Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 15 ta' Settembru 2020 - Brussell
Ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
 Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
 Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
 Rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores *
 Miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor"

Ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
PDF 128kWORD 42k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0041/2020 – C9-0276/2020 – 2020/0906(NLE))
P9_TA(2020)0207A9-0152/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0276/2020),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0152/2020),

A.  billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura tal-għażla miftuħa, ippropona li jaħtar lil Klaus Löber bħala l-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.  billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Klaus Löber, li fiha hu għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Klaus Löber bħala l-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(2) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
PDF 123kWORD 41k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0277/2020 – 2020/0907(NLE))
P9_TA(2020)0208A9-0151/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0277/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(3),,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0151/2020),

A.  billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura tal-għażla miftuħa, ippropona li jaħtar lil Nicoletta Giusto bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.  billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Nicoletta Giusto, li fiha hi għamlet stqarrija preliminari u mbagħad wieġbet għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Nicoletta Giusto bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(2) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS
PDF 124kWORD 42k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0278/2020 – 2020/0908(NLE))
P9_TA(2020)0209A9-0153/2020

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0278/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0153/2020),

A.  billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa, ippropona li jaħtar lil Froukelien Wendt bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.  billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Froukelien Wendt, li fiha għamlet stqarrija preliminari u mbagħad wieġbet il-mistoqsijiet li sarulha mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti l-approvazzjoni għall-ħatra ta' Froukelien Wendt bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(2) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


Rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores *
PDF 117kWORD 41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores (COM(2020)0240 – C9-0190/2020 – 2020/0118(CNS))
P9_TA(2020)0210A9-0140/2020

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0240),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0190/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0140/2020),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor"
PDF 176kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor" (2019/2195(INI))
P9_TA(2020)0211A9-0141/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 165, 166, 167, 191 u 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi konkluż fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, tal-5 ta' Ġunju 2019, li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ – Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata "Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura (COM(2018) 0268),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi "Erasmus": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jistabbilixxi "Erasmus": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (COM(2018)0367),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020) (COM(2018)0050),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2018)0440),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jiddefinixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027)(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) (COM(2018)0366),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020)(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' April 2018 intitolat "Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)" (COM(2018)0248),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)(12),

–  wara li kkunsidra l-impenji li ħadet l-Kummissarju nnominat għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura u ż-Żgħażagħ fis-smigħ tagħha tat-30 ta' Settembru 2019 quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0141/2020),

A.  billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew jiffissa l-objettiv ta' Unjoni Ewropea newtrali għall-klima sal-2050, u b'hekk ipoġġi l-emerġenza klimatika fil-qalba tal-programmi u l-politiki kollha tal-Unjoni; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu wkoll l-għan li jqajjem kuxjenza pubblika u jinvolvi liċ-ċittadini fl-azzjoni klimatika billi jiżviluppa aġenda Ewropea komprensiva; billi approċċ bħal dan għandu jinbena wkoll fuq reviżjoni tal-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-kultura u ż-żgħażagħ; billi l-ħarsien tal-ambjent, is-sostenibilità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandhom jiġu integrati b'mod sistematiku fil-programmi kollha, u promossi bħala ħiliet trasversali;

B.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) Nru 13 jitlob azzjoni biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatt ta' dan it-tibdil, u billi l-objettivi tal-SDG 13 jinkludu t-titjib tal-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċità istituzzjonali rigward il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għalih u t-tnaqqis tal-impatt tiegħu;

C.  billi l-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt drammatiku fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mobilità, l-edukazzjoni u l-aċċess fiżiku għall-kultura, l-arti u l-isport; billi t-tliet programmi wkoll intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi; billi, wara l-pandemija, huwa importanti li jiġu ppreservati l-valuri kulturali tal-Unjoni, u li l-immaġni tal-Ewropa tinbena mill-ġdid għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi l-iskambju u l-interazzjoni kulturali faċilitati permezz tat-tliet programmi se jgħinu lill-Ewropa toħroġ mill-kriżi, li saret aktar minn sempliċi kriżi tas-saħħa;

