Indiċi 
Testi adottati
Il-Ġimgħa, 10 ta' Lulju 2020 - Brussell
Direttivi li jemendaw (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f'dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 *
 Attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2019
 Kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2018
 Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - ġlieda kontra l-frodi - rapport annwali 2018
 Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati
 Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri *
 Abbozz ta' baġit emendatorju 5/2020: tkomplija tal-appoġġ għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija b'rispons għall-kriżi fis-Sirja
 Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija
 Sustanzi attivi, inkluż il-flumioxazine
 Approċċ Ewropew komprensiv għall-ħżin tal-enerġija
 Reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea
 Konklużjoni ta' ftehim bejn l-UE - New Zealand, li għadu qed jiġi nnegozjat, dwar l-iskambju ta' data għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
 Strateġija għas-sostenibbiltà fir-rigward tas-sustanzi kimiċi
 Dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) 2016/1628) ***I
 It-twettiq ta' provi kliniċi ta' prodotti mediċinali u l-provvista ta' dawn il-prodotti għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus ***I
 Politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu - il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra
 L-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19

Direttivi li jemendaw (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f'dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 *
PDF 161kWORD 45k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f'dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0198 – C9-0137/2020 – 2020/0082(CNS))
P9_TA(2020)0189A9-0122/2020

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0198),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0137/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0122/2020),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 3a (ġdida)
(3a)  Minkejja li t-tifqigħa tal-COVID-19 toħloq diffikultajiet ġenwini għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li din ma tintużax bħala skuża għal dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni ta' regoli maqbula komunement. Qabel it-tifqigħa, ċerti Stati Membri kienu indikaw li kien se jkollhom dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida. Lil hinn mid-diffikultajiet immedjati marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li l-gvernijiet jagħmlu kull sforz possibbli biex jimplimentaw is-sistema l-ġdida. Jenħtieġ li l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw kwistjonijiet li jistgħu jikkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli jużaw l-assistenza teknika pprovduta mill-Kummissjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku. L-għanijiet tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku li tiġi ffaċilitata l-kompetittività globali tal-SMEs Ewropej, li tittaffa l-pressjoni amministrattiva fuq il-bejjiegħa tal-Unjoni u li jiġi żgurat li l-pjattaformi online jikkontribwixxu għal sistema ta' ġbir tal-VAT aktar ġusta filwaqt li tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa huma aspetti ewlenin ta' kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID-19.
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4
(4)  Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom biex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jeħtieġ li d-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi jiġu posposti b'sitt xhur. Il-posponiment ta' sitt xhur huwa xieraq għaliex jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista' jkun biex jitnaqqas kemm jista' jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.
(4)  Meta wieħed iqis l-isfidi l-ġodda ffaċċjati mill-Istati Membri b'riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom sabiex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995, biex b'hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jaf ikun meħtieġ li d-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi jiġu posposti bi tliet xhur. Il-posponiment mhuwiex mixtieq, peress li jwassal għal telf ta' dħul u żieda fid-diskrepanza tal-VAT, filwaqt li jestendi l-kompetizzjoni inġusta bejn il-bejjiegħa mhux tal-UE u dawk tal-Unjoni. Madankollu, posponiment ta' tliet xhur jaf ikun xieraq peress li jallinja mal-perjodu ta' lockdown fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Jekk ikun hemm posponiment saħansitra itwal, dan jestendi r-riskju ta' frodi tal-VAT fi żmien meta l-finanzi pubbliċi jenħtieġ li jiġu riforniti sabiex tiġi miġġielda l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha. Dewmien itwal ta' sitt xhur jista' jwassal għal telf ta' dħul ta' bejn EUR 2,5 biljun u EUR 3,5 biljun għall-Istati Membri. Fid-dawl tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, huwa tal-akbar importanza li jiġi evitat telf ulterjuri ta' dħul.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a
Direttiva (UE) 2017/2455
Artikolu 2 – titolu
Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b'effett mill-1 ta' Lulju 2021
Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b'effett mill-1 ta' April 2021
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b
Direttiva (UE) 2017/2455
Artikolu 2 – paragrafu 1 – sentenza introduttorja
B'effett mill-1 ta' Lulju 2021, id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
B'effett mill-1 ta' April 2021, id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva (UE) 2017/2455
Artikolu 3 – paragrafu 1
B'effett mill-1 ta' Lulju 2021, jitħassar it-Titolu IV tad-Direttiva 2009/132/KE.
B'effett mill-1 ta' April 2021, it-Titolu IV tad-Direttiva 2009/132/KE huwa mħassar.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt a
Direttiva (UE) 2017/2455
Artikolu 4 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta' Ġunju 2021, , il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Marzu 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt b
Direttiva (UE) 2017/2455
Artikolu 4 – paragrafu 1 – subparagrafu 4
Għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva mill-1 ta' Lulju 2021.
Għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva mill-1 ta' April 2021.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1
Direttiva (UE) 2019/1995
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2021, sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, sa mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu 2021, sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1
Direttiva (UE) 2019/1995
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Lulju 2021.
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' April 2021.

Attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2019
PDF 202kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2019 (2019/2126(INI))
P9_TA(2020)0190A9-0081/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Korporattiv tal-Operat tal-Grupp tal-BEI għall-2019 ippubblikat fuq is-sit web tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2018 tal-BEI, bit-titolu "Opportunità Mwettqa",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju u r-Rapport Statistiku tal-BEI għall-2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "EIB operations inside the European Union – Annual report 2018" (L-operazzjonijiet tal-BEI fl-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali 2018), ippubblikat fl-2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "The EIB outside the European Union – Financing with global impact – Annual report 2018" (L-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-Unjoni Ewropea – Finanzjament b'Impatt Globali – Rapport Annwali 2018), ippubblikat fl-2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "Annual Report 2018: European Investment Advisory Hub" (Rapport Annwali 2018: Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti), ippubblikat fl-2019,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida dwar il-klima u l-politika ġdida dwar is-self fis-settur tal-enerġija, adottati mill-BEI f'Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew Konsulenza għall-Investimenti(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 146/2017/DR dwar kif il-Bank Ewropew tal-Investiment ittratta lment dwar ksur tar-rekwiżiti ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza fi proġett li huwa kien iffinanzja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar "Il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2020)0021),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-14 ta' Jannar 2020 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020)0022),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli" (COM(2018)0097),

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-BEI tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-ftuħ tas-16 ta' Lulju 2019 minn Ursula von der Leyen bħala kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Strasburgu,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, mogħti fil-11 ta' Diċembru 2019 waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0081/2020),

A.  billi skont l-Artikolu 309 tat-TFUE u b'kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BEI għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, u billi skont l-Artikolu 18 tal-Istatut tal-BEI, jeħtieġlu juża l-fondi tiegħu b'mod kemm jista' jkun possibbli razzjonali u fl-interess tal-Unjoni; billi dan jinkludi li jkun konformi mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-obbligi tal-Unjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent stabbiliti fl-Artikoli 11 u 191 tat-TFUE;

B.  billi l-bonds tal-BEI huma kklassifikati AAA mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ewlenin minħabba, inter alia, li l-BEI jappartjeni għall-Istati Membri u minħabba l-ġestjoni prudenti tiegħu tar-riskji;

C.  billi l-BEI żamm il-profittabbiltà fl-2018, u rreġistra bilanċ pożittiv nett ta' EUR 2,3 biljun; billi l-Grupp tal-BEI għandu jżomm il-livell għoli tiegħu ta' affidabbiltà kreditizja kif ukoll portafoll ta' assi solidi u ta' kwalità tajba;

D.  billi l-BEI, li huwa l-akbar mutwatarju u sellief multilaterali fid-dinja u huwa ta' sjieda konġunta tal-Istati Membri tal-UE, huwa s-sieħeb naturali tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u multilaterali;

E.  billi l-Grupp tal-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' diversi strumenti ta' investiment bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

F.  billi l-Kummissjoni tistma li l-investiment annwali meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-2030 jammontaw għal EUR 1 115 biljun(2); billi l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli tal-Kummissjoni għandu l-għan li jirrilaxxa investiment ta' EUR 1 triljun fl-għaxar snin li ġejjin;

G.  billi l-investimenti sostenibbli normalment ikollhom rendiment ogħla minn dawk standard u l-volumi għalhekk għandhom it-tendenza li jkunu moderati filwaqt li r-riskji assoċjati għandhom it-tendenza li jkunu ogħla; billi l-likwidità tas-swieq fi prodotti finanzjarji sostenibbli trid tissaħħaħ u dan jista' jsir biss billi jiżdied l-għadd ta' prodotti fis-suq; u jenfasizza li s-settur privat waħdu ma jistax ikun mistenni li jilħaq il-massa kritika u li s-settur pubbliku jeħtieġlu jkun aktar preżenti fis-swieq tal-assi finanzjarji sostenibbli u jżid is-sehem mis-suq tiegħu, u b'hekk jikkontribwixxi biex jitnaqqsu r-riskji u r-rendimenti, kif ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq u l-likwidità;

H.  billi l-BEI għandu rwol importanti fl-istrateġija tal-UE biex tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent – sfidi li huma l-kompitu ta' definizzjoni ta' din il-ġenerazzjoni, kif deskritt mill-Kummissjoni, u bil-ħtieġa ta' EUR 260 biljun f'investimenti addizzjonali kull sena biex jintlaħqu l-miri attwali tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija;

I.  billi għandha tingħata attenzjoni kontinwa lill-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni, il-governanza u t-trasparenza tal-Grupp tal-BEI;

Pariri ġenerali

1.  Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet tal-BEI, bħala l-bank tal-Unjoni, fir-rigward taż-żieda fil-livelli attwali ta' investiment fl-UE, li huma taħt il-medji storiċi u mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-ambizzjonijiet tal-UE f'termini ta' sostenibbiltà u ta' aspetti ekonomiċi, soċjali u ta' ħolqien ta' impjiegi jew biex jinkisbu l-koeżjoni reġjonali, l-innovazzjoni u l-kompetittività fil-livell tal-UE kif ukoll il-finanzjament fil-livell lokali, inkluż mill-muniċipalitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini;

2.  Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jinvestu aktar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fir-rivoluzzjoni diġitali u fis-servizzi pubbliċi ;

3.  Jilqa' favorevolment ir-rispons tal-UE koordinat għall-pandemija tal-COVID-19 u jtenni l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex nittrasformaw l-ekonomiji tagħna u ntaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi; jilqa', b'mod speċjali, ir-rwol li l-BEI qiegħed jintalab iwettaq biex isostni l-ekonomija tal-UE bl-użu tal-Fond Ewropew ta' Garanzija, l-InvestEU rivedut, il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta u tal-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza; jissottolinja li dan ir-rwol huwa partikolarment importanti għall-SMEs u għas-setturi l-aktar milquta; fl-istess ħin jappella biex jinżamm l-impenn ħalli l-azzjonijiet kollha tal-bank jiġu allinjati mal-objettiv tal-UE li tintlaħaq in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, jieħu nota tad-dokument ta' pożizzjoni tal-BEI tal-15 ta' Ġunju 2020 dwar il-Pjan Direzzjonali dwar il-Klima tiegħu, u jtenni t-talba tiegħu biex jiġu stabbiliti miżuri ambizzjużi u miri ċari, partikolarment għall-ikkondizzjonar tal-appoġġ biex ikun hemm tneħħija gradwali tal-miżuri f'konformità mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE għall-2050;

4.  Jinnota l-klima ekonomika dinjija li qed tmur għall-agħar, fejn ir-ritmu tat-tkabbir reali tal-PDG naqas u l-isfidi globali qed jikkontribwixxu għal inċertezza; jinnota l-livelli baxxi ta' investiment fl-UE f'dan l-aħħar deċennju; jitlob li jkun hemm aktar investiment pubbliku u privat fl-UE fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

5.  Jinnota r-Rapport tal-Investiment tal-BEI 2019-2020, li jenfasizza l-isfidi li l-UE qiegħda tiffaċċja f'termini ta' kompetittività, pereżempju ż-żieda fl-inugwaljanza u l-livelli insuffiċjenti ta' investiment, speċjalment fid-diġitalizzazzjoni u r-R&Ż relatati mal-klima, li qed jheddu l-futur ekonomiku tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-BEI jagħmel ħiltu kollha biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-attivitajiet tiegħu;

6.  Jinnota li fl-2018 il-BEI investa EUR 64 biljun fi 854 proġett; jinnota li l-BEI jaderixxi mal-prinċipju prudenzjali b'0,3 % biss ta' self improduttiv;

7.  Itenni l-ħtieġa li d-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament tal-BEI tkun aktar ibbilanċjata; jitlob lill-BEI jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi li ma jippermettux li ċerti reġjuni jew pajjiżi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tiegħu, inter alia billi jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jespandi l-attivitajiet ta' self tiegħu billi jipprovdi assistenza teknika u appoġġ ta' konsulenza, speċjalment f'reġjuni b'kapaċità baxxa ta' investiment, u billi jagħti pariri dwar l-iżvilupp ta' proġetti, bil-ħsieb li jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u l-konverġenza u l-koeżjoni territorjali, soċjali u territorjali u b'kunsiderazzjoni tan-natura xprunata mid-domanda tal-finanzjament tal-BEI;

8.  Jappella lill-BEI biex ikollu rwol importanti fit-tisħiħ tal-finanzjament sostenibbli kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, u biex, permezz tal-attivitajiet ta' self tiegħu, jagħti prijorità lill-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli billi jkompli jimmobilizza l-investiment fi proġetti soċjali, ekoloġiċi u sostenibbli;

9.  Jappella għal appoġġ adegwat biex jissaħħu l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza teknika, għarfien espert finanzjarju u bini ta' kapaċità lill-awtoritajiet lokali u reġjonali qabel ma jiġu approvati l-proġetti, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà u jiġu involuti l-Istati Membri kollha; f'dan ir-rigward jitlob ukoll appoġġ akbar għas-servizzi ta' konsulenza bħaċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU, il-Jaspers, l-Elena u l-Fi-compass; jappella għal kooperazzjoni intensifikata mal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;

10.  Jilqa' l-isforzi f'waqthom li jagħmel il-BEI sabiex jappoġġja l-proġetti li huwa jiffinanzja fil-fażi ta' implimentazzjoni tagħhom (billi jipprovdi esperti u strumenti ta' appoġġ u billi jipproduċi studji ta' tħejjija); jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni biex flimkien ifasslu proposti għal involviment aktar sistematiku tat-timijiet tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-proġetti fl-Istati li jitolbuhom, b'mod partikolari fl-oqsma li jeħtieġu għarfien espert avvanzat jew li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

11.  Jilqa' l-appoġġ tal-BEI għall-objettivi ta' koeżjoni, li ammonta għal aktar minn EUR 200 biljun bejn l-2009 u l-2018 biss;

12.  Jistieden lill-BEI jagħmel enfasi fuq il-konsultazzjonijiet tiegħu mal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati mill-proġetti tiegħu, b'mod partikolari l-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali;

13.  Iqis li l-innovazzjoni u l-ħiliet huma elementi fundamentali biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli u biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u biex tiġi stimulata l-kompetittività fit-tul. jilqa' l-fatt li fl-2018 il-BEI appoġġja l-innovazzjoni u l-ħiliet b'EUR 13,5 biljun; jistenna li l-BEI jkompli jappoġġja l-innovazzjoni u l-ħiliet;

14.  Iqis li l-Ewropa jeħtieġ li tħaffef l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet diġitali sabiex tibqa' kompetittiva; jistieden lill-BEI jindirizza t-tranżizzjoni teknoloġika b'appoġġ imsaħħaħ għad-diġitalizzazzjoni;

15.  Iqis l-10 standards stabbiliti fil-manwal soċjali u ambjentali tal-BEI bħala tal-ogħla importanza u li huma prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet ta' self tal-BEI, inkluż fl-oqsma tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, il-bijodiversità u l-ekosistemi, l-istandards relatati mal-klima, il-wirt kulturali, ir-risistemazzjoni involontarja, id-drittijiet u l-interessi ta' gruppi vulnerabbli, l-istandards tax-xogħol, is-saħħa okkupazzjonali u pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali biex tiżgura li r-regoli fiskali tal-UE jkunu ta' appoġġ għal sforzi futuri biex jiżdied il-livell tal-investiment pubbliku fl-UE, li jippermetti lill-BEI jisfrutta dan l-investiment;

17.  Iqis li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-proġetti soċjali għandhom iqisu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante u ex post dwar is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti;

18.  Jilqa' l-passi li ħa l-BEI s'issa; jistieden lill-BEI jtejjeb ir-rapportar u l-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati attwali miksuba u l-analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali tal-investimenti tiegħu;

19.  Jistieden lill-BEI jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapport speċjali 03/2019 tal-Qorti tal-Awdituri, li vvaluta jekk il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kienx effikaċi fil-ġbir ta' finanzi sabiex jappoġġja investimenti addizzjonali fl-UE kollha; jinnota li r-rapport ikkonkluda li xi operazzjonijiet tal-FEIS sempliċement issostitwew operazzjonijiet oħra tal-BEI u li parti mill-finanzjament marret għal proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta' finanzjament pubbliku jew privat, u dan wassal biex f'xi każijiet kien hemm dikjarazzjoni eċċessiva ta' kemm l-appoġġ tal-FEIS effettivament ħeġġeġ investimenti addizzjonali;

20.  Jenfasizza li l-mira kwantitattiva ewlenija tal-FEIS li jimmobilizza EUR 500 biljun f'investiment privat u pubbliku addizzjonali m'għandhiex tkun l-ixprun ewlieni tas-suċċess għall-fond, u li l-miri li jistgħu jitkejlu dwar is-sostenibbiltà, l-addizzjonalità, il-kopertura ġeografika u l-impatt soċjali għandhom ikunu tal-anqas daqstant importanti fl-istrateġiji ta' investiment futuri;

21.  Jistieden lill-BEI jżid is-sehem tal-finanzjament tal-FEIS u tal-InvestEU għal proġetti li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sostenibbiltà u l-objettivi soċjali tal-UE, bi qbil mar-regolamenti rilevanti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji ta' verifika tas-sostenibbiltà tal-InvestEU jkunu konsistenti għall-aħħar mal-objettivi ta' sostenibbiltà tal-UE, u li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-proġetti soċjali jqisu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante u ex post dwar is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti;

22.  Iqis li tinħtieġ evalwazzjoni esterna ulterjuri tan-natura addizzjonali tal-politika tal-BEI dwar is-self, u li r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku;

23.  Huwa tal-fehma li, wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, għandu jitqies jekk hemmx bżonn ta' żieda ġenerali fil-kapitalizzazzjoni tal-BEI sabiex ikun jista' jkun hemm aktar self fit-tul u strumenti innovattivi fil-finanzjament ta' proġetti, b'potenzjal sostanzjali għal kisbiet ta' sostenibbiltà, ta' innovazzjoni u ta' natura soċjali, inklużi proġetti li joħolqu tkabbir sostenibbli u li jnaqqsu l-inugwaljanzi;

24.  Jitlob li l-BEI jiżgura koordinazzjoni, koerenza u konsistenza mill-qrib bejn l-investimenti, l-istrumenti ta' finanzjament u l-politiki tal-UE, bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jissaħħu s-sinerġiji tal-finanzjament;

BEI aktar iffokat fuq il-klima u t-tranżizzjoni ġusta

25.  Jilqa' d-deċiżjonijiet meħuda fl-14 ta' Novembru 2019 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI biex il-politika tal-BEI tiġi allinjata mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal massimu ta' 1,5°C ogħla mil-livelli preindustrijali;

26.  Jirrikonoxxi li jista' jkun hemm bżonn ta' aktar teħid ta' riskji mill-BEI, speċjalment f'setturi u reġjuni li jiġbdu inqas investiment, sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet imsemmija hawn fuq u dawk proposti fil-Patt Ekoloġiku, sakemm tali self ikun konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-BEI u li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-BEI huwa l-akbar emittent ta' bonds ħodor u huwa pijunier fit-tnedija tal-bonds ħodor ta' suċċess li mmobilizzaw aktar minn EUR 23 biljun fuq 11 sena, fejn is-suq globali tal-bonds ekoloġiċi llum jiswa aktar minn EUR 400 biljun; jinnota li sfida ewlenija kienet li jiġu stabbiliti standards komuni sabiex jiġi evitat il-greenwashing; jilqa' l-Bonds ta' Kuxjenza għas-Sostenibbiltà ġodda tal-BEI, imnedija fl-2018 u mfassla biex jappoġġjaw l-investiment relatat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti standards komuni rigward dawn il-bonds ġodda biex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu trasparenti, verifikabbli u li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-BEI jkompli u jespandi l-ħruġ ta' bonds ħodor, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u li jinxtraw mill-Bank Ċentrali Ewropew, u biex jgħin fl-iżvilupp tas-suq tal-bonds ħodor mibni fuq il-ħidma skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, inkluża t-Tassonomija tal-Finanzi Sostenibbli tal-UE;

28.  Jitlob li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) ikun integrat bis-sħiħ fil-miżuri kollha tal-BEI dwar il-klima; jitlob sabiex il-FEI jagħti aktar prijorità lill-ħtiġijiet ta' innovazzjoni għat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali mil-lat ta' klima; jappella biex, fl-investimenti kollha tiegħu, il-FEI jiżgura li jkun involut b'mod attiv mal-kumpaniji li fihom isir investiment biex itejbu l-iżvelar tagħhom relatat mal-klima, inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, u jidderieġu l-investiment lejn alternattivi kosteffikaċi (eż. l-effiċjenza enerġetika jew ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima);

29.  Jilqa' l-fatt li fl-2018, 29 % mis-self mogħti mill-BEI kien relatat mal-klima;

30.  Jistieden lill-BĊE biex, fir-rieżami strateġiku tiegħu li qed iwettaq, jesplora għodod għall-appoġġ u l-koordinament mal-BEI, b'mod partikolari fir-rwol tiegħu bħala l-bank klimatiku tal-UE, speċjalment fil-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà tal-ekonomija;

31.  Ifakkar li l-istrateġija tal-BEI dwar il-klima ġiet adottata fl-2015 flimkien mas-setturi eliġibbli u l-kriterji ta' eliġibbiltà għall-klima u l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni tal-Klima tiegħu; jitlob li fl-2020 isir rieżami tal-Istrateġija ta' Implimentazzjoni għall-allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż pjan direzzjonali konkret biex tintlaħaq il-mira granulari ta' 50 %(3) sal-2025, kif ukoll garanziji għan-newtralità klimatika tas-self li jifdal wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika miftuħ u trasparenti; jistieden lill-BEI jinforma b'mod estensiv lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku aktar wiesa' ladarba jiġu adottati d-dokumenti; ifakkar lill-BEI li l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u jiffaċilitaw il-koeżjoni bejn l-Istati Membri;

32.  Jappella għat-tisħiħ tal-kriterji ta' eliġibbiltà għall-azzjoni klimatika sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-investimenti ma jirriżultawx fi tnaqqis sinifikanti fil-gassijiet b'effett ta' serra (GHG), billi jiġi żgurat li jkun hemm koerenza mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u billi l-attivitajiet tal-BEI jiġu allinjati mal-qafas tat-tassonomija l-ġdid; iqis li għandu jkun hemm dispożizzjoni ġenerali bil-għan li "ma ssir ebda ħsara u li ssostni l-operazzjonijiet kollha tal-BEI u li tkun inkluża fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-istandards ambjentali u soċjali, li fl-2020 jeħtieġ li tiġi riveduta u allinjata mal-objettiv tal-1,5 °C;

33.  Jilqa' l-metodoloġija riveduta tal-BEI għall-valutazzjoni tal-marka tal-karbonju u jappella għall-implimentazzjoni komprensiva tagħha, b'attenzjoni partikolari fuq l-emissjonijiet tad-domanda marġinali u l-emissjonijiet indiretti (l-hekk imsejħa "tip 3"); jitlob li l-proġetti jiġu evalwati b'mod komprensiv u mhux b'analiżi sempliċi taċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-emissjonijiet tagħhom; jitlob li jkun hemm kontabilità klimatika rigoruża, speċjalment fl-evalwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-proġetti għall-monitoraġġ klimatiku tar-riżorsi allokati u tal-infiq attwali; jitlob, f'dan ir-rigward, l-aġġornament tal-istima tal-kalkoli tar-rati tal-użu;

34.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jirrikjedi li l-klijenti intermedjarji tiegħu jiżvelaw l-esponiment tagħhom għall-fjuwils fossili, u għandu japplika restrizzjonijiet għall-intermedjarji esposti ħafna; jistenna li, sa tmiem l-2025, l-intermedjarji kollha se jkollhom pjan ta' dekarbonizzazzjoni, peress li dan huwa indispensabbli sabiex il-finanzjament tagħhom ikun jista' jkompli; jenfasizza li tali rekwiżiti ġodda m'għandhomx joperaw għad-detriment tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;

35.  Jilqa' l-fatt li l-BEI effettivament diġà kien temm l-appoġġ tiegħu għas-settur tal-faħam fl-2013 bl-adozzjoni tal-verżjoni tal-2013 tal-politika tiegħu ta' self għall-enerġija; huwa tal-fehma li, f'konformità mal-aħjar prattiki fis-settur bankarju kummerċjali(4), il-finanzjament tal-BEI għandu jkun suġġett għal pjan ta' tranżizzjoni bbażat fuq ix-xjenza b'objettivi ċari u impenji bi skadenzi speċifiċi biex jinkiseb allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li gradwalment ineħħi l-appoġġ tiegħu lil proġetti li l-attivitajiet tagħhom iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra; Jistieden lill-BEI joffri pariri dwar kif il-kumpaniji jistgħu jiddekarbonizzaw;

36.  Jistieden lill-BEI biex, fid-dokumenti ta' finanzjament, jinkludi klawżoli li jirrikjedu li l-benefiċjarji tas-self tiegħu jimpenjaw ruħhom li jwettqu bis-sħiħ kull objettiv ta' dekarbonizzazzjoni li seta' ġie inkluż fl-applikazzjoni tagħhom għal self; iqis li tali klawżoli għandhom jinkludu dispożizzjoni li l-ħlasijiet għandhom ikunu bil-kundizzjoni li jitwettqu b'mod sodisfaċenti dawn l-impenji, u li f'każijiet fejn l-iżborżi jridu jsiru qabel ma jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni, għandu jkun hemm reġim ta' indennizz ex post effiċjenti;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-politika l-ġdida tal-BEI dwar is-self għall-enerġija, speċjalment il-potenzjal tiegħu li jkun ta' xprun biex iġib bidla radikali fost l-istituzzjonijiet finanzjarji, f'termini ta' effett ta' katina fuq banek oħrajn; jilqa' l-fatt li l-politika tkopri intermedjarji finanzjarji, il-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, b'referenza pożittiva għall-komunitajiet tal-enerġija u l-mikrogrilji, u l-potenzjal li tirrappreżenta għal appoġġ finanzjarju miżjud għas-sorsi tal-enerġija lokali sabiex tintemm id-dipendenza għolja tal-Ewropa fuq sorsi esterni tal-enerġija u biex jiġu żgurati l-provvisti; jinnota li hemm applikabbli eċċezzjonijiet għall-approvazzjoni ta' ċerti proġetti tal-gass sa tmiem l-2021 u li l-appoġġ għall-proġetti tal-gass ippjanati għat-trasport ta' gassijiet b'livell baxx ta' karbonju jista' jinżamm; jenfasizza r-riskju ta' investiment f'assi mhux irkuprabbli permezz ta' self lil infrastruttura tal-fjuwils fossili; jistieden lill-BEI jiċċara li mhu se jibda l-ebda valutazzjoni ta' xi proġett relatat mal-fjuwils fossili li ma kienx ġie sottomess lilu qabel l-14 ta' Novembru 2019; jitlob li din il-politika tiġi rieżaminata b'mod regolari u li tinżamm kostantement konformi mat-Tassonomija Finanzjarja Sostenibbli Ewropea, u, ladarba tkun ġiet adottata formalment, li t-Tassonomija tintuża bħala punt ta' riferiment għall-investimenti tiegħu għall-klima u l-ambjent, sabiex jibqa' konsistenti ma' perkors li jkun kompatibbli mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal taħt il-1,5 °C, kif ukoll mal-iżvilupp ta' azzjonijiet esterni ġodda xierqa fl-UE;

38.  Jinsisti li l-BEI jimplimenta l-prinċipju tal-effiċjenza enerġetika u jistabbilixxi l-objettiv li jindirizza l-faqar enerġetiku fis-self kollu tiegħu għall-enerġija, filwaqt li jqis l-impatt tal-effiċjenza enerġetika fuq id-domanda futura u l-kontribut tiegħu għas-sigurtà tal-enerġija;

39.  Jemmen li r-rieżami tal-politika ta' self għat-trasport tal-BEI hija prijorità ewlenija; jitlob l-adozzjoni b'ħeffa ta' politika ġdida ta' finanzjament tat-trasport biex is-settur tat-trasport tal-Unjoni jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja li l-BEI għandu jkompli l-involviment tiegħu fil-finanzjament tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija ekoloġika għall-avjazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' bijofjuwils sostenibbli, tal-elettrifikazzjoni u tat-teknoloġija ibrida, sabiex l-avjazzjoni tiġi dekarbonizzata u jintlaħaq l-għan primarju tal-Ftehim ta' Pariġi;

40.  Jappella biex, fis-setturi industrijali b'użu intensiv tal-karbonju li fihom huwa attiv il-BEI, bħas-siment, il-petrokimiċi u l-azzar, jiġu implimentati politiki ġodda li jiffukaw fuq is-sostenibbiltà ta' dawn is-setturi u fuq il-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari bbażata fuq ċikli ta' materjali mhux tossiċi, bil-ħsieb li s-self settorjali kollu jiġi allinjat mal-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; ifakkar li bidla fuq skala kbira tista' tinkiseb biss jekk tiġi involuta l-industrija;

41.  Ifakkar lill-BEI li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa element ewlieni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u li r-restawr tal-ekosistemi huwa l-unika teknoloġija ppruvata fejn jidħlu emissjonijiet negattivi; jistieden lill-BEI jkompli jiżviluppa komponenti ta' kontroll fir-rigward tal-bijodiversità fl-istrumenti finanzjarji tiegħu sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-bijodiversità; jistieden ukoll lill-BEI jimpenja ruħu biex itemm il-finanzjament ta' proġetti li jikkontribwixxu għat-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, u għad-deforestazzjoni illegali, biex iżid b'mod sostanzjali l-finanzjament tiegħu bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-Komunità f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-objettiv tad-deforestazzjoni netta żero u l-objettivi tal-protezzjoni tal-baħar u tax-xtut, u biex jappoġġja azzjonijiet favur il-bijodiversità u l-adattament, servizzi ekosistemiċi fundamentali bħad-dakkra, u l-infrastruttura ekoloġika;

42.  Jilqa' pożittivament il-linji gwida dwar l-enerġija idroelettrika adottati fl-2018(5), u jappella għall-estensjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza għall-proġetti infrastrutturali kollha, inklużi dawk iffinanzjati minn intermedjarji finanzjarji;

43.  Jistieden lill-BEI jaħdem flimkien ma' parteċipanti tas-suq żgħar u mal-kooperattivi komunitarji sabiex jikkonsolida proġetti ta' enerġija rinnovabbli żgħar u b'hekk jippermettilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-BEI;

Ir-rwol tal-BEI fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta

44.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-BEI biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa Sostenibbli u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza kemm tas-settur privat kif ukoll dak pubbliku fit-twettiq fis-seba' snin li ġejjin tal-miri ta' investiment ta' EUR 1 triljun u EUR 100 biljun fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, rispettivament;

45.  Iħeġġeġ lill-BEI jappoġġja proġetti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw tranżizzjoni ġusta fl-Istati Membri; iqis li, peress li l-Istati Membri għandhom punti ta' tluq differenti, il-BEI għandu jiffoka l-appoġġ tiegħu fuq dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar distanza xi jkopru; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali mill-karbonju ma trid tħalli lil ħadd barra; jistieden għalhekk lill-BEI jiżgura appoġġ adegwat, inkluża assistenza teknika, għar-reġjuni l-aktar affettwati, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u l-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati b'mod proattiv l-oqsma fejn l-impjiegi huma attwalment dipendenti fuq industriji b'emissjonijiet għoljin, billi jiġi pprovdut investiment fit-taħriġ u fl-opportunitajiet ekonomiċi alternattivi sabiex jiġu sfruttati b'mod effikaċi r-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa u tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju u parteċipattiv sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mit-tranżizzjoni; jappella għal appoġġ għall-komunitajiet u r-reġjuni (dawk tal-minjieri jew dawk b'użu intensiv tal-karbonju, eċċ) milquta, kif ukoll għall-ħaddiema tas-setturi l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li jitrawwem ukoll l-iżvilupp ta' proġetti u teknoloġiji ġodda konġunti għal dawk il-komunitajiet u r-reġjuni kif ukoll magħhom;

47.  Iqis li, biex il-BEI jsir il-bank klimatiku tal-UE u jaqdi rwol fit-tranżizzjoni ġusta, jeħtieġ li jmexxi 'l quddiem mekkaniżmi li jinkorporaw aħjar l-informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati differenti, bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali, it-trejdjunjins, l-NGOs u l-esperti rilevanti, fl-istrateġija ta' investiment tiegħu;

48.  Jistieden lill-BEI jimpenja ruħu u jippreżenta pjan ġust, koerenti u inklużiv, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni u f'konformità maċ-ċirkustanzi soċjali u ġeografiċi tagħhom, sabiex jisfruttaw ir-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa b'mod effikaċi u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ħaddiema li se jiġu affettwati l-aktar mit-tranżizzjoni, fost l-oħrajn billi jiġi pprovdut aċċess għall-programmi ta' taħriġ mill-ġdid u għall-promozzjoni ta' investimenti f'setturi ekonomiċi ġodda li se joħolqu impjiegi ġodda u ta' kwalità għolja;

L-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja

49.  Jilqa' r-rieda tal-Grupp tal-BEI li jsaħħaħ il-kompetittività tal-UE u li jagħti l-appoġġ tiegħu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, permezz ta' appoġġ f'oqsma li jinkludu l-innovazzjoni, l-SMEs, l-infrastruttura, il-koeżjoni soċjali, il-klima u l-ambjent;

50.  Jissottolinja li irrispettivament mill-involviment attiv tal-BEI biex jinkisbu l-objettivi tan-newtralità klimatika, huwa għandu jkompli jiffoka fuq l-appoġġ għal proġetti li jwasslu għal tkabbir riġenerattiv u għall-ħolqien tal-impjiegi;

51.  Jilqa' l-appoġġ finanzjarju qawwi tal-BEI għall-SMEs, b'investiment totali ta' EUR 23,27 biljun fl-2018, li minnu bbenefikaw 374 000 kumpanija li jimpjegaw 5 miljun ħaddiem; jieħu nota tar-riżultati tar-rapport ta' investiment tal-BEI għall-2019/2020 fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; iqis li l-appoġġ għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jrid jibqa' objettiv fundamentali għall-BEI, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm sforzi miżjuda u enfasi akbar fuq il-finanzjament għall-SMEs bil-għan li jitnaqqas id-defiċit fil-finanzjament għal dawn il-kumpaniji; jilqa' f'dan is-sens it-tieqa għall-SMEs fil-fond InvestEU; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-finanzjament fit-tul, speċjalment billi jiġu appoġġjati proġetti li inkella ma jiġux iffinanzjati, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI ma jistgħux jissostitwixxu politiki fiskali sostenibbli fl-Istati Membri;

52.  Jinnota li l-probabbiltà li l-SMEs ikunu limitati finanzjarjament f'termini ta' finanzi esterni hija d-doppju meta mqabbla mad-ditti l-kbar u li l-proporzjon ta' ditti limitati finanzjarjament fl-UE kollha jvarja minn 1 % sa massimu ta' 13 %;

53.  Jinnota li l-finanzjament estern għad-ditti kollha madwar l-UE jammonta biss għal ftit aktar minn terz tal-finanzjament ta' investiment tagħhom;

54.  Iqis li, minħabba r-rwol strateġiku tal-SMEs, il-BEI għandu jkompli l-appoġġ finanzjarju tiegħu u jsaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u konsultattivi tiegħu sabiex jagħti informazzjoni u appoġġ tekniku lill-SMEs bil-ħsieb li jiffaċilitalhom l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jqis ir-reġjuni anqas żviluppati;

55.  Jenfasizza li, sabiex jikseb l-ambizzjonijiet tiegħu, il-BEI jista' jeħtieġ li jieħu riskji ulterjuri, minbarra li jżid il-fondi proprji tiegħu u jibni kompetenza esperta fi strumenti ta' finanzjament innovattivi; jistieden lid-detenturi tal-ishma tal-BEI jiżguraw li l-bank ikollu riżorsi adegwati biex ikun jista' juża strumenti innovattivi biex jiffinanzja proġetti b'potenzjal sinifikanti ta' benefiċċji sostenibbli, soċjali u innovattivi; jappella, għalhekk, għal żieda fil-kapitalizzazzjoni tal-BEI b'segwitu tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, biex ikun jista' jsir self aktar fit-tul u użu ta' strumenti innovattivi għall-finanzjament ta' proġetti b'potenzjal sostanzjali ta' titjib f'termini ta' sostenibbiltà, u ta' aspetti soċjali u ta' innovazzjoni, inklużi proġetti li joħolqu impjiegi sostenibbli u li jnaqqsu l-inugwaljanzi, kif ukoll kapital għat-tkabbir sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-fattur tal-addizzjonalità li għandu jipprovdi l-BEI lill-investimenti madwar l-UE u tal-kooperazzjoni ma' sħab varji; jirrimarka, barra minn hekk, li l-valur miżjud ipprovdut mill-finanzjament tal-BEI jfisser ukoll l-għoti ta' konsulenza teknika u l-bini tal-kapaċità biex il-proġetti jiġu megħjuna jkunu lesti biex jirċievu l-investiment u sabiex jiġi żgurat l-akbar bilanċ ġeografiku possibbli;

56.  Jissuġġerixxi li l-BEI jkompli jekoloġizza l-portafoll tal-SMEs tiegħu, pereżempju billi jalloka ishma ogħla lil proġetti aktar ekoloġiċi u billi jipprovdi appoġġ lill-banek intermedjarji għat-twaqqif ta' prodotti li jinċentivaw l-effiċjenza enerġetika jew l-enerġija rinnovabbli; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-BEI jappoġġja d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs bil-għan li jnaqqas id-distakk diġitali;

57.  Jesprimi dubju, f'dan il-kuntest, dwar il-kapaċità tal-BEI li jattira investiment favur in-negozji żgħar u jistaqsi jekk hux qed jiġi ristrett iżżejjed minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-finanzjament ta' proġetti b'komponent ta' riskju sinifikanti;

Self barra l-UE

58.  Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa attiv f'aktar minn 130 pajjiż barra l-UE, billi jsellef lil proġetti biex jappoġġjaw il-linji politiċi esterni tal-UE dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp;

59.  Jinnota li fl-2018 il-BEI ffirma kuntratti ta' finanzjament għal 101 proġett ġdid barra l-UE b'total ta' finanzjament approvat ta' EUR 9,05 biljun bil-għan li jkunu jistgħu jsiru investimenti totali ta' EUR 41 biljun, b'livelli rekord ta' self għall-klima u għall-infrastruttura soċjali u ekonomika;

60.  Iħeġġeġ lill-BEI, li huwa l-akbar sellief multilaterali fid-dinja, iżomm ir-rwol tiegħu ta' gwida fil-finanzjamenti futuri u jrawwem finanzi sostenibbli barra l-Ewropa, u jżomm rwol ewlieni fit-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE għall-pajjiżi terzi;

61.  Jinnota li madwar 10 % tas-self tal-BEI jmur għal pajjiżi terzi u li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ huwa allokat għall-Pajjiżi bi Dħul Medju Għoli, u huma biss ftit l-operazzjonijiet li qed jiġu ffinanzjati fil-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati;

62.  Jinnota l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-garanzija tal-UE lill-BEI kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġjaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni; iqis li l-BEI għandu jtejjeb il-koerenza u l-allinjament tas-self estern tiegħu mal-għanijiet tal-politika barranija u tal-iżvilupp tal-UE u mal-interventi tal-Istati Membri, biex jappoġġja l-objettivi politiċi tal-UE bl-aħjar mod;

63.  Iħeġġeġ lill-BEI jtejjeb l-għarfien espert tiegħu dwar proġetti ta' żvilupp, b'mod partikolari proġetti li jinvolvu self dirett lis-settur privat;

64.  Iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni lokali, inkluż qabel u matul l-implimentazzjoni ta' proġetti, u jtejjeb il-kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE;

65.  Iqis li l-BEI għandu jsaħħaħ il-monitoraġġ tal-proġetti u jtejjeb ir-rapportar u l-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati effettivament miksuba u l-analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiżdied l-għadd ta' persunal lokali fil-pajjiżi sħab;

66.  Jinnota li l-ammont ta' finanzjament relatat mal-klima ffirmat fl-2014-2018 huwa ogħla mill-mira tal-mandat ta' self estern (ELM) ta' 25 %;

67.  Jitlob lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-klawżoli kuntrattwali li jippermettulu jissospendi l-iżburżar f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-istandards ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, tat-taxxa u tat-trasparenza;

68.  Jinnota li madwar 40 % tal-operazzjonijiet ELM jgħaddu minn intermedjarji finanzjarji, u jitlob lill-BEI jipprovdi informazzjoni aktar komprensiva u regolari dwar ir-ridistribuzzjoni ta' self minn intermedjarji finanzjarji; jitlob lill-BEI jżomm il-verifiki tiegħu fuq is-self allokat permezz ta' intermedjarji finanzjarji mhux lokali; jenfasizza, fir-rigward tal-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs), l-importanza, minn naħa, li jerġgħu jkunu definiti r-relazzjonijiet mal-BEI, mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u mal-banek ta' żvilupp, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza bejn il-mandati rispettivi tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni, mal-BEI u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament u s-self tal-BEI, jonqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu ssimplifikati l-proċeduri, tiżdied il-kapaċità amministrattiva, jissaħħu l-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali u titjieb il-viżibbiltà tal-Fondi SIE u tal-finanzjamenti tal-BEI;

69.  Jieħu nota tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-BEI ta' Lulju 2017 dwar is-self intermedjat fil-pajjiżi tal-AKP (Reġjun tal-Afrika-Karibew-Paċifiku)(6); jinsab imħasseb dwar in-nuqqas viżibbli ta' kontroll fuq il-fondi ġestiti minn intermedjarji finanzjarji u dwar id-diffikultà li jitwettaq monitoraġġ tal-benefiċċji tas-self; jenfasizza, b'mod partikolari, li bejn l-2015 u l-2018, 30 % tas-self intermedjat ma kienx allokat(7);

70.  Jinnota li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem huma integrati fil-proċeduri u l-istandards ewlenin ta' diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-BEI, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-politika tiegħu dwar l-istandards ambjentali u soċjali, isaħħaħ l-istrateġija tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-riskju ta' tpattija kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-informaturi, u jirrispetta r-rekwiżit li jgħarraf u jikkonsulta kif xieraq lill-komunitajiet lokali; jemmen li din il-politika għandha titwettaq permezz tal-valutazzjoni tar-riskji tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari għandu jkun fiha metodoloġija biex jiġu evitati impatti negattivi fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll reazzjonijiet adegwati, jekk dan iseħħ, billi, inter alia, jiġi ggarantit id-dritt effettiv għal aċċess għall-informazzjoni u l-ħtieġa ta' konsultazzjoni ġenwina ex ante ma' persuni indiġeni affettwati mill-investiment; iqis li l-istrateġija għandha tinkludi l-valutazzjoni sistematika tar-riskji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża valutazzjoni ex ante, u l-monitoraġġ kontinwu fuq il-post; jistieden lill-BEI jinkludi fil-kuntratti tiegħu klawżoli li jippermettu s-sospensjoni tal-iżburżar tal-għotjiet f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-istandards ambjentali u soċjali, u jiżgura li l-mekkaniżmi għall-ilmenti jkunu aċċessibbli faċilment anki għall-komunitajiet remoti u marġinalizzati, u jkunu f'waqthom u effettivi;

71.  Jilqa' l-fatt li l-BEI diġà jimpjega speċjalisti tad-drittijiet tal-bniedem u jirrakkomanda li jirrekluta aktar speċjalisti bħal dawn minn pajjiżi sħab, sabiex ikun jista' jifhem aħjar is-sitwazzjonijiet lokali u jkun jista' jissorvelja kwalunkwe abbuż;

72.  Jilqa' l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Aġenzija Ġappuniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (JICA) fis-26 ta' Settembru 2019, li se jippermetti aktar kofinanzjament u koinvestiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li din il-kollaborazzjoni ssaħħaħ l-isħubija strateġika importanti bejn il-BEI u l-JICA fl-appoġġ ta' proġetti f'pajjiżi terzi li jindirizzaw kwistjonijiet globali;

73.  Jinnota d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-President tal-BEI Werner Hoyer dwar l-enfasi tal-BEI fuq l-iżvilupp; jinnota wkoll li l-BEI ppropona sussidjarja ddedikata għall-iżvilupp, il-Bank Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli; jitlob lill-BEI jorganizza djalogu mal-Parlament dwar il-pjanijiet tiegħu li jistabbilixxi sussidjarja li tintegra l-attivitajiet ta' żvilupp tiegħu, b'mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet mal-Kunsill wara r-rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp;

74.  Jistieden lill-BEI jsegwi l-aħjar prattiki u jestendi l-prinċipju tal-kunsens liberu, minn qabel u informat lill-komunitajiet kollha milquta f'każ ta' investimenti bbażati fuq ir-riżorsi tal-art u naturali, b'mod distint minn dawk li jindirizzaw biss lill-popli indiġeni;

Governanza, trasparenza u kontabilità

75.  Ifakkar li l-istess prinċipji ta' responsabbiltà u ta' trasparenza għandhom japplikaw għall-korpi kollha tal-Unjoni(8); jinsisti li r-rwol ekonomiku akbar tal-Grupp tal-BEI u ż-żieda fil-kapaċità ta' investiment tiegħu u l-użu tal-baġit tal-UE biex jiggarantixxi l-operazzjonijiet tiegħu jridu jimxu id f'id mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-operazzjonijiet ekonomiċi tiegħu, l-użu tiegħu tal-garanzija tal-baġit tal-UE, l-addizzjonalità tal-operazzjonijiet tal-BEI, u l-pjanijiet possibbli futuri għal sussidjarja tal-iżvilupp fil-BEI; jitlob li jkun hemm teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kredibilità tal-objettivi stabbiliti; jinnota li l-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni, u jfakkar lill-BEI dwar l-obbligi legali tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE;

76.  Jappoġġja l-impenn meħud mill-BEI, fil-qafas tat-tielet strateġija ta' Diversità u Inklużjoni (D&I), li tkopri l-perjodu 2018-2021, li jżid sa 50 % l-għadd tan-nisa f'livell ta' uffiċjal anzjan sal-2021; jistieden lill-BEI jiżgura li jilħaq l-għan tiegħu li jikseb iċ-Ċertifikazzjoni ta' Dividendi Ekonomiċi għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EDGE) fit-tnax-il xahar li ġejjin;

77.  Jilqa' l-fatt li, kif rakkomandat fl-aħħar rapporti tal-Parlament, issa jridu jiġu prodotti sommarji pubbliċi tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija; jenfasizza l-ħtieġa li l-kontenut tal-laqgħat tal-korpi governattivi kollha tal-BEI jiġi ppubblikat b'mod sistematiku, u jitlob li jkun hemm aktar trasparenza rigward il-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija u l-eżiti tagħhom;

78.  Jitlob lill-BEI jippubblika, bi qbil mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-informazzjoni kollha relatata mas-self dirett soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija, inkluż billi jippubblika għal kull proġett l-opinjoni tal-Kummissjoni u dik tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-proġett, kif ukoll l-iskedi tal-Kejl tar-Riżultati (ReM) meta jintalbu;

79.  Jistieden lill-BEI biex fl-2020 jirrieżamina l-politika tiegħu dwar it-trasparenza, bil-ħsieb tal-pubblikazzjoni f'waqtha ta' aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu, sabiex jiġi żgurat li din tkun konformi mal-impenji tiegħu soċjali, dwar il-klima u ambjentali; jenfasizza l-importanza tal-koerenza tal-attivitajiet tal-BEI mal-politiki tal-UE;

80.  Jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward tas-sistema tal-kuntrattar u tas-sottokuntrattar, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet interni u l-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u tal-programmi tiegħu;

81.  Jistieden lill-BEI jiżgura l-ogħla livell ta' integrità tal-intermedjarji finanzjarji tiegħu, u biex is-self tagħhom ikun soġġett għall-istess rekwiżiti ta' trasparenza bħal tipi oħrajn ta' self; jistieden lill-BEI jieqaf jaħdem ma' intermedjarji finanzjarji b'rekord negattiv f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata jew ħasil tal-flus, jew ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li tali rekwiżiti ġodda m'għandhomx ikunu għad-detriment tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;

82.  Jappella sabiex il-qafas regolatorju dwar l-obbligi tad-dmir ta' viġilanza tal-BEI jiġi rivedut, partikolarment sabiex isaħħaħ it-termini kuntrattwali tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu, pereżempju fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni;

83.  Jistieden lill-BEI jtejjeb l-impenn tal-partijiet ikkonċernati u l-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika relatati mal-proġetti li jiffinanzja; jitlob lill-BEI jissorvelja u jimmonitorja aħjar id-diversi stadji tal-impenn tal-partijiet ikkonċernati u jiżgura li l-promoturi tal-proġett ikollhom salvagwardji sodi fis-seħħ permezz ta' rekwiżiti vinkolanti;

84.  Jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-obbligi tiegħu ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, u jipprovdi qafas regolatorju sħiħ li jippermetti lill-Bank jipprevjeni b'mod effikaċi l-involviment tiegħu f'attività illegali u jiżgura reġim xieraq ta' sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE;

85.  Jistenna li l-BEI jadatta l-politiki interni tiegħu biex jitqies il-qafas ġuridiku l-ġdid imdaħħal fis-seħħ biex jiġġieled, minbarra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, u jenfasizza l-importanza tal-indipendenza u l-effikaċja tad-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet tal-Frodi tiegħu; iħeġġeġ lill-BEI jżid il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-ħasil tal-flus, u jiżgura li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jkun mgħarraf u biex jirrapporta l-każijiet kollha ta' frodi potenzjali lill-awtoritajiet kompetenti; jieħu interess proattiv fl-attivitajiet tal-BEI; huwa tal-fehma li fil-futur l-UPPE għandu jkollu mandat li jiftaħ kawżi għal attività kriminali fir-rigward tal-fondi tal-BEI f'dawk l-Istati Membri li huma membri tal-UPPE; jitlob li jiġu allokati riżorsi finanzjarji adegwati għal dan il-kompitu ġdid;

86.  Jesprimi tħassib serju dwar l-artikolu(9) reċenti dwar verifika interna tal-BEI li indikat nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni ta' standards kontra l-ħasil tal-flus min-naħa tal-Bank; jilqa' l-fatt li l-BEI qed jindirizza dawn in-nuqqasijiet u jħeġġu jlesti l-ħidma tiegħu bħala kwistjoni ta' prijorità sa Lulju 2020, u biex jirrapporta lill-Parlament dwar il-miżuri konkreti li jkun ħa, b'mod partikolari dawk intenzjonati biex isaħħu d-diliġenza dovuta fuq il-klijenti tal-BEI; jistieden lill-BEI jikkondividi dan ir-rapport tal-awditjar intern mal-Parlament u jippubblika sommarju sinifikanti tar-rapport tal-awditjar u valutazzjoni ta' kif kull nuqqas ikun ġie indirizzat b'mod konkret, u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku ġenerali, sabiex jivvaluta l-progress tal-BEI dwar dawn il-kwistjonijiet; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li l-Grupp tal-BEI jaġġorna l-politika tiegħu dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta biex tirrifletti d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni(10), li bħalissa qed tiġi implimentata mill-Istati Membri;

87.  Jinnota li l-BEI għandu Politika kontra l-Frodi b'uffiċċju indipendenti biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' frodi rrappurtati internament jew esternament; jistieden lill-BEI jikkunsidra li jaġġorna l-politika tiegħu sabiex itejjeb il-qafas tiegħu kontra l-frodi u jiżgura riżorsi adegwati, speċjalment minħabba r-rwol ewlieni li qed jaqdi fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE bħall-InvestEU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota li, fil-Politika Kontra l-Frodi tal-BEI, hemm diġà previsti sanzjonijiet u rimedji li jagħmlu possibbli – pereżempju – li jiġu sospiżi l-iżborżi, li jintalbu rimborżi lura tal-pagamenti u li jiġu sospiżi jew ikkanċellati proġetti; jistieden lill-BEI jissospendi l-iżborżi f'każ ta' akkużi serji ta' ġestjoni ħażina u/jew korruzzjoni;

88.  Jilqa' l-adozzjoni tal-politika riveduta tal-Grupp tal-BEI fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet li huma rregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi(11); jistieden lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħrajn biex japplikaw l-istess standards; jistenna li l-BEI jadotta proċeduri operattivi ddettaljati u miżuri ta' diliġenza dovuta biex jimplimenta l-politika NCJ il-ġdida; jinnota li l-BEI jippubblika d-dettalji tal-klijenti tiegħu għal kull operazzjoni fuq is-sit web tiegħu u jivverifika s-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu meta s-self tal-BEI li jirċievu jkun garantit mill-baġit tal-UE f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jappella, barra minn hekk, li s-sit web tal-BEI jkollu ħoloq ta' kollegament mar-reġistri fil-livell tal-Istati Membri fejn tista' tinkiseb data dwar is-sjieda benefiċjarja; ifakkar fl-ogħla importanza li tissaħħaħ il-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi, fid-dawl ta' modi ġodda u eżistenti ta' kif jiġu evitati t-taxxi, bħal pereżempju l-użu ta' diskrepanzi ibridi, trattament preferenzjali għal drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew l-użu ta' ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa jew mingħajr taxxa biex jiġu ttrasferiti l-profitti, b'mod partikolari billi l-għoti ta' self dirett u indirett jiġi soġġett għall-pubblikazzjoni pajjiż b'pajjiż ta' data dwar it-taxxa u l-kontabilità; jistieden lill-BEI jippreżenta lista ta' tranżazzjonijiet pendenti, speċjalment fejn hija kkonċernata l-lista ta' rifuġji fiskali internazzjonali; jistieden lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-Għodod Kontra l-Evitar tat-Taxxa tiegħu għall-proġetti sensittivi għar-riskju waqt id-diliġenza dovuta tat-taxxa tiegħu u juża r-rekwiżiti ta' rilokazzjoni meta jkun meħtieġ; jinnota l-Qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML-CFT), u jistieden lill-BEI jaġġorna l-politika tiegħu fid-dawl tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti biex jiżgura li jkun hemm sanzjonijiet adegwati għal ksur tal-liġi u standards stretti dwar l-intermedjarji finanzjarji;

89.  Jieħu nota tar-rieżami tal-politika u tal-proċeduri tal-mekkaniżmu għall-ilmenti tal-BEI sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu jkun funzjonali għall-aħħar sabiex jidentifika u jirrimedja kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi proġetti relatati mal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura l-indipendenza u l-effikaċja ta' dan il-mekkaniżmu; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman Ewropew;

90.  Jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Ombudsman Ewropew;

91.  Jilqa' l-Istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jistenna bil-ħerqa t-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni;

92.  Jistieden lill-BEI jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa u jippromwovi b'mod attiv rappreżentanza tas-sessi aktar ibbilanċjata fil-pożizzjonijiet għolja tiegħu;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u lill-BEI jsaħħu r-rwol tal-QEA, fit-tiġdid li ġej tal-Ftehim tripartitiku li jirregola r-regoli tal-ingaġġ; jitlob li l-QEA tingħata s-setgħa li twettaq awditu tal-operazzjonijiet kollha tal-BEI, inkluż li tagħmel evalwazzjoni tal-kosteffettività tal-isforzi ta' investiment tiegħu u tal-addizzjonalità tal-proġetti tiegħu, u li dawn l-awditi jkunu ppubblikati; jistieden ukoll lill-QEA tfassal rakkomandazzjonijiet dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI u l-allinjament tagħhom mal-politiki tal-UE;

94.  Jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali bejn il-BEI u l-Parlament biex jitjieb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI;

95.  Jitlob b'urġenza t-tisħiħ tal-kompetenzi tal-Parlament fl-orjentazzjoni strateġika u fil-politiki tal-BEI sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-investimenti, inkluża l-kapaċità li jissottometti mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BEI kif diġà huwa previst għall-BĊE; jistieden lill-Grupp tal-BEI jtejjeb l-obbligu ta' rendikont tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet, u jissuġġerixxi l-idea ta' djalogu ta' kull tliet xhur mal-kumitati rilevanti tal-Parlament, biex jiġi żgurat li jkun hemm parteċipazzjoni fl-istrateġija ta' investiment tal-BEI kif ukoll sorveljanza adegwata; jenfasizza l-importanza ta' skrutinju akbar mill-Parlament fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, u jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-Parlament ikollu status ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord biex jiżgura li jkun hemm kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni żżid it-trasparenza tagħha fil-konfront tal-Parlament dwar il-pożizzjonijiet li tieħu fil-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jappella għal memorandum ta' qbil bejn il-BEI u l-Parlament biex fil-ġejjieni jitjieb l-aċċess għad-dokumenti tal-BEI u għad-data relatata mal-politiki ta' orjentazzjoni u ta' finanzjament sabiex jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-Bank;

96.  Jitlob lill-President tal-BEI jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lid-Diretturi u lill-Gvernaturi tal-BEI, u li din ir-riżoluzzjoni tiġi diskussa fil-Kumitat ta' Tmexxija;

o
o   o

97.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34.
(2) Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2016)0405, 6 ta' Diċembru 2016, tabella 22 (xenarju EUCO30, sors: Mudell Primes).
(3) "Granularità: fejn ikun possibbli u rilevanti, il-Bank se jfittex li jirreġistra biss il-komponenti tal-azzjoni klimatika inkorporati fi proġetti jew programmi globali akbar. Dan l-approċċ jippermetti granularità akbar u huwa konformi mal-metodoloġija armonizzata tal-MDB (BEI: "Climate Action Lending – List of eligible sectors and eligibility criteria" (Self għall-Azzjoni Klimatika – Lista ta' setturi eliġibbli u kriterji ta' eliġibbiltà), 20 ta' Diċembru 2017).
(4) Il-Crédit Agricole impenja ruħu li ma jappoġġjax aktar impriżi li jiżviluppaw jew jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam. Il-politika ta' tolleranza żero tiegħu tapplika għall-impriżi kollha li jiżviluppaw jew li jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam: mill-estrazzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, sal-kummerċ u t-trasport li jaħdem bil-faħam.
(5) EIB, "Environmental, Climate and Social Guidelines on Hydropower Development", Ottubru 2019.
(6) BEI: "Evaluation of the EIB Intermediated Lending through the Investment Facility in ACP" (Evalwazzjoni tal-attività ta' self intermedjat tal-BEI fil-qafas tal-Faċilità ta' Investiment fil-pajjiżi tal-AKP), Lulju 2017.
(7) Rapport: "Cachez ces fossiles que l'on ne saurait voir: 3 institutions financières publiques à l'épreuve de l'Accord de Paris», Les Amis de la Terre France, Oxfam France u Réseau Action Climat-France, Lulju 2019.
(8) Kif imfakkar mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2018.
(9) https://luxtimes.lu/european-union/40483-eib-under-scrutiny-for-failings-after-whistleblowing-complaints
(10) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(11) BEI, "EIB Group Policy towards weakly regulated, non-transparent and non-cooperative jurisdictions and tax good governance" (Il-Politika tal-Grupp tal-BEI fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet rregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi u l-governanza tal-liġi fiskali), Marzu 2019.


Kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2018
PDF 203kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2018 (2019/2127(INI))
P9_TA(2020)0191A9-0118/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2018 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2018 u r-Rapport Statistiku tal-2018 tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-2018, ir-Rapport Annwali tal-2018 dwar il-BEI barra mill-Unjoni Ewropea u r-Rapport tal-2018 dwar l-Operazzjonijiet tal-BEI fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2018 u r-Rapport dwar il-Governanza Korporattiva tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-attività fil-qasam tal-investigazzjonijiet dwar frodi tal-2018,

–  wara li kkunsidra d-"Deċiżjoni fil-każ 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment" tal-Ombudsman Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (CM) li jirriżulta mid-"Deċiżjoni fil-każ 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment" tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Uffiċċju tal-Kap Uffiċjal tal-Konformità tal-BEI u r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Grupp tal-BEI ta' Kontra l-Frodi,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2017-2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016(2) u tas-17 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2017(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(4),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597), (SWD(2016)0297) u (SWD(2016)0298),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 03/2019 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Jannar 2019 Nru 03/2019(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2019 dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2018 (COM(2019)0244),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI dwar l-evalwazzjoni tal-FEIS ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-2019 tal-Mandat ta' Self Estern(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Europe in the World - The future of the European financial architecture for development"(7) (L-Ewropa fid-Dinja - Il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp) imħejji mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Counter Balance "Is the EIB up to the task in tackling fraud and corruption?" (Il-BEI kapaċi jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni?) ta' Ottubru 2019(8),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0118/2020),

A.  billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

B.  billi, skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, l-objettiv prinċipali tal-BEI huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni;

C.  billi l-BEI, bħala l-akbar mutwanti pubbliku fid-dinja, jopera fis-swieq tal-kapital internazzjonali, filwaqt li joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu appoġġati l-politiki u l-proġetti tal-UE;

D.  billi fl-2018 il-BEI għalaq 60 sena u quddiemu għandu bosta sfidi ġodda fil-ġejjieni, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha;

E.  billi l-UE, f'dawn l-aħħar għaxar snin, għaddiet minn kriżi ta' insuffiċjenza enormi ta' investimenti filwaqt li affrontat domanda urġenti għall-investimenti biex tlaħħaq mat-trasformazzjoni tal-ekonomija f'termini ekoloġiċi u diġitali kif rikjest; billi r-rati ta' investiment (jiġifieri l-investiment bħala proporzjon tal-PDG) għadhom anqas mil-livelli li fihom kienu fil-perjodu qabel il-kriżi;

F.  billi f'Novembru 2019 il-BEI adotta impenji ġodda relatati mal-klima kif ukoll Politika ta' self ġdida fil-qasam tal-enerġija;

G.  billi l-BEI jiżvolġi rwol fundamentali fis-swieq finanzjarji internazzjonali, partikolarment bis-saħħa tar-rwol ta' tmexxija tiegħu fil-ħruġ ta' bonds ħodor;

H.  billi l-BEI mistenni jiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bis-saħħa tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

I.  billi l-għanijiet tal-politika pubblika, pereżempju l-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent, għandhom ikunu l-enfasi u l-objettivi ewlenin tal-Bank;

J.  billi fl-istrateġiji ta' investiment tiegħu l-BEI għandu jintegra l-valuri Ewropej, l-ewwel fosthom hemm id-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-BEI qiegħed jikkunsidra pjanijiet biex isir il-"Bank għall-Iżvilupp tal-UE" u l-Kunsill diġà talab lill-BEI u lill-BERŻ jippreżentaw dawn il-pjanijiet għal diskussjonijiet futuri;

L.  billi l-finanzjament ta' operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE jappoġġa primarjament l-objettivi ta' politika esterna tal-UE, filwaqt li jespandi l-viżibbiltà u l-valuri tal-Unjoni u jikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà ta' pajjiżi terzi;

M.  billi fid-diliġenza dovuta u fil-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-BEI għandhom jiġu inklużi b'mod debitu s-salvagwardji kontra l-frodi, fosthom il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u kontra l-finanzjament tar-riskji ta' terroriżmu u l-korruzzjoni;

N.  billi attenzjoni kontinwa għandha tiġi ffukata fuq l-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-BEI, kif ukoll il-governanza tajba u t-trasparenza;

Ir-riżultati ewlenin li kisbu l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fl-2018

1.  Josserva li l-Grupp tal-BEI fl-2018 forna aktar minn EUR 64,19 biljun f'finanzjament u li ġew iffirmati 854 proġett;

2.  Josserva li l-volumi ewlenin ta' investiment tal-BEI huma kif ġejjin:

   EUR 13,5-il biljun ta' self għal proġetti ta' innovazzjoni fl-2018;
   32 % tal-finanzjamenti tal-BEI kien iddedikat lir-reġjuni ta' koeżjoni u konverżjoni li qabeż l-objettiv ippjanat tat-30 %;
   l-iskemi ta' finanzjament lill-SMEs u lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jirrappreżentaw il-qasam prijoritarju prinċipali b'aktar minn EUR 23,3 biljun;
   EUR 15,2-il biljun ġew investiti fl-ambjent;
   EUR 12,3-il biljun fl-infrastrutturi;
   is-self relatat mat-tibdil fil-klima rrappreżenta kważi 30 % tal-portafoll tal-BEI fl-2018, jiġifieri 28 % tal-firem totali, perċentwal li qabeż l-objettiv ta' 25 % bħala sostenn lill-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;
   aktar minn EUR 8 biljun ġew investiti barra mill-Ewropa, li jirrappreżenta 12,5 % tal-finanzjamenti totali tal-BEI;

3.  Josserva ż-żewġ għanijiet politiċi ġenerali tal-BEI relatati mal-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-UE u mal-azzjoni dwar il-klima kif ukoll l-erba' għanijiet prinċipali tal-politika pubblika tal-innovazzjoni, il-finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastrutturi u l-ambjent; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-għanijiet prinċipali tal-politika pubblika għandhom ikunu allinjati b'mod sħiħ mal-aġġornament reċenti tal-prijoritajiet politiċi tal-UE biex jirriflettu t-tendenzi ekonomiċi l-ġodda u t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli li jirrispetta l-konfini planetarji, l-ekwità soċjali u l-idea ta' prosperità kondiviża;

4.  Jieħu nota tal-mod ta' kif inhuma mqassmin fl-2018 f'termini ġeografiċi l-kuntratti ta' finanzjament iffirmati; jistieden lill-BEI jirrapporta anki dwar il-kuntratti ffirmati fil-qasam tal-finanzi skont il-pajjiż fuq bażi per capita u fir-rigward tas-sehem tal-pajjiż fil-BEI; jitlob li jkun hemm distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-investimenti biex jitqies il-livell tal-aspetti ta' żvilupp u ta' koeżjoni tal-pajjiżi u tar-reġjuni; jieħu nota tal-mod ta' kif inhuma mqassmin fl-2018 f'termini ġeografiċi l-kuntratti ta' finanzjament iffirmati, bħala perċentwal tal-PDG, mal-ħames Stati Membri benefiċjarji prinċipali, jiġifieri l-Greċja 1,01 % (EUR 1,87 biljun), Ċipru 1,01 % (EUR 0,21 biljun), il-Portugall 0,98 % (EUR 1,98 biljun), il-Kroazja 0,98 % (EUR 0,51 biljun) u l-Polonja 0,97 % (EUR 4,79 biljun); josserva li l-ħames l-akbar Stati Membri benefiċjarji, f'ċifri assoluti, irċevew 52,9 % tal-investimenti finanzjarji ffirmati;

5.  Jieħu nota li l-Kunsill qabel li jsostni l-bażi ta' kapital tal-Bank billi jissostitwixxi l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit lill-kapital imħallas tal-BEI bir-riżervi u bil-kapital eżerċitabbli tal-Bank b'żidiet proporzjonali ta' obbligazzjonijiet kontinġenti; jieħu nota li l-Kunsill qabel ma' żieda asimmetrika tal-kapital li twassal għal żidiet tal-ishma mill-kapital tal-Polonja u tar-Rumanija; jistieden lill-azzjonisti tal-BEI jżidu aktar il-kapitalizzazzjoni tal-BEI biex ikun hemm żieda fl-investimenti u aktar teħid ta' riskju għall-finanzjament tal-proġetti neċessarji biex jagħtu sostenn lit-trasformazzjoni sostenibbli u diġitali tal-ekonomija u jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-innovazzjoni u għall-kompetittività fl-UE filwaqt li tinżamm il-klassifikazzjoni ta' tripla A tal-BEI;

6.  Josserva r-rata ta' self indebolit ta' 0,3 % fi tmiem l-2018 (0,3 % fi tmiem l-2017) tat-total tal-portafoll ta' self minkejja l-azzjoni reċenti tal-Bank favur operazzjonijiet ta' self li jippreżentaw riskju ogħla;

Il-prijoritajiet prinċipali tal-politika tal-investimenti tal-BEI u s-sostenibbiltà tal-mudell ta' negozju tiegħu

7.  Josserva li l-missjoni tal-BEI hija li jinvesti fi proġetti fattibbli li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE skont l-Artikolu 309 TFUE, fosthom il-proġetti għar-reġjuni inqas żviluppati li qed jiżviluppaw; jisħaq fuq il-fatt li d-definizzjoni tal-prijoritajiet fl-ambitu tal-attivitajiet ta' għoti b'self tal-BEI għandha tissejjes fuq proġetti sostenibbli b'riżultati tanġibbli ċari, valur miżjud u impatti pożittivi usa';

8.  Jistieden lill-BEI jqis, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji kollha ta' impatt fuq l-ambjent u jiffinanzja biss dawk il-proġetti li wrew valur miżjud reali għall-popolazzjoni lokali u f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jisħaq fuq l-importanza ta' monitoraġġ rigoruż tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u ta' frodi f'dan il-kuntest u li jsiru evalwazzjonijiet ex ante u ex post bir-reqqa fir-rigward tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;

9.  Jenfasizza li teżisti spinta politika biex ikun hemm bidla ta' sehem dejjem akbar tal-fondi tal-BEI f'miżuri għall-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali, jew l-hekk imsejjaħ "Bank Klimatiku tal-Ewropa"; jistieden lis-soċjetà ċivili, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-partijiet ikkonċernati tal-Bank jaħtfu din l-opportunità u jitlob l-allinjament tal-operazzjonijiet tal-BEI mal-Ftehim ta' Pariġi fl-2020; jenfasizza li abbażi tal-iżviluppi l-ġodda, il-BEI għandu jkompli jsostni l-iżvilupp reġjonali u l-objettivi ta' koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE, kif previst mill-Protokoll 28 tal-TFUE;

10.  Jistieden lill-BEI jikkonċentra fuq proġetti deċentralizzati iżgħar li spiss huma ta' proprjetà tal-komunità u jkompli jiżviluppa s-sostenn favur l-inizjattivi mmexxija miċ-ċittadini permezz tat-tisħiħ tal-assistenza teknika u tal-għarfien espert fil-kamp finanzjarju qabel l-approvazzjoni ta' proġett, bil-għan li jitjiebu l-aċċessibbiltà tal-finanzjamenti tal-BEI u tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu; jitlob, f'dan ir-rigward, finanzjamenti adegwati għas-servizzi ta' konsulenza fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

11.  Jistieden lill-BEI jqis lill-partijiet ikkonċernati lokali, fosthom is-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-impatt tal-investimenti fuq l-ambjent lokali;

12.  Jilqa' pożittivament ir-reviżjoni, sal-aħħar tas-sena, tal-qafas ambjentali u soċjali tal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara" fl-operazzjonijiet kollha tiegħu; jistieden lill-BEI jimpenja ruħu li jtemm il-finanzjament tal-proġetti kollha li mhumiex konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-UE;

13.  Isostni għalhekk id-divulgazzjoni ta' informazzjoni ċara dwar il-mod kif l-istrateġija tal-BEI tiġi implimentata u dwar is-sostenibbiltà jew l-impatt f'termini ta' klima tal-prodotti u tal-portafolli tiegħu;

14.  Jilqa' pożittivament ir-rapporti tal-BEI dwar l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali f'terminu medju u twil meta jiddefinixxi l-loġika wara l-investimenti tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawn ir-rapporti jkopru kemm il-fażi tal-ippjanar (ex ante) kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-proġett; huwa tal-opinjoni li għandhom jinkludu anki dawk dwar ir-riżultati li nkisbu abbażi tal-investimenti tiegħu, speċjalment fl-UE;

15.  Iqis li hemm bżonn li jsiru sforzi għall-iżvilupp ta' ekonomija klimatikament newtrali fil-livell nazzjonali u li l-BEI jmissu jieħu rwol ta' tmexxija f'dan l-ambitu; jistieden lill-BEI jsostni lill-banek nazzjonali għall-investimenti u lill-banek tal-esportazzjonijiet-importazzjonijiet biex jadottaw prinċipji u miżuri ambjentali simili għal dawk tal-BEI u jimpenjaw ruħhom li jiffinanzjaw biss proġetti li jkunu allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-UE;

Ir-rwol tal-BEI fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

16.  Iqis li l-BEI jiżvolġi rwol importanti biex ikunu indirizzati l-isfidi klimatiċi bħat-tisħin globali u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE; josserva li l-BEI għandu jsegwi l-objettivi ffissati mill-Patt Ekoloġiku;

17.  Josserva li, fl-2018, it-total tal-investiment fil-qasam tal-klima kien jammonta għal EUR 16,2-il biljun u l-volumi prinċipali tal-investimenti kienu l-enerġija b'emissjoni baxxa tal-karbonju (EUR 6 biljun), l-enerġija rinnovabbli (EUR 4,1 biljun) u l-effiċjenza enerġetika (EUR 2,7 biljun); josserva li, fl-2018, 29 % mis-self mogħti mill-BEI kien relatat mal-klima;

18.  Jilqa' pożittivament il-ħruġ, fl-2018, ta' bonds għal kuxjenza dwar il-klima tal-valur ta' EUR 4 biljun kif ukoll ta' bonds għal kuxjenza dwar is-sostenibbiltà tal-valur ta' EUR 500 miljun; jisħaq fuq il-bżonn ta' standard tal-UE għal bonds ħodor biex jiġu garantiti t-trasparenza u t-traċċar tar-rikavati;

19.  Ifakkar fl-impenji li ħa l-President tal-BEI matul is-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima f'Settembru 2019, b'mod partikolari:

   l-allinjament tal-attivitajiet kollha ta' finanzjament tal-BEI mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020;
   il-forniment ta' almenu 50 % tal-finanzi tal-BEI għall-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali sal-2025;
   l-iżblukkar ta' EUR 1 triljun f'investimenti relatati mal-klima u mal-ambjent sal-2030;

20.  Jenfasizza li l-ambizzjoni tal-BEI li jkun pilastru finanzjarju ewlieni fil-Patt Ekoloġiku tfisser li l-Bank jeħtieġ li jintensifika l-isforzi tiegħu biex isir "Bank Klimatiku"; jistieden lill-BEI jfassal pjan direzzjonali b'objettivi speċifiċi, realistiċi u li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu kif ukoll b'kalendarju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li dawn l-objettivi jqisu r-riskju potenzjali li jiżdiedu d-differenzi fost ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE; jissottolinja l-attivitajiet tal-BEI favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali; jissottolinja l-bżonn li l-attivitajiet tal-BEI jallinjaw is-sostenn lill-koeżjoni ekonomika u soċjali mal-objettivi klimatiċi;

21.  Jitlob li l-impenji ambizzjużi jitnaqqxu f'politiki konkreti; jeħtieġ li l-BEI jagħmel l-impenji tiegħu parti essenzjali tal-Pjan Korporattiv tal-Operat tiegħu u tal-Istrateġija Klimatika tiegħu, kif ukoll tal-istrateġiji għas-self settorjali u tal-politiki ta' salvagwardja tiegħu;

22.  Jisħaq fuq il-fatt li huwa ferm importanti li l-investimenti u l-portafolli settorjali kollha tal-BEI jkunu allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi;

23.  Josserva l-fatt li fl-2018 il-BEI approva l-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali kbar tal-gass inklużi gassdotti lejn l-UE mit-Turkmenistan u l-Ażerbajġan (Trans-Anatolian Natural Gas Pipeline - Gasdott Trans-Anatoliku) u mill-Greċja lejn l-Italja, li jgħaddi mill-Albanija u mill-Baħar Adrijatiku (Trans-Adriatic Pipeline - Gasdott Trans-Adrijatiku); josserva li dawn l-investimenti kienu inklużi fir-raba' lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni kofinanzjati mill-baġit tal-UE; jistieden lill-BEI jispjega l-mod kif dawn il-proġetti se jkunu allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020; jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-gass kemm bħala teknoloġija intermedjarja importanti kif ukoll f'termini tal-kontribut tiegħu għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

24.  Iqis il-Politika ta' self il-ġdida fil-qasam tal-enerġija tal-BEI bħala titjib importanti, b'mod partikolari d-deċiżjoni biex sal-2021 jieqaf is-self mogħti lill-proġetti relatati mal-enerġija mill-fjuwils fossili kif ukoll l-eżempju li jagħti lill-banek l-oħra; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-użu tas-sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali u l-finanzjament sussegwenti tagħhom għandhom ikunu allinjati mal-ksib tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; josserva li fil-bidu tal-2022 se jsir rieżami tal-Politika ta' self fil-qasam tal-enerġija u jitlob li tali rieżami jallinja lill-politika mat-Tassonomija Ewropea tal-Finanzi Sostenibbli;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attenzjoni futura tal-BEI fuq it-Tranżizzjoni Ġusta u jistenna li l-BEI jagħti kontribut lill-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, speċjalment fil-qafas tal-Faċilità ta' Self għas-Settur Pubbliku futura tiegħu u tal-operazzjonijiet tiegħu fl-ambitu ta' InvestEU;

26.  Josserva l-fatt li l-perċentwal ta' finanzjament mogħti lit-toroq, lill-awtostradi u lit-trasport bl-ajru fl-2018 kien ogħla mill-medja tal-perjodu 2014-2018, filwaqt li l-finanzjament mogħti lill-ferroviji fl-2018 kien aktar baxx mill-medja tal-perjodu 2014-2018; josserva li t-total tal-finanzjament mogħti lit-trasport bl-ajru fl-2018 jammonta għal EUR 725 miljun; jistenna b'interess ir-rieżami min-naħa tal-BEI tal-Politika ta' self fil-qasam tat-trasport tiegħu; jitlob li jkun hemm politika ġdida ta' finanzjament tat-trasport biex is-settur tat-trasport tal-Unjoni jiġi dekarbonizzat sal-2050;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tissupplimenta l-qafas għall-investimenti sostenibbli bi kriterji għall-attivitajiet ekonomiċi b'riperkussjonijiet ambjentali konsiderevolment negattivi, li l-BEI jista' japplika; jirrikonoxxi l-isforzi tal-BEI biex jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;

28.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' politiki ġodda fis-setturi industrijali b'intensità għolja tal-karbonju li fihom il-BEI huwa attiv, bħas-siment, il-petrokimika u l-azzar, bil-għan li jikkonċentra fuq is-sostenibbiltà ta' dawn is-setturi u jwieżen b'attenzjoni l-konsegwenzi ta' kwalunkwe xoljiment tal-kuntratti eżistenti, bl-enfasi mpoġġija fuq il-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari;

29.  Josserva li l-problema tal-klima ma tistax tissolva mingħajr is-sostenn tal-industrija u li jista' biss ikun hemm bidla fuq skala kbira jekk l-industrija tiġi kkunsidrata u jingħataw l-inċentivi neċessarji għal soluzzjonijiet klimatiċi innovattivi;

30.  Jilqa' pożittivament il-metodoloġija l-ġdida tal-BEI għall-evalwazzjoni tal-marka tal-karbonju u jappella għall-implimentazzjoni sistematika tagħha, b'attenzjoni partikolari fuq l-emissjonijiet indiretti (l-hekk imsejħa "tip 3"); jitlob li l-proġetti jiġu evalwati b'mod komprensiv u mhux b'analiżi sempliċi taċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-emissjonijiet tagħhom;

31.  Jistieden lill-BEI jesplora opzjonijiet possibbli biex jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar rigorużi għall-komunikazzjoni, min-naħa tal-klijenti intermedjarji, tal-espożizzjoni tagħhom għall-fjuwils fossili, jenfasizza li dawn ir-rekwiżiti l-ġodda ma għandhomx ikunu askapitu tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjamenti;

32.  Jilqa' favorevolment l-adozzjoni min-naħa tal-BEI tal-politika ta' esklużjoni u jitlob użu rigoruż ta' dan l-istrument biex mill-finanzjamenti tal-BEI jiġu esklużi dawk il-klijenti involuti fi prattiki ta' korruzzjoni u ta' frodi;

33.  Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-aħjar prattiki fis-settur bankarju kummerċjali(9), il-finanzjament tal-BEI għandu jkun suġġett għal objettivi u impenji xjentifiċi ambizzjużi, bil-ħsieb li gradwalment jitneħħa l-appoġġ tiegħu lill-proġetti li l-attivitajiet tagħhom iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra;

34.  Jilqa' pożittivament il-linji gwida dwar l-enerġija idroelettrika adottati fl-2018(10) u jappella għall-estensjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza għall-proġetti infrastrutturali kollha;

35.  Ifakkar lill-BEI li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa element ewlieni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u li t-treġġigħ lura tal-ekosistemi għal li kienu huwa l-unika teknoloġija ppruvata fejn jidħlu emissjonijiet negattivi; jinnota li l-proġetti kollha tal-BEI jgħaddu minn valutazzjoni tar-riskju għall-bijodiversità u jridu jirrispettaw l-istandards tal-Bank fil-qasam tal-bijodiversità u jitlob li jżid il-finanzjamenti tiegħu biex jinkisbu l-objettivi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-objettiv tad-deforestazzjoni żero netta u l-objettivi tal-protezzjoni tal-baħar u tax-xtut;

36.  Josserva li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huwa integrat bis-sħiħ fil-miżuri kollha tal-BEI dwar il-klima;

Operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE

37.  Itenni li l-qerda tal-faqar, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem huma suġġetti ċentrali fl-arkitettura finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp, b'viżibbiltà akbar tal-azzjonijiet iffinanzjati; jemmen li l-implimentazzjoni tal-SDGs għandha tkun fil-qalba tal-attenzjoni tal-UE fis-snin li ġejjin;

38.  Jinnota b'apprezzament il-kapaċità ta' adattament rapida tal-BEI għall-isfidi internazzjonali; jistieden lill-BEI jkompli jappoġġa l-politiki esterni tal-UE u r-risposta għall-emerġenza, bħall-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika bħala parti mir-reazzjoni Ewropea għall-isfida globali maħluqa mill-migrazzjoni u mir-rifuġjati;

39.  Iħeġġeġ lill-BEI, lill-BERŻ, lill-banek multilaterali ta' żvilupp u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jkomplu jaħdmu għall-aħjar kooperazzjoni operattiva possibbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti, peress li kooperazzjoni aktar stretta bejn il-banek bħal din hija indispensabbli għall-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż u għat-titjib tas-sinerġiji b'użu aktar effiċjenti tar-riżorsi;

40.  Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Mandat ta' Self Estern fl-2018 iwassal għal żieda fil-garanzija tiegħu ta' EUR 5,3 biljun;

41.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' allinjament tal-operazzjonijiet tal-BEI mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE;

42.  Jinnota li l-prinċipji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huma totalment integrati fl-istandards u fil-proċeduri prinċipali ta' diliġenza dovuta tal-Bank, inklużi l-valutazzjonijiet ex ante; ifakkar li l-BEI huwa direttament marbut bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-klawsoli kuntrattwali stipulati mal-klijenti jippermettu s-sospensjoni tal-kuntratti f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' pożittivament ir-reviżjoni tad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tal-2009;

43.  Jistieden lill-BEI jqis il-kuntest lokali meta jinvesti f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-investimenti f'pajjiżi terzi għandhom ukoll jimmiraw li jiġġeneraw tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul immexxi mis-settur privat, isostnu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-faqar permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u aċċess aħjar għar-riżorsi produttivi;

44.  Josserva li l-BEI jimpjega persunal speċjalizzat fid-drittijiet tal-bniedem iżda estensjoni tal-persunal lokali tal-BEI fil-pajjiżi terzi tkun tippermetti fehim aħjar tal-kuntest lokali; jistieden lill-BEI jiżgura li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċess deċiżjonali kollu tiegħu;

45.  Josserva li fil-livell tal-proġett, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom ukoll rwol x'jiżvolġu, peress li jiġu kkonsultati dwar il-proġetti tal-BEI sottoposti għal valutazzjoni qabel ma dawn il-proġetti jiġu proposti lid-Diretturi tal-BEI għall-finijiet tal-adozzjoni;

46.  Jitlob lill-BEI jindirizza r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mandat ta' self estern tiegħu li fiha jindika li huwa diffiċli għas-servizzi tal-Kummissjoni li jiksbu tagħrif dwar il-prestazzjoni tal-BEI ħlief permezz ta' partijiet interessati esterni, peress li r-rappurtar dwar ir-riżultati effettivi jsir biss wara t-tlestija tal-proġett u ma hemm l-ebda obbligu li l-BEI juri problemi ta' implimentazzjoni; iqis bħala problematika ħafna l-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema r-riżultati u l-impatti reali tal-intervent tal-UE għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux magħrufa;

47.  Itenni l-interess tiegħu li jkun involut u jikkontribwixxi fid-diskussjonijiet bejn il-Kunsill u l-BEI dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita s-sussidjarja bankarja l-ġdida tal-Bank għall-Iżvilupp tal-UE; jistieden lill-BEI jagħti prijorità lill-qerda tal-faqar, lill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u lid-drittijiet tal-bniedem fil-pjanijiet tiegħu biex tinħoloq sussidjarja għall-operazzjonijiet ta' żvilupp tiegħu;

Funzjonament u effikaċja tal-FEIS

48.  Jinnota l-objettiv kwantitattiv ewlieni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta' EUR 500 biljun f'investimenti privati u pubbliċi addizzjonali; jinnota li l-objettivi li jistgħu jitkejlu dwar is-sostenibbiltà u l-impatt soċjali għandhom jiddaħħlu fl-istrateġiji ta' investiment futuri;

49.  Jinnota li għall-implimentazzjoni tal-FEIS, il-BEI rrekluta 358 ruħ u, għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, irrekluta 75;

50.  Ifakkar li l-FEIS għandu struttura ta' governanza distinta meta mqabbel mal-BEI u li l-operazzjonijiet ta' investiment tiegħu jsiru fil-qafas ta' żewġ oqsma tematiċi, jiġifieri t-Tieqa ta' Infrastruttura u Innovazzjoni ġestita mill-BEI u Tieqa għall-SMEs ġestita mill-FEI;

51.  Itenni li l-loġika sottostanti tal-FEIS, li, bil-maqlub tal-istrumenti ta' finanzjament attwali l-oħra tal-BEI, huwa sostnut mill-baġit tal-UE, tikkonsisti f'li tingħata addizzjonalità permezz tal-identifikazzjoni ta' setturi addizzjonali u innovattivi orjentati lejn il-futur u proġetti bi profil ta' riskju ogħla;

52.  Jaċċentwa l-importanza tal-kriterji ta' addizzjonalità, li jimplikaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-operazzjonijiet li huma eliġibbli biss għall-appoġġ mill-FEIS meta jiġu indirizzati fallimenti tas-suq identifikati b'mod ċar jew sitwazzjonijiet u operazzjonijiet ta' investiment subottimali u li ma setgħux jitwettqu sal-istess punt jew fl-istess żmien mingħajr il-FEIS;

53.  Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti skont liema l-istima rrappurtata għall-investimenti mobilizzati la tqis il-fatt li ċerti operazzjonijiet tal-FEIS ħadu post operazzjonijiet oħrajn tal-BEI u strumenti finanzjarji tal-UE, u lanqas il-fatt li parti mill-appoġġ tal-FEIS marret għall-proġetti li setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi pubbliċi jew privati oħra b'kundizzjonijiet differenti;

54.  Itenni l-appell tiegħu għal stampa ġenerali oġġettiva tal-addizzjonalità, tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali u tal-valur miżjud reali tal-proġetti tal-FEIS, kif ukoll tal-konsistenza tagħhom mal-politiki tal-Unjoni jew operazzjonijiet oħra tal-BEI sabiex isir aktar xprunat mill-politiki pjuttost milli mid-domanda, kif indikat fir-Rapport Speċjali tal-QEA(11) f'Jannar 2019;

55.  Josserva li l-operazzjonijiet tal-FEIS kienu eliġibbli li jiġbru fondi minn sorsi pubbliċi nazzjonali u tal-UE apparti l-investimenti privati; jinnota l-importanza li jiġi evitat użu anqas prudenti tar-riżorsi finanzjarji li ntefqu u piż mejjet possibbli ta' tali kostijiet; jissottolinja l-bżonn li tiġi garantita l-addizzjonalità;

56.  Iqis li għandu jiġi evitat kwalunkwe trikkib fl-infiq min-naħa ta' aktar investituri u kwalunkwe piż mejjet tal-kostijiet sabiex tiġi evitata sjieda tar-riżultati inaffidabbli jew multipli minħabba l-finanzjament tal-investimenti permezz ta' diversi mezzi differenti;

57.  Jitlob sinerġija aħjar bejn il-FEIS, il-banek promozzjonali nazzjonali (NPB) u l-pjattaformi ta' investiment biex tittejjeb l-effikaċja globali tal-FEIS;

58.  Iqis ta' importanza kbira li t-tagħlimiet misluta mill-FEIS 1.0 u mill-FEIS 2.0, speċjalment dwar l-addizzjonalità, is-sostenibbiltà u t-trasparenza jitqiesu kif xieraq fl-ippjanar inizjali, fl-implimentazzjoni u fir-rappurtar tar-riżultati miksuba tal-programm InvestEU;

Governanza, trasparenza u responsabbiltà tal-BEI

59.  Itenni l-importanza tal-etika, tal-integrità, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà tal-BEI u tal-FEI fl-operazzjonijiet kollha tiegħu;

60.  Josserva li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha fil-qafas tal-proċedura skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni dawn l-opinjonijiet malli jinħarġu;

Ottimizzazzjoni tal-qafas tal-BEI fil-qasam tal-governanza korporattiva u tal-kontrolli

61.  Jirrakkomanda li jiġi adattat l-approċċ tal-Bank u l-kontrolli relatati tal-kwalità fi ħdan l-entitajiet tal-Bank bil-għan li jiġu indirizzati adegwatament ir-riskji ta' konformità, kif ukoll li jiġi appoġġat it-tixrid totali fi ħdan il-BEI u l-Grupp tal-BEI tal-prinċipju ta' baġit ibbażat fuq ir-riżultati;

62.  Jitlob valutazzjoni u rapport dwar ir-riskji u s-sistemi ta' kontroll assoċjati mal-finanzjament imħallat mal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqies l-impatt tal-attivitajiet tat-taħlit mhux biss fir-rigward tas-sorveljanza iżda wkoll fir-rigward tal-għażliet ta' governanza;

63.  Jinnota li fl-2018 il-mudell ta' attivitajiet tal-Bank kompla jevolvi u jkun aktar diversifikat minħabba t-tkabbir tal-attivitajiet fl-ambitu tal-FEIS, li huma ta' natura aktar kumplessa, u minħabba tranżazzjonijiet, li huma ta' daqs iżgħar u ta' profil ta' riskju ogħla;

64.  Jinnota li f'Lulju 2018 il-Bord tad-Diretturi ddeskriva diversi bidliet organizzattivi u ta' governanza u f'Diċembru 2018 approva Pjan Direzzjonali ta' Implimentazzjoni li jinkludi fost l-oħrajn:

   (i) proposta biex jinbidel l-Istatut tal-BEI biex jiżdied l-għadd ta' membri supplenti tal-Bord tad-Diretturi u biex tiġi introdotta votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet ta' governanza;
   (ii) titjib fl-ambjent tal-Kontroll Intern u tal-Ġestjoni tar-Riskji tal-Bank, b'mod partikolari billi tinħoloq Funzjoni tar-Riskju tal-Grupp li se tkun eżerċitata minn Uffiċjal Kap tal-Ġestjoni tar-Riskji;

65.  Jidhirlu li, fir-rigward tar-rieżami tar-responsabbiltajiet tal-korpi ta' tmexxija tal-BEI, il-membri tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jevitaw kunflitti ta' interess possibbli fi kwalunkwe ċirkostanza; f'dan il-kuntest, iqis li huwa importanti li fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kumitat ta' Tmexxija u l-Bord tad-Diretturi tiddaħħal dispożizzjoni li teskludi l-possibbiltà li jkun hemm Membri ta' dawn l-entitajiet jissorveljaw is-self għal proġetti jew l-implimentazzjoni tagħhom f'pajjiżhom;

66.  Jiddispjaċih għan-nuqqas persistenti ta' diversità u ta' bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali għoli u fi ħdan il-korpi ta' tmexxija tal-Grupp tal-BEI; jistieden lill-BEI jindirizza din il-kwistjoni bi prijorità;

67.  Jistieden lill-BEI jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport Annwali 2018(12) tal-Kumitat tal-Verifika tal-BEI, jiġifieri li:

   il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Bord tad-Diretturi jiġi rieżaminat;
   il-Bank jeħtieġ li jiżgura li jkun hemm persunal adegwat u suffiċjenti fil-funzjonijiet ta' kontroll u li kwalunkwe lakuna fil-proċeduri ta' reklutaġġ eżistenti f'dawn il-funzjonijiet tiġi indirizzata b'urġenza;
   il-Kumitat ta' Tmexxija jiżviluppa Pjan Direzzjonali, li jinkludi stadji intermedji, riżorsi u kalendarju għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-passat, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Verifika kienet bil-mod wisq;

Lejn istituzzjoni aktar trasparenti u responsabbli b'mekkaniżmi msaħħa biex tiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni

68.  Jinnota li tul is-snin il-BEI stabbilixxa mekkaniżmi interni u strutturi ta' governanza biex jitnaqqsu r-riskji ta' frodi u korruzzjoni; il-Bank impenja ruħu pubblikament ukoll li japplika politika ta' "tolleranza żero fil-konfront tal-frodi u tal-korruzzjoni";

69.  Jistieden lill-BEI jiddivulga fuq is-sit web tiegħu d-dettalji dwar is-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu u jgħin biex jiġu evitati każijiet ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess;

70.  Jitlob lill-BEI jissubordina l-iżborż ta' self dirett u indirett għall-pubblikazzjoni ta' data tat-taxxa u tal-kontabbiltà għal kull pajjiż, u għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-rigward tal-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament;

71.  Jieħu nota tar-rapport ta' Counter Balance li jikkonkludi li l-BEI għadu mhuwiex kapaċi jegħleb il-frodi u l-korruzzjoni, parzjalment minħabba dgħufijiet fil-mekkaniżmi interni tiegħu u parzjalment minħabba l-qafas ta' governanza insodisfaċenti li fih jidħlu l-attivitajiet tiegħu, flimkien ma' nuqqas ta' skrutinju estern adegwat tal-attivitajiet tiegħu, anki mill-OLAF; jieħu nota ukoll tat-tweġibiet tal-BEI u tal-OLAF għal dan ir-rapport; jistieden lill-BEI jimplimenta t-titjib meħtieġ biex jindirizza d-dgħufijiet li fadal; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiżgura li l-BEI jikkonforma mal-obbligi ta' diliġenza dovuta tal-inqas ekwivalenti għad-Direttiva tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus;

72.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-pubblikazzjoni reċenti ta' artikolu(13) dwar verifika interna tal-BEI li sabet nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni min-naħa tal-Bank ta' standards kontra l-ħasil tal-flus; jilqa' l-isforzi tal-BEI biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet u jħeġġu biex ilesti l-ħidma tiegħu sal-iskadenza mogħtija bħala kwistjoni ta' prijorità, u biex jirrapporta lill-Parlament dwar il-miżuri konkreti li jkun ħa, b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tad-diliġenza dovuta fuq il-klijenti; jistieden lill-BEI jikkondividi r-rapport ta' awditjar intern imsemmi hawn fuq mal-Parlament u jippubblika sommarju sinifikanti tiegħu, flimkien ma' valutazzjoni dettaljata ta' kif kull nuqqas ġie indirizzat b'mod effettiv, li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku inġenerali;

73.  Jistieden lill-BEI jagħmel l-aħjar użu mill-kooperazzjoni mal-OLAF u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u, aktar tard, biex ikopri b'mod proattiv il-każijiet tal-BEI billi jinvestiga u jħarrek l-awturi tar-reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

74.  Itenni l-appell tiegħu lill-BEI biex isir aktar responsabbli fil-konfront tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, filwaqt li jsaħħaħ l-iskrutinju tal-Parlament fuq il-BEI u jippermetti lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżerċita b'mod sħiħ id-dritt li twettaq awditjar tal-operazzjonijiet tal-BEI;

75.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess ta' tfassil tal-politiki tal-BEI hija mod biex titjieb ir-responsabbiltà, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-involviment tal-komunitajiet lokali u taċ-ċittadini milquta mill-operazzjonijiet tal-BEI;

76.  Ifakkar li t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-BEI mhux biss twassal għat-tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont u tar-responsabbiltà korporattivi kumplessivi tal-BEI, b'viżjoni ċara tat-tip ta' intermedjarji finanzjarji u ta' benefiċjarji finali, iżda tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-proġetti għall-għajnuna ffinanzjati; jistieden għalhekk lill-BEI jqis dawn l-aspetti fir-rieżami tal-politika ta' trasparenza tiegħu ppjanat fl-2020;

77.  Isostni għalhekk id-divulgazzjoni ta' informazzjoni ċara dwar il-mod kif l-istrateġija tal-BEI tiġi implimentata u dwar is-sostenibbiltà jew l-impatt f'termini ta' klima tal-prodotti u tal-portafolli tiegħu;

78.  Jistenna li l-politika tal-BEI għall-protezzjoni tal-informaturi tkun ambizzjuża u tipprevedi standards għoljin; iħeġġeġ lill-BEI jinkludi f'dak ir-rieżami l-informaturi kemm interni kif ukoll esterni u jistabbilixxi proċeduri, kalendarji u linji gwida ċari u definiti sew biex jagħti lill-informaturi l-aħjar gwida u jipproteġihom minn kwalunkwe ritaljazzjoni possibbli;

79.  Jiddispjaċih li l-Mekkaniżmi għall-Ilmenti ma ġewx imsaħħa biżżejjed fi tmiem l-2018 u jqis li għandu jiġi rinfurzat aktar l-aċċess għal mekkaniżmu ta' lmenti effikaċi u indipendenti, inklużi d-drittijiet ta' rimedju; josserva li fl-2019 il-BEI ħoloq Sistema ġdida ddedikata għall-Ilmenti fil-qasam tal-Akkwist għall-Proġetti, bil-għan li jiżgura ġestjoni aktar effikaċi u indipendenti tar-rimostranzi relatati;

80.  Japprezza l-isforzi tal-BEI biex jippubblika d-dokumentazzjoni l-ġdida rigward l-azzjoni dwar il-klima, it-tabelli ta' valutazzjoni tal-proġetti tal-FEIS jew ir-rapporti ta' tlestija tal-proġetti għall-operazzjonijiet finalizzati mhux tal-UE; iqis li l-BEI għandu wkoll jiddivulga, safejn ikun l-aktar possibbli, il-Minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Minuti u l-aġendi tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija, il-folji 3PA REM, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proġetti u r-rapporti dwar il-monitoraġġ tal-proġetti; jifhem iżda li ċerti limiti japplikaw għat-trasparenza tad-dokumenti, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mogħtija mill-klijenti u mis-sħab tal-proġetti tal-BEI;

81.  Jinnota li fl-2018 id-dħul fis-seħħ tal-Politika dwar l-Esklużjoni l-ġdida tal-BEI, inklużi l-proċeduri għall-esklużjoni ta' entitajiet u individwi bi preċedenti negattivi relatati mal-imġiba u mal-attivitajiet tagħhom, proċeduri li jħaddmu d-dispożizzjonijiet u l-projbizzjonijiet previsti mill-politika kontra l-frodi tal-BEI;

82.  Jistenna r-riżultati tar-rieżami tal-politiki tal-BEI/FEI kontra l-frodi, li ġie varat fl-2018, u jappoġġa approċċ aktar rigoruż fil-konfront tal-politika ta' tolleranza żero lejn il-frodi u l-korruzzjoni u forom oħra ta' mġiba pprojbita; jistieden lill-BEI jżid il-kollaborazzjoni tiegħu mal-OLAF u mal-UPPE fil-futur u jirrapporta l-każijiet kollha ta' frodi potenzjali lill-awtoritajiet kompetenti; huwa tal-fehma li fil-futur l-UPPE għandu jkollu l-mandat li jiftaħ kawżi għal attività kriminali relatati mal-fondi tal-BEI fl-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UPPE;

83.  Josserva li l-BEI jippubblika dettalji tal-klijenti tiegħu għal kull waħda mill-operazzjonijiet fuq is-sit web tiegħu; jistieden lill-BEI jippubblika wkoll l-informazzjoni neċessarja relatata mas-sidien benefiċjarji; jilqa' pożittivament il-politika attwali ta' protezzjoni tal-informaturi tal-BEI;

84.  Jinnota ż-żieda fl-għadd ta' allegazzjonijiet fl-2018, jiġifieri 184 allegazzjoni ġdida (149 fl-2017), li minnhom 68 % oriġinaw minn sorsi interni u 31 % minn dawk esterni; jinnota li l-oqsma ewlenin ta' investigazzjoni huma l-frodi, il-korruzzjoni, l-użu ħażin tal-isem tal-BEI/FEI u l-kollużjoni; jinnota li, mill-ammont globali ta' riferimenti tal-grupp tal-BEI, 69 % saru lill-OLAF;

85.  Jieħu nota tal-ftehim bejn il-BEI u Volkswagen bil-konsegwenzi li Volkswagen jiġi eskluż milli jipparteċipa fi kwalunkwe proġett tal-BEI għal perjodu ta' 18-il xahar u jipprevedi l-impenn ta' Volkswagen li jikkontribwixxi għal inizjattiva ta' sostenibbiltà, inkluż il-ħarsien tal-ambjent;

86.  Jappoġġa politika ta' tassazzjoni responsabbli fi ħdan il-BEI, billi jappoġġa l-inklużjoni ta' klawsoli ta' integrità fil-kuntratti tal-grupp tal-BEI, l-eżekuzzjoni ta' diliġenza dovuta profonda fir-rigward ta' ġurisdizzjoni mhux konformi, b'identifikazzjoni ċara tal-kontropartijiet kontraenti u tal-pożizzjoni ġeografika; jilqa' favorevolment l-adozzjoni, f'Marzu 2019, ta' politika dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux konformi u jitlob implimentazzjoni rapida u r-rappurtar regolari lill-Parlament tal-implimentazzjoni tagħha;

87.  Iqis li r-rispett tal-ogħla standards ta' integrità huwa rekwiżit indispensabbli, partikolarment l-istandards AMF-CFT promossi mill-UE, it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja kif ukoll il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa promossi mill-OECD, mill-Grupp tal-Għoxrin u mill-UE sabiex titjieb il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

88.  Jirrikonoxxi r-rwol pijunier tal-BEI fil-livell tal-UE fil-ħruġ ta' rapport dwar is-sostenibbiltà; jistieden lill-BEI jiżviluppa aktar ir-rapport dwar is-sostenibbiltà tiegħu billi jirrapporta dwar ir-riżultati u juża indikaturi definiti sew, speċifiċi, faċilment kwantifikabbli u komparabbli;

89.  Jilqa' pożittivament l-ewwel ħruġ ta' rapport ta' aċċertament limitat mill-awditur estern tal-BEI dwar selezzjoni ta' dikjarazzjonijiet, ċifri u indikaturi tar-rapport ta' sostenibbiltà tal-2018 tiegħu;

90.  Jappella għal skrutinju estern aktar b'saħħtu tal-BEI mill-Qorti tal-Awdituri, u josserva li d-dispożizzjonijiet attwali tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat fl-2016 li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għandhom jiġu rieżaminati bir-reqqa meta jiġi diskuss il-Ftehim Tripartitiku li jmiss mistenni f'Settembru 2020;

91.  Itenni, madankollu, it-talba tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-BEI u jitlob li l-BEI jippreżenta rapport annwali tal-attività aktar komprensiv, dettaljat u armonizzat u jtejjeb b'mod sinifikanti l-preżentazzjoni tal-informazzjoni billi jinkludi tqassim dettaljat u affidabbli tal-investimenti approvati, iffirmati u mħallsa għal sena partikolari u s-sorsi ta' finanzjament impenjati (riżorsi proprji, FEIS, programmi tal-UE ġestiti fuq livell ċentrali, eċċ), kif ukoll informazzjoni bħal din dwar il-benefiċjarji (l-Istati Membri, is-settur pubbliku jew privat, intermedjarji jew benefiċjarji diretti), is-setturi appoġġati u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post;

92.  Jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu jorganizza sessjoni ta' ħidma/seduta ta' smigħ annwali dwar l-attivitajiet u l-kontroll tal-operazzjonijiet tal-BEI li jkunu jagħtu lill-Parlament informazzjoni rilevanti addizzjonali biex jappoġġa l-ħidma tiegħu dwar l-iskrutinju tal-BEI u tal-operazzjonijiet tiegħu;

Segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

93.  Jitlob lill-BEI jibqa' jirrapporta dwar il-qagħda attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedentement maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali rigward:

   (a) l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-istrateġija ta' investiment tiegħu;
   (b) l-adattamenti relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, speċjalment meta l-membri jipparteċipaw fl-għoti ta' self;
   (c) it-trasparenza wara d-diliġenza dovuta fil-qasam tal-integrità tal-klijenti għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa, tal-frodi u tal-korruzzjoni;

o
o   o

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jitlob lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jkollhom dibattitu dwar il-pożizzjonijiet tal-Parlament hawnhekk ippreżentati.

(1) https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/mt/95520
(2) ĠU C 41, 6.2.2020, p. 18.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0036.
(4) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(5) https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=49051
(6) Evalwazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea; https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/elm_evaluation_swd_2019_333_f1_staff_working_paper_en_v3_p1_1048237.pdf
(7) https://www.consilium.europa.eu/media/40967/efad-report_final.pdf)
(8) https://www.counter-balance.org/wp-content/uploads/2019/10/Report_OnlineVersion_EIB_Corruption_Oct2019.pdf
(9) Il-Crédit Agricole impenja ruħu li ma jappoġġax aktar impriżi li jiżviluppaw jew jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam. Il-politika ta' tolleranza żero tal-Crédit Agricole tapplika għall-impriżi kollha li jiżviluppaw jew li jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam: mill-estrazzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, sal-kummerċ u t-trasport li jaħdem bil-faħam.
(10) BEI, "Environmental, Climate and Social Guidelines on Hydropower Development" (Linji Gwida Ambjentali, Klimatiċi u Soċjali fil-Qasam tal-Iżvilupp tal-Idroenerġija), Ottubru 2019.
(11) https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=49051
(12) https://www.eib.org/attachments/general/ac_annual_reports_2018_en.pdf
(13) Luxembourg Times, "EIB under scrutiny for failings after whistleblowing complaints", 21 ta' April 2020.


Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - ġlieda kontra l-frodi - rapport annwali 2018
PDF 203kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - ġlieda kontra l-frodi - rapport annwali 2018 (2019/2128(INI))
P9_TA(2020)0192A9-0103/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2019 intitolat "It-30 rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi (2018)" (COM(2019)0444) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2019)0361, SWD(2019)0362, SWD(2019)0363, SWD(2019)0364 u SWD(2019)0365),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2018 tal-OLAF(1) u r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar lill-Qorti tal-Awdituri intitolata "L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE" (COM(2019)0196),

–  wara li kkunsidra l-"action plan" (il-pjan ta' azzjoni) (SWD(2019)0170) u l-"fraud risk assessment" (valutazzjoni tar-riskju ta' frodi) (SWD(2019)0171, li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni intitolata "L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE" (COM(2019)0196),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (COM(2018)0324),

–  wara li kkunsidra l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet standard dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fi ħdan il-proposti kollha tal-QFP tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 li temenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (COM(2018)0338),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 9/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi (COM(2018)0386),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Bosta dewmien fis-sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 01/2019 intitolat "Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 06/2019 intitolat " L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 12/2019 intitolat "Kummerċ elettroniku: ħafna mill-isfidi relatati mal-ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali għad iridu jiġu riżolti",

–  wara li kkunsidra ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)(3) u r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tiegħu, ippubblikata mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0589),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(4) (id-Direttiva PIF),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2019, ikkummissjonat mill-Kummissjoni intitolat "Studju u Rapporti dwar id-diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-28: Rapport finali",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2015, ikkummissjonat mill-Kummissjoni intitolat "Studju li jikkwantifika u janalizza d-diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE: rapport 2015" u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT intitolat "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu" (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tat-12 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE (COM(2013)0324 tas-6 ta' Ġunju 2013)" (COM(2017)0235),

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkoordinat mill-OLAF intitolat "Il-frodi fl-akkwist pubbliku – ġabra ta' senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aħjar prattiki", ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2017, u l-manwal tal-OLAF tal-2017 dwar "Ir-Rapportar ta' irregolaritajiet fil-ġestjoni konġunta",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 19/2017 intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE".

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-105/14: proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et al(10),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-42/17: proċeduri kriminali kontra M.A.S. u M.B.(11),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-48/16, Sigma Orionis SA vs il-Kummissjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT biex tiżdied il-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw l-aktar skemi ta' frodi tal-VAT li jagħmlu ħsara u jnaqqsu d-diskrepanza tal-VAT,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar "Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi"(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE(14),

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni kontinwa tal-programm Hercule III(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0103/2020),

A.  billi l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, timplimenta l-baġit tal-Unjoni, li 74 % minnu ġie implimentat f'reġim ta' ġestjoni kondiviża fl-2018;

B.  billi l-Kummissjoni għandha tieħu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħha f'reġim ta' ġestjoni kondiviża għas-superviżjoni, il-kontroll u l-awditjar;

C.  billi skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046, meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, biex jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

D.  billi sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli ex ante u ex post, għandhom jirkupraw fondi mħallsa indebitament u jieħdu azzjoni legali f'dak ir-rigward meta jkun meħtieġ;

E.  billi l-ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE huma elementi ewlenin tal-politika ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u għandhom l-għan li jżidu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flus il-kontribwenti jintużaw b'mod korrett u li l-baġit tal-UE jiġi eżegwit b'mod effettiv;

F.  billi l-infiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jikkontribwixxu għall-ġestjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE;

G.  billi l-Artikolu 310(6) tat-TFUE jiddikjara li "[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni"; billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jiddikjara li "[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess"; billi l-Artikolu 325(3) tat-TFUE jiddikjara li "l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti"; billi skont l-Artikolu 325(4) tat-TFUE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha tiġi kkonsultata dwar kull miżura li għandha tiġi adottata mil-leġiżlatur fl-oqsma ta' prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE;

H.  billi l-baġit tal-UE jappoġġja objettivi kondiviżi u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u billi l-prestazzjoni tajba hija prekundizzjoni għall-ksib ta' riżultati u prijoritajiet, is-semplifikazzjoni tal-valutazzjoni regolari tad-dħul, tan-nefqa, tal-eżiti u tal-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni, huma elementi essenzjali għall-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

I.  billi l-UE għandha l-obbligu li taġixxi fil-qasam tal-politiki kontra l-korruzzjoni fil-limiti stabbiliti mit-TFUE; billi l-Artikolu 67 tat-TFUE jistabbilixxi l-obbligu tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, inkluż permezz tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi skont l-Artikolu 83 tat-TFUE l-korruzzjoni hija wieħed mir-reati partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera li għandha effett negattiv fuq l-interessi finanzjarji tal-UE;

J.  billi l-frodi li tinvolvi l-fondi tal-UE hija waħda mill-mezzi li bihom l-organizzazzjonijiet kriminali jinfdu l-ekonomija u jimminaw il-libertà ekonomika u l-kompetizzjoni ħielsa;

K.  billi teħtieġ tiġi indirizzata b'mod adegwat id-diversità fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri sabiex ikun hemm azzjoni tal-UE iktar koordinata għall-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u l-ġlieda kontra l-frodi; billi l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u tkompli timplimentahom b'mod effettiv sabiex ikun hemm riżultati iktar tanġibbli u iktar sodisfaċenti;

L.  billi l-korruzzjoni hija theddida serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda wkoll għad-demokrazija u l-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika;

M.  billi l-VAT miġbura mill-Istati Membri hija sors ta' dħul importanti għall-baġits nazzjonali u billi r-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 11,9% tal-baġit totali tal-UE fl-2018;

N.  billi każijiet sistematiċi u istituzzjonalizzati ta' korruzzjoni f'ċerti Stati Membri jagħmlu ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE filwaqt li jirrappreżentaw ukoll theddida għad-demokrazija, għad-drittijiet fundamentali u għall-istat tad-dritt; billi r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru 470 dwar il-Korruzzjoni, ippubblikat f'Diċembru 2017, iddikjara li l-perċezzjonijiet ġenerali tal-korruzzjoni u l-attitudnijiet ġenerali lejha baqgħu stabbli meta mqabbla mal-2013, fatt li jindika li ma ntwera ebda riżultat konkret f'termini ta' titjib ta' fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tagħhom;

Identifikazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet

1.  Jilqa' pożittivament it-30 rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll il-progress miksub matul dawn l-aħħar tliet deċennji fl-istabbiliment u l-iżvilupp tal-fondazzjonijiet leġiżlattivi u tal-qafas istituzzjonali (l-OLAF u l-UPPE) fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet fil-livell tal-UE, fl-istabbiliment ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejnhom u l-Kummissjoni, u fil-ksib ta' riżultati ta' protezzjoni tal-baġit tal-UE li ma jkunux possibbli mingħajr l-isforzi konġunti kemm tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali;

2.  Josserva bi tħassib kbir il-modifika permanenti tal-metodi ta' frodi u tax-xejriet ġodda ta' frodi, li għandhom dimensjoni transnazzjonali qawwija u bi skemi ta' frodi transfruntiera (jiġifieri frodi fil-promozzjoni ta' prodotti agrikoli; kumpaniji fittizji; l-evażjoni ta' dazji doganali permezz tas-sottovalutazzjoni tat-tessuti u ż-żraben li jidħlu fl-Unjoni u li jgħaddu minn żdoganar tal-merkanzija f'diversi Stati Membri; il-kummerċ elettroniku; iż-żieda tad-dimensjoni transfruntiera tal-frodi fuq in-naħa tal-infiq; u l-falsifikazzjoni), li jaffettwaw b'mod negattiv in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE u li jeħtieġu rispons koordinat ġdid fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

3.  Jinnota li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2018 (11 638-il każ) kien 25 % inqas milli fl-2017 (15 213-il każ) u li l-valur involut baqa' stabbli meta mqabbel mas-sena preċedenti (EUR 2,5 biljun fl-2018, meta mqabbel mal-EUR 2,58 biljun fl-2017);

4.  Jindika li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji mwettqa;

5.  Ifakkar li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti rrapportati u l-ammonti relatati mhumiex indikatur dirett tal-livell ta' frodi li jaffettwa l-baġit tal-UE jew ta' Stat Membru partikolari; jinnota li mhuwiex ċar kemm irregolaritajiet frawdolenti jibqgħu mhux irrappurtati kull sena mill-Kummissjoni u speċjalment mill-Istati Membri; jinnota li dan jagħmilha diffiċli għall-Parlament jislet konklużjonijiet utli dwar l-effikaċja tal-attivitajiet kontra l-frodi mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa metodoloġija biex ittejjeb l-affidabbiltà u tipprovdi stimi iktar preċiżi tal-kobor tal-frodi fl-UE; jinnota li l-irregolaritajiet frawdolenti affettwaw 0,71 % tal-pagamenti tal-2018 u 0,65 % tal-ammont gross tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) miġbura għall-2018; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti affettwaw 0,58 % tal-pagamenti tal-2018 u 1,78 % tal-ammont gross tal-RPT miġbura għall-2018;

6.  Jinnota bi tħassib li, skont il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni għandha livell ta' għarfien insuffiċjenti dwar il-kobor, in-natura u l-kawżi tal-frodi; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

7.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni twettaq kontrolli komprensivi biex tiżgura t-trasparenza sħiħa u l-kwalità tad-data rrapportata mill-Istati Membri fis-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS);

8.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti rrapportati fl-2018 (1 152 każ) baqa' fl-istess livell tal-2017; jiddispjaċih, madankollu, għaż-żieda sinifikanti fl-ammonti ta' 183 %, fatt li joħloq tħassib serju; din iż-żieda hija dovuta, fil-biċċa l-kbira, għal żewġ irregolaritajiet frawdolenti li jikkonċernaw in-nefqa għall-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-ammonti għoljin jiġu rkuprati minnufih;

9.  Jinnota l-fatt li l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti rreġistrati fl-2018 wera tnaqqis ta' 27 % (10 487 każ), filwaqt li l-ammonti finanzjarji involuti naqsu b'37 % għal EUR 1,3 biljun;

10.  Jiddispjaċih ferm u jirrimarka l-fatt li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li qiegħed jiżdied bla waqfien l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transfruntiera li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bħall-kuntrabandu jew l-iffalsifikar tal-flus;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw iktar mill-qrib f'dawk li huma skambji ta' informazzjoni, kemm biex itejbu l-ġbir ta' data tagħhom kif ukoll biex itejbu l-effikaċja tal-kontrolli tagħhom u jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini; ifakkar fir-rwol tal-Kummissjoni fil-koordinament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fil-koordinament biex tiġi stabbilita sistema uniformi għall-ġbir ta' data dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri;

12.  Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tinkludi kontinwament lill-istituzzjonijiet u l-korpi maniġerjali responsabbli f'każijiet ta' użu ħażin intenzjonali ta' fondi fil-kampjuni ta' awditjar tagħhom;

13.  Iqis li huwa inkwetanti li biex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013 jirrikjedi biss ir-rapportar ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti li jinvolvu kontribuzzjoni ta' iktar minn EUR 10 000 mill-FSIE; ifakkar li, fil-qasam tal-agrikoltura u tal-Fond Soċjali Ewropew, hemm għadd kbir ta' pagamenti li huma ferm inqas mil-limitu ta' EUR 10 000, li jiġu żborżati bħala dritt għal pagament (abbażi ta' ċerti kundizzjonijiet) u, bħala konsegwenza, pagamenti potenzjalment frawdolenti li jinsabu taħt il-limitu ta' rappurtar li jiġux irrapportati, jinnota, madankollu, l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapporti Annwali tagħha għall-2017 u l-2018 li d-drittijiet għal pagament huma inqas suxxettibbli għal żbalji mir-rimborż tal-ispejjeż, li huma l-metodi ta' żborż għal proġetti ta' valur ogħla minn EUR 10 000;

14.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin fuq skala kbira tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej minn uffiċjali tal-gvern ta' livell għoli fir-Repubblika Ċeka, u minn atturi pubbliċi oħra fl-Ungerija, il-Greċja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Italja; jinnota li tali frodi hija askapitu tan-negozji tal-familja żgħar li l-iktar jeħtieġu s-sussidji;

15.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin tal-Fondi ta' Koeżjoni; jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet frawdolenti jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema tipperikola l-interess finanzjarju tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu tal-Fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li fiha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet dwar l-użu ulterjuri;

16.  Ifakkar fir-rekwiżiti ta' trasparenza għall-PAK u għall-politiki ta' koeżjoni, li jobbligaw lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri jżommu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku lista tal-benefiċjarji finali; jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw tali data f'format uniformi li jista' jinqara mill-magni u jiżguraw l-interoperabbiltà tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u taggrega d-data u tippubblika listi tal-ikbar benefiċjarji minn kull fond f'kull Stat Membru;

17.  Jinsisti li l-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu ta' lment speċifiku fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġa lill-bdiewa jew lill-benefiċjarji li jħabbtu wiċċhom, pereżempju, ma' prattiki skorretti ta' ħtif tal-art, imġiba ħażina min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, pressjoni min-naħa tal-istrutturi kriminali jew tal-kriminalità organizzata, jew il-persuni li huma soġġetti għal xogħol furzat jew għal skjavitù, li jagħtihom l-opportunità li jressqu malajr ilment lill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar għandha tivverifika b'urġenza;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea ma tiħux azzjoni suffiċjenti biex tindirizza dan it-tip ta' frodi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq kontrolli effikaċi flimkien ma' miżuri vinkolanti; jinnota li l-UPPE għandu jiżvolġi rwol fundamentali fit-twettiq ta' tfittxijiet transfruntiera, sejbien u rappurtar ta' każijiet ta' frodi, u biex il-frodaturi jitressqu quddiem il-ġustizzja;

Dħul ‒ riżorsi proprji

19.  Jinnota ż-żieda ta' 1 % fl-għadd ta' każijiet frawdolenti rreġistrati għall-RPT miġbura (għal 473 fl-2018), u jiddispjaċih għaż-żieda ta' 116 % fl-ammonti finanzjarji involuti;

20.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala mhux frawdolenti għall-2018 kien 10 % inqas mill-medja għas-snin 2014-2018, iżda jiddispjaċih li l-ammont affettwat huwa 17 % ogħla;

21.  Jinsab imħasseb ħafna li skont l-istatistika ta' "estimi rapidi" tal-Kummissjoni, id-diskrepanza tal-VAT fl-2018 kienet tammonta għal EUR 130 biljun, ċifra li tirrappreżenta iktar minn 10 % tad-dħul totali mistenni mill-VAT, u li l-Kummissjoni tistma li l-każijiet ta' frodi tal-VAT intra-Komunitarju jiswew lill-Unjoni madwar EUR 50 biljun fis-sena; jiddispjaċih għat-telf ta' EUR 5 biljun fis-sena li ġej minn provvisti ta' oġġetti b'valur baxx li joriġinaw minn pajjiżi terzi;

22.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tiċċara l-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni transfrutiera u ta' assistenza legali reċiproka bejn l-Istati Membri, l-Eurojust, l-UPPE u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT;

23.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kompetenzi tal-OLAF fil-qasam tal-investigazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandhom bl-ebda mod jiġu limitati jew soġġetti għall-ebdakundizzjoni amministrattiva ulterjuri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament dwar din il-kwistjoni matul in-negozjati dwar ir-regolament "Investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tar-regolament dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF";

24.  Jaċċentwa r-rwol importanti tal-OLAF fl-investigazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-VAT; jilqa' pożittivament l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud(16), li ġiet approvata fl-2018, u li introduċiet miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali biex jivverifikaw il-provvisti transfruntiera, jiġu estiżi l-kompetenzi tal-OLAF biex jiffaċilita u jikkoordina l-investigazzjonijiet dwar il-frodi tal-VAT u biex jiġu indirizzati l-iktar skemi ta' frodi tal-VAT ta' ħsara u biex tonqos id-diskrepanza tal-VAT;

25.  Jilqa' pożittivament ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 emendat biex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-software tal-Analiżi tan-Netwerks ta' Tranżazzjonijiet (TNA) biex jiġu identifikati networks frawdolenti fl-UE kollha; bil-għan li jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa bil-għan li jindentifikaw u jinterċettaw aħjar il-frodi karusell tal-VAT; jitlob miżuri li jiżguraw bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data tal-operaturi ekonomiċi soġġetti għal investigazzjoni elenkati fis-software TNA l-ġdid;

26.  Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' miżuri għall-qsim ta' data rilevanti sa mill-2020, dwar "il-proċedura doganali 42" u "l-proċedura doganali 63" bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, li tippermetti kontroverifika tan-numri tal-VAT, il-valur tal-merkanzija importata, it-tip ta' prodotti bażiċi, eċċ. mill-Istat Membru tal-importazzjoni u mill-Istat Membru tal-klijent;

27.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi (NAFSs) mill-Istati Membri kollha;

28.  Jisħaq fuq il-gravità tal-frodi li tikkonċerna l-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa "frodi karusell" li tirriżulta fin-nuqqas ta' ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti min-negozjant nieqes, anke jekk dan ikun tnaqqas mill-konsumatur;

29.  Jinnota li l-pannelli solari kienu l-oġġetti l-iktar affettwati minn frodi u irregolaritajiet f'termini monetarji fl-2018, kif kien il-każ ukoll fl-2017 u fl-2016; jilqa' pożittivament l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni u jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u tar-rwol ta' koordinament tal-OLAF f'dan il-qasam;

30.  Jilqa' pożittivament il-fatt li diversi Stati Membri introduċew għodod ġodda tal-IT, approċċi bbażati fuq ir-riskju u inizjattivi biex jingħelbu l-isfidi fil-qasam tal-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw biex jagħmlu użu konġunt ta' dawn l-għodod, approċċi u inizjattivi, biex ikomplu jiskambjaw prattiki tajba u jtejbu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Eurofisc;

31.  Jinsab imħasseb li l-frodi tad-dħul minħabba s-sottovalutazzjoni ta' oġġetti importati fl-UE minn pajjiżi terzi għadha theddida għall-interessi finanzjarji tal-UE; jirrikonoxxi l-kummerċ elettroniku transfruntier ta' oġġetti bħala sors konsiderevoli ta' frodi tat-taxxa fl-UE, speċjalment fil-każ ta' oġġetti iżgħar; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ elettroniku transfruntier, b'mod partikolari għall-abbuż potenzjali ta' eżenzjonijiet għal kunsinni ta' valur baxx, billi jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens;

32.  Jinnota li, f'Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni ġdid biex jiġi miġġieled il-kummerċ illegali tat-tabakk, li hu bbażat prinċipalment fuq miżuri operattivi ta' infurzar tal-liġi;

33.  Jinnota li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti ġew identifikati l-iktar permezz ta' kontrolli ta' wara l-iżdoganar, iżda jenfasizza l-importanza tal-kontrolli doganali qabel jew fil-ħin tar-rilaxx tal-oġġetti, kif ukoll tal-ammissjonijiet volontarji biex jiġu identifikati l-irregolaritajiet;

34.  Ifakkar, għal darb'oħra, li kombinazzjoni ta' metodi ta' sejbien differenti (kontrolli tar-rilaxx, kontrolli ta' wara r-rilaxx, spezzjonijiet minn servizzi ta' kontra l-frodi u oħrajn) hija l-iktar effiċjenti biex jinqabdu l-frodi u li l-effiċjenza ta' kull metodu tiddependi mill-Istat Membru kkonċernat, il-koordinament effiċjenti tal-amministrazzjoni tiegħu u l-abilità tas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma' xulxin;

35.  Iqis inkwetanti l-fatt li ċerti Stati Membri regolarment ma jirrapportaw l-ebda każ ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga s-sitwazzjoni, inkwantu tqis pjuttost baxxa l-probabbiltà li tali Stati Membri ma jkollhom l-ebda attività frawdolenti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post f'dawn il-pajjiżi;

36.  Jinnota li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala frawdolenti bejn l-1989 u l-2017 kienet madwar 41 %; jinnota wkoll li r-rata ta' rkupru għal każijiet frawdolenti rrappurtati u identifikati fl-2018 kienet ta' 70 %, li hija ferm ogħla mir-rata medja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għat-titjib tar-rata ta' rkupru f'dawn il-każijiet;

37.  Jinnota li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala mhux frawdolenti bejn l-1989 u l-2018 kienet ta' 72 %;

38.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex kull sena tirrapporta l-ammont tar-riżorsi proprji tal-UE rkuprati skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF, u tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati;

Nefqa

39.  Jinnota t-tnaqqis ta' 3 % fin-numru ta' każijiet (679) irrapportati bħala irregolaritajiet frawdolenti fl-2018, li ħallew effett fuq in-nefqa; jenfasizza, madankollu, ir-rata allarmanti, tat-tendenza opposta li hemm fl-ammonti finanzjarji involuti (EUR 1 032 biljun), li rriżultat f'żieda ta' 198 %;

40.  Jilqa' pożittivament it-tnaqqis ta' 4 % f'irregolaritajiet mhux frawdolenti rreġistrati, kif ukoll it-tnaqqis ta' 48 % tal-ammonti finanzjarji involuti (EUR 844,9 miljun);

41.  Jilqa' pożittivament il-fatt li min-naħa tan-nefqa, xi Stati Membri adottaw diversi miżuri operattivi bħall-introduzzjoni ta' għodod tal-IT għall-għoti ta' punteġġ għar-riskju, valutazzjonijiet tar-riskju ta' frodi u korsijiet ta' taħriġ ta' sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-frodi; jistieden lill-Istati Membri l-oħrajn kollha biex iqawwu l-isforzi tagħhom sabiex jadottaw minnufih tali miżuri;

42.  Jinnota n-nuqqas ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni lill-Istati Membri bil-għan li tiżgura li kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità ta' kontrolli jitjiebu, u li tikkondividi l-aħjar prattika fil-ġlieda kontra l-frodi;

43.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġestjoni u tas-sorveljanza mill-qrib tal-għotjiet imqassma skont il-programmi tal-FSIE (il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, l-AMIF (il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni), il-FEAD (il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn) u l-FEG (il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni), fl-interess ta' bbaġitjar mhux inflazzjonarju effiċjenti tal-Fondi u ta' evitar ta' frodi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Istati Membri, fir-rigward tal-politika agrikola komuni fejn ġew irreġistrati 249 irregolaritajiet frawdolenti fl-2018 (-6 %) li kienu jinvolvu total ta' EUR 63,3 miljun (+ 10 %) u tal-politika ta' koeżjoni fejn ġew irreġistrati 363 irregolaritajiet frawdolenti fl-2018 (+ 5 %), bl-ammont totali involut ikun ta' EUR 959,6 miljun (+ 199 %); japplikaw l-iktar miżuri b'saħħithom biex jiġġieldu kontra l-frodi li jinvolvu l-flus pubbliċi mħallsa mill-Baġit tal-UE;

45.  Jinnota li għall-PAK, għas-snin ta' rappurtar 2014-2018, il-"livell tal-frekwenza tal-frodi" (FFL) li jirrappreżenta l-perċentwal tal-każijiet li jikkwalifikaw bħala frodi suspetti u bħala frodi aċċertati b'rabta man-numru totali ta' irregolaritajiet irrappurtati, huwa ta' 10 %, li "livell tal-ammonti tal-frodi" huwa madwar 23 % tal-ammont finanzjarju totali milqut minn irregolaritajiet; jinnota barra minn hekk li "r-rata tal-identifikazzjoni tal-frodi" (FDR) li tirrappreżenta l-perċentwal tal-ammont finanzjarju totali affettwat minn frodi suspetti u minn frodi aċċertati, fir-rigward tan-nefqa totali, hija biss ta' 0,11 %, filwaqt li l-"rata tal-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet" li tirrappreżenta l-perċentwal tal-ammont finanzjarju totali affettwat minn irregolaritajiet fir-rigward tan-nefqa totali, hija ta' 0,37 %;

46.  Jinnota, bl-istess mod, li r-"rata tal-identifikazzjoni tal-frodi" għall-politika ta' koeżjoni hija ta' 0,86 % filwaqt li r-"rata tal-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet" hija ta' madwar 0,34 %;

47.  Itenni l-importanza tat-trasparenza tan-nefqa, u jitlob l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni f'każ ta' finanzjament Ewropew;

L-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni

OLAF

48.  Jinnota li, fl-2018, l-OLAF fetaħ 219-il investigazzjoni u kkonkluda 167, b'rakkomandazzjonijiet ta' rkupru finanzjarju għall-valur ta' EUR 371 miljun; jinnota, barra minn hekk, li fl-aħħar tas-sena kienu għadhom għaddejjin 414-il investigazzjoni;

49.  Jieħu nota tat-twessigħ tar-rwol tas-servizzi ta' koordinament kontra l-frodi (AFCOS) fit-trawwim tal-effikaċja tad-diversi kanali għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari fl-indirizzar tal-frodi doganali, iżda wkoll għal kooperazzjoni mal-OLAF;

50.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni (CAFS) f'April 2019, li ġiet aġġustata b'żewġ żidiet sinifikanti għal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-frodi adottata fl-2017, jiġifieri d-Direttiva PIF, li tistabbilixxi standards komuni iktar stretti għal-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istati Membri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u r-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);

51.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma inkludietx fil-programm ta' ħidma annwali tagħha proposta għal strument għall-assistenza amministrattiva reċiproka f'materja tan-nefqa; jemmen li inizjattiva simili taqa' taħt id-dispożizzjoni tal-Artikolu 225 tat-Trattat;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali li jiżvolġi l-OLAF u għall-ħtieġa li jissaħħaħ iktar u li jiġi żgurat il-koordinament effettiv mal-UPPE;

53.  Jiddispjaċih li tnax-il Stat Membru biss implimentaw id-Direttiva PIF il-ġdida, tmienja oħra implimentawha parzjalment u l-oħrajn xejn affattu; jinnota li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva PIF il-ġdida diġà skadiet fis-6 ta' Lulju 2019; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, malajr kemm jista' jkun, lista tal-Istati Membri kollha li naqsu milli jittrasponu d-direttiva sad-data tal-iskadenza; jistieden lill-Istati Membri kollha li fadal jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva fl-iqsar żmien possibbli; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-proċess ta' traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha, kif ukoll tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha għall-varar ta' proċeduri ta' ksur, meta l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw mal-proċess ta' traspożizzjoni;

54.  Ifakkar li l-CAFS il-ġdida tkopri: (i) frodi (inkluża frodi ta' VAT), korruzzjoni u approprjazzjoni indebita li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, kif definit fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva PIF; (ii) reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, eż. reati marbuta ma' abbuż ta' proċeduri ta' akkwist fejn dawn jaffettwaw il-baġit tal-UE; (iii) irregolaritajiet kif definiti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (sakemm dawn ikunu intenzjonali iżda ma jkunux diġà koperti mir-reati msemmijin hawn fuq); u (iv) ksur serju tal-obbligi professjonali minn persunal jew membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-OLAF u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom) li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi(17);

55.  Jilqa' pożittivament il-prijoritajiet il-ġodda tal-CAFS, bħat-titjib tal-fehim tax-xejriet tal-frodi, il-profili tal-frodaturi u l-vulnerabbiltajiet sistemiċi b'rabta ma' frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-koordinament, il-kooperazzjoni u l-flussi tax-xogħol għall-ġlieda kontra l-frodi, b'mod partikolari fost is-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni;

56.  Jiddeplora l-fatt li ħdax-il Stat Membru biss adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi (NAFS); jistieden lill-Istati Membri kollha li fadal jipproċedu għall-adozzjoni tan-NAFS tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tixpruna lill-Istati Membri li fadal jipproċedu għall-adozzjoni tan-NAFS; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali kontra l-frodi bħala kundizzjoni għall-aċċess għall-fondi tal-UE;

57.  Jilqa' pożittivament il-proposta l-ġdida tal-Programm tal-UE Kontra l-Frodi 2021-2027, li se jiġi implimentat mill-OLAF taħt il-ġestjoni diretta tiegħu; jinnota li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi jinkludi (i) il-programm ta' nfiq ta' Hercule III, li jappoġġja attivitajiet kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, (ii) is-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS), li hija attività operattiva li essenzjalment tikkonsisti f'sett ta' applikazzjonijiet informatiċi doganali mħaddma fl-ambitu ta' sistema ta' informazzjoni komuni ġestita mill-Kummissjoni, u (iii) is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) li hija għodda sigura ta' komunikazzjoni elettronika li tiffaċilita l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw irregolaritajiet identifikati, inkluż frodi, u li tappoġġja l-ġestjoni u l-analiżi tagħhom;

58.  Jinnota li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi u l-prijoritajiet ġodda tiegħu jeħtieġu finanzjament suffiċjenti bil-għan li jinkisbu r-riżultati; jinsab għalhekk imħasseb dwar il-proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew li tnaqqas il-baġit tal-Programm tal-UE Kontra l-Frodi minn EUR 156 miljun għall-perjodu 2014-2020 għal EUR 111-il miljun għall-perjodu 2021-2027;

59.  Itenni l-ħtieġa li jiġu inklużi metodi proattivi kontra l-frodi fl-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi, li jiżguraw mhux biss li tiġi identifikata l-frodi, iżda li din tiġi evitata b'mod effettiv;

Il-progress fl-istabbiliment tal-UPPE

60.  Jinnota l-ħatra ta' Direttur Amministrattiv ad interim fl-2018;

61.  Jissottolinja li l-ħolqien tal-UPPE huwa sinjal ta' żvilupp fundamentali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jaċċentwa l-importanza tal-UPPE fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-frodi serju transfruntier tal-VAT;

62.  Jilqa' pożittivament il-fatt li fl-2018 in-Netherlands u Malta ddeċidew li jaderixxu mal-UPPE; jinnota li sal-aħħar ta' Ottubru 2019, ħames Stati Membri kienu għadhom ma aderewx mal-UPPE; ifakkar, madankollu, li skont il-premessa 9 tar-Regolament (UE) 2017/1939 huma jistgħu jingħaqdu f'din il-kooperazzjoni transfruntiera, fi kwalunkwe mument; iħeġġeġ lill-bqija tal-Istati Membri jaderixxu mal-UPPE mill-iktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinċentiva b'mod attiv l-aderżjoni mal-UPPE fost l-Istati Membri li s'issa qagħdu lura, bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament transfruntier effikaċi u effiċjenti fl-UE;

63.  Jisħaq fuq il-fatt li l-proċedura tal-għażla tal-Kap Prosekutur Pubbliku Ewropew ġiet iffinalizzata fl-2019; jilqa' pożittivament il-ħatra tas-Sa Laura Codruța Kövesi bħala l-ewwel Kap Prosekutur Pubbliku Ewropew, wara proċedura ta' għażla li kienet tinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lil grupp indipendenti ta' esperti magħżula mill-Kummissjoni;

64.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament u ta' persunal tal-UPPE matul il-fażi inizjali mhuwiex aċċettabbli; jiddispjaċih ferm li r-riżorsi meħtieġa ġew fil-biċċa l-kbira sottovalutati mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-UPPE, sa mill-bidu tal-operat tiegħu, għandu jipproċessa madwar 3000 każ fis-sena; jenfasizza li l-UPPE jeħtieġ mill-inqas 76 post tax-xogħol addizzjonali u EUR 8 miljun jekk għandu jsir kompletament operattiv, kif previst, sa tmiem l-2020; jopponi l-prinċipju ta' prosekuturi part-time; jitlob lill-Istati Membri jaħtru prosekuturi pubbliċi full-time malajr kemm jista' jkun; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju;

65.  Jenfasizza li wara l-ħolqien tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku uffiċċju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri li ddeċidew li ma jaderux mal-UPPE; jaċċentwa li skont l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OLAF ma ssolvix il-kwistjoni ta' nuqqas ta' effikaċja fl-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-OLAF jibqa' sieħeb b'saħħtu u funzjonali għalkollox għall-UPPE;

66.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni futura bejn l-OLAF u l-UPPE għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib, skambju effiċjenti ta' informazzjoni u komplementarjetà, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew kompetenzi konfliġġenti; ifakkar li l-Parlament jopponi li l-persunal tal-OLAF jitnaqqas b'45 post tax-xogħol;

67.  Jappella lill-koleġiżlaturi jilħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-OLAF skont l-iskadenzi previsti, biex jiżguraw li jkun hemm tqassim ċar tal-kompetenzi bejn l-OLAF u l-UPPE mingħajr trikkib qabel ma l-UPPE jsir funzjonali;

Ambiti li jistgħu jitjiebu

68.  Jindika żewġ ambiti li jistgħu jitjiebu: l-ewwel nett, biex jitjiebu l-valutazzjoni tar-riskju ta' frodi u l-ġestjoni tar-riskju ta' frodi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jsaħħu l-kapaċità analitika bil-għan li jiġu identifikati aħjar id-data dwar xejriet ta' frodi, profili ta' frodaturi u l-vulnerabbiltajiet fis-sistemi ta' kontroll intern tal-UE; it-tieni, biex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-effikaċja, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' frodi jeħtieġ li jkun hemm koordinament u monitoraġġ qawwi;

69.  Jaċċentwa li l-konnessjoni bejn il-korruzzjoni u l-frodi fl-UE jista' jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE; jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għadhiex tqis il-ħtieġa li tippubblika r-rapport kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra li tistabbilixxi network ta' awtoritajiet għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni fil-proċess ta' governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li dan kompla naqqas il-monitoraġġ mill-Kummissjoni, b'data disponibbli għal ftit pajjiżi biss; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li din il-bidla fl-approċċ tikkonċentra l-aktar fuq l-impatt ekonomiku tal-korruzzjoni u kważi tinjora għalkollox id-dimensjonijiet l-oħrajn li l-korruzzjoni tista' taffettwa, bħall-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika u anki fl-istrutturi demokratiċi tal-Istati Membri; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tippubblika r-rapporti tagħha kontra l-korruzzjoni; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha f'politika aktar komprensiva u koerenti tal-UE kontra l-korruzzjoni, inkluża valutazzjoni fil-fond tal-politiki kontra l-korruzzjoni f'kull Stat Membru;

70.  Itenni li l-effett tal-"bieb idur" jista' jkun ta' ħsara għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tal-interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku għal din l-isfida;

71.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta' evalwazzjoni tal-korruzzjoni għall-istituzzjoni tal-UE;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha, it-tfassil ta' ustrateġija għall-Ewropa kollha sabiex jiġ evitati b'mod proattiv il-kunflitti ta' interess għall-atturi finanzjarji kollha li jimplimentaw il-baġit tal-UE;

73.  Iqis li huma meħtieġa iktar inizjattivi biex jitkejjel id-distakk doganali u biex tiġi żviluppata metodoloġija effettiva għal tali kejl, għall-inqas għall-elementi ewlenin tagħha;

74.  Iqis ukoll li l-kontrolli doganali għandhom jiġu adattati għal riskji ta' frodi ġodda u għall-espansjoni rapida fil-kummerċ transfruntier li huwa ffaċilitat mill-kummerċ elettroniku kif ukoll minn negozju mingħajr karti;

75.  Josserva li l-espansjoni tal-kummerċ elettroniku spiss huwa sfida serja għall-awtoritajiet tat-taxxa, eż. l-assenza ta' identifikazzjoni taxxabbli ta' bejjiegħ fl-UE, u r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT ferm inferjuri għall-valur reali tat-tranżazzjonijiet iddikjarati;

76.  Jenfasizza li sistema li tippermetti lill-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew iktar biex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, u b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' nfiq tal-fondi tal-UE li s'issa ma jipprevedux din il-prattika;

77.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li qed jiġu sottovalutati l-provvisti ta' oġġetti tal-kummerċ elettroniku li ġejjin mill-pajjiżi terzi; jilqa' pożittivament il-passi meħuda mill-OLAF biex tissolva l-problema tal-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku;

78.  Ifakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tikkontrolla, tivvaluta aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-Eurofisc biex jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif irrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu lill-Kummissjoni aċċess għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;

79.  Jistieden lill-OLAF jinforma lill-Parlament dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet tiegħu b'rabta mal-importazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku ta' lbies ta' valur baxx; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku li jinvolvu lill-bejjiegħa bbażati barra mill-UE li ma jiddikjarawx VAT (pereżempju bl-użu indebitu l-istatut ta' "kampjun"), jew li jissottostimaw deliberatament il-valur tal-prodott biex jevitaw għalkollox jew ħalli jbaxxu l-ammont ta' VAT dovut;

80.  Jaċċentwa l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċerti nuqqasijiet tas-sistema attwali tal-UE għall-infurzar kontra l-frodi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġbir ta' data preċiża dwar irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti;

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw u jtejbu, meta possibbli, metodi ta' rappurtar komuni sabiex jipprovdu informazzjoni komprensiva u komparabbli dwar il-livell ta' frodi identifikat fl-infiq tal-UE;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-effikaċja tas-sistema tal-IT magħrufa bħala is-"Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet" (IMS) ġestita mill-OLAF, ħalli l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet kriminali marbuta mal-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE tiġi rrapportata fil-ħin mill-awtoritajiet kompetenti kollha;

83.  Jindika li hija essenzjali trasparenza totali fil-kontabbiltà tan-nefqa, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament minn fondi tal-UE jew minn strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-proġetti kofinanzjati;

84.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-ħidma f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat infiq effettiv u jiġu evalwati r-riżultati;

85.  Jinnota li, fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tibda l-esklużjoni ta' operaturi ekonomiċi inaffidabbli milli jirċievu finanzjament mill-UE, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jagħmlux dan; jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw minnufih irregolaritajiet frawdolenti fl-IMS u jagħmlu l-aħjar użu tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni;

86.  Jinsisti li l-Istati Membri jagħmlu użu effikaċi mill-għodda għall-prevenzjoni tal-frodi offruti mill-bażi tad-data ARACHNE, billi jippreżentaw data f'waqtha u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-big data biex jipprevjenu l-użu frawdolenti u irregolari ta' fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li l-użu ta' ARACHNE jsir obbligatorju;

87.  Jaċċentwa r-rwol u r-responsabbiltà tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni amministrattiva, l-effikaċja tal-kontrolli, l-infurzar tal-ġbir tad-data u s-sorveljanza fir-rigward tal-konformità tan-negozjanti mal-qafas regolatorju;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri protezzjoni legali xierqa lill-ġurnalisti investigattivi fuq il-mudell ta' dak li toffri lill-informaturi ta' irregolaritajiet;

Akkwist pubbliku

89.  Jinnota li parti konsiderevoli tal-investimenti pubbliċi tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku (EUR 2 triljun fis-sena); jisħaq fuq il-fatt li l-benefiċċji tal-akkwist elettroniku fil-ġlieda kontra l-frodi, bħal iffrankar għall-partijiet kollha, żieda fit-trasparenza, u proċessi sempliċi u iqsar;

90.  Jiddispjaċih li ftit kuenu l-Istati Membri li qegħdin jużaw it-teknoloġiji l-ġodda għall-fażijiet ewlenin kollha tal-proċess tal-akkwist (notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-proċedura tal-offerti, preżentazzjoni elettronika, evalwazzjoni elettronika, aġġudikazzjoni elettronika, ordni elettroniku, fatturazzjoni elettronika, pagament elettroniku); jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli online f'format li jinqara mill-magni l-formoli kollha tal-proċess tal-akkwist pubbliku, kif ukoll ir-reġistri tal-kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku;

91.  Jilqa' pożittivament il-kalendarju tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tagħtih segwitu;

Diġitalizzazzjoni

92.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi biex toħloq profil elettroniku tal-awtoritajiet kontraenti għall-Istati Membri li fihom dawn il-profili mhumiex disponibbli;

94.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-UE li fl-aħħar tissieħeb bħala osservatur fil-GRECO; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati mal-GRECO mill-iktar fis possibbli sabiex tivvaluta fi żmien xieraq il-konformità tagħha mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u biex toħloq mekkaniżmu ta' valutazzjoni interna għall-istituzzjonijiet tal-UE;

Kooperazzjoni internazzjonali

95.  Iqis id-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza fl-irkupru fil-qasam tal-VAT fl-1 ta' Settembru 2018;

96.  Jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni tas-seminar annwali (li sar fil-Bosnja-Ħerzegovina f'Ġunju 2018) għal awtoritajiet sħab fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali dwar l-aħjar prattiki f'investigazzjonijiet ta' frodi b'suċċess, kif ukoll il-workshop li sar fl-Ukrajna f'Lulju 2018 bil-parteċipazzjoni tas-servizzi kollha rilevanti ta' kontra l-frodi, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna;

97.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kollha tal-Unjoni fdati bil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex jinvolvu ruħhom b'mod attiv u jikkollaboraw mal-awtoritajiet sħab fil-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jippromwovu miżuri li jindirizzaw b'mod effettiv każijiet possibbli ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi speċifiċi u regolari biex tipprevjeni u tiġġieled b'mod effikaċi l-frodi li jagħmlu ħsara lill-fondi tal-UE f'dawn l-Istati;

98.  Jilqa' pożittivament l-iffirmar min-naħa tal-OLAF ta' żewġ arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva, mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u mal-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) rispettivament;

99.  Jindika l-problemi rigward l-infurzar ta' pajjiżi terzi b'rabta mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk ("il-Protokoll FCTC");

100.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-OLAF, jikkooperaw dejjem iktar mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jidentifikaw il-frodi b'mod iktar effettiv;

101.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi ta' irregolaritajiet fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rapportar tal-frodi; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-informaturi jiġu protetti u li l-ġurnaliżmu investigattiv jiġi inkoraġġit b'mezzi legali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni; jilqa' pożittivament id-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar l-Informaturi, li minn Diċembru 2021 se tagħti protezzjoni għall-individwi mis-settur privat jew pubbliku li jirrappurtaw ksur; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tassisti lill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa, korretta u f'waqtha tad-Direttiva;

102.  Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol fundamentali fil-promozzjoni tal-livell ta' trasparenza meħtieġ fl-UE u fl-Istati Membri, u li għandu jitħeġġeġ u jingħata appoġġ b'mezzi ġuridiċi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri komprensivi għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv, inkluż mekkaniżmu ta' rispons rapidu għall-ġurnalisti li jinsabu f'diffikultà u leġiżlazzjoni effettiva kontra s-SLAPP;

103.  Jaċċentwa r-rwol ċentrali li tiżvolġi t-trasparenza fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni bikrija ta' każijiet ta' frodi u ta' kunflitt ta' interess; jistieden lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom sabiex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-attribuzzjoni ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali;

Regoli ta' trasparenza u dispożizzjonijiet trasversali

104.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-"Regolament Omnibus" se jnaqqas drastikament ir-rati ta' frodi fil-politiki agrikoli u ta' koeżjoni, filwaqt li jissemplifika r-regoli finanzjarji tal-UE;

105.  Jappella lill-Istati Membri jtejbu l-iskambju ta' informazzjoni tagħhom dwar kumpaniji u tranżazzjonijiet potenzjalment frawdolenti permezz tan-network Eurofisc; jindika li l-iskambju ta' informazzjoni u l-aċċess għaliha, minn awtoritajiet ġudizzjarji u investigattivi, filwaqt li tiġi rispettata l-protezzjoni tad-data personali, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità organizzata;

106.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 u d-definizzjoni mill-ġdid imwessgħa tiegħu tal-kunflitti ta' interess għall-atturi finanzjarji kollha li jimplimentaw il-baġit tal-UE fid-diversi modi ta' ġestjoni, inkluż fil-livell nazzjonali;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitt ta' interessi u tevalwa fuq bażi regolari l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni għall-evitar ta' kunflitti ta' interess li jaffettwaw lill-politiċi ta' profil għoli;

108.  Jindika li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transfruntiera li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, qiegħed dejjem jikber;

109.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta standards etiċi komuni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jirsisti għal fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha; jissottolinja li minħabba l-problemi mifruxa ta' kunflitt ta' interess fid-distribuzzjoni tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-Unjoni; mhuwiex aċċettabbli li l-membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-UE, jew il-membri tal-familja tagħhom, jieħdu sehem f'deċiżjonijiet dwar il-QFP futur jew dwar l-allokazzjonijiet tal-baġits nazzjonali fil-każ li b'xi mod ikunu jistgħu jiksbu profitt minn dawn id-deċiżjonijiet;

110.  Ifakkar fl-importanza tal-perjodi ta' preklużjoni għal uffiċjali li qabel kienu impjegati mill-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni billi sitwazzjonijiet mhux indirizzati ta' kunflitt ta' interess jistgħu jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni Ewropea kollha; jissottolinja li l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni, jiċħdu t-talba ta' ex uffiċjal li jassumi impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jistieden ukoll lill-amministrazzjoni tal-UE tippubblika b'mod strett il-valutazzjoni tagħhom ta' kull każ kif rikjest skont ir-Regolament tal-Persunal;

111.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu skont liema hemm bżonn bażi ġuridika ċara li tippermetti lill-OLAF jaċċedi għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz tal-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u tiġi trattata l-frodi tal-VAT, espressa rigward ir-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;

o
o   o

112.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), lill-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

(1) OLAF, "Id-Dsatax-il Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, 1 ta' Jannar-31 ta' Diċembru 2018", 2019.
(2) ĠU C 340, 8.10.2019, p. 1.
(3) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(4) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(5) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(8) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(9) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 56.
(10) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et al, 105/14, ECLI:EU:C:2015:555.
(11) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Diċembru 2017, Proċeduri kriminali kontra M.A.S u M.B., 42/17, ECLI:EU:C:2017:936.
(12) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Mejju 2018 fil-Kawża T-48/16, Sigma Orionis SA vs il-Kummissjoni Ewropea.
(13) Testi adottati, P8_TA(2018)0419.
(14) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 50.
(15) Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III), ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.
(16) ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.
(17) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20.


Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati
PDF 162kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati (2019/2952(RSP))
P9_TA(2020)0193RC-B9-0211/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), tal-1 ta' April 2020, dwar il-proposta tal-Istati Uniti u s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tat-30 ta' April 2020, dwar l-emerġenza tas-saħħa fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra t-twissija tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tas-6 ta' Mejju 2020, dwar l-impatt devastanti tal-kriżi umanitarja u ekonomika tal-pajjiż fuq id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU, Michelle Bachelet, dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela tat-2 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) tal-1 ta' April 2020 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti mill-Venezwela matul il-kriżi tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela tal-5 ta' Jannar 2020 u tas-26 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tal-20 ta' Frar, tat-2 ta' Marzu, tat-2 ta' April u tas-16 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-4 u tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-attakki reċenti fuq l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kredibbiltà kompromessa tal-organu elettorali tal-Venezwela, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(2), li żiedet 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista tal-individwi suġġetti għal miżuri restrittivi,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi organizzata fis-26 ta' Mejju 2020 bħala turija ta' solidarjetà mar-rifuġjati u mal-migranti Venezwelani,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom snin sħaħ isostnu lill-popolazzjoni Venezwelana u lill-komunitajiet li laqgħu fi ħdanhom lir-rifuġjati; billi fis-26 ta' Mejju 2020, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' Spanja, bl-appoġġ tal-UNHRC u tal-IOM, ikkonvokaw Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'Turija ta' Solidarjetà mar-Rifuġjati u mal-Migranti tal-Venezwela; billi d-donaturi internazzjonali wiegħdu total ta' EUR 2,544 biljun, li minnhom EUR 595 miljun biss f'għotjiet diretti, u l-bqija huma sempliċement self kundizzjonali; billi matul il-konferenza wħud mill-mutwatarji esprimew it-tħassib dwar id-diffikultajiet burokratiċi u l-kumplessità tar-regolamentazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom biex jiksbu s-self; billi l-EUR 595 miljun f'għotjiet diretti bilkemm se jkopru l-konsegwenzi annwali ta' kriżi bla preċedent ta' dan il-kobor fil-pajjiżi ġirien tal-Venezwela; billi l-komunità internazzjonali għandha ssib soluzzjonijiet innovattivi biex tiżblokka riżorsi finanzjarji possibli oħra bil-għan li tgħin lill-poplu Venezwelan jindirizza l-bżonnijiet ta' emerġenza tiegħu lil hinn mill-għajnuna umanitarja u ta' kooperazzjoni f'terminu itwal;

B.  billi l-assistenza tal-UE taqbeż it-EUR 319-il miljun, kemm fil-Venezwela kif ukoll esternament; billi EUR 156 miljun kienu ddedikati għall-assistenza umanitarja, EUR 136 miljun għall-iżvilupp u EUR 27 miljun għall-istabbiltà u l-paċi;

C.  billi l-kriżi multidimensjonali politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja li diġà hija terribbli fil-Venezwela marret għall-agħar b'mod sinifikanti u aggravat matul il-pandemija; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u tal-mediċini, il-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

D.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari l-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu mill-malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma;

E.  billi s-sistema nazzjonali tas-saħħa Venezwelana ddgħajfet b'mod konsiderevoli minħabba l-ġestjoni ħażina min-naħa tar-reġim, li rriżultat fi skarsezzi kritiċi ta' mediċini u nuqqas ta' kuri mediċi; billi ċ-ċifri li jagħti r-reġim fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 mhumiex kredibbli u mhumiex qegħdin jiġu fdati la fil-Venezwela u lanqas mill-komunità internazzjonali;

F.  billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi madwar ħames miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż, u 80 % minnhom huma spustati fil-pajjiżi tar-reġjun; billi skont il-UNHCR, il-kriżi tar-rifuġjati Venezwelana hija t-tieni l-akbar waħda fid-dinja wara dik tas-Sirja; billi huwa mistenni li sa tmiem l-2020, l-għadd totali ta' persuni li jkunu ħarbu mid-deterjorament tal-kundizzjonijiet fil-Venezwela jista' jaqbeż s-6,5 miljun ruħ;

G.  billi skont il-UNHCR, in-numru ta' Venezwelani li qegħdin ifittxu asil fid-dinja kollha żdied b'2 000 %; billi 650 000 ruħ ippreżentaw talbiet għal asil fid-dinja kollha u madwar żewġ miljun kisbu permessi ta' residenza mingħand il-pajjiżi l-oħra fl-Amerki; billi 12 % tal-popolazzjoni ħarbet mill-pajjiż u n-nies għadhom qed jitilqu b'rata medja ta' 5 000 kuljum;

H.  billi l-emerġenza tas-saħħa pubblika globali attwali aggravat sitwazzjoni diġà ddisprata għal ħafna rifuġjati u migranti mill-Venezwela, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti tagħhom; billi ħafna rifuġjati u migranti jiddependu minn pagi ta' kuljum insuffiċjenti biex ikopru l-bżonnijiet bażiċi bħal saqaf fuq rashom, ikel u kura tas-saħħa;

I.  billi, skont ir-rapporti inizjali dwar il-pandemija li qed tgħabbi s-sistema fraġli tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż, l-isptarijiet huma mimlija b'pazjenti tal-coronavirus u għexieren ta' ħaddiema tas-saħħa ġew infettati;

J.  billi l-Qorti Suprema Venezwelana illeġittima, ikkontrollata mir-reġim ta' Nicolás Maduro, ipproklamat inġustament il-ħatra ta' Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali fis-26 ta' Mejju 2020; billi s-sessjoni illegali li saret f'Jannar 2020 la rrispettat il-proċedura ġuridika u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi billi impediet, f'xi każijiet bil-forza, il-maġġoranza kbira tar-rappreżentanti eletti demokratikament milli jkunu preżenti matul is-sessjoni u konsegwentement milli jitfgħu l-voti tagħhom; billi d-deċiżjoni illegali maħruġa minn din is-sessjoni parlamentari illeġittima wasslet lill-Kunsill tal-UE jimponi sanzjonijiet fuq 11-il uffiċjal ieħor għar-rwol li żvolġew biex ikunu mminati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, fosthom Luis Parra u Juan José Mendoza, President tal-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema; billi Juan Guaidó eskluda lilu nnifsu minn kwalunkwe gvern ta' tranżizzjoni u Maduro ma jistax ikun parti minn tali gvern;

K.  billi fit-13 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema illeġittima għal darb'oħra ħatret membri ġodda fil-Kunsill Nazzjonali Elettorali, avolja ma għandha l-ebda poter ġuridiku biex tagħmel hekk; billi, skont l-Artikoli 187 u 296 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, dawn il-ħatriet huma l-kompetenza unika u esklużiva tal-Assemblea Nazzjonali, li hija organu demokratikament elett miċ-ċittadini Venezwelani; billi l-Parlament Ewropew mhu se jirrikonoxxi l-ebda deċiżjoni meħuda u l-ebda sentenza maqtugħa unilateralment minn dawn l-organi illeġittimi; billi l-uffiċjali responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet ġew inklużi wkoll fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE;

L.  billi Nicolás Maduro ordna lill-ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea tħalli l-pajjiż fi żmien 72 siegħa minn meta l-UE imponiet sanzjonijiet immirati lejn diversi uffiċjali responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u billi hedded ukoll lill-ambaxxatur ta' Spanja b'aktar rappreżalji; billi f'Mejju 2020, kien hemm rapporti ta' atti vessatorji fil-konfront tal-ambaxxata Franċiża f'Caracas, inkluż billi nqatgħu l-provvisti tal-ilma u tal-elettriku lir-residenza tal-ambaxxatur; billi r-reġim iddeċieda jannulla din id-deċiżjoni u ma jkeċċix lill-ambaxxatur tal-UE;

M.  billi r-reġim ta' Maduro attakka verbalment lill-partiti politiċi Acción Democrática, Primero Justicia u Un Nuevo Tiempo permezz ta' persekuzzjoni sistematika b'deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema (TSJ) illeġittima li lill-partiti tneħħilhom id-direttorati nazzjonali, kontra r-rieda tal-membri tagħhom; billi l-partit politiku demokratiku Voluntad Popular kien kkwalifikat bħala organizzazzjoni terroristika mir-reġim ta' Maduro;

N.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, ċaħdet bil-qawwa din il-farsa elettorali u l-azzjonijiet illegali kollha bħal dawn; billi din l-azzjoni kompliet ċekknet l-ispazju demokratiku fil-pajjiż għall-minimu assolut u ħolqot ostakli kbar għar-riżoluzzjoni tal-kriżi politika fil-Venezwela; billi l-formazzjoni ta' gvern nazzjonali ta' emerġenza bbilanċjat u inklużiv, li jinkludi s-setturi demokratiċi politiċi u soċjali kollha tal-pajjiż u li kapaċi jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji attwali, huwa essenzjali sabiex tingħeleb il-kriżi li qed tiħrax;

O.  billi r-rispett tal-istandards internazzjonali, Kunsill Nazzjonali Elettorali indipendenti u bilanċjat u kundizzjonijiet ekwi li jiżguraw il-parteċipazzjoni bla xkiel tal-partiti politiċi u l-kandidati jirrappreżentaw il-pedamenti għal proċess elettorali kredibbli, li jippermetti elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali liberi u ġusti;

P.  billi l-finanzjament illeċitu u l-indħil barrani min-naħa tar-reġim fl-elezzjonijiet joħolqu theddida sinifikanti għad-demokraziji Ewropej;

Q.   billi l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-affarijiet barranin tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali iżda l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

R.  billi fit-12 ta' Ġunju 2020, l-awtoritajiet ta' Cabo Verde arrestaw lil Alex Saab, negozjant li kien implikat f'diversi skemi ta' korruzzjoni li jinvolvu r-reġim ta' Maduro u issa qed jistenna deċiżjoni ġudizzjarja u possibbilment estradizzjoni; billi l-każ ta' Saab juri kemm il-korruzzjoni nfirxet fil-Venezwela waqt li l-pajjiż jinsab f'nofs kriżi umanitarja mingħajr preċedent; billi l-pajjiż ġie kklassifikat fil-137 post minn 180 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni għall-2019 ta' Transparency International;

S.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi żdied minn mindu beda l-inkwiet ċivili tal-massa fl-2014, u bħalissa hemm aktar minn 430 priġunier politiku; billi 11-il Ewropew huma rrappurtati wkoll li qed jinżammu f'detenzjoni fil-Venezwela; billi bosta każijiet ta' tortura mir-reġim huma attwalment taħt eżami preliminari mill-QKI għal delitti kontra l-umanità; billi r-repressjoni, id-detenzjonijiet arbitrarji u t-tortura żdiedu matul il-kriżi tal-COVID-19; billi r-rapport tat-2 ta' Lulju 2020 tal-Kummissarju Għoli Bachelet dwar il-Venezwela ddokumenta aktar minn 1 300 każ ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi tas-sigurtà bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Mejju 2020;

T.  billi r-reġim ta' Maduro ma tax informazzjoni trasparenti, ma aċċettax assistenza umanitarja internazzjonali u ma tax prijorità lill-ħtiġijiet u lid-drittijiet tal-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni; billi fl-1 ta' Ġunju 2020, ġie konkluż ftehim bejn il-Ministeru tal-Enerġija tal-Poplu għas-Saħħa u t-tim konsultattiv tal-Assemblea Nazzjonali għall-COVID-19 li jippermetti li tingħata għajnuna umanitarja lill-Venezwela apolitikament permezz tal-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO) minkejja li matul is-snin, ir-reġim irrifjuta kwalunkwe forma ta' għajnuna umanitarja;

U.  billi, sa mill-2016, ir-reġim ta' Maduro appoġġja l-estrazzjoni illegali tad-deheb artiġjanali fl-Amazzonja Venezwelana sabiex jiġu ffinanzjati gruppi armati irregolari; billi d-deheb ġie esportat klandestinament b'mezzi irregolari biex jinbiegħ u jiġi skambjat b'mod illeċitu barra mill-pajjiż; billi dan l-hekk imsejjaħ deheb tad-demm huwa estratt u sfruttat għad-detriment tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent f'kundizzjonijiet illegali u kriminali li jheddu serjament it-tnejn li huma;

V.  billi huma meħtieġa azzjonijiet effikaċi biex titwaqqaf it-theddida ta' sigurtà għar-reġjun usa' li nħolqot permezz tar-rabtiet bejn ir-reġim dittatorjali ta' Maduro, gruppi terroristiċi u gruppi armati organizzati li jwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom fil-Venezwela;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-gravità tal-emerġenza umanitarja, li hija theddida kbira għal ħajjet il-Venezwelani; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien l-aktar bażiċi, bħall-aċċess għall-ikel, l-ilma tax-xorb, is-servizzi tas-saħħa u l-mediċini;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni li sejra għall-agħar u li nfirxet fir-reġjun kollu, jiġifieri fil-Kolombja, fil-Perù, fl-Ekwador, fil-Bolivja, fiċ-Ċilì, fil-Brażil, fil-Panama u fl-Arġentina, kif ukoll f'xi Stati Membri tal-UE u fil-Karibew, u jenfasizza ċ-ċirkostanzi estremament diffiċli li huma aggravati aktar mill-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi ġirien u s-solidarjetà li wrew; jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikomplu jikkooperaw ma' dawn il-pajjiżi u t-territorji, mhux biss billi joffru assistenza umanitarja iżda wkoll billi joffru aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, ma jħalluhiex tkompli tiddeterjora u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun; jieħu nota tal-ftehim milħuq bejn il-Venezwela u l-PAHO dwar il-ġlieda kontra l-COVID-19;

4.  Jappella għal azzjoni urġenti biex jiġi evitat l-aggravar tal-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika, u b'mod partikolari li jerġa' jitfaċċa mard bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer; jappella għall-implimentazzjoni rapida ta' miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħdiet u l-isforzi tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'turija ta' solidarjetà mar-rifuġjati u l-migranti tal-Venezwela; jitlob, f'dan il-kuntest, li titnaqqas il-burokrazija u li jkun hemm qafas semplifikat li jkun jista' jiżgura li l-wegħdiet jaslu għand dawk li jinsabu fi bżonn iddisprat mill-aktar fis possibbli;

6.  Jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti intimidatorji, il-vjolenza u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-membri tagħha; jiddenunzja l-ħatra mhux demokratika ta' membri ġodda fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali Elettorali u t-tneħħija tal-bordijiet tad-diretturi tal-partiti kontra r-rieda tal-membri tagħhom;

7.  Itenni r-rikonoxximent tiegħu li, bħala riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó huwa l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u l-president ad interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

8.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku organu demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni politika paċifika tista' tintlaħaq biss jekk jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

9.  Ifakkar li r-rispett tal-istituzzjonijiet u tal-prinċipji demokratiċi u tad-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Venezwela għall-ġid tal-poplu tagħha; jitlob b'urġenza, għaldaqstant, li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi liberi, trasparenti u kredibbli, ibbażati fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha, it-trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli bħala l-unika soluzzjoni biex tintemm il-kriżi, u b'hekk tiġi eskluża kull vjolenza jew azzjoni militari;

10.  Jappella lill-UE u lil atturi internazzjonali oħra biex, flimkien ma' atturi internazzjonali oħra, jimmobilizzaw rispons mill-komunità internazzjonali li jikkontribwixxi għar-ritorn urġenti tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela;

11.  Ifakkar li l-Istati Membri huma ġuridikament marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 biex jimplimentaw il-miżuri restrittivi li jinsabu fiha, b'mod partikolari l-prevenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi, milli jidħlu fit-territorji tagħhom jew jgħaddu minnhom, kif ukoll obbligu li jinnotifikaw immedjatament lill-Kunsill bil-miktub dwar kwalunkwe eżenzjoni li jkunu taw;

12.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2020 li jinkludi 11-il uffiċjal Venezwelan fil-lista ta' individwi suġġetti għal sanzjonijiet li mhumiex għad-dannu tal-popolazzjoni tal-Venezwela, u jitlob li dik il-lista tissaħħaħ u tikber jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tkompli tiddeterjora; iqis li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jillimitaw il-movimenti tal-individwi mniżżla f'dik il-lista, kif ukoll tal-eqreb familjari tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom; jappella wkoll għal projbizzjoni immedjata fuq il-kummerċ u ċ-ċirkolazzjoni tad-deheb tad-demm illegali mill-Venezwela;

13.  Jiddispjaċih ferm għat-theddid ta' Maduro li jkeċċi minn Caracas lill-ambaxxatur tal-UE bħala forma ta' rappreżalji għas-sanzjonijiet imposti fuq il-11-il uffiċjal Venezwelan responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tad-dikjarazzjoni inizjali tal-VP/RGħ li tħabbar ir-reċiproċità u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jaġixxu skont il-prinċipju ta' reċiproċità jekk din is-sitwazzjoni terġa' tinqala', jiġifieri billi jiġu revokati l-kredenzjali tal-Ambaxxaturi ta' Maduro fl-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu lir-rappreżentanti politiċi maħtura minn Juan Guaidó;

14.  Jiddenunzja l-korruzzjoni bla rażan li saret parti integrali tar-reġim ta' Maduro; jiddenunzja l-użu tal-finanzjament politiku min-naħa tar-reġim ta' Maduro bħala għodda ta' ndħil barrani; jikkundanna bil-qawwa u jiddeplora l-każijiet ta' korruzzjoni, inklużi dawk taħt investigazzjoni ġudizzjarja fl-Istati Membri;

15.  Jitlob li jiġu liberati immedjatament il-priġunieri politiċi kollha u li jintemmu t-tortura, il-maltrattament u l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-avversarji politiċi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti paċifiċi, u li jitħallew jirritornaw dawk kollha li kienu inġustament imġiegħla jeżiljaw ruħhom;

16.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar d-delitti numerużi u l-atti ta' repressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex jiftħu investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità kommessi mill-gvern de facto ta' Maduro, ħalli dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

17.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tar-Renju Unit tat-2 ta' Lulju 2020, li tirrikonoxxi b'mod inekwivoku l-leġittimità demokratika tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fil-persuna tal-President tagħha, Juan Guaidó, billi tagħtih aċċess legali għar-riżervi tad-deheb tar-Repubblika;

18.  Jitlob li tintbagħat fil-pajjiż missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President ad interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0013.
(2) ĠU L 205 I, 29.6.2020, p. 6.


Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri *
PDF 255kWORD 74k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2020)0070 – C9-0079/2020 – 2020/0030(NLE))
P9_TA(2020)0194A9-0124/2020

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0070),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0079/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0124/2020),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jieħdu kont tal-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema.
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija effettiva u koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet u mħarrġa, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu dinamiċi, orjentati lejn il-futur u reattivi għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, inklużività, koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi ta' kwalità abbażi ta' opportunitajiet indaqs u ta' ġustizzja soċjali bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Is-sitwazzjoni attwali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li se jkollha impatt gravi u dejjiemi fuq is-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, il-ġustizzja soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tirrikjedi livell ta' azzjoni mingħajr preċedent sabiex jiġu appoġġati l-impjiegi, tiġi stimulata l-ekonomija u tissaħħaħ in-nisġa industrijali. Tenħtieġ azzjoni deċiżiva biex l-impriżi u l-ħaddiema jiġu protetti minn telf immedjat ta' impjiegi u introjtu, u bħala għajnuna biex jitrażżan ix-xokk ekonomiku u soċjali tal-kriżi u biex jiġi evitat telf enormi ta' impjiegi u reċessjoni profonda.
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 2
(2)  L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(2)  Sabiex jitwettqu bis-sħiħ il-prinċipji fundaturi tagħha - koeżjoni soċjali u paċi - b'mod saħansitra akbar f'mument ta' kriżi profonda meta dawn il-prinċipji jiġu kkontestati, il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u jenħtieġ li jippromwovu l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà, u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u ta' gruppi oħra żvantaġġati ħafna. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni hija obbligata tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-swieq tax-xogħol ta' kwalità u inklużivi u impjieg sħiħ, l-eżistenza ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità u għall-but ta' kulħadd, salarji deċenti, standards tal-għajxien deċenti u protezzjoni soċjali għal kulħadd, kif ukoll livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja kollha tan-nies, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 3
(3)  F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika dwar il-politiki ekonomiċi u tal-impiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5), isawru l-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali adatta ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.
(3)  F'konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika dwar il-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184(5) isawru l-Linji Gwida Integrati. Dawn jeħtiġilhom jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-Pilastru), il-Karta Soċjali Ewropea riveduta, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita ġenerali, sostenibbli u adatta ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi, filwaqt li treġġa' lura t-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv.
__________________
__________________
5 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
5 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4
(4)  Il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (7), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet (8), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (9), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (11) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-Aċċess għall-Protezzjoni Soċjali (12).
(4)  Il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (7), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (8), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (9), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (11) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (12). B'segwitu għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2020 biex tiġi attivata l-hekk imsejħa "Klawżola liberatorja ġenerali", l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw flessibbiltà fiskali biex jippromwovu u jipproteġu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità u biex jiffinanzjaw is-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali. It-tul tal-applikazzjoni tal-"Klawżola liberatorja ġenerali" jrid jirrifletti d-dimensjoni u t-tul tal-kriżi tal-COVID-19. Abbażi tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jiġi eżaminat liema direzzjonijiet possibbli jista' jieħu l-iżvilupp tar-regoli fiskali tal-Unjoni.
__________________
__________________
6 ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
6 ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
7 ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
7 ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
8 ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
8 ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
9 ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.
9 ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.
10 ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
10 ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1-13.
11 ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4–14
11 ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4-14.
12 ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8
12 ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1-8.
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra. Huwa jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (13). Jenħtieġ li l-politiki tal-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f'id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, irawmu l-innovazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.
(5)  Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza ta' politiki ekonomiċi, tal-impjiegi, soċjali u ambjentali multilaterali integrati. Is-Semestru Ewropew jeħtieġ li jqiegħed is-sostenibbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-benesseri tal-persuni fil-qalba tat-tfassil tal-politika ekonomika tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettivi soċjali, ambjentali u ekonomiċi jingħataw l-istess prijorità. Filwaqt li jaħdem favur is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jenħtieġ li jintegra aktar il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn aktar qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra u jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (13), inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jista' jservi bħala waħda mill-għodod tas-Semestru għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri tal-impjiegi u l-miri soċjali u biex jitkejlu l-effetti b'rabta mal-ġeneru tal-politiki soċjali u tal-impjiegi. Jenħtieġ li l-politiki tal-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f'id mar-rispons tal-Ewropa għall-kriżi, u fid-dawl tal-effetti partikolarment serji ta' din il-kriżi fuq ċerti setturi industrijali u tan-negozju Ewropej, jenħtieġ li jappoġġaw ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli, soċjalment inklużiva u diġitali, filwaqt li jiżguraw konverġenza soċjali 'l fuq u jtejbu l-kompetittività, jappoġġaw lill-SMEs, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs u jinvestu fiż-żgħażagħ, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.
__________________
__________________
13 Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1
13 Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6
(6)  It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku se jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b'mod effettiv dawn il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Jenħtieġ li azzjoni ta' politika bħal din tinkludi spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi strutturali b'sekwenza loġika li jtejbu l-produttività, tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u territorjali, konverġenza 'l fuq, reżiljenza u l-eżerċizzju ta' responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impiegi.
(6)  It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku qed jittrasformaw profondament l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jirrispondu għal din is-sitwazzjoni bla preċedent billi jinkorporaw id-drittijiet soċjali u jaħdmu favur tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza u jadattaw is-sistemi eżistenti biex isaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol u l-politiki soċjali u ambjentali tal-Istati Membri. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li azzjoni ta' politika bħal din tinkludi spinta fl-investiment soċjali u ambjentali, miżuri effiċjenti fit-tul meħtieġa biex itaffu l-impatt tal-kriżi, u assistenza finanzjarja lill-impriżi, lill-organizzazzjonijiet tal-karità u mingħajr skop ta' qligħ, kif ukoll lill-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tagħti attenzjoni xierqa anke lill-ħtiġijiet tad-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol, u tinvolvi l-użu ta' teknoloġiji ġodda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impiegi. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jadottaw strumenti fit-tul f'dan ir-rigward, u l-ħidma tal-Kummissjoni dwar skema Ewropea ta' riassigurazzjoni tal-qgħad permanenti hija milqugħa.
Emenda 37
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7
(7)  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (14). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tagħna filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq "soċjali" u s-"suq" fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali.
(7)  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru (14). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tagħna u jridu jitwettqu sabiex ikun żgurat li t-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima, is-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni tkun soċjalment ekwa u ġusta u tqis il-bidliet u l-isfidi demografiċi. Meta jitqies li l-Pilastru u l-prinċipji tiegħu jikkostitwixxu qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, il-Linji gwida dwar l-Impjieg jistgħu jkunu għodda importanti għall-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri għal soċjetà u ekonomija aktar reżiljenti u inklużivi filwaqt li jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema u jippruvaw jilħqu l-objettiv ta' konverġenza 'l fuq, sabiex ikomplu jiżviluppaw il-mudell soċjali Ewropew.
__________________
__________________
14 ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
14 ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 8
(8)  Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jsegwu prattiki nazzjonali ta' djalogu soċjali u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fil-ħolqien tal-impjiegi, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni kif ukoll fid-dħul reali.
(8)  Bir-rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fit-TFUE, ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jippromwovu rkupru rapidu u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fit-tkabbir, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, fl-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà u gruppi żvantaġġati b'mod ieħor, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni kif ukoll fid-dħul reali. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jirrispettaw u jsaħħu lis-sħab soċjali u jestendu l-kopertura tan-negozjar kollettiv, u jieħdu miżuri biex jippromwovu densità għolja ta' trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi sabiex jiżguraw irkupru demokratiku, inklużiv u soċjalment ġust.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jiżguraw li t-trasformazzjonijiet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li jippermettu li n-nies jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku. Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali (inkluż dawk tat-tfal), b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. L-aċċess f'waqtu u ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa affordabbli, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa huma partikolarment rilevanti fil-kuntest ta' soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali jkompli jwettqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta' mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.
(9)  B'mod partikolari f'mument meta, kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll f'dak soċjali, bidliet enormi se jkunu sfida għall-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-bidliet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà aktar inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jġestixxu l-bidla, u li jippermettu li n-nies jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku. Jenħtieġ li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha. Jenħtieġ li kulħadd jingħata l-kapaċità li jikkontribwixxi bis-sħiħ fis-soċjetà. Jenħtieġ li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u jenħtieġ li l-faqar, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali (inkluż dawk tat-tfal, tal-persuni b'diżabbiltà u ta' gruppi żvantaġġati oħra) jiġu eradikati. Għal dan il-għan jenħtieġ li l-Unjoni timplimenta miżuri bħall-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Jenħtieġ li l-persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali jkomplu jwettqu l-potenzjal tagħhom bis-sħiħ. Hekk kif qed jiġu adottati mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Kif tevidenzja l-kriżi tal-COVID-19, bosta ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet huma indispensabbli għall-funzjonament bażiku tal-ekonomija. Ħafna drabi, dawn jitħallsu paga baxxa u jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu aktar il-mudell soċjali tal-Ewropa billi jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom l-istess drittijiet, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u pagi deċenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-forom kollha ta' xogħol prekarju u impjieg indipendenti fittizju, u jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol ikunu konformi mal-mudell soċjali tal-Ewropa.
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u minn fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali, u l-aċċessibbiltà, jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
(10)  Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u minn fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi ta' kwalità u l-investimenti soċjali, kif ukoll jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex irawmu l-aċċessibbiltà, jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali u jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. L-użu ta' dawn il-fondi jenħtieġ li jkollu wkoll rwol ewlieni fl-investiment imsaħħaħ fis-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib u attiv, fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Emenda 11
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1a (ġdid)
Il-linji gwida stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tagħhom biex titqies il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali u dawk għall-impjiegi tagħha, u biex nirrispondu aħjar għal kriżijiet simili fil-ġejjieni. Sabiex jissaħħaħ il-proċess deċiżjonali demokratiku, il-Parlament Ewropew għandu jiġi involut fid-definizzjoni tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi fuq bażi ugwali mal-Kunsill.
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 1
Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jnaqqsu l-ostakoli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali, u jinkoraġġixxu dawk il-forom innovattivi ta' xogħol, joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv impjiegi sħaħ u ta' kwalità abbażi ta' ekonomija b'saħħitha. Filwaqt li jirrikonoxxu li l-investiment tal-Istat għandu rwol kruċjali fil-ħolqien tal-impjiegi, l-Istati Membri għandhom ivaraw investiment pubbliku kbir u politiki tal-impjiegi intelliġenti u ambizzjużi biex joħolqu l-impjiegi. L-Istati Membri għandhom jadattaw il-politiki tal-impjiegi tagħhom u jikkoordinaw, fil-livell tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-miżuri temporanji li jipproteġu lill-ħaddiema u lis-swieq tax-xogħol kollha. Tali miżuri għandhom jinkludu sussidji tal-pagi; appoġġ għall-introjtu u estensjoni tal-iskemi ta' benefiċċji tal-qgħad; l-estensjoni tal-liv tal-mard imħallas u tal-liv ta' familjari li jindukraw u arranġamenti ta' telexogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-intrapriżi Ewropej biex jiżguraw l-awtosuffiċjenza, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir protettiv u l-apparat mediku. L-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ tagħhom għan-negozji li qed ibatu minħabba l-kriżi dment li dawk in-negozji jżommu l-persunal kollu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jissospendu s-sensji matul il-perjodu ta' kriżi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment tas-sħab soċjali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' tali miżuri. Dawn il-miżuri għandhom jiġu sostnuti matul iż-żmien sakemm jintlaħaq irkupru ekonomiku sħiħ, u mbagħad għandhom jitneħħew gradwalment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-impjiegi tal-ħaddiema mobbli u fruntalieri li ġew affettwati ħażin ħafna mill-għeluq tal-fruntieri. L-Istati Membri għandhom irawmu l-intraprenditorija responsabbli, anki fost in-nisa u ż-żgħażagħ, u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali u jsaħħu s-sostenibbiltà tagħhom, u jinkoraġġixxu dawk il-forom ta' xogħol li joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali, b'mod partikolari f'setturi strateġiċi b'potenzjal qawwi ta' tkabbir, bħas-settur diġitali u dak tal-ekonomija ekoloġika. F'dak ir-rigward, politiki li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi għandhom jiġu implimentati wkoll, b'mod partikolari fis-servizzi pubbliċi jew privati ta' interess ġenerali, b'mod partikolari l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 2
Jenħtieġ li jitneħħa l-piż fiskali minn fuq ix-xogħol u jiżdied fuq sorsi oħra ta' tassazzjoni li jappoġġjaw l-impieg u t-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin jiġi allinjat mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jittieħed kont tal-effett ridistributtiv tas-sistema fiskali, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.
It-tassazzjoni għandha titneħħa minn fuq ix-xogħol u tiżdied fuq sorsi oħra fejn ikollha effett inqas ta' ħsara fuq it-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin tiżgura l-allinjament sħiħ mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, kif definiti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiżdied l-impatt ridistributtiv tas-sistema fiskali u jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali u investiment pubbliku adegwati.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 3
Jenħtieġ li l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta' pagi minimi statutorji jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b'mod trasparenti u prevedibbli li jippermetti rispons adegwat tal-pagi għal żviluppi fil-produttività u jipprovdu pagi ġusti għal standard ta' għajxien deċenti, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi bi dħul baxx u medju bl-għan ta' konverġenza 'l fuq. Jenħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jqisu l-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni u s-setturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu stabbiliti l-pagi. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri u s-sħab soċjali jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkunu intitolati għal pagi adegwati u ġusti permezz ta' ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.
Politiki li jiżguraw li pagi ġusti jippermettu standard ta' għajxien deċenti jibqgħu importanti biex joħolqu l-impjiegi u jnaqqsu l-faqar fl-Unjoni kif inhuma dawk li jiżguraw il-kompatibbiltà tax-xogħol imħallas u l-intitolament għall-allowances tal-Istat li jikkumpensaw għall-ostakli li jiffaċċjaw il-gruppi emarġinati. L-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta' pagi minimi statutorji għandhom jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali fil-proċedura relatata tal-iffissar tal-pagi b'mod trasparenti u prevedibbli. L-iżvilupp ta' pagi minimi għandu jqis l-iżviluppi fil-produttività biex jiġu miġġielda l-prekarjat u l-faqar fost min għandu xogħol, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi b'introjtu baxx u medju bl-għan ta' konverġenza 'l fuq Dawn il-mekkaniżmi għandhom iqisu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru u l-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni u s-setturi. L-Istati Membri għandhom isaħħu d-djalogu soċjali u jieħdu miżuri biex jestendu l-kopertura tan-negozjar kollettiv. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jeliminaw id-diskriminazzjoni fil-pagi minħabba l-età jew il-ġeneru u jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkunu intitolati għal pagi adegwati u ġusti permezz ta' ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt pożittiv tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.
Emenda 15
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 3a (ġdid)
L-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu l-assistenza mill-istrument ta' solidarjetà "Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza" (SURE). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza finanzjarja f'dan ir-rigward tingħata biss lill-intrapriżi li jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi applikabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi benefiċjarji joqogħdu lura milli jagħmlu riakkwisti tal-ishma jew iħallsu dividendi lill-azzjonisti u bonusijiet lid-diriġenti, u li dawn l-intrapriżi ma jkunux irreġistrati f'rifuġji fiskali.
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 1
Fil-kuntest ta' tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali, kif ukoll ta' tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, irawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni, filwaqt li jirrispondu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi u partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-professjoni tat-tagħlim. Jenħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jgħammru lill-istudenti kollha b'kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll il-kompetenzi trasversali biex jinbnew il-pedamenti għall-adattabbiltà aktar tard fil-ħajja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jfittxu li jiżguraw it-trasferiment ta' intitolamenti ta' taħriġ matul bidliet professjonali fil-karriera, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' kontijiet individwali ta' tagħlim. Jenħtieġ li dawn jippermettu lil kulħadd biex jantiċipa u jadatta aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol b'mod partikolari permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet kontinwi, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u titjieb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.
Fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali kontinwi, it-tibdil demografiku u l-isfidi preżenti, l-Istati Membri għandhom jippromwovu d-drittijiet soċjali, is-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapaċitajiet tal-bniedem, irawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni, filwaqt li jirrispondu għall-kriżi tal-qgħad attwali u jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Il-ħtiġijiet tal-Istati Membri ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom sabiex jirrispondu għall-kriżi għandhom jissaħħu permezz ta' investiment fis-sistemi pubbliċi tagħhom ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim formali u informali tul il-ħajja. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali u ġodda fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-setturi b'nuqqas ta' ħiliet kroniċi, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali simultanja kif ukoll il-bidliet teknoloġiċi u diġitali li jmorru lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-professjoni tat-tagħlim. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jgħammru lill-istudenti kollha b'kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll il-kompetenzi trasversali biex jinbnew il-pedamenti għall-adattabbiltà aktar tard fil-ħajja u għandhom iħejju lill-għalliema biex ikunu jistgħu jipprovdu dawn il-kompetenzi lill-istudenti tagħhom. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw it-trasferiment ta' intitolamenti ta' taħriġ matul bidliet professjonali fil-karriera, inkluż permezz ta' kontijiet individwali ta' tagħlim. Fl-istess ħin, għandhom jiggarantixxu li dan l-approċċ ma jipperikolax in-natura umanistika tal-edukazzjoni kif ukoll l-aspirazzjonijiet tal-individwi. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jieħdu azzjoni bikrija biex jevitaw l-effett negattiv għall-individwi u s-soċjetajiet li jkunu barra s-suq tax-xogħol b'mod partikolari permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet kontinwi, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, b'kopertura u livell ta' benefiċċji tal-qgħad suffiċjenti, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u titjieb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 2
Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità tajba fit-tfulija bikrija. Jenħtieġ li jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u li jitlestew l-istudji relatati, iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu rekwiżiti ġodda f'soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom (ETV) (inkluż permezz ta' apprendistati ta' kwalità u effettivi) u jżidu l-għadd ta' gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) kemm fl-ETV f'livell medju kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u tar-riċerka, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Jenħtieġ li jtejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi flessibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll lill-adulti b'ħiliet baxxi biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jzidu l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim ta' kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta' Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta' edukazzjoni u taħriġ li taqbel mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.
L-Istati Membri għandhom irawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jeliminaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità tajba, universali u inklużiva fit-tfulija bikrija. Għandhom jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u li jitlestew l-istudji relatati, iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, spiss dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu rekwiżiti ġodda f'soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, kif ukoll stereotipi fir-rigward tal-ġeneru, l-Istati Membri għandhom isaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom (ETV) (inkluż permezz ta' apprendistati ta' kwalità u effettivi) u, filwaqt li ma jissottovalutawx l-importanza tal-investiment kontinwu fix-xjenzi umani, iżidu l-għadd ta' gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) permezz ta' approċċ ibbilanċjat fir-rigward tal-ġeneru kemm fl-ETV f'livell medju kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom itejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u tar-riċerka, isaħħu t-taħriġ duwali u kooperattiv, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni formali tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba kemm mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali kif ukoll minn barra. Għandhom itejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi aktar flessibbli u inklużivi. L-Istati Membri għandhom jinvestu fl-impjiegi u fl-iskemi ta' protezzjoni soċjali għal dawk li ma jkunux kapaċi jitħarrġu mill-ġdid, u jappoġġaw, permezz ta' servizzi pubbliċi, lill-adulti b'ħiliet baxxi billi jgħinuhom jiksbu aċċess għal impjieg stabbli u ta' kwalità biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jżidu l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim ta' kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta' Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta' edukazzjoni u taħriġ li taqbel mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol. Id-dritt għal liv edukattiv imħallas għal skopijiet professjonali għandu jitħeġġeġ, skont il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li jippermettu lill-ħaddiema jattendu programmi ta' taħriġ fil-ħinijiet tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu l-aċċess universali għall-apprendiment u t-taħriġ mill-bogħod, filwaqt li jqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżadiżabbiltàà.
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 3
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda u inattivi b'assistenza effettiva, f'waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta' impjieg, it-taħriġ, ir-rikwalifikazzjoni u l-aċċess għal servizzi oħra ta' sostenn. Jenħtieġ li jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond dwar il-qgħad kemm jista' jkun malajr bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b'mod sinifikanti i strutturali u fit-tul. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ, jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (15).
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni qiegħda b'assistenza effettiva, f'waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta' impjieg, it-taħriġ, ir-rikwalifikazzjoni u l-aċċess għal servizzi oħra ta' sostenn, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni. Għandhom jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond tal-persuni qiegħda kemm jista' jkun malajr, bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b'mod sinifikanti r-riskju ta' żieda tal-qgħad strutturali u fit-tul, inklużi strateġiji biex jitnaqqas il-qgħad fost il-persuni b'diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra. L-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali, għandhom jistabbilixxu jew isaħħu l-mekkaniżmi u s-sistemi ta' appoġġ għat-tranżizzjoni tal-impjiegi, b'appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs), għandhom jibqgħu jiġu indirizzati bħala prijorità permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola, l-aċċess għat-taħriġ għal setturi orjentati lejn il-futur bħall-ekonomiji ekoloġiċi u diġitali fi ħdan it-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità biex tiġi indirizzata ż-żieda fil-prekarjetà għaż-żgħażagħ. Il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata wkoll permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ imġedda u effettiva li tkun kapaċi tipprovdi offerti ta' xogħol, edukazzjoni jew taħriġ ta' kwalità għolja, li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha b'mod sinifikanti.
__________________
(15) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 4
Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b'mod partikolari għal ħaddiema bi dħul baxx, ħaddiema li huma t-tieni sors ta' dħul u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b'diżabbiltà, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.
L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, u jipprovdu inċentivi għall-aċċess għalih, b'mod partikolari għal gruppi żvantaġġati u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b'diżabbiltà, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 5
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jenħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li jkun żgurat li jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta' valur ugwali, u t-trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex japprovaw u jimplimentaw il-perċentwal minimu kif stabbilit fid-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri f'bordijiet korporattivi1a. Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, il-pensjonijiet u l-impjiegi għandha tispiċċa. Il-perjodi ta' liv tal-maternità u tal-ġenituri għandhom jiġu vvalutati b'mod xieraq kemm f'termini ta' kontribuzzjonijiet imħallsa kif ukoll f'termini ta' intitolamenti tal-pensjoni, sabiex tiġi riflessa l-importanza li jiġu edukati l-ġenerazzjonijiet futuri, speċjalment fil-kuntest ta' soċjetà li qed tixjieħ. Għandhom jiġu żgurati paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta' valur ugwali, u trasparenza fil-pagi, anke bl-istabbiliment ta' indiċi ta' ekwità tal-pagi li jqabbel in-nisa mal-irġiel. Għandha tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni tul il-ħajja u kura bikrija tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel. Għandhom jimxu lejn liv tal-maternità u tal-ġenituri mħallas bis-sħiħ.
________
1a COM(2012)0614.
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 1
Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jrawmu it-transizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet jipprovdu lkoll kemm ambjent adatt għar-reklutaġġ, kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għall-impjegaturi biex jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jiġu preservati ambjenti tax-xogħol adegwati, siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż fil-każ ta' ħaddiema tal-pjattaformi u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta' kuntratti atipiċi. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, għandhom jiġu żgurati f'każijiet ta' tkeċċija inġusta.
Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu u jsaħħu d-djalogu soċjali fil-livelli kollha u n-negozjar kollettiv, inkluża d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lkoll ambjent adatt għall-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità filwaqt li jiġu preservati ambjenti tax-xogħol adegwati, siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, li jiżguraw id-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw protezzjoni soċjali deċenti. Dawn għandhom ukoll jaħdmu flimkien mar-rappreżentanti tat-trade unions biex jiżguraw ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol. Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji u kompetizzjoni fil-pagi, inkluż fil-każ ta' ħaddiema tal-pjattaformi. M'għandu jkun hemm ebda abbuż ta' kuntratti atipiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-ħaddiema kollha jibbenefikaw b'mod effettiv minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, drittijiet soċjali u aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata u rappreżentanza aħjar. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni tal-1947 tal-ILO dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol u jinvestu fi spezzjonijiet tax-xogħol effettivi minn awtoritajiet kompetenti li jingħataw setgħat biżżejjed, u jikkoordinaw u jikkooperaw fil-qafas tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-abbuż transfruntier. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, għandhom jiġu żgurati f'każijiet ta' tkeċċija inġusta. L-Istati Membri għandhom jibnu fuq in-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg u l-aġenziji Ewropej biex jidentifikaw prattiki tajbin ibbażati fuq l-evidenza, iħeġġu t-tagħlim reċiproku u jippromwovu koordinazzjoni akbar tal-politiki tal-impjieg.
____________
1a. Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).
Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 2
Jenħtieġ li l-politiki jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu u jsostnu b'mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-effettività ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa u jilħqu aktar 'il bogħod u jorbtuhom aħjar mal-appoġġ għall-introjtu għal dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u abbażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f'waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.
Il-politiki għandu jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u li jtejbu l-impjiegi anki fit-territorji żvantaġġati. L-Istati Membri għandhom b'mod effettiv jagħtu inċentivi lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol biex isibu impjiegi ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-effettività ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa u jilħqu aktar 'il bogħod u jiżguraw appoġġ għall-introjtu deċenti għal dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol. L-Istati Membri għandhom jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti, anki għall-ħaddiema transfruntieri, billi jiżguraw assistenza f'waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg u jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol. L-impjiegi ta' kwalità għandhom ikunu l-objettiv ta' tali servizzi.
Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 3
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil dawk qiegħda b'benefiċċji tal-qgħad adegwati ta' tul taż-żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali benefiċċji ma jkunux ta' diżinċentiv għal ritorn ta' malajr għax-xogħol u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawk qiegħda b'benefiċċji tal-qgħad adegwati ta' tul taż-żmien suffiċjenti, konformi mal-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Dan għandu jkun akkumpanjat minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol u bl-appoġġ ta' mekkaniżmi ta' tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri.
Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 4
Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tkun appoġġata b'mod adegwat bil-għan li jittejbu l-impjegabbiltà, il-ħiliet u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera u żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. Jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki u li jiġi ssimplifikat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg, inkluż għall-ħaddiema transkonfinali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-"eżodu ta' mħuħ" minn ċerti reġjuni permezz ta' miżuri ta' żvilupp reġjonali xierqa.
L-Istati Membri huma obbligati jappoġġaw il-mobbiltà tax-xogħol fl-Ewropa kollha bħala mod kif jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg għall-ħaddiema. Il-mobbiltà tal-istudenti għandha tkun appoġġata b'mod adegwat waqt it-taħriġ tagħhom, b'mod partikolari billi jissaħħaħ il-programm ta' mobbiltà ERASMUS+, li jippermetti lill-istudenti jżidu l-għarfien espert tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Il-ħaddiema għandhom jitħeġġu wkoll, bil-għan li jittejbu l-impjegabbiltà u l-ħiliet, biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera, il-portabbiltà tad-drittijiet u l-intitolamenti għandha tiżdied permezz ta' kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. L-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki għandhom jitneħħew u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għandu jiġi ssimplifikat. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg, inkluż għall-ħaddiema transfruntieri u fruntalieri. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Se jkun importanti li l-Istati Membri jqisu l-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema fruntalieri, meta jimplimentaw miżuri bħall-għeluq tal-fruntieri sabiex itaffu l-firxa tal-COVID-19, pereżempju f'termini ta' saħħa u sikurezza, taxxi u sigurtà soċjali u koordinazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-ħaddiema mobbli u fruntalieri jkomplu jaqsmu l-fruntieri, meta jitqies li jkun sikur skont il-linji gwida dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-EU-OSHA. L-Istati Membri għandhom jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-"eżodu ta' mħuħ" minn ċerti reġjuni li jagħmlu ħsara lill-iżvilupp u lill-attraenza ta' dawk iż-żoni, anki permezz ta' miżuri ta' żvilupp reġjonali xierqa. L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jużaw għodod Ewropej rilevanti, bħan-network tal-impjiegi EURES, u jżidu s-sħubijiet transfruntieri biex jgħinu lill-ħaddiema mobbli fir-reġjuni transfruntieri.
Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 5
Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw involviment f'waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta' appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.
Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jippromwovu u jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u intensiv kif ukoll eżiti soċjoekonomiċi aħjar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw involviment f'waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta' appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. L-Istati Membri għandhom isaħħu u jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.
Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6
Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.
Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, inklużi dawk li jirrappreżentaw gruppi li jiffaċċjaw ostakli biex isibu xogħol ta' kwalità.
Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6a (ġdid)
Post tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur huwa vitali sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta' infezzjoni u t-tixrid ta' viruses u ta' mard ieħor. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jieħdu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom u li jipprovdu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom informazzjoni adegwata, jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju u jieħdu miżuri ta' prevenzjoni. Dan jinkludi t-tnaqqis tal-għadd ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol u ta' kanċers okkupazzjonali għal żero, bl-istabbiliment ta' limiti vinkolanti ta' esponiment okkupazzjonali, u li jitqiesu r-riskji psikosoċjali u okkupazzjonali tas-saħħa u l-mard okkupazzjonali. Biex itejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jinvestu fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u jiżguraw mezzi u dispożizzjonijiet adegwati għall-ispettorati tax-xogħol u għar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà tat-trade unions.
Emenda 38
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6b (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jipprovdu protezzjoni soċjali għall-ħaddiema mobbli inklużi l-ħaddiema għal rashom li jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandha tirrifletti l-prinċipji tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li tipprevedi protezzjoni soċjali sostenibbli li tkun universali u transfruntiera, tevita kwalunkwe diskrepanza fil-protezzjoni u, finalment, tiżgura forza tax-xogħol produttiva.
Emenda 29
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6c (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-suq tax-xogħol billi jappoġġaw lill-ħaddiema li huma temporanjament f'"qgħad tekniku" minħabba li l-impjegaturi kienu sfurzati jagħlqu s-servizzi tagħhom kif ukoll billi jappoġġaw lill-persuni li jaħdmu għal rashom u lin-negozji ż-żgħar biex iżommu l-persunal u jkomplu l-attivitajiet tagħhom.
Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 1
Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa għad-dimensjoni reġjonali u territorjali. Jenħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mis-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-drittijiet soċjali u swieq tax-xogħol inklużivi, bħala parti minn strateġija integrata għall-inklużjoni attiva, miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa għad-dimensjoni reġjonali u territorjali. Għandhom jiżguraw paga u drittijiet ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post kif ukoll trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
Emenda 31
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 2
Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobilità soċjali 'l fuq, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tas-sistemi fiskali u ta' benefiċċji tagħhom. Li nikkumplimentaw approċċi universali ma' approċċi selettivi jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali twassal għal aċċess, kwalità, adegwatezza u sostenibbiltà aħjar.
L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw u jinvestu fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli għal kulħadd fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jiġġieldu kontra l-faqar u jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-konverġenza soċjali 'l fuq, jappoġġaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tal-elaborazzjoni progressiva tas-sistemi fiskali u ta' benefiċċji tagħhom. L-ikkomplementar ta' approċċi universali b'approċċi selettivi addizzjonali jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, u jwassal għal aċċess, kwalità, adegwatezza u sostenibbiltà aħjar.
Emenda 32
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 3
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta' inklużjoni attiva: appoġġ ta' dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' sostenn ta' kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Jenħtieġ li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jiżguraw benefiċċji adegwati tad-dħul minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż permezz ta' servizzi soċjali mmirati.
L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta' inklużjoni attiva: appoġġ ta' dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw benefiċċji adegwati tal-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jappoġġaw lin-nies biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż permezz ta' servizzi soċjali speċifiċi.
Emenda 33
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 4
Id-disponibbiltà ta' servizzi affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta' akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f'qagħda vulnerabbli. B'relazzjoni ma' dawn is-servizzi jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità, inkluż l-aċċessibilità. Jenħtieġ li tiġi indirizzata b'mod speċifiku l-problema ta' persuni mingħajr dar.
Filwaqt li jitqiesu l-livelli allarmanti kontinwi ta' faqar, li huma sostanzjalment ogħla mill-objettiv dwar il-faqar stabbilit fl-2010 fl-istrateġija Ewropa 2020, u l-impatt mistenni tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġu aktar sforzi biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'enfasi speċjali fuq il-ħaddiema foqra, it-tfal, l-anzjani, il-ġenituri waħedhom u speċjalment l-ommijiet waħedhom, il-minoranzi etniċi, il-migranti, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni mingħajr dar, u bi strateġiji orizzontali dwarhom. Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt potenzjali tal-kriżi tal-COVID-19 fuq gruppi oħra, bħall-persuni b'xogħol prekarju jew il-persuni li għadhom kif tilfu xogħolhom. Fir-rigward tal-investiment fit-tfal, l-Istati Membri għandhom jadottaw Garanzija għat-Tfal li tindirizza l-faqar fost it-tfal u tippromwovi l-benesseri tat-tfal, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-aċċess ugwali għat-tfal għal kura tas-saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, indukrar b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta' akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f'qagħda vulnerabbli, investiment fi stokk ta' djar aċċessibbli għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, jieħdu miżuri biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta fir-rigward tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tad-djar eżistenti u biex tiġi indirizzata l-problema tal-faqar enerġetiku fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll servizzi adegwati għall-persuni mingħajr dar. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-problema tal-evizzjonijiet, li qed jiżdiedu. B'relazzjoni ma' dawn is-servizzi għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabbiltà, inkluż l-aċċessibbiltà. Għandha tiġi indirizzata b'mod deċiżiv il-problema ta' persuni mingħajr dar u dan għandu jsir abbażi tal-approċċ "Housing First".
Emenda 34
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 5
L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa kurattiva, preventiva u affordabbli u kura fit-tul ta' kwalità tajba, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul.
Il-kriżi tal-COVID-19 turi l-ħtieġa ta' aktar investiment pubbliku biex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta' persunal imħarreġ sew u aċċess għall-kura tas-saħħa għal kulħadd, inklużi l-gruppi vulnerabbli. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċess universali għal kura tas-saħħa pubblika u fit-tul kurattiva, preventiva u affordabbli ta' kwalità għolja u sostenibbli.
Emenda 35
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 5a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom iħarsu s-saħħa tal-anzjani, jiggarantixxu li dawn ikollhom aċċess għall-isptarijiet u t-trattament u li tiġi evitata kull xorta ta' diskriminazzjoni abbażi tal-età.
Emenda 36
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 6
F'kuntest ta' lonġevità u tibdil demografiku li qed jiżdiedu, jenħtieġ li l-Istati Membri jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta' skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat. Ir-riformi fil-pensjoni jenħtieġ li jiġu appoġġati minn miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, u jitqiegħdu f'kuntest ta' strateġiji għat-tixjiħ attiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta tar-riformi.
F'kuntest ta' lonġevità u tibdil demografiku li qed jiżdiedu, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi pubbliċi jew okkupazzjonali sabiex jiġi żgurat introjtu tal-irtirar deċenti 'l fuq mil-linja tal-faqar. Ir-riformi fil-pensjoni għandhom jiġu appoġġati minn miżuri bbażati fuq it-tixjiħ attiv permezz tal-ottimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-ħaddiema ta' kull età biex jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' kwalità tajba, produttivi u tajbin għas-saħħa sal-età legali tal-irtirar, filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjonijiet taċ-ċittadini anzjani li jew jibqgħu ekonomikament attivi għal perjodu itwal, jew li ma jibqgħux jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Għandhom jiġu identifikati miżuri speċifiċi fil-qasam tad-demografija tal-forza tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-ġestjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi, l-organizzazzjoni tax-xogħol għal ħajja tax-xogħol sana u produttiva, fi ħdan approċċ interġenerazzjonali. Dan jiffaċilita kemm l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll it-tranżizzjoni ta' qabel l-irtirar, flimkien mat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza minn ġenerazzjoni għal oħra. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, inkluż djalogu dirett ma' dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni fl-anzjanità, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta ta' kwalunkwe riforma.

Abbozz ta' baġit emendatorju 5/2020: tkomplija tal-appoġġ għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija b'rispons għall-kriżi fis-Sirja
PDF 130kWORD 43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 – Tkomplija tal-appoġġ għar-rifuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija b'rispons għall-kriżi fis-Sirja (09060/2020 – C9-0189/2020 – 2020/2092(BUD))
P9_TA(2020)0195A9-0127/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 5/2020 adottat mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ġunju 2020 (COM(2020)0421),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-istess jum (09060/2020 – C9‑0189/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9‑0127/2020),

A.  billi l-għan tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 huwa li jitkompla l-għoti ta' appoġġ lir-rifuġjati u lill-komunitajiet ospitanti b'rispons għall-kriżi fis-Sirja,

B.  billi l-Kummissjoni pproponiet li jiġu pprovduti EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament ġodda biex jiffinanzjaw proġetti fl-oqsma tal-aċċess għall-edukazzjoni, tal-appoġġ għall-għajxien u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa, tas-sanitazzjoni, tal-ilma u tal-iskart, u tal-protezzjoni soċjali lill-komunitajiet ospitanti u lir-rifuġjati (rifuġjati Sirjani u rifuġjati Palestinjani mis-Sirja) fil-Ġordan u fil-Libanu,

C.  billi l-Kummissjoni pproponiet li tipprovdi EUR 485 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn biex tiffinanzja l-kontinwazzjoni taż-żewġ azzjonijiet ewlenin ta' appoġġ umanitarju tal-Unjoni fit-Turkija, ix-Xibka ta' Sikurezza Soċjali ta' Emerġenza (ESSN) u t-Trasferiment Kondizzjonali ta' Flus għall-Edukazzjoni (CCTE), u li tipprovdi EUR 68 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament biex tkopri l-prefinanzjament fi ħdan is-CCTE fl-2020,

D.  billi l-ESSN tipprovdi trasferimenti ta' flus fix-xahar lil madwar 1,7 miljun rifuġjat u hija mistennija li tispiċċa mingħajr flus sa mhux aktar tard minn Marzu 2021, filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet li tipprovdi EUR 400 miljun biex testendiha sa tmiem l-2021, u billi bosta kwistjonijiet kumplessi, bħar-reviżjoni tal-kriterji tal-immirar u l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni strateġika għall-ipprogrammar tal-iżvilupp, jirrikjedu konsultazzjoni u koordinazzjoni f'waqthom mal-awtoritajiet Torok u s-Sħab ta' Implimentazzjoni,

E.  billi s-CCTE jipprovdi flus lil familji rifuġjati li t-tfal tagħhom jattendu l-iskola minflok jaħdmu, filwaqt li l-kuntratt attwali jintemm f'Ottubru 2020, u billi l-Kummissjoni pproponiet li tipprovdi EUR 85 miljun biex tippermetti li l-programm ikun jista' jibqa' għaddej għal sena oħra u sal-aħħar ta' Diċembru 2021,

1.  Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020, hekk kif ippreżentat mill-Kummissjoni, li huwa ddedikat li jipprovdi EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament bħala appoġġ għar-reżiljenza tar-rifuġjati u l-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan u l-Libanu u EUR 485 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 68 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament biex jiżguraw it-tkomplija tal-appoġġ umanitarju urġenti lir-rifuġjati fit-Turkija;

2.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 5/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 57, 27.2.2020.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija
PDF 134kWORD 47k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2020 biex jitkompla l-appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija (COM(2020)0422 – C9-0162/2020 – 2020/2094(BUD))
P9_TA(2020)0196A9-0125/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0422 – C9-0162/2020),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(3),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 adottat mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ġunju 2020 (COM(2020)0421),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2020 u mibgħuta lill-Parlament fl-istess jum (09060/2020 - C9-0189/2020),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0125/2020),

A.  billi l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 stabbilixxa Marġni ta' Kontinġenza sa massimu ta' 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,

B.  billi l-Kummissjoni, b'rabta mal-finanzjament inkluż fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 5 għall-baġit ġenerali tal-UE għall-2020, ipproponiet li timmobbilizza l-Marġni ta' Kontinġenza biex tindirizza l-ħtieġa urġenti li tipprovdi appoġġ umanitarju lir-refuġjati fit-Turkija, billi żżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, lil hinn mil-limitu tal-intestatura 4 tal-QFP,

1.  Jaqbel mal-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għall-ammont ta' EUR 481 572 239 f'approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mil-limitu ta' impenn tal-intestatura 4 (Ewropa Globali) tal-qafas finanzjarju pluriennali;

2.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2020 biex jingħata appoġġ umanitarju kontinwu lir-refuġjati fit-Turkija

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2020/1268.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 57, 27.2.2020.


Sustanzi attivi, inkluż il-flumioxazine
PDF 174kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, dimethomorph, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, formetanate, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus strain 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole u S-metolachlor (D067115/02 – 2020/2671(RSP))
P9_TA(2020)0197B9-0203/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, dimethomorph, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, formetanate, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus strain 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole u S-metolachlor (D067115/02)

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi l-flumioxazine ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(5) fl-1 ta' Jannar 2003 bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/81/KE(6) u tqieset li ġiet approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

B.  billi proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-flumioxazine skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012(7) ilha għaddejja mill-2010(8), u l-applikazzjoni rispettiva ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010(9) fid-29 ta' Frar 2012;

C.  billi l-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva flumioxazine diġà ġie estiż b'ħames snin bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE(10) u sussegwentement b'sena kull sena mill-2015 bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885(11),(UE) 2016/549(12),(UE) 2017/841(13),(UE) 2018/917(14),(UE) 2019/707(15) u issa għal darb'oħra b'sena permezz ta' dan l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jestendi l-perjodu ta' approvazzjoni sat-30 ta' Ġunju 2021;

D.  billi l-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġunijiet għall-estensjoni apparti li ssostni li: "Il-valutazzjoni ta' dawk is-sustanzi kollha ddewmet għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-applikanti u, għalhekk, x'aktarx li l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi attivi jiskadu qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom";

E.  billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura tal-Unjoni; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi n-nisa tqal, it-trabi u t-tfal;

F.  billi għandu japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni, u billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jispeċifika li s-sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun ġie ddimostrat li dawn jippreżentaw benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhuwiex mistenni li jkollhom xi effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent;

G.  billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jindika li fl-interess tas-sikurezza, il-perjodu ta' approvazzjoni għal sustanzi attivi għandu jkun limitat fiż-żmien; billi l-perjodu ta' approvazzjoni għandu jkun proporzjonat għar-riskji possibbli inerenti fl-użu ta' tali sustanzi, iżda tali proporzjonalità hija nieqsa b'mod evidenti;

H.  billi fis-17-il sena mill-approvazzjoni tagħha bħala sustanza attiva, il-flumioxazine ġiet identifikata u kklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) u bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali;

I.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà u r-responsabbiltà li jaġixxu skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, meta l-possibbiltà ta' effetti ta' ħsara fuq is-saħħa jkunu ġew identifikati iżda tibqa' tippersisti inċertezza xjentifika, billi jadottaw miżuri provviżorji ta' ġestjoni tar-riskju li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

J.  billi, b'mod aktar speċifiku, l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tirrieżamina l-approvazzjoni ta' sustanza attiva fi kwalunkwe ħin, speċjalment fejn, fid-dawl ta' għarfien xjentifiku u tekniku ġdid, hija tqis li jkun hemm indikazzjonijiet li s-sustanza m'għadhiex tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament, u dan ir-rieżami jista' jwassal biex tiġi rtirata jew emendata l-approvazzjoni tas-sustanza;

Tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) u tinterferixxi fis-sistema endokrinali

K.  billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), il-flumioxazine hi, skont klassifikazzjoni armonizzata, tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), tossika ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u tossika ħafna għall-ħajja akkwatika b'effetti fit-tul;

L.  billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) diġà kkonkludiet fl-2014, u sussegwentement fl-2017 u fl-2018, li kien hemm oqsma kritiċi ta' tħassib peress li l-flumioxazine hija kklassifikata fil-kategorija ta' tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), u wkoll li l-interferenza endokrinali potenzjali ta' flumioxazine kienet kwistjoni li ma setgħetx tiġi ffinalizzata u li hija element kritiku ta' tħassib;

M.  billi fl-2015 il-flumioxazine tqiegħdet fuq il-lista tal-"kandidati għas-sostituzzjoni" bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/408 minħabba li hija kklassifikata jew għandha tiġi kklassifikata, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, bħala tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1A jew 1B);

N.  billi, skont il-punt 3.6.4, tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanzi attivi ma jistgħux jiġu awtorizzati meta jaqgħu fil-kategorja 1B ta' sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, ħlief f'każijiet fejn, fuq il-bażi ta' evidenza dokumentata inkluża fl-applikazzjoni, sustanza attiva tkun meħtieġa biex jiġi kkontrollat periklu serju għas-saħħa tal-pjanti li ma jistax jiġi mrażżan b'mezzi oħra disponibbli, inklużi metodi mhux kimiċi, li f'dan il-każ iridu jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju biex ikun żgurat li l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għas-sustanza jiġi minimizzat;

O.  billi fl-1 ta' Frar 2018, l-Istat Membru Rapporteur, fid-dawl ta' data xjentifika ġdida, ippreżenta proposta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għal klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flumioxazine skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008; billi fil-15 ta' Marzu 2019, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA adotta opinjoni li timmodifika l-klassifikazzjoni tal-flumioxazine minn tossika għar-riproduzzjoni kategorija 1B għal tossika għar-riproduzzjoni kategorija 2; billi dan x'aktarx li jwassal għal riklassifikazzjoni tal-flumioxazine fl-Anness IV tar-Regolament CLP fi tmiem l-2020 jew fil-bidu tal-2021; billi sa dak iż-żmien, il-flumioxazine tibqa' kklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni kategorija 1B;

P.  billi, skont il-punt 3.6.5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanzi attivi ma jistgħux jiġu awtorizzati meta jitqiesu li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali u li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fil-bnedmin, sakemm l-esponiment tal-bnedmin għal dik is-sustanza attiva, l-aġent protettiv jew is-sustanza sinerġika fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, f'kundizzjonijiet realistiċi proposti għall-użu, ma jkunx negliġibbli, jiġifieri, il-prodott jintuża f'sistemi magħluqa jew f'kundizzjonijiet oħra li jeskludu l-kuntatt mal-bnedmin u fejn residwi tas-sustanza attiva, tal-aġent protettiv jew tas-sustanza sinerġika kkonċernati fuq ikel u għalf ma jeċċedux il-valur prestabbilit f'konformità mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17);

Q.  billi mill-2014(18) huwa ssuspettat li l-flumioxazine għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali; billi mill-20 ta' Ottubru 2018(19) bdew japplikaw kriterji biex jiġi ddeterminat jekk sustanza tfixkilx is-sistema endokrinali fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi l-gwida korrispondenti ġiet adottata fil-5 ta' Ġunju 2018(20); billi, madanakollu, il-Kummissjoni tat mandat lill-EFSA fl-4 ta' Diċembru 2019, u mhux qabel, biex tivvaluta l-potenzjal ta' tfixkil tas-sistema endokrinali tal-flumioxazine skont il-kriterji l-ġodda; billi l-iskeda ta' żmien għall-għoti ta' din il-valutazzjoni għadha mhix ċara;

R.  billi l-flumioxazine għandha riskju għoli ta' bijokonċentrazzjoni, hija tossika ferm għall-alka u għall-pjanti akkwatiċi u hija moderatament tossika għall-ħniex, in-naħal tal-għasel, il-ħut u l-invertebrati akkwatiċi;

S.  billi huwa inaċċettabbli li sustanza li bħalissa tissodisfa l-kriterji ta' limitu għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni, u li x'aktarx li tissodisfa l-kriterji ta' limitu minħabba l-proprjetajiet tagħha li jfixklu s-sistema endokrinali, tkompli titħalla tintuża fl-Unjoni, u tqiegħed is-saħħa pubblika u ambjentali fir-riskju;

T.  billi l-applikanti jistgħu jieħdu vantaġġ mill-awtomatizzazzjoni li hemm fil-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni biex b'mod immedjat jiżguraw estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi attivi meta l-valutazzjoni mill-ġdid tar-riskju ma tkunx ġiet iffinalizzata, billi jtawlu l-proċess ta' rivalutazzjoni intenzjonalment billi jipprovdu data mhux kompluta u billi jitolbu aktar derogi u kundizzjonijiet speċjali, li jwassal għal riskji inaċċettabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem minħabba li matul dan il-perjodu l-esponiment għas-sustanza perikoluża jibqa' jeżisti;

U.  billi wara proposta inizjali għan-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni fl-2014, ibbażata fuq il-fatt li l-flumioxazine issodisfat il-kriterji ta' limitu tal-kategorija 1B ta' tossiċità għal riproduzzjoni, l-applikant talab deroga mill-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji ta' limitu; madankollu, tali deroga kienet teħtieġ l-iżvilupp tal-metodoloġiji ta' valutazzjoni rilevanti li kienu għadhom ma jeżistux, minkejja l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 kien ilu japplika għal tliet snin, u dan kellu r-riżultat li l-proċess ta' nuqqas ta' tiġdid ilu wieqaf għal diversi snin;

V.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009 l-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex "jiżguraw li l-estensjoni proċedurali tal-perjodu ta' approvazzjoni għat-tul tal-proċedura, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, [ma tintużax] għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, u li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija 1A jew 1B, jew sustanzi attivi li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bniedem u lill-annimali, kif attwalment hu l-każ tas-sustanzi bħall-flumjoksażina, it-tijakloprid, il-klorotoluron u d-dimossistrobin";

W.  billi l-Parlament diġà oġġezzjona għall-estensjoni preċedenti tal-perjodu ta' approvazzjoni tal-flumioxazine fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019(21), u l-Kummissjoni naqset milli tagħti risposta konvinċenti għal dik ir-riżoluzzjoni kif ukoll naqset milli tiddimostra kif xieraq li estensjoni oħra ma taqbiżx is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha;

X.  billi wara l-estensjoni preċedenti fl-2019 ta' diversi sustanzi attivi, inkluż il-flumioxazine, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/707, 8 biss mill-34 sustanza ġew imġedda jew mhux imġedda, filwaqt li skont dan l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, 26 sustanza se jerġgħu jiġu estiżi, u ħafna minnhom għat-tielet jew għar-raba' darba;

1.  Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

2.  Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi ma jirrispettax il-prinċipju ta' prekawzjoni;

3.  Jiddenunċja bil-qawwa d-dewmien serju fil-proċess ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid u fl-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

4.  Iqis li d-deċiżjoni li l-perjodu ta' approvazzjoni għall-flumioxazine jerġa' jiġi estiż mhijiex konformi mal-kriterji ta' sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u mhi bbażata la fuq evidenza li din is-sustanza tista' tintuża b'mod sikur u lanqas fuq ħtieġa urġenti ppruvata għas-sustanza attiva flumioxazine fil-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat li jqis l-evidenza xjentifika dwar il-proprjetajiet ta' ħsara tas-sustanzi kollha kkonċernati, speċjalment dawk tal-flumioxazine;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta biss abbozzi ta' regolamenti ta' implimentazzjoni biex testendi l-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi li għalihom l-istat kurrenti tax-xjenza ma jkunx mistenni li jwassal għal proposta tal-Kummissjoni għal nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva kkonċernata;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-approvazzjonijiet għas-sustanzi jekk jeżistu provi jew dubji raġonevoli li ma jkunux se jissodisfaw il-kriterji ta' sikurezza stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-valutazzjoni mill-ġdid xierqa u f'waqtha tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li għalihom huma l-Istati Membri li qed jirrapportaw u biex jiżguraw li d-dewmien kurrenti jiġi riżolt b'mod effettiv mill-aktar fis possibbli;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18.
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 183.
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(6) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/81/KE tal-10 ta' Ottubru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-flumioxazine bħala sustanza attiva (ĠU L 276, 12.10.2002, p. 28).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).
(8) ĠU L 293, 11.11.2010, p. 48.
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).
(10) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE tal-10 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tad-dati ta' skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta' ċerti sustanzi attivi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 48).
(11) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal-20 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,4-D, Aċibenżolar-s-metil, Amitrol, Bentażon, Ċjalofop-butil, Dikwat, Esfenvalerat, Famoksadon, Flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), Glifosat, Iprovalikarb, Isoproturon, Lambda-Ċjalotrina, Metalaksil-M, Metsulfuron-metil, Pikolinafen, Prosulfuron, Pimetrożina, Piraflufen-etil, Tijabendażol, Tifensulfuron-metil u Triasulfuron (ĠU L 276, 21.10.2015, p. 48).
(12) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/549 tat-8 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bentażon, ċjalofop butil, dikwat, famoksadon, flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), metalaksil-M, pikolinafen, prosulfuron, pimetrożina, tijabendażol u tifensulfuron-metil (ĠU L 95, 9.4.2016, p. 4).
(13) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/841 tas-17 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alfa-ċipermetrina, ir-razza Ampelomyces quisqualis: aq 10, benalaksil, bentażon, bifenażat, bromossinil, etil tal-karfentrażon, klorprofam, ċjażofammid, desmedifam, dikwat, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), etossażol, famoksadon, fenamidon, flumjoksażina, foramsulfuron, ir-razza Gliocladium catenulatum: j1446, imażamoks, imażosulfuron, isossaflutol, laminarin, metalaksil-m, metossifenożid, milbemektin, oksasulfuron, pendimetalin, fenmedifam, pimetrożina, s-metolaklor, u triflossistrobin (ĠU L 125, 18.5.2017, p. 12).
(14) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/917 tas-27 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alfaċipermetrina, beflubutammid, benalassil, bentjavalikarb, bifenażat, boskalid, bromossinil, kaptan, karvone, klorprofam, ċjażofammid, desmedifam, dimetoat, dimetomorf, dikwat, etefon, etoprofos, etossażol, famoksadon, fenamidon, fenamifos, flumjoksażina, fluwossastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanat, u r-razza Gliocladium catenulatum: J1446, isossaflutol, metalaksil-m, metjokarb, metossifenożid, metribużin, milbemektin, oksasulfuron, ir-razza 251 Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, fosmet, pirimifos-metil, propamokarb, protijokonażol, pimetrożin u s-metolaklor (ĠU L 163, 28.6.2018, p. 13).
(15) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/707 tas-7 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alpha-cypermethrin, beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, desmedipham, dimethoate, dimethomorph, diuron, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanate, metalaxyl-M, methiocarb, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus razza 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos‐methyl, propamocarb, prothioconazole, S-metolachlor u tebuconazole (ĠU L 120, 8.5.2019, p. 16).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(18) EFSA Journal, Volum 12, Ħarġa Nru 6, Ġunju 2014, "Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance flumioxazin" ("Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flumioxazine").
(19) ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33.
(20) EFSA Journal, Volum 16, Ħarġa Nru 6, Ġunju 2018, "Guidance for the identification of endocrine disruptors in the context of Regulations (EU) No 528/2012 and (EC) No 1107/2009" ("Gwida għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 528/2012 u (KE) Nru 1107/2009").
(21) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/707 tas-7 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alpha-cypermethrin, beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, desmedipham, dimethoate, dimethomorph, diuron, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanate, metalaxyl-M, methiocarb, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus razza 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole, S-metolachlor u tebuconazole (Testi adottati, P9_TA(2019)0026).


Approċċ Ewropew komprensiv għall-ħżin tal-enerġija
PDF 182kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija (2019/2189(INI))
P9_TA(2020)0198A9-0130/2020

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 7 tan-Nazzjonijiet Uniti "L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2019 dwar "l-Implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji: Nibnu Katina tal-Valur tal-Batteriji Strateġika fl-Ewropa" (COM(2019)0176),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-impatt fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (COM(2019)0166),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-futur tas-sistemi tal-enerġija fl-Unjoni tal-Enerġija maħsuba biex jiżguraw it-tranżizzjoni enerġetika u l-ilħuq tal-objettivi enerġetiċi u klimatiċi sal-2030 u lil hinn,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva għal Infrastruttura tal-Gass Sostenibbli u Intelliġenti għall-Ewropa mnedija mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill f'Bucharest fl-1 u fit-2 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-Idroġenu mnedija mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill f'Linz fis-17 u t-18 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(5), li bħalissa qiegħed jiġi rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(9),

–  wara li kkunsidra d-dokument informattiv tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-1 ta' April 2019 bit-titolu "Rapport Analitiku Nru 04/2019: Appoġġ tal-UE għall-ħżin tal-enerġija",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25)(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar "It-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar "Il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu!"(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija"(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0130/2020),

A.  billi l-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni approvaw l-objettiv tan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti fl-UE sal-2050, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

B.  billi t-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti tirrikjedi tranżizzjoni enerġetika affordabbli u kosteffiċjenti lil hinn minn sistema bbażata fil-biċċa l-kbira fuq fjuwils fossili lejn sistema b'effiċjenza enerġetika għolja u newtrali għall-klima u bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

C.  billi sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, l-idroenerġija u l-bijomassa jistgħu joffru ftit kapaċità ta' tagħbija bażi filwaqt li oħrajn bħall-enerġija mir-riħ u solari huma intermittenti u varjabbli; billi l-integrazzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku tirrikjedi flessibbiltà akbar fir-rigward tal-provvista u d-domanda sabiex tkun stabbilizzata l-grilja tal-elettriku, biex jiġu evitati varjazzjonijiet estremi fil-prezzijiet u tinżamm is-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà tal-enerġija; billi din il-flessibbiltà akbar tirrikjedi aktar faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija fl-UE;

D.  billi l-prinċipju ta' separazzjoni għandu jkun miżmum f'kull ħin;

E.  billi fl-2017, 22,7 % biss tal-konsum tal-enerġija finali tat-28 Stat Membru tal-UE kien ibbażat fuq l-elettriku; billi fl-2018 aktar minn 60 % tat-taħlita tal-elettriku tat-28 Stat Membru tal-UE kienet għadha trid issir rinnovabbli; billi l-elettrifikazzjoni ulterjuri hija mistennija; billi l-Kummissjoni tistma li l-UE se tkun teħtieġ li tkun tista' taħżen sitt darbiet aktar enerġija mil-lum biex tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2050;

F.  billi l-integrazzjoni tas-settur se jkollha rwol kruċjali fit-titjib tal-flessibbiltà u l-effiċjenza tas-settur tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tiegħu;

G.  billi l-gassijiet ekoloġiċi, bħal gassijiet prodotti permezz ta' elettroliżi bl-użu ta' elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jipprovdu kapaċitajiet kbar ta' ħżin fuq skala staġonali;

H.  billi l-Kummissjoni għandha tistudja kif l-infrastruttura eżistenti tal-gass jista' jkollha rwol fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità ta' ħżin tal-enerġija għal gassijiet ekoloġiċi, pereżempju pipelines ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni jew ħżin taħt l-art bħala ħażna staġonali, sabiex jiġi deċiż liema infrastruttura ddedikata jew użu ottimizzat u mmodifikat tal-kapaċitajiet eżistenti huma meħtieġa;

I.  billi fl-2018, 3 % biss tal-kapaċità tal-manifattura globali għal ċelloli tal-batteriji tal-joni tal-litju kienet tinsab fl-UE, b'85 % fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku;

J.  billi l-batteriji u faċilitajiet oħra ta' ħżin deċentralizzati, bħal flywheels, mhux biss jipprovdu s-sigurtà tal-provvista, iżda jservu wkoll bħala infrastrutturi ekonomikament vijabbli li jiċċarġjaw malajr għall-vetturi elettriċi;

K.  billi l-ħżin ippompjat kien jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija tal-UE; billi dan bħalissa għandu rwol importanti biex jibbilanċja d-domanda mal-provvista tal-elettriku, il-ħżin fuq skala kbira b'effiċjenza round-trip għolja u flessibbiltà fuq żmien qasir u medju b'firxa għolja ta' kapaċità;

L.  billi t-teknoloġiji tal-ħżin termali jistgħu jipprovdu opportunitajiet sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija billi jagħmluha possibbli li jinħażnu s-sħana jew il-kesħa għal diversi xhur, billi jassorbu enerġija rinnovabbli permezz ta' pompi tas-sħana fuq skala industrijali u bl-użu tal-bijomassa, il-bijogass jew l-enerġija ġeotermali, kif ukoll billi jipprovdu servizzi ta' flessibbiltà għal pereżempju sistema tal-elettriku ddominata minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi l-bini insulat tajjeb, in-networks ta' tisħin distrettwali u l-faċilitajiet tal-ħżin iddedikati jistgħu jintużaw bħala ħżin għal perjodi ta' żmien differenti;

M.  billi l-immudellar tal-enerġija użat mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-mogħdijiet tad-dekarbonizzazzjoni u l-għażliet ta' politika assoċjati huwa kruċjali peress li jiddetermina l-leġiżlazzjoni futura u d-disinn tas-suq; billi l-immudellar attwali jissottovaluta b'mod sinifikanti l-impatt pożittiv tal-ħżin tal-enerġija u għalhekk jeħtieġ titjib;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jesploraw bis-sħiħ il-potenzjal ta' ħżin tal-enerġija tagħhom;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-ħżin tal-enerġija biex tippermetti t-trasformazzjoni f'ekonomija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli filwaqt li tqis it-teknoloġiji kollha disponibbli kif ukoll it-teknoloġiji qrib is-suq u żżomm approċċ teknoloġikament newtrali biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force li tinvolvi d-Direttorati Ġenerali kollha rilevanti biex tiżviluppa din l-istrateġija, li għandha tkun ibbażata fuq analiżi komprensiva:

   (a) tal-impronta tal-karbonju u ċ-ċiklu tal-ħajja, b'kunsiderazzjoni tal-inqas tal-estrazzjoni u/jew tal-produzzjoni tal-materja prima, inklużi l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards tax-xogħol, l-akkwist ta' komponenti, il-proċess ta' manifattura, it-trasport u l-proċess ta' riċiklaġġ, fejn applikabbli;
   (b) tal-kapaċità tal-enerġija, il-kapaċità elettrika, it-tul ta' żmien tal-ħażna, il-Capex, l-Opex, l-effiċjenza roundtrip u l-effiċjenza tal-konverżjoni;
   (c) tal-immudellar tas-sistema tal-enerġija, li għandu jinkorpora d-data rilevanti msemmija f'(b) biex jiġu vvalutati l-għażliet ta' politika, filwaqt li jiġu inklużi effetti interni sabiex jiġu stmati b'mod korrett il-ħtiġijiet ta' flessibbiltà tas-sistema attwali u futura u l-kontribut tal-ħżin għal tali mmudellar;
   (d) tad-domanda tal-enerġija fl-industrija, it-trasport u d-djar; kif ukoll
   (e) tal-potenzjal tal-ħżin fuq skala żgħira u l-potenzjal tal-flessibbiltà fil-livell distrettwali, kif ukoll il-konnessjonijiet transfruntiera u l-integrazzjoni tas-settur;
   (f) f. tal-kontribut tat-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.

4.  Jemmen, b'mod partikolari, li strateġija bħal din għandha tidentifika l-miżuri meħtieġa biex ittejjeb il-konnessjoni u l-koordinazzjoni transfruntiera, tnaqqas il-piżijiet regolatorji għad-dħul fis-suq, ittejjeb l-aċċess għall-kapital, il-ħiliet u l-materja prima għat-teknoloġiji tal-ħżin, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tas-suq u l-industrija Ewropej;

5.  Jinnota li tranżizzjoni kosteffiċjenti tal-enerġija lejn sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal ekonomija newtrali għall-klima teħtieġ grilja tal-enerġija intelliġenti u żviluppata, teknoloġiji avvanzati tal-ħżin u flessibbiltà, rispons tad-domanda u l-ġenerazzjoni ta' riżerva sabiex tiġi żgurata provvista tal-enerġija kostanti, affordabbli u sostenibbli, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel", l-espansjoni massiva ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u sinjali ta' prezzijiet mhux distorti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi appoġġ għar-riċerka fil-ħżin, inkluż dwar teknoloġiji alternattivi ġodda u emerġenti, fil-qafas ta' Orizzont Ewropa;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tad-diġitalizzazzjoni fl-iżvilupp ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata u integrata akbar u, fl-aħħar mill-aħħar, fit-twettiq tat-tranżizzjoni enerġetika;

7.  Jissottolinja li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima ma għandhiex tpoġġi f'periklu s-sigurtà tal-provvista jew l-aċċess għall-enerġija; jenfasizza r-rwol tal-ħżin speċjalment għall-Istati Membri iżolati mill-enerġija jew dawk li huma gżejjer; jenfasizza li provvista tal-enerġija affidabbli, il-kosteffiċjenza u t-tranżizzjoni enerġetika għandhom jimxu id f'id; jenfasizza barra minn hekk li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-grilji intelliġenti, il-parteċipazzjoni u l-għażliet ta' flessibbiltà mqassma inkluż il-ħżin, isaħħu s-sigurtà tal-enerġija;

8.  Jissottolinja li huwa importanti li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija kollha, f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, sabiex il-forzi tas-suq ikunu jistgħu jixprunaw l-aħjar għażliet tat-teknoloġija u jrawmu l-innovazzjoni, u li l-fatturi ewlenin li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti għandhom ikunu indikaturi tal-konsum tal-enerġija, il-marka tal-karbonju u l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-isfruttament, ir-riċiklaġġ u d-dekummissjonar;

9.  Jiddispjaċih ħafna li l-proġetti infrastrutturali jew proġetti akbar tal-ħżin li huma kruċjali għat-tranżizzjoni enerġetika ħafna drabi jiffaċċjaw reżistenza qawwija u dewmien fil-livell lokali; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b'mod attiv l-appoġġ tal-pubbliku fil-livell lokali, pereżempju permezz ta' parteċipazzjoni pubblika bikrija jew billi jippermettu lill-komunitajiet lokali jinvolvu ruħhom, jipparteċipaw b'mod finanzjarju jew li jiġu kkumpensati, filwaqt li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-setturi;

10.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ħżin bħala alternattiva għall-espansjoni tradizzjonali tal-grilja; jissottolinja l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat tal-infrastruttura bħala parti mill-Istrateġija tal-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija sabiex tinkiseb ekonomija Ewropea newtrali għall-klima u kompetittiva;

11.  Jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku (UE) 2019/944 u tar-Regolament dwar is-Suq tal-Elettriku (UE) 2019/943; jenfasizza li l-ħżin tal-enerġija għandu jkun iddefinit b'mod koerenti fl-oqfsa legali nazzjonali; jindika inċertezzi relatati mal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, b'mod partikolari dwar l-inklużjoni tat-teknoloġiji Power-to-X, u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi gwida urġenti dwar din il-kwistjoni;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, tipprovdi bażi ġuridika soda għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u distribuzzjoni tal-infrastruttura tal-gass bil-għan li tipprovdi soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija f'konformità mal-miri klimatiċi tal-Unjoni u l-Ftehim ta' Pariġi;

Ostakli regolatorji

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza u jevitaw duplikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali;

14.  Jindika li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ta' faċilitajiet ta' ħżin, inklużi l-konsumaturi attivi, iħallsu għat-tariffi tan-network jew it-taxxi tal-enerġija u imposti oħra darbtejn; huwa konvint li t-tneħħija ta' dan il-piż iwassal biex jiġu implimentati aktar proġetti ta' ħżin tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiddistingwi bejn użu aħħari u ħżin jew konverżjoni u tiżviluppa sistema ta' tassazzjoni effiċjenti li tipprojbixxi tassazzjoni doppja relatata mal-proġetti ta' ħżin tal-enerġija fil-proposta li jmiss tagħha għal Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jabolixxu t-tassazzjoni doppja ta' kwalunkwe tip billi jiżviluppaw skemi ta' tassazzjoni effiċjenti u jfasslu mill-ġdid it-tariffi relatati mal-ħżin tal-enerġija b'tali mod li l-benefiċċju soċjetali mill-ħżin huwa rifless u l-ostakli għall-proġetti ta' ħżin biex jaċċessew is-suq jitneħħew;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' trattament komparabbli tal-ħżin fit-trasportaturi tal-enerġija differenti kollha u għall-ħżin li jinsab qabel u wara l-miter, sabiex jiġi evitat li tinħoloq kwistjoni ta' sussidju inkroċjat billi jiġu evitati t-tariffi tal-grilja jew il-ħlasijiet, it-taxxi u l-imposti tas-sistema; jinnota li fil-preżent il-konsumaturi tal-elettriku qed iġorru l-biċċa l-kbira tal-isforz finanzjarju tad-dekarbonizzazzjoni u għalhekk il-ħżin tal-elettriku qed jiġi ppenalizzat indirettament;

16.  Jinnota li, bl-eċċezzjoni tal-ilma ppompjat, il-kodiċijiet tan-network tal-UE ġeneralment ma jindirizzawx il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, u dan iwassal għat-trattament mhux ugwali tagħhom fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjoni mal-grilja; huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux ugwali li jfixkel l-iżvilupp ta' każijiet ta' negozju vijabbli għal faċilitajiet ta' ħżin ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita x-xogħlijiet biex tistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-konnessjoni mal-grilja u biex tindirizza ostakoli oħra li jipprevjenu l-integrazzjoni tal-ħżin fis-swieq tal-elettriku;

17.  Jappella bħala kwistjoni ta' urġenza għar-reviżjoni tar-Regolament TEN-E(18) fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà u l-kategoriji tal-infrastruttura tal-elettriku, sabiex jiġi indirizzat aħjar l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' ħżin tal-enerġija qabel l-adozzjoni tal-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni (PCIs); jitlob riforma bir-reqqa tal-proċess biex jitfassal il-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network (TYNDP) biex il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" jiġi integrat fl-ippjanar tal-infrastruttura, kif ukoll il-flessibbiltà, l-integrazzjoni tas-settur u l-konnessjonijiet transfruntieri; jitlob li l-kriterji għall-għoti ta' status PCI jiġu allinjati mal-għan tat-temperatura fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u l-għan tal-UE għan-newtralità klimatika fl-2050 permezz ta' valutazzjoni sistematika tal-klima tal-proġetti kandidati kollha għal-lista tal-PCI;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol kruċjali tat-teknoloġiji kollha tal-flessibbiltà u tal-ħżin biex tiġi żgurata tranżizzjoni enerġetika effiċjenti u biex tkompli tipprovdi livelli għoljin ta' sigurtà tal-provvista u stabbiltà tas-sistema; jenfasizza l-interess pubbliku fl-iżvilupp ta' proġetti ta' ħżin ġodda u l-aġġornament ta' dawk eżistenti, li għandu jiġi rifless fi proċess ta' permessi rapidu, prijoritizzat u razzjonalizzat fl-Istati Membri;

19.  Jinnota bi tħassib li l-proċeduri ta' approvazzjoni fil-livell nazzjonali jieħdu konsiderevolment aktar żmien mill-perjodi massimi għall-proġetti PCI previsti mir-Regolament TEN-E; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fir-rieżami li jmiss tagħha, permezz ta' mekkaniżmu ta' infurzar effikaċi u sinkronizzat li jirrikonoxxi l-interess pubbliku superjuri tal-proġetti ta' ħżin PCI;

20.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka fis-suq taħt Orizzont 2020 u n-nuqqas ta' segwitu sistematiku dwar il-proġetti li tlestew u n-nuqqas ta' tixrid tar-riżultati tar-riċerka, u jilqa' l-enfasi akbar ippjanata fuq attivitajiet qrib is-suq filwaqt li jinżammu l-ambizzjonijiet ta' riċerka fundamentali biex jinħoloq pipeline ta' teknoloġiji u proġetti qrib is-suq fil-futur taħt Orizzont Ewropa, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni; jitlob li jikber l-użu tal-akkwist prekummerċjali; jissottolinja li r-riċerka fit-teknoloġija nadifa u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jeħtieġ li tissaħħaħ, inkluż fil-ħżin tal-enerġija;

21.  Jenfasizza li hija meħtieġa aktar riċerka li tikkonċerna s-sustanzi kimiċi biex jintużaw għall-ħżin tal-enerġija, kif ukoll riċerka fundamentali għas-superkonduttività, li għandha tkun riflessa fil-programm Orizzont li jmiss;

22.  Jinnota bi tħassib li hemm biss referenza indiretta għall-proġetti ta' ħżin tal-enerġija fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020; jinnota, barra minn hekk, li fil-passat ġie nnotifikat għadd sorprendentement żgħir ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-proġetti ta' ħżin;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwol importanti tal-ħżin fit-tranżizzjoni enerġetika u tindirizzah kif xieraq meta jiġu rriveduti l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida l-ġodda jqisu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà, il-kontribut għall-istabbiltà tal-grilja u l-kontribut għan-newtralità klimatika tat-teknoloġiji differenti ta' ħżin; barra minn hekk jenfasizza li proġetti mhux kummerċjali (eż. għar-riċerka) jistgħu jingħataw eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġu evitati fondi mhux effiċjenti u distorsjoni tal-kompetizzjoni; jissottolinja li t-tħaddim ta' assi ta' ħżin minn atturi mhux tas-suq huwa limitat għall-każijiet fejn m'hemmx interess tas-suq u l-awtorità regolatorja nazzjonali tat eżenzjoni tkun tat eżenzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida l-ġodda jqisu l-effiċjenza u l-kontribut għall-istabbiltà tal-grilji ta' teknoloġiji tal-ħżin differenti, sabiex jiġi evitat finanzjament ineffiċjenti u l-parteċipazzjoni ta' atturi mhux fis-suq tkun limitata għall-każijiet u ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 36 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-Swieq tal-Elettriku;

Ħżin Kimiku (Power-to-X)

25.  Jissottolinja r-rwol importanti tat-teknoloġija Power-to-X bħala faċilitatur ewlieni tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u r-rabta tas-setturi tal-elettriku u tal-gass; jenfasizza f'dan ir-rigward il-potenzjal għoli tal-idroġenu, speċjalment l-idroġenu ekoloġiku, u tal-metan sintetiku u l-bijometan għal ħżin tal-enerġija staġonali f'volumi kbar u bħala t-trasportatur tal-enerġija, bħall-fjuwil u l-materja prima għall-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, u bħala fjuwil sostenibbli għal diversi modi ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja r-R&Ż relatati mal-iżvilupp ta' ekonomija tal-idroġenu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-espansjoni ulterjuri tat-teknoloġija Power-to-X, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ ta' inizjattiva tal-idroġenu bħala Proġett Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEI);

26.  Jinnota li l-użu tal-idroġenu għall-ħżin tal-enerġija għadu mhux kompetittiv minħabba l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni; jinnota wkoll id-differenza kbira fl-ispiża bejn idroġenu ekoloġiku u idroġenu blu; jindika l-importanza tal-miżuri ta' appoġġ li jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż għall-idroġenu ekoloġiku sabiex dan isir każ ta' negozju vijabbli;

27.  Jinnota li hemm standards differenti fl-Istati Membri fir-rigward tat-taħlit tal-idroġenu mal-gass naturali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tiżviluppa tassonomija u standards ċari għall-idroġenu, kemm għall-grilja tal-gass kif ukoll għall-utenti finali; jirrimarka li dawn l-istandards se jkollhom jiġu adattati għall-bżonnijiet ta' kwalità u l-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-utenti finali, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż;

28.  Jinnota li l-idroġenu prodott minn gass bl-elettriku jista' jiġi ttrasformat f'tipi oħra ta' gass, bħall-metanol u l-ammonijaka, li jistgħu jintużaw bħala fjuwil għas-settur marittimu u tal-avjazzjoni, kif ukoll għat-trasport ta' merkanzija tqila;

29.  Jenfasizza li l-kapaċità kbira ta' ħżin tal-enerġija hija pprovduta mill-infrastruttura tal-gass eżistenti u li dawn l-assi u dawk li jakkomodaw sorsi ġodda ta' gass, b'mod partikolari l-idroġenu ekoloġiku, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli; jinnota f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-rwol il-ġdid tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (TSOs) tal-gass fid-dawl tar-regoli ta' separazzjoni;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, analiżi tal-kost-benefiċċju u analiżi tad-disponibbiltà tal-modifika retroattiva tal-infrastruttura tal-gass jew il-bini ta' infrastruttura ġdida apposta, li hija importanti għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku, għat-trasport tiegħu fi kwantitajiet kbar u għall-implimentazzjoni tal-mobilità tal-idroġenu; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ħżin tal-gass taħt l-art bħalma huma l-għerien vojta jew il-ħżin fi spazji vojta taħt l-art;

31.  Iqis li l-politiki tal-UE għandhom itejbu speċifikament l-innovazzjoni u l-użu tal-ħżin tal-enerġija sostenibbli u tal-idroġenu ekoloġiku; jenfasizza l-ħtieġa li niżguraw li l-użu tas-sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżizzjonali, fid-dawl tal-objettiv li nilħqu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi li l-UE se teħtieġ kwantitajiet dejjem akbar ta' idroġenu; jenfasizza li sabiex jiġu żgurati volumi suffiċjenti ta' enerġija u l-kompetittività tal-industrija Ewropea, iridu jiġu appoġġjati l-perkorsi tal-idroeġnu;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni armonizzata tal-idroġenu ekoloġiku bbażata fuq metodoloġija trasparenti; jitlob barra minn hekk sistema ta' rikonoxximent reċiproku tal-Garanziji ta' Oriġini għal dawn il-gassijiet, li tipproponi l-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni komuni u sistema ta' dokumentazzjoni tul il-katina tal-valur, pereżempju billi tinħareġ tikketta ekoloġika; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimminimizzaw l-ostakli amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni ta' idroġenu ekoloġiku u/jew b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta u effikaċi bejn it-teknoloġiji u t-trasportaturi tal-enerġija u bejn l-idroġenu impurtat u l-idroġenu prodott fl-UE;

33.  Jinnota li skont ir-regoli attwali tas-suq intern tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u distribuzzjoni tal-infrastruttura tal-gass tal-UE huma awtorizzati biss jittrasportaw il-gass naturali bħala attività regolata; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, biex tippermetti lill-operaturi jittrasportaw gassijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bħall-idroġenu, il-bijometan, u l-metan sintetiku;

34.  Jissottolinja li l-atturi kollha tas-suq għandu jkollhom aċċess għall-vantaġġi u l-inċentivi maħluqa fi proġetti pilota jew laboratorji tad-dinja reali biex juru l-produzzjoni tal-idroġenu bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli;

35.  Ifakkar li l-produzzjoni ta' trasportaturi kimiċi sintetiċi hija raġonevoli biss meta tintuża l-enerġija rinnovabbli; jitlob żieda fil-miri tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa;

Ħżin elettrokimiku

36.  Jinsab konvint li firxa ta' teknoloġiji tal-batteriji, inkluż dawk b'katini tal-valur diġà stabbiliti sew fl-UE, se jkollhom rwol importanti fl-iżgurar ta' provvista tal-elettriku stabbli u flessibbli; jenfasizza li t-teknoloġiji tal-batteriji huma ta' importanza kruċjali biex jiggarantixxu l-awtonomija strateġika tal-UE u r-reżiljenza tagħha fir-rigward tal-provvista tal-elettriku;

37.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq standards għall-batteriji Ewropej;

38.  Jirrikonoxxi li skemi ta' ġbir u riċiklaġġ li jiffunzjonaw sew kif ukoll proċessi ta' ċiklu magħluq, f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkulari, diġà ġew stabbiliti għal firxa ta' teknoloġiji tal-batteriji, speċjalment katini tal-valur tal-batteriji industrijali u tal-karozzi bbażati fl-UE, pereżempju batteriji startjaturi bil-kejbil, u jemmen li dawk l-iskemi jistgħu jitqiesu bħala pjan iddettaljat għar-riċiklaġġ tal-batteriji;

39.  Jinnota li l-aċċess għas-swieq tal-elettriku u tal-flessibbiltà se jkunu essenzjali biex jiġi realizzat il-potenzjal tal-ħżin tal-batteriji;

40.  Jinsab imħasseb li l-UE għandha kapaċità ta' manifattura ta' batteriji tal-joni tal-litju baxxa ħafna u tiddependi fuq il-produzzjoni li ġejja minn barra l-Ewropa bi trasparenza limitata; jilqa', għalhekk, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u l-Pjan ta' Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji; jitlob li l-espansjoni tagħhom tkopri t-teknoloġiji kollha tal-batteriji disponibbli; jitlob li dawn jingħataw appoġġ kontinwu u li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġika, f'konformità ma' objettivi usa' f'termini ta' ekonomija ċirkolari, ta' strateġija industrijali u ġestjoni tas-sustanzi kimiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissjoni li se tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-batteriji bħala appoġġ għall-Pjan ta' Azzjoni Strateġika u l-ekonomija ċirkolari; jitlob, f'dan ir-rigward analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, l-introduzzjoni ta' disinn ċirkulari, ġestjoni sikura u mmaniġġar matul it-trattament ta' sustanzi perikolużi fil-manifattura taċ-ċelloli, u l-introduzzjoni ta' tikketta tal-impronta tal-karbonju li tiddikkjara l-impatt ambjentali tal-katini tal-valur tal-batterija kollha mqiegħda fis-suq Ewropew; jenfasizza l-importanza li jinħolqu ekosistemi madwar il-katina tal-valur tal-batteriji sabiex tingħata spinta lill-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rekwiżiti tal-ekodisinn biex ittejjeb ir-riċiklabbiltà tagħhom skont id-disinn;

42.  Jinsab imħasseb dwar id-dipendenza qawwija tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima għall-produzzjoni tal-batteriji, inkluż minn sorsi fejn l-estrazzjoni tagħhom tinvolvi degradazzjoni ambjentali, ksur tal-istandards tax-xogħol u kunflitti lokali fuq riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din id-dipendenza fl-istrateġiji rilevanti tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-akkwist sostenibbli ta' materja prima u l-potenzjal ta' sorsi domestiċi ta' materja prima fl-UE; jinsab konvint li skemi tar-riċiklaġġ imsaħħa għall-batteriji jistgħu jipproduċu sehem sinifikanti tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji fi ħdan l-UE;

43.  Jirrikonoxxi l-potenzjal għall-batteriji tal-vetturi elettriċi użati biex jerġgħu jintużaw għall-ħżin tal-enerġija fid-djar privati jew f'unitajiet ta' batteriji akbar; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-batteriji użati bħala skart fid-Direttiva dwar il-Batteriji, indipendentement mill-użu mill-ġdid, tista' sservi bħala ostakolu għal tali użu mill-ġdid; jirrikonoxxi li batteriji użati mill-ġdid mhux qed jerġgħu jiġi rritornati għar-riċiklaġġ u li l-istandards tas-sikurezza mhux qed ikunu kkontrollati meta batterija tiġi adattata għal skop ġdid f'użi b'karatteristiċi differenti minn dawk li oriġinarjament kienet iddisinjata għalihom; jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-responsabbiltà tal-produttur, b'garanziji ta' prestazzjoni u sikurezza, lill-manifattur li jerġa' jintroduċi l-batterija fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) relatati mal-batteriji li jerġgħu jintużaw;

44.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-vetturi elettriċi u l-batteriji tagħhom li jipprovdu, permezz ta' infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi intelliġenti, flessibbiltà lill-grilja bħala parti mir-rispons tad-domanda li jintbagħat, b'hekk titnaqqas il-ħtieġa ta' impjanti ta' riżerva fis-sistema tal-enerġija;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri ta' ġbir u ta' riċiklaġġ ambizzjużi għall-batteriji bbażati fuq frazzjonijiet kritiċi tal-metall meta tirrevedi d-Direttiva dwar il-Batteriji u wara li ssir valutazzjoni tal-impatt; jissottolinja l-ħtieġa li tkompli tiġi promossa r-riċerka u l-innovazzjoni għall-proċessi u t-teknoloġiji ta' riċiklaġġ skont Orizzont Ewropa;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u/jew standards biex il-batteriji minn vetturi elettriċi jiġu adattati mill-ġdid, inklużi proċessi ta' ttestjar u ta' gradazzjoni, kif ukoll linji gwida ta' sikurezza;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-riċerka, l-għarfien espert u l-ħiliet sabiex titrawwem il-produzzjoni tal-batteriji fl-UE;

48.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-passaport globali tal-batteriji fl-iżvilupp ta' katina ta' valur sostenibbli tal-batteriji, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem u l-impatt ambjentali; iqis iċ-ċertifikazzjoni tal-minerali bħala għodda importanti biex tiżgura katini tal-valur sostenibbli tal-batteriji;

Ħżin mekkaniku

49.  Jinnota li l-ħżin ippompjat għandu rwol kruċjali fil-ħżin tal-enerġija; jinsab imħasseb li l-UE mhijiex qiegħda tisfrutta l-potenzjal sħiħ ta' dan il-mod newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u li hu effiċjenti ħafna fil-ħżin tal-enerġija;

50.  Iqis li l-Istati Membri għandhom ifittxu aktar modi biex isaħħu l-kapaċità ta' ħżin ippompjat filwaqt li jitqies l-użu bi skopijiet multipli tar-riservi eżistenti u ġodda; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe ostaklu amministrattiv li qed idewwem dawn il-proġetti u jipprovdu appoġġ regolatorju għal approċċi innovattivi f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lit-tranżizzjoni enerġetika meħtieġa, twettaq reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tipproponi bidliet fejn meħtieġ, filwaqt li timminimizza l-impatt ambjentali;

51.  Jindika li fl-interess tal-protezzjoni tal-ambjent, aġġornamenti tal-faċilitajiet eżistenti u proġetti ta' kapaċità akbar jistgħu jkunu aħjar minn proġetti ġodda;

52.  Jirrikonoxxi l-kontribut ta' teknoloġiji tal-ħżin bħall-arja kkompressata, is-superkapaċitaturi u l-flywheels biex jipprovdu l-flessibbiltà; jirrikonoxxi l-importanza ta' teknoloġija Ewropea ta' flywheels għall-ħżin tal-enerġija u għar-regolazzjoni tal-frekwenzi; jissottolinja l-fatt li din it-teknoloġija hija mezz ta' ħżin u regolazzjoni rilevanti għal grilji intelliġenti jew għal żvilupp ta' grilja strateġika;

Ħżin termali

53.  Iqis li l-ħżin termali (bħal bojlers kbar) u t-tisħin distrettwali f'żoni b'popolazzjoni densa huma għodda effiċjenti ħafna għall-ħżin tal-enerġija li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tintegra sehem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli intermittenti u s-sħana residwa minn proċessi industrijali u s-settur terzjarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jiżviluppaw networks tat-tisħin distrettwali b'effiċjenza enerġetika għolja; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra l-infrastruttura tat-tisħin u l-ħżin termali meta tiżviluppa l-Pjanijiet ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network kemm għan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) kif ukoll għan-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO-G);

54.  Jemmen li l-ħżin termali fl-akwiferi, speċjalment b'rabta mal-użu ta' sorsi ġeotermali, jista' jirrappreżenta għodda innovattiva f'żoni mhux urbanizzati u industrijali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta' dawn is-soluzzjonijiet u jimplimentaw impjanti pilota fuq skala kbira;

55.  Jirrikonoxxi li l-koġenerazzjoni flessibbli tipprovdi soluzzjoni integrata għall-ħżin tal-enerġija li tħares 'il quddiem għall-flessibbiltà tal-grilji tal-elettriku u l-effiċjenza tal-provvista tas-sħana permezz tal-ħżin tas-sħana li jiddiżakkopja l-produzzjoni tal-elettriku mill-konsum tas-sħana; jistieden lill-Istati Membri jesploraw aktar l-integrazzjoni tas-settur, sistemi tal-enerġija intelliġenti u l-użu tat-tisħin eċċessiv pereżempju minn ċentri tad-data, siti industrijali jew sistemi tal-metrò; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kunċetti innovattivi ta' ħżin termali bħall-ħżin tas-sħana f'elettriku u l-ħżin tas-silġ;

56.  Jilqa' l-fatt li t-tisħin distrettwali u n-networks ta' tkessiħ se jkunu eleġibbli għall-finanzjament skont ir-Regolament CEF rivedut, u jitlob l-inklużjoni tagħhom bħala PCIs potenzjali skont ir-Regolament TEN-E;

57.  Jemmen li, f'konformità man-newtralità teknoloġika, it-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija termali għandhom jiġu promossi sabiex jittejbu l-prestazzjoni, l-affidabbiltà u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi eżistenti għall-enerġija li tista' tintbagħat; jemmen li l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-użu fis-suq tal-ħżin termali jistgħu jipprovdu opportunitajiet għal proġetti konġunti sabiex jinkoraġġixxu sħubijiet tal-enerġija bejn il-pajjiżi;

58.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-ħżin tal-bini effiċjenti fl-enerġija permezz ta' mases effettivi għall-ħżin, komponenti tal-bini termali jew massivi jew ħżin tal-ilma kiesaħ jew sħun; jistieden lill-Kummissjoni tixpruna rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza enerġetika fl-istrateġija li jmiss tagħha għal mewġa ta' rinnovazzjonijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul tagħhom filwaqt li jikkunsidraw il-potenzjal tal-ħżin tal-bini;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rwol tal-infrastruttura tal-ħżin termali u tat-tisħin biex iddaħħal il-flessibbiltà fis-sistema tal-enerġija fl-Istrateġija għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija li jmiss;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw it-teknoloġiji tal-ħżin sostenibbli u kosteffiċjenti kollha u l-għażliet ta' flessibbiltà, inklużi dawk dwar is-sħana, bħala parti minn approċċ integrat tas-sistemi tal-enerġija meta jerġgħu jiddisinjaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom f'ekonomiji effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) tagħhom;

Ħżin deċentralizzat - ir-rwol tal-konsumaturi attivi

61.  Jemmen li l-batteriji tad-dar, il-ħżin tas-sħana domestika, it-teknoloġija mill-vettura għall-grilja, is-sistemi intelliġenti tal-enerġija tad-dar, ir-rispons tad-domanda u l-integrazzjoni tas-settur jgħinu biex inaqqsu l-konsum, jipprovdu flessibbiltà u qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fl-iżgurar li l-grilja tal-enerġija tkun effiċjenti u integrata; jemmen li l-istandardizzazzjoni bikrija ta' apparati ġodda, l-informazzjoni għall-konsumatur u t-trasparenza tad-data tal-konsumaturi u swieq tal-elettriku li jiffunzjonaw sew u li jipprovdu aċċess faċli għall-konsumaturi se jkunu kruċjali biex dan jintlaħaq; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-klijenti attivi u tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini fil-proċess tat-tranżizzjoni enerġetika u jemmen li dawn għandhom jiġu promossi b'mod adegwat;

62.  Jinnota r-riluttanza tal-utenti privati biex jipprovdu l-batteriji tal-vetturi tagħhom għas-servizzi tal-ħżin, anke jekk teknikament fattibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inċentivi għall-flessibbiltà pprovduti lill-konsumaturi mid-Direttiva (UE) 2019/944 (id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku), u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni rapida u b'saħħitha tad-dispożizzjonijiet rilevanti; jenfasizza li l-introduzzjoni wiesgħa fis-suq tat-teknoloġija mill-vettura għall-grilja se tirrikjedi interoperabbiltà akbar u, għalhekk, regolamenti jew standards uniformi fl-UE kollha li jeliminaw numru ta' ostakoli, inklużi ostakli amministrattivi, legali u fiskali;

63.  Jirrikonoxxi l-kontribut ta' konsumaturi attivi biex jipprovdu flessibbiltà lis-sistema, pereżempju permezz ta' soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija deċentralizzati u fuq skala żgħira, u finalment għall-ilħuq ta' objettivi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija (pereżempju b'inċentivi fiskali għat-teknoloġiji tal-ħżin tal-batteriji) u jneħħu dawk l-ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jiġġeneraw l-elettriku huma stess jew milli jikkunsmaw jew jaħżnu jew ibigħu l-elettriku ġġenerat minnhom stess lis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod xieraq l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku u tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli) fir-rigward ta' dawk l-artikoli li jistabbilixxu qafas regolatorju għall-awtokonsumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija;

64.  Jissottolinja li l-ħżin deċentralizzat huwa parti kruċjali tal-ġestjoni min-naħa tad-domanda; jenfasizza r-rwol tal-batteriji tal-vetturi elettriċi (EV) fl-għoti ta' flessibbiltà lill-grilja permezz ta' ċċarġjar intelliġenti u mill-vettura għal servizzi x; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas abilitanti li jiżgura li l-funzjonalità li tipprovdi tali servizzi tkun abilitata mill-produtturi tal-EV, mis-software tal-iċċarġjar u l-istazzjoni tal-iċċarġjar, u li tintlaħaq interoperabbiltà sħiħa fil-qafas ta' Direttiva tal-Karburanti Alternattivi riveduta;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(2) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
(3) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(4) ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(6) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(7) ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.
(8) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(9) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(11) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(12) Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
(13) Testi adottati, P8_TA(2019)0217.
(14) Testi adottati, P8_TA(2018)0438.
(15) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 10.
(16) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 23.
(17) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 35.
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).


Reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea
PDF 128kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (2020/2549(RSP))
P9_TA(2020)0199B9-0122/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari adottata fis-17 ta' April 2019 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa(3) u t-talba tiegħu li r-Regolament (UE) Nru 347/2013 dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) jinfetaħ għal reviżjoni fid-dawl tal-miri attwali tal-Unjoni Ewropea rigward il-klima u l-enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 li saret f'Bonn, il-Ġermanja (COP23)(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 li saret f'Katowice, il-Polonja (COP 24)(6),

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv dwar Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, Spanja (COP25)(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 li japprovaw l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-kriterji tas-self għall-enerġija tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (O-000012/2020 – B9-0008/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

A.  billi r-Regolament (UE) Nru 347/2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea ("Regolament TEN-E") jistabbilixxi regoli għall-iżvilupp f'waqtu u l-interoperabbiltà ta' netwerks tat-TEN-E sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni;

B.  billi r-Regolament TEN-E jidentifika kurituri u oqsma tematiċi prijoritarji fl-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, u jipprovdi linji gwida għall-għażla ta' proġetti ta' interess komuni (PCIs); billi r-Regolament TEN-E jistabbilixxi li l-PCIs jistgħu jiksbu appoġġ finanzjarju mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), u li jkun ta' benefiċċju għalihom li jkollhom proċeduri simplifikati għall-għoti tal-permessi, trattament regolatorju speċifiku li jipprovdi aċċess għal mekkaniżmi u inċentivi transfruntiera għall-allokazzjoni tan-nefqa, kif ukoll aktar trasparenza;

C.  billi l-ewwel lista ta' PCIs, stabbilita fl-2013 mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1391/2013, kien fiha 248 PCI, filwaqt li t-tieni lista, stabbilita mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/89, kien fiha 195 PCI, u t-tielet lista, stabbilita mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/540, kien fiha 173 PCI; billi l-Kummissjoni adottat ir-raba' lista ta' PCIs fil-31 ta' Ottubru 2019, u din kien fiha 151 PCI;

D.  billi, kif rifless fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu 2021-2027, il-koleġiżlaturi qablu b'mod proviżorju li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-effikaċja u l-koerenza politika tar-Regolament TEN-E fid-dawl ta', fost l-oħrajn, il-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, l-impenn fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni, u l-prinċipju li l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel; billi din il-valutazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2020;

E.  billi r-Regolament TEN-E ġie approvat qabel l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, ftehim li jinkludi impenn biex iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2 °C aktar mil-livelli preindustrijali u biex isiru sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C aktar mil-livelli preindustrijali;

F.  billi diversi żviluppi biddlu b'mod sinifikanti x-xenarju tal-politika tal-enerġija fl-Unjoni mill-adozzjoni tar-Regolament TEN-E fl-2013;

G.  billi l-enerġija għandha rwol ċentrali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti, u billi l-isforzi biex titkompla d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija għaldaqstant huma meħtieġa biex l-Unjoni tkun tista' tilħaq il-mira ta' emissjonijiet żero netti sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li fl-istess ħin tiġi promossa t-tranżizzjoni f'setturi oħra, u tlaħħaq maż-żieda fid-domanda għall-elettriku;

H.  billi sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-klima u l-enerġija u li tagħti spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Unjoni teħtieġ infrastruttura tal-enerġija aġġornata b'livell għoli ta' prestazzjoni li tibqa' valida fil-futur, tkun kosteffiċjenti u tkun tista' tipprovdi sigurtà tal-provvista tal-enerġija, inkluża d-diversifikazzjoni tar-rotot, tas-sorsi u tal-fornituri;

I.  billi r-Regolament TEN-E jidentifika l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea li għandhom jiġi implimentati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, u jidentifika l-proġetti ta' interess komuni meħtieġa għat-twettiq ta' dawk il-prijoritajiet;

J.  billi l-kurituri prijoritarji, l-oqsma prijoritarji u l-kriterji ta' eliġibbiltà għandhom isegwu l-evoluzzjoni tas-sistema tal-enerġija u għandhom dejjem ikunu konsistenti mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-perkorsi fit-tul għad-dekarbonizzazzjoni;

K.  billi l-introduzzjoni ta' infrastruttura adegwata u l-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika għandhom jiġi implimentati b'mod komplementari sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tal-Unjoni bl-aktar mod kosteffettiv possibbli;

L.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, talab "reviżjoni tal-linji gwida dwar l-enerġija trans-Ewropea (TEN-E) qabel ma tiġi adottata l-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni (PCI)";

1.  Jilqa' t-tħabbira fil-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li r-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-E ser issir fl-2020;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2020, għal reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-E li tqis, b'mod partikolari, il-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, l-impenn fit-tul tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni, u l-prinċipju li l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi gwida tranżitorja dwar l-infiq fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u dwar l-għażla tal-proġetti għall-ħames lista ta' PCIs sa tmiem l-2020, biex jiġi żgurat li l-infiq u l-għażla jkunu konformi mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi;

4.  Jikkunsidra li l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta' PCI stabbiliti fil-linji gwida tat-TEN-E jeħtieġ li jkunu konformi mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, inkluż l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-2050, kif indikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2019, u mal-ħames dimensjonijiet kollha tal-unjoni tal-enerġija, inkluż l-objettiv ta' prezz li jintlaħaq;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
(2) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0420.
(4) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1.
(5) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 70.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0430.
(7) Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
(8) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.


Konklużjoni ta' ftehim bejn l-UE - New Zealand, li għadu qed jiġi nnegozjat, dwar l-iskambju ta' data għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
PDF 147kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehimbejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2019)05512020/2048(INI))
P9_TA(2020)0200A9-0131/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni, mill-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjar ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2019)0551),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ma' New Zealand għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6, 7, 8 u 47 tagħha,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali (ETS Nru 108) tat-28 ta' Jannar 1981 u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, rigward l-awtoritajiet superviżorji u l-flussi transkonfinali tad-data (ETS Nru 181),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/2020 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar il-mandat ta' negozjar biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta' data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tan-New Zealand,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-2019,

–  wara li kkunsidra s-Sejħa ta' Christchurch għall-Azzjoni adottata minn New Zealand, Franza, il-Kummissjoni, il-kumpaniji tat-teknoloġija u oħrajn biex jeliminaw il-kontenut estremista terroristiku u vjolenti online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0131/2020),

A.  billi r-Regolament (UE) 2016/794 jippermetti t-trasferiment ta' data personali lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali sakemm tali trasferiment ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/680, ftehim internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 218 tat-TFUE li jagħti salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, jew ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' kull każ għalih taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati; jenfasizza li l-ftehim jeħtieġ jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta;

B.  billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lill-pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari fl-Artikoli 2, 6, 7, 8 u 47 tagħha, u fl-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop u d-drittijiet ta' aċċess u ta' rettifika; billi dawk il-ftehimiet għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ minn awtorità indipendenti, kif stipulat b'mod speċifiku fil-Karta, u għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;

C.   billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2020-2022(6) jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-attivitajiet tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), b'mod partikolari fil-livell operazzjonali, mhijiex possibbli mingħajr is-sħubija mill-qrib ma' stati u organizzazzjonijiet terzi; billi l-UE u New Zealand għandhom pożizzjoni simili fil-perspettiva tagħhom dwar il-kwistjonijiet globali tas-sigurtà u jsegwu approċċi simili f'dan ir-rigward;

D.  billi l-Europol u l-korp tal-pulizija ta' New Zealand diġà stabbilixxew qafas ta' kooperazzjoni msaħħa permezz ta' arranġament ta' ħidma u memorandum ta' qbil, it-tnejn li huma ffirmati fl-2019, li jippermettu lill-korp tal-pulizija ta' New Zealand jużaw l-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA) u jibagħtu fuq bażi permanenti uffiċjal ta' kollegament fil-kwartieri ġenerali tal-Europol fl-Aja;

E.  billi fil-passat il-Europol ikkonkludiet għadd ta' ftehimiet operattivi dwar l-iskambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi; billi fl-2018, l-Unjoni varat negozjati dwar din il-kwistjoni ma' tmien pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (it-Turkija, Iżrael, it-Tuneżija, il-Marokk, il-Libanu, l-Eġittu, l-Alġerija u l-Ġordan); u billi l-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar il-mandati ta' negozjar għal dawk il-ftehimiet(7);

F.  billi l-Europol ikklassifikat il-livell ta' theddida mit-terroristi Ġiħadisti bħala wieħed għoli, u billi fl-2018 it-terroriżmu kompla jikkostitwixxi theddida mill-ikbar għas-sigurtà fl-Istati Membri; billi għalkemm l-għadd ta' arresti ta' terroristi tal-lemin baqa' f'livell relattivament baxx, żdied għat-tielet sena konsekuttiva; billi l-Istati Membri rrapportaw lill-Europol li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi użaw għodod għall-iskambju tad-data biex jipprevjenu, iħarbtu jew jinvestigaw 129 attakk terroristiku fl-2018;

G.  billi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ilu jissorvelja lill-Europol mill-1 ta' Mejju 2017, u jagħti pariri wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar politiki u leġiżlazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-data, inkluż meta jkunu qed jiġu nnegozjati ftehimiet fis-settur tal-infurzar tal-liġi;

H.  billi fid-dawl tal-attakk terroristiku lemini tal-2019 fuq żewġ moskej f’Christchurch , il-kooperazzjoni operazzjonali li se tiġi formalizzata fl-ambitu tal-ftehim bejn il-Europol u New Zealand, billi tippermetti l-iskambju ta' data personali, tista' tkun essenzjali għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati serji oħra u attakki terroristiċi li jistgħu jkunu ppjanati jew jitwettqu fi ħdan l-UE jew madwar id-dinja;

I.   billi t-trasferimenti ta' data personali miġbura fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali u l-ipproċessar ulterjuri mill-Europol skont il-ftehim jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajjiet tal-individwi kkonċernati;

1.  Iqis li l-kooperazzjoni ma' New Zealand fil-qasam tal-infurzar tal-liġi se tgħin lill-Unjoni Ewropea tkompli tipproteġi iktar l-interessi tas-sigurtà tagħha, speċjalment fl-oqsma tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-tkissir tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tvara malajr u b'mod effiċjenti n-negozjati ma' New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet ta' New Zealand li għandhom il-kompetenza li jiġġieldu lill-kriminalità serja u lit-terroriżmu b'rispett sħiħ tal-linji gwida għan-negozjar adottati mill-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali mogħtija f'din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni tad-data previst fil-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni previst fid-dritt tal-UE, kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika; jinsisti, barra minn hekk, li jekk tali livell ta' protezzjoni ma jkunx iggarantit, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rikonoxximent formali, min-naħa tal-Kummissjoni fl-2012, ta' New Zealand bħala pajjiż li jipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tad-data; billi din id-deċiżjoni, madankollu, tapplika biss għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 u konsegwentement ma tapplikax għal kwistjonijiet ta' infurzar tal-liġi;

3.  Jemmen li l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni bejn l-aġenziji rilevanti kollha tal-infurzar tal-liġi, fl-UE u mas-sħab globali, għandu jingħata prijorità sabiex il-kriminalità serja u t-terroriżmu jiġu miġġielda b'mod aktar effettiv;

4.  Jirrikjedi li l-ftehim ikun fih is-salvagwardji u l-kontrolli meħtieġa kollha fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali spjegata fid-direttivi dwar in-negozjar; jinnota li t-trasferiment ta' data personali sensittiva għandu jkun permess biss f'każijiet eċċezzjonali fejn tali trasferimenti huma strettament meħtieġa u proporzjonati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati koperti mill-ftehim; jenfasizza li għandhom jiġu definiti salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data, għall-persuni marbuta mas-suġġett tad-data u għall-persuni marbuta mar-reat bħalma huma x-xhud u l-vittmi, ħalli r-rispett għad-drittijiet fundamentali jkun iggarantit;

5.  Huwa tal-fehma li, b'konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-ftehim futur għandu jistabbilixxi b'mod espliċitu lista tar-reati li fir-rigward tagħhom tista' tiġi skambjata data personali, b'konformità mad-definizzjonijiet tal-UE ta' reati fejn ikunu disponibbli; iqis li din il-lista għandha tinkludi l-attivitajiet koperti minn tali reati u l-effetti li x'aktarx se jinħolqu ta' tali trasferimenti ta' data personali;

6.  Jenfasizza li d-data personali trasferita għandha tkun relatata ma' każijiet kriminali individwali; jirrimarka li fil-ftehim għandha tiġi inkluża definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali ta' reat, peress li dan il-kunċett huwa meħtieġ sabiex jiġu vvalutati n-neċessità u l-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data;

7.  Jinsisti li l-ftehim ikun fih dispożizzjoni ċara u preċiża li tistabbilixxi l-perjodu ta' żamma għad-data personali li tkun ġiet trasferita lil New Zealand u litipprevedi t-tħassir tad-data fi tmiem dak il-perjodu; jitlob li fil-ftehim jiġu spjegati l-miżuri proċedurali biex tiġi żgurata l-konformità; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ftehim speċifikament jipprevedi r-rieżamijiet perjodiċi tal-perjodi ta' żamma u kwalunkwe ħtieġa ulterjuri li d-data personali tiġi maħżuna, kif ukoll miżuri oħra xierqa biex jiġi żgurat li l-iskadenzi jiġu osservati; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati biex data tinħażen għal perjodu estiż, wara tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni li takkumpanjahom jiġu kkomunikati lill-Europol u lill-KEPD;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-Gvern ta' New Zealand biex jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, liema awtorità superviżjorja indipendenti mogħnija bis-setgħat effettivi ta' investigazzjoni u ta' intervent għandha tkun responsabbli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li jkun hemm qbil dwar tali awtorità u li din tiġi stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espliċitament inkluż fil-ftehim;

9.  Iqis li l-ftehim internazzjonali għandu jinkludi dispożizzjoni li tippermetti lill-UE tissospendi jew tirrevoka l-ftehim f'każ ta' ksur; iqis li huwa importanti li l-korp superviżorju indipendenti għandu wkoll ikollu s-setgħa li jiddeċiedi li jissospendi jew iwaqqaf għalkollox it-trasferimenti tad-data f'każ ta' ksur; iqis li, skont il-ftehim, l-awtoritajiet għandhom jitħallew ikomplu jipproċessaw kwalunkwe data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' tali ftehim; jaqbel li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodika tal-ftehim sabiex jiġi evalwat kemm is-sħab ikunu konformi mal-ftehim, kif il-ftehim ikun qed jiffunzjona fir-rigward tal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol, u r-rispett għal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

10.  Iqis li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni tal-Europol mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand lil awtoritajiet oħra fi New Zealand, inkluż għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, għandhom jiġu permessi biss għall-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol u għandhom jiġu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Europol; jirrimarka li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni tal-Europol mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi m'għandhomx ikunu permessi;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkonsultaw lill-KEPD dwar id-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta' ftehim qabel il-finalizzazzjoni tiegħu u matul in-negozjati;

12.  Iqis li l-ftehim internazzjonali ma' New Zealand għandu jiġbor fih id-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni, ir-rettifika u t-tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ftehim jinkludi regoli ċari u dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġetti tad-data;

13.  Jenfasizza li l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim se tkun subordinata għall-involviment sodisfaċenti tiegħu fl-istadji kollha tal-proċedura; jistenna li jinżamm infurmat b'mod sħiħ u proattiv bil-progress tan-negozjati skont l-Artikolu 218 tat-TFUE u jistenna li jirċievi d-dokumenti fl-istess ħin bħall-Kunsill sabiex ikun jista' jwettaq ir-rwol tiegħu ta' skrutinju;

14.  Jenfasizza li huwa se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim biss jekk tali ftehim ma jippreżentax riskji la għad-drittijiet tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, u lanqas għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra li l-Karta tipproteġi; jindika, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, huwa jista' jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvern ta' New Zealand.

(1) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(2) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(3) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(4) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(5) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(6) Dokument ta' Programmazzjoni tal-Europol 2020-2022 adottat mill-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol fil-25 ta' Marzu 2020, EDOC# 1003783v20E.
(7) ĠU C 118, 8.4.2020, pp. 69-108.


Strateġija għas-sostenibbiltà fir-rigward tas-sustanzi kimiċi
PDF 212kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (2020/2531(RSP))
P9_TA(2020)0201B9-0222/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 168 u 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(1) ("is-Seba' EAP") u l-viżjoni tagħha sal-2050,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("ir-Regolament REACH")(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ("ir-Regolament CLP")(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju u l-verifikazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għal testijiet fuq sustanzi kimiċi(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-21 ta' Ottubru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, u l-emendi sussegwenti tagħha(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (11) ("ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma(14), bħala strument siewi biex jiġi mmonitorjat u indirizzat it-tniġġis kimiku transfruntier fl-ilmijiet tal-wiċċ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari(15),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/2398 tat-12 ta' Diċembru 2017(16), id-Direttiva (UE) 2019/130 tas-16 ta' Jannar 2019(17) u d-Direttiva(UE) 2019/983 tal-5 ta' Ġunju 2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemendaw id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol(18),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi(19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Lejn Strateġija tal-Unjoni għal Politika Sostenibbli dwar is-Sustanzi Kimiċi",

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2019 bit-titolu "Aktar ċirkolarità - Transizzjoni lejn soċjetà sostenibbli",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Qafas Strateġiku Ġdid tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali: It-titjib tal-implimentazzjoni tas-Sikurezza u s-Sikurezza Okkupazzjonali fl-UE",

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024, b'mod partikolari l-ambizzjoni ta' tniġġis żero fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773) u l-analiżi fil-fond li tappoġġa din il-komunikazzjoni(20),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta' ċerti elementi - Konklużjonijiet u Azzjonijiet" (COM(2018)0116) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali" (COM(2018)0734),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi fir-rigward tas-sustanzi bi proprjetajiet li jħarbtu s-sistema endokrinali" (COM(2018)0739),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Is-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni tar-REACH) u l-isfidi, il-lakuni u d-dgħufijiet identifikati" (COM(2019)0264),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar l-aspetti regolatorji tan-nanomaterjali(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart(24),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer ippreżentat mill-Kummissjoni fi Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni dwar Il-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer(25),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar "L-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart" (COM(2018)0032), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2018)0020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(28),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi(29),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2019 dwar qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali(30),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(31),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali(32),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-29 ta' April 2019 dwar il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Global Chemicals Outlook II - From Legacies to Innovative Solutions: Implementing the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Prospettivi Globali għas-Sustanzi Kimiċi II - Mill-Problemi li Writna għal Soluzzjonijiet Innovattivi: implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "L-ambjent Ewropew - L-istat u l-prospetti 2020" (SOER 2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Awwissu 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Study for the strategy for a non-toxic environment of the 7th Environment Action Programme" (Studju dwar l-istrateġija għal ambjent mhux tossiku tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali)(33),

–  wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Jannar 2019 u li ġie aġġornat f'Mejju 2019, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Endocrine Disruptors: From Scientific Evidence to Human Health Protection" (Interferenti Endokrinali: Minn Evidenza Xjentifika għall-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Bniedem)(34),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2019 ikkoordinat mill-Kummissjoni u s-sieħeb organizzatur tagħha, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ikel tad-Danimarka, bit-titolu: "EU Chemicals Policy 2030: Building on the past, moving to the future" (Il-Politika tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għall-2030: nibnu fuq il-passat biex nersqu lejn il-futur),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 05/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "L-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji",

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (O-000044/2020 – B9-0013/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħabbret il-preżentazzjoni ta' Strateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi sas-sajf tal-2020;

B.  billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-TFUE;

C.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha naqsu milli jissodisfaw l-għan 12 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jappella għal ġestjoni soda tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart kollu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, f'konformità mal-oqfsa internazzjonali miftiehma, u għal tnaqqis sinifikanti tar-rilaxx tagħhom fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija sabiex jiġu minimizzati l-impatti negattivi tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent sal-2020; billi jenħtieġu sforzi addizzjonali sostanzjali biex jintlaħaq l-għan 3 tal-SDGs u biex l-għadd ta' mwiet u ta' mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u minn tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas b'mod sostanzjali sal-2030; billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi tista' tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-SDGs;

D.  billi l-proprjetajiet kimiċi, fiżiċi u tossikoloġiċi tas-sustanzi kimiċi jvarjaw ħafna; billi filwaqt li ħafna minn dawn is-sustanzi li huma parti integrali mill-ħajja ta' kuljum mhumiex perikolużi jew persistenti, uħud jistgħu jippersistu fl-ambjent, jakkumulaw fil-katina alimentari u jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem f'konċentrazzjonijiet baxxi;

E.  billi t-tniġġis minn sustanzi kimiċi sintetiċi huwa theddida serja u li qed tikber għas-saħħa pubblika u għall-ambjent; billi, pereżempju, il-kanċer relatat ma' esponiment kimiku perikoluż huwa l-kawża ewlenija ta' mwiet relatati max-xogħol: billi fl-UE jseħħu madwar 120 000 każ ta' kanċer relatat max-xogħol kull sena b'riżultat tal-esponiment għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol, li jwassal għal madwar 80 000 fatalità kull sena(35);

F.  billi r-regolamentazzjoni għandha rwol fundamentali fil-prevenzjoni tal-ħsara minn sustanzi kimiċi perikolużi; billi huwa stmat li f'dawn l-aħħar 20 sena ġew evitati miljun kanċer ġdid parzjalment bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali; billi studju tal-2017 ikkalkula b'mod konservattiv il-benefiċċji kumulattivi tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi fl-UE "f'għexieren ta' biljuni ta' euro fis-sena"(36);

G.  billi strateġija sostenibbli fir-rigward tas-sustanzi kimiċi għandha tnaqqas b'mod effettiv l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi kimiċi perikolużi, u fl-istess ħin għandha ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija Ewropea;

H.  billi t-tniġġis kimiku jikkawża t-telf ta' ekosistemi terrestri u akkwatiċi u jwassal għat-tnaqqis tar-"reżiljenza tal-ekosistema", jiġifieri l-kapaċità ta' reżistenza għall-ħsara u ta' rkupru, li jwassal għal tnaqqis rapidu fil-popolazzjonijiet tal-annimali;

I.  billi fis-26 ta' Ġunju 2019 il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati l-użi mhux essenzjali kollha tas-sustanzi kimiċi perfluworurati (PFAS) minħabba n-natura persistenti ħafna tagħhom u ż-żieda fir-riskji għas-saħħa u l-ambjent(37);

J.  billi fir-rapport tagħha bit-titolu "L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020", l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent esprimiet tħassib dejjem jikber dwar ir-rwol tas-sustanzi kimiċi fil-qagħda mwiegħra tal-ambjent tagħna u wissiet li ż-żieda mistennija fil-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi u fl-emissjonijiet kontinwi ta' sustanzi kimiċi persistenti u perikolużi turi li l-piż kimiku fuq is-saħħa u l-ambjent x'aktarx li mhux se jonqos u li l-politiki attwali mhumiex adegwati biex jindirizzaw għadd kbir ta' sustanzi kimiċi;

K.  billi tenħtieġ tranżizzjoni lejn il-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi li jkunu sikuri sa mid-disinn, inkluż l-użu ta' sustanzi kimiċi inqas perikolużi tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti, biex jitnaqqas it-tniġġis kimiku u tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ekonomija tal-Ewropa; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari jeħtieġ li jindirizza s-sustanzi kimiċi tossiċi sabiex jissodisfa dawn l-għanijiet;

L.  billi l-awtorizzazzjoni ta' sustanzi pprojbiti jew sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs) biex jidħlu fis-suq tal-UE permezz ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi mhijiex konformi mal-għan li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi;

M.  billi huwa tajjeb li l-Kummissjoni qed tiffinanzja proġetti li jippromwovu teknoloġiji diġitali innovattivi biex is-sustanzi kimiċi jiġu traċċati tul il-katina tal-provvista (pereżempju l-blockchain);

N.  billi l-feti, it-trabi, it-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani u l-foqra huma partikolarment suxxettibbli għall-effetti tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi; billi l-familji b'introjtu baxx jistgħu jkunu esposti b'mod sproporzjonat minħabba li spiss jgħixu qrib sorsi kbar ta' rilaxxi, bħal siti għar-rimi ta' skart perikoluż u faċilitajiet ta' produzzjoni(38);

O.  billi l-Kummissjoni qatt ma wettqet l-istrateġija tagħha dwar ambjent mhux tossiku li kienet imwiegħda fl-ambitu tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali; billi issa huwa importanti li l-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża li effettivament timminimizza l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi kimiċi perikolużi, u fl-istess ħin ittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija Ewropea;

P.  billi l-istudji kkummissjonati mill-Kummissjoni (eż. b'rabta mal-istrateġija għal Ambjent Mhux Tossiku u fil-kuntest tal-kontrolli tal-idoneità tar-REACH u tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi għajr ir-REACH) identifikaw lakuni kbar fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-ġestjoni sikura tas-sustanzi kimiċi fl-UE, inklużi inkonsistenzi fil-livell tal-leġiżlazzjoni settorjali u implimentazzjoni insuffiċjenti, u ddeskrivew sett wiesa' ta' miżuri li għandhom jitqiesu;

Q.  billi dawn il-lakuni u l-inkonsistenzi jirrikjedu azzjoni leġiżlattiva sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-riskji li joriġinaw mis-sustanzi kimiċi;

R.  billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun ibbażata fuq l-aħħar għarfien u metodi xjentifiċi indipendenti, u għandha tindirizza wkoll l-esponimenti fil-ħajja reali tul iċ-ċiklu kollha tal-ħajja;

S.  billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu iwettqu "valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti" ta' sustanzi u prodotti attivi fil-pestiċidi u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha twettaq rieżami xjentifiku indipendenti f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel);

1.  Jilqa' l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent mingħajr sustanzi tossiċi; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-settur tas-sustanzi kimiċi fl-ilħuq tal-bosta miri tal-Patt Ekoloġiku, b'mod partikolari l-ambizzjoni ta' tniġġis żero, in-newtralità klimatika, it-tranżizzjoni enerġetika, il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-ekonomija ċirkolari, billi jiġu offruti proċessi u materjali tal-produzzjoni innovattivi;

2.  Iqis li kwalunkwe forma ta' tniġġis jeħtieġ li tiġi evitata jew imnaqqsa għal livelli li ma jibqgħux perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent sabiex ikun possibbli li wieħed jgħix tajjeb, fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta;

3.  Iqis li l-iżgurar li l-użi kollha tas-sustanzi kimiċi, tal-materjali u tal-prodotti jkunu sikuri, sostenibbli u ċirkolari sa mid-disinn huwa miżura upstream essenzjali mhux biss biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, jinkiseb ambjent mingħajr sustanzi tossiċi (arja, ilma, ħamrija) u biex tiġi protetta l-bijodiversità, iżda anki biex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari u kompetittiva;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija komprensiva għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi biex issir il-bidla fundamentali meħtieġa biex tiġi implimentata l-ambizzjoni għal ambjent mingħajr tniġġis, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent, jiġi minimizzat l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-prinċipju ta' prekawzjoni u l-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema, jiġi minimizzat l-użu tal-ittestjar fuq l-annimali, jiġu ppreservati u restawrati l-ekosistemi u l-bijodiversità, u titrawwem l-innovazzjoni f'sustanzi kimiċi sostenibbli, bħala l-bażi għal strateġija Ewropea għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari, sikura u sostenibbli, filwaqt li jissaħħu l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u tingħata spinta lill-impjiegi fl-UE;

5.  Jissottolinja li l-Istrateġija futura għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi trid tindirizza wkoll l-akkwist sostenibbli tal-materjali u l-intensità tal-enerġija fil-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi tul il-katina ta' provvista, kif ukoll l-istandards tas-saħħa, soċjali u ambjentali u d-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għandha tkun koerenti mal-objettivi politiċi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku, u komplementari għalihom, inklużi l-objettivi tal-Liġi dwar il-Klima, il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, u l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer, kif ukoll il-kuntest il-ġdid għall-ekonomija Ewropea wara l-COVID-19;

7.  Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għandha tiddeskrivi s-setturi u l-modi li bihom l-industrija tas-sustanzi kimiċi tista' tikkontribwixxi għal dawn l-objettivi, bħal fil-każ tal-enerġija nadifa, il-materja prima, it-trasport sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni u t-tnaqqis fil-konsum;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija komprensiva fejn is-sostenibbiltà tkun il-pilastru fundamentali, u li għandha tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-politiki rilevanti kollha, inklużi dawk relatati mas-sustanzi kimiċi, il-kummerċ, it-taxxa, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni, u tiżgura l-infurzar tagħhom sabiex tattira l-investiment fl-Ewropa u toħloq swieq għal prodotti ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju;

9.  Jenfasizza li l-industrija tas-sustanzi kimiċi hija ta' importanza sinifikanti għall-ekonomija Ewropea, u li l-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija huma fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; jirrikonoxxi li l-industrija tas-sustanzi kimiċi hija kapaċi tipprovdi diversi soluzzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata l-industrija tas-sustanzi kimiċi sabiex jitwettqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050; jenfasizza li l-promozzjoni tal-innovazzjoni sikura u sostenibbli hija element fundamentali fit-tranżizzjoni minn industrija lineari għal waħda ċirkolari u sostenibbli, li tagħti lil dan is-settur vantaġġ kompetittiv kbir;

10.  Iqis li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikseb koerenza u sinerġiji bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi (eż. REACH, CLP, POPs, merkurju, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bijoċidi, Livelli Massimi ta' Residwi (MRLs), leġiżlazzjoni dwar is-Saħħa u Sikurezza Operazzjonali (OSH)) u l-leġiżlazzjoni relatata tal-Unjoni, inklużi l-leġiżlazzjoni dwar prodotti speċifiċi (eż. ġugarelli, kożmetiċi, materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, prodotti tal-kostruzzjoni, prodotti farmaċewtiċi, imballaġġ, id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss), il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-prodotti (eż. ekodisinn, ekotikketta, politika futura dwar il-prodotti sostenibbli), il-leġiżlazzjoni dwar il-kompartimenti ambjentali (eż. l-ilma, il-ħamrija u l-arja), u l-leġiżlazzjoni dwar is-sorsi ta' tniġġis, inklużi l-installazzjonijiet industrijali (eż. IED, id-Direttiva Seveso III), kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart (eż. id-Direttiva dwar ir-Restrizzjoni ta' Sustanzi Perikolużi (RoHS), id-Direttiva dwar il-Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw (ELV));

11.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jitnaqqas it-trikkib bejn l-oqfsa legali, u bejn il-kompiti allokati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA);

12.  Jenfasizza li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun allinjata mal-ġerarkija tal-azzjonijiet fil-ġestjoni tar-riskji, li tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-esponiment, l-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi perikolużi u s-sostituzzjoni b'alternattivi aktar sikuri, meta jkun fattibbli, minflok miżuri ta' kontroll;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas u jiġi evitat l-esponiment għal sustanzi kimiċi bħall-interferenti endokrinali (EDCs), li ntwera li jikkontribwixxu għal żidiet sinifikanti f'mard kroniku u li wħud minnhom jistgħu jfixklu s-sistema immunitarja u r-risponsi infjammatorji tagħha, fil-kuntest ta' miżuri biex tittejjeb is-saħħa pubblika u tissaħħaħ ir-reżistenza għall-viruses bħas-SARS-CoV-2(39);

14.  Jenfasizza li l-Istrateġija għandha tirrifletti bis-sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rettifikata fis-sors u li min iniġġes għandu jħallas, kif ukoll il-prinċipji kruċjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-Sustanzi Kimiċi bħat-tqegħid tal-oneru tal-prova fuq il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream, u li għandha tapplika dawn il-prinċipji b'mod effettiv;

15.  Iqis li l-mekkaniżmi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jirrappreżentaw għodda tajba biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas filwaqt li jistimolaw l-innovazzjoni;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' objettivi ambizzjużi biex jiżdied l-għadd ta' sustanzi kimiċi eżaminati kull sena, speċjalment fir-rigward tal-proprjetajiet EDC tagħhom;

17.  Jenfasizza l-fatt li din l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha timxi id f'id mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030;

18.  Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika robusta u aġġornata, filwaqt li tqis ir-riskju li joriġina mill-interferenti endokrinali, is-sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti importati, u l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi differenti u sustanzi kimiċi persistenti ħafna, u li azzjoni regolatorja sussegwenti, għajr fuq kwistjonijiet xjentifiċi (eż. identifikazzjoni tal-perikli u klassifikazzjoni tal-perikli)(40), għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjonijiet tal-impatt u għandha tqis il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tiżdied iċ-ċarezza dwar il-prijoritajiet;

19.  Jenfasizza li politika dwar sustanzi kimiċi sostenibbli tirrikjedi azzjoni simultanja fuq diversi aspetti: id-definizzjoni ta' kriterji għal sustanzi kimiċi sostenibbli biex jiġu xprunati investimenti li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, it-titjib tat-traċċar ta' sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti u l-promozzjoni tas-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi aktar sikuri, u l-bini ta' alleanzi ma' setturi ewlenin biex issir ħidma fuq inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari (eż. l-industrija tal-kostruzzjoni, tat-tessuti, elettronika u awtomobilistika);

20.  Jafferma mill-ġdid li l-lakuni u d-dgħufijiet regolatorji kollha fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għandhom jiġu eliminati, li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi implimentata bis-sħiħ u li l-Istrateġija l-ġdida għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi b'mod effettiv għas-sostituzzjoni rapida ta' sustanzi ta' tħassib kbir ħafna u ta' sustanzi kimiċi perikolużi oħra, inklużi l-interferenti endokrinali, is-sustanzi kimiċi persistenti ħafna, is-sustanzi newrotossiċi, is-sustanzi immunotossiċi u l-pollutanti organiċi persistenti, u tindirizza wkoll l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, in-nanoforom ta' sustanzi u l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi mill-prodotti; jemmen li l-istrateġija għandha tikkontribwixxi wkoll għall-effikaċja tal-miżuri ta' kontroll; itenni li kwalunkwe projbizzjoni tas-sustanzi kimiċi msemmija għandha tqis l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà;

21.  Itenni t-tħassib tiegħu li l-leġiżlazzjoni li tipprevjeni l-preżenza ta' sustanzi kimiċi fil-prodotti, inklużi l-importazzjonijiet, hija mifruxa, mhijiex sistematika u lanqas konsistenti u tapplika biss għal numru żgħir ħafna ta' sustanzi, prodotti u użi, spiss b'ħafna eżenzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala parti mill-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi, tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati l-lakuni fil-qafas legali attwali, filwaqt li tagħti prijorità lill-prodotti li l-konsumaturi jiġu f'kuntatt magħhom mill-qrib u ta' spiss, bħat-tessuti, l-għamara, il-prodotti tat-tfal u l-prodotti assorbenti tal-iġjene;

22.  Ifakkar li sal-2020, l-SVHCs rilevanti kollha, inklużi s-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' tħassib ekwivalenti, iridu jitqiegħdu fuq il-lista ta' kandidati tar-REACH; jenfasizza li wara l-2020 se jkunu meħtieġa sforzi biex jiġu identifikati aktar SVHCs possibbli u biex tibqa' tiġi żgurata l-konformità sħiħa tad-dossiers ta' reġistrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi rapidament bl-eliminazzjoni gradwali tal-SVHCs;

23.  Iqis li l-Istrateġija l-ġdida dwar is-Sustanzi Kimiċi għandha tiżgura li ebda sustanza kimika li jkollha effetti potenzjalment negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent ma titqiegħed fis-suq qabel ma l-perikli u r-riskji relatati ma' tali sustanza jkunu ġew ivvalutati bir-reqqa;

24.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġi żgurat finanzjament fuq perjodu medju u twil għal riċerka mtejba u indipendenti dwar kimika ekoloġika, ibbażata fuq is-sikurezza sa mid-disinn biex jiġu żviluppati alternattivi sikuri u sostenibbli, inklużi alternattivi mhux kimiċi, u biex jiġu promossi s-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' ħsara, meta jkun fattibbli, u produzzjoni sostenibbli, filwaqt li jiġu żgurati prekundizzjonijiet adegwati għal innovazzjoni u żvilupp sikuri u sostenibbli ta' sustanzi kimiċi ġodda u aktar sikuri;

25.  Jenfasizza li l-industrija tas-sustanzi kimiċi għandha tipparteċipa b'mod wiesa' f'tali finanzjament;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġu żgurati fondi għall-bijomonitoraġġ uman u l-monitoraġġ ambjentali tal-impatti u l-esponiment għas-sustanzi kimiċi sabiex jittejbu l-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kimiċi, kif ukoll għal kondiviżjoni u użu mtejba tad-data ta' monitoraġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE bejn il-pajjiżi, is-setturi u l-istituzzjonijiet f'oqsma ta' politika rilevanti (eż. l-ilma, is-sustanzi kimiċi, l-arja, il-bijomonitoraġġ, is-saħħa); jenfasizza li l-istudji tal-bijomonitoraġġ uman għandhom jitwettqu b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data;

27.  Iqis li r-riċerka xjentifika għandha tqis ukoll l-epiġenetika meta twettaq testijiet minħabba suspetti ta' tossiċità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dan l-għan u żżid il-koordinazzjoni u l-azzjoni Ewropej fil-qasam tal-bijomonitoraġġ; jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka dwar kwistjonijiet li ma ngħatawx attenzjoni biżżejjed bħall-kanċers relatati mas-sistema endokrinali u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-disturbi endokrinali;

28.  Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament sostenibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni biex jittejjeb il-fehim xjentifiku tal-impatti ta' sustanzi kimiċi perikolużi fuq l-ambjent, is-saħħa, il-bijodiversità u r-reżiljenza tal-ekosistemi, kif ukoll biex tiġi promossa r-riċerka dwar it-titjib ta' metodi għall-identifikazzjoni ta' perikli relatati mas-sustanzi kimiċi;

29.  Itenni l-ħtieġa li l-ittestjar fuq l-annimali jiġi minimizzat u sostitwit b'mod progressiv permezz ta' użu estiż ta' metodoloġiji ġodda ta' approċċ u strateġiji ta' ttestjar intelliġenti, inklużi metodi in vitro u in silico; jappella għal aktar sforzi u fondi għal dan il-fini bil-għan li jiġu stabbiliti valutazzjonijiet tas-sikurezza rapidi, affidabbli u robusti mhux ibbażati fuq l-annimali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha, flimkien ma' dik dwar il-kożmetiċi; jiddispjaċih għall-fatt li għad hemm ostakli għall-utilità u l-aċċettazzjoni ta' metodi ta' ttestjar alternattivi (mhux fuq l-annimali) għal skopijiet regolatorji, parzjalment marbuta ma' fatturi bħal lakuni fil-linji gwida disponibbli dwar l-ittestjar(41) u finanzjament insuffiċjenti għar-riċerka u l-iżvilupp ta' metodi li ma jinvolvux l-annimali; jitlob li tittieħed azzjoni sabiex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni;

30.  Iqis li l-aħjar xjenza disponibbli għandha tintuża bħala punt ta' riferiment għall-validazzjoni ta' metodi ta' approċċ ġodda, minflok mudelli obsoleti bbażati fuq l-annimali;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-validazzjoni u l-introduzzjoni ta' metodi ta' ttestjar mhux fuq l-annimali jiġu aċċellerati b'mod konsiderevoli;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' għodod ta' tossikoloġija predittiva biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni;

33.  Jenfasizza l-fatt li l-projbizzjonijiet fuq l-ittestjar fuq l-annimali stabbiliti mir-Regolament dwar il-Kożmetiċi ma jridux jiġu kompromessi mill-ittestjar imwettaq skont leġiżlazzjoni oħra bħal REACH;

34.  Iqis li l-Istrateġija għandha testendi l-użu tal-valutazzjoni ġenerika tar-riskju għal-leġiżlazzjoni kollha;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi jiġu indirizzati bis-sħiħ u b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha, inkluż billi jitnaqqas l-esponiment u, meta jkun neċessarju, billi ssir reviżjoni tar-rekwiżiti tad-data u billi jiġu żviluppati metodi ġodda ta' ttestjar, preferibbilment bi qbil ma' metodoloġiji maqbula mill-aġenżiji tal-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-ECHA, l-EFSA, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, metodoloġija biex jitqiesu l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, inkluż l-esponiment ikkombinat għal sustanzi kimiċi multipli kif ukoll esponiment minn sorsi differenti, bħal pereżempju fattur ta' valutazzjoni tat-taħlita, u tadatta r-rekwiżiti legali biex dawn l-effetti jiġu indirizzati fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha dwar is-sustanzi kimiċi u l-emissjonijiet;

37.  Jilqa' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "sustanza waħda – valutazzjoni ta' periklu waħda" sabiex ir-riżorsi tal-aġenziji u l-korpi xjentifiċi tal-Unjoni jintużaw aħjar, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, inkluż l-ittestjar, jitnaqqas ir-riskju ta' eżiti diverġenti tal-valutazzjonijiet, titħaffef ir-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi u jiddaħħlu l-konsistenza u t-trasparenza fiha, u jiġu żgurati protezzjoni aħjar tas-saħħa u tal-ambjent u kundizzjonijiet ekwi għall-industrija, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-SMEs;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi database tal-UE dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi li tkun kompletament konnessa u interoperabbli sabiex tiffaċilita l-kondiviżjoni bla intoppi tad-data bejn l-awtoritajiet u tipprovdi aċċess pubbliku għar-riċerkaturi, ir-regolaturi, l-industrija u ċ-ċittadini inġenerali;

39.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej ta' evalwazzjoni EFSA u ECHA flimkien mal-aġenziji nazzjonali, billi jiġu żviluppati linji gwida komuni għall-valutazzjoni tar-riskju, jiġifieri għall-prodotti bijoċidali u fitofarmaċewtiċi, li jqisu l-aktar riżultati xjentifiċi reċenti, sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ aktar integrat għall-valutazzjoni ta' sustanzi kimiċi b'perikli, riskji u funzjonijiet simili bħala grupp wieħed; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tuża approċċ ta' raggruppament ibbażat fuq ix-xjenza b'mod aktar wiesa', kemm fl-evalwazzjoni kif ukoll fl-azzjoni regolatorja sussegwenti, sabiex jiġu evitati sostituzzjonijiet deplorevoli u jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali; jenfasizza li l-approċċ ta' "sustanza waħda – valutazzjoni ta' periklu waħda" la għandu jikkontradixxi u lanqas jimpedixxi l-iżvilupp ta' approċċ ta' raggruppament biex familji ta' sustanzi kimiċi jiġu vvalutati fl-intier tagħhom;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi , bl-appoġġ tal-ECHA, forum għall-analiżi tal-benefiċċji, l-iżvantaġġi u l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta' skema ġdida għall-ittestjar tas-sustanzi kimiċi, fejn l-istudji tas-sikurezza jitwettqu minn laboratorji/istituzzjonijiet iċċertifikati, assenjati fil-qafas tal-proċess regolatorju, bl-ispejjeż jiġu koperti mill-applikanti sabiex jiġi rrispettat l-oneru tal-prova li jitqiegħed fuq il-kumpaniji;

42.  Iqis li huma meħtieġa miżuri regolatorji għall-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, in-nisa tqal u dawk li qed ireddgħu jew l-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni trażversali ta' gruppi vulnerabbli, u tipproponi li, jekk ikun xieraq, l-approċċi eżistenti ta' valutazzjoni xjentifika tar-riskji jiġu adattati kif meħtieġ, u tallinja mal-ogħla standards il-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-sustanzi kimiċi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari għas-sustanzi kimiċi li jakkumulaw u li jippersistu fil-ġisem, dawk li jiġu trażmessi lit-tfal permezz tat-tqala jew il-ħalib tas-sider, u dawk li jista' jkollhom effetti fost il-ġenerazzjoni;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mekkaniżmu effikaċi għall-koordinazzjoni tal-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli billi, pereżempju, jiġu introdotti rekwiżiti konsistenti ta' ġestjoni tar-riskji f'biċċiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi ta' tħassib, inklużi n-newrotossini u l-interferenti endokrinali;

45.  Iqis li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema minn sustanzi kimiċi ta' ħsara;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tifformula proposta leġiżlattiva biex is-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, sabiex din tiġi allinjata mal-mod kif jiġu ttrattati s-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs) f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi (eż. REACH u l-leġiżlazzjoni dwar il-prodott bijoċidali, il-pestiċidi u l-kosmetiċi);

47.  Jenfasizza l-importanza li jiġi meħtieġ li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skont REACH ikunu wkoll preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-esponiment għas-sustanza kkonċernata sabiex ir-riskji jkunu jistgħu jiġu vvalutati kif xieraq u sabiex jittieħdu miżuri tal-ġestjoni tar-riskji adegwati, b'mod partikolari għall-ħaddiema;

48.  Jinnota li l-kanċers okkupazzjonali huma raggruppati flimkien mal-kanċers l-oħra kollha u mhumiex identifikati b'mod ġenerali bħala kanċers okkupazzjonali; jikkundanna l-fatt li, skont diversi analiżi, il-ħaddiema u l-familji tagħhom iġarrbu kważi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-kanċers okkupazzjonali; jinnota li l-kanċers okkupazzjonali huma assoċjati ma' spejjeż estremament għoljin għall-ħaddiema, l-impjegaturi u s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-reġistrazzjoni xierqa tal-kanċers relatati max-xogħol u l-kawżi tagħhom;

49.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm informazzjoni komprensiva dwar ir-riskju kimiku u s-sigurtà kimika disponibbli għall-impjegaturi peress li huma jeħtieġ li jipproteġu u jinfurmaw lill-ħaddiema tagħhom permezz ta' tagħmir protettiv, taħriġ u istruzzjonijiet dwar is-sigurtà korretti u jimplimentaw sistema ta' sorveljanza tajba; jitlob li fil-livell nazzjonali jkun hemm spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi u sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiti tas-sikurezza; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' kumitati tal-prevenzjoni;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar is-sustanzi kimiċi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lin-negozji bil-lingwi kollha tal-UE kif ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista kollha;

51.  Jitlob li l-Istrateġija ttejjeb b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni ta' REACH, fir-rigward tar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni, u tipprovdi ċarezza fuq l-interfaċċa tagħha mal-oqfsa tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u tal-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi; itenni l-prinċipju ta' "ebda data, ebda suq"; jinsisti li r-reġistrazzjonijiet kollha tas-sustanzi għandhom ikunu konformi mill-aktar fis possibbli; jitlob l-aġġornament obbligatorju tad-dossiers ta' reġistrazzjoni, abbażi tal-aħħar xjenza disponibbli, sabiex ir-reġistrazzjonijiet jibqgħu konformi; jitlob trasparenza fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta' reġistrazzjoni, u li l-ECHA tingħata s-setgħa espliċita li tirtira n-numri ta' reġistrazzjoni f'każ ta' nonkonformità kontinwa ma' kwalunkwe rekwiżit; jenfasizza l-importanza ta' programmi bejn l-ECHA u l-industrija fuq bażi volontarja sabiex jittejbu d-dossiers ta' reġistrazzjoni lil hinn mill-konformità; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi qafas li jħeġġeġ tali programmi;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ECHA jaħdmu flimkien biex, sa tmiem din is-sena, jinkludu s-sustanzi ta' tħassib serju ħafna magħrufa attwalment rilevanti kollha fil-lista tal-kandidati, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu l-eks Viċi President tal-Kummissjoni Tajani u l-eks Kummissarju Potočnik fl-2010 u kif imtenni fi pjan direzzjonali tal-Kummissjoni mill-2013(42);

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika r-Regolament REACH kif suppost, b'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16 (l-Iżvezja v. il-Kummissjoni dwar il-kromat taċ-ċomb);

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti f'REACH, b'mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet relatati ma' awtorizzazzjoni jew restrizzjoni;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġi meħtieġ li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkunu preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-użi tas-sustanza kkonċernata sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-eżistenza jew in-nuqqas ta' alternattivi xierqa;

56.  Jitlob li l-proċedura ta' restrizzjoni tittejjeb permezz tar-raggruppament tas-sustanzi u billi jiġu identifikati u ddikjarati b'mod ċar l-inċertezzi xjentifiċi tal-valutazzjoni tar-riskji u ż-żmien meħtieġ biex tiġi ġġenerata l-informazzjoni nieqsa, u billi jitqiesu l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni; jitlob li l-livell ta' evidenza meħtieġ biex jingħataw derogi mir-restrizzjoni proposta jiżdied;

57.  Jitlob lill-ECHA tippubblika l-istudji tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi li jiġu sottomessi mir-reġistranti u mill-applikanti;

58.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura rapida skont l-Artikolu 68(2) ta' REACH relatata mal-użu tal-konsumatur jiġi estiż għas-sustanzi kollha ta' tħassib serju ħafna;

59.  Iqis li hemm bżonn li l-valutazzjoni tar-riskji, inkluża l-evalwazzjoni, u l-ġestjoni tar-risjki tas-sustanzi jitjiebu u jitħaffu b'mod ġenerali, u b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' sustanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi fid-dawl tal-impenn tal-Kummissjoni favur il-ġlieda kontra l-kanċer;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-modalitajiet u l-parametri tat-testijiet li jkopru l-interferenti endokrinali; jinnota li filwaqt li jitwettqu testijiet importanti (eż. fil-qasam tar-riproduzzjoni u l-effetti fuq is-sistema tal-ormon tat-tirojde), ħafna minn dawn it-testijiet għandhom sensittività baxxa u xi kultant varjabbiltà għolja, u dan jagħmel l-impatt tagħhom pjuttost limitat;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu lura milli jawtorizzaw sustanzi u milli japprovaw prodotti b'settijiet ta' data mhux kompleti dwar il-perikli għas-saħħa u għall-ambjent, jew jekk l-applikant ma jkunx jista' juri li ma jeżistux alternattivi xierqa, meta dan ikun prerekwiżit għall-awtorizzazzjoni(43);

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-letteratura xjentifika indipendenti rieżaminata bejn il-pari titqies bis-sħiħ u tingħata l-istess importanza bħall-istudji regolatorji ta' prattika tajba tal-laboratorju (GLP) fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi kollha; jenfasizza li dan huwa mod effikaċi biex isir kontribut għat-tnaqqis tal-ittestjar bla bżonn fuq l-annimali;

63.  Jitlob kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi għal użi intermedji skont REACH, li jiġu applikati biss meta s-sustanza intermedja tinbidel f'sustanza rreġistrata oħra, u li jiġi żgurat kontroll sistematiku ta' konformità sħiħa ma' REACH;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lok għal kontroll regolatorju rapidu, effiċjenti u trasparenti tas-sustanzi kimiċi ta' ħsara, u tiżviluppa u timplimenta sistema ta' twissija bikrija biex jiġu identifikati riskji ġodda u emerġenti sabiex jiġi żgurat segwitu regolatorju rapidu upstream u jitnaqqas malajr l-esponiment ġenerali;

65.  Iqis li wieħed mill-modi kif jinkiseb livell ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent huwa li tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-proċeduri u l-proprjetajiet tas-sustanzi kimiċi; jenfasizza li għandu jsir titjib b'rabta mat-trasparenza fir-rigward tal-konformità tar-reġistranti, il-volum ta' produzzjoni tas-sustanzi kimiċi, ir-rapporti sħaħ ta' studju li jiġġustifikaw l-affidabbiltà tas-sommarju robust tal-istudju (RSS), u l-immappjar tal-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna;

66.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar il-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel għandha tiġi riveduta bi qbil mar-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi u r-Regolament REACH sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u protettiv għas-sikurezza tal-materjali u tal-prodotti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

67.  Jinsisti b'mod partikolari fuq il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni komprensiva u armonizzata tal-materjali kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju ta' "ebda data, ebda suq", valutazzjonijiet komprensivi tas-sikurezza li jindirizzaw il-parametri rilevanti kollha tas-saħħa u s-sikurezza u li jkunu bbażati fuq l-aħħar data xjentifika għas-sustanzi kimiċi kollha użati fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, infurzar effikaċi u informazzjoni mtejba għall-konsumaturi;

68.  Jitlob l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

69.  Jissuġġerixxi t-tfassil rapidu ta' inventarju għall-ġbir tal-aħjar prattiki tar-regolamentazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-livell ta' Stat Membru, inklużi miżuri fil-livell nazzjonali biex jiġi indirizzat l-esponiment għall-interferenti endokrinali u l-fluworokarburi;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura rabta xierqa bejn ir-reviżjoni tar-regolamentazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer;

71.  Huwa mħasseb dwar il-bosta inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigrwad sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs) u sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvBs) identifikati fil-Kontroll tal-Idoneità; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni ċar u, jekk ikun neċessarju, proposti leġiżlattivi dwar kif għandhom jiġu indirizzati s-sustanzi persistenti u mobbli, il-vPvBs u l-PBTs kollha, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt u għarfien xjentifiku, u fi ħdan l-oqfsa stabbiliti, b'kont meħud tal-leġiżlazzjoni u l-media ambjentali rilevanti kollha;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenzi stretti fil-pjan ta' azzjoni dwar is-sustanzi perfluworoalkilati (PFAS) sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali u rapida tal-użi mhux essenzjali kollha tal-PFAS, u taċċelera l-iżvilupp ta' alternattivi sikuri u mhux persistenti għall-użi kollha tal-PFAS bħala parti mill-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi;

73.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-kunċett u l-kriterji ta' "użu essenzjali" ta' sustanzi kimiċi perikolużi, filwaqt li tieħu bħala bażi d-definizzjoni ta' użu essenzjali pprovduta fil-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, sabiex jiġi pprovdut approċċ armonizzat għal miżuri regolatorji dwar użi mhux essenzjali;

74.  Iqis barra minn hekk li s-sustanzi li huma newrotossiċi jew immunotossiċi għandhom jitqiesu bħala ta' tħassib ekwivalenti għas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna skont REACH;

75.  Jafferma mill-ġdid it-talbiet tiegħu tat-18 ta' April 2019 għal qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali (EDCs) u, b'mod partikolari, l-adozzjoni ta' definizzjoni orizzontali bbażata fuq id-definizzjoni tad-WHO għal EDCs suspettati, kif ukoll għal EDCs magħrufa u preżunti b'konformità mal-klassifikazzjoni tas-CMRs fir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi, għal rieżami tar-rekwiżiti tad-data kif xieraq, għal minimizzazzjoni effikaċi tal-esponiment ġenerali tal-bnedmin u tal-ambjent għall-EDCs, għat-tfassil ta' proposti leġiżlattivi biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-EDCs fil-leġiżlazzjoni dwar il-ġugarelli, il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-kożmetiċi biex l-EDCs jiġu ttrattati bħas-CMRs, u biex il-leġiżlazzjoni kollha dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel tiġi riveduta biex l-EDCs jiġu sostitwiti;

76.  Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013(44) għall-iżvilupp ta' metodi ta' ttestjar u dokumenti ta' gwida sabiex jitqiesu aħjar l-interferenti endokrinali, l-effetti possibbli ta' doża baxxa, l-effetti kkombinati u u r-relazzjonijiet mhux monotoniċi bejn id-doża u r-rispons, b'mod partikolari fir-rigward ta' fażijiet kritiċi ta' esponiment matul l-iżvilupp; jenfasizza li l-EDCs għandhom jitqiesu bħala sustanzi mingħajr valur ta' limitu sakemm applikant ma jkunx jista' juri b'mod xjentifiku valur ta' limitu sikur;

77.  Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni ta' REACH) u tintroduċi klassijiet ġodda ta' periklu fir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi u b'mod parallel fis-Sistema Globalment Armonizzata (eż. għal EDCs, tossiċità terrestri, immunotossicità, PBTs u vPvBs);

78.  Iqis li sustanzi li huma persistenti, mobbli u tossiċi (PMT) jew persistenti ħafna u mobbli ħafna (vPvM) għandhom jiżdiedu mal-lista ta' REACH ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna;

79.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-identifikazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi ta' tħassib, bħas-CMRs u l-EDCs, inkluż fil-Pjan Ewropew tagħha biex Jingħeleb il-Kanċer, speċjalment għall-protezzjoni tal-ħaddiema, peress li skont l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), il-kanċer jikkawża 52 % tal-imwiet kollha relatati max-xogħol fl-UE(45);

80.  Jenfasizza li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tintroduċi r-reġistrazzjoni tal-polimeri, testendi r-rekwiżiti ta' informazzjoni standard għas-sustanzi bejn tunnellata u għaxar tunnellati għas-sustanzi kollha ta' dan it-tip, issaħħaħ ir-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-proprjetajiet tossikoloġiċi u dwar l-użi u l-esponiment, inter alia billi jintalab rapport dwar is-sikurezza kimika għal sustanzi bejn tunnellata u għaxar tunnellati, u ttejjeb il-valutazzjoni ta' sustanzi kumplessi (eż. sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli (UVCBs)), b'mod partikolari billi tappoġġja lill-ECHA fl-iżvilupp ulterjuri tas-soluzzjonijiet diġà implimentati, bħal pereżempju l-Profili tal-Identità ta' Sustanza; jitlob l-iżvilupp ta' metodi speċifiċi għall-valutazzjoni ta' dan it-tip ta' sustanza li jippermettu approċċ xjentifiku sod u jkunu applikabbli fil-prattika;

81.  Ifakkar fl-impenn tal-Unjoni li tiżgura s-sikurezza ta' nanomaterjali u materjali manifatturati bi proprjetajiet simili skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u jafferma mill-ġdid it-talbiet tiegħu tal-24 ta' April 2009 għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sabiex tiġi żgurata s-sikurezza għall-applikazzjonijiet kollha ta' nanomaterjali fi prodotti b'impatti potenzjali fuq is-saħħa, l-ambjent jew is-sikurezza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u għall-iżvilupp ta' testijiet adegwati biex jiġu vvalutati l-perikli ta' nanomaterjali u l-esponiment għalihom tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kundizzjonijiet u l-kriterji li skonthom l-użu ta' plastiks bijodegradabbli jew kompostabbli ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu l-kompartimenti ambjentali kollha li fihom jistgħu jiġu rilaxxati dawn il-plastiks u filwat li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni;

83.  Jitlob lill-Kummissjoni tiffinalizza r-rieżami tar-rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni ta' nanomaterjali, tirrevedi dik ir-rakkomandazzjoni kif meħtieġ u tiżgura li n-nanomaterjali jiġu identifikati b'mod konsistenti permezz ta' definizzjoni legalment vinkolanti;

84.  Jesiġi li l-Kummisjoni titlob regolarment lill-ECHA tevalwa l-prestazzjoni u l-impatt tal-Osservatorju tal-UE għan-Nanomaterjali;

85.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti widen għat-talbiet varji tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 għat-titjib tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn pestiċidi b'riskju baxx kif definit skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi billi tippromwovi u tappoġġja l-implimentazzjoni ta' prattiki ta' ġestjoni integrata tal-pesti (IPM), tilħaq l-objettivi tad-direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u taqleb l-objettivi ta' din tal-aħħar fil-leġiżlazzjoni rilevanti, ittejjeb l-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tiżviluppa indikaturi tar-riskju aħjar, tnaqqas l-użu tal-fertilizzanti biex jiġi evitat it-telf tal-ħamrija, u tappoġġja lill-bdiewa biex jilħqu dawn l-objettivi;

86.  Iqis li biex jiġu żgurati l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa Ewropej, is-sustanzi attivi pprojbiti ma għandhomx jidħlu fis-suq tal-UE permezz ta' prodotti importati;

87.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tħaffef l-iżvilupp ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u tistabbilixxi l-2030 bħala mira għall-eliminazzjoni gradwali tal-pestiċidi b'riskju għoli;

88.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti kemm l-użu ta' pestiċidi kimiċi kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw minnhom;

89.  Jissottolinja d-dewmien inkwetanti fit-twettiq tal-programm ta' rieżami u l-ħtieġa li tiġi żgurata (ri)valutazzjoni tas-sikurezza komprensiva u aktar rapida ta' sustanzi attivi bijoċidali, koformulanti u prodotti sħaħ – inkluż għal proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali – biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini u tal-ambjent;

90.  Jissottolinja l-importanza li ssir tranżizzjoni lejn ekonomija verament ċirkolari u newtrali għall-klima u li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi; iqis li oġġetti magħmula minn materjali verġni u dawk magħmula minn materjali riċiklati għandhom jissodisfaw l-istess standards kimiċi; jafferma mill-ġdid li, skont il-ġerarkija tal-iskart, kif definita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart(46), il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi;

91.  Itenni li l-kwistjoni tal-prodotti li jkun fihom sustanzi ta' legat ta' tħassib għandha tiġi ttrattata permezz ta' sistema effiċjenti ta' traċċar u rimi;

92.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-alternattivi biex tiġi indirizzata l-interfaċċja bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart, u b'mod partikolri li s-sustanzi ta' tħassib huma dawk li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta' REACH bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna, is-sustanzi pprojbiti skont il-Konvenzjoni ta' Stokkolma (POPs), is-sustanzi speċifiċi ristretti f'oġġetti elenkati fl-Anness XVII għal REACH u s-sustanzi speċifiċi regolati skont il-leġiżlazzjoni speċifika settorjali u/jew dwar il-prodotti;

93.  Iqis li l-iżvelar tal-informazzjoni mhux kunfidenzjali kollha dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi f'oġġetti tul il-katina tal-provvista lill-konsumaturi u lill-maniġers tal-iskart huwa prerekwiżit biex jinkisbu ċikli ta' materjali mhux tossiċi;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi komprensivi dwar l-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa u l-ambjent, li fost affarijiet oħra jgħinu biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kemm jista' jkun malajr tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni pubblika tal-UE faċli għall-utent, trasparenti, obbligatorja u armonizzata dwar is-sustanzi perikolużi li jinsabu fil-materjali, fl-oġġetti u fl-iskart, u ssir disponibbli malajr fil-lingwi kollha tal-Unjoni;

96.  Jirrimarka li l-Istrateġija għandha tgħin lill-industrija tikseb newtralità klimatika u l-objettiv ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, kif ukoll tappoġġja l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni u l-produzzjoni sikuri u sostenibbli tal-industrija tal-UE, b'konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Industrijali Ġdida; jenfasizza li l-istrateġija għandha tevita piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

97.  Jinnota li l-Istrateġija għandha tgħin lill-industrija tas-sustanzi kimiċi tikseb newtralità klimatika u l-objettivi ta' tniġġis żero, permezz tal-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur integrati ġodda li jikkombinaw is-settur agrikolu u dak kimiku, u tappoġġja wkoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tal-UE;

98.  Jitlob li jingħata appoġġ lill-SMEs, inkluż appoġġ tekniku għas-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi b'alternattivi aktar sikuri, sabiex jiġu megħjuna jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u jsir progress lejn il-produzzjoni u l-użu ta' prodotti sikuri u sostenibbli, billi jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp, l-investiment f'sustanzi kimiċi sostenibbli u l-innovazzjoni teknoloġika taħt programmi tal-Unjoni bħal Orizzont Ewropa;

99.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi għandha titfassal b'tali mod li l-SMEs ikunu jistgħu jimplimentawha bla preġudizzju għal-livell ta' protezzjoni meħtieġa;

100.  Jenfasizza li leġiżlazzjoni li tipprovdi stabbiltà regolatorja u prevedibbiltà hija fundamentali biex tingħata direzzjoni lill-innovazzjoni meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn settur tas-sustanzi kimiċi ċirkolari, sikur u sostenibbli inkluż l-użu sostenibbli ta' materja prima rinnovabbli biex tiġi appoġġjata l-bijoekonomija, u investimenti fit-tul biex jinkiseb ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi; jappoġġja l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f'dan ir-rigward;

101.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi tipprovdi inċentivi għal kimika, materjali (inkluż il-plastik) u teknoloġiji sikuri u sostenibbli, inklużi alternattivi mhux kimiċi, li jkunu sikuri u mhux tossiċi mid-disinn;

102.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Istrateġija għandha toħloq opportunitajiet għaż-żieda ta' teknoloġiji nodfa biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku;

103.  Iqis li l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji u l-produzzjoni ta' tali kimika għandhom jiġu inċentivati fi ħdan l-UE;

104.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji tal-UE għal sustanzi kimiċi sostenibbli abbażi ta' proposta xjentifika tal-ECHA; iqis li dawn il-kriterji għandhom jiġu kkomplementati bi standards tal-prodott (bħall-qafas tal-Politika dwar il-Prodotti sostenibbli);

105.  Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva prodotti sikuri u sostenibbli u produzzjoni nadifa u tintroduċi u/jew tadatta strumenti ekonomiċi (pereżempju tariffi, taxxi ambjentali, responsabbiltà estiża tal-produttur) biex tinkiseb internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanzi kimiċi, inklużi l-ispejjeż tas-saħħa u dawk ambjentali, irrispettivament minn jekk l-użu tagħhom iseħħx fl-Unjoni jew barra minnha;

106.  Ifakkar li l-introjtu li l-ECHA tirċievi mill-imposti se jonqos b'mod sostanzjali; Jitlob reviżjoni tal-mudell ta' finanzjament tal-ECHA u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' finanzjament prevedibbli u sostenibbli, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u fit-tul tagħha u jitneħħew l-ineffiċjenzi kollha, speċjalment dawk dovuti għas-separazzjoni tal-linji baġitarji, filwaqt li jiġu pprovduti kemm ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-domandi li qed jiżdiedu fuq il-ħidma attwali tagħha kif ukoll riżorsi addizzjonali suffiċjenti għal kwalunkwe xogħol addizzjonali meħtieġ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, inkluż persunal fi ħdan l-ECHA ddedikat esklużivament għall-protezzjoni tal-annimali u l-promozzjoni ta' metodi li ma jinvolvux annimali fl-attivitajiet kollha tal-ECHA;

107.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu lura milli jnaqqsu r-riżorsi tal-ECHA fil-proċeduri baġitarji annwali u jipprovdu lill-ECHA b'riżorsi addizzjonali għal kwalunkwe kompitu ieħor li jista' jkun meħtieġ, bħat-twettiq ta' evalwazzjonijiet ta' sustanzi;

108.  Jitlob livelli ta' persunal u baġit adegwati għas-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom il-kompitu li jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi; jenfasizza li l-allokazzjoni tar-riżorsi trid twieġeb għall-prijoritajiet politiċi kemm attwali kif ukoll fit-tul u għaldaqstant, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistenna rinfurzar sinifikanti tar-riżorsi umani b'mod partikolari fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

109.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi; jitlob lill-Istati Membri jallokaw kapaċitajiet suffiċjenti biex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u li l-Kummissjoni u l-ECHA jipprovdu appoġġ adegwat biex dan isir;

110.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq awditu tas-sistemi ta' infurzar fl-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib, issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar, u tipproponi strumenti ta' infurzar tal-UE, fejn meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat mogħtija skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2019/1020(47) sabiex jiġi żgurat l-ittestjar adegwat tal-prodotti madwar l-Unjoni;

111.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jirċievu gwida ċara dwar kif isaħħu s-sistemi ta' infurzar tagħhom fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-korpi ta' infurzar tal-Istati Membri f'dan il-qasam għandhom jiġu msaħħa; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ tali gwida fuq il-bażi ta' awditu tas-sistemi ta' infurzar b'kont meħud tal-esperjenza miksuba taħt il-Forum REACH;

112.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew ta' bliet u komunitajiet lokali ħielsa mill-EDCs bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġu skambjati l-aħjar prattiki, b'analoġija mal-Patt tas-Sindki favur il-Klima u l-Enerġija;

113.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali rapida meta tistabbilixxi li l-liġijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi ma jkunux qed jiġu rispettati; ifakkar fl-osservazzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020(48) li l-proċeduri fil-qasam tal-ksur ambjentali għandhom ikunu aktar effiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida interni tagħha dwar il-proċeduri ta' ksur u tuża l-opportunità tal-komunikazzjoni li jmiss tagħha dwar regolamentazzjoni aħjar biex ikun żgurat infurzar rapidu u effiċjenti tal-liġijiet tal-UE;

114.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li s-sustanzi kimiċi u l-prodotti importati u esportati jirrispettaw l-istess standards bħal dawk li jirregolaw is-sustanzi kimiċi u l-prodotti li jiġu prodotti u użati fl-Unjoni sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi tal-UE u dawk mhux tal-UE; iqis li l-kontrolli tan-nuqqas ta' konformità fl-Unjoni u fil-fruntieri tagħha għandhom jissaħħu, inkluż permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet doganali u l-iżvilupp ta' għodda diġitali speċifika għal dak il-għan, filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-Forum REACH; jilqa' l-pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku(49) u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-proposti li jmiss biex ikun żgurat l-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' sustanzi kimiċi fi ktajjen tal-valur kritiċi bħal dawk relatati mal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, id-diżinfettanti, eċċ., u kwalunkwe riskju għas-saħħa assoċjat;

116.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki biex jiffaċilitaw u jippromwovu manifattura kimika sikura u sostenibbli lura fl-Ewropa fi ktajjen tal-valur strateġiċi bħal dawk tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u d-diżinfettanti, sabiex jerġa' jinkiseb il-kontroll ta' dan il-qasam strateġiku u titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq pajjiżi terzi, jiżguraw aċċess sigur u jevitaw nuqqas ta' mediċini, mingħajr ma jdgħajfu l-benefiċċji li l-ekonomiji miftuħa jiksbu mill-kummerċ internazzjonali;

117.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprojbixxi fl-importazzjonijiet kollha residwi ta' sustanzi perikolużi mingħajr valur ta' limitu pprojbiti fl-UE, peress li m'hemm l-ebda livell sikur ta' esponiment għalihom, u tapplika l-istess livelli massimi ta' residwi (MRLs) għal sustanzi oħra f'importazzjonijiet bħal sustanzi prodotti fl-UE biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi u l-bdiewa tal-UE u dawk mhux tal-UE;

118.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, politikament u finanzjarjament, l-istrutturi u l-proċessi internazzjonali kollha li għandhom l-għan li jiksbu ġestjoni tas-sustanzi kimiċi tajba fuq skala globali;

119.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tniġġis kimiku (inklużi l-pestiċidi) bħala wieħed mill-motivaturi ewlenin tal-kriżi tal-bijodiversità u toħroġ bi proposti legali sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' sustanzi kimiċi persistenti, akkumulattivi u mobbli fl-ambjent u l-effetti avversi tagħhom fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità;

120.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi trid tinkludi wkoll ir-responsabbiltà soċjali u ambjentali tal-industriji u l-kumpaniji tas-sustanzi kimiċi tul il-ktajjen tal-provvista kollha tagħhom;

121.  Iqis li l-istandards tal-Unjoni dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi għandhom jiġu promossi internazzjonalment;

122.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq suċċessur għall-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM), inkluża riforma tal-Programm Speċjali; jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għan-negozjati għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' finanzjament adegwat, prevedibbli u sostenibbli f'dak ir-rigward;

123.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(2) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 3.
(3) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(4) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(5) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(6) ĠU L 169, 2.6.2019, p. 45.
(7) ĠU L 201, 21.7.2012, p. 60.
(8) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 44.
(9) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(10) ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.
(11) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.
(12) ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.
(13) ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.
(14) ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1.
(15) ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1.
(16) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 87.
(17) ĠU L 30, 31.1.2019, p. 112.
(18) ĠU L 164, 20.6.2019, p. 23.
(19) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33.
(20) https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_analysis_in_support_en_0.pdf
(21) ĠU C 184, 8.7.2010, p. 82.
(22) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(23) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 10.
(24) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(25) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12154-Europe-s-Beating-Cancer-Plan/public-consultation
(26) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 136.
(27) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 183.
(28) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(29) Testi adottati, P8_TA(2019)0082.
(30) Testi adottati, P8_TA(2019)0441.
(31) Testi adottati, P8_TA(2020)0005.
(32) ĠU C 41, 6.2.2020, p. 45.
(33) https://op.europa.eu/s/nJFb
(34) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/608866/IPOL_STU(2019)608866_EN.pdf
(35) https://osha.europa.eu/mt/themes/work-related-diseases/work-related-cancer
(36) NU, Global Chemicals Outlook II: summary for policymakers.
(37) Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-26 ta' Ġunju 2019, "Lejn Strateġija tal-Unjoni għal Politika Sostenibbli dwar is-Sustanzi Kimiċi", punt 14.
(38) NU, Global Chemicals Outlook II: summary for policymakers.
(39) https://www.ehn.org/toxic-chemicals-coronavirus-2645713170.html
(40) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14.
(41) Konstatazzjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni tar-REACH) u l-isfidi, il-lakuni u d-dgħufijiet identifikati (COM(2019)0264).
(42) https://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%205867%202013%20INIT
(43) Kif iddikjarat fis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16 (l-Iżvezja v. il-Kummissjoni dwar il-kromat taċ-ċomb).
(44) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali, ĠU C 36, 29.1.2016, p. 85.
(45) https://visualisation.osha.europa.eu/osh-costs#!/
(46) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(47) Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(48) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, Testi adottati (Testi adottati, P9_TA(2020)0015).
(49) Komunikazzjoni tal-10 ta' Marzu 2020, COM(2020)0094.


Dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) 2016/1628) ***I
PDF 137kWORD 45k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (COM(2020)0233 – C9-0161/2020 – 2020/0113(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0233),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0161/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Ġunju 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Lulju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

P9_TC1-COD(2020)0113


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2020/1040.)

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


It-twettiq ta' provi kliniċi ta' prodotti mediċinali u l-provvista ta' dawn il-prodotti għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus ***I
PDF 138kWORD 45k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twettiq ta’ provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali u l-provvista ta’ dawn il-prodotti għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus (COM(2020)0261 – C9-0185/2020 – 2020/0128(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0261),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 114 u 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0185/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-3 ta' Lulju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Lulju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twettiq ta’ provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-provvista ta’ dawn il-prodotti

P9_TC1-COD(2020)0128


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2020/1043.)


Politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu - il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra
PDF 194kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra (2020/2686(RSP))
P9_TA(2020)0204B9-0207/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Kummissjoni, adottat fl-24 ta' Lulju 2019, li jikkonsisti f'komunikazzjoni politika bit-titolu "Fit-Triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (COM(2019)0360), ir-rapport dwar il-valutazzjoni ta' każijiet reċenti allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE ("post-mortem") (COM(2019)0373), ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali (SNRA)) (COM(2019)0370) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2019)0650), u r-rapport dwar l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta' data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji (COM(2019)0372),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(1), u kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI(4), id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali(5) u r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea(7), u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tat-2 ta' Ġunju 2020, bit-titolu "L-irkupru tal-assi u l-konfiska: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ" (COM(2020)0217),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2019 dwar prijoritajiet strateġiċi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-24 ta' Lulju 2019 dwar komunikazzjonijiet lil entitajiet taħt superviżjoni rigward ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'superviżjoni prudenzjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 bit-titolu: "Il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia(13),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' Pajjiżi Terzi b'Riskju Kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018 bit-titolu "Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849" (SWD(2018)0362),

–  wara li kkunsidra l-erba' Regolamenti Delegati adottati mill-Kummissjoni – (UE) 2016/1675(14), (UE) 2018/105(15), (UE) 2018/212(16) u (UE) 2018/1467(17) – li jissupplementaw id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont il-Kummissjoni, madwar 1 % – EUR 160 biljun – tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni huwa involut f'attività finanzjarja suspettuża(21) bħal ħasil tal-flus marbut ma' korruzzjoni, traffikar ta' armi u bnedmin, traffikar ta' drogi, evażjoni tat-taxxa u frodi, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw iċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

B.  billi skont il-Europol, għall-perjodu 2010-2014, 2,2 % tar-rikavat stmat minn attività kriminali ġew sekwestrati jew iffriżati proviżorjament u 1,1 % biss tal-profitti kriminali ġew ikkonfiskati fil-livell tal-UE, li jfisser li 98,9 % tal-profitti kriminali stmati ma ġewx ikkonfiskati u jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-kriminali(22);

C.  billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) issaħħaħ permezz tal-adozzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'Mejju 2015 u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'April 2018 u t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sa Ġunju 2017 u Jannar 2020 rispettivament, u permezz ta' leġiżlazzjoni u azzjonijiet oħra ta' akkumpanjament; billi t-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus mhux dejjem ġiet implimentata kif suppost fl-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni ma fetħet l-ebda proċedura ta' ksur; billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu kif suppost ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fid-dritt nazzjonali u bdew proċeduri kontra maġġoranza kbira ta' Stati Membri li ma kkomunikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jew il-komunikazzjoni miżuri parzjali tat-traspożizzjoni tal-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus(23);

D.  billi f'Marzu 2019 il-Parlament adotta riżoluzzjoni ambizzjuża dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li kkonkludiet li kien hemm bżonn tiġdid maġġuri tar-regoli eżistenti tal-UE kontra l-ħasil tal-flus;

E.  billi fis-7 ta' Mejju 2020 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni(24) għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

F.  billi fl-istess data, ġiet ippubblikata l-metodoloġija l-ġdida għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi fir-rigward tal-AML/CTF, li ma tiddependix biss fuq sorsi ta' informazzjoni esterni; billi miżuri ta' diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti se jiġu applikati għal pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi b'riskju kbir taħt din il-metodoloġija, f'konformità mal-obbligi stabbiliti skont ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

G.  billi xenarju leġiżlattiv, istituzzjonali u regolatorju frammentat madwar l-UE fil-qasam AML/CTF joħloq spejjeż u piżijiet addizzjonali għal dawk li jipprovdu servizzi transfruntiera, jinċentiva lin-negozji biex jirreġistraw fejn ir-regoli huma aktar laxki, u jippermetti lill-individwi, lill-organizzazzjonijiet u lill-intermedjarji finanzjarji tagħhom iwettqu attivitajiet illegali fejn is-superviżjoni u l-infurzar huma meqjusa aktar dgħajfa u/jew aktar klementi; billi l-qafas leġiżlattiv attwali AML/CTF jirriżulta f'interpretazzjonijiet u prattiki differenti tal-AMLD madwar l-Istati Membri;

H.  billi kien hemm numru ta' rivelazzjonijiet fir-rigward tal-AML/CTF matul dawn l-aħħar ftit snin, inkluż iżda mhux limitat għal każijiet imsemmija fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta' każijiet allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE, l-iskandlu Cum Ex dwar l-arbitraġġ tad-dividendi u r-rivelazzjonijiet ta' Luanda Leaks; billi rivelazzjonijiet addizzjonali jiġu ppubblikati b'mod regolari u spiss jikkonċernaw l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u każijiet ta' korruzzjoni fl-Istati Membri; billi dan juri l-ħtieġa li l-UE tibqa' tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala prijorità u li taġġorna l-qafas leġiżlattiv AML/CTF tagħha;

I.  billi fl-2019, l-uffiċċju tal-awditjar intern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) wettaq awditu dwar l-implimentazzjoni tal-qafas AML/CTF tiegħu, l-aktar mill-2017 'il quddiem, li indika diskrepanzi sinifikanti f'parti relatata mal-adattament mhux komplut tal-qafas; billi l-BEI fassal pjan biex jagħlaq il-lakuni identifikati kollha sa Lulju 2020;

J.  billi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) f'Mejju 2020 wissiet(25) li ż-żieda fil-kriminalità relatata mal-COVID-19, bħalma huma l-frodi, iċ-ċiberkriminalità u d-direzzjoni ħażina u l-isfruttament tal-fondi tal-gvern u l-għajnuna finanzjarja internazzjonali, qed toħloq sorsi ġodda ta' rikavati għal atturi illeċiti; billi l-Europol wissa wkoll dwar il-modi li bihom il-kriminali malajr ħadu l-opportunitajiet biex jisfruttaw il-kriżi billi adattaw il-modi ta' operazzjoni tagħhom u żviluppaw attivitajiet kriminali ġodda, jiġifieri permezz taċ-ċiberkriminalità, il-frodi, il-falsifikazzjoni u kriminalità organizzata kontra l-proprjetà(26); billi l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaħdmu mal-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jidentifikaw u jimmitigaw ir-riskji AML/CFT speċifiċi li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 u jadattaw l-għodod superviżorji tagħhom(27);

K.  billi mill-aħjar 10 ġurisdizzjonijiet ta' segretezza fid-dinja, kif ikklasifikati mill-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja tat-Tax Justice Network, tnejn minnhom huma Stati Membri tal-UE, ieħor qiegħed fl-Ewropa u tnejn huma territorji extra-Ewropej ta' pajjiż li kien Stat Membru tal-UE; billi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni trid għalhekk tibda fi ħdan l-UE;

L.  billi skont l-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja 2020, il-pajjiżi li jappartjenu għall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huma responsabbli għal 49 % tas-segretezza finanzjarja kollha fid-dinja;

M.  billi l-fatturazzjoni kummerċjali qarrieqa tintuża biex jiġu evitati t-taxxi u/jew id-dazji doganali, biex jinħaslu rikavati minn attività kriminali, biex jiġu evitati l-kontrolli tal-munita u l-profitti jiġu trasferiti offshore; billi d-diskrepanzi fil-valur minħabba fatturazzjoni kummerċjali qarrieqa identifikati fil-kummerċ bejn 135 pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp u 36 ekonomija avvanzata tul il-perjodu ta' 10 snin 2008-2017 laħħqu mat-USD 8,7 triljun(28);

Pjan ta' Azzjoni tal-UE u l-qafas AML/CTF

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tistabbilixxi l-kuntest għal aktar titjib, b'mod partikolari fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Unjoni tavvanza fuq is-sitt pilastri kollha ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni kemm jista' jkun malajr;

2.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twassal ġabra unika ta' regoli fil-qasam tal-AML/CTF, inkluż billi tibdel il-partijiet rilevanti tal-AMLD f'regolament biex tiżgura sett aktar armonizzat ta' regoli biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-oqsma li ġejjin li għandhom jiġu koperti b'dan ir-regolament: l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji; il-lista ta' entitajiet marbutin b'obbligu u l-obbligi ta' rappurtar tagħhom; ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta mal-klijenti, inklużi dawk relatati ma' persuni politikament esposti; id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u l-mekkaniżmi ċentralizzati dwar il-kontijiet tal-pagament u l-kontijiet tal-bank; il-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs); l-istandards għas-superviżjoni kemm tal-entitajiet marbutin b'obbligu finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji, u l-protezzjoni tal-individwi li jirrappurtaw suspetti ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu; jemmen li jista' jkun hemm il-bżonn li jiġu adottati standards tekniċi addizzjonali, iżda li miżuri ta' armonizzazzjoni essenzjali għandhom jiġu indirizzati fir-regolament sabiex jiġi żgurat ir-rwol proprju tal-Parlament u tal-Kunsill bħala koleġiżlaturi f'dan il-qasam estremament sensittiv;

3.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta, fit-12-il xahar li ġejjin, arkitettura istituzzjonali ġdida tal-UE għall-AML/CTF mibnija fuq superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ tal-UE għall-FIUs; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ tal-UE fil-forma ta' FIU tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-responsabbiltajiet tas-superviżur AML/CTF ikopru entitajiet marbutin b'obbligu finanzjarju u mhux finanzjarju b'setgħat ta' superviżjoni diretta fuq ċerti entitajiet marbuta b'obbligu skont id-daqs tagħhom jew ir-riskju li jippreżentaw, kif ukoll is-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE mis-superviżuri nazzjonali; jitlob li jkun hemm diviżjoni ċara tas-setgħat rispettivi tal-UE u tas-superviżuri nazzjonali kif ukoll ċarezza dwar il-kundizzjonijiet għal superviżjoni diretta mis-superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE wara valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju, kif ukoll meta l-imġiba jew l-azzjonijiet tas-superviżuri nazzjonali jitqiesu bħala mhux adegwati u/jew insuffiċjenti; jitlob li s-superviżur AML/CTF fil-livell tal-UE u l-FIU tal-UE jingħataw indipendenza baġitarja u funzjonali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-ġabra unika tar-regoli fil-qasam AML/CTF biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu integrati setturi ġodda u ta' tfixkil tas-suq, kif ukoll l-innovazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi fl-istandards internazzjonali, u tiżgura li l-forniment tas-servizzi jkun kopert bl-istess mod bħall-provvista ta' oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-riskji tal-kriptoassi billi tinforza l-prinċipju "kun af lill-klijent tiegħek" b'mod wiesa' filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-entitajiet b'obbligu mhux finanzjarju jiġu soġġetti għal superviżjoni simili għal entitajiet finanzjarji, minn awtorità pubblika indipendenti fil-livell nazzjonali, u biex tiżgura li l-livelli ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, konformità u sanzjonar f'każijiet ta' mġiba ħażina minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali indipendenti jkunu adegwati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet AML/CTF ma twassalx għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi ostakoli eċċessivi għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li jkun hemm reġistri interkonnessi u ta' kwalità għolja tas-sidien benefiċjarji fl-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-tnaqqis tal-livell limitu għall-identifikazzjoni ta' sid benefiċjarju, b'kont meħud tal-prattiki fl-Istati Uniti, u tissuġġerixxi l-ħolqien ta' reġistri pubblikament aċċessibbli għas-sidien benefiċjarji ta' trusts u arranġamenti simili; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti biex jingħalqu l-lakuni eżistenti li jippermettu lill-kumpaniji jaħbu s-sidien benefiċjarji aħħarin tagħhom wara persuni delegati, kif ukoll tippermetti li l-kumpaniji jitolbu t-terminazzjoni ta' relazzjoni ta' negozju fil-każ li s-sid benefiċjarju aħħari ma jkunx jista' jiġi identifikat; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-armonizzazzjoni tal-informazzjoni fir-reġistri katastali u tal-artijiet u taħdem favur l-interkonnessjoni ta' dawk ir-reġistri; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien ma' dan ir-rapport, jekk ikun xieraq;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' data suffiċjenti u preċiża fir-reġistri nazzjonali li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati sidien benefiċjarji aħħarin, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn jintuża netwerk ta' kumpaniji tal-isem; jitlob li l-istandards ta' trasparenza rigward is-sjieda benefiċjarja jissaħħu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li huma jipprovdu mekkaniżmi ta' verifika relatati mal-preċiżjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment ta' reġistri tas-sjieda benefiċjarja fl-Istati Membri sabiex tiżgura li dawn jiffunzjonaw kif xieraq u tipprovdi aċċess pubbliku għal data ta' kwalità għolja;

7.  Jilqa' l-pjan biex tiġi żgurata l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi ċentralizzati ta' pagament u kontijiet bankarji madwar l-UE, sabiex jiġi ffaċilitat aċċess aktar rapidu għall-informazzjoni finanzjarja għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-FIUs matul fażijiet differenti ta' investigazzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera f'konformità sħiħa mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-regoli dwar l-ammont ta' informazzjoni li għandha tinġabar waqt l-inkorporazzjoni ta' entitajiet korporattivi u l-ħolqien ta' entitajiet legali oħra, trusts u arranġamenti legali simili, u biex tipproponi dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent meta jinfetħu kontijiet finanzjarji, inklużi kontijiet bankarji;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett aktar armonizzat ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-livell tal-UE għal nuqqas ta' konformità mar-regolamenti AML/CTF;

Implimentazzjoni tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus

10.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li ma nfetħu l-ebda proċeduri ta' ksur għal implimentazzjoni mhux korretta tat-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ tali proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri meta jkunu ġġustifikati; jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus minn għadd kbir ta' Stati Membri; jilqa', għalhekk, l-approċċ ta' tolleranza żero tal-Kummissjoni u l-bidu ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri abbażi tas-sejbiet tal-kontrolli tal-kompletezza tagħha; jinsab imħasseb serjament li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tal-10 ta' Jannar 2020, kif ukoll l-iskadenzi rispettivi tal-10 ta' Jannar 2020 għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u legali oħra u l-10 ta' Marzu 2020 għal trusts u arranġamenti legali simili, ma ġewx rispettati mill-Istati Membri; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet għadd ta' proċeduri ta' ksur u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta' ksur addizzjonali kontra Stati Membri abbażi tas-sejbiet tal-kontrolli tal-kompletezza tagħha mill-aktar fis possibbli;

11.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-kontrolli tal-korrettezza għar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus ma setgħux jitwettqu mill-Kummissjoni nnifisha minħabba nuqqas ta' kapaċità u qed jieħdu diversi snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva li għandha titlesta, u b'hekk ittardjaw ulterjorment l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi AML/CTF fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza kemm jista' jkun malajr kontrolli tal-korrettezza bir-reqqa u tiftaħ proċeduri ta' ksur ulterjuri meta jkun meħtieġ; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx u ma implimentawx ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus biex jagħmlu dan immedjatament u b'mod xieraq; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ġenerali ta' infurzar f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u ta' ħasil tal-flus fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi mill-qrib ħafna u tieħu azzjoni aktar b'saħħitha u aktar deċiżiva f'dan ir-rigward;

12.  Jilqa' l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet AML/CTF fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal ċerti Stati Membri, adottati mill-Kunsill fil-kuntest taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta, b'mod partikolari, jekk l-unitajiet tal-FIUs għandhomx biżżejjed riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jittrattaw b'mod effettiv ir-riskji AML/CTF;

Lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tiġi stabbilita lista griża ta' pajjiżi terzi potenzjalment b'riskju kbir, bl-istess mod bħall-approċċ kurrenti tal-Unjoni fl-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tul tal-perjodu ta' tnax-il xahar li jwassal għall-valutazzjoni finali fl-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'defiċjenzi strateġiċi jirriskja li jikkawża dewmien żejjed għal azzjonijiet AML/CTF effettivi; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ma tistrieħx biss fuq il-proċess ta' elenkar tal-FATF u hija lesta li tuża l-kriterji msaħħa pprovduti mill-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, biex twettaq valutazzjoni awtonoma ta' pajjiżi terzi, li għandha tkun ħielsa minn indħil ġeopolitiku;

14.  Għandu dubji dwar l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha intitolat "Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849", li tiddefinixxi pajjiżi li jippreżentaw "livell aktar importanti ta' theddid" b'żewġ kriterji li għandhom jiġu ssodisfati t-tnejn li huma; jirrakkomanda li l-pajjiżi li jippreżentaw "theddida sinifikanti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu" b'mod awtomatiku jitqiegħdu immedjatament fil-lista ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx mingħajr aktar kundizzjonijiet addizzjonali u għandhom jitneħħew mil-lista ladarba l-impenji neċessarji tagħhom jiġu implimentati bis-sħiħ;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess pubblikament trasparenti b'parametri referenzjarji ċari u konkreti għall-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippubblika l-valutazzjonijiet tagħha tal-pajjiżi evalwati u elenkati sabiex tiżgura skrutinju pubbliku b'tali mod li l-valutazzjoni ma tistax tiġi abbużata;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kontromiżuri kontra pajjiżi terzi li jonqsu milli jikkooperaw mal-investigazzjonijiet AML/CTF Ewropej, inklużi dawk marbuta mal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia;

Superviżjoni kurrenti tal-UE

17.  Jenfasizza li l-qafas kurrenti AML/CTF tal-UE jbati minn nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; jappoġġja l-estensjoni diġà adottata tas-setgħat tal-EBA, iżda jtenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-kapaċità tal-EBA li twettaq valutazzjoni indipendenti minħabba l-istruttura ta' governanza tagħha;

18.  Jitlob l-esklużjoni tal-entitajiet b'sede f'rifuġji fiskali mill-aċċess għall-mezzi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-appoġġ maħluq fl-ambitu tar-risposta għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll lill-BĊE, biex iqisu r-riskji tal-kriminalità finanzjarja meta jwettqu l-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP), kif dawn diġà għandhom is-setgħa li jagħmlu skont il-qafas leġiżlattiv eżistenti; jitlob li l-BĊE jkollu s-setgħa li jirtira l-liċenzji ta' kwalunkwe bank li jopera fiż-żona tal-euro u li jikser l-obbligi AML/CTF, indipendentement mill-valutazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali AML;

20.  Jistieden lill-EBA twettaq inkjesta dwar ir-rivelazzjonijiet tal-Luanda Leaks, b'mod partikolari biex tivvaluta jekk kienx hemm ksur tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-UE, u biex tivvaluta l-azzjonijiet meħuda minn superviżuri finanzjarji; jistieden lill-EBA toħroġ rakkomandazzjonijiet xierqa għal riforma u għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati; jistieden lil awtoritajiet kompetenti oħra fil-livell nazzjonali biex jibdew jinvestigaw jew ikomplu bl-investigazzjonijiet fir-rivelazzjonijiet tal-Luanda Leaks u biex iressqu quddiem il-qorti lill-partijiet ikkonċernati li jinstab li qed jiksru r-regoli AML/CTF;

21.  Jenfasizza r-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv internazzjonali u tal-informaturi fl-esponiment ta' reati possibbli ta' korruzzjoni, ta' ħasil tal-flus u ta' mġiba ġenerali ħażina minn persuni esposti politikament, kif ukoll ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji u mhux finanzjarji li possibbilment jinfiltraw fondi akkwistati illegalment fis-sistema finanzjarja tal-UE mingħajr kontrolli xierqa;

22.  Jinnota bi tħassib li l-Luanda Leaks, kif ukoll skandli oħra preċedenti, bħal Cum Ex, il-Panama Papers, Lux Leaks u l-Paradise Papers, ripetutament heżżew il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi finanzjarji u tat-taxxa tagħna; jenfasizza kemm huwa kruċjali li tinkiseb lura l-fiduċja tal-pubbliku u li jiġu żgurati sistemi tat-taxxa ġusti u trasparenti u ġustizzja fit-taxxi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE jeħtiġilha tindirizza b'mod serju l-problemi interni tagħha stess, jiġifieri fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet ta' tassazzjoni baxxa u ta' segretezza tagħha;

23.  Jinnota l-fatt li l-EBA u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) wettqu inkjesti separati fi skemi ta' arbitraġġ tad-dividendi; jieħu nota tar-riżultati tal-inkjesta tal-persunal tal-EBA u l-pjan ta' azzjoni tagħha ta' 10 punti għall-2020-2021 biex issaħħaħ il-qafas futur ta' rekwiżiti prudenzjali u kontra l-ħasil tal-flus li jkopru skemi bħal dawn; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li inkjesta tal-EBA ħadet aktar minn 18-il xahar biex ikkonkludiet li kien hemm bżonn li tiftaħ investigazzjoni formali; jistieden lill-ESMA twettaq inkjesta bir-reqqa u tippreżenta rakkomandazzjonijiet ambizzjużi malajr kemm jista' jkun; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' azzjoni viżibbli mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u biex jinvestigaw u jressqu quddiem il-qorti entitajiet u persuni responsabbli għal dawn il-prattiki illegali ta' arbitraġġ tad-dividendi, kif ukoll in-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet;

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

24.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni laqgħet l-appell ripetut tal-Parlament għal valutazzjoni tal-impatt dwar l-stabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u appoġġ għall-FIUs tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' FIU tal-UE bħala opportunità biex tappoġġja l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet suspettużi b'natura transfruntiera u twettaq analiżi konġunta għal kollaborazzjoni transfruntiera; jissuġġerixxi li dan il-mekkaniżmu jkollu s-setgħa li jipproponi miżuri ta' implimentazzjoni komuni jew standards għal kooperazzjoni bejn l-FIUs u biex jippromwovi t-taħriġ, il-bini tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-lezzjonijiet għall-FIUs; jenfasizza l-importanza li dan il-mekkaniżmu jingħata aċċess għall-informazzjoni rilevanti fl-Istati Membri differenti u jingħata s-setgħa li jaħdem fuq każijiet transfruntiera;

25.  Jitlob li jiġu adottati inizjattivi ulterjuri li jistgħu jinfurzaw azzjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali fl-AML/CTF, pereżempju li jitwessgħu l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u li jissaħħu l-aġenziji eżistenti bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Eurojust; jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ bi proposta biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol kif indikat fil-programm ta' ħidma aġġustat tagħha u jfakkar li mandat imsaħħaħ għandu jimxi id f'id ma' skrutinju parlamentari adegwat; jemmen li t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Europol li jitlob il-ftuħ ta' investigazzjonijiet transfruntiera, b'mod partikolari f'każijiet ta' attakki serji kontra l-informaturi u l-ġurnalisti investigattivi li għandhom rwol essenzjali fl-esponiment tal-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u għemil ħażin ieħor fis-setturi pubbliċi u privati, għandu jkun prijorità;

26.  Jilqa' l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew tal-Kriminalità Ekonomika tal-Europol, li se jsaħħaħ l-appoġġ operattiv ipprovdut lill-Istati Membri u lill-korpi tal-UE fl-oqsma tal-kriminalità finanzjarja u ekonomika u jippromwovi l-użu sistematiku ta' investigazzjonijiet finanzjarji;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta dwar qafas Ewropew għall-investigazzjonijiet tat-taxxa transfruntiera u reati finanzjarji transfruntiera oħra;

28.  Jistieden, għal dak il-għan, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-UPPE, u jqis li l-Istati Membri kollha li għadhom ma ħabbrux l-intenzjoni tagħhom li jingħaqdu mal-UPPE biex jagħmlu dan; jitlob l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani realistiċi, kif ukoll il-ħatra ta' prosekuturi delegati full-time mill-Istati Membri, biex ilaħħqu mal-ammont kbir ta' xogħol mistenni tal-UPPE;

29.  Josserva li r-riżorsi baġitarji u umani proposti mhumiex biżżejjed biex jipprovdu appoġġ sħiħ għall-investigazzjonijiet relatati mal-AML u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni eżistenti, bħan-Netwerk Operazzjonali Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMON) u l-pjattaforma ta' skambju FIU.net;

Aspetti oħra relatati

30.  Jissottolinja l-potenzjal ta' kooperazzjoni xierqa bejn is-settur pubbliku u dak privat, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati possibbli (PPPs), fil-kuntest tal-ġbir ta' intelligence finanzjarja għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jridu jintużaw aħjar fil-futur, pereżempju pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-FIUs u s-settur privat; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jikkontribwixxu, b'mod partikolari billi jaqsmu l-prattiki attwali li jaħdmu tajjeb matul il-konsultazzjoni pubblika; huwa tal-fehma li tali kooperazzjoni għandha tirrispetta b'mod strett il-limiti tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali ċar għall-istabbiliment ta' pjattaformi tripartitiċi, li jirregolaw id-dmirijiet u l-profili tal-parteċipanti u jiżguraw il-konformità mal-istess sett ta' regoli għall-iskambju ta' informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, is-sigurtà tad-data, id-drittijiet ta' dawk suspettati u drittijiet fundamentali oħra; huwa tal-fehma li rispons f'waqtu u komplut dwar l-effikaċja tar-rapporti ta' suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu u segwitu għalihom huwa kruċjali biex il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ssir aktar effettiva;

31.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex kemm jista' jkun malajr jeliminaw gradwalment l-iskemi kollha eżistenti ta' ċittadinanza permezz ta' investiment (CBI) jew ta' residenza permezz ta' investiment (RBI), speċjalment meta ma jkunx hemm biżżejjed verifika u jkun jeżisti nuqqas ta' trasparenza, sabiex tiġi minimizzata t-theddida spiss marbuta mal-ħasil tal-flus, l-imminar tal-fiduċja reċiproka u l-integrità taż-żona Schengen, flimkien ma' riskji oħra politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kemm jista' jkun malajr dwar il-miżuri li biħsiebha tieħu fir-rigward tal-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza ta' investituri kif ukoll kwalunkwe konklużjoni tal-Grupp ta' Esperti tagħha li nħoloq għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta jekk humiex issodisfati l-prekundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri għall-ksur tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-infurzar mill-Istati Membri tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska(29) biex jiġi ffaċilitat l-irkupru transfruntier ta' assi kriminali u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-data eżistenti dwar assi sekwestrati u kkonfiskati; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi li jmiss tinkludi dispożizzjonijiet biex tiffaċilita l-iffriżar amministrattiv għall-FIUs u qafas legali li jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex isegwu u jwettqu talbiet ta' revoki mingħajr xkiel, kif ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu kooperazzjoni transfrutiera rapida bejn l-awtoritajiet f'dan ir-rigward; huwa mħasseb li r-riżultati ġenerali f'termini ta' assi kkonfiskati mhumiex sodisfaċenti u li r-rati ta' konfiska fl-UE għadhom baxxi ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-regoli dwar l-użu ta' assi kkonfiskati fl-interess pubbliku jew għal skopijiet soċjali u biex taħdem biex tiżgura r-ritorn ta' assi kkonfiskati lil vittmi f'pajjiżi barra mill-UE;

33.  Jilqa' l-possibbiltà deskritta mill-Kummissjoni li s-superviżur AML/CTF tal-UE jiġi fdat b'kompetenzi biex jimmonitorja u jappoġġja l-implimentazzjoni ta' ffriżar tal-assi taħt miżuri restrittivi (sanzjonijiet) tal-UE madwar l-Istati Membri kollha;

34.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1673, li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi kriminali u li tiffaċilita kooperazzjoni transfruntiera aktar effiċjenti u aktar rapida bejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex tipprevjeni b'mod aktar effettiv il-ħasil tal-flus u l-finanzjament relatat mat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jitlob li ssir analiżi ulterjuri tal-ħtieġa li jiġu armonizzati r-regoli eżistenti, inkluża d-definizzjoni ta' xi reati predikati tal-ħasil tal-flus, bħal reati fiskali;

35.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE)  2019/1153, u jistenna l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ħtieġa tal-estensjoni tad-definizzjoni ta' informazzjoni finanzjarja għal kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-entitajiet marbutin b'obbligu, u l-proporzjonalità tagħha, u li tkun disponibbli għall-FIUs, kif ukoll dwar l-opportunitajiet u l-isfidi fir-rigward ta' estensjoni tal-iskambju ta' informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja bejn l-FIUs fi ħdan l-Unjoni biex jiġu koperti skambji relatati ma' reati kriminali serji għajr it-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata assoċjati mat-terroriżmu;

36.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 tista' taffettwa l-kapaċità tal-gvernijiet u l-atturi tas-settur privat li jimplimentaw l-istandards AML/CTF; jistieden lill-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-EBA, biex twettaq konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-AML/CTF sabiex jiġu vvalutati r-riskji speċifiċi u d-diffikultajiet tal-AML/CTF derivati mit-tifqigħa tal-COVID-19, u biex jitfasslu, fuq dik il-bażi, linji gwida konkreti għal reżiljenza u infurzar aħjar;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-UE titkellem b'vuċi waħda fil-livell globali tal-qafas AML/CTF, b'mod partikolari billi jippermettu lill-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fl-FATF, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u kif inhu l-każ għal oqsma oħra ta' politika;

38.  Jappella għal linji gwida aktar ċari mill-korpi fil-livell tal-UE bħall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u l-konformità mal-qafas AML/CTF, jiġifieri rigward l-obbligi ta' diliġenza dovuta u ż-żamma tad-data, peress li l-korpi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data ħarġu approċċi diverġenti fil-passat fi Stati Membri differenti;

39.  Jitlob li jkun hemm aktar riżorsi umani u finanzjarji li għandhom jiġu allokati lill-unità rilevanti fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u jilqa' l-fatt li ġew allokati riżorsi addizzjonali lill-EBA;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw bis-sħiħ u b'mod trasparenti l-każijiet kollha ta' ħasil ta' flus u ta' reati relatati rrappurtati, bħall-każijiet ta' qtil u vjolenza kontra l-informaturi u l-ġurnalisti; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħolqien ta' premju Daphne Caruana Galizia li għandu jingħata mill-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet Maltin biex jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jidentifikaw l-instigaturi tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u biex ikomplu jinvestigaw lil dawk li kontrihom allegazzjonijiet serji ta' ħasil tal-flus għadhom pendenti mindu r-rapporti tagħha ġew ikkonfermati mir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers; jistieden lill-awtoritajiet Maltin, barra minn hekk, biex iwettqu investigazzjonijiet dwar intermedjarji finanzjarji marbuta ma' Mossack Fonseca li għadhom joperaw f'Malta, u jinsab imħasseb dwar l-awtoregolamentazzjoni ineffettiva tal-professjoni tal-kontabilità; jitlob l-estradizzjoni ta' ex proprjetarju u president ta' Pilatus Bank lejn Malta issa li twaqqgħu l-akkużi kontrih mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti b'riżultat ta' kwistjonijiet proċedurali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex iressqu quddiem il-qorti lill-bankier dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus u ta' reati finanzjarji oħra;

41.  Jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' superviżjoni effettiva, kif żvelat matul l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-superviżuri Daniżi u Estonjani fil-kuntest tal-iskandlu tad-Danske Bank; jinsab imħasseb, barra minn hekk, dwar l-iskandlu reċenti tal-Wirecard, kif ukoll dwar ir-rwol tal-awtorità superviżorja finanzjarja tal-Ġermanja BaFin u n-nuqqasijiet potenzjali tagħha; jinnota n-nuqqas tal-awtoregolamentazzjoni tal-professjoni ta' kontabilità f'dan il-każ; jinnota li l-klassifikazzjoni ta' din il-kumpanija FinTech bħala kumpanija ta' "teknoloġija" minflok bħala fornitur ta' servizzi ta' pagament kellha rwol ċentrali fin-nuqqasijiet regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-problema b'mod urġenti billi tiżgura li l-kumpaniji ta' pagament jiġu kklassifikati b'mod korrett; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jibdew inkjesta dwar il-EUR 1,9 biljun nieqsa u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga modi kif ittejjeb il-funzjonament tas-settur tal-kontabilità, inkluż permezz ta' awditi konġunti;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(2) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(3) ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1.
(4) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.
(5) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22.
(6) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6.
(7) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(8) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(9) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(10) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 111.
(11) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0328.
(13) Testi adottati, P9_TA(2019)0103.
(14) ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1.
(15) ĠU L 19, 24.1.2018, p. 1.
(16) ĠU L 41, 14.2.2018, p. 4.
(17) ĠU L 246, 2.10.2018, p. 1.
(18) Testi adottati, P8_TA(2019)0216.
(19) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(20) Testi adottati, P9_TA(2019)0022.
(21) Politico, "Dirty money failures signal policy headaches for new Commission" (Nuqqasijiet fil-kwistjoni tal-ħasil tal-flus iwasslu għal uġigħ ta' ras politiku għall-Kummissjoni l-ġdida), 24 ta' Lulju 2019.
(22) Europol, "Does crime still pay? – Criminal Asset Recovery in the EU – Survey of Statistical Information 2010-2014" (Għad hemm benefiċċji fil-kriminalità? – Rkupru tal-Assi Kriminali fl-UE – Stħarriġ tal-Informazzjoni Statistika 2010-2014", 1 ta' Frar 2016.
(23) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, "Anti-money laundering directive V (AMLD V) – transposition status" (Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD V) – stat ta' traspożizzjoni), 2 ta' Ġunju 2020.
(24) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800).
(25) Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, "COVID-19-related Money Laundering and Terrorist Financing – Risks and Policy Responses" (Ħasil tal-Flus u Finanzjament tat-Terroriżmu relatati mal-COVID-19 – Riskju u Reazzjonijiet Politiċi), Mejju 2020.
(26) Europol, "Pandemic profiteering: how criminals exploit the COVID-19 crisis" (Profitt mill-Pandemija: kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19), 27 ta' Marzu 2020.
(27) Awtorità Bankarja Ewropea, "EBA statement on actions to mitigate financial crime risks in the COVID-19 pandemic", (Dikjarazzjoni tal-EBA dwar azzjonijiet biex jiġu mmitigati r-riskji tal-kriminalità finanzjarja waqt il-pandemija tal-COVID-19), 31 ta' Marzu 2020.
(28) Global Financial Integrity, "Trade-Related Illicit Financial Flows in 135 Developing Countries: 2008-2017", 3 ta' Marzu 2020.
(29) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1.


L-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19
PDF 161kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19 (2020/2691(RSP))
P9_TA(2020)0205RC-B9-0216/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 9, 114, 153, 169 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 168 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID‑19 u l-konsegwenzi tagħha(1),

–  wara li kkunsidra l-manifest tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku mill-COVID‑19(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-COVID‑19 uriet l-interdipendenzi bejn is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-pjaneta tagħna u l-vulnerabbiltajiet tagħna; billi l-feġġien ta' mard żoonotiku li jittrasferixxi mill-annimali għall-bnedmin huwa aggravat mit-tibdil fil-klima antropoġeniku, il-qerda tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali;

B.  billi l-manifest tal-WHO għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku mill-COVID‑19 jistabbilixxi sitt preskrizzjonijiet għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku:

   a. Li jitħares u jiġi ppreservat is-sors tas-saħħa tal-bniedem: in-natura;
   b. Li jsir investiment fis-servizzi essenzjali, mill-ilma u s-sanità, sal-enerġija nadifa fil-faċiliatjiet tal-kura tas-saħħa;
   c. Li tiġi żgurata tranżizzjoni enerġetika f'saħħitha u malajr;
   d. Li jiġu promossi sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli;
   e. Li jinbnew bliet f'saħħithom u abitabbli;
   f. Li l-flus tal-kontribwenti tat-taxxa ma jibqgħux jintużaw biex jiġi ffinanzjat it-tniġġis;

C.  billi din ir-riżoluzzjoni se tiffoka fuq il-kamp ta' applikazzjoni aktar dejjaq tal-politiki tas-saħħa pubblika kif imsemmi fl-Artikolu 168 u l-Artikolu 114 TFUE;

D.  billi l-COVID‑19 enfasizzat il-fatt li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex għodod b'saħħithom biżżejjed biex tindirizza emerġenza tas-saħħa bħat-tixrid ta' mard infettiv ġdid, li min-natura tiegħu ma jafx fruntieri;

E.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tiddeskrivi s-saħħa bħala "stat sħiħ ta' benesseri fiżiku, mentali u soċjali u mhux biss bħala n-nuqqas ta' mard jew infermità";

F.  billi d-dritt għas-saħħa fiżika u mentali huwa dritt fundamentali tal-bniedem; billi kull persuna, mingħajr diskriminazzjoni, għandha d-dritt li jkollha aċċess għal kura tas-saħħa moderna u komprensiva; billi l-kopertura tas-saħħa universali hija Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li l-firmatarji kollha impenjaw ruħhom li jilħqu sal-2030;

G.  billi l-Artikolu 168 TFUE jistipula li "livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni", u billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'diversi digrieti qalet li l-UE tista' ssegwi objettivi ta' saħħa pubblika permezz ta' miżuri relatati mas-suq intern;

H.  billi, skont l-Artikolu 168 TFUE, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u kura medika, inklużi l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika u l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom;

I.  billi għad hemm lok biex l-Unjoni Ewropea twettaq aħjar il-politika tas-saħħa pubblika fil-parametri eżistenti tat-Trattati; billi d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa pubblika skont it-Trattati għadhom fil-biċċa l-kbira mhux utilizzati biżżejjed f'termini tal-użu possibbli tagħhom biex iwettqu l-impenji(3);

J.  billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika jinsabu taħt pressjoni kbira biex jiżguraw kura adegwata għall-pazjenti kollha; billi kwalunkwe miżura biex jitnaqqas id-defiċit pubbliku m'għandhiex twassal għal nuqqas ta' fondi għas-sistema tal-kura tas-saħħa jew għat-tbatija tal-pazjenti;

K.  billi huwa magħruf li l-aċċess għall-kura tas-saħħa transfruntiera, u koordinazzjoni u promozzjoni aħjar tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri, jistgħu jġibu magħhom ħafna benefiċċji għas-saħħa pubblika(4);

L.  billi x-xejriet demografiċi attwali, l-aċċess għat-trattament għal kulħadd, il-prevalenza għolja ta' mard kroniku, is-saħħa elettronika/id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa amplifikaw l-enfasi fuq il-politika tas-saħħa pubblika tal-Unjoni Ewropea;

M.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 intitolata "Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE" (COM(2009)0567) tenfasizza li, madwar l-UE, jeżisti diżlivell soċjali fl-istat tas-saħħa; billi l-WHO tiddefenixxi dan id-diżlivell soċjali bħala r-rabta bejn l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u l-inugwaljanzi fl-oqsma tas-saħħa u tal-aċċess għall-kura tas-saħħa; billi l-inugwaljanzi fis-saħħa għandhom għeruqhom fl-inugwaljanzi soċjali f'termini tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u mudelli ta' mġiba soċjali marbutin mal-ġeneru, ir-razza, l-istandards tal-edukazzjoni, l-impjiegi, id-dħul u d-distribuzzjoni inugwali tal-aċċess għall-għajnuna medika, għall-prevenzjoni tal-mard u għas-servizzi ta' promozzjoni tas-saħħa;

N.  billi l-UE attwalment tirregola l-prodotti li għandhom impatt fuq is-saħħa u l-eżiti tas-saħħa, inklużi t-tabakk, l-alkoħol, l-ikel u s-sustanzi kimiċi, kif ukoll il-farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku;

O.  billi r-reżistenza antimikrobika (AMR) tippreżenta riskju serju tas-saħħa globali għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

P.  billi jeżistu regolamenti u politiki tal-UE dwar il-provi kliniċi u dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali(5), u billi jinsabu għaddejjin diskussjonijiet dwar il-proposta dwar il-valutazzjonijiet tat-teknoloġija tas-saħħa;

Q.  billi r-riċerka dwar is-saħħa hija ffinanzjata permezz tal-Programm Orizzont 2020 u l-qafas futur ta' Orizzont Ewropa, il-Programm tas-Saħħa u l-programm li jmiss tal-Programm L-UE għas-Saħħa, kif ukoll b'fondi oħra tal-UE; billi l-programm L-UE għas-Saħħa, li għalih hemm propost baġit ta' EUR 9,4 biljun, huwa indikazzjoni qawwija tar-rwol dejjem akbar tal-UE f'termini tal-politika tas-saħħa pubblika;

R.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol huma kollha aġenziji Ewropej b'funzjonijiet importanti tas-saħħa pubblika;

S.  billi l-infrastruttura attwali għar-rispons ta' emerġenza, inkluż iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transfruntier għas-Saħħa u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ġiet ittestjata sal-limiti tagħha matul din il-kriżi tas-saħħa;

T.  billi l-ħaddiema fis-setturi tas-saħħa u tal-kura ġew esposti għal riskji għoljin b'mod inaċċettabbli u, f'xi każijiet, ġew imġiegħla jieħdu deċiżjonijiet dwar min seta' u ma setax jirċievi kura tas-saħħa intensiva; billi ħafna ħaddiema essenzjali, transfruntiera u staġjonali, u ħaddiema f'industriji bħall-biċċeriji u tal-produzzjoni tal-ikel kienu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli;

U.  billi l-kriżi tal-COVID‑19 bidlet il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħafna ħaddiema fl-Ewropa, filwaqt li enfasizzat xi kwistjonijiet li kienu diġà jeżistu qabel u qajmet mistoqsijiet ġodda rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

V.  billi l-COVID‑19 affettwat b'mod sproporzjonat lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, lill-minoranzi etniċi, lir-residenti fid-djar tal-kura, lis-servizzi residenzjali għall-persuni anzjani u lill-persuni b'diżabbiltà;

W.  billi l-aċċess ggħal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ġie affettwat b'mod negattiv matul il-kriżi tas-saħħa, u n-nisa, it-tfal u l-persuni LGBT+ kienu f'riskju ogħla li jkunu vittmi ta' vjolenza u diskriminazzjoni;

X.  billi ħafna mill-effetti fit-tul fuq is-saħħa tal-COVID‑19, inklużi l-effetti fuq is-saħħa mentali, għadhom mhumiex magħrufa;

Y.  billi l-kriżi tas-saħħa tal-COVID‑19 u t-tixrid tagħha fl-Ewropa kixfu d-differenza fil-kapaċità bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, u wrew li, f'ċirkustanzi fejn tfiġġ theddida mhux mistennija għas-saħħa, xi Stati Membri jistgħu isiru dipendenti fuq il-pajjiżi ġirien tagħhom li għandhom sistemi reżiljenti biżżejjed;

Z.  billi l-approċċi differenti li ntużaw fl-UE għall-ġbir ta' data relatata mal-COVID‑19 għamluha diffiċli li d-data titqabbel;

AA.  billi l-kriżi tal-COVID‑19 uriet l-importanza tal-politiki tas-saħħa bbażati fuq l-evidenza, inklużi inizjattivi għall-prevenzjoni u t-trattament; billi l-miżuri preventivi għandhom ikunu proporzjonati;

AB.  billi l-akkwist konġunt tal-UE ntuża b'suċċess għall-akkwist ta' tagħmir protettiv personali, kits għat-testijiet, ventilaturi u ċerti mediċini, għalkemm il-mekkaniżmu wera li kien aktar bil-mod u inqas effikaċi milli kien meħtieġ; billi l-kapaċità tal-UE ssaħħet biex tinkludi riżerva ta' riżorsi ewlenin bħal maskli, ventilaturi, u tagħmir tal-laboratorju, li se jingħataw fejn l-aktar hemm bżonnhom;

AC.  billi daħlu fis-seħħ bosta arranġamenti ad hoc matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID‑19, inkluż il-bord ta' esperti tal-Kummissjoni u l-linji gwida għat-trattament tal-pazjenti u t-twassil ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra;

AD.  billi l-katini tal-provvista farmaċewtika jiddependu fuq ingredjenti farmaċewtiċi attivi jew ġeneriċi li huma manifatturati f'pajjiżi terzi, xi drabi minn fabbrika waħda biss madwar id-dinja; billi l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID‑19 enfasizzaw il-periklu tad-dipendenza sħiħa fuq dawn il-ktajjen tal-provvista;

AE.  billi l-konsegwenzi psikoloġiċi tal-COVID‑19 ġew enfasizzati f'ħafna rapporti u studji, u persuni ta' kull età ġew affettwati mill-ħtieġa tal-iżolament soċjali għal perjodu ta' żmien twil biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus;

AF.  billi tinħtieġ azzjoni urġenti li tindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani;

AG.  billi xi Stati Membri jbatu b'mod sinifikanti mill-eżodu tal-imħuħ, fejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa tagħhom bi kwalifiki għoljin jagħżlu li jaħdmu fi Stati Membri b'paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar minn tagħhom;

AH.  billi l-eżitazzjoni għall-vaċċini u l-impatt tagħha fuq is-saħħa pubblika huma ta' tħassib dejjem akbar; billi tinħtieġ aktar ċarezza dwar il-benefiċċji u r-riskji tal-immunizzazzjoni fl-organizzazzjoni u t-twassil ta' programmi ta' tilqim fl-Istati Membri;

AI.  billi l-konferenza tad-donaturi ospitata mill-Kummissjoni fl-4 ta' Mejju 2020 biex jinkisbu EUR 7,5 biljun għall-iżvilupp ta' vaċċini, trattamenti u għodod bħala ġid komuni globali b'rabta mal-COVID‑19 fis-27 ta' Mejju 2020 kienet laħqet il-EUR 15,9 biljun; billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha bl-isem "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456), iddikjarat li "kull vaċċin futur irid jiġi prodott mid-dinja, għad-dinja kollha u jkun affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd";

AJ.  billi l-Istrateġija tal-UE għat-Tilqim tiddependi fuq ftehimiet antiċipati ta' xiri iżda ma ssemmix id-disponibbiltà skont il-kost;

AK.  billi l-flessibilitajiet previsti fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), li reġgħu ġew affermati fid-Dikjarazzjoni ta' Doha, jistgħu jintużaw għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fi kriżijiet tas-saħħa pubblika;

AL.  billi t-theddid transfruntier jista' jiġi indirizzat biss b'mod konġunt u għalhekk jeħtieġ il-kooperazzjoni u s-solidarjetà tal-komunità internazzjonali kollha;

1.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jisiltu t-tagħlimiet tajbin mill-kriżi tal-COVID‑19 u jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni ħafna aktar b'saħħitha fil-qasam tas-saħħa; jappella għalhekk għal għadd ta' miżuri biex tinħoloq Unjoni Ewropea tas-Saħħa;

2.  Jenfasizza li t-Trattat jippermetti li tittieħed ħafna aktar azzjoni Ewropea milli ttieħdet s'issa; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet kollha, u jistieden lill-Istati Membri jħarsu lejn l-għażliet b'mod aktar pożittiv milli għamlu fl-imgħoddi;

3.  Jappoġġja bil-qawwa l-approċċ tas-"saħħa fil-politiki kollha" u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, bl-integrazzjoni tal-aspetti tas-saħħa fil-politiki kollha rilevanti bħall-agrikoltura, it-trasport, il-kummerċ internazzjonali, ir-riċerka, l-ambjent u l-protezzjoni tal-klima, kif ukoll b'valutazzjoni sistematika tal-impatt fuq is-saħħa ta' dawn il-politiki;

4.  Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID‑19 għadha m'għaddietx u li, jekk ma neżerċitawx approċċ prudenti, se jkun hemm aktar infezzjonijiet u fatalitajiet; huwa ferm favur li jittieħdu miżuri effikaċi biex jipprevjenu u jikkontrollaw l-infezzjonijiet;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab globali jiżguraw l-aċċess rapidu, ugwali u affordabbli għall-vaċċini u t-trattamenti futuri kollha għall-COVID‑19 hekk kif dawn isiru disponibbli, għall-popli kollha madwar id-dinja;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod formali l-Pul ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID‑19 (C-TAP), u jippermettu l-kondiviżjoni massima tal-għarfien, il-proprjetà intellettwali u d-data relatati mat-teknoloġija dwar is-saħħa marbutin mal-COVID‑19, għall-benefiċċju tal-pajjiżi u ċ-ċittadini kollha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw is-salvagwardji kollettivi favur il-pubbliku rigward il-finanzjament pubbliku, bħat-trasparenza, il-klawżoli tal-aċċessibbiltà u tal-affordabbiltà u l-liċenzji mhux esklużivi għall-isfruttament tal-prodotti finali, fis-sejħiet attwali u futuri kollha għal finanzjament u investiment;

8.  Jappella għad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħorġu liċenzji obbligatorji, fil-każ li pajjiżi terzi ma jikkondividux il-vaċċin u/jew it-terapija jew l-għarfien rispettiv;

9.  Jistieden lill-Istati Membru biex b'mod urġenti jwettqu testijiet tal-istress fuq is-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa biex jidentifikaw dgħufijiet u jivverifikaw li huma mħejjija għall-possibbiltà li l-COVID‑19 terġa' żżid u kwalunke kriżi tas-saħħa futura; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina din il-ħidma u tistabbilixxi parametri komuni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar standards minimi għal kura tas-saħħa ta' kwalità, ibbażata fuq is-sejbiet tat-testijiet tal-istress, li żżomm il-kompetenza tal-Istati Membri fil-ġestjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom iżda li tiggarantixxi s-sikurezza tal-pazjent, standards tax-xogħol u tal-impjiegi diċenti għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u r-reżiljenza Ewropea fil-konfront ta' pandemiji u kriżijiet oħra tas-saħħa pubblika;

11.  jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-finanzjament adegwat tas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-indikaturi u l-miri tal-benessri fi ħdan ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż skont is-Semestru Ewropew;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta sett komuni ta' determinanti tas-saħħa biex timmonitorja l-inugwaljanzi tas-saħħa skont l-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku u l-pożizzjoni ġeografika u tistabbilixxi metodoloġija għall-verifika tas-sitwazzjoni tas-saħħa fl-Istati Membri bil-ħsieb li tidentifika u tipprijoritizza l-oqsma li jeħtieġu titjib u aktar fondi; iqis li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-effikaċja tal-miżuri sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa li jirriżultaw minn politiki relatati ma' fatturi ta' riskju soċjali, ekonomiku u ambjentali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju (EHRM) biex jirrispondi għat-tipi kollha ta' kriżijiet tas-saħħa, biex issaħħaħ il-koordinazzjoni operattiva fil-livell tal-UE, u biex jimmonitorja l-kostituzzjoni u l-iskattar tar-riżerva strateġika tal-mediċini u tat-tagħmir mediku u jiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha; jenfasizza li l-EHRM għandu jifformalizza l-metodi ta' ħidma stabbiliti waqt il-kriżi tas-saħħa tal-COVID‑19, filwaqt li jibni fuq il-miżuri previsti fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa(6) u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

14.  Jappella għall-ħolqien ta' unità għall-ġestjoni tal-kriżijiet tas-saħħa biex tmexxi l-EHRM, immexxija mill-Kummissarju għas-Saħħa u mill-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet, u appoġġjata mill-ECDC, l-EMA u l-bord ta' esperti; jitlob li din l-unità titħejja bi pjan ta' emerġenza għall-pandemija, sabiex ikun hemm rispons koordinat;

15.  Jappella għall-ħolqien ta' pjattaforma ta' skambju diġitali, bħall-Portal ta' Data dwar il-COVID‑19, li tista' tiffaċilita skambji dwar data epidemjoloġika, rakkomandazzjonijiet lill-professjonisti tas-saħħa u l-isptarijiet, u dwar l-istat eżatt ta' kapaċitajiet mobilizzabbli u ta' stokkijiet ta' prodotti mediċinali;

16.  Iqis li l-Unjoni għandha tkun tista' tiddependi fuq il-mobilizzazzjoni tal professjonisti tas-saħħa permezz tal-Korp Mediku Ewropew, li nħoloq biex jippermetti assistenza medika rapida u għarfien espert dwar is-saħħa pubblika lill-Istati Membri kollha;

17.  Jitlob li l-akkwist konġunt tal-UE jintuża għall-akkwist ta' vaċċini u ta' trattamenti tal-COVID‑19, u biex jintuża b'mod aktar sistematiku biex jiġi evitat li l-Istati Membri jikkompetu ma' xulxin u biex jiġi żgurat aċċess ugwali u affordabbli għal mediċini u apparat mediku importanti, b'mod partikolari għal antibijotiċi ġodda innovattivi, vaċċini ġodda u mediċini kurattivi, u mediċini għal mard rari;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regolament ġdid dwar it-theddid transkonfinali għas-saħħa biex jissostitwixxi d-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa, fost l-oħrajn biex l-akkwist konġunt tal-UE jsir aktar malajr u aktar effettiv fi kriżijiet tas-saħħa, biex jiġu garantiti l-effiċjenza u t-trasparenza tal-proċess u biex jiġi żgurat aċċess ugwali u affordabbli għal trattamenti ġodda;

19.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta malajr kemm jista' jkun il-mandat tiegħu dwar il-proposta dwar l-HTA sabiex ikunu jistgħu jiġu konklużi n-negozjati sa tmiem is-sena;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposta ġdida biex tiġi riveduta d-Direttiva 89/105/KEE dwar it-trasparenza tal-prezzijiet, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza tal-ispejjeż tar-R&Ż, u jagħtu lill-Istati Membri bażi ugwali meta jinnegozjaw mal-manifatturi għal trattamenti li ma jiġux akkwistati b'mod konġunt;

21.  Jinsisti fuq l-implimentazzjoni malajr tar-Regolament dwar il-Provi Kliniċi li ilha tiġi posposta biex tiġi żgurata t-trasparenza tar-riżultati tal-provi kliniċi, irrispettivament mill-eżitu, u biex jiġu ffaċilitati provi kliniċi transfruntiera fuq skala ikbar; jenfasizza li eżiti negattivi jew mhux konklużivi mill-provi kliniċi jirrappreżentaw għarfien importanti li jista' jgħin biex titjieb ir-riċerka futura;

22.  Jitlob li l-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE tindirizza l-problemi fil-ktajjen ta' provvista farmaċewtiċi tal-UE u dawk globali, li għandha tinkludi miżuri leġiżlattivi, politiki u inċentivi li jżidu l-produzzjoni ta' APIs u mediċini essenzjali fl-Ewropa u biex tiddiversifika l-katina tal-provvista biex jiġu ggarantiti l-forniment u l-aċċess affordabbli f'kull mument; iqis li l-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skont l-approċċ strateġiku għall-farmaċewtiċi fl-ambjent;

23.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex jissieħbu fil-Ftehim dwar l-Eliminazzjoni tad-Dazji fuq il-Prodotti Farmaċewtiċi tal-WTO, u biex il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jiġi estiż għall-prodotti farmaċewtiċi u mediċinali kollha u jsostni li l-UE jeħtiġilha żżomm sistema tal-IP Ewropea robusta biex tinkoraġġixxi r-R&Ż u l-manifattura fl-Ewropa, u biex tiżgura li l-Ewropa tibqa' innovatriċi u mexxejja fil-livell dinji;

24.  Jitlob linji gwida mmirati mill-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku rigward l-għoti ta' offerti għas-settur farmaċewtiku; jitlob li dawn il-linji gwida jkunu bbażati fuq "l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża" (kriterju MEAT), biex b'hekk l-awtorità kontraenti tkun tista' tqis il-kriterji li jirriflettu l-aspetti kwalitattivi, tekniċi u sostenibbli tas-sottomissjoni tal-offerta kif ukoll il-prezz;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiżguraw l-aċċess għas-servizzi tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni u d-dritt għal abort sikur; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-aċċess għall-kontraċezzjoni, inkluża l-kontraċezzjoni ta' emerġenza; , u għal abort sikur fejn dan ikun legalment possibbli, peress li s-servizzi tal-kura tas-saħħa essenzjali għandhom jinżammu fi żminijiet ta' kriżi;

26.  Jiddeplora l-fatt li ċerti Stati Membri naqsu milli jiggarantixxu b'mod effikaċi l-aċċess sikur u f'waqtu għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) matul il-pandemija tal-COVID‑19; jafferma mill-ġdid li ċ-ċaħda tas-servizzi tal-SRHR, inkluż l-abort sikur u legali, hija forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; itenni li d-drittijiet tal-persuni LGBTI huma parti integrali tal-ħidma favur ir-rispett sħiħ għall-SRHR; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha janalizzaw kif operaw is-servizzi tal-SRHR tagħhom waqt il-pandemija u jikkooperaw biex isibu l-aħjar prattiki għall-futur, fid-dawl tal-eżempju stabbilit minn diversi pajjiżi ta' modi tajbin u innovattivi ta' kif jiġu pprovduti s-servizzi tal-SRHR, inklużi t-telemediċina, il-konsultazzjonijiet online u l-abort bikri permezz tal-mediċini mid-dar; jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, aċċess faċli għan-nisa għall-ippjanar tal-familja, u l-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u sesswali, inklużi metodi moderni ta' kontraċezzjoni u abort sikur u legali, anki fi żminijiet ta' kriżi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandat rivedut biex l-ECDC iżid b'mod sinifikanti l-baġit, il-persunal u l-kompetenzi tiegħu, li jippermetti lill-ECDC jestendi l-kompetenzi tiegħu biex ikopri l-mard li ma jitteħidx, jelabora gwida obbligatorja għall-Istati Membri u jkun jista' jikkoordina r-riċerka tal-laboratorju fi żminijiet ta' kriżijiet tas-saħħa;

28.  Jitlob li l-EMA jkollha rwol aktar b'saħħtu fil-monitoraġġ u l-evitar tal-iskarsezzi tal-mediċini u fil-koordinazzjoni tad-disinn u l-approvazzjoni tal-provi kliniċi tal-UE fi żminijiet ta' kriżi;

29.  Jemmen li għandu jiġi esplorat il-ħolqien tal-ekwivalenti Ewropew għall-Biomedical Advanced Research and Development Authority tal-Istati Uniti, li jkun responsabbli għall-akkwist u l-iżvilupp ta' kontromiżuri kontra l-bijoterroriżmu, it-theddid kimiku, nukleari u radjoloġiku kif ukoll l-influwenza pandemika u l-mard emerġenti;

30.  Jitlob li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa ma jitpoġġewx f'riskju;

31.  Ifakkar fl-impatt partikolarment traġiku tal-COVID-19 fuq faċilitajiet residenzjali fit-tul fl-Ewropa, fejn ġew milquta l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, u l-każijiet fid-djar tal-kura rrappreżentaw aktar minn 50 % tal-imwiet relatati mal-COVID f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw il-kawżi ta’ dawn avvenimenti traġiċi u biex isibu soluzzjonijiet leġiżlattivi xierqa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tippreżenta Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar il-Forza tax-Xogħol tas-Saħħa tal-UE li se jqis l-esperjenza tal-pandemija biex tipprovdi lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa b'qafas strateġiku u operattiv ġdid u adegwat;

33.  Jitlob biex il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u t-tilqim għandhom jiġu msaħħa b'miżuri legalment vinkolanti, sabiex jiġi limitat l-użu ta' antimikrobiċi biss għal meta jkun strettament meħtieġ, u biex titħeġġeġ l-innovazzjoni għal antibijotiċi ġodda;

34.  Jitlob li tiġi adottata kard tat-tilqim tal-UE;

35.  Jappella għall-istabbiliment ta' portal ta' komunikazzjoni għall-pubbliku li jippermetti lill-Unjoni tikkondividi informazzjoni vvalidata, tibgħat twissijiet liċ-ċittadini u tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni; jinnota li dan il-portal jista' jinkludi firxa wiesgħa ta' informazzjoni, kampanji ta' prevenzjoni u programmi ta' edukazzjoni għaż-żgħażagħ, u li jista' jintuża wkoll biex jippromwovi kopertura b'saħħitha ta' immunizzazzjoni fil-livell Ewropew, b'kooperazzjoni mal-ECDC;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-ħolqien ta' Spazju Ewropew għad-Data dwar is-Saħħa, li jirrispetta bis-sħiħ il-qafas Ewropew għall-protezzjoni tad-data, sabiex jittejbu l-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà, il-kondiviżjoni tad-data u l-adozzjoni u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali tad-data dwar is-saħħa;

37.  Jitlob li jiġi adottat pjan ta' azzjoni tal-UE dwar it-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-saħħa u li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

38.  Jemmen bis-sħiħ fil-prinċipju Saħħa Waħda, li jgħaqqad is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni ambjentali; jemmen li l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, it-telf tal-bijodiversità u l-metodi mhux sostenibbli tal-produzzjoni tal-ikel huma kritiċi biex jipproteġu l-bnedmin minn patoġeni emerġenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-applikazzjoni tal-approċċ Saħħa Waħda fl-UE;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-prevenzjoni tiġi prijoritizzata, b'benefiċċju kemm għas-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll għall-baġits tas-saħħa nazzjonali; Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tindirizza d-determinanti tas-saħħa bħall-użu tat-tabakk, il-konsum tal-alkoħol, in-nutrizzjoni ħażina, it-tniġġis tal-arja, l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi u l-inugwaljanzi fis-saħħa biex jitjiebu r-riżultati fil-qasam tas-saħħa;

40.  Jitlob li n-Networks ta' Referenza Ewropej (NRE) jiġu estiżi biex jinkludu mard li jittieħed (pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' NRE fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet tas-saħħa) u mard li ma jitteħidx;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-possibbiltà li jiġu applikati rati tal-VAT (aktar) baxxi fuq prodotti tajbin għas-saħħa, bħall-frott u l-ħaxix staġjonali u jistieden lill-Istati Membri biex jużaw din il-possibbiltà;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għal "Ewropa reżiljenti", li tikkonsisti minn mappa ta' valutazzjoni tar-riskju u għażliet li jindirizzaw ġestjoni tajba u investiment fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, u rispons għall-pandemija fil-livell Ewropej, inklużi ktajjen ta' provvista reżiljenti fl-UE; jinsisti, fil-kuntest ta' "Ewropa reżiljenti", dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-produzzjoni Ewropea, sabiex tiġi rilokata u tinbena industrija tas-saħħa b'saħħitha;

43.  Jitlob li jkun hemm approċċ koordinat, kollaborattiv u miftuħ fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, bi rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-koordinazzjoni tar-riċerka epidemjoloġika u dwar is-saħħa sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex ir-riċerka tiġi xprunata lejn eżiti inklużi l-mediċini, il-vaċċini, l-apparat mediku u t-tagħmir mediku meħtieġa;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-inċentivi tal-proprjetà intellettwali fuq l-innovazzjoni bijomedika b'mod ġenerali u tesplora alternattivi kredibbli u effikaċi għall-protezzjoni esklużiva biex jiġu finanzjati r-R&Ż fil-qasam mediku bħall-għodod numerużi bbażati fuq mekkaniżmi ta' diżakkoppjar;

45.  Jilqa' b'sodisfazzjoni kbir iż-żieda sinifikanti fil-baġit propost għall-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa; jenfasizza, madankollu, li ż-żidiet fil-baġit tas-saħħa tal-UE m'għandhomx ikunu limitati għall-QFP li jmiss, iżda li l-investimenti u l-impenji fit-tul huma meħtieġa; jitlob l-istabbiliment ta' fond iddedikat tal-UE biex isaħħaħ l-infrastrutturi tal-isptarijiet u s-servizzi tas-saħħa, soġġett għal kriterji ċari;

46.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali tar-riċerka dwar is-saħħa, u jitlob aktar sinerġiji mar-riċerka mwettqa fl-Istati Membri, kif ukoll li jinħoloq network akkademiku dwar is-saħħa fl-UE bħala parti minn pjan globali dwar is-saħħa;

47.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-industrija Ewropea fil-farmaċewtika u f'oqsma oħra relatati mas-saħħa; jitlob qafas regolatorju ċar għan-negozji Ewropej, kif ukoll riżorsi dedikati għax-xjenza u r-riċerka dwar is-saħħa, billi industrija tas-saħħa Ewropea b'saħħitha u teknikament avvanzata kif ukoll komunità ta' riċerka kompetittiva huma ta' interess fundamentali;

48.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra l-Kanċer;

49.  Jappella għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-2021-2027 dwar is-saħħa mentali u li tingħata attenzjoni ugwali lill-fatturi bijomediċi u psikosoċjali tas-saħħa tal-mard mentali;

50.  Jappella għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-tixjiħ f'saħħtu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni akbar fl-età;

51.  Jappella għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar mard rari u traskurat;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar it-titjib tal-finanzjament indipendenti tal-gruppi ta' pazjenti Ewropej;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr aktar dewmien Qafas Strateġiku ġdid għas-Saħħa u s-Sikurezza;

54.  Iqis li l-lezzjonijiet meħuda mill-kriżi tal-COVID‑19 għandhom jiġu indirizzati bħala parti mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li tista' tressaq proposti ċari dwar kif għandha tissaħħaħ il-politika tas-saħħa tal-UE;

55.  Jenfasizza d-dimensjoni internazzjonali tas-saħħa; Iqis li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki fit-tħejjija u r-rispons tas-sistemi tas-saħħa għandha tissaħħaħ; jistieden lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mal-WHO u korpi internazzjonali oħra fil-ġlieda kontra l-mard infettiv, tikseb kopertura universali tas-saħħa għal kulħadd u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa madwar id-dinja;

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(2) https://www.who.int/docs/default-source/climate-change/who-manifesto-for-a-healthy-and-green-post-covid-recovery.pdf?sfvrsn=f32ecfa7_6
(3) Studju intitolat "Unlocking the potential of the EU Treaties: An article-by-article analysis of the scope for action" (Sfruttar tal-potenzjal tat-Trattati tal-UE: Analiżi artikolu b'artikolu tal-possibbiltajiet ta' azzjoni), Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, ippubblikat fit-28 ta' Mejju 2020, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/651934/EPRS_STU(2020)651934_EN.pdf
(4) Studju bit-titlu "Id-dividend ta' żewġ triljun euro tal-Ewropa: L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa, 2019-24", Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, ippubblikat fit-18 ta' April 2019, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_STU(2019)631745
(5) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.
(6) ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza