Indiċi 
Testi adottati
Il-Ġimgħa, 19 ta' Ġunju 2020 - Brussell
Twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni jew lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu
 Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali
 Unjoni Bankarja - rapport annwali 2019
 Linji gwida ġenerali għall-Baġit 2021, Taqsima III
 Is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020
 Il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020
 Turiżmu u trasport fl-2020 u lil hinn
 Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni: posponiment ta' ċerti limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 *
 Appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013) ***I
 Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej: miżuri temporanji dwar il-limiti ta' żmien għall-istadji ta' ġbir, verifika u eżami fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ***I
 Il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd
 Il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong
 Is-sitwazzjoni taż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19
 Protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntieri u staġunali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19

Twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni jew lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu
PDF 143kWORD 46k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta’Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni u lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu (2020/2690(RSO))
P9_TA(2020)0163B9-0191/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba preżentata minn 183 Membru bl-għan li jitwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta responsabbli mill-eżami ta' allegazzjonijiet ta' ksur fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li tirregola t-trasport tal-annimali ħajjin kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97(2),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tat-23 ta' April 2015 tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-424/13(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' ksur fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-infurzar mill-Kummissjoni Ewropea tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

2.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu:

   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi fuq l-evidenza ta' ksur serju u sistematiku tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 li jseħħ meta l-annimali jiġu ttrasportati ħajjin ġewwa l-Unjoni u lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni ġiet infurmata regolarment bil-ksur sistematiku u sever li jseħħ waqt it-trasport tal-annimali ħajjin. Mill-2007, il-Kummissjoni rċeviet madwar 200 rapport dwar ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Fl-2016, id-ditta legali Conte & Giacomini, f'isem l-Animal Welfare Foundation/Tierschutzbund Zürich (AWF/TSB), ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni dwar il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 waqt it-trasport tal-annimali mill-Ewropa lejn it-Turkija bit-triq(4), u talbet lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri involuti fi prattiki illegali,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' spazju u dwar l-ispazju għar-ras stabbiliti fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (g), ta’ u fil-Kapitolu II, punt 1.2, il-Kapitolu III, punt 2.3, u l-Kapitolu VII tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-mezzi ta' trasport bit-triq u ta' bastimenti għat-trasport tal-bhejjem, stabbiliti fl-Artikoli 7, 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-tisqija u t-tagħlif fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (h), ta’, u fil-Kapitolu V, punt 1.4, punt 1.5 u punt 2.1 (a) u (b), u fil-Kapitolu VI, punti 1.3 u 2.2 tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-materjal ta' friex stabbiliti fil-Kapitolu II, punt 1.1 (h) u punt 1.5, u fil-Kapitolu VI, punt 1.2, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-temperatura u s-sistema ta' ventilazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu II, punt 1.1(b), fil-Kapitolu III, punt 2.6, u fil-Kapitolu VI, punt 3.1, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, il-projbizzjoni tat-trasport ta' annimali li ma jkunux f'saħħithom prevista fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (b), ta’, u fil-Kapitolu I tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni ta' ċerti annimali stabbiliti fil-Kapitolu III, punt 1.12, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet addizzjonali dwar vjaġġi fuq distanza twila stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’, u fil-Kapitolu VI tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli li għandhom jitwettqu stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li, f'każ ta' ksur, jieħdu miżuri speċifiċi u jinnotifikaw il-ksur, stabbilit fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tipprevjeni u tnaqqas id-dewmien waqt it-trasport, u l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f'dan il-każ, stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ta' annimali mhux miftuma, stabbiliti fil-Kapitolu V, punt 1.4(a), tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ta' annimali ħajjin bil-baħar, inklużi l-prattiki ta' tagħbija u l-istrutturi fuq il-bastimenti, stabbiliti fl-Artikoli 19, 20 u 21 ta’, u fil-Kapitolu II, punti 1 u 3, il-Kapitolu III, punt 1, u l-Kapitolu IV tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta' trasport stabbiliti fil-Kapitolu II, punti 1, 2 u 5, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġar tal-annimali, inklużi l-operazzjonijiet ta' tagħbija u ta' ħatt stabbiliti fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (e), ta’, u fil-Kapitolu III, punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.6, 1.7, 1.8, 1.9, u 1.11 tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar tar-rotta u r-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Artikolu 5(4), l-Artikolu 8, l-Artikolu 14(1), punti (a), (b) u (c), u l-Artikolu 21(2) ta’, u fl-Anness II, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'’mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar id-dmirijiet u l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 barra l-Unjoni, f'konformità mas-sentenza tat-23 ta' April 2015 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) fil-Kawża C-424/13; fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 jimponi obbligi serji mhux biss fuq it-trasport ta' annimali vertebrati ħajjin li jsir kollu kemm hu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fuq operazzjonijiet ta' trasport li jkollhom il-punt tat-tluq tagħhom f'dak it-territorju u d-destinazzjoni tagħhom f'pajjiż terz. Fl-istess sentenza l-Qorti ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità meta jawtorizzaw vjaġġi li jsiru f'pajjiżi terzi,
   jinvestiga nuqqasijiet potenzjali ta' osservanza tad-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li huma rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-inkjesta; għal dak l-għan, jivvaluta, b'mod partikolari, jekk kwalunkwe nuqqas ta' osservanza bħal dan jistax jirriżulta mill-allegat nuqqas li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat l-operat ta' mezzi ta' trasport b'tali mod li l-identità tas-sidien benefiċjarji tinħeba mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti, u intermedjarji oħrajn, u jiġi ffaċilitat il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-missjoni tal-OIE li timplimenta standards internazzjonali għall-benesseri tal-annimali waqt it-trasport,
   jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispetta l-valuri kummerċjali tal-Unjoni stipulati fl-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE "Kummerċ għal Kulħadd", speċjalment b'rabta mal-prattiki orribbli ta' trasport iddokumentati f'pajjiżi terzi, li huma kritiċi mhux biss mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali, iżda anke f'termini ta' sigurtà tal-ikel u saħħa pubblika,
   jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'din il-kwistjoni, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq;

3.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni;

4.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jqis f'ħidmietu kwalunkwe żvilupp rilevanti li jfeġġ matul il-mandat tal-kumitat u li jkun fil-kompetenza tiegħu;

5.  Jiddeċiedi li kwalunkwe rakkomandazzjoni mfassla mill-Kumitat ta' Inkjesta għandha tiġi indirizzata mill-kumitati permanenti rilevanti;

6.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta se jkun magħmul minn 30 membru;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.
(2) ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 2015, Zuchtvieh-Export GmbH vs Stadt Kempten, C-424/13, ECLI:EU:C:2015:259.
(4) (CHAP(2016) 01703-01707-01708-01709-01710-01711-01712-01713-01714-01715-01716­01717-01718). F'Ottubru 2016, id-ditta legali Conte & Giacomini bagħtet integrazzjoni tal-ilment lill-Kummissjoni.


Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali
PDF 218kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))
P9_TA(2020)0164B9-0192/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13(2) u 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018,

–  wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-proġett fir-Repubblika Ċeka magħruf bħala "Stork Nest", li sab "irregolaritajiet serji",

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-26 u fis-27 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka(1),

–  wara li kkunsidra l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-kunflitti ta' interessi, li l-Artikolu 4(c) tiegħu daħal fis-seħħ fi Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(2) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"), li daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet u l-ilment mibgħut lill-Kummissjoni rigward il-kunflitt potenzjali ta' interess fir-Repubblika Ċeka(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitti ta' interess) fuq il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE),

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa mogħtija mill-Kap Prosekutur Pubbliku fl-4 ta' Diċembru 2019 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni li taffettwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-prosekuzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali,

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit mis-26 sat-28 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka tat-18 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš, li segwiet ir-rapport tal-OLAF dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għan-negozji ż-żgħar u li ġiet sospiża sentejn wara, reċentement reġgħet infetħet mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka; ifakkar li bħala parti mill-proġett "Stork Nest", Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet fil-kontroll ta' Agrofert, biex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun;

B.  billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka ddenunzja li t-twaqqigħ tal-investigazzjoni kriminali kien "illegali u prematur" hekk kif il-liġi tal-UE ma ġietx ikkunsidrata, filwaqt li żied ukoll li l-proċess ta' allokazzjoni tas-sussidji kien nieqes minn kontrolli suffiċjenti;

C.  billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

   a) obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jimpedixxu sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess b'rabta mal-baġit tal-UE;
   b) obbligu pożittiv fuq l-atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa biex jimpedixxu l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti oġġettivament bħala kunflitt ta' interess;

D.  billi l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, kif jirrikjedi l-Artikolu 36(3), għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-kunflitti ta' interess;

E.  billi f'Frar 2017, l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess ġie emendat b'lista estiża ta' attivitajiet ipprojbiti, inkluż dispożizzjonijiet li jipprevjenu li ċerti kumpaniji jkunu involuti fl-akkwist pubbliku anke bħala sottokuntrattur jew milli jirċievu għotjiet; billi l-att għandu l-għan li jipprevjeni kunflitti ta' interess fl-għamliet kollha tagħhom;

F.  billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interess (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE(5)), inklużi interessi personali diretti jew indiretti, u diġà hemm regoli fis-seħħ biex jindirizzaw sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interess kif ukoll obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża (pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1303/2013);

G.  billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(6), "kunflitt ta' interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide";

H.  billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet meta jkun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u meta jkunu nkixfu irregolaritajiet serji li ma jkunux ġew skoperti, rappurtati u kkoreġuti b'rabta ma' kunflitt ta' interess;

I.  billi Agrofert huwa konglomerat stabbilit mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, magħmul minn aktar minn 230 kumpanija u aktar minn 34 000 impjegat (2017); billi ġie żvelat li s-Sur Babiš huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert – li jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta' mezzi tax-xandir importanti tar-Repubblika Ċeka – permezz tal-fondi fiduċjarji AB I u AB II li tagħhom huwa l-fundatur u, fl-istess ħin, l-uniku benefiċjarju; billi meta s-Sur Babiš jiddeċiedi li jxolji dawn il-fondi fiduċjarji, huwa jerġa' jikseb is-sjieda sħiħa tal-assi kollha li jinsabu fil-fondi;

J.  billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għadu għaddej minn DĠ AGRI qiegħed jeżamina allegati kunflitti ta' interess fir-rigward tal-Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-Agrikoltura;

K.  billi f'Novembru 2019 il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO u DĠ EMPL lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, b'segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li nkixef lill-midja tar-Repubblika Ċeka;

L.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kellu laqgħa bil-magħluq mal-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn fis-16 ta' Diċembru 2019;

M.  billi l-Kummissarju Hahn informa lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Kummissjoni kienet ser tippubblika l-konklużjonijiet tal-awditu ladarba l-evidenza kollha tkun ġiet ikkunsidrata u analizzata bir-reqqa; billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għar-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO fid-29 ta' Mejju 2020;

N.  billi l-awditu tal-Kummissjoni għadu għaddej, u bħala miżura ta' prekawzjoni u sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, mhu qiegħed isir ebda pagament mill-baġit tal-UE fi ħdan il-Fondi SIE lil kumpaniji li s-sjieda diretta jew indiretta tagħhom hija tas-Sur Babiš, li potenzjalment jista' jiġi implikat fl-allegat kunflitt ta' interess;

O.  billi l-Kummissjoni mhijiex tirrimborża lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka għall-pagamenti li saru fi ħdan il-Fond għall-Iżvilupp Rurali għall-proġetti ta' Agrofert Group, li potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati mill-allegat kunflitt ta' interess;

P.  billi l-Parlament tar-Repubblika Ċeka m'għandu ebda sorveljanza fuq offerti pubbliċi possibbli, sussidji fil-livell nazzjonali tar-Repubblika Ċeka jew investimenti pubbliċi appoġġjati mill-istat li l-Grupp Agrofert jaf ikompli jgawdi minnhom;

Q.  billi l-Grupp Agrofert għandu s-sjieda ta' tnejn mill-akbar gazzetti ta' kuljum tar-Repubblika Ċeka, Mladá fronta Dnes u Lidové Noviny, u jikkontrolla l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Óčko u l-istazzjonijiet tar-radju Impuls u RockZone; billi skont rapport mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, is-Sur Babiš huwa s-sid de facto ta' 30 % tal-midja privata fir-Repubblika Ċeka(7);

R.  billi d-dħul tal-Grupp Agrofert żdied b'mod sinifikanti matul il-perjodu li fih is-Sur Babiš kien fil-kariga pubblika u fl-istess waqt il-Grupp Agrofert ibbenefika minn sussidji agrikoli tal-UE li jammontaw għal total ta' CZK 970 414 000 fl-2016, CZK 1 048 685 000 fl-2017 u CZK 973 284 000 fl-2018 fir-Repubblika Ċeka biss; billi l-Grupp Agrofert allegatament irċieva sussidji mill-Fond ta' Koeżjoni tal-UE li jammontaw għal CZK 427 385 000 għall-perjodu 2014–2020 fir-Repubblika Ċeka; billi l-Grupp Agrofert x'aktarx li rċieva sussidji addizzjonali fi Stati Membri oħra, bħas-Slovakkja u l-Ġermanja;

S.  billi l-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka fid-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 ta' Frar 2020 irrifjutat azzjoni legali mressqa mill-President tar-Repubblika Ċeka u l-Membri tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka dwar ir-revoka tal-liġi Ċeka li tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess fost l-uffiċjali pubbliċi; billi l-Qorti Kostituzzjonali ċċarat fl-istess deċiżjoni li l-elezzjonijiet m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jinħataf kontroll tal-istat bl-iskop li jintużaw jew saħansitra jiġu abbużati l-kapaċitajiet u r-riżorsi tiegħu;

1.  Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-involviment tiegħu fil-proġett "Stork Nest"; jinsab fiduċjuż li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali ser tkompli b'dan il-proċess b'mod indipendenti u ħieles minn kwalunkwe influwenza politika possibbli;

2.  Jikkundanna kwalunkwe sitwazzjoni possibbli ta' kunflitti ta' interess li tista' tikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u twassal għat-telf tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitti ta' interess u tevalwa l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom;

4.  Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll li jindirizza l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Istati Membri u biex tistabbilixxi l-evitar attiv tal-kunflitti ta' interess, inkluż l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali tas-sussidji tal-UE, bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha;

5.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, tiżgura l-irkupru rapidu ta' sussidji potenzjalment imħallsa b'mod irregolari filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt u r-rekwiżiti proċedurali u tintervjeni b'mod deċiżiv, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess fost l-ogħla rappreżentanti tagħhom;

6.  Jisħaq li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess trid tkun kompatibbli mal-formulazzjoni u mal-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jappella lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni biex tassisti lill-Istati Membri fl-evitar tal-kunflitti ta' interess fost il-politiċi ta' profil għoli;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jadottaw standards komuni għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jfittxu li jintlaħaq fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha;

8.  Jappella lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' nonkonformità mar-regoli, tieħu miżuri adegwati biex tipproteġi l-baġit tal-UE, inklużi azzjonijiet korrettivi biex jiġu rkuprati l-fondi kollha li jkunu nħarġu illegalment jew b'mod irregolari, fejn dan ikun previst;

9.  Jappella lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun aċċessibbli b'mod faċli u liberu għall-pubbliku ġenerali;

10.  Jinsab imħasseb dwar rapporti minn partijiet differenti tal-UE dwar l-influwenza politika dejjem akbar ta' politiċi b'interessi personali li jinsabu qrib jew fil-gvern, dwar it-tfassil tal-liġijiet u dwar l-użu tal-finanzi pubbliċi, bl-għan potenzjali li jaqdu l-interess personali ta' individwi speċifiċi aktar milli tal-pubbliku ġenerali;

11.  Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka kien u għadu involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru (u preċedentement President tal-Kunsill għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej) filwaqt li għadu fil-kontroll tal-Grupp Agrofert bħala fundatur u l-uniku benefiċjarju ta' żewġ fondi fiduċjarji, bi ksur tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju, u għaldaqstant iqiegħed f'dubju l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tiegħu; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti reċenti fil-midja(8) li l-Prim Ministru għad għandu kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda f'Agrofert;

12.  Jinnota li r-rapporti reċenti tal-midja jidher li żvelaw li s-Sur Babiš u l-mara tiegħu għadhom elenkati fost is-sitt persuni attivi b'influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fiduċjarji ta' trust relatat ma' sussidjarja ta' Agrofert fir-Renju Unit, GreenChem Solutions Ltd.;

13.  Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' stat membru, jekk jiġi kkonfermat, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi solvut mill-persuna(i) kkonċernata/kkonċernati billi:

   a) jittieħdu miżuri li jiżguraw li din il-persuna ma jkollhiex aktar interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward ta' entità kummerċjali;
   b) l-entitajiet kummerċjali fil-kontroll tagħhom jieqfu jirċievu kwalunkwe finanzjament mill-fondi tal-UE, minn sussidji pubbliċi jew minn finanzjament imqassam mill-gvern nazzjonali;
   c) jastjenu milli jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-interessi tagħhom; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u s-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika jekk il-persuni inkwistjoni jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom u li għaldaqstant riżenja mill-pożizzjoni pubblika hija mezz aktar adegwat biex jiġi indirizzat il-kunflitt ta' interessi;

14.  Jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-proċess ta' allokazzjoni tal-pagamenti fir-Repubblika Ċeka, speċjalment il-pagamenti ta' fondi tal-UE li jsiru lil kumpaniji li huma proprjetà diretta u indiretta tal-Prim Ministru jew kwalunkwe membru ieħor tal-gvern involut fl-implimentazzjoni tal-baġit;

15.  Jappella lill-Kummissjoni tivvaluta, mingħajr dewmien żejjed, jekk f'każijiet fejn il-kumpaniji jappartjenu għall-Grupp Agrofert u jibqgħu jirċievu sussidji mill-baġit nazzjonali, jekk dawn humiex konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota r-riskju potenzjali ta' dannu finanzjarja li dawn il-każijiet jistgħu joħolqu u jappella lill-awtoritajiet nazzjonali jivvalutaw dawn is-sitwazzjonijiet; iqis l-kontribwenti tar-Repubblika Ċeka u tal-UE għandhom jiġu informati kif dovut dwar sitwazzjoni bħal din;

16.  Jinsab tassew imħasseb dwar rapporti(9) rigward il-kapaċità ta' kumpaniji tal-Grupp Agrofert li jittrasferixxu b'mod artifiċjali l-assi fost is-sussidjarji, biex b'hekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għal sussidji lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju jew, għall-kuntrarju, iwaħħdu l-operazzjonijiet tagħhom biex jippreżentaw ruħhom bħala kumpanija kbira u b'hekk jirbħu offerti pubbliċi;

17.  Jiddeplora rapporti li l-awdituri identifikaw nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-fondi reġjonali u ta' koeżjoni fir-Repubblika Ċeka, u għaldaqstant issuġġerew korrezzjoni finanzjarja ta' kważi 20 %; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod kritiku jekk dawn il-każijiet humiex każijiet ta' użu ħażin sistemiku ta' fondi tal-UE;

18.  Jinsab imħasseb dwar it-telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet fl-aġenziji tal-ħlas nazzjonali u fil-korpi ta' kontroll; jappella lill-Kunsill biex, f'dan il-kuntest, jadotta b'mod urġenti l-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

19.  Jinsab tassew imħasseb dwar il-qafas legali fir-Repubblika Ċeka li jiċħad lill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar nazzjonali d-dritt li tivverifika r-regolarità u r-rendiment tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali, u b'hekk tipprevjeni lill-istituzzjoni milli jkollha livell ta' għarfien dwar is-sidien benefiċjarji fl-istrutturi kumplessi tal-kumpaniji; jiddeplora rapporti(10) li l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar ma jwettaqx kontrolli fuq il-post sistematiċi tal-benefiċjarji finali; jinsab imħasseb dwar il-kummenti derogatorji magħmula mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar il-ħidma tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka;

20.  Jisħaq li kompożizzjoni politika żbilanċjata tal-Bord Superviżorju tal-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu (SZIF) iġġib magħha riskju ta' influwenza politika u b'hekk tikkomprometti l-kapaċità li jitwettaq awditjar indipendenti;

21.  Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil(11) irċevew struzzjonijiet u kienu taħt pressjoni biex ma jinvestigawx allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali relatati mal-Grupp Agrofert u allegatament ingħataw struzzjonijiet biex jivvalutaw l-offerti kummerċjali li Agrofert irċieva; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil ħabbtu wiċċhom ma' riperkussjonijiet negattivi, bħal sensji abbażi tal-pretest ta' sistematizzazzjoni wara li rrifjutaw li segwiti tali ordnijiet; jisħaq li dawn il-miżuri jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-istat u l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet pubbliċi;

22.  Jiddispjaċih dwar indikazzjonijiet ta' dgħufijiet sistemiċi fl-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora l-fatt li ma hemm ebda kontroverifiki u li responsabbiltajiet diverġenti jrawmu strutturi mhux trasparenti li huma ta' tfixkil għall-prevenzjoni effikaċi u d-detezzjoni ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka; ifakkar li approċċ pożittiv fejn l-uffiċjali pubbliċi jkunu meħtieġa jippreżentaw awtodikjarazzjonijiet ta' ebda kunflitt ta' interess mhuwiex biżżejjed biex jiġu evitati b'mod effikaċi sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet sistemiċi mingħajr dewmien, b'mod partikolari billi jirrikjedu dikjarazzjoni ta' kunflitt ta' interess li tkun verifikabbli, fejn l-uffiċjali pubbliċi jipprovdu lista tal-interessi finanzjarji rispettivi tagħhom;

23.  Jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema thedded l-interessi finanzjarji tal-UE; jappella lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li biha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet fuq l-użu ulterjuri tagħhom;

24.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 li tissospendi l-ammonti rilevanti inklużi mill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka fid-dikjarazzjonijiet interim tagħha tan-nefqa għall-Programm tal-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka għal Q4–2018 u Q1–2019;

25.  Jinnota li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fi ħdan il-politika agrikola komuni (PAK) relatati mas-sena 2018 lil kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju f'diversi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Ċeka; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ġabra kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-Grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019;

26.  Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jiżguraw id-distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-fondi tal-UE, biex il-finanzi tal-kontribwenti tal-UE jkunu ta' benefiċċju għall-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment;

27.  Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni inadegwata tad-Direttivi (UE) 2015/849(12) u (UE) 2018/843(13) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-raba' u l-ħames Direttivi dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus); jaċċentwa l-obbligu li ż-żewġ direttivi jiġu trasposti b'mod sħiħ u korrett u li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha, inklużi dawk dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, jiġu kompletament implimentati;

28.  Iħeġġeġ lill-Unità Analitika Finanzjarja tar-Repubblika Ċeka tieħu approċċ aktar proattiv fil-ġlieda kontra r-reati fiskali, il-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll tiżgura li jkun hemm kontrolli effikaċi tas-sidien benefiċjarji mill-entitajiet responsabbli skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus;

29.  Jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-awditjar tal-fondi tal-UE f'ġestjoni kondiviża huma proċessi kumplessi u mhux trasparenti fejn l-Istati Membri biss għandhom aċċess sħiħ għad-data, li jfisser li l-Kummissjoni ma tistax tipprovdi ħarsa ġenerali f'waqtha u komprensiva lill-Parlament meta tintalab informazzjoni dwar pagamenti lil ċerti benefiċjarji f'diversi Stati Membri; jenfasizza li dan ifixkel b'mod serju l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala entitajiet ta' kontroll;

30.  Jappella lill-Kummissjoni biex, b'aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża, tistabbilixxi mezzi uniformi u standardizzati għall-Istati Membri biex jirrapportaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE; jenfasizza li informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali għandha tinkludi speċifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji (persuni fiżiċi u ġuridiċi); jappella lill-Kummissjoni tipproponi regolament għall-istabbiliment ta' sistema tal-IT li tippermetti rapportar uniformi u standardizzat f'ħin reali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tiżgura interoperabilità mas-sistemi fl-Istati Membri biex jiġu ggarantiti trasparenza u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex titjieb aktar ir-responsabbiltà fir-rigward tal-pagamenti, u b' mod partikolari bħala kontribut għad-detezzjoni aktar bikrija ta' żbalji sistemiċi u użu ħażin;

31.  Jiddispjaċih li ebda wieħed mir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni ma jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jippubblikaw is-sid benefiċjarju finali ta' individwu entità legali jew trust li jibbenefikaw mill-fondi; jappella lill-koleġiżlaturi biex jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u biex jindirizzawha b'mod komprensiv meta jiddeċiedu dwar regoli futuri għat-trasparenza tas-sussidji tal-UE;

32.  Jinsisti li r-reġistru tas-sjieda benefiċjarja għandu jkun fih biss informazzjoni kompletament ivverifikata dwar il-persuna/persuni ta' kontroll u jrid ikun kompletament disponibbli għall-pubbliku;

33.  Ma japprovax bis-sħiħ il-ħolqien u l-istabbiliment ta' strutturi oligarkiċi li jużaw fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa strumenti legali effikaċi biex tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u tipprevjeni l-ħolqien ta' strutturi bħal dawn;

34.  Itenni t-tħassib tiegħu li każijiet ta' kunflitti ta' interess jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u tal-PAK, li għandhom dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali importanti, u joffru stampa negattiva ta' dawn il-politiki;

35.  Jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li timmodifika r-regoli tal-PAK għal allokazzjoni aktar ġusta tal-fondi tal-UE, biex jiġi żgurat li l-PAK tiġi allokata b'mod ġust lill-bdiewa attivi li jikkultivaw l-art u li ma tirriżultax fi ftehimiet dwar l-art li jkunu ta' benefiċċju għal grupp magħżul ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tal-politika jew jinċentivaw prattiki abbużivi matul irkant li jipprivatizza art li hija proprjetà tal-istat; jagħraf il-proposta tal-Kummissjoni għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni, inkluż l-iffissar ta' limiti massimi flimkien ma' mekkaniżmu ta' digressività; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-iffissar ta' limiti massimi, bl-introduzzjoni ta' tpaċija tal-kost lavorattiv qabel l-iffissar ta' limiti massimi, mhuwiex biżżejjed biex tiġi garantita allokazzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti; jappoġġja l-idea ta' mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni obbligatorja;

36.  Jieħu nota tal-fatt li d-drittijiet ta' proprjetà tal-art ħafna drabi ma ġewx definiti b'mod ċar u l-art baqgħet klassifikata bħala art tal-istat taħt is-superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Artijiet tal-Istat, li kellu t-tendenza li jikriha lil korporazzjonijiet agrikoli fuq skala kbira; jagħraf l-isforzi tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jidentifikaw lis-sidien leġittimi sal-2023; jinsisti li l-irkant ta' art li s-sidien leġittimi tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti għandu jsir b'mod ġust u jipprovdi opportunitajiet indaqs biex bdiewa żgħar u ta' daqs medju u bdiewa żgħażagħ jakkwistaw l-art;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ammont massimu ta' pagamenti diretti għal kull persuna fiżika bħala s-sid benefiċjarju ta' kumpanija waħda jew aktar, filwaqt li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero għal dawk b'kunflitt ta' interess; jissottolinja m'għandux ikun possibbli li jingħataw sussidji tal-UE fil-mijiet ta' miljuni f'perjodu wieħed tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

38.  Jinsisti li dawk responsabbli għall-użu ħażin ta' fondi tal-UE għandhom ibatu l-konsegwenzi u li, fil-każ ta' korrezzjonijiet finanzjarji, il-piż m'għandux jingħadda lill-kontribwenti nazzjonali; jappella lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika Ċeka biex jitolbu lura sussidji li ma kellhomx jitħallsu minn dawk li bbenefikaw minnhom b'mod illegali; huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta kundizzjoni li tippermetti l-użu tal-fondi tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, liema kundizzjoni tirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju responsabbli jirkupra l-fondi li ddikjara b'mod ħażin;

39.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu pubbliku ta' lingwaġġ ta' diffamazzjoni u diskors ta' mibegħda mill-Prim Ministru matul il-konferenza stampa tiegħu kontra l-parteċipanti tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Membri tal-Parlament Ewropew li ħadu sehem fil-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-Repubblika Ċeka rċevew theddid ta' mewt u attakki verbali oħra meta kienu qegħdin jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew;

40.  Jappella lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jirrapporta lura għand il-Parlament dwar kwalunkwe għarfien rilevanti miksub matul il-missjoni tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni u jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti kif dovut;

41.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel l-aħjar possibbli biex tiffinalizza l-proċeduri ta' awditjar li għaddejjin bħalissa mingħajr dewmien żejjed u biex tippubblika s-sejbiet tagħha hekk kif l-evidenza kollha tkun ġiet evalwata kif dovut; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jikkunsidraw is-sejbiet ta' dan l-awditjar u jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tan-negozjati għall-QFP li jmiss;

42.  Jappella lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux solvuti fi Stati Membri oħra;

43.  Itenni d-dispjaċir tiegħu li r-rapport għal kull pajjiż ma baqax isir fit-tieni rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni (ARES(2017)455202); jitlob mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa' tibda tirrapporta, separatament mis-Semestru Ekonomiku, dwar l-istatus tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi kontra l-korruzzjoni appoġġjati mill-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ma tevalwax l-isforzi kontra l-korruzzjoni biss f'termini ta' telf ekonomiku;

44.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja bħala prekundizzjoni għall-użu b'suċċess tal-finanzjament tal-UE;

45.  Jaċċentwa l-importanza tal-midja pubblika indipendenti, tal-ġurnalisti investigattivi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu biex isaħħu l-istat tad-dritt; Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-UE għal ġurnalisti indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa ta' importanza kbira, inkluż fil-kuntest tal-QFP li jmiss; jinsab mħasseb dwar il-konċentrazzjoni għolja ta' midja privata f'idejn il-ftit fir-Repubblika Ċeka;

46.  Jappella lill-Kummissjoni tqis it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni meta timmonitorja s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt;

47.  Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jinformaw malajr kemm jista' jkun lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni "Stork Nest" li reġgħet infetħet;

48.  Jappella lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-kuntest tan-negozjati għall-baġit futur tal-UE u l-QFP li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;

49.  Jesprimi solidarjetà mal-poplu tar-Repubblika Ċeka li qiegħed jappella għal korrettezza, ġustizzja u riżoluzzjoni tal-inkompatibbiltà tal-interessi kummerċjali tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mar-rwol u s-setgħat politiċi tiegħu;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0530.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(4) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/P-8-2019-001656_MT.html
(5) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(6) Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.
(7) https://europeanjournalists.org/wp-content/uploads/2019/10/Czech-Republic-fact-finding-mission.pdf
(8) https://www.seznamzpravy.cz/clanek/babis-mu-zadal-praci-pro-agrofert-ja-jen-splnil-pokyn-rika-exnamestek-90945; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/soukromy-obchod-agrofertu-na-stole-premiera-poslete-odpoved-napsal-babis-90494; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/dukazy-z-e-mailu-babis-kvuli-agrofertu-ukoluje-vladou-placene-experty-90815
(9) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Biedja Privata fir-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(10) Informazzjoni mogħtija mingħand l-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(11) Rapporti ta' impjegati taċ-ċivil u rappreżentanti ta' NGOs, miġjuba għall-attenzjoni tal-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.
(12) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(13) Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).


Unjoni Bankarja - rapport annwali 2019
PDF 187kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019 (2019/2130(INI))
P9_TA(2020)0165A9-0026/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2018,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Pakkett Bankarju mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss bl-isem "Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa", ippreżentati minn Ursula von der Leyen fis-16 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III(2), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-12 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (COM(2018)0339),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE, ippubblikat f'Marzu 2019, dwar l-attivitajiet superviżorji 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ta' Lulju 2019 bit-titolu "EU Non-bank Financial Intermediation Risk Monitor 2019" (Monitoraġġ tar-Riskju tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja mhux bankarja tal-UE tal-2019)(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Pjan Direzzjonali Fintech tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) wara l-konsultazzjoni dwar l-approċċ tal-ABE għat-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech) ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Novembru 2019 bit-titolu "Risk Assessment of the European Banking System" (Valutazzjoni tar-Riskju tas-Sistema Bankarja Ewropea)(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-perimetru regolatorju, l-istatus regolatorju u l-approċċi ta' awtorizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet FinTech,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ta' Jannar 2019 bit-titolu "FinTech: Regulatory sandboxes and innovation hubs" (FinTech: Sandboxes regolatorji u ċentri ta' innovazzjoni)(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-7 ta' Novembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fi ħdan il-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku(7),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tad-9 ta' Ottubru 2019 bejn il-BĊE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) rigward l-awditi fuq il-kompiti superviżorji tal-BĊE(8),

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni mis-Summit tal-Euro fl-14 ta' Diċembru 2018 tar-rapport tal-Grupp tal-Euro fil-format inklużiv tiegħu li jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-istess Summit tal-Euro tat-termini ta' referenza tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2019 dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRMR)) (COM(2019)0213),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni miftiehma mis-Summit tal-Euro fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-QEA tal-10 ta' Lulju 2019 dwar it-testijiet tal-istress madwar l-UE kollha għall-banek(9),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-BĊE tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar ir-reviżjoni tal-aspettattivi superviżorji għall-proviżjonament prudenzjali għal self improduttiv ġdid biex jieħu inkunsiderazzjoni r-regolament ġdid tal-UE dwar l-aspettattivi ta' superviżjoni għal proviżjonament prudenzjali(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Ir-Raba' Rapport tal-Progress dwar it-tnaqqis tas-self improduttiv u iktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja" (COM(2019)0278),

–  wara li kkunsidra l-Pariri Tekniċi tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Lulju 2019 lill-Kummissjoni Ewropea dwar Kunsiderazzjonijiet ta' Sostenibbiltà fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu(11),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ta' Ottubru 2019 bit-titolu "Completing banking union to support Economic and Monetary Union" (Tlestija tal-Unjoni Bankarja għall-appoġġ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja)(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli" (COM(2018)0097),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu: prospettivi futuri(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Novembru 2019 dwar id-differenzi bejn il-liġijiet dwar l-insolvenza tal-banek u dwar l-armonizzazzjoni potenzjali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-ABE tat-8 ta' Awwissu 2019 dwar l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-livell ta' kopertura u l-kooperazzjoni bejn l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD), tat-30 ta' Ottubru 2019 dwar ħlasijiet ta' garanzija tad-depożiti u tat-23 ta' Jannar 2020 dwar l-iffinanzjar tal-iskema ta' garanzija tad-depożitu u l-użu tal-fondi tal-iskema ta' garanzija tad-depożitu,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Konġunta tal-ASE tal-4 ta' Ottubru 2019 dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea(15),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Novembru 2019 dwar l-għażliet u d-diskrezzjonijiet nazzjonali taħt id-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti u t-trattament tagħhom fil-kuntest ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti,

–  wara li kkunsidra l-ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT),

–  wara li kkunsidra l-irtirar mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE (COM(2014)0043),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Novembru 2019 dwar l-NPLs – progress li sar u sfidi futuri,(16)

–  wara li kkunsidra r-rieżami tal-istabbiltà finanzjarja tal-BĊE ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-parir konġunt tal-ASE lill-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta' April 2019 dwar il-ħtieġa ta' titjib relatat mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2018 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE tad-29 ta' Ottubru 2019 dwar impedimenti potenzjali għall-għoti transfruntier tas-servizzi bankarji u ta' pagament,(18)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0026/2020),

A.  billi Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar stabbli, kompetittiva u konverġenti teħtieġ Unjoni Bankarja solida u Unjoni tas-Swieq Kapitali aktar żviluppata u sikura, kif ukoll il-ħolqien ta' Strument Baġitarju;

B.  billi t-tlestija tal-Unjoni Bankarja hija kontributur vitali għall-perċezzjoni internazzjonali tal-euro u għar-rwol akbar tiegħu fis-swieq globali;

C.  billi r-riskji negattivi għat-tkabbir ekonomiku globali u taż-żona tal-euro żdiedu, b'mod partikolari mit-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19, u qed ikomplu joħolqu sfidi ta' stabbiltà finanzjarja;

D.  billi l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta sakemm ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) u Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja;

E.  billi suq li jiffunzjona tajjeb għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huwa importanti kemm għall-ekonomija kif ukoll għaċ-ċittadini tal-UE;

F.  billi l-Unjoni Bankarja għad m'għandhiex għodod effikaċi biex tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw il-konsumaturi: kumplessità artifiċjali, prattiki kummerċjali żleali, esklużjoni ta' gruppi vulnerabbli mill-użu ta' servizzi bażiċi kif ukoll involviment limitat tal-awtoritajiet pubbliċi;

G.  billi, minkejja t-tnaqqis globali tas-self improduttiv (NPLs) f'dawn l-aħħar snin, il-livell ta' NPLs f'xi istituzzjonijiet finanzjarji għadu għoli;

H.  billi l-għoti lill-BĊE tar-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti kien suċċess; billi l-BĊE jista' jeżerċita, fejn ikun meħtieġ, kompiti superviżorji fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati u l-fergħat kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

I.  billi l-iżvilupp tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM), li għandu l-għan li jiżgura regoli u proċeduri uniformi u proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għar-riżoluzzjoni xierqa ta' banek li qed ifallu b'impatt minimu fuq l-ekonomija reali, kien effiċjenti; billi, madankollu, għad fadal xi jsir sabiex jiġi evitat b'mod effikaċi li jkun hemm intervent iffinanzjat mill-kontribwenti f'banek li qed ifallu;

J.  billi l-iskandli riċenti tal-ħasil tal-flus fuq skala kbira li jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE juru li s-superviżjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus ma jistgħux jiġu trattati separatament u li hemm nuqqas ta' sistema xierqa ta' superviżjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

K.  billi s-settur bankarju Ewropew għadu fil-biċċa l-kbira l-fornitur ewlieni tal-finanzjament għall-kumpaniji, b'kuntrast ma' ġurisdizzjonijiet oħra, fejn is-swieq kapitali jirrappreżentaw sehem konsiderevoli ta' finanzjament lill-kumpaniji;

L.  billi aktar minn għaxar snin wara l-kriżi finanzjarja, il-problemi ikkaġunati minn stabbilimenti "kbar wisq biex ifallu" u "interkonnessi wisq biex ifallu" għadhom mhux qed jiġu indirizzati biżżejjed u għadhom taħt rieżami mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar fil-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Unjoni Bankarja, b'mod speċifiku dwar it-tnaqqis tar-riskji; jenfasizza, madankollu, li għandu jsir aktar progress fil-kondiviżjoni tar-riskji kif ukoll fit-tnaqqis tar-riskji sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li għadhom jippersistu f'istituzzjonijiet speċifiċi;

2.  Ifakkar li l-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jissieħbu;

3.  Jilqa' l-appoġġ tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tal-President tal-BĊE għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u, b'mod aktar usa', l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, permezz, pereżempju tal-ħolqien ta' Strument Baġitarju biex tinkiseb Unjoni aktar stabbli, kompetittiva u konverġenti;

4.  Jenfasizza li l-Grupp tal-Euro la huwa istituzzjoni, la korp u lanqas aġenzija tal-Unjoni Ewropea iżda forum intergovernattiv informali ta' diskussjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri għadhom jaġixxu barra mill-qafas Komunitarju, u b'hekk qed jipperikolaw ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur u d-dritt tiegħu ta' sorveljanza demokratika;

5.  Jenfasizza n-nuqqas ta' effikaċja tan-negozjati intergovernattivi li saru s'issa, b'mod partikolari dawk li jinvolvu l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività u l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli tal-Unjoni Bankarja tal-Grupp tal-Euro; iħeġġeġ li jitkomplew in-negozjati f'kuntest miftuħ li jiggarantixxi involviment attiv tal-Parlament, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-UE; jissottolinja ż-żieda fil-protezzjoni ġudizzjarja li dawn il-bidliet iġibu magħhom, flimkien ma' rekwiżiti aktar stretti rigward it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti;

6.  Jilqa' r-reżiljenza li żdiedet b'mod ġenerali tas-sistema bankarja Ewropea, kif attestat mill-Valutazzjoni tar-Riskju 2019 tal-ABE tas-Sistema Bankarja Ewropea; jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-banek żammew il-proporzjonijiet tal-kapital tagħhom stabbli u l-kwalità tal-assi tjiebet, kif rifless f'aktar tnaqqis tal-NPLs;

7.  Jenfasizza, madankollu, li l-livelli ta' profittabbiltà għadhom baxxi u li l-ambjent makroekonomiku qed jiddeterjora, b’mod partikolari fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, li tat lok għal sfidi bla preċedent għall-ekonomija globali, li affettwat il-kwalità tal-assi u, għalhekk, il-profittabbiltà tal-banek; jinnota wkoll li livell għoli ta' kompetizzjoni, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija finanzjarja (FinTech), kif ukoll riskji operazzjonali ogħla minħabba d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, u n-nuqqas ta' integrazzjoni tas-swieq minħabba l-frammentazzjoni li fadal bejn l-Istati Membri, huma mistennija li joħolqu aktar sfidi għall-profittabbiltà tal-banek;

8.  Jinnota l-prospett attwali ta' riskju baxx u profittabbiltà baxxa fis-settur bankarju; jenfasizza l-fatt li r-rati tal-imgħax baxxi għadhom jippersistu bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni makroekonomika attwali; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u t-tensjonijiet ġeopolitiċi, inklużi l-effetti tal-Brexit, kif ukoll ir-riskji ċibernetiċi u s-sigurtà tad-data, huma fost l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur bankarju tal-UE, minbarra t-tibdil fil-klima u r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

9.  Jinnota li l-profittabbiltà tal-bank żdiedet b'mod stabbli mill-2012, b'redditu fuq l-ekwità li qabeż is-6 % mill-2017 'l hawn; jenfasizza, madankollu, li din l-evoluzzjoni ma tilħaqx l-ispiża stmata tal-kapital għall-biċċa l-kbira tal-banek; jissottolinja li l-ambjent ta' riskju baxx u ta' rata tal-imgħax baxxa wassal għal spejjeż aktar baxxi għal provvedimenti u telf; jirrimarka li dan mhuwiex, madankollu, titjib strutturali u li l-isfidi għall-profittabbiltà mhumiex mistennija li jonqsu fi żmien qasir; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu evalwati kontinwament il-livelli ta' finanzjament lill-ekonomija, u partikolarment lill-SMEs, li jiġu mis-sistema finanzjarja kollha kemm hi; jitlob valutazzjoni tal-impatt xierqa tar-regolamenti tal-passat u tal-futur biex jintlaħaq l-objettiv ta' finanzjament tal-ekonomija;

10.  Jenfasizza li l-provvista ta' kreditu u likwidità mill-banek għandha rwol deċiżiv fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi l-aktar severi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq in-nies fl-UE; jinnota, f'dan il-kuntest, il-miżuri leġiżlattivi u superviżorji li ġew proposti jew adottati biex jiġi żgurat li, matul din il-kriżi, il-banek jibqgħu jsellfu; jilqa' l-flessibbiltà mogħtija lill-banek fir-rigward tat-trattament prudenzjali tas-self, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabbiltà, u r-rilaxx tal-buffers kapitali; jenfasizza li kwalunkwe eżenzjoni mogħtija għandha tkun disponibbli b'mod sħiħ biex jiġu appoġġjati l-klijenti tal-banek, il-familji u d-ditti; jappoġġja l-azzjonijiet li ħadu s-superviżuri bankarji biex jintroduċu restrizzjonijiet temporanji qawwija fuq il-ħlas ta' dividendi u bonusijiet u x-xiri lura ta' ishma proprji mill-banek;

11.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-settur bankarju li jwassal fondi fl-ekonomija reali, u partikolarment f'investimenti sostenibbli u soċjalment responsabbli, b'tali mod li jrawwem it-tkabbir u l-impjiegi u jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li ma jipperikolax l-istabbiltà finanzjarja;

12.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-ftehim politiku milħuq bir-Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli; jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju sabiex jiġu riflessi aħjar l-obbligi ta' rapportar u ta' divulgazzjoni relatati mal-ESG;

13.  Huwa mħasseb li l-vulnerabbiltajiet tal-banek għar-riskji relatati mal-klima jistgħu ma jinfehmux b'mod sħiħ u jilqa' l-impenji tal-ABE li tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar ir-riskju tal-klima fil-valutazzjoni tar-riskju annwali tagħha u li tintroduċi testijiet tal-istress tat-tibdil fil-klima; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' żvelar u valutazzjoni tar-riskju adegwati;

14.  Jistieden, barra minn hekk, lill-banek Ewropej kollha biex jiffirmaw il-Prinċipji għar-Responsabbiltà Bankarja mmexxija min-NU u, konsegwentement, jirrapportaw kull sena dwar l-isforzi tagħhom favur l-implimentazzjoni tal-finanzjament sostenibbli u t-tnaqqis tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima fil-karti tal-bilanċ tagħhom; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-settur bankarju biex isegwu u, fejn possibbli, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Prinċipji għar-Responsabbiltà Bankarja, in-Network Bankarju Sostenibbli u n-Network tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri favur l-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja;

15.  Jitlob li jiġu stabbiliti standard għall-UE kollha fir-rigward tal-bonds ekoloġiċi u d-definizzjoni ta' qafas favorevoli għall-iżvilupp ta' tali bonds sabiex jissaħħu t-trasparenza, l-effikaċja u l-kredibbiltà tal-investimenti sostenibbli;

16.  Jieħu nota tal-ħidma tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) rigward ir-riskju sovran; jenfasizza li l-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trattament prudenzjali tad-dejn sovran għandu jkun konsistenti mal-istandards internazzjonali; jitlob li jsiru aktar diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta' ass Ewropew sikur, abbażi ta' evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni dwar il-proposta ta' titoli koperti minn bonds sovrani (SBBS) u żviluppi possibbli, sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u l-banek ikunu jistgħu jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom;

17.  Jissottolinja l-fatt li s-swieq finanzjarji huma interrelatati b'mod qawwi; jisħaq fuq l-importanza tat-tħejjija tas-superviżuri bankarji għall-eżiti kollha possibbli tal-Brexit, filwaqt li jitqies li din tikkomplementa t-tħejjija tal-atturi privati nfushom; jilqa' l-azzjonijiet sinifikanti kollha u l-kooperazzjoni s'issa; jieħu nota tal-prattika tad-ditti tar-Renju Unit li jistabbilixxu fergħat fl-UE sabiex ikomplu jipprovdu s-servizzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-riskju ta' arbitraġġ regolatorju minħabba l-applikazzjoni differenti tar-regoli f'kull Stat Membru; iqis, għalhekk, li hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u biex jiġi żgurat li r-riskji jiġu indirizzati b'mod xieraq; jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi fir-regolamenti finanzjarji bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit u l-ħtieġa li tiġi evitata tellieqa regolatorja għall-qiegħ;

18.  Itenni l-impenji li l-UE wettqet b'mod konġunt mar-Renju Unit skont id-Dikjarazzjoni Politika riveduta; jimpenja ruħu li jżomm kooperazzjoni mill-qrib u strutturata dwar kwistjonijiet regolatorji u superviżorji, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku;

19.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet tal-UE s'issa naqsu milli jiżguraw bilanċ sħiħ bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħatriet ta' livell għoli f'affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jaħdmu b'mod attiv favur il-bilanċ bejn is-sessi fil-proposti futuri tagħhom għal listi mqassra u għal ħatriet, u jagħmlu sforz biex jinkludu tal-inqas kandidat mara waħda u kandidat raġel wieħed għal kull proċedura ta' nomina; itenni r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rispett tal-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi fil-listi li ġejjin tal-kandidati;

20.  Jenfasizza l-importanza li titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tikkomplementa l-Unjoni Bankarja fil-finanzjament tal-ekonomija reali; jenfasizza, barra minn hekk, li Unjoni tas-Swieq Kapitali integrata bis-sħiħ flimkien ma' Unjoni Bankarja kompluta tippermetti l-kondiviżjoni tar-riskju pubbliku u privat, u ssaħħaħ ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro kif ukoll ittejjeb aktar il-kompetittività tas-swieq Ewropej u tippromwovi l-investiment privat sostenibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi li jevitaw l-iżvantaġġi għall-SMEs f'termini ta' aċċess għall-finanzi, u l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat b'attenzjoni l-ħruġ ta' prodotti titolizzati;

Superviżjoni

21.  Jilqa' l-progress li sar fis-settur bankarju fit-tnaqqis tar-riskji u ż-żieda tal-istabbiltà finanzjarja; jinnota, madankollu, li għad hemm fraġilitajiet f'istituzzjonijiet speċifiċi u li jeħtieġ isir aktar progress; ifakkar fl-għanijiet tal-Unjoni Bankarja li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, u trawwem suq tassew uniku, kundizzjonijiet ekwi u prevedibbiltà għall-atturi tas-suq;

22.  Iqis, madankollu, li l-qafas superviżorju attwali ffoka primarjament fuq skoperturi ta' riskju tal-kreditu, għad-detriment ta' skoperturi għar-riskju tas-suq relatati ma' titoli illikwidi, inklużi derivattivi; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri adegwati li jsaħħu r-rieżami tal-kwalità tal-assi, u jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni tal-istrumenti tal-livell 2 u tal-livell 3 fil-kamp ta' applikazzjoni tat-testijiet tal-istress tal-2018; itenni t-talba tiegħu lill-MSU biex jinkludi fost il-prijoritajiet superviżorji ewlenin tiegħu t-tnaqqis ta' dawn l-istrumenti finanzjarji kumplessi u illikwidi, inklużi d-derivattivi;

23.  Jilqa' l-isforzi li saru biex jissaħħaħ is-settur finanzjarju u jitnaqqsu l-NPLs fil-livell Ewropew u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju miksuba fil-Pakkett Bankarju reċenti; jinnota li l-proporzjon tal-NPLs miżmum minn istituzzjonijiet sinifikanti waqa' b'aktar minn nofs mill-bidu tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, f'Novembru 2014, sa Ġunju 2019; jenfasizza li l-medja ta' self improduttiv fiż-żona tal-euro kienet ta' 2,9 % f'Settembru 2019, li niżlet minn 6,5 % f'Diċembru 2014; jilqa' dan il-progress sinifikanti; jirrimarka li l-livell ta' self improduttiv għadu għoli f'ċerti istituzzjonijiet u li huma meħtieġa aktar sforzi biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata; jieħu nota tal-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar id-direttiva għas-servizzjanti tal-kreditu u għax-xerrejja tal-kreditu, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal self u l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' infurzar extraġudizzjarju (AECE) jinkludu protezzjoni xierqa għall-konsumatur;

24.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet tal-NPLs; jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (2014/17/UE); jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri biex jiżguraw li l-mutwatarji, li jistgħu jkunu f'sitwazzjonijiet finanzjarji li huma diġà vulnerabbli, ma jkunux soġġetti għal trattament u prattiki aggressivi u inġusti minn min jixtri u jiġbor id-dejn li ftit li xejn ikun regolat sewwa; jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, biex tistabbilixxi dispożizzjonijiet aktar ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-mutwatarji minn prattiki abbużivi, filwaqt li tiżgura li dawk id-drittijiet japplikaw b'mod ugwali għal self eżistenti u dak futur;

25.  Jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tat-tariffi bankarji u t-trasparenza tal-ispejjeż tal-prodotti, il-profittabbiltà u r-riskji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-ABE tiddedika aktar attenzjoni biex twettaq il-mandat tagħha rigward il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar xieraq tax-xejriet tal-konsumaturi, kif ukoll rigward ir-rieżami u l-koordinazzjoni ta' inizjattivi dwar il-litteriżmu finanzjarju u l-edukazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti;

26.  Jinnota li l-kriżijiet bankarji reċenti wrew li l-istituzzjonijiet ta' kreditu biegħu b'mod inadatt bonds u prodotti finanzjarji oħra lil klijenti fil-livell tal-konsumaturi; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni jinfurzaw vigorożament id-dispożizzjonijiet tal-BRRD li għadhom kif ġew introdotti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-kwistjoni tal-bejgħ inadatt ta' prodotti finanzjarji minn istituzzjonijiet bankarji;

27.  Jistieden lill-ASE jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tagħhom biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż, fejn xieraq, is-setgħat ta' intervent fuq il-prodotti fejn il-prodotti finanzjarji u ta' kreditu jkunu rriżultaw fi ħsara jew li x'aktarx ikunu se jirriżultaw fi ħsara għall-konsumatur;

28.  Jinnota li diġà beda xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-istandards finali ta' Basel III; jenfasizza li l-istandards tal-BCBS għandhom jiddaħħlu fid-dritt Ewropew fil-ħin u bir-rispett dovut għall-miri tagħhom, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja Ewropea, fejn xieraq, u l-prinċipju tal-proporzjonalità; iwissi li, minħabba d-diversità tal-mudelli bankarji madwar l-UE, soluzzjoni ta' universalità ("waħda tajba għal kulħadd") tista' ma tkunx adattata għas-suq Ewropew; jissottolinja li l-kompetittività u l-istabbiltà finanzjarja tas-settur bankarju tal-UE għandhom jiġu żgurati u l-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-ekonomija, b'mod partikolari l-SMEs, m'għandhiex issirilha ħsara; huwa konvint li istituzzjonijiet finanzjarji vijabbli u kapitalizzati tajjeb huma meħtieġa għall-finanzjament sod tal-ekonomija tal-UE u għal Unjoni Bankarja stabbli; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li hemm fiha meta tabbozza l-proposti leġiżlattivi ġodda;

29.  Jieħu nota tal-importanza tal-ħtieġa li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-mudelli interni u li dawn jiġu evalwati kontinwament, sabiex jiġi żgurat li jkunu affidabbli u robusti; jieħu nota tal-konstatazzjonijiet tar-rieżami speċifiku tal-mudelli interni (TRIM) imwettaq mill-BĊE; jistieden lill-banek itejbu l-użu u l-implimentazzjoni tagħhom tal-mudelli interni tagħhom kif xieraq;

30.  Huwa mħasseb li l-ABE wissiet li mhijiex se twettaq il-proposti tagħha għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal istituzzjonijiet żgħar sal-iskadenza stabbilita mill-koleġiżlaturi fil-Pakkett Bankarju;

31.  Ifakkar li l-istandards mogħtija mill-fora internazzjonali għandhom jevitaw il-frammentazzjoni regolatorja u jgħinu biex jippromwovu l-kundizzjonijiet ekwi għall-banek attivi kollha fil-livell internazzjonali;

32.  Jinnota li fir-rapport tagħha li jivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tas-settur bankarju tal-UE, l-ABE tindika li hemm differenzi fl-applikazzjoni u fl-issettjar tal-buffer O-SII fost l-Istati Membri; jappella, għalhekk, għal aktar armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-bafers tal-kapital fl-UE kollha sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi;

33.  Jilqa' l-ftehim dwar Memorandum ta' Qbil bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-mandati rispettivi tagħhom;

34.  Jitlob aktar standards ta' trasparenza fis-superviżjoni bankarja, pereżempju fl-eżiti tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tas-swieq kapitali u finanzjarji, il-kumpaniji u ċ-ċittadini, sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-trattament madwar l-Istati Membri; jilqa' l-iskambju ta' informazzjoni mtejjeb u rfinut bejn l-istituzzjonijiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni;

35.  Jinnota li t-teknoloġiji finanzjarji innovattivi qed jittrasformaw b'mod profond is-settur finanzjarju, inklużi s-servizzi bankarji u ta' pagament, u jilqa' l-effiċjenza u l-firxa usa' ta' għażliet li dawn joffru lill-konsumaturi fis-suq; jappoġġja n-newtralità teknoloġika bħala prinċipju ta' gwida u jinkoraġġixxi l-investimenti fit-teknoloġija finanzjarja;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati minn dawn it-teknoloġiji ġodda, bħall-iżgurar ta' mudelli ta' negozju sostenibbli li jkunu interoperabbli bejn il-fruntieri, kundizzjonijiet ekwi f'termini ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, u ċibersigurtà; jissottolinja r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jiżguraw il-protezzjoni tad-data tal-klijenti u s-sigurtà tagħhom, f'konformità mad-dritt tal-UE; jinnota wkoll id-dipendenza dejjem tikber tas-settur bankarju fuq il-cloud computing u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispondi għall-parir konġunt tal-ASE dwar il-ħtieġa għal titjib leġiżlattiv rigward ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE; itenni li qafas leġiżlattiv ibbilanċjat u ċertezza tad-dritt jistgħu jtejbu ambjent li huwa suxxettibbli għall-innovazzjoni mingħajr ma tiġi mminata l-istabbiltà finanzjarja;

37.  Jirrikonoxxi l-kontribut li s-settur ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux mill-banek, li qabel kien magħruf bħala sistema bankarja parallela (shadow banking), jista' jagħmel biex ikompli jiddiversifika l-kanali ta' finanzjament lejn l-ekonomija; jenfasizza, madankollu, li hemm interkonnettività konsiderevoli bejn is-settur ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarju u s-settur bankarju "tradizzjonali", li tqajjem tħassib ta' riskju sistematiku minħabba n-nuqqas ta' regolamentazzjoni xierqa u s-superviżjoni tiegħu;

38.  Jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm azzjoni kkoordinata biex tindirizza dawn ir-riskji, inkluż l-istabbiliment ta' għodda makroprudenzjali u l-operazzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-għodod eżistenti biex jiġġieldu t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja maħluq mir-rwol dejjem akbar tas-sistema ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja; iqis li huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżiti prudenzjali dwar skoperturi kbar b'mod partikolari għal intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja humiex suffiċjenti biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja; jissottolinja ulterjorment ir-riskji enfasizzati mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fil-Monitoraġġ tar-Riskju tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja mhux bankarja tal-UE tal-2019, bħal dawk li ġejjin mit-trasformazzjoni tal-likwidità, it-teħid tar-riskju u l-ingranaġġ li jaffettwaw is-settur b'mod usa';

39.  Jilqa' l-ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (CFT); ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus; jilqa' d-dokument ta' pożizzjoni konġunta tat-8 ta' Novembru 2019, imħejji minn diversi ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro, li jitlob l-armonizzazzjoni tal-qafas regolatorju Ewropew dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

40.  Ifakkar li biex l-isforzi AML/CFT ikunu effikaċi, l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jaġixxu b'manjiera kkoordinata; jissottolinja li s-superviżjoni prudenzjali u kontra l-ħasil tal-flus jeħtieġ tkun allinjata aħjar; ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar il-frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam AML/CFT, li naqset milli tipprovdi sorveljanza u reazzjonijiet adegwati għan-nuqqasijiet tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, u xxekkel il-kapaċità tagħhom li jossorveljaw l-attività transfruntiera dejjem tiżdied fl-UE;

41.  Huwa konvint li l-MSU wkoll għandu rwol fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jilqa' t-twaqqif ta' unità dedikata kontra l-ħasil tal-flus; jinnota b'mod partikolari l-kumplessità tat-twettiq tal-valutazzjoni tal-adegwatezza importanti tal-maniġment superjuri tal-banek minħabba t-traspożizzjoni diversa ħafna tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-integrazzjoni tar-rekwiżiti "ta' kompetenza u idoneità" fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital;

42.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2019, li jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tesplora modi kif tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u jiġu kkonferiti kompiti ta' AML lil korp tal-UE, u biex ċerti partijiet tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus jinbidlu f'Regolament, biex tiġi żgurata ġabra unika tar-regoli; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika tal-Unjoni komprensiva dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tiddeskrivi l-proposti biex tarmonizza aktar il-ġabra tar-regoli tal-AML/CFT, u tindirizza b'mod effikaċi r-riskji maħluqa minn attività transfruntiera illegali għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' korp ġdid tal-UE;

43.  Jirrikonoxxi li jeħtieġ li tittieħed azzjoni legali u superviżorja biex jiġu indirizzati r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu maħluqa minn kriptoassi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar valutazzjonijiet tal-impatt dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jirriżultaw minn vulnerabbiltajiet maħluqa mill-użu jiżdied ta' teknoloġiji ġodda minn istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, u l-firxa rapida ta' kriptoassi fid-dawl tan-nuqqas ta' reġim regolatorju komuni u l-anonimità assoċjata ma' dawk l-assi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2020 tevalwa l-qagħda attwali tas-suq tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, biex tivvalutaha f'termini ta' kompetizzjoni, asimmetriji ta' informazzjoni u trasparenza għas-swieq; jinnota li l-klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà bbażati fuq kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) jistgħu jsiru komplement importanti għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu; jenfasizza l-importanza tal-istandardizzazzjoni fil-kriterji għall-klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà u li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' suq għall-għoti ta' klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà jkun kompetittiv u ma jkunx ikkonċentrat b'numru limitat ta' fornituri;

45.  Jiddikjara l-ħtieġa ta' sforzi biex l-attività tas-suq finanzjarju ssir aktar konsistenti mal-objettivi ta' sostenibbiltà u l-kriterji ESG, filwaqt li jiġi sottolinjat ir-rwol ċentrali tal-ASE f'dawn l-objettivi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-ABE, f'koordinazzjoni mal-BERS, tieħu passi lejn metodoloġija komuni biex tkejjel l-intensità tar-riskji tal-klima li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma esposti għalihom, inklużi riskji relatati mad-deprezzament tal-assi f'każ ta' bidliet fit-trattament regolatorju li jirriżultaw mill-mitigazzjoni u l-adattament tal-tibdil fil-klima, l-impatt makroekonomiku ta' tibdil għal għarrieda fl-użu tal-enerġija u żieda fl-inċidenza ta' katastrofi naturali;

Riżoluzzjoni

46.  Jilqa' l-fatt li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BUR) ma kienx meħtieġ jieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni fl-2019; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar is-segwitu xieraq għar-rapport tagħha stess dwar l-implimentazzjoni tal-BRRD u l-SRMR ta' April 2019; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina jekk il-leġiżlazzjoni hijiex adegwata biex tiżgura li l-banek kollha jkunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu riżolti mingħajr il-ħtieġa ta' flus il-kontribwenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rieżami tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tal-leġiżlazzjoni dwar l-istabbilimenti "kbar wisq biex ifallu" u tindirizza n-nuqqasijiet potenzjali, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardja tad-depożiti fil-livell tal-konsumaturi;

47.  Jistieden lill-BUR ilesti l-proċess li jistabbilixxi pjanijiet ta' riżoluzzjoni u janalizza jekk il-banek kollha rilevanti għandhomx biżżejjed MREL; jinnota li l-BUR ma jiżvelax regolarment sa liema punt il-bank jikkonformaw mal-miri tal-MREL;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-potenzjal ta' armonizzazzjoni ulterjuri ta' aspetti speċifiċi tal-liġijiet nazzjonali eżistenti dwar l-insolvenza u tivvaluta sa liema punt tali armonizzazzjoni ulterjuri hija meħtieġa biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-qafas ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD), biex tiċċara l-prinċipju tal-inqas kost skont id-DSGD;

49.  Jappella biex issir aktar riflessjoni dwar il-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-ħtieġa li tiġi vvalutata l-applikabbiltà tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013(19); jinnota l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-applikazzjoni konsistenti tat-test ta' interess pubbliku;

50.  Jinnota r-rwol importanti li l-miżuri ta' intervent bikri jista' jkollhom fil-prevenzjoni ta' fallimenti u kriżijiet tal-banek; jinnota, madankollu, li r-rekwiżiti għall-użu tal-miżuri ta' intervent bikri jikkoinċidu ma' wħud mill-miżuri ta' intervent standard tal-BĊE; jenfasizza li f'każijiet bħal dawn, il-miżuri ta' intervent standard jingħataw preferenza; iqis, għalhekk, li din is-sovrapożizzjoni għandha titneħħa bil-kjarifika suffiċjenti tal-bażi ġuridika għal kull strument, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni gradwali tal-miżuri;

51.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro dwar "ftehim fil-prinċipju" relatat mar-riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u t-termini ta' referenza tiegħu; jappella għall-ħolqien tal-garanzija ta' kontinġenza għall-SRF u l-operazzjonalizzazzjoni rapida tagħha; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu fl-Unjoni Bankarja li jiżgura li l-likwidità tkun tista' tiġi pprovduta lil bank f'każ ta' riżoluzzjoni sabiex jiżgura l-kontinwità bla xkiel tas-servizzi u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, u jistieden lill-Kummissjoni tipprova tindirizza dan il-vojt mingħajr aktar dewmien;

52.  Jisħaq fuq il-fatt li l-banek jeħtiġilhom ikunu kapaċi joperaw bejn il-fruntieri filwaqt li jimmaniġġjaw il-kapital u l-likwidità tagħhom f'livell konsolidat, sabiex jiddiversifikaw ir-riskji tagħhom u jindirizzaw kwalunkwe nuqqas ta' profittabbiltà; jenfasizza l-fehma tiegħu li r-regoli għandhom jippermettu flessibbiltà akbar għall-kumpanija prinċipali f'dan ir-rigward, filwaqt li jipprevedu mekkaniżmi kredibbli u infurzabbli li jeħtieġu, f'każ ta' kriżi, li l-kumpanija prinċipali (entità ta' riżoluzzjoni) tipprovdi kapital, MREL u likwidità lis-sussidjarji li jinsabu f'pajjiż ospitanti fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

Assigurazzjoni tad-depożiti

53.  Jiddikjara li l-Unjoni Bankarja għadha nieqsa mit-tielet pilastru tagħha; iħeġġeġ it-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tal-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti implimentata bis-sħiħ, biex jiġu protetti d-depożitanti kontra t-tfixkil bankarju, tiġi żgurata l-fiduċja fost id-depożitanti u l-investituri madwar l-Unjoni Bankarja u tiġi msaħħa mill-ġdid l-istabbiltà tal-euro kollha kemm hi; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kondiviżjoni tar-riskji u ta' tnaqqis ulterjuri tar-riskji fl-istituzzjonijiet speċifiċi;

54.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jibda n-negozjati dwar l-EDIS mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jiżgura qafas koerenti bid-DGSD sabiex jintlaħaq l-objettiv li tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-qafas ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali li jiffunzjonaw fil-kuntest tal-EDIS;

56.  Jieħu nota tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-EDIS stabbilit f'Jannar 2019 biex jirrapporta lill-Grupp tal-Euro, inkluż titjib ulterjuri għall-qafas ta' ġestjoni tal-kriżijiet għall-banek; huwa mħasseb li l-Parlament ma nżammx infurmat dwar diskussjonijiet li qed isiru fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-EDIS, li jirrapporta lill-Grupp tal-Euro; jinnota li l-Kummissjoni hija parteċipant fil-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli u jfakkar fl-Artikolu 9 tal-Ftehim Qafas tal-2010 li jinkludi l-obbligu għall-Kummissjoni li tiggarantixxi trattament ugwali, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet leġiżlattivi, bejn il-Parlament u l-Kunsill;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-ABE, lill-BĊE, lill-BUR, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0030.
(2) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 45.
(3) https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/publications/annual-report/pdf/ssm.ar2018~927cb99de4.en.pdf?eacb68897aba01af07abf90319758ded
(4) https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/reports/nbfi_monitor/esrb.report190717_NBFImonitor2019~ba7c155135.en.pdf?aad1f4a011a6d589537645242475aa89
(5) https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Risk%20Analysis%20and%20Data/Risk%20Assessment%20Reports/2019/Risk%20Assessment%20Report_November%202019.PDF
(6) JC 2018 74.
(7) ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.
(8) https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/legal/pdf/memorandum_of_understanding_between_the_eca_and_the_ecb_regarding_the_ecbs_supervisory_tasks.pdf
(9) "Rapport Speċjali Nru 10/2019: Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta' informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji", Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-10 ta' Lulju 2019, https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=50393
(10) Stqarrija għall-istampa, "ECB revises supervisory expectations for prudential provisioning for new non-performing loans to account for new EU regulation" (Il-BĊE jirrevedi l-aspettattivi superviżorji għall-proviżjonament prudenzjali għal self improduttiv biex jieħu inkunsiderazzjoni r-regolament ġdid tal-UE), it-22 ta' Awwissu 2019, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2019/html/ssm.pr190822~f3dd1be8a4.en.html
(11) ESMA 33-9-321.
(12) Serje ta' Dokumenti ta' Diskussjoni/7, Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, Ottubru 2019.
(13) ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 24.
(14) Testi adottati, P9_TA(2019)0022.
(15) JC 2019 59.
(16) https://eba.europa.eu/file/233465/download?token=xH5hxq39
(17) JC 2019 26, https://eba.europa.eu/file/102634/download?token=ZR98JZp8
(18) https://eba.europa.eu/file/178124/download?token=7fFsD9og
(19) ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.


Linji gwida ġenerali għall-Baġit 2021, Taqsima III
PDF 195kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-Baġit 2021, Taqsima III – Kummissjoni (2019/2213(BUD))
P9_TA(2020)0166A9-0110/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 °C(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020(6) u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil(7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020 dwar xibka ta' sikurezza biex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza għall-QFP(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika(12),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2021 (06092/2020),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Iżvilupp; mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel; mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija; mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur; mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu; mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali; mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni; mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; mill-Kumitat għall-Iżvilupp u mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0110/2020),

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi mhux mistennija u bla preċedent ta' saħħa, ekonomika, soċjali u ambjentali minħabba l-pandemija tal-coronavirus COVID-19;

B.  billi dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jistgħux jiġu indirizzati b'baġit imfassal għal "żamma tal-istatus quo";

C.  billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi ta' politika tagħha u l-baġit għandu jiġi ffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji;

D.  billi skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi adottat mill-Kunsill b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu;

E.  billi l-QFP kurrenti jintemm fi tmiem l-2020, u billi l-2021 għandha tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' dak li jmiss f'forma riveduta u mfassla mill-ġdid;

F.  billi l-Parlament ilu lest biex jinnegozja l-QFP sa minn Novembru 2018, iżda s'issa l-Kunsill naqas milli jieħu sehem fi kwalunkwe taħdita sinifikanti mal-Parlament lil hinn mill-kuntatt minimu fil-qafas tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali; billi l-perjodu ta' żmien biex jintlaħaq ftehim fil-Kunsill Ewropew ġie estiż ripetutament;

G.  billi fis-27 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat proposta aġġornata għall-QFP li jmiss;

H.  billi x-xjentisti tal-IPCC, fir-rapport l-aktar reċenti tagħhom, jitolbu azzjoni radikali biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni ekoloġika, fid-dawl tat-twissija tagħhom li l-konċentrazzjoni tas-CO2 żdiedet tliet darbiet aktar mgħaġġla fl-2018-2019 milli fis-snin sittin, u dan jissottolinja l-fatt li fadal biss ftit snin biex jiġi evitat it-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali tiegħu milli jispiċċa irriversibbilment bla kontroll;

I.  billi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-vittmi tal-vjolenza sessista jistgħu jkunu esposti għal min jabbuża għal perjodi twal ta' żmien u jinqatgħu mill-appoġġ soċjali u istituzzjonali, kif turi d-data f'diversi pajjiżi tal-UE, u billi n-nisa huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fi professjonijiet fejn ir-riskju ta' infezzjoni huwa għoli;

Niffaċċjaw il-kriżi COVID-19: baġit għall-protezzjoni u l-innovazzjoni...

1.  Jinsisti li l-baġit tal-UE huwa vitali biex jirrispondi għall-isfidi ffaċċjati mill-Unjoni u li saru aktar viżibbli u akuti mill-kriżi COVID-19, u li jeħtieġ li jirrifletti l-grad ta' ambizzjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet; jisħaq, għalhekk, li l-fokus primarju tal-baġit 2021 għandu jkun li jittaffew l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jappoġġja l-irkupru, mibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali;

2.  Jenfasizza li l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha jridu juru solidarjetà sħiħa ma' dawk l-aktar fil-bżonn, billi bħala komunità jiġbdu ħabel wieħed u jiżguraw li l-ebda pajjiż ma jitħalla lura jiġġieled waħdu din il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, inkluż permezz ta' baġit 2021 proporzjonat ma' din l-isfida storika;

3.  F'dan il-kuntest, jenfasizza li l-baġit 2021 għandu jkun l-ewwel wieħed minn QFP aġġornat, orjentat mill-ġdid u ambizzjuż ħafna għall-2021-2027;

4.  F'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020, itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta' kontinġenza tal-QFP sal-15 ta' Ġunju 2020, abbażi tal-estensjoni awtomatika tal-limiti massimi tal-2020, sabiex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE u tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament; jisħaq li dan il-pjan ta' kontinġenza tal-QFP għandu jippermetti l-estensjoni tal-programmi eżistenti tal-UE u l-iffokar mill-ġdid tagħhom fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, kif ukoll għall-istabbiliment ta' strumenti u inizjattivi ġodda l-aktar urġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' diskontinwità jew ta' estensjoni diżordinata tal-QFP attwali u l-programmi fl-2021, u li jiġi garantit li l-Unjoni tkun tista' twettaq l-operazzjonijiet tagħha u tipprovdi rispons ambizzjuż għall-kriżijiet u strateġija ta' rkupru;

5.  Jissottolinja li l-ebda Stat Membru waħdu se jkun jista' jiffinanzja pjan ta' rkupru massiv, sakemm ikun meħtieġ, biex jiffaċċja l-kriżi COVID-19 u li, jekk ikun iffinanzjat biss b'dejn, il-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali jkunu limitati ħafna fl-ammont u fid-durata tagħhom; jinsisti li l-pjan ta' rkupru jrid jinkludi komponent ta' investiment massiv iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni mill-2021, u jitlob, għalhekk, li l-baġit 2021 ikun parti importanti minn dan il-pjan ta' rkupru;

6.  Jemmen li l-pjan ta' rkupru jeħtieġ jinbena fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija tagħna, tiġi żgurata r-reżiljenza u l-inklużjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti tal-pjaneta, jiġu protetti l-benessri u s-saħħa tan-nies minn riskji ulterjuri u impatti ambjentali, jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-konverġenza, b'mod partikolari permezz ta' investiment fl-SMEs u s-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, bħat-turiżmu, u fl-iżvilupp ta' infrastruttura u servizzi pubbliċi sostenibbli u tas-setturi strateġiċi, bħas-settur tas-saħħa, li jindirizzaw il-kriżi fuq quddiem nett; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi abbozz ta' baġit 2021 li jkun konformi ma' dawn il-prijoritajiet;

7.  Iqis li l-aspett tad-dħul tal-baġit tal-UE jrid jitqies bħala għodda biex jinkisbu l-politiki tal-UE; jissottolinja li, sabiex tkun koperta n-nefqa supplimentari mġarrba mill-kriżi u biex titnaqqas il-predominanza tal-kontribuzzjonijiet tal-ING fil-baġit tal-UE, riżorsi proprji addizzjonali ġodda li jidħlu direttament fil-baġit tal-UE bħala dħul ġenerali jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-2021; iqis li n-nuqqas ta' riżorsi proprji ġodda ser ikollu konsegwenzi politiċi negattivi fuq il-baġit tal-Unjoni għall-2021 u ser jipperikola l-aġenda politika ġdida tal-Kummissjoni; iqis, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi proprji minn Mejju 2018 bħala punt ta' tluq tajjeb li jeħtieġ li jiġi approfondit b'mod wiesa' fid-dawl tal-isfidi u l-kriżi attwali; ifakkar, kif espress fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019, li l-Parlament Ewropew mhuwiex se jagħti l-kunsens tiegħu għall-QFP 2021-2027 mingħajr qbil dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda;

8.  Huwa konvint li l-kriżi attwali m'għandhiex iddgħajjef l-ambizzjoni li nimxu lejn l-objettiv tal-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, li tirrikjedi tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030; ifakkar li r-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet tal-2019 tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) jitlob tnaqqis globali ta' gassijiet b'effett serra ta' 7,6 % kull sena biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal temperatura ta' inqas minn 1,5 °C, jiġifieri tnaqqis ta' madwar 6,8 % kull sena fil-livell tal-UE; jenfasizza li dan jirrappreżenta sfida enormi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni sostenibbli, soċjalment ġusta tant meħtieġa, li għandha tqis il-punti ta' tluq differenti tar-reġjuni tal-UE u tal-Istati Membri u tkun akkumpanjata minn ħolqien ta' impjiegi fuq skala massiva; jinsisti li sabiex nirnexxu f'din l-isfida bla preċedent f'għaxar snin biss, hija meħtieġa azzjoni urġenti, sostnuta minn baġit tal-UE b'saħħtu mill-2021;

9.  Jinsab imħasseb dwar aktar konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-kriżi jekk l-UE ma tgħammarx lilha nnifisha malajr b'għodod ġodda u effiċjenti biex tipproteġi l-koeżjoni soċjali, tippreserva l-impjiegi u tipprevjeni sensji massivi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta għal programm ta' Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) u l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva għal skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad bil-għan li tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli;

... sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u finanzjarji li qed jikbru

10.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku Ewropew u Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

11.  Jinnota, madankollu, li sabiex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis b'40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra (GHG) sal-2030, u ż-żieda li ġejja fir-rigward ta' din l-ambizzjoni, il-Kummissjoni stmat li se jkun meħtieġ li jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament b'mill-inqas EUR 260 biljun kull sena kif ukoll spejjeż addizzjonali għall-protezzjoni ambjentali, inklużi l-miżuri ta' adattament soċjali; jemmen li sabiex jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG tal-UE u l-marka tal-karbonju ġenerali, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju (CBAM), is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u l-liġi tal-UE dwar il-klima għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għal qabża kbira fl-isforzi politiċi u finanzjarji; iqis li tranżizzjoni ġusta, bħala parti inerenti mit-tweġiba għall-kriżi, teħtieġ finanzjament ġust u adegwat;

12.  Itenni li l-mandat tal-Parlament għall-QFP ġie stabbilit fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-limiti massimi, l-allokazzjonijiet ta' programmi, ir-riżorsi proprji u d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-prinċipji orizzontali, bħal pereżempju l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li r-riżultat tan-negozjati tal-QFP se jiddetermina ħafna l-livell ta' finanzjament tal-programmi tal-UE għall-perjodu li jmiss u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-perjodu 2021-2027 għandhom jiġu stabbiliti għal EUR 1 324,1 biljun fi prezzijiet tal-2018, li se jkun jirrappreżenta 1,3 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tas-27 Stat Membru tal-UE; b'riflessjoni ta' din il-pożizzjoni, huwa determinat li jiddefendi baġit ta' EUR 192,1 biljun tal-2021 fi prezzijiet kurrenti f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jissottolinja li approprjazzjonijiet addizzjonali kbar aktar minn din il-pożizzjoni huma meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għall-kriżi li għaddejja bħalissa;

13.  Ifakkar fil-pożizzjoni li l-miri tal-integrazzjoni tal-klima u l-bijodiversità tal-QFP 2021-2027 iridu jmorru lil hinn mil-livelli tal-objettivi tal-perċentwali ta' nfiq stabbiliti fir-rapport interim; għandu l-għan, għalhekk, li jikseb livell ta' nefqa għall-bijodiversità ta' 10 % u livell ta' nefqa għall-integrazzjoni tal-klima ta' 30 % għall-2021; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji ċari ta' eliġibbiltà għal metodoloġija ġdida strinġenti u komprensiva, fil-forma ta' Regolament Qafas, għad-definizzjoni u l-intraċċar tan-nefqa rilevanti għall-klima u l-bijodiversità f'konformità mal-prinċipju "tagħmilx ħsara", flimkien mal-miżuri ta' korrezzjoni korrispondenti, fejn rilevanti, u l-mekkaniżmu ta' protezzjoni biex jiġu identifikati l-impatti negattivi potenzjali tal-azzjonijiet tal-UE fuq il-bijodiversità u l-klima f'konformità mal-impenji tiegħu skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-appell tiegħu għat-tneħħija gradwali progressiva ta' sussidji fuq il-karburanti fossili diretti u indiretti;

14.  Jappoġġja l-mobilizzazzjonijiet tal-fondi u l-flessibbiltà biex jiġu mmobilizzati fondi għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għal miżuri relatati mal-COVID-19 bħalma huma l-iżvilupp ta' vaċċini, trattamenti ġodda, testijiet dijanjostiċi u sistemi mediċi biex tiġi evitata l-firxa tal-coronavirus u jiġu salvati l-ħajjiet;

15.  Jissottolinja ferm li l-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni jeħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul; jenfasizza r-rwol kruċjali tar-R&Ż biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi, realistiċi u implimentabbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-soċjetà; jenfasizza li Orizzont Ewropa se jkun il-programm ewlieni għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-klima; jitlob finanzjament akbar għall-programmi kollha ta' R&Ż sabiex tiġi stabbilita l-Unjoni bħala mexxejja globali għat-teknoloġiji ekoloġiċi u tissaħħaħ il-kompetittività globali tagħha fuq skala akbar, titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq teknoloġiji ewlenin barranin, issir mexxejja fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs), l-intelliġenza artifiċjali (IA) u ċ-ċibersigurtà, jiġu żviluppati trattamenti ġodda għal mard serju bħall-kanċer, u biex jinbnew kapaċitajiet ta' proċessar tas-supercomputing u tad-data;

16.  Jinnota bi tħassib kbir li ħafna proposti eċċellenti għar-riċerka ma jistgħux jiġu implimentati, mhux minħabba l-kwalità ħażina, iżda minħabba s-sottofinanzjament sinifikanti tal-programmi rilevanti; jisħaq li r-riċerka u l-innovazzjoni huma swieq kompetittivi ħafna, fejn ir-riċerkaturi jiġu attirati lejn reġjuni oħra tad-dinja minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' finanzjament fl-Ewropa; jissottolinja li r-Renju Unit mhux ser jibqa' benefiċjarju ewlieni tal-bosta programmi ta' R&Ż tal-Unjoni iżda minflok ser ikun kompetitur b'saħħtu; jistieden lill-Kunsill iqis il-fatt li kull diskrepanza ta' EUR 10 biljun f'Orizzont Ewropa se tirriżulta f'telf tal-PDG ta' EUR 110 biljun matul l-25 sena li ġejjin; jikkonkludi li l-ambizzjonijiet baġitarji baxxi għar-R&Ż jikkontradixxu kwalunkwe wegħda favorevoli għall-kompetittività jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi li għad fadal biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' 3 % tal-PDG;

17.  Jissottolinja li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport jista' jilħaq iż-żewġ objettivi li tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE fil-kuntest attwali u l-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, kif ukoll li ssir bidla lejn mobilità sostenibbli, li tiddependi b'mod partikolari fuq it-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), Shift2Rail u l-politiki tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) ; jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-proġetti kollha tal-FNE mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

18.  Itenni l-fatt li industrija spazjali kompetittiva hija vitali għall-panorama imprenditorjali tal-Ewropa billi toffri impjiegi ta' kwalità għolja, attivitajiet ta' R&Ż sinifikanti u tiżgura l-awtonomija ta' infrastruttura Ewropea tas-satelliti; jenfasizza l-benefiċċji tad-data ġġenerata fl-ispazju bħala għodda essenzjali għall-monitoraġġ tal-art u tal-ambjent;

19.  Jisħaq li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jammontaw għal 99 % tal-kumpaniji kollha fl-Istati Membri u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-istabbiltà ekonomika u, dejjem aktar, għall-isforzi ta' sostenibbiltà, u li dawn il-kumpaniji x'aktarx li jkunu l-aktar affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19; jisħaq li l-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu opportunitajiet ta' finanzjament u jfakkar fir-rwol tal-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) f'dan ir-rigward; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li jirdoppja l-pakkett finanzjarju tal-linji tas-suċċessur tiegħu fi ħdan il-programm tas-Suq Uniku għall-QFP li jmiss, li huwa mistenni jippermetti rata ta' suċċess tal-proposti bi kwalità għolja ta' mill-inqas 80 %; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs għandu jkun iddirezzjonat ukoll permezz tal-għodda InvestEU SMEs, biex iħejji lis-suq tal-prodotti u s-servizzi u jippermettilhom jikbru b'mod rapidu fis-swieq globali; itenni l-ħtieġa li jiġu estiżi aktar l-opportunitajiet biex jinħolqu u jiġu intensifikati n-negozji ġodda u biex titqiegħed enfasi speċjali fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, appoġġjata wkoll mill-Gateway tas-Suq Uniku bħala faċilitatur tan-negozju tal-e-government, f'konformità mal-politiki ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom; jilqa' f'dan il-kuntest, barra minn hekk, id-diversi inizjattivi mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta' EUR 40 biljun għall-SMEs milquta, il-EUR 5 biljun disponibbli għall-kumpaniji fis-settur tas-saħħa u l-fond ta' garanzija ta' EUR 25 biljun li għandu jiġi ffinanzjat mill-azzjonisti tiegħu;

20.  Jisħaq li l-kriżi li għaddejja bħalissa se taffettwa ħafna reġjuni u setturi b'mod konsiderevoli; f'dan il-kuntest, huwa konvint li l-politika ta' koeżjoni se jkollha rwol ewlieni u għandha tkun aktar minn qatt qabel essenzjali biex tistimula l-irkupru ekonomiku fit-territorji kollha tal-UE, issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u se tirrikjedi finanzjament addizzjonali u aktar flessibbiltà biex tirrispondi għall-isfidi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u demografiċi kumplessi li ġejjin; jenfasizza li, jekk l-adozzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-bażi legali rilevanti jittardjaw, ikun indispensabbli li jkun hemm perjodu tranżitorju bejn iż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni;

21.  Jemmen li t-turiżmu, bħala wieħed mis-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, jeħtieġ strateġija komprensiva appoġġjata minn allokazzjoni speċifika permezz ta' programm tal-UE separat fil-QFP li jmiss; jinsisti li attenzjoni u appoġġ partikolari għandhom jiġu mogħtija lin-negozji ż-żgħar u tal-familja, speċjalment fil-każijiet tal-agrituriżmu u l-fornituri tal-ospitalità żgħar li se jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex jikkonformaw ma' standards ġodda tas-sikurezza, kif ukoll reġjuni insulari u reġjuni ultraperiferiċi;

22.  Fid-dawl tal-impatti soċjali negattivi kbar immedjati u fit-tul tas-sitwazzjoni attwali, jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-baġit tal-UE għall-2021 u r-rwol kruċjali ta' azzjonijiet soċjali msaħħa tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew+, fl-irkupru ekonomiku, u, b'mod partikolari, biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-faqar fost it-tfal, ir-riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni, biex jiġi żgurat djalogu soċjali msaħħaħ, li jindirizza t-tibdil demografiku strutturali fit-tul u jiggarantixxi aċċess għal kulħadd, u speċjalment għall-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, għal servizzi vitali u ewlenin bħall-kura tas-saħħa, il-mobilità, in-nutrizzjoni adegwata u l-akkomodazzjoni deċenti;

23.  Jappella biex il-baġit 2021 jagħti attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) u lir-relazzjonijiet magħhom, peress li jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima; jisħaq, barra minn hekk, li jrid jitjieb l-aċċess għall-finanzjamenti għall-PTEE billi dawn tal-aħħar għandhom għarfien espert u riżorsi amministrattivi limitati minħabba l-istatus speċjali u d-daqs tagħhom;

24.  Jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà interna hija parti integrali tal-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fil-konfront ta' Unjoni li tipproteġi; jissottolinja li t-theddid għas-sigurtà għall-attentati terroristiċi, il-kriminalità organizzata transfruntiera u t-tipi l-ġodda ta' attività kriminali bħaċ-ċiberkriminalità, joħolqu theddid kontinwu għall-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġu risposta Ewropea li tkun b'saħħitha u koordinata; jemmen li dan jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera intensifikata bejn l-awtoritajiet kompetenti; jisħaq li t-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni (IT), b'attenzjoni fuq it-titjib tal-interoperabbiltà tas-sistemi, l-aċċess aġevolat u l-leġġibbiltà tad-data, huma obbligatorji biex jiżguraw kooperazzjoni effettiva u rapida bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra; jieħu nota li fl-2021 il-Kummissjoni mistennija tvara l-Istrateġija ta' Sigurtà għall-Unjoni, li fiha se jkun hemm sensiela ta' inizjattivi f'oqsma fundamentali relatati ma' dan it-theddid;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka l-baġit meħtieġ sabiex tiżgura kapaċità akbar tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, ħalli l-UE tkun ippreparata aħjar għat-tipi kollha ta' diżastri naturali, pandemiji u emerġenzi, bħal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u kapaċi tirrispondi aħjar għalihom; itenni l-importanza tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili sabiex jipproteġi aħjar liċ-ċittadini mid-diżastri;

26.  Jisħaq fuq is-suċċess tal-Programm Erasmus+ fit-titjib tal-mobilità taż-żgħażagħ, it-taħriġ u l-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat il-programm, inter alia, biex isir aċċessibbli għall-persuni minn kull sfond u grupp ta' età;

27.  Ifakkar li l-promozzjoni tal-valuri u l-kulturi Ewropej għandha rwol attiv fl-appoġġ tad-demokrazija, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għall-programmi Ġustizzja, Drittijiet u Valuri u li jissaħħu r-riżorsi ddedikati għall-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza sessista f'dan il-programm; jenfasizza li s-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll it-turiżmu, diġà huma u se jkunu fost is-setturi ewlenin li huma vittmi tal-kriżi li qed tesperjenza l-UE; jitlob miżuri ta' emerġenza għal dawk is-setturi u tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva;

28.  Jistenna li sal-2021 ikun hemm mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-QFP għall-2021-2027 għandu jinkludi klawżola ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li tiggarantixxi li sabiex jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

29.  Iqis li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa għodda fundamentali biex jiġi promoss l-involviment ċiviku madwar l-Unjoni u biex tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jinsisti li l-baġit 2021 għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun proporzjonat mal-ħafna aspettattivi li qajjem fost il-persuni żgħażagħ madwar l-Ewropa, b'mod partikolari fil-linja tal-volontarjat; jitlob li jiġi allokat finanzjament biżżejjed biex ikopri d-domanda qawwija għall-kollokamenti fil-volontarjat;

30.  Jitlob li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti bħala prijorità biex tiġi appoġġjata l-attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet u t-tisħiħ u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u l-istat tad-dritt, inkluż permezz tal-programm futur dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, fi żminijiet meta qed nosservaw li l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien f'diversi Stati Membri;

31.  Jisħaq fuq ir-reazzjoni negattiva inkwetanti u dejjem akbar fil-konfront tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-importanza tal-istrumenti tal-UE inkluż l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) biex tiġi miġġielda din is-sitwazzjoni; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma inkludietx programm speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proposta tagħha u jitlob allokazzjonijiet baġitarji ambizzjużi u speċifiċi biex jiġu appoġġjati d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-allokazzjonijiet baġitarji li jappoġġjaw ir-rispett universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u drittijiet relatati u l-aċċess għalihom;

32.  Jirrimarka li l-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika komuni tas-sajd (PKS) huma fost il-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li jimmiraw li jiżguraw provvista tal-ikel sikura, ta' kwalità għolja u sovranità alimentari għall-Ewropej, il-funzjonament sewwa tas-swieq tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni rurali, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar fir-rwol ewlieni ta' dawn il-politiki biex jikkontribwixxu għal qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u s-sajjieda u s-sajjieda nisa u sajjieda, speċjalment fil-kuntest diffiċli attwali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati dwar il-QFP 2021-2027 biex jiġu ppreservati l-baġits għall-PAK u l-PKS; jitlob li jissaħħu dawn il-politiki u li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura u lis-sajd fuq skala żgħira; jieħu nota li l-PAK, flimkien ma' politiki oħra tal-Unjoni, se jkollha rwol importanti xi twettaq biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis fil-proposta tagħha u fl-att emendatorju sussegwenti għall-abbozz tal-baġit 2021, l-eżitu tal-qbil politiku li għandu jintlaħaq dwar il-miżuri tranżitorji għas-sena 2021 (stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2019 (COM(2019)0581)); jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw allokazzjoni f'waqtha ta' riżorsi suffiċjenti għat-titjib kontinwu tal-kwalità tad-data u tal-indikaturi rrappurtati lill-Unjoni sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-inizjattiva "Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati" (BFOR); jinsisti fuq il-kwalità għolja tad-data u tal-indikaturi biex il-PAK tiġi vvalutata kif xieraq;

34.  Jieħu nota tal-iżviluppi l-aktar reċenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera esterna tal-UE mat-Turkija, li twassal għall-adozzjoni reċenti ta' baġit emendatorju 1/2020 sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja akbar; jissottolinja li jeħtieġ li jiġi żgurat livell adegwat ta' riżorsi fil-baġit 2021 b'antiċipazzjoni ta' kontinwazzjoni possibbli jew saħansitra deterjorament ta' din is-sitwazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa ta' solidarjetà u kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha fil-qasam tal-migrazzjoni; jisħaq il-ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 biex jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-migranti bħala persuni partikolarment vulnerabbli, inkluża l-evakwazzjoni preventiva u r-rilokazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa regolari li jissaħħaħ il-Fond għall-Asil u l-Migrazzjoni matul l-aħħar perjodu biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jlaħħqu mal-kriżi tar-rifuġjati, u jiġu mmobilizzati l-istrumenti speċjali għal dak il-għan minħabba li l-limitu massimu taħt l-intestatura 3 kien baxx wisq, jew permezz ta' baġits emendatorji; jistenna lill-Istati Membri jifhmu l-interessi tagħhom stess u jagħmlu tajjeb għall-effetti tad-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament Dublin IV bis-saħħa tal-approprjazzjonijiet neċessarji għal dak il-programm li jimplimenta l-prinċipju ta' solidarjetà fosthom f'dan il-qasam; ifakkar fil-ħtieġa ta' finanzjament adegwat biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-migranti u tar-rifuġjati fil-kampijiet tar-rifuġjati tal-UE, għall-infurzar tal-liġi, it-taħriġ għall-persunal tal-fruntieri u l-gwardji tal-kosta, u għal miżuri effettivi għall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati;

35.  Jirrimarka li l-migrazzjoni legali ġestita b'mod tajjeb hija importanti biex tiżgura rispons adegwat għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi;

36.  Jinnota li t-Turkija qed tkompli tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja u li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif l-UE għandha tkompli bl-appoġġ tagħha għat-Turkija wara t-tmiem tal-impenji tagħha li saru taħt il-Faċilità tal-UE għar-Rifuġjati fit-Turkija;

37.  Jisħaq li miżuri immedjati ta' solidarjetà, b'mod partikolari programm ta' rilokazzjoni, għandhom jiġu introdotti sakemm issir riforma sinifikanti tar-regoli tal-UE dwar l-asil; jitlob, barra minn hekk, li l-finanzjament jibqa' previst fil-baġit tal-UE għall-appoġġ tar-rifuġjati fit-Turkija;

38.  Jappella għal baġit ambizzjuż għall-2021 fil-politiki esterni tal-UE li jippermettu lill-Unjoni biex tilqa' għall-isfidi li tiffaċċja; ifakkar li l-paċi u s-solidarjetà jikkostitwixxu valuri fundamentali li jeħtieġ ikunu sostnuti kontinwament mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u ekonomiċi, kif ukoll għal reġjuni oħra bi bżonn ta' appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tagħhom;

39.  Jemmen li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għandu jiffoka l-finanzjament tiegħu fuq l-oqsma tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-amministrazzjoni pubblika; jilqa' l-fatt li jista' jingħata bidu biex jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, u jitlob li jkun hemm dispożizzjonijiet finanzjarji adegwati sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u l-allinjament mal-acquis;

40.  Jissottolinja li l-allokazzjonijiet finanzjarji fl-ambitu tal-IPA III għandhom jingħataw bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett għall-valuri Ewropej bħall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-proċess demokratiku, ir-rispett għall-valuri fundamentali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi attwalment allokati fl-ambitu tal-IPA III biex tappoġġja, permezz ta' ġestjoni diretta mill-UE, lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti tat-Turkija, u żżid l-opportunitajiet għal kuntatti interpersonali, djalogu akkademiku, aċċess għall-istudenti Torok għall-universitajiet Ewropej u pjattaformi tal-midja għall-ġurnalisti bl-għan li tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

41.  Jisħaq li l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-NDICI ġiet adottata fl-4 ta' Marzu 2019, u li l-mandat tiegħu dwar l-NDICI ġie rrikonfermat fit-8 ta' Ottubru 2019; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur kontribuzzjoni ta' 45 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-NDICI għal objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u l-ispostament sfurzat, u jqiegħed enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, ir-rifuġjati, il-persuni spostati, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-popli indiġeni u l-minoranzi etniċi u reliġjużi;

42.  Ifakkar li s-soluzzjoni ta' natura dejjiema għall-fenomenu attwali tal-migrazzjoni tinsab fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-flussi tal-migrazzjoni; jitlob li l-programmi ta' politika esterna rispettivi jingħataw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jappoġġjaw sħubijiet ġusti u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, inklużi dawk fil-kontinent Afrikan; jistieden lill-UE, fl-istess kuntest u quddiem is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li qed tħabbat wiċċha magħha l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), tintensifika l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Aġenzija fl-2021, sabiex tippreserva l-provvista mhux interrotta ta' servizzi vitali lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani;

43.  Jinsab imħasseb dwar il-firxa rapida madwar id-dinja tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq il-pajjiżi milquta; huwa konvint li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex tingħeleb din il-kriżi globali; jemmen li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fl-isforzi globali biex trażżan il-pandemija u ttaffi l-impatt tagħha; jemmen li l-Unjoni jeħtiġilha turi solidarjetà mal-pajjiżi terzi affettwati, inkluż billi timmobilizza riżorsi addizzjonali, tgħinhom jibnu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom, jimmitigaw l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi u jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi madwar id-dinja;

44.  Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali mill-politika tal-azzjoni esterna tal-UE; itenni l-ħtieġa għal żieda fil-finanzjament iddedikat biex jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk l-aktar f'riskju; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jitkompla l-Mekkaniżmu għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (Protectdefenders.eu) u li jiżdied il-finanzjament iddedikat għalih; jemmen li l-UE għandha toqgħod strettament lura milli toffri assistenza permezz tal-appoġġ baġitarju lill-pajjiżi li jonqsu bil-kbir milli jissodisfaw standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew li jonqsu milli juru l-impenn tagħhom li jiġġieldu l-korruzzjoni; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, speċjalment minn gruppi lokali tas-soċjetà ċivili, u jappella għal livell adegwat ta' finanzjament;

45.  Jappella għal aktar finanzjament favur l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni strateġiċi biex jiġġieldu l-kampanji ta' diżinformazzjoni, li qed jintużaw dejjem aktar biex jimminaw l-ordni demokratiku fl-Unjoni u fil-pajjiżi fil-viċinat qrib tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-proġett ewlieni "East StratCom Task Force – EUvsDisinfo" tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda u l-influwenza barranija;

46.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju adegwat biex tinħoloq Unjoni Ewropea tad-Difiża reali, tiġi promossa l-awtonomija strateġika u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-livell globali; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tiegħu rigward l-ammonti għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u għall-mobilità militari; jisħaq li għandu jiġi żgurat l-appoġġ kontinwu għal politika u azzjonijiet relatati mad-difiża fl-ambitu tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), il-Kooperazzjoni Struttura Permanenti (PESCO), l-EDF u inizjattivi oħra, kif ukoll il-koordinazzjoni msaħħa tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevedi l-finanzjament tan-nefqa amministrattiva u operattiva tal-EDA u l-PESCO mill-baġit tal-Unjoni, biex b'hekk terġa' tiġi stabbilita l-funzjoni baġitarja tal-Parlament kif previst fl-Artikolu 41 tat-TUE;

47.  Itenni li l-arkitettura l-ġdida tal-Istrumenti Finanzjarji Esterni (EFI) għandha ttejjeb l-koerenza, l-obbligu ta' rendikont, l-effiċjenza u s-sorveljanza demokratika; jenfasizza l-ħtieġa ta' rwol akbar għall-Parlament fit-tmexxija strateġika tal-istrumenti l-ġodda; jistenna li jiġi involut minn stadju bikri qabel u waqt il-programmazzjoni tal-istrumenti l-ġodda;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta u tkun lesta għal kull xenarju possibbli biex tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, billi tiddefinixxi impenji ċari, tiddelinja l-mekkaniżmi u tipproteġi l-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE għandha tirrispetta bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji;

49.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li r-Renju Unit jibqa' sieħeb qrib f'kemm jista' jkun programmi tal-UE, partikolarment Erasmus+ u Orizzont Ewropa;

50.  Ifakkar ir-rwol ċentrali li jiżvolġu l-aġenziji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-objettivi politiċi tal-UE u jerġa' jafferma l-importanza li dawn il-korpi jkunu mgħammra b'finanzjamenti suffiċjenti u prevedibbli biex jaqdu b'mod effiċjenti dmirijiethom, filwaqt li jiċħad kwalunkwe tnaqqis mhux ġustifikat u arbitrarju lill-baġits tagħhom f'termini reali; jenfasizza r-rwol fundamentali li jiżvolġu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tiżviluppa sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tippromwovi l-mobilità tax-xogħol kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex isostnu lill-applikanti għal asil li qegħdin ifittxu protezzjoni fl-Ewropa;

51.  Fl-istess ħin, jisħaq dwar il-bżonn li jiġi miġġieled t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar ta' dħul klandestin ta' bnedmin, u li jiġu appoġġjati l-aġenziji għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE, li jipprovdu assistenza lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex); jieħu nota tar-rwol li l-Frontex hija mitluba li twettaq fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni attwali li qed isseħħ fil-fruntieri esterni tal-UE mat-Turkija; jitlob li jkun hemm livelli ta' finanzjament xierqa għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-baġit 2021;

52.  Jinnota li l-aġenziji li joperaw fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali qed jiġu assenjati għadd dejjem akbar ta' kompiti; jitlob li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u l-postijiet ta' xogħol tal-persunal għal dawn l-aġenziji, b'mod partikolari għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), kif ukoll finanzjament u persunal adegwat għal dawk li se jkunu qed jaħdmu fuq il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

53.  Jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti ta' finanzjament u persunal ipprovdut lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) matul il-proċedura baġitarja tal-2020 u, fid-dawl tal-2021, jistieden lill-Kummissjoni żżid il-persunal u r-riżorsi għal dan il-korp istituzzjonali u tipproteġi l-awtonomija baġitarja tiegħu; jissottolinja li l-istabbiliment tal-UPPE ma jeħtieġlux jirriżulta fid-deterjorament tal-kapaċità tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jaħdem kif suppost;

54.  Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 reċenti fl-Ewropa u l-ħtieġa għal rispons rapidu, koordinat u koerenti min-naħa tal-UE, jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament adegwat u meħtieġ lill-aġenziji rilevanti tal-UE li għandhom jaħdmu u jappoġġjaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-isforz biex jindirizzaw din il-panedmija, partikolarment iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinsisti li l-Kummissjoni u l-Kunsill iżommu lura milli jnaqqsu r-riżorsi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

55.  Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ b'mod sostanzjali l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), filwaqt li jitqiesu l-kompiti addizzjonali mogħtija lilha permezz ta' leġiżlazzjoni reċenti, inkluż il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; ifakkar, barra minn hekk, fil-bżonn ta' riżorsi addizzjonali għall-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (Uffiċċju BEREC) biex twettaq il-kompiti tagħha minquxa fir-Regolament BEREC u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi;

56.  Ifakkar li l-ebda politika tal-Unjoni, kemm jekk biex tlaħħaq mal-kriżi tal-COVID-19, jew biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, ma tista' tiġi implimentata kif suppost mingħajr l-appoġġ ta' servizz pubbliku ddedikat tal-Unjoni u finanzjament suffiċjenti;

57.  Jemmen, fil-kuntest politiku u ekonomiku attwali, li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun appoġġjata adegwatament, anke min-naħa baġitarja, u li l-Kummissjoni Ewropea, fost istituzzjonijiet oħrajn involuti f'dan il-proġett, għandha tkun mgħammra bil-mezzi neċessarji biex tagħmilha waħda ta' suċċess;

58.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju f'li tiżgura akkwist ta' kwalità għolja u soċjalment responsabbli, sabiex il-kuntratti jingħataw lill-kumpaniji li jirrispettaw l-istandards ewlenin fil-qasam ambjentali u tax-xogħol, u f'li tinforza kriterji mtejba u aktar stretti biex tipprevjeni l-kunflitti ta' interess;

59.  Jappella għal evalwazzjoni reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru tal-perjodu baġitarju preċedenti u tal-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-baġit tal-UE għall-2021; jistenna, għalhekk, li l-Kummissjoni tinkludi fl-abbozz tal-baġit tagħha anness li jiġbor flimkien l-informazzjoni speċifika għall-ġeneri dwar l-objettivi, l-inputs, il-kontributi u r-riżultati, u li tippreżenta impenji finanzjarji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-miżuri relatati tagħhom ta' traċċar;

Livell realistiku u suffiċjenti ta' pagamenti

60.  Huwa determinat li jevita kriżi ġdida ta' pagament, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; itenni li l-limitu massimu globali ta' pagament irid ukoll iqis il-volum bla preċedent ta' impenji pendenti fi tmiem l-2020 li għandhom jiġu saldati taħt il-QFP li jmiss; jinnota wkoll li l-enfasi tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2021 se tkun fil-biċċa l-kbira fuq it-tlestija tal-programmi 2014-2020; jinsisti, madankollu, li dan m'għandux ifixkel it-tnedija ta' programmi ġodda;

61.  Jinsisti, għalhekk, f'konformità mal-miżuri tal-2020, dwar il-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' likwidità għall-Istati Membri bħala parti mir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

62.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni fuq l-introjtu se tagħti lura lill-baġits nazzjonali tagħhom ferm aktar minn kwalunkwe tnaqqis fin-nefqa tal-baġit annwali tal-UE;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ebda finanzjament tal-UE ma jingħata lil kwalunkwe parti soġġetta għal miżuri restrittivi tal-UE (inklużi kuntratturi jew sottokuntratturi, parteċipanti f'sessjonijiet ta' ħidma u/jew korsijiet ta' taħriġ, u destinatarji ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi);

64.  Jinsab konvint li kwalunkwe persuna ġuridika li hija sid benefiċjarju ta' entitajiet ġuridiċi u li tirċievi fondi mill-baġit tal-UE jeħtiġilha tkun ipprojbita milli tirċievi fondi mill-baġit Ewropew eżistenti kif ukoll minn dak futur fl-ambitu tar-regoli ta' dan ir-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi pagamenti agrikoli diretti u kwalunkwe żborż, nefqa, garanzija jew benefiċċju ieħor imsemmija fih jekk hija tkun f'kunflitt ċar ta' interessi kif definit fl-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046;

65.  Itenni l-opinjoni dejjiema tiegħu li prijoritajiet politiċi ġodda u sfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet għall-programmi eżistenti; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat ukoll għall-emendar tal-baġits;

66.  Jinnota li, bħala l-ewwel sena tal-QFP li jmiss potenzjalment maqbul, il-baġit 2021 se jkun l-ewwel wieħed li jirrifletti nomenklatura baġitarja ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod xieraq lill-awtorità baġitarja fit-tħejjijiet tagħha; jemmen li n-nomenklatura l-ġdida, filwaqt li hija allinjata aħjar mal-prijoritajiet ta' politika, trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-awtorità baġitarja twettaq b'mod effettiv ir-rwol ta' teħid ta' deċiżjoni tagħha u lill-Parlament b'mod partikolari jwettaq is-sorveljanza demokratika tiegħu u r-rwoli ta' skrutinju;

67.  Jinnota li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament se jwettaq ir-rwol politiku tiegħu u se jressaq proposti għall-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibbiltà teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) https://www.ipcc.ch/sr15/
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(6) ĠU L 057, 27.2.2020, p. 1.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0449.
(8) Testi adottati, P9_TA(2019)0032.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0065.
(11) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(12) Testi adottati, P9_TA(2020)00015.
(13) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(14) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.


Is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020
PDF 217kWORD 67k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (2019/2209(INI))
P9_TA(2020)0167A9-0112/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra(2), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(3), inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) u l-Ftehim ta' sħubija komprensiv u msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(4),

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan approvati mill-Kunsill ta' Koperazzjoni fit-28 ta' Settembru 2018(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova tad-19 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-18 ta' Diċembru 2019(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja(8) u r-Repubblika tal-Ażerbajġan(9) dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, u l-iffirmar ta' ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mill-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Belarussja fit-8 ta' Jannar 2020(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Marzu 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Eastern Partnership policy beyond 2020: Reinforcing Resilience – an Eastern Partnership that delivers for all" (Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020: tisħiħ tar-reżiljenza - Sħubija tal-Lvant vantaġġjuża għal kulħadd),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar "il-futur tal-Istrateġija Trio Plus 2030: nibnu l-futur tas-Sħubija tal-Lvant",

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(11), tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat(12), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(13), tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna(14), tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(15), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(16), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(17), tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(18), tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant(19), tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(20), tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja(21), tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa(22), tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(23), tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97(24), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova(25), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia(26) u tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, speċjalment dawk relatati mal-azzjonijiet tar-Russja fit-territorji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, mal-ksur tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, mal-okkupazzjoni ta' partijiet mit-territorju tal-Georgia u l-attivitajiet ta' "frunterizzazzjoni" relatati, u mal-propaganda ostili u d-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(28) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar [in-negozjati dwar] il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(29),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0112/2020),

A.  billi, fil-futur immedjat, l-UE tibqa' l-potenza politika u ekonomika dominanti tal-Ewropa, u għalhekk għandha responsabbiltà fil-konfront tal-ġirien tagħha;

B.  billi l-Istateġija Globali tal-UE ta' Ġunju 2016 tiddikjara li l-prijorità tal-UE hija t-trawwim ta' Stati reżiljenti, iggvernati tajjeb, prosperi u allinjati fil-viċinat;

C.  billi s-Sħubija tal-Lvant (SL) hija, min-natura tagħha, inklużiva, hija bbażata fuq interessi u fehim reċiproċi, sjieda u responsabbiltà kondiviżi, differenzjazzjoni u kundizzjonalità u timmira lejn impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea bil-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom u jaderixxu mad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, bħad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, l-ekonomija soċjali tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, bil-għan li żżid l-istabbiltà u l-prosperità;

D.  billi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL mhuwiex proċess lineari u kooperazzjoni vera u proprja tista' tinkiseb u tinżamm biss jekk il-valuri u l-prinċipji fundamentali Ewropej jiġu rispettati matul il-proċess kostituzzjonali u leġiżlattiv u jekk il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-istrutturi oligarkiċi u n-nepotiżmu tiġi garantita; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li, f'każijiet gravi ta' rigress, il-kooperazzjoni tista' tiġi revokata;

E.  billi ċerti pajjiżi tas-SL għażlu li jsegwu integrazzjoni politika, umana u ekonomika aktar mill-qrib mal-UE, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni u skont ir-riżultati tal-prestazzjoni u l-aspirazzjonijiet, u kkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ambizzjużi, fosthom Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), kif ukoll reġimi ta' eżenzjoni mill-viżi u Ftehimiet ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni; iddikjaraw ukoll l-għan strateġiku ta' adeżjoni mal-UE u diġà wrew il-kapaċità tagħhom li jiżguraw stabbiltà, sigurtà, prosperità u reżiljenza akbar fil-viċinat tal-Lvant; billi s-sostenn pubbliku fis-soċjetajiet tagħhom favur l-integrazzjoni Ewropea għadu f'livell ferm għoli;

F.  billi l-pajjiżi tas-SL l-oħrajn isegwu livell ta' ambizzjoni aktar artikolat fil-konfront tal-UE; billi l-Armenja tagħmel parti mill-istrutturi ta' integrazzjoni militari u ekonomika reġjonali bi tmexxija Russa (l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva) u kkonkludiet il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-UE; billi l-Ażerbajġan ilu mill-2017 jinnegozja ftehim komprensiv ġdid mal-UE li se jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999; billi l-Belarussja ma għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali fuq il-bażi ta' trattati mal-UE, iżda dan l-aħħar ġew iffirmati ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u dwar ir-riammissjoni;

G.  billi minn mindu nħolqot is-SL, il-pajjiżi sħab urew ritmu differenti ta' riformi politiċi u ekonomiċi, minħabba fatturi kemm interni kif ukoll esterni, u għadhom ma waslux f'punt li fih dawn ir-riformi jkunu irreversibbli;

H.  billi ż-żamma ta' prospettiva Ewropea fit-tul għall-pajjiżi interessati sħab fis-SL hija katalizzatur għad-demokratizzazzjoni u għal riformi ulterjuri fil-pajjiżi tas-SL;

I.  billi jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġiji ad hoc mal-pajjiżi kollha tas-SL, kif ukoll li jsir progress lejn forom aktar ambizzjużi ta' kooperazzjoni u integrazzjoni, meta jixtiequ l-pajjiżi sħab u li jiġi appoġġat u sostnut ritmu ta' implimentazzjoni ambizzjuż tar-riformi ta' integrazzjoni Ewropea;

J.  billi dan l-għan jista' jintlaħaq dment li jinkiseb progress fir-rispett tal-istat tad-dritt u fit-tisħiħ tad-demokrazija, u jiġu implimentati riformi komprensivi fil-pront, b'mod awtentiku, sostenibbli u effikaċi, bis-sostenn ta' strumenti tal-UE flessibbli u f'konformità mal-impenji u mal-obbligi internazzjonali, anki fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tal-minoranzi;

K.  billi huma apprezzati r-riżultati u t-tisħiħ tad-differenzjazzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL li magħhom iffirmat Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u issa wasal iż-żmien li lil dawn il-pajjiżi tingħatalhom gwida aktar ċara dwar il-prijoritajiet ta' riforma speċifiċi, il-kriterji ta' allinjament u l-fażijiet li jmiss tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE;

L.  billi l-għan ewlieni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab interessati;

M.  billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL għadhom vjolati minn kunflitti reġjonali mhux solvuti, aggressjoni esterna u mill-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji ta' wħud minn dawn il-pajjiżi, fatt li jimmina l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem, jirrappreżenta ostaklu biex jiżdiedu l-prosperità, l-istabbiltà u t-tkabbir tas-SL u jippreġudika l-azzjoni tal-UE, b'hekk jiġi kompromess il-proġett tas-SL kollu kemm hu; billi fil-maġġor parti ta' dawn il-kunflitti r-Russja qiegħda tiżvolġi rwol attiv bħala aggressur, permezz tal-gwerra ibrida, il-politika ta' annessjoni u okkupazzjoni illegali, l-attakki ċibernetiċi, il-propaganda u d-diżinformazzjoni min-naħa tagħha, li jheddu s-sigurtà Ewropea fl-intier tagħha;

N.  billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta b'mod strett mas-sitwazzjoni tal-pajjiżi ġirien, u tal-pajjiżi tas-SL b'mod partikolari; billi s-Sħubija tal-Lvant issegwi l-għanijiet komuni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali, u r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha trawwem u ssaħħaħ il-kapaċitajiet biex tirriżolvi t-tilwim bilaterali u tistinka favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fil-viċinat tal-Lvant;

O.  billi l-Parlament Ewropew jikkundanna l-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL, ma jirrikonoxxix il-modifiki furzati fil-konfini tagħhom u t-tentattivi ta' annessjoni tat-territorji tagħhom, u jirrifjuta l-użu tal-forza jew it-theddid tal-użu tal-forza, filwaqt li jikkondividi l-impenn tal-UE favur sostenn għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi u skont in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki, partikolarment fil-kunflitti li tagħhom ir-Russja tagħmel parti;

P.  billi minn mindu nħolqot is-SL, l-UE kattret u sostniet il-preżenza tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà fil-pajjiżi tas-SL, b'hekk kisbet żieda fl-influwenza tagħha u fl-opportunitajiet biex tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tagħha u żiedet l-interdipendenza bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL;

Q.  billi l-pajjiżi tas-SL jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti f'dak li hu aċċess dirett għall-Asja Ċentrali u jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali bħala sħab affidabbli tal-Ewropa tal-Lvant;

R.  billi, bis-saħħa tas-SL, l-UE għenet biex jingħata bidu għal riformi strutturali, anki tal-istituzzjonijiet u tal-istrutturi ta' governanza, kif ukoll biex jitqiegħdu l-pedamenti għal trasformazzjoni soċjoekonomika u politika profonda fil-viċinat tal-Lvant kollu; billi sar progress fl-approssimazzjoni tal-pajjiżi tas-SL mal-qafas regolatorju tal-UE u man-normi, mal-istandards u mal-prattiki tagħha;

S.  billi s-SL bħala konsegwenza diretta kellha r-responsabbilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ż-żieda fl-aspettattivi u fid-domanda għall-obbligu ta' rendikont u għat-trasparenza min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-konfront tal-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, li wriet li hija mutur intern importanti għar-riformi; billi s-suċċess tat-trasformazzjoni fil-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari fit-tliet pajjiżi sħab assoċjati, jista' jiġġenera eżempju pożittiv għall-pajjiżi l-oħra;

T.  billi mħallfin u prosekuturi indipendenti, istituzzjonijiet u qrati liberi, soċjetà ċivili b'saħħitha u mezzi ta' informazzjoni indipendenti, ilkoll b'funzjonijiet ta' kontroll, huma elementi fundamentali li l-UE jmissha tkompli ssostni attivament fil-viċinat tal-Lvant;

U.  billi istituzzjonijiet b'saħħithom u reżiljenti, il-prevalenza tal-istat tad-dritt, l-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, huma fundamentali fil-ħolqien ta' kuntest ġust, stabbli u affidabbli, li jista' mbagħad, min-naħa tiegħu, jattira u jsostni t-tkabbir u l-investimenti fit-tul fil-pajjiżi tas-SL;

V.  billi fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tas-SL, il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza tas-sħubija strateġika mal-pajjiżi tas-SL u stieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jippreżentaw proposti strateġiċi fit-terminu twil biex iħejju għas-Summit ta' Ġunju 2020;

W.  billi l-Parlament Ewropew impenja ruħu li jadotta riżoluzzjonijiet annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs min-naħa tal-pajjiżi assoċjati u rakkomandazzjonijiet almenu semestrali dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi l-oħra tas-SL u dwar il-politika tas-SL fuq livell kumplessiv;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Djalogu strutturat, bini tal-Istat u responsabbiltà demokratika

Kooperazzjoni settorjali lejn spazju ekonomiku komuni

Spinta lill-kapital uman

Sigurtà, stabbiltà, integrità territorjali u riżoluzzjoni tal-kunflitti

L-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili

Mezzi ta' informazzjoni, komunikazzjoni u ġestjoni tal-politika aħjar

   (a) jirrikonoxxu li l-pajjiżi tas-SL assumew dejjem aktar spiss iżjed responsabbiltà u sjieda fir-rigward tal-inizjattiva tas-SL; jisħqu fuq l-importanza li jsir sforz favur impetu kontinwu lejn kooperazzjoni effikaċi, djalogu intensiv u sħubija stretta fi ħdan is-SL, imsaħħaħ permezz tal-impatt trasformatur tal-politika tas-SL, li jsostni r-riformi li jiġġeneraw bidla politika, soċjali, ekonomika, ġuridika pożittiva fil-pajjiżi tas-SL, meta jitqies il-livell ta' ambizzjoni tagħhom fil-konfront tal-UE; jenfasizzaw l-isforzi tal-pajjiżi assoċjati favur relazzjoni dejjem aktar stretta mal-UE; jikkonfermaw id-dritt sovran tal-pajjiżi tas-SL li jagħżlu liberament il-livell individwali ta' kooperazzjoni jew integrazzjoni tagħhom mal-UE u li jirrespinġu kwalunkwe pressjoni esterna fuq tali għażla;
   (b) jissottolinjaw li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kull Stat Ewropew jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni dment li jirrispetta l-valuri ta' dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; jirrikonoxxu li, filwaqt li l-adeżjoni mhijiex prevista fil-qafas tas-SL, il-politika tas-SL tista' tiffaċilita proċess ta' integrazzjoni gradwali fl-UE; iqisu li, għal proċess ta' adeżjoni eventwali, kemm l-UE kif ukoll il-pajjiż tas-SL ikkonċernat għandhom ikunu ppreparati sewwa, b'kont meħud tal-proċess ta' riformi futuri tal-UE u tal-approssimazzjoni tal-pajjiż sieħeb mal-acquis tal-UE, kif ukoll ir-rispett tiegħu tal-kriterji ta' adeżjoni mal-UE; jiżguraw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet attwali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL se tikkostitwixxi l-ewwel pass f'dan il-proċess ta' integrazzjoni gradwali;
   (c) jattwaw fil-pront viżjoni strateġika u orjentata lejn il-futur għad-deċennju li jmiss tal-politika tal-SL wara l-2020, bil-għan li jiġu fornuti benefiċċji l-ewwel u qabel kollox liċ-ċittadini, tissaħħaħ ir-reżiljenza, jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli, jiġu żgurati riżultati irreversibbli u jiġi approfondit il-proċess ta' kooperazzjoni u integrazzjoni bejn l-UE u s-SL, li huwa fl-interessi tal-UE stess fl-ambitu ekonomiku u tas-sigurtà;
   (d) jiżguraw li l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Ġunju 2020 jinkludu strateġija ċara u viżjoni komuni fit-tul għal impenn u żvilupp ulterjuri tas-SL wara l-2020, it-tisħiħ tal-impenji u tal-inċentivi politiċi tal-UE kif ukoll impenn min-naħa tal-pajjiżi tas-SL li jfornu riżultati b'mod awtonomu; jinkoraġġixxu lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-UE, konformement mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iħejju aġendi dettaljati u ambizzjużi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL, li jkunu jgħinu ħalli jissawru relazzjonijiet mal-pajjiżi tas-SL f'direzzjoni mixtieqa miż-żewġ naħat fid-deċennji li ġejjin;
   (e) jirrikonoxxu li s-SL għandha tkompli tkun qafas interessanti ta' kooperazzjoni u jsostnu dan il-proċess konformement mal-prinċipju ta' "aktar għal aktar", bil-għan li l-pajjiżi tas-SL jibqgħu involuti fil-proċess ta' riforma u fil-perkors tagħhom lejn l-UE;
   (f) jirrikonoxxu li s-Sħubija tal-Lvant timxi f'żewġ direzzjonijiet peress li l-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL tista' tinqasam għall-ġid reċiproku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u tal-pajjiżi tas-SL;
   (g) iżommu approċċ ibbilanċjat bejn differenzjazzjoni ad hoc fi ħdan is-SL u l-inklużjoni, il-koerenza u l-konsistenza tal-qafas multilaterali, li jibqa' punt ta' riferiment għall-pajjiżi kollha tas-SL; jevitaw li jaqsmu s-SL skont l-ambizzjonijiet differenti tal-pajjiżi fil-konfront tal-UE; iqisu li l-portata u l-profondità tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu ddeterminati mill-ambizzjonijiet tal-partijiet, kif ukoll mill-implimentazzjoni tagħhom tar-riformi; jirrikonoxxu li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/d-DCFTAs iffirmati mal-Georgia, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ukrajna jixhdu approċċ differenzjat u għandhom iwasslu għal aktar tisħiħ tal-formati u tal-pjanijiet direzzjonali tar-relazzjonijiet bilaterali fuq il-bażi tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar";
   (h) fid-dawl ta' approċċ ad hoc, jikkunsidraw il-possibbiltà li joħolqu, għat-tliet pajjiżi assoċjati, strateġija ta' kooperazzjoni msaħħa, li tkun tista' tistabbilixxi programm ta' appoġġ għal riformi u investimenti f'oqsma bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-trasport, l-infrastrutturi, il-konnettività, l-enerġija, il-ġustizzja u l-ekonomija diġitali, u li f'fażi aktar tard tkun tista' tipprevedi estensjoni għall-pajjiżi tas-SL l-oħra fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet individwali tal-impenji ta' riforma tal-UE u tal-progress li jkun sar, b'kont meħud tal-bżonn li tiġi sostnuta l-koerenza tas-SL u konformement mal-prinċipju ta' inklużjoni; dan id-djalogu jkun jista' jinkludi laqgħat fil-marġini tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-pajjiżi assoċjati fuq bażi strutturata, u parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tagħhom fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill Ewropew;
   (i) jagħtu bidu għal proċess biex jinħoloq spazju ekonomiku komuni li jwassal għall-integrazzjoni mal-erba' libertajiet u li jkun jiffaċilita integrazzjoni u konverġenza ekonomiċi aktar profondi tal-pajjiżi tas-SL mal-politiki tal-UE u kooperazzjoni ekonomika aktar profonda fost il-pajjiżi tas-SL innifishom billi jsegwu l-perkors li għamlu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
   (j) ivaraw miżuri addizzjonali favur integrazzjoni aktar profonda u aktar kooperazzjoni settorjali tal-pajjiżi tas-SL mal-UE u għall-parteċipazzjoni tagħhom f'ċerti aġenziji tal-UE, fi pjattaformi relatati mal-qafas għall-investimenti u fi programmi u inizjattivi intra-UE, fir-rispett sħiħ tal-kundizzjonalitajiet eżistenti u f'konformità mal-approċċ tal-UE bbażat fuq l-inċentivi, bil-għan li tinkiseb aktar konverġenza fl-ispirtu tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u b'kont meħud tal-aħjar prattiki għas-sostenn tar-riformi;
   (k) ifornu lill-pajjiżi tas-SL assistenza teknika akbar, u jagħmluha suġġetta għal kundizzjonijiet, anki fil-kuntest tan-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-istrumenti finanzjarji esterni għall-perjodu 2021-2027; jiżguraw li tali assistenza għandha tkun adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi individwali tas-SL taħt il-gwida tal-Parlament Ewropew permezz ta' atti delegati, u użata biex jiġu implimentati l-attivitajiet previsti fil-qafas tal-programm tas-SL; jirrikonoxxu l-fatt li l-assistenza finanzjarja tal-UE hija wkoll investiment fil-futur, billi ssostni r-riformi li jżidu l-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-pajjiżi tas-SL u titfa' s-sisien għal kooperazzjoni futura ta' suċċess;
   (l) jirrikonoxxu l-bżonn ta' qafas ta' sostenn politiku, amministrattiv u finanzjarju addizzjonali għat-tliet pajjiżi assoċjati fi ħdan is-SL kumplessiva, abbażi ta' approċċi individwali, li jindirizza r-riformi strutturali speċifiċi tagħhom, il-modernizzazzjoni tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom f'termini ta' żvilupp tal-istituzzjonijiet; josservaw li dan l-aċċess għall-finanzjamenti tal-UE għandu jkun marbut mal-impenji ta' riforma u għandu jinkludi ġabra ta' parametri ta' riferiment ambizzjużi;
   (m) jiffavorixxu l-imperattiv tal-prinċipju ta' "aktar għal aktar" demokrazija u stat tad-dritt fid-dawl tal-iżviluppi reċenti kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-SL, u jiżguraw li l-funzjonament u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu l-kriterji u l-kundizzjonijiet ewlenin għal sħubija politika aktar stretta u għall-assistenza finanzjarja;
   (n) jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt regolari tal-programmi ta' sostenn tal-UE biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom u jiġu applikati adattamenti f'waqthom; jirreaġixxu aktar malajr għad-deterjorament tal-istat tad-dritt u tar-responsabbiltà demokratika fil-pajjiżi tas-SL u japplikaw kundizzjonalità intelliġenti, anki billi l-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja jkun marbut mad-demokratizzazzjoni u mar-riformi, biex ikun evitat aktar rigress min-naħa tal-gvernijiet sħab; joħolqu l-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu l-assistenza f'pajjiż partikolari tas-SL mill-awtoritajiet ċentrali, jekk ma jirrispettawx l-impenji, lejn awtoritajiet lokali jew atturi tas-soċjetà ċivili;
   (o) isaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju u fil-monitoraġġ tal-programmi permezz ta' atti delegati, fl-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE;
   (p) isaħħu d-diplomazija parlamentari u jirrieżaminaw il-funzjonament ta' Euronest, bil-għan li jippermettulha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha;
   (q) jirrikonoxxu, huma u jżommu n-natura inklużiva tas-Sħubija u jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi kollha tas-SL, l-istatus ta' sħubija assoċjata tal-pajjiżi avvanzati tas-SL, b'mod partikolari l-firmatarji tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni b'DCFTAs, u jistabbilixxu magħhom aktar sedi ta' djalogu politiku msaħħaħ għall-promozzjoni ta' aktar integrazzjoni ekonomika u armonizzazzjoni leġiżlattiva; jinkludu, pereżempju, lill-pajjiżi assoċjati bħala osservaturi fix-xogħlijiet tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011, biex jintwera l-impenn tal-UE favur aktar integrazzjoni u biex jissaħħu l-orjentament għar-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi;
   (r) jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi tas-SL fl-assistenza ulterjuri fil-bini tal-Istat u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-responsabbiltà tagħhom billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi tas-SL strumenti simili għall-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna, u l-prijorità tingħata lis-sħab assoċjati; jiżviluppaw l-istrumenti eżistenti u dawk ġodda tal-UE fil-qasam tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba biex isiru monitoraġġ u valutazzjoni tal-progress min-naħa tas-sħab assoċjati, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u l-Mekkaniżmu għall-Istat tad-Dritt; ifornu gwida u parametri ta' riferiment effikaċi għar-riformi, anki bl-adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li jispeċifikaw l-impenji ta' assoċjazzjoni; ifasslu dokumenti ta' ħidma dettaljati b'metodoloġija ċara u perspettiva komparata, fuq il-mudell tal-eżempju tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u tal-proċess ta' adeżjoni biex jiġu integrati r-Rapporti ta' Progress u l-Aġendi ta' Assoċjazzjoni attwali;
   (s) jinkludu l-monitoraġġ multilaterali fil-proċess ta' valutazzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tas-SL u, skont il-prassi diġà użata fl-Ukrajna, jagħmluh obbligatorju għall-gvernijiet tas-SL; jiżguraw it-tkomplija tar-Rapporti annwali ta' Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar il-progress li għamlu t-tliet sħab assoċjati u japplikaw metodoloġija ta' evalwazzjoni unifikata, b'mod partikolari fl-analiżi tar-riformi fl-istess oqsma u setturi; joħorġu rapporti perjodiċi, tal-anqas darbtejn fis-sena, dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi mhux assoċjati tas-SL; ifornu rapport ta' implimentazzjoni dwar il-ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tas-SL, b'enfasi fuq l-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku fis-soċjetajiet tal-pajjiżi tas-SL, anki fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;
   (t) jirrikonoxxu li istituzzjonijiet b'saħħithom, indipendenti u effiċjenti f'livell ċentrali u lokali huma essenzjali għar-responsabbiltà demokratika, għad-deoligarkizzazzjoni u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat; jitolbu, għaldaqstant, impenn imġedded min-naħa tal-pajjiżi tas-SL biex jattwaw riformi komprensivi tas-sistema ġudizzjarja u tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jiżguraw l-indipendenza u r-reklutaġġ meritokratiku tal-imħallfin u tal-uffiċjali pubbliċi, kif ukoll jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost mezzi oħra, billi jonqos l-ispazju għall-korruzzjoni bis-saħħa ta' żieda fit-trasparenza, fir-responsabbiltà u fil-promozzjoni ta' mġiba nadifa fost iċ-ċittadini inġenerali, billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tiġi promossa l-governanza tajba; jirrikonoxxu li mingħajr ma jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija huwa prattikament impossibbli li jintlaħqu tkabbir sostenibbli, tiżdied l-attività u l-iżvilupp ekonomiċi, jonqos il-faqar, jiżdied l-investiment dirett barrani (IDB) u jiżdiedu l-fiduċja soċjetali u l-istabbiltà politika;
   (u) ikomplu fi spettru usa' r-riformi ġuridiċi u ekonomiċi bit-trasferiment ta' esperjenzi mill-Istati Membri tal-UE permezz ta' proġetti ta' ġemellaġġ, b'mod partikolari billi l-programm ta' ġemellaġġ jiġi estiż għall-gvernijiet lokali u reġjonali;
   (v) jiżviluppaw amministrazzjoni pubblika Ewropea ta' kwalità fil-pajjiżi assoċjati tas-SL billi jinbdew skemi ta' osservazzjoni f'sitwazzjoni ta' xogħol (job-shadowing) li joffru lill-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL kollokament temporanju fis-servizzi rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri f'setturi speċifiċi;
   (w) jinkoraġġixxu x-xogħol tal-fondazzjonijiet politiċi biex irawmu il-ġenerazzjoni tal-mexxejja politiċi li jmiss fil-pajjiżi tas-SL;
   (x) jirrikonoxxu l-inizjattivi tal-gvernijiet tal-pajjiżi assoċjati biex iqawwu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom u l-pożizzjoni konġunta mas-SL, u jinkoraġġixxu l-espansjoni tagħhom fil-livell multisettorjali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, l-affarijiet diġitali, iċ-ċibersigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija marittima, il-kontrolli tal-fruntieri, il-kooperazzjoni doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ kif ukoll il-ġustizzja u l-affarijiet interni; approċċ simili għandu jkun applikat lill-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tas-SL dwar kwistjonijiet varji;
   (y) jippromwovu l-kummerċ intrareġjonali bejn il-pajjiżi tas-SL, peress li żieda fil-kummerċ ma' aktar sħab tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reżiljenza tal-pajjiżi u tal-ekonomiji tagħhom; jinkoraġġixxu involviment akbar tal-pajjiżi tas-SL fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE u ta' djalogu ta' kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera effiċjenti, bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali tas-sħab u jiġi aġevolat l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom;
   (z) iħeġġu riformi elettorali ħalli jiġu żgurati elezzjonijiet liberi, regolari, kompetittivi u trasparenti u jinkoraġġixxu l-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali, partikolarment fl-adozzjoni ta' emendi leġiżlattivi lil-liġijiet elettorali u lill-finanzjament tal-partiti, mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL jiżguraw il-projbizzjoni tal-vessazzjonijiet, fil-livell ġudizzjarju, fiżiku jew istituzzjonali fil-konfront tal-atturi politiċi mhux allinjati mal-gvern fil-kariga, u jħarsu l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, inkluż id-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika; ifaħħar lill-Istati tas-SL li qablu dwar l-implimentazzjoni ta' riformi politiċi finalizzati għad-demokratizzazzjoni u jsostnu t-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv elettorali permezz ta' djalogi politiċi inklużivi;
   (aa) jiżguraw li, matul il-proċess tal-emendi tal-leġiżlazzjoni elettorali, il-pajjiżi tas-SL joħolqu opportunitajiet indaqs għar-rappreżentanza tal-minoranzi etniċi u nazzjonali kollha;
   (ab) jiżguraw li jsiru missjonijiet Ewropej ta' osservazzjoni elettorali fil-pajjiżi tas-SL bil-għan li jiġu sostnuti l-proċess ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-proċessi elettorali u r-responsabbiltà demokratika;
   (ac) jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fil-proċessi demokratiċi l-oħra tal-Istati tas-SL, intiżi li jinfluwenzaw elezzjoni favur kandidat jew partit jew li jimminaw il-fiduċja fis-sistema demokratika, b'mod partikolari permezz tad-diżinformazzjoni, il-finanzjament politiku illeċitu, l-attakki ċibernetiċi fuq atturi politiċi jew tal-mezzi tal-informazzjoni, jew kwalunkwe mezz illegali ieħor;
   (ad) jadottaw mekkaniżmu ta' sanzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jew "Liġi Magnitsky" tal-UE, applikabbli lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu kisru d-drittijiet tal-bniedem jew libertajiet fundamentali, b'mod partikolari billi jkunu ħadu sehem f'arresti, ħtif jew swat tal-ġurnalisti u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni u fir-repressjoni vjolenti tal-protesti paċifiċi, kif ukoll dawk involuti fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli fil-pajjiżi tas-SL;
   (ae) jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni kontinwa u effikaċi tad-DCFTAs bil-għan li jinħolqu gradwalment il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-suq uniku tal-UE; jikkunsidraw li joħolqu mekkaniżmu speċjali ta' approssimazzjoni ġuridika maħsub biex jgħin lis-sħab assoċjati fl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis tal-UE u biex jgħinhom fl-isforzi tagħhom ħalli jimplimentawh; jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni tad-DCFTAs ħalliet diversi riżultati pożittivi, għad li fadal xi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati adegwatament;
   (af) jinnutaw l-importanza li jkunu approfonditi l-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni tas-swieq mal-pajjiżi tas-SL permezz ta' ftuħ gradwali tas-suq uniku tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tad-DCFTAs, u r-rispett tar-regolamenti u tal-istandards ġuridiċi, ekonomiċi u tekniċi, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni;
   (ag) jimmiraw li jeżaminaw u jiggarantixxu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni settorjali gradwalment differenzjata tal-pajjiżi tas-SL eliġibbli u interessati, partikolarment, fl-Unjoni tal-Enerġija, fil-Komunità tat-Trasport u fis-Suq Uniku Diġitali; jikkonċentraw fuq it-telekomunikazzjonijiet u jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' reġim ta' eżenzjoni tat-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL u reġim ieħor bħalu fost il-pajjiżi tas-SL, mill-aktar fis possibbli; joħolqu servizzi fiduċjarji, inklużi kapaċitajiet informatiċi maħsuba li jipproteġu l-infrastruttura kritika u d-data personali, u jilħqu kooperazzjoni akbar fil-qasam doganali u tas-servizzi bankarji u finanzjarji, li tkun tgħin lill-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u ssaħħaħ is-sorveljanza finanzjarja, u twassal, potenzjalment, għall-espansjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-pajjiżi tas-SL;
   (ah) jintroduċu strumenti bħall-iscreening ġuridiku u pjanijiet direzzjonali settorjali għad-determinazzjoni tal-preparazzjoni tal-pajjiżi tas-SL biex jikkonformaw mal-acquis tal-UE u jikkonfermaw il-preparazzjoni tagħhom għal integrazzjoni settorjali differenzjata;
   (ai) jippromwovu l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi, kemm kummerċjali kif ukoll pubbliċi, u tal-ekonomija elettronika, kif ukoll ta' firxa wiesgħa ta' kapaċitajiet ta' telexogħol, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza u r-reżistenza f'każ ta' kriżi, kif sperimentat fil-pandemiji;
   (aj) jiżguraw l-involviment qawwi tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kontribut tagħhom fiha, anki permezz tal-parteċipazzjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid u billi jiġi żgurat li d-DCFTAs ma jkunux f'kuntrast mal-objettivi u mal-inizjattivi fil-qasam tal-klima stabbilit fih; tali involviment għandu jsir bis-saħħa tas-sostenn għall-investimenti tal-UE, inkluż mill-BERŻ u mill-BEI, u għandu jkun subordinat għal valutazzjoni soda tal-impatt ambjentali u tal-effetti fuq il-komunitajiet lokali, b'enfasi partikolari fuq is-setturi li jafu jisfaw milquta u jkollhom bżonn aktar sostenn;
   (ak) jiżguraw li azzjonijiet u finanzjamenti adegwati jkunu ddedikati biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma mormi f'konformità mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi sħab u jittejbu s-sigurtà u l-interkonnettività tal-enerġija, b'mod partikolari l-fluss fid-direzzjoni opposta tal-gass, l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-Ażerbajġan fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE, kif ukoll is-suċċess tal-Ukrajna fid-diżaggregazzjoni tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass, u jappoġġaw l-isforzi għall-indipendenza enerġetika u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija f'pajjiżi oħra tas-SL; jinkoraġġixxu lill-pajjiżi tas-SL ilestu r-riformi tagħhom fis-settur tal-enerġija f'konformità mad-dritt tal-UE, inkluż dwar il-politika ambjentali u ta' sikurezza;
   (al) jipprovdu appoġġ kontinwu għall-adattament tas-sistema tal-ġestjoni tal-iskart solidu tal-pajjiżi tas-SL mal-istandards tal-UE, billi jistabbilixxu objettivi ta' riċiklaġġ u sistemi ta' riċiklaġġ biex jintlaħqu l-objettivi; jindirizzaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika ta' faċilitajiet tal-iskart solidu skaduti u mhux awtorizzati; jidentifikaw l-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw il-finanzjament ta' proġetti tal-ġestjoni tal-iskart mill-UE u minn fondi nazzjonali/lokali;
   (am) jiżguraw li l-installazzjonijiet nukleari eżistenti u ġodda fil-pajjiżi tas-SL huma konformi mal-ogħla standards ambjentali u tas-sikurezza nukleari, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali; jiżguraw li proġetti tal-enerġija mhux sikuri bħall-impjant nukleari ta' Ostrovets mhumiex se jagħmlu parti min-network Ewropew tal-elettriku;
   (an) jadottaw pjan komprensiv għall-bini tal-infrastrutturi, inklużi l-punti ta'qsim tal-fruntieri, u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġetti prijoritarji kif identifikat fil-Pjanijiet Indikattivi tat-TEN-T u fi Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Investimenti oħrajn, bil-għan li jittejbu l-konnettività tal-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u fost il-pajjiżi tas-SL stess, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali matul il-proċess ta' implimentazzjoni; jinkoraġġixxu l-konverġenza regolatorja fis-settur tat-trasport;
   (ao) iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti minn Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Investimenti; jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal ta' konnettività tal-Baħar l-Iswed u jingħata appoġġ lill-proġetti infrastrutturali, li huma importanti ferm biex tiżdied il-konnettività mar-reġjun u mal-Asja Ċentrali; jirrikonoxxu, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-pajjiżi tas-SL bħala ħolqa bejn l-Unjoni Ewropea, l-Asja u l-viċinat akbar, li tista' ġġib valur miżjud għall-impenji tal-politika barranija tal-UE;
   (ap) jimplimentaw l-Istrateġija ambizzjuża tal-UE għall-Asja Ċentrali bl-involviment attiv tal-pajjiżi tas-SL bħala sħab affidabbli li jgawdu minn aċċess dirett għal dan ir-reġjun;
   (aq) jiżguraw li l-QFP jikkonferma l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-proġetti infrastrutturali u ta' investiment tal-pajjiżi tas-SL, billi tiżdied ir-reżiljenza tagħhom għat-theddid ċibernetiku u jitjiebu u jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi tagħhom; jieħdu miżuri attivi biex itejbu l-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi tas-SL; japplikaw l-esperjenza tal-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent biex tiġi attirata u kkoordinata assistenza finanzjarja u teknika u biex tiżdied l-effiċjenza tal-proġetti infrastrutturali;
   (ar) jagħtu prijorità lill-ħtieġa ta' investimenti sostenibbli u kredibbli fil-pajjiżi tas-SL billi titfassal strateġija għal impenn fit-tul, li tiffoka mhux biss fuq l-istabbilizzazzjoni iżda wkoll fuq id-demokratizzazzjoni;
   (as) jestendu għal sħab assoċjati oħra l-approċċ użat mill-UE fl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-irkupru tal-ekonomija tal-Ukrajna, inkluż permezz ta' assistenza u strumenti makrofinanzjarji flessibbli u ad hoc kif ukoll l-involviment u l-koordinament ta' istituzzjonijiet finanzjarji u donaturi internazzjonali, u billi jittejjeb il-kuntest għall-investiment dirett barrani (IDB), filwaqt li jitqiesu d-drittijiet soċjali, ambjentali u tax-xogħol; jagħmlu l-promozzjoni tal-IDB mill-UE aspett fundamentali tal-politika tas-SL u jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għal dan il-għan, bl-iskop li jittejjeb aktar l-ambjent tan-negozju u tiġi garantita ċ-ċertezza tad-dritt;
   (at) jappoġġaw diversifikazzjoni u kompetittività akbar tal-ekonomiji tal-pajjiżi tas-SL, permezz ta' appoġġ imsaħħaħ għall-SMEs kif ukoll demonopolizzazzjoni, deoligarkizzazzjoni u privatizzazzjoni, billi jsaħħu u jwessgħu l-ambitu, il-kopertura ġeografika u r-rilevanza għall-ħtiġijiet ta' programmi tad-destinatarji bħall-EU4Business; isellfu, b'mod partikolari, lill-SMEs f'muniti lokali, jiżviluppaw inizjattivi ġodda mfassla biex jattiraw il-kapital ta' riskju fil-pajjiżi tas-SL, u jipprovdu appoġġ kontinwu għall-iżvilupp ta' industriji li huma orjentati lejn l-esportazzjoni;
   (au) jindirizzaw id-distakk rurali-urban fil-pajjiżi tas-SL permezz ta' inċentivi finanzjarji u tekniċi effikaċi għal mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), bdiewa fuq skala żgħira u intrapriżi tal-familja f'żoni rurali u suburbani, u permezz tat-titjib tal-konnettività tal-bniedem u tal-infrastruttura bejn il-bliet u l-kampanja bil-ħsieb li titrawwem il-koeżjoni soċjali;
   (av) jagħtu appoġġ favur aktar mobilità tal-ħaddiema bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll fost il-pajjiżi tas-SL, b'enfasi qawwija fuq il-legalità u s-sostenibbiltà tal-proċess, filwaqt li jippermettu l-iskambju ta' ħiliet u esperjenza u jevitaw l-eżodu ta' mħuħ u l-iskasezza ta' ħaddiema lokali; jagħmlu rendikont komplet, f'dan ir-rigward, tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' reġimi ta' eżenzjoni mill-viża mat-tliet pajjiżi assoċjati;
   (aw) iqisu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi tas-SL minħabba l-eżodu ta' mħuħ u jindirizzawhom billi jippromwovu edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità, taħriġ vokazzjonali u programmi oħra ta' taħriġ, u billi joħolqu opportunitajiet ta' xogħol bil-ħsieb li jiġu offruti prospettivi soċjoekonomiċi għaż-żgħażagħ u għall-familji fil-komunitajiet lokali tagħhom;
   (ax) jindirizzaw l-effetti tad-depopolament u tal-migrazzjoni fil-pajjiżi tas-SL billi jinvolvuhom fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;
   (ay) jappoġġaw u jniedu pjanijiet ta' azzjoni bbażati fuq il-pajjiż biex jiġġieldu l-qgħad u jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali; jinvestu fiż-żgħażagħ, irawmu l-intraprenditorija u joħolqu programmi u inċentivi ġodda għall-professjonisti żgħażagħ biex dawn jirritornaw lejn is-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi tas-SL;
   (az) iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL iwettqu riformi komprensivi tal-politika dwar ix-xogħol sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema; jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, jappoġġaw il-ħolqien ta' trade unions veri u proprji, u jitolbu t-traspożizzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO fid-dritt nazzjonali ul-implimentazzjoni tagħhom;
   (ba) jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-politiki soċjali u d-drittijiet tax-xogħol u jipproteġu s-suq tax-xogħol tal-UE minn dumping soċjali; jikkontrollaw mhux biss it-traspożizzjoni tad-direttivi u n-normi rilevanti tal-UE fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll l-implimentazzjoni reali tagħhom; joħolqu, flimkien mal-pajjiżi tas-SL, skema ta' monitoraġġ għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol li tinvolvi t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jużaw l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja bħala lieva jew kundizzjonalità biex iġiegħlu lill-pajjiżi tas-SL itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;
   (bb) jappoġġaw riformi edukattivi f'dawk il-pajjiżi tas-SL interessati, billi dan huwa kruċjali għall-futur tagħhom, bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet bejn ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u d-domanda tas-suq tax-xogħol, u jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali, fost miżuri oħra; jirrikonoxxu l-importanza tal-mobilità transfruntiera fit-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali, jespandu l-finanzjament favur programmi edukattivi u professjonali li jtejbu l-ħiliet u programmi ta' skambju bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, kif ukoll iwessgħu l-parteċipazzjoni f'tali programmi u jsaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi tas-SL li jipparteċipaw f'Orizzont Ewropa;
   (bc) isaħħu l-kooperazzjoni akkademika u edukattiva fost l-UE u l-pajjiżi tas-SL, inkluża l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL, billi: (i) iniedu programm reġjonali li jappoġġa ċentri ta' eċċellenza akkademika u ta' riċerka fir-reġjun; (ii) jistabbilixxu l-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna; (iii) joħolqu programmi mmirati għas-Sħab tal-Lvant f'universitajiet speċjalizzati u pjattaforma edukattiva elettronika għal korsijiet ta' taħriġ online ffukati fuq il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-amministrazzjoni pubblika u l-qerda tal-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL; u (iv) jipprovdu sede għal taħriġ konġunt għall-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL, inkluż fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
   (bd) iniedu proġett pilota mmirat li joħloq Ċentru għax-Xjenza Miftuħa u l-Innovazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, network ta' ċentri tematiċi ta' kompetenza li jinsabu f'kull pajjiż tas-SL biex jipprovdu appoġġ u servizzi ta' riċerka u innovazzjoni;
   (be) jiżguraw li l-programmi kollha ta' appoġġ tal-UE jinkludu dimensjoni konsistenti f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw u jimmiraw lejn l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi minoranzi etniċi u ta' tip ieħor, bħar-Rom, ir-rifuġjati u l-persuni spostati internament li ġejjin minn żoni għaddejjin minn kunflitti vjolenti; isaħħu l-inizjattivi għall-emanċipazzjoni politika u soċjoekonomika ta' dawk il-gruppi u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni deċenti;
   (bf) jiżguraw li l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fil-partijiet imbiegħda tal-pajjiżi tas-SL, b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex jippermettu lill-abitanti jinsistu fuq bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma aktar vulnerabbli għas-sentimenti post-Sovjetiċi u għall-manipulazzjoni Russa;
   (bg) jinsistu b'mod qawwi fuq in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni LGBTI+ kollha, il-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi u l-prosekuzzjoni tal-atti kollha ta' abbuż, diskors ta' mibegħda u vjolenza fiżika mwettqa kontrihom; jirrikonoxxu l-pajjiżi assoċjati tas-SL li allinjaw il-qafas ġuridiku tagħhom kif xieraq;
   (bh) jappoġġaw il-libertà ta' twemmin, ta' opinjoni u ta' espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni fil-lingwa nattiva taċ-ċittadini kollha; jikkundannaw u jikkontrobattu d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-etnija jew il-lingwa, kif ukoll aħbarijiet foloz u informazzjoni żbaljata li għandhom fil-mira tagħhom il-minoranzi etniċi u nazzjonali;
   (bi) jiżguraw id-dritt fundamentali tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin billi jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-komponenti reliġjużi kollha preżenti fir-reġjun, abbażi tal-kunċett ta' ċittadinanza sħiħa u ugwali;
   (bj) isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-knejjes u mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reliġjużi f'oqsma bħalma huma l-konsolidament tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja f'soċjetà ġusta u ħielsa, kif ukoll fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali bażiċi;
   (bk) jirrikonoxxu li permezz tal-investiment politiku, kulturali u ekonomiku tagħha fil-pajjiżi tas-SL, l-UE tinvesti fis-sigurtà u fl-istabbiltà tar-reġjun;
   (bl) jirrikonoxxu aktar interdipendenza fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll l-importanza tas-sigurtà, l-istabbiltà u l-paċi għall-iżvilupp futur tal-pajjiżi tas-SL, meta jitqies li f'dawn l-aħħar snin kienu soġġetti għall-interess u l-ambizzjoni ta' pajjiżi terzi, bħaċ-Ċina, it-Turkija jew xi Stati tal-Golf, li mhux dejjem għandhom l-istess valuri u interessi tal-UE; iqawwu, għaldaqstant, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u s-SL billi jagħtu attenzjoni partikolari għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali u għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' tipi ġodda ta' sfidi, bħat-theddid ibridu, l-attakki ċibernetiċi, inkluż l-indħil informatiku fl-elezzjonijiet, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda, u l-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fi proċessi demokratiċi oħra; isaħħu l-kooperazzjoni u l-appoġġ fir-rigward tar-reżiljenza tal-pajjiżi tas-SL kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata b'mod ġenerali, u jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-individwi, tal-komunitajiet u tal-istituzzjonijiet tal-istat;
   (bm) itennu l-impenn tal-UE favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi tas-SL fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinjaw l-importanza tal-unità u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;
   (bn) jikkundannaw bil-qawwa l-ksur kontinwu tal-prinċipji u tan-normi fundamentali tad-dritt internazzjonali fir-reġjun tas-SL, notevolment id-destabbilizzazzjoni, l-invażjoni, l-okkupazzjoni u l-annessjoni ta' territorji ta' diversi pajjiżi tas-SL min-naħa tal-Federazzjoni Russa u r-rifjut tagħha li tirrispetta d-deċiżjonijiet tat-tribunali u tal-qrati internazzjonali; jistabbilixxu politika aktar ikkoordinata fil-konfront tal-Federazzjoni Russa fost l-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari f'termini ta' involviment fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-pajjiżi tas-SL;
   (bo) jappellaw għall-irtirar immedjat tat-truppi barranin mit-territorji okkupati kollha u għat-tmiem tal-ostilitajiet militari, li jaħsdu, b'mod mhux meħtieġ, il-ħajjiet ta' ċivili u suldati filwaqt li jostakolaw l-iżvilupp soċjoekonomiku, u b'hekk jippermettu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament (IDPs) jirritornaw lejn pajjiżhom;
   (bp) jiżviluppaw rwol aktar attiv għall-UE, irrappreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt futur fil-viċinat tal-Lvant tagħha, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-formati u l-proċessi ta' negozjar maqbula, bħad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, il-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, il-Format tan-Normandija u t-Taħditiet tal-5 + 2; jaħtru Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun tad-Donbas;
   (bq) ikomplu jippromwovu kuntest favorevoli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġaw attivitajiet li jippromwovu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fost il-komunitajiet diviżi mill-kunflitti; jagħtu prijorità lill-isforzi u jespandu l-finanzjamenti għall-konsolidament preventiv tal-paċi, inkluża d-diplomazija preventiva, kif ukoll mekkaniżmi ta' twissija u intervent bikrin;
   (br) jerġgħu jikkonfermaw l-appoġġ għall-isforzi tal-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jissolva l-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh u għall-Prinċipji Bażiċi 2009 tagħhom, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni bbażata fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975; jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha jintensifikaw id-djalogu u jastjenu ruħhom minn retorika xewwiexa li tista' tipperikola aktar il-prospettivi għal soluzzjoni;
   (bs) jieħdu azzjonijiet li jiżguraw attivitajiet effikaċi u l-eżekuzzjoni ta' mandat sħiħ għall-missjonijiet eżistenti tal-UE fir-reġjun tas-SL, inkluż il-koordinament tal-attivitajiet tagħhom: il-missjoni tal-UE ta' Monitoraġġ fil-Georgia, il-Missjoni tal-UE ta' Konsulenza fl-Ukrajna, il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna, u l-missjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia;
   (bt) iqisu t-talbiet li saru mill-Gvern tal-Ukrajna għal forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi estiża li tkun stazzjonata tul il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja u fid-distretti ta' Luhansk u Donetsk; ladarba s-sitwazzjoni tkun tipppermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, għandha tiġi offruta missjoni tal-PSDK immexxija mill-UE biex tintbagħat lill-partijiet fil-kunflitt, ħalli tgħin f'kompiti bħat-tneħħija tal-mini u t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet lokali u tiżgura l-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;
   (bu) jappoġġaw il-libertà ta' navigazzjoni u jopponu bil-qawwa l-imblokk tal-Baħar ta' Azov u l-annessjoni kontinwa u insidjuża tal-Baħar l-Iswed min-naħa tal-Federazzjoni Russa;
   (bv) jirrikonoxxu l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu l-kontribut tal-pajjiżi tas-SL għall-missjonijiet, il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet ta' politika ta' sigurtà u difiża komuni (PSDK); ikomplu jappoġġaw ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS); japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO ladarba tiġi riżolta l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi;
   (bw) jirrikonoxxu li ċ-ċibersigurtà hija wieħed mill-oqsma li fih l-UE u l-pajjiżi tas-SL jistgħu jaħdmu flimkien b'mod aktar effikaċi u li l-UE tista' tislet vantaġġ mill-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu jew iċ-ċibersigurtà; jistabbilixxu djalogu elettroniku formali mal-pajjiżi interessati tas-SL u jippromwovu pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun tas-SL biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu b'mod aktar effikaċi bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk il-pajjiżi, speċjalment wara l-attakk ċibernetiku fuq skala kbira tal-Federazzjoni Russa kontra l-Georgia f'Ottubru 2019;
   (bx) jikkundannaw l-influwenza tal-pajjiżi terzi biex jimminaw l-ordni demokratiku tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jinfluwenzaw l-elezzjonijiet, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jagħmlu kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati;
   (by) isaħħu l-kooperazzjoni fil-bini tar-reżiljenza soċjetali u istituzzjonali tal-pajjiżi tas-SL b'enfasi aktar b'saħħitha fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u l-influwenza ostili mwettqa minn forzi esterni li għandhom l-għan li jifirdu u jiddistabbilizzaw il-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jimminaw l-integrità tal-proċessi politiċi tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jassistu lill-pajjiżi interessati tas-SL fl-attivitajiet imwettqa fil-livell tal-UE biex jindirizzaw l-ostilitajiet imsemmija hawn fuq, inkluż l-implimentazzjoni ta' prattiki u soluzzjonijiet tajbin, bħall-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni u l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, u bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ewropew ta' Helsinki għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza StratCom tan-NATO f'Riga u t-Task Force tal-UE East StratCom;
   (bz) jippromwovu l-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi assoċjati, u jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi;
   (ca) jilqgħu b'sodisfazzjoni iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL bil-għan li tiġi promossa l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, u jipproponu forom ġodda ta' kooperazzjoni volontarja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, billi din titqies bħala qasam ta' ambizzjoni fil-futur hekk kif l-UE qed timmira li gradwalment toħloq l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
   (cb) jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) kif ukoll il-kooperazzjoni industrijali fl-iżvilupp tal-armamenti u tat-teknoloġiji u kapaċitajiet militari fost l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL;
   (cc) jirrikonoxxu li kwalunkwe nuqqas ta' preżenza tal-UE jew nuqqas ta' azzjoni fil-konfront tas-sħab tagħha tas-SL jħalli spazju għall-intervent ta' atturi globali oħra; iżidu l-kooperazzjoni jew joħolqu forum ta' alleati demokratiċi u atturi internazzjonali tal-istess fehma biex tittaffa u tiġi miġġielda l-influwenza negattiva tal-potenzi terzi fir-reġjun tas-SL;
   (cd) jirrikonoxxu l-kontribut tal-atturi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-SL għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni u riforma fil-pajjiżi tagħhom u fir-reġjun kollu tas-SL, u jappellaw għal aktar ftuħ u impenn lejhom mill-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari involviment aktar sinifikanti u effikaċi fil-proċessi tat-tfassil tal-politiki;
   (ce) ikomplu djalogu wiesa' mal-atturi tas-soċjetà ċivili tas-SL u jsaħħu l-appoġġ tal-UE għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili orjentati lejn id-demokrazija billi jippromwovu l-attivitajiet u s-sikurezza tagħhom u billi jissalvagwardjaw l-ambjent tax-xogħol tagħhom;
   (cf) iżidu l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-impenn u l-appoġġ tagħha għal inizjattivi fil-livell lokali fir-reġjuni u fiż-żoni rurali sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzattivi u ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili u l-prattiki demokratiċi lokali;
   (cg) isaħħu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili tas-SL biex tieħu funzjoni ta' kontroll għar-riformi u ġġiegħel lill-istituzzjonijiet tal-istat rispettivi jagħtu kont ta' għemilhom, billi tnaqqas il-burokrazija u tiżgura l-preżenza tagħha f'laqgħat trilaterali, inkluż fil-laqgħat kollha tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-laqgħat tal-Assoċjazzjoni u l-Kooperazzjoni tal-Kunsill;
   (ch) irawmu kooperazzjoni fost is-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi tas-SL billi jistabbilixxu ċentru reġjonali biex jiżdiedu l-kompetenzi u jiġu skambjati l-aħjar prattiki u approċċi ta' ħidma, bħala parti mill-proġett il-ġdid tal-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna;
   (ci) ikomplu jipprovdu appoġġ strutturali, finanzjarju u għall-iżvilupp tal-kapaċità lill-organizzazzjonijiet li jassistu lill-atturi indipendenti tas-soċjetà ċivili favur id-demokrazija; jinsistu li l-UE, l-Istati Membri u l-programmi indipendenti favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż il-Fond Ewropew għad-Demokrazija, għandhom ikomplu joperaw b'mod liberu u mingħajr vessazzjonijiet jew limitazzjonijiet ġudizzjarji; jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu li l-NGOs indipendenti jiġu eliminati permezz tal-impożizzjoni ta' limitazzjonijiet ġudizzjarji u ostakli finanzjarji, l-applikazzjoni selettiva tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi, jew il-preżenza msaħħa ta' NGOs organizzati mill-gvern (GONGOs);
   (cj) jissensibilizzaw dwar l-attakki fuq l-attivisti ċivili fil-pajjiżi tas-SL minn forzi estremisti kif ukoll minn awtoritajiet tal-istat, li jdgħajfu l-valuri tal-UE, l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi konġunti tal-KEDB;
   (ck) jintensifikaw l-appoġġ u l-inizjattivi tal-UE biex isaħħu u jippermettu lill-awtoritajiet lokali u u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jimplimentaw riformi nazzjonali fil-livell lokali; jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali bħala dawk li jfasslu l-politika u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jinkoraġġixxu skambji regolari bejn il-gvernijiet ċentrali u lokali fuq l-aġendi ta' riforma bil-parteċipazzjoni attiva u inklużiva tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati rilevanti l-oħra;
   (cl) jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali u indikaturi għall-pajjiżi biex jinvolvu ruħhom ma' gvernijiet lokali u reġjonali, skont l-eżempji ta' involviment simili mas-soċjetà ċivili;
   (cm) jestendu, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tas-SL, ir-rappreżentanza tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), u jżidu l-kapaċitajiet tagħha li tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f'azzjonijiet sostanzjali; jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mal-CORLEAP u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, programm ta' tisħiħ tal-kapaċità għall-governanza lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL, li jkun jinkludi t-teħid ta' miżuri sistematiċi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
   (cn) iħeġġu l-parteċipazzjoni sostanzjali taċ-ċittadini tas-SL fil-proġetti ffinanzjati mill-UE u s-sjieda tagħhom, skont approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-valuri u l-istandards tal-UE;
   (co) jirrikonoxxu li n-nuqqas ta' kampanja xierqa ta' komunikazzjoni u informazzjoni f'nofs il-mewġa ta' diżinformazzjoni li huma esposti għaliha l-pajjiżi tas-SL tista' tirriżulta f'telf fl-isforzi, l-investiment u r-riżultati tas-SL matul dawn l-aħħar għaxar snin; jintensifikaw, għaldaqstant, l-isforzi ta' komunikazzjoni strateġika u, fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, iżidu l-viżibbiltà tal-appoġġ ipprovdut mill-UE fil-pajjiżi tas-SL, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jintlaħqu, għal dan il-għan, nies li jgħixu f'komunitajiet żgħar u fiż-żoni rurali, personalitajiet li jispikkaw fil-qasam tan-negozju u fil-komunità, dijaspori u minoranzi nazzjonali, lil hinn minn gruppi li diġà huma favur l-UE;
   (cp) jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda kontra l-UE billi jqawwu r-reżiljenza għall-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE tas-SL dwar is-SL u l-opportunitajiet u l-benefiċċji li toffri, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw minn kooperazzjoni politika u ekonomika mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u mill-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs, li torbothom mat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-kummerċ;
   (cq) jużaw b'mod aktar effiċjenti l-istrutturi eżistenti tal-UE, bħat-task force ta' StratCom tal-Lvant tas-SEAE, biex jidentifikaw u jirrispondu lill-kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda li jimminaw ir-relazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-għanijiet tagħha;
   (cr) isaħħu d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tas-SL u jippermettulhom jassistu lill-pajjiżi tas-SL fit-tlestija tar-riformi u biex jikkomunikaw b'mod aktar effikaċi kif l-UE qed tgħin liċ-ċittadini hemmhekk; jiżviluppaw rabtiet aktar orizzontali u jrawmu kooperazzjoni fost id-Delegazzjonijiet tal-UE, u jinkoraġġixxu skambji regolari ta' informazzjoni u għarfien espert u approċċi ta' ħidma oħra ta' suċċess;
   (cs) jiżguraw rwol aktar attiv għall-uffiċċji ta' kollegament tal-UE fl-Istati Membri fil-promozzjoni tal-importanza tal-pajjiżi tas-SL għall-proġett Ewropew;
   (ct) itejbu l-iskambju ta' informazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment il-Kummissjoni u s-SEAE, u jippreservaw il-memorja istituzzjonali, b'mod partikolari dwar l-appoġġ ipprovdut u l-proġetti ta' assistenza teknika implimentati, sabiex jibnu fuq ir-riżultati tagħhom meta jniedu proġetti u programmi ġodda;
   (cu) jisfruttaw il-programm Ambaxxaturi Żgħażagħ u l-boroż ta' studju tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, billi jistabbilixxu network attiv ta' ex parteċipanti abbażi ta' mudelli eżistenti li kellhom suċċess;
   (cv) jippromwovu l-mezzi ta' informazzjoni ħielsa u l-libertà tal-espressjoni bħala prinċipju fundamentali, u għalhekk jappoġġaw ambjent medjatiku demokratiku, indipendenti, pluralistiku u bbilanċjat fil-pajjiżi tas-SL, li jiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali, l-opinjonisti u d-dissidenti mill-vessazzjonijiet u mill-intimidazzjoni, jippermetti aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni online u offline u parteċipazzjoni ċivika sinifikanti, u jissalvagwardja u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili;
   (cw) jintesifikaw l-appoġġ fil-ġlieda lokali kontra l-aħbarijiet foloz, il-gwerra ibrida fil-komunikazzjoni u d-degradazzjoni tal-programmi medjatiċi, li jistgħu jikkompromettu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u kontra t-tixrid ta' informazzjoni falza sabiex jinkisbu vantaġġi ekonomiċi jew politiċi; isostnu l-iżvilupp ta' azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa tas-sjieda tal-mezzi ta' informazzjoni; jgħinu u jissorveljaw b'mod kostanti l-aġenzija regolatorja uffiċjali lokali f'kull pajjiż tas-SL;
   (cx) jappoġġaw programmi u riformi li jikkonċernaw il-litteriżmu medjatiku u informatiku biex jirriflettu l-era diġitali attwali;
   (cy) jippromwovu x-xandir ta' produzzjonijiet medjatiċi Ewropej fil-pajjiżi tas-SL kif ukoll produzzjonijiet tal-pajjiżi tas-SL fl-UE, biex jitnaqqsu d-differenzi kkawżati mill-istorja u mill-informazzjoni falza mogħtija f'dawn l-aħħar deċennji; jappoġġa l-organi ta' informazzjoni lokali fil-ksib ta' aċċess għall-programmi u inizjattivi medjatiċi Ewropej biex tinħoloq kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-organi ta' informazzjoni mill-UE u mis-SL;
   (cz) jiddenunzjaw l-użu ħażin ta' miżuri relatati mal-pandemija mill-awtoritajiet bħala mezz biex isikktu lill-oppożizzjoni politika, lis-soċjetà ċivili u lill-media billi jillimitaw d-drittijiet leġittimi tagħhom;
   (da) issaħħu u, meta possibbli, iżidu l-isforzi komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-SL fil-qasam tal-kuntatti u tal-iskambji interpersonali sabiex tinħoloq stampa pożittiva b'mod reċiproku fost il-popolazzjoni u jsir użu tajjeb mis-sentiment Ewropeista fost iċ-ċittadini tas-SL;
   (db) jippromwovu pjattaformi inklużivi u parteċipattivi għad-djalogu u l-kooperazzjoni li jlaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati f'setturi u f'livelli differenti, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-atturi ekonomiċi, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi u ċ-ċittadini b'inqas opportunitajiet, bil-għan li jiġu miġġielda t-tendenzi polarizzanti u estremisti fil-politika u s-soċjetà, kif ukoll l-impatt ta' kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(3) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(4) ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.
(5) Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Ażerbajġan tat-28 ta' Settembru 2018 dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan, ĠU L 265, 24.10.2018, p. 18.
(6) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali (Testi adottati, P9_TA(2020)0008).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(8) ĠU L 289, 31.10.2013, p. 2.
(9) ĠU L 128, 30.4.2014, p. 49.
(10) 12363/19 VISA 191 COEST 210.
(11) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 136.
(12) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 119.
(13) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 14.
(14) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 27.
(15) ĠU C 328, 6.9.2016, p. 2.
(16) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.
(17) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(18) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.
(19) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 42.
(20) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 109.
(21) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 100.
(22) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 97.
(23) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 43.
(24) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18.
(25) Testi adottati, P8_TA(2018)0458.
(26) Testi adottati, P8_TA(2018)0457.
(27) Testi adottati, P8_TA(2018)0518.
(28) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(29) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 158.


Il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020
PDF 182kWORD 60k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (2019/2210(INI))
P9_TA(2020)0168A9-0091/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li jipposponu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika fis-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija, li approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titlu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, li tispeċifika li politika tat-tkabbir kredibbli tirrappreżenta investiment strateġiku fis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u li diġà kkontribwiet ħafna għall-paċi f'żoni li qabel kienu mifnija bil-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titlu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),

–  wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit ta' Zagreb tal-24 ta' Novembru 2000,

–  wara li kkunsidra Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f'Tessalonika, fil-21 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, varat fit-28 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Balkani tal-Punent dwar il-kooperazzjoni reġjonali u t-tilwim bilaterali tas-27 ta' Awwissu 2015, u l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), b'iktar Summits li saru fi Vjenna (2015), f'Pariġi (2016), fi Trieste (2017), f'Londra (2018) u f'Poznan (2019),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-29 u t-30 ta' April 1997 dwar l-applikazzjoni tal-kondizjonalità bil-għan li tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' 13-il Stat Membru tal-UE fil-11 ta' Ġunju 2019, dwar l-impenn tal-UE favur l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tas-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent, imsejjaħ mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, fit-28 ta' Jannar 2020,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa informali tas-16 ta' Frar 2020 li ġabet flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kroazja li qiegħed jippresiedi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija: il-kredibilità u l-interessi ġeostrateġiċi tal-UE għandhom jiġu rispettati"(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2019, adottata fit-13 ta' Frar 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0091/2020),

A.  billi t-tkabbir huwa wieħed mill-iktar politiki strateġiċi u ta' suċċess tal-UE kif ukoll l-iktar strument effettiv tal-politika barranija li jikkontribwixxi għall-estensjoni tal-valuri ewlenin tal-Unjoni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, it-trawwim tal-paċi u l-ugwaljanza tal-prosperità, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi madwar l-Ewropa;

B.  billi l-proċess ta' tkabbir huwa parti integrali tal-integrazzjoni Ewropea u jibqa' strateġikament importanti għall-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-prospettiva ta' sħubija sħiħa fl-UE bbażata fuq il-mertu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, hija fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni;

D.  billi l-prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrappreżenta r-rikonoxximent ta' sfida ġeopolitika ewlenija għall-unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew u wkoll inċentiv fundamentali għar-riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

E.  billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa u l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea għandu importanza ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għal-libertà u l-paċi;

F.  billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jaħdem f'żewġ direzzjonijiet, fejn iż-żewġ naħat iridu jżommu l-impenji tagħhom u li hu mibni fuq il-premessa li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi kandidati jwettqu l-obbligi tagħhom;

G.  billi l-metodoloġija msaħħa proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li tixpruna dinamiżmu ġdid fil-proċess ta' tkabbir, u tagħti impetu ġdid favur it-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;

H.  billi l-UE hija l-ikbar investitriċi, sieħba kummerċjali u donatriċi fir-reġjun;

I.  billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew laqa' pożittivament il-progress miksub mill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija; billi, fid-dawl ta' dan il-progress, il-Parlament qabel li jagħti l-kumpens għall-prestazzjoni lill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija, taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

J.  billi s-Summit ta' Zagreb irrikonoxxa l-primazija tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u talab lill-UE tintensifika aktar l-impenn tagħha mar-reġjun;

K.  billi l-Parlament Ewropew iddeplora n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jilħaq ftehim dwar il-ftuħ ta' taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija fl-2019; billi dan in-nuqqas, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2018 u tal-2019, li ġew approvati mill-Parlament, qered il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, ikkontribwixxa għall-qawmien tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u tal-Ewroxettiċiżmu, dgħajjef l-isforzi tal-pajjiżi kandidati, u rriskja l-ħolqien ta' vojt politiku, u li saħħaħ lill-atturi terzi li qed ifittxu li jistabbilixxu influwenza politika fir-reġjun, bi ħsara għall-proċess tal-integrazzjoni tal-UE;

L.  billi l-proċess ta' tkabbir irawwem u jsaħħaħ il-kapaċitajiet biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim bilaterali u jirsisti favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fir-reġjun;

M.  billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul, bil-għan li tissaħħaħ s-sorveljanza parlamentari;

N.  billi l-Parlament Ewropew jibqa' sieħeb affidabbli ta' pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE u promotur tal-proċess ta' tkabbir bħala mekkaniżmu pożittiv tal-Unjoni Ewropea li jistimola riformi mmirati lejn it-tisħiħ istituzzjonali u soċjoekonomiku ta' dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom;

O.  billi l-Aġenda ta' Tessalonika u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija aċċentwaw il-fatt li se ssir enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Balkani tal-Punent;

P.  billi l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ politiku u istituzzjonali tiegħu għad-demokrazija u r-riformi ekonomiċi fir-reġjun u li jassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

Q.  billi l-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 jaffermaw mill-ġdid il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent;

R.  billi matul is-seduti ta' smigħ tagħhom fil-Parlament Ewropew, kemm il-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-Sur Borrell, kif ukoll il-Kummissarju Várhelyi, impenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-proċess ta' tkabbir, iħaffu r-riformi strutturali u istituzzjonali u wkoll il-proċessi ta' integrazzjoni fil-Balkani tal-Punent;

S.  billi politika ta' tkabbir ambizzjuża tirrikjedi baġit adegwat; billi l-Kunsill għandu jipprevedi mezzi baġitarji suffiċjenti b'appoġġ għall-politika ta' tkabbir;

T.  billi l-UE teħtieġ ukoll issaħħaħ il-mekkaniżmi tal-istat tad-dritt fl-Unjoni u tistabbilixxi aġenda ambizzjuża għall-konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

U.  billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib mal-proċess ta' integrazzjoni u mal-avvanz tal-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u mal-futur tal-pajjiżi tiegħu f'UE b'saħħitha u riformata;

V.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta komunikazzjoni li tiddefinixxi l-azzjonijiet biex jinġiebu 'l quddiem ir-riformi fundamentali nkluż dwar l-istat tad-dritt;

W.  billi l-UE immobbilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent, li jinkludu EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 389 miljun għall-irkupru soċjali u ekonomiku, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 455 miljun għar-riattivazzjoni ekonomika u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

X.  billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ibbenefikaw mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, mill-akkwist konġunt ta' tagħmir mediku, minn eżenzjonijiet mill-iskema tal-UE ta' awtorizzazzjoni tal-esportazzjonijiet għal tagħmir ta' protezzjoni personali u l-"korsiji ħodor" għal prodotti essenzjali;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jappoġġjaw il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni billi jiżguraw li dan isaħħaħ il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt u li jwassal għal trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u għal konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' viċinat u kooperazzjoni reġjonali tajbin bħala elementi essenzjali tat-tkabbir u tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li t-tkabbir tal-Unjoni jissokta b'mod parallel mad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u r-riforma interna tal-UE;
   (b) li jkabbru l-isforzi biex tinbena rieda politika fost l-Istati Membri biex jitkompla t-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent minflok ma l-proċessi interni tal-UE jitħallew ixekklu dan il-progress, kif ukoll biex itejbu l-gwida politika u strateġika tal-UE dwar il-politika ġenerali fir-reġjun;
   (c) li jżommu t-tkabbir bħala kundizzjoni neċessarja għall-kredibilità, is-suċċess u l-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu;
   (d) li jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi impenjati, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, favur l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE;
   (e) li jiżguraw li l-metodoloġija msaħħa ssostni s-sħubija sħiħa fl-UE bħala l-għan aħħari u li l-UE tistabbilixxi regoli iktar prevedibbli u kriterji bbażati fuq il-kundizzjonalità u r-riversibilità, u tapplikahom b'mod konsistenti, biex b'hekk il-proċess ta' adeżjoni jsir iktar dinamiku u terġa' tistabbilixxi l-kredibilità tagħha bl-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta;
   (f) li jiżguraw li l-għoti ta' attenzjoni ikbar fuq in-natura politika tal-proċess, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-proposta dwar il-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ma jissostitwix l-evalwazzjonijiet dwar it-tlestija tal-parametri referenzjarji fil-livell tal-esperti jew ma jxekkilx l-impenn tal-UE fit-triq lejn proċess ta' tkabbir ibbażat fuq il-mertu;
   (g) li jiżguraw li r-raggruppament ta' oqsma ta' politika jsaħħaħ id-dettall, il-kwalità u s-sostenibilità tar-riformi, biex jinkisbu riżultati konkreti fil-pajjiżi ta' adeżjoni filwaqt li jitħallew jinfetħu negozjati simultanji dwar kapitoli differenti;
   (h) li jipprovdu parametri referenzjarji dwar l-adeżjoni li jkunu ċari, trasparenti u konsistenti, kif ukoll joffru appoġġ politiku u tekniku kontinwu matul il-proċess, inkluż għall-parlamenti biex jiżguraw r-rwoli ta' sorveljanza indipendenti tagħhom, u jtejbu l-kejl tal-progress fuq il-post, filwaqt li jiżguraw li kull pajjiż ta' adeżjoni jiġi vvalutat abbażi tal-kundizzjonalità u tal-prinċipji tal-merti tiegħu stess;
   (i) li jiżguraw il-kontinwità, ir-responsabilità, il-konsistenza u l-prevedibilità tal-proċess tat-tkabbir billi jankraw il-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni bħala aġġustament ta' politika fit-tul u jevitaw reviżjonijiet ad hoc tal-proċess u tal-parametri tiegħu bħala konsegwenza ta' kunsiderazzjonijiet politiċi ta' kwalunkwe Stat Membru; li jiżguraw li l-parametri referenzjari dwar l-adeżjoni u l-appoġġ għall-adeżjoni jissejsu fuq it-tagħlimiet meħuda bil-għan li jiġu evitati n-nuqqasijiet misjuba iktar kmieni u jitjieb il-proċess ta' adeżjoni;
   (j) li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-metodoloġija msaħħa għall-pajjiżi ta' adeżjoni li diġà nfetħu n-negozjati magħhom, f'każ li dawn jiddeċiedu li jissieħbu bil-ħsieb li jiksbu allinjament sinifikattiv u fuq il-perjodu twil mal-istandards u n-normi tal-UE;
   (k) li jżidu l-inċentivi politiċi u ekonomiċi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jtejbu l-koerenza bejn il-proċess tat-tkabbir u l-inizjattivi politiċi fl-UE permezz ta' laqgħat reġjonali annwali fil-marġini tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, jiżguraw il-parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tal-Balkani tal-Punent fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u fil-gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni;
   (l) li jħeġġu l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-proċessi, il-politiki settorjali u l-programmi tal-UE qabel l-adeżjoni tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE, bil-għan li jitwasslu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, u biex tissaħħaħ l-assistenza u l-preżenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'dawn il-pajjiżi qabel is-sħubija sħiħa tagħhom;
   (m) li jappoġġaw rwol parlamentari msaħħaħ fil-proċess ta' adeżjoni permezz ta' fora stabbiliti u biex jinkoraġġixxu konsistentement inizjattivi ġodda bħas-Summit tal-iSpeakers, li tlaqqa' għall-ewwel darba mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Jannar 2020;
   (n) li jiffaċilitaw u jippromwovu l-assoċjazzjoni iktar mill-qrib tal-membri parlamentari minn pajjiżi li għalihom infetħu n-negozjati fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;
   (o) li jinkludu lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;
   (p) li jsaħħu l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u jinsistu fuq ir-riversibilità tal-proċess ta' adeżjoni billi jiġu applikati kriterji oġġettivi meta jiġi deċiż jekk għandhomx jitwaqqfu jew jiġu sospiżi n-negozjati; li jiżguraw li l-Kummissjoni tniedi dawn il-proċeduri wara li ssir evalwazzjoni bir-reqqa u b'rispons għal proposta mill-Istati Membri jew mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jitqies li l-prinċipju tal-klawżola ta' żbilanċ u r-riversibilità diġà japplikaw għall-oqfsa ta' negozjar kurrenti fil-każ tas-Serbja u l-Montenegro; li jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u sospensjoni jiġi akkumpanjat minn komunikazzjoni ċara mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-ispeċifiċitajiet tal-possibilità ta' sospensjoni;
   (q) li jsaħħu s-sjieda tal-proċess ta' tkabbir mill-Istati Membri billi jżidu l-involviment ta' esperti dwar l-istat tad-dritt u oqsma oħra mill-Istati Membri, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u jtejbu l-kejl tal-iżviluppi ġenerali billi jkomplu jaderixxu mal-istandards oġġettivi li ilhom jeżistu u billi jevitaw li jiġu politiċizzati l-aspetti tekniċi tal-proċess ta' adeżjoni, b'mod partikolari abbażi tar-rapporti ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ta' korpi oħra għall-istabbiliment tal-istandards;
   (r) li jirrikonoxxu li l-Proċess ta' Berlin jappoġġja u jissupplimenta l-politika tat-tkabbir tal-UE u ma jistax jiġi ttrattat la bħala alternattiva għall-adeżjoni u lanqas bħala replikatur ta' sforzi mwettqa bħala parti mit-tkabbir;
   (s) li jirrikonoxxu li l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq huwa fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni;
   (t) li jirrikonoxxu li n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq, f'Ġunju 2018, f'Ġunju 2019 u f'Ottubru 2019, kellu effett ta' ħsara fuq ir-rwol tal-UE fir-reġjun u wkoll fuq l-opinjoni pubblika rigward l-adeżjoni mal-UE, billi ntbagħat messaġġ negattiv lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u jirrikonoxxu li l-ftuħ tat-taħditiet dwar l-adeżjoni jerġa' jagħti kredibilità lill-proċess, kif ġie rakkomandat mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni;
   (u) li jikkonċedu, malajr kemm jista' jkun, il-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo, peress li l-parametri referenzjarji ilhom li ġew issodisfati minn Lulju 2018;
   (v) li jżidu d-dinamiżmu tan-negozjati bil-għan li titħaffef l-adeżjoni tal-Montenegro u s-Serbja;
   (w) li jreġġgħu lura s-supremazija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fiċ-ċentru tal-proċess ta' tkabbir, billi l-ewwel jiftħu u wara jagħlqu, l-kapitoli relatati mal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll dawk li jkopru r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni;
   (x) li jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva bil-għan li jsaħħu t-trasparenza u l-effikaċja tal-governanza tajba fil-livelli kollha;
   (y) li jisfruttaw l-esperjenza ta' tkabbir reċenti, inklużi t-tagħlimiet meħuda mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali;
   (z) li jkomplu jaħdmu flimkien mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
   (aa) li jiżguraw fokus immirat fuq il-bini tal-kapaċità tal-istat, l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-qrati, ir-riformi ġudizzjarji u fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;
   (ab) li jirsistu fuq ir-rispett u l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-qrati domestiċi u internazzjonali, inklużi dawk tal-qrati kostituzzjonali u tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u tas-suċċessur tiegħu l-Mekkaniżmu Internazzjonali għat-Tribunali Kriminali (IRMCT), u l-Kmamar Speċjalizzati tal-Kosovo (SC) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat (SPO), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI);
   (ac) li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u r-riżoluzzjoni ta' każijiet ta' persuni nieqsa; li jippromwovu l-kooperazzjoni sħiħa mal-IRMCT, il-Kosovo SC u l-SPO u l-ħarsien espliċitu tax-xogħol u s-sejbiet tal-ICTY, kif ukoll il-promozzjoni u t-tixrid tax-xogħol u l-wirt tiegħu għaċ-ċittadini; li jikkundannaw kull tentattiv ta' glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra u ta' ċaħda ta' fatti storiċi u biex f'dan ir-rigward, jappoġġjaw lill-Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (l-inizjattiva RECOM);
   (ad) li jżidu l-involviment tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, jippromwovu relazzjonijiet ta' viċinat tajba u ta' kooperazzjoni reġjonali permezz tal-bini ta' fiduċja u ta' sforzi ta' medjazzjoni, u jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkommettu ruħhom għal rikonċiljazzjoni u soluzzjonijiet paċifiċi għal tilwim li ilu għaddej;
   (ae) li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni bil-ħsieb li japprofondixxu s-solidarjetà bejn il-popli tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom;
   (af) li jappoġġaw lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent li għadu kif ġie maħtur, biex matul il-mandat tiegħu jikseb in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo u jippromwovi r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat fir-reġjun;
   (ag) li jippromovu appoġġ usa' fis-soċjetà favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali billi, fost l-oħrajn,jappoġġaw l-involviment totali tal-parlamenti fid-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali sostenibbli;
   (ah) li jissaħħu u, fejn possibbli, jiżdiedu l-isforzi komuni mill-pajjiżi tal-UE u tal-Balkani tal-Punent biex jitrawmu l-kuntatti u l-iskambji bejn il-persuni bil-għan li jinbnew xbihat pożittivi ta' xulxin b'mod reċiproku fost il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom;
   (ai) li jrawwmu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għal ambjenti politiċi inklużivi u li jiffaċilitaw l-isforzi fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent biex jingħelbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul; li jiżviluppaw kultura parlamentari inklużiva u kostruttiva u jsaħħu l-iskrutinju u s-sorveljanza parlamentari; u li jippromwovu approċċ responsabbli lejn rappreżentanza tal-interessi taċ-ċittadini fi ħdan il-parlamenti, bil-għan li jiġu promossi l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità aħjar tal-leġiżlazzjoni;
   (aj) li jieħdu nota u jiffaċilitaw il-ħidma marbuta mal-adeżjoni u mal-attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, inklużi l-attivitajiet tal-kumitati permanenti u d-delegazzjonijiet tiegħu, u bil-parteċipazzjoni tar-rapporteurs permanenti tal-Parlament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt il-proċess ta' skrutinju u fuq il-post;
   (ak) li jrawwmu r-riformi elettorali li jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti, kompetittivi u trasparenti fil-livelli ċentrali u lokali li jkunu ħielsa mill-intimidazzjoni u minn kampanji ta' diżinformazzjoni, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, u mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali; li jagħtu segwitu lill-implimentazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jikkontribwixxu għall-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew fir-reġjun;
   (al) li jħeġġu lill-parlamenti nazzjonali jużaw l-għodod ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, bħad-Djalogu Jean Monnet u d-Djalogu bejn il-Partijiet, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-ħidma politika dwar id-djalogu parlamentari u biex jissaħħu r-responsabilità, is-sorveljanza, l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva;
   (am) li jsaħħu u jassoċjaw mill-qrib lis-soċjetà ċivili fir-rwol tagħha bħala attur indispensabbli fil-proċessi ta' konsolidazzjoni demokratika, kooperazzjoni reġjonali u riformi relatati mal-adeżjoni, b'enfasi fuq forzi pro-Ewropej u prodemokratiċi fir-reġjun;
   (an) li jiżguraw li ċ-ċittadini u s-soċjetajiet tal-pajjiżi kandidati jkunu assoċjati iktar mill-qrib mal-proċess ta' adeżjoni u jibbenefikaw minnu; li jagħtu appoġġ u inkoraġġiment partikolari, f'dan il-qafas, lis-sezzjonijiet pro-Ewropej u prodemokratiċi tas-soċjetà, tal-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom;
   (ao) li jiżguraw li kull pass meħud jinkludi djalogu sostanzjali u komprensiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u ż-żgħażagħ sa mill-istadju bikri tat-teħid tad-deċiżjonijiet sal-fażi ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex ma jingħatax appoġġ u ma jiġux iffinanzjati strutturi ta' poter lokali anti-Ewropej eżistenti jew strutturi lokali b'reputazzjoni demokratika dubjuża, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp tal-valuri tal-UE, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti bħala l-pedament għal adeżjoni b'suċċess fl-UE;
   (ap) li jikkundannaw bil-qawwa l-kampanji ta' malafama, it-theddid u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-istabbilimenti tal-midja u jinsistu fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati simili, biex b'hekk jitħalla ambjent sikur għall-ġurnalisti, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni, ta' pressjoni politika u ekonomika fuq il-finanzjament tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-midja;
   (aq) li jappoġġjaw u jsaħħu attivament xenarju medjatiku demokratiku, indipendenti u diversifikat, kif ukoll ir-responsabilità u l-governanza tal-midja;
   (ar) li jżidu l-miżuri ta' appoġġ li jrawmu r-reżiljenza kontra diżinformazzjoni u kampanji tal-midja fixkiela, inkluż dawk imwettqa permezz ta' operazzjonijiet ta' influwenza barranija li jfittxu li jdgħajfu l-proċessi demokratiċi u s-sovranità tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll ir-rwol tal-UE fir-reġjun, permezz ta' gwerra ibrida;
   (as) li jippromwovu u jappoġġjaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki antidiskriminatorji u jinsistu fuq il-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda; li jħeġġu progress iktar mgħaġġel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fl-iżgurar tal-inklużjoni soċjali tal-minoranzi etniċi, nazzjonali u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBTQI+, b'attenzjoni speċjali għat-tfal, permezz tal-istabbiliment ta' politiki inklużivi li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
   (at) li jappellaw għal qafas ġuridiku iktar b'saħħtu għall-prevenzjoni u l-ġlieda attiva kontra l-femminiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u forom oħra ta' vjolenza domestika, inkluż billi jitfakkru l-obbligi taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u billi jittieħdu l-passi meħtieġa għar-ratifika tagħha; li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;
   (au) li jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-flussi tar-rifuġjati, u l-isforzi sostanzjali mwettqa mir-reġjun fl-għoti ta' kenn u ta' provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; li jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet dwar l-istatus bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex);
   (av) li jissottolinjaw is-sinifikat tal-kontribut tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-ħarsien tal-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġi intensifikat l-appoġġ Ewropew għall-ġestjoni tal-fruntieri fir-reġjun; li jsaħħu l-kapaċità tas-sistema ta' asil fir-reġjun f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR);
   (aw) li jenfasizzaw l-importanza kruċjali tad-dimensjoni soċjali u tal-koeżjoni soċjoekonomika u r-rwol ewlieni tagħha matul il-proċess ta' adeżjoni;
   (ax) li jiffokaw iktar fuq il-qerda tal-faqar, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-liġi tax-xogħol;
   (ay) li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jgħollu l-istandard tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, jippromwovu t-tkabbir u jimplimentaw l-acquis soċjali tal-UE, u jinkludu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħalma huma t-trade unions, il-kmamar tal-kummerċ u l-kmamar tax-xogħol fil-proċess tan-negozjati mas-sħab tal-UE;
   (az) li jindirizzaw l-eżodu ta' mħuħ bl-użu ta' miżuri konkreti bħall-promozzjoni ta' riformi edukattivi inklużivi ta' kwalità, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), filwaqt li jiżguraw li s-settur tal-edukazzjoni jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg fit-tul u sostenibbli għaż-żgħażagħ;
   (ba) li jappoġġjaw il-pjattaforma ta' djalogu reġjonali "Bridging the Gap" taħt il-Programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew, fl-isforz biex jiġi eliminat id-distakk bejn il-politika taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-deputati fil-Balkani tal-Punent, u li jħeġġu azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u l-implimentazzjoni ta' politiki ffukati fuq iż-żgħażagħ fir-reġjun kollu;
   (bb) li jippromwovu opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u jinvestu iktar fiż-żgħażagħ tar-reġjun biż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020 u bl-istabbiliment ta' programmi ġodda għall-mobilità intrareġjonali;
   (bc) li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' programmazzjoni dedikata tal-Kummissjoni Ewropea;
   (bd) li jintensifikaw l-assistenza għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bil-ħsieb li jtejbu l-liġijiet tagħhom dwar l-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima u jiżguraw li jkollhom il-kapaċità li jimplimentawhom f'konformità mal-istandards tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż bl-implimentazzjoni kompluta u rapida tal-obbligi internazzjonali tagħhom taħt it-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, b'kunsiderazzjoni tal-allinjament u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Unjoni dwar l-enerġija;
   (be) li jistiednu lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti dwar il-monitoraġġ, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma; li jiżguraw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi ex ante u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu garantiti l-iżvilupp ta' idroenerġija sostenibbli u tat-turiżmu, li jkunu bbilanċjati bi sforzi ta' konservazzjoni;
   (bf) li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija, iżidu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tas-sorsi ta' provvista, u jtejbu l-konnettività tal-infrastrutturi tal-enerġija u tan-networks diġitali;
   (bg) li jħeġġu t-tranżizzjoni tal-enerġija neċessarja lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli iktar nodfa u lil hinn mill-faħam u l-linjite, li jikkawżaw riskji soċjali u ta' saħħa serji għall-popolazzjonijiet lokali u għall-pajjiżi ġirien; li jinkludu lill-pajjiżi ta' adeżjoni tal-Balkani tal-Punent fil-proċessi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;
   (bh) li jfakkru li l-UE hija l-ikbar investitur barrani fir-reġjun, b'investiment ta' EUR 12,7-il biljun f'investiment dirett barrani bejn l-2014 u l-2018; li jistabbilixxu pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment li jkollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività, l-ambjent legali u tan-negozju, is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun kollu f'konformità mal-impenji li ttieħdu taħt il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiġi nnotat li t-tkabbir fil-Balkani tal-Punent qed inaqqas fir-ritmu wara perjodu qasir ta' rkupru ta' investiment fis-snin preċedenti u li l-kontribut tal-investiment u tal-esportazzjonijiet lejn it-tkabbir qed jonqos;
   (bi) li jippromwovu u jsaħħu l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif diġà implimentat fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u mmudellat fuq l-acquis tal-UE, u jappoġġjaw b'mod attiv l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-reġjun billi l-politiki tal-UE u s-suq intern jiġu estiżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent meta jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet;
   (bj) li jappoġġjaw inizjattivi bbażati fuq il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għal Żona Ekonomika Reġjonali (MAP REA) li ġie adottat mill-prim ministri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt is-summit ta' Trieste 2017, li jikkonsisti f'erba' pilastri – il-kummerċ, l-investiment, il-mobilità u l-integrazzjoni diġitali – li huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u biex titħaffef il-konverġenza mal-UE;
   (bk) li jappoġġjaw il-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);
   (bl) li jkomplu jappoġġjaw u joffru l-għajnuna meħtieġa malajr kemm jista' jkun biex jitwettqu l-proċessi ta' adeżjoni tas-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), billi jintlaqaw pożittivament l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sħubija fid-WTO li tressqu fl-1999 u fl-2005 rispettivament, u tiġi mfakkra l-importanza li s-sħubija fid-WTO għandha biex jinfetħu opportunitajiet tal-kummerċ u biex il-pajjiżi kandidati jersqu eqreb lejn is-sħubija fl-UE;
   (bm) li jiddefendu l-interessi tal-Unjoni billi jtaffu l-effett negattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ffirmati minn pajjiżi li jkunu applikaw għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u li jkunu ngħataw l-opportunità li jkollhom Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea, inkluż billi jiġi rivedut il-livell ta' assistenza pprovduta lil tali pajjiżi;
   (bn) li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
   (bo) li jagħtu prijorità għolja lir-reġjun taħt l-Istrateġija dwar il-Konnettività tal-UE, billi jenfasizzaw l-importanza li tiġi mtejba l-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun, u, b'mod partikolari, ir-rwol li din taqdi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ; li jappoġġjaw il-bini ta' kurituri ferrovjarji u tat-toroq Ewropej madwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura;
   (bp) li jlaqqgħu flimkien il-popli u l-ekonomiji tar-reġjun u tal-UE billi jintegraw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fin-networks TEN-T u TEN-E, u jassistu fil-garanzija ta' servizzi tat-trasport u tal-enerġija ta' kwalità u sikuri u jtejbu l-infrastruttura u l-konnettività globali fir-reġjun, kif ukoll bejn ir-reġjun u l-UE, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent;
   (bq) li jkomplu jħaffu l-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali għall-Balkani tal-Punent sabiex iċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali; li jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun itejbu l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' żvilupp għan-negozji ġodda u l-SMEs;
   (br) li jistabbilixxu skeda ta' żmien prevedibbli u jħaffu l-implimentazzjoni ta' żona reġjonali ħielsa mir-roaming u jniedu iktar tnaqqis fit-tariffi għall-komunikazzjonijiet mal-UE abbażi ta' kooperazzjoni u konnettività reġjonali fiżiċi u diġitali miżjuda;
   (bs) li jtejbu l-konsistenza, l-effiċjenza, il-viżibilità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna, biex b'hekk javvanzaw il-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti; li jallinjaw, fejn xieraq, il-finanzjament tal-IPA III mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
   (bt) li jiżguraw finanzjament ta' qabel l-adeżjoni adegwat, ġust u proporzjonali, ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati li jaqbel mal-bżonnijiet ta' trasformazzjoni tal-benefiċjarji u jgħinhom jissodisfaw l-obbligi ta' adeżjoni mal-UE; li jagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jkunu ta' benefiċċju għall-persuni tal-pajjiżi kkonċernati u jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji;
   (bu) li jikkoordinaw iktar mill-qrib il-kwistjonijiet ta' governanza ekonomika ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) u jtejbu l-kooperazzjoni reċiproka ħalli jiġu ssimplifikati l-isforzi ta' appoġġ u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-finanzjament;
   (bv) li jsaħħu l-kundizzjonalità bejn l-assistenza makrofinanzjarja u l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
   (bw) li jevitaw tnaqqis fil-finanzjament ġenerali tal-IPA li jista' jnaqqas ir-ritmu tar-riformi relatati mal-UE u jdgħajjef il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-objettiv strateġiku tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni u tħejjihom għall-obbligi ta' sħubija, u jillimita b'mod serju l-kapaċità li jiġu indirizzati sfidi diversi relatati mal-istat tad-dritt, ir-rikonċiljazzjoni, l-integrazzjoni reġjonali u t-tibdil fil-klima, filwaqt li r-reġjun jispiċċa jkun saħansitra iktar suxxettibbli għall-influwenza ta' atturi minn pajjiżi terzi; li jiżguraw appoġġ adegwat u kontinwu għas-soċjetà ċivili;
   (bx) li jiżguraw li l-IPA III jitmexxa minn prijoritajiet politiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini permezz ta' proġetti konkreti, u li l-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni jiġi allokat b'mod trasparenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju u li jkun ibbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni sodi, filwaqt li jitqies l-impenn tal-pajjiżi benefiċjarji fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress tagħhom;
   (by) li jsaħħu l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni permezz ta' mekkaniżmu ta' sospensjoni, li jiżgura koerenza mal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jikkomplementaw ir-Regolament IPA III permezz ta' "Djalogu Strateġiku" riformat u mtejjeb u jiżguraw li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat u kkonsultat fil-pront;
   (bz) li jirrispettaw ir-responsabilità demokratika billi jiżguraw l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju, is-sorveljanza u t-tmexxija strateġika tad-disinn, l-ipprogrammar u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-IPA III permezz ta' atti delegati;
   (ca) li jtejbu l-viżibilità ġenerali u l-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE fir-reġjun billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika sabiex iwasslu l-valuri tal-Unjoni u jaċċentwaw il-valur miżjud tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE; li jħejju strateġija ta' komunikazzjoni konġunta f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; li jiżviluppaw iktar fehim tal-benefiċċji tal-proċess ta' adeżjoni u tal-proċess ta' unifikazzjoni madwar il-kontinent Ewropew;
   (cb) li jinsistu fuq l-allinjament progressiv tal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u mal-politika kummerċjali komuni;
   (cc) li jżidu b'mod sinifikanti l-komunikazzjoni rigward l-għajnuna tal-UE, b'mod partikolari dwar l-appoġġ sostanzjanli li l-UE pprovidet lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u li jiżguraw li l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna ma jxerrdux diżinformazzjoni u retorika negattiva rigward ir-rispons tal-UE għall-COVID-19;
   (cd) li jfaħħru l-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) mal-UE;
   (ce) li jikkundannaw l-azzjonijiet ta' pajjiżi terzi intiżi biex jiddistabbilizzaw u jdgħajfu l-governanza demokratika fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;
   (cf) li jkomplu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-propaganda Russa;
   (cg) li jagħtu segwitu lis-Summit tal-2020 bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent bil-għan li jevalwaw u jivvalutaw mill-ġdid il-proċess ta' tkabbir u jipprovdu impetu ġdid għat-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;
   (ch) li jimplimentaw b'ħeffa il-metodoloġija ta' tkabbir riveduta għal tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' adeżjoni, u jibnu fuq is-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Zagreb, biex jadottaw oqfsa ta' negozjar u jlaqqgħu konferenzi intergovernattivi li jkollhom l-għan li jnedu taħdidiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq;
   (ci) jenfasizza l-15-il kundizzjoni, deċiżi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li l-Albanija teħtieġ li tissodisfa qabel l-ewwel konferenza intergovernattiva tagħha mal-Istati Membri tal-UE;
   (cj) li jsostnu l-kooperazzjoni mar-Renju Unit fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jikkunsidraw ir-rabtiet Brittaniċi mar-reġjun, kif ukoll l-objettivi komuni, mill-avvanz tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u objettivi u għanijiet oħra tal-missjonijiet tal-PSDK;
   (ck) li jintensifikaw id-djalogu politiku ta' livell għoli permezz ta' summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent;
   (cl) li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Tematika tal-Appoġġ tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Pajjiżi tal-Viċinat u tat-Tkabbir (2010-2017), flimkien mal-adozzjoni fil-pront ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza t-tħassib serju dwar l-istat tad-dritt permezz ta' mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u riversibilità;
   (cm) li jkomplu l-ħidma fuq l-appoġġ sinifikanti mogħti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-ħtiġijiet immedjati ta' saħħa u umanitarji minħabba l-COVID-19;
   (cn) li jkomplu jappoġġaw lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent fil-koordinazzjoni tar-rispons u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19, u li jallinjaw il-miżuri fi ħdan il-pakkett komuni ta' emerġenza ekonomika mħejji flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
   (co) li jiżguraw li l-QFP kurrenti u tal-ġenerazzjoni li jmiss, flimkien mal-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-irkupru ta' wara l-COVID-19, u jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni permezz ta' konnessjonijiet diġitali, tal-enerġija u tat-trasport imtejba u sostenibbli;
   (cp) li jiggarantixxu li l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent ma jiġix iffinanzjat prinċipalment permezz tal-fondi tal-IPA eżistenti, biex b'hekk potenzjalment jiġi assorbit finanzjament minn politiki u programmi importanti oħrajn; li jaraw li dan il-pjan jikkonforma bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari mal-mira tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE;
   (cq) li jagħtu prijorità lill-Balkani tal-Punent fil-Garanzija għall-Azzjoni Esterna l-ġdida u fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD+) skont l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jiżguraw żieda doppja fil-forniment ta' għotjiet permezz tal-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent bil-għan li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, il-konnettività, id-diġitalizzazzjoni, l-aġenda ekoloġika, u l-investimenti soċjali, u biex jżidu sostanzjalment il-garanziji finanzjarji ta' appoġġ għall-investiment pubbliku u privat fir-reġjun permezz tal-Istrument ta' Garanzija;
   (cr) li jestendu l-ambitu ġeografiku tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li diġà jkopri l-kriżijiet ta' saħħa pubblika, għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ta' adeżjoni.

(1) ĠU C 47, 11.2.2020, p. 15.
(2) CDR 2727/2019.
(3) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 142.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0299.
(5) Testi adottati, P9_TA(2019)0050.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0010.


Turiżmu u trasport fl-2020 u lil hinn
PDF 186kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn (2020/2649(RSP))
P9_TA(2020)0169RC-B9-0166/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-turiżmu huwa attività ekonomika trasversali b'impatt mifrux fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u sostenibbli;

B.  billi s-settur tat-turiżmu jimpjega 22,6 miljun ruħ, jiġifieri 11,2 % tal-impjiegi totali tal-UE, ikkontribwixxa 9,5 % għall-PDG tal-UE fl-2019, jgħin biex jippromwovi struttura reġjonali bbilanċjata, u għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali; jinnota li mill-inqas 6,4 miljun impjieg fl-UE jinsabu f'riskju;

C.  billi t-turiżmu, u speċjalment it-turiżmu eċċessiv, bħall-attivitajiet kollha tal-bniedem, għandu impatt fuq it-tibdil fil-klima, kif ukoll impatti ambjentali u ekonomiċi bħal żieda fit-tniġġis, telf tal-bijodiversità, konġestjoni, spejjeż tal-manutenzjoni tal-infrastruttura u żieda fil-prezzijiet; billi, madankollu, is-settur huwa impenjat li jħaffef il-progress lejn żvilupp turistiku sostenibbli u li jiżgura li dan jikkontribwixxi għall-miri klimatiċi Ewropej u internazzjonali permezz ta' inizjattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet;

D.  billi t-turiżmu huwa magħmul minn katina tal-valur kumplessa li tinvolvi ħafna partijiet ikkonċernati b'rabta diretta mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri;

E.  billi, fost is-setturi ekonomiċi ewlenin kollha, is-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu kienu dawk li ġew affettwati l-agħar mill-COVID-19, b'qgħad fuq skala kbira li jaffettwa, b'mod partikolari, il-ħaddiema staġunali u dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

F.  billi s-siti u l-postijiet kulturali, il-festivals u l-mużewijiet ġew milquta partikolarment ħażin mill-kriżi tas-saħħa, u erba' minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi ta' xi jkollha x'toffri f'termini ta' kultura;

G.  billi bl-adozzjoni tal-komunikazzjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550) u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport fit-13 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass li kien hemm bżonn biex tappoġġja l-irkupru tas-setturi prezzjużi tagħna tat-trasport u t-turiżmu mit-tifqigħa tal-COVID-19;

H.  billi għaddew għaxar snin mindu l-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni bit-titlu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352) f'Ġunju 2010, li stabbiliet strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu tal-UE;

I.  billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-UE ngħatat kompetenzi ta' appoġġ bil-ħsieb li tikkoordina u tikkomplementa l-azzjoni mill-Istati Membri f'dan il-qasam(1);

Il-pjanijiet ta' rkupru tat-turiżmu u t-trasport Ewropej wara t-tifqigħa tal-COVID-19

1.  Jemmen li huma meħtieġa kemm appoġġ rapidu fuq terminu qasir kif ukoll appoġġ fuq terminu twil lis-setturi tat-trasport u t-turiżmu sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li miżuri ta' implimentazzjoni li jagħtu lit-turisti l-fiduċja li jerġgħu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa u fi ħdanha huma fundamentali biex jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf addizzjonali fis-settur, kif ukoll għas-sostenibbiltà aktar fit-tul tiegħu; jisħaq li l-kriżi attwali tirrappreżenta wkoll opportunità storika biex jiġi mmodernizzat it-turiżmu fl-UE u jsir aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, filwaqt li jibda jitqies bħala ekosistema industrijali b'miri ta' investiment, kapital uman, ħtiġijiet ta' innovazzjoni teknoloġika u indikaturi tal-prestazzjoni, kif ukoll settur ewlieni li jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda ta' newtralità klimatika għall-2050;

2.  Jissottolinja li fil-kriżi attwali, meta ħafna kumpaniji tat-trasport qed jitħabtu biex iżommu fil-wiċċ, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura tat-trasport strateġiku fil-livell tal-UE; jisħaq, barra minn hekk, li l-pjanijiet ta' rkupru għat-trasport, flimkien ma' appoġġ immirat lejn is-salvagwardja tas-setturi tat-trasport eżistenti, għandhom ikunu ffukati fuq opportunitajiet ta' tkabbir innovattivi;

3.  Jilqa' l-komunikazzjoni bit-titlu "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19" adottata mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett, u l-proposta għal approċċ b'fażijiet u kkoordinat, bl-għan li nerġgħu lura għall-moviment liberu tal-persuni, mingħajr restrizzjonijiet; jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex tiġi definita r-rata ta' livell ta' trażmissjoni baxx biżżejjed, u li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' tali rata fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-hekk imsejjaħ "rilanċ tat-turiżmu" b'rakkomandazzjoni li tagħmel enfasi fuq "turiżmu sostenibbli", u li n-negozji u d-destinazzjonijiet iċċertifikati b'mod kredibbli jsiru l-protagonisti ta' vjaġġar u turiżmu li jirrispettaw l-ambjent, ikunu soċjalment responsabbli u jkunu b'saħħithom ekonomikament; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiżgura l-fluss kontinwu ta' prodotti fl-UE kollha – b'mod speċjali ikel u apparat mediku – u l-inizjattivi kollha mmirati biex jiżguraw il-funzjonament sħiħ tas-suq intern tal-UE mingħajr kontrolli u dewmien mhux ġustifikati;

4.  Itenni l-importanza tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fit-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet domestiċi u transfruntiera, kif ukoll tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE, u jenfasizza l-importanza li jiġu evitati ftehimiet bejn Stati Membri individwali (l-hekk imsejħa kurituri turistiċi), li jkomplu jkollhom impatt fuq l-ekonomija ta' dawk l-Istati Membri li ġew affettwati partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, u notevolment is-settur tat-turiżmu tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li diversi Stati Membri reċentement imponew miżuri unilaterali li jistgħu mhux biss ixekklu l-funzjonament tas-suq uniku u jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE, iżda jafu jkunu wkoll daqqa ta' ħarta ulterjuri għat-turiżmu u l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timpedixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri diskriminatorji u nonepidemjoloġiċi mill-Istati Membri, li jiskreditaw l-integrità taż-żona Schengen u jimpedixxu l-irkupru rapidu tal-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar u t-turiżmu;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-appoġġ u l-promozzjoni ta' żoni turistiċi fl-UE permezz ta', fost l-oħrajn, offerti attraenti għall-viżitaturi, dejjem jekk il-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi, soċjali u tas-saħħa fiż-żoni rispettivi jippermettuh; jemmen li huwa essenzjali li r-rekwiżiti kollha tas-saħħa, tal-iġjene u tas-sanità, bħall-miżuri tat-tbegħid soċjali, jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ kemm min-negozji kif ukoll mill-klijenti tagħhom, sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet sikuri għall-viżitaturi; jappella biex jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni uniformi fl-UE sabiex jiġu indikati ż-żoni li jirrappreżentaw ambjenti sikuri għad-dħul u l-ħruġ tat-turisti; jappoġġja l-ħtieġa li jiġu infurzati u miżmuma l-ogħla livelli ta' sikurezza u sigurtà, li għalihom jistgħu jintużaw tekonoloġiji diġitali interoperabbli (pereżempju, sit web iddedikat tal-Kummissjoni, jew bl-użu ta' Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali), bl-għan li tingħata għajnuna lill-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u lit-turisti nfushom, waqt li jiġu rispettati d-drittijiet ta' privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-individwi; jenfasizza li għandha tiġi żviluppata sistema ta' twissija bikrija li twissi lit-turisti b'mod effiċjenti dwar kwalunkwe theddida potenzjali għas-saħħa fid-destinazzjoni tagħhom, biex il-protokolli ta' kwarantina u evakwazzjoni jkunu immedjati u effettivi;

6.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-vjaġġaturi internazzjonali għas-settur tat-turiżmu tagħna; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-UE jistgħux jitneħħew, mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza pubblika, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika f'kull pajjiż terz rispettiv u jaħdmu għar-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri protettivi kontra l-COVID-19, speċjalment fl-avjazzjoni, skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u d-dokument konġunt mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bit-titolu "COVID-19 Aviation Guidelines for the management of air passengers and aviation personnel in relation to the COVID-19 pandemic" (Linji gwida tal-Avjazzjoni fil-kuntest tal-COVID-19 għall-ġestjoni tal-passiġġieri tal-ajru u l-persunal tal-avjazzjoni b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19) għal bidu mill-ġdid sikur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tagħhom;

7.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ħaddiema transfruntiera u staġunali għall-forniment ta' servizzi fis-settur tat-turiżmu bħala komponenti ewlenin tal-isforz għall-irkupru ekonomiku, u jappella għal miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu l-mobilità tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, inkluża l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

8.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "COVID-19: Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività" kif ukoll il-gwida bbażata fuq qafas ta' prinċipji u sett ta' għodod komuni li jgħinu biex jerġgħu jibdew is-servizzi tat-trasport ta' kull xorta fl-UE kollha billi jittieħdu miżuri kkoordinati, nondiskriminatorji u proporzjonati;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu dwar miżuri temporanji, proporzjonati u nondiskriminatorji, li jkunu konformi mal-evidenza xjentifika, biex jiffaċilitaw tranżitu u ċaqliq sikuri bejn pajjiż u ieħor, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju robusta, u f'konformità ma' standards internazzjonali definiti minn korpi bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC); jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE biex jerġa' jibda l-ivvjaġġar fl-UE u mad-dinja; jenfasizza, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konteniment, kif ukoll it-tnaqqis ta' dawn il-miżuri, ma jridu qatt iwasslu għal tnaqqis fil-livelli għolja tal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza u s-sigurtà fit-trasport;

10.  Jissottolinja li l-iskrinjar huwa mezz effikaċi biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u tissaħħaħ il-fiduċja f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li jsir it-tbegħid soċjali, dejjem jekk ikunu disponibbli metodi ta' skrinjar rapidi, affidabbli u affordabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-ECDC u mal-Istati Membri, regolarment tevalwa l-eżistenza ta' testijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u, meta jkunu disponibbli, jitwettaq akkwist ikkoordinat biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet u prezz possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-għodod ta' finanzjament kollha disponibbli biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu ttestjati mingħajr ħlas;

11.  Jenfasizza li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri għandhom jitneħħew għar-reġjuni, iż-żoni u l-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom qed titjieb u hija simili biżżejjed, ġaladarba jkunu ġew stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni tagħha; jisħaq li t-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika huwa essenzjali biex jerġa' jkun hemm ivvjaġġar u t-trasport sikuri u biex jerġgħu jibdew is-servizzi turistiċi; jappella lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, tesplora l-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-miżuri ta' skrinjar tas-saħħa bħal testijiet dijanjostiċi (pereżempju, testijiet seroloġiċi jew swabs) u kontrolli tat-temperatura tal-passiġġiera li jitilqu miċ-ċentri tat-trasport; jitlob li jiġu stabbiliti standards u protokolli dettaljati għal miżuri tal-iġjene komuni għad-diversi modi ta' trasport; iqis li kull operatur tat-trasport għandu japplika miżuri uniformi b'mod armonizzat sabiex ikun hemm prevedibbiltà u ċarezza; iqis li l-protokolli operattivi tekniċi għandhom isiru prerekwiżit għal vjaġġar sikur;

12.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "COVID-19: Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu din il-gwida mal-awtoritajiet kompetenti fil-livelli reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jappoġġjaw finanzjarjament lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'kooperazzjoni sħiħa mal-industrija tat-turiżmu u l-ivvjaġġar u f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq siġill tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u protokolli tas-saħħa ċari u effikaċi, tiggarantixxi li l-faċilitajiet tat-turiżmu, l-istabbilimenti turistiċi u l-operaturi tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards ta' iġjene u sikurezza, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi bbażati fuq il-gwida tal-UE, ittejjeb il-fiduċja, is-sigurtà u s-sikurezza għall-vjaġġaturi li jżuru l-Istati Membri tal-UE u trawwem l-irkupru tas-settur;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli komuni tal-UE dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-vouchers maħruġa b'rabta mal-COVID-19 filwaqt li jinżam livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, dejjem bil-kundizzjoni tal-aċċettazzjoni volontarja tagħhom min-naħa tal-konsumaturi u mingħajr ma jiġi affettwat l-obbligu tal-kumpaniji li jirrimborżaw lill-vjaġġaturi fiż-żmien previst skont id-dritt tal-UE, sabiex il-vouchers isiru aktar flessibbli u allura aktar attraenti u vijabbli u biex tiġi evitata implimentazzjoni frammentata oħra li twassal għat-trattament differenti tal-konsumaturi u għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport u tat-turiżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura infurzar xieraq u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u tippromwovi l-użu ta' regoli armonizzati dwar il-vouchers volontarji;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li telabora, abbażi tal-esperjenza tal-kriżi COVID-19 u ta' skemi simili tal-Istati Membri, skema Ewropea ta' Garanzija tal-Ivvjaġġar għall-kumpaniji li tiżgura likwidità finanzjarja b'tali mod li l-vjaġġaturi jingħataw garanziji dwar rifużjonijiet kif ukoll spejjeż ta' ripatrijazzjoni, flimkien ma' kumpens ġust għal kull dannu mġarrab f'każ ta' falliment; huwa tal-opinjoni li, barra minn hekk, il-vjaġġaturi għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tvara kampanja ta' komunikazzjoni ddedikata dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu f-UE, inkluż permezz ta' app ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li jkollha l-għan li tippromwovi l-ivvjaġġar fi ħdan l-UE, terġa' tistabbilixxi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-ivvjaġġar u t-turiżmu matul il-COVID-19, teduka t-turisti dwar il-miżuri ta' saħħa u sikurezza fis-seħħ u tibni valuri sostenibbli u tal-koeżjoni permezz ta' "Marka tat-Turiżmu tal-UE"; jappella biex il-kunċett ta' "destinazzjoni sikura u intelliġenti" jkun ċentrali għall-iżgurar tal-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli;

17.  Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-istabbiliment ta' soll, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika u data affidabbli u uniformi, għas-sikurezza u s-sigurtà meta jitneħħew jew jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u li għandhom jitħejjew livell xieraq ta' monitoraġġ u pjan ta' azzjoni għal kwalunkwe żvilupp negattiv rigward ix-xenarju epidemjoloġiku; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta' ħruġ gradwali proposta biex noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw sabiex jistabbilixxu linji gwida ċari u pjanijiet ta' azzjoni ta' tħejjija għat-tieni mewġa potenzjali tal-pandemija kemm jista' jkun malajr, billi jindirizzaw il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-miżuri ta' kontroll għall-ivvjaġġar u t-turiżmu, peress li, skont il-projezzjonijiet, din is-sena l-miżuri estiżi ta' għeluq jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' 16 % fil-PDG;

19.  Jilqa' l-programm SURE, li jgħin lill-Istati Membri jkopru l-ispejjeż ta' skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili li jippermettu lill-kumpaniji jissalvagwardjaw l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet, it-taħriġ tal-ħiliet diġitali u l-inizjattivi ta' appoġġ għall-impjiegi, li se jipprevjenu t-telf kontinwu ta' impjiegi u l-inugwaljanzi soċjali minħabba l-pandemija;

Solidarjetà u koordinazzjoni mtejba fis-settur tat-turiżmu tal-UE

20.  Jenfasizza l-importanza li ngħaddu għal politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tal-kompetittività tal-Unjoni f'dan is-settur, għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u għall-ħolqien ta' possibbiltajiet ta' aktar investimenti u innovazzjonijiet fis-settur; ifakkar fl-importanza li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda fil-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għas-servizzi turistiċi, bl-għan li jitneħħew u jiġu evitati kontradizzjonijiet u duplikazzjonijiet regolatorji, bl-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni li jaffettwaw is-settur tat-turiżmu;

21.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li torganizza summit Ewropew dwar it-turiżmu bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-industrija, ir-reġjuni, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati, sabiex issir riflessjoni dwar it-turiżmu Ewropew ta' għada, u jappoġġja l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għall-2050 lejn ekosistema Ewropea tat-turiżmu li tkun sostenibbli, innovattiva u reżiljenti ("Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050"); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu fl-UE fl-2021 abbażi tal-eżitu ta' dan id-djalogu sabiex tinżamm il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ewlenija permezz tal-"Marka tat-Turiżmu tal-UE"; jenfasizza li din l-istrateġija fuq terminu twil trid tinkludi pjan għad-diġitalizzazzjoni tas-settur u skemi għar-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi; jenfasizza li l-istrateġija trid tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur billi tadatta l-proċessi u ġġedded l-infrastrutturi u l-faċilitajiet; jissottolinja li l-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib l-implementazzjoni xierqa tagħha;

22.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprevedi flessibbiltà fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinsisti, madankollu, fuq il-bżonn ta' proġetti vijabbli, kompetittività u standards soċjali u ekoloġiċi kif ukoll gwida ċara u speċifika għas-settur fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu biex ikun hemm lok għal koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kollha, u li jiġi żgurat li l-iskemi ta' kumpens nazzjonali jintużaw b'mod ġust, f'waqtu u proporzjonat u jkunu fis-seħħ għal tul ta' żmien limitat, bil-għan li jiġi indirizzat it-telf ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, mingħajr tgħawwiġ indebitu tal-kompetizzjoni;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet trasversali relatati mat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi Strateġija tal-UE għat-Turiżmu li tinkludi pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat b'objettivi fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil, inklużi l-miri tan-NU dwar l-iżvilupp sostenibbli, u li tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi ċari, strateġiċi u orjentati lejn ir-riżultati; jinsisti li, f'koordinazzjoni mal-Parlament u l-Istati Membri, għandha tiġi adottata strateġija xierqa għal turiżmu sostenibbli li tinkludi l-miżuri li għandhom jiġu applikati u osservati mill-Istati Membri kollha kif ukoll mill-industriji u t-turisti;

24.  Jenfasizza li l-proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE mressqa mill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2020, li tinkludi baġit fit-tul aktar b'saħħtu għall-UE (il-QFP 2021-2027) u strument ta' rkupru ġdid ta' EUR 750 biljun li għandu jkun marbut mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u mar-rispett tal-istandards ekoloġiċi u soċjali, iservi ta' bażi tajba għal aktar negozjati; jilqa' l-fatt li t-turiżmu ġie rikonoxxut bħala waħda mill-aktar attivitajiet ekonomiċi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19; jinnota li l-istrument ta' rkupru l-ġdid, Next Generation EU, jindika li fit-tieni kwart tal-2020 it-turiżmu jaf jara tnaqqis ta' aktar minn 70 % fil-fatturat, mentri l-ħtiġijiet ta' investiment bażiċi fit-turiżmu, li jammontaw għal EUR 161 biljun, jikklassifikaw fl-ewwel post fost id-diversi ekosistemi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-importanza dovuta lis-settur tat-turiżmu fil-pakkett ta' rkupru u toħroġ linji gwida biex tiżgura aċċess rapidu għall-fondi – bla xkiel minn piżijiet amministrattivi sproporzjonati – fl-ambitu kemm tal-programmi attwali kif ukoll ta' dawk li ġejjin; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-investiment f'dan is-settur permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tkun qed tippermetti l-iżvilupp ta' strateġija għal settur turistiku sostenibbli, flessibbli u kompetittiv madwar l-UE; iqis li l-pjan ta' rkupru tal-UE jrid ikun fih il-possibbiltà li s-settur turistiku jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali skont is-sehem li s-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jikkontribwixxi għall-PDG ta' Stat Membru;

25.  Jiddeplora n-nuqqas ta' linja baġitarja ddedikata għat-turiżmu sostenibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (il-QFP 2021-2027), u jiddispjaċih li fil-preżent ma jeżistix strument finanzjarju konkret u mmirat biex is-settur jiġi megħjun jirkupra f'qasir żmien; jenfasizza li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' trattament speċjali u miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi (RUPs) u r-reġjuni insulari;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'urġenza lin-negozji u l-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, fis-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu, u speċjalment lill-SMEs, inklużi n-negozji makro u n-negozji tal-familja, fil-ġestjoni tal-likwidità tagħhom, jgħinuhom iżommu l-impjiegi u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn; jitlob, barra minn hekk, li fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali, jiġi żviluppat qafas Ewropew għall-ħaddiema tul il-katina tal-valur kollha tal-industrija tat-turiżmu, li jkun ikopri kull tip ta' ħaddiema;

27.  Jitlob strateġija Ewropea riveduta għall-SMEs li tqis l-impatt tal-COVID-19 fuq l-SMEs u tressaq inizjattivi ta' rkupru konkreti bi pjan direzzjonali biex tappoġġjahom billi titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzi u jitrawmu investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi, f'konformità ma' politika industrijali Ewropea bbażata fuq l-ekosistemi, il-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni diġitali; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex jiġu osservati l-miżuri l-ġodda tas-saħħa u s-sikurezza, filwaqt li jiġu previsti investimenti sostanzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza tal-konsumaturi u r-rispett tat-tbegħid soċjali u ta' miżuri ta' prekawzjoni rilevanti oħra; jenfasizza l-importanza li jinħolqu networks u raggruppamenti fl-UE kollha, li potenzjalment iwasslu għal armonizzazzjoni tal-aħjar prattiki, strateġiji u sinerġiji fis-settur tal-SMEs;

28.  Jenfasizza li eluf ta' kumpaniji, partikolarment SMEs, qed jitħabtu biex jibqgħu fil-wiċċ, u ħafna minnhom qed jiffaċċjaw insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-iżviluppi u jivvalutaw il-possibbiltà ta' appoġġ ta' emerġenza aktar b'saħħtu fir-rigward tal-istrumenti diġà mħabbra, billi jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat il-falliment tan-negozji;

Lejn settur turistiku tal-UE li jibqa' validu fil-futur

29.  Jenfasizza li s-settur turistiku jiddependi ħafna fuq is-settur tat-trasport, u għaldaqstant it-titjib tal-aċċessibbiltà, is-sostenibbiltà u l-konnettività tal-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza fis-setturi kollha tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar u fuq il-passaġġi tal-ilma interni), ikollu impatt sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-settur turistiku tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fil-kuntest tas-sena 2021 bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-modi ta' vvjaġġar alternattivi sostenibbli kollha;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu modi ta' vvjaġġar sostenibbli, pereżempju billi jingħata aktar appoġġ lill-infrastruttura taċ-ċikliżmu turistiku u l-ferroviji ta' billejl; jisħaq fuq il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali li mezzi tat-trasport sostenibbli bħar-roti jista' jkollhom għat-turiżmu, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinvesti fl-infrastruttura ċiklistika biex tiffaċilita turiżmu bħal dan;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network ta' infrastruttura żviluppata, moderna, sikura u sostenibbli, sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fl-UE kollha, u li l-Istati Membri periferiċi jsiru aktar aċċessibbli għat-turiżmu intra-Ewropew u internazzjonali; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tappoġġja r-riintroduzzjoni ta' konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera neqsin, tkompli twettaq kontrolli tal-idoneità fuq in-network tal-infrastruttura eżistenti u tipproponi miżuri addizzjonali immedjati għaż-żoni l-inqas avvanzati u l-inħawi remoti, li sikwit ikollhom l-inqas networks żviluppati u jirrikjedu attenzjoni partikolari; jinnota li r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u terz tal-popolazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jkollhom ippjanar adegwat għat-tlestija tat-TEN-T ewlieni kollu sal-2030 u n-networks komprensivi sal-2050, b'indikazzjoni tal-iskeda u d-disponibbiltà baġitarja, u b'enfasi partikolari fuq it-taqsimiet transfruntiera, speċjalment fl-Istati Membri li mhux qed jagħmlu progress f'dawn l-oqsma; jirrimarka li dan jinkludi l-proġett tant meħtieġ tal-Ajru Uniku Ewropew, li, għalkemm ilu wieqaf fil-livell tal-UE għal ħafna snin, iġib miegħu sikurezza, effiċjenza u sostenibbiltà għall-avjazzjoni Ewropea minnufih;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet (CMM) għas-settur turistiku tal-UE, sabiex ikun hemm risposta adegwata u rapida mhux biss għat-tifqigħa attwali tal-COVID-19, iżda anke sabiex issir tħejjija għal sfidi futuri ta' natura u daqs simili; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal skarsezzi finanzjarji b'terminu ta' żmien qasir u anke li jiġu previsti oqfsa u strateġiji b'terminu ta' żmien medju u twil; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida msejsa fuq l-aħjar prattiki fis-settur tat-turiżmu f'każ ta' kriżi fuq skala kbira, bħalma hi l-pandemija attwali, u tiffaċilita l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' pjattaformi online adegwati fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki u jikkondividu informazzjoni;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi skema Ewropea ġdida ta' turiżmu inklużiv ibbażata fuq il-mudell tal-inizjattiva Calypso, li tippermetti lill-gruppi soċjali vulnerabbli jużaw vouchers turistiċi nazzjonali fi stabbilimenti assoċjati fi Stati Membri oħra li joffru wkoll programm ta' turiżmu soċjali liċ-ċittadini tagħhom; jinnota li bosta Stati Membri qegħdin jimplimentaw programmi bħal dawn b'riżultati tajbin ħafna u jemmen li tkun xi ħaġa pożittiva ferm jekk dawn l-iskemi jsiru interoperabbli fil-livell tal-UE;

34.  Jirrimarka l-importanza ta' approċċ komuni min-naħa tal-UE għas-salvagwardja tal-kompetittività tas-settur billi ttejjeb l-istrateġija komunikattiva tagħha fil-konfront taċ-ċittadini; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-UE fil-koordinazzjoni tas-settur turistiku, li għandu jittejjeb billi jittieħdu miżuri b'valur miżjud għall-UE u jkompli jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jitlob tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u fiskali mhux ġustifikati, appoġġ għall-ħolqien tan-negozji, u promozzjoni tal-bejgħ u s-servizzi transfruntiera;

35.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO);

36.  Iqis li t-teknoloġiji l-ġodda u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni jistgħu jagħtu spinta konsiderevoli biex is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jsiru aktar attraenti, u li pjattaformi favorevoli u mudelli kummerċjali ġodda jistgħu jsaħħu t-tkabbir, il-kompetittività u l-prosperità tas-settur; jemmen, għalhekk, li t-taħriġ regolari kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema eżistenti fis-settur huma tal-akbar importanza, b'enfasi speċifika fuq il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji innovattivi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li, filwaqt li tinżamm il-protezzjoni b'saħħitha tal-fruntieri Ewropej, jinħoloq proċess ta' applikazzjoni għall-viża online bħala mezz biex jiġi attirat fluss akbar ta' turisti internazzjonali lejn l-Ewropa; jinnota li t-tifqigħa tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li titħaddan l-innovazzjoni u li ssir kunċettwalizzazzjoni ġdida tal-mod kif jingħataw is-servizzi, inklużi dawk li jintensifikaw il-kuntatt bejn il-persuni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina l-possibbiltajiet ta' proċeduri ta' aċċess remot permezz ta' viżi elettroniċi, bi prezz baxx u effiċjenti fil-ħin, għad-destinazzjonijiet turistiċi tal-Ewropa għal ċittadini bona fide minn pajjiżi terzi li jeħtieġu viża u li d-data bijometrika tagħhom tinġabar xorta ladarba s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ tkun bdiet topera kompletament;

38.  Jirrimarka l-importanza tal-promozzjoni ta' turiżmu sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi naturali u l-bijodiversità, kif ukoll għat-tkabbir u l-kompetittività, billi jibni fuq mudelli kummerċjali ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-fondi tal-UE min-naħa tal-partijiet ikkonċernati fit-turiżmu, b'mod partikolari l-operaturi ż-żgħar tas-settur tal-ospitalità fl-oqsma kollha tas-suq, li għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ partikolari; jafferma li tali finanzjament għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi turistiċi sostenibbli, innovattivi u ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà, l-ivvjaġġar barra l-istaġun u d-dispersjoni ġeografika tal-flussi turistiċi; jemmen li jrid ikun hemm appoġġ u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex titjieb l-amministrazzjoni tat-turiżmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, fost l-oħrajn billi tiġi introdotta ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà turistika; jenfasizza l-importanza li titrawwem bidla minn turiżmu eċċessiv għal forom oħra ta' turiżmu kulturali u sostenibbli li jirrispettaw l-ambjent u l-wirt kulturali tagħna;

39.  Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu għal ċerti pajjiżi u żoni ġeografiċi tal-UE fejn is-servizzi relatati mat-turiżmu sikwit ikunu fattur importanti biex jiġu żgurati l-impjiegi u huma fost is-sorsi ta' introjtu ewlenin għall-popolazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri mfassla apposta meta jiġu riintrodotti l-moviment liberu u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer u l-Ewropa kontinentali; jirrimarka li korsiji ta' konnessjoni speċifiċi u appoġġ finanzjarju u amministrattiv addizzjonali huma tal-akbar importanza għal dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq l-aspett kostali u marittimu fl-istrateġija u l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tat-turiżmu, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u għodod ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll li jissaħħaħ il-funzjonament tas-swieq rilevanti, bl-istabbiliment ta' politiki mfassla apposta f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati fid-destinazzjoni; ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ lin-negozji tal-familja li jiżviluppaw is-swieq lokali jew reġjonali u jippromwovu t-turiżmu lokali, għax dawn jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti mill-impjiegi fis-settur privat Ewropew u jikkostitwixxu l-inkubaturi naturali ta' kultura intraprenditorjali;

40.  Ifakkar li t-turiżmu kulturali jirrappreżenta 40 % tat-turiżmu Ewropew kollu u li 68 % tal-Ewropej jgħidu li l-preżenza tal-wirt kulturali, li jinkludi r-rotot kulturali, fosthom ir-Rotta ta' San Ġakbu ("Camino de Santiago"), li fl-2021 se tiċċelebra l-Ġubilew jew is-Sena Ġakubina, għandha influwenza fuq l-għażla tad-destinazzjoni tal-btala tagħhom(2); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi strateġiċi u operattivi ċari u orjentati lejn ir-riżultati fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura li jmiss u ttejjeb il-qafas strateġiku attwali għall-kultura; jenfasizza li l-investimenti fis-siti kulturali għandhom jitqiesu u jiġu ttrattati bħala riżorsa għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir fil-livell lokali, mingħajr ma jintesa l-valur intrinsiku tagħhom bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, li jeħtieġ jitħares speċjalment mit-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-siti kulturali ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' skemi ta' finanzjament li jibnu fuq fondi privati; jitlob ukoll għall-żieda fil-baġit għal Discover EU, programm li għandu l-potenzjal li jagħti spinta konsiderevoli lit-turiżmu taż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet kulturali li jibbenefikaw minn għajnuna pubblika matul dan il-perjodu ta' rkupru, peress li dawn iridu jiżguraw is-sikurezza tal-viżitaturi u jsostnu l-mudell ekonomiku tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni ssib mekkaniżmi alternattivi ta' appoġġ għall-ħaddiema kulturali li jiddependu ħafna fuq turiżmu funzjonali;

41.  Jenfasizza l-benefiċċji tat-turiżmu rurali u agroekoloġiku, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi u tappoġġja inizjattivi li jiġġeneraw sorsi ta' introjtu addizzjonali għaż-żoni rurali, joħolqu opportunitajiet ta' xogħol, iwaqqfu d-depopolazzjoni u jżidu l-benefiċċji soċjali; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), speċjalment il-programm LEADER, fl-appoġġ għall-inizjattivi turistiċi lokali u rurali, u jitlob li dan il-programm jiġi ffinanzjat b'mod adegwat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027; iqis li l-agrituriżmu fiż-żoni rurali għandu jissaħħaħ sabiex jiġu diversifikati s-sorsi ta' dħul tal-bdiewa, b'mod partikolari dawk li għandhom azjendi agrikoli żgħar, u b'hekk jiġu evitati l-abbandun tal-art u d-depopolazzjoni u tiġi appoġġjata l-ekonomija rurali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi riżervata allokazzjoni speċifika għall-agrituriżmu, li għandu rwol essenzjali fid-diversifikazzjoni tad-dħul tal-bdiewa u fl-iżvilupp taż-żoni rurali;

42.  Jirrimarka l-importanza tat-turiżmu tas-saħħa, li jinkludi t-turiżmu mediku, tal-benessri u termali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun il-waqt, tippromwovi t-turiżmu tal-kura tas-saħħa preventiva, il-balneoloġija, it-turiżmu tal-muntanja u t-turiżmu mediku sostenibbli fil-livell Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment ulterjuri fit-titjib tal-infrastruttura tat-turiżmu sostenibbli u l-importanza ta' aktar viżibbiltà għaċ-ċentri Ewropej tat-turiżmu termali u tal-benessri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament ulterjuri bbażati fuq ix-xjenza, billi t-turiżmu mediku jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa permezz ta' miżuri preventivi u inqas konsum ta' prodotti farmaċewtiċi, u jkompli jtejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tax-xogħol;

43.  Jissottolinja l-importanza tal-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għal popolazzjoni li qed tixjieħ, kif ukoll għall-persuni b'diżabilità u dawk li għandhom limitazzjonijiet funzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jixprunaw b'mod attiv l-iżvilupp kontinwu tal-istandard tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar servizzi turistiċi aċċessibbli u jiżguraw li jiġi implimentat malajr u b'mod korrett ladarba jiġi adottat, kif ukoll li l-fornituri tas-servizzi jirrispettaw l-istandards ta' aċċessibbiltà rilevanti li huma diġà fis-seħħ jew li qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħmel sforzi biex tiffaċilita l-possibbiltà ta' implimentazzjoni u rikonoxximent usa' tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE;

44.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-isport fit-turiżmu, u jfakkar fl-importanza li għandhom l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi biex ir-reġjuni tal-Ewropa jsiru aktar attraenti għat-turisti; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fl-okkażjoni ta' avvenimenti sportivi, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni remoti; jenfasizza l-importanza tal-gastronomija, l-itinerarji gastronomiċi u s-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-bars Ewropej għas-settur tat-turiżmu u l-ekonomija kollha kemm hi; jenfasizza li, għaldaqstant, dan irid jiġi integrat fl-istrateġija globali tat-turiżmu;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-Kariga tal-Kunsill.

(1) L-Artikolu 195(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(2) Ewrobarometru Speċjali 466 – il-Wirt Kulturali, 12/2017.


Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni: posponiment ta' ċerti limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 *
PDF 167kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0197 – C9-0134/2020 – 2020/0081(CNS))
P9_TA(2020)0170

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0197),

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0134/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 82 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
(5)  Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali. Jenħtieġ li ma jikkompromettix il-politika tal-Unjoni maħsuba biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz tal-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa u, għaldaqstant, jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)   Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, ikun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà ta' estensjoni oħra tal-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta' lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta' durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista' testendi biss id-differiment tad-durata għall-konformità ma' tali obbligi filwaqt li tiżgura li l-ebda informazzjoni ma tibqa' mingħajr ma tiġi eventwalment skambjata.
imħassar
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – punt 2
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 27b
Artikolu 27b
Estensjoni tal-perjodu ta' differiment
imħassar
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, f'konformità mal-Artikolu 27c, sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a, għal massimu ta' tliet xhur addizzjonali.
Il-Kummissjoni tista' tadotta biss l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji gravi għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw miżuri ta' lockdown.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – punt 2
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 27c
Artikolu 27c
Eżerċitar ta' delega
imħassar
1.  Is-setgħa ta' adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  Is-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b għandha tingħata lill-Kummissjoni biss għall-perjodu ta' differiment tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a.
3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27b tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-att delegat jekk ikun diġà fis-seħħ.
4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti magħżulin ta' kull Stat Membru, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5.  Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b'dan. In-notifika tal-att delegat lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.
6.  L-att delegat adottat skont l-Artikolu 27b għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u għandu japplika sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill jista' joġġezzjona għall-att delegat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika ta' dak l-att. F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Kunsill.
7.  Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni ta' att delegat mill-Kummissjoni, dwar kull oġġezzjoni fformulata għalih u dwar ir-revoka ta' delega tas-setgħat mill-Kunsill.

Appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013) ***I
PDF 139kWORD 44k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0186 – C9-0128/2020 – 2020/0075(COD))
P9_TA(2020)0171

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0186),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0128/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Ġunju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

P9_TC1-COD(2020)0075


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/872.)

(1) Opinjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.


Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej: miżuri temporanji dwar il-limiti ta' żmien għall-istadji ta' ġbir, verifika u eżami fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ***I
PDF 163kWORD 48k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji ta’ ġbir, verifika u eżami stipulati fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0221 – C9-0142/2020 – 2020/0099(COD))(1)
P9_TA(2020)0172

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 1
(1)  Fil-11 ta' Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b'mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta' din il-pandemija. Huma ħadu serje ta' miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta' lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta' avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta' ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għal waqfien kważi totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha.
(1)  Fil-11 ta' Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b'mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta' din il-pandemija. Huma ħadu serje ta' miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta' lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta' avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta' ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għal waqfien totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 6
(6)  L-Istati Membri indikaw li se l-livell ta' restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 se jitnaqqas biss gradwalment, sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jiġi estiż b'sitt xhur, li jkopri l-perjodu li jibda mill-11 ta' Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas fl-ewwel sitt xhur mill-11 ta' Marzu 2020, il-maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b'mod sostanzjali l-possibbiltajiet tal-organizzaturi li jwettqu kampanji lokali u li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu ta' ġbir tal-inizjattivi li l-ġbir tagħhom kien għaddej fit-11 ta' Marzu 2020 jiġi estiż b'sitt xhur. Fejn il-perjodu ta' ġbir ta' inizjattiva jkun beda wara l-11 ta' Marzu, jenħtieġ li dak il-perjodu jiġi estiż b'mod proporzjonat.
(6)  L-Istati Membri indikaw li se jnaqqsu biss gradwalment il-livell ta' restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jiġi estiż b'sitt xhur, li jkopri l-perjodu li jibda mill-11 ta' Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas fl-ewwel sitt xhur mill-11 ta' Marzu 2020, tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b'mod sostanzjali l-possibbiltajiet tal-organizzaturi li jwettqu kampanji lokali u li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu ta' ġbir tal-inizjattivi li l-ġbir tagħhom kien għaddej fit-11 ta' Marzu 2020 jiġi estiż b'sitt xhur. Fejn il-perjodu ta' ġbir ta' inizjattiva jkun beda wara l-11 ta' Marzu, jenħtieġ li dak il-perjodu jiġi estiż b'mod proporzjonat.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 7
(7)  Minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal aktar il-perjodu tal-ġbir fir-rigward tal-inizjattivi, li għalihom il-perjodu ta' ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta' Settembru 2020 f'każijiet fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 jibqgħu jeżistu. Jenħtieġ li l-estensjoni ta' sitt xhur tal-perjodu ta' ġbir prevista minn dan ir-Regolament tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta' ġbir. Jenħtieġ li s-setgħa tkun ukoll tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu ta' ġbir fil-każ ta' kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19, jekk il-maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x'aktarx ikollhom l-istess effett.
(7)  Minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal aktar il-perjodu tal-ġbir fir-rigward tal-inizjattivi, li għalihom il-perjodu ta' ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta' Settembru 2020 f'każijiet fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 jibqgħu jeżistu. Jenħtieġ li l-estensjoni ta' sitt xhur tal-perjodu ta' ġbir prevista minn dan ir-Regolament tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta' ġbir. Jenħtieġ li s-setgħa tkun ukoll tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu ta' ġbir fil-każ ta' kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19, dment li tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x'aktarx ikollhom l-istess effett.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2a (ġdid)
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi u lill-Istati Membri dwar l-estensjoni mogħtija fir-rigward ta' kull inizjattiva kkonċernata u tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788. Għandha tippubblika wkoll il-lista tal-inizjattivi kollha bħal dawn u l-perjodu l-ġdid ta' ġbir għal kull inizjattiva f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
(2)  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodi massimi ta' ġbir tal-inizjattivi kif issir referenza għalihom fil-paragrafu 1, jekk maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta' Settembru 2020 miżuri b'reazzjoni għal pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b'mod sostanzjali l-possibbiltà għall-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.
(2)  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodi massimi ta' ġbir tal-inizjattivi kif issir referenza għalihom fil-paragrafu 1, meta mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta' Settembru 2020 miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b'mod sostanzjali l-possibbiltà għall-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu massimu ta' ġbir ta' inizjattivi li għalihom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19 li tkun teħtieġ maġġoranza ta' Stati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni biex japplikaw miżuri li jaffettwaw lill-organizzaturi ta' dawk l-inizjattivi bl-istess mod.
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu massimu ta' ġbir ta' inizjattivi li għalihom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19 meta tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri li jaffettwaw lill-organizzaturi ta' dawk l-inizjattivi bl-istess mod.
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 3
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 6(2) u għandhom jidentifikaw liema inizjattivi huma kkonċernati u d-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta' ġbir tagħhom.
L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jidentifikaw l-inizjattivi li fir-rigward tagħhom jiġi estiż il-perjodu ta' ġbir flimkien mad-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta' ġbir u r-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu.
L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 5
Għall-fini li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżit fl-ewwel u t-tieni subparagrafu ikunx ġie ssodisfat, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, meta mitluba, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li beħsiebhom jieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba, b'informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li jkun beħsiebhom jieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b'reazzjoni għal tifqigħa ġdida ta' COVID-19.
Għall-fini li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżiti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi jkunux ġew issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kriterji dettaljati għal din il-valutazzjoni.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1
(1)  Minkejja dak li hemm fl-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, meta l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jkunu ilhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sa mill-11 ta' Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta' xi seduta pubblika jew laqgħa mal-organizzaturi, rispettivament, minħabba l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru fejn dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa, huma għandhom jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan.
(1)  Minkejja dak li hemm fl-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, meta l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jkunu ilhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sa mill-11 ta' Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta' xi seduta pubblika jew laqgħa mal-organizzaturi, rispettivament, minħabba l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru fejn dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa, huma għandhom jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan, jew, f'każ li l-organizzaturi jaqblu li jipparteċipaw b'mod remot fis-seduta jew il-laqgħa, malli jkunu jistgħu jaqblu mal-istituzzjonijiet dwar data għal din is-seduta jew il-laqgħa.

(1) Il-kwistjoni ġiet riferuta lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu.


Il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd
PDF 158kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd (2020/2685(RSP))
P9_TA(2020)0173B9-0196/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames, is-sitt u s-seba' inċiżi tal-preambolu, l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2020 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) ippubblikat f'Diċembru 2017 mill-FRA, iż-żewġ edizzjonijiet tal-istħarriġ "Being black in the EU" ippubblikati fit-23 ta’ Novembru 2018 u fil-15 ta’ Novembru 2019, u r-rapport tal-FRA dwar l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni razzjali u vjolenza razzista fost il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu u l-mibegħda kontra l-minoranzi fid-dinja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-dritt tal-protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza(6),

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-politika ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),

–  wara li kkunsidra l-video konferenza stampa tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Ġunju 2020 wara l-mewt ta' George Floyd;

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar il-każ ta' George Floyd fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-FRA tal-5 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Preventing unlawful profiling today and in the future: a guide",

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Settembru 2001 dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika tal-Pulizija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-28 ta' Mejju 2020 li kkundannat il-qtil ta' George Floyd,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-protesti kontra r-razziżmu sistemiku fl-Istati Uniti tal-5 ta' Ġunju 2020 mill-esperti indipendenti tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u Programm ta' Azzjoni ta' Durban tal-2002 u s-segwitu tagħha, u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra d-Deċennju Internazzjonali għan-Nies ta' Dixxendenza Afrikana,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-25 ta' Mejju 2020, George Floyd, raġel Afrikan-Amerikan ta' 46 sena li ma kienx armat, ġie arrestat talli allegatament uża karta tal-flus falza u nqatel fil-belt ta' Minneapolis, fl-Istat ta' Minnesota, wara li uffiċjal tal-pulizija abjad poġġa u żamm irkopptejh fuq għonqu għal 8 minuti u 46 sekonda; billi George Floyd qal ripetutament li ma setax jieħu nifs;

B.  billi l-mewt ta' George Floyd, flimkien mal-lista ta' eżempji oħra tal-użu ta' forza eċċessiva u ta' qtil min-naħa ta' uffiċjali tal-pulizija, kebbsu dimostrazzjonijiet u protesti enormi kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija fl-Istati Uniti kollha, kif ukoll madwar id-dinja;

C.  billi wara l-protesti, l-akkuża inizjali ta' qtil tat-tielet grad (omiċidju involontarju) maħruġa fil-konfront tal-uffiċjal tal-pulizija Derek Chauvin ġiet mibdula għal qtil tat-tieni grad (vjolenza li wasslet għal mewt) u omiċidju volontarju mhux premeditat, akkużi li flimkien jinvolvu sentenza massima ta' 35 sena priġunerija; billi tliet uffiċjali oħra tal-pulizija involuti fl-arrest ta' George Floyd tkeċċew mix-xogħol u qed jiffaċċjaw akkużi ta' għajnuna u tħajjir;

D.  billi l-vjolenza u l-qerda ta' proprjetà mhux se jsolvu l-problema ta' diskriminazzjoni stabbilita u għandhom jiġu kkundannati bil-qawwa; billi d-dimostranti jeħtiġilhom jesprimu t-talbiet tagħhom għal ġustizzja b'mod paċifiku u l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà l-oħrajn jeħtiġilhom jastjenu milli jkomplu jeskalaw is-sitwazzjoni ta' tensjoni kurrenti bl-użu ta' forza eċċessiva

E.  billi l-protesti wara l-mewt ta' George Floyd huma preċeduti minn storja twila ta' protesti kontra l-brutalità tal-pulizija u r-razziżmu fl-Istati Uniti; billi fl-Istati Uniti, is-suwed u l-persuni ta' kulur jikkostitwixxu sa 40 % tal-popolazzjoni tal-priġunieri, filwaqt li huma jirrappreżentaw 13 % tal-popolazzjoni totali; billi r-rata ta' mortalità fil-kustodja tal-pulizija fl-Istati Uniti hija sitt darbiet akbar għall-persuni suwed minn dik tal-persuni bojod, u tliet darbiet akbar għall-persuni Ispaniċi(7), bħalma hu l-użu ta' forza eċċessiva jew letali, li laqtet lill-persuni ta' kulur b'mod sproporzjonat;

F.  billi matul il-protesti seħħew xi inċidenti vjolenti individwali, fosthom f'Minneapolis;

G.  billi l-President Trump skjera l-Gwardja Nazzjonali;

H.  billi r-reazzjoni tal-President tal-Istati Uniti u r-retorika xewwiexa tiegħu, inkluż it-theddid tiegħu li jiskjera l-armata tal-Istati Uniti jekk il-protesti li għaddejjin ma jiqfux, servew biss biex saħħew il-protesti;

I.  billi l-ġurnalist tal-istazzjon CNN Omar Jimenez u xi kollegi tiegħu ġew arrestati waqt li kienu qed jagħmlu xogħol relatat mar-rappurtar dwar il-protesta f'Minneapolis, u wara nħelsu meta ġie kkonfermat li huma kienu membri tal-mezzi tax-xandir; billi għadd kbir ta' ġurnalisti nżammu milli jirrappurtaw liberament dwar id-dimostrazzjonijiet, minkejja li wrew b'mod viżibbli l-kredenzjali tagħhom bħala membri tal-mezzi tax-xandir, u għexieren minnhom ġew attakkati mill-forzi tal-pulizija, filwaqt li wħud ġarrbu ġrieħi serji;

J.  billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-restrizzjonijiet kollha tad-drittijiet fundamentali jridu jirrispettaw il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità;

K.  billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sikurezza pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew it-twettiq ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew id-drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex jiġu miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB;

L.  billi, f’konformita’ mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE "għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri], inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali"; billi "b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru";

M.  billi wara l-mewt ta' George Floyd u l-protesti fl-Istati Uniti, eluf ta' persuni għamlu dimostrazzjonijiet fi bliet Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja b'appoġġ għall-protesti fl-Istati Uniti u biex jipprotestaw kontra r-razziżmu mal-moviment "Black Lives Matter"; billi l-moviment "Black Lives Matter" mhuwiex ġdid;

N.  billi f'xi Stati Membri tal-UE l-protesti saħħew il-moviment kontra r-razziżmu li jkollu fil-mira tiegħu il-persuni suwed u l-persuni ta' kulur, u anke wasslu biex fakkru l-passat kolonjali tal-Ewropa u r-rwol tagħha fil-kummerċ trans-Atlantiku tal-ilsiera; billi dawn l-inġustizzji u delitti kontra l-umanità għandhom jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u jiġu indirizzati fil-livell istituzzjonali u fi ħdan l-edukazzjoni;

O.  billi xi wħud mill-komunità internazzjonali caħdu bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza, ikkundannaw l-vjolenza u r-razziżmu ta' kull xorta, u talbu li tali inċidenti jiġu indirizzati malajr, b'mod effettiv u b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkundannaw, pubblikament u mingħajr riżerva, ir-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija li wasslet għall-mewt ta' George Floyd u oħrajn;

P.  billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma prinċipji ewlenin minquxa fil-liġi tal-UE; billi dawn il-prinċipji u valuri kondiviżi għandhom jgħaqqduna fil-ġlieda kontra l-inġustizzja, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha;

Q.  billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;

R.  billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem jistipula li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew orjentament sesswali għandha tkun ipprojbita.

S.  billi l-motto tal-UE "Magħqudin fid-Diversità" jinkludi mhux biss in-nazzjonalità, iżda wkoll ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq;

T.  billi r-razziżmu hija kwistjoni ta' tħassib madwar id-dinja, u billi l-attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi jippersistu kullimkien fid-dinja;

U.  billi r-razziżmu strutturali huwa rifless ukoll fl-inugwaljanza soċjoekonomika u l-faqar, u dawn il-fatturi jinteraġixxu u jsaħħu lil xulxin; billi dan huwa partikolarment viżibbli fis-suq tax-xogħol, fejn il-parti l-kbira tal-ħaddiema prekarji huma persuni ta' kulur, iżda wkoll fl-akkomodazzjoni u fl-edukazzjoni; billi l-azzjonijiet għall-ugwaljanza u kontra r-razziżmu strutturali jridu jimxu id f'id u jiġu indirizzati sistematikament;

V.  billi skont l-FRA, id-diskriminazzjoni u l-fastidju razzjali għadhom komuni fl-Unjoni Ewropea kollha(8); billi l-minoranzi razzjali u etniċi huma soġġetti għal fastidju, vjolenza u diskors ta' mibegħda, kemm online kif ukoll offline; billi l-minoranzi razzjali u etniċi jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni strutturali fl-UE fl-oqsma kollha, inkluż l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni;

W.  billi l-istħarriġ tal-FRA rrapporta li fl-Ewropa, il-gruppi razzjalizzati li huma milquta l-aktar mir-razziżmu u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-isfond etniku u ta' immigrazzjoni huma r-Rom, l-individwi mill-Afrika ta' Fuq u l-Afrikani sub-Saħarjani(9); billi l-istħarriġ tal-FRA jirrapporta wkoll livell għoli ta' diskriminazzjoni u ta' razziżmu kontra persuni Musulmani(10) u Lhud(11);

X.  billi ċerti mexxejja tal-opinjoni u persunaġġi politiċi fl-UE kollha jħaddnu attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi, u jrawmu klima soċjali li tipprovdi art fertili għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda; billi din il-klima hija mkebbsa aktar mill-movimenti populisti u estremisti li jippruvaw jaqsmu s-soċjetajiet tagħna; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej li l-Istati Membri kollha ħadu l-impenn li josservaw;

Y.  billi l-ħidma tal-pulizija u tal-forzi tal-infurzar tal-infurzar tal-liġi għandha l-għan li tiddefendi s-sigurtà tan-nies fl-UE u tipproteġihom kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u attivitajiet jew l-azzjonijiet illegali, u li tapplika l-liġi, xi drabi f'ċirkostanzi diffiċli; billi l-uffiċjali tal-pulizija sikwit jissograw ħajjithom f’riskju bil-għan li jipproteġu lil ħaddieħor;

Z.  billi r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-użu eċċessiv u letali tal-forza mill-pulizija jeżisti wkoll fi ħdan l-UE; billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri ġew ikkritikati talli użaw forza eċċessiva; billi meta persuna tiġi kkonfrontata mill-pulizija mill-pulizija jew minn aġenti oħra tal-Istat, ir-rikors għal forza fiżika li ma jkunx sar strettament meħtieġ minħabba l-imġiba proprja tal-persuna jnaqqas id-dinjità umana u fil-prinċipju huwa ksur tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(12); billi l-użu sproporzjonat tal-forza għandu jiġi kkundannat bil-qawwa;

AA.  billi l-FRA rrappurtat li l-persuni suwed u l-persuni ta' kulur fl-UE jesperjenzaw tfassil ta' profili razzjali u diskriminatorji; billi kwart mill-persuni kollha ta' dixxendenza Afrikana mistħarrġa mill-FRA kienu twaqqfu mill-pulizija fil-ħames snin ta' qabel l-istħarriġ u minn dawn, 41 % kkaratterizzaw l-aktar waqfa riċenti bħala tfassil ta' profili razzjali(13);

AB.  billi l-maġġoranza (63 %) tal-vittmi ta' attakki razzisti fiżiċi mill-pulizija ma rrappurtawx l-inċident, jew għax ħassew li r-rappurtar mhu se jbiddel xejn (34 %) jew inkella għax ma jafdawx il-pulizija jew jibżgħu minnhom (28%)(14); billi hemm bżonn li jiġu żgurati l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza mill-pulizija u l-aċċess tal-istess vittmi għall-ġustizzja;

AC.  billi r-Rapport Annwali dwar ir-Reati ta' Mibegħda maħruġ mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) sab li l-persuni suwed jew b'ġilda skura sikwit ikunu fil-mira ta' vjolenza razzista, iżda f'ħafna pajjiżi hemm nuqqas ta' assistenza legali u appoġġ finanzjarju għall-vittmi li jkunu qed jirkupraw minn attakki vjolenti;

AD.  billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw ir-razziżmu strutturali, id-diskriminazzjoni u s-sottorappreżentanza ta' gruppi tal-gruppi ta' minoranza razzjali u etnika fi ħdan l-istrutturi tagħha;

AE.  billi l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna jeħtieġ tiġi intensifikata, u hija responsabbiltà kondiviża; billi l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tirrifletti b'mod urġenti u timpenja ruħha li tindirizza r-razziżmu u d-diskriminazzjoni strutturali li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna gruppi ta' minoranza;

1.  Jafferma li l-ħajja tas-suwed tgħodd ("Black Lives Matter");

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-mewt atroċi ta' George Floyd fl-Istati Uniti, kif ukoll każijiet ta' qtil simili f'postijiet oħra fid-dinja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tiegħu, u lil dawk ta' vittmi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ u każijiet simili bir-reqqa u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

3.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' razziżmu, mibegħda u vjolenza, kif ukoll kwalunkwe attakk fiżiku jew verbali mmirat lejn persuni ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, u nazzjonalità partikolari, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata; ifakkar li m'hemmx lok għar-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna; jitlob li l-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jieħdu pożizzjoni soda u deċiżiva kontra r-razziżmu, il-vjolenza u l-inġustizzja fl-Ewropa;

4.  Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali fil-pajjiż, kif rifless fil-brutalità tal-pulizija; jikkundanna t-trażżin ta' dimostranti u ġurnalisti paċifiċi tal-Istati Uniti min-naħa tal-pulizija, u jiddispjaċih profondament dwar it-theddida tal-President tal-Istati Uniti li jiskjera l-Armata tal-Istati Uniti;

5.  Jappoġġja l-protesti massivi reċenti fil-bliet kapitali Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja kollha kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni wara l-mewt ta' George Floyd; jenfasizza s-sejħa tad-dimostranti biex jieħdu pożizzjoni kontra l-oppressjoni u r-razziżmu strutturali fl-Ewropa; jesprimi solidarjetà, rispett u appoġġ għall-protesti paċifiċi, u jemmen li s-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jwaqqfu r-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali; ifakkar fid-dritt tal-protesta paċifika ta' kull individwu kif minqux fit-trattati internazzjonali; jikkundanna l-inċidenti vjolenti individwali li seħħew;

6.  Jikkundanna s-suprematiżmu abjad, fil-forom kollha tiegħu, inkluż l-użu ta' slogans li għandhom l-iskop li jagħmlu ħsara lill-moviment Black Lives Matter jew iċekknu l-merti tiegħu u jnaqqsulu mill-importanza;

7.  Jikkundanna l-episodji ta' sakkeġġ, ħruq, vandaliżmu u qerda ta' proprjetà pubblika u privata kkawżati minn xi dimostranti vjolenti; jiddenunzja l-forzi estremisti u antidemokratiċi li b'mod intenzjonat jagħmlu użu ħażin tal-protesti paċifiċi biex jaggravaw il-kunflitti, bil-għan li jxerrdu d-diżordni u l-anarkija;

8.  Jistieden lill-mexxejja u liċ-ċittadini kollha jżommu lura minn rigress fil-valuri, u biex isaħħu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u midja ħielsa u indipendenti; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet mill-mexxejja li jirriskjaw li jimminaw dawn il-valuri u li jkabbru d-diviżjonijiet fi ħdan is-soċjetajiet tagħna; jinnota li dawn il-valuri huma komuni għall-fondazzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, u għall-kooperazzjoni trans-Atlantika tagħna; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni interparlamentari aktar mill-qrib permezz tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi, sabiex jiġu skambjati l-opinjonijiet u l-aħjar prattiki matul il-laqgħa tagħhom li jmiss, u jiġu identifikati mezzi legali għall-ġlieda kontra r-razziżmu strutturali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jappella għal kooperazzjoni multilaterali aktar mill-qrib biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'kuntatti mill-qrib mal-atturi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġi miġġieled ir-razziżmu fil-livell internazzjonali; jilqa' t-talba ta' 54 pajjiż Afrikan għal dibattitu urġenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li se jsir fis-17 ta' Ġunju 2020 dwar "il-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-razziżmu, il-brutalità tal-pulizija u l-vjolenza kontra protesti paċifiċi li kienu bbażati fuq ir-razza";

10.  Jitlob li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri jiddenunzjaw bil-qawwa u pubblikament l-użu sproporzjonat tal-forza u tendenzi razzisti fl-infurzar tal-liġi kull meta dan iseħħ, fl-UE, fl-Istati Uniti u madwar id-dinja;

11.  Iqis li l-ġlieda kontra r-razziżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni; ifakkar li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu intitolati għall-protezzjoni minn dawn l-inugwaljanzi, kemm bħala individwi kif ukoll bħala grupp, inklużi miżuri pożittivi għall-promozzjoni u t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tagħhom;

12.  Ifakkar fl-adozzjoni fis-26 ta' Marzu 2019 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana, u jitlob b'urġenza lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentawha;

13.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-każijiet irrappurtati ta' estremiżmu tal-lemin fil-forzi ta' sigurtà li nkixfu f'dawn l-aħħar snin fl-UE(15);

14.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod uffiċjali l-inġustizzji u d-delitti tal-passat kontra l-umanità mwettqa kontra persuni suwed, persuni ta' kulur u r-Rom; jiddikjara l-iskjavitù reat kontra l-umanità u jitlob li t-2 ta' Diċembru jiġi ddikjarat bħala l-Jum Ewropew li jfakkar l-Abolizzjoni tal-Kummerċ tal-Ilsiera; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istorja tal-persuni suwed, il-persuni ta' kulur u r-Rom parti mill-kurrikuli tal-iskola tagħhom;

15.  Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jingħelbu l-preġudizzji u l-istereotipi, biex jiġu promossi t-tolleranza, il-fehim u d-diversità, u jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija biex jintemmu d-diskriminazzjoni u r-razziżmu strutturali fis-soċjetajiet tagħna;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiddenunzjaw u jżommu lura minn tradizzjonijiet razzisti u Afrofobiċi, bħall-prattika tal-black face;

17.  Jistieden lill-mexxejja tal-UE jorganizzaw Summit Ewropew kontra r-Razziżmu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni strutturali fl-Ewropa fil-futur qrib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u qafas tal-UE għal pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu b'komponent iddedikat dwar il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tieħu approċċ intersezzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni dedikata tal-Kunsill għall-ugwaljanza; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu task force interistituzzjonali biex jiġġieldu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu li jindirizzaw oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-impjieg, il-pulizija, is-servizzi soċjali, is-sistema tal-ġustizzja u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet ikkonċernati;

19.  Jitlob li l-politiki kollha kontra d-diskriminazzjoni jkollhom approċċ intersezzjonali u tal-ġeneru sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni multipla;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-miżuri biex tiżdied id-diversità fi ħdan il-forzi tal-pulizija u biex jiġu stabbiliti oqsfa għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-komunitajiet;

21.  Jappella b'urġenza għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fl-UE u jitlob, għalhekk, li l-Kunsill jiżblokka immedjatament u jikkonkludi n-negozjati dwar id-Direttiva Orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni li ilha mblukkata minn meta l-Kummissjoni pproponietha fl-2008;

22.  Jikkundanna t-tipi kollha ta' inċidenti ta' reati ta' mibegħda u diskorsi ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, li jseħħu kuljum fl-UE, u jfakkar li d-diskors razzjali u ksenofobiku mhuwiex kopert mil-libertà ta' espressjoni;

23.  Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw kif xieraq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, b'mod partikolari billi jinvestigaw il-motiv ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, u billi jiżguraw li r-reati razzisti ta' mibegħda jiġu rreġistrati u investigati, isir proċess dwarhom u jingħataw sanzjonijiet għalihom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrieżamina u tirrevedi, fejn xieraq, id-Deċiżjoni Qafas u l-implimentazzjoni tagħha, u biex tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri li ma jimplimentawhiex b'mod sħiħ;

24.  Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi indipendenti għall-ilmenti dwar il-pulizija biex imexxu l-investigazzjonijiet dwar każijiet ta' kondotta ħażina u abbuż mill-pulizija; jissottolinja li l-ħidma ta' pulizija demokratika tirrikjedi li l-pulizija jkunu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom quddiem il-liġi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-pubbliku kollu li jaqdu; jemmen li r-rekwiżit ewlieni għar-responsabbilizzazzjoni hu ż-żamma ta' strumenti ta' sorveljanza effettivi u effiċjenti

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi favur il-ġbir ta' data ulterjuri diżaggregata skont ir-razza u l-oriġini etnika (kif definit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali) li tkun volontarja u anonima; iqis li, kieku kellha tinġabar data dwar ir-reati ta' diskriminazzjoni u ta' mibegħda etnika, dan għandu jsir bl-iskop uniku li jiġu identifikati l-għeruq tad-diskorsi u l-atti ta' razziżmu u diskriminazzjoni, u biex dawn jiġu miġġielda, f'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

26.  Jinnota li l-Kummissjoni se tressaq l-ewwel rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, b'kamp ta' applikazzjoni limitat; itenni s-sejħiet tal-Parlament Ewropew għal mekkaniżmu komprensiv dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandhom jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni rigward ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE;

27.  Jikkundanna t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u etnika li jintuża mill-pulizija u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u jqis li l-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi jrid ikollhom rekord eżemplari fi kwistjonijiet kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki u miżuri biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex itemmu t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali jew etnika fil-forom kollha fl-infurzar tal-liġi kriminali, il-miżuri kontra t-terroriżmu u l-kontrolli tal-immigrazzjoni; jenfasizza, b'mod partikolari, li t-teknoloġiji l-ġodda li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jitfasslu u jintużaw b'tali mod li ma joħolqux riskji ta' diskriminazzjoni għal minoranzi razzjali u etniċi; jipproponi azzjoni biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-membri tal-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi dwar strateġiji għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tat-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u biex jingħata rispons għalihom; jistieden lill-Istati Membri ma jippermettux li każijiet ta' brutalità u abbużi min-naħa tal-pulizija jibqgħu mhux ikkastigati, u biex mod xieraq jinvestigaw u jipproċessaw l-awturi ta' dawn ir-reati u jissanzjonawhom;

28.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-Istat; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jridu dejjem jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u għażla estrema, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu eċċessiv tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità;

30.  Ifakkar fid-dritt taċ-ċittadini li jirrekordjaw xeni ta' vjolenza tal-pulizija li jistgħu jntużaw bħala evidenza u li l-persuni qatt ma għandhom ikunu mhedda mill-pulizija jew mill-awtorità responsabbli meta jkunu qed jirrekordjaw, u lanqas ma għandhom ikunu obbligati li jeqirdu evidenza jew jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom sabiex jiġu impediti milli jagħtu xhieda;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' esperti indipendenti bil-kompitu li jiżviluppa Kodiċi tal-UE tal-Etika tal-Pulizija li jipprovdi sett ta' prinċipji u linji gwida għall-objettivi, il-prestazzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-pulizija f'soċjetajiet demokratiċi gvernati mill-istati tad-dritt, li jistgħu jgħinu wkoll lill-atturi tal-pulizija fil-ħidma tagħhom ta' kuljum biex jinfurzaw b'mod xieraq il-projbizzjoni tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi etnika;

32.  Jenfasizza li stampa libera hija pilastru fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija; jinnota r-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-ġurnalisti fotografi fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet kollha li fihom ġew attakkati deliberatament;

33.  Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE, inklużi l-FRA, l-Aġenzija Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni;

34.  Jitlob għall-impenn ta’ finanzjament serju fil-QFP li jmiss għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-UE kollha; jiddeplora l-fatt li l-ammont propost għall-intestatura "Ġustizzja, Drittijiet u Valuri" ġie imnaqqas b'mod sinifikanti fil-proposti tal-qafas finanzjarju pluriennali rivedut tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb b'mod effikaċi għat-tħassib dwar il-fatt li f'xi Stati Membri, l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti kulma jmur qiegħed jiċkien; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta' atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjonijiet;

35.  Jenfasizza li l-entitajiet li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet diskriminatorji kontra komunitajiet razzjalizzati, jew jieħdu deċiżjonijiet jew jimplimentaw miżuri għal dan il-għan, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament permezz tal-baġit tal-Unjoni;

36.  Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi u jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn il-minoranzi;

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu, u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(3) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0032.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0239.
(6) Testi adottati, P8_TA(2019)0127.
(7) https://www.ncbi.nih.gov/pmc/articles/PMC5559881/
(8) https:// fra.europa.eu/en/news/2019/rising-inequalities-and-harassment-fundamental-rights-protection-falters
(9) https://fra.europa.eu/en/publication/2017/second-european-union-minorities-and-discrimination-survey-main-results/
(10) https://fra.europa.eu/en/publication/2017/second-european-union-minorities-and-discrimination-survey-muslims-selected
(11) https://fra.europa.eu/en/publication/2018/experiences-and-perceptions-antisemitism-second-survey-discrimination-and-hate
(12) Sentenza tal-QEDB tas-17 ta' April 2012, il-Kawża Rizvanov v. l-Ażerbajġan, paragrafu 49.
(13) FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU", https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en
(14) FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU", https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-f388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en
(15) https://www.dw.com/en/germany-over-500-right-wing-extremists-suspected-in-bundeswehr/a-52152558


Il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong
PDF 156kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (2020/2665(RSP))
P9_TA(2020)0174RC-B9-0169/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong(1), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(3) u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu relatati ma' Hong Kong, partikolarment ir-rakkomandazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tat-12 ta' Settembru 2018(5) u tas-16 ta' Diċembru 2015(6) dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż dwar il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong, fit-28 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 u tad-29 ta' Mejju 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar Hong Kong;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar strateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-rapporti konġunti tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-8 ta' Mejju 2019 (JOIN(2019)008), tas-26 ta' April 2017 (JOIN(2016)0016) u tal-25 ta' April 2016 (JOIN(2016)0010) dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali, kif ukoll l-20 rapport preċedenti simili l-oħra,

–  wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat li sar Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019 u s-37 Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar Brussell fl-1 u fit-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tal-1990, jistabbilixxu li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-poter eżekuttiv, leġiżlattiv u ġudizzjarju kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-kelma, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-awtonomija tiegħu fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni u fil-promulgazzjoni awtonoma ta' liġijiet fil-materja ta' tradiment, seċessjoni, sedizzjoni jew sovverżjoni kontra l-Gvern Ċentrali tal-Poplu; billi kemm id-Dikjarazzjoni Konġunta kif ukoll il-Liġi Bażika jistabbilixxu l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" kif miftiehem bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit; billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'dan il-mod irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi Hong Kong huwa parti mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

B.  billi l-UE ssostni l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt bħala valuri fundamentali li jiggwidaw ir-relazzjoni twila tagħna mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha; billi l-UE għadha ssostni bil-qawwa ż-żamma tal-istabbiltà u tal-prosperità ta' Hong Kong fl-ambitu tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u tagħti importanza kbira liż-żamma tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, f'konformità mal-Liġi Bażika u mal-impenji internazzjonali, kif ukoll lir-rispett ta' dan il-prinċipju; billi l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" qiegħed jitgħawwar minħabba l-indħil tal-awtoritajiet Ċiniżi, b'mod partikolari minn mindu bdew id-dimostrazzjonijiet tal-moviment "Occupy", il-mexxejja politiċi ġew impriġunati, il-libertà tal-kelma tnaqqret, l-għajbien furzat żdied u l-ħwienet tal-kotba u l-mezzi ta' informazzjoni nxtraw minn sidien favur Beijing;

C.  billi fit-28 ta' Mejju 2020 l-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż (NPC) adottat riżoluzzjoni li tawtorizza lill-Kumitat Permanenti tal-NPC jadotta liġijiet kontra s-separatiżmu, is-sovverżjoni tal-poter tal-Istat, it-terroriżmu u l-indħil barrani f'Hong Kong u li ssemmi wkoll miżuri oħra li għandhom jiġu adottati, fosthom l-edukazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali, l-istabbiliment ta' organi ta' sigurtà nazzjonali tal-Gvern Ċentrali tal-Poplu (CPG) f'Hong Kong u r-rappurtar regolari min-naħa tal-Kap tal-Eżekuttiv lis-CPG dwar ir-riżultati miksuba minn Hong Kong fir-rigward tad-dmir tiegħu li jiggarantixxi s-sigurtà nazzjonali;

D.  billi l-komunità internazzjonali tqis lil din id-deċiżjoni bħala theddida għall-prinċipju "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u temmen li ma tagħtix kas id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika u d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, tmur kontra l-impenji ta' Hong Kong f'dawk li huma drittijiet tal-bniedem, tinjora totalment il-proċess leġiżlattiv ta' Hong Kong u tikkostitwixxi t-tentattiv l-aktar reċenti u l-aktar sfaċċat fost it-tentattivi kontinwi li Beijing ilha snin sħaħ tagħmel biex tillimita l-libertà u l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini tiegħu;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin, il-popolazzjoni ta' Hong Kong niżlet fit-toroq b'parteċipazzjoni bla preċedent, biex teżerċita d-dritt fundamentali ta' għaqda u ta' protesta tagħha; billi minflok naqqset it-tensjonijiet attwali fil-politika u fis-soċjetà ta' Hong Kong, din il-liġi kompliet tintensifika l-inkwiet eżistenti; billi fi Frar 2019 il-gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong ippreżenta l-Abbozz ta' Liġi 2019 dwar il-Kriminali Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materja Kriminali, maħsub biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Kriminali Maħruba, li ntlaqa' minn oppożizzjoni enormi taċ-ċittadini ta' Hong Kong, u qajjem protesti tal-massa f'Hong Kong fl-2019 u fl-2020, iżda wara ġie rtirat wara 20 ġimgħa protesti;

F.  billi f'April u f'Mejju 2020 Beijing irduppjat l-isforzi tagħha biex timponi d-dominju tagħha fuq Hong Kong filwaqt li sikktet, arrestat u tellgħet il-qorti mijiet ta' attivisti favur id-demokrazija u l-gruppi tal-oppożizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong gawdiet mill-impunità għall-brutalità kollha tagħha kontra d-dimostranti fl-2019 u fl-2020; billi fis-27 ta' Mejju 2020 aktar minn 360 fost l-attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija ġew arrestati matul dimostrazzjonijiet kontra l-liġi Ċiniża kontra s-sedizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong użat il-miżuri ta' tbegħid soċjali relatati mal-COVID-19 bħala pretest biex tirrikorri għall-użu ta' forza eċċessiva u bla bżonn fil-konfront tal-maġġoranza wiesgħa paċifika tad-dimostranti, inkluż l-użu tal-gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjon beanbag u pepper spray;

G.  billi fl-20 ta' April 2020 il-Membri tal-Parlament Ewropew ħeġġew lill-Kap tal-Eżekuttiv biex jiżgura li jitwaqqgħu l-akkużi kontra 15-il attivist favur id-demokrazija li fl-2019 ipparteċipaw fi protesti paċifiċi f'Hong Kong; billi fit-13 ta' Mejju 2020 l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġew lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong biex jarkivjaw immedjatament il-proċediment kriminali fil-konfront tal-15-il attivist favur id-demokrazija;

H.  billi skont il-proposta għal pjan dwar is-sigurtà nazzjonali, il-gruppi ta' attivisti jistgħu jiġu pprojbiti u mtellgħa l-qorti, il-Qrati jistgħu jimponu pieni twal ta' priġunerija għal ksur tas-sigurtà nazzjonali, l-aġenziji ta' sigurtà Ċiniżi jistgħu joperaw fil-beraħ fil-belt u regoli ġodda kontra t-terroriżmu se jagħtu lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-forzi militari u tas-sigurtà Ċiniżi setgħat diskrezzjonali wiesgħa u bla kontroll biex joperaw f'Hong Kong; billi, skont rapporti, l-aġenziji tal-infurzar taċ-Ċina kontinentali diġà joperaw f'Hong Kong illegalment; billi kwalunkwe operazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'Hong Kong tikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi";

I.  billi Carrie Lam, il-Kap tal-Eżekuttiv ta' Hong Kong, iddefendiet il-leġiżlazzjoni proposta minn Beijing, u ammettiet li f'Hong Kong mhi se ssir l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta' sigurtà, barra mill-fatt li affermat li d-drittijiet u l-libertajiet mhumiex assoluti; billi l-Kap tal-Eżekuttiv għamlet appell liċ-ċittadini ta' Hong Kong b'ittra ppubblikata fil-gazzetti fid-29 ta' Mejju 2020, li fiha stidnitihom jifhmu bis-sħiħ u jsostnu bil-qawwa d-deċiżjoni adottata mill-NPC;

J.  billi fl-10 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" f'Hong Kong , li fiha enfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hija fl-aħħar mill-aħħar soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern Ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; billi l-Gvern Ċiniż ħeġġeġ lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jadotta politika ġdida ta' tolleranza żero fir-rigward ta' kwalunkwe referenza għall-"awtodeterminazzjoni" jew għall-"indipendenza", għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali u bi ksur tal-Liġi Bażika;

K.  billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali mhijiex indipendenti mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjonijiet arbitrarji, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

L.  billi koalizzjoni internazzjonali transpartitika mmexxija mill-ex Gvernatur ta' Hong Kong, Lord Patten, u li sal-lum ingħaqdu magħha 900 parlamentari u deċiżur politiku minn 40 pajjiż, ħarġet stqarrija li tikkundanna l-introduzzjoni unilaterali min-naħa ta' Beijing tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong, u stiednet lill-gvernijiet simpatizzanti jingħaqdu kontra dan il-ksur sfaċċat tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika;

M.  billi l-kamp tal-pan-demokrazija rebaħ rebħa kbira fl-elezzjonijiet distrettwali ta' Hong Kong tal-24 ta' Novembru 2019; billi f'Settembru 2020 hemm previst li jsiru l-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong;

N.  billi Dominic Raab, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, fit-2 ta' Ġunju 2020 iddikjara fil-House of Commons li jekk iċ-Ċina tipproċedi bil-leġiżlazzjoni proposta tagħha, il-gvern se jdaħħal fis-seħħ arranġamenti ġodda biex id-detenturi tal-passaporti ta' Ċittadini Brittaniċi extra-Ewropej f'Hong Kong jitħallew jidħlu fir-Renju Unit mingħajr il-limitu attwali ta' sitt xhur, u b'hekk ikunu jistgħu jgħixu u japplikaw biex jistudjaw u jaħdmu għal perjodi ta' 12-il xahar li jistgħu jiġu prorogati, u b'hekk tiġi offruta wkoll triq lejn iċ-ċittadinanza;

O.  billi skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), "L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja";

1.  Jiddeplora l-introduzzjoni unilaterali tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong min-naħa ta' Beijing, peress li din hija attakk komprensiv fuq l-awtonomija, l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali tal-belt; jisħaq fuq il-fatt li l-integrità tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" tinsab mhedda serjament; jisħaq fuq il-fatt li l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ppjanata dwar is-sigurtà nazzjonali tkun titqies bħala ksur tal-impenji u tal-obbligi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, u tirriskja li tikkompremtti serjament ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, u jaffettwa l-kooperazzjoni futura ta' bejniethom, kif ukoll il-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong bħala ċentru finanzjarju globali importanti;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti taċ-Ċina skont liema d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku u, għaldaqstant, m'għadhiex valida; jisħaq fuq il-fatt li l-Gvern Ċiniż huwa marbut li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta rreġistrata man-NU bħala trattat ġuridikament vinkolanti; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li ksur permanenti tal-qafas tal-gvern awtonomu ta' Hong Kong se jħalli impatt serju fuq l-ekonomija tiegħu; jistieden lill-Gvern Ċentrali tal-PRC ma jkomplix jagħmel pressjoni fuq il-komunità tan-negozju biex jappoġġaw il-leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali, u jastjeni milli jikkwalifika l-appoġġ internazzjonali favur l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ta' Hong Kong bħala "ndħil f'affarijiet interni" u bħala atti ta' sovverżjoni u separazzjoni, peress li t-tħassib espress jirrigwarda obbligi internazzjonali vinkolanti tal-PRC;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw l-obbligi internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika; jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Liġi Bażika u l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi", inkluż billi finalment timplimenta s-suffraġju universali; jenfasizza li ċ-Ċina m'għandhiex iddgħajjef il-livell għoli ta' awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

4.  Jappoġġa l-valutazzjoni tal-VP/RGħ dwar il-ħtieġa ta' strateġija ġdida u aktar b'saħħitha fil-konfront ta' Ċina aktar assertiva, kif ukoll ta' djalogu miftuħ u onest; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-SEAE jadottaw pożizzjoni aktar soda bħala sostenn għaż-żamma tal-awtonomija ġuridika ta' Hong Kong; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa fundamentali biex is-sostenituri tad-demokrazija f'Hong Kong u l-komunità internazzjonali ġenerali jkunu jafu li l-UE se tibqa' tiddefendi l-valuri fundaturi tagħha ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jiġu ggwidati mill-prinċipji u l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, u jindirizzaw il-kwistjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong bi prijorità assoluta fuq l-aġenda tas-summit bejn l-UE u ċ-Ċina li jmiss u waqt il-laqgħa tal-Mexxejja bejn l-UE u ċ-Ċina, kif ukoll kwistjonijiet oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħas-sitwazzjoni tal-Ujguri;

6.  Jenfasizza li l-UE hija l-akbar suq tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina; jemmen li l-UE għandha tuża l-influwenza ekonomika tagħha biex tikkuntesta r-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa taċ-Ċina b'mezzi ekonomiċi; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ssaħħaħ il-konvinzjoni tal-Parlament li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jrid ikun element importanti tan-negozjati dwar ftehim ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, flimkien man-negozjati li għaddejjin għal ftehim bilaterali ta' investiment, biex teżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex iżommu kemm il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi-ċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong; itenni t-talba tiegħu biex fil-ftehim jiddaħħal kapitlu vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim; iħeġġeġ lill-UE, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, tinkludi klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe ftehim kummerċjali futur mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinforma lill-parti Ċiniża li, meta l-Parlament jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment jew ftehimiet kummerċjali futuri mal-PRC, huwa se jqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-komunità internazzjonali trid taħdem mill-qrib biex teżerċita pressjoni fuq Beijing biex tiżgura li l-azzjonijiet ta' Beijing ikunu konformi mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984;

8.  Josserva li l-politika tal-PRC li tabbanduna l-approċċ ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan u tenfasizza r-rieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex jgħinu fit-tisħiħ tad-demokrazija fit-Tajwan;

9.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw, fl-eventwalità li tiġi applikata din il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja billi jallegaw li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi fuq Hong Kong leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali tikser id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkonvokaw "laqgħa Arria" biex jiddiskutu s-sitwazzjoni f'Hong Kong mal-attivisti, ir-rappreżentanti tal-NGOs u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tinsisti biex is-Segretarju Ġenerali tan-NU jew il-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jaħtru Mibgħut Speċjali tan-NU jew Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong, biex tingħaqad mal-inizjattiva tal-Presidenti tal-Kumitati Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, tal-Kanada, tal-Awstralja u ta' New Zealand;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu flimkien mal-komunità internazzjonali biex jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong, u biex jikkoordinaw l-azzjoni flimkien mas-sħab internazzjonali, b'mod partikolari mar-Renju Unit;

12.  Jistieden lill-Kunsill u, b'mod partikolari, lill-Presidenza tal-Kunsill li jmiss, biex fl-2020 jiffinalizzaw il-ħidma fuq Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif appoġġat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019(7), u jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati u l-iffriżar ta' assi kontra l-uffiċjali Ċiniżi responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jemmen li dan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem jista' jintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-mudell tal-Liġi Magnitsky fil-konfront tal-mexxejja responsabbli minn din ir-repressjoni kontra Hong Kong u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li sanzjonijiet simili għandhom jiġu diskussi u, meta possibbli, ikkoordinati mas-sħab demokratiċi bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel;

13.  Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu favur l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjonijiet, inklużi apparat ta' ċibersorveljanza, sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi; jappella lill-koleġiżlaturi, f'dan ir-rigward, jikkonkludu pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar il-Prodotti b'Użu Doppju; jenfasizza li l-Parlament kompla jiżviluppa u jsaħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli stretti tal-esportazzjonijiet għal teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika, inklużi fil-listi rilevanti u mhux inklużi;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw b'attenzjoni kif jevitaw id-dipendenza ekonomika, u b'mod partikolari dik teknoloġika, mill-PRC, inkluż fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri tal-UE dwar l-iżvilupp tan-networks 5G tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-ħolqien ta' skema ta' salvataġġ ("life-boat" scheme) għaċ-ċittadini ta' Hong Kong fil-każ ta' xi deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

16.  Jikkundanna bil-kbir il-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konsenji, il-konfessjonijiet furzati, id-detenzjoni sigrieta u l-ksur tal-libertajiet ta' pubblikazzjoni u ta' espressjoni; jitlob it-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjonijiet politiċi; jesprimi tħassib serju dwar ir-rapporti ta' prattiki ta' detenzjoni sigrieta, ta' tortura u maltrattament u ta' konfessjonijiet furzati; jistieden lill-Istati Membri tal-UE japplikaw bis-sħiħ il-linji gwida rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, jimmobilizzaw il-persunal diplomatiku kollu tagħhom biex jirreaġixxu b'mod riżolut għall-arresti u l-kundanni ta' attivisti, inkluż billi jiżguraw li l-proċessi jiġu osservati, jitolbu żjarat fil-ħabs u jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti biex iħeġġu l-ħelsien ta' dawk miżmuma u kkundannati talli eżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà ta' espressjoni tagħhom;

17.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżguraw li jitwaqqgħu l-akkużi kontra l-15-il attivist u l-politiċi favur id-demokrazija, kif ukoll dawk kontra d-dimostranti paċifiċi, u li l-prosekuzzjoni tiġi arkivjata, b'mod partikolari, Martin Lee, Margaret Ng, Lee Cheuk-yan, Benny Tai, Jimmy Lai, Albert Ho u Leung Kwok-hung;

18.  Jesprimi tħassib kbir għad-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir bl-abrogazzjoni tad-drittijiet tal-ġurnalisti, bil-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar fil-konfront tagħhom, b'mod partikolari rigward ir-rapportar ta' kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

19.  Jesprimi tħassib dejjem akbar dwar ir-riskju għoli tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali għal għexieren ta' eluf ta' ċittadini tal-UE f'Hong Kong;

20.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib u jirrappurtaw b'mod regolari dwar it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) li attwalment huma previsti għal Settembru, u jieħdu nota partikolari dwar jekk il-kandidati humiex ipprojbiti b'mod inġust milli joħorġu għall-elezzjonijiet permezz ta' ostakli proċedurali jew ta' proċedimenti legali bla bażi, u jieħdu nota wkoll dwar jekk kulħadd jistax jeżerċita d-dritt li jingħaqad flimkien għal skopijiet ta' kampanja elettorali, u jekk il-votanti jistgħux jitfgħu l-voti tagħhom liberament; jistieden lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżgura li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Settembru 2020; iħeġġeġ liċ-Ċina tastjeni milli tindaħal fil-proċessi elettorali fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong; itenni l-appell tiegħu għal riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap tal-Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li tkun kumplessivament demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li tagħti liċ-ċittadini tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong id-dritt li jeleġġu kandidati u li joħorġu għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-karigi ta' tmexxija kollha;

21.  Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-bejjiegħ tal-kotba Żvediż, Gui Minhai, inkarċerat fil-PRC;

22.  Jitlob li l-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jqajmu b'mod persistenti dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u taċ-Ċina; ifakkar fl-importanza biex f'kull djalogu politiku u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari il-każ tal-minoranzi fit-Tibet u fix-Xinjiang, f'konformità mal-impenn tal-UE li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; ifakkar, barra minn hekk, li fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella li jitkompla d-djalogu maċ-Ċina sabiex jiġi żgurat li hija tonora dawn l-impenji;

23.  Juri rispett lejn il-poplu kuraġġuż taċ-Ċina li f'Ġunju 1989, inġabar fil-Pjazza Tiananmen f'Beijing, biex jitlob it-tmiem tal-korruzzjoni, riformi politiċi u libertajiet ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu li l-massakru ta' Tiananmen jiġi mfakkar, mhux biss f'Hong Kong, iżda ukoll fit-territorju kollu tal-PRC;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap tal-Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1) Testi adottati, P9_TA(2019)0004.
(2) ĠU C 244, 27.6.2018, p. 78.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 46.
(4) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 156.
(5) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(6) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0215.


Is-sitwazzjoni taż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19
PDF 143kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2020/2640(RSP))
P9_TA(2020)0175B9-0165/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-35 anniversarju tal-Ftehim ta' Schengen iffirmat fl-14 ta' Ġunju 1985(1), it-30 anniversarju tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen iffirmata fid-19 ta' Ġunju 1990(2), u l-25 anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Schengen fis-26 ta' Marzu 1995,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li l-Unjoni jeħtiġilha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li għandu jiżgura "li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tat-TFUE, li jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż l-Artikolu 45 tagħha, li jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(3), li kkodifika r-Regolament (KE) Nru 562/2006(4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li kien l-ewwel att adottat fl-ambitu tal-proċedura ta' kodeċiżjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu)(5), u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni li jinsab fih,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni ("COVID-19: Linji gwida għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali") tas-16 ta' Marzu 2020 (C(2020)1753), approvati mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fis-17 ta' Marzu 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tas-17 ta' Marzu 2020 mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19, li approvaw it-talba biex jissaħħu l-fruntieri esterni billi tiġi applikata restrizzjoni temporanja kkoordinata fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal perjodu ta' 30 jum, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE" (COM(2020)0115) u l-estensjoni sussegwenti tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi" tat-30 ta' Marzu 2020 (C(2020)2050),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19 ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni u mill-President tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2020 dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (COM(2020)0148),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19" tat-13 ta' Mejju 2020 (C(2020)3250),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru(7),

–  wara li kkunsidra l-ħidma preparatorja għal din ir-riżoluzzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-Iskrutinju ta' Schengen,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (O-000037/2020 – B9-0010/2020 u O-000038/2020 – B9-0011/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li, minħabba s-suġġett ta' din ir-riżoluzzjoni, jinkludu l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen, introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu dawn il-fruntieri parzjalment jew totalment, jew għalquhom għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor; billi, meta ġew introdotti dawn il-miżuri, kien hemm nuqqas ċar ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi l-kontrolli fil-fruntieri interni jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tan-nies kif minqux fil-liġi tal-Unjoni; billi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni ma għandhomx jaffettwaw id-dritt li wieħed ifittex asil;

C.  billi l-moviment liberu tal-persuni previst fil-Ftehim ta' Schengen u fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen huwa akkumpanjat minn miżuri ta' kumpens li għandhom l-għan li jiggarantixxu s-sigurtà fit-territorju tal-Istati ta' Schengen(8); billi dawn il-miżuri ta' kumpens jinkludu strumenti bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira li jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati ta' Schengen u regoli komuni għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni;

D.  billi r-rekwiżit ewlieni għall-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri;

E.  billi, wara t-tneħħija oriġinali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, dawn il-kontrolli rarament reġgħu ġew introdotti; billi sa mill-2015, madankollu, diversi Stati Membri żammew kontrolli fil-fruntieri interni abbażi tal-ġustifikazzjoni ta' żieda fil-livelli ta' migrazzjoni u/jew theddid għas-sigurtà; billi l-Parlament qajjem mistoqsijiet dwar il-legalità u l-proporzjonalità ta' dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni;

F.  billi huwa ferm importanti li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ sabiex tipproteġi l-prinċipju tal-libertà ta' moviment bħala wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea u bħala prerekwiżit ewlieni għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

1.  Ifakkar li ż-żona Schengen hija kisba tanġibbli u għal qalb il-proġett tal-UE, li tippermetti vjaġġar mingħajr restrizzjonijiet għal aktar minn 400 miljun persuna u li għandha valur imprezzabbli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji, u hija unika fl-istorja u fid-dinja kollha;

2.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti minn bosta Stati Membri, u d-diversi miżuri oħra meħuda li jinkludu l-għeluq tal-fruntieri kompletament jew parzjalment, jew l-għeluq tagħhom għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE jew ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti fit-territorju tal-Istati Membri, u l-impatt serju ħafna li dawn il-miżuri qed ikollhom fuq in-nies u n-negozji, inkluż fuq is-setturi tat-turiżmu u tax-xogħol staġjonali;

3.  Jirrimarka, filwaqt li jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri tas-saħħa pubblika stabbiliti biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19 permezz ta' tbegħid fiżiku, inklużi miżuri ta' konfinament imposti deċiżi mill-Istati Membri biex ikunu applikabbli għat-territorji tagħhom, li l-Istati Membri pprovdew ftit ġustifikazzjoni fin-notifiki formali tagħhom skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar kif il-kontroll fil-fruntieri huwa mezz xieraq biex tiġi limitata l-firxa tal-COVID-19; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-kontroll fil-fruntieri huwa definit fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen bħala "l-attività mwettqa fuq fruntiera bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta' qsim jew l-att ta' qsim ta' dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra"; jemmen li restrizzjonijiet aktar immirati applikabbli fil-livell reġjonali, inklużi r-reġjuni transfruntiera, kienu jkunu aktar xierqa u inqas intrużivi;

4.  Jirrimarka li r-regoli li jirregolaw il-fruntieri interni tal-Unjoni huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u li meta jadottaw kwalunkwe miżura li jkollha impatt fuq il-qsim tal-fruntieri interni, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw kemm l-ispirtu kif ukoll l-ittra ta' dak il-Kodiċi;

5.  Ifakkar li t-terminoloġija tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen hija inekwivoka: il-kontroll fil-fruntieri interni għandu jkun l-eċċezzjoni, miżura tal-aħħar għażla, abbażi ta' kriterji oġġettivi, li x'aktarx tirrimedja b'mod adegwat it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, strettament meħtieġa u proporzjonata, b'kamp ta' applikazzjoni strettament limitat u għal perjodu ta' żmien strettament limitat; iqis li ħafna min-notifiki li pprovdew l-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed dettall biex jippermettu verifika dwar jekk dawk il-prinċipji ġewx rispettati;

6.  Jirrimarka li l-kunċett ta' "l-aħħar għażla" jirrikjedi verifika dwar jekk miżuri oħra jistgħux ikunu ugwalment jew aktar adattati biex jintlaħaq l-objettiv; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-għażla li jimponu kontrolli minimi tas-saħħa bħala alternattiva aħjar mill-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni; ifakkar f'dan ir-rigward fil-miżuri relatati mas-saħħa dettaljati fil-linji gwida tal-Kummissjoni(9); ifakkar, barra minn hekk, fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija(10), li skontha "fejn f'sitwazzjoni ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, l-Istati Membri jikkunsidraw li japplikaw il-kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399 (li jintroduċi kontroll fil-fruntieri interni), huma għandhom l-ewwel jivvalutaw jekk is-sitwazzjoni tistax tiġi indirizzata b'mod adegwat billi jiġu intensifikati l-verifiki tal-pulizija fit-territorju, inkluż fiż-żoni tal-fruntiera";

7.   Jirrikonoxxi li ż-Żona Schengen qatt qabel ma esperjenzat it-tifqigħa ta' pandemija serja bħal din fit-territorju tagħha; ifakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jiddikjaraw b'mod espliċitu li theddida għas-saħħa pubblika tista' tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta' dħul fil-fruntiera esterna, u jfakkar ukoll li la l-Kodiċi, u lanqas il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ma jsemmu s-saħħa pubblika bħala raġuni għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni, u din l-introduzzjoni mill-ġdid hija prevista biss biex tindirizza theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna;

8.  Jiddispjaċih għall-fatt li xi Stati Membri introduċew kontrolli fil-fruntieri u restrizzjonijiet oħra fil-fruntieri fi żmien qasir mingħajr ma pprovdew biżżejjed informazzjoni lill-popolazzjonijiet tagħhom stess u lil Stati Membri oħra; jiddeplora, barra minn hekk, il-konsegwenzi kollaterali tal-verifiki fil-fruntieri osservati f'xi fruntieri interni, bħal ħinijiet ta' stennija eċċessivi mingħajr faċilitajiet xierqa ta' iġjene u tbegħid fiżiku adegwat, li b'hekk joħolqu riskji għas-saħħa kemm għall-persuni soġġetti għall-verifiki fil-fruntieri kif ukoll għall-gwardji tal-fruntieri, u l-piż addizzjonali fuq gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tal-pulizija diġà taħt pressjoni kbira u li mhumiex professjonisti tas-saħħa mħarrġa; jesprimi tħassib, barra minn hekk, dwar il-ħafna ostakli li ltaqgħu magħhom ħafna ħaddiema transfruntiera fiż-żona Schengen minn mindu faqqgħet il-pandemija, inkluż in-nuqqas ta' informazzjoni ċara u disponibbli dwar ir-restrizzjonijiet applikabbli għalihom meta jaqsmu l-fruntieri;

9.  Jinnota li, skont id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' moviment u ta' residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità, għal raġunijiet ta' saħħa pubblika; jinsisti, madankollu, li s-salvagwardji stabbiliti f'din id-direttiva jridu jiġu garantiti mill-Istati Membri kollha u li trid tiġi żgurata, b'mod partikolari, in-nondiskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini proprji tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE residenti;

10.  Iqis li huwa importanti ħafna li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ, u jiddependi kemm mir-rieda politika tal-Istati Membri kif ukoll mill-impenn tagħhom li jikkoordinaw miżuri skont l-acquis ta' Schengen; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-koordinazzjoni ta' azzjoni fil-livell Ewropew, bl-objettiv li tindirizza l-isfida li toħloq il-COVID-19 għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li żżomm iż-żona Schengen bħala żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tas-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka; jemmen li t-tfittxija għal risponsi Ewropej se twassal għal benefiċċji reċiproċi; jiddeplora u jiċħad kwalunkwe azzjoni mhux ikkoordinata, bilaterali jew multilaterali minn Stati Membri, diskussa barra mill-qafas tal-Unjoni; jirrikjedi li kwalunkwe arranġament irid jirrispetta l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment bl-istess mod li qed jiġu rilassati l-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19; iqis li bil-koordinazzjoni xierqa fil-livell tal-Unjoni, approċċ aktar reġjonali jista' jkun aktar proporzjonat mill-kontrolli fil-fruntieri nazzjonali u jista' jippermetti li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment fejn is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fir-reġjuni ġirien tjiebet b'mod komparabbli;

12.  Jistieden, b'mod urġenti, lill-Istati Membri jiddiskutu, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, Pjan ta' Rkupru għal Schengen, inklużi l-modi u l-mezzi kif iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr pjanijiet ta' kontroll fil-fruntieri interni u ta' kontinġenza f'każ tat-tieni quċċata potenzjali, kemm jista' jkun malajr, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta' żmien;

13.  Ifakkar li, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-kontroll fil-fruntieri interni u l-estensjoni tiegħu, meta jiġi introdott għaliex ikun hemm bżonn ta' azzjoni immedjata, għandha tiġi mmonitorjata fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, u b'mod partikolari tivvaluta l-miżuri li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, kif ukoll il-puntwalità u l-kwalità tan-notifiki mill-Istati Membri, tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi u, fejn meħtieġ, tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi legali tagħhom u tadotta opinjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-prerogattivi tagħha biex titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar tagħha lill-Parlament dwar kif teżerċita l-prerogattivi fl-ambitu tat-Trattati;

14.   Jiddeplora l-fatt li d-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li skontha l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw fi żmien erba' ġimgħat mit-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, tilfet l-iskop maħsub tagħha, u dan iwassal biex il-Parlament ma jkunx infurmat; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri li introduċew kontrolli fil-fruntieri interni biex jirrapportaw fil-ħin, mill-inqas kull sitt xhur, lill-Parlament billi jipprovdu data preċiża u dettaljata dwar ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni ilha mill-2015 ma tippubblika r-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, ħaġa li hija obbligata li tagħmel skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;

15.  Ifakkar li ġew introdotti restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għall-vjaġġi mhux essenzjali kollha lejn iż-Żona Schengen; jissottolinja li d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rifjut ta' dħul fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali b'mod partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tiegħu;

16.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex titlesta l-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE fl-ispazju Schengen; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jippreżenta abbozz ġdid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija malajr kemm jista' jkun; jinsab lest li, meta jikkonsultah il-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni, biex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja; iqis li s-solidarjetà u r-responsabbiltà huma għal kulħadd, u li l-futur taż-żona Schengen jista' jkun biss wieħed mingħajr frammentazzjoni;

17.  Iqis li, fuq perjodu medju ta' żmien, hija meħtieġa riflessjoni dwar kif tista' tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u jiġi żgurat li l-għodod leġiżlattivi tal-Unjoni jipprevedu governanza verament Ewropea taż-żona Schengen, li tkun tippermetti rispons Ewropew ikkoordinat effettiv għall-isfidi bħall-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jinżamm id-dritt għal-libertà ta' moviment u l-prinċipju tan-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni, li huwa fil-qalba tal-proġett ta' Schengen u li ċ-ċittadini tal-UE japprezzaw ħafna; jappella għal proposta mill-Kummissjoni għal dak il-għan sabiex tiġi riformata l-governanza ta' Schengen fid-dawl ta' sfidi ġodda;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) L-acquis ta' Schengen – Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 13).
(2) L-acquis ta' Schengen – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).
(3) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.
(4) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
(5) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(6) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0497.
(8) Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-26 ta' Ġunju 1996 dwar l-estradizzjoni (SCH/Com-ex (96) Decl. 6 Rev. 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 435).
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)1753 tas-16 ta' Marzu 2020 għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali;
(10) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2017)3349 final tat-12 ta' Mejju 2017 dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen.


Protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntieri u staġunali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19
PDF 185kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (2020/2664(RSP))
P9_TA(2020)0176B9-0172/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 9, 26(2), 45, 46, 48, 151, 153 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipji 5, 6, 10, 12 u 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000, dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' meta wieħed jiġi espost għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(14),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-COVID-19 — Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni (C(2020)3250),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Imsieħba Soċjali Ewropej tal-Agrikoltura — il-Grupp ta' Min Iħaddem tal-Assoċjazzjonijiet tal-Agrikoltura Professjonali fl-UE (GEOPA-COPA) u l-Federazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-Ikel, l-Agrikoltura u t-Turiżmu (EFFAT) — tal-15 ta' Mejju 2020 dwar l-iskjerament ta' ħaddiema staġjonali minn pajjiżi Ewropej fl-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-Imsieħba Soċjali tas-settur Horeca Ewropew — EFFAT u l-assoċjazzjoni umbrella tal-lukandi, ir-ristoranti u l-kafetteriji (HOTREC) — tal-11 ta' Marzu 2020 u s-27 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tas-Sħab Soċjali fl-industrija tal-manifattura tal-ikel, EFFAT u FoodDrinkEurope tad-9 ta' April 2020 biex jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fin-negozju tal-ikel matul il-pandemija tas-COVID-19,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea(15),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirresjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru, u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru(16),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tal-2018 għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, b'mod partikolari l-Objettivi 5 u 22,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2020 dwar Rispons Ekonomiku Koordinat għat-Tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0112),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-linji gwida li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-30 ta' Marzu 2020 dwar il-COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika tal-viżi (C(2020)2050),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju(18),

–  wara li kkunsidraw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 184 tal-ILO (Sikurezza u Saħħa fl-Agrikoltura),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kumissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tal-24 ta' April 2020 bit-titolu "COVID-19: lura fuq il-post tax-xogħol — adattament tal-postijiet tax-xogħol u protezzjoni tal-ħaddiema”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa dritt għall-ħaddiema u prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern; billi l-mobilità tax-xogħol m'għandhiex tkun biss libera iżda wkoll ġusta; billi l-Artikolu 45 TFUE jistipula li l-libertà tal-moviment għandha timplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri rigward l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg; billi dan il-prinċipju japplika b'mod ugwali għall-ħaddiema transfruntiera kif ukoll staġjonali, li għandhom jiġu ggarantiti trattament ugwali bħal ħaddiema li huma ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tagħhom f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kemm jekk ikunu drittijiet ugwali, kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali jew protezzjoni ugwali;

B.  billi l-ħaddiema transfruntiera jinkludu persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu biex jaħdmu fi Stat Membru tal-UE filwaqt li jibqgħu residenti fi Stat ieħor, ħaddiema fil-fruntiera u ħaddiema stazzjonati; billi ħaddiem fil-fruntiera huwa ħaddiem li huwa impjegat fiż-żona tal-fruntiera ta' Stat Membru tal-UE iżda li jirritorna kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa lejn iż-żona tal-fruntiera ta' pajjiż ġar li jkun jgħix fih u li tiegħu ikun ċittadin; billi ħaddiem stazzjonat huwa impjegat li jintbagħat minn min iħaddmu jwettaq servizz fi Stat Membru ieħor tal-UE fuq bażi temporanja, fil-kuntest ta' kuntratt ta' servizzi, kollokazzjoni fi ħdan il-grupp jew reklutaġġ permezz ta' aġenzija temporanja; billi l-ħaddiema staġjonali jinkludu ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn Stat Membru biex temporanjament jgħixu u jwettqu attività li tiddependi mill-mogħdija tal-istaġuni;

C.  billi hemm aktar minn 17-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom f'pajjiż tal-UE li mhuwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom (3,9 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2018); billi fl-2014, kien hemm 1,5 miljun stazzjonament ta' ħaddiema fl-UE billi hemm aktar minn 2,3 miljun operazzjoni ta' stazzjonar li għalihom jitwettqu servizzi fi Stat Membru ieħor;

D.  billi l-pandemija tas-CO19 hija theddida serja għas-saħħa pubblika, li tħalli impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE u fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura fl-Istati Membri; billi l-kriżi kellha impatt ulterjuri fuq is-soċjetà Ewropea u l-ekonomija Ewropea, b'mod partikolari fuq dawk il-ħaddiema u setturi, li huma fuq quddiem nett; billi l-ħaddiema kollha huma affettwati, irrispettivament mill-istatus tagħhom; billi t-tifqigħa tal-pandemija tefgħet dawl fuq ir-rabta inerenti bejn il-mobilità ġusta u sikura;

E.  billi ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma essenzjali għall-forniment ta' prodotti u servizzi kritiċi f'setturi ekonomiċi ewlenin bħall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, it-trasport, il-loġistika, il-kostruzzjoni, is-servizzi soċjali inklużi l-kura, ix-xogħol soċjali u t-turiżmu, iżda wkoll l-ipproċessar u l-ippakkjar tal-ikel, is-sajd, il-forestrija, il-kura tas-saħħa u r-riċerka, l-industriji tal-IT u tal-farmaċewtika, industriji infrastrutturali kritiċi u setturi oħra, u huma vitali għal kwalunkwe sforz ta' rkupru ekonomiku; billi l-mudelli kummerċjali ta' xi aġenziji u impjegaturi temporanji f'dawn is-setturi jistgħu jkunu bbażati fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; billi l-ispettorati tax-xogħol ripetutament jirrapportaw ksur tad-drittijiet tax-xogħol ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali f'dawn is-setturi;

F.  billi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali ntlaqtu ħażin ferm kemm mill-kriżi kif ukoll mill-miżuri tal-Istati Membri biex jitrażżan u jiġi evitat it-tixrid tal-virus, b'mod partikolari l-għeluq tal-fruntieri, ir-restrizzjonijiet temporanji u l-kontrolli fil-fruntieri interni; billi l-pandemija tas-COVID-19 wasslet għall-għeluq tal-fruntieri u l-waqfien jew is-sospensjoni ta' bosta attivitajiet ekonomiċi, li mbagħad wasslu għal żieda fil-qgħad u kwistjonijiet serji ta' rilokazzjoni għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali li sabu lilhom infushom imblukkati fl-Istati Membri fejn kienu impjegati qabel, mingħajr mezzi ta' dħul, protezzjoni jew trasport u, xi drabi, mingħajr kenn, aċċess għal kura tas-saħħa jew għall-ikel; billi l-ħaddiema żgħażagħ u nisa li huma transfruntiera jew staġjonali jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli;

G.  billi numru kbir ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma impjegati b'kuntratti ta' xogħol għal żmien qasir, li jagħtuhom ftit li xejn sigurtà ta' impjieg u l-ebda kopertura ta' sigurtà soċjali jew kopertura insuffiċjenti, u spiss iħalluhom taħt il-livelli nazzjonali biex jikkwalifikaw li jirċievu benefiċċji soċjali; billi ħafna drabi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali jiġu minn reġjuni foqra u vulnerabbli, minn minoranzi u minn gruppi soċjali, ħafna drabi jkunu f'riskju ta' faqar fl-impjieg u ta' esklużjoni soċjali, u jistgħu jkunu soġġetti għal ksur possibbli tad-drittijiet tagħhom minn dawk li jirreklutaw, l-aġenziji jew minn min iħaddem, li kollha kemm huma ġew aggravati mill-pandemija; billi l-ħaddiema fuq xogħol għal żmien qasir ħafna drabi jgħixu f'akkomodazzjoni fi grupp, u dan jagħmel tbegħid soċjali diffiċli u jżid ir-riskju ta' infezzjoni tagħhom; billi tifqigħat kbar ta' infezzjonijiet tal-COVID-19 seħħew f'industriji bħall-produzzjoni tal-ikel u x'aktarx li jkomplu f'setturi u f'postijiet tax-xogħol fejn jista' jkun diffiċli li jiġi osservat tbegħid soċjali sakemm ma jiġux introdotti miżuri xierqa;

H.  billi bosta ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19; billi matul il-kriżi tfaċċaw rapporti inkwetanti ta' ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, b'mod partiklari dwar il-ħin tax-xogħol, il-pagi minimi, is-sensji inġusti, l-istandards tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bħal pereżempju nuqqas ta' struzzjonijiet bil-miktub u avviżi fuq il-post tax-xogħol, nuqqas ta' trasport sikur u akkomodazzjoni diċenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti sanitarji u fejn jistgħu jinżammu miżuri ta' tbegħid soċjali, pressjoni għolja u mudelli ta' xogħol mhux adattati, arranġamenti ta' stazzjonar u prattiki ta' sottokuntrattar, nuqqas ta' konformità mar-restrizzjonijiet ta' kwarantina u mal-appoġġ ta' ripatrijazzjoni, u forniment inadegwat ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE); billi dawn ir-rapporti u l-kriżi ġeneralment esponew u aggravaw id-dumping soċjali u l-prekarjetà eżistenti tas-sitwazzjonijiet ta' ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-protezzjoni tagħhom; billi ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-prattika huma dipendenti fuq min iħaddimhom jew fuq aġenzija temporanja mhux biss għad-dħul tagħhom, iżda wkoll għall-akkomodazzjoni tagħhom; billi bosta ħaddiema transfruntiera u staġjonali sfaw mingħajr saqaf fuq rashom wara li ngħataw s-sensja; billi minħabba ċ-ċirkostanzi vulnerabbli tagħhom, dawn il-ħaddiema jistgħu jsibuha diffiċli li jirrapportaw abbużi jew li ma jmorrux ix-xogħol jekk iħossuhom morda, minħabba nuqqas ta' informazzjoni jew biża' li jitilfu d-dħul, l-akkomodazzjoni jew l-istatus ta' residenza tagħhom;

I.  billi l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri transfruntiera ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi; billi l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19 sabiex il-ħaddiema, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri jiġu kkumpensati finanzjarjament huma prinċipalment ibbażati fuq is-suq tax-xogħol nazzjonali u ħafna drabi ma jqisux b'mod adegwat il-ħaddiema transfruntiera u l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom;

J.  billi għadd ta' ħaddiema qabdithom il-COVID-19, u kien hemm fatalitajiet f'diversi Stati Membri; billi l-aċċess ta' tali ħaddiema għal kura xierqa, għal kura għal strutturi mediċi kif ukoll għal assigurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali kien problematiku jew f'xi każijiet ineżistenti anke qabel il-kriżi; billi l-promozzjoni u l-aċċess għal-liv minħabba l-mard fost dawn il-ħaddiema huma wkoll problema;

K.  billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita f'Lulju 2019 bil-għan li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u l-infurzar effikaċi tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; billi l-ELA mistennija tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha sal-2024;

L.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u s-sħab soċjali kienu strumentali fil-provvediment ta' għajnuna lill-ħaddiema matul il-kriżi, kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom kif ukoll fl-Istati Membri tal-impjieg tagħhom;

M.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali affettwati mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 s'issa ma setgħux jaċċedu drittijiet adegwati fil-qasam tal-protezzjoni u s-sigurtà soċjali, minħabba l-koordinazzjoni mxekkla bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri li ġiet aggravata mill-COVID-19; billi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali sabu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn mhumiex neċessarjament eliġibbli għal miżuri temporanji ta' appoġġ bħal skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, benefiċċji tal-qgħad aġġustati u miżuri intiżi sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol mid-dar;

N.  billi matul il-kriżi xi Stati Membri ħadu azzjoni biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 u biex jieħdu nota tar-rwol tagħhom fis-soċjetajiet tagħna;

O.  billi l-ħaddiema fruntaliera u r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE ġew ukoll affettwati serjament mill-kriżi f'termini ta' impjiegi, aċċess għall-postijiet tax-xogħol u arranġamenti tat-telexogħol, u l-inċertezza tad-dritt fir-rigward tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa applikabbli;

P.  billi s-settur agrikolu Ewropew ġieli jkollu dħul li jkun anqas mill-medja flimkien ma' ħin twil tax-xogħol, każijiet ta' inċidenti u mard u parteċipazzjoni baxxa fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ, b'mod partikolari għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali; billi l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol fis-settur agrikolu huma waħda mill-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' ħaddiema f'xi Stati Membri;

Q.  billi ma hemm l-ebda sistema ta' ġbir sistematiku ta' data jew ta' traċċar diġitali fis-seħħ fil-livell tal-UE biex tiġi pprovduta data adegwata dwar l-għadd totali ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali affettwati jew biex il-ħaddiema jkunu jistgħu faċilment u malajr jistabbilixxu l-istatus tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom u jitolbu diversi intitolamenti akkumulati qabel ma bdiet il-kriżi; billi wisq ta' spiss il-muniċipalitajiet ma jkollhomx informazzjoni dwar il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali li qed jgħixu u jaħdmu hemmhekk;

R.  billi hemm riskju li l-kriżi tista' tkompli taggrava l-problemi eżistenti fit-trattament ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali minn ċerti aġenziji ta' reklutaġġ u min iħaddem fil-livell lokali;

Il-protezzjoni tad-drittijiet, l-iżgurar tas-sigurtà u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ

1.  Jilqa' l-gwida kontinwa tal-Kummissjoni bħala parti mill-koordinazzjoni li għaddejja bħalissa ta' rispons komuni tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni, u l-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust tal-ħaddiema; jenfasizza li l-kontrolli fuq il-fruntieri, l-iskrinjar tas-saħħa u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment jeħtiġilhom jibqgħu proporzjonati u eċċezzjonali u li għandha tiġi stabbilita mill-ġdid il-libertà ta' moviment fit-totalità tagħha hekk kif is-sitwazzjoni nazzjonali titqies sikura fir-rigward tal-COVID-19; ifakkar li l-prinċipju ta' trattament ugwali mhuwiex limitat għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali f'setturi u okkupazzjonijiet essenzjali biss, iżda jestendi għall-ħaddiema kollha li għandhom bżonn jaqsmu l-fruntieri interni, minħabba li s-setturi li fihom jaħdmu huma miftuħa wkoll għall-ħaddiema lokali fl-Istat Membru ospitanti li fih jaħdmu; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex ineħħu malajr kemm jista' jkun ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri diskriminatorji ta' konfinament u ta' kwarantina għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali biex jiġi evitat in-nuqqas ta' ħaddiema f'setturi fundamentali u għall-benefiċċju tal-ħaddiema, filwaqt li jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà tagħhom;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jiżguraw li l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u l-intraprendituri transfruntiera u l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom jingħataw protezzjoni adegwata mill-COVID-19 u l-effetti tagħha, inkluż aċċess faċli għall-ittestjar, u jkunu infurmati dwar ir-riskji u l-prekawzjonijiet ta' sigurtà li għandhom jittieħdu b'lingwa li jifhmu; jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tal-ħaddiema żgħażagħ u nisa transfruntiera jew staġjonali; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm miżuri biex jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tagħhom jiġu ssalvagwardjati matul l-ivvjaġġar tagħhom u kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni deċenti li jiżguraw it-tbegħid soċjali fil-postijiet tax-xogħol tagħhom jekk ma jkunux ir-residenza tagħhom, u li s-soluzzjonijiet ta' ripatrijazzjoni li ma jkunux għad-detriment tal-ħaddiem isiru disponibbli, jekk ikunu meħtieġa; jissottolinja li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-aċċess għad-drittijiet soċjali, inkluża l-esportazzjoni tagħhom, trid tiġi rispettata; jenfasizza li l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali ma għandhomx jintesew wara li jeżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom bħala ċittadini tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tas-sħab soċjali u l-OSĊ li qed jaħdmu attivament f'dan il-qasam sabiex jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jitħalla l-art fit-territorju tagħhom minħabba l-kriżi, jew minħabba raġuni oħra, ikollu aċċess adegwat u urġenti għas-servizzi pubbliċi, appoġġ tat-trade unions, akkomodazzjoni deċenti, tagħmir protettiv, ikel u kura tas-saħħa; jilqa' l-involviment tas-sħab soċjali biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għas-settur fir-rigward tal-mobbiltà u d-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, fil-kuntest tal-COVID-19, it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi u l-ħaddiema staġonali li huma ċittadini tal-UE, kif iddikjarat fid-Direttiva 2014/36/UE, filwaqt li jfakkar li dawn il-ħaddiema għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol u drittijiet soċjali bħaċ-ċittadini tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'urġenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE fir-rigward tad-drittijiet ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, inkluż permezz ta' spezzjonijiet tax-xogħol, miftiehma u konġunti, fil-livell nazzjonali u dak transfruntier; jinsisti li għandhom jittieħdu miżuri ċari biex jiġi żgurat li qabel it-tluq il-ħaddiema jkollhom fehim ċar tal-kuntratti, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, informazzjoni sħiħa dwarhom kif ukoll aċċess bla xkiel għalihom, u biex jiġi żgurat li dawn il-kuntratti jkunu disponibbli għall-entitajiet tal-protezzjoni tax-xogħol fil-qasam tal-impjieg tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità tal-ispettorati tax-xogħol u jagħtu prijorità lis-setturi li fihom l-ħaddiema jkunu f'riskju;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-linji gwida tagħha dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u, b'mod partikolari, toħroġ linji gwida speċifiċi ġodda għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u imprendituri transfruntiera u persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u Stati Membri fil-kuntest ta' COVID-19, speċifikament fir-rigward tal-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust, l-akkomodazzjoni deċenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli, u r-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà inkluża l-ħtieġa li jiġi żgurat it-tbegħid soċjali matul it-trasport, fl-akkomodazzjoni u fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-aċċess għal kura tas-saħħa u l-provvediment tagħha, il-forniment ta' informazzjoni bħal struzzjonijiet bil-miktub u avviżi fuq il-post tax-xogħol lill-ħaddiema f'lingwa li jistgħu jifhmu, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' dawn; jissottolinja li s-sħab soċjali jeħtiġilhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-abbozzar ta' dawn il-linji gwida;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni ta' kwalità għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, li għandha tkun separata mir-remunerazzjoni tagħhom u jiżguraw faċilitajiet diċenti, privatezza tal-inkwilin u kuntratti ta' kera bil-miktub infurzati minn spettorati tax-xogħol, u jistabbilixxu standards f'dan ir-rigward;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELA ssir kompletament operazzjonali malajr kemm jista' jkun u taħdem biex tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' individwi f'sitwazzjonijiet tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera, inkluż permezz ta' sit elettroniku uniku għall-UE kollha, li għandu jservi bħala portal għal aċċess għal sorsi ta' informazzjoni u servizzi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; jidentifika n-nuqqas ta' proċess armonizzat ta' senjalar ta' abbużi u problemi; jistieden għalhekk lill-ELA, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, biex tinħoloq faċilità Ewropea għall-ħaddiema transfruntiera biex jirrapportaw abbuż b'mod anonimu u biex jiġi implimentat l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/1149 bl-għan li jitwettqu spezzjonijiet konġunti jew miftiehma f'każijiet ta' abbuż possibbli miġjuba għall-attenzjoni tagħha;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet fit-tul biex tindirizza l-prattiki abbużivi ta' sottokuntrattar u tissalvagwardja l-ħaddiema staġjonali u transfruntiera impjegati tul il-katina tas-sottokuntrattar u tal-provvista;

Il-promozzjoni ta' mobbiltà ġusta u t-tisħiħ tas-suq intern

10.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iħejju għal mewġiet futuri possibbli tal-COVID-19, u jappella għal darb' oħra għall-koordinazzjoni ta' miżuri nazzjonali mal-fruntieri u l-iżvilupp ta' miżuri ta' sigurtà għall-ħaddiema mobbli, inkluż kenn sikur; jinnota li għandhom jiġu stabbiliti kontinġenzi permanenti ta' mobbiltà, bl-identifikazzjoni u ż-żamma ta' "kurituri ħodor", flimkien ma' miżuri ta' sigurtà u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet għall-ivvjaġġar stabbiliti sew u kkomunikati; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-istituzzjonijiet transfruntiera eżistenti, inkluż fiż-żamma u l-aġġornament regolari tar-rekords tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali kollha rreġistrati fil-muniċipalitajiet fejn għandhom l-akkomodazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-prinċipji ta' gwida għal kwalunkwe miżura li ttieħdet fid-dawl tal-kriżi u tat-triq lejn l-irkupru għandhom ikunu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha, u r-rispett għall-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli kollha u l-infurzar effikaċi tagħhom, filwaqt li tiġi rikonoxxuta s-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema transfruntiera u mobbli matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha;

11.  Ifakkar fl-importanza u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni tajba ma' pajjiżi terzi fejn hemm numru kbir ta' ħaddiema transfruntiera, bħal dawk fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-Isvizzera u r-Renju Unit;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni tajba bejn l-Istati Membri rigward il-ġbir ta' data dwar il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali sabiex jimtlew il-lakuni fil-prattiki nazzjonali, jinkiseb aċċess aħjar għall-informazzjoni disponibbli, u jinħoloq suq tax-xogħol intern li jkun prevedibbli u aċċessibbli; jistieden lill-ELA tieħu rwol attiv fil-ġbir u l-koordinazzjoni tad-data għall-finijiet tat-twettiq ta' analiżi dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-valutazzjonijiet tar-riskju skont il-kompiti tagħha kif stabbilit fir-regolament ta' twaqqif tagħha;

13.  Jemmen li sabiex jiġu protetti l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, min iħaddem jeħtieġ wkoll regoli ċari u ċarezza legali; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jżommu informazzjoni aġġornata dwar dawn ir-regoli kollha, inklużi dawk relatati mal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-ivvjaġġar, fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li toħloq portal jew applikazzjoni mobbli li tkun tista' tiġbor data mill-Istati Membri sabiex toffri liċ-ċittadini tal-UE informazzjoni preċiża u f'ħin reali dwar ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-ivvjaġġar, flimkien ma' possibbiltajiet tal-ivvjaġġar u rotot disponibbli fil-każ li l-miżuri ta' emerġenza jkunu parzjalment jew kompletament riintrodotti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema transfruntiera, b'mod partikolari l-ħaddiema fruntaliera u l-persuni li jaħdmu għal rashom affettwati mill-kriżi u inklużi dawk bit-telexogħol mill-pajjiż ta' residenza tagħhom, ikollhom aċċess għad-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għad-drittijiet tax-xogħol u għar-reġimi fiskali applikabbli, u jibbenefikaw minn informazzjoni ċerta fir-rigward tal-awtorità kompetenti għall-kopertura tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar bl-istess kundizzjonijiet bħall-impjegati oħra, u ma jkunux affettwati b'mod negattiv fir-rigward tad-drittijiet fiskali jew tas-sigurtà soċjali minħabba t-tul tas-soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom minħabba l-pandemija; jitlob li l-ħin maħdum bħala telexogħol barra mill-pajjiż għandu jiġi kklassifikat bħal li kieku sar fil-pajjiż tax-xogħol;

Ir-reżiljenza, it-tranżizzjoni diġitali u l-iżgurar tat-trasparenza

15.   Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju urġenti dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, inkluż ir-rwol tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, tal-aġenziji tar-reklutaġġ, ta' intermedjarji u sottokuntratturi oħra, bil-għan li jiġu identifikati l-lakuni fil-protezzjoni u l-ħtieġa possibbli li jiġi rivedut il-qafas leġiżlattiv fis-seħħ, bħall-qafas leġiżlattiv għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali u d-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, kif ukoll il-protezzjoni minn pandemija; jenfasizza li l-lezzjonijiet miksuba mhux biss huma validi fir-rigward tal-kriżi tal-COVID-19, iżda għandhom ukoll isaħħu t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza bil-ħsieb li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fi żminijiet ta' kriżi u normalità;

16.  Jissottolinja li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li s-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom ikunu stabbli, affidabbli u reżistenti għall-kriżijiet u li l-UE tipprevedi regoli komuni li jipproteġu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali meta wieħed jiċċaqlaq fl-Ewropa; jistieden lill-Presidenzi attwali u futuri tal-Kunsill u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom mal-Parlament biex jintlaħaq ftehim malajr u bbilanċjat dwar ir-reviżjoni proposta tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali sabiex jitfasslu regoli modernizzati u adatti għall-iskop tagħhom li jrawmu l-mobbiltà ġusta u protezzjonijiet soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE, filwaqt li jiġġieldu b'mod effikaċi l-frodi soċjali u l-abbuż tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema mobbli; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jimplimentaw il-komponenti kollha tas-Sistema ta' Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) b'mod urġenti sabiex jiġu żgurati kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u pproċessar diġitizzat aktar rapidu ta' każijiet individwali għall-benefiċċju ta' persuni f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-paġni web tagħha fid-dawl tal-COVID-19 u tippromwovi l-paġni web tagħha li joffru informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, kif ukoll dettalji dwar l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-protezzjoni tax-xogħol, u biex tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kampanji informattivi ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, bl-involviment tas-sħab soċjali u l-OSĊ sabiex tinxtered aktar l-informazzjoni;

18.  Itenni l-importanza ta' protezzjoni xierqa tal-informaturi fl-Istati Membri, inkluż għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2019/1937 għall-ħaddiema kollha irrispettivament mill-istatus tagħhom u biex jeżaminaw modi ta' kif il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi tista' tiġi applikata għal ħaddiema transfruntiera jew staġjonali li jissenjalaw abbużi; jenfasizza l-ħtieġa ta' inklużjoni trasparenti tal-possibbiltajiet disponibbli biex jiġu senjalati l-abbużi u jingħata appoġġ fil-kuntratti tax-xogħol mingħajr biża' ta' rappreżalji; jenfasizza li l-aċċess għat-trade unions u l-OSĊ, inkluż fil-pajjiż ospitanti, irid jiġi żgurat għal dawn il-ħaddiema;

19.  Iqis li l-istabbiliment ta' sistema diġitali u dinamika għall-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri jista' jgħin biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-abbużi ta' drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u x-xogħol mhux iddikjarat u l-kwistjonijiet relatati magħhom, u jgħin biex tiġi determinata l-kopertura tas-sistema tas-sigurtà soċjali kompetenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tħejji valutazzjoni eżawrjenti tal-impatt dwar l-introduzzjoni ta' Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew diġitali bil-ħsieb li tniedi proposta; jissottolinja li kwalunkwe data personali għandha tintuża biss għall-iskop speċifiku maħsub u biss mill-awtoritajiet kompetenti għas-sigurtà soċjali, f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(19);

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema b'mod korrett, fi żmien utli u b'mod ambizzjuż, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali u protezzjoni sħiħa tal-ħaddiema stazzjonati, b'mod partikolari sabiex jiġi rispettat l-obbligu fl-Artikolu 3(7) tad-direttiva impost fuq min iħaddem, li għandu jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonati għall-allowances imħallsa bħala rimborż ta' spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonar, bħal spejjeż ta' vjaġġar, ta' alloġġ jew ta' ikel, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg;

21.  Jidentifika l-ħtieġa li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tindirizza n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet ċari għall-istabbiliment ta' aġenziji ta' xogħol temporanju u aġenziji ta' reklutaġġ immirati lejn ħaddiema transfruntiera u staġjonali fl-UE; ifakkar fil-prattiki tajba fis-seħħ fejn tali kumpaniji huma soġġetti għal liċenzji ċari ta' trasparenza minn korpi amministrattivi speċifiċi;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"u r-reviżjoni li jmiss tal-politika agrikola komuni jagħtu riżultati għall-ħaddiema agrikoli fl-Ewropa, inklużi ħaddiema staġjonali, migranti u ħaddiema mobbli oħra;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-immaġni negattiva tal-ħaddiema staġjonali u transfruntiera fejn dan iseħħ; jinnota li l-Istati Membri ta' residenza għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu lill-ħaddiema staġonali u transfruntiera b'aċċess għal informazzjoni adegwata fuq ix-xogħol u s-sigurtà soċjali; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-każ ta' inċidenti relatati max-xogħol u assistenza għar-ripatrijazzjoni u r-riintegrazzjoni, filwaqt li jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati mill-aġenziji ta' reklutaġġ, mis-subkuntratturi u minn intermedjarji oħra li joperaw fit-territorju tagħhom

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8.
(2) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.
(3) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.
(4) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.
(5) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21.
(6) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(7) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(8) ĠU L 393, 30.12.1989, p. 1.
(9) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(10) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16.
(11) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(12) ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.
(13) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(14) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
(15) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.
(16) ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.
(17) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(18) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 88.
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza