Ħatra ta' Julia Laffranque fil-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
116k
40k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2020 dwar il-ħatra ta' Julia Laffranque fil-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2020/2238(INS))
– wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 128 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (B9-0368/2020),
A. billi Julia Laffranque tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
1. Jipproponi li Julia Laffranque tinħatar fil-kumitat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Ħatra ta’ Frank Elderson bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
127k
43k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew ((N9-0055/2020 – C9-0331/2020 – 2020/0805(NLE))
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2020 (N9-0055/2020)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C9-0331/2020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(2),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew(3),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' żewġ Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0218/2020),
A. billi, b'ittra tal-14 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Parlament dwar il-ħatra ta' Frank Elderson għall-kariga ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin, li jibda mill-15 ta' Diċembru 2020;
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-Bank Ċentrali Ewropew; billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mill-kandidat curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju bil-miktub indirizzat lilu;
C. billi dan il-Kumitat, imbagħad, fid-9 ta' Novembru 2020 ipproċeda b'seduta ta' smigħ tal-kandidat, li matulha dan għamel stqarrija preliminari u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;
D. billi l-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew jinkludi l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u d-19-il gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; billi, sal-lum, dawn tal-aħħar huma kollha rġiel;
E. billi l-Parlament esprima ripetutament in-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu rigward il-proċedura tal-ħatra għal membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u appella għal proċeduri mtejba f'dan ir-rigward; billi l-Parlament talab li jirċievi, fi żmien debitu, lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri ta' mill-inqas żewġ ismijiet;
F. billi fis-17 ta' Settembru 2019, il-Parlament ta opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Christine Lagarde bħala l-ewwel President mara tal-Bank Ċentrali Ewropew;
G. billi fis-17 ta' Diċembru 2019, il-Parlament ta opinjonijiet favorevoli dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-ħatra ta' Fabio Panetta u Isabel Schnabel bħala Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
H. billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew; billi l-Parlament jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ma ħadux din it-talba bis-serjetà u billi jitlob lill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE jaħdmu b'mod attiv biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini li jmiss;
I. billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha nazzjonali u tal-UE għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward ta' diżastru naturali u biex jipprovdi għall-pagament ta' avvanzi lill-Kroazja, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Portugall u lil Spanja b'rabta ma' emerġenza tas-saħħa pubblika
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward ta' diżastru naturali u biex jipprovdi għall-pagament ta' avvanzi lill-Kroazja, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Portugall u lil Spanja b'rabta ma' emerġenza tas-saħħa pubblika (COM(2020)0960 – C9-0318/2020 – 2020/0299(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0960 – C9-0318/2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0221/2020),
1. Jilqa' d-deċiżjoni bħala sinjal tas-solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini u mar-reġjuni tal-Unjoni milquta minn diżastri naturali u l-emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea lir-reġjuni affettwati;
3. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward ta' diżastru naturali u biex jipprovdi għall-pagament ta' avvanzi lill-Kroazja, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Portugall u lil Spanja b'rabta ma' emerġenza tas-saħħa pubblika
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/75.)
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9 tal-baġit ġenerali tal-2020: assistenza lill-Kroazja, lill-Polonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja
133k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward tad-diżastri naturali u jipprovdi għal pagament minn qabel lill-Kroazja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja fir-rigward ta' emerġenza tas-saħħa pubblika (12522/2020 – C9-0341/2020 – 2020/0297(BUD))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (Regolament dwar il-QFP),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020 adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2020 (COM(2020)0961),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020, adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Ottubru 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-3 ta' Novembru 2020 (12522/2020 – C9-0341/2020),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward ta' diżastru naturali u biex jipprovdi għall-pagament ta' avvanzi lill-Kroazja, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Portugall u lil Spanja b'rabta ma' emerġenza tas-saħħa pubblika (COM(2020)0960),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0223/2020),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020 ikopri l-mobilizzazzjoni proposta tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja wara diżastri naturali li seħħew f'dawk l-Istati Membri matul l-2020, kif ukoll għal avvanzi lil seba' Stati Membri, jiġifieri l-Kroazja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja, b'reazzjoni għall-emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020;
B. billi konsegwentement il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li temenda l-baġit 2020 u li żżid il-linja baġitarja 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" b'EUR 823 548 633, f'termini kemm ta' approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll ta' approprjazzjonijiet ta' pagament;
C. billi l-Kroazja talbet il-pagament ta' avvanz kif stabbilit fl-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002(6) u billi fl-10 ta' Awwissu 2020 il-Kummissjoni tat avvanz ekwivalenti għal EUR 88 951 877 tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata tal-Unjoni; billi, peress li l-approprjazzjonijiet għall-pagamenti tal-avvanz inizjalment disponibbli fil-baġit 2020 diġà ġew ikkunsmati kompletament, il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi addizzjonali meħtieġa fi ħdan il-limitu massimu annwali stabbilit għall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;
D. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020 jipproponi li jiddaħħlu EUR 734 596 756 fil-baġit 2020, kemm f'impenji kif ukoll f'pagamenti, wara li jitnaqqas l-avvanz ta' EUR 88 951 877 li diġà tħallas lill-Kroazja;
E. billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa strument speċjali skont id-definizzjoni fir-Regolament dwar il-QFP u l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti se jiġu bbaġitjati oltre l-limiti massimi tal-QFP;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 8/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
L-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea
137k
47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea (2020/2802(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4, 9 u 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti adottati mill-mexxejja dinjija f'Settembru 2015 u approvati mill-Kunsill, b'mod partikolari l-SDGs 1, 3, 8 u 11,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 dwar in-nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 26 dwar l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità u l-Artikolu 34(3) dwar ir-rikonoxximent u r-rispett tal-Unjoni tad-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipju 19 tiegħu dwar l-akkomodazzjoni u l-assistenza għall-persuni mingħajr dar,
– wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, tal-1989,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-UE tal-25 ta' Mejju 2018 dwar l-akkomodazzjoni f'kull wieħed mit-28 Stat Membru,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU ta' Ġinevra dwar l-Akkomodazzjoni Sostenibbli u l-għan tagħha li "tiżgura aċċess għal akkomodazzjoni diċenti, adegwata, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Plus (FSE+)(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-petizzjoni Nru. 0546/2020 u diversi petizzjonijiet oħra li qajmu t-tħassib dwar is-sitwazzjoni ta' aktar minn 4 miljun ċittadin Ewropej mingħajr dar u billi l-għadd ta' persuni mingħajr dar fl-UE allegatament żdied b'aktar minn 70 % f'dawn l-aħħar 10 snin;
B. billi l-problema ta' nuqqas ta' dar hija relatata direttament mad-diffikultà fl-eżerċitar ta' drittijiet bażiċi oħra, bħall-aċċess għall-kura tas-saħħa, u l-persuni mingħajr dar sikwit ikunu l-mira ta' reati ta' mibegħda u vjolenza, inkluża l-istigmatizzazzjoni soċjali;
C. billi dawn il-petizzjonijiet jitolbu li l-Unjoni Ewropea ma tħalli lil ħadd lura u tadotta azzjoni urġenti u miftiehma biex tieħu miżuri preventivi biex inaqqsu r-riskju u d-daqs tal-problema ta' persuni mingħajr dar b'mod sostenibbli;
D. billi fil-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem, l-akkomodazzjoni tipprovdi l-ispazju għall-ħajja, u b'hekk tippermetti li jiġu ssodisfati bżonnijiet oħra bażiċi u ogħla;
E. billi l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja s-soċjali u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
F. billi fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni jeħtiġilha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-politiki tal-akkomodazzjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;
G. billi n-nuqqas ta' definizzjoni waħda adottata b'mod wiesa' tal-problema ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fl-UE jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat id-daqs tal-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Istati Membri tal-UE;
H. billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, ir-rati ta' persuni mingħajr dar żdiedu f'għadd ta' Stati Membri tal-UE; billi l-kawżi ta' tali żieda huma taħlita ta' żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-impatt tal-kriżi ekonomika, it-tnaqqis tal-ħarsien soċjali u l-inadegwatezza tal-politiki biex tiġi indirizzata l-problema ta' persuni mingħajr dar f'ħafna Stati Membri; billi l-prezzijiet tad-djar żdiedu b'5 % fiż-żona tal-euro (ŻE19) u b'5,2 % fl-UE27 fit-tieni trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tas-sena preċedenti;
I. billi l-UE m'għandha l-ebda kompetenza diretta fuq il-politika tad-djar, iżda jista' jkollha impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Istati Membri b'mod indirett permezz ta' regolamenti, bħar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-liġi fiskali u l-liġi tal-kompetizzjoni u miżuri bħal rakkomandazzjonijiet u linji gwida;
J. billi l-Fond Soċjali Ewropew ġie stabbilit sabiex itejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u b'hekk jikkontribwixxi biex jgħolli l-livell tal-għajxien u jgħin lill-persuni mingħajr dar biex jidħlu jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali;
K. billi fondi strutturali u ta' investiment Ewropej oħra bħall-FEŻR intużaw għal proġetti ta' akkomodazzjoni u għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' komunitajiet fil-bżonn;
L. billi l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jipprovdu ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn;
M. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar kulma jmur qed tissemma aktar fl-aktar rapporti reċenti tas-Semestru Ewropew;
N. billi l-prezz soċjali tan-nuqqas ta' indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar huwa partikolarment għoli fl-oqsma tal-ġustizzja u tas-saħħa;
O. billi l-politiki tal-benessri soċjali, ibbażati fuq dispożizzjonijiet universali wiesgħa flimkien ma' miżuri mmirati sew, jiżvolġu rwol importanti ħafna biex jipprevjenu li persuna tispiċċa mingħajr dar;
P. billi l-evidenza miġbura tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq kemm il-prezz tal-akkomodazzjoni fl-UE jista' jintlaħaq tindika li fit-terminu medju, ir-reċessjoni ekonomika u t-telf ta' impjiegi u ta' introjtu jistgħu jkomplu jżidu l-piż eċċessiv tal-prezz tal-akkomodazzjoni u r-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Ewropa;
Q. billi l-profil tal-popolazzjoni mingħajr dar qed jinbidel u issa jinkludi aktar żgħażagħ u tfal, l-anzjani, il-migranti, ir-Roma u minoranzi żvantaġġati oħra, waqt li n-nisa u l-familji kulma jmur jinsabu f'riskju akbar li jispiċċaw mingħajr dar;
R. billi l-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u li wieħed ikun parti mis-soċjetà huwa kruċjali biex persuna tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha u tikkontribwixxi għas-soċjetà;
S. billi ġeneralment, persuna tispiċċa mingħajr dar minħabba interazzjoni kumplessa ta' fatturi strutturali, istituzzjonali u personali;
T. billi l-problema li persuna ssib ruħha mingħajr dar u eskluża mill-akkomodazzjoni tikkostitwixxi problema soċjali li għaliha għandha tinstab soluzzjoni permanenti;
U. billi ċerti Stati Membri jikkriminalizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar u l-imġiba assoċjata mal-persuni mingħajr dar;
V. billi f'ċerti Stati Membri, il-persuni mingħajr dar għandhom aċċess kostanti għall-kenn matul ix-xitwa biss, u mhux kontinwament matul is-sena kollha;
W. billi f'ċerti Stati Membri, is-servizzi tas-sigurtà soċjali lokali jiżvolġu biss rwol passiv fir-rigward tal-assistenza lill-persuni mingħajr dar biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' aktar minn 4 miljun ċittadin Ewropew mingħajr dar hekk kif il-kriżi tas-saħħa u ekonomika attwali qed tħalli aktar nies qiegħda u tagħmel lil għadd aktar ta' nies dipendenti fuq il-protezzjoni soċjali;
2. Ifakkar li l-aċċess għall-akkomodazzjoni hu dritt fundamentali tal-bniedem għall-persuni kollha, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtemmu l-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni sal-2030 u jistabbilixxu dan bħala mira fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar soda biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tnaqqis u l-eradikazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u f'konformità mal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti;
3. Jenfasizza li l-problema ta' persuni mingħajr dar hija identifikata bħala waħda mill-aktar forom severi ta' faqar u privazzjoni li jeħtieġ li jiġu aboliti permezz ta' politiki mmirati u integrati mwettqa b'mod sostenibbli permezz tal-indirizzar tal-fatturi ta' riskju personali (bħall-vulnerabbiltajiet individwali) u l-fatturi ta' riskju strutturali (bħall-akkomodazzjoni u l-qgħad);
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw definizzjoni ta' qafas komuni u indikaturi koerenti dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fl-UE, li jippermettu fehim komuni, tqabbil sistematiku u valutazzjoni tal-kobor tal-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Istati Membri differenti tal-UE;
5. Ifakkar li matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew ipprovda kenn lil 100 mara mingħajr dar fil-bini tiegħu;
6. Jirrimarka l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ġbir tad-data, peress li r-rati ta' persuni mingħajr dar jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati b'mod sistematiku fil-livell tal-UE permezz ta' korpi bħall-Eurostat;
7. Jilqa' l-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali biex tappoġġa u tindirizza din is-sitwazzjoni bħala waħda mill-inizjattivi emblematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Persuni Mingħajr Dar u jistieden ukoll lill-Istati Membri jadottaw il-prinċipju tal-Akkomodazzjoni l-Ewwel, ibbażat fuq prattiki tajba minn xi Stati Membri, li jgħin biex ir-rata ta' persuni mingħajr dar tonqos b'mod sostanzjali permezz tal-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni determinati u approċċi innovattivi; jiddikjara li approċċi innovattivi ta' dan it-tip huma bbażati fuq il-kunċett tad-dar bħala dritt fundamentali tal-bniedem u wara jiżviluppaw toroq ta' integrazzjoni soċjoprofessjonali usa';
9. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli timmira li tnaqqas il-problema ta' persuni mingħajr dar billi tintegra fiha l-politiki settorjali rilevanti tal-UE, speċjalment - iżda mhux esklussivament - fl-oqsma tal-iżvilupp reġjonali, is-saħħa, id-drittijiet tal-bniedem, iż-żgħażagħ, il-ġeneru, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni;
10. Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom biex jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar, jaħdmu fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri li huma, f'ħafna modi, l-aktar politiki kosteffikaċi u li jimminimizzaw il-ħsara għall-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar u biex jagħtu rwol aktar proattiv lis-servizzi tas-sigurtà soċjali reġjonali u lokali biex jgħinu lill-persuni mingħajr dar jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni interministerjali u intergovernattiva fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji bħal dawn, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' partijiet konċernati ewlenin, u jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;
12. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jtejbu l-ġbir ta' data rilevanti u komparabbli bl-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi akkreditati u awtoritajiet lokali li jaħdmu fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-għoti ta' servizzi għall-persuni mingħajr dar jew f'riskju li jispiċċaw mingħajr dar;
13. Jappoġġa l-kompiti tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS), li fih l-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni;
14. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ u l-governanza u tkompli timmobilizza l-finanzjament u l-politiki tal-UE relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jagħmlu użu mir-riżorsi tal-FEŻR għall-akkomodazzjoni soċjali;
15. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali;
16. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr dar fis-suq tax-xogħol, billi jipprovdu miżuri ta' rikonċiljazzjoni u appoġġ speċjalizzati u individwalizzati, taħriġ u programmi ta' impjieg integrati, kif ukoll skemi oħra mfassla apposta u mmirati biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ riveduta tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar fost iż-żgħażagħ;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jirrifletti l-kontributi riċevuti matul il-perjodu ta' konsultazzjoni dwar il-Prinċipju 19 billi jinkludu "L-Akkomodazzjoni u assistenza għall-persuni mingħajr dar" fil-Pjan ta' Azzjoni tal-2021, u jinsisti li jsir użu aħjar mis-Semestru Ewropew sabiex jiġi żgurat progress fl-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni;
18. Jenfasizza li l-persuni mingħajr dar u persuni oħra f'sitwazzjonijiet ta' akkomodazzjoni prekarji jinsabu f'riskju partikolari minħabba l-kriżi tal-COVID-19; iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE u l-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri mmirati biex jipproteġu lill-persuni mingħajr dar, jipprovdu assistenza finanzjarja lill-NGOs akkreditati u s-sħubijiet pubbliċi-privati, u biex jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali fl-iżgurar ta' spazji sikuri u l-prevenzjoni tal-iżgumbramenti;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti eżistenti, kif ukoll l-istrumenti taħt il-QFP 2021-2027 u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex itejbu l-opportunitajiet ta' impjieg u l-integrazzjoni soċjali tal-unitajiet domestiċi li qed jesperjenzaw il-qgħad;
20. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar billi jadottaw strateġiji nazzjonali integrati fit-tul, ibbażati fil-komunità u mmexxija mill-akkomodazzjoni, kif imħeġġeġ mill-pakkett ta' investiment soċjali tal-UE;
21. Jistieden lill-Kunsill jirrapporta b'mod regolari dwar ir-riżultati miksuba f'dan il-qasam;
22. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-parteċipazzjoni soċjali tal-partijiet ikkonċernati kollha fi strateġiji integrati għall-persuni mingħajr dar, u jippromwovu l-intraprenditorija soċjali u l-attivitajiet ta' awtoinnovazzjoni biex itejbu l-inklużjoni attiva tal-persuni mingħajr dar;
23. Jistieden lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar;
24. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess kostanti u kontinwu għad-djar ta' kenn ta' emerġenza fl-Unjoni kollha; jenfasizza, madankollu, li dawn għandhom ikunu biss soluzzjoni temporanja, u mhumiex alternattiva għal soluzzjonijiet strutturali bħall-prevenzjoni u l-għoti ta' akkomodazzjoni u appoġġ soċjali adegwati b'rispons għall-problema ta' persuni mingħajr dar;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21(1) u 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 intitolata "COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema" (C(2020)2051),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2020 intitolata "Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19" (C(2020)4813),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 intitolata "COVID-19: Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni" (C(2020)3250),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku"(6),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19(7),
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjoni 0653/2020 waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-2 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjoni 0653/2020 minn rappreżentanti tar-reġjuni tal-fruntiera Belġjana/Ġermaniża/Netherlandiża/Lussemburgiża li qajmet tħassib dwar l-għeluq f'daqqa tal-fruntieri interni tal-UE bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u l-konsegwenzi tal-miżuri differenti introdotti għan-nies fid-diversi Stati Membri, speċjalment dawk li jgħixu f'reġjuni tal-fruntiera;
B. billi r-reġjuni tal-fruntiera jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-Unjoni Ewropea u fihom tgħix 30 % tal-popolazzjoni tal-UE;
C. billi l-acquis ta' Schengen kien kruċjali biex ir-reġjuni tal-fruntiera jinbidlu f'postijiet ta' skambju ekonomiku u soċjali kif ukoll reġjuni mudell ta' kooperazzjoni territorjali u innovazzjoni istituzzjonali;
D. billi l-pandemija tal-COVID-19 hija theddida serja għas-saħħa pubblika, li tħalli impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE u fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura fl-Istati Membri;
E. billi, bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-maġġoranza tal-Istati Membri reġgħet introduċiet il-kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqet il-fruntieri; billi r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mill-pajjiżi terzi, iżda wkoll mill-Istati Membri tal-UE fiż-żona Schengen, ġew introdotti u għadhom japplikaw; billi dawn il-miżuri ma ġewx ikkoordinati bejn l-Istati Membri jew mal-istituzzjonijiet tal-UE;
F. billi hemm aktar minn 17-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu f'pajjiż tal-UE li mhuwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom (3,9 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2018);
G. billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jiġu introdotti mill-Istati Membri bħala eċċezzjoni u bħala l-aħħar alternattiva f'każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, u jridu jirrispettaw l-prinċipju tal-proporzjonalità; billi f'każ bħal dan, hemm l-obbligu li tintbagħat notifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni;
1. Jissottolinja li żona mingħajr l-ebda fruntiera interna hija element importanti tas-suq uniku Ewropew; itenni li l-pandemija tal-COVID-19 hija kriżi li, sa mill-ħolqien taż-żona Schengen, l-Ewropa qatt ma kienet għaddiet minnha;
2. Jisħaq fuq il-fatt li l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-pedamenti ta' Unjoni Ewropea li tiffunzjona u wieħed mill-akbar riżultati li kisbet; ifakkar fil-mobilità li qed tiżdied fl-UE kollha għal skopijiet ta' ħajja, xogħol, studju, jew tmexxija ta' negozju;
3. Jenfasizza li l-libertà ta' moviment intlaqtet serjament mill-għeluq totali jew parzjali tal-fruntieri, mill-Istati Membri, matul il-pandemija tal-COVID-19; jiddispjaċih li l-għeluq ta' malajr malajr u mhux ikkoordinat tal-fruntieri u l-introduzzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament wasslu biex il-persuni li kienu fi tranżitu tħallew l-art u laqtu serjament lil dawk li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera billi limitawlhom il-kapaċità li jaqsmu l-fruntiera għal skopijiet ta' xogħol, biex ifornu u jirċievu servizzi jew biex iżuru lill-ħbieb jew lill-familjari; jisħaq fuq l-effett detrimentali li kellu l-għeluq tal-fruntieri interni u esterni fuq in-negozju internazzjonali kif ukoll is-setturi tax-xjenza u tat-turiżmu; jisħaq fuq il-fatt li minflok ma jintroduċu kontrolli fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jippermettu lill-persuni jaqsmu l-fruntieri, filwaqt li jiżguraw l-ogħla sikurezza u jħarsu s-saħħa;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati r-regoli tal-acquis ta' Schengen billi jiġu kkoordinati aħjar il-miżuri fiż-żona Schengen u b'mod partikolari fir-reġjuni transfruntiera, u biex jiġi evitat li l-Istati Membri kollha jkollhom approċċ frammentat; jenfasizza li l-miżuri restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu għandhom jibqgħu eċċezzjoni; jisħaq fuq il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu għandhom jiġu sostitwiti b'miżuri mmirati f'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmoderaw ir-restrizzjonijiet tagħhom; ifakkar fl-importanza li terġa' tkun stabbilita żona Schengen li tiffunzjona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;
5. Jinnota li ż-żoni l-aktar milquta mill-pandemija mhux dejjem jikkoinċidu mal-fruntieri nazzjonali, u huwa għalhekk li l-limitazzjonijiet tal-moviment għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fid-diversi reġjuni u għandhom ikunu flessibbli u lokali;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jappoġġaw azzjoni kontinwa u kkoordinata tal-UE biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-moviment; jappella lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu u jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri għal koordinament ġenerali abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamenti ta' kwarantina, it-traċċar tal-kuntatti transfruntiera, l-istrateġiji tal-ittestjar, il-valutazzjoni konġunta tal-metodi tal-ittestjar, ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet u r-restrizzjonijiet temporanju fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. jemmen li għandhom jintużaw miżuri komprensivi, adegwati u ċari fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri interni sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon l-gwida kontinwa min-naħa tal-Kummissjoni bħala parti mill-koordinament li għaddej bħalissa ta' risposta komuni tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni, u l-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust tal-ħaddiema u tas-servizzi;
8. Jappella lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb u tappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinament mal-UE kollha fost l-Istati Membri u magħhom matul il-pandemija;
9. Iqis li għodod bħal applikazzjonijiet għat-traċċar tal-COVID-19 għandhom ikunu kompatibbli bejn il-fruntieri biex ikun żgurata li jkunu effikaċi u jagħmluha possibbli li jsir traċċar tal-infezzjonijiet waqt l-ivvjaġġar; jissottolinja li r-residenti tal-UE għandu jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli, komprensiva u f'ħin reali dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri ta' saħħa u sikurezza relatati mal-pandemija fl-Ewropa kollha; itenni l-importanza tal-komunikazzjoni multilingwi dwar il-pandemija b'attenzjoni partikolari għal-lingwi użati fir-reġjuni transfruntiera; jappella lill-Kummissjoni taġġorna konsegwentement is-sit web "Re-open EU" sabiex toħloq punt uniku ta' kuntatt reali li jiffaċilita l-moviment liberu matul il-pandemija u jgħin lir-residenti b'mod sinifikanti jerġgħu jadottaw l-istil ta' ħajja abitwali tagħhom;
10. Jesprimi tħassib dwar il-bosta ostakli li jiltaqgħu magħhom ħafna ħaddiema transfruntiera, studenti u koppji binazzjonali f'relazzjonijiet stabbli minħabba l-għeluq tal-fruntieri jew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntiera fejn l-ivvjaġġar transfruntier mid-dar għax-xogħol u viċiversa huwa komuni; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-persuni li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera u l-ħaddiema transfruntiera għandhom jiġu eżentati mill-miżuri u mir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, filwaqt li jkunu meħtieġa jirrispettaw il-pariri u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri rilevanti sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-virus;
11. Iqis li huwa importanti ferm li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ, u jiddependi kemm mir-rieda politika tal-Istati Membri kif ukoll mill-impenn tagħhom li jikkoordinaw il-miżuri skont l-acquis ta' Schengen; ifakkar li għandha tiġi evitata kwalunkwe azzjoni mhux ikkoordinata u bilaterali li tista' twassal għal restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-mobilità u l-moviment liberu; jinnota li strateġija dwar il-futur ta' Schengen hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni għall-2021; ifakkar li t-tlestija taż-żona Schengen hija iżjed minn mixtieqa inkwantu tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod indaqs mill-acquis tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħejju, mill-aktar fis possibbli, pjanijiet ta' kontinġenza fl-eventwalità li t-tixrid tal-COVID-19 jilħaq qċaċet ulterjuri, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri jsiru semipermanenti fit-terminu medju;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (09573/1/2020 – C9-0355/2020 – 2018/0089(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (09573/1/2020 – C9‑0355/2020),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Settembru 2018(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2018(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0184),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0224/2020),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.