Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/0273(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0133/2020

Testi mressqa :

A9-0133/2020

Dibattiti :

PV 18/01/2021 - 23
CRE 18/01/2021 - 23

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2021)0004

Testi adottati
PDF 151kWORD 48k
It-Tlieta, 19 ta' Jannar 2021 - Brussell
L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli kummerċjali internazzjonali ***I
P9_TA(2021)0004A9-0133/2020
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli kummerċjali internazzjonali (COM(2019)0623 – C9-0197/2019 – 2019/0273(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0623),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0197/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta’ Novembru 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0133/2020),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ECLI:UE:C:2017:376.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0083.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Jannar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli kummerċjali internazzjonali
P9_TC1-COD(2019)0273

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/167.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar strument biex jiskoraġġixxi u jikkontrobatti azzjonijiet ta’ koerċizzjoni minn pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tieħu nota tat-tħassib tal-Parlament u tal-Istati Membri dwar il-prattiki ta’ ċerti pajjiżi terzi li jfittxu li jġiegħlu lill-Unjoni u/jew lill-Istati Membri tagħha jieħdu jew jirtiraw miżuri ta’ politika partikolari. Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma li prattiki bħal dawn iqajmu tħassib sinifikanti. Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tkompli teżamina strument possibbli, li jista’ jiġi adottat sabiex jiddiswadi jew jikkumpensa azzjonijiet ta’ koerċizzjoni minn pajjiżi terzi u li jippermetti l-adozzjoni rapida ta’ kontromiżuri skattati minn tali azzjonijiet. Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli l-valutazzjoni tagħha u abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, tadotta proposta leġiżlattiva li tipprevedi mekkaniżmu li jippermetti li tali azzjonijiet jiġu disważi jew ibbilanċjati b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali. Kif imħabbar fl-Ittra ta’ Intenzjoni tal-President tal-Kummissjoni lill-President tal-Parlament u lill-President fil-kariga tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta l-proposta fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-aħħar tal-2021, jew qabel, jekk tinqala’ l-ħtieġa bħala riżultat ta’ azzjoni ta’ koerċizzjoni meħuda minn pajjiż terz.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jieħdu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal strument li jiskoraġġixxi u jiġġieled azzjonijiet ta’ koerċizzjoni minn pajjiżi terzi. Iż-żewġ istituzzjonijiet huma impenjati li jissodisfaw ir-rwol istituzzjonali tagħhom bħala koleġiżlaturi u li jikkunsidraw il-proposta fil-ħin, filwaqt li jqisu l-obbligi tal-Unjoni taħt id-dritt internazzjonali pubbliku u d-dritt tad-WTO kif ukoll l-iżviluppi rilevanti fil-kummerċ internazzjonali.

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

L-Unjoni tibqa’ impenjata għal approċċ multilaterali għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali, għall-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli, u għall-kooperazzjoni internazzjonali biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Unjoni ser tikkoopera fl-isforzi kollha li għandhom l-għan li jirriformaw il-Mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO li jista’ jiżgura l-funzjonament effettiv tal-Korp tal-Appell tad-WTO.

Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

1.  Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali

Meta l-Unjoni tressaq tilwima taħt il-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (DSU, Dispute Settlement Understanding) kontra Membru ieħor tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni se tagħmel kull sforz raġonevoli biex tikseb, kemm jista’ jkun malajr, il-qbil ta’ dak il-Membru biex jirrikorri għall-arbitraġġ taħt l-Artikolu 25 tad-DSU bħala proċedura ta’ appell interim, li tippreserva l-karatteristiċi essenzjali ta’ appelli quddiem il-Korp tal-Appell (il-“proċedura ta’ arbitraġġ tal-appell”), sakemm il-Korp tal-Appell ma jkunx jista’ jerġa’ jibda bis-sħiħ il-funzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 17 tad-DSU.

Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 3(aa) tar-Regolament, il-Kummissjoni se taġixxi skont ir-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali dwar kontromiżuri, kif ikkodifikati fl-Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonali Ħżiena kif adottati mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali.

B’mod partikolari, qabel ma tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 3(aa), il-Kummissjoni se titlob lill-Membru tad-WTO kkonċernat biex jimplimenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-bord tad-WTO, tinnotifika lil dak il-Membru tad-WTO bl-intenzjoni tal-Unjoni li tieħu kontromiżuri u ttenni r-rieda tagħha li tinnegozja soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku skont ir-rekwiżiti tad-DSU.

Meta atti ta’ implimentazzjoni jkunu diġà ġew adottati skont l-Artikolu 3(aa), il-Kummissjoni tissospendi l-applikazzjoni tagħhom jekk il-Korp tal-Appell jerġa’ jibda l-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-każ ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 17 tad-DSU, jew jekk tinbeda proċedura ta’ appell interim, dment li tali proċedura tiġi segwita in bona fede.

2.  Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014.

Il-Kummissjoni tfakkar fid-Dikjarazzjoni li għamlet mal-adozzjoni tar-regolament oriġinali, fost l-oħrajn li l-atti ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta jkunu mfassla abbażi ta’ kriterji oġġettivi u soġġetti għall-kontroll tal-Istati Membri. Fl-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa, il-Kummissjoni biħsiebha taġixxi f’konformità mad-dikjarazzjoni magħmula mal-adozzjoni tar-regolament oriġinali kif ukoll ta’ din id-Dikjarazzjoni.

Meta tħejji abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi jew aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, il-Kummissjoni tfakkar fl-obbligi tagħha skont l-Artikolu 9(1a) u tikkonferma li se twettaq konsultazzjonijiet intensivi minn qabel bil-ħsieb li tiżgura li l-interessi u l-implikazzjonijiet rilevanti kollha jkunu jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, jiġu kondiviżi mal-Istati Membri u jitqiesu kif xieraq fl-adozzjoni possibbli tal-miżuri. F’dawk il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni se tfittex u tistenna li tirċievi input minn partijiet ikkonċernati privati affettwati minn miżuri possibbli tal-politika kummerċjali li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni f’dawk l-oqsma. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tfittex u tistenna li tirċievi input mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu involuti jew affettwati mill-implimentazzjoni ta’ miżuri possibbli tal-politika kummerċjali adottati mill-Unjoni.

Fil-każ ta’ miżuri fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, b’mod partikolari l-kontribut mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri involuti fil-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma affettwati se jitqies kif xieraq fit-tħejjija ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fost l-oħrajn dwar kif miżuri possibbli tal-politika kummerċjali jinteraġixxu mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ma' dik nazzjonali. Bl-istess mod, partijiet ikkonċernati oħra affettwati minn tali miżuri tal-politika kummerċjali se jingħataw l-opportunità li jifformulaw ir-rakkomandazzjonijiet u t-tħassib tagħhom fir-rigward tal-għażla u t-tfassil tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. L-osservazzjonijiet se jiġu kondiviżi mal-Istati Membri meta jiġu adottati miżuri skont l-Artikolu 8 tar-Regolament. Ir-rieżami regolari ta’ kwalunkwe miżura bħal din imposta matul l-applikazzjoni tagħhom jew wara t-terminazzjoni tagħhom se jqis bl-istess mod il-kontribut mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati privati fir-rigward tal-operat ta’ tali miżuri, u jippermetti li jsiru aġġustamenti jekk jinqalgħu problemi.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid li hija tagħti importanza kbira biex tiżgura li r-Regolament ikun għodda effettiva u effiċjenti għall-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni skont il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi u l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ. Għalhekk, il-miżuri li għandhom jintgħażlu f’dawn l-oqsma jridu jiżguraw ukoll infurzar effettiv f’konformità mad-drittijiet tal-Unjoni, b’tali mod li jġiegħlu lill-pajjiż terz ikkonċernat josserva dawn id-drittijiet u jkunu konsistenti mar-regoli internazzjonali applikabbli dwar it-tip ta’ miżuri ta’ infurzar permessi.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Mal-adozzjoni tar-Regolament fl-2014, il-Kummissjoni impenjat ruħha għal komunikazzjoni effettiva u skambju ta’ fehmiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar tilwim kummerċjali li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżuri taħt ir-Regolament, u dwar azzjonijiet ta’ infurzar b’mod ġenerali. Konxja tal-objettiv ġenerali ta’ infurzar effettiv u effiċjenti tad-drittijiet tal-Unjoni taħt il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi u tissimplifika l-interazzjonijiet tagħha mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill għall-benefiċċju reċiproku.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni timpenja ruħha li teżamina, bħala parti mis-sistema msaħħa ta’ infurzar tagħha, il-ksur allegat tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-Unjoni meta jitqajmu mill-Parlament, mill-Membri tiegħu, jew mill-Kumitati tiegħu, jew mill-Kunsill bil-fehim li tali talbiet ikunu akkumpanjati minn evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament u lill-Kunsill infurmati bir-riżultati tal-ħidma msaħħa tagħha ta’ infurzar.

Meta tuża s-sistema msaħħa ta’ infurzar, il-Kummissjoni se tagħti l-istess attenzjoni lill-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fir-rigward tal-allegat ksur tas-sistemi ta’ aċċess għas-suq. L-ipproċessar ta’ allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet kummerċjali u sostenibbli se jkun integrat bis-sħiħ fis-sistema. Il-Kummissjoni se tipprijoritizza dawk il-każijiet li huma partikolarment serji f’termini tal-effett tagħhom fuq il-ħaddiema jew l-ambjent f’kuntest kummerċjali, li għandhom importanza sistemika u li huma legalment sodi.

Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha bis-sħiħ f’sessjonijiet apposta mal-kumitat Parlamentari responsabbli biex tiskambja fehmiet dwar tilwim kummerċjali u azzjonijiet ta’ infurzar, inkluż fir-rigward tal-impatti fuq l-industriji tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli l-prattika ta’ rappurtar tagħha billi perjodikament tipprovdi sitwazzjoni attwali dwar it-tilwim pendenti kollu u informazzjoni istantanja għal żviluppi maġġuri fir-rigward tat-tilwim fl-istess ħin li tali informazzjoni tiġi kondiviża mal-Istati Membri. Dan ir-rapportar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni se jsiru permezz tal-kumitati responsabbli fil-Kunsill u fil-Parlament.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ser tkompli żżomm lill-Parlament u lill-Kunsill regolarment infurmati dwar żviluppi internazzjonali li jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri taħt ir-Regolament.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid l-impenji tagħha taħt ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tibgħat minnufih lill-Parlament u lill-Kunsill l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li hija tippreżenta lill-kumitat tal-Istati Membri kif ukoll l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni wara l-għoti tal-opinjonijiet fil-kumitat. Dan huwa ġestit permezz tar-reġistru tal-komitoloġija.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza