Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2020 - Brussell
Informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija ***II
 Ħatra ta' Helga Berger bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
 Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)
 Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ***I
 Regolament li jemenda (UE) 2017/2454 f'dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 *
 Ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun
 Drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19

Informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija ***II
PDF 125kWORD 41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (05142/1/2020 – C9-0103/2020 – 2018/0140(COD))
P9_TA(2020)0177A9-0119/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05142/1/2020 – C9-0103/2020),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0279),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 40 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0119/2020),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qiegħed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 265.
(2) Testi adottati, 12.3.2019, P8_TA(2019)0139.


Ħatra ta' Helga Berger bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
PDF 117kWORD 41k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-ħatra proposta ta' Helga Berger bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C9-0129/2020 – 2020/0802(NLE))
P9_TA(2020)0178A9-0126/2020

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0129/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9‑0126/2020),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2020, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Helga Berger bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)
PDF 122kWORD 42k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (C9-0080/2020 – 2020/0905(NLE))
P9_TA(2020)0179A9-0132/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-5 ta' Marzu 2020 (C9-0080/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0132/2020),

A.  billi d-Direttur Eżekuttiv preċedenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea rriżenja mill-kariga fil-31 ta’ Jannar 2020;

B.  billi, fil-5 ta' Marzu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea, wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa, ippropona li jaħtar lil François-Louis Michaud bħala Direttur Eżekuttiv għal mandat ta' ħames snin, f'konformità mal-Artikolu 51(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

C.  billi, fid-29 ta' Ġunju 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' François-Louis Michaud, li fiha huwa għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.  Japprova l-ħatra ta' François-Louis Michaud bħala Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0023.


Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ***I
PDF 133kWORD 43k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (COM(2020)0206 – C9-0145/2020 – 2020/0086(COD))
P9_TA(2020)0180A9-0111/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0206),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0145/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2020(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-17 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0111/2020),

A.  billi għal raġunijiet ta' urġenza huwa ġustifikat li jipproċedi għall-votazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu ta' tmien ġimgħat stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta' Lulju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

P9_TC1-COD(2020)0086


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2020/1041.)

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Regolament li jemenda (UE) 2017/2454 f'dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 *
PDF 158kWORD 44k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f'dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0201 – C9-0136/2020 – 2020/0084(CNS))
P9_TA(2020)0181A9-0123/2020

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0201),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0136/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0123/2020),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Minkejja li t-tifqigħa tal-COVID-19 toħloq diffikultajiet ġenwini għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li din ma tintużax bħala skuża għal dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni ta' regoli maqbula komunement. Qabel it-tifqigħa, ċerti Stati Membri kienu indikaw li kien se jkollhom dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida. Lil hinn mid-diffikultajiet immedjati marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li l-gvernijiet jagħmlu kull sforz possibbli biex jimplimentaw is-sistema l-ġdida. Jenħtieġ li l-Istati Membri li qed jiffaċċaw kwistjonijiet li jistgħu jikkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli jużaw l-assistenza teknika pprovduta mill-Kummissjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku. L-għanijiet tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku li tiġi ffaċilitata l-kompetittività globali tal-SMEs Ewropej, li tittaffa l-pressjoni amministrattiva fuq il-bejjiegħa tal-Unjoni u li jiġi żgurat li l-pjattaformi online jikkontribwixxu għal sistema ta' ġbir tal-VAT aktar ġusta filwaqt li tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa huma aspetti ewlenin ta' kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID-19.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 5
(5)  Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19, u jqis li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom biex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jeħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu posposti b'sitt xhur. Posponiment ta' sitt xhur huwa xieraq għaliex jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista' jkun biex jitnaqqas kemm jista' jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.
(5)  Meta wieħed iqis l-isfidi l-ġodda ffaċċjati mill-Istati Membri b'riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom sabiex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2454, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jaf ikun meħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu posposti bi tliet xhur. Il-posponiment mhuwiex mixtieq, peress li jwassal għal telf ta' dħul u żieda fid-diskrepanza tal-VAT, filwaqt li jestendi l-kompetizzjoni inġusta bejn il-bejjiegħa mhux tal-UE u dawk tal-Unjoni. Madankollu, posponiment ta' tliet xhur jaf ikun xieraq peress li jallinja mal-perjodu ta' lockdown fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Jekk ikun hemm posponiment saħansitra itwal, dan jestendi r-riskju ta' frodi tal-VAT fi żmien meta l-finanzi pubbliċi jenħtieġ li jiġu riforniti sabiex tiġi miġġielda l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha. Dewmien itwal ta' sitt xhur jista' jwassal għal telf ta' dħul ta' bejn EUR 2,5 biljun u EUR 3,5 biljun għall-Istati Membri. Fid-dawl tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, huwa tal-akbar importanza li jiġi evitat telf ulterjuri ta' dħul.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a
Regolament (UE) 2017/2454
Artikolu 1 – punt 7 – punt a – intestatura – taqsima 2
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015 sat-30 ta' Ġunju 2021
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Marzu 2021
Emenda 4
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b – punt i
Regolament (UE) 2017/2454
Artikolu 1 – punt 7 – punt b – intestatura – taqsima 3
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Lulju 2021
Dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' April 2021
Emenda 5
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Regolament (UE) 2017/2454
Artikolu 2 – paragrafu 2
Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2021.
Għandu japplika mill-1 ta' April 2021.

Ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun
PDF 143kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun (2020/2621(RSP))
P9_TA(2020)0182B9-0205/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta' minuri tal-25 ta' Ottubru 1980 (minn issa 'l quddiem "il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 3(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji enfasizzati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-2017,

–  wara li kkunsidra r-rwol u l-attivitajiet tal-Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-kwistjoni tal-ħtif ta' tfal minn ġenitur u t-tilwimiet dwar il-kustodja u l-aċċess li jinvolvu tfal b'ċittadinanza tal-UE fil-Ġappun,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet waqt il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Frar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iddiskuta l-petizzjonijiet 0594/2019, 0841/2019, 0842/2019 u 0843/2019 dwar il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri u d-drittijiet ta' żjarat li jinvolvu koppji ta' nazzjonalità mħallta, fejn persuna waħda mill-koppja hija ċittadina tal-UE u l-oħra hija Ġappuniża;

B.  billi dawk il-petizzjonijiet qajmu tħassib dwar ir-rekord fqir tal-Ġappun fl-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti biex it-tfal jingħataw lura skont il-proċedimenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u dwar in-nuqqas ta' mezzi biex jiġu infurzati d-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat, u b'hekk il-ġenituri tal-UE ma jitħallewx iżommu relazzjoni sinifikanti mat-tfal tagħhom li jgħixu fil-Ġappun;

C.  billi l-għadd sinifikanti ta' każijiet mhux solvuti ta' ħtif ta' tfal minn ġenitur fejn wieħed/waħda mill-ġenituri huwa/hija ċittadin(a) tal-UE u l-ieħor/l-oħra huwa/hija ċittadin(a) Ġappuniż(a) huwa allarmanti;

D.  billi skont il-liġi Ġappuniża ma hemm l-ebda possibbiltà li tinkiseb il-kustodja kondiviża jew konġunta; billi ntwera minn sorsi differenti li l-ħtif ta' tfal huwa forma qawwija ta' abbuż tat-tfal;

E.  billi d-drittijiet ta' aċċess jew ta' żjarat tal-ġenituri "abbandunati" fil-Ġappun huma estremament limitati jew ma jeżistux;

F.  billi l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tal-UNCRC;

G.  billi l-Ġappun aderixxa mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-2014 u ilu parti għall-UNCRC mill-1994;

H.  billi t-tfal li huma ċittadini tal-UE u jgħixu fil-Ġappun jeħtiġilhom li jkollhom id-dritt għall-protezzjoni u l-kura kif inhu meħtieġ għall-benesseri tagħhom; billi huma jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod liberu; billi dawn l-opinjonijiet iridu jitqiesu f'kwistjonijiet li jirrigwardawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom.

I.  billi l-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà primarja għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom; billi l-partijiet għandhom l-obbligu li jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jiżguraw li jiġi rikonoxxut il-prinċipju li ż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltajiet komuni fit-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom;

J.  billi, f'kull azzjoni relatata mat-tfal tal-UE fil-Ġappun, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja;

K.  billi kull tifel u tifla tal-UE fil-Ġappun jeħtiġilhom li jkollhom id-dritt li jżommu, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal;

L.  billi l-partijiet huma obbligati jiżguraw li t-tfal ma jinfirdux mill-ġenituri tagħhom kontra r-rieda tagħhom, ħlief meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw, b'mod li jkun soġġett għal rieżami ġudizzjarju, skont il-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali firda hija meħtieġa għall-aħjar interessi tal-istess tfal; billi tali deċiżjoni tista' tkun meħtieġa f'każijiet partikolari bħal meta t-tfal ikunu abbużati jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom, jew meta l-ġenituri jkunu jgħixu separatament u tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar il-post ta' residenza tat-tfal;

M.  billi l-partijiet għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-dritt tat-tfal, mifruda minn ġenitur wieħed jew miż-żewġ ġenituri, li jibqgħu jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tfal;

N.  billi sabiex jiġi żgurat ir-ritorn f'waqtu tat-tfal, il-partijiet kollha għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jeħtiġilhom jintrabtu li jistabbilixxu miżuri u leġiżlazzjoni nazzjonali li jkunu kompatibbli mal-obbligi u d-dmirijiet tagħhom skont it-trattat;

O.  billi t-tfal li l-ġenituri tagħhom jgħixu fi stati differenti għandu jkollhom id-dritt li jżommu fuq bażi regolari, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri;

P.  billi l-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel tkellmu mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe f'isem il-ġenituri Franċiżi, Taljani u Ġermaniżi, u l-Ambaxxaturi Ewropej għall-Ġappun kitbu ittra konġunta lill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġappun rigward il-ħtif ta' tfal minn ġenitur;

Q.  billi f'Awwissu 2019 tressaq ilment formali quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU minn ġenituri li t-tfal tagħhom kienu nħatfu mill-ġenitur l-ieħor/l-oħra;

R.  billi l-Koordinatur tal-Parlament għad-Drittijiet tat-Tfal ilu mill-2018 jgħin lill-ġenituri individwali u jqajjem kwistjonijiet speċifiċi relatati ma' tilwim dwar il-ħtif ta' tfal minn ġenitur u dwar il-kustodja u l-aċċess li jinvolvu ċittadini tal-UE mal-awtoritajiet Ġappuniżi, inklużi l-Ministru tal-Ġustizzja Ġappuniż f'Ottubru 2018 u l-Ambaxxatur Ġappuniż għall-UE f'Mejju 2019;

S.  billi, fis-6 ta' Marzu 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u fil-5 ta' Frar 2020 il-Koordinatur tal-PE għad-Drittijiet tat-Tfal bagħtu ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), Josep Borrell, fejn talbu li, fl-aġenda tal-laqgħa konġunta li jmiss, organizzata bħala parti mill-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun, jiġu inklużi l-obbligi internazzjonali tal-Ġappun skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u l-UNCRC;

T.  billi fit-tieni laqgħa tal-kumitat konġunt skont il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun fil-31 ta' Jannar 2020, l-UE appellat lill-Ġappun biex itejjeb il-qafas ġuridiku nazzjonali tiegħu u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu biex jiżgura r-rispett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-impenji internazzjonali tal-Ġappun, bħall-UNCRC u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980; billi l-UE insistiet ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-aħjar interessi tat-tfal u li jiġu rispettati d-drittijiet ta' żjarat mogħtija lill-ġenituri;

U.  billi, wara l-eżitu tal-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Frar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet bagħat ittra lill-Missjoni tal-Ġappun għall-Unjoni Ewropea, li fiha ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġappuniżi jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal u l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta' minuri;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tat-tfal li qed ibatu minħabba l-ħtif ta' tfal minn ġenitur fil-Ġappun u dwar il-fatt li l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti mhumiex infurzati kullimkien; ifakkar li t-tfal tal-UE fil-Ġappun iridu jgawdu mill-protezzjoni prevista fil-ftehimiet internazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom;

2.  Jinnota b'dispjaċir li l-Ġappun, bħala sieħeb strateġiku tal-UE, ma jidhirx li qed jikkonforma mar-regoli internazzjonali f'każijiet ta' ħtif ta' tfal; ifakkar li l-qafas ġuridiku tal-pajjiż għandu jittejjeb ħalli, pereżempju, deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Ġappuniżi u qrati oħra ta' pajjiżi rilevanti fi proċeduri taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar ir-ritorn tat-tfal jiġu infurzati b'mod effettiv fil-Ġappun;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem għat-tfal huma dipendenti mill-azzjonijiet nazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun; jenfasizza li għadd ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi huma meħtieġa biex jissalvagwardjaw, inter alia, id-dritt tat-tfal għaż-żewġ ġenituri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġappuniżi jinfurzaw b'mod effettiv id-deċiżjonijiet tal-qrati dwar id-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat mogħtija lill-ġenituri "abbandunati" u biex dawn tal-aħħar iżommu kuntatt sinifikanti mat-tfal tagħhom li jgħixu fil-Ġappun; jenfasizza li dawn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu dejjem billi jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal;

4.  Jenfasizza li l-każijiet ta' ħtif ta' tfal jeħtieġu trattament rapidu peress li l-mogħdija taż-żmien jista' jkollha konsegwenzi negattivi fit-tul għat-tfal u għar-relazzjonijiet futuri bejn it-tfal u l-ġenitur "abbandunat(a)";

5.  Jirrimarka li l-ħtif ta' tfal minn ġenitur jista' jkun ta' ħsara għall-benesseri tat-tfal u jista' jkollu effetti dannużi fit-tul; jenfasizza li l-ħtif ta' tfal jista' jwassal għal problemi ta' mard mentali kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenitur "abbandunat";

6.  Jissottolinja li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huwa li t-tfal jiġu protetti mill-effetti dannużi tal-ħtif ta' tfal minn ġenitur billi jiġu stabbiliti proċeduri li jiżguraw ir-ritorn minnufih tat-tfal lejn l-istat tar-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel il-ħtif tagħhom;

7.  Jilqa' l-appoġġ tal-Koordinatur tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal u l-involviment tagħha fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni u jitlobha tkompli taħdem mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex flimkien jindirizzaw il-każijiet li jkunu qajmu l-petizzjonanti;

8.  Jinsisti li s-sistemi kollha ta' protezzjoni tat-tfal għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi transnazzjonali u transfruntiera li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-kunflitti transfruntiera;

9.  Jissuġġerixxi li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea ta' appoġġ informattiv, li tkun faċli biex tintuża miċ-ċittadini, sabiex toffri assistenza għall-ġenituri li jinsabu f'tilwim familjari transfruntier, b'mod konġunt mal-Konferenza tal-Aja, (eż. it-tlestija tal-portal tal-Ġustizzja elettronika b'informazzjoni dwar il-ħtif ta' tfal minn ġenituri f'pajjiżi terzi kif ukoll dwar drittijiet oħra tat-tfal);

10.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tagħhom informazzjoni affidabbli dwar il-liġi tal-familja u d-drittijiet tat-tfal f'pajjiżi terzi, li tinkludi twissijiet dwar diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'pajjiżi bħall-Ġappun f'każ ta' divorzju jew separazzjoni;

11.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tqajjem il-kwistjoni f'kull forum possibbli, inkluż il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika UE-Ġappun;

12.  Jistieden lill-VP/HR jinkludi din il-kwistjoni fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss organizzata bħala parti mill-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun; jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi japplikaw il-kodiċijiet penali u ċivili tal-pajjiż;

13.  Ifakkar li, skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, l-awtoritajiet Ġappuniżi huma obbligati jiżguraw li l-Awtoritajiet Ċentrali jissodisfaw l-obbligi tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tagħha u fl-Artikolu 7 tiegħu, li jinkludu assistenza għall-ġenituri "abbandunati" sabiex ikunu jistgħu jżommu kuntatt ma' wliedhom;

14.  Ifakkar lill-awtoritajiet Ġappuniżi li għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari sabiex ir-rappreżentanti ta' Stat Membru jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet konsulari tagħhom, b'mod partikolari f'każijiet fejn tkun mhedda s-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal u d-drittijiet tal-ġenituri tagħhom (jiġifieri, ċittadini tal-UE);

15.  Jenfasizza li l-limitazzjoni jew iċ-ċaħda kompluta tad-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat tal-ġenituri jmorru kontra l-Artikolu 9 tal-UNCRC;

16.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jenfasizzaw l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-UNCRC u b'mod partikolari, id-drittijiet tat-tfal li jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tfal;

17.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Ġappuniżi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali biex jintroduċu l-bidliet meħtieġa fl-ordinament ġuridiku tagħhom u jistabbilixxu l-possibbiltà ta' kustodja kondiviża/konġunta wara x-xoljiment tar-relazzjoni tal-ġenituri sabiex iġibu l-liġijiet nazzjonali tagħhom konformi mal-impenji internazzjonali tagħhom, u jiżguraw li d-drittijiet ta' żjarat u ta' aċċess jirriflettu l-obbligi tagħhom skont il-UNCRC; jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi jirrispettaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-UNCRC, li huma rratifikaw;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi jikkooperaw aħjar mal-UE u jippermettu l-infurzar effettiv tad-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat mogħtija permezz ta' deċiżjonijiet tal-qorti lill-ġenituri "abbandunati";

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rakkomandazzjonijiet irċevuti dwar il-medjazzjoni transfruntiera mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew;

20.  Jappella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni internazzjonali kollha rigward il-protezzjoni tat-tfal u, b'mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980;

21.  Jenfasizza li l-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni ta' wara s-sentenza tal-qorti huwa ta' importanza fundamentali, inkluż fejn jidħol il-kuntatt mal-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw, permezz tas-siti web tal-ministeri tal-affarijiet barranin u l-ambaxxati tagħhom fil-Ġappun, dwar ir-riskju tal-ħtif ta' tfal fil-pajjiż u dwar l-imġiba tal-awtoritajiet Ġappuniżi f'din il-kwistjoni;

22.  Jistieden lill-Kunsill isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-sistemi ta' twissija dwar il-ħtif ta' tfal b'implikazzjonijiet transfruntiera stabbiliti fl-Istati Membri, jaħdem mal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' twissija dwar it-tfal fejn jisfaw nieqsa u jirrapporta dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni rilevanti li jittrattaw il-każijiet ta' ħtif transfruntier abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti u jinkludu din il-kwistjoni fl-aġenda tal-laqgħat bilaterali jew multilaterali kollha mal-Ġappun sabiex jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Ġappuniżi biex jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun.

(1) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 2.


Drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19
PDF 134kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni u l-familji tagħhom b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19 (2020/2680(RSP))
P9_TA(2020)0183B9-0204/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2, 9, 10, 19, 165, 166, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFR), b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 14, 20, 21, 26 u 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà (CRPD), b'mod partikolari l-Artikoli 4(3), 11, 24, 25 u 28 tagħha, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà(1),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju 17 tiegħu dwar l-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà, il-prinċipju 3 tiegħu dwar opportunitajiet indaqs u l-prinċipju 10 tiegħu dwar ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat u protezzjoni ta' data personali,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, li l-UE hi impenjata li timplimenta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-petizzjoni Nru 0470/2020 li tqajjem tħassib dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19 u li titlob lill-UE biex tiżgura li l-miżuri li jittieħdu matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha jkunu kompatibbli kemm mas-CRPD kif ukoll mas-CFR;

B.  billi l-Artikolu 11 tas-CRPD, bħala l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikat mill-UE u mit-28 Stat Membru tagħha, jistabbilixxi li l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni u s-sikurezza tal-persuni b'diżabilità f'sitwazzjonijiet ta' riskju u ta' emerġenzi umanitarji;

C.  billi l-miżuri meħuda mill-gvernijiet f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħal kriżijiet kbar tas-saħħa, emerġenzi umanitarji u diżastri naturali, għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' kull individwu u ma jistgħux jiddiskriminaw kontra ċerti gruppi bħal persuni b'diżabilità;

D.  billi l-persuni b'diżabilità intellettwali għandhom probabilità ogħla li jbatu mill-COVID-19 minħabba l-ostakli għall-aċċess għall-informazzjoni preventiva u l-iġjene, id-dipendenza fuq il-kuntatt fiżiku ma' persuni ta' appoġġ, li ħafna drabi jgħixu f'istituzzjonijiet u b'servizzi bbażati fil-komunità, u kundizzjonijiet oħra tas-saħħa marbuta ma' xi diżabilitajiet;

E.  billi l-persuni b'diżabilità intellettwali huma speċjalment affettwati minn miżuri stretti ta' konfinament;

F.  billi l-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta' lockdown jiżvelaw is-segregazzjoni soċjali persistenti u kontinwa u d-diskriminazzjoni kontra persuni b'diżabilità intellettwali;

G.  billi d-disponibilità ta' data diżaggregata biex jiġi ddeterminat l-impatt tal-effetti tal-pandemija fuq il-persuni b'diżabilità intellettwali hija limitata;

H.  billi ġie rrappurtat li, f'xi Stati Membri, persuni b'diżabilità intellettwali ġew miċħuda trattament mediku, kienu mġiegħla jagħmlu lockdown f'istituzzjonijiet u għaddejjin minn iżolament soċjali mingħajr ebda possibilità li jirċievu żjarat minn membri tal-familja jew li jirritornaw lura għand qrabathom, u li ġew introdotti linji gwida ta' triage diskriminatorji;

I.  billi l-istrutturi għal persuni b'diżabilità intellettwali, bħal ċentri tal-kura ta' matul il-jum jew skejjel, ingħalqu temporanjament, u dawn irriżultaw f'emerġenzi li jirrikjedu li l-familji stess jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom b'diżabilità intellettwali;

J.  billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-kunċett ta' edukazzjoni inklużiva għadu mhuwiex realtà; billi f'ħafna Stati Membri l-istudenti b'diżabilità intellettwali ma setgħux ikomplu bl-apprendiment tagħhom matul il-lockdown; billi l-familji m'għandhomx appoġġ għall-edukazzjoni tal-istudenti b'diżabilità intellettwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibilità tat-teknoloġiji diġitali u innovattivi u l-applikazzjonijiet għall-apprendiment mill-bogħod;

K.  billi t-teknoloġija jista' jkollha rwol kruċjali fl-għoti ta' appoġġ ta' kwalità għolja lil persuni b'diżabilità, il-ġenituri tagħhom, it-tuturi u dawk li jieħdu ħsiebhom;

L.  billi ġie rrappurtat nuqqas konsiderevoli ta' tagħmir protettiv għal persuni b'diżabilità, speċjalment għal dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-persunal tal-istess istituzzjonijiet;

M.  billi l-Artikolu 4(3) tas-CRPD jirrikjedi li l-Istati Partijiet jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b'mod attiv lill-persuni b'diżabilità, inklużi t-tfal b'diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

N.  billi, fir-rispons tagħhom għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jinvolvu b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità, u jekk dan ma jsirx, jaf iwassal għall-adozzjoni ta' miżuri li jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom;

O.  billi l-Ombudsman Ewropew nediet inizjattiva, indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea, biex tiġbor informazzjoni dwar kif il-kriżi tal-COVID-19 affettwat lill-membri tal-persunal tagħha b'diżabilità u dwar il-miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli stabbiliti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, u biex tiddetermina jekk kwalunkwe waħda mis-soluzzjonijiet misjuba u previsti tistax tintuża biex tippromwovi interazzjoni aktar faċli mal-amministrazzjoni tal-UE għall-membri tal-pubbliku b'diżabilità;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar l-impatt sproporzjonat tal-kriżi tal-COVID-19 fuq persuni b'diżabilità intellettwali u persuni bi problemi ta' saħħa mentali oħrajn u fuq il-familji tagħhom, li joħloq piż addizzjonali għall-membri tal-familja li jieħdu ħsiebhom, li ħafna minnhom huma nisa; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità m'għandhomx ikomplu jiġu iżolati meta joħorġu mill-fażi tal-lockdown, u li għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità matul din il-fażi;

2.  Ifakkar li l-lockdown kien problema serja, mhux biss għall-persuni b'diżabilità intellettwali, iżda wkoll għal kull persuna b'mard mentali, peress li l-iżolament jista' biss jaggrava l-problemi;

3.  Iqis li miżuri stretti ta' konfinament għandhom impatt partikolarment negattiv fuq il-persuni b'diżabilità u li hija meħtieġa aktar flessibilità min-naħa tal-awtoritajiet;

4.  Jikkundanna bil-qawwa kull diskriminazzjoni medika kontra persuni b'diżabilità intellettwali; ifakkar li l-miżuri rilevanti adottati mill-Istati Membri jridu jikkonformaw mas-CRPD u jiżguraw aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità intellettwali jew b'mard mentali jistħoqqilhom l-istess trattament mediku bħal kwalunkwe persuna oħra bil-COVID-19, inkluża l-kura medika intensiva;

5.  Ifakkar li l-linji gwida mediċi jridu jkunu nondiskriminatorji u jridu jirrispettaw id-dritt internazzjonali u l-linji gwida etiċi eżistenti dwar il-kura f'każ ta' emerġenzi, ta' kriżijiet tas-saħħa u ta' diżastri naturali;

6.  Ifakkar li s-servizzi ta' appoġġ, l-assistenza personali, l-aċċessibilità fiżika u l-komunikazzjoni għall-persuni b'diżabilità intellettwali jridu jiġu pprovduti waqt il-lockdown billi jiġu adottati metodi innovattivi tal-għoti tal-kura tas-saħħa;

7.  Jitlob li tinġabar data f'kull Stat Membru dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità intellettwali fl-isptarijiet, l-istituzzjonijiet u s-servizzi bbażati fil-komunità u dwar ir-rati ta' mortalità ta' persuni b'diżabilità sabiex jiġi vvalutat jekk il-persuni b'diżabilità humiex qegħdin jirċievu protezzjoni, kura tas-saħħa u appoġġ adegwati matul il-kriżi tal-COVID-19;

8.  Jenfasizza li l-miżuri ta' konfinament jaffettwaw ħafna s-saħħa mentali tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-qraba tagħhom u li l-miżuri relatati għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-għajxien indipendenti tagħhom;

9.  Jissottolinja li kulħadd għandu d-dritt għal għajxien indipendenti u li jkun infurmat immedjatament u b'mod korrett, f'format aċċessibbli, dwar il-pandemija u l-miżuri li jaffettwaw lilhom u l-familja tagħhom; jeżiġi li l-komunikazzjonijiet kollha tas-saħħa pubblika jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u jiġu pprovduti b'lingwaġġ sempliċi, f'varjetà ta' formati tradizzjonali u diġitali, u fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali tagħhom;

10.  Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 isservi ta' twissija fir-rigward tal-attenzjoni li rċieva dan il-grupp; jirrikonoxxi li trid tingħata attenzjoni permezz ta' servizzi tas-saħħa pubblika b'saħħithom; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għat-tisħiħ ta' dawn permezz ta' finanzjament fil-livell tal-UE, fejn ikun xieraq u possibbli; jissottolinja l-importanza ta' politiki tas-saħħa xierqa fl-Istati Membri;

11.  Jissottolinja l-importanza li jitneħħew l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità intellettwali meta jippruvaw jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa u l-prodotti tal-iġjene, kif ukoll l-importanza li jiġu kkunsidrati miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli li jippermettulhom jaħdmu mid-dar;

12.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kixfet nuqqasijiet kbar fis-sistemi ta' appoġġ għal għadd ta' gruppi f'riskju fis-soċjetà; jissottolinja li għandha tingħata prijorità lill-investiment fit-tranżizzjoni gradwali minn kura istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità għall-persuni b'diżabilità intellettwali; jissottolinja li l-fondi ta' investiment għandhom jappoġġjaw l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ personalizzat, peress li ħafna mill-fornituri ta' dawn is-servizzi sofrew ħafna matul u wara l-pandemija u huma f'riskju li jingħalqu b'mod indefinit;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri biex timmobilizza investimenti u riżorsi essenzjali sabiex tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi ta' kura u ta' appoġġ, f'konformità mal-prinċipji tas-CRPD u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw protokolli komuni għal sitwazzjonijiet ta' riskju jew emerġenzi umanitarji u diżastri naturali possibbli fil-futur, ibbażati fuq it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, inkluż il-forniment ta' tagħmir protettiv meħtieġ, materjal ta' informazzjoni u taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali u l-korpi regolatorji, filwaqt li dejjem jitqiesu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' persuni b'diżabilità;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsultaw u jinvolvu mill-bidu nett lil persuni b'diżabilità u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom meta jadottaw miżuri li jagħtu rispons għal kriżi futura;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw jekk is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali humiex sostenibbli u humiex kapaċi jadattaw għal forom ġodda ta' għoti ta' servizzi; jitlob li tiġi promossa inklużjoni soċjali ġenwina meta jiġu allokati fondi tal-UE għal dawn is-servizzi, b'enfasi fuq dawk li joffru għajxien ibbażat fil-komunità minflok l-istituzzjonalizzazzjoni; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li ma jkunx hemm ostakli finanzjarji għall-aċċess tal-kura tas-saħħa;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Strateġija Ewropea tad-Diżabilità komprensiva, ambizzjuża u fit-tul għal wara l-2020, inklużi tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu segwiti l-prinċipji tad-disinn universali, b'kont meħud tal-possibilitajiet offruti minn teknoloġiji u applikazzjonijiet diġitali u innovattivi meta jiġu żviluppati riżorsi aċċessibbli għal studenti b'diżabilità intellettwali, u li jiġu offruti attivitajiet ta' apprendiment mill-bogħod;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-potenzjal mhux sfruttat tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet diġitali fil-promozzjoni tal-għajxien indipendenti ta' persuni b'diżabilità; jappella għal użu aħjar ta' dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' riskju possibbli fil-futur jew f'emerġenzi umanitarji u diżastri naturali; jisħaq fuq l-importanza tad-disponibilità ta' riżorsi ta' liċenzjar miftuħa online u tat-titjib tal-ħiliet tal-għalliema dwar l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ psikoloġiku għall-persuni b'diżabilità intellettwali biex itaffu l-impatt tal-miżuri ta' konfinament;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw rikors legali għal persuni b'diżabilità intellettwali billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni proattiva ta' każijiet fejn, persuni b'diżabilità intellettwali nieqsa mill-kapaċità legali, ma jkollhomx aċċess jew ma jkollhomx aċċess suffiċjenti għall-kustodju legali tagħhom li jiggarantixxi d-drittijiet tagħhom;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054

Avviż legali - Politika tal-privatezza