Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2513(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0090/2021

Dibattiti :

PV 19/01/2021 - 9
CRE 19/01/2021 - 9

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2021 - 9
PV 21/01/2021 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2021)0018

Testi adottati
PDF 145kWORD 50k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2021 - Brussell
L-arrest ta' Aleksei Navalny
P9_TA(2021)0018RC-B9-0090/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny (2021/2513(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 u speċifikament l-Artikolu 29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tas-17 ta' Jannar 2021, u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta' Jannar 2021, b'segwitu għad-detenzjoni ta' Aleksei Navalny,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE dwar id-detenzjoni ta' Aleksei Navalny mal-wasla tiegħu f'Moska,

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Ottubru 2020,

—  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Ottubru 2020 u l-ftehim politiku milħuq biex jiġu imposti miżuri restrittivi fil-konfront ta' dawk marbuta mat-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny,

—  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-kawżi ta' Navalnyye vs Ir-Russja, tas-17 ta' Ottubru 2017, Navalnyy vs Ir-Russja tal-15 ta' Novembru 2018, u Navalnyy vs Ir-Russja (Nru 2) tad-9 ta' April 2019,

—  wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, magħruf ukoll bħala l-Liġi Magnitsky Ewropea, adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Aleksei Navalny, esponent politiku prominenti Russu, avukat u attivist fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kixef diversi każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu impriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa bosta protesti pubbliċi fir-Russja kollha u sar wieħed mill-mexxejja l-aktar influwenti tal-oppożizzjoni Russa;

B.  billi Aleksei Navalny huwa wieħed mill-akbar oppożituri tal-awtoritajiet Russi u tal-President Putin u, bis-saħħa tad-determinazzjoni u l-kuraġġ tiegħu, jirrappreżenta raġġ ta' tama għal dawk kollha fir-Russja li jemmnu li l-libertà, id-demokrazija, il-pluraliżmu politiku u l-obbligu ta' rendikont huma possibbli f'pajjiżhom;

C.  billi fis-17 ta' Jannar 2021, Aleksei Navalny nżamm f'detenzjoni fl-Ajruport Internazzjonali Sheremetyevo ta' Moska, mal-wasla tiegħu lura r-Russja, wara li ngħata trattament mediku fil-Ġermanja b'segwitu l-avvelenament tiegħu fir-Russja, u ma tħalliex jara l-avukati tiegħu;

D.  billi fit-18 ta' Jannar 2021 Aleksei Navalny ġie kkundannat 30 jum ħabs, fl-istennija ta' proċess, waqt seduta mingħajr preċedent u organizzata bil-għaġla li saret f'għassa tal-pulizija, fl-assenza tal-avukat ta' Navalny;

E.  billi madwar 70 ruħ, fosthom ġurnalisti u sostenituri ta' Aleksei Navalny, inżammu f'detenzjoni waqt li kienu qegħdin jistennew il-wasla tiegħu,

F.  billi Aleksei Navalny ġie ttrasportat lejn il-Ġermanja bil-qbil tal-awtoritajiet Russi biex jieħu trattament mediku wara li kien ġie avvelenat fl-20 ta' Awwissu 2020; billi proġett konġunt ta' network ta' ġurnalisti investigattivi, fosthom l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Bellingcat, irnexxielu jidentifika diversi awturi involuti fl-avvelenament, kollha kemm huma aġenti tas-servizzi ta' sigurtà tal-Federazzjoni Russa;

G.  billi l-isptar Charité ta' Berlin ikkonkluda li Aleksei Navalny kien avvelenat b'aġent nervin militari tal-grupp "Novichok", żviluppat mill-Unjoni Sovjetika u mill-Federazzjoni Russa u huwa disponibbli biss għall-istrutturi militari u għas-servizzi sigrieti fir-Russja; billi n-natura tal-avvelenament ġiet ikkonfermata minn diversi laboratorji fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Iżvezja, kif ukoll mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW);

H.  billi, skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, l-avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin jitqies użu ta' armi kimiċi u billi l-użu ta' armi kimiċi min-naħa ta' kwalunkwe persuna fi kwalunkwe ċirkostanza tikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-UE, flimkien mas-sħab internazzjonali, talbet lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw bir-reqqa t-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny bl-użu ta' aġent nervin kimiku pprojbit, jikkooperaw bis-sħiħ mal-OPCW biex jiżguraw investigazzjoni internazzjonali imparzjali, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi s'issa għadha ma saret l-ebda investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali min-naħa tal-awtoritajiet Russi u r-Russja rrifjutat b'mod espliċitu kwalunkwe appell għal investigazzjoni;

J.  billi fil-15 ta' Ottubru 2020, fl-assenza ta' investigazzjoni jew kooperazzjoni tar-Russja mal-OPCW, l-UE imponiet sanzjonijiet fil-konfront ta' sitt ċittadini Russi u entità waħda involuta fir-reat;

K.  billi t-tentattiv ta' assassinju ta' Alexei Navalny, li seħħ fiż-żmien qabel l-elezzjonijiet lokali u reġjonali ta' Settembru 2020 fir-Russja, jixħet dawl partikolarment inkwetanti fuq l-istat tad-demokrazija, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

L.  billi s-Servizz Penitenzjarju Federali Russu ħabbar li Aleksei Navalny kien qiegħed jinżamm f'detenzjoni fl-istennija ta' seduta tal-qorti għal ksur tat-termini ta' sentenza sospiża preċedenti, dwar l-hekk imsejħa kawża Yves Rocher, mentri fil-fatt kien qiegħed jirkupra minn tentattiv ta' assassinju orkestrat mill-awtoritajiet Russi;

M.  billi, f'sentenza tas-17 ta' Ottubru 2017,QEDB stabbiliet li Aleksei Navalny u ħuh Oleg kienu ġew ikkundannati inġustament għal reati finanzjarji fl-hekk imsejħa kawża Yves Rocher tal-2014 u li l-qrati Russi taw deċiżjonijiet "arbitrarji u manifestament irraġonevoli" fil-kawża, billi ordnaw lill-Federazzjoni Russa tħallas liż-żewġ aħwa aktar minn EUR 80 000 f'kumpens għad-danni u fi spejjeż;

N.  billi fil-passat Aleksei Navalny kien safa attakkat, inżamm f'detenzjoni, ġie arrestat u kkundannat, bħala tentattiv biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-awtoritajiet Russi nqdew bil-kundanni politikament immotivati ta' Aleksei Navalny biex jimpeduh milli joħroġ għall-elezzjonijiet presidenzjali Russi fl-2018;

O.  billi fit-18 ta' Jannar 2021 l-awtoritajiet Russi bdew proċediment kriminali ġdid fil-konfront Alexei Navalny, bl-akkuża ta' frodi relatata mat-trasferiment ta' flus lil diversi organizzazzjonijiet tal-karità;

P.  billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u għaldaqstant intrabtet li tirrispetta l-istandards u l-prinċipji internazzjonali li jirregolaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

Q.  billi skont Memorial, is-soċjetà magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Russa, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300 priġunier politiku u reliġjuż; billi l-UE turi solidarjetà mad-dissidenti kollha u mal-poplu Russu li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom u l-pressjoni min-naħa tal-Kremlin u tal-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija;

R.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt qed tkompli tiddeterjora fir-Russja, fid-dawl tal-isforzi sistematiċi tal-awtoritajiet biex joħonqu l-libertà tal-kelma, jillimitaw il-libertà ta' għaqda, jimpedixxu l-attivitajiet tal-oppożizzjoni, jirreaġixxu b'mod repressiv għal kwalunkwe attività mmirata biex tikxef il-korruzzjoni u joħonqu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Russa;

S.  billi l-ksur tad-dritt internazzjonali fl-Ukrajna u fil-Georgia u l-assassinji u l-eliminazzjoni fiżika, li saru bis-sostenn tal-Istat, ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u oħrajn, kif kien il-każ ta' Boris Nemtsov, Anna Politkovskaya, Sergei Magnitsky u oħrajn baqgħu ma ġewx ikkastigati; billi dawn il-bosta tentattivi ta' assassinju b'avvelenament u b'mezzi oħra, kif ukoll ir-rifjut ta' kooperazzjoni fil-proċediment ġudizzjarju rigward it-twaqqigħ tal-ajruplan tat-titjira MH17, wasslu f'minimu storiku r-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa;

T.  billi minn Diċembru 2020 fost l-istrumenti disponibbli għall-Unjoni Ewropea hemm ukoll ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li jikkonċerna individwi u entitajiet responsabbli għal ksur u abbuż gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li huma involuti f'dan il-ksur u l-abbuż jew li huma assoċjati miegħu;

1.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Aleksei Navalny u tal-persuni l-oħra kollha miżmuma f'detenzjoni b'rabta mar-ritorn tiegħu fir-Russja, kemm jekk huma ġurnalisti, kollaboraturi fit-tim jew ċittadini li kienu qed juru appoġġ;

2.  Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni ta' Aleksei Navalny u tas-sostenituri tiegħu, u r-repressjoni abbażi ta' raġunijiet politiċi fil-konfront tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Russi, anki permezz tal-użu tas-sistema ġudizzjarja; jikkundanna, barra minn hekk, l-attentat fuq il-ħajja ta' Navalny u jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar l-ispazju li qed jiċkien għall-oppożizzjoni politika, id-dissidenti li jsemmgħu leħinhom u s-soċjetà ċivili fil-Federazzjoni Russa;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-aġir tal-Federazzjoni Russa, li jqis inopportun għal membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li ntrabat li josserva l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-KEDB u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE jadottaw miżuri adegwati biex jevalwaw il-ksur tal-impenji li ħadet il-Federazzjoni Russa;

4.  Ifakkar li d-detenzjoni ta' avversarji politiċi tmur kontra l-impenji internazzjonali tar-Russja, u jinsisti li l-ġudikatura tiġi depolitiċizzata u li d-drittijiet għal proċess ġust u aċċess għal parir legali jiġu rispettati; jistieden lill-Kumitat tal-Ministri u lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa jużaw is-setgħat minquxa fl-Artikolu 46(4) tal-KEDB biex iressqu każ ta' ksur kontra l-Federazzjoni Russa quddiem il-QEDB;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-vessazzjonijiet, l-intimidazzjonijiet, il-vjolenza u r-repressjoni ta' attivisti indipendenti u dissidenti li jsemmgħu leħinhom billi jtemmu l-impunità prevalenti li diġà wasslet biex tilfu ħajjithom ħafna ġurnalisti, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u esponenti politiċi tal-oppożizzjoni, kif ukoll jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr biża' għal ħajjithom jew għal ħajjet il-membri tal-familja jew il-ħbieb tagħhom;

6.  Iqis li t-tentattiv ta' assassinju ta' Aleksei Navalny u l-arrest immedjat tiegħu mar-ritorn tiegħu fir-Russja għandhom l-għan li jiskoraġġixxu kxif ulterjuri ta' korruzzjoni serja fir-reġim u huma parti minn sforz sistemiku biex jiġu msikkta u eliminati Navalny innifsu, l-oppożizzjoni politika u d-dissidenti oħra li jsemmgħu leħinhom fil-pajjiż, b'mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fil-ħarifa tal-2021; jemmen li b'dan l-aġir, ir-reġim juri d-disprezz tiegħu lejn il-poplu tiegħu, jipprova jibqa' fil-poter akkost ta' kollox, u jċaħħad lill-poplu minn kwalunkwe possibbiltà ta' demokrazija u libertà; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa;

7.  Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' Aleksei Navalny u l-benesseri tiegħu, kemm fiżiku kif ukoll mentali, li l-awtoritajiet Russi biss huma responsabbli għalihom;

8.  Jikkundanna r-rikors ripetut min-naħa tal-Federazzjoni Russa għal aġenti nervini kimiċi kontra ċ-ċittadini tagħha stess u jfakkar li l-użu ta' armi kimiċi fi kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi reat deplorevoli fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, b'mod fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; ikompli jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jipprovdu informazzjoni eżawrjenti u kompleta dwar il-programm Novichok lill-OPCW u, mingħajr aktar dewmien, biex iressqu l-qorti u jżommu responsabbli lil dawk li kkommettew ir-reat kontra Aleksei Navalny; itenni l-appell tiegħu għal investigazzjoni internazzjonali dwar ksur tal-impenji internazzjonali tar-Russja fil-qasam tal-armi kimiċi;

9.  Jistieden lill-Kunsill jieħu pożizzjoni attiva f'dan ir-rigward waqt il-laqgħat li jmiss tiegħu u jħarrxu konsiderevolment il-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront tar-Russja, anki billi jimponu sanzjonijiet fil-konfront tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti fid-deċiżjoni dwar l-arrest u l-priġunerija ta' Aleksei Navalny; iqis, barra minn hekk, li l-UE għandha timponi miżuri restrittivi speċifiċi addizzjonali fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront tal-individwi kollha li kienu involuti fl-attakki kontra Aleksei Navalny, jew li jġorru r-responsabbiltà għalihom;

10.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jintroduċi sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi b'rabtiet mar-reġim u membri taċ-ċirku ta' ġewwa tal-President Putin kif ukoll propagandisti tal-media li jippossjedu assi fl-Unjoni Ewropea u jgawdu l-libertà tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri; jemmen li dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja immedjata tagħhom; isostni li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tibqa' post akkoljenti għall-ġid Russu ta' oriġini mhux ċara;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfasslu strateġija ġdida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, ibbażata fuq l-appoġġ lis-soċjetà ċivili, li tippromwovi l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrieżaminaw b'mod kritiku l-kooperazzjoni mar-Russja f'diversi pjattaformi ta' politika estera u fi proġetti bħal Nord Stream 2, li l-UE jeħtieġ li twaqqaf it-tlestija tagħhom minnufih;

12.  Jistieden lill-Gvern Russu u lid-Duma jirrevedu l-qafas legali għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa sabiex jiffaċilitaw il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni; jitlob b'insistenza li l-Gvern Russu jiggarantixxi aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs lill-partiti demokratiċi kollha matul l-elezzjonijiet imminenti tad-Duma, peress li n-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-partiti huwa abbuż tal-proċedura ta' reġistrazzjoni li teqred il-kompetizzjoni politika u d-demokrazija pluralistika; jenfasizza li hemm konverġenza dejjem akbar ta' attitudnijiet u tattiki bejn ir-reġim fir-Russja u d-dittatura fil-Belarussja; josserva li ż-żewġ reġimi qed jibżgħu mit-talba li qed tikber għal bidla fost il-popli tagħhom, u huwa għalhekk li s-serq tal-elezzjonijiet huwa soluzzjoni politika konvenjenti għalihom;

13.  Jiddispjaċih li Aleksei Navalny ma tħalliex jindirizza lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE), kif kien previst li jagħmel fid-19 ta' Jannar 2021, filwaqt li d-delegazzjoni parlamentari Russa dan l-aħħar ġiet awtorizzata tirritorna fl-APKE;

14.  Itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fir-Russja u lill-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu jsegwu l-każijiet ġudizzjarji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, esponenti politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti, inkluż il-każ ta' Aleksei Navalny; jitlob lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lid-dissidenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi, kif ukoll lill-media u lill-ġurnalisti indipendenti;

15.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja u jitkellmu b'vuċi waħda f'fora bilaterali u multilaterali mal-awtoritajiet Russi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE għandha tisfrutta l-bidla tal-amministrazzjoni f'Washington biex issaħħaħ l-għaqda trans-Atlantika fil-protezzjoni tad-demokrazija u l-valuri fundamentali mir-reġimi awtoritarji; ifakkar li l-Parlament jappoġġa lill-poplu Russu fil-ġlieda tiegħu favur il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0232.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza