Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 16 ta' Diċembru 2020 - Brussell
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-FAEŻR u mill-FAEG fis-snin 2021 u 2022***I
 Riżorsi addizzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19: REACT-EU ***I
 Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri ***II
 Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 ***
 Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda
 Strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-FAEŻR u mill-FAEG fis-snin 2021 u 2022***I
PDF 168kWORD 55k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 229/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2021 (COM(2019)0581 – C9-0162/2019 – 2019/0254(COD))
P9_TA(2020)0354A9-0101/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0581),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0162/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tas-26 ta’ Frar 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2020(2),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-informazzjoni mill-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0101/2020),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Diċembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 ▌u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta' tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022

P9_TC1-COD(2019)0254


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/2220.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni tal-PAK u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali

Fond ta' Riżerva għal Kriżijiet

Minn mindu twaqqfet fl-2014, ir-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu qatt ma ġiet attivata minħabba l-mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont liema l-finanzjament ta' tali riżerva jittieħed fil-bidu ta' kull sena mill-ammont totali tal-pagamenti diretti. Il-fondi li jerġgħu jiġu trasferiti lill-pagamenti diretti fl-aħħar tas-sena. Konsegwentement, ir-riżerva qatt ma ntużat bil-għan li jiġi evitat li jinżammu riżorsi mill-bdiewa.

Stabbilita biex tgħin lill-bdiewa jegħlbu l-instabbiltà tal-prezzijiet u tas-suq, il-fatt li r-riżerva qatt ma ġiet attivata jixhed il-limitazzjonijiet tal-istruttura finanzjarja tagħha u tal-funzjonament tagħha.  Il-frekwenza dejjem akbar tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, klimatiċi avversi u sanitarji li jirriżultaw fi tfixkil sinifikanti fis-suq, turi l-bżonn urġenti ta' fond ta' riżerva għal kriżijiet totalment operattiv, li jista' jiġi attivat u jkun għad-dispożizzjoni b'mod reattiv u effiċjenti.

Il-Parlament Ewropew jenfasizza li fond ta' riżerva għal kriżijiet totalment iffinanzjat, b'ammont inizjali stabbilit f'EUR 400 miljun barra mill-baġits tal-FAEG u tal-FAEŻR, kumulattiv, li fih il-fondi mhux użati jkunu riportati u miżjuda għas-sena suċċessiva matul il-perjodu ta' programmazzjoni kollu, ikun jiffunzjona b'mod aktar effikaċi u jkollu impatt akbar biex jagħti assistenza fil-ħin f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u jiffinanzja miżuri speċifiċi favur is-setturi milquta.

POSEI u gżejjer tal-Baħar Eġew

Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, partikolarment id-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, ir-reġjuni ultraperiferiċi, kif hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi soċjoekonomiċi speċifiċi marbuta mal-provvista ta' ikel u ta' prodotti agrikoli essenzjali għall-konsum jew għall-produzzjoni agrikola. Skont kif previst fl-Artikolu msemmi, ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa miżuri speċifiċi għall-agrikoltura biex jingħelbu d-diffikultajiet ikkawżati minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-iskema ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew prevista fir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ukoll tindirizza l-istess kwistjonijiet iżda f'kuntest ġeografiku differenti.

L-importanza ta' miżuri u opportunitajiet speċifiċi f'tali reġjuni u gżejjer tiġġustifika l-livell ta' sostenn speċjali li huwa fundamentali biex l-implimentazzjoni ta' tali miżuri tirnexxi. Għaldaqstant, b'kont meħud tal-impenji pubbliċi preċedentement meħuda mill-Kummissjoni favur tali reġjuni u gżejjer, il-Parlament Ewropew jitlob li l-programmi li kisbu suċċess kbir, irregolati mir-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013, għandhom ikomplu bla tfixkil u għandu jinżamm almenu l-livell attwali ta' sostenn lil dawn ir-reġjuni u l-gżejjer. B'hekk, l-Unjoni tkun qed turi s-solidarjetà u l-impenn tagħha fil-konfront ta' tali reġjuni u gżejjer li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' żvantaġġi speċifiċi.

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi

Minħabba d-daqs ċkejken u l-insularità tagħhom, is-swieq lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet marbuta mal-flussi tal-importazzjonijiet mill-bqija tal-Unjoni jew mill-pajjiżi terzi. L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi l-bżonnijiet speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi u jiddefinixxi l-bażi għal qafas leġiżlattiv biex jgħinhom jegħlbu s-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom. Dan l-aspett jiġi indirizzat aktar fil-fond fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B'mod partikolari, peress li l-użu tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali wera potenzjal biex jindirizza l-bżonnijiet speċjali tas-setturi tal-produzzjoni agrikola fir-reġjuni ultraperiferiċi, f'tali reġjuni jenħtieġ li diġà tkun permessa l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bil-għan li jiġu sfruttati b'mod sħiħ ir-riżorsi allokati minn dan ir-Regolament ta’ Tranżizzjoni lil tali reġjuni.

Għalhekk, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fl-ambitu tal-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u meqjusa rappreżentattivi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jieħdu l-miżuri kollettivi neċessarji maħsuba biex jiżguraw li l-produzzjoni lokali tibqa' kompetittiva fis-swieq lokali inkwistjoni u tkun sostenibbli.

Għal dak il-għan, salv għall-Artikoli 28, 29 u 110 tat-TFUE u għall-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 164 ta’ dak ir-Regolament u abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-kawżi magħquda C-132/14 sa C-136/14, il-Parlament Ewropew jisħaq fuq l-importanza li jiġu esplorati l-istrumenti xierqa kollha biex l-Istati Membri kkonċernati jitħallew, fil-kuntest tal-ftehimiet interprofessjonali estiżi u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, jimponu lill-operaturi ekonomiċi individwali jew lill-gruppi ta' operaturi ekonomiċi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata iżda li joperaw fis-suq lokali inkwistjoni, indipendentement mill-oriġini tagħhom, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha, jew parti minnhom, imħallsa mill-membri ta' tali organizzazzjoni, anki fil-każ li fih ir-rikavat ta' tali kontribuzzjonijiet jiffinanzja miżuri biex tinżamm biss il-produzzjoni lokali jew meta l-kontribuzzjonijiet jinġabru f'fażi differenti fil-proċess ta' kummerċjalizzazzjoni.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru:

—  fl-importanza ta' miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' tali reġjuni;

—  fl-importanza ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; u

—  li l-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija jiġġustifikaw sostenn speċjali favur tali reġjuni u gżejjer, bil-għan li jiġu implimentati miżuri adegwati.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta' finanzjament tal-UE għall-POSEI u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jissottolinjaw li l-arranġamenti ta' finanzjament tal-UE għall-POSEI u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew inklużi f'dan ir-Regolament ta' Tranżizzjoni għall-2021 u l-2022 huma eċċezzjonali, li jirriflettu l-partikolarità taċ-ċirkostanzi, u ma jikkostitwux preċedent għall-finanzjament futur tal-PAK, la għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew u lanqas għall-pagamenti diretti.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa

Il-Kummissjoni tinnota l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar l-emenda 106 tal-Parlament, li jiddaħħal Artikolu 167a ġdid fir-Regolament dwar l-OKS, fir-rigward tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Il-Kummissjoni tinnota li din l-emenda maqbula mill-Parlament u mill-Kunsill mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ kontinwità tar-regoli attwali li jiggovernaw ir-Regolament ta’ Tranżizzjoni, hija ta’ natura sostantiva u ġiet inkluża mill-koleġiżlaturi mingħajr ma saret valutazzjoni tal-impatt kif meħtieġ skont il-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-Kummissjoni tfakkar l-impenn tagħha li tissalvagwardja l-kompetizzjoni effettiva fis-settur agrikolu u li tagħti effett sħiħ lill-objettivi tal-PAK stipulati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-pagamenti ANC

Il-Kummissjoni tinnota l-ftehim milħuq bejn il-koleġiżlaturi li l-fondi tal-EURI, meta jkunu integrati fil-FAEŻR, jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ pagamenti għal żoni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn (pagamenti ANC).

Il-Kummissjoni diġà ddikjarat it-tħassib tagħha dwar il-kontribuzzjoni limitata ta’ pagamenti ANC favur objettivi ambjentali u klimatiċi, meta jitqies li l-bdiewa ma jeħtiġux li jadottaw xi prattiki speċifiċi biex jirċievu l-pagament. Għal din ir-raġuni, l-inklużjoni tal-pagamenti ANC taħt il-parti tal-fondi tal-EURI ddedikata biex tikkontribwixxi favur objettivi ambjentali u klimatiċi jenħtieġ li ma titqiesx bħala preċedent, waqt in-negożjati dwar il-PAK futura.

(1) ĠU C 109, 1.4.2020, p. 1.
(2) ĠU C 232, 14.7.2020, p. 29.


Riżorsi addizzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19: REACT-EU ***I
PDF 148kWORD 48k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali eċċezzjonali u arranġamenti implimentattivi taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (COM(2020)0451 – C9-0149/2020 – 2020/0101(COD))
P9_TA(2020)0355A9-0150/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0451),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 177 u 322(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0149/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tat-13 ta' Lulju 2020(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Ottubru 2020(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-informazzjoni mill-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0150/2020),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Diċembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni ▌biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)

P9_TC1-COD(2020)0101


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/2221.)

(1) ĠU C 272, 17.8.2020, p. 1.
(2) Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri ***II
PDF 132kWORD 42k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (09980/1/2020 – C9-0407/2020 – 2018/0136(COD))
P9_TA(2020)0356A9-0262/2020
RETTIFIKI

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (09980/1/2020 – C9-0407/2020),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tas-17 ta' Awwissu 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2020)0843),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0324),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju (A9-0262/2020),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kumissjoni Ewropea

Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jikkunsidraw l-inklużjoni tal-kontenut ta' dan ir-Regolament fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 (ir-''Regolament Finanzjarju'') fil-mument tar-reviżjoni li jmiss tiegħu.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni taqbel li tikkunsidra li takkumpanja r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz ta' proposti adatti fejn meħtieġ.

(1) ĠU C 291, 17.8.2018, p. 1.
(2) Testi adottati, 4.4.2019, P8_TA(2019)0349.


Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 ***
PDF 291kWORD 75k
Riżoluzzjoni
Anness
Anness
Anness
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (09970/2020 – C9-0409/2020 – 2018/0166(APP))
P9_TA(2020)0357A9-0260/2020

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (09970/2020),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C9-0409/2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew mis-17 sa-21 ta' Lulju 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 92 u 105(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0260/2020),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 kif stabbilit fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti magħmula mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma, flimkien mal-President tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda skont l-Artikolu 122 tat-TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS 1: ABBOZZ TA' REGOLAMENT TAL-KUNSILL LI JISTABBILIXXI L-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI GĦAS-SNIN 2021-2027

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/…

ta' …

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew(4),

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)  Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jenħtieġ li jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2021.

(2)  L-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 jirrikjedi lill-Unjoni biex tipprovdi qafas finanzjarju fit-tul li jwitti t-triq għal tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn futur ekoloġiku u diġitali, li jappoġġa l-awtonomija strateġika aktar fit-tul tal-Unjoni u li jrendiha reżiljenti għal xokkijiet fil-futur.

(3)  Il-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' pagament stabbiliti minn dan ir-Regolament iridu jirrispettaw il-limiti massimi applikabbli għall-impenji u r-riżorsi proprji, li huma stabbiliti f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjaonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (id-"Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji").

(4)  Fejn ikun neċessarju li jiġu mobbilizzati l-garanziji mogħtija skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) ("ir-Regolament Finanzjarju"), l-ammont neċessarju jenħtieġ li jiġi mobbilizzat lil hinn mil-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tal-QFP, filwaqt li jiġi rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

(5)  Il-QFP jenħtieġ li ma jqisx elementi tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

(6)  Il-QFP jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2018. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi annwali tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġnijiet disponibbli.

(7)  Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament tal-QFP. Tali aġġustamenti jistgħu jkunu relatati mal-adozzjoni tard ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża, ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli għal mekkaniżmu għal aġġustament speċifiku tal-programm.

(8)  Jenħtieġ li tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u dik massima possibbli biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha f'konformità mal-Artikolu 323 TFUE.

(9)  L-istrumenti speċjali tematiċi li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi jew konsegwenzi speċifiċi mhux previsti u b'hekk il-proċedura baġitarja tkun tista' taħdem mingħajr diffikultà: il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza u r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza mhijiex immirata biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżijiet relatati mas-suq li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola.

(10)  L-istrumenti speċjali mhux tematiċi li ġejjin huma meħtieġa sabiex tkompli tissaħħaħ il-flessibbiltà: l-Istrument ta' Marġini Uniku u l-Istrument ta' Flessibbiltà. L-Istrument ta' Marġini Uniku jenħtieġ li jippermetti t-trasferiment ta' marġnijiet disponibbli taħt il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament bejn is-snin finanzjarji u, fil-każ ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, bejn l-intestaturi tal-QFP, mingħajr ma jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-perijodu sħiħ tal-QFP. L-Istrument ta' Flessibbiltà jenħtieġ li jippermetti l-finanzjament ta' nefqa speċifika mhux prevista għal sena finanzjarja partikolari.

(11)  Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom, lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

(12)  Jeħtieġ li tiġi stipulata reviżjoni tal-QFP f'każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet għall-baġit, jew tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru jew tat-tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-baġit.

(13)  Jista' jkun meħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jiġi rivedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-QFP. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għar-reviżjoni tal-QFP f'każijiet bħal dawn.

(14)  Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex jiġu ttrattati proġetti kbar li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perijodu stabbilit għall-QFP. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b'hekk jiġi żgurat li ma jkollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit.

(15)  Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja, filwaqt li jiġu rispettati s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') kif stabbilit fit-Trattati kif ukoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza.

(16)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta' Lulju 2025, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawha kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. F'konformità mal-Artikolu 312(4) TFUE, il-limiti massimi li jikkorrispondu mal-aħħar sena tal-QFP stabbilita f'dan ir-Regolament iridu jkomplu japplikaw fil-każ li qafas finanzjarju pluriennali ġdid ma jiġix adottat qabel tmiem it-terminu tal-QFP stabbilit f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Qafas finanzjarju pluriennali

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP).

Artikolu 2

Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

1.  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fl-Anness I ("il-limiti massimi tal-QFP").

Is-sublimitu għall-intestatura 3, kif stabbilit fl-Anness I, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li jiġi applikat għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandu jiġi stabbilit fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

2.  Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10 u 12, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.

Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-Istrument ta' Marġini Uniku kif stabbilit fl-Artikolu 11, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP għal sena partikolari.

3.  Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont neċessarju għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

Artikolu 3

Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.  Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali ta' pagament meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3), ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta' ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ('id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji').

2.  Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi tal-QFP għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

Kapitolu 2

Aġġustamenti għall-QFP

Artikolu 4

Aġġustamenti tekniċi

1.  Kull sena l-Kummissjoni, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:

(a)  valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri globali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament;

(b)  kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji;

(c)  kalkolu tal-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu totali msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(d)  kalkolu tal-aġġustament tal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(e)  kalkolu tal-allokazzjonijiet addizzjonali għal programmi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) u r-riżultat tal-aġġustament annwali msemmi fl-Artikolu 5(2).

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta' deflatur fiss ta' 2 % fis-sena.

3.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 7, l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korrezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.

Artikolu 5

Aġġustament speċifiku għall-programm

1.  Ammont ekwivalenti għad-dħul minn multi imposti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003(6) u (KE) Nru 139/2004(7) mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit tas-sena n-1 f'konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, wara li jitnaqqas l-ammont għas-sena n-1 imsemmi fl-Artikolu 141(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(8), għandu jkun disponibbli għal allokazzjoni addizzjonali ta':

(a)  approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għall-programmi elenkati fl-Anness II, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk il-programmi fil-kolonna "Koeffiċjent tal-allokazzjoni" tat-tabella fl-Anness II; u

(b)  approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027.

L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għall-perijodu 2022 sa 2027 għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun EUR 11 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Għal kull sena mill-2022 sal-2026, l-ammont annwali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun mill-inqas EUR 1 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018) u m'għandux jaqbeż l-EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi fil-perijodu 2022 sa 2027 huwa stabbilit fil-kolonna "Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-Artikolu 5" tat-tabella fl-Anness II.

2.  Il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestaturi rilevanti għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk l-intestaturi fil-kolonna "Koeffiċjent tad-distribuzzjoni" tat-tabella fl-Anness II. Il-limitu massimu għal approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu awtomatikament aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Aġġustamenti relatati ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

1.  Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni ta' impenji baġitarji dwar fondi tal-Unjoni f'konformità mal-atti bażiċi rilevanti fil-kuntest ta' miżuri marbuta ma' governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiġu ttrasferiti għas-snin ta' wara u l-limiti massimi tal-QFP li jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati skont dan.

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.

3.  L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lil hinn mis-sena n+2.

Artikolu 7

Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża

1.  Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2021 ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi taħt il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-ammonti li jikkorrispondu għall-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għandhom jiġu trasferiti fi proporzjonijiet indaqs għal kull sena mill-2022 sal-2025, u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.

Kapitolu 3

Strumenti speċjali

Taqsima 1

Strumenti speċjali tematiċi

Artikolu 8

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

1.  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

2.  L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

Artikolu 9

Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza

1.  Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza tista' tintuża biex jiġu ffinanzjati:

(a)  assistenza biex jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri kbar li huma koperti mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002(9); u

(b)  risponsi rapidi għal ħtiġijiet speċifiċi ta' emerġenza fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi wara avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti meta ġie stabbilit il-baġit, b'mod partikolari għal operazzjonijiet ta' rispons u ta' appoġġ ta' emerġenza wara diżastri naturali mhux koperti mill-punt (a), diżastri kkawżati mill-bniedem, kriżijiet umanitarji f'każijiet ta' theddid għas-saħħa pubblika, theddid veterinarju jew theddid fitosanitarju fuq skala kbira, kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni li tirriżulta mill-flussi migratorji, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu dan.

2.  Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 1 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.

3.  L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

4.  Fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali msemmi fil-paragrafu 2 għandu jibqa' disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, jistgħu jiġu mobilizzati l-perċentwali massimi li ġejjin tal-ammont ġenerali disponibbli sal-1 ta' Settembru ta' kull sena:

—  50 % għal assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1; l-ammont li jirriżulta minn dak il-kalkolu għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont mobilizzat fis-sena preċedenti fl-applikazzjoni tal-paragrafu 5;

—  35% għal assistenza lil pajjiżi terzi skont il-punt (b) tal-paragrafu 1;

—  15% għal assistenza fl-Unjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, mill-1 ta' Settembru ta' kull sena, il-parti li jifdal mill-ammont disponibbli tista' tintuża għal kwalunkwe assistenza msemmija fit-tieni subparagrafu biex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jirriżultaw sa tmiem dik is-sena.

5.  F'każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammonti meqjusa neċessarji għall-assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 fis-sena meta jkun seħħ diżastru, kif imsemmi f'dak il-punt, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza fis-sena ta' wara, sa ammont massimu ta' EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

Artikolu 10

Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit

1.  Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandha tipprovdi assistenza biex jingħelbu konsegwenzi mhux previsti u avversi fl-Istati Membri u fis-setturi li huma l-aktar affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti u f'konformità magħhom.

2.  Ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit ma għandhiex taqbeż ammont ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

3.  L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

Taqsima 2

Strumenti speċjali mhux tematiċi

Artikolu 11

Strument ta' Marġini Uniku

1.  L-Istrument ta' Marġini Uniku għandu jinkludi:

(a)  mill-2022, ammonti li jikkorrispondu għal marġnijiet li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn tas-sena n-1, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2022 sa 2027;

(b)  mill-2022, ammonti ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1 biex jiġi aġġustat 'il fuq il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2022 sa 2027; u

(c)  ammonti addizzjonali li jistgħu jsiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f'sena partikolari għal approprjazzjonijiet ta' impenn jew ta' pagament, jew it-tnejn li huma, skont il-każ, dment li jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet f'intestatura waħda jew aktar tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew is-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati biss taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jekk l-ammonti disponibbli skont il-punti (a) u (b) ta' dak is-subparagrafu, skont kif ikun applikabbli, ma jkunux suffiċjenti, u fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar soluzzjoni bħala rispons għal ċirkostanzi mhux previsti.

Rikors għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jirriżulta f'sitwazzjoni fejn jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-snin finanzjarji futuri. Għalhekk, kwalunkwe ammont ikkumpensat f'konformità ma' dak il-punt ma għandux jiġi mobbilizzat aktar fil-kuntest tal-QFP.

2.  Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku skont il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, total ta':

(a)  0,04 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4;

(b)  0,03 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' pagament, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4.

Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku fi kwalunkwe sena partikolari għandu jkun konsistenti mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

3.  L-aġġustamenti annwali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2018) għas-snin 2025 sa 2027 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:

—  2025 - EUR 8 000 miljun;

—  2026 - EUR 13 000 miljun;

—  2027 - EUR 15 000 miljun.

L-ammonti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandhom ikunu flimkien mal-ammonti massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Kwalunkwe aġġustament 'il fuq għandu jiġi kkumpensat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.

4.  L-ammonti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE biex jippermettu l-finanzjament ta' nefqa li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi rilevanti tal-QFP disponibbli f'sena partikolari.

L-aġġustament 'il fuq imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, li jibda fl-2022, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 12

Strument ta' Flessibbiltà

1.  L-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa speċifika mhux prevista f'approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jkun ta' EUR 915-il miljun (fi prezzijiet tal-2018).

2.  Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi użat sas-sena n+2. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta' qabel għandu jintuża l-ewwel, skont l-età tiegħu. Kwalnukwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax sas-sena n+2 għandu jiskadi.

Kapitolu 4

Reviżjoni tal-QFP

Artikolu 13

Reviżjoni tal-QFP

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 14 sa 17, f'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

2.  Bħala regola ġenerali, kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.

3.  Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b'referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.

4.  Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibbiltà ta' tpaċija għal kwalunkwe żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.

5.  Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament.

Artikolu 14

Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi għall-QFP, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali li din tkun tqis neċessarja, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura ġestjoni tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali, u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn.

Artikolu 15

Reviżjoni fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati

Fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.

Artikolu 16

Reviżjoni fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni

Fil-każ ta' adeżjoni jew adeżjonijiet mal-Unjoni, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.

Artikolu 17

Reviżjoni fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru

Fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jitqies il-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.

Kapitolu 5

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

Artikolu 18

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

1.  Ammont massimu ta' EUR 13 202 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għal proġetti fuq skala kbira skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Programm Spażjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

2.  Ammont massimu ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għall-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).

Kapitolu 6

Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

Artikolu 19

Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

1.  L-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

2.  L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta' kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta' konverġenza.

3.  L-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.  Jistgħu jiġu organizzati trilogi f'kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tiddeżinja l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 20

Unità tal-Baġit

In-nefqa kollha u d-dħul kollu tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż in-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.

Kapitolu 7

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 21

Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Qabel l-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-27)

(EUR miljun - prezzijiet tal-2018)

Approprjazzjonijiet ta' impenn

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

2021-2027

1.  Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

19.712

19.666

19.133

18.633

18.518

18.646

18.473

132.781

2.  Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri

49.741

51.101

52.194

53.954

55.182

56.787

58.809

377.768

2a.  Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

45.411

45.951

46.493

47.130

47.770

48.414

49.066

330.235

2b.  Reżiljenza u valuri

4.330

5.150

5.701

6.824

7.412

8.373

9.743

47.533

3.  Riżorsi naturali u Ambjent

55.242

52.214

51.489

50.617

49.719

48.932

48.161

356.374

li minnhom: Nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti

38.564

38.115

37.604

36.983

36.373

35.772

35.183

258.594

4.  Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

2.324

2.811

3.164

3.282

3.672

3.682

3.736

22.671

5.  Sigurtà u Difiża

1.700

1.725

1.737

1.754

1.928

2.078

2.263

13.185

6.  Il-Viċinat u d-Dinja

15.309

15.522

14.789

14.056

13.323

12.592

12.828

98.419

7.  Amministrazzjoni pubblika Ewropea

10.021

10.215

10.342

10.454

10.554

10.673

10.843

73.102

li minnhom: Nefqa amministrattiva

tal-istituzzjonijiet

7.742

7.878

7.945

7.997

8.025

8.077

8.188

55.852

TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

154.049

153.254

152.848

152.750

152.896

153.390

155.113

1.074.300

TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENT

156.557

154.822

149.936

149.936

149.936

149.936

149.936

1.061.058

ANNESS II

AĠĠUSTAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-PROGRAMM – LISTA TA' PROGRAMMI, KOEFFIĊJENT TAD-DISTRIBUZZJONI

U ALLOKAZZJONI ADDIZZJONALI TOTALI TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

 

 

f'EUR miljuni, prezzijiet tal-2018

 

Koeffiċjent tad-distribuzzjoni

Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn skont l-Artikolu 5

1.  Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

36,36 %

4 000

Orizzont Ewropa

27,27 %

3 000

Fond InvestEU

9,09 %

1 000

2b.  Reżiljenza u Valuri

54,55 %

6 000

Programm l-UE għas-Saħħa

26,37 %

2 900

Erasmus+

15,46 %

1 700

Ewropa Kreattiva

5,45 %

600

Drittijiet u Valuri

7,27 %

800

4.  Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

9,09 %

1 000

Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

9,09 %

1 000

TOTAL

100,00 %

11 000

ANNESS 2: DIKJARAZZJONIJIET

1.  Pakketti ta' programmi prijoritarji, spejjeż ta' NGEU u flessibbiltà

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ ta' programmi speċifiċi u l-adattament ta' atti bażiċi

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jżidu b'EUR 2,5 biljun fi prezzijiet tal-2018 il-pakketti finanzjarji fl-atti bażiċi jew l-ipprogrammar finanzjarju, kif xieraq, ta' dawk il-programmi li huma identifikati mill-Parlament Ewropew. Dan ser jinkiseb permezz ta' tnaqqis korrispondenti tal-marġini disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP, mingħajr preġudizzju għall-użu possibbli tal-Istrument ta' Flessibbiltà fl-2021.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li fl-atti bażiċi tal-programmi elenkati fl-Anness II tar-Regolament QFP tiddaħħal dispożizzjoni dwar iż-żieda tal-pakketti finanzjarji bl-ammonti speċifikati fihom. Għall-programmi li jistabbilixxu garanziji baġitarji, l-ammont addizzjonali ser ikun rifless fil-livell addizzjonali tal-garanziji pprovduti.

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ ta' programmi speċifiċi minn marġini mhux allokati

L-ammont ta' EUR 2,5 biljun fi prezzijiet tal-2018 imsemmi fid-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ ta' programmi speċifiċi u l-adattament ta' atti bażiċi ser jiġi allokat kif ġej:

—  Orizzont Ewropa: EUR +0,5 biljun

—  Erasmus+: + EUR 0,5 biljun, li minnhom EUR 165 miljun fl-2021

—  EU4Health: + EUR 0,5 biljun, li minnhom EUR 70 miljun fl-2021

—  Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta: EUR +0,5 biljun

—  Għajnuna Umanitarja: EUR +0,5 biljun

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu ta' rimborżi mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP għall-benefiċċju tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali

Il-Kunsill jaqbel li ammont ta' mhux aktar minn EUR 1 biljun (fi prezzijiet tal-2018) li ġej minn fondi minn operazzjonijiet preċedenti taħt il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP għal operazzjonijiet taħt id-9, l-10, u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp ser jintuża għall-benefiċċju tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali fil-perijodu 2021-2027. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali għandu jippermetti t-teħid ta' dawk il-fondi.

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka

Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi istituzzjonali tagħhom, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jerġgħu jagħmlu disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta' riċerka approprjazzjonijiet ta' impenn, li jikkorrispondu għall-ammont sa EUR 0.5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fil-perijodu 2021-2027 ta' diżimpenji, li jirriżulta minn nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ta' proġetti li jappartjenu għal dak il-programm jew il-predeċessur tiegħu kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju.

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ispejjeż tal-imgħax u r-ripagamenti ta' NGEU fil-QFP 2021-2027

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li l-infiq li jkopri l-ispejjeż ta' finanzjament ta' Next Generation EU għandu jkollu l-għan li ma jnaqqasx il-programmi u l-fondi tal-UE.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li t-trattament tal-ispejjeż tal-imgħax u r-ripagamenti ta' NGEU fil-QFP 2021-2027, attwalment previst bħala ta' EUR 12.9 biljun għas-seba' snin, huwa mingħajr preġudizzju għal kif din il-kwistjoni ser tiġi indirizzata fl-oqfsa finanzjarji pluriennali futuri mill-2028 'il quddiem.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jaħdmu biex jintroduċu biżżejjed riżorsi proprji ġodda bil-ħsieb li jkopru ammont li jikkorrispondi għan-nefqa mistennija relatata mal-ħlas lura u l-ispejjeż tar-ripagamenti u l-imgħax.

2.  Riżorsi proprji

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Riżorsa Proprja bbażata fuq imposta diġitali

Filwaqt li tqis l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni ser tħaffef il-ħidma tagħha fuq it-tressiq tal-proposti neċessarji għall-istabbiliment ta' imposta diġitali fl-Unjoni u ser tagħmel proposta għal att bażiku mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Ġunju 2021. Fuq din il-bażi, hija ser tipproponi li d-dħul li jirriżulta mill-imposta diġitali isir riżorsa proprja sa Jannar 2023.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji

Għaddejjin diskussjonijiet dwar it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji taħt kooperazzjoni msaħħa bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2022. Jekk ikun hemm qbil dwar din it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, il-Kummissjoni ser tagħmel proposta sabiex dħul minn din it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji jiġi trasferit għall-baġit tal-UE bħala riżorsa proprja.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil sa tmiem l-2022, il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ser tipproponi riżorsa proprja ġdida, ibbażata fuq Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji ġdida. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel dawn il-proposti sa Ġunju 2024 bil-ħsieb tal-introduzzjoni tagħhom sal-1 ta' Jannar 2026.

3.  Ir-rwol tal-awtorità baġitarja

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni

Billi:

(1)  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ("it-tliet Istituzzjonijiet") jirrikonoxxu li l-Artikolu 122 TFUE jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni ta' miżuri biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi speċifiċi li jistgħu jinvolvu implikazzjonijiet baġitarji potenzjali, li jistgħu jħallu impatt fuq l-iżvilupp tan-nefqa tal-Unjoni fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha.

(2)  Fid-dawl tas-setgħat baġitarji tagħhom skont it-Trattati, huwa xieraq li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jiddeliberaw dwar l-implikazzjonijiet baġitarji ta' tali atti previsti fejn dawk l-implikazzjonijiet x'aktarx ikunu apprezzabbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fid-deliberazzjonijiet tagħhom.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.  Din id-dikjarazzjoni tistabbilixxi arranġamenti għal proċedura ta' skrutinju baġitarju (minn hawn 'il quddiem "il-proċedura") bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bl-assistenza attiva tal-Kummissjoni.

2.  Din il-proċedura tista' tiġi segwita fir-rigward ta' proposta tal-Kummissjoni għal att tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 122 TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni ser takkumpanja kwalunkwe proposta bħal din b'valutazzjoni tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-att legali propost u ser tindika jekk l-att inkwistjoni jistax, fil-fehma tagħha, ikollu implikazzjonijiet apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni. Abbażi ta' dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu li tinbeda l-proċedura.

4.  Il-proċedura ser issir f'Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-livell xieraq. Il-Kummissjoni ser tipparteċipa fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt.

5.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv bil-ħsieb li jfittxu fehim konġunt tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-att legali previst b'konsiderazzjoni xierqa tal-urġenza tal-kwistjoni.

6.  Il-proċedura għandha ssir matul perijodu ta' mhux aktar minn xahrejn, sakemm l-att inkwistjoni ma jkunx irid jiġi adottat qabel data speċifika jew, jekk l-urġenza tal-kwistjoni hekk teħtieġ, f'limitu ta' żmien iqsar stabbilit mill-Kunsill.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul assenjat estern u l-għoti u t-teħid b'self fir-Regolament Finanzjarju

Fl-isfond tal-NGUE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li fil-qafas tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju, il-kwistjonijiet li ġejjin ser jiġu vvalutati u riveduti kif xieraq:

—  id-dispożizzjonijiet dwar id-dħul assenjat estern, b'mod partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju;

—  id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar dwar operazzjonijiet ta' teħid u għoti b'self.

It-tliet istituzzjonijiet jirrikonoxxu li r-regoli eżistenti dwar l-awditjar u l-proċedura ta' kwittanza japplikaw għad-dħul assenjat.

4.  Kwistjonijiet orizzontali – Klima, bijodiversità, ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għanijiet ta' żvilupp sostenibbli

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-monitoraġġ fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima u l-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-metodoloġija għall-monitoraġġ fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima klimatiku tkun aċċessibbli, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni ser taqsam fehmiet dwar il-metodoloġija għall-monitoraġġ fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. It-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni mal-Parlament u mal-Kunsill fir-rigward tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi klimatiċi ser ikunu prinċipju ewlieni tal-monitoraġġ fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet għall-klima għal kull programm

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-atti bażiċi settorjali rilevanti, il-kontribuzzjonijiet għall-klima għall-2021-2027 bil-ħsieb li tintlaħaq mira ġenerali ta' mill-inqas 30 % tal-ammont totali tan-nefqiet tal-baġit tal-Unjoni u ta' NGUE, huma indikati għall-programmi u l-Fondi rilevanti kif ġej:

Programmi

Kontribuzzjoni minima mistennija

Orizzont Ewropa

35 %

ITER

100 %

Fond InvestEU

30 %

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

60 %

FEŻR

30 %

Fond ta' Koeżjoni

37 %

REACT EU

25 %

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

37 %

PAK 2021 - 2022

26 %

PAK 2023 - 2027

40 %

FEMS

30 %

LIFE

61 %

Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

100 %

NDICI

25 %

PTEE

25 %

Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni

16 %

Il-Kummissjoni ser tuża dawn il-kontribuzzjonijiet għall-klima bħala punt ta' referenza biex tivvaluta d-devjazzjonijiet u biex tipproponi miżuri f'każ ta' progress insuffiċjenti.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-monitoraġġ tal-bijodiversità u l-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-metodoloġija għall-monitoraġġ tal-bijodiversità tkun aċċessibbli, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku. Wara t-tlestija ta' studju dwar il-metodoloġija mniedi dan l-aħħar mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ser taqsam fehmiet dwar il-metodoloġija mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. It-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni mal-Parlament u mal-Kunsill fir-rigward tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi marbutin mal-bijodiversità ser ikunu prinċipju ewlieni tal-monitoraġġ.

5.  Dikjarazzjonijiet oħrajn

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar rieżami / reviżjoni ta' nofs it-terminu

Sal-1 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni ser tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP.

Ir-rieżami jista', kif xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti rilevanti għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP f'konformità mal-proċeduri stipulati fit-TFUE.

(1) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0032.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(4)L-approvazzjoni ta' ... (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġunrnal Uffiċjali).
(5)Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(6)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p.1).
(7)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p.1).
(8)ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(9)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).


Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda
PDF 254kWORD 84k
Deċiżjoni
Anness
Anness
Anness
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (2018/2070(ACI))
P9_TA(2020)0358A9-0261/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (COM(2018)0323) u l-proposta emendata (COM(2020)0444),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 295, 310, 311, 312, 323 u 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f'Pariġi, f'Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb li jkun hemm qbil(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0261/2020),

A.  billi huwa xieraq li jiġi adottat, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu;

B.  billi fl-10 ta' Novembru 2020 ntlaħaq ftehim politiku globali bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-QFP għall-2021-2027, dwar ir-riżorsi proprji u dwar l-Istrument Ewropew għall-Irkupru (Next Generation EU(NGEU));

C.  billi tali ftehim politiku jinkludi Ftehim Interistituzzjonali mġedded dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (il-"FII")

D.  billi, barra minn hekk, fil-5 ta' Novembru 2020 inlaħaq qbil politiku dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

E.  billi dan il-ftehim ġdid se jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7);

F.  billi l-implimentazzjoni tad-dixxiplina baġitarja u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba tirrikjedi li l-Kunsill jikkondividi l-informazzjoni meħtieġa mal-Parlament fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza li tikkonċerna lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikollu l-informazzjoni meħtieġa dwar kif il-Kunsill qed jimplimenta l-baġit tiegħu, jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni;

G.  billi l-ftehim il-ġdid fih elementi ġodda importanti, b'mod partikolari pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda matul is-seba' snin li ġejjin, dispożizzjonijiet dwar skrutinju baġitarju msaħħaħ tal-infiq tal-finanzjament tan-NGEU u arranġamenti għall-monitoraġġ tal-infiq fuq objettivi tal-klima u l-bijodiversità u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

H.  billi l-FII jinkludi għall-ewwel darba dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri Anness ġdid li jistabbilixxi pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda matul il-perjodu tal-QFP 2021-2027 li se jkunu biżżejjed biex ikopru l-interessi u l-ispejjeż tal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (NGEU); billi l-pjan direzzjonali jżid il-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-emenda għad-deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u jiżgura li l-limiti massimi tar-riżorsi proprji jkunu kbar biżżejjed biex ikopru r-responsabbiltà tal-Unjoni, f'konformità mal-prinċipju tad-dixxiplina baġitarja fis-sens tal-Artikolu 310(4) tat-TFUE; billi d-dħul mir-riżorsi proprji li jiżboq il-ħtiġijiet għall-ħlas lura se jkompli jiffinanzja l-baġit tal-Unjoni bħala dħul ġenerali f'konformità mal-prinċipju tal-universalità; billi l-pjan direzzjonali ma jipprekludix proposti ulterjuri għal riżorsi proprji ġodda matul il-perjodu finanzjarju 2021-2027;

I.  billi l-FII fih parti ġdida dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (NGEU) li għandha l-għan li tiżgura involviment xieraq tal-awtorità baġitarja fil-governanza tad-dħul assenjat estern taħt l-NGEU; billi dik il-parti tirreferi għal Dikjarazzjoni Konġunta ġdida dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE b'implikazzjonijiet li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq il-baġit tal-Unjoni;

J.  billi l-ftehim jipprevedi l-monitoraġġ tal-infiq tal-programmi kollha tal-Unjoni li jinvolvu objettivi tal-klima u l-bijodiversità, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; billi l-FII fih titjib sinifikanti fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' metodoloġiji għas-segwitu tal-mira ta' nfiq għall-klima ta' 30% tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u n-nefqiet mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, għall-iżvilupp ta' mira ta' nfiq annwali ġdida għall-bijodiversità, mill-QFP, ta' 7,5 % mill-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027, u għall-kejl tan-nefqa fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluża l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

K.  billi l-FII fih parti ġdida dwar il-kwalità u l-komparabbiltà tad-data dwar il-benefiċjarji bil-għan li jiġu introdotti miżuri standardizzati għall-ġbir, it-tqabbil u l-aggregazzjoni ta' informazzjoni u ċifri dwar il-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni;

L.  billi l-FII huwa mifhum li hu orizzontali fl-applikazzjoni u ma jipprekludix lill-koleġiżlaturi milli jaqblu, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' regolament speċifiku, fuq miżuri addizzjonali biex itejbu l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data, b'mod partikolari fir-rigward ta' programmi ta' ġestjoni diretta, jew biex itejbu aktar l-involviment tal-awtorità baġitarja fil-governanza tad-dħul assenjat estern;

M.  billi l-FII jinkludi għall-ewwel darba dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni u d-djalogu min-naħa tal-istituzzjonijiet waqt in-negozjati dwar il-QFP, bl-għan li jiġu operazzjonalizzati r-rekwiżiti tat-Trattat, li skonthom, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' QFP u biex jiġu promossi l-konsultazzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom f'materji baġitarji;

N.  billi l-FII jissalvagwardja d-dispożizzjonijiet eżistenti u jinkludi arranġamenti ġodda dwar il-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali, jiġifieri l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit, l-Istrument ta' Marġini Uniku u l-Istrument ta' Flessibbiltà;

O.  billi l-FII jipprevedi aktar aġġustamenti mmirati għat-trasparenza tal-ipprogrammar u l-previżjonijiet;

P.  billi l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġdida; billi huwa xieraq, fil-kuntest tal-ftehim politiku li ntlaħaq dwar l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-involviment tal-awtorità baġitarja fil-governanza tad-dħul assenjat estern fl-ambitu ta' dan l-istrument, li tiġi mfakkra l-ħtieġa għal qafas legali oġġettiv, ġust u trasparenti għall-għażla tal-proġetti li ser jiġu ffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jgħinu biex jinkiseb irkupru li jkun simetriku, mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll bejn ir-reġjuni.

1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim anness hawnhekk;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-ftehim flimkien mal-President tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi, għal skopijiet ta' informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMUSSJONI EWROPEA DWAR DIXXIPLINA BAġITARJA DWAR KOOPERAZZJONI F'MATERJI BAġITARJI U DWAR ġESTJONI FINANZJARJA TAJBA, KIF UKOLL DWAR RIżORSI PROPRJI ġODDA, INKLUż PJAN DIREZZJONALI LEJN L-INTRODUZZJONI TA' RIżORSI PROPRJI ġODDA

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istituzzjonijiet'',

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 295 tiegħu,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.  L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li tiġi implimentata dixxiplina baġitarja, li jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll li jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba, u li jimplimenta kooperazzjoni u jistabbilixxi pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni, matul il-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 ('QFP 2021-2027'), ta' riżorsi proprji ġodda li jkunu biżżejjed biex ikopru l-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/…(8)(9)("ir-Regolament EURI").

2.  Id-dixxiplina baġitarja kif imsemmija f'dan il-Ftehim tkopri n-nefqa kollha. Dan il-Ftehim huwa vinkolanti fuq l-Istituzzjonijiet sakemm jibqa' fis-seħħ. L-Annessi għal dan il-Ftehim jifformaw parti integrali minnu.

3.  Dan il-Ftehim ma jibdilx is-setgħat baġitarji u leġiżlattivi rispettivi tal-Istituzzjonijiet kif stipulati fit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/…(10)(11) ("ir-Regolament dwar il-QFP"), fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) ("ir-Regolament Finanzjarju'') u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/...(13)(14)++ ("id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji"), u huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tar-riżorsi proprji.

4.  Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim tirrikjedi l-qbil komuni tal-Istituzzjonijiet.

5.  Dan il-Ftehim jinqasam f'erba' partijiet:

—  il-Parti I fiha dispożizzjonijiet relatati mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mal-istrumenti speċjali tematiċi u mhux tematiċi;

—  il-Parti II tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali f'materji baġitarji;

—  il-Parti III fiha dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja tajba ta' fondi tal-Unjoni;

—  il-Parti IV fiha dispożizzjonijiet relatati mal-kwalità u l-komparabbiltà tad-data dwar il-benefiċjarji fil-kuntest tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

6.  Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fi …(15) u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(16).

PARTI I

QFP U STRUMENTI SPEĊJALI

A.  DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-QFP

7.  L-Istituzzjonijiet għandhom, għall-finijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiżguraw, sa fejn ikun possibbli matul il-proċedura baġitarja u fiż-żmien tal-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jkun fadal biżżejjed marġni disponibbli taħt il-livelli massimi għad-diversi intestaturi tal-QFP, ħlief għas-sottointestatura "Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali".

Aġġornament tal-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament

8.  Kull sena, il-Kummissjoni għandha taġġorna il-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament mill-inqas għall-perijodu sal-2027. Dak l-aġġornament għandu jqis l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż l-implimentazzjoni reali ta' approprjazzjonijiet baġitarji għal impenji u approprjazzjonijiet baġitarji għal pagamenti, kif ukoll il-previżjonijiet tal-implimentazzjoni. Għandu jqis ukoll ir-regoli mfassla biex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżviluppaw b'mod ordnat meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta' impenn u mal-previżjoni tat-tkabbir tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni (DNG).

B.  DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-ISTRUMENTI SPEĊJALI TEMATIĊI U MHUX TEMATIĊI

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

9.  Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex timmobilizzah, u d-deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fl-istess żmien li tressaq il-proposta tagħha għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment għal-linji baġitarji rilevanti.

It-trasferimenti relatati mal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza

10.  Fejn il-Kummissjoni tqis li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tar- Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza, għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment minn dik ir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Id-deċiżjoni biex jiġu mobilizzati ammonti skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar il-QFP għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, f'konformità mal-att bażiku rilevanti.

Qabel ma tagħmel kwalunkwe proposta għal trasferiment mir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna f’Emerġenza għall-assistenza skont il-punt (b) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit

11.  Fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit li jinsabu fl-istrument rilevanti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment għal-linji baġitarji rilevanti.

It-trasferimenti relatati mar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandhom isiru f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Strument ta' Marġini Uniku

12.  Il-Kummissjoni tista' tipproponi li timmobilizza l-ammonti li jkunu ekwivalenti għall-marġnijiet kollha, jew għal parti minnhom, imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-QFP, b'rabta ma' abbozz ta' baġit jew abbozz ta' baġit emendatorju. Il-mobilizzazzjoni ta' kwalunkwe ammont imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta' dak ir-Regolament għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibiltajiet finazjarji l-oħra kollha.

Dawk l-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE).

Strument ta' Flessibbiltà

13.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li teħtieġ nefqa addizzjonali.

Dik il-proposta għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti u l-ammont. Tali proposta tista' ssir b'rabta ma' abbozz ta' baġit jew ma' abbozz ta' baġit emendatorju.

L-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

PARTI II

TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI F'MATERJI BAĠITARJI

A.  PROĊEDURA TA' KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI

14.  Id-dettalji dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja jinsabu fl-Anness I.

15.  F'konformità mal-Artikolu 312(5) TFUE, l-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' QFP ġdid jew reviżjoni tiegħu, f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali msemmija fl-Artikolu 312(2) TFUE. Tali miżuri ser jinkludu laqgħat regolari u skambju ta' informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, laqgħat tal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 324 TFUE sabiex tiġi promossa il-konsultazzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istituzzjonijiet. Meta tiġi mressqa proposta għall-QFP ġdid jew għal reviżjoni sostanzjali, l-Istituzzjonijiet ser ifittxu li jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu bejniethom tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tagħha.

Trasparenza baġitarja

16.  Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jiġbor flimkien l-informazzjoni disponibbli li mhix kunfidenzjali relatata ma':

(a)  l-attivi u l-passivi tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa mill-Unjoni skont is-setgħat tagħha skont it-Trattati;

(b)  d-dħul, l-infiq, l-attivi u l-passivi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp(17), tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u ta’ mekkaniżmi oħrajn possibbli fil-futur;

(c)  in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sakemm din ma tkunx inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(d)  in-nefqa fuq il-klima, abbażi ta' metodoloġija effettiva stabbilita mill-Kummissjoni u, fejn rilevanti, f'konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, għall-monitoraġġ tal-infiq fuq il-klima u l-prestazzjoni tagħha bil-ħsieb li tintlaħaq mira ġenerali ta' mill-anqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni u tal-infiq tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru b’sostenn tal-objettivi klimatiċi, filwaqt li jitqiesu l-effetti tal-eliminazzjoni gradwali tal-finanzjament skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u ssir id-distinzjoni bejn il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, fejn ikun fattibbli.

Fejn ma jsirx biżżejjed progress lejn il-mira tal-infiq fuq il-klima f'wieħed jew aktar mill-programmi rilevanti, l-Istituzzjonijiet, f'konformità mar-responsabbiltajiet tagħhom u l-leġiżlazzjoni rilevanti, jikkonsultaw bejniethom dwar miżuri xierqa li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-infiq tal-Unjoni fuq l-objettivi klimatiċi matul il-perijodu kollu tal-QFP 2021-2027 ikun ekwivalenti għal mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni u tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru.

(e)  nefqa li tikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-tnaqqis tal-bijodiversità, fuq il-bażi ta' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, u, fejn rilevanti, f'konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, bil-ħsieb li ssir ħidma lejn l-ambizzjoni li fl-2024 jiġi allokat 7,5 % u fl-2026 u fl-2027 jiġi allokat 10% tal-infiq annwali tal-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet dwar il-klima u dawk dwar il-bijodiversità;

(f)  il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll id-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd matul l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi rilevanti, u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, anki permezz tat-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet skont il-qafas dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet . Il-Kummissjoni ser teżamina kif tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel in-nefqa rilevanti fil-livell ta' programm fil-QFP 2021-2027. Il-Kummissjoni ser tuża dik il-metodoloġija hekk kif issir disponibbli. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023, il-Kummissjoni ser timplimenta dik il-metodoloġija għal ċerti programmi ġestiti b'mod ċentrali biex tittestja l-fattibbiltà tagħha. F'nofs it-terminu, ser jiġi esplorat jekk il-metodoloġija tistax tiġi estiża għal programmi oħra għall-bqija tal-QFP 2021-2027;

(g)   l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fil-programmi rilevanti kollha tal-Unjoni tal-QFP 2021-2027

Il-metodoloġiji effettivi msemmija fil-punti (d) u (e) tal-ewwel paragrafu ser jinkludu, sa fejn ikun possibbli, referenza għall-kontribuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tinkludi l-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara".

Il-metodoloġija effettiva msemmija fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu ser tkun trasparenti, komprensiva, orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-prestazzjoni, ser tinkludi konsultazzjoni annwali mill-Kummissjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u ser tidentifika l-miżuri rilevanti li għandhom jittieħdu f'każ li l-progress lejn il-kisba tal-miri applikabbli jkun insuffiċjenti.

Jenħtieġ li l-ebda waħda mill-metodoloġiji msemmija f'dan il-punt ma jwasslu għal piż amministrattiv eċċessiv fuq id-detenturi tal-proġetti jew fuq il-benefiċjarji.

17.  Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dak ir-rapport annwali għandu jiġbor flimkien l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali relatata ma':

—  l-attivi u l-passivi li jirriżultaw minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji;

—  l-ammont aggregat ta' rikavati assenjati lill-programmi tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru fis-sena preċedenti, maqsum skont il-programm u l-linja baġitarja;

—  il-kontribuzzjoni tal-fondi msellfa għall-kisbiet tal-objettivi tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-programmi speċifiċi tal-Unjoni.

B.  INKORPORAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI F'ATTI LEĠIŻLATTIVI

18.  Kull att leġiżlattiv, li jikkonċerna programm pluriennali, adottat f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jkun fih dispożizzjoni li fiha l-leġiżlatur jistipula l-pakkett finanzjarju għall-programm.

Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

Għall-programmi msemmija fl-Anness II għar-Regolament dwar il-QFP, l-ammont ta' referenza primarja jiġi miżjud awtomatikament bl- allokazzjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-QFP.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta tħejji l-abbozz ta' baġit, jimpenjaw ruħhom li tul il-programm ikkonċernat ma jitbegħdux b'aktar minn 15 % minn dak l-ammont, sakemm ma jirriżultawx ċirkostanzi ġodda, oġġettivi u fit-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi, filwaqt li jitqiesu r-riżultati miksuba mill-implimentazzjoni tal-programm, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet. Kwalunkwe żieda li tirriżulta minn tali varjazzjoni għandha tibqa' taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-użu tal-istrumenti msemmija fir-Regolament dwar il-QFP u f'dan il-Ftehim.

Ir-raba' paragrafu ma japplikax għall-allokazzjonijiet addizzjonali msemmija fit-tielet paragrafu.

Dan il-punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet għall-koeżjoni adottati f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel għal kull Stat Membru, li fihom pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm u lanqas għall-proġetti fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar il-QFP.

19.  Atti tal-Unjoni legalment vinkolanti li jikkonċernaw programmi pluriennali li mhumiex adottati f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma għandux ikun fihom "ammont meqjus neċessarju".

F'każ li l-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta' referenza finanzjarja, dak l-ammont għandu jitqies bħala turija tar-rieda tal-leġiżlatur u ma għandux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbiliti fit-TFUE. Fl-atti kollha legalment vinkolanti tal-Unjoni li fihom ammont ta' referenza finanzjarja bħal dak, għandu jkun hemm dispożizzjoni f’dak ir-rigward.

C.  NEFQA RELATATA MA' FTEHIMIET DWAR IS-SAJD

20.  In-nefqa fuq ftehimiet dwar is-sajd għandha tkun soġġetta għar-regoli speċifiċi li ġejjin.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm lill-Parlament Ewropew informat b'mod regolari dwar it-tħejjija u t-tmexxija tan-negozjati dwar ftehimiet dwar is-sajd, inkluż l-implikazzjonijiet baġitarji ta' dawk il-ftehimiet.

Matul il-proċedura leġiżlattiva relatata ma' ftehimiet dwar is-sajd, l-Istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu kemm jista' jkun malajr.

L-ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta' ftehimiet dwar is-sajd li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta' Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitpoġġew fir-riżerva.

Jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet relatati mal-ftehimiet dwar is-sajd, inkluż ir-riżerva, ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni u dwar il-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont il-proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri adatti.

Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena.

21.  Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tirregola n-negozjati ta' ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta' kooperazzjoni baġitarja, biex jaslu għal ftehim f'waqtu dwar il-finanzjament adegwat ta' ftehimiet dwar is-sajd.

D.  FINANZJAMENT TAL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI (PESK)

22.  L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu kemm hu f'kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas li jistabbilixxi l-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta' tbassir imħejji kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ("ir-Rappreżentant Għoli''). Għandu jitħalla marġni raġonevoli biex ikopri azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.

23.  Fir-rigward tan-nefqa fuq il-PESK li hija addebitata lill-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 41 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom, fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 314(5) TFUE, u fuq il-bażi tal-abbozz ta' baġit stabbilit mill-Kummissjoni, biex kull sena jiżguraw li jkun hemm qbil dwar l-ammont tan-nefqa operattiva u dwar it-tqassim ta' dak l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jinsab fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz ta' baġit, skont liema wieħed ikun l-aktar baxx.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK kif issuġġerit fit-tielet paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri azzjonijiet diġà adottati, azzjonijiet li huma previsti iżda li għadhom ma ġewx adottati u ammonti għal azzjonijiet futuri — jiġifieri mhux previsti — li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet tal-PESK jistgħu jkunu fit-termini li ġejjin:

—  missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Finanzjarju;

—  missjonijiet oħra (għal operazzjonijiet tal-immaniġġar ta' kriżijiet, prevenzjoni ta' kunflitti, riżoluzzjoni u stabbilizzazzjoni, u monitoraġġ u implimentazzjoni ta' proċessi ta' paċi u sigurtà);

—  nonproliferazzjoni u diżarm;

—  miżuri ta' emerġenza;

—  miżuri ta' tħejjija u ta' segwitu;

—  Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità li tittrasferixxi b'mod awtonomu approprjazzjonijiet bejn l-artikoli fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, għandha tiġi żgurata kif xieraq il-flessibbiltà li titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni malajr tal-azzjonijiet tal-PESK. F'każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK matul is-sena finanzjarja ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ifittxu soluzzjoni b'urġenza, fuq proposta mill-Kummissjoni.

24.  Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument ta’ prospettiva, li għandu jiġi trażmess sal-15 ta' Ġunju tas-sena kkonċernata, li jistabbilixxi l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u l-kumplementarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm informat b'mod regolari lill-Parlament Ewropew billi jorganizza laqgħat konġunti ta' konsultazzjoni mill-anqas ħames darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jintlaħaq ftehim dwarhom mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru ta’ kull sena. Il-parteċipazzjoni f'dawk il-laqgħat għandha tiġi determinata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f'dawk il-laqgħat.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f'dawk il-laqgħat.

Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tal-PESK li tinvolvi nefqa, ir-Rappreżentant Għoli għandu minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara, jibgħat lill-Parlament Ewropew estima tal-ispejjeż previsti ("dikjarazzjoni finanzjarja"), b'mod partikolari dawk l-ispejjeż marbuta maż-żmien meħtieġ,, persunal impjegat, użu ta' bini u infrastruttura oħra, faċilitajiet tat-trasport, rekwiżiti tat-taħriġ u arranġamenti dwar is-sigurtà.

Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u l-previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena finanzjarja.

E.  INVOLVIMENT TAL-ISTITUZZJONIJIET FIR-RIGWARD

TA' KWISTJONIJIET TA' POLITIKA TAL-IŻVILUPP

25.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet ta' politika tal-iżvilupp.

PARTI III

ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA TAL-FONDI TAL-UNJONI

A.  PROGRAMMAR FINANZJARJU

26.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta darbtejn fis-sena, l-ewwel darba flimkien mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz ta' baġit u t-tieni darba wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, programmar finanzjarju komplut għall-intestaturi 1, 2 (ħlief għas-sottointestatura ''Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali''), 3 (għal ''Ambjent u azzjoni dwar il-klima'' u "Politika marittima u sajd''), 4, 5 u 6 tal-QFP. Dak l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, il-qasam ta' politika u linja baġitarja, jenħtieġ li jidentifika:

(a)  il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b'distinzjoni bejn programmi pluriennali u azzjonijiet annwali:

(i)  għal programmi pluriennali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-proċedura li skontha jkunu ġew adottati (proċedura leġiżlattiva ordinarja jew dik speċjali), it-tul ta’ żmien tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva;

(ii)  għall-programmi pluriennali msemmija fl-Anness II għar-Regolament tal-QFP, il-Kummissjoni għandha tindika b'mod trasparenti l-allokazzjonijiet addizzjonali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-QFP;

(iii)  għal azzjonijiet annwali (relatati ma' proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji u aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati skont il-prerogattivi tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi estimi pluriennali;

(b)  proposti leġiżlattivi pendenti: proposti li għaddejjin bħalissa tal-Kummissjoni, bl-aħħar aġġornament.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis modi ta' kontroreferenzjar tal-ipprogrammar finanzjarju mal-ipprogrammar leġiżlattiv tagħha biex tipprovdi previżjonijiet aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika jekk hijiex inkluża fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien meta tressaq l-abbozz ta' baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'mod partikolari:

(a)  bl-atti leġiżlattivi ġodda kollha adottati u l-proposti pendenti kollha mressqa iżda mhux inklużi fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien tal-abbozz ta' baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit (bl-ammonti korrispondenti);

(b)  bil-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta' ħidma leġiżlattiva annwali tal-Kummissjoni, b'indikazzjoni ta' jekk l-azzjonijiet x'aktarx ikollhom impatt finanzjarju jew le.

Kull fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-ipprogrammar mill-ġdid li jirriżulta mill-proposti leġiżlattivi ġodda.

B.  AĠENZIJI U SKEJJEL EWROPEJ

27.  Qabel ma tressaq proposta għall-ħolqien ta' aġenzija ġdida, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra, fost oħrajn, il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-ispejjeż f’termini ta’ benefiċċji, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni, u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta' nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta' dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġiżlattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu, fil-qafas ta' kooperazzjoni baġitarja, li jilħqu ftehim f'waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija proposta.

Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin:

—  l-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tressaq b'mod sistematiku kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta' aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu wara l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tressaq id-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva għall-ħolqien tal-aġenzija u għandha turi l-konsegwenzi tagħha għall-bqija tal-perijodu tal-ipprogrammar finanzjarju;

—  it-tieni, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġiżlatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Jenħtieġ li dawk il-konsegwenzi finanzjarji jitqiesu waqt it-trilogi leġiżlattivi rilevanti;

—  it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tressaq dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis l-emendi potenzjali mil-leġiżlatur; dik id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġiżlattiv finali u tiġi approvata b'mod formali mil-leġiżlatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda ta' trilogu baġitarju sussegwenti (f'każijiet urġenti, f'forma simplifikata), bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-finanzjament;

—  ir-raba', il-ftehim milħuq waqt trilogu, li jqis il-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f'dikjarazzjoni konġunta. Dak il-ftehim għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kull wieħed minnhom f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

L-istess proċedura tiġi applikata għal kwalunkwe emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija li jista' jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.

F'każ li l-kompiti ta' aġenzija jiġu modifikati b'mod sostanzjali mingħajr emenda għall-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta' dikjarazzjoni finanzjarja riveduta, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaslu għal ftehim f'waqtu dwar il-finanzjament tal-aġenzija.

28.  Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta' Lulju 2012 jitqiesu b’mod xieraq fil-proċedura baġitarja.

29.  Meta l-Bord tal-Gvernaturi jipprevedi l-ħolqien ta' skola Ewropea ġdida, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit tal-Unjoni.

PARTI IV

IL-PROTEZZJONI TAL-BAĠIT TAL-UNJONI: IL-KWALITÀ U L-KOMPARABBILTÀ TAD-DATA DWAR IL-BENEFIĊJARJI

30.  F'konformità mat-talbiet tal-Parlament Ewropew u bħala reazzjoni għall-punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u talIstrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkuprukontra l-frodi u l-irregolaritajiet, l-Istituzzjonijiet jaqblu dwar l-introduzzjoni ta' miżuri standardizzati biex jiġbru, iqabblu u jaggregaw l-informazzjoni u l-figuri dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni, għall-finijiet ta' kontroll u awditjar.

31.  Sabiex jiġu żgurati kontrolli u awditjar effettivi, huwa meħtieġ li tinġabar data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni b’ġestjoni kondiviża u minn proġetti u riformi appoġġati mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż id-data dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament. Ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta' tali data ser ikollhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

32.  Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli sistema ta' informazzjoni u monitoraġġ integrata u interoperabbli li tinkludi għodda unika ta' estrazzjoni tad-data u ta' kejl tar-riskju biex jinkiseb aċċess għad-data msemmija fil-punt 31 u biex tiġi analizzata bil-ħsieb li tiġi applikata b'mod ġenerali mill-Istati Membri. Dik is-sistema tiżgura verifiki effiċjenti dwar kunflitti ta' interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta' finanzjament doppju, u kwalunkwe użu ħażin tal-fondi. Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) u korpi investigattivi u ta' kontroll oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-aċċess meħtieġ għal dik l-informazzjoni sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet superviżorji tagħhom b’rabta mal-kontrolli u l-awditjar li għandhom jitwettqu l-ewwel mill-Istati Membri biex jidentifikaw irregolaritajiet u jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi dwar l-użu ħażin tal-finanzjament ikkonċernat tal-Unjoni, u biex jiksbu stampa ġenerali preċiża tad-distribuzzjoni tiegħu.

33.  Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istituzzjonijiet skont it-Trattati, matul il-proċedura leġiżlattiva relatata mal-atti bażiċi rilevanti, l-Istituzzjonijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw b'mod sinċier sabiex jiżguraw li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020 jkollhom segwitu, f'konformità mal-approċċ deskritt f'din il-Parti.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni

Il-President Il-President Il-President

ANNESS I

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI MATUL IL-PROĊEDURA BAĠITARJA

Parti A. Kalendarju tal-proċedura baġitarja

1.  L-Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena fi żmien debitu qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja fuq il-bażi tal-prattika attwali.

2.  Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżerċitaw il-prerogattivi baġitarji tagħhom b'mod effettiv, il-pożizzjonijiet baġitarji, it-trasferimenti jew notifiki oħra li jinvolvu l-attivazzjoni ta' skadenzi għandhom jiġu ppreżentati billi jqisu b’mod xieraq kwalunkwe perijodu ta' waqfien li l-Istituzzjonijiet ikunu infurmaw lil xulxin fi żmien debitu dwar id-dati tagħhom permezz tas-servizzi rispettivi tagħhom.

Parti B. Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja

3.  Fi żmien debitu qabel il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta' baġit, għandu jitlaqqa' trilogu biex jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss u kwalunkwe mistoqsija li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja attwali, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f'konformità mal-punt 37.

Parti C. Stabbiliment tal-abbozz ta' baġit u l-aġġornament tal-estimi

4.  L-istituzzjonijiet, għajr il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw id-dikjarazzjoni tal-estimi tagħhom qabel l-aħħar ta' Marzu.

5.  Il-Kummissjoni għandha tressaq kull sena abbozz ta' baġit li juri r-rekwiżiti finanzjarji reali tal-Unjoni.

Hija għandha tqis:

(a)  il-previżjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri b'rabta mal-Fondi Strutturali;

(b)  il-kapaċità għall-utilizzazzjoni ta' approprjazzjonijiet, waqt li tagħmel kull sforz biex tinżamm relazzjoni stretta bejn approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament;

(c)  il-possibbiltajiet li jitniedu politiki ġodda permezz ta' proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji ġodda, jew it-tnejn li huma, jew għat-tkomplija ta' azzjonijiet pluriennali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi valutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat att bażiku, fis-sens tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta' att bażiku, n-neċessità ta' att bażiku għall-implementazzjoni u l-eċċezzjonijiet);

(d)  il-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe bidla fin-nefqa b'rabta mas-sena preċedenti tkun f'konformità mar-restrizzjonijiet tad-dixxiplina baġitarja.

6.  L-Istituzzjonijiet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jevitaw li jdaħħlu partiti fil-baġit li jinvolvu ammonti insinifikanti ta' nefqa operattiva.

7.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom ukoll li jżommu f'moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit magħmula mill-Kummissjoni fl-abbozzi tagħha u b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja attwali.

8.  Fl-interessi ta' ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba l-effett ta' bidliet kbar fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura tal-baġit dwar ir-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla kbira waqt il-konċiljazzjoni.

9.  Fl-interess ta' kooperazzjoni istituzzjonali leali u tajba, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu l-impenn li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha u, b'mod partikolari, matul il-perijodu kollu ta' konċiljazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw skambju reċiproku f'waqtu u kontinwu tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kemm f'livell formali kif ukoll dak informali, kif ukoll li jorganizzaw laqgħat tekniċi jew informali kif meħtieġ, matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom aċċess f'waqtu u ugwali għall-informazzjoni u d-dokumenti.

10.  Saż-żmien li jitlaqqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista', jekk meħtieġ, tippreżenta ittri ta' emenda tal-abbozz ta' baġit f'konformità mal-Artikolu 314(2) TFUE, inkluż ittra emendatorja li taġġorna, b'mod partikolari l-estimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni dwar l-aġġornamenti, hekk kif issir disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidrawha. Hija għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-raġunijiet motivati kollha li huma jistgħu jeħtieġu.

Parti D. Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta' konċiljazzjoni

11.  Għandu jitlaqqa' trilogu fi żmien debitu qabel il-qari tal-Kunsill, biex l-Istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz ta' baġit.

12.  Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta f'ħin debitu l-eżegwibbiltà tal-emendi, previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li joħolqu azzjonijiet preparatorji jew proġetti pilota ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f'dak ir-rigward, sabiex tkun tista' ssir fil-pront l-ewwel diskussjoni f'dak it-trilogu.

13.  Jista' jitlaqqa' trilogu qabel il-votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Parti E. Proċedura ta' konċiljazzjoni

14.  Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess seduta plenarja, jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jinforma lill-President tal-Parlament Ewropew bil-qbil tiegħu li jitlaqqa' b'mod immedjat il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. L-ittra li tlaqqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta' wara tmiem is-sessjoni parzjali parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perijodu ta' konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perijodu ta' 21 jum għandu jiġi kkalkulat f'konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill(18).

15.  Jekk il-Kunsill ma jkunx jista' jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, jenħtieġ li jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta' ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni. F'dak il-każ, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jipproċedi f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punti li ġejjin.

16.  Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jkun ippresedut b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-kopresidenza tal-istituzzjoni li tospita l-laqgħa. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rrappreżentati f'livell adatt fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, b'tali mod li kull delegazzjoni tkun tista' timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha, u jkun jista' jsir progress reali lejn il-ftehim finali.

17.  F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

18.  It-trilogi għandhom isiru matul il-perijodu tal-proċedura ta' konċiljazzjoni, f'livelli differenti ta' rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti u titwitta t-triq għal ftehim li għandu jintlaħaq fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

19.  Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u t-trilogi għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u f'dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jiġu kondiviżi ndaqs, inkluż il-faċilitajiet ta' interpretazzjoni.

20.  Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu stabbiliti minn qabel bi ftehim bejn l-Istituzzjonijiet.

21.  Sett komuni ta' dokumenti (''dokumenti inizjali'') li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni(19). Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri ''linja b'linja'', totali skont l-intestaturi tal-QFP u dokument konsolidat b'ċifri u rimarki għal-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament ''miftuħa''. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għandu jkun hemm dokument speċifiku li jelenka l-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament magħluqa(20). Dawk id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.

Għandhom jiġu mehmuża wkoll dokumenti oħra mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, inkluż ittra ta' implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew, u kwalunkwe ittra minn istituzzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw il-pożizzjoni tal-Kunsill jew l-emendi tal-Parlament Ewropew.

22.  Bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perijodu ta' konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom:

(a)  jiddefinixxu l-ambitu tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;

(b)  japprovaw il-lista tal-linji baġitarji li jitqiesu teknikament magħluqa, soġġett għall-ftehim finali dwar il-baġit sħiħ tas-sena finanzjarja;

(c)  jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati fil-punt (a) bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet possibbli li għandhom jiġu approvati mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni;

(d)  jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, inkluż skont l-intestaturi tal-QFP.

Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b'mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u, b'mod simultanju, għandha tiġi miftiehma l-aġenda tal-laqgħa li jmiss. Dawk il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tospita t-trilogu u għandhom jitqiesu approvati b'mod proviżorju wara 24 siegħa, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

23.  Waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni tiegħu l-konklużjonijiet tat-trilogi u dokument li possibbilment jiġi approvat, kif ukoll il-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogi.

24.  It-test konġunt previst fl-Artikolu 314(5) TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-assistenza tal-Kummissjoni. Huwa għandu jikkonsisti minn ittra ta' trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u lil dak tal-Kunsill, li jkun fiha d-data tal-ftehim fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u annessi li għandhom jinkludu:

(a)  ċifri linja b'linja għall-partiti kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-QFP;

(b)  dokument konsolidat, li jindika ċ-ċifri u t-test finali għal-linji kollha li jkunu ġew emendati matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni;

(c)  il-lista tal-linji mhux emendati fir-rigward tal-abbozz ta' baġit jew tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwarha.

Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jista' japprova wkoll konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti possibbli b'rabta mal-baġit.

25.  It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (mis-servizzi tal-Parlament Ewropew) u għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'perijodu ta' 14-il jum mid-data tal-ftehim dwar it-test konġunt imsemmi fil-punt 24.

Il-baġit għandu jkun soġġett għal reviżjoni mill-ġuristi lingwisti wara l-adozzjoni tat-test konġunt billi jiġu integrati l-annessi tat-test konġunt mal-linji baġitarji mhux emendati matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni.

26.  L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi faċilitajiet ta' interpretazzjoni b'reġim lingwistiku sħiħ applikabbli għal-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u reġim lingwistiku ad hoc għat-trilogi.

L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa għandha tipprevedi l-ikkupjar u t-tqassim ta' dokumenti tal-kamra.

Is-servizzi tal-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw fil-kodifikazzjoni tar-riżultati tan-negozjati sabiex jiġi ffinalizzat it-test konġunt.

Parti F. Baġits emendatorji

Prinċipji ġenerali

27.  Konsapevoli li ħafna drabi l-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi kultant urġenti, l-Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa biex il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar baġits emendatorji jkun mingħajr diffikultajiet u ma jdumx, filwaqt li jiġi evitat, safejn ikun possibbli, li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

28.  Sa fejn ikun possibbli, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jillimitaw l-għadd ta' baġits emendatorji.

Kalendarju

29.  Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli għall-adozzjoni tal-abbozzi ta' baġits emendatorji, mingħajr preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.

30.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kull wieħed minnhom f'konformità mar-regoli interni ta' proċedura tiegħu, għandhom jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw l-abbozz ta' baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

31.  Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li jkunu ikkoordinati l-kalendarji ta' ħidma rispettivi tagħhom sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, kemm jista' jkun malajr, għandhom ifittxu li jistabbilixxu skeda ta' żmien indikattiva għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li japprovawh fi żmien debitu biex ikun effettiv matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Kooperazzjoni waqt il-qari

32.  L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw bona fide matul il-proċedura, billi jwittu t-triq, sa fejn ikun possibbli, għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji fi stadju bikri tal-proċedura.

Fejn xieraq, u meta jkun hemm il-potenzjal ta’ diverġenza , il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, qabel ma kull wieħed minnhom jieħu l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jitlaqqa' trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jipprova jintlaħaq kompromess.

33.  L-abbozzi ta' baġits emendatorji kollha proposti mill-Kummissjoni u li jkunu għadhom ma ġewx approvati b'mod finali għandhom jiddaħħlu b'mod sistematiku fuq l-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-abbozzi ta' baġits emendatorji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, sa fejn ikun possibbli, jgħarrfu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom qabel it-trilogu.

34.  Jekk jintlaħaq kompromess waqt trilogu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu meta jiddeliberaw fuq il-baġit emendatorju f'konformità mat-TFUE u mar-regoli ta' proċedura tagħhom.

Kooperazzjoni wara l-qari

35.  Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat f'konformità mat-TFUE.

36.  Jekk il-Parlament Ewropew jadotta l-emendi permezz ta' maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, għandu japplika l-punt (c) tal-Artikolu 314(4) TFUE. Madankollu, qabel ma jiltaqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għandu jissejjaħ trilogu:

(a)  jekk jintlaħaq ftehim matul dak it-trilogu u soġġett għall-qbil tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta' skambju ta' ittri mingħajr laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni;

(b)  jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim matul dak it-trilogu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiltaqa' u jorganizza l-ħidma tiegħu f'konformità maċ-ċirkostanzi, bil-ħsieb li jtemm il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet kemm jista' jkun qabel l-iskadenza ta' 21 jum stipulata fl-Artikolu 314(5) TFUE. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jista' jikkonkludi permezz ta' skambju ta' ittri.

Parti G. Implimentazzjoni tal-baġit, pagamenti u mpenji pendenti (reste à liquider (RAL)

37.  Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li jsir progress ordnat tal-approprjazzjonijiet totali ta' pagament b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta' impenn sabiex jiġi evitat kwalunkwe riport anormali tar-RAL minn sena għal oħra, l-Istituzzjonijiet jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-previżjonijiet tal-pagamenti u l-livell tar-RAL sabiex jitnaqqas ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti fi tmiem il-QFP.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm livell u profil maniġġabbli għall-pagamenti fl-intestaturi kollha, ir-regoli ta' diżimpenn għandhom jiġu applikati b'mod strett fl-intestaturi kollha, b'mod partikolari r-regoli għad-diżimpenji awtomatiċi.

Matul il-proċedura baġitarja, l-Istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b'mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b'mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena finanzjarja attwali u fis-snin finanzjarji futuri. Dik il-valutazzjoni għandha ssir permezz ta' laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq, li qabilhom il-Kummissjoni għandha tinforma b’mod dettaljat dwar is-sitwazzjoni attwali, skont il-fond u l-Istat Membru, tal-implimentazzjoni tal-pagamenti, tat-trasferimenti, tat-talbiet għal rimborżi riċevuti u tal-previżjonijiet riveduti, inkluż previżjonijiet fit-tul, fejn applikabbli. B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tista' tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha li jirriżultaw mill-impenji eżistenti u futuri fil-perijodu 2021-2027 f'konformità mal-Artikolu 323 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom janalizzaw u jiddiskutu l-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġ.

Parti H. Kooperazzjoni fir-rigward tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru(21)(22)

38.  Bl-għan ewlieni li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ser tingħata s-setgħa li tissellef fondi fuq is-swieq tal-kapital f’isem l-Unjoni sa EUR 750 000 miljun fi prezzijiet tal-2018, li minnhom sa mhux aktar minn EUR 390 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għan-nefqa u sa mhux aktar minn EUR 360 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għall-għoti ta' self skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. Kif previst fir-Regolament EURI, l-ammont li għandu jintuża għan-nefqa jikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-finijiet tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

39.  L-Istituzzjonijiet jaqblu li r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' awtorità baġitarja, jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru , bil-ħsieb li jiġu żgurati sorveljanza xierqa ta' dak id-dħul u involviment fl-użu tiegħu, fil-limiti stabbiliti fir-Regolament EURI u, kif xieraq, fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti. L-Istituzzjonijiet jaqblu wkoll dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati trasparenza u viżibbiltà sħiħa tal-fondi kollha skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru.

Dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

40.  Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-governanza tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru , it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-proċedura stabbilita fil-punti 41 sa 46.

41.  Il-Kummissjoni ser tipprovdi informazzjoni dettaljata mal-abbozz tal-estimi tagħha fil-kuntest tal-proċedura baġitarja. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi estimi dettaljati tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kif ukoll tal-impenji legali, imqassma skont l-intestatura u skont il-programm li jirċievi d-dħul assenjat skont ir-Regolament EURI. Il-Kummissjoni ser tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali mitluba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Il-Kummissjoni ser tehmeż mal-abbozz ta' baġit emendatorju dokument li jiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru , inkluż tabelli sommarji li jaggregaw l-approprjazzjonijiet tal-baġit u d-dħul assenjat skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dak id-dokument ser ikun parti mill-anness għall-baġit ġenerali tal-Unjoni dwar id-dħul assenjat estern previst fil-punt 44.

42.  Il-Kummissjoni ser tressaq aġġornamenti regolari tal-informazzjoni msemmija fil-punt 41 matul is-sena finanzjarja kollha u mill-inqas qabel kull laqgħa speċifika kif imsemmi fil-punt 45. Il-Kummissjoni ser tpoġġi l-informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’ħin biżżejjed minn qabel li jippermetti diskussjonijiet u deliberazzjonijiet sinifikanti dwar dokumenti ta' ppjanar korrispondenti, inkluż qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet rilevanti.

43.  It-tliet Istituzzjonijiet ser jiltaqgħu regolarment fil-kuntest tal-proċedura baġitarja bil-ħsieb li jivvalutaw b'mod konġunt l-implimentazzjoni tad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, b'mod partikolari s-sitwazzjoni attwali u l-prospetti u biex jiddiskutu l-estimi annwali pprovduti mal-abbozzi ta’ baġits rispettivi u d-distribuzzjoni tagħhom, billi jqisu debitament il-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament EURI u, kif xieraq, fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti.

44.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jehmżu mal-baġit ġenerali tal-Unjoni, fil-forma ta' anness, dokument li jistabbilixxi l-linji baġitarji kollha li jirċievu dħul assenjat mill- Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Barra minn hekk, huma ser jużaw l-istruttura tal-baġit biex jakkomodaw id-dħul assenjat skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, u b'mod partikolari r-rimarki baġitarji, biex jeżerċitaw kontroll dovut fuq l-użu ta' dak id-dħul. F'konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament Finanzjarju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tan-nefqa, ser jinkludu rimarki, inklużi rimarki ġenerali, li juru liema linji baġitarji jistgħu jirċievu l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat fuq il-bażi tar-Regolament EURI u jindikaw l-ammonti rilevanti. Il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tad-dħul assenjat, tintrabat li tqis debitament dawk ir-rimarki.

45.  L-Istituzzjonijiet jaqblu li jorganizzaw laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq bil-ħsieb li jivvalutaw is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għad-dħul assenjat estern skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. Dawk il-laqgħat ser isiru mill-inqas tliet darbiet f'sena finanzjarja eżattament qabel jew wara t-trilogi baġitarji. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu fuq bażi ad hoc jekk istituzzjoni waħda tipprovdi talba motivata. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu fi kwalunkwe ħin iressqu osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta' dħul assenjat estern. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tqis debitament kwalunkwe kumment u suġġeriment magħmul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawk il-laqgħat jistgħu jindirizzaw devjazzjonijiet sinifikanti fin-nefqa tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, f'konformità mal-punt 46.

46.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe devjazzjoni mill-previżjonijiet inizjali tagħha qabel laqgħa interistituzzjonali speċifika kif imsemmi fil-punt 45 u fuq bażi ad hoc f'każ ta' devjazzjoni sinifikanti. Devjazzjoni min-nefqa prevista tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru tkun sinifikanti jekk in-nefqa f’sena finanzjarja partikolari u fi programm partikolari tiddevja mill-previżjonijiet b’aktar minn 10%. F'każ ta' devjazzjonijiet sinifikanti mill-previżjonijiet inizjali, l-Istituzzjonijiet ser jiddiskutu l-kwistjoni, f'każ li ssir talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ġimgħatejn wara l-avviż ta' tali devjazzjoni sinifikanti. L--Istituzzjonijiet ser jivvalutaw il-kwistjoni b'mod konġunt bil-ħsieb li jsibu bażi komuni fi żmien tliet ġimgħat mit-talba għal laqgħa. Il-Kummissjoni ser tqis bis-sħiħ kwalunkwe kumment li jaslilha. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li ma tieħu l-ebda deċiżjoni sakemm id-deliberazzjonijiet ikunu ġew konklużi jew il-perijodu ta' tliet ġimgħat ikun skada. Fil-każ tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha debitament tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. F'każ ta' urġenza, l-Istituzzjonijiet jistgħu jaqblu li jqassru l-iskadenzi b'ġimgħa waħda.

Self ipprovdut skont Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

47.  Sabiex tiġi żgurata informazzjoni sħiħa kif ukoll trasparenza u viżibbiltà fir-rigward tal-komponent tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru , il-Kummissjoni ser tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar self ipprovdut lill-Istati Membri skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru flimkien mal-abbozz tal-estimi tagħha, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil informazzjoni sensittiva, li hija protetta.

48.  L-informazzjoni dwar is-self skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru ser tintwera fil-baġit f'konformità mar-rekwiżiti fil-punt (d) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Finanzjarju u ser tinkludi wkoll l-anness imsemmi fil-punt (iii) ta' dak il-punt.

ANNESS II

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR PJAN DIREZZJONALI LEJN L-INTRODUZZJONI TA' RIŻORSI PROPRJI ĠODDA

Preambolu

A.  L-Istituzzjonijiet huma impenjati lejn kooperazzjoni sinċiera u trasparenti u l-ħidma lejn l-implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda matul il-perijodu tal-QFP 2021-2027.

B.  L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kuntest tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, li fih jenħtieġ jiġu introdotti r-riżorsi proprji l-ġodda.

C.  Bl-għan ewlieni li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ser tingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li tissellef fondi mis-swieq kapitali f'isem l-Unjoni sa mhux aktar minn EUR 750 000 miljunfi prezzijiet tal-2018, li minnhom mhux aktar minn EUR 390 000  miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għan-nefqa skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(1) ta' dik id-Deċiżjoni.

D.  Il-ħlas lura tal-kapital ta' dawk il-fondi li għandhom jintużaw għan-nefqa skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-imgħax dovut relatat ser ikollhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, inkluż permezz ta' dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021. L-obbligazzjonijiet relatati kollha ser jitħallsu lura kompletament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2058 previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji. L-ammonti annwali pagabbli ser jiddependu fuq il-maturitajiet tal-bonds maħruġa u l-istrateġija tal-ħlas lura tad-dejn, filwaqt li jirrispettaw il-limitu għall-ħlas lura tal-kapital tal-fondi msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dak il-paragrafu stabbilit għal 7,5 % tal-ammont massimu li għandu jintuża għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) ta' dik id-Deċiżjoni.

E.  In-nefqa mill-baġit tal-Unjoni relatata mal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru jenħtieġ li ma twassalx għal tnaqqis mhux dovut fin-nefqa tal-programm jew fl-istrumenti ta' investiment taħt il-QFP. Huwa mixtieq ukoll li jiġu mitigati l ż-żidiet fir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG għall-Istati Membri.

F.  Għalhekk, u sabiex jissaħħu l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-pjan ta' ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, l-Istituzzjonijiet ser jaħdmu biex jintroduċu biżżejjed riżorsi proprji ġodda bil-ħsieb li jkopru ammont li jikkorrispondi għan-nefqa mistennija relatata mal-ħlas lura. F'konformità mal-prinċipju ta’ universalità, dan ma jkunx jimplika allokazzjoni jew assenjazzjoni ta' kwalunkwe riżorsa proprja partikolari biex tkopri tip speċifiku ta' nefqa.

G.  L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu li l-introduzzjoni ta' pakkett ta' riżorsi proprji ġodda jenħtieġ li tappoġġa l-finanzjament adegwat tan-nefqa tal-Unjoni fil-QFP, filwaqt li tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq id-DNG fil-finanzjament tal-baġit annwali tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul tista' twassal biex in-nefqa fil-livell tal-Unjoni tkun iffukata aħjar fuq oqsma ta' prijorità u beni pubbliċi komuni b'kisbiet kbar fl-effiċjenza meta mqabbla mal-infiq nazzjonali.

H.  Għalhekk, jenħtieġ li r-riżorsi proprji l-ġodda jiġu allinjati mal-objettivi ta' politika tal-Unjoni u jenħtieġ li jappoġġaw il-prijoritajiet tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u Ewropa adatta għall-Era Diġitali, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għal tassazzjoni ġusta u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa.

I.  L-Istituzzjonijiet jaqblu li jenħtieġ li riżorsi proprji ġodda preferibbilment jinħolqu b'mod li jippermettu li jiġi ġġenerat "flus ġodda". B'mod parallel, dawn għandhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija u l-piż għall-kumpaniji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u għaċ-ċittadini.

J.  Ir-riżorsi proprji ġodda jenħtieġ li jissodisfaw il-kriterji ta' sempliċità, trasparenza, prevedibbiltà u ġustizzja. Il-kalkolu, it-trasferiment u l-kontroll tar-riżorsi proprji l-ġodda jenħtieġ li ma jwasslux għal piż amministrattiv eċċessiv għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

K.  Meta jitqiesu r-rekwiżiti proċedurali kbar għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda, l-Istituzzjonijiet jaqblu li r-riforma meħtieġa tas-sistema tar-riżorsi proprji jenħtieġ li tinkiseb b'għadd limitat ta' reviżjonijiet tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

L.  L-Istituzzjonijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw matul il-perijodu 2021-2027 fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti f'dan l-Anness sabiex jaħdmu lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda f'konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-Parti B u mad-dati stabbiliti fih.

M.  L-Istituzzjonijiet jirrikonoxxu wkoll l-importanza tal-għodod għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet kif stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(23), b'mod partikolari tal-valutazzjoni tal-impatt.

Parti A. Prinċipji għall-implimentazzjoni

1.  Il-Kummissjoni ser tagħmel il-proposti leġiżlattivi meħtieġa għal riżorsi proprji ġodda u għal riżorsi proprji ġodda oħra potenzjali kif imsemmi fil-punt 10 f'konformità mal-prinċipji ta’ Tftassil Aħjar tal-Liġijiet. F'dak il-kuntest ser tqis kif xieraq is-suġġerimenti magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawk il-proposti leġiżlattivi ser ikunu akkumpanjati mil-leġiżlazzjoni dwar l- implimentazzjoni tar-riżorsi proprji rilevanti.

2.  L-Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji gwida li ġejjin għall-introduzzjoni ta' pakkett ta' riżorsi proprji ġodda:

(a)  li jinġabar ammont permezz tar-riżorsi proprji l-ġodda li jkun biżżejjed biex ikopri l-livell tan-nefqa globali mistennija għar-rimborż tal-kapital u l-interessi tal-fondi mislufa biex jintużaw għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ universalità. Id-dħul mir-riżorsi proprji li jkun aktar minn li hu meħtieġ għall-ħlas lura għandu jkompli jiffinanzja l-baġit tal-Unjoni bħala dħul ġenerali f'konformità mal-prinċipju ta’ universalità;

(b)  l-infiq li jkopri l-ispejjeż ta' finanzjament tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru għandu jkollu l-għan li ma jnaqqasx in-nefqa għall-programmi u l-fondi tal-Unjoni;

(c)  l-allinjament tar-riżorsi proprji mal-prijoritajiet tal-Unjoni, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, Ewropa lesta għall-Era Diġitali u l-kontribut għal tassazzjoni ġusta u għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa;

(d)  ir-rispett tal-kriterji ta' sempliċità, trasparenza u ġustizzja;

(e)  l-iżgurar tal-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-fluss tad-dħul;

(f)  li ma jwasslux għal piż amministrattiv eċċessiv għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

(g)  preferibbilment jiġġeneraw dħul "ġdid" addizzjonali;

(h)  b'mod parallel, għandhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija u l-piż għall-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs, u għaċ-ċittadini.

3.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser janalizzaw, jiddiskutu u jipproċedu mingħajr dewmien żejjed fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi msemmija fil-punt 1 f'konformità mal-proċeduri interni tagħhom bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjoni rapida. Wara li l-Kummissjoni tkun ressqet il-proposti tagħha, membri tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti tal-Kunsill ser jiltaqgħu, matul id-deliberazzjonijiet tagħhom, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni sabiex jinfurmaw lil xulxin dwar is-sitwazzjoni attwali rispettiva. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet ser jidħlu fi djalogu regolari biex iqisu l-progress fir-rigward tal-pjan direzzjonali.

Parti B. Pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda

L-ewwel pass: 2021

4.  Bħala l-ewwel pass, ser tiġi introdotta riżorsa proprja ġdida li tapplika mill-1 ta' Jannar 2021 magħmula minn sehem ta' dħul minn kontribuzzjonijiet nazzjonali kkalkulat fuq il-piż ta' skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat kif previst fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji . Huwa ppjanat li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ f'Jannar 2021, soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

5.  Il-Kummissjoni ser tħaffef il-ħidma tagħha u, wara l-valutazzjonijiet tal-impatt imnedija fl-2020, ser tressaq proposti dwar mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera u dwar imposta diġitali kif ukoll proposta ta' akkumpanjament biex jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda fuq dik il-bażi sa Ġunju 2021 bil-ħsieb li jiġu introdotti sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023.

6.  Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet fir-rebbiegħa tal-2021, inkluż il-possibilità li tiġi estiżal għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Sa Ġunju 2021 ser tipproponi riżorsa proprja bbażata fuq l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet.

7.  L-Istituzzjonijiet jaqblu li l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri u l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet huma tematikament interkonnessi u li għalhekk ikun iġġustifikat li jiġu diskussi fl-istess spirtu.

It-tieni pass: 2022 u 2023

8.  Wara l-proċeduri applikabbli skont it-Trattati u soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda huma previsti li jiġu introdotti sal-1 ta' Jannar 2023.

9.  Il-Kunsill ser jiddelibera dwar dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2022 bil-ħsieb li jiġu introdotti sal-1 ta' Jannar 2023.

It-tielet pass: 2024-2026

10.  Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ser tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali, li jistgħu jinkludu Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mas-settur korporattiv jew bażi komuni ġdida għat-taxxa korporattiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tippreżenta proposta sa Ġunju 2024.

11.  Wara l-proċeduri applikabbli skont it-Trattati u soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda huma previsti li jiġu introdotti sal-1 ta' Jannar 2026.

12.  Il-Kunsill ser jiddelibera dwar dawn ir-riżorsi proprji l-ġodda sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2025 bil-ħsieb li jiġu introdotti sal-1 ta' Jannar 2026.

(1) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0032.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0220.
(7) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/…ta'…li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L…p….).
(9)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru u fin-nota ta' qiegħ il-paġna li takkumpanjah in-numru u d-data tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 9971/20 (2020/0111(NLE)) u daħħal ir-referenza tal-ĠU.
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/…ta'…li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021sa 2027 (ĠU L , p. ).
(11)+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru u fin-nota ta' qiegħ il-paġna li takkumpanjah in-numru u d-data tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 9970/20 ( (2018/0166(APP)) u imla r-referenza tal-ĠU.
(12) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/... ta' ... dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L ...).
(14)++ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru u fin-nota ta' qiegħ il-paġna li takkumpanjah in-numru u d-data tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 10046/20 (2018/0135(CNS)) u imla r-referenza tal-ĠU.
(15)+ ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tal-aħħar firma ta’ dan il-Ftehim.
(16) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(17) Kif stabbilit fil-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1) u l-Ftehimiet Interni preċedenti.
(18) Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
(19) Id-diversi stadji jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja attwali (inkluż baġits emendatorji adottati); l-abbozz ta' baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta' emendi mressqa mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà ġew approvati b'mod sħiħ mill-Istituzzjonijiet).
(20) Linja baġitarja li titqies teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li dwarha ma tkun ġiet imressqa l-ebda ittra emendatorja.
(21) Fejn il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 TFUE b'implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment apprezzabbli, il-proċedura kif stabbilita fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' ... dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda fuq il-bażi tal-Artikolu 122 TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni (ĠU ..., p. ...) hija applikabbli.
(22)+ ĠU: jekk jogħġbok daħħal fin-nota ta' qiegħ il-paġna d-data tad-dikjarazzjoni konġunta li tinsab fid-dokument SN 3633/3/20 REV 3 ADD 1 u imla r-referenza tal-ĠU.
(23)Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p.1).


Strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej
PDF 209kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej (2020/2131(INI))
P9_TA(2020)0359A9-0237/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirreferi għas-suq intern, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali(2) (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 intitolata "Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa" (COM(2011)0078), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Mejju 2011 dwar dik il-komunikazzjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 intitolata "Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs" (COM(2011)0870),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2013 intitolata "Regolamentazzjoni Intelliġenti – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji" (COM(2013)0122),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 intitolata ''Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu'' (COM(2016)0733),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 intitolata "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020, intitolata "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020" (COM(2020)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 intitolata "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" (COM(2020)0274),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej għall-2018/2019 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2020,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 02/2020 tat-22 ta' Jannar 2020 u intitolat "It-tħaddim tal-Istrument għall-SMEs: programm effettiv u innovattiv li qed jiffaċċja xi sfidi",

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali 2020, ippubblikati fil-11 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji, "Global Economic Prospects" (Prospettivi Ekonomiċi Globali) ta' Ġunju 2020,

–  wara r-rapport tal-OECD tal-10 ta' Diċembru 2019 intitolat "The Missing Entrepreneurs 2019",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0237/2020),

A.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" ġiet ippubblikata fl-10 ta' Marzu 2020, filwaqt li fil-11 ta' Marzu 2020 d-WHO ħarġet twissija tal-pandemija tal-COVID-19(10), b'impatt sinifikanti fuq l-ambjent ekonomiku, soċjali u politiku li fih joperaw l-SMEs u dan irrenda neċessarja reviżjoni tal-istrateġija minħabba l-bidliet f'ħafna kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi; billi l-istrateġija tal-Kummissjoni ppreżentata f'Marzu 2020 għadha tipproponi soluzzjonijiet biex tindirizza l-isfidi strutturali ekonomiċi, soċjali u ambjentali li l-SMEs kienu qed jiffaċċjaw qabel il-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll l-isfidi li ġejjin relatati mat-tranżizzjoni diġitali u dik ambjentali; billi l-Kummissjoni għandha tippreżenta verżjoni aġġornata tal-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija ġdida għall-SMEs li tirrifletti l-punti mqajma f'din ir-riżoluzzjoni; billi l-kompetittività Ewropea għadha lura meta mqabbla ma' dik ta' ekonomiji żviluppati oħra, u dan jhedded il-potenzjal tal-Ewropa li tiġġenera l-ġid u l-prosperità;

B.  billi l-24 miljun SME fl-UE ta' 27 Membru huma s-sinsla tal-ekonomija u, qabel il-pandemija ġġeneraw aktar minn nofs il-PDG tal-UE filwaqt li impjegaw madwar 100 miljun ħaddiem; billi 98,9 % tal-intrapriżi fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarja tal-UE huma intrapriżi żgħar b'anqas minn 49 ħaddiem(11); billi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, huma kumplessi ħafna u eteroġeni minħabba d-daqs tagħhom u d-diversità kbira tas-setturi ta' attività li jkopru; billi l-SMEs huma vitali għall-iżvilupp u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur industrijali Ewropej u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ekonomiji lokali, reġjonali u nazzjonali;

C.  billi l-SMEs għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġija diġitali, u li jiġu appoġġjati b'mod xieraq minn strumenti finanzjarji mfassla apposta u ambjent leġiżlattiv favorevoli għall-SMEs, sabiex ikun jista' jkollhom rwol importanti fit-tkabbir tal-ekonomija Ewropea, kif ukoll fl-objettivi strateġiċi usa' tal-Unjoni, inklużi l-objettivi ambjentali sal-2050; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, il-Parlament saħaq li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali għandhom jiffaċilitaw l-istrateġiji ta' rkupru u rikostruzzjoni ta' wara l-COVID-19; billi l-SMEs jeħtiġilhom ikunu involuti u appoġġjati b'mod attiv fl-istrateġija diġitali tal-UE u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex itejbu l-kompetittività tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għad-diġitalizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi u l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' tħassib ambjentali u tas-soċjetà urġenti; billi l-kontribut tal-SMEs se jkun kruċjali għas-suċċess ta' dawn l-istrateġiji;

D.  billi l-kriżi ekonomika u l-prospetti ekonomiċi xejn sbieħ ikkawżati mill-pandemija rriżultaw f'għadd kunsiderevoli u indeterminat ta' SMEs u negozji ġodda jaslu f'xifer l-insolvenza; billi fl-2018 40 % biss tal-kumpaniji tħallsu fil-ħin; billi l-kriżi ta' likwidità li minħabba fiha qed isofru ħafna SMEs mhux biss se jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-operazzjonijiet ta' kuljum tagħhom, iżda wkoll fuq il-perspettivi futuri ta' tkabbir tagħhom, u dan iżommhom milli jippjanaw b'mod xieraq l-investimenti fit-tul;

E.  billi x-xiri ta' assi ta' emerġenza mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija prinċipalment jgħin lill-kumpaniji akbar, peress li jiddependu aktar mis-suq tad-dejn kummerċjali, iżda ma jtejjibx il-kundizzjonijiet finanzjarji għall-SMEs; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'mod kuraġġuż u rapidu biex jimminimizzaw ir-riskji ekonomiċi, soċjali u strateġiċi assoċjati mal-għajbien ta' dawn il-kumpaniji; jirrikonoxxi li s-self mill-banek huwa tradizzjonalment is-sors ewlieni ta' finanzjament estern għall-SMEs fl-Unjoni, u dan jirrappreżenta aktar minn tliet kwarti tal-finanzjament tal-SMEs, li jagħmel lill-SMEs partikolarment vulnerabbli għal tnaqqis fis-self mill-banek; billi l-SMEs m'għandhomx l-għodod biex jiffaċċjaw kriżi fit-tul, u l-miżuri nazzjonali m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv is-suq intern tal-UE;

F.  billi l-impatt tad-defiċit ta' kapital bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19 se jvarja bejn is-setturi, it-tipi ta' kumpaniji u l-Istati Membri, u jwassal għal diverġenzi fis-suq intern; billi huwa importanti li jinżammu kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġu minimizzati d-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, filwaqt li d-differenza fil-prestazzjoni tat-tkabbir bejn l-Istati Membri hija waħda mill-kawżi ta' żvilupp ekonomiku inugwali fi ħdan l-UE; billi l-SMEs ibatu saħansitra aktar minn kompetizzjoni globali kbira u spiss deregolata;

G.  billi l-Prospettiva Ekonomika tal-OECD ma teskludix, fil-każ ta' mewġa serja oħra tal-COVID-19, li t-telf ta' dħul sa tmiem l-2021 jaqbeż dak ta' kwalunkwe reċessjoni preċedenti f'dawn l-aħħar mitt sena(12); billi, wara t-tifqigħa tal-COVID-19, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern bejn l-SMEs minn pajjiżi differenti; billi l-pandemija wriet li t-tranżizzjoni diġitali hija tal-akbar importanza u enfasizzat il-ħtieġa għad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija biex tiġi żgurata reżiljenza aħjar fil-futur, filwaqt li l-isfidi ambjentali jippersistu u jeħtieġ li jiġu indirizzati; billi l-UE qed tiffaċċja kompetizzjoni iebsa minn atturi globali; billi l-innovazzjoni tirrappreżenta mod effettiv biex l-SMEs jibnu tkabbir fit-tul u sostenibbli;

H.  billi l-adozzjoni ta' prattiki, innovazzjonijiet u teknoloġiji ambjentalment sostenibbli mistennija toħloq opportunitajiet ta' impjiegi u ta' negozju ġodda għall-SMEs filwaqt li ttejjeb il-kompetittività tagħhom u tnaqqas l-ispejjeż tagħhom, dment li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet amministrattivi, regolatorji u tekniċi t-tajba; billi ħafna SMEs jixtiequ jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija, l-użu ta' teknoloġiji diġitali u l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, li kollha kemm huma se jkunu kruċjali għall-appoġġ tat-tkabbir u l-kompetittività fit-tul u sostenibbli tagħhom, kif ukoll biex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol ewlieni biex jinkisbu riżultati ta' ekoinnovazzjoni; billi għal dan il-għan, għandu jiġi pprovdut aċċess aħjar għall-finanzjament u l-appoġġ tekniku;

I.  billi, skont l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-2020 tal-Kummissjoni(13), ħafna SMEs għad m'għandhomx aċċess sħiħ għad-diġitalizzazzjoni u għadhom lura meta mqabbla ma' ditti kbar kemm f'termini ta' ħiliet diġitali kif ukoll ta' diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom, parzjalment minħabba kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji multinazzjonali; billi l-istess regoli għandhom japplikaw kemm fis-swieq uniċi diġitali kif ukoll f'dawk mhux diġitali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġu evitati impatti negattivi fuq id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali; billi l-użu tad-data jista' jwassal għal vantaġġ kompetittiv u jippermetti lill-SMEs jaħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni diġitali, filwaqt li l-enfasi fuq il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali għandha timxi id f'id mat-tisħiħ tal-investiment tal-UE fl-infrastruttura diġitali kif ukoll mat-titjib tal-aċċess għad-data għall-SMEs u oqfsa kummerċjali u regolatorji ġusti f'kull tip ta' ambjent tas-suq, jiġifieri minn negozju għal negozju, minn negozju għal konsumatur u minn negozju għal gvern;

J.  billi waħda mill-isfidi ewlenin biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni hija li jinstabu impjegati b'ħiliet speċjalizzati; billi l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-gvernijiet lokali għandhom jaġixxu biex itejbu l-ambjent tan-negozju sabiex jiżguraw il-kompetittività tal-SMEs kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u fit-tul tal-Unjoni; billi l-istrateġija tal-Unjoni għall-SMEs tirrappreżenta opportunità biex titrawwem il-kultura intraprenditorjali ta' gruppi sottorappreżentati u biex tgħinhom jisfruttaw l-opportunitajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni diġitali u minn dik ekoloġika;

K.  billi t-tisħiħ ta' kultura intraprenditorjali jista' jippermetti lill-SMEs jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjoni doppja u jibbenefikaw minnha u jżidu l-ħolqien tal-impjiegi u b'hekk l-impatt tal-SMEs fuq is-suq tax-xogħol; billi n-nisa jikkostitwixxu 52 % tat-total tal-popolazzjoni Ewropea, iżda 34,4 % biss tal-persuni li jaħdmu għal rashom fl-UE u 30 % tal-intraprendituri ġodda(14); billi l-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa għadhom ma ġewx sfruttati u għandhom jiġu żviluppati aktar;

L.  billi l-piżijiet regolatorji għandhom jitnaqqsu, bħall-ispejjeż finanzjarji u "problematiċi" ta' konformità kkawżati minn regolamentazzjoni żejda u proċeduri amministrattivi kumplessi żżejjed, inklużi l-isfidi relatati mal-litigazzjoni dwar il-privattivi, pereżempju fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali iżda wkoll b'referenza għall-opportunitajiet ta' finanzjament; billi l-innovazzjoni mhijiex assoċjata mar-regolamentazzjoni, iżda tiddependi minn sforzi kollaborattivi li fihom in-negozji jinteraġixxu biex jiskambjaw l-għarfien u l-informazzjoni u biex jikkombinaw ideat u finanzjament mas-sħab bħala parti minn sistemi ta' innovazzjoni usa'; billi l-għotjiet ġeneralment għandhom probabbiltà akbar mill-krediti tat-taxxa li jaslu għand l-SMEs jew l-attivitajiet li fihom l-SMEs għandhom probabbiltà akbar li jkunu involuti;

M.  billi d-definizzjoni ta' SME mill-UE ssir referenza għaliha f'aktar minn 100 att legali tal-UE li jkopru firxa wiesgħa ta' politiki; billi l-Kummissjoni se tkompli teżamina d-definizzjoni attwali u tirrapporta dwar kwistjonijiet speċifiċi mqajma fil-konsultazzjoni pubblika l-aktar reċenti, bħal strutturi ta' sjieda kumplessi jew effetti possibbli ta' intrappolament tal-klijentela; billi l-Kummissjoni għad trid tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-15 ta' Settembru 2016 li tirrikjedi kjarifika dwar il-kriterji ta' "indipendenza" u "awtonomija";

N.  billi l-mikrointrapriżi jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-SMEs Ewropej u ħafna drabi jkollhom diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzi, kif ukoll biex jiksbu għarfien dwar l-opportunitajiet li huma disponibbli fil-livell Ewropew u dak nazzjonali; billi din il-kategorija ta' negozji ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 u, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni attwali tal-SMEs, jistħoqqilha tirċievi aktar assistenza u tiġi promossa aħjar;

O.  billi l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-impjiegi u t-tkabbir, speċjalment f'uħud mill-Istati Membri; billi l-Kummissjoni, bħala parti mill-inizjattiva REFIT, għandha tivvaluta l-ħtieġa ta' definizzjoni separata ta' kapitalizzazzjoni medja sabiex tippermetti miżuri mmirati, filwaqt li tiżgura li dan ma jwessax id-definizzjoni eżistenti ta' SME u lanqas ma jikkomprometti bl-ebda mod l-appoġġ għall-SMEs;

Sfidi strutturali qabel il-kriżi tal-COVID-19

1.  Jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-SMEs u jaqbel mal-fehma tagħha li l-SMEs huma essenzjali għall-ekonomija Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-istrateġija għall-SMEs fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li tinżamm l-enfasi fuq l-avvanz tat-tranżizzjoni lejn soċjetà soċjalment, ekonomikament u ambjentalment reżiljenti u ekonomija kompetittiva, u jitlob, għalhekk, li l-istrateġija għall-SMEs tiġi allinjata mal-istrateġija industrijali, l-istrateġija Ewropea għad-data(15) u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, sabiex l-SMEs kollha jiġu involuti u appoġġjati b'mod attiv fit-tranżizzjoni doppja, bil-għan li jinkisbu kompetittività aħjar, tkabbir fit-tul u reżiljenza aħjar;

2.  Jappella, barra minn hekk, għal miżuri biex jittejjeb l-ambjent għall-ħolqien tan-negozju u biex jissaħħaħ l-ispirtu intraprenditorjali, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs; jitlob, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-SMEs b'objettivi ċari, objettivi intermedji u skeda ta' żmien, akkumpanjat minn monitoraġġ, rapportar u evalwazzjonijiet regolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jissaħħaħ l-ispirtu intraprenditorjali fl-Unjoni u li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet li jippermettu lin-negozji l-ġodda u lill-SMEs eżistenti jirnexxu u jinnovaw, u b'hekk jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali u l-kompetittività ekonomika tal-Unjoni;

3.  Jirrikonoxxi li l-piżijiet amministrattivi u regolatorji żejda qed ixekklu l-kapaċità tal-SMEs li jirnexxu peress li huma neqsin mir-riżorsi meħtieġa biex jissodisfaw rekwiżiti burokratiċi kumplessi;

4.  Jilqa' għalhekk l-impenn tal-Kummissjoni li tintroduċi prinċipju "one in, one out", iżda jfakkar li dan iżomm biss l-istatus quo fil-leġiżlazzjoni, li mhijiex ambizzjoni suffiċjenti, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jevitaw il-"gold-plating" bħala l-ewwel pass biex irażżnu l-mewġa kbira ta' regolamentazzjoni ġdida; ifakkar li l-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, għandha rwol ewlieni biex tiżgura l-iffaċilitar tal-kummerċ u pereżempju fil-promozzjoni ta' investimenti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-kompetittività ekonomika, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-ogħla standards ta' trasparenza, saħħa, drittijiet u sikurezza tal-ħaddiema u ħarsien ambjentali;

5.  Jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa għal regolamentazzjoni aħjar u simplifikazzjoni u biex jadottaw pjan direzzjonali b'miri u indikaturi konkreti u vinkolanti bħala prerekwiżit importanti għall-kapaċità tal-ekonomija tagħna li tirkupra u tinnova, u għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE; jinnota li diversi Stati Membri stabbilew miri kwantitattivi sa 30 %(16) għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri kwantitattivi u kwalitattivi ambizzjużi u vinkolanti fil-livell tal-UE għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, malajr kemm jista' jkun wara li twettaq valutazzjoni tal-impatt u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn Ġunju 2021, u qabel il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

6.  Jinnota li dan il-pjan direzzjonali għandu jidentifika l-oqsma fejn il-piż amministrattiv u regolatorju għall-SMEs għandu jitnaqqas b'mod sostanzjali sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità, inkluża l-burokrazija, u jappoġġja lill-Istati Membri biex jiksbu tnaqqis rapidu fl-għadd ta' regoli filwaqt li jiżguraw id-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards soċjali u tas-saħħa u l-protezzjoni ambjentali; jissottolinja li, sabiex tiġi mmonitorjata l-effikaċja fit-tnaqqis tal-burokrazija, huwa importanti wkoll li tali miżuri jiġu vvalutati ex post, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-SMEs u ma jiġux imminati d-drittijiet tal-ħaddiema;

7.  Jappella għal allinjament regolatorju mtejjeb li jkun akkumpanjat minn diġitalizzazzjoni intelliġenti, aktar faċilità tal-użu għall-utent, proċeduri aktar simplifikati u proċeduri tad-data aktar sikuri u privati; jitlob, f'dan ir-rigward, aktar assistenza teknika u amministrattiva fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE, skambju tal-aħjar prattiki u opportunitajiet ta' taħriġ għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tiġġestixxi punt ta' dħul diġitali uniku veru għal kull tfittxija ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE għall-SMEs, u tiżgura li l-iskemi ta' appoġġ tal-UE, inklużi dawk li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-COVID-19, ikun fihom komponent qawwi ddedikat lill-SMEs;

8.  Jilqa' l-kisbiet tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Aħjar s'issa; jinnota li jeħtieġ li jsir aktar progress, b'mod partikolari fil-qasam tas-simplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forom u l-proċeduri, bl-implimentazzjoni konsistenti tal-prinċipji "ta' darba biss" u "diġitali b'mod awtomatiku", kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi b'mod ġenerali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-SMEs u tqis it-tħassib tal-SMEs li jirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 meta twettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma tipproponi leġiżlazzjoni;

10.  Jappella, għalhekk, għal test vinkolanti li jkun kapaċi jivvaluta, fir-rigward tal-SMEs, l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-proposti leġiżlattivi, inklużi l-impatt ekonomiku tagħhom u l-impatt tagħhom fuq l-impjegati tal-SMEs; jistenna li r-riżultati tat-test tal-SMEs jitqiesu bis-sħiħ fil-proposti leġiżlattivi kollha u li jintwera b'mod ċar kif se tinkiseb is-simplifikazzjoni u, fejn possibbli, jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet addizzjonali biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi jew regolatorji żejda għall-SMEs; ifakkar li l-enfasi prinċipali matul il-proċess leġiżlattiv tal-UE għandu jkun fuq il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt aktar milli fuq il-ħeffa li biha jitlestew l-inizjattivi; jistieden lill-Istati Membri jiġbru flimkien u jippromwovu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw linji gwida għall-implimentazzjoni sistematika ta' testijiet tal-SMEs anke fil-livell nazzjonali;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-effikaċja u l-funzjonament tajjeb tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) billi tiżgura li jkollu maġġoranza ta' esperti esterni u appoġġ miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; itenni li l-indipendenza, it-trasparenza u l-oġġettività tal-RSB u l-ħidma tiegħu jridu jiġu żgurati u li l-membri tal-Bord ma għandhom jiġu soġġetti għall-ebda kontroll politiku, kunflitt ta' interess jew preġudizzju; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi rappreżentanza bbilanċjata ta' kumpaniji kbar u żgħar fil-korpi u l-kumitati rilevanti kollha assoċjati mat-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż fuq l-RSB; iqis li r-rekwiżit attwali li jkun hemm biss rappreżentant wieħed tal-SMEs fuq l-RSB, li jirrappreżenta lill-SMEs kollha fis-setturi kollha, huwa insuffiċjenti, meta titqies il-varjetà kbira ta' SMEs fl-Ewropa;

12.  Jitlob implimentazzjoni mġedda tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA); jissottolinja l-ħtieġa tal-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" u t-tisħiħ tal-prinċipju li wieħed ikollu viżibbiltà "kbira fuq affarijiet kbar, u żgħira fuq affarijiet żgħar" sabiex tiġi żgurata enfasi xierqa fuq l-SMEs fil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali u bħala l-bażi għal impenn interistituzzjonali ġdid biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi;

13.  Jieħu nota tal-pjan tal-Kummissjoni li taħtar rappreżentant iddedikat tal-SMEs tal-UE biex iġib aktar viżibbiltà għall-kwistjonijiet ta' tħassib tal-SMEs u barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed lir-rappreżentant tal-SMEs f'unità ċentrali taħt il-President tal-Kummissjoni sabiex tippermetti sorveljanza fuq kwistjonijiet tal-SMEs fid-Direttorati Ġenerali kollha; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-proċess eżistenti ta' analiżi tal-prestazzjoni tal-SMEs u tinvolvi ruħha f'dibattitu annwali dwar "L-Istat tal-Unjoni tal-SMEs" li għandu jsir f'seduta plenarja tal-Parlament Ewropew; jissottolinja l-opportunità li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-network ta' Rappreżentanti tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali li jirrappreżentaw lill-SMEs;

14.  Iqis li l-objettivi tal-UE fil-qasam tas-sostenibbiltà u dak tad-diġitalizzazzjoni għandhom ikunu dejjem akkumpanjati minn riżorsi finanzjarji u riżorsi ta' tip ieħor biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromwovu t-tranżizzjoni tal-SMEs fiż-żewġ oqsma, peress li dan huwa ta' importanza partikolari fir-reġjuni anqas żviluppati; jenfasizza li tali objettivi ma jistgħux ikunu kontradittorji u, għall-kuntrarju, iridu jissaħħu b'mod reċiproku u jkunu akkumpanjati minn miżuri li jissalvagwardjaw l-impjiegi bi drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba;

15.  Jiddispjaċih li l-SMEs esperjenzaw aktar diffikultajiet minn kumpaniji akbar fl-aċċess għall-finanzjament, minħabba, fost raġunijiet oħra, diversi miżuri monetarji u l-qafas regolatorju; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li jittieħdu azzjonijiet biex jissaħħaħ l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi u n-negozji ġodda; ifakkar li l-SMEs normalment ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jipparteċipaw fuq l-istess livell ta' partijiet ikkonċernati oħra, b'mod partikolari l-korporazzjonijiet multinazzjonali, fil-proċess tal-aċċess għall-istrumenti finanzjarji;

16.  Jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet fl-aċċess tal-linji ta' finanzjament tal-BEI li jiffaċċjaw il-biċċa l-kbira tal-SMEs, b'mod partikolari dawk b'kapitalizzazzjoni limitata, u jitlob li l-kundizzjonijiet tal-aċċess iqisu l-ħtieġa ta' involviment akbar tal-SMEs; jiddispjaċih li ħafna SMEs, inklużi mikrointrapriżi u negozji ġodda, mhumiex kapaċi jiksbu aċċess għall-finanzjament tal-UE minħabba li mhumiex konxji dwar dak li huwa disponibbli, iżda wkoll minħabba d-dewmien u l-kumplessità eċċessiva tal-proċeduri rilevanti u l-kriterji ta' eliġibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tneħħi ostakli bħal dawn billi tissimplifika l-proċeduri, tiżgura aċċess online għall-informazzjoni, u tkompli tappoġġja inċentivi mfassla apposta għall-SMEs u l-mikrointrapriżi;

17.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, li hemm ħtieġa immedjata li terġa' tiġi stabbilita l-likwidità tal-SMEs biex jiġi żgurat il-funzjonament bażiku tagħhom u jwissi li s-sopravivenza tal-SMEs wara l-COVID-19, b'mod partikolari tal-mikrointrapriżi, minħabba d-dgħufijiet strutturali tagħhom meta mqabbla ma' negozji akbar, se tiddependi fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod rapidu, il-finanzjament adegwat u d-disponibbiltà fil-pront tal-likwidità;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE li ġejjin taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet lokali u b'kont meħud, kull meta jkun possibbli, tal-ispeċifiċitajiet settorjali u nazzjonali eżistenti; ifakkar li huma mistennija, fost affarijiet oħra, li jidderieġu l-investimenti lejn l-SMEs;

19.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Pjan ta' Rkupru ftit iffoka fuq l-SMEs, u jappella għal miżuri li jiżguraw aċċess faċli għall-SMEs;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta aħjar il-finanzjament tal-UE biex tattira aktar parteċipazzjoni minn SMEs mhux diġitali, innovattivi u ta' teknoloġija avvanzata, u jitlob, barra minn hekk, li t-tfassil ta' strumenti ġodda tal-UE jqis jekk il-finanzjament jistax jintuża b'mod raġonevoli mill-SMEs u jkunx adattat għall-ħtiġijiet tagħhom, u biex tiżgura li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw daqs is-sħab l-oħra kollha involuti fil-katina tal-valur, għall-benefiċċju tal-kompetittività globali tal-Ewropa; ifakkar li, sabiex in-negozji ġodda jiġu megħjuna jirnexxu, huwa kruċjali li tiġi żgurata provvista ta' "kapital paċenzjuż" li jkollu l-għan li jikseb benefiċċji speċifiċi għal investimenti fit-tul u li l-fornituri tiegħu jkunu jistgħu jżommu l-investiment tagħhom anke fid-dawl ta' kundizzjonijiet avversi fuq terminu qasir;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-korpi tal-UE jindirizzaw lin-networks tal-SMEs b'mod proattiv fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex jipprovdu informazzjoni u gwida f'waqthom għall-użu ta' possibbiltajiet ta' finanzjament tal-UE disponibbli u ppjanati; ifakkar lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha ta' komunikazzjoni disponibbli, kif ukoll kompetizzjonijiet maħsuba għall-istudenti u l-intraprendituri żgħażagħ;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju għas-self mill-banek għall-SMEs, inklużi dawk li l-mudell ta' negozju tagħhom jiffoka fuq assi intanġibbli; ifakkar li l-aċċess għall-finanzi huwa faċilitatur ewlieni tat-tkabbir, it-trasformazzjoni sostenibbli u l-innovazzjoni u jappella għal aktar appoġġ għal mudelli ta' negozju innovattivi; jiddeplora l-lakuna fil-kundizzjonijiet tal-kreditu għall-SMEs li jinsabu f'pajjiżi differenti tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-settur finanzjarju u ma' dak bankarju fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jiżguraw aċċess sħiħ u ġust għal self bankarju għall-SMEs;

23.  Jisħaq li l-finanzjament permezz tas-swieq tal-kapital waħdu mhux se jkun biżżejjed biex jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għall-SMEs u jemmen li s-settur tas-servizzi finanzjarji jrid ikun stabbli u joffri lill-SMEs, lill-mikrointrapriżi u lill-intraprendituri li jaħdmu għal rashom firxa wiesgħa ta' għażliet ta' finanzjament imfassla apposta b'mod kosteffikaċi; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-mudelli bankarji tradizzjonali, inklużi l-banek reġjonali żgħar u l-kooperattivi tat-tfaddil; jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri biex ixerred informazzjoni rilevanti lill-SMEs sabiex itejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;

Sfidi ġodda li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19

24.  Ifakkar li l-likwidità trid tiġi pprovduta malajr lill-SMEs, filwaqt li għandhom jissaħħu wkoll il-miżuri għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-SMEs; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-problema tal-ħlasijiet tard, li għadhom joħolqu sfidi sinifikanti ta' likwidità għall-SMEs, u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard biex dan jagħmluh, b'mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u r-relazzjonijiet minn negozju għal negozju;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ u l-infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u tivvaluta l-ħtieġa li din tiġi riveduta, sabiex tiżgura li l-ħlasijiet fil-pront ikunu n-norma fis-suq intern kollu kemm għat-tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju, b'mod partikolari minn negozji akbar għal negozji iżgħar, kif ukoll għat-tranżazzjonijiet minn negozju għal gvern; jistieden lill-awtoritajiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali jagħtu l-eżempju xieraq billi dejjem iħallsu lill-SMEs fil-ħin u, f'dan il-kuntest, iħeġġeġ l-użu attiv tal-proċeduri ta' ksur f'każijiet meta d-Direttiva ma tiġix implimentata kif suppost;

26.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' rilassament temporanju tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u rikonoxximent li dawn wasslu għall-implimentazzjoni mhux uniformi ta' miżuri madwar l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu azzjoni rapida biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fost l-Istati Membri;

27.  Jinnota li l-evalwazzjonijiet u r-reviżjonijiet futuri kollha tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom iqisu kif xieraq l-ispeċifiċitajiet u l-iżvantaġġi ġeografiċi li jaffettwaw lil dawk l-SMEs li jinsabu fl-aktar territorji periferiċi, inklużi l-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni muntanjużi, kif ukoll f'żoni oħra, inklużi ż-żoni mhux periferiċi, affettwati minn diżastri naturali mingħajr preċedent;

28.  Jinsab imħasseb ħafna minħabba li setturi bħat-turiżmu, l-ospitalità, il-kultura, l-industriji kreattivi, it-trasport u l-avvenimenti u l-fieri kummerċjali, fil-biċċa l-kbira magħmula minn SMEs, huma dawk affettwati l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza ta' miżuri rapidi u kontinwi bil-għan li terġà tinkiseb u tinżamm il-fiduċja fost il-vjaġġaturi u l-operaturi; jissottolinja l-ħtieġa li dawn is-setturi jinħelsu mill-piżijiet amministrattivi u minn regolamentazzjoni li tkun fattur ewlieni tal-ispejjeż, il-ħtieġa li tiġi identifikata t-triq 'il quddiem għall-irkupru tas-setturi u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-setturi affettwati; ifakkar fl-importanza li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għat-teknoloġiji diġitali u l-programmi ta' appoġġ fis-settur kulturali u kreattiv, peress li l-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-rwol kruċjali tagħhom fl-ekonomija u l-ħajja soċjali tagħna;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu bħala prijoritajiet politiċi ewlenin il-protezzjoni tal-impjiegi u s-sopravivenza tal-SMEs u n-negozji ġodda billi jressqu miżuri konkreti biex jappoġġjaw lil SMEs u negozji ġodda ekonomikament vijabbli li jkunu f'riskju ta' insolvenza, b'mod partikolari fid-dawl tal-kanċellazzjoni tal-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza ssuġġerita mill-Kunsill Ewropew; jinnota l-inizjattiva SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza) li għandha l-għan li tkopri l-ispejjeż tal-iskemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza(17) biex tiġi żgurata opportunità oħra reali għall-SMEs f'diffikultà;

30.  Jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 ressqet lill-SMEs lejn teknoloġiji innovattivi, modi ġodda ta' kif jorganizzaw xogħolhom u mudelli ta' negozju diġitali bħall-kummerċ elettroniku, l-ekonomija kollaborattiva u t-telexogħol; jirrimarka li ħafna SMEs kellhom jissieltu biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda u jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) ikun immirat lejn il-parteċipazzjoni tal-SMEs filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ispinta favur l-innovazzjoni; jitlob, barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema tul dan il-proċess kollu;

31.  Ifakkar li l-innovazzjoni fl-SMEs hija fattur ewlieni għall-produttività u t-tkabbir sostenibbli, peress li tista' tgħin biex jissolvew sfidi globali u soċjetali u toffri kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar; ifakkar li l-iżvilupp tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni qed iżidu l-opportunitajiet għall-SMEs biex jinnovaw u jirnexxu, qed jaċċelleraw it-tixrid tal-għarfien u l-ħolqien ta' mudelli ta' negozju ġodda u qed iżidu l-kapaċità tagħhom li jespandu aktar malajr;

32.  Jisħaq li l-investimenti fl-innovazzjoni għandhom jagħtu prijorità lil ekosistemi li jinkorporaw l-SMEs u li jsaħħu kemm il-kokreazzjoni, il-maturazzjoni u t-trasferiment ta' teknoloġija eċċellenti lill-industrija kif ukoll l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda; jissottolinja, għalhekk, l-importanza ta' politiki pubbliċi mmirati biex jiġu appoġġjati l-ħtiġijiet orizzontali relatati mal-proċessi ta' trasformazzjoni diġitali fil-mikrointrapriżi u l-SMEs, bħas-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' rapportar, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi pilota biex jaċċelleraw l-adozzjoni, min-naħa tal-SMEs, ta' soluzzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, pereżempju permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ u ta' konsulenza, assistenza teknika, l-aħjar prattiki jew l-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;

33.  Jilqa' l-inklużjoni tal-SMEs fil-Programmi Spazjali Ewropej, inkluż fl-iżvilupp ta' bosta servizzi u applikazzjonijiet downstream; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-SMEs fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża fl-Ewropa;

34.  Jilqa' l-wegħda tal-Kummissjoni li tiftaħ taħriġ rapidu permezz ta' crash courses diġitali biex l-impjegati tal-mikrointrapriżi u l-SMEs ikunu jistgħu jsiru profiċjenti f'oqsma bħall-IA, iċ-ċibersigurtà u t-teknoloġiji ta' reġistru distribwit; jenfasizza li l-crash courses diġitali għall-SMEs fil-qafas tal-programm Ewropa Diġitali għandhom ikunu preċeduti minn programmi ssussidjati li jippermettu lis-sidien u l-maniġers ta' SME jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet diġitali tagħhom; jirrimarka li forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati hija essenzjali biex l-SMEs jirnexxu u jkunu jistgħu jlaħħqu b'suċċess mhux biss mat-tranżizzjonijiet ambjentali u diġitali, iżda wkoll mal-isfidi tradizzjonali li dawn l-intrapriżi jiffaċċjaw;

35.  Jiddispjaċih li s'issa 17 % biss tal-SMEs irnexxielhom jintegraw it-teknoloġija diġitali fin-negozji tagħhom; jitlob tisħiħ tal-miżuri mmirati lejn l-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet u li għandhom l-għan li jaraw li l-SMEs jiġu mgħammra b'litteriżmu u ħiliet diġitali, kif ukoll dawk marbuta mat-titjib tal-ħiliet fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-edukazzjoni finanzjarja, flimkien mal-ħiliet ta' ġestjoni tal-ktajjen ta' kreditu u ta' provvista għal swieq tax-xogħol li qed jinbidlu b'mod rapidu, anke fid-dawl tal-aċċellerazzjoni kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi investimenti fi programmi ta' taħriġ vokazzjonali u apprendistat ulterjuri fl-SMEs; jitlob, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' approċċ imfassal apposta għall-ħiliet diġitali tal-mikrointrapriżi; jenfasizza r-rwol li l-aġenda għall-ħiliet tal-Kummissjoni jista' jkollha għal dan il-għan, u jirrimarka li sabiex jingħalaq id-distakk diġitali fl-oqsma diġitali u tal-innovazzjoni, jeħtieġ li jiżdied is-sehem ta' gradwati f'suġġetti STEM u li jiġi indirizzat id-distakk li n-nisa qed jiffaċċjaw f'dawn iż-żewġ oqsma; jilqa', f'dan ir-rigward, l-aġenda għall-ħiliet tal-Ewropa;

37.  Jieħu nota tal-white paper tal-Kummissjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali (COM(2020)0065) u l-perspettiva tagħha li kull Stat Membru għandu jkollu mill-inqas ċentru ta' innovazzjoni diġitali wieħed b'livell għoli ta' speċjalizzazzjoni fl-IA;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-SMEs, inter alia dawk biex jaġġornaw it-tagħmir skadut, itejbu t-trasferiment tal-għarfien u jidentifikaw l-aktar użi effettivi tat-teknoloġiji, bħall-IA industrijali, u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa immedjatament ħalli jingħata lok għall-kontroll remot tal-assi, il-monitoraġġ tal-produzzjoni u l-kollaborazzjoni tal-impjegati, kif ukoll għal mudelli ta' negozju ambjentalment sostenibbli, approċċi tal-ekonomija ċirkolari, u effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, fejn l-għarfien diġitali spiss ikun kruċjali u jippermetti lill-SMEs jibqgħu kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-ħolqien ta' programm ta' vawċers għall-SMEs biex jingħata appoġġ f'dan ir-rigward:

39.  Iħeġġeġ li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-għarfien u fil-ħiliet tal-SMEs b'rabta ma' teknoloġiji, prattiki u mudelli ta' negozju ambjentalment sostenibbli, b'mod partikolari għas-setturi fejn l-objettivi ambjentali u ta' enerġija sostenibbli tal-UE jirrikjedu bidla fundamentali;

40.  Ifakkar fl-importanza ta' strumenti bħan-Network Enterprise Europe u ċ-Ċentri Ewropej ta' Innovazzjoni Diġitali, li jistgħu jrawmu l-internazzjonalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-insegwiment tal-innovazzjoni tal-SMEs fil-livell lokali, inkluż fil-qasam ambjentali, u jgħinu biex jiġi żgurat li jkunu adattati għall-iskop tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni bir-reqqa ta' nofs it-terminu u ex post ta' dawn l-istrumenti billi tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-SMEs waqt il-proċess ta' evalwazzjoni kollu sabiex tiżgura li dawn in-networks jilħqu b'mod effettiv lill-SMEs;

41.  Jenfasizza r-rwol vitali tad-data mhux personali u t-trasferiment ta' teknoloġiji mill-qasam akkademiku għall-SMEs, u jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti spazji Ewropej tad-data għal kondiviżjoni mhux diskriminatorja, affidabbli u sigura ta' data mhux personali biex jiżdiedu l-flussi tad-data bejn in-negozji u mal-gvernijiet, bl-użu ta' mudell ta' data miftuħa;

42.  Jitlob l-adozzjoni ta' politika parallela u aktar b'saħħitha biex jitjiebu l-infrastruttura tal-internet u l-kundizzjonijiet tal-konnettività għall-benefiċċju tal-SMEs f'żoni remoti, bħala kundizzjoni bażika biex titjieb id-diġitalizzazzjoni u titħaddan trasformazzjoni effettiva; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miri vinkolanti għall-konnettività;

Strateġija ta' rkupru

43.  Jinsisti li Orizzont Ewropa huwa prijorità u jeħtieġ finanzjament ġenerali robust; jitlob li parti sostanzjali minnu tkun disponibbli għall-SMEs, inkluż għall-komponenti tal-SMEs tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li, kull meta jkun possibbli, l-istrumenti tar-R&I, bħall-Aċċelleratur tal-EIC, joffru opportunitajiet rapidi lill-SMEs u lin-negozji ġodda li jkunu qed jiżviluppaw teknoloġiji innovattivi;

44.  Jitlob li l-istrumenti u l-politiki mifruxa tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni jinżammu kemm jista' jkun newtrali mil-lat settorjali u jipprovdu aktar appoġġ mhux biss lil dawk l-SMEs u l-mikrointrapriżi li diġà huma attivi fl-isforzi ta' innovazzjoni, iżda wkoll, skont il-ħtiġijiet tagħhom, lil dawk li għadhom lura, b'mod partikolari fis-settur tal-manifattura tradizzjonali; jitlob aktar finanzjament R&I fil-livell Ewropew dedikat għal SMEs mhux diġitali u SMEs li jixtiequ jtejbu l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tagħhom;

45.  Jenfasizza li l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni huma dimensjonijiet kruċjali biex titjieb il-prestazzjonijiet tal-SMEs; jinnota, għal dan il-għan, li r-raggruppamenti u s-sħubijiet mal-atturi kollha fit-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), għandhom jiġu mħeġġa u promossi aħjar billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' servizzi kondiviżi għall-parteċipazzjoni tar-raggruppamenti tal-SMEs; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tiżgura li s-sħubijiet u l-missjonijiet ta' Orizzont Ewropa jkunu trasparenti u inklużivi tul l-implimentazzjoni kollha tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-istabbiliment tal-aġenda strateġika tar-riċerka u l-programmi ta' ħidma annwali tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati arranġamenti ġusti dwar il-kondiviżjoni tas-sejbiet u r-riżultati finali, f'konformità mal-prinċipju li jkunu "kemm jista' jkun miftuħa, magħluqa kemm meħtieġ";

46.  Jissottolinja wkoll il-potenzjal tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni tiegħu, peress li jirrappreżentaw mod effettiv biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-SMEs, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet bil-għan li tiġi promossa l-intraprenditorija lokali u jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà l-aktar urġenti ta' żminijietna;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu, inter alia, fl-ekonomija tad-data, l-intelliġenza artifiċjali, il-produzzjoni intelliġenti, l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u l-quantum computing u jiżguraw komponent b'saħħtu dedikat għall-SMEs f'dawn l-oqsma; jiddeplora l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-SMEs m'għandhomx aċċess għad-data li joħolqu; jilqa' f'dan ir-rigward l-Istrateġija Ewropea għad-Data, immirata lejn il-ħolqien ta' suq ġenwin għad-data, fejn l-SMEs ikollhom aċċess faċli għad-data u l-użu tagħha fit-tipi kollha ta' kuntesti tas-suq, jiġifieri minn negozju għal konsumatur, minn negozju għal negozju u minn negozju għal gvern;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-SMEs ikollhom l-appoġġ għall-opportunitajiet ta' innovazzjoni li jeħtieġu u jimmassimizzaw is-sinerġiji mal-programmi tal-UE fl-istrateġiji nazzjonali ta' innovazzjoni tagħhom; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tal-SMEs innovattivi li jispeċjalizzaw f'teknoloġiji pijunieri;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost is-sidien u l-maniġers tal-SMEs, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament għal teknoloġiji bi prestazzjoni aħjar, dwar is-servizzi ta' kuntrattar (eż. konsulenza, ikkowċjar u taħriġ) relatati mal-ekodisinn u l-użu u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi, u dwar l-intraprenditorija ekoloġika u t-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi;

50.  Jenfasizza li l-investimenti f'teknoloġiji kemm ġodda kif ukoll ekoloġiċi jistgħu jittrasformaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew fi strateġija ġdida ta' tkabbir li permezz tagħha l-SMEs jistgħu jibbenefikaw u jtejbu l-potenzjal ta' innovazzjoni tagħhom;

51.  Jirrikonoxxi li, filwaqt li ħafna SMEs lesti jinvestu fi proċessi, prodotti u servizzi effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ċirkolari u ekoloġiċi, jeżistu ostakli sinifikanti, b'mod partikolari ostakli finanzjarji, li jżommuhom milli jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, filwaqt li jnaqqsu l-piż regolatorju, ineħħu dawn l-ostakli billi jistabbilixxu qafas regolatorju ta' abilitazzjoni u skemi ta' appoġġ tekniku u finanzjarju, inkluż permezz ta' investiment privat, biex l-SMEs ikunu jistgħu jadottaw b'suċċess u b'rapidità prattiki, prodotti, proċessi u servizzi ekoloġiċi; huwa tal-fehma li l-għajnuna teknika u finanzjarja mmirata msaħħa se tkun essenzjali fil-promozzjoni ta' opportunitajiet ekoloġiċi fost dawk l-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi; jenfasizza li tali assistenza għandha tippermetti lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku, b'kunsiderazzjoni tal-istruttura, il-mudell ta’ negozju u, b'mod aktar ġenerali, il-ħtiġijiet tagħhom, peress li m'hemm l-ebda approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu involuti b'mod attiv rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tal-SMEs;

52.  Jilqa' l-inizjattivi li joffru l-akbar opportunitajiet ta' impjieg u kompetittività għall-SMEs, bħall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, il-ħolqien ta' impjiegi lokali u l-għoti ta' opportunitajiet ta' negozju u ta' innovazzjoni maġġuri għall-SMEs; jieħu nota tal-opportunitajiet ipprovduti permezz tal-inizjattivi tal-hekk imsejħa "mewġa ta' rinnovazzjoni" inklużi l-proġetti ta' riġenerazzjoni urbana; jirrimarka li d-dritt għat-tiswija, filwaqt li huwa ta' benefiċċju għall-konsumaturi, jista' jħeġġeġ lill-SMEs jidħlu fis-segment tas-suq tat-tiswija u li l-politiki li jimmiraw li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini mhux biss jgħinu lill-SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni, iżda jgħinu lill-SMEs kollha fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi tagħhom; jitlob l-iżvilupp ta' suq aktar kompetittiv għall-kumpaniji ta' servizz ta' enerġija (ESCOs);

53.  Jenfasizza li l-akkwist pubbliku huwa għodda strateġika biex tingħata spinta lil mudelli sostenibbli ta' konsum u produzzjoni; jemmen li din l-għodda, bl-appoġġ u l-assistenza t-tajba, tista' tipprovdi wkoll opportunitajiet kbar għall-SMEs innovattivi lokali; jinnota r-rwol simili tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u ċirkolari u jfakkar f'dan ir-rigward li l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali għandha tkun akkumpanjata minn taħriġ u appoġġ għall-korpi pubbliċi u l-SMEs;

54.  Jinnota li qafas ibbilanċjat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) ilu magħruf bħala pass importanti fit-titjib tal-funzjonament tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprijoritizza l-pjan ta' azzjoni mħabbar dwar il-proprjetà intellettwali sabiex tiżgura protezzjoni fil-livell tal-UE tal-oġġetti bi dritt tal-awtur u l-invenzjonijiet bi privattiva u ssaħħaħ il-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej, u b'mod partikolari l-SMEs, li jinnovaw abbażi ta' reġimi tal-PI b'saħħithom u bbilanċjati, li jkunu ta' benefiċċju għall-kompetittività globali tal-SMEs innovattivi u jimminimizzaw ukoll l-ispejjeż u l-kumplessitajiet tal-proċeduri amministrattivi, filwaqt li jindirizzaw ukoll l-isfidi relatati mal-litigazzjoni dwar il-privattivi u jipprovdu mudelli ta' sors miftuħ u ta' data miftuħa għal innovazzjoni futura;

55.  Ifakkar fir-rwol tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, li huma essenzjali biex jiġi indirizzat l-ispariġġ bejn id-domanda u l-provvista ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali fl-istadji bikrija tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema qiegħda biex jingħata lok għall-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jserrħu fuq persunal imħarreġ kif xieraq;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw u jespandu l-inizjattivi biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u jindirizzaw il-lakuni fis-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni, l-istrateġiji ta' taħriġ professjonali u l-programmi ta' żvilupp tal-ħiliet immirati lejn l-SMEs, u jiddispjaċih li għad hemm diskrepanza fl-intraprenditorija u fl-aċċess għall-finanzjament għall-mikrointrapriżi u l-SMEs immexxija min-nisa; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw l-ostakli li għadhom iwaqqfu lin-nisa milli jsiru fundaturi u maniġers ta' kumpanija; jissottolinja li l-użu ta' data diżaggregata skont il-ġeneru jgħin biex din il-valutazzjoni ssir aktar bir-reqqa u jtejjeb il-kwalità ġenerali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob inizjattivi edukattivi u ta' titjib tal-ħiliet għan-nisa biex jgħinuhom itejbu l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom u l-fiduċja fihom infushom; jemmen, barra minn hekk, li l-għodod tal-gvern elettroniku u l-ħiliet diġitali għandhom jiġu promossi fi ħdan is-settur pubbliku sabiex l-amministrazzjoni pubblika ssir aktar favur in-negozji u ċ-ċittadini u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-iskambju tal-aħjar prattiki nazzjonali u reġjonali fil-qasam, anke b'referenza għal kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni pubblika u s-settur privat, sabiex tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika;

57.  Ifakkar li l-istrateġija għall-SMEs jeħtieġ li tkopri daqsijiet u tipi differenti ta' SMEs, sew jekk joperaw f'setturi tradizzjonali, kif ukoll soċjali jew ta' teknoloġija avvanzata; iqis li l-SMEs involuti fl-artiġjanat tradizzjonali, it-turiżmu, is-setturi kulturali u kreattivi u l-ekonomija soċjali huma segmenti partikolarment vulnerabbli tan-network tal-SMEs; jirrikonoxxi l-valur storiku, kulturali, ekonomiku u soċjali tagħhom u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-kompetittività tas-setturi, inkluż billi jippromwovu tranżizzjoni ġenerazzjonali u intraprenditorija indipendenti, billi jippromwovu l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' innovazzjoni u billi jappoġġjaw il-protezzjoni u t-tisħiħ ta' dawn is-setturi;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programmi tal-UE ta' appoġġ għall-SMEs, b'mod partikolari l-programm tas-suq uniku, tagħti wkoll attenzjoni partikolari lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, peress li għandhom għeruq lokali, jipprovdu firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi fis-suq uniku tal-UE kollu u jiġġeneraw impjiegi ta' kwalità għolja u jippromwovu l-innovazzjoni soċjali;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta u timpenja ruħha favur pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, li jinkludi skeda ta' żmien għall-azzjonijiet u punti ta' kontroll ta' nofs it-terminu, u biex l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-SMEs tiġi ppreżentata f'dibattitu fil-plenarja annwali dwar "L-Istat tal-Unjoni tal-SMEs"; jinnota li wara l-allert dwar il-pandemija min-naħa tad-WHO u l-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati biex irażżnu t-tixrid tal-COVID-19, ħafna kumpaniji Ewropej kellhom iwaqqfu jew inaqqsu l-produzzjoni minħabba restrizzjonijiet kummerċjali, tfixkil fil-katina tal-provvista u skarsezza ta' materja prima u komponenti minn pajjiżi terzi, u dan juri għal darb'oħra l-ħtieġa li l-industrija Ewropea tikseb awtonomija strateġika u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi mhux tal-UE u tiżgura li partijiet ewlenin tal-ktajjen tal-valur strateġiċi, inkluż fl-industrija tal-manifattura, ikunu lokalizzati aħjar fi ħdan il-fruntieri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li l-kumpaniji li jipprovdu provvisti mediċi ma jerġgħux jiffaċċjaw l-istess diffikultajiet li qamu fis-suq intern u jinsilet it-tagħlim mill-problemi li seħħew matul l-istadji bikrin tal-kriżi tal-COVID-19;

60.  Jappella għat-tisħiħ tar-regoli tal-kompetizzjoni biex tittejjeb il-kompetittività tal-SMEs u biex dawn jiġu protetti minn prattiki inġusti li jistgħu jirriżultaw f'dumping soċjali u deregolamentazzjoni tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tal-promozzjoni tad-djalogu soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs, u tal-garanzija ta' kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs biex jiġi żgurat li jibbenefikaw mis-suq intern fuq bażi ġusta u jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet biex jespandu;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-SMEs jirnexxu fil-kuntest tal-ekosistemi, billi jiġi garantit approċċ inklużiv u jinġiebu flimkien l-atturi kollha li joperaw f'katina tal-valur, sabiex jiġu promossi t-tmexxija Ewropea f'setturi strateġiċi u l-kompetittività fix-xena globali;

62.  Jikkunsidra li l-istrateġija tal-UE għall-SMEs għandha dejjem tqis b'mod sħiħ l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, biex b'hekk tiżgura l-kunsiderazzjoni dovuta tal-awtonomija nazzjonali wiesgħa tal-Istati Membri f'qafas tal-Unjoni ġenerali;

63.  Jiddispjaċih għall-fatt li bħalissa ma hemmx aktar minn 600 000 SME li jesportaw barra mill-UE; ifakkar li dawk l-SMEs li qed jippruvaw jiksbu aċċess għas-suq globali jistgħu jtejbu l-kompetittività tagħhom biss jekk ikunu appoġġjati kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak internazzjonali minn qafas regolatorju u ta' abilitazzjoni strutturat u prevedibbli, networks strutturati, riżorsi solidi ta' informazzjoni u aċċess għal opportunitajiet ta' investiment u forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati; jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-SMEs dwar is-suq uniku u s-swieq internazzjonali u r-regoli u l-għodod tagħhom, anki permezz tas-simplifikazzjoni tal-qafas ta' referenza u t-titjib tal-komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet imfassla apposta; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol tan-networks u l-organizzazzjonijiet umbrella tal-SMEs u tal-kmamar tal-kummerċ fl-Istati Membri u internazzjonalment, kif ukoll tad-delegazzjonijiet tal-UE;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tintroduċi għodod bħal punt ta' dħul diġitali uniku biex jiġu identifikati faċilment l-opportunitajiet għall-SMEs li jirriżultaw mill-ftehimiet kummerċjali internazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward it-tnedija tal-portal il-ġdid tal-Kummissjoni bl-isem "Access2Markets" dwar il-formalitajiet u l-proċeduri doganali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura aċċess multilingwi għal din l-għodda;

65.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-SMEs jiġu involuti b'mod attiv fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali u li ssir pressjoni favur ir-reċiproċità biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi; jitlob għalhekk li fil-ftehimiet kummerċjali jiġi inkluż kapitolu awtonomu dwar l-SMEs li jissenjala dispożizzjonijiet favur il-mikrointrapriżi u l-SMEs minn kapitoli oħra u jipprovdi mezz rapidu biex is-sidien tal-mikrointrapriżi u l-SMEs jidentifikaw l-aspetti rilevanti u ta' benefiċċju tal-ftehim;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi kundizzjonijiet ekwi u ambjent regolatorju li fih l-SMEs jistgħu jirnexxu u jikkompetu globalment u tikkunsidra l-introduzzjoni ta' strumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) sabiex titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta li tirriżulta minn prattiki kummerċjali illegali jew inġusti ta' pajjiżi terzi, inklużi miżuri ta' difiża kummerċjali li jimblukkaw b'mod inġust lin-negozji tal-UE milli jgawdu aċċess liberu għas-swieq tagħhom;

67.  Iqis li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej għandhom imexxu bl-eżempju u jiffaċilitaw u jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi fl-akkwist pubbliku, billi jissimplifikaw l-aċċess għall-informazzjoni rigward sejħiet għal offerti u proċeduri, filwaqt li jevitaw rekwiżiti sproporzjonati u prattiki diskriminatorji bħal kriterji tal-offerti li jistabbilixxu talbiet jew kwalifiki lil hinn mill-elementi fundamentali tas-servizz jew il-prodotti mixtrija, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tqassir u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista;

68.  Jitlob li tiġi pprovduta aktar gwida lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-SMEs dwar il-flessibbiltajiet eżistenti u l-adattament tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku għal dan il-għan;

69.  Jinnota li d-diviżjoni ta' kuntratti akbar f'lottijiet iżgħar tista' tikkontribwixxi għat-tqassir u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista, billi toffri inċentivi aħjar għall-SMEs lokali inkluż billi tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku fl-ambitu tal-innovazzjoni u fl-akkwist pubbliku prekummerċjali, li ġeneralment ikunu aċċessibbli biss għal gruppi akbar;

70.  Jitlob li jingħata valur lill-"kuntratti żero kilometri" billi jiġu previsti kriterji premium għan-negozji lokali, permezz ta' konformità, f'dan ir-rigward, mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-agrikoltura u ktajjen tal-provvista qasira; jitlob il-possibbiltà li dawk li jfasslu l-politika pubblika jiffavorixxu sa ċertu punt lill-SMEs lokali;

71.  Jissottolinja l-importanza li ssir ħidma fi sħubija mal-amministraturi nazzjonali biex jinħoloq suq Ewropew tal-akkwist pubbliku bbażat fuq offerti ta' daqs moderat li jippermettu lill-SMEs jipparteċipaw fil-proċess tal-akkwist, inkluż permezz tad-diviżjoni ta' kuntratti akbar f'lottijiet iżgħar, u meta tkun tista' sseħħ kompetizzjoni reali u ġusta bejn l-atturi tas-suq, u jenfasizza l-ħtieġa li d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist isir aktar aċċessibbli għall-SMEs;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(2) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33.
(4) ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 40.
(5) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 57.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0124.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(9) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 102.
(10) Il-kummenti ta' ftuħ tad-Direttur Ġenerali tad-WHO fil-laqgħa għall-istampa dwar il-COVID-19, fil-11 ta' Marzu 2020.
(11) https://ec.europa.eu/growth/smes_en
(12) OECD Economic Outlook (Prospettiva Ekonomika tal-OECD), Volum 2020, Ħarġa I
(13) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/digital-economy-and-society-index-desi-2020
(14) Rapport imħejji għall-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment minn Innovation Finance Advisory, Funding women entrepreneurs – How to empower growth(Il-Finanzjament tal-Intraprendituri Nisa – Kif issaħħaħ it-tkabbir), Ġunju 2020.
(15) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),
(16) Ir-rapport għall-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija ppreżentat miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, Feasability Study: Introducing "one-in-one-out" in the European Commission, (Studju tal-fattibilità: l-introduzzjoni ta' "one in, one out" fil-Kummissjoni Ewropea, 5 ta' Diċembru 2019.
(17) Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

Avviż legali - Politika tal-privatezza