L-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu (COM(2020)0337 – C9-0209/2020 – 2020/0154(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0337),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0209/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2020(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-9 ta’ Diċembru 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0227/2020),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Jannar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' sostituti għal ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012