Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2020 - Brussell
Swieq fi strumenti finanzjarji: emenda tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, tar-rekwiżiti tal-governanza tal-prodotti u tal-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 ***I
 Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi
 L-indirizzar tas-sikurezza tal-prodotti fis-Suq Uniku
 Tisħiħ tal-Libertà tal-Media: il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti fl-Ewropa, id-Diskors ta' Mibegħda, id-Diżinformazzjoni u r-Rwol tal-Pjattaformi
 Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa
 Il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija
 It-titjib tal-effikaċja tal-iżvilupp u tal-effiċjenza tal-għajnuna

Swieq fi strumenti finanzjarji: emenda tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, tar-rekwiżiti tal-governanza tal-prodotti u tal-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 ***I
PDF 233kWORD 67k
Test
Test konsolidat
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Novembru 2020 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0280 – C9-0210/2020 – 2020/0152(COD))(1)
P9_TA(2020)0317A9-0208/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Emenda 9 sakemm ma jkunx indikat mod ieħor

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
P9_TA(2020)0317A9-0208/2020
għall-proposta tal-Kummissjoni
P9_TA(2020)0317A9-0208/2020
---------------------------------------------------------
P9_TA(2020)0317A9-0208/2020

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa b'mod sever lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji u lis-sistemi finanzjarji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Mejju 2020, bl-isem "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss"(3), enfasizzat li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament jibqgħu diffiċli fix-xhur li ġejjin. Għaldaqstant, huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, bit-tnaqqis tal-burokrazija permezz tal-introduzzjoni ta' emendi mmirati limitati għal-leġiżlazzjoni finanzjarja eżistenti. Għalhekk jenħtieġ li l-għan ġenerali tal-emendi jkun it-tneħħija tal-burokrazija żejda u l-istabbiliment ta' eżenzjonijiet temporanji li jitqiesu effettivi sabiex jiġi mmitigat it-taqlib ekonomiku. L-emendi jenħtieġ li jevitaw tibdil li jirriżulta f'aktar piżijiet fuq is-settur u jħallu l-kwistjonijiet leġiżlattivi kumplessi biex jiġu solvuti fir-rieżami ppjanat tal-MIFID II. Dan il-pakkett ta' miżuri huwa adottat taħt it-tikketta "Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali".

(2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ġiet adottata fl-2014 b'rispons għall-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007-2008. Din id-Direttiva saħħet b'mod sostanzjali s-sistema finanzjarja fl-Unjoni u tat garanzija ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni kollha. Jistgħu jitqiesu sforzi addizzjonali biex jitnaqqsu l-kumplessità regolatorja u l-kostijiet tal-konformità tad-ditti tal-investiment u biex jiġu eliminati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, dment li l-protezzjoni tal-investituri titqies b'mod suffiċjenti fl-istess ħin.

(3)  Fir-rigward tar-rekwiżiti li kienu maħsuba biex jipproteġu lill-investituri, id-Direttiva 2014/65/UE ma kisbitx għalkollox l-objettiv tagħha li tadatta l-miżuri li jieħdu biżżejjed kont tal-partikolaritajiet ta' kull kategorija ta' investituri (klijenti konsumaturi, klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli). Uħud minn dawk ir-rekwiżiti mhux dejjem saħħew il-protezzjoni tal-investituri iżda xi drabi pjuttost fixklu l-eżekuzzjoni bla xkiel ta' deċiżjonijiet ta' investiment. Biex tissaħħaħ aħjar il-protezzjoni tal-investituri, huwa ta' importanza kritika li l-livell ta' dejn tal-investituri fil-livell tal-konsumatur jitqies fil-valutazzjoni tal-adegwatezza, b'mod partikolari minħabba l-livell dejjem jiżdied ta' dejn tal-konsumatur minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, ċerti rekwiżiti fid-Direttiva 2014/65/UE jistgħu jiġu emendati biex jiġi faċilitat il-provvediment ta' servizzi ta' investiment u t-twettiq ta' attivitajiet tal-investiment dment li l-emendar isir b'mod ibbilanċjat li jipproteġi għalkollox lill-investituri.

(4)  Ir-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti jistgħu jillimitaw il-bejgħ ta' bonds maħruġa minn kumpaniji. Il-bonds maħruġa minn kumpaniji bi "klawżola make-whole" huma ġeneralment meqjusa prodotti sikuri u sempliċi li huma eliġibbli għall-klijenti konsumaturi. "Klawżola make-whole" bħal din tipproteġi lill-investituri kontra t-telf fil-każ li emittent jagħżel ripagament bikri, billi tiżgura li l-investituri jingħataw pagament ugwali għall-valur preżenti nett tal-kupuni li kienu jirċievu kieku l-bond ma ġiex rimborżat. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta' governanza tal-prodotti ma jibqgħux japplikaw għall-bonds maħruġa minn kumpaniji bi "klawżoli make-whole" bħal dawn.

(5)  Is-sejħa għal evidenza, imnedija mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), dwar l-impatt ta' inċentivi u tar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tal-ispejjeż u tal-imposti skont id-Direttiva 2014/65/UE u l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni t-tnejn li huma kkonfermaw li l-klijenti professjonali u l-kontropartijiet eliġibbli ma għandhomx bżonn informazzjoni standardizzata u obbligatorja dwar l-ispejjeż, billi diġà jirċievu l-informazzjoni meħtieġa meta jinnegozjaw mal-fornitur tas-servizz tagħhom. Din l-informazzjoni hija mfassla skont il-ħtiġijiet tagħhom u ta' spiss tkun aktar dettaljata. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli u l-klijenti professjonali jiġu eżentati minn dawn ir-rekwiżiti ta' żvelar tal-kostijiet u tat-tariffi, ħlief fir-rigward tas-servizzi ta' konsulenza dwar l-investiment u ta' ġestjoni tal-portafoll għax il-klijenti professjonali li jidħlu f'relazzjonijiet ta' ġestjoni tal-portafoll jew ta' konsulenza dwar l-investiment mhux bilfors ikollhom kwalifiki jew għarfien suffiċjenti biex jiġu eżentati mill-iżvelar tal-kostijiet u tat-tariffi.

(6)  Id-ditti tal-investiment bħalissa huma meħtieġa jwettqu analiżi kost-benefiċċji ta' ċerti attivitajiet tal-portafoll f'każ ta' relazzjonijiet kontinwi mal-klijenti tagħhom li fihom l-istrumenti finanzjarji jiġu soġġetti għal bidliet. Id-ditti tal-investiment huma b'hekk meħtieġa jiksbu l-informazzjoni meħtieġa mill-klijent u jkunu jistgħu juru li l-benefiċċji tat-tali tibdil huma superjuri għall-kostijiet. Billi din il-proċedura hija ta' piż żejjed għal klijenti professjonali, li għandhom it-tendenza li jaqilbu fuq bażi frekwenti, jenħtieġ li dawn jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà ta' inklużjoni fakultattiva. Billi l-klijenti mhux professjonali għandhom bżonn livell għoli ta' protezzjoni, jenħtieġ li din l-opzjoni tkun limitata għall-klijenti professjonali.

(7)  Il-klijenti b'relazzjoni kontinwa ma' ditta tal-investiment jirċievu rapporti obbligatorji tas-servizz, jew perjodikament jew wara attivazzjoni. La d-ditti tal-investiment u lanqas il-klijenti professjonali ma jqisu dawn ir-rapporti tas-servizz utli. Irriżulta li dawn ir-rapporti huma partikolarment inutli għall-klijenti professjonali fi swieq volatili ħafna, billi dawn ir-rapporti jiġu pprovduti bi frekwenza għolja u għadd kbir. Il-klijenti professjonali ta' spiss jirreaġixxu għal dawn ir-rapporti tas-servizz billi ma jaqrawhomx jew billi jieħdu deċiżjonijiet tal-investiment malajr aktar milli jkomplu bi strateġija tal-investiment ta' terminu twil. Għalhekk jenħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli ma jibqgħux jirċievu dawn ir-rapporti tas-servizz. Madankollu, jenħtieġ li l-klijenti professjonali jkollhom il-possibbiltà li jirċievu r-rapporti tas-servizz.

(8)  Id-Direttiva 2014/65/UE introduċiet rekwiżiti ta' rappurtar dwar kif l-ordnijiet kienu eżegwiti bl-aktar termini favorevoli għall-klijent. Dawn ir-rapporti tekniċi fihom ammonti kbar ta' informazzjoni kwantitattiva dettaljata dwar il-post ta' eżekuzzjoni, l-istrument finanzjarju, il-prezz, il-kostijiet u l-probabbiltà tal-eżekuzzjoni. Dawn rari jinqraw mill-investituri, kif jixhed l-għadd baxx ħafna ta' downloads mis-siti web tad-ditti tal-investiment. Billi dawn ma jippermettux lill-investituri jagħmlu paragun sinifikanti fuq il-bażi ta' din id-data, jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rapporti tiġi temporanjament sospiża.

(9)  Sabiex tiġi faċilitata l-komunikazzjoni bejn id-ditti tal-investiment u l-klijenti tagħhom, u b'hekk jiġi faċilitat il-proċess tal-investiment innifsu, jenħtieġ li l-informazzjoni tal-investiment ma tibqax tiġi pprovduta f'forma stampata iżda, bħala għażla prestabbilita, tiġi pprovduta elettronikament. Madankollu, jenħtieġ li l-klijenti konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tibqa' tiġi pprovduta f'forma stampata.

(9a)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tressaq rapport dwar l-impatt tal-applikazzjoni tal-limiti ta' pożizzjoni u l-ġestjoni tal-pożizzjonijiet fuq il-likwidità, l-abbuż tas-suq u l-kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu fis-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet, kif previst f'din id-Direttiva. Valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tar-reġim tad-derivattivi tal-komoditajiet u l-konsultazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati huma essenzjali meta tiġi rieżaminata s-sustanza ta' dawk id-dispożizzjonijiet, li ġew adottati b'reazzjoni għall-ftehimiet tas-summits tal-G20 ta' Pittsburgh fl-2009 u ta' Cannes fl-2011 biex jittejbu r-regolamentazzjoni, il-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet u biex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet. [Em. 2]

(10)  Id-Direttiva 2014/65/UE tippermetti lill-persuni li jinnegozjaw f'derivattivi ta' komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi fuq kwoti tal-emissjonijiet fuq bażi professjonali biex jużaw eżenzjoni mill-awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment meta l-attività tan-negozjar tagħhom tkun anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom. Il-persuni li japplikaw għat-test tal-attività anċillari huma meħtieġa li kull sena jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti rilevanti li se jagħmlu użu minn dik il-possibbiltà u jipprovdu l-elementi neċessarji biex jissodisfaw iż-żewġ testijiet kwantitattivi li jiddeterminaw jekk l-attività tan-negozjar hijiex anċillari għan-negozju ewlieni. L-ewwel test iqabbel id-daqs tal-attività tan-negozjar spekulattiv ta' entità mal-attività totali tan-negozjar fl-Unjoni fuq il-bażi ta' klassi tal-assi. It-tieni test iqabbel id-daqs tal-attività tan-negozjar spekulattiv, bl-inklużjoni tal-klassijiet tal-assi kollha, mal-attività totali tan-negozjar fi strumenti finanzjarji mill-entità fil-livell tal-grupp. Teżisti forma alternattiva tat-tieni test, li tikkonsisti fit-tqabbil tal-kapital stmat użat għall-attività tan-negozjar spekulattiv mal-ammont attwali ta' kapital użat fil-livell tal-grupp għan-negozju ewlieni. Dawn it-testijiet kwantitattivi jenħtieġ li jibqgħu r-regola bażika għall-eżenzjoni tal-attività anċillari. Bħala alternattiva, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jkunu awtorizzati li jiddependu fuq elementi kwalitattivi, soġġett għal kundizzjonijiet definiti b'mod ċar. L-ESMA jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tipprovdi gwida dwar iċ-ċirkostanzi li taħthom l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu japplikaw approċċ kwalitattiv, kif ukoll li tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji kwalitattivi. Il-persuni li huma eliġibbli għall-eżenzjoni, inkluż il-ġeneraturi tas-suq, qed jinnegozjaw akkont tagħhom infushom jew jipprovdu servizzi ta' investiment minbarra li jinnegozjaw akkont tagħhom infushom, lil klijenti jew fornituri tan-negozju ewlieni tagħhom. L-eżenzjoni tkun disponibbli għaż-żewġ każijiet individwalment u fuq bażi aggregata meta din tkun attività anċillari, meta meqjusa fuq bażi ta' grupp. Jenħtieġ li din l-eżenzjoni ma tkunx disponibbli għal persuni li japplikaw teknika tan-negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja jew li jkunu parti minn grupp li n-negozju prinċipali tiegħu huwa l-provvediment ta' servizzi ta' investiment, jew attivitajiet bankarji, jew li jaġixxi bħala ġeneratur tas-suq fir-rigward ta' derivattivi ta' komoditajiet. ▌

(11)  Fil-preżent, l-awtoritajiet kompetenti jridu jistabbilixxu u japplikaw limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' pożizzjoni netta li persuna tista' żżomm f'kull waqt f'derivattivi ta' komoditajiet innegozjati f'postijiet tan-negozjar u f'kuntratti barra l-borża li huma ekonomikament ekwivalenti (EEOTC, economically equivalent Over-The-Counter) deżinjati mill-Kummissjoni. Billi r-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni wera li ma kienx favorevoli għall-iżvilupp ta' swieq ġodda tal-komoditajiet, jenħtieġ li s-swieq ġodda tal-komoditajiet jiġu esklużi mir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni. Minflok, jenħtieġ li l-limiti ta' pożizzjoni japplikaw biss għal dawk id-derivattivi ta' komoditajiet li huma meqjusa sinifikanti jew derivattivi kritiċi ta' komoditajiet u l-kuntratti EEOTC tagħhom. Id-derivattivi sinifikanti jew kritiċi huma derivattivi ta' komoditajiet tal-enerġija ta' interess miftuħ ta' mill-inqas 300 000 lott fuq perjodu ta' sena. Minħabba l-importanza kritika tagħhom għaċ-ċittadini, il-komoditajiet agrikoli li għandhom titolu sottostanti li huwa għall-konsum uman, u l-kuntratti EEOTC tagħhom, se jibqgħu taħt ir-reġim attwali tal-limitu ta' pożizzjoni. Jenħtieġ li l-ESMA tingħata l-mandat li tiżviluppa abbozz ta' standards regolatorji għad-definizzjoni ta' komoditajiet agrikoli b'titolu sottostanti għall-konsum uman soġġett għal limiti ta' pożizzjoni u derivattivi kritiċi jew sinifikanti soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni. Għad-derivattivi sinifikanti u kritiċi, jenħtieġ li l-ESMA tqis l-interess miftuħ ta' 300 000 lott fuq perjodu ta' sena, l-għadd ta' parteċipanti fis-suq u l-komodità sottostanti.

(12)  Id-Direttiva 2014/65/UE ma tippermettix eżenzjonijiet għall-hedging għall-ebda entità finanzjarja. Diversi gruppi predominantement kummerċjali li stabbilew entità finanzjarja għall-iskopijiet tan-negozjar tagħhom sabu lilhom infushom f'sitwazzjoni fejn l-entità finanzjarja tagħhom ma setgħetx twettaq in-negozjar kollu għall-grupp, billi l-entità finanzjarja ma kinitx eliġibbli għal eżenzjoni għall-hedging. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni għall-hedging iddefinita b'mod strett għall-kontropartijiet finanzjarji. Din l-eżenzjoni għall-hedging jenħtieġ li tkun disponibbli fejn, fi grupp predominantement kummerċjali, persuna tkun ġiet irreġistrata bħala ditta tal-investiment u tinnegozja f'isem il-grupp kummerċjali. Sabiex din l-eżenzjoni għall-hedging tiġi limitata biss għal dawk l-entitajiet finanzjarji li jinnegozjaw għall-entitajiet mhux finanzjarji fil-grupp predominantement kummerċjali, jenħtieġ li l-eżenzjoni għall-hedging tkun tapplika għal dawk il-pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li jistgħu jitkejlu oġġettivament bħala li qed inaqqsu r-riskji direttament marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tal-entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp.

(13)  Anki f'kuntratti likwidi, tipikament għadd limitat biss ta' parteċipanti fis-suq jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq fis-swieq tal-komoditajiet. Meta dawn il-parteċipanti fis-suq ikollhom japplikaw limiti ta' pożizzjoni, ma jistgħux ikunu effettivi daqs il-ġeneraturi tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni għal-limitu ta' pożizzjoni għall-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw il-provvedimenti mandatorji tal-likwidità.

(13a)  Il-bidliet fir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni huma mfassla biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' kuntratti ġodda tal-enerġija, b'mod partikolari fis-suq tal-elettriku, u ma jfittxux li jirrilassaw ir-reġim għall-kuntratti tal-komoditajiet agrikoli.

(14)  Ir-reġim attwali tal-limitu ta' pożizzjoni ma jirrikonoxxix il-karatteristiċi uniċi tad-derivattivi titolizzati. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-derivattivi titolizzati jiġu esklużi mir-reġim tal-limitu ta' pożizzjoni.

(15)  Sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/65/UE, ma ġewx identifikati kuntratti tad-derivattivi ta' komoditajiet li kienu l-istess. Minħabba l-kunċett ta' "l-istess kuntratt" fid-Direttiva, il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-limiti tax-xhur l-oħra hija detrimentali għaċ-ċentru b'suq inqas likwidu meta ċ-ċentri tan-negozjar jikkompetu fuq derivattivi tal-komoditajiet fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi. Għalhekk, jenħtieġ li r-referenza għal "l-istess kuntratt" fid-Direttiva 2014/65/UE titħassar. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaqblu li d-derivattivi tal-komoditajiet innegozjati fiċ-ċentri tan-negozjar rispettivi tagħhom huma bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u jkollhom l-istess karatteristiċi, f'liema każ ix-xenarju bażi għal-limitu tax-xhur l-oħra fis-suq l-iktar likwidu għal dak id-derivattiv tal-komoditajiet jista' jintuża bħala l-limitu tax-xenarju bażi għall-istabbiliment tal-limitu ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra għall-kuntratti f'kompetizzjoni nnegozjati fiċ-ċentri inqas likwidi.

(16)  Hemm differenzi sinifikanti fil-mod li bih iċ-ċentri tan-negozjar jimmaniġġaw il-pożizzjonijiet fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet jissaħħu fejn meħtieġ.

(17)  Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri tas-swieq tal-komoditajiet tal-UE denominati f'euro, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' liema derivattivi tal-komoditajiet agrikoli jenħtieġ li jiġu soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni u liema derivattivi kritiċi jew sinifikanti jenħtieġ li jiġu soġġetti għal limiti ta' pożizzjoni, fir-rigward ta' proċedura li jistgħu japplikaw għaliha persuni għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa biex jiġu ssodisfati provvedimenti mandatorji tal-likwidità, fir-rigward ta' proċedura li jistgħu japplikaw għaliha entitajiet finanzjarji li huma parti minn grupp predominantement kummerċjali għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jnaqqsu r-riskji marbuta direttament mal-attivitajiet kummerċjali ta' entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp, fir-rigward tal-kjarifika tal-kontenut tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(18)  L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) hija l-politika ewlenija tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. In-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet u bid-derivattivi tagħhom huwa soġġett għad-Direttiva 2014/65/UE u għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u jirrappreżenta element importanti tas-suq tal-karbonju tal-Unjoni. L-eżenzjoni tal-attività anċillari skont id-Direttiva 2014/65/UE tippermetti li ċerti parteċipanti fis-suq ikunu attivi fis-swieq tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu awtorizzati bħala ditti tal-investiment, dment li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Minħabba l-importanza ta' swieq finanzjarji ordnati, regolati sew u soġġetti għal superviżjoni, ir-rwol sinifikanti tal-ETS fil-ksib tal-objettivi tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, u r-rwol li għandu suq sekondarju fil-kwoti tal-emissjonijiet li jiffunzjona sew insostenn tal-funzjonament tal-ETS, huwa essenzjali li l-eżenzjoni tal-attività anċillari titfassal b'mod xieraq biex tikkontribwixxi għal dawk l-objettivi. Dan huwa partikolarment rilevanti fejn in-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet isir f'ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, u biex jiġi żgurat li l-ETS tibqa' tiffunzjona b'mod trasparenti u robust biex jiġi żgurat tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-iżvilupp ulterjuri tan-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet u bid-derivattivi tagħhom fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, tivvaluta l-impatt tal-eżenzjoni tal-attività anċillari fuq l-ETS u, fejn meħtieġ, tipproponi kwalunkwe emenda xierqa fir-rigward tal-ambitu u tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-attività anċillari.

(19)  Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/65/UE tiġi emendata skont dan.

(20)  L-objettivi fil-mira ta' din l-emenda għandhom l-għan li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-Unjoni u, għalhekk, jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-Unjoni milli minn inizjattivi nazzjonali differenti. Is-swieq finanzjarji min-natura tagħhom stess jaqsmu l-fruntieri, u kulma jmur aktar qed jagħmlu dan. Minħabba din l-integrazzjoni, l-interventi iżolati fil-livell nazzjonali jkunu ferm inqas effiċjenti u jwasslu għall-frammentazzjoni tas-swieq, u jirriżultaw f'arbitraġġ regolatorju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(20a)   Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tirfina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni sabiex tiżgura rekwiżiti uniformi u xierqa li japplikaw għad-ditti tal-investiment madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(21)  F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(6), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(21a)   L-għan tal-emendi jenħtieġ li jkun li jsiru eċċezzjonijiet temporanji u titneħħa burokrazija ċara sabiex tiġi mmitigata l-kriżi ekonomika; jenħtieġ għalhekk li l-emendi jevitaw il-ftuħ ta' kwistjonijiet aktar kumplessi tal-leġiżlazzjoni li jista' jwassal għar-riskju li jkun hemm aktar piżijiet għas-settur. Tibdil akbar għal-leġiżlazzjoni jenħtieġ li l-ewwel ikun ivvalutat mill-ġdid fir-rieżami ppjanat tal-MiFID II.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)  L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, il-punt (j) huwa sostitwit b'dan li ġej"

"(j) il-persuni:

   (i) li jinnegozjaw f'isimhom stess, inklużi ġeneraturi tas-suq, f'derivattivi tal-komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew fid-derivattivi tagħhom, minbarra l-persuni li jinnegozjaw f'isimhom stess meta jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti; jew
   (ii) li jipprovdu servizzi ta' investiment, għajr in-negozjar f'isimhom stess, fid-derivattivi tal-komoditajiet jew fil-kwoti tal-emissjonijiet jew fid-derivattivi tagħhom lill-klijenti jew fornituri tan-negozju ewlieni tagħhom;

sakemm:

   għal kull wieħed minn dawk il-każijiet b'mod individwali u fuq bażi aggregata, l-attività tkun anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom, meta kkunsidrata fuq il-bażi ta' grupp;
   dawn il-persuni ma jkunux parti minn grupp li n-negozju ewlieni tiegħu jkun il-provvediment ta' servizzi ta' investiment fis-sens ta' din id-Direttiva, it-twettiq ta' kwalunkwe attività elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE, jew li jaġixxi bħala ġeneratur tas-suq għad-derivattivi tal-komoditajiet;
   dawk il-persuni ma japplikawx teknika ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja;
   b'talba dawn il-persuni jirrapportaw lill-awtorità kompetenti l-bażi li fuqha vvalutaw li l-attività tagħhom skont il-punti (i) u (ii) hija anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom.";

"

(b)  il-paragrafu 4 jitħassar; [Em. 6]

(ba)  jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"(4a) B'deroga mill-paragrafu 4, ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw kriterji kwalitattivi fir-rigward tal-eżenzjonijiet speċifikati fil-punt (j) tal-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tipprovdi gwida rigward il-kriterji kwalitattivi li jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat jekk l-eżenzjonijiet speċifikati fil-punt (j) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplikawx.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2021.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010."

"

(2)  L-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)  jiddaħħal il-punt (8a) li ġej:"

"(8a) "il-bdil ta' strumenti finanzjarji'" tfisser il-bejgħ ta' strument finanzjarju u x-xiri ta' strument finanzjarju ieħor jew l-eżerċitar ta' dritt li jsir tibdil fir-rigward ta' strument finanzjarju eżistenti;";

"

(b)  jiddaħħal il-punt (50a) li ġej:"

"(50a) "bonds maħruġin minn kumpaniji bi klawżola make-whole" tfisser bonds maħruġa minn kumpanija bi klawżola li tobbliga lill-emittent f'każ ta' ripagament bikri biex irodd lura lill-investitur l-ammont prinċipali tal-bond u l-valur preżenti nett tal-kupuni li l-investitur kien jirċievi kieku l-bond ma ġiex rimborżat;";

"

(c)  jiddaħħal il-punt (62a) li ġej:"

"(62a) "format elettroniku" tfisser kwalunkwe mezz durabbli ieħor għajr il-karta;

"

(3)  Fl-Artikolu 16(3), jiżdied dan is-subparagrafu li ġej:"

"Ir-rekwiżiti stipulati fit-tieni sal-ħames subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal bonds maħruġa minn kumpanija bi klawżoli make-whole.";

"

(4)  L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 2 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-bonds maħruġa minn kumpaniji bi klawżoli make-whole.";

"

(b)  fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Fil-każ li l-ftehim għax-xiri jew il-bejgħ ta' strument finanzjarju jiġi konkluż permezz ta' mezzi għall-komunikazzjoni mill-bogħod, li jipprevjenu t-twassil minn qabel ta' informazzjoni dwar il-kostijiet u t-tariffi, id-ditta tal-investiment tista' tipprovdi din l-informazzjoni dwar il-kostijiet u t-tariffi ▌mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

   (i) id-ditta tal-investiment tkun tat lill-klijent l-għażla li jkun hemm dewmien fil-konklużjoni tat-tranżazzjoni sakemm il-klijent ikun irċieva l-informazzjoni;
   (ii) il-klijent ikun qabel li jirċievi l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

Id-ditta tal-investiment għandha toffri lill-klijent il-possibbiltà li jirċievi din l-informazzjoni fuq it-telefon qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni.";

"

(c)  jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:"

"5a. Id-ditti tal-investiment għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa minn din id-Direttiva lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali f'format elettroniku, ħlief jekk il-klijent jew il-klijent potenzjali jkun klijent konsumatur jew klijent konsumatur potenzjali li jkun talab li jirċievi l-informazzjoni fuq karta, f'liema każ l-informazzjoni għandha tingħata fuq karta u mingħajr ħlas.

Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi jew lill-klijenti konsumaturi potenzjali li għandhom l-għażla li jirċievu l-informazzjoni fuq karta.

Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi eżistenti li kienu jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva fuq karta dwar il-fatt li se jirċievu dik l-informazzjoni f'forma elettronika mill-inqas tmien ġimgħat qabel l-informazzjoni tintbagħat f'forma elettronika. Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi eżistenti li għandhom l-għażla li jew ikomplu jirċievu l-informazzjoni fuq karta jew li jibdew jirċievu l-informazzjoni f'forma elettronika. Id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijenti konsumaturi wkoll li se jsir il-bdil awtomatiku għall-forma elettronika jekk dawn ma jagħmlux talba biex ikomplu jirċievu l-informazzjoni fuq karta fil-perjodu ta' tmien ġimgħat. Mhuwiex meħtieġ li l-klijenti konsumaturi eżistenti li diġà jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva f'format elettroniku jiġu infurmati.

"

(ca)  jiddaħħal il-paragrafu 9a li ġej: "

"9a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment ikunu jistgħu jħallsu għall-provvista ta' servizzi ta' eżekuzzjoni u l-provvista ta' riċerka dwar l-investiment b'mod konġunt, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

   (a) qabel ma jkunu ġew ipprovduti s-servizzi ta' eżekuzzjoni jew ta' riċerka dwar l-investiment, ikun sar ftehim bejn id-ditta tal-investiment u l-fornitur tar-riċerka, li jidentifika liema parti tal-pagament konġunt hija attribwibbli għar-riċerka dwar l-investiment;
   (b) id-ditta tal-investiment tinforma lill-klijent tagħha dwar il-pagamenti konġunti;
   (c) is-servizzi ta' eżekuzzjoni li għalihom isir il-pagament konġunt huma esklużivament fir-rigward tal-emittenti li ma jaqbżux kapitalizzazzjoni tas-suq ta' EUR 1 biljun matul il-perjodu ta' 36 xahar qabel il-forniment tar-riċerka dwar l-investiment.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, ir-riċerka dwar l-investiment għandha tinftiehem bħala li tkopri servizzi jew materjal ta' riċerka li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew aktar jew assi oħra, jew l-emittenti jew l-emittenti potenzjali ta' strumenti finanzjarji, jew bħala li tkopri servizzi jew materjal ta' riċerka b'rabta mill-qrib ma' industrija speċifika jew suq speċifiku b'tali mod li tikkontribwixxi biex tinforma l-opinjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji, l-assi jew l-emittenti f'dik l-industrija jew f'dak is-suq.

Ir-riċerka dwar l-investiment għandha tinkludi wkoll servizzi jew materjal li b'mod espliċitu jew impliċitu jirrakkomandaw jew jissuġġerixxu strateġija ta' investiment u tifformula opinjoni sostanzjata dwar il-valur jew il-prezz preżenti jew futur ta' strumenti finanzjarji jew assi, jew inkella jkun fiha analiżi u għarfien oriġinali u tilħaq konklużjonijiet ibbażati fuq informazzjoni ġdida jew eżistenti li jistgħu jintużaw biex jinformaw dwar strateġija ta' investiment u tkun rilevanti u kapaċi żżid il-valur tad-deċiżjonijiet tad-ditta tal-investiment f'isem il-klijenti li qed iħallsu għal dik ir-riċerka.

"

(5)  Fl-Artikolu 25(2), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"

"Meta jipprovdu konsulenza dwar l-investiment jew servizzi ta' ġestjoni tal-portafoll li jinvolvu l-bdil ta' strumenti finanzjarji, id-ditti tal-investiment għandhom janalizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bdil tal-istrumenti finanzjarji. Meta jipprovdu konsulenza dwar l-investiment, id-ditti tal-investiment għandhom jinformaw lill-klijent jekk il-benefiċċji tat-tali bdil tal-istrumenti finanzjarji humiex ikbar mill-ispejjeż involuti fil-bdil.";

"

(5a)  Fl-Artikolu 25(6), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"

"Dan il-paragrafu ma japplikax għal obbligi relatati mal-limitu ta' rapportar tat-telf skont l-Artikolu 25a ta' din id-Direttiva."

"

(5b)  Fl-Artikolu 25(8), il-parti introduttorja hija emendata kif ġej:"

"8. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 li jiżguraw li d-ditti ta' investiment jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu meta jipprovdu servizzi ta' investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti tagħhom, inkluż it-tagħrif li għandu jinkiseb meta jiġu vvalutati l-adattament u l-adegwatezza tas-servizzi u l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tagħhom, il-kriterji għall-valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji mhux kumplessi għall-finijiet tal-punt (a)(vi) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut u l-format tar-rekords u l-ftehimiet għall-għoti ta' servizzi lill-klijenti u rapporti perjodiċi lill-klijenti dwar is-servizzi pprovduti, iżda bl-esklużjoni tal-obbligi relatati mal-limiti tar-rapportar tat-telf stabbiliti fl-Artikolu 25a. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu:"

"

(5c)  Jiddaħħal l-Artikolu 25a li ġej: "

"Artikolu 25a

Limiti tar-rapportar tat-telf

   (1) Id-ditti tal-investiment li jipprovdu s-servizz ta' ġestjoni tal-portafoll għandhom jinformaw lill-klijent meta l-valur ġenerali tal-portafoll, kif evalwat fil-bidu ta' kull perjodu ta' rapportar, jiġi żvalutat b'10 % u wara dan f'multipli ta' 10 %, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol li fih jinqabeż il-limitu jew, f'każ meta l-limitu jinqabeż f'jum li ma jkunx jum tax-xogħol, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol sussegwenti.
   (2) Id-ditti tal-investiment li jkollhom kont ta' klijent konsumatur li jinkludi pożizzjonijiet fi strumenti finanzjarji b'effett ta' stimolu jew tranżazzjonijiet ta' obbligazzjoni kontinġenti għandhom jinformaw lill-klijent, meta l-valur inizjali ta' kwalunkwe strument jiġi żvalutat b'10 % u wara dan f'multipli ta' 10 %. Ir-rapportar skont dan il-paragrafu għandu jsir fuq bażi ta' strument, strument, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-klijent, u għandu jsir sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol li fih jinqabeż il-limitu jew, f'każ meta l-limitu jinqabeż f'jum li ma jkunx jum tax-xogħol, sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol sussegwenti."

"

(6)  Fl-Artikolu 27(3), is-subparagrafu li ġej hu miżjud:"

"Madankollu, l-obbligu ta' rapportar stipulat f'dan il-paragrafu ma għandux japplika sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sentejn].; il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina mill-ġdid b'mod komprensiv l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta' rapportar f'dan il-paragrafu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sena];"

"

(6a)  Fl-Artikolu 27(6) jiżdied is-subparagrafu li ġej:"

"Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina mill-ġdid b'mod komprensiv l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta' rapportar f'dan il-paragrafu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja + sena];"

"

(7)  Jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:"

"Artikolu 29a

Servizzi pprovduti lil klijenti professjonali

   (1) Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 24(4) ma għandhomx japplikaw għal servizzi oħra pprovduti lill-klijenti professjonali għajr il-konsulenza dwar l-investiment u l-ġestjoni tal-portafoll. Ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 24(4) lanqas ma għandhom japplikaw għal kontropartijiet eliġibbli.
   (2) Ir-rekwiżiti stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(2) u (6) ma għandhomx japplikaw għas-servizzi pprovduti lill-klijenti professjonali, sakemm dawk il-klijenti ma jinformawx lid-ditta tal-investiment bil-miktub li jixtiequ jibbenefikaw mid-drittijiet previsti f'dawn id-dispożizzjonijiet.
   (3) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iżommu rekords tat-talbiet bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2.";

"

(8)  Fl-Artikolu 30, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta' investiment li jkunu awtorizzati jwettqu ordnijiet f'isem il-klijenti u/jew jinnegozjaw f'isimhom u/jew jirċievu u jittrażmettu l-ordnijiet, jistgħu jaslu għal tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet eliġibbli jew jidħlu għalihom magħhom mingħajr ma jkunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi skont l-Artikolu 24, ħlief għall-paragrafi 4 u 5, l-Artikolu 25, ħlief għall-paragrafu 6, l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28(1) rigward dawn it-tranżazzjonijiet jew rigward kull servizz sekondarju li jkollu x'jaqsam direttament ma' dawn it-tranżazzjonijiet.

"

(9)  L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu ddeterminata mill-ESMA fi standards tekniċi regolatorji adottati skont il-paragrafu 3, jistabbilixxu u japplikaw limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' pożizzjoni netta li persuna jista' jkollha f'kull ħin f'derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u f'derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li jiġu nnegozjati f'ċentri tan-negozjar u f'kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti. Il-limiti għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet kollha li jkollha persuna u dawk miżmuma f'isimha fil-livell ta' grupp aggregat:

   (a) għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq;
   (b) għas-sostenn ta' kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu, inkluż għall-prevenzjoni ta' pożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni tas-suq u biex tiġi żgurata, b'mod partikolari, konverġenza bejn il-prezzijiet tad-derivattivi fix-xahar ta' twassil u prezzijiet spot għall-komodità sottostanti, mingħajr preġudizzju għall-identifikazzjoni tal-prezz fis-suq għall-komodità sottostanti.;

Il-limiti ta' pożizzjoni ma għandhomx japplikaw għal:

   (a) pożizzjonijiet miżmuma minn jew f'isem entità mhux finanzjarja u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta' dik l-entità mhux finanzjarja.;
   (b) pożizzjonijiet miżmuma minn, jew f'isem, entità finanzjarja li hija parti minn grupp mhux finanzjarju u li taġixxi f'isem dan il-grupp mhux finanzjarju u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta' dak il-grupp mhux finanzjarju;
   (c) pożizzjonijiet miżmuma minn kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għal pożizzjonijiet li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f'ċentru tan-negozjar, kif ipprovdut fil-punt (c) tar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 2(4);
   (d) titoli kif imsemmija fil-punt (44)(c) tal-Artikolu 4(1) b'rabta ma' komodità jew titolu sottostanti msemmija fit-Taqsima C(10) tal-Anness I.";

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura għall-entitajiet finanzjarji li huma parti minn grupp predominantement kummerċjali u li jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li oġġettivament jistgħu jitkejlu inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali tal-entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura li tistabbilixxi kif il-persuni jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f'ċentru tan-negozjar.

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa ... [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;.";

"

(b)  il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti msemmija fil-paragrafu 1, u biex tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw meta jiffissaw il-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot u limiti ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra għal derivattivi saldati b'mod fiżiku u f'kontanti fuq il-bażi tal-karatteristiċi tad-derivattiv rilevanti kkonċernati.

Meta tispeċifika d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti, l-ESMA għandha tqis il-fatturi li ġejjin:

   (a) id-daqs ta' interess miftuħ ta' 300 000 lott bħala medja f'sena
   (b) in-numru ta' parteċipanti tas-suq;
   (c) il-komodità sottostanti għad-derivattiv ikkonċernat.

Meta tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tqis il-fatturi li ġejjin:

   (a) il-provvista konsenjabbli fil-komodità sottostanti;
   (b) l-interess miftuħ kumplessiv f'dak id-derivattiv u l-interess miftuħ kumplessiv fi strumenti finanzjarji oħra bl-istess komodità sottostanti;
   (c) l-għadd u d-daqs tal-parteċipanti tas-suq;
   (d) il-karatteristiċi tas-suq ta' komoditajiet sottostanti, inklużi xejriet ta' produzzjoni, konsum u trasportazzjoni lejn is-suq;
   (e) l-iżvilupp ta' derivattivi ġodda;
   (f) l-esperjenza tad-ditti tal-investiment jew tal-operaturi tas-suq li joperaw ċentru tan-negozjar u ta' ġurisdizzjonijiet oħrajn rigward il-limiti ta' pożizzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sa [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.  Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limiti ta' pożizzjoni għall-kuntratti kritiċi jew sinifikanti f'derivattivi tal-komoditajiet innegozjati f'ċentri tan-negozjar u derivattivi tal-komoditajiet agrikoli, fuq il-bażi tal-metodoloġija għall-kalkolu determinata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Dan il-limitu ta' pożizzjoni għandu jinkludi kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti.

Awtorità kompetenti għandha teżamina mill-ġdid il-limiti ta' pożizzjoni kull meta jkun hemm bidla sinifikanti fis-suq, inkluż bidla sinifikanti fil-provvista konsenjabbli jew interess miftuħ, fuq il-bażi tad-determinazzjoni tagħha tal-provvista konsenjabbli u interess miftuħ, u għandha tiffissa l-limitu ta' pożizzjoni mill-ġdid skont il-metodoloġija għall-kalkolu stipulata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3;.";

"

(c)  il-paragrafi 6, 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"6. Meta d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi jiġu nnegozjati f'volumi sinifikanti f'ċentri tan-negozjar f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-awtorità kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar fejn isir l-akbar volum ta' negozjar ("l-awtorità kompetenti ċentrali") għandha tistabbilixxi l-limitu ta' pożizzjoni unika li jiġi applikat għan-negozjar kollu f'dak id-derivattiv. L-awtorità kompetenti ċentrali għandha tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar l-oħra li fihom jiġi nnegozjat dak id-derivattiv f'volumi sinifikanti fil-limitu ta' pożizzjoni unika li jiġi applikat u kwalunkwe reviżjoni għal limiti ta' dik il-pożizzjoni unika. L-awtoritajiet kompetenti li ma jaqblux mal-iffissar tal-limitu ta' pożizzjoni unika mill-awtorità kompetenti ċentrali għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex jikkunsidraw li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ma ġewx issodisfati. L-ESMA għandha ssolvi kwalunkwe tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta' ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar fejn jiġu nnegozjati d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li huma bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi, u l-awtoritajiet kompetenti tad-detenturi ta' pożizzjonijiet f'dawk id-derivattivi, għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni, li għandhom jinkludu l-iskambju tad-data rilevanti, biex ikun possibbli l-monitoraġġ u l-infurzar tal-limitu ta' pożizzjoni unika.

7.  L-ESMA għandha tissorvelja tal-anqas darba f'sena l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti implimentaw il-limiti ta' pożizzjoni stipulati skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilita mill-ESMA fil-paragrafu 3. F'dan il-proċess, l-ESMA għandha tiżgura li l-limitu ta' pożizzjoni unika jkun japplika effettivament għad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u għall-kuntratti kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi irrispettivament minn fejn jiġi nnegozjat skont il-paragrafu 6.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem ċentru tan-negozjar li jinnegozja derivattivi tal-komoditajiet japplikaw kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet, inkluż setgħat għaċ-ċentru tan-negozjar biex:

   (a) jissorvelja l-pożizzjonijiet ta' interess miftuħ tal-persuni;
   (b) jikseb informazzjoni, inkluża d-dokumentazzjoni rilevanti kollha, minn persuni dwar id-daqs u l-iskop ta' pożizzjoni jew skopertura li wieħed ikun daħal għalihom, informazzjoni dwar sidien benefiċjarji jew sottostanti, kwalunkwe arranġament ta' konċentrazzjoni, u kwalunkwe assi jew obbligazzjonijiet relatati fis-suq sottostanti, inkluż, fejn xieraq, il-pożizzjonijiet miżmuma f'kuntratti relatati f'ċentri tan-negozjar oħra u OTC, tramite membri u parteċipanti;
   (c) jirrikjedi li persuna tittermina jew tnaqqas pożizzjoni, fuq bażi temporanja jew permanenti, u jieħu azzjoni unilateralment biex tkun żgurata t-terminazzjoni jew it-tnaqqis tal-pożizzjoni meta l-persuna ma tikkonformax mat-tali talba; u
   (d) jirrikjedi li persuna tipprovdi, fuq bażi temporanja, likwidità lura fis-suq bi prezz u volum miftehma bil-ħsieb espliċitu li jittaffew l-effetti ta' pożizzjoni kbira jew dominanti.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kontenut tal-kontrolli tal-immaniġġar tal-pożizzjonijiet, u b'hekk tqis il-karatteristiċi taċ-ċentri tan-negozjar ikkonċernati.

L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";

"

(10)  Fl-Artikolu 58, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditti ta' investiment li jinnegozjaw derivattivi ta' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom barra minn ċentru ta' negozjar jipprovdu lill-awtorità ċentrali kompetenti msemmija fl-Artikolu 57(6) tal-anqas fuq bażi ta' kuljum, bi qsim komplet tal-pożizzjonijiet tagħhom meħuda f'derivattivi ta' komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom nnegozjati f'ċentru ta' negozjar u kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti, kif ukoll dawk tal-klijenti tagħhom u l-klijenti ta' dawk il-klijenti sakemm wieħed jasal għall-klijent aħħari, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.".

"

(11)  Fl-Artikolu 90, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:"

"1a. Qabel il-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-impatt tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1)(j), fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet jew id-derivattivi tagħhom, u għandha takkumpanja dak ir-rieżami, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva biex temenda l-eżenzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tivvaluta n-negozjar bi kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u d-derivattivi tagħhom fl-UE u f'pajjiżi terzi, l-impatt tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 2(1)(j) fuq il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità u t-trasparenza tas-swieq fil-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom u jekk jenħtieġx li jiġu adottati miżuri b'rabta man-negozjar li jseħħ f'ċentri ta' negozjar ta' pajjiżi terzi.".

"

Artikolu 1a

Emenda għad-Direttiva(UE) 2019/878

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2019/878, huwa emendat kif ġej:

(1)  l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta' Diċembru 2020:

   (i) il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sa fejn jikkonċernaw istituzzjonijiet ta' kreditu;
   (ii) il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(1) u (9) ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 2(5) u (6) u l-Artikolu 21b tad-Direttiva 2013/36/UE, sa fejn jikkonċernaw istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment."

"

(2)  is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:"

"Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan."

"

Artikolu 1b

Emendi għad-Direttiva 2013/36/UE

It-tielet, ir-raba' u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 94(2) huma sostitwiti b'dan li ġej:"

"Bil-għan li jiġi identifikat persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil ta' riskju tal-istituzzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2), ħlief fir-rigward ta' persunal f'ditti tal-investiment kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġi definit dan li ġej:

   (a) responsabbiltà maniġerjali u funzjonijiet ta' kontroll;
   (b) unità operatorja materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil ta' riskju tal-unità operatorja rilevanti; u
   (c) kategoriji oħrajn ta' persunal li ma jissemmewx b'mod espliċitu fl-Artikolu 92(2) li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil ta' riskju tal-istituzzjoni li b'mod komparabbli huwa materjali daqs dak ta' dawk il-kategoriji ta' persunal imsemmija fih.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-28 ta' Diċembru 2019.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li japplikaw għad-ditti tal-investiment kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-għoti tas-setgħa stabbilit fl-Artikolu 94(2) ta' din id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jkompli japplika sas-26 ta' Ġunju 2021.

"

Artikolu 2

Traspożizzjoni

(1)  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa [disa' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn il-miżuri.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri minn ... [12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

(2)  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 2a

Klawsola ta' rieżami

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2021, wara konsultazzjoni mal-ESMA, u abbażi tal-eżitu ta' konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq mill-Kummissjoni bi żmien suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal rieżami tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014. Ir-rieżami għandu jkun wiesa' u għandu jqis kwistjonijiet bħal dawk relatati mal-istruttura tas-suq, id-data, in-negozjar u l-fażi ta' wara n-negozjar, ir-regoli tar-riċerka, ir-regoli dwar il-ħlas ta' inċentivi lill-konsulenti, il-livell tal-kwalifiki professjonali tal-konsulenti fl-Ewropa, il-kategorizzazzjoni tal-klijenti u l-Brexit.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A9-0208/2020).
(2)* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
(3) COM(2020)0456 final tas-27.5.2020.
(4) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(5) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(6) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi
PDF 189kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi (2020/2021(INI))
P9_TA(2020)0318A9-0209/2020

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 169, 191, 192 u 193 TFUE,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(1),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur(2),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti(3),

—  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u għall-istatistika Ewropea (COM(2018)0441),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti(4),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji"(5),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart"(6),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(7),

—  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2018 bit-titolu "Behavioural Study on Consumers' Engagement in the Circular Economy" (Studju ta' Mġiba dwar l-Involviment tal-Konsumaturi fl-Ekonomija Ċirkolari),

—  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2019 bit-titolu "Analysis and development of a scoring system for repair and upgrade of products" (Analiżi u żvilupp ta' sistema ta' punteġġ għat-tiswija u l-modernizzazzjoni tal-prodotti),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020),

—  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq f'Marzu 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bit-titolu "Promoting product longevity" (Il-promozzjoni tal-lonġevità tal-prodotti),

—  wara li kkunsidra l-analiżi dettaljata mwettqa f'April 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "Sustainable Consumption and Consumer Protection Legislation" (Leġiżlazzjoni dwar il-Konsum Sostenibbli u l-Ħarsien tal-Konsumatur),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) tat-18 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Durable goods: More sustainable products, better consumer rights – Consumer expectations from the EU's ressource efficiency and circular economy agenda" (Oġġetti durabbli: prodotti aktar sostenibbli, drittijiet aħjar tal-konsumatur – L-aspettattivi tal-konsumatur mill-effiċjenza tar-riżorsi u l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0209/2020),

A.  billi quddiem l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-proliferazzjoni tal-iskart, jeħtieġ li jiġu stabbiliti skemi sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum li jqisu l-konfini tal-pjaneta, bl-użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi tagħna bħala prijorità;

B.  billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda u aktar reżiljenti u li jiġu appoġġjati n-negozji Ewropej, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom;

C.  billi suq uniku sostenibbli jrid jirrifletti t-talba tal-Parlament(8) għall-adozzjoni ta' Patt Ekoloġiku Ewropew ambizzjuż; billi għalhekk huwa essenzjali li tiġi żviluppata strateġija bbażata fuq ir-riċerka biex jiżdiedu d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti; billi din l-istrateġija għandha toħloq impjiegi, tkabbir u opportunitajiet ta' innovazzjoni għan-negozji Ewropej, tappoġġja l-kompetittività tagħhom fuq skala globali u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

D.  billi strateġija komuni u inklużiva ma tikkorrispondix għal approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; billi approċċ differenzjat ibbażat fuq l-ispeċifiċitajiet ta' kull kategorija u settur ta' prodott, kif ukoll fuq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, ikun aktar xieraq; billi l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti huma essenzjali għal suq uniku li jiffunzjona tajjeb u sostenibbli;

E.  billi huwa essenzjali li jiġi mobilizzat biżżejjed finanzjament permezz ta' programmi finanzjarji bħall-Programm għas-Suq Uniku, bil-ħsieb ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari, sabiex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-prodotti sostenibbli, kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni għan-negozji u l-konsumaturi;

F.  billi l-konsumaturi huma lesti biex jibdew il-vjaġġ lejn ekonomija ċirkolari u huwa tliet darbiet aktar probabbli li jixtru prodott jekk dan ikun ittikkettat bħala aktar durabbli u li jista' jissewwa skont l-istudju dwar l-imġiba tal-Kummissjoni tal-2018, iżda għad hemm ostakli, inkluża l-asimmetrija tal-informazzjoni; billi informazzjoni ċara, affidabbli u trasparenti dwar il-karatteristiċi ta' prodott, inkluż dwar it-tul tal-ħajja stmat u l-possibbiltà ta' tiswija, hija meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji; billi, għalhekk, l-informazzjoni eżistenti għandha tittejjeb, filwaqt li jiġi evitat ammont żejjed ta' informazzjoni;

G.  billi t-tul tal-ħajja ta' prodott u l-mod kif jiqdiem huma determinati minn diversi fatturi naturali u artifiċjali, bħall-kompożizzjoni, il-funzjonalità, l-ispiża tat-tiswija, ix-xejriet tal-konsum u l-użu; billi t-tul tal-ħajja stmat ta' prodott irid jitkejjel abbażi ta' testijiet u kriterji oġġettivi li jirriflettu l-kundizzjonijiet ta' użu reali u jrid jiġi stabbilit qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq;

H.  billi d-Direttiva (UE) 2019/771 għandha tiġi rieżaminata sal-2024; billi għadd ta' miżuri bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex tiżdied id-durabbiltà tal-prodotti u biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll ambjent kummerċjali kompetittiv, għandhom jiġu vvalutati bi tħejjija għal dan ir-rieżami; billi l-perjodu ta' sentejn ta' garanzija legali jista' ma jkunx xieraq għall-kategoriji ta' prodott kollha bi previżjoni ta' tul tal-ħajja aktar twil;

I.  billi f'riżoluzzjoni preċedenti(9), il-Parlament Ewropew appella għal miżuri biex tiġi rimedjata l-problema tal-obsolexxenza ppjanata ta' oġġetti u software, inkluż l-iżvilupp ta' definizzjoni komuni għall-ittestjar u l-identifikazzjoni ta' prattiki problematiċi; billi hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija komuni għas-suq uniku u li jiġu previsti ċ-ċertezza tad-dritt u l-fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;

J.  billi t-tul tal-ħajja tas-software huwa kruċjali għall-ħajja tal-apparat elettroniku; billi, peress li s-software qed isir obsolet dejjem aktar malajr, jeħtieġ li l-apparat elettroniku jkun jista' jiġi adattat sabiex jibqa' kompetittiv fis-suq(10);

K.  billi 79 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-manifatturi għandhom jintalbu jiffaċilitaw it-tiswija ta' apparati diġitali jew is-sostituzzjoni tal-partijiet individwali tagħhom(11); billi l-prodotti ta' kwalità għolja jagħtu spinta lill-kompetittività tan-negozji Ewropej;

L.  billi stħarriġ li sar f'Diċembru 2015(12) wera li 59 % tal-konsumaturi ma kinux jafu li l-perjodu ta' garanzija legali fl-UE jdum mill-inqas sentejn; billi l-għarfien tal-konsumatur dwar id-drittijiet ta' livell għoli eżistenti fir-rigward tal-garanzija legali jista' jittejjeb u tali titjib jikkontribwixxi għal użu aktar sostenibbli tal-oġġetti;

M.  billi ż-żieda fil-popolarità tal-kummerċ elettroniku ħolqot ħtieġa ta' kontroll aħjar tal-konformità tal-oġġetti u s-servizzi li jiġu minn pajjiżi terzi mal-istandards ambjentali u ta' sikurezza tal-UE, kif ukoll mad-drittijiet tal-konsumatur;

N.  billi suq uniku sostenibbli jeħtieġ sorveljanza effettiva tas-suq biex jiġi żgurat infurzar xieraq ta' dawn ir-regoli, fejn is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali għandhom rwol ewlieni;

O.  billi t-tħeġġiġ ta' kultura ta' tiswija u użu mill-ġdid u ż-żieda tal-fiduċja fis-suq tal-oġġetti użati jistgħu joffru sorsi ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, joħolqu l-impjiegi u, f'ċirkostanzi speċifiċi, jagħtu spinta lill-kompetittività industrijali; billi f'ċerti każijiet jeżistu ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħżlu t-tiswija, bħan-nuqqas ta' aċċess għal spare parts, in-nuqqas ta' standardizzazzjoni u interoperabbiltà, u n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' servizzi ta' tiswija; billi dan għandu impatt negattiv fuq is-settur tat-tiswija;

P.  billi, skont rapport tal-Ewrobarometru(13), 77 % taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu l-apparati tagħhom milli jissostitwuhom; billi n-negozji tat-tiswija jistgħu jkunu sors ta' impjiegi lokali u ta' għarfien espert speċifiku fl-Ewropa;

Q.  billi t-titwil tal-ħajja ta' tip ta' prodott li jkun għaddej minn titjib sostanzjali fl-effiċjenza ambjentali tiegħu għandu jiġi bbilanċjat bl-użu ta' dawn il-prodotti mtejba, u għalhekk m'għandux jirriżulta f'dewmien fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li jistgħu jwasslu għal kisbiet ambjentali sostanzjali;

R.  billi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni qed tipprovdi lis-soċjetajiet tagħna b'mezzi ġodda għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u qed tgħin biex jinħoloq suq sostenibbli bbażat fuq ir-responsabbiltà, it-trasparenza, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-użu aktar effettiv tar-riżorsi;

S.  billi l-pjattaformi online jistgħu jkomplu jwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni affidabbli dwar il-prodotti u s-servizzi li joffru;

T.  billi s-settur diġitali jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u t-trawwim ta' ekonomija sostenibbli; billi għandu jiġi indirizzat l-impatt fuq l-ambjent f'termini tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tal-infrastruttura tiegħu; billi mezzi aktar sostenibbli ta' imballaġġ u konsenja huma kruċjali biex tiġi stabbilita ekonomija ċirkolari;

U.  billi l-akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli huwa għodda strateġika li tista' tintuża biex tikkontribwixxi, flimkien ma' politiki importanti oħra, għat-tranżizzjoni industrijali tal-Ewropa u biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha; billi l-użu strateġiku tal-akkwist sostenibbli jista' jkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi billi jagħti spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli u l-provvista tagħhom u jagħmel dawk il-prodotti kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi;

V.  billi hemm bżonn li jiġu indirizzati asserzjonijiet ambjentali qarrieqa u li jiġu indirizzati "prattiki ta' greenwashing" permezz ta' metodoloġiji effettivi, inkluż dwar kif tali asserzjonijiet jiġu sostanzjati;

W.  billi r-reklamar għandu effett fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum; billi r-reklamar jista' jgħin lin-negozji u lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli infurmati;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari u r-rieda ddikjarata li jiġu promossi prodotti durabbli, li jkunu eħfef biex jissewwew, u li jistgħu jerġgħu jintużaw u jiġu rriċiklati, filwaqt li l-konsumatur jiġi appoġġjat f'din it-tranżizzjoni;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe strateġija għal suq uniku sostenibbli għandha tgħaqqad b'mod ġust, bilanċjat u proporzjonat il-prinċipji ta' sostenibbiltà, protezzjoni tal-konsumatur u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; jenfasizza li kwalunkwe miżura regolatorja potenzjali għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji, għandha tkun ambjentalment kosteffiċjenti u għandha tkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi sabiex dawn ikunu jistgħu jħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika fi ħdan is-suq intern; jenfasizza li l-miżuri regolatorji għandhom joħolqu vantaġġi kompetittivi għan-negozji Ewropej, m'għandhomx ipoġġu piż finanzjarju sproporzjonat fuqhom, u għandhom jixprunaw l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-investimenti f'teknoloġiji sostenibbli, u jsaħħu l-kompetittività Ewropea u, fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni tal-konsumatur; jirrimarka li l-miżuri regolatorji kollha previsti għandhom ikunu akkumpanjati b'valutazzjonijiet tal-impatt u għandhom dejjem iqisu l-iżviluppi tas-suq u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni turi ambizzjoni politika b'saħħitha meta tfassal, tadotta u timplimenta l-proposti rilevanti li jmiss, bħal dwar "l-awtonomizzazzjoni tal-konsumatur fit-tranżizzjoni ekoloġika" u inizjattiva politika dwar prodotti sostenibbli, li għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-miri klimatiċi tal-UE u ma' objettivi ambjentali oħra sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ktajjen tal-valur, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-użu ta' materja prima sekondarja, tiġi minimizzata l-ġenerazzjoni tal-iskart u tinkiseb ekonomija ċirkolari mingħajr tossiċità; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni f'waqtha u ta' konformità mal-obbligi u l-istandards eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tipposponihomx aktar;

4.  Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa għodda b'saħħitha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE, inkluż fir-rigward tar-rwol tagħha f'ekonomija globalizzata; jenfasizza li t-tlestija u l-approfondiment tas-suq uniku, inkluż permezz tal-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti u billi jiġu indirizzati l-ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati li fadal, huma prekundizzjoni għall-kisba ta' produzzjoni u konsum aktar sostenibbli fl-UE; jappella għal governanza trasparenti tas-suq intern, flimkien ma' monitoraġġ aktar effettiv u mtejjeb; jemmen li l-qafas legali għal suq uniku aktar sostenibbli għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija sostenibbli, jinċentiva lill-kumpaniji biex jagħmlu tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali aktar sostenibbli u b'hekk jikkontribwixxi għal irkupru ekonomiku sostenibbli;

5.  Jirrimarka li l-konsum sostenibbli jimxi id f'id mal-produzzjoni sostenibbli u li l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mħeġġa jikkunsidraw id-durabbiltà tal-prodotti u s-servizzi mill-istadju tad-disinn u meta jitqiegħdu jew jiġu pprovduti fis-suq intern, sabiex tiġi żgurata għażla sikura, sostenibbli, kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri, li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u għal setturi b'impatt ambjentali sinifikanti, li jtejbu d-durabbiltà tal-prodotti, inklużi it-tul tal-ħajja stmat, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta' tiswija u r-riċiklabbiltà tagħhom;

Id-drittijiet tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-obsolexxenza ppjanata

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, strateġija wiesgħa b'miżuri li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u li jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq biex jappoġġjaw in-negozji u l-konsumaturi u biex jiġu stabbiliti xejriet ta' produzzjoni u konsum sostenibbli; jinnota li din l-istrateġija għandha tinkludi miżuri biex:

   (a) tiġi speċifikata l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata dwar it-tul tal-ħajja stmat (li għandu jiġi espress fi snin u/jew ċikli ta' użu u li għandu jiġi determinat qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodott permezz ta' metodoloġija oġġettiva u standardizzata bbażata fuq kundizzjonijiet ta' użu reali, differenzi f'termini ta' intensità tal-użu u fatturi naturali, fost metrika oħra) u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar u komprensibbli sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu konfużi u li jitgħabbew iżżejjed b'informazzjoni, u din issir waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta' prodott skont id-Direttivi 2011/83/UE u 2005/29/KE,
   (b) jiġi żviluppat u introdott tikkettar obbligatorju, biex tiġi pprovduta lill-konsumaturi informazzjoni ċara, immedjatament viżibbli u faċli biex tinftiehem dwar it-tul tal-ħajja stmat u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott fil-mument tax-xiri; jenfasizza li tali skema ta' tikkettar għandha tiġi żviluppata billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, abbażi ta' standards armonizzati bbażati fuq ir-riċerka u trasparenti flimkien ma' valutazzjonijiet tal-impatt li juru r-rilevanza, il-proporzjonalità u l-effikaċja fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali negattivi u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jemmen li dan it-tikkettar għandu jinkludi b'mod partikolari informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija, bħal punteġġ ta' tiswija, u jista' jieħu l-forma ta' indiċi tal-prestazzjoni ambjentali, filwaqt li jitqiesu diversi kriterji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti skont il-kategorija tal-prodott;
   (c) jissaħħaħ ir-rwol tal-ekotikketta tal-UE biex tiżdied l-adozzjoni mill-industrija u titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi,
   (d) jiġi vvalutat liema kategoriji ta' oġġetti huma l-aktar adatti biex jiġu mgħammra b'arloġġ tal-użu, abbażi ta' analiżi tal-kosteffiċjenza/effiċjenza ambjentali, bil-għan li jittejbu l-informazzjoni għall-konsumatur u l-manutenzjoni tal-prodott, jitħeġġeġ l-użu fit-tul tal-prodotti permezz ta' użu mill-ġdid iffaċilitat, u tingħata spinta lill-mudelli kummerċjali ta' użu mill-ġdid u ta' oġġetti użati,
   (e) fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, jiġi vvalutat kif id-durata tal-garanziji legali tista' ssir aktar konformi mat-tul tal-ħajja stmat ta' kategorija ta' prodott, kif ukoll kif estensjoni tal-perjodu ta' inverżjoni tal-oneru tal-provi għal nuqqas ta' konformità ttejjeb il-possibbiltà għall-konsumaturi u n-negozji li jagħmlu għażliet sostenibbli; jitlob li din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra l-effetti possibbli ta' tali estensjonijiet potenzjali fuq il-prezzijiet, it-tul tal-ħajja mistenni tal-prodotti, is-sistemi ta' garanzija kummerċjali u s-servizzi ta' tiswija indipendenti,
   (f) fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, tiġi studjata l-fattibbiltà tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bejjiegħa fir-rigward tal-manifatturi bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' responsabbiltà konġunta tal-manifatturi u l-bejjiegħa fl-ambitu tar-reġim tal-garanzija legali,
   (g) tiġi indirizzata l-obsolexxenza prematura tal-prodotti billi titqies iż-żieda, fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, ta' prattiki li effettivament iqassru t-tul tal-ħajja ta' prodott biex iżidu r-rata ta' sostituzzjoni tiegħu u jillimitaw bla bżonn il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti, inkluż is-software; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom jiġu definiti b'mod ċar abbażi ta' definizzjoni oġġettiva u komuni, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, bħall-istabbilimenti tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, kummerċjali u ambjentali;

7.  Jenfasizza li l-oġġetti b'elementi diġitali jirrikjedu attenzjoni partikolari u li l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu fir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 li għandu jsir sal-2024:

   (a) l-aġġornamenti korrettivi – jiġifieri aġġornamenti tas-sigurtà u tal-konformità – iridu jkomplu matul it-tul tal-ħajja stmat tal-apparat, skont il-kategorija tal-prodott,
   (b) l-aġġornamenti korrettivi għandhom jinżammu separati mill-aġġornamenti evoluttivi, li jridu jkunu riversibbli, u ebda aġġornament m'għandu qatt inaqqas il-prestazzjoni jew ir-reattività tal-oġġetti,
   (c) il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati mill-bejjiegħ fil-mument tax-xiri dwar il-perjodu li matulu l-aġġornamenti tas-software pprovduti max-xiri tal-oġġetti jista' jkun mistenni li jiġu pprovduti, b'mod li jkun kompatibbli mal-innovazzjoni u l-iżviluppi futuri possibbli tas-suq, kif ukoll dwar l-ispeċifiċitajiet u l-impatti tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-apparat, biex jiġi żgurat li l-oġġetti jżommu l-konformità u s-sigurtà tagħhom;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' mezzi ta' rimedju sempliċi, effettivi u infurzabbli kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jirrimarka li l-konsumaturi fl-UE kollha għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-mezzi ta' rimedju tagħhom; jitlob finanzjament fil-qafas tal-Programm tas-Suq Uniku tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għal miżuri biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-informazzjoni u biex l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, kummerċjali u tal-ambjent jingħataw appoġġ għall-inizjattivi tagħhom; iqis li l-Istati Membri għandhom iwettqu kampanji ta' informazzjoni biex iżidu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur, speċjalment fost il-gruppi vulnerabbli, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-konsumaturi informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Gateway Diġitali Unika; jenfasizza li l-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom jeħtieġu appoġġ speċifiku, inkluż appoġġ finanzjarju, sabiex jifhmu u jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur;

9.  Jinnota li ħafna prodotti mqiegħda fis-suq uniku, speċjalment prodotti mibjugħa minn swieq online u importati minn barra l-UE, jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-rekwiżiti tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni b'mod urġenti biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kompetituri internazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw prodotti sikuri u sostenibbli għall-konsumaturi permezz ta' sorveljanza tas-suq imtejba u standards ta' kontroll doganali ekwivalenti fl-UE kollha kemm għan-negozji tradizzjonali kif ukoll għal dawk online; jirrimarka li sabiex dan il-kompitu jitwettaq, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iridu jingħataw riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020, u jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni xierqa tar-regolament; jissottolinja li l-interazzjoni bejn is-sistema RAPEX u s-swieq u l-pjattaformi online għandha tissaħħaħ b'mod sinifikanti;

Faċilitazzjoni tat-tiswijiet

10.  Jitlob li l-informazzjoni li ġejja dwar id-disponibbiltà ta' spare parts, aġġornamenti tas-software u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott issir disponibbli b'mod ċar u faċilment leġġibbli fil-mument tax-xiri: il-perjodu stmat ta' disponibbiltà mid-data tax-xiri, il-prezz medju tal-ispare parts fil-mument tax-xiri, iż-żminijiet approssimattivi rakkomandati tal-konsenja u t-tiswija, u informazzjoni dwar is-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni, meta rilevanti; jitlob, barra minn hekk, li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fid-dokumentazzjoni tal-prodott flimkien ma' sommarju tad-difetti l-aktar frekwenti u kif għandhom jissewwew;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi "dritt għat-tiswija" tal-konsumaturi bil-għan li tagħmel it-tiswijiet sistematiċi, kosteffiċjenti u attraenti, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kategoriji differenti ta' prodotti skont il-miżuri li diġà ttieħdu għal diversi apparati domestiċi skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn:

   (a) billi l-operaturi tal-industrija tat-tiswija, inklużi s-sewwejja indipendenti, u l-konsumaturi jingħataw aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluża informazzjoni dwar għodod dijanjostiċi, spare parts, software u aġġornamenti, meħtieġa biex jitwettqu t-tiswijiet u l-manutenzjoni, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943,
   (b) billi titħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-ispare parts għall-benefiċċju tal-interoperabbiltà u l-innovazzjoni, filwaqt li jitħarsu r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti,
   (c) billi jiġi stabbilit perjodu minimu obbligatorju għall-forniment ta' spare parts li jirrifletti t-tul tal-ħajja stmat tal-prodott wara li l-unità finali tkun tqiegħdet fis-suq, kif ukoll żminijiet massimi raġonevoli ta' konsenja skont il-kategorija tal-prodott f'konformità mar-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn adottati fl-1 ta' Ottubru 2019, li għandhom jiġu estiżi għal firxa usa' ta' prodotti,
   (d) billi jiġi żgurat li l-prezz ta' spare part ikun raġonevoli, u għalhekk kosteffiċjenti, meta mqabbel mal-prezz tal-prodott sħiħ u li s-sewwejja indipendenti u awtorizzati, kif ukoll il-konsumaturi, ikollhom aċċess għall-ispare parts meħtieġa mingħajr xkiel inġust,
   (e) billi titħeġġeġ it-tiswija minflok is-sostituzzjoni bl-estensjoni tal-garanziji jew bl-azzerar tal-perjodi ta' garanzija għall-konsumaturi li jagħżlu din l-opzjoni fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 u fid-dawl ta' analiżi tal-kosteffiċjenza kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u billi jiġi żgurat li l-bejjiegħa dejjem jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-opzjoni tat-tiswija u d-drittijiet tal-garanzija relatati,
   (f) billi jiġi vvalutat kif it-tiswijiet jistgħu jiġu ffaċilitati bl-istabbiliment, fil-livell tal-UE, ta' garanzija legali għall-parts sostitwiti minn sewwej professjonali meta l-oġġetti ma jkunux għadhom taħt garanzija legali jew kummerċjali fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771,
   (g) billi l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti joħolqu inċentivi, bħal "craftsman's bonus", li jippromwovu t-tiswijiet, b'mod partikolari wara t-tmiem tal-garanzija legali għall-konsumaturi li jagħmlu ċerti xogħlijiet ta' tiswija permezz ta' sewwejja awtorizzati/indipendenti;

Strateġija globali biex tiġi promossa kultura ta' użu mill-ġdid

12.  Jilqa' l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ta' miżuri vinkolanti għall-prevenzjoni tal-qerda ta' oġġetti li ma nbigħux jew li ma ddeterjorawx u li jkunu għadhom jaħdmu biex minflok ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, u ta' miri kwantifikati għall-użu mill-ġdid, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' depożitu f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ; jenfasizza li mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda għandhom jingħataw aċċess prijoritarju għal ċentri tal-iskart u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinċentivaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija li tivvaluta u tindirizza l-ostakli legali għat-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid, l-użu mill-ġdid u d-donazzjoni biex jiġi żgurat użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll għat-tisħiħ tas-suq intern għall-materja prima sekondarja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart, inkluż permezz ta' aktar standardizzazzjoni;

13.  Jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari u lill-mudelli kummerċjali sostenibbli biex tiġi minimizzata l-qerda ta' oġġetti u jiġu promossi t-tiswija u l-użu mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' mudelli bħal dawn u tara li jibqgħu kosteffiċjenti u attraenti u tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar dawn il-mudelli permezz ta' kampanji edukattivi u taħriġ kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jenfasizza l-importanza tal-investimenti fir-R&Ż f'dan il-qasam;

14.  Jirrimarka dwar l-eżistenza ta' prattiki adottati mill-kumpaniji biex jiskoraġġixxu t-tiswija, li jikkostitwixxu restrizzjoni tad-dritt għat-tiswija u jaffettwaw l-opzjonijiet ta' tiswija tal-konsumaturi; jappella għal approċċ kemm li jissalvagwardja l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll li jiżgura appoġġ effettiv għal sewwejja indipendenti, sabiex tiġi promossa l-għażla tal-konsumatur u jinkiseb suq uniku sostenibbli globali;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi għall-konsumaturi biex jixtru oġġetti użati; jirrimarka li t-trasferiment tal-garanzija f'każ ta' bejgħ mill-ġdid ta' oġġett li għadu kopert jista' jnissel fiduċja akbar tal-konsumatur f'dan is-suq; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina sa liema punt il-garanzija tax-xerrej għall-ewwel darba tista' tiġi ttrasferita lil xerrejja addizzjonali fil-każ ta' bejgħ sussegwenti, speċjalment fil-kuntest ta' passaport diġitali tal-prodott; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa li tiġi rieżaminata l-klawżola ta' eċċezzjoni għal prodotti użati taħt ir-reġim tal-garanzija legali previst mid-Direttiva (UE) 2019/771 meta jsir ir-rieżami tad-direttiva, wara valutazzjoni tal-impatt dwar l-effetti possibbli għal mudelli kummerċjali ta' oġġetti użati u bbażati fuq l-użu mill-ġdid;

16.  Jappella għal definizzjonijiet ċari għal prodotti rikondizzjonati u rinnovati u biex titħeġġeġ l-introduzzjoni fuq skala wiesgħa ta' sistema volontarja ta' garanziji kummerċjali estiżi għal tali oġġetti sabiex jiġu supplementati l-garanziji legali inizjali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu esposti għal malprassi;

17.  Jenfasizza li t-tlestija tas-suq intern għas-servizzi se tikkontribwixxi b'mod deċisiv għat-tranżizzjoni lejn suq uniku aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri lejn suq intern għas-servizzi li jiffunzjona tajjeb u żżid b'mod effettiv l-isforzi biex jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

18.  Jenfasizza r-rwol tas-settur tas-servizzi biex jiżdiedu l-aċċessibbiltà tat-tiswijiet u mudelli kummerċjali ġodda oħra; jilqa', b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali li jiddiżakkoppjaw il-konsum mis-sjieda materjali, fejn tinbiegħ il-funzjoni tal-prodott, u jappella għal valutazzjoni robusta tal-impatt tal-ekonomija funzjonali u tal-effetti rebound potenzjali tagħha, kif ukoll l-effetti fuq il-konsumaturi u l-interessi finanzjarji tagħhom, iżda anki l-impatt ambjentali ta' tali mudelli; jenfasizza li l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fuq l-internet, forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni (kirjiet, leasing, prodott bħala servizz, eċċ.) u d-disponibbiltà ta' faċilitajiet ta' tiswija jistgħu jgħinu biex jiġi estiż it-tul tal-ħajja ta' prodott u tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi f'tali prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' dawn il-mudelli kummerċjali ġodda permezz ta' appoġġ finanzjarju mmirat fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku u kwalunkwe programm rilevanti ieħor tal-QFP;

19.  Jappella għall-iżvilupp ta' kampanji nazzjonali u mekkaniżmi rilevanti biex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti permezz tat-tiswija u l-użu ta' oġġetti użati u biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud ta' teknoloġiji innovattivi sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jassistu u jappoġġjaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u lokali, kif ukoll lill-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku tal-QFP fit-twettiq ta' tali kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

20.  Jistieden lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet kollha jirreġistraw mal-Unità tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-UE sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, li għandu jtejjeb b'mod sinifikanti d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-kumpaniji;

Strateġija diġitali għal suq sostenibbli

21.  Jilqa' t-tħabbira ta' spazju komuni Ewropew tad-data għal applikazzjonijiet ċirkolari intelliġenti u l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa "passaport tal-prodott" diġitali biex ittejjeb it-traċċabbiltà u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta' prodott, id-durabbiltà, il-kompożizzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-possibbiltajiet ta' żarmar u t-trattament ta' tmiem il-ħajja, filwaqt li jitqiesu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-ispejjeż għan-negozji u filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom; jitlob li dawn l-għodod jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

22.  Jieħu nota tal-kontribut tat-teknoloġiji diġitali għall-innovazzjoni u fit-tiswir ta' ekonomija aktar ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards u protokolli għall-aċċess għal data interoperabbli u l-użu tagħha sabiex data bejn il-kumpaniji, l-investituri u l-awtoritajiet tiġi kondiviża b'mod effettiv u jiġu pprovduti opportunitajiet ta' negozju ċirkolari ġodda u mmexxija mid-data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji sostenibbli fil-QFP il-ġdid;

23.  Jinnota li, kemm jekk nikkunsidraw il-manifattura kif ukoll jekk nikkunsidraw is-servizzi, is-settur diġitali u l-konsum online għandhom impronta ambjentali, u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif indiċi ta' sostenibbiltà diġitali tal-UE bbażat fuq analiżi taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti jiffaċilita l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tat-teknoloġiji diġitali; jirrimarka li l-prattiki biex jitnaqqas tali impatt ambjentali, bħat-tnaqqis tal-imballaġġ u l-iżvilupp ta' imballaġġ aktar sostenibbli, għandhom ikunu parti minn strateġija lejn suq uniku sostenibbli;

24.  Iżid jgħid li għandu jiżdied l-għarfien dwar l-impronta ambjentali potenzjali ta' data mhux meħtieġa, bħal apps mhux użati, files, videos, ritratti u emails mhux mixtieqa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-prattiki u l-infrastruttura diġitali f'termini tal-impronta tal-karbonju u ambjentali tagħhom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-prattiki tal-konsumatur, u tikkunsidra miżuri xierqa biex tnaqqsu;

25.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tqis id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' ċarġers komuni, sabiex jitnaqqsu l-volumi ta' produzzjoni u l-iskart elettroniku;

Bidliet fl-approċċ meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi

26.  Huwa tal-fehma li l-akkwist pubbliku għandu jsir ċentrali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-UE, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jiġu appoġġjati l-isforzi ta' innovazzjoni tas-settur privat u l-proċessi ta' diġitalizzazzjoni tal-offerti pubbliċi u jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; jitlob li tingħata prijorità lill-istimolu tad-domanda għal oġġetti u servizzi ekoloġiċi b'impronta ambjentali iżgħar u l-promozzjoni ta' kriterji soċjali u ambjentali;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu tal-akkwist pubbliku ambjentali, soċjali u tal-innovazzjoni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima, billi jiġu introdotti kriterji u miri ta' sostenibbiltà fl-offerti pubbliċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni permezz ta' miżuri speċifiċi għas-settur u gwida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, filwaqt li żżomm il-qafas ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-akkwist pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża biex il-kriterji sostenibbli fl-akkwist pubbliku jkunu l-għażla awtomatika; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-prodotti użati, użati mill-ġdid, riċiklati u kkundizzjonati mill-ġdid u programmi ta' software b'konsum baxx tal-enerġija billi jiġu stabbiliti miri għax-xiri pubbliku; jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' strument għall-iskrinjar tas-sostenibbiltà tal-offerti pubbliċi biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-impenji klimatiċi tal-UE u jiġi indirizzat il-"greenwashing";

28.  Jenfasizza r-rwol li l-akkwist ekoloġiku u soċjali jista' jkollu fit-tqassir tal-ktajjen tal-provvista, fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq pajjiżi terzi u fit-trawwim tas-sostenibbiltà f'setturi kruċjali bħal dawk li jipproduċu l-prodotti mediċinali, l-enerġija u l-ikel; jitlob li jkun hemm reċiproċità effettiva fl-akkwist pubbliku ma' pajjiżi terzi u li jiġi garantit aċċess adegwat għall-akkwist pubbliku għall-SMEs, kif ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, billi jiġu introdotti, fost l-oħrajn, kriterji preferenzjali għall-għoti;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-iskemi eżistenti tal-UE biex jakkwistaw b'mod sostenibbli u jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-gwida tagħha u tmexxi bl-eżempju billi tippubblika miri u statistika relatati mal-impatt ambjentali tax-xiri tagħhom; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm obbligi ta' rappurtar għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-akkwist pubbliku sostenibbli tagħhom, mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv mhux ġustifikat u filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Kummerċjalizzazzjoni u reklamar responsabbli

30.  Jirrimarka li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom ma' asserzjonijiet qarrieqa dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti u s-servizzi, kemm online kif ukoll offline; jirrakkomanda, għalhekk, li jsir monitoraġġ effettiv tal-asserzjonijiet ambjentali magħmula mill-manifatturi u d-distributuri qabel ma prodott jew servizz jitqiegħed fis-suq u li d-Direttiva 2005/29/KE li ġiet emendata reċentement tiġi infurzata permezz ta' miżuri proattivi biex jiġu indirizzati l-prattiki qarrieqa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida aġġornati għall-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-asserzjonijiet ambjentali biex tipprovdi gwida għal attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq;

31.  Jitlob l-iżvilupp ta' linji gwida u standards ċari għal asserzjonijiet ekoloġiċi u impenji li jsarrfu f'ċertifikazzjonijiet tal-ekotikketta msaħħa u jilqa' l-proposta leġiżlattiva mħabbra dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi; jirrakkomanda li tiġi vvalutata l-ħtieġa possibbli tal-istabbiliment ta' reġistru pubbliku Ewropew li jelenka l-asserzjonijiet ambjentali awtorizzati u pprojbiti, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-passi li għandhom isiru biex issir asserzjoni; iżid jgħid li l-għoti ta' informazzjoni trasparenti, affidabbli u eżatta jżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti u s-swieq, u finalment iwassal għal konsum aktar sostenibbli;

32.  Jenfasizza li r-reklamar għandu impatt fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum u għandu jinkoraġġixxi għażliet ta' negozju u tal-konsumatur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza ta' reklamar responsabbli li jirrispetta l-istandards pubbliċi dwar l-ambjent u s-saħħa tal-konsumatur; jissottolinja li l-qafas regolatorju attwali li jindirizza r-reklamar qarrieqi jista' jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi meqjusa vulnerabbli, u jinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(2) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(3) ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28.
(4) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60
(6) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(9) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.
(10) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60, premessa S.
(11) Ewrobarometru Speċjali 503 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Attitudes towards the impact of digitalisation on daily lives" (Attitudnijiet lejn l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħajja ta' kuljum).
(12) Stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni f'Diċembru 2015, bit-titolu "Consumer market study on the functioning of legal and commercial guarantees for consumers in the EU" (Studju tas-suq tal-konsumatur dwar il-funzjonament tal-garanziji legali u kummerċjali għall-konsumaturi fl-UE).
(13) Ewrobarometru Flash 388 ta' Ġunju 2014 intitolat "Attitudes of Europeans towards waste management and resource efficiency" (Attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-ġestjoni tal-iskart u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi).


L-indirizzar tas-sikurezza tal-prodotti fis-Suq Uniku
PDF 185kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar l-indirizzar tas-sigurtà tal-prodotti fis-suq uniku (2019/2190(INI))
P9_TA(2020)0319A9-0207/2020

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà)(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-Blockchain: politika kummerċjali mfassla għall-ġejjieni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar teknoloġiji tar-reġistru distribwit u blockchains: noħolqu l-fiduċja bid-diżintermedjazzjoni(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-istrateġija għas-Suq Uniku(16),

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' April 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 – Unjoni li tirsisti għal aktar (COM(2020)0037),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-intelliġenza artifiċjali, tal-internet tal-oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

–   wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-intelliġenza artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar l-Etika għal AI Affidabbli tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (HLEG) tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikati fit-8 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 dwar il-bini tal-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem (COM(2019)0168),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Policy and investment recommendations for trustworthy artificial intelligence" (Rakkomandazzjonijiet ta' politika u ta' investiment għal intelliġenza artifiċjali affidabbli) mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikat fis-26 ta' Ġunju 2019;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0207/2020),

A.  billi s-suq uniku għall-prodotti huwa wieħed mill-aktar elementi fundamentali ekonomiċi tal-UE, u l-kummerċ tal-prodotti bħalissa jiġġenera madwar kwart tal-PDG tal-UE, u tliet kwarti tal-kummerċ fl-UE;

B.  billi d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (id-Direttiva 2001/95/KE, DSĠP) ġiet adottata fl-2001 u billi d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi nbidlu minħabba li kiber il-bejgħ tal-kummerċ elettroniku; billi tentattiv preċedenti ta' riforma tad-DSĠP ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2013 ma rnexxiex;

C.  billi huwa inaċċettabbli li l-konsumaturi tal-UE jiġu esposti għal prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE jew li jkunu illegali b'xi mod ieħor, bi kwistjonijiet li jvarjaw mill-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi fi prodotti għal software mhux sikur u perikli oħra għas-sikurezza; billi hemm bżonn ta' qafas leġiżlattiv orizzontali biex jaġixxi bħala xibka ta' sigurtà u biex itejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-konsumaturi;

D.  billi l-kummerċ tal-prodotti fis-suq uniku huwa marbut mad-dinamika tal-kummerċ globali tal-prodotti u l-effiċjenza tal-ktajjen ta' provvista; billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li l-fruntieri esterni tal-UE jkunu mgħammra aktar b'għodod aktar effettivi u armonizzati biex jidentifikaw prodotti mhux sikuri li ġejjin minn pajjiżi terzi u jipprevjenu ċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq uniku, b'hekk jibbenefikaw in-negozji li jirrispettaw ir-regoli u jiġu protetti b'mod xieraq u effettiv id-drittijiet tal-konsumatur;

E.  billi għandu jitqies kif xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni mill-awtoritajiet kompetenti meta jieħdu miżuri biex jiżguraw is-sikurezza tal-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward ta' prodotti li għandhom teknoloġiji diġitali ġodda inkorporati fihom u li jistgħu jkunu perikolużi;

F.  billi t-teknoloġiji emerġenti jittrasformaw il-karatteristiċi tal-prodotti u jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-konsumatur u ċ-ċertezza tad-dritt mingħajr ma tiġi mxekkla l-innovazzjoni; billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà u r-responsabbiltà tal-intelliġenza artifiċjali (IA), tal-internet tal-oġġetti (IoT) u tar-robotika jwitti t-triq biex dan jinkiseb;

G.  billi l-għadd ta' prodotti perikolużi nnotifikati permezz tas-Sistema Ewropea ta' Sikurezza (RAPEX) kif ukoll il-bejgħ ta' prodotti perikolużi u mhux konformi għadu għoli ħafna, u billi l-konformità mal-qafas regolatorju tal-UE, b'mod partikolari mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti, anke matul il-proċess tal-manifattura, tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-prodotti;

H.  billi s-sigurtà tal-prodott sa mit-tfassil u b'mod prestabbilit hija fundamentali għaliex is-sigurtà matul il-fażi tat-tfassil tista' ttejjeb is-sigurtà tal-prodotti fis-suq;

I.  billi s-sistema tas-sorveljanza tas-suq tal-UE tiffoka l-aktar fuq l-operaturi ekonomiċi preżenti fis-suq uniku, u billi l-iżviluppi fil-kummerċ elettroniku jirriżultaw f'għadd kbir ta' prodotti minn pajjiżi terzi li jitqiegħdu direttament fis-suq; billi ħafna minn dawn il-prodotti, madankollu, ma jirrispettawx ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jirriskjaw li jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, li spiss ma jkunux konxji ta' perikli bħal dawn;

J.  billi l-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur m'għandux jiddependi fuq jekk konsumatur jixtrix online jew f'ħanut fiżiku u billi l-inizjattivi volontarji introdotti minn xi pjattaformi diġitali u swieq online għandhom jiġu promossi aktar; billi għad hemm bżonn ta' azzjonijiet oħra biex il-konsumaturi jiġu protetti b'mod suffiċjenti, peress li ħafna prodotti mibjugħa fis-swieq online ma jikkonformawx mar-regoli tas-sigurtà tal-UE, u billi għalhekk hemm bżonn ta' qafas regolatorju aktar estensiv biex jiġu żgurati r-responsabbiltà u l-obbligi tal-pjattaforma;

K.  billi t-traċċabbiltà tal-prodotti tul il-katina tal-provvista hija essenzjali għat-titjib tas-sigurtà u għall-protezzjoni tal-konsumaturi;

L.  billi fl-UE kienu ġew irrapportati għadd kbir ta' prodotti ffalsifikati bħala perikolużi u kienu jirrappreżentaw riskju serju għas-saħħa u għas-sigurtà tal-konsumaturi;

1.  Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 uriet li għall-protezzjoni tal-persuni fl-UE huwa fundamentali li s-sigurtà tal-prodotti kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata din l-emerġenza kif ukoll il-kriżijiet kollha li jistgħu joħolqu periklu fl-UE fil-futur tkun fl-ogħla grad, speċjalment għal tagħmir mediku u protettiv mibjugħ online u offline u prodotti minn barra l-UE; jenfasizza għal dan il-għan, il-ħtieġa li l-pjattaformi online u s-swieq online jieħdu miżuri proattivi sabiex jindirizzaw prattiki qarrieqa u diżinformazzjoni rigward prodotti mibjugħa online; jistieden lill-Kummissjoni tixħet attenzjoni partikolari fuq is-sigurtà tal-apparati mediċi meta tixtri provvisti ta' tagħmir għal kriżijiet; jinnota li l-prodotti bbażati fuq l-IA, l-IoT jew ir-robotika jistgħu joffru soluzzjonijiet li jgħinu biex jiġu miġġielda l-kriżijiet attwali u futuri li jistgħu jimminaw il-pożizzjoni strateġika tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjonijiet ikkoordinati tagħhom fil-qafas dwar is-sigurtà tal-prodotti u n-networks rilevanti tiegħu;

Is-sigurtà tal-prodotti kollha

2.  Jilqa' r-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq iżda jenfasizza li, bl-eċċezzjoni tal-kontrolli dwar il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, ir-regolament japplika biss għall-prodotti soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, filwaqt li madwar terz tal-prodotti kollha li jiċċirkolaw fl-UE mhumiex prodotti armonizzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna u tistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tas-suq, kemm prodotti armonizzati kif ukoll dawk mhux armonizzati, li jitqiegħdu fis-suq offline u online u tagħmilhom xierqa għall-iskop tagħhom fl-era diġitali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u titjieb is-sigurtà tal-prodotti;

3.  Jirrimarka l-ħtieġa li r-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti jiġu adattati għar-realtajiet ġodda tas-suq u għat-tranżizzjoni diġitali sabiex jiġu indirizzati r-riskji u t-theddidiet emerġenti għas-sigurtà tal-konsumaturi, filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib tas-sigurtà relatat tal-konsumaturi u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi tat-teknoloġiji emerġenti bħall-IA, l-IoT, ir-robotika, l-istampar 3D u oħrajn fir-reviżjoni tagħha tal-DSĠP, u tidentifika u tagħlaq lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti, bħad-Direttiva dwar il-Makkinarju u d-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, filwaqt li tevita d-duplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tiżgura approċċ konsistenti lejn is-sigurtà tal-prodotti fil-leġiżlazzjoni settorjali kollha, bħad-Direttiva dwar il-Ġugarelli u leġiżlazzjoni oħra speċifika għall-prodott, sabiex jinkiseb l-ogħla livell ta' sigurtà tal-konsumatur filwaqt li jitneħħew l-ostakli potenzjali għall-iżvilupp ta' teknoloġiji fixkiela;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi mill-ġdid it-termini "prodott" u "prodott sigur" bħala parti mir-reviżjoni tagħha tal-DSĠP f'koordinazzjoni mar-reviżjoni possibbli ta' atti leġiżlattivi oħra bħad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, biex b'hekk dan jirrifletti l-kumplessità tat-teknoloġiji emerġenti, inklużi prodotti bl-IA, l-IoT u r-robotika inkorporati fihom u software awtonomu u software jew aġġornamenti li jinvolvu modifika sostanzjali fil-prodott li de facto twassal għal prodott ġdid; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lid-drittijiet tal-konsumatur u liċ-ċertezza tad-dritt għall-konsumaturi meta ssir ir-reviżjoni tal-DSĠP;

5.  Jinsab konvint li l-IA u teknoloġiji emerġenti oħra inkorporati fil-prodotti jistgħu jimmodifikaw l-iskop tal-prodotti, u jkollhom impatt fuq is-sigurtà tagħhom wara li jkunu tqiegħdu fis-suq, b'mod partikolari b'riżultat tal-aġġornamenti tas-software jew fil-każ ta' teknoloġija ta' awtotagħlim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis jekk "it-tqegħid fis-suq" bħala l-mument deċiżiv għall-operatur ekonomiku biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-prodott huwiex approċċ li għadu xieraq għall-iskop tiegħu u jispjega li l-konformità kontinwa tal-prodott bil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà tal-prodott, anke wara l-installazzjoni ta' software, tista' tkun aktar xierqa għall-iskop fl-era diġitali;

6.  Jaqbel li s-sistemi tal-IA għandhom ikunu sikuri sabiex ikunu affidabbli, kif deskritt mill-HLEG fil-Linji Gwida tiegħu dwar l-Etika għal IA Affidabbli, jitlob lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG u jaqbel li l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar is-sikurezza u s-sigurtà tal-IA u l-prodotti li fihom hija inkorporata; jinsab konvint li approċċ mifrux mal-UE kollha fir-rigward tal-IA huwa kruċjali għall-iżvilupp ta' din it-teknoloġija fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni komuni, li għandha tiġi riveduta perjodikament sabiex tiġi adattata għal żviluppi teknoloġiċi ġodda, u għal rekwiżiti relatati mas-sigurtà għall-IA sabiex tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri tas-suq uniku li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali differenti; jissottolinja li l-UE teħtieġ tieħu azzjoni biex toħloq qafas għall-investiment, l-infrastruttura tad-data, ir-riċerka u normi etiċi komuni li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji, jiżguraw forma aktar effettiva u aktar ġusta ta' protezzjoni tal-konsumatur, joħolqu ċertezza legali, itejbu l-kompetittività ekonomika tal-UE u jinċentivaw it-twaqqif u l-iżvilupp ta' negozji ġodda u negozji li jwettqu u jużaw ir-riċerka fl-IA; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tivvaluta kif it-teknoloġija tal-IA u l-blockchain jistgħu jintużaw biex itejbu s-sigurtà tal-prodotti permezz, pereżempju, tal-iżvilupp ta' bażijiet ta' data interoperabbli dwar inċidenti kkawżati minn prodotti mhux sikuri li jiċċirkolaw fis-suq uniku;

7.  Jikkunsidra li s-sistemi tal-IA, kemm jekk awtonomi kif ukoll jekk inkorporati fi prodott, joffru ħafna opportunitajiet u li dawn għandhom jużaw settijiet ta' data ta' kwalità għolja u imparzjali, sabiex ikunu affidabbli u jippromwovu l-protezzjoni tal-konsumatur; jilqa', għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bini tal-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem, li tqis is-seba' rekwiżiti ewlenin stabbiliti fil-linji gwida tal-HLEG; jenfasizza li dawn il-linji gwida għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fuq livell internazzjonali; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha teżamina l-istandards eżistenti tal-IA u tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tivvaluta liema standards ġodda huma meħtieġa, li għalihom għandha twettaq valutazzjoni perjodika tal-qafas regolatorju tal-UE relatat mal-IA sabiex tiżgura s-sigurtà tal-prodotti u l-protezzjoni tal-konsumatur u tad-data, u li għandha tintervjeni f'oqsma fejn ikun meħtieġ li tiġi promossa ċ-ċertezza tad-dritt u tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tar-regoli fi ħdan l-UE;

Konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti

8.  Jenfasizza li qafas ta' valutazzjoni armonizzat ibbażat fuq ir-riskju mfassal skont kriterji ċari u trasparenti mhux biss se jkun effiċjenti mil-lat amministrattiv, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għaliex se jevita piżijiet sproporzjonati, iżda wkoll f'termini ta' titjib tas-sigurtà tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tarmonizza l-metodoloġija u, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, tivvaluta bir-reqqa l-fattibbiltà ta' skemi ta' valutazzjoni bbażati fuq ir-riskju, tadatta l-applikazzjoni tagħhom għal prodotti b'livell għoli ta' riskju, u mekkaniżmi ta' valutazzjoni tal-konformità, fejn dawn għadhom ma jeżistux, biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà mid-disinn jew l-inadempjenza ta' prodotti b'teknoloġiji emerġenti inkorporati; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u jinnota li jista' jkun hemm asimetrija sinifikanti bejn l-iżvilupp ta' prodotti b'teknoloġiji emerġenti inkorporati u l-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jivvalutawhom; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw –bl-appoġġ tal-Kummissjoni –l-istrateġiji tagħhom għall-ġestjoni tar-riskju għall-IA fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom tas-sorveljanza tas-suq biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi kollha;

9.  Huwa tal-fehma li l-lakuni attwali fil-qafas legali eżistenti jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE u l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis ukoll il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" meta tivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni futura, li għandu jqis kif xieraq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-SMEs biex jitnaqqas il-piż li dawn il-miżuri jistgħu joħolqu u biex jiġi żgurat ambjent stabbli, prevedibbli u regolat kif xieraq li fih l-SMEs ikunu jistgħu jmexxu n-negozji tagħhom;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra punti ta' riferiment tal-UE għal "sandboxes regolatorji", mingħajr ma jiġi abbandunat il-prinċipju ta' prekawzjoni, peress li dawn jistgħu jtejbu s-sigurtà tal-prodotti billi jagħtu kontribut espert dwar kif tiġi vvalutata l-konformità ta' prodott mal-leġiżlazzjoni applikabbli b'mod modern; jinnota li l-ħolqien ta' ambjent uniku għall-ittestjar u t-titjib ta' teknoloġiji bħall-IA se jgħin lin-negozji tal-UE jegħlbu l-frammentazzjoni tas-suq uniku u jisfruttaw b'mod effettiv it-tkabbir potenzjali madwar l-UE; jrrikonoxxi r-rwol sinifikanti li ċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali jista' jkollhom meta jaġixxu simultanjament bħala intermedjarji bejn ir-regolaturi u l-kumpaniji filwaqt li jassistu n-negozji ġodda u l-SMEs jadattaw għal leġiżlazzjoni ġdida u jiffaċilitaw id-dħul fis-suq;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-imġiba awtonoma tal-awtotagħlim tal-IA tul il-ħajja tal-prodotti u jivvalutaw il-fattibbiltà tat-twaqqif ta' mekkaniżmi li jevitaw ir-riskji emerġenti; jitlob li s-sorveljanza umana obbligatorja tkun l-għażla prestabbilita għall-prodotti tal-IA b'riskju għoli u li jiġu żviluppati kontrolli effettivi fuq prodotti tal-IA ta' riskju għoli tul il-katina tal-provvista kollha bi proċeduri affidabbli u imparzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodotti u d-dritt tal-konsumaturi li jitolbu komunikazzjoni personali minflok komunikazzjoni ma' sistemi awtomatizzati; jenfasizza li drittijiet tal-konsumatur b'saħħithom jappoġġaw l-iżvilupp ta' prodotti tal-IA sikuri u innovattivi;

12.  Iħeġġeġ lill-fornituri ta' teknoloġiji emerġenti jintegraw il-mekkaniżmi tas-sikurezza u tas-sigurtà f'dawn it-teknoloġiji, inklużi mekkaniżmi ta' awtotiswija, biex jiġi evitat li jittella' software li potenzjalment jista' jipperikola s-sigurtà tal-konsumaturi, sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-problemi relatati mas-sigurtà tal-prodotti tagħhom, u sabiex tiġi żgurata u mtejba s-sigurtà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza jekk id-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, l-aġġornabbiltà u l-kapaċità ta' tiswija tal-prodotti jistgħux jinfluwenzaw is-sigurtà tagħhom; jinnota, madankollu, li ħafna operaturi ekonomiċi mhux dejjem jeżerċitaw kontroll effettiv fuq il-prodotti tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom, u li bosta partijiet oħra jistgħu jkunu responsabbli għal diversi komponenti tal-prodott;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw fl-infrastruttura ta' konnettività, inklużi teknoloġiji tal-komunikazzjoni ġodda bħall-5G, li s-sigurtà u l-privatezza jkunu inkorporati sa mit-tfassil u b'mod prestabbilit, sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-prodotti konnessi; jevidenzja li r-riskji derivati minn aġġornamenti tas-software, minn data żbaljata u minn telf ta' konnettività jistgħu jirriżultaw f'riskji għas-sigurtà u s-saħħa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-leġiżlazzjoni attwali sabiex tindirizza dawk ir-riskji;

14.  Jinsab konvint li n-nuqqas ta' ċibersigurtà jew ċibersigurtà dgħajfa tal-apparati konnessi u ta' servizzi interkonnessi jistgħu jikkompromettu s-sigurtà tal-prodotti, u li dan jeħtieġ li jiġi indirizzat fir-reviżjoni orizzontali tar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni tal-DSĠP iqis ukoll l-isfidi taċ-ċibersigurtà u xejriet emerġenti billi tiżgura li l-apparati kollha jibqgħu aġġornati mal-istandards tal-web f'industrija li kontinwament tevolvi;

15.  Jevidenzja l-fatt li l-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà huwa wieħed mill-għodod ewlenin sabiex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà fil-livell tal-UE iżda huwa bbażat fuq skema ta' ċertifikazzjoni volontarja biss; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa kemm għal skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li tkopri l-prodotti li jinkorporaw teknoloġiji emerġenti bħal prodotti tal-IA, tal-IoT u tar-robotika, f'konformità mal-qafas tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, filwaqt li dejjem tqis aspetti speċifiċi għas-settur, kif ukoll il-ħtieġa li toħloq skemi ta' ċertifikazzjoni obbligatorja għall-prodotti tal-konsumatur li jistgħu jiġu aġġornati malajr biex jadattaw għar-riskji attwali mingħajr ma tiġi mxekkla l-innovazzjoni; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni dwar rekwiżiti obbligatorji taċ-ċibersigurtà u mekkaniżmi xierqa tas-sorveljanza tas-suq;

Sorveljanza tas-suq effettiva

16.  Jissottolinja n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani li ħafna awtoritajiet ta'sorveljanza tas-suq fl-UE ffaċċjaw matul dawn l-aħħar ftit snin u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sal-punt li l-kompetenzi rispettivi tagħhom jippermettulhom, iżidu r-riżorsi u l-għarfien espert tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejniethom u jiżviluppaw azzjonijiet konġunti, inkluż fil-livell transfruntier u għas-swieq online, itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-kontrolli, u jaraw li jkun hemm il-persunal xieraq tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, inklużi l-awtoritajiet doganali, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw il-prodotti mhux sikuri tagħhom, b'mod partikolari, minn pajjiżi terzi, u jipprevjenu ċ-ċirkolazzjoni tagħom fis-suq intern; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza partikolari li jiġi pprovdut tagħmir modern lill-awtoritajiet rilevanti, kif ukoll li jiġi żgurat li jużaw teknoloġiji innovattivi, u jenfasizza li l-aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti, bħad-dokumentazzjoni tas-software u s-settijiet ta' data relatati mas-sigurtà tal-prodotti, huwa essenzjali biex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom u jivvalutaw il-konformità tal-prodotti mar-regoli ta' sigurtà rilevanti;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-programm tas-suq uniku, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (QFP), fl-appoġġ u t-tisħiħ tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq effettivi fil-kompiti tagħhom fis-suq intern kollu u fl-iżgurar tal-infurzar uniformi tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fl-UE kollha, sabiex fis-suq intern ikunu disponibbli biss prodotti sikuri u konformi li joffru livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżidu u jipprovdu riżorsi adegwati u linja baġitarja dedikata u jistieden ukoll lill-Istati Membri jallokaw riżorsi suffiċjenti lis-servizzi doganali tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati interistituzzjonali jipprevjenu li jitnaqqsu l-baġits għall-programm tas-suq uniku tal-QFP u l-programmi doganali;

18.  Jissottolinja li għalkemm l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq huma mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi ġenerali, filwaqt li l-prodotti ffalsifikati jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali privata, hemm relazzjoni bejn il-prodotti ffalsifikati u r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tikseb stampa aħjar u aktar ċara tal-fenomenu tal-falsifikazzjoni u tar-rwol possibbli li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u s-swieq online jista' jkollhom biex jipproteġu aħjar is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi tal-UE, inkluż permezz tal-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni doganali u l-armonizzazzjoni tal-kontrolli doganali fl-UE kollha; iħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-IA u l-blockchain mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li l-analitika tad-data tkun tista' tintuża biex jitnaqqas ir-riskju, tittejjeb il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u jiġu protetti l-konsumaturi kontra prodotti ffalsifikati;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu rati minimi ta' kampjunar; jitlob lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iwettqu xiri bil-moħbi speċifiku għas-settur, inkluż fuq swieq tax-xiri online, fuq bażi regolari jew matul il-jiem ta' investigazzjoni bħal dawk imwettqa min-Network ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC); iżid jgħid li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-aktar kategoriji ta' prodotti notifikati fir-RAPEX u li jittieħdu l-miżuri restrittivi xierqa jekk ikun identifikat riskju; jirrakkomanda li dawn il-miżuri jkunu msejsa kif xieraq fuq għodod ta' analitika tad-data; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimponu penali effettivi fuq il-kontraventuri;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr atti ta' implimentazzjoni f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu, li jistabbilixxu parametri referenzjarji u tekniki għall-kontrolli fuq prodotti armonizzati u mhux armonizzati, u biex tinkludi rekwiżiti minimi fuq il-kontrolli għall-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni biex jiġi żgurat infurzar konsistenti, effettiv u uniformi tad-dritt tal-Unjoni;

21.  Jenfasizza li l-prodotti li jinxtraw direttament mill-konsumaturi minn operaturi ekonomiċi barra mill-UE għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli effettivi biex jiżguraw il-konformità tagħhom mal-qafas regolatorju tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq inkluż lill-awtoritajiet doganali jwettqu kontrolli xierqa fuq dawn il-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi mhux tal-UE jintalbu jaħtru operatur ekonomiku fl-UE għal prodotti mhux armonizzati li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti relatati mas-sigurtà tal-prodott lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jikkooperaw magħhom biex jiżguraw li tittieħed azzjoni korrettiva biex jiġu rimedjati każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi, biex taqsam magħhom informazzjoni relatata mas-sorveljanza tas-suq dwar prodotti perikolużi, u biex tinkludi dispożizzjonijiet relatata mas-sorveljanza tas-suq u l-infurzar fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kollha, sabiex il-kumpaniji li mhumiex fl-UE li jbiegħu prodotti fis-suq intern ikunu soġġetti għall-istess obbligi ta' sigurtà tal-prodott bħall-kumpaniji tal-UE;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid, fil-livell tal-UE u internazzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, tas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali u awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra sabiex tiggarantixxi kontrolli armonizzati u uniformi fil-punti kollha tad-dħul tal-Unjoni, biex jista' jsir trasferiment rapidu tal-informazzjoni dwar il-prodotti mhux sikuri, u tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-miżuri ta' infurzar, bħall-kontrolli dwar il-konformità mal-qafas regolatorju u l-penali tal-UE; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-interazzjoni bejn il-bażijiet ta' data pubbliċi tal-UE u nazzjonali dwar il-prodotti illegali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1020, tippermetti l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq, li għandha titħaddem b'mod parallel mas-Sistema ta' Ġestjoni tar-Riskji Doganali, sabiex jiżdied il-livell ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lis-sigurtà tal-prodotti fil-pjan ta' azzjoni tagħha għad-dwana;

Prodotti siguri fis-swieq online

25.  Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jiġu offruti prodotti ugwalment siguri kemm jekk ikunu qed jixtru online kif ukoll jekk jixtru offline u jilqa' l-Wegħda dwar is-Sigurtà tal-Prodotti(18) għas-swieq online, filwaqt li jenfasizza l-karattru volontarju tagħha, il-parteċipazzjoni limitata tal-operaturi tas-suq u n-nuqqas ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkun żgurata valutazzjoni sinifikanti tal-isforzi tal-firmatarji; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi swieq online oħra jingħaqdu mal-inizjattiva u juru informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u tal-bejjiegħ bl-imnut, u tevalwa r-rwol li s-swieq online jista' jkollhom biex jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni ta' prodotti mhux sikuri u tipproponi regoli obbligatorji dwar l-obbligi u r-responsabbiltajiet tas-swieq stabbiliti fl-UE u barra minnha bħala parti mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali, ir-reviżjoni tad-DSĠP u kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra rilevanti;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni bejn il-pjattaformi tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-konformità mar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, twettaq riċerka dwar is-sigurtà tal-prodotti minn pajjiżi terzi, tiskrutinizza s-swieq online b'mod aktar attiv u żżid ir-responsabbiltà tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-Istati Membri, tinforma aħjar lill-konsumaturi dwar il-perikli possibbli ta' prodotti mhux konformi minn pajjiżi terzi mixrija fi swieq online; jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li s-swieq online japplikaw l-istess regoli għall-entitajiet kollha li joffru prodotti lill-konsumaturi fl-UE, inklużi dawk stabbiliti f'pajjiżi terzi;

27.  Jinnota li filwaqt li pjattaformi online, bħal swieq online, kienu ta' benefiċċju kemm għall-bejjiegħa bl-imnut kif ukoll għall-konsumaturi billi tejbu l-għażla u baxxew il-prezzijiet, fl-istess ħin għadd dejjem jikber ta' bejjiegħa – speċjalment minn pajjiżi terzi – qed joffru prodotti mhux sikuri jew illegali fis-suq uniku; iħeġġeġ għalhekk lis-swieq online jirreaġixxu malajr kemm jista' jkun għan-notifiki mir-RAPEX u jikkooperaw b'mod effettiv u proattiv mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri billi jirtiraw b'mod immedjat prodotti mhux sikuri u jieħdu miżuri biex ma jħalluhomx jerġgħu jitfaċċaw; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi obbligi li jirrikjedu li s-swieq online jirreaġixxu b'mod effettiv għal prodotti mhux sikuri, inkluż billi jinfurmaw lill-konsumaturi jekk ikunu xtraw prodott mhux sikur jew inkella mhux konformi; iħeġġeġ lis-swieq online, meta jiġu kkuntattjati minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex joħorġu twissija dwar prodott mhux sikur u biex jikkooperaw magħhom ħalli jivvalutaw ir-riskju potenzjali;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-swieq online jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta' attivitajiet konġunti bejniethom u mal-awtoritajiet kompetenti, jikkonsultaw lis-sistema RAPEX qabel ma jqiegħdu l-prodotti fuq is-siti web tagħhom, immedjatament ineħħu prodotti identifikati bħala mhux sikuri minn RAPEX, jiskambjaw informazzjoni dwar il-bejjiegħa li jiksru r-regoli, jieħdu miżuri effettivi u dissważivi kontrihom u l-katina tal-provvista tagħhom, jistabbilixxu sistema ta' awtentikazzjoni robusta tal-utenti kummerċjali, u jiżviluppaw wkoll għodda faċilment aċċessibbli fl-UE kollha għall-konsumaturi biex jirrapportaw prodotti mhux sikuri;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta kif is-swieq online jistgħu jtejbu l-interkonnessjoni tagħhom mas-sistema RAPEX, dment li din tal-aħħar tkun modernizzata u ssir kompatibbli, pereżempju permezz ta' interfaċċa għall-programmi tal-applikazzjonijiet, sabiex jirċievu twissijiet li prodott ikun ġie notifikat lis-sistema biex jiġi żgurat li l-prodotti offruti għall-bejgħ ikunu sikuri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikjedi li s-swieq online jintroduċu link għal RAPEX fuq is-siti web tagħhom biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar din il-pjattaforma;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa r-rekwiżit li l-pjattaformi online jistabbilixxu salvagwardji effettivi u xierqa biex jindirizzaw id-dehra ta' reklami għal prodotti mhux sikuri li ma jkunux konformi mal-qafas regolatorju tal-UE inklużi r-reklami jew il-garanziji qarrieqa u d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-fornituri jew mill-klijenti, u biex takkumpanja din l-evalwazzjoni b'valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt ta' tali dispożizzjonijiet, inkluża analiżi tal-kosteffiċjenza bbażata fuq il-proporzjonalità għall-pjattaformi online;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ambizzjuż dwar il-kummerċ elettroniku mad-WTO sabiex jittejjeb ir-rispett għar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-livell tal-UE u internazzjonali;

Programm tal-istandards tal-Kummissjoni għall-2020 u traċċabbiltà

32.  Jilqa' l-fatt li l-programm tal-UE għall-Istandardizzazzjoni għall-2020 jindirizza l-isfidi li jirriżultaw fis-suq uniku diġitali, bħall-IA, l-IoT, il-protezzjoni tad-data, inklużi d-data dwar is-saħħa, iċ-ċibersigurtà u l-mobbiltà awtomatizzata; jitlob lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni biex jappoġġaw il-proċess tat-tfassil tal-istandards armonizzati, inkluż għas-setturi tradizzjonali li qabel ma kinux jużaw l-IT, sabiex jiġi żgurat l-użu sikur ta' teknoloġiji diġitali ġodda u interoperabbli fuq bażi uniformi madwar l-UE; jissottolinja li għandhom jiġu żviluppati standards, b'mod partikolari fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' prodotti bħat-tagħmir protettiv personali, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' sigurtà għall-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji, fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni;

33.  Jenfasizza li t-traċċabbiltà effettiva u effiċjenti tul il-katina tal-provvista hija essenzjali biex jittejbu s-sigurtà u l-kwalità tal-prodotti, f'konformità mal-qafas regolatorju tal-UE u l-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE, peress li informazzjoni ċara u affidabbli dwar il-prodotti tipprevjeni l-inċertezza għall-konsumaturi, inklużi l-persuni b'diżabbiltà, tagħtihom is-setgħa biex jagħmlu għażliet infurmati abbażi ta' informazzjoni rilevanti u tippermetti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iwettqu l-attivitajiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna r-regoli għar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà ta' prodotti mhux armonizzati kif xieraq;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kif it-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħall-blockchain tista' ssaħħaħ is-sigurtà tal-prodotti billi ttejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti fil-katina tal-provvista, inkluż permezz tal-istandardizzazzjoni tagħhom; jispjega li l-iżvilupp ta' informazzjoni elettronika affidabbli u verifikabbli jagħmel il-kontrolli mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq aktar sempliċi u aktar effettivi;

Sejħiet lura

35.  Jinnota li l-konsumaturi ma jirrispondux tajjeb għas-sejħiet lura, u li l-prodotti mhux sikuri jibqgħu jintużaw minkejja li jkunu ġew imsejħa lura; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida b'lingwaġġ sempliċi dwar il-proċeduri tas-sejħiet lura, inkluża lista ta' kontroll b'rekwiżiti konkreti, u tipprovdi informazzjoni ċara dwar il-parametri referenzjarji użati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiżdied l-għadd ta' konsumaturi milħuqa, filwaqt li tqis li l-SMEs u b'mod partikolari l-mikrointrapriżi jafu jkunu jeħtieġu għajnuna addizzjonali sabiex jikkonformaw mal-linji gwida;

36.  Jitlob lill-bejjiegħa bl-imnut, lis-swieq online u lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiżvolġu rwol akbar fis-sejħiet lura ta' prodotti mhux sikuri mixtrija online jew offline billi jipprovdu informazzjoni adegwata u affidabbli lill-konsumaturi, u jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut u lis-swieq online jiżguraw li l-prodotti jiġu rtirati malajr mis-swieq u l-ixkafef online u jissejħu lura mingħand il-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikjedu li s-swieq online jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw li jkunu jistgħu jaslu għand l-utenti, ix-xerrejja u l-bejjiegħa tagħhom, kemm jekk ikunu individwi kif ukoll jekk ikunu negozji, sabiex jinfurmawhom malajr kemm jista' jkun meta s-sejħiet lura jkunu meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif teknoloġiji u algoritmi ġodda jistgħu jagħmlu dan il-proċess aktar effettiv u tiżgura li jintlaħaq għadd akbar ta' konsumaturi affettwati;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-iskambju transfruntier tal-aħjar prattiki dwar is-sejħiet lura, u jqisu żieda fir-rati tar-reġistrazzjoni tal-prodotti biex b'hekk il-konsumaturi milquta jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod aktar faċli u informati b'mod attiv, anke għal xiri transfruntier, u biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jużaw data, bħal skemi ta' lealtà, biex jilħqu lill-konsumaturi mingħajr ma jiksru r-regoli tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; jistieden lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar il-proċeduri ta' sejħiet lura billi jelenkaw prodotti identifikati bħala mhux sikuri fir-RAPEX fuq is-siti web tagħhom;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu rapport ta' feedback sempliċi u armonizzat dwar is-sejħiet lura mill-operaturi ekonomiċi li għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex tiġi vvalutata l-effettività tas-sejħa lura;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.
(2) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.
(3) ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1.
(4) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(5) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(6) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(7) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0032.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0081.
(10) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 141.
(11) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 39.
(12) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179.
(13) ĠU C 11, 13.1.2020, p. 7.
(14) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 2.
(15) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.
(16) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.
(17) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 722.
(18) Il-Wegħda dwar is-Sigurtà tal-Prodotti hija impenn volontarju li sar f'Ġunju 2018 mis-swieq online fir-rigward tas-sigurtà ta' prodotti mhux tal-ikel tal-konsumatur mibjugħa online minn bejjiegħa ta' partijiet terzi.


Tisħiħ tal-Libertà tal-Media: il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti fl-Ewropa, id-Diskors ta' Mibegħda, id-Diżinformazzjoni u r-Rwol tal-Pjattaformi
PDF 214kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-media: il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi (2020/2009(INI))
P9_TA(2020)0320A9-0205/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni, b'mod partikolari dak tat-23 ta' April 2020 dwar il-pandemiji ta' mard u l-libertà ta' opinjoni u espressjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Marzu 2017 maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni, ir-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), ir-Rapporteur Speċjali għal-Libertà ta' Espressjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u r-Rapporteur Speċjali għal-Libertà ta' Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR), bit-titolu "Il-Libertà ta' Espressjoni u l-Aħbarijiet Foloz, id-Diżinformazzjoni u l-Propaganda",

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Artikolu 19 tal-ICCPR (Il-libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-impenji stabbiliti fiha, fost l-oħrajn il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, fosthom billi jiġi żgurat aċċess pubbliku għall-informazzjoni u billi jiġu protetti l-libertajiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa biex jiġu promossi l-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti, inkluża r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media u d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-ġurnaliżmu ta' kwalità fl-era diġitali, ir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-atturi tas-settur tal-media l-oħrajn, u r-rapport annwali tiegħu tal-2020 bit-titolu "Hands off press freedom: Attacks on media in Europe must not become a new normal",

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2300 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tal-1 ta' Ottubru 2019 dwar it-titjib tal-protezzjoni tal-informaturi madwar l-Ewropa kollha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 intitolata "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2020 li fiha l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 (COM(2020)0027),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2019 bit-titolu "It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni: Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 bit-titolu "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew" (COM(2018)0236),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika tal-Kummissjoni biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni online, miftiehma fis-26 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online (C(2018)1177),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni kontra d-Diżinformazzjoni, tal-5 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissjoni għall-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online, li tnieda f'Mejju 2016 u r-raba' sessjoni ta' evalwazzjoni tiegħu, li rriżultat fid-dokument "Factsheet - 4th monitoring round of the Code of Conduct" (Skeda Informattiva - ir-raba' sessjoni ta' monitoraġġ tal-Kodiċi ta' Kondotta),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva jew AVMSD)(2) u d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE(3),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Grupp ta' Regolatorji Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva bit-titolu "Disinformation:: Assessment of the implementation of the Code of Practice",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar il-litteriżmu fil-media f'dinja dejjem tinbidel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar it-tisħiħ tal-kontenut Ewropew fl-ekonomija diġitali, li jirrikonoxxu r-rilevanza tal-kontenut iġġenerat mill-media "kif ukoll minn setturi kulturali u kreattivi oħra", bħala "pilastri essenzjali tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ewropa".

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati fit-12 ta' Mejju 2014, li jirrikonoxxu l-libertà artistika bħala komponent inerenti tal-libertà ta' espressjoni flimkien mal-libertà tal-media,

–  wara li kkunsidra l-aġġornament tar-Rapport Speċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-24 ta' April 2020 bit-titolu "Short Assessment of Narratives and Disinformation around the COVID-19/Coronavirus Pandemic" (Valutazzjoni Qasira tan-Narrattivi u d-Diżinformazzjoni dwar il-Pandemija tal-COVID-19/Coronavirus),

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa, ippubblikati minn Reporters Mingħajr Fruntieri, u dawk tal-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media taċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Media tal-Istitut Universitarju Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia(8),

–  wara li kkunsidra r-rizoluzzjoni tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-indħil elettorali barrani u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-użu tad-data tal-utenti ta' Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media fl-Unjoni Ewropea(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u Martina Kušnírová(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(25),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(26),

–  wara li kkunsidra l-istudju tat-28 ta' Frar 2019 tad-Dipartiment Tematiku tal-Parlament għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali bit-titolu "Disinformation and propaganda - impact on the functioning of the rule of law in the EU and its Member States" (Id-diżinformazzjoni u l-propoganda - impatt fuq il-funzjonament tal-istat tad-dritt fl-UE u fl-Istati Membri tagħha),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0205/2020),

A.  billi s-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media huma komponenti kruċjali tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u l-Istati Membri tagħha; billi l-kompiti demokratiċi ewlenin tal-media jinkludu t-tisħiħ tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont demokratiku; billi l-media għandha rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, peress li taġixxi bħala entità ta' kontroll pubbliku, filwaqt li tgħin biex tinforma u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, billi twessa' l-fehim tagħhom tax-xenarju politiku u soċjali attwali u trawwem il-parteċipazzjoni konxja tagħhom fil-ħajja demokratika;

B.  billi l-kriżi enfasizzat ir-rwol essenzjali li għandhom il-ġurnalisti biex jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni affidabbli u vverifikata; billi jrid isir aktar sforz sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u xierqa għall-ġurnalisti; billi l-ġurnaliżmu investigattiv għandu jingħata kunsiderazzjoni partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina fl-UE;

C.  billi xi Stati Membri jillimitaw il-libertà tal-media bl-użu ta' mezzi ekonomiċi, bħal reklamar pubbliku mgħawweġ fost l-istrumenti tal-media li jbiddel il-kompetizzjoni, u jikkontrollaw il-media pubblika b'mod dirett sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet editorjali u jiżguraw il-lealtà favur il-gvern; billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw qafas legali u regolatorju li jrawwem l-iżvilupp ta' media ħielsa, indipendenti u pluralistika;

D.  billi l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jaderixxu mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE;

E.  billi l-ħtif tal-media, in-nuqqas ta' trasparenza istituzzjonali, id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni qed jiġu sfruttati dejjem aktar għal finijiet politiċi bħala għodod biex tiġi intensifikata l-polarizzazzjoni soċjali; billi l-ġlieda kontra dawn il-fenomeni mhijiex biss rilevanti għall-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, iżda hija wkoll fattur fundamentali f'termini tad-difiża tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-UE;

F.  billi skont l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2020, il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat u amplifikat bosta kriżijiet oħra li jheddu d-dritt għal informazzjoni rrapportata b'mod liberu, indipendenti, divers u affidabbli; billi l-indiċi kixef differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri individwali, li xi wħud minnhom huma fost l-ogħla fil-klassifika dinjija, filwaqt li oħrajn joqorbu lejn l-aktar livell baxx, u dan ifisser distakk ta' aktar minn 100 post bejn l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni u dawk bl-agħar prestazzjoni; billi diversi Stati Membri niżlu 'l isfel fil-klassifiki internazzjonali tal-libertà tal-istampa;

G.  billi l-libertà tal-media bdiet sejra lura f'dawn l-aħħar snin u filwaqt li t-tifqigħa tal-COVID-19 kompliet taggrava dan id-deterjorament, serviet ukoll biex ħarġet fid-dieher l-importanza tal-media u d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni affidabbli;

H.  billi skont ir-Rapport dwar l-Aħbarijiet Diġitali tal-Istitut Reuters tal-2019, il-livell medju ta' fiduċja fl-aħbarijiet b'mod ġenerali (fuq livell dinji) naqas b'2 punti perċentwali għal 42 % meta mqabbel mal-2018, u inqas min-nofs (49 %) tal-parteċipanti tal-istħarriġ qalu li jafdaw lill-media tal-aħbarijiet li jużaw huma stess; billi l-fiduċja fl-aħbarijiet misjuba permezz tat-tiftix (33 %) u tal-media soċjali tibqa' stabbli iżda estremament baxxa (23 %);

I.  billi t-trasparenza tas-sjieda tal-media hija prekundizzjoni assoluta biex jiġu żgurati l-pluraliżmu tal-media u l-ġurnaliżmu indipendenti;

J.  billi l-ġurnalisti u atturi oħra tal-media jibqgħu jiffaċċjaw vjolenza, theddid, fastidju, pressjoni, (awto)ċensura, għajb pubbliku u saħansitra qtil fl-UE b'riżultat tat-twettiq ta' xogħolhom biex jipproteġu l-interess pubbliku; billi s-snin reċenti wrew xejra dejjem tikber ta' intimidazzjoni li timmira li ssikket lill-ġurnalisti u li tirrikjedi azzjoni urġenti biex jitħares ir-rwol essenzjali tal-media indipendenti fl-iżgurar tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; billi l-każijiet tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ta' Ján Kuciak huma żewġ eżempji traġikament profondi tal-livell sa fejn il-ġurnalisti investigattivi qed ikunu fil-mira ta' attakki talli jesponu l-korruzzjoni u jipproteġu d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

K.  billi t-theddid għal-libertà tal-media jinkludi fastidju u attakki mmirati lejn il-ġurnalisti, nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-protezzjoni legali tagħhom, u ħakma tal-media u azzjonijiet immotivati politikament fis-settur tal-media;

L.  billi l-ġurnalisti nisa jħabbtu wiċċhom ma' forom ta' vjolenza speċifiċi għall-ġeneru, bħall-fastidju sesswali u online; billi aktar minn 70 % tan-nisa li jaħdmu fil-media esperjenzaw aktar minn tip wieħed ta' fastidju, theddid, jew attakk online; billi 52 % tan-nisa esperjenzaw dawn it-tipi ta' reati fl-aħħar sena biss; billi l-fastidju u l-abbuż online ta' spiss ikollhom ħafna konnotazzjonijiet sesswali, u ma jkunux ibbażati fuq il-kontenut ta' xogħol il-vittmi, iżda fuq il-karatteristiċi fiżiċi, l-isfond kulturali, jew il-ħajja privata tagħhom; billi dan it-theddid iwassal lill-ġurnalisti nisa għal awtoċensura u għandu effett dissważiv fuq il-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni; billi r-riċerka b'mod konsistenti ssib evidenza li n-nisa jinsabu fil-minoranza fis-setturi kollha tal-media, b'mod partikolari fi rwoli kreattivi, u għandhom nuqqas sever ta' rappreżentanza f'livelli għolja ta' teħid tad-deċiżjonijiet(27);

M.  billi f'diversi Stat Membri, il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) huma prattika kontinwa li tintuża biex tbeżża' lill-ġurnalisti biex iwaqqfu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar korruzzjoni u kwistjonijiet oħra ta' interess pubbliku;

N.  billi minbarra l-vjolenza, l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-ġurnalisti, jeżisti nuqqas ta' prosekuzzjoni tal-atturi ta' dawn ir-reati, u l-impunità għandha effett dissważiv; billi l-OSKE tirrapporta li l-impunità tipprevali billi, pereżempju, inqas minn 15 % tal-każijiet ta' qtil ta' ġurnalisti fir-reġjun tal-OSKE jissolvew;

O.  billi d-drittijiet tal-ġurnalisti li jirrapportaw u jinvestigaw jeħtieġ li jissaħħu aktar u jitħarsu b'mod effettiv;

P.  billi t-tisħiħ tal-libertà tal-media jirrikjedi informazzjoni kredibbli u dettaljata dwar il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tal-isfidi li jrid jiġu ffaċċati fl-Istati Membri u l-UE kollha kemm hi, inkluż dwar każijiet individwali ta' ksur tal-prinċipji ta' media indipendenti jew tad-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti;

Q.  billi l-libertà artistika hija parti integrali mid-dritt fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u hija essenzjali għad-diversità kulturali u s-saħħa demokratika tal-Ewropa; billi l-attakki fuq il-libertà artistika qed jiżdiedu ħafna, iżda għadhom inviżibbli;

R.  billi l-kriżi globali tal-COVID-19 qed ikollha impatt soċjali u ekonomiku devastanti fuq is-settur tal-media; billi l-istrumenti tal-media qed jirrapportaw telf konsiderevoli fl-introjtu tagħhom mir-reklamar; billi eluf ta' ħaddiema tal-media tilfu jew qed jissograw li jitilfu l-impjieg tagħhom, jew temporanjament jew b'mod permanenti; billi dan kellu impatt partikolarment qawwi fuq il-ħaddiema tal-media u l-ġurnalisti freelance, li l-għadd tagħhom qed jiżdied fl-UE, u li diġà jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media kollha fl-Ewropa; billi dan jinvolvi riskju serju li tkompli tiżdied il-konċentrazzjoni tal-informazzjoni fl-idejn ta' ftit nies u li jipprevjeni ċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni ħielsa u indipendenti; billi s-sostenibbiltà finanzjarja tal-impjiegi u l-indipendenza finanzjarja huma parti kruċjali mil-libertà tal-istampa;

S.  billi d-dħul mir-reklamar diġitali spiss ikun ta' benefiċċju għal atturi mhux tal-UE u d-dħul tal-media Ewropea qed jonqos drastikament, u dan jipperikola l-futur ta' kumpaniji tal-media tradizzjonali ffinanzjati mir-reklamar, bħall-istazzjonijiet televiżivi kummerċjali, il-gazzetti u r-rivisti;

T.  billi f'xi Stati Membri, l-għajnuna mill-Istat għall-istrumenti tal-media ma ġietx ġestita b'mod trasparenti, u dan ipoġġi l-indipendenza u l-kredibbiltà ta' dawn l-istrumenti tal-media f'sogru serju;

U.  billi l-mudell kummerċjali tal-pjattaformi tal-media soċjali, ibbażat fuq reklamar mikrommirat, għandu rwol fit-tixrid u fl-amplifikazzjoni tad-diskors ta' mibegħda, l-inċitar tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza, u t-trawwim tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, inkluż permezz taċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut illegali; billi l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' intolleranza hija parti integrali mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif żviluppata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

V.  billi l-pandemija tal-COVID-19 irriżultat fl-istigmatizzazzjoni, inkluż permezz tal-media, ta' xi suġġetti partikolarment vulnerabbli, li rawmet il-polarizzazzjoni tas-soċjetà Ewropea u l-proliferazzjoni tad-diskors ta' mibegħda;

W.  billi l-fenomenu tal-vjolenza ċibernetika (inkluż id-diskors ta' mibegħda online, l-istalking ċibernetiku u l-fastidju online) qed isir aktar mifrux; billi n-nisa li għandhom rwol pubbliku, fost l-oħrajn il-politiċi, ġurnalisti u attivisti li qed jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet ta' minoranzi sesswali qed isiru mira ewlenija għall-bullying ċibernetiku u l-vjolenza online;

X.  billi l-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tobbliga lill-awtoritajiet f'kull Stat Membru biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva u l-pjattaformi ta' video-sharing jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-pubbliku ġenerali minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jkun fihom inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp ibbażata fuq kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa; billi l-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw l-indipendenza tar-regolaturi tal-media;

Y.  billi t-tixrid ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, kif ukoll l-azzjonijiet sproporzjonati biex jindirizzaw dan it-tixrid fuq il-pjattaformi diġitali, joħloq theddida għal-libertà tal-informazzjoni, għad-diskors demokratiku u għall-indipendenza tal-media, u żied il-ħtieġa għal media tradizzjonali b'livell għoli ta' kwalità; billi l-analiżi tad-data u l-algoritmi qed ikollhom impatt li kulma jmur qed jiżdied fuq l-informazzjoni aċċessibbli għaċ-ċittadini;

Z.  billi ċ-ċirkolazzjoni, fuq skala massiva, ta' aħbarijiet minn sorsi differenti li huma diffiċli biex jiġu vverifikati, flimkien mar-rwol dejjem jikber tal-media soċjali u tal-pjattaformi tal-messaġġi, qed ikollha impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat l-impatt tad-diżinformazzjoni online, xi drabi b'konsegwenzi serji għas-saħħa pubblika, u għamlet saħansitra aktar ċara l-ħtieġa li tiġi żgurata informazzjoni ħielsa u indipendenti sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; billi n-nuqqas ta' strateġija ta' komunikazzjoni kkoordinata fil-livell Ewropew iffavorixxa l-mewġa ta' diżinformazzjoni fir-rigward tal-pandemija, speċjalment fuq il-media soċjali u l-pjattaformi tal-messaġġi;

AA.  billi d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni relatati mal-COVID-19 jistgħu jikkawżaw paniku u diżarmonija soċjali, u jeħtieġ li jiġu indirizzati; billi l-miżuri biex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni ma jistgħux jintużaw bħala skuża biex jiġu introdotti restrizzjonijiet sproporzjonati fuq il-libertà tal-istampa, jiddgħajjef il-pluraliżmu tal-media u tiġi pperikolata s-sikurezza tal-ġurnalisti; billi r-rapporti jindikaw li fl-Istati Membri tal-UE u fir-reġjuni tal-viċinat kienu qed isiru kampanji kkoordinati li jippromwovu informazzjoni żbaljata dwar is-saħħa u diżinformazzjoni dwar l-UE u s-sħab tagħha; billi l-Kummissjoni indirizzat dan il-fenomenu fil-komunikazzjoni konġunta reċenti tagħha dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19; billi xi gvernijiet ħadu vantaġġ mil-leġiżlazzjoni ta' emerġenza, u filwaqt li wħud mir-restrizzjonijiet se jkunu temporanji, oħrajn huma f'riskju li jiġu estiżi għal żmien twil wara li tintemm il-kriżi tas-saħħa; billi l-pluraliżmu tas-sorsi ta' informazzjoni, l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza istituzzjonali huma tarka difensiva ewlenija kontra d-diżinformazzjoni;

AB.  billi media tas-servizz pubbliku ġenwinament indipendenti u ffinanzjata b'mod adegwat li topera b'diversi pjattaformi hija essenzjali għal demokrazija li tiffunzjona fl-UE;

Il-libertà tal-media, il-pluraliżmu tal-media u l-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa

1.  Itenni t-tħassib kbir kontinwu tiegħu dwar l-istat tal-libertà tal-media fl-UE fil-kuntest tal-abbużi u l-attakki li għadhom qed jitwettqu fil-konfront tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media f'xi Stati Membri minħabba xogħolhom, kif ukoll il-malafama pubblika li qed tikber u d-dgħajfien ġenerali tal-professjoni, li qed iħallu impatt partikolarment kbir fuq il-ġurnaliżmu lokali, investigattiv u transfruntier; jisħaq li, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' Marzu 2018 dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media, l-Istati Membri għandhom obbligu pożittiv li jrawmu ambjent favorevoli għal-libertà ta' espressjoni, offline u online, li fih kulħadd jista' jeżerċita d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw għalkollox u japprovaw ir-rakkomandazzjoni;

2.  Jiddispjaċih ħafna għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia f'Malta u ta' Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová fis-Slovakkja minħabba l-ħidma investigattiva tagħhom biex jikxfu l-korruzzjoni u delitti oħra, u jtenni l-importanza ta' investigazzjoni indipendenti biex l-awturi ta' dawn ir-reati u l-imħuħ warajhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkooperaw għalkollox mal-Europol u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra f'dan ir-rigward;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji li jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu kif xieraq u b'hekk ifixklu l-libertà tal-media; jisħaq fuq il-fatt li kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media huma kruċjali biex jitrawwem ġurnaliżmu b'livell għoli ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri sostenibbli mmirati lejn il-finanzjament u l-appoġġ ta' ġurnaliżmu indipendenti u b'livell għoli ta' kwalità;

4.  Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-ġurnaliżmu investigattiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata billi jiġbor u jgħaqqad l-informazzjoni rilevanti, u b'hekk jesponi n-networks kriminali u l-attivitajiet illeċiti; jenfasizza l-fatt li dawn l-attivitajiet ipoġġuhom f'sogru personali akbar;

5.  Jissottolinja r-rwol kruċjali li għandhom il-ġurnalisti investigattivi biex iżommu lill-persuni fil-poter responsabbli għal għemilhom u biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala għassiesa għad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

6.  Itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tittratta t-tentattivi mill-gvernijiet tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jagħmlu ħsara lil-libertà u l-pluraliżmu tal-media bħala li jikkostitwixxu abbuż serju u sistematiku tal-poter u bħala li jmorru kontra l-valuri fundamentali tal-UE kif minquxa fl-Artikolu 2 TUE; jilqa', għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi kapitolu speċifiku dwar il-monitoraġġ tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media fir-Rapport Annwali tagħha dwar is-Sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-UE; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, approċċ minn isfel għal fuq li jirrifletti l-vuċijiet tal-individwi u d-diversità biex jiżgura li l-isfidi li jiffaċċjaw l-ġurnalisti u s-settur tal-media jiġu inklużi b'mod effettiv; jitlob, barra minn hekk, l-inklużjoni f'dan il-kapitolu ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u risponsi effettivi, kif ukoll valutazzjoni tat-trasparenza tas-sjieda u l-livell ta' ndħil mill-gvern u mill-privat fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera b'mod attiv mal-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li tiskambja l-aħjar prattiki u tiżgura li l-miżuri meħuda jkunu komplementari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jżommu qafas kredibbli għall-ħarsien tal-libertà tal-media u tal-pluraliżmu tal-media; jistieden lill-Kummissjoni timmira li tintroduċi standards u parametri referenzjarji għal-libertà tal-media fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll inċentivi għal konverġenza akbar bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw bis-sħiħ u jsaħħu l-għodod żviluppati diġà għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa u l-Artikolu 10 tal-KEDB, bħall-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media u l-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, u jirreaġixxu fil-pront għal theddid possibbli u ksur ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza li ttieħdu fl-2020 fil-kuntest tal-COVID-19 dwar il-libertà tal-istampa, it-trasparenza istituzzjonali, l-obbligu ta' rendikont, il-pluraliżmu tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti, inkluż permezz ta' ħarsa ġenerali lejn l-attakki kontra l-ġurnalisti madwar l-UE u r-risponsi pprovduti mill-Istati Membri f'dan ir-rigward; ifakkar fit-talba ripetuta tal-Parlament biex jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti, indipendenti u komprensiv li jkopri d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE; iqis li mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jrid iħaddan il-libertà tal-media, inkluża l-libertà artistika, bħala pilastru essenzjali ta' sistema demokratika; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-Istati Membri kollha;

7.  Jenfasizza r-rwol insostitwibbli tal-media tas-servizz pubbliku u jenfasizza li huwa essenzjali li tiġi żgurata u tinżamm l-indipendenza tagħha mill-indħil politiku; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja tal-operaturi tas-suq privat u l-kundizzjonijiet għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tagħhom, sabiex tiġi evitata l-ħakma tal-media; itenni t-talba tal-Parlament li jitfassal pjan ta' azzjoni tal-UE ambizzjuż dwar il-media f'dan il-kuntest; jikkundanna t-tentattivi mill-gvernijiet ta' xi Stati Membri biex isikktu lill-media kritika u indipendenti u jdgħajfu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media; iwissi dwar it-tentattivi biex irażżnu lil dan it-tip ta' media b'mod indirett permezz ta' patroċinju finanzjarju, u jikkundanna, b'mod partikolari t-tentattivi biex tiġi kkontrollata l-media tas-servizz pubbliku; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri x-xandir pubbliku sar eżempju ta' propaganda favur il-gvern, li sikwit jeskludi l-oppożizzjoni u l-gruppi ta' minoranza mis-soċjeta jew jippreżentahom f'kuntesti malafamanti, u saħansitra f'xi każijiet jinċita l-vjolenza; jissottolinja li f'xi Stati Membri, speċjalment fiż-żoni rurali, l-unika informazzjoni disponibbli hija propaganda pubblika, u li l-ostakli lingwistiċi jillimitaw l-aċċess għall-aħbarijiet internazzjonali; ifakkar fil-fatt li l-aċċess għall-informazzjoni u għall-ġurnaliżmu ta' kwalità għolja huwa ta' importanza kbira ħafna għad-demokrazija; jenfasizza n-nuqqas ta' analiżi obbligatorja tal-kontenut għall-istrumenti tal-media f'ċerti Stati Membri, li tipprovdi data pubblika komparabbli dwar il-preżenza bbilanċjata tal-ilħna favur il-gvern u dawk tal-oppożizzjoni fuq it-televiżjoni u r-radju, speċjalment matul il-kampanji elettorali;

8.  Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Riżoluzzjoni PACE  2255 tat-23 ta' Jannar 2019, li jistiednu lill-Istati Membri jiggarantixxu indipendenza editorjali, kif ukoll finanzjament suffiċjenti u stabbli, għall-media tas-servizz pubbliku; jenfasizza li l-media nazzjonali, reġjonali u lokali u b'mod partikolari l-media tas-servizz pubbliku, għandha r-responsabbiltà importanti li taqdi l-interess pubbliku u li tirrifletti b'mod adegwat id-diversità kulturali, lingwistika, soċjali u politika tas-soċjetajiet tagħna; jenfasizza li r-rwol tal-media tas-servizz pubbliku bħala fornituri fdati li jaqdu l-interess pubbliku ġenerali jissaħħaħ b'finanzjament xieraq u sostenibbli, ħieles mill-indħil politiku fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jużaw mudelli ta' finanzjament li fihom il-media tas-servizz pubbliku tkun iffinanzjata minn sorsi indipendenti mit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa kruċjali li jiġu salvagwardjati l-awtoritajiet indipendenti u li tiġi żgurata sorveljanza indipendenti soda tal-media kontra interventi indebiti kummerċjali u mill-Istat u tentattivi biex jiġu influwenzati l-politiki editorjali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas legali biex tissorvelja l-operat tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku, inkluż jekk dawn jissodisfawx il-kriterji ta' ġestjoni prudenti u finanzjament ibbażat fuq il-kompiti, u jekk is-servizzi tagħhom jissodisfawx l-aspettattivi ta' ġurnaliżmu bbażat fuq il-fatti, u li jkun ġust u etiku;

9.  Jiddenunzja n-nuqqas ta' dibattitu politiku bbilanċjat fost l-istrumenti tal-media f'ċerti Stati Membri u l-fatt li fil-prattika teżisti restrizzjoni ta' informazzjoni motivata politikament, pereżempju r-rifjut ta' aċċess għal data ta' interess pubbliku, bl-użu ta' tattiċi ta' dewmien, it-tidjiq inġustifikat tal-ambitu tal-informazzjoni mitluba, il-projbizzjoni tal-ġurnalisti minn postijiet pubbliċi inklużi l-parlamenti, ir-restrizzjoni tal-opportunitajiet tal-ġurnalisti għal intervisti ma' politiċi u membri tal-gvern u l-evitar ta' intervisti lil strumenti tal-media li ma jkunux fil-konglomerat favur il-gvern, anke dawk b'kopertura nazzjonali sinifikanti; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jassiguraw it-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom, u b'hekk jgħinu biex isaħħu l-fiduċja tal-pubbliku, minħabba li l-fluss ħieles ta' informazzjoni jgħin biex jipproteġi l-ħajja u s-saħħa u jiffaċilita u jippromwovi dibattitu soċjali, ekonomiku u politiku u t-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġurnalisti u l-mezzi tal-media jkollhom aċċess sinifikanti għad-dibattiti parlamentari, għall-membri tal-parlament u uffiċjali tal-gvern ta' livell għoli, għal data ta' interess pubbliku u għal avvenimenti pubbliċi u konferenzi stampa, speċjalment dawk tal-gvernijiet, billi n-nuqqas ta' tali aċċess jirrestrinġi b'mod serju l-kunċett tal-libertà tal-media;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' oqfsa legali jew ta' politika speċifiċi li jipproteġu lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-media mill-vjolenza, it-theddid u l-intimidazzjoni fuq livell nazzjonali fl-UE; jistieden lill-personaġġi pubbliċi u lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet biex joqogħdu lura milli jxejnu lill-ġurnalisti, peress li dan jimmina l-fiduċja fil-media fis-soċjetà; jissottolinja r-rwol importanti tal-ġurnalisti fir-rapportar dwar protesti u dimostrazzjonijiet, u jitlob il-protezzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom mingħajr biża'; jitlob lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ speċifiċi għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi responsabbli għall-protezzjoni tal-ġurnalisti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw - fid-dritt u fil-prattika - il-protezzjoni u s-sikurezza effettivi tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media kif ukoll is-sorsi tagħhom, inkluż f'kuntest transfruntier; jemmen bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta' investigaturi privati bħala forma ta' intimidazzjoni bil-għan li jiksbu informazzjoni dwar il-ġurnalisti fil-kapaċità professjonali tagħhom jew dwar is-sorsi tagħhom;

11.  Huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-attakki politiċi fuq il-media u jiddeplora n-nuqqas ta' protezzjoni ta' sorsi ġurnalistiċi; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali u effettivi dwar attakki bħal theddid, qtil, fastidju, intimidazzjoni u trattament ħażin li twettqu fil-konfront tal-ġurnalisti u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex jintemmu t-theddid u l-attakki kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media, biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont, u biex jiġi ggarantit li l-vittmi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għar-rimedji legali xierqa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' rappurtar ikunu aċċessibbli; jitlob li jiġu implimentati l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, li jenfasizzaw li l-UE se tieħu l-passi xierqa kollha biex tiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti, kemm f'termini ta' miżuri preventivi kif ukoll billi tħeġġeġ investigazzjonijiet effettivi meta jseħħ ksur; jenfasizza li l-ġurnalisti nisa huma vulnerabbli b'mod speċjali għall-fastidju u l-intimidazzjoni u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji addizzjonali; jesprimi tħassib kbir dwar iż-żieda fl-attakki kontra ġurnalisti nisa u ħaddiema tal-media nisa; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ sensittiv għall-ġeneru meta jkunu qed iqisu miżuri biex tiġi indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-atturi l-oħra tas-settur tal-media, u biex jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, li għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni sabiex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-informaturi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, malajr kemm jkun; jenfasizza li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa essenzjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-libertà tal-istampa;

13.  Jikkundanna l-użu tas-SLAPP biex jiġu msikkta jew intimidati l-ġurnalisti u l-istrumenti medjatiċi investigattivi u biex tinħoloq klima ta' biża' madwar ir-rappurtar tagħhom ta' ċerti suġġetti; itenni b'qawwa l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta komprensiva għal att leġiżlattiv bil-għan li jiġu stabbiliti standards minimi kontra l-prattiki tas-SLAPP fl-UE;

14.  Jindika r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Kumitat Speċjali għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil tal-Flus (CRIM) li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, li tiddikjara li l-liġijiet dwar il-malafama u l-kalunja jiskoraġġixxu r-rappurtar possibbli ta' każijiet ta' korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jiddekriminalizzaw il-malafama u l-ikkalunjar fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, tal-anqas f'każijiet fejn hemm allegazzjonijiet ta' kriminalità organizzata, korruzzjoni u ħasil ta' flus fl-Istati Membri u lil hinn;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi hotline tal-UE bħala mekkaniżmu ta' rispons rapidu għall-ġurnalisti li jitolbu protezzjoni u tiżgura li s-sitwazzjoni tagħhom tingħata attenzjoni adegwata;

16.  Jisħaq li l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-sjieda fis-setturi li jipproduċu l-kontenut u li jiddistribwixxu l-kontenut tista' thedded l-aċċess taċ-ċittadini għal firxa ta' kontenut; jissottolinja li l-pluraliżmu tal-media, li jiddependi fuq l-eżistenza ta' diversità ta' sjieda tal-media u tal-kontenut kif ukoll il-ġurnaliżmu indipendenti, huwa element ewlieni ta' sfida għall-firxa tad-diżinformazzjoni u biex ikun żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu infurmati tajjeb; ifakkar li skont il-konklużjonijiet tal-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 2020, il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media tibqa' wieħed mill-aktar riskji sinifikanti għall-pluraliżmu tal-media u titqies bħala element li joħloq ostakli għad-diversità tal-informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw oqfsa regolatorji dwar is-sjieda tal-media sabiex jiġu evitati l-konċentrazzjoni orizzontali tas-sjieda fis-settur tal-media u jiggarantixxu t-trasparenza, l-iżvelar, u l-aċċessibbiltà faċli għaċ-ċittadini fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sjieda, is-sorsi ta' finanzjament u l-ġestjoni tal-media; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri tal-istrumenti tal-UE eżistenti kontra l-konċentrazzjoni tas-sjieda u l-għajnuna illegali mill-Istat biex tiżdied id-diversità fix-xenarju tal-media; jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta' monopolju tas-sjieda tal-media fl-Istati Membri jew ta' indħil politiku fil-ġestjoni tal-media; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b'determinazzjoni biex iżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-media u s-sorsi finanzjarji użati mis-sidien tal-media; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi biex tiżgura li l-mezzi tal-media jippubblikaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-istrutturi tas-sjieda tagħhom, inklużi s-sidien benefiċjarji tagħhom, u li jiġu stabbiliti regoli ċari sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali li jirriżultaw mill-istrutturi tas-sjieda tal-media, b'enfasi speċjali fuq l-evitar tal-interferenza politika; jikkundanna l-indħil eċċessiv tal-gvernijiet fil-pluraliżmu tal-media permezz tar-reklamar pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu ta' fondi tal-UE allokati biex jappoġġaw il-media libera u indipendenti sabiex ir-riżorsi jingħataw lil dawk li huma fil-bżonn; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-flus tal-UE ma jistgħux jintefqu fuq media kkontrollata mill-Istat jew media li tiddistribwixxi propaganda politika;

17.  Jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri, il-korpi li jirregolaw il-media ġew taħt l-influwenza tal-gvern u joperaw b'mod preġudikat kontra l-istrumenti tal-media li jikkritikaw lill-gvern;

18.  Huwa mħasseb dwar it-tentattivi biex jittieħed vantaġġ mill-pandemija tal-COVID-19 sabiex il-media indipendenti u kritika tiġi kkastigata u biex jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-aċċess tal-media għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-gvern u l-iskrutinju tagħhom, li jrażżnu jew jimmitigaw il-mekkaniżmi ta' trasparenza istituzzjonali billi jiġu adottati miżuri eċċezzjonali u li jxekklu dibattitu xieraq u infurmat dwar dawk l-azzjonijiet; jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu u l-fluss liberu ta' informazzjoni bħala essenzjali għall-isforzi tal-UE biex tikkontrolla l-pandemija tal-COVID-19; jirrimarka li l-ġurnaliżmu għandu funzjoni kruċjali f'mument ta' emerġenza tas-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja tali prattiki mill-gvernijiet nazzjonali b'mod komprensiv u tinkludi r-riżultati fir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu b'mod urġenti pakketti ta' rkupru ta' emerġenza nazzjonali u tal-UE sabiex jipproteġu l-impjiegi u l-għajxien tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-media, jappoġġaw lill-kumpaniji u jiffinanzjaw il-media tas-servizz pubbliku permezz tal-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-COVID-19, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza li matul il-kriżi tal-COVID-19, ċerti strumenti tal-media u b'mod partikolari l-pjattaformi tal-media lokali, stmaw li tilfu sa 80 %(28) tad-dħul tagħhom minħabba t-tnaqqis fir-reklamar; jisħaq li, fid-dawl tal-pandemija, iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu ġurnalisti professjonali, ekonomikament siguri u indipendenti; itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu biex jinħoloq fond Ewropew permanenti għall-ġurnalisti fil-qafas tal-QFP li jmiss (2021‑2027), kif ġie abbozzat mill-ġdid wara l-kriżi tal-COVID-19, li jkun joffri appoġġ finanzjarju dirett għall-ġurnalisti indipendenti u l-mezzi tal-media, il-freelancers u l-ħaddiema tal-media li jaħdmu għal rashom; jissottolinja li l-finanzjament għandu jiġi ġestit minn organizzazzjonijiet indipendenti sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet editorjali u li l-appoġġ għandu jiġi pprovdut biss lil dawk l-istrumenti tal-media pubbliċi u kummerċjali li huma verament indipendenti u ħielsa mill-indħil tal-gvern jew kwalunkwe ndħil ieħor; ifakkar li għandu jsir enfasi speċjali fuq in-negozji ġodda tal-media indipendenti, b'mod partikolari dawk lokali, fl-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media ħżienet matul dawn l-aħħar snin, il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media żdiedet b'mod sinifikanti u l-media tas-servizz pubbliku tinsab mhedda mill-influwenza politika;

20.  Itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu għal pjan ta' azzjoni ambizzjuż tal-UE dwar il-media, biex jappoġġa l-iżvilupp ta' xenarju tal-media vibranti u pluralistiku;

21.  Jitlob li jkun hemm QFP ambizzjuż b'żieda fl-allokazzjonijiet baġitarji biex jiġu appoġġati l-media u l-ġurnaliżmu indipendenti, b'mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv; jisħaq fuq l-importanza tal-innovazzjoni fil-ġurnaliżmu u l-media tal-aħbarijiet, li tista' titrawwem permezz tal-finanzjament tal-UE; jinnota bi tħassib it-tnaqqis baġitarju previst għall-programmi Ewropa Kreattiva u Ġustizzja, Drittijiet u Valuri fil-proposta riveduta tal-baġit tal-Kummissjoni;

22.  Jilqa' bil-qawwa l-allokazzjoni ta' fondi tal-UE biex jagħmlu possibbli l-varar ta' proġetti ġodda, bħall-mekkaniżmu ta' rispons rapidu madwar l-Ewropa kollha għal ksur tal-libertà tal-istampa u l-media u l-fond għall-ġurnaliżmu investigattiv transfruntier sabiex jissaħħu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media;

23.  Jissottolinja li l-media għandha rwol qawwi x'tiżvolġi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi attivi biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-media, sabiex għadd akbar ta' nisa jkunu jistgħu jokkupaw pożizzjonijiet kreattivi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, żvilupp li jippermetti lill-media tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-istereotipi tal-ġeneru;

Id-diskors ta' mibegħda

24.  Jikkundanna kull tip ta' inċident ta' reati ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u akkużi bla bażi jew imsawra in mala fede(29), kemm offline kif ukoll online, motivati minn diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, li jseħħu fl-UE jew bnadi oħra; jesprimi tħassib dwar ir-reati ta' mibegħda u reati relatati mal-inċitament għad-diskriminazzjoni jew vjolenza li seħħew matul il-pandemija tal-COVID-19 u li wasslu għall-istigmatizzazzjoni ta' individwi partikolarment vulnerabbli;

25.  Jiddeplora l-livelli dejjem jiżdiedu ta' diskors ta' mibegħda użat fil-komunikazzjoni politika mill-gvernijiet u l-partiti politiċi madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jissanzjonaw b'mod qawwi r-reati ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u t-tfigħ ta' ħtija fuq min ma ħaqqux min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha u fuq it-tipi kollha ta' media, peress li dawn il-fenomeni jinnormalizzaw u jsaħħu direttament il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà, u biex iżommu lura mir-retorika diskriminatorja u ta' inċitament fil-komunikazzjoni governattiva għax hija ta' detriment għas-soċjeta; jisħaq li s-sanzjonijiet għandhom dejjem ikunu konformi mal-istandards internazzjonali tal-libertà ta' espressjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri, fil-limiti stabbiliti mil-liġi, biex jiggarantixxu u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà artistika, li hija essenzjali għall-vitalità tad-dibattitu demokratiku; ifakkar li d-diskors razzist u ksenofobiku mhuwiex kopert mil-libertà tal-espressjoni;

26.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw aktar miżuri biex jipprevjenu, jikkundannaw u jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda, sabiex jiġġieldu t-tixrid tad-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza offline u online, filwaqt li jiżguraw ukoll li l-infurzar tal-liġi japplika prattiki ta' reġistrazzjoni effettivi tar-reati ta' mibegħda abbażi tal-prinċipji approvati mill-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

27.  Jenfasizza li d-diskors ta' mibegħda online qed isir dejjem aktar mifrux f'dawn l-aħħar snin, billi l-individwi u l-atturi li jfixklu jużaw is-setgħa tal-pjattaformi online biex ixerrdu informazzjoni ta' mibegħda; jisħaq li dan jagħmel ħsara lill-interess pubbliku kollettiv peress li l-kontenut dannuż jimmina d-diskors pubbliku rispettuż u onest, u joħloq theddid għas-sikurezza pubblika minħabba li d-diskors ta' mibegħda online jista' jinċita l-vjolenza fid-dinja reali;

28.  Jirrimarka li l-qafas legali biex jiġi indirizzat id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni għandu jiġi msaħħaħ; itenni t-talba tiegħu biex in-negozjati dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni jiġu żblukkati għal dak il-għan;

29.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex iżidu s-sigurtà tan-nisa fl-ispazji pubbliċi u fuq l-internet, biex jindirizzaw forom emerġenti ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru bħas-cyberstalking u l-fastidju online, u biex jintroduċu mekkaniżmi komprensivi biex jassistu lill-vittmi ta' dan it-tip ta' vjolenza;

30.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jattivaw il-"klawżola passerelle" minquxa fl-Artikolu 83(1) TFUE sabiex il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru (inkluża l-vjolenza ċibernetika) jiġu inklużi fil-katalgu tar-reati rikonoxxuti mill-UE;

31.  Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online, promoss mill-Kummissjoni, u tal-ħames sessjoni ta' evalwazzjoni tiegħu, li sabet li, bħala medja, il-kumpaniji tal-IT ineħħu 71 % tad-diskors ta' mibegħda illegali li jiġi nnotifikat lilhom; ifakkar li l-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet tal-Kodiċi ta' Kondotta u li l-kumpaniji tal-IT li jipparteċipaw fil-Kodiċi ta' Kondotta janalizzaw biss it-talbiet għat-tneħħija skont it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom u l-linji gwida komunitarji tagħhom; jenfasizza l-marġni wiesa' ta' diskrezzjoni li tħalla għall-kumpaniji privati biex jiddeterminaw dak li huwa illegali; iħeġġeġ lill-kumpaniji kollha li jmexxu l-pjattaformi tal-media soċjali biex jipparteċipaw fil-Kodiċi ta' Kondotta;

32.  Jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, bil-mezzi kollha xierqa, li l-media, inkluża l-media online u l-media soċjali, kif ukoll ir-reklamar, tkun ħielsa minn kwalunkwe inċitament għall-vjolenza jew mibegħda li tkun diretta kontra kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni, li jista' jkollu effett dirett fuq il-parteċipazzjoni ta' dawn l-individwi fis-soċjetà ċivili; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji tal-media soċjali biex jiġġieldu t-tixrid tar-razziżmu, il-ksenofobija, il-fobija fil-konfront tal-persuni LGBTI u l-mibegħda reliġjuża fuq l-internet, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġbru aktar data affidabbli dwar il-gravità tad-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda;

33.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rapportar tar-reati ta' mibegħda mill-vittmi minħabba salvagwardji inadegwati u n-nuqqas tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u sabiex itemmu l-impunità għal reati ta' mibegħda fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu għodod u mekkaniżmi għar-rapportar ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, u jiżguraw li kwalunkwe każ ta' allegat reat ta' mibegħda jew diskors ta' mibegħda jiġi investigat, ikun soġġett għal prosekuzzjoni u proċess kriminali;

Id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi

34.  Jinnota li t-teknoloġija diġitali ġdida u l-media soċjali kienu fatturi fil-problema tat-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-indħil barrani, u wassal biex il-pjattaformi online jkollhom rwol influwenti fil-pubblikazzjoni, it-tixrid u l-promozzjoni tal-aħbarijiet u kontenut ieħor tal-media; itenni t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li d-diżinformazzjoni toħloq għal-libertà ta' informazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, id-diskors demokratiku, l-indipendenza tal-media u s-saħħa pubblika; jenfasizza li l-miżuri li jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni għandhom jiffukaw fuq it-trawwim ta' pluralità ta' opinjonijiet, permezz tal-promozzjoni ta' ġurnaliżmu ta' kwalità għolja, it-twassil ta' informazzjoni affidabbli, ibbażata fuq il-fatti u verifikata, u l-bini ta' litteriżmu fil-media, u li kwalunkwe miżura bħal din għandha tipprovdi garanziji għal-libertà ta' informazzjoni u l-libertà ta' espressjoni;

35.  Jitlob kollaborazzjoni akbar bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tixrid ta' messaġġi li jinċitaw il-mibegħda jew jinstigaw il-vjolenza; jenfasizza l-importanza li kontenut illegali jitneħħa minnufih, sabiex titrażżan il-firxa mhux ikkontrollata tiegħu; jinnota, madankollu, li l-pjattaformi online ma jistgħux u m'għandhomx isiru korpi ta' ċensura privata u li t-tneħħija ta' kontenut illegali minn pjattaformi online trid tkun soġġetta għal salvagwardji, inkluż rieżami mill-qrati tal-Istati Membri sabiex jiġu protetti l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà artistika, id-dritt għal informazzjoni ħielsa u indipendenti u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini b'mod ġenerali; ifakkar li l-pjattaformi online jagħmlu parti mill-isfera pubblika online li fih isir dibattitu pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura salvagwardji għall-pjattaformi biex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-kelma;

36.  Ifakkar li t-tfassil ta' profili politiċi, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni sikwit jintużaw mill-partiti politiċi u minn entitajiet privati jew pubbliċi, u jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li qed toħroġ b'mod kontinwu evidenza ta' ndħil, b'indikazzjonijiet ta' influwenza barranija, fiż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet nazzjonali u tal-UE ewlenin kollha, filwaqt li parti kbira minn dan l-indħil hija ta' benefiċċju għall-kandidati populisti u kontra l-UE li jfittxu li jippolarizzaw u jxejnu l-pluraliżmu ideoloġiku filwaqt li għandhom fil-mira lil minoranzi u gruppi vulnerabbli speċifiċi; jinnota li l-ġlieda kontra l-indħil minn partijiet terzi fil-ġejjieni se tkun fattur fundamentali fid-difiża tal-valuri Ewropej u d-demokrazija; jissottolinja, fil-kuntest tal-emerġenza tal-COVID-19, li d-diżinformazzjoni u r-rapporti tal-media sensazzjonalizzati b'rabta mal-pandemija ntużaw ukoll mill-gruppi tal-lemin estrem u dawk populisti u minn politiċi biex jimmiraw il-gruppi ta' minoranza u jikkontribwixxu għar-retorika kontra l-immigrazzjoni, li wasslet għal żieda fil-każijiet ta' diskors ta' mibegħda razzist u ksenofobiku, kif ukoll għal diskriminazzjoni;

37.  Jirrimarka li forom differenti ta' miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, kif ukoll forom oħra ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni relatata, inter alia, mal-pandemija tal-COVID-19, qed ikomplu jipproliferaw madwar id-dinja, sikwit ikollhom fil-mira lill-aktar komunitajiet vulnerabbli, u għandhom konsegwenzi potenzjalment dannużi għas-sigurtà pubblika, is-saħħa u l-ġestjoni effettiva tal-kriżijiet; jemmen li dawn il-kampanji ta' diżinformazzjoni għandhom l-għan li jdgħajfu l-proċess demokratiku u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Istati Membri; jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-10 ta' Ġunju 2020 dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni tal-COVID-19; ifakkar li l-miżuri kollha biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, inklużi dawk meħuda fil-kuntest tal-emerġenza tal-COVID-19, jeħtieġ li jkunu neċessarji, proporzjonati, trasparenti, temporanji u soġġetti għal sorveljanza regolari, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe bidla li twassal għal monopolju pubbliku jew konċentrazzjoni ta' sorsi ta' informazzjoni u fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jżommu lill-ġurnalisti u lill-atturi tal-media milli jwettqu l-ħidma tagħhom jew iwasslu biex il-kontenut jiġi mneħħi indebitament, jew li l-aċċess għal dan it-tip ta' kontenut jiġu mblukkat fuq l-internet; jiddeplora l-fatt li ċerti pjattaformi online ineħħu jew jiċċensuraw kontenut, inkluż kontenut ġurnalistiku, relatat mal-pandemija tal-COVID-19 abbażi ta' termini mhux trasparenti u kundizzjonijiet li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni bla bżonn; jenfasizza li l-użu ta' miżuri bħal dawn jista' jwassal biex jiġi prevenut jew limitat l-aċċess għal informazzjoni importanti dwar is-saħħa pubblika; jenfasizza li kwalunkwe tentattiv biex tiġi kkriminalizzata l-informazzjoni relatata mal-pandemija jista' joħloq nuqqas ta' fiduċja fl-informazzjoni istituzzjonali, idewwem l-aċċess għal informazzjoni affidabbli u jkollu effett dissważiv fuq il-libertà ta' espressjoni;

38.  Jikkundanna t-teoriji ta' konfoffa u kampanji ta' diżinformazzjoni ffinanzjati pubblikament immirati biex jiskreditaw lill-UE u jqarrqu lill-pubbliku dwar l-għanijiet u l-attivitajiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkundanna u tikxef b'mod miftuħ il-gideb u t-tixrid ta' diżinformazzjoni dwar l-UE min-naħa ta' kwalunkwe awtorità tal-istat, u biex tippubblika u tqassam rispons fattwali biex tinforma liċ-ċittadini;

39.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija li jkollu l-għan li jiġġieled id-diżinformazzjoni u li jadatta għat-theddid u l-manipulazzjonijiet li qed jevolvu, kif ukoll li jappoġġa media libera u indipendenti; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni, inklużi l-media libera, indipendenti u finanzjament vijabbli, il-libertà artistika, il-kontenut tad-drittijiet fundamentali u d-dibattitu ekonomiku, flimkien mal-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni, hija fattur fundamentali f'termini tad-difiża tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-UE; jinnota bi tħassib li skont studju tal-Indiċi Dinji tad-Diżinformazzjoni (GDI) is-siti web li jxerrdu d-diżinformazzjoni fl-UE jirċievu aktar minn EUR 70 miljun fi dħul mir-reklamar kull sena; jenfasizza l-impatt potenzjalment negattiv tal-mudelli ta' negozju bbażati fuq reklamar mikrommirat; jikkonferma li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(30) jipprevedi d-dritt tal-individwi li ma jkunux soġġetti għal traċċar pervażiv online fis-siti u l-applikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha aktar mal-pjattaformi diġitali f'dan ir-rigward, u tintensifika l-isforzi biex tinforza l-projbizzjoni ta' tali prattiki, tiġġieled l-amplifikazzjoni awtomatizzata u strateġika tad-diżinformazzjoni permezz tal-użu ta' bots jew profili foloz online, u żżid it-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament u t-tqassim tar-reklamar online; jistieden, barra minn hekk, lill-pjattaformi online kollha, biex jiżguraw li l-algoritmi li jirfdu l-funzjonijiet ta' tfittxija tagħhom ma jkunux ibbażati primarjament fuq ir-reklamar; jitlob li jiġi stabbilit grupp ta' esperti ta' diversi partijiet ikkonċernati dwar id-drittijiet diġitali u fundamentali li jinkludi media indipendenti u NGOs diġitali u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jgħin lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali;

40.  Jilqa' t-tnedija tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali - proġett EDMO, li se jżid l-għarfien xjentifiku disponibbli rigward id-diżinformazzjoni online, jippromwovi l-iżvilupp ta' suq ta' servizzi ta' verifika tal-informazzjoni tal-UE u jappoġġa l-ħolqien ta' komunità transfruntiera u multidixxiplinarja magħmula minn kontrolluri tal-fatti u riċerkaturi akkademiċi li jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati biex jidentifikaw, janalizzaw u jesponu theddid potenzjali ta' diżinformazzjoni, fir-rigward pereżempju tal-COVID-19;

41.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lis-settur privat, b'mod partikolari l-pjattaformi online, u s-soċjetà ċivili kollha kemm hi, dwar il-ħtieġa ta' azzjoni konġunta fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jisħaq li l-pjattaformi online għandu jkollhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni u fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jirrikonoxxi l-impatt promettenti u neċessarju, iżda madankollu insuffiċjenti, tal-azzjonijiet volontarji meħuda minn xi fornituri ta' servizzi u pjattaformi biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, il-kontenut illegali u l-indħil barrani fil-proċessi elettorali fl-UE; jenfasizza, madankollu, li l-pjattaformi online bħalissa mhux jirnexxielhom jerfgħu r-responsabbiltà xierqa biex jiġġieldu kontra dawn it-theddidiet immedjati;

42.  Jenfasizza li l-effikaċja tal-azzjonijiet mill-pjattaformi online biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni tista' tiġi vvalutata biss meta dawn jitwettqu bi trasparenza sħiħa u billi tiġi kondiviża d-data rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-miżuri kollha possibbli biex tobbliga lill-pjattaformi online jindirizzaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni b'mod effettiv, trasparenti u responsabbli, u biex jikkondividu d-data rilevanti kif xieraq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra sanzjonijiet fuq il-pjattaformi online li jonqsu milli jagħmlu dan; jistenna li dan jiġi rifless fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali kif xieraq;

43.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li t-tneħħija ta' kontenut online, fin-nuqqas ta' ordni ġudizzjarja li tiddetermina n-natura illegali tiegħu, għandha impatt qawwi fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt regolari tal-azzjonijiet volontarji meħuda mill-fornituri tas-servizzi u l-pjattaformi biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni; jinsisti fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw, jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u jitlob li jiġu vvalutati l-għażliet kollha disponibbli sabiex jiġi protett u osservat id-dritt għal informazzjoni u parteċipazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipproponi regoli tal-UE dwar il-pjattaformi online, anke sabiex jiġu miġġielda l-prattiki tal-gvern li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni bla bżonn; jenfasizza li l-użu ta' għodod awtomatizzati fil-moderazzjoni tal-kontenut jista' jipperikola l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u li l-politika u l-istrateġija diġitali tal-UE jridu jipprevedu rimedji u salvagwardji xierqa f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-KEDB;

44.  Iqis li l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni jista' jissaħħaħ permezz ta' monitoraġġ imtejjeb tal-impenji eżistenti, il-provvista trasparenti u diżaggregata ta' informazzjoni u data mill-pjattaformi online, u l-espansjoni tal-impenji ta' dan it-tip; iqis li approċċ koregolatorju, li jirrifletti b'mod kontinwu l-iżviluppi attwali fl-isfera diġitali, jista' jkun triq 'il quddiem;

45.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-media soċjali u lill-pjattaformi online biex jesploraw possibiltajiet biex jagħmlu disponibbli għodod li jippermettu lill-utenti jirrapportaw u jidentifikaw diżinformazzjoni potenzjali sabiex tiġi ffaċilitata rettifika fil-pront u tkun tista' ssir analiżi minn organizzazzjonijiet ta' parti terza indipendenti u imparzjali li jivverifikaw il-fatti, filwaqt li jiġi prevenut l-użu ħażin ta' tali għodod; jenfasizza li l-pjattaformi online għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni tad-diżinformazzjoni u l-indħil barrani u l-identifikazzjoni tal-awturi;

Il-litteriżmu medjatiku

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-politiki edukattivi li jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u tal-informazzjoni, jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jaħsbu b'mod kritiku u jgħinuhom jidentifikaw id-diżinformazzjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ħarsien tal-indipendenza editorjali fil-mezzi tal-media ċentrali u lokali, u l-iżvilupp ta' proġetti tal-litteriżmu medjatiku, huma elementi essenzjali biex tinbena reżiljenza, titqajjem sensibilizzazzjoni u tissaħħaħ l-edukazzjoni sabiex il-propaganda, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni jiġu miġġielda b'mod effiċjenti; iqis li kurrikuli u sforzi kontinwi tal-litteriżmu medjatiku fil-gruppi ta' etajiet kollha huma ta' importanza sinifikanti biex tiżdied ir-reżiljenza soċjali għal dan it-tip ta' theddid fl-ispazju diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiżviluppa kurrikuli dwar il-litteriżmu fl-informazzjoni, il-litteriżmu medjatiku u l-litteriżmu fid-data; jenfasizza li l-litteriżmu medjatiku huwa ħila li kulma jmur hija dejjem aktar essenzjali u kritika għaċ-ċittadini; jinnota li sabiex jintlaħqu udjenza usa' u l-akbar għadd ta' gruppi ta' etajiet possibbli, huwa importanti li jiżdiedu l-inizjattivi tal-litteriżmu medjatiku permezz ta' pjattaformi tal-media soċjali, inklużi strateġiji effettivi tal-litteriżmu medjatiku għall-anzjani u l-gruppi l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu wkoll programmi u politiki mmirati lejn it-trawwim tal-litteriżmu medjatiku u tal-aħbarijiet għall-ġurnalisti u l-atturi tal-media u lejn l-iżvilupp ta' apprezzament kritiku u konxju tal-użu tal-ICT bħal, pereżempju, kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u r-riskji possibbli fl-isfera diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE dwar il-litteriżmu medjatiku u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha għal dan il-għan; jissottolinja r-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex irawmu l-litteriżmu medjatiku u jgħinu biex jiġi evitat it-tixrid tad-diskors ta' mibegħda; ifakkar li l-programmi meqjusa li qed jużaw strateġiji effettivi għall-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda huma ffukati fuq il-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, is-soluzzjoni tal-problemi, il-medjazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar il-preġudizzji;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex iżżid il-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-litteriżmu medjatiku u biex timpenja ruħha b'mod attiv fil-promozzjoni ta' informazzjoni affidabbli, ibbażata fuq il-fatti u bil-fatti vverifikati billi ttejjeb il-mezzi ta' distribuzzjoni tal-media sabiex jitjieb l-aċċess għal tali informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva riveduta, li teżiġi li huma jippromwovu u jiżviluppaw ħiliet fil-litteriżmu medjatiku;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ li jikkomplementa l-programmi edukattivi fl-Istati Membri kollha, mhux biss fi ħdan l-ambitu tal-litteriżmu medjatiku, iżda wkoll f'edukazzjoni ċivika usa', inkluża l-edukazzjoni fil-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem għal sensitizzazzjoni ulterjuri dwar id-diżinformazzjoni u l-propaganda;

49.  Jenfasizza l-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-media lokali u komunitarji huma strutturi ewlenin għall-promozzjoni, il-produzzjoni u t-tixrid ta' informazzjoni u fatti relatati mal-avvenimenti artistiċi u kulturali kemm lokali kif ukoll tal-minoranzi; iqishom strument importanti għaż-żamma tal-pluraliżmu tal-media u ta' ambjent multikulturali fl-Ewropa; iqis li l-mezzi tal-media komunitarji għandhom ikunu involuti wkoll bħala partijiet ikkonċernati fil-programmi tal-UE ddedikati għall-promozzjoni tal-ġurnaliżmu u tal-litteriżmu medjatiku, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdulhom appoġġ adegwat, filwaqt li jiżguraw li jwettqu r-rwoli edukattivi u kulturali tagħhom;

50.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw komunikazzjoni msaħħa u proattiva bil-lingwi uffiċjali kollha meta jseħħu emerġenzi pubbliċi ewlenin, bħall-pandemija sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża, faċli għall-utent u verifikata;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(2) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(3) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.
(4) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0014.
(7) Testi adottati, P9_TA(2019)0101.
(8) Testi adottati, P9_TA(2019)0103.
(9) Testi adottati, P9_TA(2019)0080.
(10) Testi adottati, P9_TA(2019)0031.
(11) Testi adottati, P9_TA(2019)0021.
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0328.
(13) Testi adottati, P8_TA(2019)0032.
(14) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 19.
(15) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 31.
(16) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 57.
(17) ĠU C 324, 27.9.2019, p. 392.
(18) ĠU C 41, 6.2.2020, p. 64.
(19) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 111.
(20) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 11.
(21) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 29.
(22) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 135.
(23) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 82.
(24) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 5.
(25) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(26) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
(27) International Women's Media Foundation, "Global Report on the Status of Women in the News Media', 2011.
(28) Ara The Economist, "The newspaper industry is taking a battering", 18 ta' April 2020 u News Media Europe, "COVID-19 and the news media: journalism always comes at a cost", 24 ta' Marzu 2020.
(29) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta' April 1992, Applikazzjoni Nru 11798/85, paragrafu 46.
(30) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa
PDF 229kWORD 80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (2020/2076(INI))
P9_TA(2020)0321A9-0197/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 173 tiegħu li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħrajn, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE li jirreferi għas-suq intern, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali 2020, ippubblikati fil-11 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2020 dwar ir-"Roadmap of the Pharmaceutical Strategy – timely patient access to affordable medicines" (Pjan Direzzjonali tal-Istrateġija Farmaċewtika – aċċess fil-ħin tal-pazjenti għal mediċini affordabbli),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020"(COM(2020)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-istrateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar "L-Intelliġenza Artifiċjali Approċċ Ewropew għall-Eċċellenza u l-Fiduċja" (COM(2020)0065),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-implikazzjonijiet tas-sikurezza u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(1),

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni: Rebbiegħa 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-23 ta' April 2020 tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-17 ta' Marzu 2020 tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2020 intitolata "Rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19" (COM(2020)0112),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098) u l-konklużjonijiet dwar "Aktar ċirkolarità – tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli" adottati mill-Kunsill fit-3 716-il laqgħa tiegħu li saret fl-4 ta' Ottubru 2019 (12791/19), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 intitolata "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020, intitolata "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2020 għal regolament li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (COM(2020)0080),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 intitolata "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 intitolat "Unjoni li tirsisti għal aktar" (COM(2020)0037),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (COM(2020)0021),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 "Masterplan for a Competitive Transformation of EU Energy-intensive Industries Enabling a Climate-neutral Circular Economy by 2050" (Pjan Ġenerali għal Trasformazzjoni Kompetittiva tal-Industriji Intensivi fl-Enerġija tal-UE li Tippermetti Ekonomija Ċirkolari newtrali għall-Klima sal-2050) (Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar Industriji Intensivi fl-Enerġija),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 (EUCO 29/19),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar "Aġenda Strateġika Ġdida għall-UE 2019-2024" (EUCO 9/19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar "Strateġija futura għall-Politika Industrijali tal-UE" adottati mill-Kunsill fit-3 655 laqgħa tiegħu li saret fid-29 ta' Novembru 2018 (14832/2018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 dwar "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 intitolata "Ninvestu f'industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli – Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE" (COM(2017)0479),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni għal tweġiba orali dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O-000047/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 intitolata "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, ratifikat mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-ħtieġa ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 u tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-pakkett tat-"Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 u tat-22 ta' Marzu 2019, (EUCO 1/19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Kummerċ Industrijali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0197/2020),

A.  billi l-Unjoni Ewropea teħtieġ strateġija industrijali ġdida f'konformità mal-għan tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 li se toħloq il-kundizzjonijiet għal soċjetà innovattiva, inklużiva, reżiljenti u diġitalizzata u se tagħti kontribut kbir għall-kompetittività globali tal-industriji Ewropej; billi din l-istrateġija għandha żżomm livelli għoljin ta' impjiegi u impjiegi ta' kwalità għolja, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura; billi strateġija bħal din teħtieġ li tiżgura t-tranżizzjoni doppja lejn bażi industrijali Ewropea li tkun moderna, diġitalizzata, li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-sorsi rinnovabbli, effiċjenti ħafna fl-enerġija u tar-riżorsi u newtrali għall-klima; billi l-istrateġija għandha ssaħħaħ ukoll it-tmexxija globali Ewropea u tnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq partijiet oħra tad-dinja fil-ktajjen tal-valur strateġiċi permezz tad-diversifikazzjoni u tagħmilhom aktar sostenibbli, billi tevita d-delokalizzazzjoni tal-industriji Ewropej filwaqt li tippreserva suq miftuħ;

B.  billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha ħolqu tnaqqis bla preċedent fir-ritmu ekonomiku fl-Ewropa li joħloq ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi u t-tensjonijiet soċjali fl-Unjoni, speċjalment fost l-aktar ċittadini vulnerabbli;

C.  billi l-kompetittività industrijali u l-politika dwar it-tibdil fil-klima jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u r-riindustrijalizzazzjoni innovattiva u newtrali għall-klima se toħloq impjiegi lokali u tiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; billi tali approċċ għandu jkun applikat fil-politiki kollha relatati mat-tranżizzjoni diġitali u ambjentali;

D.  billi l-Unjoni teħtieġ li tiżblokka l-potenzjal intraprenditorjali ta' gruppi soċjali partikolari li fosthom jeħtieġ li dan jiġi żviluppat bis-sħiħ, inklużi ż-żgħażagħ, il-migranti, il-persuni akbar fl-età u n-nisa; billi l-istrateġija industrijali tal-Unjoni tista' tirrappreżenta opportunità biex titrawwem il-kultura intraprenditorjali ta' gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed jew li huma żvantaġġati u biex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika;

E.  billi s-setturi kollha tal-ekonomija, u b'mod partikolari l-SMEs, intlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku bla preċedent li ħolqot, b'xi setturi saħansitra waqfu għalkollox; billi f'dan il-kuntest irkupru rapidu u ġust mhux se jinkiseb permezz ta' xenarju ta' żamma ta' status quo u kwalunkwe strateġija industrijali orjentata lejn il-futur għandha tibda billi tindirizza l-irkupru industrijali u l-kompetittività globali fit-tul speċjalment fis-setturi ta' tkabbir u f'dawk is-setturi l-akbar milquta mill-miżuri ta' lockdown tal-COVID-19;

F.  billi djun ġodda li saru għas-sopravivenza matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku aktarx li jħallu lill-kumpaniji bi struttura finanzjarja fraġli, u dan iwassal għal tkabbir aktar bil-mod u għal nuqqas ta' kapaċitajiet ta' investiment fuq terminu ta' żmien qasir, medju u fit-tul biex tintlaħaq it-tranżizzjoni doppja lejn ekonomija li tkun kemm diġitalizzata u newtrali għall-klima kif ukoll effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari;

G.  billi f'dawn iċ-ċirkostanzi l-Unjoni teħtieġ strateġija industrijali li jkollha żewġ fażijiet distinti, waħda li tiffoka fuq l-irkupru u l-oħra fuq ir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza; billi l-irkupru ekonomiku għandu jkun ibbażat fuq approċċ soċjali u ambjentalment sostenibbli b'saħħtu u għandu jappoġġa r-rikostruzzjoni industrijali lejn trasformazzjoni diġitali u ekoloġika ta' suċċess, b'forzi tax-xogħol kwalifikati li jakkumpanjaw dawn it-trasformazzjonijiet u jiżguraw tranżizzjoni ekwa u ġusta;

H.  billi s-settur industrijali fl-Ewropa huwa ferm interkonness u hemm interrelazzjonijiet b'saħħithom bejn l-Istati Membri u approċċi differenti għal kumpaniji ta' daqsijiet differenti; billi, konsegwentement, politika Ewropea kkoordinata li tiżgura li l-katina kollha tal-produzzjoni tista' tibbenefika, minn intrapriżi kbar għall-SMEs, se jkollha aktar suċċess fiż-żieda tal-kompetittività u s-sostenibbiltà globali tal-Ewropa;

I.  billi l-Unjoni għandha tkompli ssegwi ftehimiet kummerċjali ambizzjużi b'mod kemm multilaterali kif ukoll bilaterali; billi qabel il-kriżi tal-COVID-19, l-industrija Ewropea, filwaqt li baqgħet il-pilastru tal-ekonomija tal-Unjoni u kienet timpjega madwar 32 miljun persuna, diġà kienet f'salib it-toroq, bil-kontribuzzjoni tagħha għall-PDG tal-UE li naqset minn 23 % għal 19 % matul l-aħħar 20 sena; billi bħalissa qed tiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali intensa u spiss hija affettwata minn miżuri kummerċjali dejjem aktar protezzjonisti minn pajjiżi terzi li ma jipprattikawx standards ambjentali u soċjali għoljin;

J.  billi l-Istrateġija Industrijali Ewropea l-ġdida teħtieġ li tiżgura t-tranżizzjoni doppja lejn bażi industrijali Ewropea li tkun kompetittiva u sostenibbli; billi din it-trasformazzjoni tikkostitwixxi opportunità għall-Ewropa biex timmodernizza s-sisien industrijali tagħha, iżżomm u tirrilokalizza l-impjiegi u l-produzzjoni industrijali ewlenija u tibni ħiliet u kapaċitajiet essenzjali għall-isforz globali biex taħdem favur l-objettivi stabbiliti fil-liġi dwar il-klima u fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

K.  billi l-istrateġija teħtieġ tipprovdi l-qafas regolatorju meħtieġ biex tippermetti t-tranżizzjoni doppja, kif ukoll l-infrastrutturi u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, u tiffoka fuq il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel", l-iffrankar tal-enerġija u tar-riżorsi, it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija b'livell żero jew baxx ta' karbonju, iċ-ċirkolarità u n-nontossiċità;

L.  billi lil hinn mill-kriżi tal-COVID-19, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali għadhom waħda mill-akbar sfidi u jirrikjedu approċċ komprensiv komuni; billi l-emissjonijiet industrijali tal-UE jikkontribwixxu għall-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) tal-Ewropa; billi d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija li tuża ħafna enerġija għadha waħda mill-akbar sfidi fit-triq lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; billi s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni;

M.  billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-rwol kruċjali tal-assi diġitali, inklużi l-konnettività u n-networks, kif ukoll tal-ħiliet diġitali, bħala għodda li tippermetti lill-ħaddiema u l-kumpaniji jadattaw il-mod li bih iwettqu l-kompiti u l-operazzjonijiet tagħhom għas-sitwazzjoni ta' emerġenza; billi r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali u t-titjib tal-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol huma oqsma ta' prijorità biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment l-SMEs;

N.  billi l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-Unjoni għandha tiffoka fuq żieda fil-konnettività, livelli diġitali mtejba, l-Internet tal-Oġġetti Industrijali (IIoT), l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji tar-reġistru diġitali, l-informatika tal-iperprestazzjoni u l-quantum computing; billi s-settur diġitali se jikkontribwixxi wkoll għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u għat-tranżizzjoni industrijali lejn in-newtralità klimatika, kemm bħala sors ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi u ottimizzazzjoni tal-proċessi industrijali, kif ukoll billi jtejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari tas-settur diġitali nnifsu;

O.  billi s-sovranità u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni jeħtieġu bażi industrijali awtonoma u kompetittiva u investiment massiv fir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tiġi żviluppata tmexxija f'teknoloġiji abilitanti essenzjali u soluzzjonijiet innovattivi u tiġi żgurata l-kompetittività globali; billi l-istrateġija industrijali tal-Unjoni għandha tinkludi pjan ta' azzjoni biex issaħħaħ, tqassar, tagħmel aktar sostenibbli u tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tal-industriji Ewropej sabiex tnaqqas id-dipendenza żejda fuq ftit swieq u żżid ir-reżiljenza tagħhom; billi għandu jkun hemm ukoll strateġija għal rilokalizzazzjoni intelliġenti sabiex l-industriji jiġu skjerati mill-ġdid fl-Ewropa kif ukoll biex jiżdiedu l-produzzjoni u l-investiment u tiġi rilokata l-produzzjoni industrijali f'setturi ta' importanza strateġika għall-Unjoni;

1.  Iqis li t-tranżizzjoni lejn soċjetà soċjalment, ekonomikament u ambjentalment reżiljenti, tmexxija strateġika u awtonomija u suq uniku li jiffunzjona tajjeb għandha tkun fil-qalba tal-istrateġiji kollha tal-Unjoni; jemmen, għalhekk, li huwa meħtieġ li jitwettaq qafas leġiżlattiv u ta' politika li jiffunzjona bis-sħiħ u li jħares 'il quddiem, ibbażat fuq il-fehim tad-dinamika bejn il-pjan ta' rkupru, l-ambizzjonijiet klimatiċi u diġitali tagħna u strateġija industrijali effettiva li tissimplifika l-approċċi, il-miri u l-għanijiet differenti; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija industrijali riveduta u komprensiva li tipprovdi qafas ta' politika ċar u ċertezza regolatorja, u, fost l-oħrajn:

   (a) toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir fit-tul, ittejjeb il-prosperità tal-Unjoni bbażata fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività globali u tikseb in-newtralità klimatika;
   (b) timmobilizza r-riżorsi finanzjarji xierqa, inklużi miżuri għall-irkupru;
   (c) tappoġġa u timmaniġġa t-tranżizzjoni doppja - ekoloġika u diġitali, filwaqt li żżomm u toħloq impjiegi ta' kwalità għolja;
   (d) taħdem favur il-Patt Ekoloġiku Ewropew;
   (e) tiżgura, tagħmel aktar sostenibbli, tiddiversifika u tiddiġitalizza ktajjen tal-valur strateġiċi, anke billi tippromwovi u tappoġġa l-kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;
   (f) issaħħaħ l-ispirtu intraprenditorjali, toħloq ambjent favorevoli għan-negozju, tappoġġa l-SMEs u tinkoraġġixxi l-ħolqien u t-tkabbir ta' kumpaniji, inklużi negozji ġodda;
   (g) ittejjeb ir-reżiljenza strateġika u l-awtonomija tal-Unjoni, inkluż fil-materja prima, u ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika;
   (h) toħloq il-kundizzjonijiet għal żvilupp ugwali u tinkoraġġih fir-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

2.  Jitlob strateġija industrijali inklużiva li tinvolvi l-ekosistemi industrijali kollha, l-SMEs, ir-reġjuni, il-komunitajiet u l-ħaddiema fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħha; huwa tal-fehma li strateġija industrijali b'saħħitha tista' tgħin biex jingħelbu l-kompromessi potenzjali u tagħmilha possibbli li jinħatfu l-opportunitajiet maħluqa mit-tranżizzjoni doppja; jinsab konvint li l-politika industrijali tal-Unjoni trid tkun tista' tiddependi fuq pilastru soċjali b'saħħtu u tindirizza fil-ħin il-konsegwenzi soċjali tat-tibdil strutturali;

3.  Iqis li huwa essenzjali li jsir investiment fi swieq tax-xogħol attivi u li jiġu pprovduti programmi ta' edukazzjoni u taħriġ bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika tal-Unjoni li tikkorrispondi mal-għadd ta' impjiegi li jistgħu jintilfu fl-industriji tradizzjonali mad-domanda għax-xogħol fl-industriji tat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, peress li dawn l-impjiegi ġodda x'aktarx ma jinħolqux fl-istess reġjuni li fihom jitilfu l-industriji tradizzjonali, u ma jittiħdux mill-istess ħaddiema, biex jiffaċilitaw ir-rivitalizzazzjoni ekonomika u soċjali tat-territorji li qed jirriskjaw id-depopolazzjoni u t-tfaqqir, b'attenzjoni partikolari għad-disparitajiet bejn il-ġeneri;

4.  Iqis li din it-tranżizzjoni doppja hija opportunità għal żoni ddominati mill-fjuwils fossili biex jimxu lejn l-ewwel linja ta' innovazzjoni u sistema ta' produzzjoni li tkun kompatibbli mal-objettivi tan-newtralità klimatika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li din it-tranżizzjoni trawwem kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi li jkunu ekwi u soċjalment ġusti fl-ispirtu tal-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, filwaqt li timxi id f'id mal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, it-titjib tal-istandards soċjali u tal-għajxien u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li kull azzjoni li taċċelera t-tranżizzjoni doppja tkun akkumpanjata minn politiki korrispondenti u azzjonijiet konkreti li jkollhom l-għan li jindirizzaw l-effetti negattivi kemm fuq ir-reġjuni kif ukoll fuq l-aktar persuni vulnerabbli;

5.  Jenfasizza li, għal dan il-għan, jeħtieġ li ssir enfasi fuq il-koeżjoni reġjonali u soċjali u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, imfassla skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol lokali, bil-għan li jkun hemm rivitalizzazzjoni ekonomika tar-reġjuni milquta kif ukoll bil-għan li jiġi indirizzat il-qgħad u jiġi promoss l-użu tal-investiment pubbliku, anke f'setturi essenzjali partikolarment milquta mill-pandemija, sabiex jiġu appoġġati impjiegi ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-ġestjoni u l-governanza tal-kumpaniji;

6.  Jinsisti fuq l-identifikazzjoni ta' settijiet ta' ħiliet futuri u fuq aktar investiment fir-riżorsi umani, l-edukazzjoni, it-taħriġ immirat, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, sabiex il-persuni u r-reġjuni jiġu pprovduti b'perspettivi u introjti futuri, kif ukoll biex l-industrija tiġi pprovduta b'ħaddiema tas-sengħa; jinnota li industrija kompetittiva tiddependi ħafna fuq ir-reklutaġġ u ż-żamma ta' forza tax-xogħol kwalifikata b'ħiliet kruċjali fil-qasam tas-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, u li dan għandu jiġi appoġġat b'finanzjament adegwat mill-Programm Ewropa Diġitali u l-Programm tas-Suq Uniku;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex isaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni, b'investimenti pubbliċi massivi fihom fl-Ewropa kollha; iħeġġeġ barra minn hekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' partijiet ikkonċernati esperti inkarigat li jipprevedi lakuni u nuqqasijiet futuri fil-ħiliet industrijali bl-għajnuna tal-IA u r-riżorsi diġitali, speċjalment il-kapaċitajiet tal-big data;

8.  Jemmen li l-istrateġija ġdida fit-tul għall-futur industrijali tal-Ewropa għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet li għadhom jaffettwaw is-suq tax-xogħol Ewropew u s-soċjetà Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tqis id-dimensjoni tal-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali Ewropea, kemm fil-fażi tal-irkupru kif ukoll fil-fażijiet tar-rikostruzzjoni u t-trasformazzjoni, inkluż l-użu ta' għodod għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fid-definizzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw it-tkabbir industrijali u ekonomiku tal-Unjoni;

9.  Jissottolinja r-rwol ewlieni li l-industrija Ewropea jista' jkollha fl-impenn attiv favur objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ambizzjużi, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li biex dan jimmaterjalizza, l-UE għandha bżonn tgħammar lilha nnifisha b'qafas ta' diliġenza dovuta globali għall-industrija biex tidentifika, tintraċċa, tipprevjeni, timmitiga u tqis ir-riskji, l-impatti, l-abbużi u l-ħsara ambjentali u soċjali, fl-attivitajiet domestiċi u globali tagħha, u bejn il-ktajjen tal-provvista, sabiex tipprovdi standards minimi u toħloq kundizzjonijiet ekwi;

10.  Iqis li l-Unjoni teħtieġ strateġija industrijali li tikkontribwixxi għall-irkupru industrijali mill-kriżi ekonomika attwali, tattira l-investimenti, tiffaċilita l-aċċess għall-kapital u tistimula kompetizzjoni effettiva; jemmen għalhekk li strateġija aġġornata għandha tqis żewġ fażijiet prinċipali u marbuta ma' xulxin: waħda mmirata lejn il-konsolidazzjoni tal-impjiegi, billi tirriattiva l-produzzjoni u tadattaha għal sitwazzjoni "normal ġdida" ta' wara l-COVID-19 u t-tieni fażi mmirata lejn ir-rikostruzzjoni u t-trasformazzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura rilevanti sabiex tagħti prijorità lit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività fit-tul u r-reżiljenza soċjetali u ekonomika matul iż-żewġ fażijiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tistimola d-domanda interna tal-Unjoni u t-tkabbir fit-tul billi tattira aktar investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda sostenibbli u diġitali, inkluż f'industriji li jirrikjedu ħafna ħaddiema, f'networks u proġetti ta' infrastruttura ġodda li jkunu kompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, effiċjenti fl-enerġija u tar-riżorsi u fl-ekonomija ċirkolari;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport komprensiv li jivvaluta l-istat tal-ekonomija tal-Unjoni u l-fattibbiltà li titwettaq it-tranżizzjoni doppja, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet għall-industrija, inklużi l-SMEs, biex jinkisbu s-sinerġiji u jiġu minimizzati r-riskji li jistgħu jippreżentaw lil xulxin u biex jiġu massimizzati l-benefiċċji; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tas-sejbiet tagħha, tadatta l-istrateġija ppubblikata f'Marzu 2020 għas-sitwazzjoni attwali u tindirizza ż-żewġ fażijiet, filwaqt li żżomm l-enfasi fuq tranżizzjoni ekoloġika, diġitali, ekwa u ġusta li ssaħħaħ is-sovranità tal-Unjoni u l-awtonomija strateġika tagħha;

13.  Jissottolinja li l-istrateġija industrijali tal-Unjoni trid issegwi għanijiet definiti sew u, fl-interessi ta' trasparenza sħiħa, jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi definizzjonijiet ċari, espliċiti u konkreti ta' kunċetti ta' "strateġika", "awtonomija", "awtonomija strateġika", "reżiljenza", "reżiljenza strateġika", u kunċetti relatati oħra, sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet meħuda b'referenza għal dawn il-kunċetti jkunu speċifiċi u mmirati lejn il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-UE;

14.  Iqis li l-istrumenti ta' assigurazzjoni tradizzjonali mhumiex biżżejjed biex ikopru t-telf fl-interruzzjoni tan-negozju kkawżata minn pandemija, u li soluzzjoni ambizzjuża għall-UE kollha hija meħtieġa biex tantiċipa u timmaniġġa l-effetti negattivi ta' kriżi pandemika jew sistemika futura fuq in-nies, in-negozji u l-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur il-ħolqien ta' qafas li jinvolvi lill-investituri istituzzjonali, lill-Istati Membri u lill-UE, biex tkopri t-telf minħabba interruzzjoni tan-negozju f'każ ta' pandemija futura;

15.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex toħloq strument ġdid għall-irkupru, fosthom Next Generation EU (NGEU), ta' EUR 750 biljun; jiddeplora t-tnaqqis fil-programmi orjentati lejn il-futur propost mill-Kunsill Ewropew f'Lulju 2020, kemm fil-QFP 2021-2027 kif ukoll fl-NGEU, u jitlob li l-infiq mill-baġit tal-UE fuq l-isforzi tat-tibdil fil-klima jiżdied għal mill-inqas 30 % tal-baġit; iqis li dan it-tnaqqis se jdgħajjef il-pedamenti ta' rkupru sostenibbli u reżiljenti għall-industrija tal-Unjoni u se jkollu effetti konsegwenzjali negattivi fuq l-ilħuq tal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050, kif ukoll għall-ġustizzja soċjali u l-kompetittività globali; jitlob, għalhekk, li jkun hemm baġit fit-tul tal-UE li jkun ambizzjuż u aktar b'saħħtu għall-2021-2027 u li ma jkunx anqas mill-proposta tal-Kummissjoni; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' riżorsi ġodda li jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-UE u li jinċentivaw il-progress ta' dawn il-prijoritajiet;

16.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Unjoni biex tindirizza l-kriżi tal-COVID-19, l-injezzjoni tal-likwidità mill-BĊE, iż-żieda fil-kapital tal-BEI għall-SMEs u l-inizjattiva SURE biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffinanzjaw arranġamenti ta' ħidma fuq perjodu ta' żmien qasir, iżommu l-impjiegi u jipproteġu lill-ħaddiema; jilqa' pożittivament il-mezzi finanzjarji straordinarji skont il-Qafas għall-Miżuri ta' Għajnuna mill-Istat biex jiġu appoġġati n-negozji u l-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna pprovduta fil-fażi ta' emerġenza tkun iġġustifikata mill-konsegwenzi tal-pandemija u ma twassalx għal nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq uniku u li l-ebda settur strateġiku ma jiġi traskurat; barra minn hekk, jistenna bil-ħerqa reviżjoni f'waqtha tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa għal appoġġ immirat biex jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni industrijali, u b'mod partikolari tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija; jenfasizza f'dan ir-rigward li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt tal-kompetittività tal-industrija Ewropea, għandha tqis id-distorsjonijiet possibbli fuq livell globali, u għandha tkun konsistenti bis-sħiħ man-newtralità klimatika u mal-għanijiet ambjentali tal-UE għall-2050 kif miftiehem fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima;

17.  Jissottolinja li l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss lill-kumpaniji li qed jiffaċċjaw l-effetti ekonomiċi immedjati tal-COVID-19 u li l-illaxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandu jkun limitat biż-żmien; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reġim speċifiku ta' għajnuna mill-Istat immirat biex jappoġġa s-setturi li l-aktar li sofrew mill-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19, bħall-industriji tal-karozzi, it-turiżmu, l-avjazzjoni u l-industriji tal-azzar u tal-metall; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni għall-kumpaniji li jirċievu assistenza finanzjarja, sabiex jiġu evitati kriterji nazzjonali differenti li jwasslu għal aktar diskrepanzi; jissottolinja li l-għajnuna pubblika li tingħata għandha tissalvagwardja l-impjiegi u tintuża biex l-operazzjonijiet tal-kumpaniji kkonċernati jiġu allinjati mal-objettivi tan-newtralità klimatika u ambjentali tal-Unjoni;

18.  Jissottolinja, fil-kuntest tal-assistenza ta' emerġenza, l-importanza li jingħata appoġġ lill-intrapriżi li jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi applikabbli u li mhumiex reġistrati f'rifuġji fiskali;

19.  Jissottolinja, barra minn hekk, li kwalunkwe għajnuna mill-Istat attribwita skont il-politiki industrijali jew kwalunkwe politika oħra għandha taderixxi mal-"prinċipju ta' bbilanċjar" komuni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tiġi evitata kull forma ta' dumping soċjali fi ħdan l-UE kif ukoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ċar, konsistenti u aċċessibbli għad-definizzjoni tas-suq f'każijiet ta' kompetizzjoni f'industriji differenti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati biżżejjed veloċità, trasparenza u proporzjonalità fil-qafas amministrattiv u proċedurali tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' rapportar dwar il-modi li bihom il-protezzjoniżmu barrani jaffettwa l-industrija tal-UE kif ukoll valutazzjoni regolari tal-kompetittività tal-UE tas-setturi differenti tal-industrija tal-Unjoni meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha, u taġixxi b'mod rapidu jekk ikunu meħtieġa aġġustamenti fir-regoli tal-Unjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' kuntest ekonomiku globali li nbidel b'mod profond, biex tirrevedi r-regoli tal-antitrust tal-Unjoni, filwaqt li tfittex bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kompetizzjoni fuq skala globali u l-protezzjoni tal-katina tal-provvista u tal-konsumaturi mill-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' suq intern aktar ikkonċentrat;

23.  Iqis li l-iskemi ekonomiċi stabbiliti mill-Istati Membri individwali biex jgħinu lill-SMEs, lin-negozji ġodda u lill-kumpaniji jlaħħqu mal-kriżi tal-likwidità għal żmien qasir huma utli, iżda f'xi każijiet jistgħu jżidu l-livelli tad-dejn tagħhom; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa programmi tal-UE u nazzjonali li jinċentivaw iż-żieda fil-kapital u jiffaċilitaw l-irkupru;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem mill-ġdid u ġġedded l-ispirtu tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, permezz ta' inizjattivi mmirati speċjalment biex jappoġġaw il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar, billi l-miżuri b'approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" spiss mhumiex adatti għall-mikrointrapriżi u l-SMEs; jemmen li l-SMEs jiġu moqdija l-aħjar b'miżuri ta' appoġġ ad hoc li jevitaw ostakoli burokratiċi u jiżguraw li l-likwidità meħtieġa tasal għand kumpaniji permezz ta' għodod effettivi u aċċessibbli u proċeduri veloċi, aġli u li jiffavorixxu l-SMEs; jisħaq li ħafna SMEs mhux se jkollhom il-likwidità biex jinvestu fi trasformazzjoni diġitali sostenibbli;

25.  Jissottolinja li l-programmi ta' finanzjament tal-UE għandhom impatt fuq iż-żieda fil-livell ta' tkabbir fit-tul tal-kumpaniji benefiċjarji, iżda jenfasizza wkoll li l-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, jiffaċċjaw diffikultajiet sostanzjali biex jaċċessaw il-finanzjament tal-UE; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ssegwi wkoll it-triq diġà esperjenzata mill-kofinanzjament ta' skemi ta' kreditu tat-taxxa provviżorji nazzjonali mmirati lejn it-trawwim ta' investimenti f'teknoloġiji diġitali u ambjentali;

26.  Itenni l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ ad hoc indirizzati lejn l-SMEs, permezz ta' appoġġ finanzjarju sod fil-QFP li jmiss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' programm ta' vawċers għall-SMEs li jappoġġa l-isforzi tal-SMEs, inklużi dawk biex jaġġornaw tagħmir skadut, itejbu t-trasferiment tal-għarfien u jidentifikaw l-aktar użi effettivi tat-teknoloġiji, bħall-intelliġenza artifiċjali industrijali, u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa immedjatament biex jippermettu l-kontroll remot tal-assi, il-monitoraġġ tal-produzzjoni u l-kollaborazzjoni tal-impjegati, kif ukoll mudelli ta' negozju ambjentalment sostenibbli, approċċi tal-ekonomija ċirkolari, effiċjenza fl-enerġija u tar-riżorsi, oqsma fejn l-għarfien diġitali spiss huwa kruċjali u jippermetti lill-SMEs jibqgħu kompetittivi;

27.  Jiddispjaċih li għad hemm distakk sinifikanti bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs fir-rigward tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom, kif ukoll distakk bejn dawk li huma minn ta' quddiem u dawk li għadhom lura fl-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-SMEs fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jassorbu teknoloġiji innovattivi u li jnaqqsu l-iżbilanċi diġitali f'termini ta' infrastruttura fi bliet iżgħar u f'żoni rurali u remoti; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa liċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej, li bis-saħħa tal-għarfien tal-ekosistemi lokali jirrappreżentaw mod potenzjalment effettiv biex jitnaqqas id-distakk diġitali;

28.  Jemmen li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-eżitu tal-istrateġija industrijali peress li dawn joħolqu valur pubbliku u jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali fejn huma bbażati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet ta' din il-kategorija ta' intrapriżi fit-tfassil tal-istrumenti finanzjarji tal-programm ta' ħidma, sabiex jiġi appoġġat l-aċċess tagħhom għall-finanzi;

29.  Jissottolinja li hemm attributi speċifiċi li jagħmlu t-tranżizzjoni ekonomikament sostenibbli lejn ekonomija newtrali għall-klima u kompletament diġitali partikolarment adattata għall-miżuri ta' rkupru li jfittxu li jżidu b'mod rapidu d-domanda tal-konsumaturi u l-impjiegi; jenfasizza li l-evidenza turi li l-proġetti ekoloġiċi u diġitali joħolqu aktar impjiegi, jirriżultaw f'redditi ogħla fuq perjodu ta' żmien qasir għal kull euro li jintefaq u jwasslu għal iffrankar akbar tal-ispejjeż fit-tul meta mqabbla ma' stimoli fiskali tradizzjonali, peress li dawn jiżviluppaw malajr minħabba li t-teknoloġija hija faċilment disponibbli (pereżempju sorsi ta' enerġija rinnovabbli), għandhom it-tendenza li jinvolvu lill-SMEs u jrawmu ekonomiji lokali permezz ta' effetti ta' impjiegi b'saħħithom, li jżidu malajr l-introjtu disponibbli tal-konsumaturi (pereżempju l-effiċjenza fl-enerġija), u huma anqas esposti għal xokkijiet esterni u b'hekk jikkontribwixxu għal irkupru soċjali u ekonomiku aktar reżiljenti;

30.  Jinnota li, sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta' investimenti b'impatti ambjentali u soċjali pożittivi għoljin, it-tassonomija tal-UE, fejn disponibbli, tistabbilixxi l-qafas sabiex jiġi stabbilit sa liema punt investiment huwa ambjentalment sostenibbli u biex jiġi żgurat li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali u soċjali;

31.  Iqis li l-Unjoni tirrikjedi strateġija industrijali innovattiva li tħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-industriji u l-SMEs tagħna inklużi dawk tradizzjonali, ittejjeb il-kapaċità industrijali tal-Unjoni fl-infrastrutturi u l-kapaċitajiet diġitali kritiċi u ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u tad-data; huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tappoġġa n-negozji fl-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-għarfien u t-taħriġ tagħhom u fl-investiment f'tagħmir diġitali (hardware u software), filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sistemi ta' taħriġ u ta' titjib ta' ħiliet; jissottolinja l-importanza tal-programm Ewropa Diġitali u l-importanza li titħaffef l-adozzjoni ta' teknoloġiji abilitanti u emerġenti fl-industriji; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ċentri tal-innovazzjoni diġitali madwar l-UE;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu, fost l-oħrajn, fl-ekonomija tad-data, l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem, il-produzzjoni intelliġenti, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-mobbiltà, is-supercomputing, l-inġinerija u t-teknoloġija tas-software, il-cloud, it-teknoloġija quantum, in-networks tal-5G u tas-6G b'veloċità għolja u bi prezz raġonevoli u siguri, it-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit (DLTs), ir-robotika, il-batteriji u l-internet satellitari; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jizguraw implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri ewlenin rilevanti rakkomandati fis-sett ta' għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G u b'mod partikolari biex japplikaw, fejn xieraq, ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-fornituri ta' riskju għoli għal assi ewlenin definiti bħala kritiċi u sensittivi fil-valutazzjonijiet tar-riskju kkoordinati tal-UE.

33.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tas-settur diġitali fil-kontribut għat-trasformazzjoni tas-settur industrijali, kemm bħala sors ta' soluzzjonijiet ta' teknoloġija nadifa kif ukoll fl-ottimizzazzjoni tal-proċessi industrijali u billi jiġi minimizzat l-impatt ambjentali tagħhom; minħabba l-konsum għoli ta' enerġija u riżorsi konnessi mal-ICT, jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ambjentali potenzjali tal-iżvilupp massiv ta' soluzzjonijiet diġitali filwaqt li tiżgura tmexxija Ewropea f'teknoloġiji diġitali u ċentri tad-data effiċjenti ħafna fl-enerġija u ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi toroq konkreti għal soluzzjonijiet diġitali biex iservu t-tranżizzjoni ekoloġika u biex jistabbilixxu metodoloġija għall-monitoraġġ u l-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali li dejjem jiżdied tat-teknoloġiji diġitali;

34.  Jissottolinja li d-data għandha rwol ewlieni fit-trasformazzjoni tal-industriji Ewropej, u jenfasizza l-importanza tat-tkabbir tal-manifattura intelliġenti u tad-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta ambjent diġitali u tad-data uniku Ewropew u tiżgura u tippromwovi l-interoperabbiltà, kif ukoll l-aċċess u l-fluss għal data u software siguri fl-Unjoni u fis-setturi kollha, f'kumpaniji ta' kull daqs u fost l-istituzzjonijiet pubbliċi; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-tmexxija Ewropea fl-istabbiliment ta' standards orjentati lejn il-futur u l-ħolqien ta' għodod u infrastrutturi orjentati lejn il-futur għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data u l-ġbir ta' data Ewropea f'setturi ewlenin, bi spazji tad-data komuni u interoperabbli mal-Unjoni kollha; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiffoka b'mod partikolari fuq proġetti mmirati lejn il-ġestjoni u t-tikkettar tad-data, l-istandardizzazzjoni tal-format tad-data u s-sigurtà tad-data, tiżviluppa u tipproċessa data fuq it-territorju Ewropew, b'mod partikolari data minn korpi pubbliċi, tibni sistema ta' tassazzjoni diġitali aħjar li fiha l-profitti jiġu ntaxxati u fejn il-kumpaniji jkollhom interazzjoni sinifikanti mal-utenti, u tiżviluppa aktar l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni Ewropej dwar iċ-ċibersigurtà, u b'hekk tiżgura kompetittività msaħħa, tippromwovi teknoloġiji fixkiela, b'mod partikolari għall-infrastrutturi kritiċi, inkluż billi tirrevedi d-direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) u billi tistabbilixxi ċentru taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura pjattaforma ġusta għar-relazzjonijiet kummerċjali biex tippermetti lill-intrapriżi fl-UE, speċjalment l-SMEs, jużaw id-data ġġenerata fuq il-pjattaformi b'mod effettiv;

35.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' approċċ Ewropew għall-ekonomija tad-data, li jkun trasparenti, affidabbli, interoperabbli u ċċentrat fuq il-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu progressivament il-frammentazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali differenti u jindirizzaw l-iżbilanċi fis-setgħa tas-suq, bil-għan li jappoġġaw fluss ta' data, interoperabbiltà, ġestjoni tad-data, protezzjoni u użu (mill-ġdid) fl-Unjoni kollha;

36.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' qafas legali Ewropew dwar l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li jindirizza prinċipji etiċi u drittijiet fundamentali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tagħhom, kif ukoll mistoqsijiet dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà; jenfasizza li l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa se jirrikjedu qafas orizzontali li jirrifletti l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, sabiex jipprovdu gwida konkreta u ċertezza legali liċ-ċittadini u lin-negozji bl-istess mod, inkluż dawk li jinsabu barra l-Unjoni;

37.  Hu tal-opinjoni li kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva fil-kuntest ta' reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali applikabbli bħalissa (IPR) trid tkun ikkunsidrata bir-reqqa peress li dan jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tad-data tal-UE li għadha fraġli u li qed tiżviluppa; jikkunsidra li ma għandu jkun hemm l-ebda dritt ta' sjieda bbażat fuq il-proprjetà intellettwali għal data mhux personali użata u prodotta minn teknoloġiji bħall-Intelliġenza Artifiċjali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-pjan ta' rkupru miżuri konkreti biex tattira l-industriji lejn l-Ewropa, iżżid, issaħħaħ u tippromwovi r-rilokazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-industriji Ewropej f'termini tal-importanza strateġika tagħhom u, mill-perspettiva tan-newtralità klimatika, tqassar u tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Unjoni tipproduċi biżżejjed prodotti strateġiċi, bħal tagħmir mediku u tal-kura tas-saħħa jew enerġija rinnovabbli, biex tkun awtosuffiċjenti fi żminijiet ta' kriżi, u jinkoraġġixxi l-użu ta' inċentivi biex jinkiseb dan, bħar-rekwiżit li jinxtara ammont akbar minn produzzjoni lokali (UE/ŻEE) minn setturi li jirċievu għajnuna temporanja;

39.  Jirrikonoxxi r-riskju li l-kriżi tal-COVID-19 se twassal għal żieda fin-nazzjonaliżmu ekonomiku u l-protezzjoniżmu, u dan joħloq sfida kbira għall-kummerċ ħieles ibbażat fuq ir-regoli u l-ktajjen tal-valur globali minħabba r-rinazzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-qtugħ ta' dawk il-ktajjen; jistieden, għal dan il-għan, lill-partijiet ikkonċernati jiddiversifikaw u jqassru l-ktajjen tal-provvista tagħhom u jagħmluhom aktar sostenibbli sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiddefendi sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli li tkun konsistenti mal-isforzi globali biex jitwaqqaf it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità u mal-istandards ambjentali u soċjali għoljin tal-UE, ittejjeb l-aċċess għas-swieq internazzjonali għall-kumpaniji tal-UE, u tipprevjeni atturi internazzjonali b'saħħithom milli jabbużaw mis-setgħa tagħhom fis-suq; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tuża l-politika tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi kif xieraq, tapplika miżuri tal-istrument għad-difiża tal-kummerċ (TDI) b'mod aktar assertiv sabiex tindirizza b'mod sistematiku l-prattiki inġusti ta' dumping u ta' sussidju, u ssaħħaħ l-iskema eżistenti tat-TDI;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi minnufih projbizzjoni temporanja fuq akkwiżizzjonijiet barranin ta' kumpaniji Ewropej f'setturi strateġiċi minn intrapriżi tal-istat (SOEs) jew kumpaniji marbuta ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar ir-reċiproċità fl-aċċess għas-suq, issaħħaħ u tiskennja sistematikament il-qafas ta' skrinjar tal-Unjoni għall-investiment dirett barrani (IDB) sabiex tipproteġi l-aċċess għall-industriji strateġiċi, l-infrastruttura, it-teknoloġiji abilitanti ewlenin, u assi oħra tas-sigurtà u taċ-ċibersigurtà, kif ukoll timblokka l-akkwiżizzjonijiet ostili sabiex tissalvagwardja l-kompetittività u tnaqqas id-distorsjonijiet tas-suq fis-suq uniku; jilqa', f'dan ir-rigward, il-White Paper dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin; jappella għat-tisħiħ sostanzjali u l-adozzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 (ir-Regolament ta' Infurzar); jenfasizza li din hija għodda importanti biex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni meta pajjiżi terzi jadottaw miżuri illegali li jolqtu b'mod negattiv lin-negozji tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kunsill ikompli javvanza fin-negozjati dwar l-Istrumenti għal Akkwist Internazzjonali (IPI) li jipprevedu r-reċiproċità u standards reċiproċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strumenti legali xierqa li jindirizzaw id-distorsjonijiet ikkawżati fis-suq uniku, inkluż fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti prijorità lill-kumpaniji li għandhom u jżommu l-kwartieri ġenerali, il-produzzjoni u l-impjiegi tagħhom fl-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' IPI b'saħħtu u regoli globali effettivi dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku, tesplora l-introduzzjoni ta' miżuri li jappoġġaw il-manifatturi Ewropej, speċjalment l-SMEs, li qed jiffaċċjaw livell dejjem akbar ta' kompetizzjoni minn pajjiżi emerġenti li ma jikkonformawx mar-regoli kummerċjali internazzjonali komuni u mal-istandards ambjentali soċjali;

43.  Hu tal-opinjoni li approċċ komprensiv għall-istrateġija industrijali li jinkludi l-politiki kollha tal-UE, jista' jkollu rwol importanti fid-diplomazija ekonomika u "industrijali"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża b'mod attiv in-network tal-kmamar tal-kummerċ tal-UE f'pajjiżi terzi biex toħloq sħubijiet kummerċjali ġodda;

44.  Jilqa' l-ambizzjoni li jinħolqu swieq ewlenin f'teknoloġiji ambjentalment sostenibbli u diġitali u soluzzjonijiet innovattivi; iqis li l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa essenzjali għal proġetti industrijali innovattivi u kapaċitajiet diġitali, u jemmen li dan għandu jimxi id f'id mal-analiżi attwali mill-Kummissjoni tal-linji gwida għal "Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni" (IPCEI); huwa tal-fehma li r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika għandhom jitqiesu bħala kriterji ta' definizzjoni u li l-IPCEI għandhom jikkonformaw man-newtralità klimatika u mal-għanijiet diġitali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-IPCEIs u tiżgura l-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħaffef l-istabbiliment ta' mexxejja Ewropej u/jew ta' ekosistemi f'setturi industrijali strateġiċi li huma kapaċi jikkompetu fuq skala globali u se jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima u tmexxija diġitali mingħajr ma joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni jew inaqqsu l-fiduċja fil-ftuħ u l-aċċess għas-suq;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma fuq il-ktajjen tal-valur billi tiżgura segwitu adegwat għall-azzjonijiet proposti għas-sitt ktajjen tal-valur strateġiċi identifikati mill-Forum Strateġiku dwar l-IPCEI, u toħloq kundizzjonijiet trasparenti ta' applikazzjoni għal proġetti konġunti tal-IPCEI li jkunu uniformi fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu ta' benefiċċju għall-Unjoni kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kriżi attwali, tinvesti fi proġetti li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar u tissimplifika l-proċessi amministrattivi, testendi l-kriterji għall-eliġibbiltà tal-ispiża u żżid il-finanzjament;

46.  Iqis li l-inizjattiva tal-NGEU hija l-pilastru tal-ewwel fażi tal-irkupru industrijali tal-UE mill-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fond jiġi implimentat malajr, u jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni, biex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika u jiġu massimizzati t-trasparenza u l-kontroll parlamentari; jitlob li, għal forniment effettiv minn qabel ta' EUR 750 biljun, l-NGUE:

   (a) jipprevedi miri għal investimenti soċjali, sostenibbli u diġitali, bil-ħsieb li jiġu minimizzati l-impatti detrimentali u jiġu massimizzati l-benefiċċji għad-dimensjoni tal-klima, l-ambjent u dik soċjali;
   (b) ikollu fokus speċifiku fuq SMEs, li ntlaqtu bl-agħar mod mill-kriżi tal-COVID-19, u jappoġġa l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;
   (c) ikun ġestit direttament mill-Kummissjoni, meta jkun possibbli, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u permezz ta' programmi Ewropej biex isir progress b'mod aktar ikkoordinat, biex is-suq globali jiġi affettwat b'mod aħjar u jiġu massimizzati t-trasparenza u l-kontroll parlamentari, kif ukoll biex jiġu evitati distorsjoni u tħarbit tas-suq uniku;
   (d) iqis l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri, li ġew affettwati mill-kriżi b'diversi modi;
   (e) jiddistribwixxi l-għajnuna finanzjarja fost id-diversi ekosistemi industrijali, inklużi l-mikrointrapriżi u l-SMEs, skont il-ħsara mġarrba, l-impatt soċjali, l-isfidi ffaċċjati u l-ammont ta' appoġġ finanzjarju nazzjonali diġà rċevut permezz ta' skemi ta' għajnuna nazzjonali filwaqt li jitqiesu l-interdipendenzi strutturali bejn il-ktajjen tal-valur differenti; iqis it-tagħlimiet miksuba mill-miżuri ta' appoġġ pubbliku preċedenti meħuda b'rispons għall-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009 u l-impatt tagħha fuq ir-reżiljenza u l-irkupru ekonomiku u soċjali fit-tul; iqis li l-fond irid ikun kondizzjonali fuq kriterji li jiżguraw li l-finanzjament ma jintużax biex jitħallsu djun qodma jew tiġi sostnuta teknoloġija skaduta, u li l-kumpaniji li jikkontribwixxu għat-tkabbir fit-tul jiġu appoġġati u jkollhom potenzjal b'saħħtu biex jerġgħu jqajmu l-ekonomija; iqis li l-infiq marbut mal-irkupru għandu jiġi dirett ukoll lejn setturi b'effett multiplikatur għoli li jkunu favur il-klima u l-innovazzjoni u li se jikkontribwixxu għar-reżiljenza ekonomika futura tal-UE;
   (f) jappoġġa l-iskemi fiskali nazzjonali li jinċentivaw l-investiment fl-ekwità tas-settur privat u jippermettu lill-kumpaniji jikkonvertu parti mis-self mogħti mill-Fond f'ekwità;
   (g) jalloka finanzjament iddedikat lill-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, il-mikrointrapriżi u n-negozji ġodda, li għandhom operazzjonijiet u pjanijiet tan-negozju li jinvolvu servizzi, teknoloġiji u innovazzjonijiet ewlenin, inkluż l-avvanz tat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika, jew li l-operazzjonijiet tagħhom huma neċessarji għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni f'setturi kritiċi, b'referenza partikolari għat-tisħiħ taċ-ċirkolarità, l-effiċjenza u l-iffrankar fir-riżorsi u fl-enerġija u bidla għal sorsi rinnovabbli; jgħin biex il-ktajjen tal-provvista tagħna jsiru aktar reżiljenti u inqas dipendenti billi jirrilokalizzahom, jiddiversifikahom u jsaħħaħhom, filwaqt li jevita li jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji li għaddejjin minn emerġenza li jeħtieġu li jkunu akkumpanjati fit-tranżizzjoni tagħhom;
   (h) jiddedika finanzjament lil kumpaniji kbar li jkollhom pjanijiet kredibbli biex iwettqu tranżizzjoni lejn mudell ta' negozju newtrali għall-klima;
   (i) isaħħaħ il-programm ta' garanziji tal-BEI u jagħmlu komplementari għall-programmi nazzjonali, sabiex ikun jista' jiffunzjona bħala suppliment siewi u jsaħħaħ l-impatt tagħhom fil-prattika;
   (j) jagħti preferenza lill-kumpaniji li jimpenjaw ruħhom favur it-trasparenza, jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE, jistabbilixxu sistemi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fi kwistjonijiet tal-kumpanija, u li jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar mhux finanzjarju tagħhom;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat irkupru sostenibbli u ġust, filwaqt li jiġi żgurat il-benessri taċ-ċittadini lil hinn mill-kriżi tal-COVID-19; huwa tal-fehma li l-Fond għandu jrawwem is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-industriji Ewropej, u jiggarantixxi wkoll tranżizzjonijiet industrijali diġitali u ekoloġiċi ekwi u ġusti;

48.  Iqis li b'mod parallel mal-kriżi attwali, l-Unjoni għandha tħejji u tantiċipa t-tieni fażi tal-istrateġija industrijali tagħha, filwaqt li tiżgura l-kompetittività, is-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni tal-industriji tagħha u twassal għal reżiljenza fit-tul fuq bażi soċjalment responsabbli; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri se jkun kruċjali għal irkupru ta' suċċess li jistimula r-riżorsi limitati tal-UE, u li l-politika industrijali għandha ssir kompitu orizzontali għall-Kummissjoni;

49.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni tirrikjedi strateġija industrijali li tħaddan il-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u l-bijodiversità u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi aċċelerata t-trasformazzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-industrija tagħna; jenfasizza li l-investimenti jridu jkunu kompatibbli mal-għanijiet tan-newtralità klimatika għall-2050, peress li nkella jkun hemm riskju li jinħolqu assi mhux rekuperabbli u effetti ta' intrappolament f'teknoloġiji bbażati fuq il-il-fjuwils fossili u li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

50.  Jissottolinja li Strateġija Industrijali Ewropea verament effettiva u l-politika relatata jeħtieġ li jitfasslu fuq azzjoni u miri klimatiċi ambizzjużi abbażi tal-Liġi dwar il-Klima, u jipprovdu pjan direzzjonali biex tissawwar l-industrija tal-futur fejn is-setturi kollha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika kmieni kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

51.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija Industrijali l-ġdida tkun allinjata mal-mira ta' ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li fl-istess ħin jiġi enfasizzat li l-politiki klimatiċi tal-Ewropa jridu jkunu bbażati fuq l-evidenza;

52.  Jenfasizza li hemm potenzjal sinifikanti fis-swieq domestiċi u globali għal teknoloġiji b'emissjonijiet żero jew baxxi, sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u prodotti, proċessi u servizzi sostenibbli, tul il-katina kollha tal-valur, mill-materja prima sal-industriji intensivi fl-enerġija, il-manifattura u s-settur tas-servizzi industrijali; iqis, barra minn hekk, li l-Liġi dwar il-Klima se tikkontribwixxi bil-kbir għar-razzjonalizzazzjoni tal-isforzi lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li tistabbilixxi l-miri dwar il-klima għall-2030 u l-2050 fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; jemmen li huwa meħtieġ ukoll qafas ta' politika aktar olistiku u sistematiku sabiex jiġu żgurati l-koerenza politika fil-politiki kollha tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà regolatorja u ċertezza għall-investituri fit-tul u approċċ koerenti, trasparenti u inklużiv fir-rigward tal-governanza fl-oqsma ta' politika kollha, biex b'hekk titwitta t-triq għal strateġija ċara u prevedibbli għall-industriji Ewropej;

53.  Jilqa' l-proposta ta' Forum Industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi bit-twaqqif tiegħu u toħloq fi ħdan dan il-qafas djalogu b'rappreżentanza bbilanċjata tal-esperti xjentifiċi, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u t-trade unions, biex jimmonitorja kontinwament u jirrapporta regolarment dwar il-progress tas-setturi industrijali individwali fil-livell tal-UE lejn l-objettivi tan-newtralità klimatika li għandhom jintlaħqu sa mhux aktar tard mill-2050, u biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kontribut u l-konsistenza tal-investimenti b'rabta mal-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-UE, f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

54.  Iqis li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni, u jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji speċifiċi għas-setturi li jistabbilixxu l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-objettivi u tiġi żgurata l-koerenza tal-politika; iħeġġeġ it-tneħħija gradwali rapida tal-fjuwils fossili u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' enerġija effiċjenti ħafna u newtrali għall-klima bi prezzijiet globalment kompetittivi għall-industriji; jenfasizza r-rwol li l-enerġija u l-materja prima nodfa, sostenibbli u affordabbli għandhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-użu ta' sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżizzjonali, fid-dawl tal-objettiv li tintlaħaq in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jissottolinja li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tal-UE se jkollha rwol importanti fit-titjib tal-affordabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jitħaffu l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija u li jiġi ffaċilitat l-użu tal-produzzjoni tal-idroġenu abbażi ta' sorsi rinnovabbli, bħala teknoloġija rivoluzzjonarja potenzjali għas-setturi li diffiċli jitwaqqfu; jilqa' t-tnedija ta' Alleanza għall-Idroġenu Nadif u alleanza ta' industriji b'livell baxx ta' karbonju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċelerata r-riċerka dwar il-produzzjoni fuq skala kbira tal-idroġenu u ta' fjuwil ekoloġiku, it-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni bħall-infrastruttura għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju fil-proċessi industrijali, l-impjanti tal-bijoenerġija u l-faċilitajiet tal-manifattura, bil-ħsieb tat-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jiġi esplorat ukoll l-użu potenzjali tas-sorsi tal-enerġija ġeotermali; itenni li dan jirrikjedi disponibbiltà fuq skala kbira ta' enerġija affordabbli u nadifa u l-infrastrutturi ta' appoġġ, f'konformità mal-ħtiġijiet ta' dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija;

55.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industrija u l-parteċipanti rilevanti l-oħra kollha jaħdmu flimkien biex itejbu l-effiċjenza enerġetika Ewropea, joħolqu swieq ewlenin f'innovazzjonijiet u teknoloġiji rilevanti għall-klima fl-Unjoni, u jipprijoritizzaw l-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsir użu aħjar mill-BEI, bħala l-"Bank tal-Klima" tal-Unjoni, sabiex jissaħħaħ il-finanzjament sostenibbli lis-settur pubbliku u dak privat u tingħata assistenza lill-kumpaniji fil-proċess ta' dekarbonizzazzjoni;

56.  Jisħaq li l-użu fuq skala kbira ta' kapaċitajiet ta' enerġija rinnovabbli kompetittivi fl-ispejjeż huwa meħtieġ fis-setturi kollha tal-ekonomija; jirrikonoxxi li l-Unjoni għandha 40 % tal-privattivi tal-enerġija rinnovabbli fuq livell globali, u jenfasizza li għandi jibqa' jkollha rwol mexxej fit-teknoloġiji rinnovabbli innovattivi; jisħaq f'dan ir-rigward li l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika industrijali robusta għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli li tiġbor fiha politiki kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda u tippermetti l-integrazzjoni tas-settur rinnovabbli, hija kritika biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-Ewropa fir-rigward tal-provvista tal-enerġija, it-tmexxija teknoloġika u l-awtonomija strateġika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-teknoloġiji rinnovabbli bħala Katina tal-Valur Strateġika ewlenija u ekosistema industrijali eliġibbli għal finanzjament mill-Faċilità għall-Investiment Strateġiku, u tara wkoll li jkunu rappreżentati b'mod xieraq fil-Forum Industrijali li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa li jitħejjew miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-manifatturi tal-Unjoni u dawk barra l-Unjoni;

57.  Jenfasizza li sabiex l-industrija Ewropea tkun kompetittiva, din għandha tkun appoġġata minn network ta' infrastruttura tat-trasport, diġitali u tal-enerġija effiċjenti, sostenibbli u interkonness bis-sħiħ; jitlob politika ta' investiment fit-tul għat-tagħmir u r-rinnovazzjoni tal-infrastruttura u għat-tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi li jxekklu l-iżvilupp rapidu tan-networks trans-Ewropej; jitlob aktar finanzjament għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fit-tliet setturi tagħha, sabiex tingħata spinta lill-investiment fl-infrastrutturi, l-interkonnessjonijiet, id-diġitalizzazzjoni u l-grilji intelliġenti, kompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-bżonn li jitħaffu l-Proġetti ta' Interess Komuni (PCI), u li jiġi rivedut ir-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) mill-aktar fis possibbli;

58.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari u ta' tniġġis żero fl-immodernizzar tal-ekonomija tal-Unjoni, fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tagħha, fil-prijoritizzazzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart, fl-għoti ta' inċentivi għall-innovazzjoni, u fit-trasformazzjoni ta' setturi industrijali sħaħ u l-ktajjen tal-valur, il-prodotti, il-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli ta' negozju tagħhom, biex b'hekk jitrawmu d-dematerjalizzazzjoni u d-diżintossikazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u l-Ewropa ssir inqas dipendenti fuq il-materja prima filwaqt li tiġi inċentivata l-innovazzjoni, inklużi l-ħolqien ta' swieq għal soluzzjonijiet b'emissjonijiet żero jew baxxi u ta' enerġija rinnovabbli li jissostitwixxu l-prodotti u l-materjali bbażati fuq il-fjuwils fossili, u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda b'disinn ekoloġiku biex jiġu evitati l-impatti ambjentali; jenfasizza s-sinerġiji b'saħħithom bejn l-azzjoni klimatika u l-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari fl-industriji tar-rinnovazzjoni intensivi fl-enerġija u r-riżorsi, u jenfasizza li s-setturi għandhom mogħdijiet ta' dekarbonizzazzjoni u punti tat-tluq differenti; jissottolinja l-potenzjal tal-bijoekonomija ċirkolari u l-industrija bbażata fuq il-foresti fil-promozzjoni ta' industrija kompetittiva u sostenibbli;

59.  Ifakkar li l-politika Ewropea dwar il-klima u l-enerġija se tirrikjedi volumi kbar ta' metalli u minerali għat-teknoloġiji strateġiċi tagħha; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Ewropa tiddependi ħafna minn żoni oħra tad-dinja għall-provvista tagħha ta' bosta minn dawn il-metalli u minerali, u qed titlef b'mod gradwali s-sehem globali tagħha anke għall-materjali fejn għandha kapaċità industrijali; jenfasizza li l-awtonomija tal-Ewropa f'setturi strateġiċi ma tistax tinkiseb mingħajr ekosistema kompetittiva u sostenibbli tal-UE għal materjali bażiċi, prezzjużi u kritiċi minn sorsi primarji u sekondarji; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari iżda jisħaq li l-Ewropa teħtieġ tagħti spinta lill-kapaċità tagħha għall-istadji kollha tal-katina tal-valur tal-materja prima, jiġifieri l-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ, u t-tidwib, ir-raffinar u t-trasformazzjoni; huwa tal-fehma li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Alleanza u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Materja Prima Kritika m'għandux ikun limitat għall-materja prima kritika u għandu jkun immirat lejn l-iżvilupp ta' ekosistema integrata għall-firxa kollha ta' materjali, metalli u minerali meħtieġa għat-tranżizzjoni industrijali;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ta' esportazzjoni u importazzjoni għal teknoloġiji rinnovabbli u effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija;

61.  Jenfasizza l-potenzjal tal-akkoppjament settorjali u tal-interkonnessjoni tas-setturi li jikkunsmaw l-enerġija bħall-bini u t-trasport, u jilqa' f'dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija;

62.  Jitlob fluss ta' finanzjament sostanzjali għar-rinnovazzjonijiet enerġetiċi tal-bini biex titrawwem il-"mewġa ta' rinnovazzjoni" ippjanata permezz tal-mezzi finanzjarji neċessarji skont il-Pjan ta' Rkupru; jisħaq li fil-kuntest tal-proposta li jmiss dwar il-"mewġa ta' rinnovazzjoni" u l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu strateġiji fit-tul biex jiksbu stokk ta' bini ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat, il-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" għandu jkun prijoritizzat kompletament u b'hekk għandu jħaffef ir-rinnovazzjonijiet profondi u s-sostituzzjoni ta' sistemi ineffiċjenti ta' tisħin u tkessiħ ibbażati fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza li l-programmi integrati ta' rinnovazzjoni profonda li jkopru muniċipalitajiet jew distretti sħaħ jistgħu jitwettqu b'inqas spejjeż u b'veloċità ogħla, u dan ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija;

63.  Jindika l-fatt li l-proċessi ta' tisħin u tkessiħ għadhom fost l-aktar użu sinifikanti ta' enerġija fis-settur industrijali; jissottolinja għalhekk li biex jitħaffef l-isforz ta' tnaqqis fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-industrija, il-potenzjal ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija tat-tisħin u t-tkessiħ industrijali jeħtieġ jiġi sfruttat b'mod sħiħ, b'żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli abbażi ta' elettrifikazzjoni, pompi tas-sħana, użu aħjar mir-raggruppamenti industrijali, u simbjożi li joffru potenzjal ta' tnaqqis sinifikanti f'ħafna setturi;

64.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Mobbiltà Ekoloġika biex jinħolqu impjiegi ġodda, tingħata spinta lill-industrija Ewropea, u jiġu appoġġati l-investimenti mmirati lejn l-espansjoni tal-infrastruttura tat-trasport sostenibbli li tagħmilha possibbli li jinkiseb effett multiplikatur billi jsiru ordnijiet indirizzati għal spettru wiesa' ta' entitajiet – kuntratturi, sottokuntratturi, fornituri u s-sottokuntratturi tagħhom – u jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport; jissottolinja l-ħtieġa li titħaffef l-implimentazzjoni tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-katina tal-valur strateġika tagħha, jiżdiedu l-possibbiltajiet għal batteriji innovattivi prodotti lokalment u r-riċiklaġġ tal-metall fl-Ewropa, jinħoloq valur miżjud tal-Unjoni, filwaqt li jingħata kontribut għall-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-Unjoni, u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal sistema elettrika dekarbonizzata; jitlob aktar investiment fil-ferroviji b'veloċità għolja u rinnovazzjoni tan-networks ferrovjarji bejn il-bliet kif ukoll fi trasport pubbliku b'emissjonijiet żero jew baxxi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi promossa l-Mobbiltà Ekoloġika billi jsir investiment f'infrastruttura aħjar bħal stazzjonijiet tal-iċċarġjar aktar mifruxa; huwa tal-fehma li jekk ikun hemm densità ogħla ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar, is-suq tal-vetturi elettriċi ikun jista' jespandi b'mod sinifikanti u aktar malajr, u dan ikollu impatt pożittiv fuq l-impronta ambjentali u tal-karbonju tagħna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija fuq skala kbira għat-tnedija ta' infrastruttura tal-iċċarġjar rapidu tal-vetturi elettriċi biex tkun żgurata l-adozzjoni tal-vetturi elettriċi mill-konsumaturi, li tagħtihom ċertezza fir-rigward tal-potenzjal tat-teknoloġija u aċċess għal network dens ta' infrastrutturi tal-iċċarġjar kompatibbli, u tappoġġa l-manifattura tal-karozzi bbażata fl-Ewropa;

65.  Jemmen li għal tranżizzjoni tal-enerġija b'suċċess, l-Ewropa se teħtieġ ammont sinifikanti ta' enerġija rinnovabbli u b'livell baxx/żero ta' karbonju affordabbli, li toriġina wkoll minn pajjiżi terzi u li tuża infrastrutturi ta' appoġġ; jitlob li jkun hemm inizjattivi strateġiċi fi ħdan l-UE u li l-politika tal-enerġija ssir punt fokali tal-politika barranija u tal-viċinat tal-Unjoni, inkluż l-appoġġ finanzjarju għall-alleanzi għall-idroġenu bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija ekoloġika; huwa tal-fehma li dawk l-alleanzi għandhom ikunu wkoll parti mill-ftehimiet kummerċjali; jisħaq fuq l-importanza ta' alleanzi b'saħħithom biex jiġu indirizzati l-iskarsezza u l-forniment sostenibbli tar-riżorsi u tal-materja prima;

66.  Ifakkar fil-Masterplan tal-UE tal-2019 għal trasformazzjoni kompetittiva tal-industriji intensivi fl-enerġija li jiġġestixxi t-tranżizzjoni filwaqt li jżomm l-industriji Ewropej kompetittivi, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjoni tiegħu biex tgħin is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istandards ambjentali b'mod suffiċjenti u tinċentiva livelli ogħla ta' ambizzjoni klimatika min-naħa tas-sħab kummerċjali globali tal-UE;

67.  Jitlob reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) b'konformità mal-miri klimatiċi u mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex jingħata kontribut għal rilokalizzazzjoni intelliġenti tal-manifattura u ktajjen tal-valur iqsar; jenfasizza r-rwol potenzjalment importanti ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

68.  Jirrimarka li aktar minn nofs il-PDG globali jiddependi min-natura u s-servizzi li tipprovdi, u li hemm bosta setturi li jiddependu ħafna min-natura; jinnota li aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress idriku jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi; jenfasizza li l-politika industrijali Ewropea għandha tkun konformi mal-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

69.  Jisħaq li abbażi tal-approċċ "Saħħa Waħda", il-preservazzjoni tal-ekosistemi naturali hija fundamentali biex jiġu żgurati n-neċessitajiet bażiċi tal-umanità, bħall-ilma tax-xorb, l-arja nadifa u l-ħamrija fertili; jitlob li jiġu żviluppati malajr indikaturi sodi biex jiġu vvalutati l-impatti fuq il-bijodiversità u jiġi żgurat it-tnaqqis progressiv tat-tniġġis kif deskritt fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità;

70.  Jirrimarka li l-industrija għadha kontributur ewlieni għat-tniġġis ambjentali b'rilaxxi ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija; jissottolinja r-rwol tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fl-istabbiliment ta' obbligi għal installazzjonijiet kbar biex jimminimizzaw ir-rilaxxi ta' sustanzi li jniġġsu; jistenna bil-ħerqa l-pjan ta' azzjoni li jmiss ta' tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li għandhom iwasslu għal tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis industrijali;

71.  Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni reġjonali tal-politika industrijali, peress li d-disparitajiet ekonomiċi bejn ir-reġjuni huma persistenti u jaf isiru aktar profondi bl-impatt tal-kriżi tal-coronavirus; jenfasizza li sabiex jiġi evitat u mmitigat id-deklin tar-reġjuni, il-pjanijiet ta' żvilupp mill-ġdid reġjonali jridu jwettqu progress fuq strateġiji ta' trasformazzjoni sostenibbli u jikkombinaw il-programmi ta' rivitalizzazzjoni ekonomika ma' programmi attivi tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tfassal tbassir fuq terminu medju u twil dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol;

72.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-appoġġ tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'pagi deċenti, il-kompetittività tan-negozju, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, u l-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-kura tas-saħħa;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata tranżizzjoni ekwa, inklużiva u ġusta u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi lil hinn mit-taħriġ mill-ġdid u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi ekonomiċi ġodda, sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura u li l-ebda ħaddiem ma jiġi eskluż mis-suq tax-xogħol; jemmen li Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM) imfassal tajjeb, inkluż Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, se jkun għodda importanti biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni doppja u jintlaħqu miri ambizzjużi ta' newtralità klimatika; jinsisti li biex tkun garantita tranżizzjoni aktar inklużiva u jiġi indirizzat l-impatt soċjali tagħha, il-partijiet ikkonċernati lokali kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-komunità, għandhom ikunu inklużi fil-fażi tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet territorjali ta' Tranżizzjoni Ġusta; jissottolinja li l-investimenti fit-teknoloġiji sostenibbli għandhom rwol ewlieni f'dan ir-rigward billi jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-ekonomiji reġjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament robust tal-JTM, inkluż permezz ta' riżorsi baġitarji addizzjonali sinifikanti, ikun element ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

74.  Jemmen li l-kooperazzjoni interreġjonali mmirata lejn trasformazzjoni sostenibbli u diġitali, bħal fl-istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġu stimulati l-ekosistemi reġjonali; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' għodod li jistgħu jipprovdu pjan direzzjonali ċar għar-reġjuni b'approċċ imfassal apposta biex tiġi żgurata t-tmexxija industrijali;

75.  Iqis li t-trasformazzjoni industrijali tirrikjedi tisħiħ sinifikanti fl-isforzi ta' riċerka u żvilupp u l-integrazzjoni ta' għarfien ġdid u innovazzjoni fis-swieq eżistenti, kif ukoll l-użu tagħhom fil-ħolqien ta' oħrajn ġodda; jenfasizza li l-innovazzjoni hija wieħed mill-muturi tal-ekosistemi industrijali ewlenin u li dan għandu jiġi rifless f'appoġġ imsaħħaħ għall-innovazzjoni u l-kapaċità intraprenditorjali f'kull stadju taċ-ċiklu tal-innovazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-infiq fuq ir-riċerka, b'mod partikolari r-riċerka pubblika ta' kwalità għolja u l-iżvilupp u l-innovazzjoni bħala elementi ewlenin biex jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet, titjieb l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u tiżdied il-kompetittività fit-tul; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jżommu l-impenn tagħhom li jinvestu 3 % tal-PDG tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex jinżamm ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fost il-kompetituri globali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas attwali ta' kapaċità innovattiva fl-SMEs minħabba nuqqas fil-kapital ta' riskju meħtieġ, l-ispejjeż u l-kumplessitajiet tal-proċeduri amministrattivi, u nuqqas ta' ħiliet adegwati u nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni;

76.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied il-baġit għall-programmi li jirfdu t-trasformazzjoni industrijali tal-Unjoni, u jfakkar, għalhekk, fil-pożizzjoni tal-Parlament favur żieda fil-baġit għal Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun u l-iżgurar tal-konsistenza tal-programm mal-miri tan-newtralità klimatika tal-Unjoni, u l-appoġġ għal InvestEU u Ewropa Diġitali permezz ta' strumenti ta' finanzjament xierqa għall-iżvilupp tas-suq ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji rivoluzzjonarji, filwaqt li jitrawmu wkoll sinerġiji bejn sorsi finanzjarji reġjonali, nazzjonali, Ewropej u privati; jitlob appoġġ effettiv għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u għat-tisħiħ tal-missjonijiet tagħhom; jinsisti li sehem sostanzjali tal-fondi disponibbli għall-SMEs fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa għandu jiġi implimentat permezz tal-EIC u l-partijiet kollaborattivi tal-programm, bil-għan li jinħolqu soluzzjonijiet ġodda u titrawwem l-innovazzjoni, kemm inkrementali kif ukoll fixkiela; jappoġġa l-istabbiliment ta' sħubijiet Ewropej fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa biex jiġi stimulat l-investiment tas-settur privat ħalli jiġi promoss it-trasferiment tal-għarfien, it-teknoloġiji u l-innovazzjoni miċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet għall-proċess industrijali, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-iskema tal-ekosistemi industrijali u sabiex jiġu appoġġati l-irkupru u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li dawn is-sħubijiet ikunu trasparenti u inklużivi matul l-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġenda ta' riċerka strateġika u l-programmi ta' ħidma annwali tagħhom; jenfasizza li dawn għandhom jeskludu wkoll il-kunflitti ta' interess kollha u għandhom jiggarantixxu valur miżjud reali għas-soċjetà;

77.  Jemmen ukoll, b'rabta ma' f'dan, li soċjetà mħejjija aħjar u aktar reżiljenti hija fundamentali fl-indirizzar tal-avvenimenti fixkiela fuq skala Ewropea jew globali u fl-għoti ta' reazzjonijiet komprensivi ta' politika, u li l-investimenti fir-R&Ż huma fundamentali f'dan ir-rigward; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħolqien ta' strument iddedikat għat-Tħejjija għall-Pandemiji u r-Reżiljenza Soċjetali, peress li din il-miżura toħloq il-kundizzjonijiet għal koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE, tidentifika oqsma ta' prijorità, u tniedi azzjonijiet li jirrikjedu riċerka medika ta' kwalità għolja u investimenti kkoordinati fir-riċerka u l-innovazzjoni;

78.  Jenfasizza l-importanza ta' industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka bħala kontributur essenzjali għas-salvagwardja tal-manifattura ta' kwalità u l-provvista ta' mediċini affordabbli biex jintlaħqu l-pazjenti kollha fil-bżonn, filwaqt li jissaħħu l-innovazzjoni, ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-kapaċità ta' rispons tal-Unjoni u tingħata għajnuna biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri; itenni l-ħtieġa li jiġi stabbilit pjan ta' mitigazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' mediċini biex jiġu ġestiti kull vulnerabbiltà u riskju għall-katina tal-provvista għal mediċini kritiċi, tiġi żgurata l-innovazzjoni futura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet pendenti mhux issodisfati, u jiġu appoġġati r-reżiljenza, il-kapaċità ta' rispons u l-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri inklużi l-pandemiji;

79.  Jissottolinja r-rwol tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali fil-bini tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u innovattivi madwar l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Orizzont Ewropa u l-istrateġija industrijali tagħha għall-iżvilupp, l-iskalar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji rivoluzzjonarji fl-Unjoni sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq, billi jiġi pprovdut finanzjament tar-riskju għat-teknoloġija fi stadju bikri u l-proġetti ta' dimostrazzjoni u billi jiġu żviluppati ktajjen tal-valur bikrin sabiex l-ewwel nett jiġu appoġġati t-teknoloġiji, il-prodotti, il-proċessi, is-servizzi u l-mudelli tan-negozju fuq skala kummerċjali, utilizzabbli fis-suq, b'emissjonijiet żero jew baxxi, rinnovabbli, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija u ċirkolari, kif ukoll billi jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċerka, bil-għan li jitnaqqsu wkoll id-distakki eżistenti bejn l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw one-stop shops b'informazzjoni simplifikata dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament għal proġetti ta' dimostrazzjoni industrijali għal teknoloġiji rivoluzzjonarji;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina miżuri kontra t-telf potenzjali ta' għarfien u innovazzjoni matul il-kriżi attwali, inkluż permezz ta' strumenti li jappoġġaw kumpaniji li temporanjament jaqsmu bejniethom ħaddiema b'għarfien ma' universitajiet u istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka sabiex jingħata lok għal riċerka pubblika-privata dwar il-prijoritajiet pubbliċi, u jippreservaw l-impjiegi u l-kapaċità tal-innovazzjoni fi żminijiet ta' kriżi;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, inċentivi potenzjali tat-taxxa biex tingħata spinta lill-investimenti fir-R&Ż, li naqsu ħafna minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej li jinnovaw abbażi ta' reġim komprensiv tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li ssaħħaħ il-flessibbiltà fil-liċenzjar, sabiex tinżamm protezzjoni effettiva għall-investimenti tagħhom fir-R&Ż, biex jiġu żgurati redditi ekwi u, fl-istess ħin, biex ikomplu jiġu żviluppati standards tat-teknoloġija miftuħa li jappoġġaw il-kompetizzjoni u l-għażla kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-industrija tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin;

83.  Jirrikonoxxi li qafas b'saħħtu u bbilanċjat ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa fattur kruċjali li jirfed il-kompetittività Ewropea, bil-għan li jiġu miġġielda l-ispjunaġġ industrijali u l-iffalsifikar, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreserva u ssaħħaħ dan il-qafas; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata parità mal-Istati Uniti u maċ-Ċina fl-inċentivi tal-proprjetà intellettwali fix-xjenza tal-ħajja sabiex l-Ewropa tibqa' post attraenti għall-investiment fir-R&Ż u l-iżvilupp industrijali; jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tiżviluppa s-sistema tal-proprjetà intellettwali eċċellenti tal-Ewropa billi tippromwovi protezzjoni b'saħħitha tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll mekkaniżmi ta' premjazzjoni u inċentivi għar-R&Ż biex jiġi attirat investiment fl-iżvilupp tal-innovazzjoni futura għall-benefiċċju tas-soċjetà; jilqa' t-tħabbir ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali li jista' jiffaċilita kontribut Ewropew għall-iżvilupp tal-istandards; jappoġġa l-impjiegi u l-produzzjoni sostenibbli u t-titjib tal-attraenza u r-reputazzjoni tal-produzzjoni ta' kwalità għolja tal-UE madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentali u klimatiċi kruċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tagħti liċenzji miftuħa għal tali teknoloġiji;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta mill-aktar fis possibbli l-Privattiva Unitarja Ewropea, kif previst mill-ftehim dwar ġurisdizzjoni unifikata għall-privattivi tad-19 ta' Frar 2013;

85.  Jissottolinja l-importanza ta' governanza ġenerali komprensiva u effettiva għat-trasformazzjoni industrijali li tiżgura konsistenza mal-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji rilevanti tal-UE, b'mod partikolari l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dan huwa kruċjali għas-suċċess tiegħu; jilqa' l-identifikazzjoni ta' 14-il ekosistema mill-Kummissjoni u l-approċċ inklużiv li jinġiebu flimkien l-atturi kollha li joperaw f'katina tal-valur sabiex jiġu promossi t-tmexxija Ewropea f'setturi strateġiċi u l-kompetittività fix-xena globali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs se jimxu 'l quddiem f'kull ekosistema; jirrimarka l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza fl-ekosistemi industrijali identifikati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji li jeħtieġ li jiġu ssodisfati biex jitqiesu bħala parti minn ekosistema, it-tqassim preċiż għal kull tip ta' attur f'kull ekosistema identifikata u informazzjoni dwar l-eżiti u s-suġġetti diskussi, filwaqt li jfakkar ukoll fir-rwol tal-Forum Industrijali u tal-Alleanzi fir-rigward ta' dawn l-ekosistemi; jenfasizza li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trade unions għandu jkollhom parteċipazzjoni adegwata fid-definizzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet industrijali kemm globali kif ukoll settorjali; jenfasizza li l-ekosistemi għandhom jinkludu r-rabtiet kollha mal-ktajjen tal-valur, inklużi l-SMEs, u jenfasizza li l-SMEs għandhom rwol integrali fil-ħolqien tal-alleanzi tal-industrija u l-ktajjen ta' produzzjoni tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' strumenti finanzjarji adegwati għall-alleanzi;

86.  Huwa tal-fehma li l-ekosistemi se jkunu komponenti ewlenin tar-rivoluzzjoni industrijali li jmiss, billi jistimulaw manifattura avvanzata u intelliġenti u jipprovdu enerġija affordabbli, nadifa, sostenibbli u sigura, kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija neċessarja u metodi ta' produzzjoni u ta' provvista ta' servizzi trasformattivi; jitlob analiżi tal-ekosistemi biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta' kull settur għat-tranżizzjoni tiegħu u biex tingħata għajnuna ħalli jiġi stabbilit pjan ta' tranżizzjoni; jemmen, barra minn hekk, li l-appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn l-industrija, id-dinja akkademika, l-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, it-trade unions, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-utenti finali u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn kollha se jkun essenzjali biex jissolvew il-fallimenti tas-suq u jitnaqqas id-distakk bejn l-idea u t-twettiq tagħha filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluż f'oqsma li għadhom mhumiex koperti minn interessi industrijali, iżda li għandhom valur miżjud soċjetali għoli; jitlob governanza ta' dawn l-ekosistemi li tintegra l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha mis-setturi industrijali li huma fundamentali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; huwa tal-fehma li l-ekosistemi għandu jkollhom rwol fid-definizzjoni tas-soluzzjonijiet u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi implimentata l-istrateġija industrijali Ewropea u biex jiġu appoġġati ktajjen tal-valur Ewropej robusti li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

87.  Jenfasizza li l-investiment fil-ktajjen tal-valur ewlenin se jkollu rwol kruċjali lejn il-preservazzjoni tal-awtonomija strateġika futura tagħna; jemmen li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-investiment fis-setturi industrijali li huma ta' importanza vitali għall-awtonomija strateġika tagħna, bħas-sigurtà, id-difiża, it-teknoloġiji rilevanti għall-klima, is-sovranità tal-ikel u s-saħħa; itenni, b'mod partikolari, l-importanza tal-industrija farmaċewtika fl-iżgurar tal-innovazzjoni futura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet pendenti mhux issodisfati, u fl-appoġġ tar-reżiljenza, il-kapaċità ta' rispons u l-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jindirizzaw sfidi futuri inklużi l-pandemiji;

88.  Jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli bħala settur strateġiku sabiex jissaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tal-UE, tinkiseb reżiljenza fit-tul u tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li titjieb is-saħħa industrijali; jenfasizza, barra minn hekk, il-kontribut tas-settur tal-enerġija rinnovabbli għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' negozju u impjiegi lokali ġodda, b'mod partikolari għall-SMEs, u għall-għoti ta' spinta lill-manifattura tat-tagħmir, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija u t-titjib tal-kompetittività tal-kostijiet;

89.  Jenfasizza li s-settur tal-karozzi kien affettwat bil-kbir mill-kriżi tal-COVID-19, li ġiegħlet lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jadattaw malajr għall-bidliet fil-provvista u għal ħtiġijiet tas-saħħa ġodda, minbarra l-proċess ta' trasformazzjoni li s-settur kien diġà għaddej minnu qabel il-pandemija; huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti u aktar nadifa hija essenzjali hekk kif nevolvu lejn ekonomija newtrali għall-klima, diġitali u aktar reżiljenti, u li din għandha titqies ukoll bħala opportunità biex jiġu ġġenerati t-tkabbir ekoloġiku u l-impjiegi nodfa abbażi tal-vantaġġ kompetittiv globali tal-industrija Ewropea fit-teknoloġiji tal-vetturi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi prijoritajiet relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-appoġġ għan-negozji l-ġodda u l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, inkluż fis-settur tal-karozzi;

90.  Jenfasizza li s-settur tat-turiżmu wkoll ġie affettwat ħafna mill-kriżi tal-COVID-19, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi prijoritajiet relatati mal-għajnuna u l-promozzjoni tal-irkupru tas-settur, fid-dawl tal-kontribut tiegħu għall-PDG tal-UE u l-kompetittività tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni biex jinħolqu possibbiltajiet għal investimenti ġodda u innovazzjonijiet ulterjuri, sabiex tinkiseb ekosistema tat-turiżmu Ewropea li tkun sostenibbli, innovattiva u reżiljenti u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi;

91.  Jenfasizza l-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi fl-ixprunar tal-innovazzjoni, li jaġixxu bħala katalisti għall-bidla f'setturi oħra u jistimulaw l-invenzjoni u l-progress; jinnota li s-setturi ekonomiċi innovattivi qed jiddependu dejjem aktar mill-kreattività biex iżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li bil-ħolqien ta' mudelli ta' negozju progressivament aktar kumplessi, kreattivi u marbuta ma' xulxin, is-setturi kulturali u kreattivi qed isiru dejjem aktar komponent deċiżiv ta' kważi kull prodott u servizz; jemmen, għalhekk, li l-Ewropa għandha tibni fuq l-assi kreattivi u kulturali tagħha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni suffiċjenti lis-setturi kulturali u kreattivi fl-iżvilupp ta' qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul, inkluż l-aċċess għal programmi finanzjarji u ta' finanzjament;

92.  Jenfasizza l-importanza tal-politika spazjali tal-Unjoni, speċjalment f'termini ta' titjib tal-kapaċitajiet spazjali industrijali Ewropej u biex jinfetaħ il-potenzjal tas-sinerġiji ma' setturi u politiki ewlenin oħra, b'mod partikolari biex jiġu żviluppati teknoloġiji avvanzati u tiġi akkumpanjata t-trasformazzjoni industrijali;

93.  Jinnota l-kontribut tal-industrija tas-sustanzi kimiċi għal bosta ktajjen tal-valur strateġiċi u għall-produzzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari; jitlob li titfassal politika dwar sustanzi kimiċi sostenibbli, li tkun allinjata mal-Istrateġija Industrijali;

94.  Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tfassal rapport, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, dwar is-sustanzi kimiċi fl-ambjent fl-Ewropa; jemmen li r-rapport għandu jivvaluta l-karattru sistemiku tas-sustanzi kimiċi perikolużi fis-sistemi ta' produzzjoni u konsum tal-Ewropa, l-użu tagħhom fil-prodotti u l-okkorrenza tagħhom fl-ambjent tal-Ewropa, u d-dannu kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ekosistemi;

95.  Jissottolinja ċ-ċentralità ta' settur tal-farmaċewtika u tal-apparat mediku li jiffunzjona tajjeb u kompetittiv biex jiġi żgurat aċċess sostenibbli għall-mediċini għall-pazjenti u jiġi ggarantit livell għoli ta' kura tas-saħħa għall-pazjenti tal-UE; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-djalogu mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha billi toħloq forum farmaċewtiku, issorveljat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), sabiex tkun tista' ssir diskussjoni komprensiva dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, is-sostenibbiltà farmaċewtika u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fis-sistemi tas-saħħa; jisħaq li dan il-forum għandu jqis l-approċċi nazzjonali differenti fir-rigward tal-ipprezzar u r-rimborż, kif ukoll l-investimenti u l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa;

96.  Iqis li l-akkwist pubbliku huwa mutur kruċjali tat-trasformazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-mod kif jintuża bis-sħiħ l-effett ta' lieva tan-nefqa u tal-investimenti pubbliċi biex jinkisbu l-objettivi ta' politika, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sostenibbiltà u billi l-akkwist pubbliku jkun ċentrali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-Unjoni billi tipprijoritizza u trawwem id-domanda għal prodotti u servizzi ekoinnovattivi, kosteffettivi u sostenibbli, kif ukoll billi tippermetti r-rilokalizzazzjoni f'setturi strateġiċi ewlenin, bħall-prodotti relatati mas-saħħa, l-agrikoltura u t-teknoloġiji sostenibbli, u trawwem ktajjen tal-provvista iqsar u iktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi janalizzaw il-kundizzjonijiet biex is-sostenibbiltà tal-akkwist pubbliku ssir obbligatorja abbażi ta' kriterji ambjentali, soċjali u etiċi, inklużi l-impronta tal-karbonju, il-kontenut tar-riċiklaġġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, kif ukoll iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi eżistenti għall-promozzjoni tas-servizzi ekoloġiċi u jagħmlu użu aħjar minnhom; jinsisti li l-SMEs għandu jkollhom opportunità ekwa biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet kontraenti jużaw sistematikament approċċ ibbażat fuq l-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità matul il-ħajja tal-prodotti u s-servizzi; iħeġġiġhom jużaw id-dispożizzjoni (l-Artikolu 85 tad-Direttiva dwar l-Utilitajiet) li tippermettilhom jirrifjutaw offerti meta l-proporzjon tal-prodotti li joriġinaw f'pajjiżi terzi jaqbeż il-50 % tal-valur totali tal-prodotti li jikkostitwixxu l-offerta;

97.  Jirrikonoxxi l-kontribut tal-istandardizzazzjoni għas-suq uniku Ewropew u għal benesseri ekonomiku, soċjali u ambjentali akbar, inklużi s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u tal-ħaddiema; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati, ivvalutati u użati standards armonizzati li jappoġġaw lill-industriji li jimmanifatturaw il-prodotti b'modi li jkunu effiċjenti, sikuri, ċirkolari, sostenibbli u ripetibbli u li jiżguraw kwalità għolja;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta sistema b'saħħitha ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPI) biex tanalizza l-impatt ex ante tar-regolamenti u tal-istrumenti tal-Unjoni u l-investimenti possibbli meħtieġa, u timmonitorja l-progress u r-riżultati, filwaqt li tqis id-dimensjoni tal-SMEs; jissottolinja li s-sistema tal-KPI għandha tkun ibbażata fuq objettivi li huma speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u orjentati lejn iż-żmien;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-prattika tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha u tiżgura li qabel tippreżenta proposti ġodda għal leġiżlazzjoni jew tadotta miżuri ġodda, twettaq valutazzjoni tal-impatt dettaljata tal-kostijiet potenzjali tal-konformità, l-impatt fuq l-impjiegi, u l-piżijiet u l-benefiċċji potenzjali għaċ-ċittadini, is-setturi u l-kumpaniji Ewropej, inklużi l-SMEs; jemmen li l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-miżuri tal-Unjoni għandha tiffoka aktar bis-saħħa fuq l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u għandha tanalizza x'jiġri meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi implimentata u interpretata b'mod li joħloq ostakoli regolatorji mhux neċessarji u mhux mistennija kemm għall-SMEs kif ukoll għall-kumpaniji ta' daqs akbar; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-koerenza regolatorja u tirrikonoxxi spinta ta' regolamentazzjoni intelliġenti mfassla biex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi mingħajr ma tiddgħajjef l-effettività tal-leġiżlazzjoni jew jitnaqqsu l-istandards soċjali u ambjentali, speċjalment meta l-industrija tradizzjonali jkollha tadatta minħabba deċiżjonijiet regolatorji; jemmen li l-miżuri għad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni għandhom jitfasslu b'tali mod li jippreżentaw opportunitajiet għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, u jimminimizzaw il-piż fuq is-settur affettwat;

100.  Jistenna li l-istrateġija industrijali ma toħloqx piżijiet regolatorji bla bżonn għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u li tapplika r-regola ta' one-in-one-out bil-għan li tidentifika, kull meta dispożizzjonijiet ġodda jintroduċu spejjeż ta' konformità, id-dispożizzjonijiet eżistenti li jeħtieġ li jitħassru jew jiġu riveduti, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-konformità f'settur partikolari ma jiżdidux, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-koleġiżlaturi; iqis li proposta bħal din trid tkun ibbażata fuq l-evidenza, tiġi kkonsultata b'mod wiesa', tiżgura l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards soċjali u ambjentali, u turi l-benefiċċji ċari tal-azzjoni Ewropea; jemmen li l-UE għandha bżonn issaħħaħ il-prinċipji tagħha ta' "viżibbiltà kbira għall-kwistjonijiet il-kbar, żgħira għal dawk żgħar" sabiex tiżgura aħjar il-proporzjonalità;

101.  Jenfasizza li l-amministrazzjoni pubblika għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżgurar ta' ambjent ekonomiku favorevoli għan-negozju u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi filwaqt li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-istandards u r-regoli etiċi, soċjali, ambjentali u ta' trasparenza tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ħaddiema; jemmen li l-għodod tal-gvern elettroniku, il-politiki tal-innovazzjoni diġitali u t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali għandhom jiġu promossi fis-settur pubbliku u fost l-impjegati tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-iskambju tal-aħjar prattiki nazzjonali u reġjonali fil-qasam, b'referenza speċifika għall-ġestjoni pubblika tal-kompetittività ekonomika;

102.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0102.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 124.
(6) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.
(7) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.
(8) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 21.
(9) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.
(10) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.


Il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija
PDF 193kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija (2020/2111(INI))
P9_TA(2020)0322A9-0204/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2020 dwar il-forniment ta' Assistenza Makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0163).

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titlu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar id-drittijiet tal-bniedem fi żminijiet tal-pandemija tal-coronavirus tal-5 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-waqfien mill-ġlied fil-kuntest tal-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-appoġġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) António Guterres,

–  wara li kkunsidra t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet biex jiġi evalwat mill-ġdid l-impatt ta' reġimi wiesgħa ta' sanzjonijiet ekonomiċi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 intitolata "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

–  wara li kkunsidra l-Aġġornament tar-Rapport Speċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE): valutazzjoni qasira tan-narrattivi u d-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-COVID-19 tal-1 ta' April 2020 u tal-20 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2020 dwar il-protezzjoni tal-assi u t-teknoloġija kritiċi Ewropej fil-kriżi attwali,

–  wara li kkunsidra n-nota ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titlu "A renewed trade policy for a stronger Europe" (Politika Kummerċjali mġedda għal Ewropa aktar b'saħħitha),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rispons Globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19 tat-8 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-pjan ta' rkupru u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027 tas-17-21 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, bit-tema tal-"Promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta' NU b'saħħitha u effettiva li tipprovdi għal kulħadd",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2020 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) dwar il-pandemija tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Viżi Umanitarji(2),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika Tajba tal-Kummissjoni ta' Venezja fi Kwistjonijiet Elettorali,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0204/2020),

A.  billi l-COVID-19 ikkawżat pandemija globali li qed taffettwa miljuni ta' ħajjiet umani, li qed twassal għal kriżi tas-saħħa, ekonomika, soċjali u umanitarja globali bħal qatt qabel, li kkawżat tensjonijiet sistemiċi ta' governanza globali b'konsegwenzi estensivi u fit-tul għar-relazzjonijiet internazzjonali, li jaffettwaw aspetti ewlenin tal-politika barranija u s-sigurtà u d-difiża tal-UE, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha; billi l-UE kienet fil-mira ta' diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi u interferenza malinna oħra minn partijiet terzi bil-għan li jiġu destabbilizzati l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

B.  billi l-pandemija taffettwa b'mod sproporzjonat il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, u billi xi pajjiżi madwar id-dinja ma rreaġixxewx u ma ħadux miżuri ta' sigurtà rapidi u adegwati biex irażżnu l-epidemija; billi l-Gvern Ċiniż ma tax wisq importanza lit-tifqigħa inizjali tal-COVID-19; billi n-narrattivi li jenfasizzaw il-ġeografija aktar milli t-terminoloġija medika biex jirreferu għall-COVID-19 huma stigmatizzanti; billi l-virus qatel madwar miljun ruħ globalment u wera li huwa biss permezz ta' koordinazzjoni u solidarjetà bejn il-pajjiżi li jista' jiġi kkontrollat u mitigat;

C.  billi l-UE għandha r-responsabbiltà li taġixxi bħala attur globali u taġġusta l-prijoritajiet u l-politika tagħha, inkluża l-politika barranija, f'konformità mas-sitwazzjoni ġeopolitika li qed tinbidel fid-dinja u mal-ġlieda globali kontra l-COVID-19; billi l-UE trid tmexxi b'mod prevedibbli u billi tirrispetta l-impenn tagħha għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt bħala parti minn sforzi multilaterali u internazzjonali, u skont il-pożizzjoni tagħha fl-ekonomija globali; billi l-kriżi tal-COVID-19 għal darb'oħra enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-multilateraliżmu u l-ordni bbażat fuq ir-regoli biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi globali;

D.  billi l-pandemija u l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-ilmenti politiċi li jirriżultaw mill-perċezzjoni tal-inugwaljanza u l-marġinalizzazzjoni; billi t-tnaqqis ekonomiku globali kellu impatt partikolarment gravi fuq l-ekonomiji l-aktar vulnerabbli; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 aggravat il-problema persistenti ta' nuqqas ta' mediċini madwar id-dinja, b'konsegwenzi akuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

E.  billi l-pandemija aggravat is-sitwazzjoni umanitarja kritika ta' persuni vulnerabbli, b'mod partikolari f'żoni ta' kunflitt, kampijiet tar-refuġjati u stati fraġli, u fost il-komunitajiet indiġeni; billi l-UE tenniet l-appell tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali immedjat u biex jittaffew is-sanzjonijiet fid-dawl tal-pandemija sabiex jiġi żgurat li jitwasslu t-tagħmir u l-provvisti essenzjali meħtieġa għall-ġlieda kontra l-coronavirus; billi konsegwentement qed naraw tnaqqis fil-libertajiet globali u fid-demokrazija, li qed iqiegħed aktar piż fuq ordni multilaterali diġà fi kriżi;

F.  billi n-nisa madwar id-dinja f'relazzjonijiet vjolenti kienu sfurzati jibqgħu d-dar, fejn kienu esposti għal persuna li tabbużahom għal perjodi itwal ta' żmien; billi filwaqt li l-linji telefoniċi għall-għajnuna u r-rifuġji ta' vjolenza domestika madwar id-dinja qed jirrapportaw żieda fis-sejħiet għall-għajnuna, f'għadd ta' pajjiżi, ir-rapporti ta' vjolenza domestika u sejħiet ta' emerġenza żdiedu 'l fuq b'25 % minn meta ġew ippromulgati miżuri ta' tbegħid soċjali;

1.  Jafferma li t-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19 hija bidla radikali fl-ambjent internazzjonali, multiplikatur tar-riskji u katalista għall-bidla fl-ordni globali; jisħaq fuq l-importanza fundamentali tat-tisħiħ tar-reżiljenza interna tal-UE, l-iżvilupp ta' sħubijiet ġodda u t-tisħiħ tal-viżjoni multilaterali tagħha fuq skala globali, b'rispons assertiv u koordinat tal-politika barranija;

2.  Jilqa' l-inizjattivi ta' appoġġ ta' Tim Ewropa u Rispons Globali għall-Coronavirus, li qed jgħinu lill-pajjiżi sħab jindirizzaw l-impatt tal-coronavirus fuq il-koordinazzjoni transfruntiera; jilqa' l-koordinazzjoni tal-UE mal-G7, il-G20, in-NU, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Programm Dinji tal-Ikel u sħab internazzjonali oħra, li jservu biex irawmu rispons globali koerenti u inklużiv għall-pandemija, biex itaffu l-impatt usa' fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji, u biex jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta' destabbilizzazzjoni;

3.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' tmexxija globali u rispons internazzjonali koordinat matul il-fażijiet inizjali tal-kriżi tal-COVID-19; jikkundanna ż-żamma ta' informazzjoni kritika; jirrifjuta t-tfittxija ta' soluzzjonijiet ta' iżolament; joġġezzjona bil-qawwa għaż-żieda ta' nazzjonaliżmu awtoritarju, kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-istat u l-promozzjoni ta' narrattivi foloz li jixprunaw nuqqas ta' fiduċja u jimminaw soċjetajiet demokratiċi u kooperazzjoni internazzjonali u jqajmu mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-UE fid-dinja; jissottolinja li l-kooperazzjoni globali, approċċ u kooperazzjoni globali inklużivi huma essenzjali biex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-kriżi tas-saħħa globali u theddid globali ieħor;

4.  Jissottolinja li minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-pajjiżi sħab tal-UE ma għandhomx jiddevjaw mill-perkors tar-riformi matul il-proċess leġiżlattiv, jieħdu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bis-serjetà u jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw u jimplimentaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tal-minoranzi f'konformità mal-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom;

5.  Jiddeplora l-fatt li għadd ta' gvernijiet u mexxejja politiċi madwar id-dinja qed jużaw il-kriżi bħala opportunità biex jipprovdu lilhom infushom b'setgħat eċċessivi u jsegwu l-aġendi politiċi tagħhom stess billi jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem, idgħajfu l-istandards demokratiċi, idgħajfu l-istat tad-dritt, inaqqsu r-rwol tal-parlamenti, jillimitaw il-libertà tal-midja, jinċitaw kampanji ta' mibegħda kontra gruppi ta' minoranza, iniedu kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati lejn ir-riformi u l-valuri favur l-UE, u jagħmlu ħsara lill-kooperazzjoni internazzjonali; jinsisti li kwalunkwe stat ta' emerġenza jrid jinkludi klawżola ta' terminazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-dimostrazzjonijiet ta' protesta kontra r-restrizzjonijiet tal-coronavirus li qed iseħħu f'diversi bliet madwar id-dinja spiss jiġu infiltrati u manipulati minn gruppi estremisti, b'dimostranti jsejħu l-virus fażull;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 aggravaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi globali u affettwaw b'mod sproporzjonat lill-ifqar persuni u lill-persuni fl-aktar kategoriji soċjali żvantaġġati, emarġinati u mhux protetti, inklużi l-migranti; jikkundanna l-forom kollha ta' esklużjoni u diskriminazzjoni kontra dawk infettati bil-COVID-19 u jistieden lill-pajjiżi terzi u lill-Istati Membri tal-UE jtaffu l-effetti soċjali tal-pandemija;

7.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jirrieżamina l-Istrateġija Globali tal-2016 fid-dawl tal-impatt globali tal-kriżi, li tirrifletti dawn il-bidliet ġeopolitiċi, biex tiżgura azzjoni aktar strateġika tal-UE u li l-UE taqdi r-rwol tagħha fid-difiża, il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli li nħoloq mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u biex tinkludi l-appoġġ għad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala prijorità ta' appoġġ għat-Tim Ewropa, bl-involviment tal-Parlament Ewropew f'dan il-kompitu permezz tal-għodod u mekkaniżmi eżistenti tiegħu ta' appoġġ għad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

Bilanċ ġeopolitiku mibdul wara l-COVID-19

8.  Jinnota bi tħassib li l-kompetizzjoni u t-tensjonijiet ġeopolitiċi aċċelleraw wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea għad trid tippożizzjona ruħha f'dan l-ambjent ġeopolitiku ġdid; jaqbel li d-dinja ta' wara l-COVID-19 se tidher fundamentalment differenti u se jkollha konsegwenzi estensivi għall-politika esterna tal-UE, u jemmen li l-COVID-19 ikkonfermat il-ħtieġa għal politika barranija u ta' sigurtà tal-UE aktar b'saħħitha u aktar effettiva;

9.  Jinsisti li s-sħubija transatlantika għandha tingħata spinta ġdida sabiex tiġġieled b'mod aktar effettiv il-pandemija u sfidi internazzjonali ewlenin oħra bħat-tibdil fil-klima; jagħraf il-ħtieġa li tinstab bażi ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'enfasi fuq ir-rispett reċiproku u aġenda konġunta għad-difiża tal-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem minn ambizzjonijiet nazzjonalisti, awtoritarji u eġemoniċi;

10.  Iqis li f'dan il-kuntest li qed jinbidel, l-UE trid tintensifika l-azzjoni tagħha u tmexxi bl-eżempju, tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali, taħdem ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari n-NU u l-aġenziji tagħha, id-WHO, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u organizzazzjonijiet reġjonali internazzjonali, bħan-NATO, filwaqt li tfittex kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' pajjiżi tal-istess fehma, inkluż mill-emisfera tan-Nofsinhar, tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ir-reġimi demokratiċi u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi; ifakkar li l-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li naħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-problemi li jikkonċernaw lill-bnedmin kollha;

L-Istati Uniti

11.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Gvern tal-Istati Uniti, in-nuqqas ta' rieda tiegħu li jieħu rwol ewlieni b'rispons għall-COVID-19 u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni f'inizjattivi konġunti dwar il-vaċċini; jemmen li l-fatti alternattivi u l-informazzjoni falza li jiċħdu s-severità tal-pandemija kienu qarrieqa ħafna fil-ġlieda konġunta kontra l-virus; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà abbażi ta' approċċ orjentat lejn ix-xjenza fil-ġlieda komuni kontra l-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-iskambju f'waqtu tal-informazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-vaċċin u tat-tagħmir mediku strateġiku, kif ukoll jindirizzaw flimkien sfidi globali oħra;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkorporaw prattiki tajbin mill-Kodiċi ta' Prattika Tajba tal-Kummissjoni ta' Venezja fi Kwistjonijiet Elettorali, li jinkludi wkoll linji gwida għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet matul il-perjodu tal-pandemija;

13.  Ifakkar li l-kooperazzjoni transatlantika tibqa' pilastru essenzjali tal-politika barranija tal-UE u li hija ta' importanza kbira għas-sigurtà reċiproka u l-interessi kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti; jesprimi appoġġ kontinwu għall-alleanza transatlantika u kooperazzjoni transatlantika strateġika aktar mill-qrib; jiddispjaċih dwar il-miżuri unilaterali meħuda matul il-kriżijiet tal-COVID-19 bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar miż-żona Schengen tal-UE lejn l-Istati Uniti mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-UE;

14.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fl-impenn tal-Istati Uniti globalment u d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti li jirtira l-finanzjament mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li joħroġ mit-Trattat dwar is-Sema Miftuħ, u t-tendenza ġenerali tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li tinsab 'l bogħod mir-realtà ta' diversi organizzazzjonijiet multilaterali li nħolqu biex jiġi stabbilit ordni dinji liberali bbażat fuq ir-regoli, jew li jdgħajjifhom (bħal fil-każ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali);

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi kkonsolidata u mtejba l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, abbażi ta' rispett reċiproku u aġenda konġunta għad-difiża tal-multilateraliżmu, id-dritt internazzjonali, valuri demokratiċi kondiviżi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jinnota li, f'dinja kkaratterizzata minn kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni marbuta mal-istrutturi internazzjonali eżistenti u jibqgħu sħab indispensabbli fl-ambjent internazzjonali volatili attwali;

Iċ-Ċina

16.  Jinnota t-tisħiħ tad-diplomazija pubblika assertiva tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina madwar id-dinja wara t-tifqigħa tal-COVID-19, li tfittex li timla l-vojt politiku fis-sistema multilaterali li tħalliet mill-Istati Uniti li xxaqleb aktar lejn l-iżolament u li tipprova tippożizzjona lilha nnifisha bħala attur globali dominanti b'mudell ta' governanza alternattiv; jinsab imħasseb dwar l-isforzi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex tikseb impatt tal-poter aktar b'saħħtu fir-reġjun, li jirriżulta f'tilwim dwar il-fruntieri ma' ħafna mill-ġirien tagħha u l-promozzjoni tagħha tal-interessi strateġiċi nazzjonali permezz ta' organizzazzjonijiet multilaterali; jinsab imħasseb dwar il-bidla possibbli tal-poter fil-politika globali relatata mal-bidla fit-tmexxija taċ-Ċina; joġġezzjona għall-fatt li l-Gvern Ċiniż uża l-momentum tat-tifqigħa tal-pandemija biex jimponi l-liġi tas-sigurtà nazzjonali u r-ripressjoni fuq il-moviment favur id-demokrazija f'Hong Kong, biex iżid it-theddid kontra t-Tajwan u biex iżid l-attivitajiet tiegħu fit-Tibet u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, kif ukoll il-persekuzzjoni brutali tal-Ujguri f'Xinyang u jikkundanna l-attakki u l-pressjoni ripetuti mir-rappreżentanti Ċiniżi fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri u fuq il-politiċi eletti demokratikament fl-UE, bħall-President tas-Senat Ċek u l-Ministru tal-Kultura tal-Iżvezja;

17.  Jinnota li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, iċ-Ċina pprovdiet kontribuzzjonijiet ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-virus u jiddispjaċih li xi wħud kienu difettużi jew ta' kwalità inferjuri; jirrikonoxxi wkoll, madankollu, sforzi mmotivati ġeopolitikament u ġeoekonomikament imsaħħa minn kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda aggressiva tad-"diplomazija tal-virus u l-wolf warrior"; jikkundanna t-tentattivi taċ-Ċina biex tuża din id- "diplomazija tal-virus" kontra l-UE bl-intenzjoni li ssawwar l-immaġni globali tagħha bħala setgħa benevolenti; jiddispjaċih għall-iżolament tat-Tajwan min-naħa taċ-Ċina fid-WHO; jistieden lill-Istati Membri japprovaw is-sħubija tat-Tajwan bħala osservatur fid-WHO/WHA u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fid-dawl tat-trattament effettiv tiegħu tal-virus domestikament, u mingħajr ma jkun jista' jikkontribwixxi bl-għarfien espert tiegħu għar-rispons internazzjonali għall-kriżi tas-saħħa attwali; ifaħħar l-għajnuna pprovduta mill-awtoritajiet Tajwaniżi;

18.  Jinsab imħasseb dwar għadd ta' żbalji u nuqqas ta' trasparenza relatati mar-reazzjoni Ċiniża inizjali għat-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19, li jinvolvu l-ħabi tal-kobor tal-problema, it-tentattivi biex tiġi mmanipulata u miżmuma l-informazzjoni, komunikazzjoni dgħajfa mad-WHO, iċ-ċensura, it-trażżin, it-theddid, il-persekuzzjoni u l-għajbien sfurzat tal-informaturi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti ċittadini, u l-ħolqien ta' dubji dwar l-għadd uffiċjali ta' vittmi tal-COVID-19, li kollha kellhom impatt ta' ħsara fuq il-kapaċità tal-UE biex tantiċipa, tipprepara għal u tħabbat wiċċha mal-kriżi tal-COVID-19, u rriżultaw f'imwiet; għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jikkoopera bis-sħiħ ma' investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-oriġini tal-COVID-19, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komprensiv lejn iċ-Ċina li qed tissaħħaħ u jipproteġu l-awtonomija strateġika tal-UE;

19.  Jappella għal rispons Ewropew għall-espansjoni intensifikata taċ-Ċina lejn l-aktar Stati Membri esposti u l-ġirien tal-UE; jirrimarka li l-għaġla attwali biex jitrażżnu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija se tkun opportunità għal investimenti strateġiċi Ċiniżi f'setturi ewlenin bħat-telekomunikazzjonijiet, it-trasport u t-teknoloġija;

20.  Jinsab imħasseb dwar il-potenzjal ta' "nassa tad-dejn" li tista' taffettwa lill-pajjiżi Afrikani bħala riżultat tal-COVID-19, kif ukoll iżżid id-dipendenzi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiżi terzi fuq iċ-Ċina, peress li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku se jagħmilhielhom diffiċli jirrimborżaw self Ċiniż li huwa parti mill-Inizjattiva "Belt and Road"; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu t-tfittxija għal soluzzjonijiet vijabbli rigward il-ħelsien mid-dejn għal pajjiżi terzi fi ħdan fora internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-eżenzjonijiet umanitarji mis-sanzjonijiet ikollhom effett immedjat u prattiku f'termini tat-twassil rapidu ta' tagħmir mediku, provvisti u forom oħra ta' assistenza lill-pajjiżi affettwati;

21.  Jistieden lill-VP/RGħ jirrikonoxxi dan it-tħassib, jirrieżamina r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u simultanjament joħloq atmosfera ta' djalogu, impenn u kooperazzjoni u kompetizzjoni ġenwini bbażati fuq strateġija ġdida, koerenti u aktar assertiva adattata għax-xenarju ġeopolitiku u ġeoekonomiku mibdul u strateġija fit-tul għaċ-Ċina, li fiha l-UE u l-Istati Membri jikkooperaw fejn possibbli, jikkompetu fejn meħtieġ u jikkonfrontaw fejn meħtieġ biex jiddefendu l-valuri u l-interessi Ewropej; huwa tal-fehma li, bħala parti minn din l-istrateġija l-ġdida, l-UE għandha tfittex kollaborazzjoni aktar mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma fir-reġjun u demokraziji oħra, inklużi l-Indja, l-Awstralja, New Zealand, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel, u taħdem favur strateġija Ewropea għall-Indo-Paċifiku, li għaliha l-istrateġija ta' konnettività tal-UE għandha tintuża bl-aktar mod sħiħ;

L-Indja

22.  Jinnota bi tħassib li, b'mod parallel maż-żieda tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-Indja, fejn s'issa ġew irrappurtati aktar minn 90 000 mewta, ir-ripressjoni politika kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali qed tkompli fl-isfond ta' tensjonijiet ibbażati fil-komunità, u jqis li huwa essenzjali li din il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Indja li jmiss;

23.  Jisħaq fuq l-importanza tas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, il-ħtieġa li tiġi promossa u li ssir ħidma flimkien fuq l-istabbiltà u s-sigurtà, speċjalment fl-Oċean Indjan u l-Paċifiku;

Ir-Russja

24.  Jesprimi l-akbar tħassib dwar it-tentattivi sistematiċi tal-Federazzjoni Russa li timmina l-unità tal-UE u r-rispons tagħha għall-kriżijiet, toħloq nuqqas ta' fiduċja bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bl-intensifikazzjoni tal-kampanji ta' diżinformazzjoni mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u l-attakki ċibernetiċi kontra l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, kif ukoll il-politiċizzazzjoni tal-assistenza umanitarja; ifaħħar lis-SEAE u lid-dipartiment StratCom tal-Lvant għall-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jrażżnu l-kampanji ta' diżinformazzjoni minn mezzi tal-midja relatati mar-Russja f'diversi Stati Membri u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi u l-finanzjament tagħha ddedikati għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz Russi;

25.  Jirrikonoxxi d-dimensjoni ġeopolitika u ġeoekonomika ċara ta' dak li ġie offrut mir-Russja, imsaħħa mid-"diplomazija tal-virus" u ġlieda kontra n-narrattivi; jinnota bi tħassib li r-Russja qed tieħu ċerti passi assertivi fl-arena internazzjonali bil-għan li tippromwovi l-aġenda ġeopolitika tagħha stess; jistieden lill-UE ma tissottovalutax dan u żżomm fuq l-aġenda l-kunflitti li fihom ir-Russja għandha interess, bħal dawk mal-Belarussja, l-Ukrajna, il-Georgia, il-Krimea, is-Sirja u l-Libja;

26.  Jesprimi tħassib serju dwar it-tentattivi tar-Russja li tuża l-pandemija biex tkompli tnaqqas l-ispazju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, tappoġġa r-reġimi awtoritarji u tkompli l-politika barranija aggressiva tagħha; jenfasizza li ma rridux nippermettu lil pajjiżi bħar-Russja jużaw il-kriżi biex jaljenawna mill-problemi domestiċi sinifikanti tagħhom stess; jinsab imħasseb dwar ir-Referendum Kostituzzjonali, li fih il-President Russu uża l-kriżi attwali biex jippromulga emendi kostituzzjonali kruċjali li jtawlu u jsaħħu t-tmexxija awtoritarja tiegħu fir-Russja;

27.  Jikkundanna t-tentattiv fuq il-ħajja ta' Alexei Navalny u jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-avvelenament tas-Sur Navalny mingħajr dewmien;

28.  Jistieden lir-Russja tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal rispons globali għall-kriżi, b'bona fide u bħala parti mill-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jinsab imħasseb dwar l-effettività u s-sikurezza tal-vaċċin Russu l-ġdid li qed jintuża bħalissa; ifakkar li l-kwalità tal-prodotti mediċi mwassla mir-Russja f'xi każijiet kienet baxxa ħafna u għalhekk ineffettiva;

Politika barranija tal-UE aktar assertiva biex tiddefendi l-interessi tal-Ewropa, il-valuri tagħha u l-ordni dinji multilaterali

29.  Jirrikonoxxi r-riskji globali tas-sigurtà, soċjoekonomiċi, ambjentali u politiċi li jistgħu jiġu kkawżati mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, u jinsab imħasseb dwar il-fatt li setgħat globali bħaċ-Ċina u r-Russja huma lesti li b'ċerta ħila jużaw il-kriżi biex iħollu l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli msejjes fuq organizzazzjonijiet multilaterali;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli huwa essenzjali għall-paċi globali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jemmen li UE ġeopolitika, flimkien ma' sħab tal-istess fehma, irid ikollha rwol aktar b'saħħtu fid-difiża u l-bini mill-ġdid tagħha; jemmen li l-UE trid tfittex modi biex tnaqqas it-tensjonijiet bejn is-setgħat, b'mod partikolari meta dawn it-tensjonijiet ifixklu l-azzjoni multilaterali; jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet kemm il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali, b'mod partikolari fil-governanza tas-saħħa globali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu riformati l-istituzzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-VP/RGħ jabbozzaw "pjan direzzjonali tal-UE dwar il-multilateraliżmu" biex jippromwovu u jagħtu bidu għal riformi strutturali f'organizzazzjonijiet multilaterali;

31.  Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali fost l-alleati tal-Punent, jiġifieri l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, permezz tal-legat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjoni; jitlob li l-mandat ta' kumitat ġdid għandu jkopri l-monitoraġġ u l-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji, tal-flussi kummerċjali u tal-investimenti sensittivi lejn pajjiżi ta' tħassib;

32.  Jinnota li l-ambizzjonijiet ġeopolitiċi tal-UE jeħtieġ li jkunu sostnuti minn allokazzjonijiet baġitarji adegwati permezz tal-qafas finanzjarju multilaterali (QFP) li jmiss u jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew ippropona tnaqqis fil-linji baġitarji għall-istrumenti tal-politika esterna; jitlob li l-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna fil-QFP 2021-2027 jissaħħaħ u jkun suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-UE jkollha r-riżorsi meħtieġa biex tindirizza l-isfidi fil-viċinat tagħha, il-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-COVID-19 u li tkun tista' tissodisfa l-ambizzjoni tagħha li ssir attur ġeopolitiku responsabbli;

33.  Jenfasizza li hija biss UE b'saħħitha u aktar magħquda li għandha awtonomija strateġika miftuħa u appoġġata minn kapaċitajiet militari suffiċjenti u kredibbli, kif ukoll għodod u mekkaniżmi li jappoġġaw lis-sħab, li se tkun tista' taqdi rwol b'saħħtu fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u twettaq politika barranija b'saħħitha, u jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħtu mandat aktar b'saħħtu u definit sew lill-VP/RGħ biex jitkellem f'isem l-UE, pereżempju billi tistabbilixxi sede Ewropea f'organi multilaterali; jilqa' l-konklużjoni tal-President Charles Michel li huwa tal-akbar importanza li tiżdied l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

34.  Jemmen li t-tmiem tar-regola tal-unanimità f'ċerti oqsma tal-politika barranija jgħin lill-UE twettaq politika barranija li tkun aktar effettiva, aktar proattiva u adattata aħjar għar-reazzjoni f'waqtha għall-emerġenzi; jistieden lill-Kunsill jew lill-Kunsill Ewropew isegwu t-talba tal-Kummissjoni u tal-Parlament biex jimxu lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, tal-anqas dwar id-drittijiet tal-bniedem jew sanzjonijiet, billi jattivaw il-klawżola passerelle; jenfasizza li l-ingranaġġ tal-UE huwa l-akbar meta l-Istati Membri jaġixxu flimkien;

35.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-forzi armati matul il-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-assistenza militari għall-operazzjonijiet ta' appoġġ ċivili , b'mod partikolari permezz tal-użu ta' sptarijiet fuq il-post, it-trasport tal-pazjenti u l-kunsinna u d-distribuzzjoni ta' tagħmir, u jemmen li operazzjoni u koordinazzjoni konġunti aktar fil-fond tal-forzi armati tal-Istati Membri fi ħdan oqfsa eżistenti - bħall-proġett ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Kmand Mediku Ewropew - jew fi ħdan oqfsa ġodda - bħal sptarijiet militari fuq ferroviji - jistgħu jwasslu għal aktar effiċjenza u jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemiji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-persunal militari jkun imħarreġ, ippreparat u mgħammar biżżejjed biex jittratta dawn it-tipi ta' kompiti essenzjali b'appoġġ għal sħabhom iċ-ċittadini;

36.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-istrateġiji ta' sigurtà u difiża tal-UE biex tiġi żviluppata awtonomija strateġika, inkluż fis-settur tas-saħħa, biex titħejja aħjar u ssir aktar reżiljenti għat-theddid u t-teknoloġiji ġodda u ibridi li għamlu n-natura tal-gwerra inqas konvenzjonali u joħolqu sfidi għar-rwol militari tradizzjonali, kif ukoll għal futur li fih ir-Russja u ċ-Ċina qed isiru aktar assertivi; jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-mobilità militari sabiex tgħin lill-Istati Membri jaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effettiv fil-kuntest ta' kunflitt possibbli fil-futur. jenfasizza li l-Boxxla Strateġika futura dwar is-sigurtà u d-difiża għandha tirrifletti dawn l-iżviluppi, tqis l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi usa' tal-COVID-19 u tindirizza l-ispettru sħiħ ta' theddid bħal pandemija ġdida, theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) u indħil barrani, inklużi d-diżinformazzjoni jew l-attakki ċibernetiċi; jemmen li, minħabba l-bilanċ politiku l-ġdid u d-deterjorament potenzjali tal-ambjent tas-sigurtà internazzjonali wara l-COVID-19, il-baġits tad-difiża tal-UE b'mod ġenerali, u l-baġit tal-mobilità militari b'mod partikolari, ma jridux jitnaqqsu;

37.  Jappoġġa l-ħtieġa li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni u, fejn meħtieġ, il-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO, inkluż iċ-Ċentru Ewro-Atlantiku ta' Koordinazzjoni tar-Rispons fil-Każ ta' Diżastru (EADRCC) jew iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Mediċina Militari tan-NATO, kif ukoll li jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi relatati mal-COVID-19; jappella għal koordinazzjoni b'saħħitha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u appoġġ għaliha u għal kooperazzjoni dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari;

38.  Jappella għal approċċ istituzzjonali ġdid għall-komunikazzjoni strateġika sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji li qed jiffaċċjaw id-demokraziji liberali tal-Punent, kif ukoll għall-espansjoni u l-modernizzazzjoni tal-istrateġiji ta' komunikazzjoni tal-UE sabiex il-valuri u l-azzjonijiet tal-UE jkunu viżibbli biżżejjed kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, speċjalment f'żoni ġirien; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġieled l-indħil u d-diżinformazzjoni barranin malizzjużi, il-gwerra ibrida, il-propaganda u l-ispjunaġġ, inkluż il-ħolqien ta' Task Forces StratCom iddedikati li jiffukaw fuq l-attivitajiet li joriġinaw minn (a) iċ-Ċina, u (b) il-Lvant Nofsani, inkluż l-Iran, u jimponi spejjeż fuq pajjiżi u atturi mhux statali li deliberatament ixerrdu d-diżinformazzjoni biex jifirdu u jagħmlu ħsara lill-UE u lill-Istati Membri tagħha; jafferma mill-ġdid id-dedikazzjoni tiegħu għall-iżvilupp ta' oqfsa koordinati leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi u t-titjib tal-isforzi ta' koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

39.  Jilqa' l-ħidma tal-EUvsDisinfo u r-rwol tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali, il-ġurnalisti indipendenti u l-organizzazzjonijiet tal-midja fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jissottolinja l-importanza ta' pożizzjoni ta' prinċipju tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni marbuta mat-tixrid tal-virus COVID-19 u l-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura kritika; jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali jaġixxu b'mod proattiv u jadottaw miżuri li jipprevjenu t-tixrid tad-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda rigward il-virus COVID-19, u l-ħtieġa li jinvestu fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jqajmu kuxjenza dwar din it-theddida li qed tiżdied;

40.  Jisħaq fuq il-fatt li l-akbar suq globali tal-konsumatur ta' kważi 500 miljun persuna jagħti ingranaġġ sinifikanti lill-UE fix-xena dinjija, u jemmen li Kummissjoni ġeopolitika jenħtieġ li tuża dan l-ingranaġġ, inkluż permezz tal-politika ta' kummerċ tagħha, biex tiddefendi l-interessi tal-UE meta pajjiżi oħra ma jkunux lesti li jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istat tad-dritt jew mat-trattati internazzjonali;

41.  Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi f'ċerti setturi strateġiċi u eżistenzjali bħas-saħħa u jappoġġa bis-saħħa d-diversifikazzjoni u r-rilokazzjoni tal-ktajjen ta' provvista l-iżjed kritiċi; jirrimarka li l-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltajiet tal-interkonnettività u l-interdipendenza u wasslet għal protezzjoniżmu dejjem akbar; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn it-titjib tar-reżiljenza tal-ktajjen ta' valur tagħna biex tinkiseb awtonomija strateġika, it-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-UE u ż-żamma ta' relazzjonijiet kummerċjali li huma miftuħa kemm jista' jkun;

42.  Ifakkar fit-talba urġenti tiegħu għal reġim b'saħħtu ta' sanzjonijiet globali biex jindirizza ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem qabel tmiem l-2020, li jkun l-ekwivalenti tal-UE tal-hekk imsejħa Liġi Magnitsky; jenfasizza li għandha tinkludi atti ta' korruzzjoni ta' livell għoli bħala kriterju għal sanzjonijiet; jilqa' t-tħabbira mill-President von der Leyen li l-Kummissjoni dalwaqt se tressaq proposta, u jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta l-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala deċiżjoni relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-TUE;

43.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatt negattiv sproporzjonat tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-migranti u r-refuġjati; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex, fil-politika barranija tagħhom, jinvolvu ruħhom f'reazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dinjità, u s-soluzzjonijiet biex jindirizzaw il-vulnerabilità tal-migranti u tar-refuġjati u l-bżonn tagħhom għall-protezzjoni, f'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u s-sħubija u li jippermettu perkorsi legali adegwati u aċċessibbli għall-migrazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li d-dritt għall-asil jiġi rrispettat mad-dinja kollha;

44.  Jistieden lill-UE timpenja ruħha f'kampanja globali biex tippromwovi r-rakkomandazzjonijiet tan-NU dwar it-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-ħabsijiet billi timplimenta skemi ta' rilaxx bikri, proviżorju jew temporanju ta' trasgressuri meqjusa ta' riskju baxx; iħeġġeġ, b'mod partikolari, li l-persuni kollha detenuti talli esprimew fehmiet kritiċi jew kuntrarji jew minħabba l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jinħelsu u jirrakkomanda t-tnaqqis tal-użu tad-detenzjoni tal-immigrazzjoni u l-kampijiet magħluqa tar-refuġjati;

45.  Jirrikonoxxi r-rwol deċiżiv li kellhom in-nisa biex jiffaċċjaw il-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tal-pandemija abbażi tal-ġeneru; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impatt bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja f'termini tad-diviżjoni inugwali tax-xogħol ta' kura domestika kif ukoll pubblika, fejn in-nisa jikkostitwixxu madwar 70 % tal-forza tax-xogħol tas-saħħa globali u jitlob li l-ħtiġijiet tan-nisa u tal-gruppi emarġinati jiġu kkunsidrati f'rispons globali għall-pandemija, peress li dawn għadhom rarament rappreżentati fit-tabelli tan-negozjati fejn jiġu stabbiliti reazzjonijiet għall-kriżijiet;

46.  Huwa konvint li rispons ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-pandemija tal-COVID-19 jikkostitwixxi l-aktar approċċ effettiv, inklużiv u sostenibbli għall-ġestjoni tal-kriżi attwali; ifakkar li r-rispons tal-pajjiżi terzi għall-kriżi tal-COVID-19 ma jridx jikser id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt internazzjonali, irid ikun limitat għal miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati u jkun soġġett għal skrutinju regolari kif ukoll dak marbut biż-żmien; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem, jidentifikaw ix-xejriet u jappoġġaw l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u lokali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsegwenzi tal-COVID-19 ma jdgħajfux l-implimentazzjoni tal-valuri u l-impenji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem diġà stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024;

47.  Jissottolinja l-importanza strateġika tat-tmexxija u l-appoġġ tal-UE fil-viċinat tagħha, kemm fil-Lvant, fin-Nofsinhar kif ukoll fir-reġjun tal-Artiku, billi tgħin lill-ġirien tagħha fil-ġlieda tagħhom kontra l-pandemija tal-COVID-19; jappella għal aktar appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi fil-viċinat;

48.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid tagħti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li għadhom mhumiex parti mill-UE, opportunità ġusta biex jissieħbu fl-UE, u li l-UE trid tikkonsolida l-isforzi tagħha biex tinvesti fir-reġjun; jenfasizza li l-proċess ta' tkabbir tal-UE u l-enfasi tal-UE fuq l-appoġġ tal-proċessi ta' riforma fil-Balkani tal-Punent qed ikomplu minkejja l-pandemija li għaddejja bħalissa; ifaħħar l-inizjattiva ta' assistenza finanzjarja tal-Kummissjoni u l-inklużjoni fl-akkwist konġunt tal-UE ta' tagħmir mediku biex jingħata appoġġ lill-Balkani tal-Punent fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19; jitlob l-inklużjoni tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent fil-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u jtenni li l-għajnuna lis-sħab tagħna trid tkun akkumpanjata minn kampanja ta' komunikazzjoni robusta;

49.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 tista' tiddestabbilizza l-pajjiżi fl-Afrika li spiss ikollhom infrastruttura tas-saħħa fraġli u dejn għoli, fejn taġixxi bħala "multiplikatur tal-kunflitti"; jitlob li tissaħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika u li tiġi kkoordinata b'mod aktar effettiv, li jiġi estiż l-investiment privat, li jitrawmu l-assistenza finanzjarja u l-pjanijiet ta' rkupru u li tiġi pprovduta alternattiva għall-investimenti taċ-Ċina; jistieden lill-UE tkompli djalogu msaħħaħ li jwassal għall-organizzazzjoni tas-Summit UE-Afrika u taħdem biex tibni l-Afrika f'sieħeb fit-tul, affidabbli u mill-qrib tal-UE;

50.  Jissottolinja li s-sanzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu rispons komprensiv għall-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza fil-każ speċifiku tal-Iran li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Istrument ta' Appoġġ għall-Iskambji ta' Kummerċ (INSTEX) għandu jitwessa' u li dan il-mekkaniżmu għandu jintuża biex jissaħħaħ ir-rispons umanitarju tagħna;

51.  Jenfasizza li s-sħab tal-UE fir-reġjuni tas-Saħel-Saħara u l-Qarn tal-Afrika qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 flimkien mat-taqbida kontinwa tagħhom kontra gruppi terroristiċi armati, inklużi l-ġiħadisti;

52.  Iqis li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew huma ta' interess strateġiku u kruċjali; jenfasizza li l-Amerika Latina kienet waħda mir-reġjuni l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, tistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa biex tindirizza l-COVID-19, tgħin fil-pjanijiet ta' rkupru u tappoġġa lil dawn il-pajjiżi politikament bil-għan li tipprevjeni d-dipendenza eċċessiva tagħhom fuq l-għajnuna minn atturi ġeopolitiċi oħra; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-SDGs bħala pjan direzzjonali għall-irkupru;

53.  Jinnota li l-pandemija attwali tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq il-missjonijiet eżistenti tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), b'mod partikolari fuq missjonijiet ta' taħriġ tal-UE f'postijiet bħall-Mali, is-Somalja jew ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; ifakkar li preżenza Ewropea u impenn kredibbli huma kruċjali biex jittaffew il-konsegwenzi umanitarji u soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19; jitlob li jissaħħu l-missjonijiet tal-PSDK li għandhom il-kompitu li jsaħħu l-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari dawk fil-viċinat immedjat tal-UE, biex jgħinu jistabbilizzaw kuntesti diġà fraġli u jimpedixxu rikaduti fil-kunflitti u l-vjolenza minħabba tensjonijiet addizzjonali kkawżati mill-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar persunal ċivili u militari disponibbli għal tali missjonijiet u operazzjonijiet, u jappella wkoll f'dan ir-rigward għal adozzjoni rapida tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; iħeġġeġ lis-SEAE jaħdem fuq ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK matul kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19; jinsisti fuq l-importanza li tinżamm il-kontinwità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'kuntesti bħal dawn; jitlob rieżami sħiħ tal-impatt tal-COVID-19 fuq it-tħejjija, il-ġenerazzjoni tal-forza, is-sikurezza tal-persunal u l-kontinwità tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-PSDK;

54.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u perspettiva intersezzjonali, inkluża rappreżentanza ugwali u diversa, fil-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, u jirrikonoxxu l-esperjenzi differenti tan-nisa u ta' gruppi emarġinati oħra li fuqhom din il-pandemija kellha effetti detrimentali;

55.  Jemmen bis-sħiħ li l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima tista' sservi bħala l-pedament għall-bini ta' kooperazzjoni globali usa' b'rispons għall-COVID-19, it-tisħiħ tas-sistema multilaterali u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-ħtieġa għal sistema bbażata fuq ir-regoli;

56.  Huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ċerti dgħufijiet tal-Unjoni tagħna u wriet il-ħtieġa urġenti għal Unjoni effettiva, effiċjenti u awtonoma, kemm internament kif ukoll fid-dinja, b'mekkaniżmi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriżijiet, inkluż bi strumenti finanzjarji; jemmen li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa se tipprovdi pjattaforma tajba biex nimxu 'l quddiem fil-ħolqien ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-politiki esterni tal-UE; huwa għalhekk determinat li l-Konferenza tibda kemm jista' jkun malajr;

57.  Jinnota l-impatt li l-COVID-19 kellha fuq ir-reġjuni aktar vulnerabbli, inklużi r-reġjuni ta' kunflitt u l-pajjiżi l-anqas żviluppati; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jagħmel pressjoni favur waqfien mill-ġlied lokali u reġjonali u ftehimiet ta' tregwa u jappoġġa l-inizjattiva tas-SĠNU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali; ifakkar fil-ħtieġa ta' konformità mal-prinċipji umanitarji ta' imparzjalità u newtralità fl-għoti tal-għajnuna, inkluż bi tweġiba għall-ħtiġijiet relatati mal-COVID-19; jistieden lill-UE tiddefendi l-aċċess umanitarju għal żoni remoti ta' kunflitt, tippromwovi kurituri umanitarji u jissottolinja li kwalunkwe azzjoni esterna f'pajjiżi milquta minn kunflitti jeħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju u tal-vulnerabbiltà sensittiva għall-kunflitti, inklużi l-perspettivi tan-nisa u b'enfasi speċjali fuq il-konsolidazzjoni tal-paċi;

58.  Jilqa' r-rifjut min-naħa tal-UE tan-nazzjonaliżmu fir-rigward tal-vaċċin; itenni li l-UE għandha rwol ewlieni x'tiżvolġi fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-vaċċin b'mod ekwu għall-persuni kollha madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex tiżgura li ħadd ma jitħalla l-art ladarba jkun sar disponibbli vaċċin;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(2) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 11.


It-titjib tal-effikaċja tal-iżvilupp u tal-effiċjenza tal-għajnuna
PDF 188kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-iżvilupp u tal-effiċjenza tal-għajnuna (2019/2184(INI))
P9_TA(2020)0323A9-0212/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25-27 ta' Settembru 2015 u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titlu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), u b'mod partikolari l-Għan nru 17 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fih, li jimpenja lill-istati membri tan-NU favur it-tisħiħ tal-mezzi ta' implimentazzjoni tal-aġenda u l-għoti ta' ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, id-dokument ta' eżitu adottat waqt it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Addis Ababa, fl-Etjopja, mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015, u approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni 69/313 tas-27 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tat-Task Force Interaġenzjali tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi (Franza) mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li ġiet adottata waqt it-Tieni Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2005, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra li ġiet adottata waqt it-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2008 f'Akkra (fil-Ghana), u l-eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan (fir-Repubblika tal-Korea) f'Diċembru 2011, li nieda s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu ta' Nairobi tat-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC, li saret f'Nairobi (il-Kenja) f'Novembru u Diċembru tal-2016(3),

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC tat-13 u l-14 ta' Lulju 2019, li saret fil-marġini tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York,

–  wara li kkunsidra s-17-il Laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija għal-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali tal-2019 tas-26 u s-27 ta' Marzu 2019 f'Kampala (l-Uganda),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-GPEDC bit-titlu "Making Development Cooperation More Effective" (Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi)(4),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonformaw mal-impenji li jkunu għamlu fil-kuntest tan-NU u ta' organizzazzjonijiet kompetenti oħra u jqisu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li jimplimentaw li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp tat-30 ta' Ġunju 2017(5),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, adottata fit-tieni Summit UE-Afrika li sar f'Lisbona f'Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-ħames Summit Unjoni Afrikana-UE tad-29 u t-30 ta' Novembru 2017 u d-dikjarazzjoni tas-summit "Investing in Youth for Accelerated Inclusive Growth and Sustainable Development" (Ninvestu fiż-Żgħażagħ għal Tkabbir Inklużiv Aċċellerat u Żvilupp Sostenibbli)(6),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija globali għall-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, ippreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Ġunju 2016, bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-tisħiħ tal-ipprogrammar konġunt,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2019 dwar ir-Rapport Annwali tal-2019 għall-Kunsill Ewropew dwar il-miri tal-UE ta' għajnuna għall-iżvilupp(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Europe in the World – the future of European financial architecture for development" (L-Ewropa fid-Dinja – il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp)(8),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2015 bit-titlu "Tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali" (SWD(2015)0080), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-Qafas tar-Riżultati,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tal-Kummissjoni għall-2016-2020 dwar il-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Alleanza ġdida Afrika-Ewropa ġdida għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli (COM(2018)0643),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-Task Force tal-Kummissjoni għall-Afrika Rurali ta' Marzu 2019, bit-titlu "An Africa-Europe Agenda for Rural Transformation" (Aġenda Afrika-Ewropa għat-Trasformazzjoni Rurali)(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2019 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja, bit-titlu "Effectiveness to Impact" (Effikaċja għal Impatt)(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2015 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP25)(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(28),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020(29),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal: "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nibdlu l-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titlu "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra l-istudju "Effective Development Cooperation - Does the EU deliver?: Detailed Analysis of EU Performance" (Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp - l-UE tagħti riżultati?: Analiżi Dettaljata tal-Prestazzjoni tal-UE), mitlub mill-Kummissjoni u ppubblikat f'Mejju 2020(30);

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Mejju 2020 dwar l-effikaċja tal-finanzjament imħallat, bit-titlu "L-użu ta' fondi għall-iżvilupp biex jitnaqqas ir-riskju tal-investiment privat: kemm huma effikaċi biex jinkisbu riżultati dwar l-iżvilupp?",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 dwar ir-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp (COM(2013)0280),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Diċembru 2018 mill-OECD (Rieżamijiet bejn il-Pari dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tat-22 ta' Frar 2019 mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD dwar ir-Rabta bejn l-Għajnuna Umanitarja, l-Iżvilupp u l-Paċi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titlu "The impact of the coronavirus (COVID-19) crisis on development finance" (L-impatt tal-kriżi tal-coronavirus (COVID-19) fuq il-finanzjament għall-iżvilupp)(31),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li Qed Tinbidel (SROCC) tal-25 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0212/2020),

A.  billi, matul is-snin, il-kuntest għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp inbidel peress li tfaċċaw sfidi globali ġodda bħat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, il-migrazzjoni, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-kunflitti interni, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u t-tifqigħat ta' mard infettiv, kif ukoll diżastri naturali frekwenti u gravi, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jaffettwaw lil dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-ambjent globali qed isir aktar kumpless u inċert u qed jiżdiedu l-kunflitti u r-rivalità ġeopolitika; billi dan jenfasizza l-ħtieġa għal multilateraliżmu msaħħaħ u sforzi kontinwi biex jiżdiedu l-effikaċja u l-impatt tal-għajnuna Ewropea;

B.  billi d-dinja ntlaqtet mill-pandemija tal-COVID-19; billi l-impatt ta' din il-pandemija fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-pajjiżi benefiċjarji tal-għajnuna għadu mhux ċar u jirrappreżenta piż sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tal-għajnuna kemm tal-pajjiżi donaturi kif ukoll tal-investituri privati;

C.  billi l-pandemija tal-COVID-19, li affettwat lill-pajjiżi kollha irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tagħhom, qed ikollha impatt relatat mas-saħħa, iżda wkoll impatt ekonomiku u soċjali; billi din il-pandemija għandha impatt fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u timponi obbligu li tiġi żgurata effiċjenza akbar;

D.  billi l-pandemija attwali fixklet serjament it-turiżmu, it-trasport bil-baħar, u setturi oħra bbażati fuq l-oċeani, u jista' jkollha effetti fit-tul fuqhom, b'impatt negattiv fuq l-ekonomiji ta' bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati;

E.  billi l-effikaċja tal-għajnuna tiddependi fuq il-mod kif jiġi implimentat il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); billi għad hemm bżonn ta' aktar sforzi biex ikun hemm konformità mal-prinċipji tal-PCD, speċjalment fil-qasam tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-kummerċ, il-klima u l-agrikoltura;

F.  billi l-politiki interni u esterni tal-UE u tal-Istati Membri, skont il-PCD, m'għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi hemm enfasi dejjem akbar fuq il-promozzjoni tal-interessi tal-politika esterna tal-UE; billi l-għajnuna esterna tal-UE għandu jkompli jkollha fil-qalba tagħha l-effikaċja u l-effiċjenza tal-iżvilupp u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, skont l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabbilixxi li t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar huma l-għan prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

G.  billi l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp kif ukoll is-sorsi kollha ta' finanzjament għall-iżvilupp għandhom jiġu artikolati sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

H.  billi l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber aktar malajr mill-introjtu nazzjonali gross (ING), b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn il-popolazzjoni hija mistennija li tirdoppja fit-30 sena li ġejjin għal 2,1 biljuni fl-2050 u 3,8 biljuni sa tmiem is-seklu; billi minkejja tkabbir ekonomiku qawwi, dan se jżid in-numru ta' nies li jgħixu fil-faqar u l-qgħad, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu appoġġjati b'mod effikaċi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jiksbu l-SDGs;

I.  billi strateġija UE-Afrika bbażata fuq sħubija bejn partijiet ugwali tinvolvi li jitqies it-tħassib speċifiku tal-pajjiżi Afrikani f'termini ta' diversifikazzjoni ekonomika, industrijalizzazzjoni, telf ta' dħul tal-gvern u integrazzjoni reġjonali;

J.  billi l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi għadhom għoljin ħafna, filwaqt li l-inugwaljanza għandha impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna;

K.  billi huwa importanti li jiġu stabbiliti miżuri li għandhom l-għan li jibnu u jżidu r-reżiljenza tal-komunitajiet, b'mod partikolari f'pajjiżi sħab fraġli, f'pajjiżi milquta minn kunflitti jew diżastri naturali, u f'pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati;

L.  billi s-saħħa u l-benesseri tat-tfal jikkostitwixxu objettiv kruċjali tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

M.  billi l-UE, li flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija l-ikbar donatur fid-dinja ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), b'total ta' EUR 74,4 biljun fl-2018 li jirrappreżenta kważi 57 % tal-ODA kollha madwar id-dinja, hija impenjata li tippromwovi kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp immirata lejn it-tmiem ta' kull sura ta' faqar u inugwaljanza, u li tappoġġja lis-sħab tagħha fl-iżvilupp fit-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; billi fl-2019, il-membri tal-OECD-DAC b'mod kollettiv nefqu 0,3 % tal-ING biss fuq l-ODA, u ħames membri biss laħqu jew qabżu l-mira tal-infiq (ir-Renju Unit, l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Lussemburgu u n-Norveġja);

N.  billi l-prinċipji ta' sjieda u allinjament nazzjonali u demokratiċi, b'enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubijiet inklużivi, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, għandhom jirfdu l-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex jiġi żgurat li l-fondi għall-iżvilupp jintużaw b'mod effiċjenti u effikaċi sabiex l-SDGs jinkisbu b'mod xieraq;

O.  billi r-rwol tas-Sħubija Globali għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) huwa li tippromwovi l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; billi din is-sħubija għandha tliet prijoritajiet strateġiċi li se jiggwidaw il-kontribut tagħha għat-tnedija tad-"Deċennju ta' Azzjoni", jiġifieri: il-promozzjoni tal-effikaċja tal-iżvilupp biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; il-bini ta' sħubijiet aħjar; u l-ingranaġġ tal-monitoraġġ għall-azzjoni;

P.  billi l-istudju "Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp - L-UE tagħti riżultati?: Analiżi Dettaljata tal-Prestazzjoni tal-UE" jindika allinjament imnaqqas tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE mal-prinċipji tal-effikaċja u l-indikaturi relatati, b'mod partikolari l-prevedibbiltà, l-użu ta' indikaturi meħuda minn oqfsa ta' riżultati li huma proprjetà ta' pajjiż sieħeb, bl-użu ta' sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi sħab, l-impenn li jiġu involuti gvernijiet sħab fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti, u rappurtar trasparenti;

Q.  billi l-politiki u s-sħubijiet għall-iżvilupp tal-UE jridu jinbnew fuq kooperazzjoni politika u ekonomika sostenibbli mas-sħab fuq bażi ugwali u b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tagħha; billi l-politiki ta' żvilupp tagħha jridu jqisu s-sitwazzjoni tal-persuni spostati b'mod furzat, tal-popolazzjonijiet vulnerabbli u tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil;

R.  billi, minħabba ż-żieda fil-kriżijiet fit-tul, l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex topera r-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp bil-għan li jinkisbu riżultati dejjiema;

S.  billi l-frammentazzjoni tal-għajnuna tibqa' sfida persistenti li tirriżulta mill-proliferazzjoni tad-donaturi u l-aġenziji ta' għajnuna u min-nuqqas ta' koordinament tal-attivitajiet u l-proġetti tagħhom;

T.  billi matul il-proċess ta' programmazzjoni huwa essenzjali li tiġi garantita konsultazzjoni wiesgħa fil-pajjiżi sħab mal-atturi rilevanti kollha: l-awtoritajiet lokali, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, il-gruppi emarġinati, in-NU u l-aġenziji tagħha, l-SMEs u s-settur privat;

U.  billi mingħajr approċċ minn isfel għal fuq għall-iżvilupp huwa impossibbli li jiġu massimizzati r-riżultati tal-iżvilupp; billi l-iskambju mtejjeb ta' eżempji konkreti u pariri dwar proġetti ta' suċċess fuq il-post fil-pajjiżi sħab se jgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipji b'mod effikaċi u fil-kisba b'suċċess tar-riżultati intenzjonati;

V.  billi Involviment effikaċi tas-Settur Privat għandu jkun ibbażat fuq il-ħames prinċipji ta' Kampala, jiġifieri: Sjieda Inklużiva tal-Pajjiż; Riżultati u Impatt Immirat; Sħubija Inklużiva; Trasparenza u Obbligu ta' Rendikont; kif ukoll li Ħadd Ma Jitħalla Jibqa' Lura;

W.  billi fil-pajjiżi sħab hemm diversi atturi u donaturi oħra li qed iwasslu l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp;

X.  billi għalkemm l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom ħażna kbira ta' data u għarfien espert, dan għadu mhux kondiviż biżżejjed; billi din id-data għandha ssir aktar aċċessibbli u għandha tintuża fit-tfassil tal-politika;

Y.  billi l-kooperazzjoni triangolari hi partikolarment effiċjenti biex ittejjeb il-kapaċità tal-kooperazzjoni li tirrispondi għall-isfidi komuni bħall-prevenzjoni, il-ġestjoni tad-diżastri naturali li jnaqqsu jew jimblukkaw l-iżvilupp u l-irkupru minn dawn id-diżastri, l-isfidi għas-sigurtà f'reġjun usa' jew l-adattament tal-mudelli ta' negozji żgħar għall-isfidi ekonomiċi l-ġodda li tfaċċaw matul il-kriżi tal-coronavirus;

Z.  billi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politika ta' għajnuna effikaċi jirrikjedu fehim aktar profond tal-impatt tal-għajnuna u l-ambjent ġenerali li fih topera l-għajnuna għall-iżvilupp;

AA.  billi d-data dwar l-għajnuna aċċessibbli u affidabbli ssaħħaħ it-trasparenza tal-flussi tal-għajnuna u tgħin lis-sħab kollha fl-iżvilupp fil-proċessi tal-ippjanar u tal-koordinazzjoni tagħhom; billi l-istandards internazzjonali kif promossi mill-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) jagħmlu din id-data komparabbli; billi l-kisba tar-riżultati tal-iżvilupp u l-ħidma lejn l-SDGs jirrikjedu data dettaljata dwar il-kuntest lokali, sett miftiehem ta' riżultati li għandhom jiġu mmirati, azzjoni konġunta biex issir ħidma għalihom, u feedback pubbliku rapidu biex jiġi ffaċilitat l-obbligu ta' rendikont;

AB.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; billi l-impatt tal-politiki ta' żvilupp huwa differenti fuq in-nisa u l-bniet; billi hemm nuqqas ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fil-qasam tal-iżvilupp;

AC.  billi ġie evidenzjat li l-politiki ta' għajnuna li jrawmu l-ugwaljanza huma aktar effikaċi fil-kisba tal-objettivi tal-SDGs, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-edukazzjoni;

AD.  billi hemm riskju reali li l-benefiċċji tal-għajnuna għall-iżvilupp, tal-investiment dirett barrani (FDI) u tal-għajnuna umanitarja jistgħu jinqabdu mill-elit politiku u ekonomiku; billi dan jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni għall-iżvilupp li jkollha l-għan li twassal għal bidliet trasformattivi fl-ekonomiji politiċi, b'mod partikolari relatati mal-governanza, id-distribuzzjoni tal-poter, l-esklużjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għar-riżorsi, kif ukoll l-interazzjoni mal-ekonomija globali; billi dan jenfasizza l-ħtieġa li, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jiġu appoġġjati u promossi l-prinċipji ta' governanza tajba, l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

AE.  billi l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tistma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn USD 1 triljun f'ħelsien mid-dejn wara l-COVID-19; billi l-Bank Dinji, il-FMI, il-G20 u l-G7 ħadu miżuri ta' ħelsien mid-dejn pubbliku għall-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati biex l-għajnuna għall-iżvilupp tkun tista' twettaq b'mod effikaċi l-SDGs f'oqsma bħall-aċċess għas-servizzi bażiċi, il-governanza tajba u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

AF.  billi l-UE hija preżenti fl-oċeani kollha permezz tat-territorji extra-Ewropej tagħha, kemm ir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, u huwa kruċjali li tiżviluppa strateġiji reġjonali li jinkorporaw il-ħtiġijiet espressi lokalment bl-aktar mod sħiħ possibbli;

AG.  billi l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ċentrali fil-kisba tal-SDGs u l-kooperazzjoni deċentralizzata trid tkun fil-qalba tal-istrateġija ta' żvilupp tal-UE;

AH.  billi l-politiki ta' żvilupp iridu jqisu l-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima f'termini ta' spostament ta' popolazzjonijiet vulnerabbli u d-deterjorament tal-inugwaljanzi soċjali u bil-ħsieb li jinqered il-faqar;

AI.  billi l-introjtu li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jitilfu minħabba flussi finanzjarji illeċiti, inkluża l-evażjoni tat-taxxa, huwa aktar mid-doppju tal-ammont li qed jiksbu permezz ta' sorsi esterni uffiċjali, fosthom l-assistenza għall-iżvilupp;

AJ.  billi l-użu ta' oqfsa ta' riżultati u għodod ta' ppjanar li huma proprjetà tal-pajjiż (ġestjoni finanzjarja pubblika) mill-istituzzjonijiet tal-UE qed jonqos, għalkemm jiżvolġu rwol sinifikanti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi, għall-kisba tal-SDGs, u għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri peress li jaħdmu b'mod pożittiv fl-integrazzjoni tar-rispons għal kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi huwa meħtieġ impenn akbar f'dan ir-rigward;

1.  Jisħaq li l-effikaċja tfisser li jinkiseb impatt akbar u aħjar, li jinkisbu l-SDGs u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jemmen li meta l-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp tkun allinjata mal-isforzi proprji u mal-ħtiġijiet lokali tal-pajjiżi sħab, ikkoordinata mal-isforzi tad-donaturi l-oħra, u titwettaq permezz tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tas-sħab tagħhom kif ukoll l-atturi lokali u s-soċjetà ċivili, u li meta tappoġġja l-prijoritajiet li ġew miftiehma permezz ta' proċessi ta' politika inklużivi u ekwi, li jiżguraw is-sjieda demokratika tal-pajjiżi u l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, l-impatt ikun akbar, aktar rapidu u aktar sostenibbli;

2.  Jissottolinja li l-UE, bħala l-akbar donatur fid-dinja u attur internazzjonali importanti għall-multilateraliżmu u d-demokrazija bbażati fuq ir-regoli, għandha tuża l-għodod b'saħħithom tagħha ta' strumenti u modalitajiet ta' għajnuna b'mod koordinat biex tippermetti l-kondiviżjoni tal-kompiti u tevita l-frammentazzjoni tal-għajnuna, u tidentifika prijoritajiet fejn tkun tista' tipprovdi l-akbar impatt ta' valur miżjud;

3.  Jisħaq li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fl-użu tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna u l-effiċjenza tal-għajnuna, sabiex tiżgura impatt reali u l-kisba tal-SDGs, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura, fil-pajjiżi sħab tagħha; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-impatt li l-użu tal-UE tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-FDI jista' jkollu fuq l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u ċ-ċaqliq furzat;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-objettivi ta' politika fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp b'mod aktar strateġiku u mmirat f'kull pajjiż sieħeb, u b'hekk jiġi applikat l-approċċ tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp u tiġi rispettata l-PCD; jisħaq li l-programmi ta' għajnuna għandhom jiġu kkombinati ma' analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn u għandhom iqisu l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari f'pajjiż sieħeb;

5.  Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tkompli tissorvelja mill-qrib l-użu tal-fondi u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tevita kwalunkwe użu ħażin tal-fondi ta' għajnuna, filwaqt li tiżgura konformità mal-għanijiet u l-valuri tal-politika tagħha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi biex tkun tista' tiġi kkontrollata bir-reqqa d-destinazzjoni finali ta' dawk il-fondi u biex jiġu vvalutati l-proġetti li rċevew finanzjament;

6.  Jisħaq li governanza tajba hija fattur deċiżiv għad-distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-għajnuna, u jirrimarka li l-kisba tal-SDGs, u għalhekk l-effikaċja tal-fondi, tiddependi ħafna mill-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jużaw il-fondi b'mod ġust u trasparenti;

7.  Jistieden lill-UE tinvolvi ruħha direttament mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-migrazzjoni u tibni sħubiji sostenibbli inklużivi magħhom, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż u ċ-ċirkostanzi individwali tal-migranti;

8.  Jissottolinja li l-prinċipji tal-GPEDC huma mibnija fuq lezzjonijiet importanti u dejjiema minn strateġiji u prattiki tal-iżvilupp tal-passat, inkluż kemm suċċessi kif ukoll fallimenti, u li dawn il-prinċipji jibqgħu espressjonijiet importanti ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni multilaterali li l-UE hija impenjata li tirrispetta; jistieden lill-Kummissjoni tuża s-sħubija tagħha fil-GPEDC u l-OECD-DAC u l-vuċi tagħha fil-fora internazzjonali u fl-istrutturi ta' governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tkompli ssaħħaħ il-prinċipji tal-effikaċja u tħeġġeġ l-aderenza magħhom u l-implimentazzjoni tagħhom fil-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u mill-atturi kollha involuti;

9.  Jirrikonoxxi li kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp ma tistax titwettaq permezz tal-kooperazzjoni tal-UE waħedha u tista' tkun verament effikaċi biss jekk l-atturi kollha tal-iżvilupp jikkollaboraw; jesprimi tħassib li meta atturi oħra ma jirrispettawx u ma jimplimentawx il-prinċipji tal-effikaċja fil-programmi ta' kooperazzjoni tagħhom, il-frammentazzjoni u l-evitar konsegwenti tas-sistemi tal-pajjiżi sħab inaqqsu l-effikaċja u l-impatt tal-assistenza b'mod ġenerali bħala kollateral, inkluża l-assistenza tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, tal-anqas darbtejn fis-sena, rapport ta' progress dwar l-effikaċja tal-għajnuna, li jkopri l-ippjanar konġunt, l-implimentazzjoni konġunta u l-oqfsa konġunti tar-riżultati, u l-azzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jissottolinja li dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq miri u objettivi ta' politika maqbula b'mod komuni, b'mod partikolari l-SDGs u l-Kunsens; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati waqt it-tfassil ta' dan ir-rapport u tippreżenta r-rapport lill-Parlament;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-ipprogrammar konġunt bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; jirrimarka li fil-livell tal-pajjiżi, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jmorru lil hinn mis-sempliċi konsolidazzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet bilaterali eżistenti għall-iżvilupp u jiffurmaw vuċi Ewropea kollettiva unifikata dwar kwistjonijiet strateġiċi fid-djalogu politiku u ta' politika mal-pajjiżi sħab, li għandu jqis ukoll il-korpi ta' integrazzjoni reġjonali bħala kontropartijiet tal-UE fejn xieraq, kif ukoll ta' metodi ta' finanzjament innovattivi bħat-taħlit u l-garanziji meta jkunu effikaċi; jappella għal impenji ċari u azzjonabbli, filwaqt li jittieħed kont tal-istrateġiji u l-prattiki preċedenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsiru laqgħat regolari tal-UE mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, l-aġenziji ta' implimentazzjoni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-OSĊ fil-pajjiżi sħab rispettivi sabiex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet u li r-rispons u l-implimentazzjoni konġunti sussegwenti jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati; jirrimarka li l-ipprogrammar konġunt, taħt id-direzzjoni tal-Kapijiet ta' Missjoni, wera li kien ta' suċċess f'termini ta' koerenza politika fl-istrateġiji politiċi, kummerċjali, ta' żvilupp u ta' sigurtà; jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom f'implimentazzjoni u evalwazzjoni konġunti, u jappella għal mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont kondiviżi lejn iċ-ċittadini; jitlob lill-UE taħdem ma' donaturi mhux tradizzjonali li jistgħu juru aderenza mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna;

13.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 li jenfasizzaw l-"importanza għall-atturi kollha involuti f'Tim Ewropa li jikkoordinaw l-azzjonijiet, u jikkondividu l-isforzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni fil-livell tal-pajjiż, fi ħdan l-UE, f'pajjiżi sħab u f'fora globali u multilaterali"; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu dan l-approċċ fil-futur fil-kuntest tal-miżuri, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni kollha relatati mal-iżvilupp; itenni t-talbiet tiegħu tal-2013(32) u l-2017(33) u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikoli 209 u 210 tat-TFUE, proposta għal att li jikkonċerna l-aspetti regolatorji tal-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp;

14.  Jisħaq li fid-dawl tal-implimentazzjoni futura tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), l-ipprogrammar konġunt u l-implimentazzjoni mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE għandhom jibnu fuq il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; jirrimarka l-importanza li jiġu stabbiliti b'mod kollettiv prijoritajiet strateġiċi u jiġu identifikati l-ħtiġijiet/lakuni ta' investiment fil-fażi ta' qabel l-ipprogrammar u sussegwentement jinstabu modi biex tiġi ottimizzata l-firxa tal-modalitajiet fis-sett ta' għodod tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi għotjiet, appoġġ baġitarju u self tal-BEI, kif ukoll bħala finanzjament mill-Istati Membri; jinsab imħasseb f'dan ir-rigward li l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) qed jaraw żieda fl-għajnuna marbuta u jtenni li n-nuqqas ta' rbit tal-għajnuna jista' jnaqqas l-ispejjeż bi 15 sa 30 %;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' dawn il-modalitajiet ikunu kkoordinati, strateġikament allinjati mal-prijoritajiet u l-proċessi tal-pajjiżi sħab, u ffokati fuq il-kisba ta' eżiti u impatti li huma trasformattivi għall-kisba tal-SDGs fil-kuntest speċifiku ta' kull pajjiż sieħeb; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' swieq li jsostnu lilhom infushom u li jiġi żgurat li l-prattiki ta' ħruġ tajbin jiġu kkunsidrati fil-fażi ta' qabel l-ipprogrammar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-isforzi biex ilaħħqu mal-ODA tagħhom f'konformità mal-impenji tal-Kunsens u jinkoraġġixxu lill-fornituri kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inklużi l-ekonomiji emerġenti, biex jagħmlu l-istess; iħeġġeġ l-akkwist u s-sjieda lokali;

16.  Jisħaq li l-mandat tal-Parlament dwar l-NDICI jitlob dispożizzjonijiet li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem, il-konformità ambjentali u soċjali tal-operaturi finanzjarji fl-użu ta' mekkaniżmi ta' garanzija għat-taħlit permezz tal-EFSD± – Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG); ifakkar li skont il-pożizzjoni tal-Parlament, 45 % tal-finanzjament permezz tal-EFSD+ u l-EAG għandu jiġi allokat għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u 30 % tal-pakkett finanzjarju kumplessiv ikun iddedikat għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

17.  Jirrimarka li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha għanijiet ambjentali u klimatiċi ambizzjużi, u jitlob li tappoġġja lill-pajjiżi sħab permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib sabiex tgħinhom jilħqu l-għanijiet u l-istrateġiji klimatiċi u ambjentali tagħhom stess, kemm dawk stabbiliti bit-trattat kif ukoll dawk li huma awtoimposti, peress li l-użu sostenibbli tar-riżorsi proprji tagħhom huwa l-bażi tal-ekonomiji ta' ħafna pajjiżi sħab u huwa essenzjali għall-kisba tal-SDGs;

18.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lil atturi pubbliċi u nongovernattivi oħra attivi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jaqsmu l-evidenza u l-esperjenza dwar liema tipi ta' interventi ta' żvilupp għandhom tendenza li jkollhom suċċess u liema fallew, urew li huma diffiċli biex jiġu implimentati jew li ma pproduċewx l-impatt maħsub;

19.  Jilqa' r-rapport indipendenti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, u jappella għall-ħolqien ta' Bank Ewropew tal-Investiment u l-Iżvilupp Sostenibbli;

20.  Jisħaq li l-obbligu ta' rendikont għan-nefqa pubblika kollha, inkluża l-ODA, huwa vitali kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi sħab; jemmen li l-obbligu ta' rendikont jirrikjedi istituzzjonijiet b'saħħithom u l-fatt li jkollna miri ċari u maqbula għall-ODA Ewropea huwa essenzjali biex jiġi żgurat appoġġ pubbliku kontinwu għall-isforzi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; ifakkar li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs jistgħu jtejbu l-obbligu ta' rendikont fin-nefqa pubblika rigward l-ODA; jindika r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-mobilizzazzjoni tal-fondi meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs;

21.  Jenfasizza li l-obbligu ta' rendikont jirrikjedi proċeduri trasparenti u robusti kif ukoll tħassib għall-effiċjenza u l-kisba ta' riżultati li jidhru, permezz ta' evalwazzjoni ex-ante u ex-post bir-reqqa, u analiżi kritika tal-fallimenti kif ukoll li nitgħallmu kif nagħtu riżultati effikaċi u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkoordina standardizzazzjoni madwar l-Ewropa kollha tal-indikaturi tal-impatt sabiex jitqabblu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proġetti bejn l-Istati Membri;

22.  Iħeġġeġ lill-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji jadottaw politiki nazzjonali dwar l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex itejbu l-obbligu ta' rendikont tad-donaturi u s-sjieda tal-gvernijiet benefiċjarji, inkluża dik tal-awtoritajiet lokali, jeqirdu l-korruzzjoni u l-forom kollha ta' ħela ta' għajnuna u jtejbu l-kundizzjonijiet biex jirċievu appoġġ baġitarju, kif ukoll, fuq medda twila ta' żmien, inaqqsu d-dipendenza fuq l-għajnuna;

23.  Jisħaq li huwa importanti li l-ODA tal-UE tiffoka saħansitra aktar fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-eliminazzjoni tal-faqar u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

24.  Jisħaq li għajnuniet effikaċi u effiċjenti għall-istrateġiji mmexxija mill-pajjiżi u l-iżvilupp tal-kapaċità jwasslu għal tnaqqis fil-mortalità tat-tfal u li l-investiment fil-benesseri tat-tfal huwa fundamentali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar, inkluża l-ġlieda kontra x-xogħol furzat u taħt l-età;

25.  Jemmen li l-użu ta' approċċi bbażati fuq ir-riżultati huwa kritiku għall-pajjiżi sħab tal-UE u huwa element fundamentali tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-SDGs għaċ-ċittadini tagħhom; jirrimarka, madankollu, l-importanza li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-pajjiżi sħab u l-isfidi għalihom, b'mod partikolari l-LDCs u l-pajjiżi fraġli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jużaw l-oqfsa nazzjonali ta' kejl tar-riżultati tal-pajjiżi sħab u s-sistemi ta' monitoraġġ u ta' statistika tagħhom, u biex fl-istadji kollha jinvolvu l-atturi rilevanti kollha: l-awtoritajiet lokali, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili inkluż l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi marġinalizzati, u s-settur privat b'enfasi fuq l-SMEs; jenfasizza li l-investiment fil-bini tal-kapaċitajiet tal-OSĊ lokali huwa prerekwiżit essenzjali għal għajnuna effikaċi;

26.  Jinnota li f'xi oqsma l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp huma diffiċli biex jitkejlu, iżda jistieden lill-Kummissjoni teżamina indikaturi xierqa għall-valutazzjoni u tuża r-riżultati biex tħejji informazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp u biex tiżviluppa approċċi tal-aħjar prattika;

27.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtejbu l-impenn tagħhom għal flussi trasparenti ta' data permezz ta' investiment kontinwu fil-viżwalizzazzjoni tad-data, rappurtar ta' statistika u l-pubblikazzjoni ta' data miftuħa, l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali bħal IATI (l-Istandard tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna), u billi jaġġornaw regolarment u jiżviluppaw l-EU Aid Explorer; iħeġġeġ li jiżdiedu l-isforzi fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għad-data u t-tixrid tagħha u r-rappurtar dwar l-infiq tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; itenni f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tippubblika r-"Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tal-azzjoni esterna" qabel ma tibda l-proċedura ta' kwittanza għas-sena partikolari;

28.  Jirrimarka li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u li l-progress li sar fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet f'pajjiżi sħab għandu jitqies bħala aspett essenzjali tal-effikaċja tal-għajnuna; ifakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp jista' jkollha impatti differenti fuq il-bniet u s-subien u fuq in-nisa u l-irġiel;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lis-sħab kollha għall-iżvilupp, biex jagħtu prijorità lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi jagħmlu użu akbar mill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-immirar tal-perspettiva tal-ġeneri; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġi promoss approċċ komprensiv u armonizzat għar-rappurtar tal-UE dwar il-miri tal-perspettiva tal-ġeneri, u li n-nisa jiġu appoġġjati sabiex isiru aġenti li tingħatalhom is-setgħa għall-iżvilupp fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn minnhom;

30.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-allinjament tal-assistenza tagħhom mal-prinċipji tal-effikaċja u l-indikaturi relatati, b'mod partikolari l-prevedibbiltà, l-użu ta' indikaturi meħuda minn oqfsa ta' riżultati li huma proprjetà ta' pajjiż sieħeb, l-użu ta' sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi sħab, u l-impenn li jiġu involuti gvernijiet sħab fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti, kif ukoll rappurtar trasparenti;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw l-assistenza tagħhom b'mod aktar wiesa' b'objettivi komuni ta' għajnuna Ewropea sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-politika tal-iżvilupp tal-UE kollha kemm hi;

32.  Jappoġġja approċċ katalitiku u trasversali, li jibni fuq valutazzjonijiet u programmar deċentralizzati u minn isfel għal fuq tal-ħtiġijiet, li jiffavorixxi s-sjieda lokali u jkun infurmat minn analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra f'kull pajjiż sieħeb, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet lokali;

33.  Jinkoraġġixxi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari, inkluż għal proġetti ffukati lejn kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali aktar effikaċi kif ukoll involviment aktar effikaċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom, fil-livelli kollha ta' governanza, sabiex jiġu appoġġjati l-kisba tal-SDGs u l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; jisħaq li l-kapaċitajiet tal-pajjiżi b'introjtu medju, fosthom pajjiżi li dan l-aħħar ħarġu mil-lista tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD ta' destinatarji ta' ODA, għandhom ikunu impenjati fejn rilevanti;

34.  Jisħaq li, sabiex l-għajnuna għall-iżvilupp issir aktar effikaċi, jinkisbu riżultati dejjiema u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' wara kriżi mtawla, huwa imperattiv li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp u li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp u r-rabtiet tagħha ma' azzjonijiet relatati mal-paċi u s-sigurtà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-UE tkompli tiżviluppa tali approċċ;

35.  Jirrikonoxxi l-valur ta' finanzjament prevedibbli u flessibbli, inkluż il-finanzjament umanitarju pluriennali għal kriżijiet fit-tul u programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp li għandhom il-kapaċità li jadattaw għal kriżijiet umanitarji mhux previsti;

36.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-OSĊ fir-rwol tagħhom bħala atturi indipendenti tal-iżvilupp; jisħaq li ambjent abilitanti u miftuħ għall-OSĊ huwa konsistenti mad-drittijiet miftiehma internazzjonalment u jimmassimizza l-kontributi tal-OSĊ għall-iżvilupp; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-ispazju dejjem jiċkien għall-OSĊ f'ħafna mill-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċessibbiltà tal-finanzjament għall-OSĊ, kif ukoll fil-pajjiżi sħab;

37.  Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-politika u l-azzjoni bejn l-UE u l-atturi l-oħra, eż. in-NU u l-aġenziji tagħha, li jipprovdu għajnuna fil-pajjiżi sħab; jissottolinja li dan huwa saħansitra aktar kruċjali f'pajjiżi sħab fraġli, f'pajjiżi milquta minn kunflitti jew diżastri naturali, u f'pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati; iqis li huwa essenzjali, f'dan il-kuntest, li r-reżiljenza tal-komunità titqiegħed fil-qalba u li jingħata appoġġ lil azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ta' programmi infurmati dwar ir-riskju u programmi ta' taħriġ għall-emerġenzi, l-involviment tal-parteċipazzjoni tal-komunità u t-trawwim ta' sħubijiet;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab, iżda wkoll fi ħdan l-UE; jitlob li l-appoġġ baġitarju bħala modalità ta' għajnuna jkun jista' jintuża wkoll fil-livell sottonazzjonali, u li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' ridistribuzzjoni bejn il-livelli differenti ta' gvern u bejn ir-reġjuni bl-objettiv primarju li jitnaqqsu d-disparitajiet u l-inugwaljanzi fil-pajjiż u li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

39.  Jissottolinja r-rwol tal-knisja u l-organizzazzjonijiet tal-missjoni fl-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp u l-importanza tagħhom fil-post, peress li huma fost l-akbar NGOs attivi fl-oqsma tal-iżvilupp u l-għajnuna; jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma mal-mexxejja reliġjużi f'ħafna komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiss hija l-aktar mod effikaċi biex jintlaħqu n-nies lokali fil-bżonn;

40.  Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili bħala sieħba, kemm matul il-proċess ta' konsultazzjoni kif ukoll bħala fornitur tas-servizzi; f'dan id-dawl, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jsaħħu r-rwoli tagħhom sabiex jinkisbu sħubijiet ta' żvilupp inklużivi;

41.  Jappella għal enfasi akbar fuq l-SMEs lokali, il-bdiewa fuq skala żgħira u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, peress li dan l-approċċ wera li huwa partikolarment effikaċi fit-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, u fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet;

42.  Jirrikonoxxi li l-impenn tas-settur privat – fil-livelli lokali, nazzjonali, bilaterali u internazzjonali – huwa importanti għall-kisba tal-SDGs, għall-mobilizzazzjoni ta' finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp u għat-tranżizzjoni lejn żvilupp ekonomiku, tkabbir u prosperità sostenibbli;

43.  Jappella għal sforzi biex jiġi żgurat l-allinjament tas-settur privat mal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-gvernijiet nazzjonali u tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali, b'mod partikolari dawk ta' gruppi emarġinati u vulnerabbli, u biex l-involviment tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġi allinjat mal-prinċipji tal-effikaċja u l-prinċipji ta' Kampala filwaqt li jittejbu t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u l-obbligu ta' rendikont tal-FDI u l-ktajjen tal-valur globali, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-diliġenza dovuta;

44.  Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jistabbilixxu qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jisħaq li, b'mod parallel ma' rwol ikbar għas-settur privat, huwa importanti li jiġu żviluppati kapaċitajiet istituzzjonali;

45.  Jissottolinja li l-atturi kollha, inkluż is-settur privat, jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-aġenda ta' effikaċja permezz tal-involviment parteċipattiv, l-ippjanar u l-implimentazzjoni, l-obbligu ta' rendikont reċiproku u t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; jisħaq li d-donaturi għandhom itejbu l-prevedibbiltà u l-ħeffa tagħhom meta jaħdmu ma' dawn l-atturi bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u sħab fil-forniment ta' servizzi bażiċi, sabiex ġenwinament jintlaħqu l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-atturi tas-settur privat involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipju tal-obbligu ta' rendikont korporattiv dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-proġetti, f'konformità mal-Patt Dinji tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu għal qafas legali tal-UE li jsostni d-diliġenza dovuta korporattiva obbligatorja, biex jiġi żgurat li l-investituri tal-UE jaġixxu b'mod responsabbli internazzjonalment u lokalment u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

47.  Itenni li l-għajnuna għall-iżvilupp privat trid tirrispetta l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards tal-ILO u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali; jisħaq ulterjorment li jeħtieġ li jimpenja ruħu li jiżgura l-governanza tajba, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-ġid permezz ta' investiment sostenibbli, kif ukoll li jnaqqas l-inugwaljanzi, jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u jagħti s-setgħa lill-ekonomiji lokali;

48.  Jisħaq li sabiex nimxu lil hinn minn dinamika bejn donatur u riċevitur u biex tingħata s-setgħa lis-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-pajjiżi sħab sabiex jitwettaq l-iżvilupp sostenibbli, l-oqfsa tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE jridu jipprevedu azzjonijiet konkreti biex jappoġġjaw żieda fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi sħab, bħall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżvilupp ta' sistemi tat-taxxa progressivi, kif ukoll l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

49.  Jilqa' l-użu mill-UE ta' diversi għodod ta' finanzjament għall-iżvilupp għall-qerda tal-faqar u l-kisba tal-SDGs; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment lil-LDCs, f'kuntest fejn, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, il-pajjiżi ifqar kienu diġà qed jonfqu aktar flus fuq il-pagamenti tas-servizzi tad-dejn milli fuq is-servizzi tas-saħħa;

50.  Jinnota li l-Kummissjoni tipprevedi rwol dejjem aktar prominenti għall-mekkaniżmi ta' garanzija għat-taħlit fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, għad-detriment ta' modalitajiet oħra ta' għajnuna; jisħaq li filwaqt li l-finanzjament imħallat kiber b'mod rapidu, ftit hemm evidenza tal-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp, peress li l-biċċa l-kbira tiegħu bħalissa tmur għall-pajjiżi bi dħul medju u porzjon żgħir biss imur lejn l-LDCs; jissottolinja l-opinjoni kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġestjoni u l-effikaċja tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD); jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jadottaw approċċ kawt għall-finanzjament imħallat u jiżguraw li l-finanzjament kollu mobilizzat permezz ta' taħlit jikkonforma mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp;

51.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-twettiq ta' politiki intelliġenti, immirati u adattabbli, li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-SDGs bl-aktar mod effikaċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fit-trawwim tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija b'effetti konsegwenzjali pożittivi fuq is-setturi kollha tal-ekonomiji lokali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fir-R&Ż kif ukoll l-investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni strateġika lokali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u l-prodotti bijofarmaċewtiċi l-aktar ġodda, sabiex tissaħħaħ l-awtonomija mill-ktajjen tal-provvista globali;

52.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-OSĊ fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u fl-għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp direttament lill-foqra, dawk żvantaġġati u vulnerabbli; jitlob, madankollu, koordinazzjoni msaħħa tal-assistenza mqassma bejn l-NGOs u donaturi oħra sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-għajnuna u tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-għajnuna, l-azzjonijiet li jikkoinċidu u l-hekk imsejħa "orfni tal-għajnuna" (pajjiżi injorati mill-komunità tal-iżvilupp);

53.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta jekk l-obbligi amministrattivi li jikkonċernaw l-aċċess għall-finanzjament tal-UE humiex proporzjonati; jiddeplora f'dan il-kuntest il-fatt li l-għotjiet tal-UE qed isiru dejjem aktar inadegwati u mhux attraenti għall-NGOs minħabba r-rekwiżiti biex jiġu limitati l-ispejjeż ta' appoġġ u li jżidu l-piżijiet amministrattivi u tal-awditjar;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi network ta' sħab nongovernattivi affidabbli u tinvolvi ruħha miegħu, bħal OSĊ lokali, knejjes, organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin u aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' proġetti fuq skala iżgħar;

55.  Jerġa' jikkonferma li l-investiment fl-infrastruttura lokali u nazzjonali ta' skali differenti għal proġetti lokali u nazzjonali ewlenin jirrappreżenta l-aktar mod effiċjenti għall-għajnuna biex jiġi stimulat u msaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali għall-popolazzjoni kollha;

56.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-miżuri ta' ħelsien mid-dejn jintrabtu mal-mobilizzazzjoni addizzjonali tal-ODA; jappella għall-inklużjoni ta' dejn multilaterali u kummerċjali fl-Inizjattiva tal-G20 dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI); jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-kredituri kollha, inkluż il-Bank Dinji u banek multilaterali oħra tal-iżvilupp, kif ukoll kredituri privati, fid-DSSI u kwalunkwe offerta ulterjuri ta' ħelsien mid-dejn; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni tad-dejn multilaterali biex jindirizza kemm l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll ir-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030;

57.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolarment importanti tal-programmi ta' taħriġ għall-persunal lokali u l-operaturi fuq il-post biex tiġi żgurata l-kontinwità għall-proġetti li l-UE tappoġġja f'pajjiżi sħab, u b'hekk jiżdiedu s-sjieda u l-obbligu ta' rendikont;

58.  Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-ODA fit-twettiq tal-aġenda tal-effikaċja tal-iżvilupp; jissottolinja l-fatt li l-ODA hija aktar flessibbli, prevedibbli u responsabbli mill-flussi l-oħra li potenzjalment jikkontribwixxu għall-iżvilupp; iwissi li l-kriterji għall-ODA m'għandhomx jiġu dilwiti bil-għan li jiġu koperti spejjeż apparti dawk marbuta direttament mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

59.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kunsill u l-Istati Membri jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara biex tintlaħaq il-mira li tgħolli l-baġit tal-ODA għal 0,7 % tal-ING, inkluż l-impenn internazzjonali li jintefaq bejn 0,15 % u 0,2 % tal-ING fuq ODA tal-LDCs, u li l-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni konkret li jiddefinixxi kif se jiżdiedu riżorsi addizzjonali biex jinkisbu l-SDGs; jisħaq li l-effikaċja tal-għajnuna mhijiex sostitut għal volumi ta' għajnuna adegwati u li ż-żamma jew il-qbiż tal-mira ta' 0,7 % għall-ODA hija ta' importanza kbira; itenni li l-baġit tal-UE għandu jagħti kontribut konsiderevoli biex tiżdied l-ODA tal-UE b'mod ġenerali;

60.  Itenni l-appoġġ tiegħu li fl-NDICI jiġu inklużi l-miri li ġejjin: 20 % għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem; u għal mill-inqas 85 % tal-proġetti ffinanzjati mill-ODA, li għandhom bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet u l-għoti tas-setgħa lilhom, kif definit mill-OECD-DAC.

61.  Jappella għal koerenza akbar tal-politika għall-iżvilupp, li tfittex li tiżgura li l-ebda politika tal-UE jew tal-Istati Membri ma jkollha effetti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew objettivi kontradittorji;

62.  Jemmen li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp u l-investimenti pubbliċi għandhom jippromwovu prijoritajiet u objettivi ta' politika konġunti inkluż il-qerda tal-faqar, l-azzjoni klimatika u ambjentali, il-politiki ekonomiċi u kummerċjali u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, u għandhom ukoll ikunu allinjati bis-sħiħ mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba;

63.  Jisħaq li l-allokazzjoni tal-għajnuna umanitarja u ta' emerġenza m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni jew sigurtà għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-OECD, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, lill-Grupp tal-Bank Dinji, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, lill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u lid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU, lill-OECD, u lill-Unjoni Interparlamentari.

(1) Riżoluzzjoni tan-NU adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015: https://www.unfpa.org/sites/default/files/resource-pdf/Resolution_A_RES_70_1_EN.pdf
(2) Rapport tal-2019 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli: https://developmentfinance.un.org/sites/developmentfinance.un.org/files/FSDR2019.pdf
(3) Dokument ta' Eżitu ta' Nairobi, adottat fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC tal-2016: http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/12/OutcomeDocumentEnglish.pdf
(4) Rapport ta' Progress tas-Sħubija Globali, 17 ta' Ġunju 2019: http://effectivecooperation.org/blogs-news-resources/resource-library/
(5) ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.
(6) https://www.africa-eu-partnership.org/sites/default/files/33454-pr-final_declaration_au_eu_summit1.pdf
(7) Rapport Annwali tal-2019 dwar il-Miri tal-UE ta' Għajnuna għall-Iżvilupp: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9201-2019-INIT/mt/pdf
(8) Rapport tal-Kunsill tal-2019 dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp: https://www.consilium.europa.eu/media/40967/efad-report_final.pdf
(9) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/food-farming-fisheries/farming/documents/report-tfra_mar2019_en.pdf
(10) Benfield u Como għal AECOM International Development Europe (2019), studju dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea (Proġett Nru 2018/403300/1): https://knowledge.effectivecooperation.org/system/files/2019-07/2019_07_Impact_study_final.pdf
(11) ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 100.
(12) ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 38.
(13) ĠU C 131E, 8.5.2013, p. 80.
(14) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 11.
(15) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.
(16) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 209.
(17) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.
(18) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 68.
(19) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.
(20) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 62.
(21) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 66.
(22) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 33.
(23) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 101.
(24) Testi adottati, P8_TA(2019)0220.
(25) Testi adottati P8_TA(2019)0298.
(26) Testi adottati P9_TA(2019)0084.
(27) Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
(28) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(29) https://www.consilium.europa.eu/media/24467/st13201-en15.pdf
(30) https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/eu-development-effectiveness-monitoring-report-2020_en.pdf
(31) http://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/the-impact-of-the-coronavirus-covid-19-crisis-on-development-finance-9de00b3b/
(32) Ir-Riżoluzzjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp – ĠU C 468, 15.12.2016, p. 73.
(33) Ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp – ĠU C 252, 18.7.2018, p. 62.

Avviż legali - Politika tal-privatezza