Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2181(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0246/2020

Testi mressqa :

A9-0246/2020

Dibattiti :

PV 20/01/2021 - 15
CRE 20/01/2021 - 15

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2021)0021

Testi adottati
PDF 218kWORD 75k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2021 - Brussell
Id-dritt ta' skonnessjoni
P9_TA(2021)0021A9-0246/2020
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt ta' skonnessjoni (2019/2181(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-punt (b) tal-Artikolu 153(2) tat-TFUE, flimkien mal-punti (a), (b) u (i) tal-Artikolu 153(1) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien fiss jew ta' impjieg temporanju(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipji Nru 5, 7, 8, 9 u 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-1919 dwar is-Sigħat tax-Xogħol (Industrija) (Nru 1), il-Konvenzjoni tal-1930 dwar il-Ħin tax-Xogħol (Kummerċ u Uffiċċji) (Nru 30), ir-Rakkomandazzjoni tal-1981 dwar in-Negozjar Kollettiv (Nru 163), il-Konvenzjoni tal-1981 dwar il-Ħaddiema b'Responsabbiltajiet tal-Familja (Nru 156) u r-Rakkomandazzjoni li takkumpanjaha (Nru 165), kif ukoll id-Dikjarazzjoni taċ-Ċentinarju tal-ILO tal-2019 dwar il-Futur tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Mejju 1996, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 (dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluż għal ħinijiet tax-xogħol raġonevoli u għal perjodi ta' mistrieħ), l-Artikolu 3 (dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani), l-Artikolu 6 (dwar id-dritt għan-negozjar kollettiv) u l-Artikolu 27 (dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet familjari) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet Qafas tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar it-Telexogħol (2002) u d-Diġitalizzazzjoni (2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bit-titolu "The right to disconnect" (Id-dritt ta' skonnessjoni)(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-31 ta' Lulju 2019 bit-titolu "The right to switch off" (Id-dritt ta' skonnessjoni),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Eurofound bit-titolu "The right to disconnect in the 27 EU Member States" (Id-dritt ta' skonnessjoni fis-27 Stat Membru tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inkluż il-ħin on-call u standby, dwar is-sinifikat ta' ħin ta' mistrieħ, dwar ir-rekwiżit li jitkejjel il-ħin tax-xogħol, u dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta' ħaddiem(7),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-518/15, li skontha l-ħin stand-by ta' ħaddiem f'daru li huwa obbligat iwieġeb għal telefonati mill-impjegatur fi żmien qasir irid jitqies bħala "ħin tax-xogħol"(8),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-55/18, li skontha l-Istati Membri jridu jirrikjedu li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta' kuljum(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNI Global Union bit-titolu "The Right to Disconnect: Best Practices" (Id-Dritt ta' Skonnessjoni: l-Aħjar Prattiki),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 17 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0246/2020),

A.  billi bħalissa ma hemm l-ebda liġi speċifika tal-Unjoni dwar id-dritt tal-ħaddiem li jiskonnettja minn għodod diġitali, inkluż it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), għal skopijiet ta' xogħol;

B.  billi d-diġitalizzazzjoni u l-użu xieraq tal-għodod diġitali ġabu magħhom ħafna benefiċċji u vantaġġi ekonomiċi u għas-soċjetà għall-impjegaturi u l-ħaddiema, bħal aktar flessibbiltà u awtonomija, il-potenzjal li jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar, iżda ġabu wkoll żvantaġġi li wasslu għal għadd ta' sfidi etiċi, legali u relatati mal-impjiegi, bħall-intensifikazzjoni tax-xogħol u l-estensjoni tas-sigħat tax-xogħol, u b'hekk iċċajpru l-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

C.  billi l-użu dejjem akbar tal-għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol wassal għal kultura ta' "konnessjoni kontinwa", "dejjem online" jew "kostantement on-call", li jista' jkollha effett detrimentali fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inklużi r-remunerazzjoni ġusta, il-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, is-saħħa fiżika u mentali, u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-benesseri, kif ukoll, minħabba l-impatt sproporzjonat tagħha fuq il-ħaddiema b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li ġeneralment ikunu nisa, fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi t-tranżizzjoni diġitali għandha tkun iggwidata mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni, u għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

D.  billi l-użu tal-għodod diġitali għal perjodi twal ta' żmien jista' jikkawża tnaqqis fil-konċentrazzjoni kif ukoll tagħbija eċċessiva konjittiva u emozzjonali; billi movimenti tal-ġisem ripetittivi u monotoni u qagħda statika matul perjodi twal ta' żmien jistgħu jwasslu għal tensjoni muskolari u disturbi muskoloskeletali; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer ikklassifikat ir-radjazzjoni bi frekwenza tar-radju bħala possibbilment karċinoġenika; billi n-nisa tqal jistgħu jkunu f'riskju partikolari meta jkunu esposti għar-radjazzjoni bi frekwenza tar-radju;

E.  billi l-użu eċċessiv tat-tagħmir teknoloġiku jista' jaggrava fenomeni bħall-iżolament, it-teknodipendenza, in-nuqqas ta' rqad, l-eżawriment emozzjonali, l-ansjetà u l-eżawriment; billi, skont id-WHO, aktar minn 300 miljun persuna globalment ibatu minn dipressjoni u disturbi mentali komuni relatati max-xogħol u 38,2 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni tbati minn disturb mentali kull sena;

F.  billi l-miżuri li ttieħdu b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 biddlu l-mod li bih jaħdmu n-nies u wrew l-importanza ta' soluzzjonijiet diġitali, inkluż l-użu ta' skemi ta' xogħol mid-dar minn kumpaniji, dawk li jaħdmu għal rashom, u l-korpi tal-amministrazzjoni pubblika, madwar l-Unjoni; billi, skont il-Eurofound, aktar minn terz tal-ħaddiema tal-Unjoni bdew jaħdmu mid-dar matul il-lockdown, meta mqabbla ma' 5 % li normalment kienu jaħdmu mid-dar, u kien hemm żieda sostanzjali fl-użu ta' għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol; billi skont il-Eurofound, 27 % ta' dawk li wieġbu li jaħdmu mid-dar irrappurtaw li kienu ħadmu fil-ħin liberu tagħhom biex jissodisfaw l-eżiġenzi tax-xogħol(12); billi x-xogħol mill-bogħod u t-telexogħol żdiedu matul il-kriżi tal-COVID-19 u huma mistennija li jibqgħu ogħla minn qabel il-kriżi tal-COVID-19 jew saħansitra jkomplu jiżdiedu;

G.  billi n-nisa huma f'riskju partikolarment għoli u huma milquta b'mod aktar qawwi mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19, minħabba r-rwol predominanti jew li għadu tradizzjonali tagħhom li jieħdu ħsieb id-dar u l-familja; billi ż-żieda fit-telexogħol matul il-kriżi tal-COVID-19 tista' wkoll toħloq riskju akbar għaż-żgħażagħ u għall-persuni b'responsabbiltajiet ta' indukrar, bħall-ġenituri waħedhom, il-familji bit-tfal u l-familji bi qraba dipendenti li jkollhom bżonn lil min jieħu ħsiebhom; billi x-xogħol u l-ħajja privata waqt żmien ta' telexogħol, tbegħid soċjali u lockdown iridu jiġu bbilanċjati sew; billi l-aspetti tal-ġeneru għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tad-dritt ta' skonnessjoni;

H.  billi d-dritt ta' skonnessjoni huwa dritt fundamentali li huwa parti inseparabbli mill-arranġamenti tax-xogħol ġodda fl-era diġitali l-ġdida; billi dak id-dritt għandu jitqies bħala strument ta' politika soċjali importanti fil-livell tal-Unjoni li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kollha; billi d-dritt ta' skonnessjoni huwa ta' importanza partikolari għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u għal dawk b'responsabbiltajiet ta' indukrar;

I.  billi l-avvanzi teknoloġiċi żiedu saff ġdid ta' kumplessità għall-monitoraġġ u s-sorveljanza fuq il-post tax-xogħol; billi l-użu ta' teknoloġiji diġitali intrużivi fuq il-post tax-xogħol huwa sa ċertu punt indirizzat u rregolat biss f'xi Stati Membri; billi l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li "kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha"; billi dan intuża fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali kollha biex tiġi protetta l-privatezza tal-impjegati fil-kuntest tal-impjiegi; billi l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (GDPR)(13) għandhom jiżguraw li l-impjegati jirċievu informazzjoni adegwata dwar il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tal-monitoraġġ u s-sorveljanza u li l-impjegaturi jkunu meħtieġa jiġġustifikaw il-miżuri u jimminimizzaw l-impatt tagħhom billi jużaw il-metodi l-inqas intrużivi;

J.  billi l-istudju tal-Eurofound iddikjara li 27 % ta' dawk li wieġbu li jaħdmu mid-dar irrappurtaw li kienu ħadmu fil-ħin liberu tagħhom biex jissodisfaw l-eżiġenzi tax-xogħol;

1.  Jisħaq li l-għodod diġitali, inkluż l-ICT, għal skopijiet ta' xogħol żiedu l-flessibbiltà fir-rigward tal-ħin, il-post u l-mod kif ix-xogħol jista' jsir u l-ħaddiema jistgħu jiġu kkuntattjati barra l-ħinijiet tax-xogħol; billi l-użu xieraq tal-għodod diġitali jista' jkun vantaġġ għall-impjegaturi u l-ħaddiema f'termini ta' libertà, indipendenza u flessibbiltà akbar biex il-ħin tax-xogħol u l-kompiti tax-xogħol jiġu organizzati aħjar, jitnaqqas il-ħin li wieħed iqatta' jivvjaġġa lejn il-post tax-xogħol, u tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-obbligi personali u tal-familja, biex b'hekk jinħoloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota li l-ħtiġijiet tal-ħaddiema jvarjaw ħafna u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġi żviluppat qafas ċar li jippromwovi l-flessibbiltà personali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-istess ħin;

2.  Jenfasizza li l-konnettività kostanti flimkien ma' eżiġenzi kbar tax-xogħol u l-aspettattiva dejjem tikber li l-ħaddiema jistgħu jiġu kkuntattjati fi kwalunkwe ħin jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, il-bilanċ tagħhom bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u s-saħħa fiżika u mentali u l-benessri tagħhom;

3.  Jirrikonoxxi li r-reġistrazzjoni effettiva tal-ħin tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għar-rispett tal-ħin tax-xogħol kuntrattwali; jisħaq li, filwaqt li huwa importanti li l-ħin tax-xogħol jiġi rreġistrat sabiex jiġi żgurat li s-sigħat miftiehma u l-limiti legali ma jinqabżux, trid tingħata attenzjoni lill-effikaċja, peress li r-regolamenti dwar din il-kwistjoni jeżistu biss fi ftit Stati Membri;

4.  Jinnota li korp ta' evidenza li qed jiżdied jissottolinja li l-effetti ta' delimitazzjoni tas-sigħat tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, xi ftit flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol kif ukoll miżuri attivi biex jittejjeb il-benessri fuq il-post tax-xogħol jinkludu impatti pożittivi fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema, sikurezza aħjar fuq il-post tax-xogħol u żieda fil-produttività tal-ħaddiema minħabba li jonqsu l-għeja u l-istress, livelli ogħla ta' sodisfazzjon u motivazzjoni tal-impjegati u rati aktar baxxi ta' assenteiżmu(14);

5.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-użu tal-għodod diġitali għal finijiet ta' xogħol b'mod xieraq u effiċjenti, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jiġi evitat kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluża remunerazzjoni ġusta, il-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

6.  Jemmen li l-interruzzjonijiet tal-ħin mhux tax-xogħol tal-ħaddiema u l-estensjoni tas-sigħat tax-xogħol tagħhom jistgħu jżidu r-riskju ta' sahra mhux imħallsa, għeja mix-xogħol, problemi psikosoċjali, mentali u fiżiċi, bħall-ansjetà, id-dipressjoni, l-eżawriment u t-teknostress, u jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa u s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol, fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom u fuq il-mistrieħ mix-xogħol;

7.  Jirrikonoxxi s-sejbiet tal-Eurofound li juru li n-nies li jaħdmu regolarment mid-dar għandhom aktar mid-doppju tal-probabbiltà li jaħdmu aktar mill-massimu meħtieġ ta' 48 siegħa kull ġimgħa u huma f'riskju li jistrieħu inqas mill-11-il siegħa meħtieġa bejn il-ġranet tax-xogħol, kif previst fid-dritt tal-Unjoni, meta mqabbla ma' dawk li jaħdmu fil-bini tal-impjegatur; jenfasizza li kważi 30% ta' dawn it-teleħaddiema jirrapportaw li jaħdmu fil-ħin liberu tagħhom kuljum jew diversi drabi matul il-ġimgħa, meta mqabbla ma' inqas minn 5% tal-ħaddiema bbażati fl-"uffiċju" u li huwa aktar probabbli li t-teleħaddiema jaħdmu sigħat irregolari; jisħaq li l-għadd ta' ħaddiema bbażati d-dar fl-Unjoni li jirrapportaw sigħat twal ta' xogħol jew li ma jistgħux jibbenefikaw minn ħin mhux attiv qed jiżdied; jinnota, barra minn hekk, li huwa aktar probabbli li t-teleħaddiema regolari jirrapportaw li jbatu minn stress relatat max-xogħol u li jkunu affettwati minn disturbi tal-irqad, stress u esponiment għad-dawl ta' skrins diġitali, u jinnota li effetti oħra fuq is-saħħa tat-teleħaddiema u tal-ħaddiema "mobbli ħafna" huma l-uġigħ ta' ras, l-istrapazz tal-għajnejn, l-għeja, l-ansjetà u d-disturbi muskoloskeletali; jirrikonoxxi li x-xogħol regolari mid-dar jista' jkollu effett fiżiku fuq il-ħaddiema, peress li l-ispazji tax-xogħol stabbiliti ad hoc fid-dar kif ukoll laptops u tagħmir ieħor tal-ICT jistgħu ma jissodisfawx l-istandards ergonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu r-riċerka u l-ġbir tad-data u jwettqu valutazzjoni dettaljata ta' dawk il-problemi; jisħaq li l-importanza li jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet tiżdied fid-dawl tal-espansjoni prevista tat-telexogħol fuq perjodu itwal ta' żmien;

8.  Jinnota li t-telexogħol kien strumentali biex jgħin jissalvagwardja xi impjiegi u negozji matul il-kriżi tal-COVID-19, iżda jtenni li, minħabba l-kombinazzjoni ta' sigħat twal ta' xogħol u eżiġenzi akbar, jista' joħloq ukoll riskji akbar għall-ħaddiema b'impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħin tax-xogħol tagħhom u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom, kif ukoll fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom; jenfasizza l-fatt li jinħolqu diffikultajiet partikolari meta x-xogħol ma jkunx marbut ma' post tax-xogħol speċifiku, meta l-konnettività max-xogħol tkun kostanti u meta x-xogħol jibda jieħu mill-ħin li għandu jkun iddedikat għall-familja u l-ħajja privata;

9.  Jisħaq li d-dritt ta' skonnessjoni tal-ħaddiema huwa vitali fil-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali tagħhom u tal-benessri u l-protezzjoni tagħhom mir-riskji psikosoċjali; itenni l-importanza u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet tar-riskju psikosoċjali fil-livell tal-kumpaniji privati u pubbliċi u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tad-disturbi mentali fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi; jirrikonoxxi li l-kumitati dwar is-saħħa u s-sikurezza stabbiliti mis-sħab soċjali jistgħu jiżvolġu rwol pożittiv fl-iżgurar ta' valutazzjonijiet tar-riskju aktar frekwenti u preċiżi;

10.  Ifakkar li skont il-leġiżlazzjoni attwali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema mhumiex meħtieġa li jkunu disponibbli għall-impjegatur b'mod kostanti u mingħajr interruzzjoni u li hemm differenza bejn il-ħin tax-xogħol, fejn ħaddiem għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-impjegatur, u l-ħin mhux tax-xogħol, fejn ħaddiem ma għandu l-ebda obbligu li jibqa' għad-dispożizzjoni tal-impjegatur, u li l-ħin on-call huwa ħin tax-xogħol; jirrikonoxxi, madankollu, li d-dritt ta' skonnessjoni mhuwiex regolat b'mod espliċitu fid-dritt tal-Unjoni; ifakkar li s-sitwazzjoni fl-Istati Membri tvarja ħafna, b'għadd ta' Stati Membri u sħab soċjali li ħadu passi biex jirregolaw fil-liġi, fi ftehimiet kollettivi jew fit-tnejn, l-użu tal-għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol sabiex jipprevedu salvagwardji u protezzjoni lill-ħaddiema u l-familji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u jħeġġeġ lis-sħab soċjali jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiżguraw approċċ komuni kkoordinat għall-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti mingħajr ma jkunu ta' ħsara għad-drittijiet soċjali u l-mobilità fl-Unjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tindirizza r-riskji li ma jiġix protett id-dritt ta' skonnessjoni;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-impjegaturi jiżguraw li l-ħaddiema jiġu infurmati dwar, u jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni;

13.  Ifakkar fil-ħtiġijiet speċifiċi ta' setturi differenti fir-rigward tad-dritt ta' skonnessjoni, kif ukoll fid-disparitajiet bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq, abbażi ta' valutazzjoni bir-reqqa, evalwazzjoni xierqa u konsultazzjoni mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali, proposta għal direttiva tal-Unjoni dwar l-istandards u l-kundizzjonijiet minimi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt ta' skonnessjoni tagħhom u li jirregolaw l-użu ta' għodod diġitali eżistenti u ġodda għal skopijiet ta' xogħol, filwaqt li jitqies il-Ftehim Qafas dwar id-Diġitalizzazzjoni tas-Sħab Soċjali Ewropej, li jinkludi arranġamenti għall-konnessjoni u l-iskonnessjoni; ifakkar li l-Ftehim Qafas jipprevedi li s-sħab soċjali jieħdu miżuri ta' implimentazzjoni fit-tliet snin li ġejjin u li proposta leġiżlattiva qabel tmiem dak il-perjodu ta' implimentazzjoni tinjora r-rwol tas-sħab soċjali stabbilit fit-TFUE; jinsisti li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva għandha tirrispetta l-awtonomija tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi nazzjonali, u t-tradizzjonijiet u l-mudelli nazzjonali tas-suq tax-xogħol, u ma tkunx taffettwa d-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi skont il-liġi u l-prattika nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas leġiżlattiv bil-għan li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għal xogħol mill-bogħod madwar l-Unjoni li jiżguraw li t-telexogħol ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tal-impjieg tat-teleħaddiema; jisħaq li dan il-qafas għandu jiċċara l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-provvista, l-użu u r-responsabbiltà tat-tagħmir, bħal għodod diġitali eżistenti u ġodda, u għandu jiżgura li dan ix-xogħol isir fuq bażi volontarja u li d-drittijiet, l-ammont ta' xogħol u l-istandards tal-prestazzjoni tat-teleħaddiema jkunu ekwivalenti għal dawk ta' ħaddiema komparabbli;

15.  Huwa tal-fehma li d-direttiva l-ġdida għandha tispeċifika, tikkomplementa u tirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal liv annwali bil-ħlas, fid-Direttiva (UE) 2019/1152 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, fid-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, u fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, u b'mod partikolari r-rekwiżiti f'dawk id-direttivi li għandhom x'jaqsmu mas-sigħat tax-xogħol massimi u l-perjodi minimi ta' mistrieħ, arranġamenti tax-xogħol flessibbli, u obbligi ta' informazzjoni, u ma għandu jkollhom l-ebda effett negattiv fuq il-ħaddiema; jemmen li d-direttiva l-ġdida għandha tipprevedi soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati l-mudelli eżistenti, ir-rwol tas-sħab soċjali, ir-responsabbiltajiet tal-impjegaturi u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom meta jużaw għodod diġitali; jenfasizza l-importanza fundamentali tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni b'mod korrett tar-regoli tal-Unjoni u jfakkar li l-acquis tal-Unjoni dwar l-impjiegi u soċjali japplika bis-sħiħ għat-tranżizzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw infurzar xieraq permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni tax-xogħol;

16.  Jisħaq li d-dritt ta' skonnessjoni jippermetti lill-ħaddiema jżommu lura milli jwettqu kompiti, attivitajiet u komunikazzjoni elettronika relatati max-xogħol, bħal telefonati, emails u messaġġi oħra, barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom, inkluż matul il-perjodi ta' mistrieħ, btajjel uffiċjali u annwali, liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, kif ukoll tipi oħra ta' liv, mingħajr ma jiffaċċjaw konsegwenzi negattivi; jisħaq li ċerta awtonomija, flessibbiltà u rispett għas-sovranità tal-ħin li skontha l-ħaddiema jridu jitħallew jippjanaw il-ħin tax-xogħol tagħhom skont ir-responsabbiltajiet personali, b'mod partikolari l-indukrar tat-tfal jew tal-membri tal-familja morda, għandhom jiġu rrispettati; jisħaq li ż-żieda fil-konnettività fuq il-post tax-xogħol ma għandhiex twassal għal diskriminazzjoni jew konsegwenzi negattivi fir-rigward tar-reklutaġġ jew l-avvanz fil-karriera;

17.  Jisħaq li l-progress f'possibbiltajiet teknoloġiċi ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, għandu rwol kritiku fit-tiswir tal-post tax-xogħol tal-ġejjieni u l-apprezzament tal-effiċjenza tax-xogħol u ma għandux iwassal għal użu diżumanizzat ta' għodod diġitali jew iqajjem tħassib fir-rigward tal-privatezza u l-ġbir sproporzjonat u illegali ta' data personali, sorveljanza u monitoraġġ tal-ħaddiema; jisħaq li forom ġodda ta' għodod ta' sorveljanza tal-ispazju tax-xogħol u tal-prestazzjoni tax-xogħol, li jippermettu lill-kumpaniji jintraċċaw b'mod estensiv l-attivitajiet tal-ħaddiema, ma għandhomx jitqiesu bħala opportunità biex titwettaq sorveljanza sistematika tal-ħaddiema; jistieden lis-sħab soċjali kif ukoll lill-awtoritajiet ta' kontroll tal-protezzjoni tad-data jiżguraw li kwalunkwe għodda ta' monitoraġġ tax-xogħol tintuża biss fejn ikun meħtieġ u proporzjonat u jiżguraw id-dritt għall-privatezza tal-impjegati u l-awtodeterminazzjoni fix-xogħol tagħhom; jirrimarka li jekk l-impjegati jitħallew jużaw is-servizzi ta' komunikazzjoni pprovduti mill-impjegatur għal skopijiet privati, l-impjegatur ma għandu l-ebda dritt li jkollu aċċess għall-metadata jew il-kontenut tal-komunikazzjoni u l-ħaddiema jridu jiġu mħarrġa u infurmati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom; ifakkar li fir-relazzjonijiet tax-xogħol, il-kunsens ta' impjegat għall-ipproċessar tad-data personali normalment ma jistax jitqies li jingħata liberament u għalhekk mhuwiex validu, minħabba li hemm żbilanċ ċar fil-poter bejn l-impjegat bħala s-suġġett tad-data u l-impjegatur bħala l-kontrollur;

18.  Itenni li r-rispett għall-ħin tax-xogħol u l-prevedibbiltà tiegħu jitqies bħala essenzjali biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom fl-Unjoni;

19.  Jisħaq li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-impjegaturi u l-ħaddiema jridu jappoġġjaw u jinkoraġġixxu b'mod attiv id-dritt ta' skonnessjoni u jippromwovu approċċ effiċjenti, motivat u bbilanċjat għall-għodod diġitali fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll miżuri ta' sensibilizzazzjoni, kampanji ta' edukazzjoni u taħriġ relatati mal-ħin tax-xogħol u d-dritt ta' skonnessjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-użu raġonevoli tal-għodod diġitali, filwaqt li jiġi żgurat li d-dritt ta' skonnessjoni u d-drittijiet l-oħra kollha li jitfasslu biex jipproteġu s-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiema jiġu implimentati b'mod effettiv u jiġu stabbiliti bħala komponent attiv tal-kultura tax-xogħol fl-Unjoni;

20.  Jissottolinja l-fatt li l-impjegaturi ma għandhomx jirrikjedu li l-ħaddiema jkunu direttament jew indirettament disponibbli jew aċċessibbli barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom u li l-ħaddiema għandhom joqogħdu lura milli jikkuntattjaw lill-kollegi tagħhom barra mis-sigħat tax-xogħol maqbula għal skopijiet ta' xogħol; ifakkar li l-ħin li matulu ħaddiem ikun disponibbli jew aċċessibbli għall-impjegatur huwa ħin tax-xogħol; jisħaq li, fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tad-dinja tax-xogħol, hemm ħtieġa akbar li l-ħaddiema jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom bil-għan li jiġi implimentat id-dritt ta' skonnessjoni, u dan għandu jsir b'mod f'waqtu u bil-miktub jew f'forma diġitali faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema; jinnota li l-impjegaturi jridu jipprovdu lill-ħaddiema b'biżżejjed informazzjoni, inkluża dikjarazzjoni bil-miktub, li tistabbilixxi d-dritt ta' skonnessjoni tal-ħaddiema, jiġifieri mill-inqas l-arranġamenti prattiċi biex jintfew l-għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol, inkluż kwalunkwe monitoraġġ relatat max-xogħol jew għodod ta' sorveljanza, il-mod li bih jiġi rreġistrat il-ħin tax-xogħol, il-valutazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-impjegatur, u l-miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn trattament negattiv u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal rimedju tal-ħaddiema; itenni l-importanza tat-trattament ugwali għall-ħaddiema transfruntiera u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema jiġu infurmati kif xieraq bid-dritt tagħhom ta' skonnessjoni, inkluż bejn il-fruntieri;

21.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sħab soċjali biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tad-dritt ta' skonnessjoni, f'konformità mal-prattiki nazzjonali, u jenfasizza li x-xogħol li jkunu diġà wettqu f'dan ir-rigward għandu għalhekk jitqies; jemmen li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni, inkluż permezz ta' ftehim kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi preċiżi u suffiċjenti biex jiżguraw standard minimu ta' protezzjoni f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-infurzar tad-dritt tagħhom ta' skonnessjoni għall-ħaddiema kollha;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema li jinvokaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni jkunu protetti mill-vittimizzazzjoni u minn riperkussjonijiet negattivi oħrajn, u li jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex jiġu indirizzati lmenti jew ksur tad-dritt ta' skonnessjoni;

23.  Jisħaq li l-attivitajiet mill-bogħod kollha ta' tagħlim u taħriġ professjonali jridu jitqiesu bħala attività ta' xogħol u ma jridux isiru matul is-sahra jew fil-ġranet mhux tax-xogħol mingħajr kumpens adegwat;

24.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi appoġġjat taħriġ individwali bl-għan tat-titjib tal-ħiliet tal-IT għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità u l-kollegi aktar anzjani, sabiex tiġi żgurata prestazzjoni tajba u effiċjenti ta' xogħolhom;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi d-dritt ta' skonnessjoni fl-Istrateġija l-Ġdida tagħha dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u tiżviluppa b'mod espliċitu miżuri psikosoċjali ġodda u azzjonijiet fil-qafas tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

26.  Jitlob li l-Kummissjoni, abbażi tal-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punti (a), (b) u (i) tal-Artikolu 153(1) TFUE, tippreżenta proposta għal att dwar id-dritt ta' skonnessjoni, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

27.  Iqis li l-proposta mitluba ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(2) ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.
(3) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(4) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.
(5) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(6) PE 642.847, Lulju 2020; https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/642847/EPRS_BRI(2020)642847_EN.pdf
(7) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et al, C-397/01 sa C-403/01, ECLI:EU:C:2004:584, punt 93; tas-7 ta' Settembru 2006, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-484/04, ECLI:EU:C:2006:526, punt 36; tas-17 ta' Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik, C‑216/15, ECLI:EU:C:2016:883, punt 27; tal-21 ta' Frar 2018, Matzak, ECLI:EU:C:2018:82, C-518/15, punt 66; u tal-14 ta' Mejju 2019, Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), C-55/18, ECLI:EU:C:2019:402, punt 60.
(8) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 2018, Matzak, ECLI:EU:C:2018:82, C-518/15, punt 66.
(9) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Mejju 2019, Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), C-55/18, ECLI:EU:C:2019:402, punt 60.
(10) Testi adottati, P9_TA(2019)0033.
(11) ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
(12) https://www.eurofound.europa.eu/publications/blog/covid-19-unleashed-the-potential-for-telework-how-are-workers-coping
(13) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(14) Messenger, ILO, ikkwotat fl-istudju tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bit-titolu "The right to disconnect" (Id-dritt ta' skonnessjoni) (PE 642.847, Lulju 2020): https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/642847/EPRS_BRI(2020)642847_EN.pdf


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

TEST TAL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA MITLUBA

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-dritt ta' skonnessjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punti (a), (b) u (i) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Il-punti (a), (b) u (i) tal-Artikolu 153(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li l-Unjoni għandha tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.

(2)  L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tiegħu, għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol, għal perjodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' liv imħallas. L-Artikolu 30 tal-Karta jipprevedi d-dritt għall-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta jipprevedu l-ugwaljanza quddiem il-liġi u jipprojbixxu d-diskriminazzjoni. L-Artikolu 23 tal-Karta jirrikjedi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tkun żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(3)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprevedi li, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni ta' impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, li għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa biex l-impjegaturi jadattaw malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku, li għandhom jitrawmu forom innovattivi ta' xogħol li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità, u li għandhom jiġu evitati r-relazzjonijiet ta' impjieg li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż billi jiġi pprojbit l-abbuż ta' kuntratti atipiċi (Prinċipju Nru 5). Dan jipprovdi wkoll li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni ta' impjieg (Prinċipju Nru 7), li s-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali skont il-prattiki nazzjonali (Prinċipju Nru 8), li l-ġenituri u l-persuni b'responsabbiltajiet ta' indukrar għandhom id-dritt għal liv xieraq u arranġamenti tax-xogħol flessibbli (Prinċipju Nru 9), u li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat sew u protezzjoni tad-data, kif ukoll id-dritt għal ambjent tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet professjonali tagħhom u li jippermettilhom itawlu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol (Prinċipju Nru 10).

(4)  Din id-Direttiva tqis il-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, inklużi, b'mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-1919 dwar is-Sigħat tax-Xogħol (Industrija) (Nru 1), il-Konvenzjoni tal-1930 dwar il-Ħinijiet tax-xogħol (Kummerċ u Uffiċċji) (Nru 30), ir-Rakkomandazzjoni tal-1981 dwar in-Negozjar Kollettiv (Nru 163), il-Konvenzjoni tal-1981 dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja (Nru 156) u r-Rakkomandazzjoni li takkumpanjaha (Nru 165) kif ukoll id-Dikjarazzjoni tal-2019 taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol;

(5)  Din id-Direttiva tqis ukoll il-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Mejju 1996, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 (dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluż għal ħinijiet tax-xogħol raġonevoli u għal perjodi ta' mistrieħ), l-Artikolu 3 (dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani), l-Artikolu 6 (dwar id-dritt għan-negozjar kollettiv) u l-Artikolu 27 (dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet familjari) tiegħu.

(6)  L-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid li kull persuna għandha d-dritt għall-mistrieħ u għall-ħin liberu, inkluż il-limitazzjoni raġonevoli tal-ħin tax-xogħol u vaganzi perjodiċi bi ħlas.

(7)  L-għodod diġitali jippermettu lill-ħaddiema jaħdmu minn kullimkien fi kwalunkwe ħin u jistgħu, meta użati kif xieraq, jikkontribwixxu għat-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema billi jippermettulhom aktar flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħajja privata tagħhom. Madankollu, l-użu ta' għodod diġitali, inkluż l-ICT, għal skopijiet ta' xogħol għandu wkoll effetti negattivi possibbli, bħal li jirriżulta f'sigħat ta' xogħol itwal billi ħaddiema jingħataw xogħol barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom, intensità ogħla ta' xogħol, kif ukoll in-nuqqas ta' distinzjoni ċara bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin liberu. Jekk ma jintużawx esklużivament matul il-ħin tax-xogħol, tali għodod diġitali jistgħu jinterferixxu mal-ħajja privata tal-ħaddiema. Għall-ħaddiema b'responsabbiltajiet ta' indukrar bla ħlas, l-għodod diġitali jistgħu jagħmluha partikolarment diffiċli biex jinstab bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa jqattgħu aktar ħin mill-irġiel biex iwettqu dawn ir-responsabbiltajiet ta' kura, jaħdmu inqas sigħat f'impjieg bi ħlas u jistgħu jħallu l-impjieg kompletament.

(8)  L-għodod diġitali li jintużaw għal skopijiet ta' xogħol jistgħu joħolqu pressjoni u stress kostanti, għandhom impatt detrimentali fuq is-saħħa u l-benessri fiżiku u mentali tal-ħaddiema u jistgħu jwasslu għal mard psikosoċjali jew mard ieħor relatat max-xogħol, bħall-ansjetà, id-depressjoni, l-eżawriment, it-teknostress, disturbi tal-irqad u disturbi muskoluskeletriċi. Dawk l-effetti kollha jitfgħu piż dejjem akbar fuq l-impjegaturi u fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali u jżidu r-riskju ta' ksur tad-dritt tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa u s-sikurezza tagħhom. Minħabba l-isfidi ppreżentati miż-żieda sinifikanti fl-użu ta' għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol, relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi u arranġamenti ta' telexogħol, b'mod partikolari fil-kuntest taż-żieda fit-telexogħol li seħħet bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, li jwasslu għal stress addizzjonali relatat max-xogħol u joskuraw il-qasma bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, sar saħansitra aktar urġenti li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni.

(9)  L-użu li qed jespandi tat-teknoloġiji diġitali biddel il-mudelli tradizzjonali tax-xogħol u ħoloq kultura "dejjem konnessa" u "dejjem mixgħula". F'dak il-kuntest, huwa importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluż id-dritt tagħhom għal remunerazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni tal-ħin tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza tagħhom, u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

(10)  Id-dritt ta' skonnessjoni jirreferi għad-dritt tal-ħaddiema li ma jinvolvux ruħhom f'attivitajiet jew komunikazzjonijiet relatati max-xogħol barra mill-ħin tax-xogħol, permezz ta' għodod diġitali, bħal telefonati, posta elettronika jew messaġġi oħra. Id-dritt ta' skonnessjoni jenħtieġ li jintitola lill-ħaddiema li jitfu l-għodod relatati max-xogħol u ma jirrispondux għat-talbiet tal-impjegaturi lil hinn mill-ħin tax-xogħol, mingħajr ebda riskju ta' konsegwenzi negattivi, bħas-sensja jew miżuri ta' ritaljazzjoni oħra. Min-naħa l-oħra, l-impjegaturi jenħtieġ li ma jirrikjedux li l-ħaddiema jaħdmu barra mill-ħin tax-xogħol. L-impjegaturi jenħtieġ li ma jippromwovux kultura ta' xogħol "dejjem għaddejja" li fiha l-ħaddiema li jirrinunzjaw għad-dritt ta' skonnessjoni tagħhom jiġu ffavoriti b'mod ċar fuq dawk li ma jagħmlux dan. Il-ħaddiema li jirrappurtaw sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mad-dritt ta' skonnessjoni fuq il-post tax-xogħol jenħtieġ li ma jiġux penalizzati.

(11)  Id-dritt ta' skonnessjoni jenħtieġ li japplika għall-ħaddiema kollha u għas-setturi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati u jenħtieġ li jkun infurzat b'mod effettiv. L-għan tad-dritt ta' skonnessjoni huwa li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluż il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

(12)  Attwalment ma hemm l-ebda liġi tal-Unjoni li tirregola b'mod speċifiku d-dritt ta' skonnessjoni u l-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam tvarja ħafna fost l-Istati Membri. Madankollu, id-Direttivi tal-Kunsill 89/391/KEE(4) u 91/383/KEE(5) għandhom l-għan li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sikurezza u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg għal żmien indeterminat, fiss jew temporanju; Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) tistabbilixxi rekwiżiti minimi tas-sikurezza u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inkluż fir-rigward ta' sigħat ta' xogħol massimi permessi u perjodi ta' mistrieħ minimi li jridu jkunu rispettati; id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi impjiegi aktar trasparenti u prevedibbli; u d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) tistabbilixxi rekwiżiti minimi li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema li huma ġenituri jew persuni li jindukraw.

(13)  Skont id-Direttiva 2003/88/KE, il-ħaddiema fl-Unjoni għandhom id-dritt għal rekwiżiti minimi tas-sikurezza u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. F'dak il-kuntest, dik id-Direttiva tipprevedi mistrieħ ta' kuljum, pawżi għall-mistrieħ, mistrieħ ta' kull ġimgħa, ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa u liv annwali, u tirregola ċerti aspetti tax-xogħol ta' billejl, ix-xogħol bix-shift u l-mudelli tax-xogħol. Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) li l-ħin on-call, li matulu ħaddiem huwa meħtieġ li jkun fiżikament preżenti f'post speċifikat mill-impjegatur, għandu jitqies "fl-intier tiegħu bħala li jikkostitwixxi perjodi ta' xogħol, irrispettivament mill-fatt li, matul dan il-ħin, il-ħaddiem ikkonċernat effettivament ma jwettaqx attività professjonali kontinwa"(9), u li l-ħin standby, li fih il-ħaddiem huwa obbligat li jgħaddi d-dar, filwaqt li jkun disponibbli għall-impjegatur tiegħu, għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol(10). Barra minn hekk, il-QĠUE interpretat il-perjodi minimi ta' mistrieħ bħala "regoli tad-dritt soċjali Komunitarju ta' importanza partikolari li minnhom irid jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu"(11). Madankollu, id-Direttiva 2003/88/KE ma tipprevedix espressament id-dritt ta' ħaddiem li jiskonnettja, u lanqas ma tirrikjedi li l-ħaddiema jkunu jistgħu jintlaħqu barra mill-ħinijiet tax-xogħol, matul il-perjodi ta' mistrieħ jew ħin ieħor mhux tax-xogħol, iżda tipprevedi d-dritt għal perjodi ta' mistrieħ mingħajr interruzzjoni kuljum, fil-ġimgħa u fis-sena, li matulhom il-ħaddiem jenħtieġ li ma jiġix ikkuntattjat. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita tal-Unjoni li tinforza d-dritt li ma tkunx disponibbli f'kull ħin barra mis-sigħat tax-xogħol miftiehma (kuntrattwalment).

(14)  Il-QĠUE kkonfermat li d-Direttivi 89/391/KEE u 2003/88/KE jirrikjedu li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul ta' żmien ta' kuljum minn kull ħaddiem u li sistema bħal din tkun "oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli"(12).

(15)  Fil-ġurisprudenza tagħha, il-QĠUE stabbiliet kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta' ħaddiem. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li titqies l-interpretazzjoni ta' dawn il-kriterji min-naħa tal-QGUE. Dment li jissodisfaw dawk il-kriterji, il-ħaddiema kollha kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, inklużi ħaddiema fuq talba, ħaddiema part-time, ħaddiema intermittenti, ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, ħaddiema tal-pjattaforma, trainees u apprendisti, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-abbuż tal-istatus ta' persuni li jaħdmu għal rashom, kif definit fil-liġi nazzjonali, sew fil-livell nazzjonali jew f'sitwazzjonijiet transfruntiera, huwa forma ta' xogħol iddikjarat b'mod falz li sikwit ikun assoċjat ma' xogħol mhux iddikjarat. Impjieg indipendenti fittizju jseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala impjegata għal rasha filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni tax-xogħol, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali. Dawn il-persuni jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq reali tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni tal-partijiet tar-relazzjoni. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, it-terminu ħaddiem jirreferi għal kwalunkwe ħaddiem li għandu relazzjoni ta' impjieg li tissodisfa l-kriterji tal-QĠUE.

(16)  F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, il-kuntratti ta' impjieg standard naqsu u l-prevalenza ta' arranġamenti tax-xogħol atipiċi jew flessibbli żdiedet, fil-biċċa l-kbira dovuta għad-diġitalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi. Jeżisti dritt tal-Unjoni dwar xi tipi ta' xogħol atipiku. Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE(13) timplimenta l-ftehim qafas bejn is-sħab soċjali Ewropej dwar ix-xogħol part-time u għandha l-għan li tipprevedi t-tneħħija ta' diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol part-time, tiffaċilita l-iżvilupp tax-xogħol part-time fuq bażi volontarja u tikkontribwixxi għall-organizzazzjoni flessibbli tal-ħin tax-xogħol b'mod li tqis il-ħtiġijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema. Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE(14) tpoġġi fis-seħħ il-ftehim qafas bejn is-sħab soċjali Ewropej dwar kuntratti għal żmien fiss u għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità ta' xogħol għal żmien fiss billi tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u tipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal żmien fiss. Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), li ġiet adottata wara n-nuqqas tas-sħab soċjali Ewropej li jadottaw ftehim qafas, għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija billi tiżgura trattament ugwali u billi tirrikonoxxi l-aġenziji tax-xogħol temporanju bħala impjegaturi, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-għan li tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol.

(17)  Is-sħab soċjali Ewropej adottaw ftehimiet qafas dwar it-telexogħol f'Lulju 2002 u dwar id-diġitalizzazzjoni f'Ġunju 2020. Il-ftehim qafas dwar id-diġitalizzazzjoni jipprevedi miżuri possibbli li għandhom jiġu miftiehma bejn is-sħab soċjali fir-rigward tal-ħaddiema konnessi max-xogħol u l-iskonnessjoni tagħhom mix-xogħol. Fid-dawl tal-iżviluppi mill-adozzjoni tal-ftehim qafas dwar it-telexogħol fl-2002, sar evidenti li hemm bżonn ta' evalwazzjoni u qafas legali fil-livell tal-Unjoni għal xi elementi ta' dak il-ftehim.

(18)  Il-punt (a) tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/104/KE jipprevedu li l-kunċett ta' "ħaddiem" jiġi definit mil-liġi nazzjonali. Madankollu, il-QĠUE ddeterminat li l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha għandhom jiġu applikati biex jiġi vvalutat jekk persuna għandhiex l-istatus ta' ħaddiem. B'mod partikolari, jekk "persuna twettaq servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta' persuna oħra, li għaliha tirċievi remunerazzjoni" hija determinanti u "il-karatterizzazzjoni legali skont il-liġi nazzjonali u l-forma ta' dik ir-relazzjoni, kif ukoll in-natura tar-relazzjoni legali bejn dawk iż-żewġ persuni [mhumiex] deċiżivi f'dak ir-rigward"(16).

(19)  Xi Stati Membri ħadu passi biex jirregolaw id-dritt ta' skonnessjoni għal ħaddiema li jużaw għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol. Stati Membri oħra jippromwovu l-użu ta' għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol mingħajr ma jindirizzaw speċifikament ir-riskji, it-tielet grupp ta' Stati Membri japplika leġiżlazzjoni ġenerali għall-użu ta' għodod diġitali u r-raba' grupp ma għandu l-ebda leġiżlazzjoni speċifika(17). Azzjoni fil-livell tal-Unjoni f'dan il-qasam tkun tipprovdi għal rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema kollha fl-Unjoni li jużaw għodod diġitali għal skopijiet ta' xogħol, u, b'mod aktar speċifiku, għad-drittijiet fundamentali tagħhom fir-rigward ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

(20)  L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għad-dritt ta' skonnessjoni. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi implimentata b'mod li jirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 89/391/KEE, 2003/88/KE, (UE) 2019/1152 u (UE) 2019/1158 u jenħtieġ li ma jkollha l-ebda effett negattiv fuq il-ħaddiema.

(21)  L-arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju tad-dritt ta' skonnessjoni mill-ħaddiem u l-implimentazzjoni ta' dak id-dritt mill-impjegatur jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu miftiehma mis-sħab soċjali permezz ta' ftehim kollettiv jew fil-livell tal-impriża li timpjega. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, bħal permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni tax-xogħol, li l-impjegaturi jipprovdu lill-ħaddiema b'dikjarazzjoni li tistabbilixxi dawk l-arranġamenti prattiċi.

(22)  L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti li jitkejjel it-tul ta' ħin maħdum kuljum minn kull ħaddiem, skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, b'mod partikolari s-sentenza tagħha tal-14 ta' Mejju 2019, Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), C-55/18(18).

(23)  L-awtonomija tas-sħab soċjali jenħtieġ li tiġi rispettata. L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġjaw lis-sħab soċjali fl-istabbiliment ta' ftehimiet kollettivi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(24)  L-Istati Membri jenħtieġ li, bi qbil mal-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li tiġi implimentata din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, wara li jikkonsultaw lis-sħab soċjali fil-livell xieraq, jiġi stabbilit sett minimu ta' kundizzjonijiet tax-xogħol biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' skonnessjoni tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, bil-għan li jipprevedu jew jikkomplementaw dak is-sett minimu ta' kundizzjonijiet tax-xogħol.

(25)  Id-derogi mir-rekwiżit li jiġi implimentat id-dritt ta' skonnessjoni jenħtieġ li jkun previst biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal force majeure jew emerġenzi oħra, u bil-kundizzjoni li l-impjegatur jipprovdi lil kull ħaddiem ikkonċernat bir-raġunijiet bil-miktub, li jissostanzjaw il-ħtieġa tad-deroga. Is-sett minimu ta' kundizzjonijiet tax-xogħol li jimplimentaw id-dritt ta' skonnessjoni jenħtieġ li jipprevedi l-kriterji għal dawn id-derogi u l-istabbiliment ta' kumpens għal kwalunkwe xogħol li jsir barra l-ħin tax-xogħol. Tali kumpens jenħtieġ li jiżgura li l-għan ġenerali li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jiġi rrispettat.

(26)  Il-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu protetti minn kwalunkwe konsegwenza negattiva, inkluża t-tkeċċija u miżuri ta' ritaljazzjoni oħra. Tali ħaddiema jenħtieġ ukoll li jkunu protetti minn miżuri diskriminatorji, bħal telf ta' dħul jew ta' opportunitajiet ta' promozzjoni.

(27)  Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom protezzjoni ġudizzjarja u amministrattiva adegwata u rapida kontra kwalunkwe trattament negattiv li jirriżulta mill-fatt li qed jeżerċitaw jew li qed ifittxu li jeżerċitaw id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva, inkluż id-dritt għal rimedju kif ukoll id-dritt li jibdew proċedimenti amministrattivi jew legali biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva.

(28)  L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' skonnessjoni stabbilit f'din id-Direttiva, f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-ftehimiet jew il-prattika kollettivi. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi ta' din id-Direttiva.

(29)  L-oneru tal-provi biex jiġi stabbilit li sensja jew detriment ekwivalenti ma seħħx fuq il-bażi li ħaddiem ikun eżerċita jew fittex li jeżerċita d-dritt ta' skonnessjoni jenħtieġ li jaqa' fuq l-impjegatur meta ħaddiem ikun stabbilixxa, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jistgħu jwasslu għal suppożizzjoni li l-ħaddiem ikun tkeċċa jew sofra effetti detrimentali oħra fuq tali raġunijiet.

(30)  Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk ma taffettwax il-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Din id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha jenħtieġ li ma tikkostitwiix raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

(31)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva sabiex tissorvelja u tiżgura l-konformità ma' din id-Direttiva. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jressqu rapporti regolari lill-Kummissjoni.

(32)  Sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jikkooperaw flimkien, bl-appoġġ tal-ELA, sabiex jiżviluppaw statistika u data komparabbli dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(33)  Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi s-salvagwardji xierqa għall-infurzar tad-dritt ta' skonnessjoni fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi li jippermettu lill-ħaddiema jużaw għodod diġitali, inkluża l-ICT, għal skopijiet ta' xogħol u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni kif ukoll li jiġi żgurat li l-impjegaturi jirrispettaw id-dritt ta' skonnessjoni tal-ħaddiema. Dan japplika għas-setturi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u għall-ħaddiema kollha, indipendentement mill-istatus u l-arranġamenti tax-xogħol tagħhom.

2.  Din id-Direttiva tispeċifika u tikkomplementa d-Direttivi 89/391/KEE, 2003/88/KE, (UE) 2019/1152 u (UE) 2019/1158, għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti mniżżla f'dawk id-Direttivi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "skonnessjoni" tfisser li ma tkunx involut f'attivitajiet jew komunikazzjonijiet relatati max-xogħol permezz ta' għodod diġitali, direttament jew indirettament, barra mill-ħin tax-xogħol;

(2)  "ħin tax-xogħol" tfisser il-ħin tax-xogħol kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE;

Artikolu 3

Id-dritt ta' skonnessjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprovdu lill-ħaddiema bil-mezzi biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti li jitkejjel it-tul ta' ħin maħdum kuljum minn kull ħaddiem, f'konformità mad-dritt tal-ħaddiema għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu u jiksbu r-reġistrazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jimplimentaw id-dritt ta' skonnessjoni b'mod ġust, legali u trasparenti.

Artikolu 4

Miżuri li jimplimentaw id-dritt ta' skonnessjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati, wara li jikkonsultaw lis-sħab soċjali fil-livell xieraq, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' skonnessjoni tagħhom u l-impjegaturi jkunu jistgħu jimplimentaw dak id-dritt b'mod ġust u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu tal-inqas il-kundizzjonijiet tax-xogħol li ġejjin:

(a)  l-arranġamenti prattiċi biex jintfew l-għodod diġitali għal finijiet ta' xogħol, inkluż kull għodda ta' monitoraġġ relatata max-xogħol;

(b)  is-sistema biex jiġi mkejjel il-ħin tax-xogħol;

(c)  il-valutazzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza tal-impjegaturi, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riskju psikosoċjali, fir-rigward tad-dritt ta' skonnessjoni;

(d)  il-kriterji għal kwalunkwe deroga mill-impjegaturi mill-ħtieġa tagħhom li jimplimentaw id-dritt ta' skonnessjoni tal-ħaddiem;

(e)  fil-każ ta' deroga skont il-punt (d), il-kriterji biex jiġi ddeterminat kif għandu jiġi kkalkulat il-kumpens għal xogħol imwettaq barra l-ħin tax-xogħol f'konformità mad-Direttivi 89/391/KEE, 2003/88/KE, (UE) 2019/1152 u (UE) 2019/1158, u skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.

(f)  il-miżuri ta' sensibilizzazzjoni, inkluż it-taħriġ fuq ix-xogħol, li għandhom jittieħdu mill-impjegaturi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija f'dan il-paragrafu.

Kwalunkwe deroga taħt il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun prevista biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal force majeure jew emerġenzi oħra, u soġġetta li l-impjegatur jipprovdi lil kull ħaddiem ikkonċernat bir-raġunijiet bil-miktub, li jissostanzjaw il-ħtieġa tad-deroga f'kull okkażjoni li fuqha tkun invokata d-deroga.

2.  L-Istati Membri jistgħu, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, jafdaw lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livell nazzjonali, reġjonali, settorjali jew tal-impjegatur li jipprevedu jew jikkomplementaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li mhumiex koperti minn ftehim kollettiv skont il-paragrafu 2 jibbenefikaw minn protezzjoni f'konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 5

Protezzjoni kontra trattament negattiv

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diskriminazzjoni, trattament inqas favorevoli, tkeċċija u miżuri negattivi oħrajn mill-impjegaturi abbażi li l-ħaddiema jkunu qed jeżerċitaw jew jippruvaw jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni jkunu pprojbiti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jipproteġu l-ħaddiema, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema, minn kwalunkwe trattament negattiv u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem l-impjegatur jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja jew kienu soġġetti għal trattament ħażin ieħor minħabba li huma eżerċitaw id-dritt tagħhom jew li huma fittxew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jistgħu jagħtu lok għal preżunzjoni li ġew imkeċċija jew kienu soġġetti għal trattament ħażin ieħor minħabba raġunijiet bħal dawn, għandu jkun f'idejn l-impjegatur li juri li s-sensja jew it-trattament ħażin l-ieħor kienu bbażati fuq raġunijiet oħra.

4.  Il-paragrafu 3 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.

5.  L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw il-paragrafu 3 għall-proċedimenti li fihom tkun ir-responsabbiltà tal-qorti jew tal-korp kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6.  Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm l-Istati Membri ma jiddisponux mod ieħor.

Artikolu 6

Dritt ta' rimedju

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema, li d-dritt ta' skonnessjoni tagħhom ikun inkiser li jkollhom aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim rapida, effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju f'każ ta' ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-organizzazzjonijiet tat-trade unions jew rappreżentanti oħra tal-ħaddiema l-possibbiltà, f'isem il-ħaddiema jew b'appoġġ għalihom u bl-approvazzjoni tagħhom, li jieħdu sehem fi proċedimenti amministrattivi bl-objettiv li jiżguraw il-konformità ma' din id-Direttiva jew l-infurzar tagħha.

Artikolu 7

Obbligu tal-għoti ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jipprovdu lil kull ħaddiem informazzjoni suffiċjenti, ċara u adegwata, bil-miktub dwar id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni, inkluża dikjarazzjoni li tistabbilixxi t-termini ta' kwalunkwe ftehim kollettiv jew ftehim ieħor applikabbli. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)  l-arranġamenti prattiċi biex jintfew l-għodod diġitali għal finijiet ta' xogħol, inkluż kwalunkwe għodod ta' monitoraġġ relatat max-xogħol, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1);

(b)  is-sistema li biha jiġi mkejjel il-ħin tax-xogħol, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1);

(c)  il-valutazzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza tal-impjegaturi fir-rigward tad-dritt ta' skonnessjoni, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riskju psikosoċjali, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1);

(d)  il-kriterji għal kwalunkwe deroga mir-rekwiżit tal-impjegaturi li jimplimentaw id-dritt ta' skonnessjoni u kwalunkwe kriterju biex jiġi ddeterminat il-kumpens għal xogħol imwettaq barra l-ħin tax-xogħol, kif imsemmi fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 4(1)

(e)  il-miżuri ta' sensibilizzazzjoni tal-impjegatur, inkluż it-taħriġ waqt ix-xogħol, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1);

(f)  il-miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra trattament negattiv skont l-Artikolu 5;

(g)  il-miżuri għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' rimedju tal-ħaddiema skont l-Artikolu 6.

Artikolu 8

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, jew tad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sa'... [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 9

Livell ta' protezzjoni

1.  Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fl-Istati Membri.

2.  Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

3.  Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-ħaddiema minn atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 10

Rapportar, evalwazzjoni u rieżami tad-dritt ta' skonnessjoni

1.  Sa ... [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattiċi ta' din id-Direttiva, kif ukoll indikaturi ta' evalwazzjoni dwar il-prattiki ta' implimentazzjoni tad-dritt ta' skonnessjoni, li jindikaw il-veduti rispettivi tas-sħab soċjali nazzjonali.

2.  Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, sa... [sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] u kull sentejn wara dan, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tikkunsidra l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali, inkluż, fejn xieraq, emendi għal din id-Direttiva.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.  Sa ... [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn … [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  Malli din id-Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-Kummissjoni tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex hija tissottometti l-kummenti tagħha fuq kull abbozz ta' ligijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma jkunu bi ħsiebhom jadottaw fil-qasam kopert b' din id-Direttiva.

3.  F'konformità mal-Artikolu 153(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, sakemm jiżguraw li jkun hemm konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 12

Data personali

L-impjegaturi għandhom jipproċessaw id-data personali skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva biss għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiem individwali. Huma ma għandhomx jipproċessaw tali data għal kwalunkwe skop ieħor. Id-data personali għandha tiġi pproċessata f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(20).

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C...
(2) ĠU C...
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew...
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg għal perjodu fiss jew ta' impjieg temporanju (ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.).
(6) Id-Direttiva 2003/88/KEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(7) Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(8) Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(9) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et al, C-397/01 sa C-403/01, ECLI:EU:C:2004:584, punt 93.
(10) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 2018, Matzak, ECLI:EU:C:2018:82, C-518/15, punt 66.
(11) Is-Sentenza tas-7 ta' Settembru 2006, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-484/04, ECLI:EU:C:2006:526, punt 38.
(12) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Mejju 2019, Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), C-55/18, ECLI:EU:C:2019:402, punt 60.
(13) Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, 20.01.1998, p. 9).
(14) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).
(15) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(16) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik, C‑216/15, ECLI:EU:C:2016:883, punt 27.
(17) Eurofound.
(18) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Mejju 2019, Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), C-55/18, ECLI:EU:C:2019:402.
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(20) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza