Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar it-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi (2020/2020(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(1) (id-"Direttiva tas-Servizzi"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali(2) ("id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet(5) ("id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1724 tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012(6) ("ir-Regolament dwar Gateway Diġitali Unika"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(7) ("id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku(8),
– wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ta' Frar 2019 bit-titolu "Contribution to Growth: The Single Market for Services – Delivering economic benefits for citizens and businesses" (Kontribut għat-Tkabbir: Is-Suq Uniku għas-Servizzi – It-twassil ta' benefiċċji ekonomiċi liċ-ċittadini u n-negozji),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2018 bit-titolu "Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21" (COM(2018)0219),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM(2020)0093),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 bit-titolu "COVID-19: "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni" (C(2020)3250),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż(9),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Prim Ministri tal-Istati Membri lill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2019, li fiha ġie indirizzat l-iżvilupp futur tas-suq uniku,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi?",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0250/2020),
A. billi d-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali huma strumenti ewlenin biex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea, iżda xi potenzjal tas-suq uniku għas-servizzi għadu mhux sfruttat;
B. billi s-servizzi jikkostitwixxu 73 % tal-PDG tal-UE u jikkontribwixxu għal 74 %(10) tal-impjiegi, li huwa enfasizzat mill-fatt li sa 9 minn kull 10 impjiegi ġodda fl-Unjoni Ewropea jinħolqu f'dan is-settur, filwaqt li s-sehem tas-servizzi fil-kummerċ intra-UE huwa biss madwar 20 %, u jiġġeneraw biss 6,5 % tal-PDG tal-UE; billi studji juru li l-kisbiet potenzjali assoċjati mal-approfondiment tas-suq uniku għas-servizzi permezz tal-implimentazzjoni effettiva u armonizzazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni potenzjalment jistgħu jkunu sa EUR 297 biljun, li jikkorrispondu għal 2 % tal-PDG tal-UE; billi 27 %(11) tal-valur miżjud tal-prodotti manifatturati fl-UE huwa ġġenerat mis-servizzi u billi 14-il miljun impjieg b'appoġġ għall-manifattura jinsabu fis-settur tas-servizzi; billi hemm għadd ta' servizzi li għandhom ktajjen ta' provvista kumplessi u għalhekk huma inqas esposti għall-kummerċ;
C. billi l-ibbilanċjar bejn il-libertajiet ekonomiċi, id-drittijiet soċjali, l-interessi tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tan-negozji, u l-interess ġenerali huwa vitali għall-qafas tas-suq uniku; billi l-allinjament tat-tkabbir ekonomiku mal-aspetti kwalitattivi tal-iżvilupp, bħat-titjib tal-kwalità u s-sikurezza tal-ħajja u servizzi ta' kwalità għolja, huwa kruċjali biex jiġi evalwat l-iżvilupp tas-suq uniku u għandu jġib aktar titjib fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-ħaddiema;
D. billi servizzi ta' kwalità għolja huma fl-interess tal-konsumaturi u l-frammentazzjoni tas-suq uniku permezz ta' regolamentazzjoni nazzjonali mhux iġġustifikata u ċerti prattiki kummerċjali, li fost l-oħrajn iwasslu għal anqas kompetizzjoni, mhux biss ixekklu n-negozji, iżda jagħmlu ħsara wkoll lill-konsumaturi, li għandhom anqas għażliet u jħallsu prezzijiet ogħla;
E. billi d-Direttiva dwar is-Servizzi, li tkopri madwar żewġ terzi tal-attivitajiet tas-servizzi, teskludi – f'konformità mal-oqfsa regolatorji speċjali li huma fl-interess ġenerali, l-Artikolu 2 tal-Protokoll 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 14 TFUE – kompletament jew parzjalment, is-servizzi soċjali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa, u servizzi pubbliċi oħra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjoni tagħha; billi s-servizzi ta' interess ġenerali jista' jkollhom bżonn jiġu pprovduti, ikkummissjonati u organizzati mill-Istati Membri f'konformità mar-rekwiżiti u ċ-ċirkostanzi lokali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-utenti fl-aktar livell lokali possibbli;
F. billi l-UE bħalissa qed tiffaċċja reċessjoni u żieda fil-qgħad ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u, billi l-approfondiment tas-suq uniku għas-servizzi huwa metodu ewlieni ta' kif jiżdiedu l-flussi kummerċjali tal-UE u jittejbu l-ktajjen tal-valur, u b'hekk jagħti kontribut għat-tkabbir ekonomiku;
G. billi l-impjegati fis-settur tas-servizzi li ħadmu bla heda matul il-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea qed jiġu affettwati b'mod negattiv, jew minħabba insigurtà ekonomika serja jew minħabba li kienu l-aktar esposti; billi hemm il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell tal-UE;
H. billi l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jissorveljaw id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema(12) b'mod korrett u fil-ħin biex jiġu protetti l-ħaddiema stazzjonati matul l-istazzjonament tagħhom u biex tiġi evitata kwalunkwe restrizzjoni bla bżonn fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jistabbilixxu dispożizzjonijiet obbligatorji rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema;
I. billi jinħtieġ suq tas-servizzi aktar integrat u interkonness biex jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, tinħoloq ekonomija sostenibbli li tinkludi l-kummerċ diġitali u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
J. billi l-għażliet regolatorji differenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni imperfetti u inadegwati tal-leġiżlazzjoni eżistenti joħolqu distakk fl-infurzar, minħabba li jista' jkun ukoll impossibbli li d-dispożizzjonijiet li mhumiex implimentati kif suppost jiġu infurzati b'mod effettiv; billi leġiżlazzjoni koerenti u ċara hija prerekwiżit biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi; billi l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi jista' jkun diffiċli biex jiġi identifikat u indirizzat permezz tal-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, speċjalment fil-livell lokali;
K. billi l-proċeduri amministrattivi, ir-regolamenti nazzjonali diverġenti u, speċjalment, l-ostakoli biex tiġi aċċessata l-informazzjoni meħtieġa għamlu l-involviment fil-kummerċ transfruntier ikkumplikat, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi l-għodod eżistenti biex jiġu appoġġjati l-ħtiġijiet ta' kumpaniji iżgħar bħall-portal L-Ewropa Tiegħek ‑ In-Negozju, iċ-ċentri tat-trattament tal-każijiet ta' SOLVIT, il-punti uniċi ta' kuntatt tal-portali tal-gvern elettroniku, il-gateway diġitali unika u strumenti oħra għandhom jiġu promossi aħjar sabiex jittejjeb il-kummerċ transfruntier fis-servizzi;
L. billi ma hemm l-ebda eżerċizzju ta' ġbir sistematiku ta' data fis-seħħ fl-UE kollha biex tiġi pprovduta data adegwata dwar ħaddiema mobbli jew biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jistabbilixxu l-istatus tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom u jitolbu diversi intitolamenti akkumulati; billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll il-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar effettivi huma prekundizzjonijiet meħtieġa għal mobbiltà ġusta u l-ġlieda kontra l-abbużi tas-sistema; billi t-teknoloġija diġitali, li tista' tiffaċilita s-superviżjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli, għandha għalhekk tiġi promossa u użata, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
M. billi n-nuqqas ta' strumenti ta' rikonoxximent awtomatiku għal diplomi, kwalifiki, ħiliet u kompetenzi bejn l-Istati Membri qed jimpedixxi l-mobbiltà tal-istudenti, l-apprendisti, il-gradwati kif ukoll il-ħaddiema tas-sengħa u dan ixekkel il-fluss tal-ideat fl-UE, il-potenzjal għall-innovazzjoni tal-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp ta' suq intern Ewropew tassew integrat;
L-indirizzar tal-ostakoli fis-suq uniku
1. Jissottolinja li l-promozzjoni tas-suq uniku, inkluż il-moviment liberu, ġust u sikur tas-servizzi u tal-persuni, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-infurzar strett tad-dritt tal-Unjoni, hija fundamentali biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID-19; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jtaffu l-ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati li jipprevjenu l-moviment liberu tas-servizzi fis-suq uniku mill-aktar fis possibbli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pjan ta' rkupru propost mill-Kummissjoni ma jipprevedi l-ebda finanzjament speċifiku relatat mal-moviment tas-servizzi billi jirrikonoxxi l-importanza tiegħu bħala għodda għall-irkupru ekonomiku;
2. Jenfasizza li madwar l-Unjoni Ewropea n-negozji u l-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu biex joffru s-servizzi tagħhom, iżda l-implimentazzjoni u l-infurzar insuffiċjenti tar-regoli tas-suq uniku, il-proċeduri elettroniċi inadegwati, ir-restrizzjonijiet regolatorji mhux iġġustifikati fuq il-fornituri tas-servizzi u l-ostakoli għall-aċċess għal professjonijiet regolati għadhom joħolqu ostakli li jċaħħdu liċ-ċittadini mill-impjiegi, lill-konsumaturi mill-għażliet, u lill-intraprendituri, speċjalment l-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom, mill-opportunitajiet; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu r-rekwiżiti mhux meħtieġa u jiddiġitalizzaw il-proċess ta' dokumentazzjoni għall-forniment transfruntier ta' servizzi; jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servitizzazzjoni – jiġifieri r-rwol dejjem akbar tas-servizzi fis-settur tal-manifattura – u jisħaq li l-ostakoli għall-kummerċ tas-servizzi qed isiru dejjem aktar ostakoli għall-manifattura; jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ u jżidu l-kummerċ intra-UE fis-settur tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi skeda ta' azzjonijiet speċifiċi rigward il-konklużjonijiet tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM(2020)0093) u pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094);
3. Jilqa' l-fatt li l-armonizzazzjoni tal-kwalifiki permezz tar-rikonoxximent reċiproku ispirat mid-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali kellha suċċess fir-rigward ta' diversi professjonijiet u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu mill-ġdid u jikkoordinaw ir-regoli li jirregolaw ir-rekwiżiti ta' dħul u eżerċizzju fir-rigward ta' attivitajiet jew professjonijiet speċifiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-komparabbiltà tal-livell ta' kwalifiki professjonali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni aktar faċli lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward tas-settur tas-servizzi madwar l-UE;
4. Jenfasizza li l-Karta Professjonali Ewropea tintuża biss għal ħames professjonijiet regolati u għalhekk mhijiex qed tintuża sal-potenzjal sħiħ tagħha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' professjonijiet li għalihom tapplika l-karta professjonali, Ewropea, inkluża l-inġinerija b'mod partikolari;
5. Ifakkar fl-istatus speċifiku li l-professjonijiet regolati għandhom fis-suq uniku u r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-interess pubbliku; jenfasizza li dan l-istatus speċifiku ma għandux jintuża biex jinżammu l-monopolji nazzjonali mhux iġġustifikati fil-forniment tas-servizzi, li jirriżulta fil-frammentazzjoni tas-suq uniku;
6. Jirrimarka li r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' diplomi, kwalifiki, ħiliet u kompetenzi bejn l-Istati Membri jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq is-suq intern u l-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi; jilqa' l-fatt, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jixtiequ jippromwovu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri jestendu r-rikonoxximent reċiproku għal-livelli kollha ta' edukazzjoni u jtejbu jew jintroduċu l-proċeduri meħtieġa malajr kemm jista' jkun;
7. Jitlob li jiġi promoss il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu madwar l-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li dan isir għodda ta' rikonoxximent aċċettata b'mod wiesgħa; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex telimina restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-kwalifiki professjonali u jqis li għandha tibqa' attiva u viġilanti fit-twettiq tal-politika ta' ksur tagħha meta l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki;
8. Jesprimi dispjaċir li għadhom jeżistu kumplessitajiet legali u ostakoli amministrattivi mhux iġġustifikati għall-akkwist pubbliku fil-qasam tas-servizzi fl-UE minħabba implimentazzjonijiet nazzjonali diverġenti tad-Direttiva 2014/24/UE(13); jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tħeġġeġ aktar armonizzazzjoni speċifika għas-settur tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u gwida dwarhom bil-għan aħħari li jinkisbu l-benefiċċji potenzjali u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist transfruntier għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom; jenfasizza l-importanza ta' servizzi li jiffaċilitaw tnaqqis li jista' jitkejjel fl-impronta ambjentali tal-UE ("servizzi ekoloġiċi") u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni u jagħmlu użu aħjar mill-iskemi eżistenti għall-promozzjoni ta' servizzi sostenibbli fl-akkwist pubbliku sabiex tinkiseb ekonomija ċirkolari u sostenibbli;
9. Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li tiżgura servizzi ta' kwalità għolja, tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern, tapprofondixxi l-integrazzjoni u t-tisħiħ tas-suq uniku bbażat fuq it-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta, u twitti t-triq għan-negozji biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi, kif ukoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE;
10. Iqis li l-iżvilupp ta' servizzi marbuta ma' teknoloġiji fixkiela jew emerġenti jirrikjedi skala xierqa tas-suq sabiex jiġi ġġustifikat l-investiment u jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-kumpaniji involuti; jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq intern ta' spiss tiskoraġġixxi tali investimenti;
11. Jesprimi dispjaċir li bosta kumpaniji innovattivi jew li qed jespandu jfittxu li jistabbilixxu ruħhom barra mill-UE ladarba jilħqu ċertu daqs filwaqt li jkomplu joperaw fis-suq uniku; jemmen li l-kisba tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista' tikkontribwixxi għar-rilokalizzazzjoni tal-produzzjoni lura lejn l-Unjoni Ewropea u l-kompetittività tan-negozji tal-UE fis-swieq globali;
12. Jinnota li żewġ terzi tal-attivitajiet tas-servizzi huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa u ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha biex issaħħaħ il-qafas legali tas-suq uniku;
13. Ifakkar li s-servizzi tal-kura tas-saħħa transfruntiera jaqgħu fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi f'konformità mad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dment li n-natura speċjali tas-servizzi tas-saħħa tkun rikonoxxuta u s-saħħa pubblika tkun protetta; jinnota li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali ġiet adottata wkoll abbażi tal-Artikolu 114TFUE; jisħaq li r-regolamenti nazzjonali ma jridux joħolqu ostakoli addizzjonali għall-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa transfruntiera meta mqabbla mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi; jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew ukoll ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' kura tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE;
14. Ifakkar li l-prinċipji tad-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida aġġornati dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi bil-għan li ssaħħaħ l-infurzar u l-armonizzazzjoni u l-konformità fost l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi;
15. Jirrikonoxxi l-istatus speċjali tas-servizzi ta' interess ġenerali u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti fl-interess pubbliku, kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbiliti fil-Protokoll Nru 26 TFUE dwar is-servizzi ta' interess ġenerali; jesprimi, madankollu, dispjaċir li xi Stati Membri għadhom jużaw raġunijiet mhux iġġustifikati ta' interess pubbliku biex jiżolaw lis-suq domestiku tagħhom għal servizzi li jistgħu ma jitqisux bħala servizzi ta' interess ġenerali jew servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali;
16. Jenfasizza li r-rekwiżiti bħal restrizzjonijiet territorjali bla bażi, rekwiżiti tal-lingwa u testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi mhux iġġustifikati jistgħu joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati għall-iskambji transfruntiera, jekk jiġu applikati b'mod eċċessiv;
17. Iħeġġeġ kontra r-referenza għall-COVID-19 bħala ġustifikazzjoni biex jiġi limitat il-moviment liberu tas-servizzi fis-suq uniku sakemm ma jkunx iġġustifikat kif xieraq, u jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tibqa' viġilanti għal kwalunkwe abbuż ta' din il-ġustifikazzjoni;
18. Jesprimi dispjaċir, filwaqt li jirrikonoxxi l-istatus speċjali tas-servizzi pubbliċi u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti fl-interess pubbliku, li l-Istati Membri xi kultant jużaw il-kunċett ta' servizzi mhux ekonomiċi ta' interess ġenerali biex jeskludu ċerti setturi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern, minkejja li dan ma jkunx iġġustifikat mill-interess ġenerali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ddefinit aktar it-terminu biex jiġu evitati frammentazzjoni nazzjonali u interpretazzjonijiet differenti;
19. Jilqa' l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħaddiema staġjonali tas-16 ta' Lulju 2020 dwar l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema tal-fruntiera, stazzjonati u staġjonali fil-kuntest tal-UE tal-pandemija tal-COVID-19 u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema tal-fruntiera u l-ħaddiema staġjonali jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri;
20. Jinnota li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha għal proċedura ta' notifika ta' servizzi; jesprimi dispjaċir li ma seta' jinkiseb l-ebda riżultat leġiżlattiv ibbażat fuq il-pożizzjoni tal-Parlament, li kellu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni ta' ostakoli regolatorji bla bżonn fis-settur tas-servizzi permezz ta' approċċ ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;
21. Jinnota li l-Kummissjoni dan l-aħħar iddeċidiet li tirtira l-proposti tagħha dwar l-e-Card tas-servizzi; ifakkar li l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur irrifjuta dawk il-proposti, li suppost kellhom jindirizzaw il-kumplessitajiet amministrattivi għall-fornituri tas-servizzi transfruntiera li għadhom jeżistu; jitlob li ssir valutazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni biex jissolvew il-problemi amministrattivi eżistenti filwaqt li tiġi rrispettata d-Direttiva dwar is-Servizzi, kif ukoll il-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà;
22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni attwali, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 15(7) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, dwar kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ġdida u abbozzi tagħhom li jistabbilixxu rekwiżiti kif imsemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, flimkien mar-raġunijiet għal dawk ir-rekwiżiti, jevitaw rekwiżiti mhux iġġustifikati, u jintroduċu proċeduri elettroniċi sempliċi biex jinkisbu d-dokumenti meħtieġa għall-forniment transfruntier tas-servizzi, u b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji u l-ħaddiema filwaqt li jiggarantixxu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;
23. Jissottolinja li żieda fil-mobbiltà transfruntiera tista' tintlaħaq billi jiġi implimentat il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, kif ukoll billi jiġu kkoordinati r-regoli fost l-Istati Membri; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali skont l-Artikolu 153 TFUE, li jiddikjara b'mod espliċitu li r-regoli tal-UE adottati skont l-Artikolu 153 ma jridux jaffettwaw id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jridux jaffettwaw b'mod sinifikanti l-bilanċ finanzjarju tagħhom, u ma jridu jwaqqfu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti kompatibbli mat-Trattati;
24. Jisħaq li l-persuni b'diżabilità għadhom jiffaċċjaw ostakoli multipli li jagħmluha diffiċli jew impossibbli li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-moviment liberu tas-servizzi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, sabiex ineħħu b'mod effettiv l-ostakoli għall-persuni b'diżabilità u jiżguraw id-disponibbiltà ta' servizzi aċċessibbli, kif ukoll l-adegwatezza tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi; jenfasizza l-importanza kbira li jinkiseb suq uniku kompletament aċċessibbli li jiżgura t-trattament ugwali u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza strutturata u toħroġ gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-proporzjonalità ex ante tar-regolamenti nazzjonali ġodda relatati mas-servizzi f'konformità mad-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità;
26. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-appoġġ għall-infurzar tar-regoli eżistenti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' skrutinju fuq l-awtoritajiet nazzjonali;
27. Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati, lill-komunità tan-negozju u lis-sħab soċjali jibqgħu jagħmlu l-parti tagħhom biex jistiednu lill-gvernijiet jagħtu ħajja ġdida lis-settur tas-servizzi tal-UE u jsaħħu l-interoperabbiltà kemm settorjali kif ukoll dik transsettorjali f'oqsma li jinkludu l-ambjent, it-trasport u s-saħħa biex jaħdmu għal servizzi transfruntiera interkonnessi; jissottolinja li suq uniku sostenibbli, ġust u bbażat fuq ir-regoli għas-servizzi fejn il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jippromwovu standards soċjali u ambjentali għoljin, servizzi ta' kwalità u kompetizzjoni ġusta;
28. Jinnota li l-moviment liberu tas-servizzi huwa fil-qalba tas-suq uniku, u jista' jipprovdi kisbiet ekonomiċi sostanzjali, kif ukoll standards għolja ta' protezzjoni ambjentali, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, meta l-bilanċ bejn l-ekonomija tas-suq u d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġi rrispettat, sakemm ikun hemm infurzar suffiċjenti u attiv mill-awtoritajiet responsabbli, il-qrati nazzjonali, u l-Kummissjoni, u l-konformità min-naħa tan-negozji mar-regolamenti nazzjonali u tal-UE; jisħaq li l-fruntieri bejn l-Istati Membri għandhom jibqgħu miftuħa biex jiggarantixxu l-prinċipji fundamentali tal-UE; jenfasizza li kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni matul sitwazzjoni ta' kriżi, bħal kriżi tas-saħħa, trid issir b'attenzjoni u bħala l-aħħar miżura biss, abbażi ta' koordinazzjoni bir-reqqa bejn l-Istati Membri, peress li l-għeluq tal-fruntieri jhedded il-prinċipji fundamentali tal-UE, u jisħaq ukoll li hekk kif jitneħħew ir-regoli ta' konfinament nazzjonali, l-enfasi immedjata trid tkun fuq it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri;
29. Jirrimarka li n-negozji u l-konsumaturi madwar l-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tinforza bis-sħiħ ir-regoli eżistenti u tiddeċiedi minnufih dwar l-ilmenti biex tiżgura li l-kwistjonijiet rilevanti minn perspettiva ta' utent aħħari jiġu indirizzati b'mod effettiv; jitlob li l-valutazzjoni ta' mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni u proċeduri ta' ksur tiġi applikata b'mod strett u mingħajr dewmien żejjed kull meta jiġi identifikat ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti li jmur kontra l-funzjonament xieraq tas-suq intern u jiġu introdotti piżijiet sproporzjonati;
30. Jenfasizza li r-raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku jridu jiġu invokati biss mill-Istati Membri fejn ikun leġittimu; jissottolinja, madankollu, id-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw is-settur tas-servizzi fl-interess pubbliku ġenerali biex jipproteġu l-konsumaturi u l-kwalità tas-servizzi;
31. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kwalità tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, inkluż rapport annwali dwar dawn il-kwistjonijiet, u tiżviluppa mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra evalwazzjonijiet trasparenti u parteċipattivi li jkunu bbażati fuq kriterji kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi;
32. Jesprimi dispjaċir li għoxrin Stat Membru damu biex jittrasponu d-Direttiva dwar is-Servizzi fil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-firxa ta' strumenti, bħall-punti uniċi ta' kuntatt, għadhom limitati u li l-fornituri tas-servizzi mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-possibbiltajiet kollha disponibbli għalihom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinforma lill-partijiet interessati, fost l-oħrajn, permezz ta' reklamar fuq l-internet dwar il-possibbiltajiet ipprovduti mid-Direttiva;
33. Jisħaq li l-istabbiliment ta' suq dinamiku u ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-forniment transfruntier tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa komponent ewlieni tal-kompetittività futura tal-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli li fadal għall-forniment transfruntier tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-pakkett leġiżlattiv tas-servizzi diġitali;
34. Jitlob li l-Kummissjoni turi aktar ħeġġa biex tiżgura koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni effiċjenti bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri u tal-kontrolli għall-forniment transfruntier tas-servizzi;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-istruttura u l-modus operandi tat-Task Force għall-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET) li għadha kif inħolqot, inkluża d-dimensjoni prattika tagħha, u jipprovdu skeda ta' azzjonijiet speċifiċi f'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti mill-SMET(14) billi jistabbilixxu pjan ta' azzjoni ġdid fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-suq uniku għas-servizzi; jemmen li l-SMET tista' tipprovdi valur addizzjonali billi tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-istrateġiji kollha tas-suq uniku u l-kondiviżjoni tad-data u l-metrika dwar il-kisbiet; iħeġġeġ lill-SMET tistabbilixxi bażi tad-data miftuħa u trasparenti li tkun tinkludi ostakoli nazzjonali mhux tariffarji speċifiċi u l-proċeduri ta' ksur li jkunu għaddejjin;
36. Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjonijiet preliminari fit-tfassil tad-dritt tal-Unjoni; jesprimi dispjaċir li, minkejja li t-tul tal-proċedura ta' deċiżjoni diġà tnaqqas b'mod konsiderevoli, il-medja ta' 14,4-il xahar(15) għadha għolja; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivvaluta kif għandu jitnaqqas aktar iż-żmien sabiex jiġu evitati problemi għall-fornituri u r-riċevituri tas-servizzi fis-suq uniku; jisħaq li d-deċiżjonijiet preliminari għandhom impatt importanti fuq l-iżvilupp tas-suq uniku u fuq it-tnaqqis tal-ostakoli mhux iġġustifikati li jeżistu fih;
L-avvanz tal-informazzjoni u ċ-ċarezza regolatorji bit-tisħiħ tar-rwol ta' dawn il-punti uniċi ta' kuntatt
37. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat in-nuqqas ta' ċarezza regolatorja u n-nuqqas ta' komunikazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri dwar regolamenti li jinbidlu malajr; jissottolinja l-importanza ewlenija tal-gateway diġitali unika u tal-punti uniċi ta' kuntatt bħala punt ta' aċċess online għas-servizzi ta' informazzjoni, proċeduri u assistenza nazzjonali u tal-UE fis-suq uniku, kif previst fid-Direttiva dwar is-Servizzi;
38. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw il-gateway diġitali unika b'mod favorevoli għaċ-ċittadini u għall-SMEs u jittrasformaw il-punti uniċi ta' kuntatt minn sempliċi portali regolatorji għal portali kompletament funzjonali; jemmen li dan għandu jinkiseb billi tiġi pprovduta informazzjoni ċċentrata fuq l-utenti, servizzi ta' assistenza u proċeduri simplifikati fuq il-gateway u billi l-gateway diġitali unika tiġi konnessa mal-punti uniċi ta' kuntatt, biex din issir punt uniku ta' servizz virtwali sa fejn ikun possibbli, u jiġi żgurat li tkun iċċentrata kemm jista' jkun possibbli fuq l-utenti; jipproponi li l-istandards tad-disinn tal-Europa Web Guide jiġu adottati biex tiġi ggarantita interfaċċja li tkun faċli biex tintuża u li tkun rikonoxxibbli għall-punti uniċi ta' kuntatt kollha;
39. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu b'mod sistematiku informazzjoni faċli għall-utenti permezz tal-gateway diġitali unika dwar il-leġiżlazzjoni ġdida kollha tal-UE li toħloq drittijiet jew obbligi għaċ-ċittadini u għan-negozji; jirrakkomanda li għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkonsultaw ta' spiss mal-partijiet ikkonċernati; jenfasizza li t-trasparenza, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huma essenzjali għall-moviment liberu tas-servizzi;
40. Jinnota li l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi fattibbli kollha rigward l-istabbiliment ta' kumpaniji u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkunu jistgħu jitlestew f'ambjent diġitali f'konformità mar-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma tagħhom fid-diġitalizzazzjoni, speċjalment għall-proċeduri li jaffettwaw in-negozji u l-konsumaturi, biex jippermettulhom iwettqu proċeduri amministrattivi mill-bogħod u online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi ta' dawk involuti, u b'mod partikolari tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri li għandhom prestazzjoni dgħajfa;
41. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali f'kull Stat Membru biex itejbu l-punti uniċi ta' kuntatt sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bl-Ingliż bejn l-awtoritajiet involuti, minbarra l-lingwa lokali tagħhom, u sservi bħala intermedjarju f'każ li l-iskadenzi ma jiġux irrispettati jew jekk ma tingħatax tweġiba għall-mistoqsijiet; jissottolinja li l-punt uniku ta' kuntatt għandu jipprovdi lill-konsumaturi, lill-impjegati u lin-negozji l-informazzjoni u l-appoġġ li ġejjin, filwaqt li jirrispetta skadenzi rapidi:
–
Ir-regoli nazzjonali u tal-UE li l-kumpaniji jridu japplikaw fl-Istat Membru inkwistjoni, u l-informazzjoni għall-impjegati, fosthom dwar il-liġi tal-impjiegi, il-protokolli tas-saħħa u tas-sikurezza, il-ftehimiet kollettivi applikabbli, l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali u l-istrutturi ta' konsulenza għall-ħaddiema u l-impjegati minn fejn jistgħu jinfurmaw ruħhom dwar id-drittijiet tagħhom u jirrapportaw l-abbużi;
–
L-azzjoni li l-kumpaniji jridu jieħdu biex ikunu konformi ma' dawn ir-regoli, miġbura fil-qosor skont il-proċedura, bi gwida pass pass;
–
Id-dokumenti li l-kumpaniji jrid ikollhom disponibbli u f'liema skadenza ta' żmien;
–
L-awtoritajiet li l-kumpaniji jridu jikkuntattjaw biex jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa, eċċ.;
42. Jissottolinja li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar kwalunkwe rekwiżit relatat man-negozju għall-kumpaniji fl-Istat Membru rilevanti; jinnota li l-eżempji ta' dan ta' hawn fuq jinkludu r-rekwiżiti ta' kwalifiki professjonali, il-VAT (ir-rati, ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni, l-obbligi ta' rapportar, eċċ.), it-taxxa fuq l-introjtu u s-sigurtà soċjali u l-obbligi skont il-liġi tax-xogħol; jisħaq li l-informazzjoni leġiżlattiva u amministrattiva rilevanti kollha, kif ukoll kwalunkwe dokument rilevanti pprovdut minn kull punt uniku ta' kuntatt, għandhom ikunu disponibbli bl-Ingliż, jekk ikun possibbli u xieraq, flimkien mal-lingwa lokali;
43. Jirrakkomanda li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom ikunu konnessi aħjar u għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri li l-kumpaniji jridu jikkonformaw magħhom fl-Istati Membri tagħhom, kif ukoll informazzjoni speċifika għas-settur dwar il-kwalifiki professjonali; jirrakkomanda wkoll li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom jassistu lill-kumpaniji barranin li jkunu jixtiequ jagħmlu negozju fl-Istat Membru inkwistjoni, kif ukoll lill-kumpaniji lokali li jkunu jixtiequ jesportaw servizzi u prodotti lejn Stati Membri oħrajn billi jipprovdulhom l-informazzjoni skambjata u d-dettalji ta' kuntatt meħtieġa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tesplora aktar sinerġiji ma', pereżempju, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), sabiex tippromwovi dan l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, jekk il-punti uniċi ta' kuntatt humiex se jirrikjedu riżorsi addizzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti;
44. Iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-punti uniċi ta' kuntatt tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji, l-impjegati u partijiet interessati oħra jiġu pprovduti b'informazzjoni rapida, korretta, komprensiva u aġġornata bil-lingwa lokali u bl-Ingliż;
45. Jitlob li l-Kummissjoni taqdi rwol ta' koordinazzjonali fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-punti uniċi ta' kuntatt u, fejn ikun xieraq, tipprovdi linji gwida biex tgħin lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri, b'mod partikolari għall-SMEs; jissottolinja li tali kooperazzjoni għandha tiżgura wkoll il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri, inkluż dwar il-ħaddiema mobbli, kemm f'termini tal-aħjar prattiki ta' komunikazzjoni kif ukoll fir-rekwiżiti amministrattivi u mhux meħtieġa tas-suq uniku;
46. Jisħaq li l-punti uniċi ta' kuntatt kollha għandhom ikunu aċċessibbli faċilment permezz tal-gateway diġitali unika u għandhom jipprovdu informazzjoni u joffru servizzi amministrattivi tal-Istati Membri permezz ta' terminoloġija aċċessibbli u b'disponibbiltà sħiħa, b'persunal imħarreġ tal-help desk li jipprovdi appoġġ effettiv u faċli għall-utent;
47. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u jimplimentaw il-komponenti kollha tas-sistema ta' Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà libera u ġusta tal-ħaddiema tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sistemi tas-sigurtà soċjali;
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' għodod diġitali u lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi suffiċjenti lill-ispettorati tax-xogħol biex dawn jindirizzaw il-forom kollha ta' abbuż; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva għal numru tas-sigurtà soċjali tal-UE, li jipprovdi ċertezza legali għall-ħaddiema u n-negozji, filwaqt li jservi biex jiġu kkontrollati b'mod effettiv il-prattiki ta' sottokuntrattar u jiġu miġġielda l-frodi soċjali, bħal impjieg indipendenti fittizju, kumpaniji ta' stazzjonar u kumpaniji fantażma; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-verifiki mwettqa jkunu proporzjonati, iġġustifikati u mhux diskriminatorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELA tibda topera b'mod sħiħ kemm jista' jkun malajr biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-ispettorati tax-xogħol nazzjonali u biex jiġi indirizzat id-dumping soċjali transfruntier;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe direttiva, regolament jew rakkomandazzjoni ġdida li jikkonċernaw is-suq uniku għas-servizzi jinkludu rekwiżit biex jissaħħu l-punti uniċi ta' kuntatt fil-funzjonijiet tagħhom u jiddedikaw riżorsi adegwati biex iwettqu funzjonijiet addizzjonali possibbli fil-qafas tad-Direttiva dwar is-Servizzi mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' funzjonijiet u setgħat fost l-awtoritajiet fis-sistemi nazzjonali;
Forniment ta' evalwazzjonijiet: it-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku u l-indikaturi tar-restrittività
50. Jappoġġja l-inizjattiva preliminari tal-Kummissjoni li taġġorna t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku b'sett ġdid ta' indikaturi li bih tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq uniku min-naħa tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissupplimenta d-data ppubblikata bid-data rilevanti estratta minn IMI, SOLVIT, ir-reġistru ċentrali tal-ilmenti CHAP u riżorsi rilevanti oħra; jissottolinja li għandu jkun hemm enfasi fuq il-kwalità tal-implimentazzjoni;
51. Jirrakkomanda li t-tabella ta' valutazzjoni aġġornata tas-suq uniku tenfasizza r-rapportar ta' kwistjonijiet rilevanti minn perspettiva tal-utent aħħari, billi tevalwa jekk it-tħassib u l-ilmenti humiex solvuti, pereżempju, fl-ambitu ta' SOLVIT jew fil-qafas tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; jesprimi dispjaċir ukoll li l-istrument SOLVIT ftit li xejn jintuża f'bosta Stati Membri u ħafna drabi huwa nieqes minn kapaċitajiet diġitali tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku; jissottolinja li tinħtieġ trasparenza akbar fir-rigward tal-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi; iqis li t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku għandha tinkludi informazzjoni xierqa, inkluż l-għadd ta' lmenti, l-għadd ta' każijiet mibdija, is-settur tal-ksur tagħhom, l-għadd ta' każijiet kompletati u r-riżultat jew ir-raġuni għall-għeluq tal-każ;
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta metodu ta' evalwazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li jinkludi b'mod partikolari l-objettivi ta' interess ġenerali u l-kwalità tas-servizz ipprovdut; jissottolinja li l-metodu għall-indikaturi kwalitattivi għandu jkun trasparenti u jivvaluta d-differenzi fir-regolamentazzjoni ex ante u ex post; jinnota l-importanza li jiġi evalwat jekk id-direttivi rilevanti tal-UE humiex implimentati fil-ħin u kif maħsub mill-koleġiżlaturi tal-UE;
53. Jirrakkomanda li tabella ta' valutazzjoni aġġornata tas-suq uniku torbot il-kwalità tal-implimentazzjoni mal-indikaturi tar-restrittività eżistenti, u tidentifika r-restrizzjonijiet tas-servizzi f'oqsma ta' politika ġodda u eżistenti u l-livelli diverġenti ta' implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrakkomanda wkoll li s-Semestru Ewropew jintuża wkoll għat-tisħiħ tas-suq uniku, billi t-tneħħija tal-aktar piżijiet regolatorji u amministrattivi problematiċi hija ta' tħassib kontinwu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-attivitajiet ta' nofs it-terminu tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jkomplu jneħħu l-ostakoli amministrattivi u regolatorji li fadal fis-suq uniku għas-servizzi meta tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;
54. Iqis li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, għandha tanalizza l-kisbiet tagħhom fir-rigward tat-twettiq tal-potenzjal tas-suq uniku u l-ħidma lejn ekonomija aktar sostenibbli;
55. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-indikaturi eżistenti u tintroduċi indikaturi ġodda biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw f'liema oqsma jistgħu jsiru sforzi biex itejbu r-riżultati ta' politika tagħhom, u tissorvelja l-isforzi tagħhom biex inaqqsu r-restrizzjonijiet;
56. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali annwali għall-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi u jwettqu evalwazzjonijiet f'dan ir-rigward; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tuża t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku biex turi l-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi fl-Istati Membri, kif muri fit-tabella ta' valutazzjoni tal-innovazzjoni Ewropea, billi dan jippermetti lill-Istati Membri jieħdu impenji kredibbli, konkreti u li jistgħu jitkejlu biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni u fl-infurzar fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi intra-UE;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Rytter Synesen, E., u Hvidt Thelle, M., "Making EU Trade in Services Work for All", (Nagħmlu li l-Kummerċ tal-UE fis-Servizzi Jaħdem għal Kulħadd), Copenhagen Economics, Copenhagen, 2018.
Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).