoluzzjoni 70/1 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil- 25 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli).
Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titlu "The European environment – state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe"" (L-ambjent Ewropew – il-qagħda u l-perspettiva 2020:Għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli) .
Sommarju eżekuttiv tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar il-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, Progress dwar l-Ilma tax-Xorb, is-Sanità u l-Iġjene: 2017 Aġġornament u Linji Bażi tal-SDGs, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, Ġinevra, 2017, p. 3.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 'L-ilma u s-Sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!'" COM(2014)0177).
Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
Il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (COM(2018)0372).