Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar emendi tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Parlament f'ċirkostanzi straordinarji (2020/2098(REG))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 236 u 237 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0194/2020),
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;
2. Jenfasizza li l-kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 uriet li r-Regoli ta' Proċedura tiegħu jirrikjedu proċeduri aktar żviluppati sabiex jiżguraw il-funzjonament mingħajr limitu tal-Parlament f'tipi differenti ta' ċirkostanzi straordinarji;
3. Jissottolinja l-importanza tal-miżuri temporanji adottati, f'konformità mal-istat tad-dritt, mill-President tiegħu u mill-korpi ta' tmexxija tiegħu fis-sitwazzjoni sanitarja attwali, sabiex jiġu ffaċċjati dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji; jenfasizza li ma kien hemm l-ebda alternattiva għal dawk il-miżuri sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-ħidma tal-Parlament kif rikjest mit-Trattati, u li dawn ippermettew lill-Parlament iwettaq il-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji u ta' kontroll politiku tiegħu matul il-kriżi f'konformità mal-proċeduri previsti fit-Trattati;
4. Jenfasizza li dawk il-miżuri temporanji kienu ġġustifikati bis-sħiħ u li huma żguraw il-validità tal-votazzjonijiet kollha li ttieħdu matul il-perjodu tal-applikazzjoni tagħhom;
5. Ifakkar fl-importanza li l-Parlament jiżgura, bl-aħjar mod possibbli, akkomodazzjoni raġonevoli għall-Membri b'diżabilità u l-persunal tagħhom waqt li huwa jkun qed jopera taħt ċirkostanzi straordinarji;
6. Iqis li l-emendi li jidhru hawn taħt għandhom jiġu adottati permezz tas-sistema ta' votazzjoni elettronika alternattiva skont il-miżuri temporanji attwali adottati mill-President tiegħu u l-korpi ta' tmexxija tiegħu li jippermettulu jiffunzjona matul il-kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;
7. Jiddeċiedi li dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021, iżda li għandhom japplikaw biss mit-18 ta' Jannar 2021, sabiex il-President u l-Konferenza tal-Presidenti jkollhom il-bażi legali għall-adozzjoni u l-approvazzjoni minn qabel ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 237a(2), l-ewwel subparagrafu l-ġdid, sabiex id-dispożizzjonijiet il-ġodda jkunu jistgħu jiġu applikati fis-sħuħija tagħhom mill-ewwel jum tal-applikazzjoni tagħhom, jiġifieri, fil-ftuħ tal-ewwel sessjoni parzjali ordinarja tal-2021;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali għal skopijiet ta' informazzjoni.
Test fis-seħħ
Emenda
Emenda 1 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Titolu XIIIa (ġdid)
TITOLU XIIIa: ĊIRKOSTANZI STRAORDINARJI
Emenda 2 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 237a (ġdid)
Artikolu 237a
Miżuri straordinarji
1. Dan l-Artikolu japplika għal sitwazzjonijiet li fihom il-Parlament , minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll tiegħu, jiġi mxekkel milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu u milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati, u tkun meħtieġa deroga temporanja mill-proċeduri tas-soltu tal-Parlament, stabbiliti band'oħra f'dawn ir-Regoli, sabiex jiġu adottati miżuri straordinarji li jippermettu li l-Parlament ikompli jwettaq dawk id-dmirijiet u jeżerċita dawk il-prerogattivi.
Tali ċirkostanzi straordinarji għandhom jitqiesu li jeżistu meta l-President jasal għall-konklużjoni, abbażi ta' evidenza affidabbli li tkun ikkonfermata, fejn xieraq, mis-servizzi tal-Parlament, li għal raġunijiet ta' sigurtà, jew ta' sikurezza jew b'riżultat tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' mezzi tekniċi, ikun, jew se jkun, impossibbli jew perikoluż li l-Parlament jiltaqa' f'konformità mal-proċeduri tas-soltu tiegħu kif stabbilit band'oħra f'dawn ir-Regoli u mal-kalendarju adottat tiegħu.
2. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-President jista' jiddeċiedi, bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, li japplika waħda jew aktar mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3.
Jekk ikun impossibbli, minħabba raġunijiet ta' urġenza imperattiva, li l-Konferenza tal-Presidenti titlaqqa' fiżikament jew virtwalment, il-President jista' jiddeċiedi li japplika waħda jew aktar mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3. Tali deċiżjoni għandha tiskadi ħamest ijiem wara l-adozzjoni tagħha sakemm ma tkunx ġiet approvata mill-Konferenza tal-Presidenti f’dak il-perijodu.
B'segwitu ta' deċiżjoni tal-President, approvata mill-Konferenza tal-Presidenti, għadd ta' Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu minimu medju jistgħu, fi kwalunkwe mument, jitolbu li xi wħud mill-miżuri jew il-miżuri kollha previsti f'dik id-deċiżjoni jiġu ppreżentati individwalment lill-Parlament għall-approvazzjoni mingħajr dibattitu. Il-votazzjoni fil-plenarja għandha titqiegħed fl-aġenda tal-ewwel seduta wara l-jum li fih titressaq it-talba. Ma tista' titressaq l-ebda emenda. Jekk miżura ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti mitfugħa, din għandha tiskadi wara l-għeluq tas-sessjoni parzjali. Miżura approvata mill-plenarja ma tistax tkun is-suġġett ta' votazzjoni oħra matul l-istess sessjoni parzjali.
3. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista' tipprovdi għall-miżuri kollha xierqa sabiex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija taħt il-paragrafu 1, u b'mod partikolari għall-miżuri li ġejjin:
(a) il-posponiment ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa ta' kumitat skedata, għal data aktar tard u/jew il-kanċellazzjoni jew il-limitazzjoni ta' laqgħat ta' delegazzjonijiet interparlamentari u ta' korpi oħra;
(b) iċ-ċaqliq ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa ta' kumitat mis-sede tal-Parlament għal wieħed mill-postijiet tax-xogħol tiegħu jew għal post estern, jew minn wieħed mill-postijiet tax-xogħol tiegħu għas-sede tal-Parlament, għal wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament jew għal post estern;
(c) it-twettiq ta' sessjoni parzjali jew ta' seduta fil-bini tal-Parlament b’mod komplet jew parzjali fi kmamar tal-laqgħat separati li jippermettu t-tbegħid fiżiku xieraq;
(d) it-twettiq ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa tal-korpi tal-Parlament taħt ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota kif stipulat fl-Artikolu 237c;
(e) fil-każ li l-mekkaniżmu ta' sostituzzjoni ad hoc stabbilit fl-Artikolu 209(7) jonqos milli jipprovdi rimedji suffiċjenti sabiex jindirizza ċ-ċirkostanzi straordinarji li jkunu qed jiġu kkunsidrati, is-sostituzzjoni temporanja ta’ Membri f’kumitat mill-gruppi politiċi, sakemm il-Membri kkonċernati ma jopponux tali sostituzzjoni temporanja.
4. Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Hija għandha tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit tal-Parlament jew, jekk iċ-ċirkostanzi ma jippermettux tali pubblikazzjoni, malli ssir disponibbli lill-pubbliku bl-aħjar mezzi alternattivi disponibbli.
Il-Membri kollha għandhom jiġu infurmati wkoll b'mod individwali bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.
Id-deċiżjoni tista' tiġġedded mill-President f'konformità mal-proċedura skont il-paragrafu 2 darba, jew aktar minn darba, għal żmien limitat. Deċiżjoni favur tiġdid għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.
Il-President għandu jirrevoka deċiżjoni adottata skont dan l-Artikolu hekk kif iċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fil-paragrafu 1 li kienu wasslu għall-adozzjoni tagħha jkunu għebu.
5. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat biss bħala l-aħħar għażla, u għandhom jintgħażlu u jiġu applikati biss dawk il-miżuri li jkunu strettament meħtieġa biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji li jkunu qed jiġu kkunsidrati.
Meta jiġi applikat dan l-Artikolu, għandu jittieħed kont debitu, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-Membri, tad-dritt tal-Membri li jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom mingħajr tfixkil, inklużi d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 167 u d-dritt tagħhom li jivvutaw b'mod liberu, individwalment u personalment, u tal-Protokoll Nru 6dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattati.
Emenda 3 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 237b (ġdid)
Artikolu 237b
Tfixkil tal-bilanċ politiku fil-Parlament
1. Il-President jista', bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Membri jew ta' grupp politiku konċernat jekk, abbażi ta' evidenza affidabbli, il-President jasal għall-konklużjoni li l-bilanċ politiku fil-Parlament ikun serjament kompromess minħabba li għadd sinifikanti ta' Membri jew grupp politiku ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-Parlament skont il-proċeduri normali tiegħu, kif stabbiliti band'oħra f'dawn ir-Regoli, minħabba raġunijiet ta' sigurtà jew ta' sikurezza, jew b'riżultat tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' mezzi tekniċi.
L-għan uniku ta' tali miżuri għandu jkun li jippermetti l-parteċipazzjoni remota tal-Membri kkonċernati bl-applikazzjoni ta' mezzi tekniċi magħżula skont l-Artikolu 237c(1) jew b'mezzi xierqa oħra li jservu l-istess għan.
2. Jistgħu jiġu adottati miżuri skont il-paragrafu 1 għall-benefiċċju ta' għadd sinifikanti ta' Membri jekk xi ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli lil hinn mill-kontroll tagħhom li jseħħu f'kuntest reġjonali ma jħalluhomx jipparteċipaw.
Il-miżuri skont il-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati wkoll għall-benefiċċju tal-membri ta' grupp politiku jekk dak il-grupp ikun talabhom meta n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' dak il-grupp jirriżulta minn ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll ta' dak il-grupp.
3. L-Artikolu 237a(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi, u r-regoli u l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 237a(4) u (5) għandhom japplikaw skont dan.
Emenda 4 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 237c (ġdid)
Artikolu 237c
Reġim ta' parteċipazzjoni remota
1. Jekk il-President jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 237a(3), punt (d), li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni remota, il-Parlament jista' jwettaq il-proċeduri tiegħu b'mod remot fost l-oħrajn billi jippermetti li l-Membri kollha jeżerċitaw ċerti drittijiet parlamentari tagħhom b'mezzi elettroniċi.
Jekk il-President jiddeċiedi f'konformità mal-Artikolu 237b li għandhom jintużaw mezzi tekniċi magħżula skont ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota, din ir-Regola għandha tapplika biss sa fejn meħtieġ u biss għall-Membri kkonċernati.
2. Ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota jiżgura li:
– il-Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, inkluż, b'mod partikolari, id-dritt tagħhom li jitkellmu fil-plenarja u fil-kumitati, li jivvutaw u jressqu testi, mingħajr tfixkil;
– il-voti kollha jintefgħu mill-Membri b'mod individwali u personalment;
– is-sistema ta' votazzjoni remota tippermetti li l-Membri jivvutaw abbażi tal-proċedura ordinarja, b'votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet u b'votazzjonijiet sigrieti u li jivverifikaw li l-voti tagħhom jitqiesu bħala mitfugħa;
– tkun applikata sistema ta' votazzjoni uniformi għall-Membri kollha, irrispettivament jekk ikunux preżenti jew le fil-bini tal-Parlament;
– l-Artikolu 167 jiġi applikat kemm jista' jkun possibbli;
– is-soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal tagħhom ikunu "teknoloġikament newtrali";
– il-parteċipazzjoni tal-Membri fid-dibattiti u l-votazzjonijiet parlamentari ssir bl-użu ta' mezzi elettroniċi siguri li jkunu ġestiti u sorveljati mis-servizzi tal-Parlament direttament u internament.
3. Meta jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President għandu jiddetermina jekk dak ir-reġim japplikax għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-plenarja biss, jew ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-kumitati u/jew f'korpi oħra tal-Parlament.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-President għandu jiddetermina wkoll kif id-drittijiet u l-prattiki li ma jistgħux jiġu eżerċitati b'mod xieraq mingħajr il-preżenza fiżika tal-Membri jiġu adattati għal kemm idum ir-reġim.
Dawn id-drittijiet u l-prattiki jikkonċernaw, fost l-oħrajn:
– il-mod li bih l-attendenza waqt seduta jew laqgħa tiġi magħduda;
– il-kundizzjonijiet li skonthom issir talba għal verifika tal-kworum;
– it-tressiq tat-testi;
– it-talbiet għal qsim u voti separati;
– l-allokazzjoni tal-ħin għad-diskorsi;
– l-iskedar tad-dibattiti;
– il-preżentazzjoni tal-emendi orali u l-oġġezzjonijiet għalihom;
– l-ordni tal-votazzjonijiet;
– l-iskadenzi u l-limiti ta' żmien għall-istabbiliment tal-aġenda u għal mozzjonijiet ta' proċedura.
4. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar il-kworum u l-votazzjoni fil-Kamra, il-Membri li jkunu qed jipparteċipaw b'mod remot għandhom jitqiesu li jkunu fiżikament preżenti fil-Kamra.
B'deroga mill-Artikolu 171(11), Membri li ma jkunux tkellmu f'dibattitu jistgħu, darba f'kull seduta, iressqu stqarrija bil-miktub, li għandha tiġi mehmuża mar-rapport verbatim tad-dibattitu.
Il-President għandu, fejn meħtieġ, jiddetermina l-mod li bih il-Kamra tista' tintuża mill-Membri matul l-applikazzjoni tar-reġim tal-parteċipazzjoni remota, u b'mod partikolari l-għadd massimu ta' Membri li jistgħu jkunu fiżikament preżenti.
5. Jekk il-President jiddeċiedi skont il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni remota għall-kumitati jew għal korpi oħra, il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, għandu japplika, mutatis mutandis.
6. Il-Bureau għandu jadotta miżuri li jikkonċernaw l-operat u s-sigurtà tal-mezzi elettroniċi użati skont dan l-Artikolu, f'konformità mar-rekwiżiti u l-istandards stabbiliti fil-paragrafu 2.
Emenda 5 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Artikolu 237d (ġdid)
Artikolu 237d
It-twettiq ta' sessjoni parzjali jew seduta fi kmamar separati tal-laqgħat
Jekk il-President jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 237a(3), punt (c), li jippermetti li ssir sessjoni parzjali jew seduta, kompletament jew parzjalment, f'aktar minn kamra tal-laqgħat waħda, inkluż, fejn xieraq, l-emiċiklu, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
– il-kmamar tal-laqgħat użati f'dan il-kuntest għandhom jitqiesu li kollettivament jikkostitwixxu l-Kamra;
– il-President jista', jekk meħtieġ, jiddetermina l-mod li bih jistgħu jintużaw il-kmamar rispettivi tal-laqgħat, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' tbegħid fiżiku jiġu rrispettati.