D.  billi l-edukazzjoni, l-isport, il-volontarjat u l-kultura għandhom rwol fundamentali fit-tranżizzjoni ekoloġika f'termini ta' sensibilizzazzjoni, tagħlim, komunikazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien u tal-prattiki tajba, u billi dan il-potenzjal jista' jiġi sfruttat matul il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss biex jiġu żviluppati modi innovattivi ta' kif jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali;

E.  billi l-programmi Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES) u Ewropa Kreattiva lkoll iħallu impatt fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' Ewropej, u huma l-bażi tat-tisħiħ tal-koeżjoni u tal-komprensjoni kulturali fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u ta' adeżjoni, fil-pajjiżi tal-viċinat, u fid-dinja kollha permezz tal-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi;

F.  billi, minkejja li dawn il-programmi mhumiex iċċentrati primarjament fuq l-ambjent, madankollu jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz tas-sustanza u l-ambitu tagħhom, billi jsawru mentalità ta' rispett lejn l-ambjent u l-klima u joħolqu soċjetà ankrata fil-komprensjoni u r-rispett reċiproku; billi n-natura essenzjali tagħhom għandha għalhekk tinżamm;

G.  billi avvenimenti sportivi u kulturali fuq skala kbira jlaqqgħu lin-nies flimkien;

H.  billi l-programm Erasmus+ jista' jagħmel ħafna biex irawwem l-iżvilupp sostenibbli; billi l-programm jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja;

I.  billi l-objettivi u l-ispirtu tal-KES jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jikkondividu l-għarfien u jieħu azzjoni konkreta favur il-ħarsien tal-ambjent;

J.  billi l-esperjenza ta' mobilità offruta minn dawn il-programmi tista' tkun esperjenza trasformattiva għall-parteċipanti, u tista' tinfluwenza l-imġiba ta' kuljum tagħhom, u billi l-mobilità ta' dan it-tip għandha għaldaqstant tiġi mħeġġa;

K.  billi l-programm Ewropa Kreattiva għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-arti, il-kultura u l-kontenut awdjoviżiv u fl-appoġġ tal-midja b'livell għoli ta' kwalità; billi dawn huma pilastri ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli, li jgħinu biex jinbnew soċjetajiet aktar reżiljenti; billi l-kooperazzjoni f'dawn l-oqsma tista' tiżviluppa strumenti li jissensibilizzaw in-nies fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-ambjent, il-klima u s-sostenibilità u għalhekk tista' tkun sors uniku ta' soluzzjonijiet kreattivi fl-Ewropa u fid-dinja, permezz tal-pajjiżi terzi parteċipanti;

L.  billi teżisti ħtieġa li tiġi kkoordinata inizjattiva konġunta biex jiġu żviluppati prattiki sostenibbli fis-setturi kulturali u kreattivi; billi inizjattiva tali tirrikjedi li l-ispejjeż assoċjati mal-attivitajiet ta' "ekoloġizzazzjoni" jkunu eliġibbli fl-ambitu tal-appoġġ għall-proġetti;

M.  billi l-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni artistika hija element inaljenabbli ta' Ewropa Kreattiva, u li l-isforzi għall-"ekoloġizzazzjoni" tal-programm iridu jirrispettaw din il-libertà; billi l-ħsieb ekoloġiku fl-implimentazzjoni tal-proġetti jista' jiġi mħeġġeġ billi jiddaħħlu aspetti ambjentali fl-evalwazzjoni tal-proġetti;

N.  billi sehem sostanzjali ta' proġetti relatati mal-ambjent ġew implimentati matul il-perjodu 2014-2020;

O.  billi l-programmi għandhom ikunu aċċessibbli u ħielsa mid-diskriminazzjoni; billi huwa essenzjali li jiġu stabbiliti miżuri konkreti biex il-programmi jsiru aktar inklużivi għall-persuni b'inqas opportunitajiet, b'mod speċjali l-persuni b'diżabilità;

P.  billi l-Parlament Ewropew talab, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, baġit ambizzjuż għat-tliet programmi, b'mod partikolari biex jgħinhom isiru aktar inklużivi u aċċessibbli, u billi baġit iżgħar la jilħaq dan l-objettiv u lanqas ma joħloq lok għall-introduzzjoni ta' miżuri favur l-ambjent, il-klima u s-sostenibilità mingħajr ma jipperikola elementi ewlenin oħra tal-programmi;

Q.  billi l-għan, fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, li 20 % tal-infiq jiġi allokat għall-miżuri ta' protezzjoni tal-klima ma jistax jintlaħaq jekk id-data u l-istrumenti meħtieġa biex jitkejjel il-kontribut tal-programmi mhumiex disponibbli, u billi, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu stabbiliti b'urġenza;

R.  billi l-mobilità fiżika tippermetti l-immersjoni f'kulturi oħra u interazzjoni ottimali magħhom; billi l-iskambju u t-tagħlim virtwali huma komplement prezzjuż għall-mobilità fiżika, iżda ma joffrux l-istess esperjenza;

S.  billi t-teknoloġiji diġitali wkoll għandhom impronta ambjentali;

T.  billi attwalment ftit jeżistu inċentivi – b'mod partikolari inċentivi finanzjarji – biex iħeġġu lill-parteċipanti fit-tliet programmi jibdlu l-imġiba tagħhom u l-għażla tal-mezzi tat-trasport f'oħrajn aktar ekokompatibbli; billi l-mezzi ta' trasport aktar ekokompatibbli għandhom it-tendenza li jkunu inqas aċċessibbli, u bi prezz li ma jintlaħaqx minn kulħadd;

Għanijiet komuni għat-tliet programmi

1.  Jinnota li l-kunċetti tal-klima u tal-ambjent, u anke tal-mobilità, ikopru biss parti mill-għanijiet fil-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis li l-għan huwa li mmorru lil hinn mill-kwistjonijiet purament ambjentali u niżviluppaw soċjetà aktar ġusta għal kulħadd, abbażi tal-użu razzjonali u komplementari tar-riżorsi, konsum responsabbli, konvivenza fir-rispett tad-differenzi ta' xulxin u b'qies tal-komplementaritajiet reġjonali u nazzjonali; jenfasizza li l-edukaturi, l-artisti u l-ħallieqa huma wkoll ċentrali għall-ksib ta' din il-bidla fis-soċjetà u li l-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom rwol importanti fil-ksib tal-għanijiet usa' tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

2.  Jilqa', f'dan ir-rigward, id-determinazzjoni taż-żgħażagħ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-isforzi tal-UE favur is-sostenibilità, u l-għażla ta' "Ewropa Ekoloġika Sostenibbli" bħala wieħed mill-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ;

3.  Jenfasizza l-importanza tat-tliet programmi fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura u l-politika taż-żgħażagħ Ewropej u l-impatt soċjali u ekonomiku pożittiv tal-mobilità; jenfasizza li l-programmi jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi li se jagħmluha possibbli, fil-każ ta' kriżi bħal dik tal-COVID-19, li jiġi żgurat li l-edukazzjoni u l-attivitajiet kulturali jkunu jistgħu jkomplu b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali juru flessibilità massima u jipprovdu appoġġ lill-parteċipanti u lill-iżviluppaturi tal-proġetti sabiex jippermettulhom jerġgħu jibdew l-attivitajiet tagħhom wara l-pandemija b'mod sostenibbli;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni bażi tal-kontribut tal-programmi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi u l-impatt tal-programmi fuqhom, biex tinfurma t-tfassil tal-implimentazzjoni futura tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma pproponietx indikaturi ambjentali, tal-klima u tas-sostenibilità għall-programmi l-ġodda; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproponi indikaturi speċifiċi lill-koleġiżlaturi li għandhom jiġu inkorporati fir-regolamenti li jirregolaw il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi; iqis li tali indikaturi jridu jiġu determinati b'attenzjoni, abbażi ta' riċerka robusta u metodoloġija komuni u jipprovdu analiżi bir-reqqa tal-kontribut tal-programmi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi (pereżempju permezz tal-objettivi u s-sejħiet tal-proġetti tagħhom), u l-impatt ambjentali tagħhom (permezz tal-forom ta' vjaġġar appoġġati); jenfasizza li tali indikaturi jridu jqisu l-karatteristiċi tal-benefiċjarji tal-programm rilevanti sabiex jiġi evitat li jinħolqu piżijiet eċċessivi ; jitlob li l-Parlament jippreżenta rapport, bid-data miġbura, u jsir disponibbli għall-pubbliku darba fis-sena;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreġistra u tikkalkula b'mod sistematiku l-impronta tal-karbonju relatata mat-trasport individwali tal-parteċipanti; hu tal-fehma li għal dan l-għan għandha tintuża l-Mobility Tool, u li dak l-użu tat-Tool għandu jiġi estiż biex ikopri t-taqsimiet kollha tal-programmi Erasmus+ u KSE; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li tistabbilixxi għodda ta' kalkolu simili għall-ivvjaġġar li jsir b'rabta mal-programm Ewropa Kreattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe data rilevanti miġbura aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, flimkien mar-rapporti tagħha dwar il-programmi, b'enfasi fuq il-prattiki tajba; ifakkar li kwalunkwe għodda u applikazzjoni diġitali jridu dejjem jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

6.  Jissottolinja li l-korpi ta' implimentazzjoni jiżvolġu rwol pożittiv u attiv biex jissuġġerixxu l-mod kif il-programmi futuri jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali bl-aħjar mod u kif jistgħu jidderieġu lill-benefiċjarji biex isiru aktar sensittivi għall-ambjent; hu tal-fehma li għandhom jiġu identifikati, ikkoordinati u valutati l-prattiki tajba eżistenti tal-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali u tal-iżviluppaturi tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa u tiċċirkola lista ta' rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq l-analiżi tal-prattiki tajba; jirrakkomanda li tiġi żviluppata tikketta li tiċċertifika u tagħti viżibilità lill-prattiki ambjentali responsabbli u tippremja proġetti ambjentalment innovattivi u promettenti f'kull wieħed mill-programmi;

7.  Jinnota n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli fi ħdan it-tliet programmi għal proġetti dwar l-ambjent, il-klima u s-sostenibilità; jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali jtejbu l-komunikazzjoni f'dan ir-rigward u jagħtu aktar viżibilità lill-kwistjonijiet ambjentali fl-ambitu tal-proġetti u fost l-organizzazzjonijiet ospitanti u l-parteċipanti;

8.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-programmi jinfurmaw lill-parteċipanti dwar, u jippromwovu b'mod attiv, eżempji ta' prattika tajba fir-rigward tal-ambjent u tal-konsum, li jistgħu jużaw fil-ħajja tagħhom ta' kuljum matul il-parteċipazzjoni fil-programm, u jinfurmaw lill-parteċipanti dwar l-impatt ambjentali tal-azzjonijiet tagħhom; iqis li firxa ta' għodod diġitali, inklużi korsijiet online qabel il-mobilità u potenzjalment applikazzjoni diġitali, tista' tkun effettiva;

9.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet li jirċievu l-parteċipanti, inklużi "l-uffiċċji ekoloġiċi" u n-networks eżistenti fil-bliet ta' destinazzjoni, u l-importanza tan-networks eżistenti, bħall-ex studenti ta' Erasmus+, fil-promozzjoni ta' stil ta' ħajja sostenibbli permezz tal-kondiviżjoni ta' rakkomandazzjonijiet prattiċi u pariri siewja fil-livell lokali tal-belt, reġjun jew pajjiż fejn jinsabu;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-aġenziji nazzjonali, lill-uffiċċji nazzjonali u lill-iżviluppaturi tal-proġetti biex jirreġistraw mal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) tal-UE sabiex jevalwaw, jikkomunikaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom u jsaħħu s-sostenibilità tal-operazzjonijiet tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tikkoordina l-isforzi magħmula mill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali biex inaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom, pereżempju permezz tal-użu ta' materjal promozzjonali sostenibbli, ġestjoni prudenti tal-ivvjaġġar, użu akbar tal-vidjokonferenzi u t-tnaqqis tal-iskart; jemmen li l-prattiki sostenibbli fi ħdan l-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali se jinkoraġġixxu lill-parteċipanti biex jadottaw drawwiet ta' konsum aktar sostenibbli;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali jistabbilixxu kriterji li jippermettu li l-aspetti ambjentali tal-proġetti jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-proġetti, u b'hekk jiġu promossi prattiki aktar ekoloġiċi, filwaqt li jiġi rispettat b'mod konsistenti l-prinċipju tal-libertà kreattiva, u li jevalwaw kull proġett f'konformità mal-objettivi tal-programm;

12.  Jissottolinja l-potenzjal u l-valur tat-tagħlim u l-iskambju virtwali biex ikun possibbli li l-programmi ta' mobilità jitkomplew fil-kuntest eċċezzjonali tal-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' formati virtwali bħala komplement għall-mobilità fiżika, meta jkun xieraq, kemm biex jitnaqqas l-ivvjaġġar bla bżonn kif ukoll biex jiġi żgurat li fejn il-parteċipanti ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw, xorta waħda jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tippermetti lill-parteċipanti jagħżlu l-mezzi ta' trasport li jniġġsu l-inqas, bħall-ferrovija, iżda fl-istess ħin ma tistigmatizzax, ma teskludix u ma tiddiskriminax kontra parteċipanti li għalihom l-ivvjaġġar bl-ajru huwa l-unika għażla fattibbli; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi u liż-żoni rurali u remoti f'dan ir-rigward;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli finanzjarji attwali sabiex l-ispejjeż u l-ħinijiet tal-ivvjaġġar addizzjonali assoċjati mal-użu ta' mezzi ta' trasport aktar ekokompatibbli jiġu rimborżati mija fil-mija, waqt li l-ħinijiet addizzjonali tal-vjaġġi jitqiesu fl-allokazzjoni tal-għotjiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' assistenza finanzjarja effikaċi biex jiżguraw li l-persuni li jeħtieġu l-programmi jista' jkollhom aċċess għalihom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni – b'mod partikolari fil-perspettiva tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji ppjanata għall-2021 – tistabbilixxi sħubijiet mal-operaturi ferrovjarji Ewropej sabiex il-parteċipanti jkunu eliġibbli għal tariffi preferenzjali; jenfasizza li inizjattivi simili jistgħu jiġu żviluppati wkoll mal-operaturi tal-karozzi tal-linja, b'mod partikolari għal żoni remoti u rurali u żoni li mhumiex moqdija mit-trasport ferrovjarju;

16.  Jagħraf li l-parteċipanti fil-programmi jivvjaġġaw fil-pajjiż ospitanti tagħhom u lil hinn minnu biex jesploraw il-kultura lokali; jistieden lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali u lill-persunal tal-proġetti biex jinkoraġġixxu "l-ivvjaġġar bil-mod", l-ekoturiżmu u l-użu ta' għażliet tal-ivvjaġġar sostenibbli mil-lat ambjentali għal vjaġġi fit-tul kif ukoll għall-ivvjaġġar lokali;

17.  Jinnota li l-użu intelliġenti tat-teknoloġiji diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika għandu l-potenzjal li jżid l-inklużjoni soċjali u jnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-programmi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat id-distakk diġitali billi jiġi żgurat l-aċċess għall-infrastrutturi u t-tagħmir diġitali u l-ksib ta' ħiliet diġitali, li huma rekwiżiti preliminari għal tranżizzjoni diġitali intelliġenti; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali aktar ambizzjuż, appoġġat b'mod partikolari permezz tal-programm Erasmus+;

18.  Jindika, fl-istess ħin, li l-espansjoni tad-diġitalizzazzjoni jista' jkollha impatt ambjentali; ifakkar li t-tliet programmi kollha huma karatterizzati mill-użu ta' għodod diġitali, b'mod partikolari Ewropa Kreattiva, u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatt ambjentali diġitali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-modi kif tista' titnaqqas l-impronta ambjentali tal-għodod diġitali, inklużi s-siti web u s-software, li jintużaw fil-programmi; jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-programmi jippromwovu l-użu ta' għodod diġitali aktar ekokompatibbli; jenfasizza li huwa meħtieġ t-tfassil konġunt tal-politika tal-aġenda diġitali futura u l-Patt Ekoloġiku Ewropew biex it-trasformazzjoni diġitali tiġi kombinata mal-politika ambjentali;

19.  Jissottolinja li miżuri effikaċi biex il-programmi Erasmus +, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar ekoloġiċi se jiswew il-flus, u jinsisti li l-miżuri ġodda ma jridux jieħdu mill-baġits tal-programmi, li diġà huma estremament limitati; jindika, f'dan ir-rigward, il-valur tal-promozzjoni ta' sinerġiji u komplementarjetà effikaċi ma' programmi ta' finanzjament oħra rilevanti, bħall-Fondi Strutturali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, LIFE, InvestEU, Orizzont Ewropa, b'mod partikolari taħt il-Pilastru II permezz tar-raggruppament "Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva", il-komunità attwali tal-għarfien u l-innovazzjoni dwar il-Klima, u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija – b'mod partikolari, il-proposta li għandu jospita Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni ddedikata għas-settur kulturali u kreattiv;

20.  Ifakkar li ħafna mill-benefiċjarji tat-tliet programmi huma żgħażagħ u jsibu diffikultà meta jħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti amministrattivi kumplessi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali, u tappoġġa u trawwem id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li s-sinerġiji jinkisbu b'mod sinifikanti fil-prattika;

Erasmus+

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra r-rispett għall-ambjent, prattiki ambjentali sodi u l-ħarsien tal-ambjent fil-prinċipji stabbiliti fil-Karta tal-Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika dan l-approċċ għas-setturi kollha koperti mill-programm u tieħu azzjoni biex ikun żgurat li l-prinċipji jiġu rispettati; iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali, l-universitajiet sħab u l-assoċjazzjonijiet studenteski biex l-informazzjoni u l-konsulenza dwar is-sostenibilità u l-prattiki ambjentali tajba jiġu integrati fl-attivitajiet ta' merħba u attivitajiet oħra ta' integrazzjoni;

22.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Universitajiet Ewropej u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Vokazzjonali, għax dawn jistgħu jintroduċu programmi ta' eċċellenza għal tagħlim u taħriġ fi kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-sostenibilità għal firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u studenti u jappoġġaw il-proġetti ta' riċerka f'dan il-qasam; jenfasizza li l-inizjattivi l-ġodda mhux se jkunu jistgħu jwettqu dan jekk ma jingħatax finanzjament suffiċjenti għall-programm Erasmus+ fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027;

23.  Jinnota li l-implimentazzjoni futura tal-Karta Ewropea tal-Istudenti tista' tkun pass sinifikanti biex il-parteċipazzjoni fil-programm Erasmus + issir aktar ekokompatibbli, għax se tirrappreżenta l-bidla minn proċess ibbażat fuq il-karta għal proċess diġitali semplifikat, li jrid ikun ta' kwalità, apparti li jkun inklużiv u aċċessibbli, u b'hekk tkun semplifikata wkoll il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-mobilità; jinnota li l-Kard Ewropea tal-Istudenti tista' tiġi żviluppata biex toffri aċċess għal servizzi li jippromwovu għażliet tal-ħajja aktar ekokompatibbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-Kard Ewropea tal-Istudenti;

24.  Jindika li l-pjattaformi online SALTO ("Support, Advanced Learning and Training Opportunities" fil-programm jirrappreżentaw sors eċċellenti ta' informazzjoni u konsulenza għall-iżviluppaturi tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma SALTO għall-ekoloġizzazzjoni;

25.  Jenfasizza l-valur tan-network e-Twinning immirata għall-għalliema, li tippermettilhom jiżviluppaw u jikkondividu l-moduli ta' taħriġ, b'mod partikolari dwar is-sostenibilità u t-tibdil fil-klima, li huma t-temi magħżula għall-2020; jistieden lill-Kummissjoni xxerred kemm jista' jkun ir-rapport annwali dwar din il-prijorità, kif ukoll sett ta' għodod għall-għalliema; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, dwar l-importanza tal-iżvilupp ta' pjattaformi Ewropej tat-tagħlim elettroniku li se jagħmluha possibbli, fil-każ ta' kriżi bħall-COVID-19, li tiġi żgurata l-kontinwità tat-tagħlim;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' programmi skolastiċi dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibilità, kemm fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f'dik sekondarja; iqis li l-Azzjonijiet Ewlenin 2 u 3 tal-programm Erasmus + jistgħu t-tnejn li huma jgħinu biex jappoġġaw sforzi bħal dawn permezz ta' sejħiet għal proposti mmirati dwar l-edukazzjoni ambjentali u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-iskejjel u l-għalliema;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-inizjattivi li tieħu biex tikkoordina ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tinkludi lista ta' kriterji ekoloġiċi għall-awtoritajiet edukattivi reġjonali u nazzjonali dwar il-faċilitajiet disponibbli għall-iskejjel, l-inklużjoni tal-istituzzjonijiet fin-networks tat-trasport pubbliku u l-iżgurar tar-rispett għall-ambjent u r-riżorsi tal-enerġija;

28.  Jissottolinja li Erasmus +, permezz tal-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali u għall-attivitajiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, huwa kruċjali biex l-Ewropej ikunu sensibilizzati, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, biex jiġu mħeġġa jkollhom pożizzjoni attiva u infurmata dwar is-sostenibilità u l-politiki rilevanti u biex isiru ċittadini involuti u konxji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni ta' proġetti li jissensibilizzaw il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ dwar is-sostenibilità; iqis li Erasmus + għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

29.  Iħeġġeġ li, taħt it-taqsima tal-Isport, jingħata inkoraġġiment lill-proġetti konġunti mal-assoċjazzjonijiet sportivi dwar is-suġġett tal-ambjent u l-ħarsien tan-natura, stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u sostenibbli, l-innovazzjoni għall-promozzjoni ta' prattiki aktar ekoloġiċi fl-isport u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi tal-massa sostenibbli; jindika l-ħtieġa li l-avvenimenti sportivi jsiru aktar ekokompatibbli, u jqis li Erasmus + jista' jgħin fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; iqis li l-volontiera tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jappoġġaw l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi tal-massa sostenibbli;

30.  Iqis li programmi fit-tul implimentati lokalment u l-inkoraġġiment tal-mobilità fost il-persunal tal-organizzazzjonijiet sportivi lokali jgħinuhom isiru konxji dwar modi aktar ekokompatibbli tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi; jitlob li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tpoġġi enfasi akbar fuq kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-sostenibilità;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' inklużjoni sostenibbli tal-parteċipanti fil-komunità lokali, bl-għan li tinkiseb ċittadinanza attiva u skambju kulturali, bħala element ewlieni fil-programm Erasmus+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora liema azzjonijiet tal-programm jistgħu jiġu żviluppati f'żoni rurali depopolati fejn l-involviment attiv tal-komunità jista' jgħin, pereżempju, il-promozzjoni tal-konservazzjoni tan-natura u tal-wirt kulturali;

32.  Jindika l-possibilità li tiġi stabbilita relazzjoni mal-programm "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew", sabiex iż-żewġ programmi jiġu mogħnija biex jinvolvu l-parteċipanti fil-komunità lokali u biex jinbena l-għarfien dwar iċ-ċittadinanza Ewropea fost l-istudenti lokali;

Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES)

33.  Ifakkar li l-ħarsien tal-ambjent huwa kkunsidrat attività importanti ta' solidarjetà fi ħdan il-KES, konsistenti mal-bażi ġuridika attwali, il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm il-ġdid wara l-2020, u l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari;

34.  Hu tal-fehma li t-tikketta ta' kwalità, li kull organizzazzjoni li tibgħat jew tirċievi volontier trid tikseb qabel tipparteċipa fl-attivitajiet tal-KES, għandha, maż-żmien, tkopri wkoll il-prattiki ambjentali tajba; ifakkar li l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-KES sikwit ikunu assoċjazzjonijiet żgħar; jinsisti, għalhekk, li jeħtieġu appoġġ immirat biex ikunu jistgħu jadottaw prattiki aktar sostenibbli;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista' tniedi sejħiet għal proġetti tematiċi; jistedinha tintensifika l-promozzjoni tad-dimensjoni tal-ambjent, tal-klima u tas-sostenibilità tal-KES billi żżid il-viżibilità ta' dawn il-proġetti fuq il-pjattaforma Sistema ta' Appoġġ u ta' Ġestjoni tal-Kollokamenti (PASS);

36.  Jistieden lill-aġenziji nazzjonali responsabbli għall-KES jappoġġaw u jagħtu pariri b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet inkarigati li jibagħtu u jirċievu lill-parteċipanti; jisħaq fuq il-fatt li jistgħu wkoll jidentifikaw l-ambitu għal proġetti ambjentali in situ u jgħinu biex jiġu stabbiliti, u jiżguraw li l-volontiera jkunu sensibilizzati mill-prattiki ambjentali sodi fix-xogħol tagħhom u fil-ħajja ta' kuljum tagħhom; iħeġġeġ il-ħolqien ta' għodod diġitali li jiffaċilitaw it-tixrid u l-iskambju tal-prattiki tajba u tal-esperjenzi fost il-parteċipanti;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali jippromwovu proġetti f'destinazzjonijiet inqas popolari biex jistimulaw l-iżvilupp tal-ekonomija u s-sostenibilità lokali, filwaqt li jħeġġu l-esplorazzjoni ta' destinazzjonijiet ġodda;

Ewropa Kreattiva

38.  Jenfasizza l-potenzjal enormi tas-setturi kulturali u kreattivi biex iħeġġu ċ-ċittadini jaġixxu b'mod sostenibbli; jinnota li l-mużewijiet, iċ-ċentri kulturali u tal-komunità, l-arti tal-ispettaklu, il-letteratura, l-arti viżiva u l-inizjattivi artistiċi trasversali jistgħu jippromwovu s-sostenibilità u jikkontribwixxu għat-treġġigħ lura tat-tendenza klimatika, dment li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli; jenfasizza l-importanza tas-sostenibilità u l-prattiki ambjentali tajba fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-uffiċċji nazzjonali jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati mis-setturi kulturali u kreattivi u jiġbru informazzjoni dwar karti eżistenti fid-diversi oqsma ta' attività artistika, bl-għan li titfassal karta b'ġabra ta' prinċipji ambjentali li kull parteċipant fil-programm jeħtieġlu josserva; iqis li l-proċess biex jiġu determinati l-prinċipji adatti għandu jkun immexxi mis-settur, jippermetti tagħlim reċiproku u jieħu perspettiva wiesgħa tal-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, li għandhom jinkludu r-riċiklaġġ, l-ekonomija ċirkolari u l-bidla fl-imġiba, kemm fost il-ħallieqa kulturali kif ukoll fost il-konsumaturi;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka komprensiva u tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa strateġija speċifika għas-settur u gwida ta' "prattiki ambjentali tajba" li jkopru l-produzzjoni awdjoviżiva u kulturali, it-tixrid u l-organizzazzjoni tal-avvenimenti, b'enfasi partikolari fuq it-trasport, l-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-iskart, u bl-għan li l-istandards kkonċernati jsiru standard għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-programm; ifakkar li tali prattiki standard m'għandhomx isiru għad-detriment ta' proġetti u avvenimenti kulturali u awdjoviżivi ta' kwalità;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku ekoloġiku biex tiġi żgurata l-provvista ta' prodotti u servizzi sostenibbli u ekokompatibbli fl-avvenimenti kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji komuni għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għas-settur kulturali u tiżviluppa għodda biex tevalwa l-impatt ambjentali tal-avvenimenti kulturali; jenfasizza, barra minn hekk, l-impatt ambjentali tal-produzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv, u jistieden lill-Kummissjoni tuża t-taqsima MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva biex tippromwovi l-aħjar prattiki fis-settur awdjoviżiv, fir-rigward tas-sostenibilità, l-effiċjenza enerġetika u l-ħarsien tal-ambjent;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi s-sostenibilità u r-rispett għall-ambjent fil-kriterji ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura; jinsisti li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura jridu wkoll josservaw il-karta li tistabbilixxi l-prinċipji ambjentali msemmija hawn fuq;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tawtorizza, bħala miżura transsettorjali, l-istabbiliment ta' network Ewropew ta' konsulenti tal-ambjent, il-klima u s-sostenibilità biex jagħtu pariri lill-iżviluppaturi tal-proġetti u lid-Desks tal-Programm Ewropa Kreattiva; iqis li l-aħjar prattiki għandhom jiġu kondiviżi u jsiru pubbliċi;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tat-tliet programmi.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0324.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 5.
(6) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 31.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0150.
(8) ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0323.
(10) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(11) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 19.
(12) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza