Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2044(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0230/2020

Testi mressqa :

A9-0230/2020

Dibattiti :

PV 17/12/2020 - 7
CRE 17/12/2020 - 7

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2020 - 9
PV 17/12/2020 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2020)0383

Testi adottati
PDF 163kWORD 55k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2020 - Brussell
Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019
P9_TA(2020)0383A9-0230/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019 (2020/2044(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0230/2020),

A.  billi wara l-elezzjonijiet Ewropej, li saru bejn it-23 u s-26 ta' Mejju 2019, u wara li Parlament il-ġdid ġie kkostitwit fit-2 ta' Lulju 2019, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kellu l-laqgħa kostituttiva tiegħu fl-10 ta' Lulju 2019;

B.  billi fl-2019 il-Parlament irċieva 1 357 petizzjoni, ċifra li tirrappreżenta żieda ta' 11,23 % meta mqabbla mal-1 220 petizzjoni ppreżentati fl-2018 u jiżvela li minkejja l-perjodu ta' sospensjoni tal-attività minħabba l-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE baqgħu jeżerċitaw id-dritt ta' petizzjoni tagħhom;

C.  billi fl-2019 l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar fuq il-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parlament żdied meta mqabbel mal-2018 u laħaq total ta' 28 075; billi l-għadd ta' klikks li jappoġġjaw il-petizzjonijiet kien ta' 31 679;

D.  billi mill-petizzjonijiet ippreżentati fl-2019, 41 kienu ffirmati b'mod konġunt minn ċittadin wieħed jew aktar, 8 minn aktar minn 100 ċittadin, u 3 minn aktar minn 10 000 ċittadin;

E.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet baqa' modest meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE; billi ċ-ċifra globali ta' petizzjonijiet riċevuti tindika li jinħtieġu sforzi akbar u miżuri xierqa biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar id-dritt ta' petizzjoni; billi ċ-ċittadini, fl-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni, jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu valur miżjud fit-tfittxija għal soluzzjoni għall-problemi tagħhom;

F.  billi mill-1 357 petizzjoni ppreżentati fl-2019, 938 ġew iddikjarati ammissibbli, 406 ġew iddikjarati inammissibbli, u 13 ġew irtirati; billi l-perċentwal relattivament għoli (30 %) ta' petizzjonijiet inammissibbli fl-2019 juri li għad hemm nuqqas ta' ċarezza mifrux dwar l-oqsma tal-attività tal-UE; billi f'dan is-sens, jeħtieġ li din il-problema tiġi indirizzata permezz ta' kampanji ta' informazzjoni intiżi sabiex jiċċaraw il-kompetenzi tal-Unjoni kif ukoll il-proċedura għat-tressiq ta' petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew;

G.  billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jirrikjedu li l-petizzjonijiet għandhom jitressqu miċ-ċittadini jew mir-residenti tal-UE affettwati direttament minn kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi d-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi d-dritt ta' petizzjoni joffri liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti biex jindirizzaw lir-rappreżentanti eletti tagħhom direttament, u għalhekk huwa element importanti tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-oqsma ta' attività tal-UE;

I.  billi governanza demokratika bbażata fuq it-trasparenza, fuq il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali u fuq l-inklużjoni tat-talbiet taċ-ċittadini tal-UE fl-aġenda politika tal-UE, hija meħtieġa biex tiżdied il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini u biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess deċiżjonali tal-UE; billi governanza demokratika u trasparenti għandha titqies ukoll bħala pedament għat-tisħiħ tal-effikaċja u tal-qrubija maċ-ċittadini tal-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

J.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jsaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tal-Parlament għall-ilmenti u t-tħassib relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri; billi l-petizzjonijiet huma, fost affarijiet oħra, sors utli ħafna ta' informazzjoni dwar istanzi ta' applikazzjoni skorretta jew ta' ksur tad-dritt tal-UE; billi l-petizzjonijiet jippermettu li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u l-impatt tiegħu fuq iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE u jidentifikaw nuqqasijiet u inkonsistenzi tad-dritt tal-UE li jimminaw l-objettiv li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

K.  billi ċ-ċittadini ġeneralment jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-aħħar istanza meta jqisu li korpi u istituzzjonijiet oħra ma jkunux jistgħu jsolvu kwistjonijiet li huma mħassba dwarhom;

L.  billi l-Parlament ilu jiżvolġi rwol ta' mexxej fl-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fil-livell internazzjonali, u għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti li l-petizzjonanti jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu;

M.  billi kull petizzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba u informazzjoni rigward id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-kumitat, fi żmien raġonevoli u bil-lingwa tiegħu stess jew b'dik użata fil-petizzjoni;

N.  billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq l-informazzjoni u l-kontributi li jaslu mingħand il-petizzjonanti; billi l-informazzjoni fornuta mill-petizzjonanti flimkien mal-għarfien espert offrut mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u minn korpi oħra huma essenzjali għall-ħidma tal-kumitat; billi l-petizzjonijiet ammissibbli spiss jagħtu informazzjoni siewja lill-ħidma ta' kumitati parlamentari u intergruppi oħrajn;

O.  billi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet jiġu diskussi pubblikament fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi l-petizzjonanti huma ta' spiss mistiedna jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-kumitat; billi fl-2019, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kellu 9 laqgħat ordinarji tal-kumitat, li fihom ġew diskussi 250 petizzjoni fil-preżenza ta' 239 petizzjonant, filwaqt li 126 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi intervenew fil-laqgħa; billi r-rwol tal-kumitat fl-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini Ewropej huwa kontribut importanti għat-tisħiħ tal-immaġni u l-awtorità tal-Parlament;

P.  billi s-suġġetti prinċipali ta' tħassib indikati fil-petizzjonijiet ippreżentati fl-2019 kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ambjentali (b'mod partikolari kwistjonijiet rigward it-tniġġis, il-protezzjoni u l-preservazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart), id-drittijiet fundamentali (notevolment id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-vot u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Brexit), affarijiet kostituzzjonali (b'mod partikolari mistoqsijiet relatati mal-elezzjonijiet Ewropej u mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE), is-saħħa (b'mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa u mal-impatt tar-riskji u s-sustanzi tossiċi), it-trasport (notevolment id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u dawk ferrovjarji, kollegamenti transnazzjonali u bidliet staġonali fil-ħin), is-suq intern (b'mod partikolari mistoqsijiet relatati mad-drittijiet tal-konsumaturi u mal-libertà tal-moviment tal-persuni), l-impjieg (b'mod partikolari l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-kuntratti prekarji), u l-kultura u l-edukazzjoni (b'mod partikolari l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal b'diżabilità u l-fastidju fl-iskejjel), kif ukoll ħafna oqsma ta' attività oħrajn;

Q.  billi 73,9 % mill-petizzjonijiet li waslu (1 003 petizzjonijiet) fl-2019 ġew ippreżentati permezz tal-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, meta mqabbla ma' 70,7 % (863 petizzjoni) fl-2018;

R.  billi fl-2019 il-Portal Web għall-Petizzjonijiet kompla jiġi żviluppat f'verżjoni tad-disinn tal-web responsiv li tikkonforma mad-"dehra u s-sensazzjoni" ġodda tas-sit web tal-Parlament Ewropew (Europarl); billi dan il-portal għalhekk sar aktar faċli li jintuża u joffri aċċess aħjar għaċ-ċittadini, li issa jistgħu jużawh fuq kull apparat, u ġie ottimizzat għall-applikazzjoni tal-istandard Ewropew EN 301 549; billi huwa wkoll parzjalment konformi mal-istandard AA tal-livell 2.1 tal-Linji Gwida dwar l-Aċċessibbiltà tal-Kontenut tal-Web (WCAG); billi l-istqarrija ta' privatezza l-ġdida ttellgħet bil-verżjonijiet lingwistiċi kollha fil-mudelli tal-posta elettronika u fil-paġna ta' reġistrazzjoni, u ġiet attivata Captcha tal-awdjo għar-reġistrazzjoni tal-kontijiet tal-utenti; billi l-Portal Web għall-Petizzjonijiet u ePetizzjoni ġew integrati aktar bit-titjib tal-mekkaniżmu ta' sinkronizzazzjoni tagħhom; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew indirizzati b'suċċess;

S.  billi għandu jiġu nnotat li minħabba l-perjodu ta' sospensjoni tal-attività minħabba l-elezzjonijiet Ewropej, ma saret l-ebda żjara ta' ġbir ta' informazzjoni għall-petizzjonijiet li fuqhom kienet għaddejja inkjesta fl-2019; billi l-kumitat wettaq il-valutazzjonijiet ta' segwitu ta' għadd ta' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni preċedenti u adotta r-rapporti dwar tnejn li saru fl-2018; billi għadd ta' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni ġew ipprogrammati għall-2020;

T.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqis li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) hija strument importanti tad-demokrazija parteċipattiva, li jippermetti li ċ-ċittadini jinvolvu ruħhom b'mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; billi kien hemm nuqqas ta' komunikazzjoni effettiva dwar l-IĊE;

U.  billi l-midja għandha rwol ewlieni fi kwalunkwe sistema demokratika u tipprovdi aktar trasparenza għall-proċess tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi stampa ta' kwalità hija element essenzjali għall-Unjoni Ewropea kollha; billi hemm konfużjoni f'ċerti midja Ewropej fir-rigward tar-rwol u s-setgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

V.  billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea; billi fl-2019 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet żvolġa rwol fundamentali fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew billi organizza seduta ta' smigħ pubbliku tal-kandidati skont l-Artikolu 231 tar-Regoli ta' Proċedura; billi fit-18 ta' Diċembru 2019 Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid Ombudsman Ewropew għal-leġiżlatura 2019-2024;

W.  billi r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE(1) esprimiet appoġġ lill-Ombudsman fl-inkjesta tagħha u talbet lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta malajr kemm jista' jkun ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; billi l-Kunsill la rrisponda lill-Ombudsman u lanqas għar-riżoluzzjoni tal-Parlament u ma ħa l-ebda miżura favur l-implimentazzjoni;

X.  billi fl-2019 ir-relazzjonijiet bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman Ewropew komplew jissaħħu, kif muri mill-parteċipazzjoni attiva tal-Ombudsman fil-laqgħat tal-kumitat; billi wara r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(2), Emily O'Reilly ipparteċipat fil-laqgħa tal-kumitat tat-2 ta' April 2019 għal skambju ta' fehmiet dwar il-prerogattivi l-ġodda proposti tagħha, u ppreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2018 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Settembru 2019;

Y.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-UE, u li jikkondividi l-aħjar prattiki;

Z.  billi l-attivitajiet tan-Network tal-Petizzjonijiet għandhom jittejbu billi tiġi żgurata kooperazzjoni aktar effikaċi fost il-kumitati li jittrattaw il-petizzjonijiet; billi n-Network tal-Petizzjonijiet għandu jsaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE bil-għan li jiggarantixxi li l-kwistjonijiet imqajma miċ-ċittadini fil-petizzjonijiet jiġu indirizzati u solvuti b'mod adegwat;

AA.  billi fil-linji gwida politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea għall-2019-2024, il-President von der Leyen impenjat ruħha li twieġeb b'att leġiżlattiv għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 225 tat-TFUE, bil-għan li tagħti lill-Parlament rwol aktar b'saħħtu fl-inizjazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jkollu rwol strateġiku fil-ħolqien ta' rabta diretta bejn id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament u l-kwistjonijiet imqajma miċ-ċittadini permezz tal-petizzjonijiet;

1.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-uniku kumitat li jikkomunika direttament maċ-ċittadini, jeħtieġlu jsaħħaħ ir-rwol ewlieni tiegħu fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE fil-limiti tal-kompetenza tal-kumitat, filwaqt li jiżgura li t-tħassib u l-ilmenti tal-petizzjonanti jiġu eżaminati f'waqthom u jiġu riżolti, u dan permezz ta' proċess ta' petizzjonijiet miftuħ, demokratiku, aġili u trasparenti u permezz ta' kooperazzjoni u djalogu msaħħa ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u billi jevita li jagħti twiġibiet preġudikati jew politiċizzati lill-petizzjonanti;

2.  Jiddispjaċih li l-petizzjonanti għadhom mhux informati biżżejjed dwar x'inhuma r-raġunijiet li għalihom petizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli; jenfasizza l-importanza ta' kampanja ta' informazzjoni kontinwa u dibattitu pubbliku dwar l-oqsma tal-attività tal-Unjoni li tkun immirata biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew, li li tipprovdi informazzjoni aktar ċara u aktar dettaljata dwar is-setgħat tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi implimentata governanza demokratika tal-UE bbażata fuq it-trasparenza, il-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet fundamentali, u l-inklużjoni diretta taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jinstab mod ta' kif jiġi promoss aktar id-dritt ta' petizzjoni filwaqt li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini f'dan ir-rigward; jipproponi li l-kampanji ta' informazzjoni fl-Unjoni Ewropea jiġu intensifikati biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom għarfien aħjar tal-kompetenzi tal-UE u biex tiġi ċċarata l-perċezzjoni tar-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-opinjoni pubblika;

3.  Jappella għal servizz tal-istampa u ta' komunikazzjonijiet aktar attiv u għal preżenza aktar attiva fuq il-midja soċjali, sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-ħidma tal-Kumitat kif ukoll biex isir aktar responsiv għat-tħassib tal-pubbliku u għad-dibattiti tal-UE, billi jiġu enfasizzati wkoll dawk il-każijiet u l-istejjer ta' suċċess, fejn kwistjoni mqajma minn petizzjonant tkun ġiet riżolta bl-appoġġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

4.  Jipproponi li jitwettqu kampanji u eventi ta' sensibilizzazzjoni mmirati għalll-ġurnalisti u l-midja sabiex jiġi evitat li tinxtered informazzjoni vaga u b'hekk tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-midja; jenfasizza li l-midja tiżvolġi rwol ewlieni billi tgħarraf liċ-ċittadini Ewropej dwar il-ħidma ta' kuljum tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u tista' tikkontribwixxi permezz tal-attività tagħha biex ittejjeb l-għarfien taċ-ċittadini Ewropej dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza li huwa l-kompitu tal-UE li tħeġġeġ l-għoti ta' informazzjoni preċiża liċ-ċittadini Ewropej;

5.  Jindika li l-petizzjonijiet joffru l-opportunità lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex iżommu djalogu dirett maċ-ċittadini u r-residenti legali tal-UE li jkunu affettwati mill-applikazzjoni skorretta jew minn ksur tad-dritt tal-UE jew minn inkonsistenzi fid-dritt tal-UE, u li jiġu rrimedjati l-problemi li jkunu ġew identifikati; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-petizzjonijiet huma l-bieb tad-dħul taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-kumitati ewlenin, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-inkjesti jew proposti li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-konformità miegħu;

6.  Iqis li, sabiex jiġi żgurat li l-petizzjonijiet jgħaddu għand l-awtoritajiet kompetenti u rilevanti, jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet nazzjonali relevanti u l-Ombudsmen.

7.  Ifakkar li l-petizzjonijiet joffru kontribut siewi għar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati; itenni li huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni, u li tweġibiet aktar rapidi mill-Kummissjoni huma essenzjali fil-proċess ta' kif jiġu indirizzati l-petizzjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-impenn li ħa l-Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, Maroš Šefčovič, matul is-seduta ta' smigħ tiegħu bħala Kummissarju nnominat, biex ikompli jtejjeb l-ipproċessar min-naħa tal-Kummissjoni tal-petizzjonijiet u biex jiżgura l-preżentazzjoni ta' risposti preċiżi qabel ma jiskadi t-terminu ta' tliet xhur; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għal dokumenti fil-qafas tal-proċeduri tal-EU Pilot fir-rigward tal-petizzjonijiet riċevuti, u tal-proċeduri tal-EU Pilot u dawk ta' ksur li diġà ġew konklużi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha għal involviment aktar attiv fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex tiżgura li l-petizzjonanti jirċievu tweġiba preċiża għat-talbiet u l-ilmenti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

9.  Iqis li l-Kummissjoni ma għandhiex tpoġġi r-responsabbiltà tal-azzjoni fuq il-petizzjonant biss meta jkun hemm problema identifikata relatata mal-applikazzjoni jew il-ksur tad-dritt tal-UE. jemmen li l-Kummissjoni jeħtiġilha tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunux qed jieħdu passi biex isolvu l-problema msemmija fil-petizzjoni u jeħtiġilha tkun lesta tintervjeni f'każ li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux effiċjenti;

10.  Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE kollha, inkluż il-Kunsill, għandhom ikunu r-regola ġenerali sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini; jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001(3) attwali ma għadux jirrifletti aktar is-sitwazzjoni attwali; jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament tal-2001 bil-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont billi tippromwovi l-prattika amministrattiva tajba;

11.  Jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet spiss jirċievi lmenti dwar ksur tal-istat tad-dritt minn ċerti awtoritajiet; ifakkar li l-iżgurar tal-applikazzjoni effikaċi, ugwali u uniformi tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri li fuqhom huma msejsa l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu 2 TUE; filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà, jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji li ħadet fil-Komunikazzjoni tagħha tas-17 ta' Lulju 2019 bit-titlu "It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni: Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343), sabiex tiġi promossa kultura ta' rispett għall-istat tad-dritt, tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u tiġi żgurata reazzjoni komuni effikaċi għat-theddid attwali fi ħdan l-Unjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun; ifakkar li l-aspettattivi tal-biċċa l-kbira tal-petizzjonanti fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Karta huma għoljin u jmorru ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom;

13.  Jemmen li l-kooperazzjoni mal-kumitati l-oħra fil-Parlament hija essenzjali għal ipproċessar komprensiv tal-petizzjonijiet; josserva li, fl-2019, intbagħtu 65 petizzjoni lil kumitati oħrajn għal opinjoni u 351 għal skopijiet ta' informazzjoni, filwaqt li mingħand kumitati oħrajn il-Kumitat irċieva 38 opinjoni u 9 konfermi li l-petizzjonijiet kienu qed jiġu kkunsidrati fil-ħidma tagħhom; jinnota wkoll li, fl-2018, intbagħtu 47 petizzjoni lil kumitati oħrajn għal opinjoni u 660 għal skopijiet ta' informazzjoni, filwaqt li mingħand kumitati oħrajn il-Kumitat irċieva 30 opinjoni u 38 konferma li l-petizzjonijiet kienu qed jiġu kkunsidrati fil-ħidma tagħhom; ifakkar li l-petizzjonanti jiġu infurmati meta jkun hemm deċiżjoni li tintalab opinjoni minn kumitati oħrajn biex jiġu indirizzati l-petizzjonijiet tagħhom; jissottolinja għalhekk l-importanza tal-kontribut tal-kumitati l-oħra biex il-Parlament ikun jista' jwieġeb b'aktar ħeffa u effiċjenza għat-tħassib taċ-ċittadini;

14.  Jinsab konvint li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda utli biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-petizzjonijiet f'kumitati oħrajn li lilhom jintbagħtu għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni. jirrimarka li hemm bżonn li jiġi żgurat li jkun hemm segwitu adegwat għall-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; jenfasizza li n-network tal-petizzjonijiet jista' jitqies bħala għodda strateġika biex jitrawwem id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew minqux fl-Artikolu 225 tat-TFUE, u b'hekk jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-inkonsistenzi tad-dritt tal-UE indikati fil-petizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini; jemmen li l-laqgħat regolari tan-network tal-petizzjonijiet huma kruċjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-kumitati parlamentari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-membri tan-network; jenfasizza li kollegament aktar mill-qrib bejn il-kumitati jista' jtejjeb l-effiċjenza fir-rigward tal-ippjanar ta' seduti ta' smigħ u studji parlamentari dwar l-istess suġġetti; huwa favur it-tfassil ta' mekkaniżmu li jippermetti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun involut direttament fil-proċess leġiżlattiv;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti annwali ewlenin adottati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2019, notevolment ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2018(4) u r-Rapport Annwali dwar il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fl-2018(5);

16.  Josserva li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet importanti indikati fil-petizzjonijiet billi kkontribwixxa għar-rapporti parlamentari u leġiżlattivi, notevolment dwar l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qafas istituzzjonali tal-UE(6) u dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li twaqqaf il-bidliet staġonali fil-ħin u tħassar id-Direttiva 2000/84/KE(7);

17.  Jirrimarka li ħafna petizzjonijiet irriżultaw f'azzjoni leġiżlattiva jew politika, kemm permezz ta' rapporti jew mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, iżda wkoll permezz ta' deċiżjonijiet preliminari jew proċedimenti ta' ksur;

18.  Jinnota li l-ambjent kien il-qasam prinċipali li qajjem tħassib għall-petizzjonanti fl-2019; jindika, f'dan ir-rigward, il-mozzjoni għal riżoluzzjoni skont l-Artikolu 227(2) dwar l-immaniġġjar tal-iskart, adottata fil-21 ta' Marzu 2019 mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u fl-4 ta' April 2019 fil-plenarja(8); jisħaq li l-immaniġġjar tal-iskart huwa wieħed mill-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali globali prinċipali, u jtenni l-appell tiegħu għall-massimizzazzjoni tal-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, il-ġbir separat u r-riċiklaġġ, bil-ħsieb li tiġi xprunata t-trażizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tuża l-potenzjal sħiħ tas-sistema ta' twissija bikrija kif stabbilit fid-direttivi dwar l-iskart riveduti; jiġbed l-attenzjoni għar-rapport finali taż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Valledora (l-Italja), adottat fil-11 ta' April 2019 u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tar-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fih;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għas-seduta ta' smigħ dwar "Climate Change Denial" (Ċaħda tat-Tibdil fil-Klima) li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza fil-21 ta' Marzu 2019 flimkien mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel; jemmen li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeħtieġlu jkompli jiġġieled iċ-ċaħda tat-tibdil fil-klima, anki billi jippromwovi l-adozzjoni ta' sanzjonijiet effikaċi u dissważivi kontra l-gruppi ta' interess,li jagħmlu pressjoni fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u li l-attivitajiet tagħhom huma relatati direttament jew indirettament maċ-ċaħda tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li jiġi żgurat li l-ħidma futura tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiggarantixxi enfasi speċifika fuq it-tibdil fil-klima bil-ħsieb li jissaħħu l-attivitajiet ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li jiġu implimentati b'mod konsistenti l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi;

20.  Jindika l-istudji dwar "Cross-border nuclear safety, liability and cooperation in the European Union" (Sikurezza, obbligu ta' rendikont u kooperazzjoni nukleari transfruntiera fl-Unjoni Ewropea) u "Endocrine Disruptors: From Scientific Evidence to Human Health Protection" (Interferenti Endokrinali: Mill-Evidenza Xjentifika għall-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Bniedem), li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikkummissjona bħala segwitu mogħti lil għadd sostanzjali ta' petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar dawn il-kwistjonijiet u li ġew ippreżentati fil-laqgħat tiegħu fl-20 ta' Frar 2019 u fit-2 ta' April 2019; jiddispjaċih għall-fatt li r-regoli ambjentali ma jiġux implimentati dejjem b'mod korrett fl-Istati Membri, kif deskritt f'bosta petizzjonijiet; jisħaq fuq l-importanza li jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam; jinsab konvint li l-Kummissjoni jeħtiġilha tintensifika l-attivitajiet tagħha biex tiżgura li l-valutazzjonijiet ambjentali mwettqa mill-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura, li dwarhom il-petizzjonanti indikaw riskji serji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, ikunu bbażati fuq analiżijiet preċiżi u komprensivi f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE;

21.  Jinsab imħasseb serjament dwar id-danni serji għas-saħħa li jġarrbu ċ-ċittadini li jgħixu f'żoni fejn jiġu prodotti ammonti kbar ta' sustanzi karċinoġeniċi, u li l-ogħla impatt negattiv huwa rreġistrat fost it-tfal; jemmen b'saħħa li l-Kummissjoni għandha tagħmel użu sħiħ u timplimenta b'mod konsistenti d-dispożizzjonijiet tal-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) rigward is-sustanzi soġġetti għal awtorizzazzjoni minħabba li huma karċinoġeniċi, persistenti u bijoakkumulattivi, u tiżgura s-sostituzzjoni tagħhom b'sustanzi alternattivi mhux tossiċi, inkluż billi tippromwovi proċessi industrijali għal dan l-iskop;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-Brexit li ġew ippreżentati fl-2019, li fil-biċċa l-kbira jappellaw għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE qabel u wara l-Brexit; jilqa' l-ħidma eċċellenti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li, huwa u jindirizza t-tħassib imqajjem minn dawn il-petizzjonanti, ikkontribwixxa biex jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jibqgħu waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-Parlament fin-negozjati dwar il-Brexit; jenfasizza li hemm ħafna ċittadini – kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit – li, fid-dawl tal-inċertezza ta' Brexit mingħajr ftehim, irrikorrew għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet peress li beżgħu li d-drittijiet tagħhom kienu se jiġu pperikolati minħabba n-nuqqas ta' ftehim; jirrimarka li, sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet li jgawdu minnhom ċ-ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru li mhuwiex dak li joriġinaw minnu, jista' jkun utli li jkun hemm leġiżlazzjoni xierqa f'każ li l-Istat Membru jibdel l-istatus tiegħu fir-rigward tal-UE;

23.  Ifakkar fir-rwol speċifiku ta' protezzjoni li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-UE fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti kontinwa tal-kumitat b'rabta ma' petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jinnota li l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità naqas fl-2019 meta mqabbel mas-sena preċedenti; jinnota, madankollu, li l-aċċessibbiltà u d-diskriminazzjoni għadhom fost l-isfidi prinċipali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità; ifakkar li fl-2019 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta attenzjoni speċifika għad-diskussjoni rigward il-petizzjonijiet dwar l-edukazzjoni inklużiva għat-tfal b'diżabilità; jappella għal aġenda ġdida għall-ħiliet li jkollha pożizzjoni fil-qalba tal-Ewropa u proposti konkreti dwar kif titrawwem l-inklużività u jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-portabbiltà tal-ħiliet fl-Ewropa;

24.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, fl-2019, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet indirizza t-tħassib taċ-ċittadini rigward it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif tqajjem f'bosta petizzjonijiet; ifakkar f'dan ir-rigward li fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta' April 2019, il-kumitat organizza sessjoni ta' ħidma dwar "Conflicts of Interest – Integrity, Accountability and Transparency in the EU institutions and agencies" (Kunflitti ta' Interess – Integrità, Obbligu ta' Rendikont u Trasparenza fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE), li eżaminat il-kisbiet li saru fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, l-integrità, l-obbligu ta' rendikont, it-trasparenza, il-kodiċijiet ta' kondotta u l-"bibien iduru" fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut importanti għad-dibattitu li tat l-Ombudsman Ewropew, li għamlet diskors ewlieni dwar il-kisbiet u l-isfidi għall-istituzzjonijiet tal-UE;

25.  Jappella għall-adozzjoni rapida ta' riformi ġuridiċi mmirati biex jindirizzaw in-nuqqas ta' trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-UE, il-kunflitti ta' interess, u l-kwistjonijiet etiċi kollha fil-livell tal-UE li jaffettwaw il-proċess leġiżlattiv relatati ma' kwistjonijiet imqajma miċ-ċittadini permezz ta' petizzjonijiet;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-appoġġ f'maġġoranza li l-plenarja tal-Parlament tat lir-riżoluzzjoni tas-17 ta' Jannar 2019, dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman Ewropew dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea(9); ifakkar li l-Kunsill, bħala koleġiżlatur, huwa istituzzjoni indispensabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jiddispjaċih għall-fatt li bosta diskussjonijiet u laqgħat tal-Kunsill għadhom isiru bil-bibien magħluqa; jistieden lill-Kunsill jimplimenta politika ta' trasparenza akbar sabiex b'hekk titjieb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kunsill jippubbliċizza ċerti laqgħat u dokumenti b'mod aktar wiesa' sabiex jikseb komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini Ewropej u mal-parlamenti nazzjonali;

27.  Jirrikonoxxi l-eżitu tas-smigħ pubbliku li sar mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-12 ta' Novembru 2019 dwar l-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) u l-impatt extraterritorjali tiegħu fuq iċ-ċittadini tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jidhru li jagħtu aktar valur lir-relazzjonijiet internazzjonali mal-Istati Uniti milli jagħtu lid-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari fil-każ tal-FATCA, u jistedinhom jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jieħdu azzjoni immedjata u sinifikanti b'appoġġ għaċ-ċittadini kkonċernati, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-effetti negattivi tal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin fuq iċ-ċittadini tal-UE(10);

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti kontinwa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-benessri tal-annimali fl-UE, kif muri mill-għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet dwar dan is-suġġett li ġew diskussi fil-laqgħat tiegħu fl-2019; jemmen li huwa tal-ogħla importanza li titnieda strateġija ġdida tal-UE dwar il-benessri tal-annimali biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effikaċi tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u komprensiv li jkun konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 13 TFUE; jiġbed l-attenzjoni għas-smigħ pubbliku dwar "Revaluation of the wolf population in the EU" (Rivalutazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup fl-UE), li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza fil-5 ta' Diċembru 2019 b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u flimkien mal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, sabiex jagħti leħen lit-tħassib taċ-ċittadini dwar il-qafas ġuridiku għall-protezzjoni tal-lupu kif ukoll dwar l-impatt tal-popolazzjoni tal-ilpup u karnivori kbar oħra, bħall-orsijiet kannella, fuq l-ambjent u l-komunitajiet rurali; jenfasizza li, fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-karnivori kbar huma speċijiet protetti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-għodod fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex jindirizzaw il-kunflitti possibbli li jikkonċernaw il-konservazzjoni tal-karnivori l-kbar protetti; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun gwida aġġornata tal-UE dwar ir-regoli tal-protezzjoni tal-ispeċijiet sabiex tinkiseb koeżistenza sodisfaċenti bejn in-nies u l-karnivori l-kbar fiż-żoni affettwati;

29.  Iqis li huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti direttament fit-tnedija ta' proposti leġiżlattivi; Jenfasizza li l-IĊE hija strument fundamentali għaċ-ċittadinanza attiva u għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku; jilqa' pożittivament l-adozzjoni, fis-17 ta' April 2019, tar-regoli ġodda għall-IĊE, li jissarrfu f'għadd ta' titjib strutturali u tekniku bil-għan li dan l-istrument isir aktar faċli li jintuża u aċċessibbli u biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni; jinnota l-għadd sinifikanti ta' IĊE ġodda rreġistrati mill-Kummissjoni fl-2019, li juri li ċ-ċittadini qed jaħtfu l-opportunità li jużaw strumenti partiċipattivi biex isemmgħu leħinhom fil-proċessi ta' tfassil ta' politika u tal-liġijiet; jappella għal aktar kampanji ta' disseminazzjoni dwar ir-rwol tal-IĊE biex jiġi promoss l-użu ta' din ir-riżorsa miċ-ċittadini Ewropej; jiddispjaċih li s'issa l-biċċa l-kbira tal-IĊE li rnexxew ma rriżultawx f'proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej b'mod kemm jista' jkun miftuħ u responsiv sabiex dan l-istrument ikun suċċess reali tad-demokrazija parteċipattiva Ewropea f'għajnejn iċ-ċittadini; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tniedi proposta leġiżlattiva fuq il-bażi ta' kwalunkwe IĊE ta' suċċess li kienet appoġġjata mill-Parlament Ewropew;

30.  Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni siewja tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jissottolinja r-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jieħu nota tar-rwol li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiżgura li s-seduti ta' smigħ pubbliku tal-kandidati fil-qafas tal-proċedura ta' elezzjoni għall-Ombudsman Ewropew fl-2019 twettqu b'mod trasparenti u effiċjenti;

31.  Japprezza l-kontributi regolari tal-Ombudsman Ewropew għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena; jemmen b'konvinzjoni li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jingħata segwitu konsistenti u effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

32.  Ifakkar li l-Portal Web għall-Petizzjonijiet huwa għodda essenzjali biex jiġi żgurat proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi, effiċjenti u trasparenti; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-allinjament tiegħu mad-"dehra u s-sensazzjoni" tas-sit web tal-Parlament Ewropew (Europarl); ifakkar li, minn tmiem l-2017 'l hawn, dokumenti bħall-aġendi, il-minuti tal-laqgħat u l-komunikazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bdew jittellgħu awtomatikament fuq il-portal. biex iċ-ċittadini jkollhom portal aktar responsiv, aktar trasparenti u aktar aċċessibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex il-portal isir aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, inkluż żviluppi li jippermettu lill-petizzjonanti jressqu petizzjonijiet fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali tal-UE, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 24 TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jissuġġerixxi li tiġi żgurata aktar viżibbiltà għall-Portal Web għall-Petizzjonijiet fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew; huwa tal-fehma li d-dritt ta' petizzjoni huwa marbut direttament mal-attivitajiet tal-istituzzjoni u jistħoqqlu post viżibbli u faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tal-PE; jitlob li ssir investigazzjoni dwar kif jista' jiġi evitat l-użu ta' identitajiet misruqa jew foloz;

33.  Jenfasizza li għalkemm l-għadd ta' sostenituri ta' petizzjoni waħda jew aktar żdied meta mqabbel mal-2018, fuq il-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parliament, xi petizzjonanti għadhom qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet tekniċi biex jappoġġjaw diversi petizzjonijiet;

34.  Jenfasizza li l-istrument tal-ePetizzjoni huwa bażi tad-data importanti biex jiffunzjona l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda jitlob li jitwettqu titjib u modernizzazzjoni tal-interfaċċja sabiex tkun aktar faċli li tintuża u aktar aċċessibbli;

35.  Jifraħ lis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet talli tratta l-petizzjonijiet b'mod effiċjenti u b'attenzjoni kbira, f'konformità mal-linji gwida tal-kumitat u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-PE;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri, lill-Ombudsmen nazzjonali jew lil entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 149.
(2) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 182.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(4) Rapport adottat fit-22 ta' Jannar 2019.
(5) Rapport adottat fit-12 ta' Novembru 2019.
(6) Opinjoni adottata fil-21 ta' Jannar 2019.
(7) Opinjoni adottata fl-20 ta' Frar 2019.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0338.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0045.
(10) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 141.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza