Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni - rapport annwali 2020 (2020/2207(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, tat-28 ta' Ġunju 2018, tal-14 ta' Diċembru 2018, tal-20 ta' Ġunju 2019, tat-12 ta' Diċembru 2019 u tal-21 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018, tas-17 ta' Ġunju 2019 u tas-17 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-istabbiliment ta' Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-10 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi tad-19 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2018 u dwar iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-5 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isforzi komplementari għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu tal-10 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u s-Sigurtà ral-Unjoni Ewropea)" ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari tat-28 ta' Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tat-12 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u l-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-Ħames rapport ta' progress tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u l-5 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-impatt enormi li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu fuq il-kapaċitajiet ta' difiża potenzjali tal-UE, peress li huwa wieħed mill-aktar poteri militari Ewropej effettivi,
– wara li kkunsidra l-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja,
– wara li kkunsidra l-ksur tar-Russja tal-ispazju tal-ajru u tal-fruntieri marittimi tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra ż-żieda fil-preżenza ekonomika u militari taċ-Ċina fil-pajjiżi Mediterranji u Afrikani,
– wara li kkunsidra t-theddida tat-terroriżmu domestiku u barrani, primarjament minn gruppi bħall-ISIS,
– wara li kkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali u l-informatika kwantistika, li joffru opportunitajiet ġodda għall-umanità, iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda fl-ambitu tal-politika estera u ta' difiża li għalihom hemm bżonn strateġija ċara u kunsens bejn l-alleati,
– wara li kkunsidra t-Tieni Rapport ta' Progress dwar il-prijoritajiet tal-UE u tan-NU 2019-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-immaniġġjar tal-kriżijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 3212(1974), 32/15(1977), 33/15(1978), 34/30(1979) u 37/253(1983),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 353(1974), 361(1975), 367(1975), 458(1979), 541(1983), 550(1984), 649(1990), 716(1991), 750(1992), 774(1992), 789(1992), 889 (1993), 939(1994), 1032(1995), 1062(1996), 1250(1999), 2009(2011), 2095(2013) u 2174(2014),
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'attenzjoni speċjali lill-SDG 16, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-NU ta' Ġunju 2018 bit-titolu "Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament" (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),
– wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar id-Difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016(2), tat-13 ta' Diċembru 2017(3), tat-12 ta' Diċembru 2018(4) u tal-15 ta' Jannar 2020(5) dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(6),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħejjija tal-proċess ta' rieżami 2020 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), tal-kontroll tal-armi nukleari u tal-opzjonijiet ta' diżarm nukleari,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea(8),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża(9),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar id-deċiżjoni li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0265/2020),
1. Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u s-sigurtà, u jitlob li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu lejn iż-żamma tal-paċi internazzjonali, is-sigurtà, il-multilateraliżmu effettiv, il-kooperazzjoni, l-istabbiltà globali u l-appoġġ attiv għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, f'konformità mal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
2. Jisħaq li, minħabba t-theddid multidimensjonali attwali li qed jiżdied għas-sigurtà u l-istabbiltà globali, reġjonali u nazzjonali li qed tiffaċċja l-UE f'ambjent multipolari ħafna u imprevedibbli b'setgħat globali u reġjonali aktar assertivi u kompetittivi u b'tibdil fl-alleanzi, huwa biss permezz tal-isforz konġunt ta' Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda u tal-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' demokraziji tal-istess fehma, li l-atturi Ewropej se jkollhom il-potenzjal li jiżviluppaw Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) aktar robusta sabiex ikollhom rwol aktar b'saħħtu u rilevanti fix-xena internazzjonali fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u biex jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, il-prosperità, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet u l-valuri fundamentali u d-demokrazija;
3. Jinnota li d-deterjorament dejjiemi fl-ambjent strateġiku tal-Unjoni qiegħed jaffettwa direttament jew indirettament is-sigurtà tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja li, f'dan l-ambjent instabbli u imprevedibbli, l-Unjoni u l-Istati Membri flimkien għandhom rwol akbar x'jaqdu biex jiżguraw is-sigurtà tal-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-valuri tal-Unjoni kontra t-theddid multilaterali, ir-riskji u l-isfidi;
4. Jinnota l-objettiv tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa awtonomija strateġika Ewropea, li hija ambizzjoni bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tivvaluta b'mod indipendenti sitwazzjoni ta' kriżi u tieħu deċiżjonijiet awtonomi, u fuq il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, sabiex tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha, b'rispett sħiħ tal-alleanzi u tas-sħab strateġiċi tagħha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' komplementarjetà man-NATO;
5. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu definizzjoni formali komuni tal-awtonomija strateġika u jiddefinixxu l-objettivi, il-mezzi u r-riżorsi tagħha għall-implimentazzjoni b'mod ċar ħafna; iqis il-kapaċità li taġixxi b'mod awtonomu bħala mezz importanti għall-UE biex issaħħaħ l-azzjoni multilaterali tagħha, issir inqas vulnerabbli għal theddid estern u tkun sieħeb aktar affidabbli f'ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli;
6. Jemmen li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-vulnerabbiltà tal-UE u d-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa saħansitra aktar importanti li jiġu intensifikati l-isforzi tal-UE lejn awtonomija strateġika f'dan il-kuntest;
7. Jinnota li sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-PSDK; jilqa' l-fatt li l-UE tibqa' impenjata li żżid il-preżenza globali tagħha u l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala promotur u fornitur tas-sigurtà globali, inkluż permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tagħha, bl-għan li tikseb paċi, stabbiltà, sigurtà u prosperità sostenibbli u tikkontribwixxi b'mod attiv biex jiġu eliminati u riżolti l-kunflitti madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-viċinat tal-UE;
8. Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ li, sa tmiem l-2020, se tiġi ppreżentata analiżi tat-theddid u l-isfidi komuni, li se tipprovdi l-bażi għad-diskussjonijiet dwar il-politika mal-Istati Membri u għall-iżvilupp ta' Boxxla Strateġika; jinnota li l-Boxxla Strateġika se ttejjeb u tiggwida l-implimentazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE, kif stipulat fl-2016, u se tiddefinixxi approċċ strateġiku, għanijiet u objettivi speċifiċi fl-erba' oqsma ewlenin: il-maniġġar ta' kriżijiet, ir-reżiljenza, il-kapaċitajiet u s-sħubiji, sa mhux aktar tard mill-2022; jisħaq li dan huwa meħtieġ minħabba li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa xenarji illustrattivi għall-interventi militari u ċivili u biex tipprepara sew fil-livelli operazzjonali u politiċi; jittama li l-Boxxla Strateġika, bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta' kapaċità operattiva indipendenti tal-UE, se twitti t-triq għal kultura strateġika aktar armonizzata u b'hekk tiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;
9. Qed iqis li jressaq ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess dwar l-oqsma ewlenin tal-Boxxla Strateġika sabiex jipprovdi input u gwida parlamentari, f'konformità mal-prinċipji istituzzjonali demokratiċi tagħna;
10. Jissottolinja l-importanza ġeopolitika primarja għall-Unjoni ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità reġjonali sostenibbli u tal-prevenzjoni ta' proċessi destabbilizzanti fil-viċinat tagħha, kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar u fl-Artiku; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li għandhom l-operazzjonijiet EUFOR Althea u EULEX Kosovo fil-promozzjoni tal-istabbiltà u s-sigurtà billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi u jiġi promoss it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'reġjun ta' importanza strateġika għall-UE; jilqa' l-estensjoni tal-mandati ta' EULEX Kosovo u EUAM Ukraine u jtenni l-importanza tal-involviment tal-PSDK fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant; jinkoraġġixxi rieżami tal-missjoni tal-PSDK attwali EUAM Ukraine biex jiġi ddeterminat kif tista' tappoġġja aktar is-sigurtà tal-Ukrajna;
11. Jinnota l-fatt li l-instabbiltà fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b'mod partikolari fir-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika fl-aħħar mill-aħħar għandha effett kollaterali negattiv b'mod partikolari fuq il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, u għalhekk toħloq sfida diretta għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni Ewropej tagħna;
12. Huwa mħasseb li l-forzi militari tal-Federazzjoni Russa għadhom qed jokkupaw partijiet kbar mill-Ukrajna u l-Georgia bi ksur tad-dritt internazzjonali, li għadhom preżenti fir-Repubblika tal-Moldova, u li r-Russja għadha tiddestabilizza l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskala bla preċedent ta' kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-Istat fil-Viċinat tal-Lvant; ikompli jikkundanna l-intervent militari tar-Russja u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea u ż-żamma tal-kunflitt iffriżat fil-Moldova; jisħaq fuq il-ħtieġa li nitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tal-UE f'dak il-kuntest;
13. Jilqa' l-waqfien tal-ostilitajiet fin-Nagorno-Karabakh u madwaru; jissottolinja bi tħassib l-involviment militari ta' pajjiżi terzi fil-kunflitt u b'mod partikolari r-rwol destabbilizzanti u l-interferenza tat-Turkija; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali dwar l-allegata preżenza ta' ġellieda barranin u l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi u bombi tal-fosfru; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-korpi internazzjonali jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għal delitti tal-gwerra fin-Nagorno-Karabakh u għall-użu ta' armi pprojbiti fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-għajnuna umanitarja titħalla tidħol, li l-iskambju ta' priġunieri u ta' persuni maqtula jsir mingħajr dewmien, u fuq il-ħtieġa li jiġi ppreservat il-wirt kulturali tan-Nagorno-Karabakh;
14. Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda reċenti fit-tensjonijiet dwar xi punti ta' tħassib potenzjali fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku, bħall-fruntiera kkontestata bejn l-Indja u ċ-Ċina, il-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokattivi taċ-Ċina mmirati lejn it-Tajwan; jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' mezzi paċifiċi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u joqogħdu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex jibdlu l-istatus quo; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp paċifiku tul l-Istrett tat-Tajwan biex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-Ċina u t-Tajwan, u fir-reġjun Asja-Paċifiku, li jibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirrevedu l-politika ta' involviment tagħhom mat-Tajwan u jaħdmu ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma biex jipproteġu lit-Tajwan demokratiku ħieles minn theddid barrani; jesprimi tħassib dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni mnedija minn pajjiżi terzi malizzjużi biex ifixklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 kontra demokraziji fir-reġjun Indo-Paċifiku, inkluż it-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sinifikanti u prammatika tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, il-mekkaniżmi u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), sabiex flimkien jiġġieldu kontra l-kriżi globali tas-saħħa pubblika;
15. Huwa mħasseb ħafna dwar l-attivitajiet illegali u t-theddid ta' azzjoni militari kontra l-Istati Membri min-naħa tat-Turkija fil-Mediterran tal-Lvant, u jikkundanna dan bil-qawwa; jinnota bi tħassib li l-azzjonijiet unilaterali mmexxija mit-Turkija, minkejja l-isforzi ta' dieskalazzjoni, qed jiksru d-dritt internazzjonali u qed jaffettwaw direttament is-sovranità ta' xi Stati Membri; itenni r-rieda tal-Unjoni li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż f'konformità mal-Artikolu 29 tat-TUE u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-Lvant tal-Mediterran u jitlob strateġija komprensiva ġdida bejn l-UE u t-Turkija;
16. Jisħaq li l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur jista' jwassal għal kunflitti serji; jisħaq li l-Unjoni Ewropea trid tistabbilixxi strateġija politika biex tiffaċilita s-soluzzjonijiet f'dawn iż-żoni ta' potenzjal destabbilizzanti għoli filwaqt li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li jinsabu fl-aktar żoni importanti ta' kunflitt relatat mal-ilma biex jiffirmaw il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki dwar l-Ilma tal-1992 li tlestiet fi New York fl-1997 dwar il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi fuq l-ilma transfruntiera u lagi internazzjonali;
Il-konsolidazzjoni tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea: it-tisħiħ tal-effettività tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'ambjent imprevedibbli u destabbilizzat
17. Iqis li l-PSDK hija primarjament ibbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li twettaq missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew li jeħtieġu intervent internazzjonali skont id-dritt internazzjonali u l-karta u r-riżoluzzjonijiet tan-NU; jinnota li l-Unjoni bħalissa qed twettaq 11-il missjoni u operazzjoni ċivili u sitta militari, li minnhom, fil-każ ta' dawn tal-aħħar, tlieta huma missjonijiet eżekuttivi (ATALANTA, EUNAVFOR MED IRINI, EUFOR ALTHEA) u tlieta mhumiex eżekuttivi (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUTM RCA); ifakkar li l-mandati tal-missjonijiet tal-PSDK għandhom l-għan, fost oħrajn, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, imexxu 'l quddiem ir-riforma tal-ġustizzja, u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija; jirrakkomanda evalwazzjoni xierqa tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq bażi regolari sabiex jiġi identifikat fejn tista' tissaħħaħ aktar l-effettività tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li l-missjonijiet jitwettqu b'mod aktar rapidu, flessibbli u konsistenti;
18. Jinnota, sfortunatament, li għad hemm nuqqas ta' rieda politika minn xi Stati Membri biex jipparteċipaw fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK b'mod sinifikanti u kredibbli; jissottolinja l-importanza li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet isiru aktar robusti, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' mandati; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribut tal-forzi u l-assi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, filwaqt li jindirizzaw b'mod partikolari n-nuqqasijiet eżistenti, peress li l-kwistjoni tal-finanzjament għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK hija kruċjali għas-sostenibbiltà tagħhom, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, u l-kwistjoni ta' tensjonijiet u kunflitti potenzjali li qed jiżdiedu; jisħaq li l-baġit tal-PSDK ma għandux jidgħajjef;
19. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet tal-PSDK tikkontribwixxi għall-effettività tal-missjoni u hija mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa madwar id-dinja; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat; jilqa' l-fatt li l-missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK issa ħatru konsulent tal-ġeneru u jistieden lill-missjonijiet militari tal-PSDK jagħmlu l-istess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippreżentaw kandidati nisa għall-pożizzjonijiet vakanti eżistenti; jitlob li l-persunal militari u ċivili kollu skjerat mill-UE jiġi mħarreġ biżżejjed dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u speċifikament dwar kif jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-kompiti tagħhom; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-għadd ta' nisa li jaħdmu fil-missjonijiet tal-PSDK u speċjalment f'operazzjonijiet militari għadu baxx ħafna; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jippromwovi l-ħtieġa ta' mira konkreta u impenn politiku biex jiżdied l-għadd ta' nisa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħarsu lejn modi kif isaħħu l-politiki ta' reklutaġġ u taż-żamma tal-persunal u jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-missjonijiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi u taż-żamma tal-paċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi inkluża linja baġitarja ġdida tal-UE li tiffinanzja l-pożizzjoni tal-konsulenti tal-ġeneru fil-missjonijiet militari tal-PSDK;
20. Jissottolinja l-impenn globali tal-Unjoni fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika permezz ta' sitt missjonijiet ċivili (EUCAP Mali, EUCAP Niger, EUCAP Somalia) u militari (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUNAVFOR ATALANTA, EUNAVFOR MED Irini);
21. Jinnota li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK qed ikollhom tendenza dejjem akbar li jiffukaw fuq it-taħriġ tal-forzi armati (jiġifieri missjonijiet ta' taħriġ tal-UE) mingħajr dimensjoni eżekuttiva; iqis li, mingħajr ma tiġi affettwata d-dimensjoni mhux eżekuttiva ta' dawn il-missjonijiet, il-mandat għandu jsir aktar robust sabiex il-konsulenti Ewropej ikunu jistgħu jivverifikaw, mill-aktar qrib possibbli, ir-raġuni għall-iskjerament, jekk il-programmi ta' formazzjoni ġewx implimentati sew u humiex konformi b'mod sħiħ mal-ħtiġijiet operattivi attwali tal-forzi armati lokali; jinnota li dan jippermetti wkoll prevenzjoni aħjar ta' ġestjoni ħażina u ta' każijiet ta' abbuż ladarba l-forzi mħarrġa jiġu skjerati fil-post; jisħaq li dan huwa speċjalment il-każ f'EUTM Mali, fejn il-forzi armati tal-Mali jiġu skjerati f'żoni ferm differenti u diffiċli, u b'hekk jirrikjedu sorveljanza tal-mod kif il-formazzjonijiet Ewropej qed jiġu implimentati attwalment;
22. Jisħaq li ftit biss mill-missjonijiet tal-PSDK jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali u sessist, u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju biex dan it-tip ta' fastidju jiġi miġġieled fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha u jiżguraw li l-vittmi u l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv; jitlob li l-Istandards Ġeneriċi Mtejba tal-Imġiba għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu aġġornati biex jinkludu l-prinċipju ta' tolleranza żero ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tat-tmexxija u l-maniġment tal-UE fir-rigward tal-vjolenza sesswali u sessista;
23. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2020 dwar l-Operazzjoni EUFOR Althea u r-rieda li jitkompla l-mandat tal-Operazzjoni biex jiġu appoġġjati l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jinżamm l-ambjent sikur u sigur taħt awtorizzazzjoni mġedda tan-NU; jirrikonoxxi l-isfidi li qed jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u jfaħħar lill-persunal tal-missjonijiet talli baqa' kompletament operattiv matul dan iż-żmien;
24. Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja hija inkwetanti ħafna u hija fattur destabbilizzanti fil-Qarn tal-Afrika u anke lil hinn; jemmen, f'dan ir-rigward, li t-tisħiħ tal-EUTM Somalia b'kapaċità konsultattiva fi strutturi ta' kmand jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq kif jitwettqu l-operazzjonijiet fil-qafas multilaterali tal-assistenza militari;
25. Jinkoraġġixxi l-isforzi li saru fir-rigward tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li tnieda permezz taċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 biex dan jidħol fit-tieni fażi tiegħu, u b'hekk jissaħħaħ l-approċċ reġjonali tal-UE fis-Saħel, b'mod partikolari f'EUTM Mali billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, bil-għan li l-azzjoni tal-UE ssir aktar effettiva u operazzjonali bejn il-fruntieri tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, u tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni transfruntiera, biex b'hekk il-ħidma ta' EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger u EUTM Mali ssir aktar effettiva; jitlob li l-isem tagħha jinbidel għal EUTM Sahel; jinnota li l-konsistenza u l-kooperazzjoni fis-sigurtà mal-pajjiżi Afrikani huma kruċjali biex jinkisbu l-istabbiltà u l-iżvilupp fit-tul tal-kontinent; huwa tal-fehma li r-reġjonalizzazzjoni tal-approċċ tal-PSDK fis-Saħel hija rilevanti iżda tirrikjedi organizzazzjoni aktar ċara bejn il-missjonijiet ċivili u militari diġà eżistenti tal-PSDK, l-atturi lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (jiġifieri l-missjoni taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti MINUSMA u l-Operazzjoni Barkhane mmexxija mill-militar Franċiż) biex jiġu żgurati s-sinerġija operazzjonali u l-isforzi kkoordinati fil-livell tal-Unjoni;
26. Jinsab imħasseb dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni li għaddejja bħalissa fir-rigward tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-VP/RGħ jieħu azzjoni sabiex jidentifika b'mod effiċjenti l-oriġini tal-kampanja ta' diżinformazzjoni u jiġġieled dawn l-attakki; jilqa' t-tnedija ta' EUAM RCA bil-ħsieb li jiġu appoġġjati r-riforma tas-settur tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-estensjoni tal-mandat ta' EUTM RCA; iqis li l-Unjoni jeħtieġ li ttejjeb malajr u b'mod effettiv il-kapaċitajiet tagħha li tforni tagħmir minbarra t-taħriġ ipprovdut mill-missjonijiet EUCAP u EUTM; jinnota li t-twaqqif tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi se jiżgura approċċ komprensiv għall-bini tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sħab tagħna; jissottolinja li l-atturi barranin assertivi, preżenti u attivi, li mhux neċessarjament ikollhom l-istess prinċipji etiċi bħall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jimlew id-distakk fil-kapaċitajiet u huma involuti fil-provvista ta' tagħmir lil dawn il-forzi, mingħajr ebda rispett għall-istat tad-dritt u l-istandards internazzjonali;
27. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u umanitarja fir-reġjun tas-Saħel, fejn it-terroriżmu qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-viċinat tagħhom, u dan qed jaggrava t-tensjonijiet politiċi, etniċi u reliġjużi lokali; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ li jġibu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fis-Saħel f'dan ir-rigward; ifakkar li huwa essenzjali li jinżamm l-investiment fit-tul li sar mill-komunità internazzjonali biex taħdem lejn is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u fis-Saħel; jilqa' t-tkomplija mill-ġdid tal-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fil-Mali;
28. Jitlob approċċ ġdid fil-livell operazzjonali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-assistenza tas-sigurtà u l-bini tal-kapaċità militari, li jinkorpora t-tagħlimiet meħuda, b'mod partikolari fil-Mali, u li jenfasizza (a) il-kontroll demokratiku tal-forzi tas-sigurtà kollha inklużi l-forzi armati, (b) il-governanza demokratika u trasparenti tas-settur, (c) il-monitoraġġ sistematiku tal-konformità sħiħa u stretta tal-atturi kollha mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u (d) mekkaniżmi ċari għas-sospensjoni, jew l-irtirar f'każ ta' impunità, u ksur kontinwu;
29. Jinnota l-livell imtejjeb ta' koordinazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari fi tliet pajjiżi: il-Mali, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Somalja; jilqa' l-isforzi kkoordinati tal-missjoni tal-UE tal-bini tal-kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) u ta' EUTM Somalia li jakkumpanjaw it-tqarrib operazzjonali bejn il-pulizija tas-Somalja u l-armata tas-Somalja fiż-żoni liberati mill-influwenza ta' Al Shabaab; jisħaq li l-approċċ integrat tal-għodod, l-istrumenti baġitarji u l-atturi f'EUAM CAR u EUTM CAR għandu jiġi ddupplikat meta jkun rilevanti f'missjonijiet u operazzjonijiet oħra tal-PSDK;
30. Jilqa' t-tnedija tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED Irini, li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà sostenibbli billi tappoġġja l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi fuq il-Libja skont il-UNSCR 2526 (2020), it-taħriġ tal-gwardja tal-kosta Libjana u t-tfixkil tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Istati Membri biex jassenjaw b'mod urġenti l-assi tal-intelligence, tas-sorveljanza, ta' rikonjizzjoni mill-pulizija u dawk navali meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Operazzjoni Irini li sa issa kienu limitati u jinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-operazzjoni marittima tan-NATO li għaddejja bħalissa Sea Guardian, kif ukoll kooperazzjoni mas-sħab reġjonali; ifakkar fl-obbligi internazzjonali rigward it-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar; jistieden lill-VP/RGħ jagħmel użu sħiħ mill-assi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari ċ-ċentru satellitari tal-UE u ċ-ċentru tal-intelligence tal-UE; jilqa' l-progress li qed isir lejn l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja, jistieden lill-UE tassumi rwol attiv fil-proċess ta' medjazzjoni sabiex tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-pedamenti meħtieġa għal Libja paċifika, stabbli u demokratika;
31. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2020 li jestendi l-mandati ta' tlieta mill-missjonijiet ċivili tiegħu tal-PSDK: il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah), u l-Missjoni tal-Pulizija Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS);
32. Jitlob żvilupp u tisħiħ ulterjuri tal-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ċivili u militari tal-UE u tal-istrutturi ta' kmand u ta' kontroll, filwaqt li jiġu garantiti linji ta' kmand militari u ċivili separati;
33. Jinnota li r-rieżami strateġiku tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jinbeda fl-2020; jistieden, fid-dawl tal-impatt ta' dan ir-rieżami fuq l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, lill-VP/HR iżomm lill-Parlament infurmat fil-ħin dwar l-għażliet disponibbli u magħżula; itenni li l-UE tirrikjedi struttura ta' kmand militari permanenti u sħiħa sabiex tkun tista' taġixxi b'mod awtonomu u għalhekk jistieden lill-Kunsill jimplimenta struttura bħal din;
34. Jieħu nota tal-progress u l-isforzi ġenerali li saru fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, li għandu l-għan li jagħmel lill-PSDK ċivili aktar kapaċi, aktar effettiva, flessibbli u risponsiva kemm fil-livell nazzjonali billi jiġu żviluppati u implimentati l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali biex jiżdiedu l-kontributi nazzjonali għall-PSDK ċivili, kif ukoll fil-livell tal-UE bl-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Konġunt; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK sal-bidu tas-sajf 2023; jinnota l-isfidi marbuta mal-kapaċità li qed tiffaċċja l-PSDK ċivili fir-rigward tad-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' pulizija, imħallfin, prosekuturi, u esperti oħra fis-settur tal-ġustizzja u tas-sigurtà ċivili; huwa tal-fehma li l-UE trid issegwi l-evalwazzjoni komprensiva tagħha tal-missjonijiet ċivili EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger, EUCAP Somalia u EUAM RCA f'termini tal-mandati, il-baġits u r-riżorsi umani tagħhom, sabiex tagħmilhom kompletament operattivi u effettivi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rieżami annwali dettaljat li jqis il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK; jistieden lill-atturi rilevanti kollha jintensifikaw il-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-missjonijiet ċivili u militari skjerati fl-istess żona, speċjalment fir-rilevanza għall-mobbiltà u infrastrutturi diġitali siguri; jilqa' l-ħolqien taċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Maniġġar Ċivili ta' Kriżijiet li nfetaħ f'Settembru 2020 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tiegħu;
35. Ifaħħar il-kontinwità u l-preżenza sostnuta tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK minkejja l-ambjent mimli sfidi u l-impatt negattiv kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ li l-baġit, ir-riżorsi, l-ippjanar u t-tagħmir tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu vvalutati u aġġustati fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li tinżamm l-effettività operazzjonali; jissottolinja l-importanza li l-UE tqis x'jista' jsir aktar biex jitnaqqas u jiġi ġestit ir-riskju li l-persunal jiġi infettat; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt amplifikat negattiv tal-COVID-19 fuq il-kriżijiet eżistenti u jemmen li huwa imperattiv għall-UE li tipprevjeni l-COVID-19 milli jisfida ħafna snin ta' progress fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jinsab allarmat dwar il-mewġa ta' diżinformazzjoni, b'mod partikolari kontra l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-għodod strateġiċi ta' komunikazzjoni u d-diplomazija pubblika tagħha, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn jitwettqu missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;
36. Jirrikonoxxi l-kontribut magħmul mill-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK għaż-żamma tal-paċi, l-istabbiltà u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-UE ttejjeb il-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha għall-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti; jitlob approċċ aktar proattiv fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti mtawla fil-viċinat immedjat tal-UE; jitlob approċċi sensittivi għall-kunflitti u ffukati fuq in-nies li jpoġġu s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-impenn tal-UE;
37. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet li fihom tiġġenera l-akbar valur miżjud; għaldaqstant jilqa' riflessjoni dwar ir-rilevanza u l-effiċjenza ta' ċerti missjonijiet;
38. Jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li għandha l-għan li żżid l-effettività tal-missjonijiet tal-UE, tappoġġja s-sħab tagħha, u tikkontribwixxi għal operazzjonijiet ta' paċi; jissottolinja li dan l-istrument se jiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-UE, inklużi l-ispejjeż konġunti tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK u dawk relatati mal-bini tal-kapaċità militari għas-sħab f'pajjiżi li fihom qed tintervjeni l-UE u għalhekk għandhom jingħataw baġit kbir biżżejjed biex jindirizzaw b'mod effiċjenti l-isfidi attwali relatati mat-taħriġ, l-operazzjonijiet, il-missjonijiet, il-proġetti u tagħmir militari inklużi armi, munizzjonijiet u trasport, f'konformità sħiħa mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju internazzjonali, u b'dispożizzjonijiet effettivi ta' trasparenza, kif elenkati fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru valutazzjonijiet komprensivi ex ante tar-riskju u li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-użu mill-pajjiżi riċevituri, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn volatilità għolja tal-pajsaġġ politiku u permeabbiltà kbira tal-fruntieri nazzjonali, u li jiġu stabbiliti s-salvagwardji meħtieġa fil-livell tal-UE li jipprevjenu l-akkwist ta' dawn l-armi minn gruppi terroristiċi u atturi malizzjużi oħra;
39. Jilqa' t-tħabbira fl-ittra ta' intenzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-2020 ta' Komunikazzjoni konġunta dwar approċċ strateġiku li jappoġġja d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-eks kumbattenti fl-2021, bħala reviżjoni f'waqtha tal-Kunċett tal-UE tal-2006 għall-Appoġġ tad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (DDR); jissottolinja l-importanza tar-riforma tas-settur tas-sigurtà bħala prijorità speċjalment għall-missjonijiet ċivili tagħna tal-PSDK, li għandu jkollhom bħala l-objettiv ewlieni tagħhom l-implimentazzjoni tal-approċċ tas-sigurtà tal-bniedem; jisħaq li l-approċċ strateġiku l-ġdid tad-DDR jeħtieġ li jiżgura l-konsistenza bejn l-istrumenti tal-PSDK u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;
L-iżvilupp ta' kapaċitajiet effettivi tal-PSDK
40. Jilqa' l-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, bħall-CARD, il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) futur u l-programmi prekursuri tiegħu l-PADR u l-EDIDP, peress li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar koerenza, koordinazzjoni, u interoperabbiltà fl-implimentazzjoni tal-PSDK u jwittu t-triq lejn it-twettiq tal-Kompiti ta' Petersburg u l-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, il-koeżjoni, u r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;
41. Jirrikonoxxi li l-integrazzjoni fl-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni sinifikanti ta' aktar Stati Membri fi proġetti kbar Ewropej tad-difiża li bħalissa huma mmexxija fuq bażi kważi esklużivament bilaterali (jiġifieri l-FCAS u l-MGCS) huma ta' importanza kritika għas-suċċess tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni fil-qasam tad-difiża u jirrappreżentaw valur miżjud ċar għall-isforzi Ewropej lejn kooperazzjoni, integrazzjoni fid-difiża, u interoperabbiltà msaħħa għall-benefiċċju tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
42. Jinnota li huwa kruċjali li jittejbu l-koerenza, l-inklużività, il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-istrumenti kollha tal-UE tal-ippjanar tad-difiża u l-għodod u l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, sabiex joħolqu sinerġiji sinifikanti u tisħiħ reċiproku, jevitaw duplikazzjoni, jiżguraw użu effiċjenti u strateġiku tar-riżorsi, jiżguraw l-interoperabbiltà u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu;
43. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża u jimmiraw għal 2 % tal-PDG;
44. Jilqa' l-ftehim milħuq fuq ir-regolament tal-EDF, u jitlob l-adozzjoni u l-istabbiliment rapidi tal-EDF, li se jindirizza u jħaffef il-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża komuni maqbula fl-oqsma tal-ajru, tal-art, tal-baħar, u taċ-ċibernetika u b'hekk irawwem il-kapaċità tal-UE li topera bħala attur globali u kontributur u fornitur tas-sigurtà internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament adegwat lill-EDF u jiffukaw fuq proġetti strutturali b'valur miżjud għoli, biex b'hekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni industrijali bejn l-Istati Membri u l-konsolidazzjoni ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha, li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi, industrijali u strateġiċi sabiex tiżdied il-kapaċità tal-UE li tipproduċi u tiddisponi minn kapaċitajiet militari b'mod awtonomu u li żżomm l-awtonomija teknoloġika tal-Ewropa fuq medda twila ta' żmien; jinkoraġġixxi inizjattivi ta' kapaċitajiet tad-difiża biex jiffaċilitaw l-involviment ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
45. Jiġbed l-attenzjoni għan-natura sensittiva ħafna u strateġika tar-riċerka dwar id-difiża u l-ħtieġa li jiġi rregolat l-aċċess għal entitajiet ikkontrollati minn partijiet terzi mhux tal-UE għal proġetti ffinanzjati mill-EDF sabiex ikunu konsistenti mal-ambizzjoni tal-UE ta' awtonomija strateġika; jissottolinja li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-EDF, f'xi każijiet adattati speċifiċi u eċċezzjonali meta din iġġib magħha valur miżjud teknoloġiku u operattiv ippruvat għal ċerti proġetti, għandha titwettaq fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva, ma għandhiex iddgħajjef l-interessi strateġiċi tas-sigurtà tal-UE, ma għandhiex timmina l-objettivi tal-EDF u trid tkun f'konformità strettament sorveljata mar-regoli stabbiliti fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2018)0476), bħaż-żamma tal-proprjetà intellettwali fl-UE;
46. Jilqa' r-Rieżami Strateġiku tal-ewwel fażi tal-PESCO sal-aħħar tal-2020, li jinkludi għarfien dwar il-progress tal-programm u l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex il-PESCO ssir aktar effiċjenti u orjentata lejn l-objettivi; iqis li l-PESCO hija strument li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni sostenibbli u effiċjenti tal-UE fil-qasam tad-difiża u l-integrazzjoni tad-difiża billi jtejjeb il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tad-difiża tal-Istati Membri parteċipanti, speċjalment f'termini tad-disponibbiltà, il-flessibbiltà u l-iskjerabbiltà tal-forzi; ifakkar li l-proġetti tal-PESCO għandhom jgħinu biex tiġi mmassimizzata l-effettività tal-infiq fuq id-difiża; iqis li l-PESCO għandha tintuża bħala għodda komplementari fl-ilħuq tal-għanijiet tal-UE u tagħti kontribut lil dawk tan-NATO; jilqa' l-adozzjoni reċenti tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-PESCO, għalkemm jinnota li kwalunkwe parteċipazzjoni eċċezzjonali bħal din fi proġetti individwali tal-PESCO trid tipprovdi valur miżjud għall-Istati Membri tal-UE u għall-proġetti, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PESCO u l-PSDK u biex jiġu ssodisfati impenji aktar eżiġenti, tkun soġġetta għal kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali stretti ħafna, u titwettaq abbażi ta' reċiproċità stabbilita u effettiva;
47. Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti (pMS) biex juru impenn politiku sħiħ, jagħmlu sforzi u jkollhom ambizzjoni strateġika, biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa u biex jissodisfaw l-impenji komuni ambizzjużi u vinkolanti li jkunu qablu dwarhom filwaqt li jiġi żgurat progress tanġibbli fl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-proġetti attwali tal-PESCO; jisħaq li l-proġetti fl-ewwel fażi huma prinċipalment proġetti ta' bini tal-kapaċitajiet li jinvolvu kemm jista' jkun Stati Membri u li n-natura inklużiva tal-proġetti PESCO ma għandhiex twassal biex l-Istati Membri parteċipanti jnaqqsu l-ambizzjonijiet tagħhom; huwa mħasseb li l-lakuni fil-kapaċitajiet u n-nuqqasijiet kritiċi, kif identifikati mill-Proċess tal-Objettivi Ewlenin permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), mhux se jimtlew u jiġu indirizzati b'mod adegwat jew sħiħ biex jitwettqu operazzjonijiet militari b'suċċess; jagħti parir li jitwettaq rieżami tas-47 proġett attwali tal-PESCO sabiex jiġi vverifikat il-progress li sar, u biex jiġu identifikati dawk il-proġetti li jistgħu jinġabru flimkien, fid-diskrezzjoni tal-pMS; iħeġġeġ lill-pMS jiffukaw fuq proġetti tal-PESCO li jagħtu valur miżjud ġenwin b'fokus aktar operazzjonali, gwadann ta' benefiċċju reċiproku u fatturi abilitanti strateġiċi għall-Unjoni, u fuq dawk b'dimensjoni strateġika li tindirizza t-theddid futur għas-sigurtà; iħeġġeġ ħafna lill-Istati Membri biex, bħala parti mir-riforma tas-sistema tal-Grupp Tattiku tal-UE (EU BG), jistudjaw l-għażliet kif iġibuha taħt il-PESCO sabiex jiżdiedu l-kapaċità operazzjonali, il-modularità u l-aġilità tagħha, billi jiġu stabbiliti unitajiet multinazzjonali permanenti ddedikati għat-twettiq ta' kompiti militari kif speċifikat fl-Artikolu 43 tat-TUE u għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li twettaq operazzjonijiet robusti ta' maniġġar tal-kriżijiet;
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-Sħab Strateġiċi
48. Jilqa' l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mid-Dikjarazzjoni Konġunta f'Varsavja fl-2016; ifaħħar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti tal-2016 u l-2017, b'mod partikolari l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u n-NATO fil-livelli kollha, kif ukoll id-djalogu strutturat dwar il-mobbiltà militari, l-isforzi biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-proċessi ta' ppjanar rispettivi fil-qasam tad-difiża, u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam taċ-ċibersigurtà u d-difiża, u fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-kampanji ta' diżinformazzjoni; jinnota l-livell ta' kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE fl-għajnuna lill-awtoritajiet ċivili biex irażżnu u jwaqqfu t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni ta' tisħiħ reċiproku inkluż bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet, u japprofondixxu s-Sħubija Strateġika tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-mobbiltà militari; jenfasizza l-importanza li jiġu organizzati u mwettqa taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, kif ukoll eżerċizzji paralleli u kkoordinati bejn l-UE u n-NATO;
49. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-Operazzjoni Atlantic Resolve u l-Preżenza Avvanzata Msaħħa tan-NATO fil-kontinent Ewropew u jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-truppi tan-NATO għall-isforzi mmirati biex jiddiżinċentivaw aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja u biex jingħata sostenn kruċjali f'każ ta' kunflitt;
50. Ifakkar li n-NATO tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva għal dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, kif huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fit-TFUE; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkun komplementari u tqis bis-sħiħ il-karatteristiċi u r-rwoli speċifiċi ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet, u ma għandhiex tirriproduċi u tissostitwixxi strutturi bla bżonn; ifakkar li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża hija waħda mill-pilastri tal-kooperazzjoni transatlantika u tibqa' fundamentali għas-sigurtà reċiproka tal-pajjiżi alleati u sħab, u għalhekk itenni l-ħtieġa ta' relazzjonijiet aktar b'saħħithom; ifakkar li, skont il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi", l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE ma joħloqx theddida kompetittiva għall-Alleanza u huwa ta' benefiċċju għall-pajjiżi li huma partijiet kemm tal-PSDK kif ukoll tan-NATO; u li kooperazzjoni aktar effettiva tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandha titqies bħala fattur li jsaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u bħala li l-UE qed tieħu sehem akbar fl-iżgurar tas-sigurtà tagħha stess; huwa tal-fehma li l-inizjattivi ta' kapaċitajiet għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà mal-alleati u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu; jinnota bi tħassib li xi diverġenzi dgħajfu s-solidarjetà tal-Alleanza wara azzjonijiet imwettqa mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran;
51. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-istatus tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima, ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri għal sitwazzjonijiet ta' kriżi fl-ibħra territorjali tagħhom u l-importanza ta' strateġija marittima koerenti biex jiġu miġġielda l-atturi marittimi mhux Statali illegali; iqis li huwa meħtieġ li jiġu armonizzati r-regoli ta' intervent, l-istandards tat-tagħmir u li jissaħħaħ it-taħriġ tal-persunal sabiex jitwettqu azzjonijiet ikkoordinati u unitarji fl-operazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew fil-każ ta' kriżijiet, avvenimenti u inċidenti marittimi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO bil-għan li jinkiseb approċċ komuni u effettiv għat-theddid għas-sigurtà marittima, bħall-kriminalità transfruntiera u organizzata, inklużi n-networks tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-drogi, il-kuntrabandu u l-piraterija marittima;
52. Jappoġġja bil-qawwa s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u n-NU fil-maniġġar tal-kriżijiet u ż-żamma tal-paċi minn komponenti ċivili, tal-pulizija u militari; jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tat-tmien prijoritajiet identifikati u maqbula b'mod konġunt mill-UE u n-NU bejn l-2019 u l-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-maniġġar tal-kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu aktar għall-attivitajiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu assistenza f'dan ir-rigward; jinnota li nkiseb xi progress fir-rigward tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq il-post – b'mod partikolari permezz tal-iffirmar fid-29 ta' Settembru 2020 tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u n-NU dwar l-għoti ta' appoġġ reċiproku fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-post, bl-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tagħti kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll il-progress fil-livelli politiċi u strateġiċi; jitlob lill-UE u lin-NU jkomplu jesploraw l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment f'żoni ta' operazzjonijiet konġunti, f'oqsma li jinkludu ppjanar għat-tranżizzjoni ta' missjoni, arranġamenti ta' appoġġ fuq il-post, skambji ta' informazzjoni barra miż-żoni ta' missjoni u ppjanar ta' kontinġenza fid-dawl tal-COVID-19, kif ukoll fil-qasam tal-klima u d-difiża;
53. Jafferma mill-ġdid li, minkejja l-Brexit, ir-Renju Unit jibqa' sieħeb strateġiku qrib tal-UE u l-Istati Membri tagħha u li huwa essenzjali li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha u mill-qrib fid-difiża u s-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit, billi kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jaqsmu l-istess ambjent strateġiku u l-istess theddid għall-paċi u s-sigurtà tagħhom; iħeġġeġ lir-Renju Unit jipparteċipa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fl-operazzjonijiet ta' maniġġar tal-kriżijiet, fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, fl-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll fi proġetti taħt il-PESCO, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, is-sovranità tar-Renju Unit, il-prinċipju ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati, fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva u li tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa; jieħu nota tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-PSDK fil-31 ta' Diċembru 2020; jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sostituzzjoni rapida sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fejn il-persunal Brittaniku skjerat kellu rwol sinifikanti;
54. Jitlob lill-UE żżomm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-forzi reġjonali eżistenti bħall-Unjoni Afrikana, l-ECOWAS, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-Kunsill tal-Artiku u ma' pajjiżi li mhumiex fin-NATO tal-istess fehma;
55. Jitlob implimentazzjoni aktar sistematika tal-UNSCR 1325 dwar id-WPS peress li għaddew 20 sena mill-adozzjoni tagħha, u t-tisħiħ tal-aġenda tal-UE dwar id-WPS; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat;
56. Jitlob l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS) u l-integrazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ u l-perspettivi tagħhom fl-analiżijiet tal-kunflitti, li huma l-bażi tal-appoġġ ipprovdut mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-miżuri tal-UE jtejbu l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fiż-żamma u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà;
57. Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċaħda tas-soċjetajiet mill-wirt kulturali u l-għeruq storiċi tagħhom tagħmilhom iżjed vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni u aktar suxxettibbli għal ideoloġiji ġiħadisti globali; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija wiesgħa biex tiġġieled tali theddid;
Żieda fir-reżiljenza u t-tħejjija tal-Unjoni
58. Huwa mħasseb li xi atturi globali u għadd dejjem akbar ta' atturi reġjonali qegħdin deliberatament jevitaw jew jippruvaw ikissru l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu u l-valuri tal-paċi, il-prosperità u l-libertà sostenibbli, li jikkorrispondu għall-pedamenti li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat fraġilitajiet u tensjonijiet globali ġodda u amplifikat dawk eżistenti; jisħaq li l-pandemija saħħet l-appoġġ pubbliku għal Unjoni li hija inqas dipendenti mill-bqija tad-dinja, li hija protetta aħjar u li tista' taġixxi b'mod indipendenti; jitlob rwol aktar b'saħħtu għall-Unjoni Ewropea fix-xena internazzjonali, li jkun hemm aktar unità, solidarjetà u reżistenza Ewropej, u politika barranija aktar koeżiva b'multilateraliżmu effettiv bħala element ċentrali; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2020 favur Unjoni Ewropea b'saħħitha li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà u li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha;
59. Jissottolinja r-rwol importanti tal-forzi armati matul il-pandemija tal-COVID-19 u jilqa' l-assistenza militari għall-awtoritajiet ċivili, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' sptarijiet fuq il-post, trasport tal-pazjenti, u l-konsenja u d-distribuzzjoni tat-tagħmir; iqis li dan il-kontribut siewi wera l-ħtieġa li jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda sabiex jissaħħu l-assi u l-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri b'appoġġ għall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni, għodda primarja għall-indirizzar tal-emerġenzi, kif ukoll għall-finijiet ta' assistenza umanitarja; iqis ukoll li, sabiex jiġu ttrattati b'mod effettiv il-kriżijiet tas-saħħa, huwa essenzjali li l-persunal mediku militari tal-Istati Membri jiġi ppreparat biex jipparteċipa b'mod rapidu; itenni l-importanza ta' assistenza u solidarjetà reċiproċi, f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE;
60. Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà militari; iqis li huwa neċessarju li titmexxa 'l quddiem u tiġi ffaċilitata mobbiltà militari sħiħa madwar l-Ewropa u jitlob għalhekk is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu aktar malajr, peress li l-mobbiltà militari hija ta' benefiċċju fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili; jinsisti fuq l-importanza li jkun hemm baġit xieraq disponibbli għal proġetti ta' mobbiltà militari; jilqa' l-fatt li l-proġett ta' mobbiltà militari huwa parti mill-PESCO; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi Ewropej li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta' kapaċitajiet loġistiċi militari biex jiġu indirizzati tali emerġenzi, sabiex ikunu permessi koordinazzjoni, sinerġiji, solidarjetà u appoġġ akbar; jinsisti li assistenza u solidarjetà simili fi żminijiet ta' pandemiji u kriżijiet simili jistgħu jiġu estiżi għal, fost oħrajn, il-pajjiżi sħab fil-viċinat immedjat tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu t-tħejjija tal-UE fil-qasam kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) u l-kapaċitajiet neċessarji tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-infrastruttura vitali u kritika, speċjalment fuq kejbils tal-internet tal-fibra ottika taħt il-baħar;
61. Iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika tal-UE dwar l-enerġija;
62. Iqis li huwa essenzjali li jiġu protetti l-punti dgħajfa kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata d-difiża komuni effettiva taċ-ċittadini Ewropej; jinnota bi tħassib il-militarizzazzjoni dejjem akbar tal-peniżola tal-Krimea u t-tentattivi mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, fejn din is-sitwazzjoni wasslet għar-rikonoxximent, fis-Summit tan-NATO f'Wales fl-2014, tal-vulnerabbiltà tat-tarf tal-Lvant tal-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-vulnerabbiltà tal-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant bħala mezz biex tissaħħaħ id-difiża Ewropea, u tiżviluppa, flimkien man-NATO, strateġija komprensiva għas-sigurtà u d-difiża tat-tarf tal-Lvant;
Il-ġlieda u l-prevenzjoni b'mod proattiv tat-theddid ibridu
63. Jilqa' s-sett ta' prijoritajiet u linji gwida adottati għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu u t-titjib tar-reżiljenza fir-rigward ta' dan it-theddid, inklużi l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-gwerra ibdrida, l-ispjunaġġ, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, u l-istabbiliment ta' Sistema ta' Twissija Bikrija biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mal-G7 u n-NATO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jsaħħu s-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni tagħhom, inklużi mezzi ta' komunikazzjoni sikuri; jissottolinja l-importanza u l-urġenza li l-UE ssaħħaħ u tinvesti aktar fil-komunikazzjoni strateġika tagħha, u li l-kapaċitajiet tagħha jsiru aktar reżiljenti biex tindirizza u tiskoraġġixxi l-interferenza barranija kollha li thedded is-sistema demokratika, is-sovranità u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja r-rwol importanti tat-Task Force EastStratCom u jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa taħt il-proġett EU vs Disinfo u jitlob appoġġ baġitarju u politiku addizzjonali biex tittejjeb aktar il-kapaċità tagħha li tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tinforma dwar l-azzjonijiet u l-politiki tal-UE;
64. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-UE tintroduċi strateġija aktar robusta biex tidentifika u tiġġieled b'mod proattiv kampanji aggressivi u malizzjużi ta' diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux Statali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mandat tat-tim tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tiġi indirizzata l-interferenza barranija u jiġu involuti l-verifikaturi tal-fatti, ir-riċerkaturi, in-negozji ġodda u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti biżżejjed persunal u finanzjament lis-servizzi kollha tal-UE li jittrattaw l-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni sabiex jiġu identifikati, investigati u miġġielda aħjar it-tentattivi ta' interferenza fil-proċessi demokratiċi tal-UE jew fl-azzjonijiet tal-UE f'pajjiżi oħra; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-assistenza lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw u jiġġieldu l-interferenza barranija malizzjuża, b'mod partikolari d-diżinformazzjoni u l-propaganda, billi f'ħafna każijiet dawn l-atti jippruvaw jiddevjaw lil dawn il-pajjiżi mit-triq tar-riformi favur id-demokrazija u jattakkaw il-valuri u l-ideali Ewropej;
65. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' deċiżjoni li, għall-ewwel darba, tippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu u jirrispondu għall-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-Istati Membri tagħha, inklużi attakki ċibernetiċi kontra pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u li timponi sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet responsabbli għall-attakki ċibernetiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb is-sistema ta' restrizzjoni tal-viża bħala parti mill-mekkaniżmu għas-sanzjonijiet tal-UE, billi jsir użu mill-proċeduri tal-viża bijometrika sabiex l-entitajiet involuti fil-gwerra ibrida jiġu ristretti biex jivvjaġġaw lejn l-UE taħt identità falza; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu integrati aktar l-aspetti ċibernetiċi fis-sistemi ta' maniġġar tal-kriżijiet tal-UE; jissottolinja li kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi hija essenzjali f'dawn iż-żminijiet ta' vulnerabbiltà partikolari sabiex jiġu avvanzati s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali fiċ-ċiberspazju; jilqa' l-progress tajjeb miksub mill-proġett tat-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku tal-PESCO f'dan ir-rigward; jitlob it-tisħiħ tal-appoġġ għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u koordinazzjoni b'saħħitha maċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO f'dan ir-rigward; jitlob aktar koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' attribuzzjoni kollettiva għal inċidenti ċibernetiċi malizzjużi, kif ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet u pajjiżi internazzjonali tal-istess fehma; jinsab partikolarment imħasseb bl-iskoperta kontinwa ta' attakki ċibernetiċi jew intrużjonijiet fuq skala żgħira f'sistemi infrastrutturali kritiċi li jibqgħu inattivi iżda li jista' jkollhom impatt kbir; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-ridondanzi fis-sistemi infrastrutturali kritiċi tagħhom, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-komunikazzjonijiet strateġiċi, fil-livelli kollha;
66. Jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-kapaċitajiet ta' intelligence ċibernetika u awtomatizzata, u jisħaq li dawn huma ta' theddida għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE jkomplu jtejbu t-teknoloġiji ċibernetiċi u awtomatizzati tagħhom, u jħeġġeġ aktar il-kooperazzjoni dwar dawn l-avvanzi teknoloġiċi;
67. Jissottolinja l-importanza li jinkisbu l-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku u jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li l-computing kwantistiku jiġi realizzat l-ewwel fost sħab li għandhom relazzjonijiet ta' ħbiberija u jappoġġjaw l-istess objettivi;
68. Josserva l-importanza dejjem akbar tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti; jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u jikkummissjona lill-aġenzija biex tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sigurtà u/jew il-vulnerabbiltajiet tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-iskart spazjali, għall-attakki ċibernetiċi u għall-attakki missili diretti;
L-Unjoni tingħata l-mezzi biex timplimenta l-PSDK
69. Jissottolinja li livelli xierqa ta' riżorsi finanzjarji, persunal u assi huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha s-saħħa u l-kapaċità li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fil-fruntieri tagħha u fid-dinja; jistieden lill-Istati Membri juru r-rieda politika li jilħqu l-ambizzjonijiet Ewropej fil-qasam tad-difiża u jissodisfaw l-impenji tagħhom;
70. Jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Kunsill Ewropew fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-inizjattivi fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta u timplimenta programm ta' ħidma strateġiku ambizzjuż għall-EDF (kemm għar-riċerka kif ukoll mhux għar-riċerka) li jkun imfassal biex isaħħaħ l-azzjonijiet kollaborattivi u l-kooperazzjoni transfruntiera madwar l-Unjoni u għall-mobbiltà militari sabiex jgħin lill-Istati Membri jaġixxu b'mod aktar rapidu u effettiv, inkluż billi jiffinanzja infrastruttura tat-trasport b'użu doppju u jissimplifika l-awtorizzazzjonijiet diplomatiċi u r-regoli doganali, ; jitlob lill-UE tibni s-sistema ta' difiża tagħha stess kontra l-missili ballistiċi, kif ukoll sistema ta' difiża tal-ajru strateġika, integrata u b'livelli differenti, li tkun iddisinjata wkoll biex tiġġieled kontra missili ipersoniċi; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej talbu b'mod ċar u konsistenti lill-Unjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħha fit-twassil ta' stabbiltà u sigurtà sostenibbli, u dan jista' jinkiseb biss bil-mezzi finanzjarji meħtieġa u b'QFP ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża;
71. Iwissi dwar il-periklu ta' nuqqas ta' ambizzjoni biex jiġu ffinanzjati inizjattivi tad-difiża Ewropea fil-QFP, flimkien ma' tnaqqis sinifikanti u mhux ikkoordinat fil-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa fil-livell nazzjonali sabiex l-Unjoni tingħata l-kapaċità li topera bħala attur globali għall-paċi; f'dan ir-rigward, jaqbel mal-valutazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li "l-Istati Membri tal-UE għadhom 'il bogħod milli jkollhom il-kapaċitajiet militari li jeħtieġu biex jilħqu l-livell militari ta' ambizzjoni tal-UE";
72. Ifakkar li filwaqt li l-proġetti u l-inizjattivi Ewropej komuni fil-qasam tad-difiża huma strumentali fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fl-oqsma tar-R&Ż relatati mad-difiża, il-ġbir ta' riżorsi u l-koordinazzjoni tal-isforzi, il-parti l-kbira tal-assi tad-difiża li jintużaw għall-missjonijiet tal-PSDK għadhom jiġu prodotti mill-Istati Membri u mħallsa mill-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża;
73. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-impenn formali tagħhom fil-livell tal-Kunsill u jieħdu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom fil-Kunsill biex jiskjeraw missjonijiet ċivili u militari billi jipprovdu lill-Unjoni bil-persunal u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet li qablu dwarhom b'mod unanimu, u b'hekk iwettqu l-impenn tagħhom lejn Unjoni Ewropea aktar sigura;
74. Jenfasizza l-valur tal-parteċipazzjoni internazzjonali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK bħala tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej u jitlob l-implimentazzjoni msaħħa tal-ftehimiet qafas eżistenti dwar il-parteċipazzjoni li jinkoraġġixxu n-natura kollettiva tal-kontribuzzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà;
75. Jinnota l-ħidma importanti mwettqa mis-SatCen tal-UE u jissottolinja li l-Unjoni jrid ikollha riżorsi adegwati fl-oqsma tal-immaġni tal-ispazju u l-ġbir ta' intelligence; jisħaq li s-SatCen tal-UE għandu jibbenefika minn finanzjament strutturali tal-Unjoni biex ikun jista' jżomm il-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-azzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex jipprovdi immaġni bis-satellita ta' riżoluzzjoni għolja b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
L-istabbiliment ta' aġenda ambizzjuża tal-UE għall-kontroll globali tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm
76. Jinsab allarmat bit-theddid attwali għall-valuri internazzjonali u l-istat tad-dritt u l-erożjoni potenzjali futura tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm; jibża' li n-nuqqas ta' konformità ma', l-irtirar minn, jew in-nuqqas ta' estensjoni ta' trattati ewlenin dwar il-kontroll tal-armi jkunu ta' ħsara serja għar-reġimi internazzjonali tal-kontroll tal-armi li pprovdew deċennji ta' stabbiltà, idgħajfu r-relazzjonijiet bejn l-Istati b'armi nukleari, jistgħu jkunu ta' theddida diretta għas-sigurtà Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' normi li jirregolaw u jnaqqsu l-armi nukleari tattiċi u ta' medda qasira u medja u jistgħu jwasslu għal tlielaq ġodda tal-armi nukleari; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja transfruntiera;
77. Jinnota bi tħassib in-normalizzazzjoni ta' retorika perikoluża li tikkonċerna l-utilità tal-armi nukleari; jafferma mill-ġdid li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali jiġu msaħħa f'dinja ħielsa mill-eżistenza jew il-proliferazzjoni ta' armi nukleari u li d-diżarm ifisser mhux biss tnaqqis fin-numru ta' testati attivi, iżda wkoll tnaqqis fir-rwol militari u politiku assenjat lil dan it-tip ta' armi;
78. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni u diżarm nukleari; itenni t-talba tiegħu ta' pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE qabel il-konferenza, li titlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti u effettivi matul l-għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP, li jkunu element essenzjali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà strateġika u tiġi evitata tellieqa ġdida tal-armi;
79. Itenni d-dispjaċir kbir tiegħu dwar l-irtirar mit-Trattat għall-Eliminazzjoni tal-Missili b'Medda Medja (INF) mill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa; jinnota r-responsabbiltà tar-Russja għat-tmiem tat-Trattat, minħabba li b'mod persistenti naqset milli tikkonforma miegħu; jiddeplora l-fatt li l-kollass tat-Trattat jista' jwassal biex jeskalaw it-tensjonijiet u jiżdiedu t-theddid u r-riskji nukleari u militari, filwaqt li jiġi pperikolat il-futur tar-reġimi tal-kontroll tal-armi; jissottolinja li huwa ferm kontra tellieqa ġdida tal-armi bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa u l-konsegwenzi potenzjali tagħha għall-Ewropa u l-militarizzazzjoni mill-ġdid fit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ iniedu inizjattiva mmexxija mill-UE bil-għan li tiġi appoġġjata l-konverżjoni tat-Trattat INF fi trattat multilaterali;
80. Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà globali u Ewropej;
81. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-Federazzjoni Russa jagħmlu aktar progress fin-negozjati dwar l-estensjoni tat-trattat START Ġdid, li se jiskadi fi Frar 2021; jemmen li estensjoni tat-trattat tagħti liż-żewġ firmatarji żmien addizzjonali biex isegwu negozjati bil-għan li jaqblu dwar strument ġdid għall-kontroll tal-armi; jitlob l-involviment immedjat ta' Stati oħra, speċjalment iċ-Ċina, fi kwalunkwe trattat eżistenti (bħal START ĠDID, l-INF u s-Sema Miftuħ) jew f'negozjati futuri dwar strumenti għall-kontroll tal-armi nukleari;
82. Jiddeplora l-implimentazzjoni selettiva tar-Russja tal-obbligi tagħha skont it-Trattat dwar is-Sema Miftuħ; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ, strument ewlieni għall-kontroll tal-armi li kkontribwixxa għall-bini tal-fiduċja u pprovda lil Stati iżgħar bil-kapaċità siewja li jimmonitorjaw u jivverifikaw l-attivitajiet militari tal-ġirien tagħhom; jistieden lill-firmatarji li jifdal biex ikomplu jimplimentaw it-trattat, filwaqt li jiżguraw li dan jibqa' jiffunzjona u jibqa' jkun utli; jistieden lill-Istati Uniti jirrevokaw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ;
83. Jilqa' l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-proġetti u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' reġim ta' sanzjonijiet orizzontali biex jiġu indirizzati l-użu u l-proliferazzjoni dejjem akbar ta' armi kimiċi; jikkundanna l-użu reċenti ta' armi kimiċi u huwa tal-fehma li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal inċidenti bħal dawn idgħajjef in-norma internazzjonali kontra l-armi kimiċi; jitlob lill-UE tieħu l-inizjattiva biex tindirizza l-kwistjoni tal-impunità għall-użu tal-armi kimiċi u tqis kif tista' ssaħħaħ l-OPCW biex jiġu żgurati mekkaniżmi rapidi u preċiżi ta' attribuzzjoni u rispons effettiv; jitlob lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi, biex tappoġġja l-projbizzjoni globali tal-armi kimiċi kif stabbilit mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC);
84. Jesprimi tħassib serju dwar l-attentat ta' qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni prominenti Russu Alexei Navalny permezz ta' aġent nervin ipprojbit li, skont is-CWC, jitqies bħala użu ta' arma kimika u, bħala tali, huwa ksur serju tan-normi internazzjonali; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet biex iżomm responsabbli lil dawk kollha responsabbli għall-avvelenament;
85. Jitlob lill-VP/RGħ jressaq proposti biex jissaħħaħ l-għarfien disponibbli fl-UE dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, u jiżgura li l-UE tieħu rwol qawwi u kostruttiv fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isforzi globali ta' nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi u l-arkitettura ta' diżarm ibbażati fuq ir-regoli; jilqa' l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali ġdid għad-Diżarm u n-Nonproliferazzjoni f'dan ir-rigward; jirrealizza li hemm ħtieġa urġenti ta' ftehimiet internazzjonali ġodda fil-qasam tal-kontroll tal-armi; jiddikjara li fil-kuntest tad-deterrenza nukleari, l-iżvilupp ta' missili ipersoniċi jista' jdgħajjef il-prinċipji tal-qerda ċerta għal kull naħa u jitlob, għalhekk, li jkun hemm trattat dinji dwar il-kontroll tal-armi dwar l-użu, il-medda, il-veloċità, il-prinċipju, l-ispezzjoni ta' tagħbijiet utli nukleari, u t-tqegħid qrib il-kosti ta' sistemi ta' armi ipersoniċi, mibdi mill-UE;
86. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effettivi għall-kontroll tal-armi, għad-diżarm u għan-nonproliferazzjoni, bħala pedament tas-sigurtà dinjija u Ewropea; jisħaq fuq l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm u għall-Aġenda tan-NU għad-Diżarm; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex isir progress fit-tnaqqis tal-ħażniet nukleari kollha;
87. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(13); jemmen bis-sħiħ li, peress li l-UE qed issir dejjem aktar ambizzjuża fil-qasam tad-difiża, hemm il-ħtieġa ta' konverġenza, trasparenza u konsistenza akbar fil-politiki tal-Istati Membri dwar l-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll ta' tisħiħ tas-sorveljanza pubblika; jistieden lill-Istati Membri biex jgħaqqdu l-interpretazzjoni differenti tagħhom tal-Pożizzjoni Komuni u biex jikkonformaw bis-sħiħ mat-tmien kriterji tagħha, u b'mod partikolari biex jimplimentaw b'mod strett il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jwaqqfu kull esportazzjoni ta' tagħmir militari li jista' jintuża kontra Stati Membri oħra; jilqa' l-isforzi li saru biex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku u parlamentari tal-esportazzjonijiet tal-armi; jitlob sforz konġunt biex jittejbu l-valutazzjoni tar-riskju, il-kontrolli tal-utenti aħħarin u l-verifiki ta' wara l-konsenji;
88. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK; ifakkar li l-Istati Membri ħadu impenn favur pożizzjonijiet nazzjonali qawwija rigward il-politika tagħhom għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; itenni t-talbiet tiegħu lill-VP/RGħ biex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru (b'mod partikolari l-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, tintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha jwaqqfu l-esportazzjoni tal-armi għat-tipi kollha ta' tagħmir militari, inklużi armi, armi għal oġġetti b'użu doppju u għarfien, lejn it-Turkija f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;
89. Jilqa' l-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u jistieden lill-pajjiżi kollha ewlenin tal-esportazzjoni tal-armi biex jiffirmawh u jirratifikawh malajr kemm jista' jkun;
90. Jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-IA joħolqu sfidi etiċi ġodda; jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv biex jiġi żgurat kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-għażla ta' miri u l-attakk fuqhom fl-iżvilupp u l-użu ta' armi li jaħdmu bl-IA; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni konġunta dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi; jinsisti fuq il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar definizzjoni komuni u qafas dwar l-użu ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija, u jitlob l-adozzjoni ta' strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi armi letali awtonomi mingħajr kontroll uman sinifikanti;
91. Jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex tiġi stabbilita sistema globali ta' kontroll tal-armi komprensiva u effettiva għall-proliferazzjoni tat-teknoloġija ta' missili u ta' vetturi tal-ġlied mingħajr bdot abbord;
L-iżgurar tas-sorveljanza demokratika, tal-leġittimità u tal-impenn inklużiv
92. Jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mad-difiża b'mod konsistenti; jitlob li l-mandat tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża jiġi vvalutat mill-ġdid u estiż fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta' inizjattivi fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE, u tal-ħolqien tad-DĠ DEFIS tal-Kummissjoni;
93. Jilqa' l-iskambji regolari ta' fehmiet mal-VP/RGħ dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK u jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati briefings regolari mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-Mibgħuta Speċjali, u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet; iqis li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat minn qabel dwar l-ippjanar strateġiku għall-missjonijiet tal-PSDK, il-bidliet fil-mandati tagħhom u l-pjanijiet biex dawn jintemmu; jitlob implimentazzjoni komprensiva tal-Artikolu 36 tat-TUE;
94. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiġu żgurati obbligu ta' rendikont, trasparenza u skrutinju msaħħa;
95. Itenni l-importanza li jittejbu l-għodod disponibbli għas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u sostanzjali tagħha fil-formulazzjoni ta' politika relatata mad-difiża u s-sorveljanza effettiva tagħha;
o o o
96. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.