Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0266/2020

Testi mressqa :

A9-0266/2020

Dibattiti :

PV 19/01/2021 - 11
CRE 19/01/2021 - 11

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2021 - 3
PV 20/01/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0012

Testi adottati
PDF 221kWORD 66k
L-Erbgħa, 20 ta' Jannar 2021 - Brussell
L-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020
P9_TA(2021)0012A9-0266/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020 (2020/2206(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), tal-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ integrat għal kunflitti u kriżijiet esterni tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen, bit-titolu "Yemen: A Pandemic of Impunity in a Tortured Land" (Il-Jemen: Pandemija ta' Impunità f'Art Ittorturata), li jkopri l-perjodu minn Lulju 2019 sa Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS),

–  wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 – X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża tas-17 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2020 – Inwittu t-triq lejn Ewropa aktar reżiljenti",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019, tal-15 ta' Lulju 2019, tal-14 ta' Ottubru 2019 u tat-12 ta' Diċembru 2019, id-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tal-15 ta' Mejju 2020 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019 tas-17 ta' Ottubru 2019 u tal-1 ta' Ottubru 2020 dwar l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0266/2020),

A.  billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita s-sorveljanza demokratika tiegħu fuq il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u għandu jingħata l-informazzjoni neċessarja b'mod trasparenti u f'waqtha kif ukoll il-mezzi neċessarji u effikaċi biex jiżvolġi dan ir-rwol bis-sħiħ, inkluż fir-rigward tal-programmi industrijali tad-difiża kollha;

B.  billi l-PESK tal-UE timmira li tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi d-dinja quddiemha għandha sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ġeopolitika aggressiva li tirrikjedi mekkaniżmi ta' rispons u kapaċitajiet rapidi u xierqa f'termini ta' politika estera;

D.  billi l-ħtieġa ta' politika estera komuni aktar b'saħħitha, aktar ambizzjuża, kredibbli u magħquda saret kruċjali, minħabba li l-UE qiegħda tħabbat wiċċha ma' diversi sfidi ġeopolitiċi fir-reġjun usa' li jaffettwaw direttament jew indirettament lill-Istati Membri kollha tagħha u liċ-ċittadini tagħha;

E.  billi l-UE mhijiex qed tivvalorizza l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà minħabba nuqqas ta' għaqda fost l-Istati Membri tagħha;

F.  billi l-ebda Stat Membru tal-UE mhuwa kapaċi jindirizza waħdu kwalunkwe waħda mill-isfidi globali li l-Ewropa għandha quddiemha llum; billi PESK ambizzjuża u effikaċi trid tkun mirfuda b'riżorsi finanzjarji adegwati u b'mekkaniżmi mtejba għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

G.  billi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali marru għall-agħar f'ħafna nħawi tad-dinja, filwaqt li żdiedu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; billi t-tendenzi iżolazzjonisti, unilaterali u antiglobalizzazzjoni u r-rivalitajiet sistemiċi saru aktar prominenti mill-kooperazzjoni multilaterali skont l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

H.  billi sfidi bħat-tfaċċar mill-ġdid tal-populiżmu u tal-awtoritariżmu, iż-żieda fir-riluttanza biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-attakki fuq id-demokrazija liberali u l-multilateraliżmu, flimkien mal-kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar, li nbidlet f'rivalitajiet, speċjalment bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, joħolqu sfida reali għas-sigurtà internazzjonali u għall-valuri, l-interessi u l-influwenza tal-UE, bir-riskju li l-UE titħalla barra mill-isferi deċiżjonali u tkun żvantaġġata ħafna minn din il-kompetizzjoni;

I.  billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija strument fundamentali fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

J.  billi l-instabbiltà u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-Unjoni u fil-viċinat immedjat tagħha jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; billi l-pandemija tal-COVID-19 tista' twassal għal deterjorament tal-klima tas-sigurtà internazzjonali; billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ta' din il-pandemija se jkollhom impatt sever fuq il-livelli attwali ta' faqar u inugwaljanza fid-dinja, u billi, għalhekk, jistgħu jwasslu għal diżordni soċjali akut u protesti serji, u jsiru kawża ġdida ta' instabbiltà f'ħafna pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġli; billi ħafna mit-theddid li tfaċċa fis-snin preċedenti, inkluż it-theddid ċibernetiku, it-tibdil fil-klima u l-pandemiji, issa saru realtajiet li qed ikollhom impatti dejjem aktar severi fuq diversi aspetti tal-ħajja tal-bniedem, kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp, l-ordni ġeopolitiku u l-istabbiltà dinjija;

K.  billi l-użu ta' informazzjoni marittima globali huwa vitali biex jiġi żgurat monitoraġġ strateġiku, biex l-analiżi tar-riskji u t-twissija bikrija lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsiru possibbli u biex jissaħħaħ l-għoti ta' informazzjoni biex jiġu appoġġjati operazzjonijiet ċivili u militari ta' sigurtà marittima;

L.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità assoluta fl-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-vulnerabbiltà tal-UE fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, il-fraġilità tal-alleanzi esterni tradizzjonali tal-UE u l-ħtieġa li l-Unjoni tiżgura politika estera li tkun konsistenti mal-valuri fundamentali tagħha; billi dan jitlob li l-UE terġa' tikkunsidra r-relazzjonijiet esterni tagħha u tibbażahom fuq il-prinċipji ta' solidarjetà u multilateraliżmu; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi estensivi tagħha qegħdin jolqtu lil dawk l-aktar vulnerabbli b'mod partikolarment iebes, l-aktar fir-reġjuni b'sistema soċjali u b'sistema ta' assistenza tas-saħħa aktar dgħajfa;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin tfaċċaw sfidi multidimensjonali ġodda, bħall-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, id-dubitar fir-rigward tal-ftehimiet dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi, il-kunflitti reġjonali li qed imorru għall-agħar li wasslu għall-ispostament tal-popolazzjonijiet, il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali, id-dipendenza mill-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-konsolidament ta' Stati falluti, it-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali organizzata, iċ-ċiberattakki u l-kampanji ta' diżinformazzjoni;

O.  billi fid-dawl tal-kollass ta' ftehimiet importanti dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm u tal-iżviluppi mgħaġġla ta' teknoloġiji ġodda tal-armi, id-diżarm, il-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni għandhom jirċievu l-akbar attenzjoni fl-ambitu tal-PESK sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali; billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK trid tiġi aġġornata biex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett;

L-UE ssir "sieħba ta' fiduċja" f'ordni ġeopolitiku li qed jinbidel

1.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-UE tirrealizza li għandha bżonn politika estera u ta' sigurtà aktar b'saħħitha, aktar awtonoma, aktar magħquda u assertiva biex jikber ir-rwol prominenti ta' tmexxija tal-Unjoni fix-xena internazzjonali sabiex tiddefendi u tiżviluppa ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jiżgura l-multilateraliżmu, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha b'mod aktar deċiżiv madwar id-dinja; jissottolinja li sabiex jinkiseb dan, l-UE l-ewwel trid tassisti b'suċċess lis-sħab tagħha fil-viċinat immedjat;

2.  Jippromwovi u jiddefendi r-rwol tal-UE bħala sieħba affidabbli mad-dinja kollha, "sieħba ta' fiduċja " privileġġjata għall-partijiet terzi, intermedjarju onest ibbażat fuq prinċipji iżda mhux dogmatiku, attur ta' riferiment għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-medjazzjoni, li tippromwovi d-diplomazija u d-djalogu bħala l-mod preferut biex taqdi rwol kostruttiv fil-kunflitti globali, bħala promotur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u kontributur ewlieni għall-qafas multilaterali, iżda wkoll bħala attur globali li huwa lest jaġixxi b'mod awtonomu u deċiżiv meta jkun meħtieġ biex tiddefendi l-valuri u l-interessi tal-UE stess, li tassumi r-responsabbiltà billi tiżgura s-sigurtà tagħha stess u tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, abbażi tal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u kif minqux fid-dritt internazzjonali, fir-rispett tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; huwa tal-fehma li l-kreattività, attitudni aktar proattiva u aktar magħquda u solidarjetà fost l-Istati Membri, kif ukoll l-impenn u r-riżorsi mill-Istati Membri, huma meħtieġa biex tiżdied l-influwenza tal-UE fuq livell globali u biex jiġi promoss il-mudell tal-poter pożittiv tagħha u r-rwol responsabbli tagħha fil-governanza globali, u sabiex tkun tista' tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat immedjat tagħha;

3.  Jisħaq li l-instabbiltà dejjem tikber tad-dinja, l-ambjent dejjem aktar kunflittwali, l-erożjoni tal-multilateraliżmu u ż-żieda tal-awtoritariżmu, kif ukoll sfidi globali multidimensjonali, speċjalment il-klima dejjem tiżdied tal-kunflitt li tissarraf fit-tkomplija u xi kultant fl-issuktar tal-kunflitti armati inkluż fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u t-theddid li qed jiżdied għar-riżorsi naturali, il-flussi migratorji mhux ikkontrollati, ir-riskji relatati mas-saħħa, it-theddid ibridu bħal kampanji ta' diżinformazzjoni, miżuri attivi u ċiberattakki, fost l-oħrajn, għandhom iwasslu lill-UE sabiex tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-alleati tagħha; jissottolinja l-importanza għall-Unjoni, f'dan ir-rigward, li tistabbilixxi kooperazzjoni aktar strateġika ma' pajjiżi terzi bbażata fuq il-fiduċja u l-benefiċċju reċiproku, u li tibni alleanzi ma' demokraziji tal-istess fehma, inkluż mill-emisfera tan-Nofsinhar, kif ukoll koalizzjonijiet ad hoc ma' sħab oħra tal-istess fehma fejn meħtieġ;

4.  Jissottolinja, f'dak ir-rigward, l-ħtieġa li l-Unjoni tikkoopera mill-qrib ma' sħab ewlenin fuq livell globali u li jkollha rwol attiv fid-difiża tal-istituzzjonijiet ewlenin għad-dritt internazzjonali u s-sistema multilaterali; jinsisti fuq l-importanza li tissaħħaħ is-sħubija tal-UE man-NU u man-NATO, kif ukoll li tiġi approfondita l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), il-Lega Għarbija, il-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-Mercosur; jitlob kooperazzjoni u koordinament msaħħa bejn l-UE u n-NATO, l-akkomunament tal-għarfien u tar-riżorsi u l-evitar tad-duplikazzjoni, sabiex jinbena approċċ komplementari komuni għall-isfidi attwali u futuri tas-sigurtà reġjonali u globali kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt, il-kriżijiet tas-saħħa, it-theddid asimmetriku u ibridu, iċ-ċiberattakki u d-diżinformazzjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fl-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità u fid-difiża tal-vittmi tagħhom u jilqa' l-appoġġ qawwi li esprimiet l-Unjoni għall-Qorti, li dan l-aħħar kienet fil-mira ta' pressjoni u attakki;

5.  Jesprimi tħassib dwar l-kobor bla preċedent tal-kampanji ta' diżinformazzjoni u tal-propaganda sponsorizzati mill-Istat u mhux mill-Istat, li għandhom effetti devastanti fuq is-soċjetajiet, inkluż fil-viċinat Ewropew u b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent; jikkundanna l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-użu tagħha bħala arma, inkluż minn atturi statali, sottostatali u mhux statali b'intenzjonijiet ħżiena, u pjattaformi u organizzazzjonijiet użati minn pajjiżi terzi awtoritarji biex jiffinanzjaw u jinfluwenzaw direttament u indirettament il-partiti u l-atturi politiċi Ewropej; jilqa' r-rispons tant meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-UE għal din l-isfida l-ġdida, bħall-istabbiliment ta' kumitat speċjali ġdid fil-Parlament li jiffoka fuq l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha(5); jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rispons li ma jillimitax id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jinnota l-importanza ta' komunikazzjoni strateġika effettiva tal-UE u jfaħħar it-tisħiħ ta' Stratcom fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-isforzi tiegħu biex jidentifika u jrażżan il-kampanji ta' diżinformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ aktar il-kapaċitajiet tagħha biex tiġġieled b'mod proattiv l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni bħala theddida għad-demokrazija, u biex ittejjeb il-kultura tas-sigurtà tagħha sabiex tipproteġi aħjar in-networks tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha; jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fil-promozzjoni ta' qafas kollettiv ta' awtodifiża u ta' kooperazzjoni kontra theddid ibridu u l-influwenza malinja ta' reġimi awtoritarji b'mod partikolari fuq il-governanza demokratika u l-impriżi privati fuq livell globali; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-alleanzi tagħha ma' atturi demokratiċi globali oħra biex taffronta tali theddid fuq livell globali, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet multilaterali riformati u aktar reżiljenti;

6.  Jinsisti li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE trid tkun iggwidata mill-promozzjoni tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 21 TUE, bħad-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, il-protezzjoni tal-minoranzi kollha u tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Lhud, il-Musulmani, dawk li ma jemmnux u oħrajn, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li ġġedded il-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra mill-UE, iżda jħeġġeġ biex issir il-ħatra mill-aktar fis possibbli; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem, jidentifikaw it-tendenzi u jappoġġjaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura t-tendenzi negattivi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jisħaq li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE għandha ssir aktar effikaċi permezz tal-użu tal-kundizzjonalità fl-inċentivi ekonomiċi u politiċi tagħha; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tal-eżenzjoni mill-viża u għandha tissospendi din l-eżenzjoni f'każ ta' ksur fil-pajjiż ikkonċernat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Unjoni fuq livell globali billi jrawmu proċessi minn isfel għal fuq li huma favur id-demokrazija u jibnu reżiljenza istituzzjonali, u billi jappoġġjaw il-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi; itenni l-appell tiegħu, li sar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019, għal riforma u rieżami tar-Rappreżentanti Speċjali u tal-Mibgħuta Speċjali tal-UE;

7.  Jissottolinja li l-UE għandha tindirizza l-kawżi profondi tal-migrazzjoni, bħall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, il-qgħad, l-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiżi terzi fejn toriġina l-immigrazzjoni illegali tal-massa; jisħaq li l-enfasi għandha tkun ukoll fuq l-għajnuna għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet stabbli biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà f'dawn l-Istati;

Livell ġdid ta' ambizzjoni għall-PESK: approċċi reġjonali strateġiċi bbażati fuq rieda politika aktar b'saħħitha

8.  Ifakkar li l-ebda Stat Membru tal-UE waħdu ma għandu biżżejjed kapaċità u riżorsi biex jindirizza b'mod effikaċi l-isfidi internazzjonali ta' bħalissa; iqis li, f'dan il-kuntest, l-UE teħtieġ l-ewwel u qabel kollox rieda politika aktar b'saħħitha u ġenwina min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex jaqblu bejniethom u flimkien jagħtu spinta lill-għanijiet tal-politika estera tal-UE bħall-prevenzjoni ta' kunflitti u ftehimiet ta' paċi u jiġġieldu kontra t-tentattivi min-naħa tal-pajjiżi terzi biex idgħajfu u jifirdu lill-UE, inkluż billi jimminaw il-valuri Ewropej; jisħaq li hija biss Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda b'politiki esteri, ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti, u bl-Istati Membri tal-UE li jappoġġjaw lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni tal-objettivi miftiehma, li se jkollha rwol b'saħħtu fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw kwalunkwe azzjoni bħala risposta lill-kriżi tal-COVID-19 bejniethom u ma' sħab internazzjonali sabiex tkun promossa risposta globali koerenti u inklużiva għall-pandemija u jilqa' f'dan ir-rigward l-approċċ "Tim Ewropa";

9.  Itenni l-appell tiegħu għal reviżjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE sabiex jinstiltu t-tagħlimiet mid-dinamika ġeopolitika l-ġdida, it-theddid attwali inkluża l-pandemija tal-COVID-19 u l-isfidi futuri mistennija, u jiġu vvalutati mill-ġdid l-għanijiet u l-mezzi tal-PESK; jenfasizza li filwaqt li tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha mas-sħab u l-alleati internazzjonali l-UE trid tħaffef il-proċess deċiżjonali fl-affarijiet barranin u l-kapaċità tagħha li taħdem ma' sħab bl-istess fehma filwaqt li ssaħħaħ il-multilateraliżmu, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet strateġiċi tagħha li taġixxi, anke b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ; jisħaq li l-UE għandha r-responsabbiltà li ssawwar l-awtonomija strateġika tagħha dwar id-diplomazija, is-sigurtà u kwistjonijiet ta' difiża komuni kif ukoll dwar kwistjonijiet ekonomiċi, tas-saħħa u kummerċjali, bil-għan li tindirizza l-bosta sfidi komuni biex tiddefendi l-interessi, in-normi u l-valuri tagħha fid-dinja ta' wara l-pandemija; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej iżommu l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet u azzjoni waħedhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw malajr ir-regolament il-ġdid biex jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiġu eżaminati l-investimenti barranin f'setturi kritiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE joħolqu forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali, billi jitgħallmu mill-wirt tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjonijiet, biex jissorveljaw u jikkontrollaw l-esportazzjoni ta' teknoloġiji, flussi ta' kummerċ u investimenti sensittivi lejn pajjiżi li jqajmu tħassib;

10.  Huwa tal-fehma li għad hemm potenzjal kbir mhux sfruttat fil-kombinazzjoni u l-integrazzjoni tal-aspetti kollha tas-setgħa ta' koerċizzjoni (hard power) kif ukoll tas-setgħa ta' persważjoni (soft power) tal-azzjoni esterna tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, li d-diplomazija tal-Parlament Ewropew tikkostitwixxi pilastru importanti tal-politika estera tal-UE, bl-istrumenti u l-kanali distinti u komplementari tiegħu stess; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu għalhekk jiġi rikonoxxut bħala parti integrali mill-approċċ "Tim Ewropa" promoss mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tar-rwol tal-Parlament fil-medjazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, kif ukoll il-kontribut siewi tal-assemblej parlamentari għall-azzjoni esterna tal-Ewropa, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, u l-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet tagħhom u li jiġi żgurat li il-ħidma tagħhom issir kif suppost; jistieden lill-VP/RGħ u lill-presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jinfurmaw kontinwament lill-Parlament u jinvolvuh fl-azzjoni esterna tal-UE;

11.  Iqis li l-ambizzjoni li jkun hemm politika estera u ta' sigurtà tal-UE li tkun robusta, indipendenti u żviluppata bis-sħiħ tinvolvi wkoll l-eżistenza ta' korp diplomatiku bl-istess karatteristiċi, stabbilit mill-bidu nett bħala korp speċifikament Ewropew; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-progress lejn il-ħolqien ta' akkademja diplomatika Ewropea fdata bil-mandat li tistabbilixxi sistema indipendenti ta' selezzjoni u taħriġ għad-diplomatiċi futuri tal-UE, fil-qafas ta' karriera diplomatika Ewropea reali;

12.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar il-konsultazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament fil-qasam tal-PESK għandhom jissarrfu f'regoli ċari dwar il-kondiviżjoni trasparenti u f'waqtha tad-dokumenti rilevanti, inklużi abbozzi ta' strateġiji; jindika l-ħtieġa li jittejjeb b'mod sinifikanti l-mod li bih il-Kummissjoni u s-SEAE attwalment jgħaddu informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali lill-Parlament; jitlob li jiġi eżaminat, barra minn hekk, kif jistgħu jittejbu l-kwalità, il-kamp ta' applikazzjoni u l-format tal-laqgħat tal-kumitati u l-iskambji mas-SEAE u l-Kummissjoni; iqis li d-"dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà politika" tal-2010 ma għadhiex bażi xierqa għar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-VP/RGħ u għandha tiġi sostitwita bi ftehim interistituzzjonali biex jissaħħu d-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament, skont it-Trattati; ifakkar, barra minn hekk, li talab rieżami tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE;

13.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-proċess deċiżjonali dwar kwistjonijiet tal-PESK, li għandu impatt fuq l-effiċjenza, il-ħeffa u l-kredibbiltà tal-azzjoni tal-UE u l-proċess deċiżjonali fix-xena internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jiftħu dibattitu dwar il-possibbiltà li minn vot bl-unanimità jgħaddu għal vot b'maġġoranza kwalifikata tal-inqas fl-oqsma magħżula tal-PESK, bħal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem u sanzjonijiet, bħala mezz konkret biex tissaħħaħ l-influwenza tal-UE fix-xena globali;

14.  Jilqa' l-adozzjoni ta' reġim globali ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem (att tal-UE bħal dak ta' Magnitsky), li jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jirrakkomanda li l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim ta' sanzjonijiet jitwessa' fil-futur biex jinkludi atti ta' korruzzjoni;;

15.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-listi ta' tagħmir li l-esportazzjoni tiegħu lejn pajjiżi terzi hija pprojbita, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jipprovdu strumenti, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, li eventwalment jintużaw għall-oppressjoni taċ-ċittadini;

16.  Jappoġġja dibattitu fil-livell tal-UE biex jiġu kkunsidrati formati ġodda ta' kooperazzjoni bħal Kunsill Ewropew tas-Sigurtà, peress li wasal iż-żmien li jiġu stabbiliti formalment il-formati u l-istituzzjonijiet effikaċi biex jittejbu l-koerenza u l-influwenza tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; jemmen li din l-idea għandha tiġi diskussa fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jtenni wkoll it-talba tiegħu li jitwaqqaf Kunsill tal-Ministri tad-Difiża;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol tan-NU fix-xena internazzjonali u jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, li tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet tal-aġenziji, l-organizzazzjonijiet u l-programmi kollha tagħha sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030; jitlob, għal darb'oħra, lill-Istati Membri jappoġġjaw riformi tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jagħmluh aktar effikaċi u operattiv, vitali fl-iżgurar tal-paċi dinjija, b'aġenda li tmur lil hinn mis-sigurtà militari u tinkludi l-movimenti tar-rifuġjati u l-persuni spustati, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-pandemiji;

18.  Jenfasizza l-importanza vitali tal-UE fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi u elettorali li qed iseħħu u fis-salvagwardja tat-trasparenza u l-leġittimità tagħhom;

19.  Jirrikonoxxi li l-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar jaffettwaw direttament l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni stess u dik tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha bħala attur globali; jissottolinja l-fatt li l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħba kummerċjali u investitur fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob lill-UE tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat tal-UE u tiżvolġi rwol aktar f'waqtu, attiv, unifikat u effikaċi fil-medjazzjoni u fir-riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet u l-kunflitti li għaddejjin bħalissa, u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt fil-viċinat; jemmen li dan jista' jinkiseb billi jiġu definiti fi prijoritajiet l-isforzi fil-konsolidament preventiv tal-paċi, inklużi d-diplomazija preventiva u l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u jiġu appoġġjati l-forzi demokratiċi u l-istat tad-dritt, billi jinħolqu inċentivi pożittivi għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, u billi tinbena r-reżiljenza tas-soċjetajiet, sostnuta minn riżorsi baġitarji adegwati; jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Format tan-Normandija, għall-Konferenza ta' Berlin dwar il-Libja u għall-Grupp ta' Minsk;

20.  Itenni l-impenn tiegħu għat-tkabbir bħala politika trasformattiva ewlenija tal-UE u jilqa' l-metodoloġija riveduta mill-Kummissjoni u l-enfasi aktar qawwija tagħha fuq in-natura politika tal-proċess tat-tkabbir; jappoġġja l-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ inekwivoku tal-Istati Membri tal-UE għal din il-perspettiva, kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020 kif ukoll id-deċiżjoni li jinfetħu t-taħditiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jniedu l-konferenzi intergovernattivi ma' dawn iż-żewġ pajjiżi mingħajr dewmien u, b'mod aktar ġenerali, iħaffu l-proċess ta' adeżjoni, peress li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa; iħeġġeġ lill-Bulgarija, b'mod partikolari, biex tieqaf topponi l-ftuħ tal-konferenza intergovernattiva mal-Maċedonja ta' Fuq; jissottolinja li l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-UE hija ta' importanza ewlenija għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għall-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu; jisħaq li l-proċess ta' adeżjoni għandu jġib trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali; ifakkar li l-proċess ta' tkabbir huwa wieħed meritokratiku u għandu għeruqu f'kundizzjonalità stretta u ġusta skont il-kriterji ta' Copenhagen; itenni li l-adozzjoni tar-riformi trid tkun tanġibbli fil-post u jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw punti ta' riferiment ċari, trasparenti u konsistenti għall-adeżjoni kif ukoll appoġġ politiku, finanzjarju (IPA III) u tekniku kontinwu tul il-proċess, b'kejl ċar tal-progress; jisħaq li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati għandhom jallinjaw ruħhom mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-PESK li joħroġ il-VP/RGħ f'isem l-UE, u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

21.  Jilqa' r-riżultati tas-summit tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u jittama li s-sitt pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin favur il-proċessi ta' riforma meħtieġa għall-bini ta' soċjetajiet li huma aktar demokratiċi, aktar għanja, aktar ġusti, aktar stabbli u eqreb lejn il-valuri u l-prinċipji fundamentali; jissottolinja li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL u mal-pajjiżi ġirien l-oħra tal-UE għandha tkun prijorità għall-PESK minħabba l-interess vitali tal-UE fl-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta r-rekwiżiti kollha jkunu sodisfatti; jenfasizza li dawn ta' hawn fuq jistgħu jservu bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u l-adozzjoni ta' regoli u tal-istandards tal-UE; jistieden lill-UE żżomm differenzjazzjoni mfassla apposta fis-SL ibbażata fuq il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas"; jirrikonoxxi l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL, inkluż il-kontribut tagħhom għall-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet tal-UE, u jitlob l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-SL fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE;

22.   Jappoġġja t-talbiet tal-poplu tal-Belarussja biex ikun hemm libertà, demokrazija u dinjità, u biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda, liberi u ġusti; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kunsill ta' Koordinament bħala rappreżentant tal-poplu Belarussu li qed jipprotesta; jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti fuq id-dimostranti paċifiċi u jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront tar-reġim ta' Lukashenka, inkluż Aliaksandr Lukashenka nnifsu, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jirrikonoxxix ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali ffalsifikati tad-9 ta' Awwissu 2020; jitlob lill-UE tirrevedi bir-reqqa r-relazzjonijiet tagħha mal-Belarussja fid-dawl tan-nuqqas ta' konformità tar-reġim mal-impenji tiegħu stess skont id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet tiegħu mal-UE, kif ukoll toħloq inċentivi għall-istabbilizzazzjoni soċjoekonomika, l-iżvilupp tal-forzi demokratiċi u l-appoġġ għalihom;

23.  Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE li tappoġġja s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tagħha fil-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fil-livell internazzjonali; jinsab imħasseb dwar il-proliferazzjoni ta' żoni ta' kunflitt jaħraq fl-eqreb viċinat tal-UE, kif ukoll kunflitti ffriżati u l-okkupazzjoni de facto li għaddejja min-naħa tal-Federazzjoni Russa ta' territorji li jappartjenu għal Stati sovrani; itenni l-kundanna tiegħu tal-politiki aggressivi tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna, ir-rwol negattiv tagħha f'diversi kunflitti ffriżati u l-pressjoni tagħha kontra wħud mill-ġirien immedjati tagħha tal-UE, minbarra l-ksur tagħha tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, l-imblokk tagħha tal-Baħar ta' Azov, is-sekwestru kontinwu tagħha tad-depożiti tal-gass tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed, u l-ksur min-naħa tagħha tal-integrità territorjali tal-Georgia u l-Moldova; jibqa' impenjat bis-sħiħ favur il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jistieden lir-Russja terfa' r-responsabbiltà tagħha, tuża l-influwenza tagħha fuq is-separatisti appoġġjati mir-Russja u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha skont il-ftehimiet ta' Minsk; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE żżid l-azzjoni tagħha fir-riżoluzzjoni paċifika tal-hekk imsejħa kunflitti ffriżati, anke fi djalogu mal-pajjiżi terzi involuti, tippromwovi b'mod attiv soluzzjonijiet ibbażati fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, u żżid l-appoġġ liċ-ċivili milquta mill-kunflitti, lill-persuni spostati internament (IDPs) u lir-rifuġjati; jitlob, bl-istess mod, li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u twaqqaf l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;

24.  Jieħu nota adegwata tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied totali fin-Nagorno-Karabakh iffirmat mill-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Russja fid-9 ta' Novembru 2020; jittama li dan il-ftehim isalva l-ħajja kemm tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll tal-persunal militari u jiftaħ perspettivi aktar pożittivi għal soluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt mortali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-bidliet fl-istatus quo saru bl-użu tal-forza militari, aktar milli permezz ta' negozjati paċifiċi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' ċivili u l-qerda ta' faċilitajiet ċivili u postijiet ta' qima, jikkundanna l-użu rrappurtat ta' munizzjonijiet dispersivi fil-kunflitt; iħeġġeġ kemm lill-Armenja kif ukoll lill-Ażerbajġan jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, li b'mod komprensiv tipprojbixxi l-użu tagħhom; jisħaq li għad irid jinstab ftehim dejjiemi u li l-proċess tal-ksib tal-paċi u d-determinazzjoni tal-istatus ġuridiku futur tar-reġjun għandu jitmexxa mill-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk u għandu jkun ibbażat fuq il-Prinċipji Bażiċi tal-grupp; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tista' tilħaq lil dawk fil-bżonn, li s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena u l-wirt kulturali tagħha fin-Nagorno-Karabakh tiġi żgurata, u li l-persuni spustati internament u r-rifuġjati jitħallew jirritornaw fil-postijiet ta' residenza preċedenti tagħhom; jitlob li l-allegazzjonijiet kollha ta' delitti tal-gwerra jiġu investigati kif xieraq u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tkun involuta b'mod aktar sinifikattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u ma tħallix id-destin tar-reġjun f'idejn setgħat oħra;

25.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta li jmiss mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar; jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet ta' kull wieħed mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-politiki tagħha fir-rigward tar-reġjun; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' atturi reġjonali bħal-Lega Għarbija, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni għall-Mediterran u tappoġġja b'mod attiv il-kooperazzjoni intrareġjonali fost il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, bħala strument indispensabbli għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, 25 sena wara t-tnedija tal-hekk imsejjaħ Proċess ta' Barċellona, il-bini taż-żona ta' prosperità, stabbiltà u libertà kondiviżi mal-pajjiżi Mediterranji tal-Viċinat tan-Nofsinhar għadu ma tlestiex; jappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta' Berlin u l-inizjattivi kollha tan-NU li għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni politika komprensiva għall-kriżi fil-Libja;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar attenzjoni mill-qrib lill-kunflitt li għaddej fis-Sirja u taħdem biex il-membri tar-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'mod partikolari mir-Russja u l-Iran, li huma responsabbli għal għadd kbir ta' delitti tal-gwerra mwettqa mill-2011 'l hawn;

27.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tkompli taqdi rwol proattiv fir-rigward tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-konklużjoni ta' ftehim bejn il-partijiet, inkluż dwar kwistjonijiet ta' qbil dwar status finali, billi tiffoka, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet fuq il-post għal soluzzjoni paċifika ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, bl-Istat sigur ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

28.  Jieħu nota tal-Ftehimiet ta' Abram, li nnormalizzaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda u l-Bahrain; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Istati Uniti fl-iffaċilitar tal-Ftehimiet ta' Abram; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Għarab bħall-Eġittu jew il-Ġordan, li għal snin sħaħ żammew relazzjonijiet diplomatiċi ma' Iżrael, kellhom rwol sinifikattiv fil-promozzjoni tad-djalogu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, inkluż dwar is-sigurtà u l-istabbiltà; jissottolinja r-rilevanza kontinwa tal-investiment f'negozjati sinifikanti bejn Iżrael u l-Palestina; jilqa' l-fatt li waħda mill-premessi tal-Ftehimiet ta' Abram kienet il-waqfien tal-pjanijiet ta' annessjoni fix-Xatt tal-Punent u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw dan;

29.  Jilqa' l-ftehim reċenti tas-setgħat politiċi Palestinjani li l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali se jsiru fis-sitt xhur li ġejjin u jenfasizza li l-elezzjonijiet demokratiċi jibqgħu prijorità assoluta għall-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati għall-ħidma tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' donaturi internazzjonali;

30.  Jilqa' l-impenn tal-UE biex tippreserva l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u tiżgura li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jisħaq li dan il-ftehim multilaterali huwa kisba kruċjali tad-diplomazija Ewropea u li jibqa' pilastru ewlieni tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni, li jaġixxi bħala l-pedament tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, u li huwa fl-interess tal-UE li tiżgura l-preservazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu; jistieden lill-Istati Uniti jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u globali, u għal ordni globali bbażat fuq ir-regoli; iħeġġeġ lill-VP/RGħ juża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha disponibbli biex jissalvagwardja l-PAKK; jistieden lill-VP/RGħ, fid-dawl tar-rivalitajiet eżistenti fir-reġjun tal-Golf, jintensifika d-djalogu politiku mal-pajjiżi tar-reġjun bil-għan li jippromwovi t-taffija tat-tensjonijiet u arkitettura ta' sigurtà reġjonali inklużiva, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Jannar 2020; jistieden lill-VP/RGħ, f'dan ir-rigward, jikkunsidra li jaħtar Mibgħut Speċjali għar-reġjun tal-Golf biex jiffaċilita dan il-kompitu;

31.  Jistieden lil Franza, lill-Ġermanja u lir-Renju Unit, bħala firmatarji tal-PAKK, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibnu l-unità, l-iskoraġġiment u r-reżiljenza tagħhom kontra sanzjonijiet sekondarji minn pajjiżi terzi, u biex jimplimentaw miżuri biex jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tal-UE, inkluż permezz tat-tħaddim sħiħ tal-Istrument b'Appoġġ għall-Iskambji Kummerċjali (INSTEX); jirrifjuta l-impożizzjoni mill-ġdid ekstraterritorjali unilaterali tas-sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-irtirar tagħhom mill-PAKK, minħabba li din timmina l-interessi leġittimi tal-politika ekonomika u estera tal-UE, b'mod partikolari billi tfixkel il-kummerċ umanitarju mal-Iran fiż-żmien tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Uniti jerġgħu jingħaqdu mingħajr kundizzjonijiet mal-PAKK, filwaqt li fl-istess ħin l-Iran jiġi mħeġġeġ jerġa' jirrispetta bis-sħiħ l-impenji tiegħu skont il-ftehim; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Iran li jibda jarrikkixxi l-uranju għal 20 %, li huwa ksur dirett u gravi tal-ftehim nukleari;

32.  Jieħu nota tar-rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen li stabbilixxa li l-Gvern tal-Jemen, il-Houthis, il-Kunsill ta' Tranżizzjoni tan-Nofsinhar u l-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda kkommettew ksur gravi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħal attakki mingħajr distinzjoni fuq ċivili u strutturi ċivili, li jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għall-aktar delitti serji billi, fost l-oħrajn, jappoġġjaw ir-rinviju tas-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali fl-Arabja Sawdija u fl-Emirati Għarab Magħquda li kienu involuti f'allegati delitti tal-gwerra; itenni, għal darb'oħra, it-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija u lill-Emirati Għarab Magħquda, li jagħmilhom biss kompliċi fil-perpetwazzjoni tal-kunflitt u fit-titwil tat-tbatija tal-poplu Jemenit;

33.  Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ li tiddefinixxi b'mod urġenti strateġija ġeopolitika u globali aħjar għar-relazzjonijiet tagħha fit-terminu qasir, medju u twil mat-Turkija, b'mod partikolari fid-dawl tar-rigress demokratiku kontinwu u l-assertività dejjem akbar tal-politika estera tat-Turkija, li qed jikkontribwixxu għaż-żieda fit-tensjonijiet u li għandhom impatt destabbilizzanti li jhedded il-paċi u l-istabbiltà reġjonali fil-Lvant tal-Mediterran, fil-Lvant Nofsani u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, u r-rwol tagħha fil-kunflitti fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libja u fin-Nagorno-Karabakh;

34.  Jitlob li l-UE tiżvolġi rwol sinifikanti fil-Mediterran, ladarba saret attur bil-kapaċità li jiggarantixxi l-istabbiltà tar-reġjun, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-migrazzjoni irregolari; jenfasizza li l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tippreżenta opportunità ewlenija għall-koleġiżlaturi tal-UE biex itejbu l-politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni sabiex issir tiddependi inqas mit-Turkija;

35.  Itenni li n-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija huma formalment iffriżati, fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rigress demokratiku u l-isfidi għall-istat tad-dritt fit-Turkija; iqis li r-relazzjonijiet mat-Turkija ma għandhomx ikunu bbażati fuq proċess ta' adeżjoni illużorju u antikwat; jisħaq li huwa ta' interess strateġiku komuni għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u t-Turkija li jiġi stabbilit ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran; ifakkar, madankollu, li d-djalogu essenzjali li jrid jipprevali fil-ħolqien ta' dan l-ambjent stabbli u sikur jista' jeżisti biss billi tiġi evitata kwalunkwe provokazzjoni unilaterali, a fortiori permezz ta' azzjonijiet militari, navali jew mill-ajru; ifakkar f'dan ir-rigward fis-solidarjetà sħiħa tal-UE mal-Istati Membri tagħha, jiġifieri l-Greċja u Ċipru;

36.  Itenni li l-Unjoni hija lesta li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 29 TUE u fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għad-difiża tal-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistiednu lill-Istati Membri jieħdu pożizzjonijiet nazzjonali b'saħħithom rigward il-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' inizjattiva li tobbliga lill-Istati Membri kollha jwaqqfu l-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija skont din il-Pożizzjoni Komuni; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2020 li jenfasizzaw li l-UE se tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' reġim ta' sanzjonijiet fuq it-Turkija sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE u d-dritt internazzjonali, u ma tinvolvix ruħha fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali; jistieden lill-mexxejja tan-NATO jikkomunikaw bl-aktar mod qawwi lit-Turkija li mhumiex se jittolleraw l-atti ta' aggressjoni tal-pajjiż fil-konfront ta' membri sħabha tan-NATO;

37.  Jikkundanna bil-qawwa l-iffirmar taż-żewġ Memoranda ta' Qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi u dwar is-sigurtà komprensiva u l-kooperazzjoni militari, li huma interkonnessi u li jiksru biċ-ċar kemm id-dritt internazzjonali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi embargo fuq l-armi fuq il-Libja;

38.  Jikkundanna bil-qawwa r-rwol destabbilizzanti tat-Turkija li jkompli jdgħajjef l-istabbiltà fraġli fir-reġjun kollu tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden lit-Turkija ma tindaħalx fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, inkluż billi toffri appoġġ militari lill-Ażerbajġan, u biex tieqaf tieħu azzjonijiet destabbilizzantiu tippromwovi l-paċi b'mod attiv; jikkundanna, barra minn hekk, it-trasferiment mit-Turkija ta' ġellieda terroristi barranin mis-Sirja u minn postijiet oħra lejn in-Nagorno-Karabakh, kif ikkonfermat minn atturi internazzjonali, inklużi l-pajjiżi kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għar-rieda tagħha li tiddestabilizza l-Grupp ta' Minsk tal-OSKE billi ssegwi l-ambizzjoni tagħha li tiżvolġi rwol aktar deċiżiv fil-kunflitt;

39.  Jissottolinja li huwa essenzjali u fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit, amplifikat mill-prinċipji komuni u l-valuri kondiviżi tagħhom, kif ukoll mill-prossimità ġeografika tagħhom u l-kooperazzjoni strateġika konġunta li ilha teżisti, li jaqblu dwar risposti komuni biex jindirizzaw l-isfidi tal-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża abbażi tal-prinċipji tal-multilateraliżmu, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti permezz tad-djalogu u d-diplomazija, u d-dritt internazzjonali, filwaqt li jqisu li l-biċċa l-kbira tat-theddid internazzjonali jaffettwa liż-żewġ naħat bl-istess intensità; jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, li jipprovdi ċarezza u ċertezza għaċ-ċittadini u n-negozji fuq iż-żewġ naħat; jissottolinja li bħalissa qed jiskrutinizza l-ftehim, u biħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit fid-dettalji kollha tiegħu;

40.  Jisħaq li l-kooperazzjoni trans-Atlantika tibqa' kruċjali u hija ta' importanza kbira fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE; jitlob aktar sforzi lejn sħubija trans-Atlantika b'saħħitha u mġedda u djalogu kostanti, ibbażati fuq ir-rispett reċiproku u azzjonijiet konkreti għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà trans-Atlantika u l-kooperazzjoni ekonomika u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u biex tinżamm sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-kriżijiet barranin, tas-sigurtà u tal-kummerċ attwali u futuri, b'enfasi partikolari fuq l-emerġenza tas-saħħa attwali u l-isfidi ekonomiċi, soċjali, tas-sigurtà u politiċi li ġġib magħha;

41.  Jinsisti li s-sħubija trans-Atlantika għandha tingħata nifs ġdid sabiex tindirizza b'mod aktar effikaċi l-pandemija u l-isfidi internazzjonali ewlenin l-oħra bħat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tinstab bażi ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kontra ambizzjonijiet nazzjonalistiċi, awtoritarji u eġemoniċi, it-tensjonijiet espansjonistiċi fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, il-multipolarità tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati li qed jikbru fid-dominanza u l-kriżi ekonomika attwali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jilqa' l-inizjattiva tal-UE biex tistabbilixxi djalogu trans-Atlantiku dwar iċ-Ċina;

42.  Jemmen li din is-sħubija tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq ir-relazzjonijiet ta' valuri u interessi komuni u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-istituzzjonijiet multilaterali, iżda wkoll fuq il-fiduċja li, sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin intlaqtet ħażin minn azzjonijiet unilaterali eċċessivi li dgħajfu wkoll l-oqfsa multilaterali li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma parti minnhom; jiddeplora, f'dan ir-rigward, it-tendenzi unilateralistiċi tal-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump; jenfasizza li rabtiet aktar dgħajfa fil-Punent jippermettu lill-Istati illiberali jimlew il-vojt tat-tmexxija fix-xena internazzjonali; jesprimi t-tama tiegħu li l-Istati Uniti jerġgħu lura fil-passi li ħadu f'dawn l-aħħar snin meta rtiraw mill-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli globali, u b'hekk tkun tista' tissokta l-unità mill-qrib f'azzjoni trans-Atlantika li tkun allinjata bis-sħiħ mal-valuri u l-prinċipji komuni tal-UE u l-Istati Uniti; itenni l-ħtieġa li l-pajjiżi membri Ewropej tan-NATO jieħdu aktar responsabbiltajiet ta' qsim tal-piż fil-ħarsien tal-ispazju trans-Atlantiku u jirreaġixxu għal theddid ibridu ġdid; jissottolinja li jekk jingħaqdu mal-Istati Uniti fl-isforzi għall-konsolidament tal-paċi fil-futur ikun hemm aktar sinerġija u jkun hemm risposta aqwa għall-isfidi globali;

43.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakk tal-marmalja fuq il-Kungress tal-Istati Uniti minn irvellijiet inċitati mit-teoriji ta' kospirazzjoni tal-President Donald Trump u allegazzjonijiet bla bażi li l-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta' Novembru 2020 ġiet imbagħbsa; jinsab fiduċjuż li l-Istati Uniti se jiżguraw trasferiment paċifiku tal-poter lill-President elett Joseph Biden u lill-Viċi President elett Kamala Harris; jinsab allarmat biż-żieda tal-populiżmu u l-estremiżmu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu mħarsa fuq livell globali;

44.  Jitlob li tinżamm pożizzjoni b'saħħitha u magħquda fil-konfront tal-Federazzjoni Russa, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-ħames prinċipji politiċi bażiċi tal-UE; jitlob li tiġi elaborata strateġija ġdida bejn l-UE u r-Russja, li tibgħat sinjal ċar lill-fazzjoni favur id-demokrazija fis-soċjetà Russa tar-rieda kontinwa tal-UE li timpenja ruħha u tikkoopera; jitlob li jissaħħaħ ir-reġim tas-sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin bħalissa relatati mal-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny fit-territorju Russu permezz ta' aġent nervin militari tal-familja "Novichok" li ġie żviluppat fir-Russja; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' miżuri ristretti marbuta mal-użu ta' armi kimiċi fit-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny; itenni t-talba tiegħu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvelenament tiegħu;

45.  Itenni li r-rispett tal-ftehimiet ta' Minsk huwa kundizzjoni fundamentali għal kwalunkwe bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jiddeplora r-rwol negattiv tar-Russja fil-kampanji ta' diżinformazzjoni u forom oħra ta' gwerer ibridi mibdija kontra l-UE u l-Punent, li jimmiraw li jdgħajfu l-koeżjoni interna tagħna u b'hekk il-kapaċità tagħna li naġixxu b'mod effikaċi fix-xena globali; jiddeplora, barra minn hekk, il-qtil immirat fit-territorju tal-UE u l-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll is-sitwazzjoni interna diffiċli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jissottolinja l-ħtieġa li titpoġġa pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tikkonforma mad-dritt u t-trattati internazzjonali; huwa mħasseb dwar il-ksur ripetut min-naħa tar-Russja tal-ftehimiet u l-istandards dwar il-kontroll tal-armi, li wasslu għall-falliment tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (INF), kif ukoll il-ksur tagħha tal-konvenzjoni dwar l-armi kimiċi, bl-użu ta' aġenti nervini ta' tip militari kemm fit-territorju tagħha stess kif ukoll fit-territorju tal-UE;

46.  Jissottolinja li l-Afrika hija sieħba strateġika importanti fis-sistema multilaterali; jilqa' l-isforzi attwali biex titfassal mill-ġdid u tiġi aġġornata b'mod sinifikanti l-istrateġija UE-Afrika, bl-użu ta' mudell li mhuwiex ibbażat fuq relazzjonijiet bejn id-donatur u r-riċevitur iżda fuq sħubija konġunta u kkoordinata bejn il-pari u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku b'fehim ċar tal-interessi u r-responsabbiltajiet rispettivi u reċiproċi, bil-ħsieb li tiġi żviluppata sħubija ġusta, iċċentrata fuq il-persuni u sostenibbli, inkluż f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, sigurtà u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fis-Saħel, minħabba l-instabbiltà li qed tiżdied u l-effetti diretti u indiretti sinifikanti għall-UE tal-avvenimenti f'dan ir-reġjun; jinsisti fuq viżjoni Ewropea għas-solidarjetà quddiem l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Libja, iżda wkoll għad-drittijiet tal-bniedem, fil-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-konsolidament ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika; jitlob approċċ komuni tal-UE biex jissaħħu l-konnettività tal-UE mal-Afrika, l-għarfien dwarha u l-impenn lejha; ifakkar li l-preżenza u l-impenn kredibbli tal-Ewropa huma kruċjali fil-mitigazzjoni tal-isfidi umanitarji u soċjoekonomiċi;

47.  Jinnota l-importanza tal-bini tal-kapaċitaijiet Ewropej u l-missjonijiet ta' taħriġ fit-trawwim tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afrika; itenni l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE li jsiru fl-Afrika, b'mod partikolari fir-reġjuni fin-Nofsinhar tas-Saħara u tas-Saħel, u jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandat u l-mezzi tal-missjonijiet tal-PSDK fl-Afrika jissaħħu, billi jingħataw il-mezzi biex ikomplu joperaw b'mod effikaċi biex iwieġbu għall-isfidi gravi li għandhom quddiemhom; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, fosthom permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni;

48.  Jemmen li relazzjoni msaħħa mal-Amerka Latina u l-Karibew (ALK) hija ċentrali għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE fid-dinja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqdu l-UE mal-pajjiżi ALK, li flimkien jirrappreżentaw terz tal-membri tan-NU, ibbażati fuq valuri u prinċipji komuni, b'mod partikolari fid-difiża tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, il-promozzjoni ta' aġenda ekoloġika u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Unjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala s-sieħba privileġġjata tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fid-dawl tal-prospettiva li atturi ġeopolitiċi oħrajn jokkupaw spazju dejjem akbar fir-reġjun;

49.  Jitlob, f'dan ir-rigward, impenn immirat u multidimensjonali mar-reġjun, appoġġjat minn narrattiva komuni tal-UE li tippromwovi strateġiji li jgħinu biex jiġu indirizzati flimkien sfidi komuni bħall-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità filwaqt li jiġi żgurat front komuni fid-dawl tat-theddid li ġej mit-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza tal-Amerka Latina għall-UE u jitlob li dan ir-reġjun ikompli jitqies bħala ta' interess ġeostrateġiku ewlieni għall-PESK, permezz tal-parteċipazzjoni fil-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-għajnuna fl-iżvilupp ekonomiku tiegħu; jenfasizza li r-rispett tal-istat tad-dritt u qafas politiku u ġuridiku stabbli, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-progress lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali, huma l-pedamenti għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar fil-fond mal-pajjiżi ALK; jisħaq fuq l-importanza li tissokta u titlesta r-reviżjoni tal-ftehimiet globali maċ-Ċilì u l-Messiku, kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, u jenfasizza li dawn huma alleati u sħab ewlenin tal-UE; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u dwar l-attakki fuq il-mexxejja tal-oppożizzjoni eletti demokratikament, ġurnalisti, studenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali, u l-avukati tagħhom;

50.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja u għall-implimentazzjoni tiegħu, li huwa pass deċiżiv għall-futur tal-Kolombjani u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jitlob li tinżamm pożizzjoni konġunta b'saħħitha fir-rigward tar-reġim fil-Venezwela, u fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim tal-President Nicolás Maduro, kif ukoll fir-rigward tas-sistema ta' sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl ta' dak li ġara dan l-aħħar, u tal-ilmenti reċenti li saru minn diversi korpi, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti;

51.  Jissottolinja l-importanza għall-UE li ssegwi strateġija unifikata, realistika, effikaċi, soda u aktar assertiva li tgħaqqad l-Istati Membri kollha u ssawwar relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), fl-interessi tal-UE kollha kemm hi, fejn għandha tfittex b'mod proattiv u assertiv relazzjonijiet ekonomiċi aktar bilanċjati u reċiproċi, ibbażati fuq valuri u interessi Ewropej, b'attenzjoni speċjali u qawwija ħafna fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tal-għan li jintlaħaq approċċ komuni mal-Istati Uniti u ma' sħab oħra li jaħsbuha b'mod simili dwar iċ-Ċina;

52.  Jitlob li politika tal-UE rigward iċ-Ċina tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin: kooperazzjoni fejn ikun possibbli; kompetizzjoni fejn meħtieġ; konfrontazzjoni fejn tkun neċessarja; ifakkar li d-diplomazija pubblika assertiva taċ-Ċina għamlet għadd ta' pajjiżi kodipendenti mill-investiment u s-self tagħha; jisħaq li l-UE għandha żżid b'mod attiv il-preżenza u l-viżibbiltà tagħha fl-istati sħab fid-dinja kollha bħala investitur u donatur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp;

53.  Iħeġġeġ lir-RPĊ terfa' responsabbiltà akbar fit-trattament tal-isfidi globali, filwaqt li tippreserva l-kooperazzjoni f'oqfsa multilaterali kull meta jkun possibbli, inkluż, b'mod partikolari, li tieħu azzjonijiet aktar ambizzjużi u impenji vinkolanti dwar il-klima, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u dwar il-bijodiversità, u tappoġġja reazzjonijiet multilaterali għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż billi tippermetti investigazzjoni internazzjonali dwar l-oriġini tal-marda; jiddeplora d-diżinformazzjoni Ċiniża dwar l-oriġini tal-pandemija tal-COVID-19, il-manipulazzjoni tagħha tas-sistema multilaterali, it-tixrid tal-influwenza malinja Ċiniża, l-attakki ċibernetiċi u proġetti ta' investiment korrotti; ifaħħar l-isforzi effikaċi tat-Tajwan biex irażżan it-tixrid tal-coronavirus u s-solidarjetà tiegħu mal-UE, kif wera bid-donazzjoni ta' aktar minn seba' miljun maskra lil ħafna Stati Membri matul il-pandemija;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ikomplu jikkomunikaw lir-RPĊ li l-UE mhux se tittollera l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, fit-Tibet u f'Xinjang, u lanqas it-trattament tagħha ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u biex tassumi rwol deċiżiv fix-xena internazzjonali biex tiżgura l-awtonomija ta' Hong Kong; jikkundanna l-ksur tal-mudell ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" bl-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fiċ-Ċina, li timmina serjament il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u għandha impatt detrimentali fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong; jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-impożizzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong fuq ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u t-Tajwan; jissottolinja li l-imminar kontinwu tal-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing mhux biss imur kontra l-obbligi taċ-Ċina skont it-trattati bilaterali u d-dritt internazzjonali, iżda jqajjem ukoll dubji dwar ir-rwol ta' Beijing bħala sieħeb kredibbli; jinnota li l-Parlament se jqis l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong meta jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment u kwalunkwe ftehim kummerċjali futur maċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-pakkett ta' miżuri miftiehem mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-28 ta' Lulju 2020, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020(6); jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv kontra l-persekuzzjoni brutali tal-Ujguri f'Xinjang, kif ukoll ta' gruppi ta' minoranza etniċi u reliġjużi oħra, b'mod partikolari l-Insara u t-Tibetani; jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jadottaw sanzjonijiet fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-uffiċjali Ċiniżi u l-entitajiet immexxija mill-istat responsabbli għall-organizzazzjoni tal-politika ta' detenzjoni tal-massa tal-Ujguri u x-xogħol furzat fiċ-Ċina;

55.  Jafferma mill-ġdid li l-Unjoni se tibqa' għassa tas-sitwazzjoni fit-Tajwan u tat-titjib tar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Repubblika taċ-Ċina (it-Tajwan); jistieden lir-RPĊ tilħaq riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim kollu dwar il-fruntieri tal-art u tal-baħar bi qbil mad-dritt internazzjonali u tevita kwalunkwe mossa militari provokatorja mmirata biex jiddestabbilizza l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jissottolinja li l-preservazzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku tibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jinnota bi tħassib serju ż-żieda reċenti fit-tensjonijiet fuq il-fruntiera bejn l-Indja u ċ-Ċina, kif ukoll fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokatorji taċ-Ċina kontra t-Tajwan; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku permezz ta' djalogu kostruttiv u jastjenu milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo; huwa tal-fehma li r-relazzjonijiet bejn l-Istrett għandhom jiġu żviluppati b'mod kostruttiv, mingħajr inizjattivi ta' destabilizzazzjoni jew koerċizzjoni minn naħa jew oħra, u li kwalunkwe bidla fir-relazzjonijiet bejn l-Istrett ma tridx issir kontra r-rieda taċ-ċittadini tat-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu l-politika tagħhom ta' impenn mat-Tajwan u jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jgħinu ħalli jappoġġjaw demokrazija fit-Tajwan mingħajr theddid barrani; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adeżjoni tat-Tajwan bħala osservatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, u ta' organizzazzjonijiet, mekkaniżmi u attivitajiet internazzjonali oħra, kif ukoll tan-network globali għall-prevenzjoni tal-mard;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar attenzjoni lir-reġjuni strateġiċi li qed jiksbu dejjem aktar attenzjoni internazzjonali, bħal, fost l-oħrajn, l-Afrika u l-Artiku, kif ukoll ir-reġjun Indo-Paċifiku, fejn iċ-Ċina qed issegwi politika ta' espansjoni li għaliha l-UE trid tiżviluppa rispons koerenti; jinnota l-ħtieġa li tiġi estiża aktar il-kooperazzjoni ma' sħab importanti bl-istess fehma fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħall-Ġappun, l-Indja, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi favur l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-Indo-Paċifiku bbażata fuq il-prinċipji u l-valuri tal-UE, li tista' tinkludi eżerċizzji militari konġunti bejn l-Awstralja u n-NATO fil-Paċifiku; huwa tal-fehma li, bħala parti minn strateġija koerenti għaċ-Ċina li fiha l-UE u l-Istati Membri jirreżistu flimkien meta jkun meħtieġ, l-UE għandha tfittex kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi fir-reġjun u ma' demokraziji oħra, li għaliha għandha tintuża bl-aktar mod sħiħ l-istrateġija tal-konnettività tal-UE; iwissi kontra l-isforzi taċ-Ċina biex tipproġetta b'aktar saħħa s-setgħa tagħha fir-reġjun, b'mod partikolari fit-Tajwan, li jwassal għal tilwim fil-fruntieri ma' ħafna mill-ġirien tagħha;

57.  Jissottolinja l-ħtieġa li jintuża l-potenzjal għal aktar titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fir-reġjun u r-rwol importanti tal-Indja kemm fir-reġjun kif ukoll fuq livell globali;

58.  Jilqa' l-inklużjoni ta' komunikazzjoni konġunta dwar l-Artiku fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2021; iqis li jeħtieġ li l-UE jkollha strateġija għall-Artiku;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mezzi tal-UE fil-PESK

59.  Jisħaq fuq l-appoġġ tiegħu għad-definizzjoni u l-promozzjoni gradwali ta' politika ta' difiża komuni mmirata lejn it-tisħiħ tal-PSDK u l-objettivi u l-kompiti tagħha kif stabbilit fit-Trattati, lejn unjoni ta' difiża żviluppata bis-sħiħ li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni kostituzzjonali speċifika tal-pajjiżi newtrali, ibbażata fuq objettivi strateġiċi ċari u orjentati lejn is-sigurtà tal-bniedem u paċi sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-adozzjoni ta' Boxxla Strateġika fl-2022; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li jissottolinja l-kompatibbiltà u r-rilevanza strateġika tagħhom għal xulxin; jistieden lill-pajjiżi Ewropej jinvestu aktar fil-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, biex jibbilanċjaw mill-ġdid ir-responsabbiltajiet fi ħdan in-NATO u biex isiru sħab aktar ugwali għall-Istati Uniti; jirrikonoxxi l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; ifaħħar il-progress lejn l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li mmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u li tittieħed azzjoni, b'mod partikolari billi l-UE tingħata bażi industrijali tad-difiża verament Ewropea permezz ta' fond Ewropew tad-difiża bil-baġit meħtieġ, u li tiġi żgurata implimentazzjoni aktar rapida u koerenti tal-kooperazzjoni strutturata permanenti li taħdem lejn l-awtonomija strateġika tal-UE, li tippermetti lill-UE tippromwovi suq intern aktar integrat għat-tagħmir tad-difiża; jissottolinja l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet inklużivi bejn diversi partijiet ikkonċernati bil-għan li titrawwem kultura strateġika komuni fis-sigurtà u d-difiża;

60.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi u s-sigurtà jista' jkollha rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tas-suċċess u s-sostenibbiltà tal-ftehimiet ta' paċi, kif ukoll it-tul ta' żmien u l-kwalità tal-paċi; jisħaq li l-impenji u d-dikjarazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) u r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fil-politika estera u ta' sigurtà spiss jibqgħu retorika minflok jimmiraw u jiżguraw li tiġi effettivament implimentata, u dan iwassal għal progress limitat fl-għanijiet tal-aġenda madwar id-dinja; ifakkar fis-suċċess akbar tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti meta l-parità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu rrispettati tul il-proċess u jitlob li jkun hemm żieda fil-parteċipazzjoni, b'mod partikolari fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u fil-pożizzjonijiet maniġerjali għan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm integrazzjoni aktar sistematika ta' perspettiva tal-ġeneru f'missjonijiet bħal dawn, għal garanziji ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u WPS għall-persunal militari u ċivili kollu stazzjonat mill-UE, inkluż il-maniġment medju u superjuri tas-SEAE u l-kapijiet u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u għal kontributi attivi għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jitlob li jkun hemm objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fir-rigward tad-diversità u l-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fis-SEAE, inkluż l-objettiv li jintlaħqu 50 % tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali bħala kapijiet tad-delegazzjoni, Rappreżentanti Speċjali tal-UE u kapijiet ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III (GAP III) u l-Pjan ta' Azzjoni WPS li jmiss jissarrfu fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, inkluża evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, u li l-Pjan ta' Azzjoni WPS jiġi anness mal-GAP III;

61.  Jisħaq li l-UE trid tassumi rwol ta' tmexxija globali fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija, rwol li jirrikjedi riżorsi finanzjarji suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas finanzjarju pluriennali (QFP) aktar ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża, inklużi aktar allokazzjonijiet għall-PESK, għall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), għall-Fond Ewropew għad-Difiża, u għall-mobbiltà militari u jistieden lill-Kunsill jiżgura l-approvazzjoni bikrija tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jesprimi dispjaċir għat-tnaqqis propost mill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji esterni fil-QFP il-ġdid u n-nuqqas ta' finanzjament permezz tal-pakkett ta' rkupru ta' Next Generation EU; jissottolinja li dan it-tnaqqis jista' jostakola r-rwol tal-UE fix-xena globali u jagħti daqqa ta' ħarta lill-kapaċità tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni; jenfasizza li l-Parlament jeħtieġ li jkun involut b'mod sinifikattiv fit-tmexxija strateġika tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali u l-kontroll tal-istrumenti finanzjarji esterni; ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu b'mod sinifikanti r-riżorsi tal-baġit tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili għall-QFP li jmiss u li jiżdied il-finanzjament għall-konsolidament tal-paċi, id-djalogu, il-medjazzjoni u r-rikonċiljazzjoni;

62.  Jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża filwaqt li jingħataw prijorità d-distakki fil-kapaċità identifikati fl-ambitu tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-fond bħall-akkomunament u l-kondiviżjoni u l-finanzjament suffiċjenti ta' proġetti sinifikattivi u Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) aktar ambizzjuża, il-FEŻ, il-mobbiltà militari u l-programm spazjali Ewropew; jinnota li dawn il-passi għandhom ikunu ta' benefiċċju wkoll għan-NATO u għar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar koerenza tal-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-UE fil-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE u jitlob f'dan ir-rigward li r-riżorsi jiġu ottimizzati biex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż u l-istrumenti; jitlob aktar appoġġ u persunal, u riżorsi baġitarji adegwati u permanenti għat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, bil-kundizzjoni li ssir valutazzjoni indipendenti fil-fond tal-attivitajiet attwali u preċedenti tagħha; jitlob rieżami tal-mandat tat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tinkludi l-indħil barrani minn atturi emerġenti bħaċ-Ċina;

63.  Itenni t-talba tiegħu ta' appoġġ aktar b'saħħtu għall-istrateġija tal-UE għas-sigurtà marittima, billi l-libertà tan-navigazzjoni hija sfida li qed tikber kemm fuq livell globali kif ukoll fil-viċinat; jissottolinja li l-libertà tan-navigazzjoni għandha tiġi rrispettata dejjem; jirrakkomanda, sabiex tinkiseb ġestjoni effikaċi tal-informazzjoni marittima globali, li l-koordinament strutturali bejn l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tissaħħaħ u tiġi appoġġjata, b'mod partikolari billi tkun permessa l-konverġenza taż-żewġ komponenti ċivili u militari ewlenin li jipprovdu l-bażi għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jenfasizza l-eżistenza ta' ftehimiet qafas ma' pajjiżi mhux tal-UE għall-parteċipazzjoni tagħhom f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar ta' kriżijiet; jirrimarka li dawn il-ftehimiet jenfasizzaw l-approċċ kollettiv li jirregola t-tfittxija tal-paċi u s-sigurtà;

65.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddid fuq żmien medju u fit-tul li jeħtieġ li jiġi indirizzat mill-PESK fil-futur, inklużi r-riskji għas-sigurtà kkawżati minn reġimi awtoritarji, atturi mhux statali, mit-tibdil fil-klima, it-theddid ċibernetiku, attakki CBRN, it-theddid ibridu inkluż l-użu usa' tal-intelliġenza artifiċjali, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, it-tellieqa spazjali u l-militarizzazzjoni tagħha, u minn teknoloġiji emerġenti, it-terroriżmu u l-flussi migratorji mhux ikkontrollati, flimkien ma' sfidi ġeopolitiċi diġà stabbiliti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tagħmel progress fid-definizzjoni u r-rikonoxximent ta' theddid ibridu; jitlob lill-UE ttejjeb l-għarfien ta' dan it-theddid u tibni kapaċità komuni ta' reżiljenza; jisħaq li dan it-theddid jista' jiġi miġġieled biss permezz ta' azzjoni koordinata u investiment f'waqtu u adegwat fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej; jilqa' l-ħolqien min-naħa tal-Parlament tal-Kumitat Speċjali dwar l-Intelligenza Artifiċjali fl-Era Diġitali bħala forum li fih jiġu indirizzati kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-intelliġenza artifiċjali; iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu favur l-għanijiet tal-PESK, inkluża l-politika tal-enerġija tal-UE;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata dimensjoni koerenti tal-PESK relatata mal-politika dwar il-klima, peress li r-rwol tat-tibdil fil-klima ta' destabilizzatur ekonomiku, soċjali u politiku u multiplikatur tar-riskju qiegħed dejjem jiżdied;

67.  Jilqa' l-analiżi tat-theddid immexxija mill-intelligence li bħalissa qed titwettaq mill-VP/RGħ bħala punt tat-tluq għall-Boxxla Strateġika futura, u jitlob dibattitu fil-Parlament dwar l-eżitu ta' din l-analiżi; jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni biex tinkorpora l-previżjoni strateġika fit-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0286.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0172.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13).
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0174.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza