Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2863(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0052/2021

Testi mressqa :

B9-0052/2021

Dibattiti :

PV 20/01/2021 - 16
CRE 20/01/2021 - 16

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2021 - 2
PV 21/01/2021 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2021)0022

Testi adottati
PDF 212kWORD 56k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2021 - Brussell
Ir-riforma tal-lista ta' rifuġji fiskali tal-UE
P9_TA(2021)0022B9-0052/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-riforma tal-lista tal-UE tar-rifuġji fiskali (2020/2863(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, adottata fl-1 ta' Diċembru 1997(1) bil-għan li titwaqqaf il-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fi ħdan l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" (COM(2015)0302),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva (COM(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2016)0451), li tinkludi spjegazzjoni tal-proċess ta' elenkar tal-UE għall-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx,

–  wara li kkunsdira l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2016 dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN tal-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-aġġornamenti l-aktar reċenti tal-Kunsill għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa tas-6 ta' Ottubru 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta' Rkupru" (COM(2020)0312),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha (COM(2020)0313),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(4),tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(5), tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat PANA tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(8),

–  wara li kkunsidra s-segwitu mogħti mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew imsemmijin hawn fuq(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż (pCBCR)(10), kif ukoll il-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019(11) dwar dik il-proposta,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "The Impact of Tax Planning on Forward-Looking Effective Tax Rates (L-Impatt tal-Ippjanar tat-Taxxa fuq il-Livelli Effikaċi ta' Tassazzjoni Prospettivi)"(12),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "Aggressive tax planning indicators (L-Indikaturi tal-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa)"(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "An overview of shell companies in the European Union (Ħarsa ġenerali lejn il-kumpaniji fittizji fl-Unjoni Ewropea)"(14),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-pajjiżi li fasslet il-Kummissjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja tal-Panel ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Obbligu ta' Rendikont, it-Trasparenza u l-Integrità fil-Finanzi Globali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS) dwar l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(15),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-riforma tal-lista ta' rifuġji fiskali tal-UE (O-000082/2020 – B9-0002/2021 u O-000081/2020 – B9‑0001/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, imħejjija bl-għajnuna tas-Sottokumitat għall-Kwistjonijiet Fiskali,

A.  billi l-eżistenza ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa u skemi tat-taxxa dannużi, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, tirriżulta f'telf finanzjarju drammatiku għall-Istati Membri tal-UE, li jixrob ir-riżorsi mill-baġits nazzjonali u jxekkel il-kapaċità tal-gvernijiet; billi l-kost tal-evitar tat-taxxa korporattiva bħalissa huwa stmat li hu USD 500 biljun fis-sena(16); billi dan it-tnaqqis fl-introjtu mit-taxxa huwa partikolarment problematiku fil-kuntest tal-irkupru mill-kriżi sanitarja, soċjali u ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika;

B.  billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Ħarifa 2016, 86 % taċ-ċittadini tal-UE huma favur regoli aktar stretti dwar l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali(17);

C.  billi l-Unjoni adottat l-ewwel lista tagħha ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa ("il-lista") fil-5 ta' Diċembru 2017; billi dik il-lista kienet tinkludi 17-il pajjiż jew territorju li mhumiex fl-UE; billi l-Unjoni rrevediet il-lista 12-il darba;

D.  billi skont l-Indiċi tal-Corporate Tax Haven Index tal-2019, il-ġurisdizzjonijiet fl-ogħla pożizzjoni fil-klassifikazzjonijiet ta' rifuġji fiskali tat-taxxa korporattiva huma: 1) il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, 2) Bermuda, 3) il-Gżejjer Cayman, 4) in-Netherlands, 5) l-Iżvizzera, 6) il-Lussemburgu, 7) Jersey, 8) Singapore, 9) il-Bahamas, 10) Hong Kong u 11) l-Irlanda;

E.  billi 95 ġurisdizzjoni ġew ivvalutati skont it-tliet kriterji stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2016, jiġifieri t-trasparenza tat-taxxa, it-tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni tal-istandards minimi dwar il-BEPS tal-OECD;

F.  billi aktar minn 135 pajjiż u ġurisdizzjoni qed jikkollaboraw dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-BEPS, parzjalment immotivati mir-riskju li jiġu inklużi fil-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; billi fil-proċess tal-elenkar kważi 40 pajjiż intalbu jirriformaw aktar minn 120 prattika tat-taxxa dannuża;

G.  billi r-rapport dwar l-Istat tal-Ġustizzja fit-Taxxa tal-2020 sab li 2 % biss tat-telf tat-taxxa globali kien ikkawżat minn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista tal-UE; billi l-Gżejjer Cayman instabu li huma l-ġurisdizzjoni responsabbli għall-aktar telf ta' dħul mit-taxxa globali, fejn jiswew lil pajjiżi oħrajn aktar minn USD 70 biljun fis-sena, jew 16.5 % tat-telf ta' dħul mit-taxxa totali;

H.  billi l-Kunsill irreveda l-lista l-aħħar fis-6 ta' Ottubru 2020, meta neħħa l-Gżejjer Cayman u l-Oman u żied il-Barbados u Anguilla; billi l-Gżejjer Cayman għad ma għandhomx taxxa korporattiva u huma waħda mill-10 destinazzjonijiet ewlenin għall-investimenti fantażma skont il-Fond Monetarju Internazzjonali(18), ħaġa li tqajjem mistoqsijiet dwar it-trasparenza u dwar il-possibbiltà ta' approċċ preferenzjali għal xi pajjiżi;

I.  billi l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx bħalissa tikkonsisti fis-Samoa Amerikana, Anguilla, Barbados, Fiġi, Guam, Palau, il-Panama, Samoa, is-Seychelles, Trinidad u Tobago, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u Vanuatu;

J.  billi diversi ġurisdizzjonijiet oħra għamlu impenji biex jimplimentaw prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fir-rigward tal-kriterji ta' trasparenza jew tat-tassazzjoni ġusta;

K.  billi l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) għadu limitat, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess tal-elenkar tal-UE; billi l-Ombudsman Ewropew għandha l-mandat li teżamina l-applikazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE tar-regoli tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti(19) u b'mod partikolari s-setgħa li tispezzjona d-dokumenti kollha tal-UE, kemm dawk kunfidenzjali kif ukoll dawk li mhumiex, u tista' toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar jekk għandhomx jiġu ppubblikati jew le;

L.  billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi rriformat il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi u li tiġi riveduta l-lista;

M.  billi skont il-formula tat-tqassim l-aktar konservattiva, l-UE għandha l-ogħla telf globalment b'riżultat tat-trasferiment tal-profitt lejn rifuġji fiskali u hija stmata li titlef madwar 20 % tad-dħul tagħha mit-taxxa korporattiva kull sena(20);

1.  Jirrikonoxxi l-impatt pożittiv li l-lista diġà kellha, iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma tilħaqx il-potenzjal sħiħ tagħha peress li l-ġurisdizzjonijiet li bħalissa jinsabu fuq il-lista jkopru inqas minn 2 % tat-telf tad-dħul mit-taxxa madwar id-dinja, u għalhekk il-lista toħloq konfużjoni u mhix effettiva(21); ifittex li jsaħħaħ il-lista permezz ta' aktar trasparenza u konsistenza, kriterji ta' elenkar aktar stretti u imparzjali, u miżuri ta' difiża aktar b'saħħithom kontra l-evitar tat-taxxa; jiddeplora t-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi b'rekord ċar ta' promozzjoni tal-BEPS, bħall-Gżejjer Cayman; jesprimi dispjaċir dwar l-ispjegazzjoni insuffiċjenti mogħtija lill-pubbliku ġenerali minkejja l-opinjoni pubblika Ewropea li tappoġġja regoli aktar stretti dwar ir-rifuġji fiskali;

Il-governanza u t-trasparenza tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

2.  Josserva li l-proċess inizjali tal-elenkar kien propost mill-Kummissjoni kemm fil-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva kif ukoll fil-komunikazzjoni tagħha dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; jinnota li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, prinċipalment permezz tas-sottogrupp tiegħu dwar il-partijiet terzi, ġie impenjat li jwettaq il-ħidma preparatorja għall-istabbiliment tal-lista, minkejja l-fatt li dan ma kienx fil-mandat oriġinali tal-grupp; jiddubita l-kapaċità u l-idoneità ta' grupp informali bħal dan biex iwettaq din il-missjoni;

3.  Iqis li l-lista tal-UE jeħtieġ li tiġi riformata fil-livell tal-UE; jirrakkomanda li l-proċess tagħha jiġi formalizzat, b'mod partikulari permezz ta' strument legalment vinkolanti; jemmen li din ir-riforma għandha titwettaq sa tmiem l-2021 biex l-UE tiġi protetta minn kwalunkwe telf ulterjuri ta' dħul fil-perjodu ta' rkupru ta' wara l-COVID-19; jitlob li l-Kunsill jimpenja lill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri u bl-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew, bil-valutazzjoni ta' ġurisdizzjonijiet terzi fuq il-bażi ta' kriterji ċari u trasparenti, kif ukoll li tagħmel proposta għall-elenkar lill-Kunsill, li għandha tiġi ppubblikata qabel ma l-Kunsill jadotta formalment il-lista u r-reviżjonijiet tagħha; jistieden lill-Kunsill jagħti lill-Parlament rwol ta' osservatur fid-diskussjonijiet tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; jemmen li bidliet bħal dawn jiżguraw l-imparzjalità, l-oġġettività u l-obbligu ta' rendikont tal-proċess tal-elenkar;

4.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-proċess tal-elenkar sabiex ikun jista' jsir skrutinju pubbliku u jiżdied l-obbligu ta' rendikont demokratiku ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; ifittex trasparenza sħiħa fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Istati Membri; jistieden lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, għalhekk, biex jiżvela l-awtoritajiet parteċipanti, is-suġġetti tad-diskussjoni, il-valutazzjonijiet tekniċi, il-minuti jew is-sommarji u l-konklużjonijiet adottati; iqis li sabiex jittejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza, is-sorsi tad-data għall-iskrinjar tal-ġurisdizzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli faċilment meta jkunu disponibbli għall-pubbliku; iqis li l-metodoloġija għall-valutazzjoni tar-reġimi ta' pajjiżi terzi għandha tiġi rfinuta u żvelata kompletament; jistieden lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta biex b'mod sistematiku joħroġ sommarju komprensiv tal-interazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi terzi, is-suġġett diskuss u l-impenji li ttieħdu minn pajjiżi terzi matul kull pass tal-proċess ta' valutazzjoni;

5.  Jinnota li n-nuqqas ta' trasparenza jista' jwassal biex id-deċiżjonijiet jiġu interpretati ħażin u jirriskja li jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess tal-elenkar, b'mod partikolari meta l-lista tal-UE li tirriżulta tkun differenti mil-listi ta' rifuġji fiskali maħluqa b'mod trasparenti minn partijiet terzi; ifakkar fil-lista inizjali li tiġbor il-listi tal-Istati Membri, kif imsemmija mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" u li kien fiha 30 ġurisdizzjoni elenkati minn 10 Stati Membri jew aktar;

6.  Jilqa' l-passi li diġà ttieħdu fir-rigward tat-trasparenza, bħall-pubblikazzjoni ta' rapporti biannwali dwar il-progress u r-rilaxx ta' ċerti ittri mibgħuta lill-ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi; jitlob li l-ittri mibgħuta mill-Kunsill lil ġurisdizzjonijiet terzi li għadhom mhumiex konformi mal-kriterji tal-elenkar tal-UE jinkludu talba li tiġi ppubblikata l-korrispondenza kollha mal-UE u li kwalunkwe tweġiba fin-negattiv titqies bħala nuqqas ta' kooperazzjoni mill-ġurisdizzjoni kkonċernata; jesprimi dispjaċir li dawn id-dokumenti jkunu aċċessibbli biss wara l-finalizzazzjoni tal-proċess ta' valutazzjoni; jitlob li l-ittri u l-impenji kollha magħmula minn ġurisdizzjonijiet terzi jsiru pubblikament disponibbli malli jaslu; jitlob li l-informazzjoni pubblika ssir disponibbli fuq pjattaforma li tkun faċli għall-utent biex jużaha;

7.  Jitlob li jkun hemm skambju regolari bejn il-President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u l-Parlament, inkluża mill-inqas dehra formali waħda f'seduta pubblika kull sena;

8.  Jissottolinja li r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għandu jiġi formalizzat, inkluż fir-rigward tal-governanza u l-kriterji tal-proċess tal-elenkar, bħal permezz ta' proċess ta' għoti ta' opinjoni;

9.  Jinnota li l-proċess tal-elenkar tal-UE jikkonċerna biss lil pajjiżi terzi; jinnota li l-influwenza tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-prattiki tat-taxxa dannużi madwar id-dinja tiddependi mill-eżempju tagħha fit-territorju tagħha stess; jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza bejn il-kriterji tal-elenkar u l-kriterji għall-prattiki tat-taxxa dannużi fi ħdan l-UE; ifakkar fid-dikjarazzjoni li saret mill-President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta matul is-seduta tal-Kumitat TAX3 tal-10 ta' Ottubru 2018 dwar il-possibbiltà tal-iskrinjar tal-Istati Membri kontra l-istess kriterji stabbiliti għal-lista tal-UE fil-kuntest tar-reviżjoni tal-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; jinnota li Stat Membru wieħed irċieva klassifikazzjoni ta' konformità parzjali dwar il-konformità tiegħu mal-istandard internazzjonali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa (il-Forum Globali)(22) u josserva li pajjiżi terzi jiġu elenkati mill-Kunsill f'każ ta' klassifikazzjoni bħal din(23); jissottolinja f'dan ir-rigward li xi Stati Membri regolarment irċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa(24); jenfasizza li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li xi wħud mill-Istati Membri msemmija hawn fuq ħadu miżuri biex itejbu s-sistemi fiskali tagħhom sabiex jindirizzaw il-kritika tal-Kummissjoni, iżda jinnota li l-Kummissjoni għadha tindika li r-regoli fiskali bħalissa qed jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa f'dawk l-Istati Membri; itenni l-istedina tiegħu, li saret fir-riżoluzzjoni TAX3, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa lill-Istati Membri kkonċernati sakemm jiġu implimentati riformi sostanzjali tat-taxxa u biex jipproponu azzjonijiet fejn u meta jkun hemm il-ħtieġa, iżda biex, sadanittant, iqisu mill-inqas lil dawk l-Istati Membri bħala rifuġji fiskali tal-UE; jistenna bil-ħerqa lil dawn il-gvernijiet jindirizzaw it-tħassib u jnaqqsu l-evitar tat-taxxa fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom kollha; jimpenja ruħu li jevalwa regolarment kwalunkwe inizjattiva meħuda mill-gvernijiet biex isegwu tali rakkomandazzjonijiet u li jipproponu azzjonijiet fejn u meta jkun hemm il-ħtieġa;

10.  Ifakkar li l-proċedura stipulata fl-Artikolu 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandha tiġi applikata meta prattiki tat-taxxa dannużi jwasslu għal distorsjoni tas-suq fl-Unjoni;

11.  Jistieden lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta biex iżid l-inklużività u l-aċċettazzjoni esterna tal-proċess billi jikkonsulta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jissuġġerixxi li jitwaqqaf grupp ta' ħidma jew korp konsultattiv ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, b'mod partikolari pajjiżi li qed jiżviluppaw, membri tas-soċjetà ċivili u esperti, sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu dwar id-deċiżjonijiet meħuda;

L-aġġornament tal-kriterji tal-elenkar tal-UE sabiex jiġu adattati għall-isfidi attwali u futuri

12.  Itenni l-importanza tal-kriterju tat-trasparenza tal-lista; jitlob li jkun hemm ċarezza dwar il-kriterju tat-trasparenza li jmiss fir-rigward tas-sidien benefiċjarji, f'konformità mal-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus; jinnota li m'hemmx kundizzjonijiet indaqs bejn il-pajjiżi li josservaw l-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-OECD u l-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) tal-Istati Uniti; iqis, għalhekk, li n-nuqqas ta' reċiproċità tal-FATCA tal-Istati Uniti għandu jiġi eżaminat skont il-kriterju tat-trasparenza;

13.  Iqis li l-kriterju tat-tassazzjoni ġusta ma għandux ikun limitat għan-natura preferenzjali tal-miżuri tat-taxxa, iżda għandu jqis eżenzjonijiet wiesgħa tat-taxxa u d-diskrepanzi fl-ipprezzar ta' trasferiment; ifakkar li l-proċess attwali tal-elenkar għall-pajjiżi terzi ma jinkludix kriterju indipendenti fuq rati tat-taxxa ta' 0 % jew baxxi ħafna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jinkludu fil-valutazzjoni miżuri tat-taxxa li jwasslu għal livelli baxxi ta' tassazzjoni f'konformità man-negozjati li għaddejjin dwar il-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni minima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproponu livell minimu ta' tassazzjoni effettiv li jkun jikkostitwixxi kriterju indipendenti għal-lista tal-UE; jirrakkomanda li kwalunkwe rata minima effettiva għandha tiġi stabbilita f'livell ġust u suffiċjenti, u għandha tqis ukoll ir-rata tat-taxxa korporattiva statutorja medja tal-UE(25) biex jiġi skoraġġut it-trasferiment tal-profitt u għall-prevenzjoni tal-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-benefiċċji tal-adozzjoni ta' inizjattiva simili għall-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv għall-kriterji tal-elenkar tal-UE, f'każ li ma jkunx hemm kunsens politiku fil-livell tal-OECD dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri sal-aħħar tal-2021;

15.  Jinnota li wħud mill-aktar ġurisdizzjonijiet terzi li jagħmlu ħsara, inklużi l-Gżejjer Cayman u l-Bermuda, tneħħew mil-lista malli introduċew kriterji ta' sustanza minima ħafna u miżuri ta' infurzar dgħajfa; jenfasizza li tali deċiżjonijiet jistgħu jqajmu mistoqsijiet dwar l-awtentiċità ta' attivitajiet speċifiċi u l-imparzjalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jdgħajfu l-fiduċja tal-pubbliku; jitlob it-tisħiħ tal-kriterji tal-iskrinjar, inklużi r-rekwiżiti ta' sustanza bbażati fuq approċċ formulajku, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-proporzjonalità u l-monitoraġġ tagħhom, biex tiżdied l-effettività tal-lista u l-kapaċità tagħha li tilqa' sfidi ġodda maħluqa mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija; jistieden lill-Kunsill biex jinkludi l-elenkar awtomatiku ta' ġurisdizzjonijiet terzi b'rata ta' taxxa korporattiva ta' 0 % jew mingħajr taxxi fuq il-profitti tal-kumpaniji bħala kriterju indipendenti; jinnota bi tħassib li pajjiżi terzi jistgħu jirrevokaw reġimi tat-taxxa li mhumiex konformi iżda jibdluhom b'oħrajn ġodda li huma potenzjalment ta' ħsara għall-UE; ifakkar fl-importanza ta' informazzjoni pubblika dwar ir-rappurtar pajjiż b'pajjiż sabiex jiġu mmonitorjati r-rekwiżiti ta' sustanza;

16.  Jisħaq fuq l-importanza tal-istandards minimi tal-BEPS fl-iskrinjar ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Azzjonijiet 5, 6, 13 u 14; jisħaq fuq l-importanza li jiġu identifikati standards oħra tal-BEPS li għandhom jiġu inklużi bħala kriterji għall-elenkar;

17.  Jappoġġja t-twessigħ tal-ambitu ġeografiku tal-lista tal-UE, filwaqt li titqies il-pożizzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati; jissottolinja li l-fatt li xi pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu ma jkollhomx ir-riżorsi biex jimplimentaw malajr standards tat-taxxa miftiehma reċentement għandu jiġi kkunsidrat sistematikament f'valutazzjonijiet futuri; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, biex ma jikkunsidrax tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp li jkollu impatt dirett fuq il-benefiċjarji aħħarija tal-għajnuna bħala kontromiżura; jinnota, madankollu, li l-pajjiżi b'ċentri finanzjarji ta' daqs sinifikanti ma għandhomx igawdu livelli simili ta' tolleranza;

18.  Jinnota li hemm diverġenza sinifikanti bejn il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u l-ekwivalenti nazzjonali tagħha; jinnota l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tallinja aħjar il-listi nazzjonali mal-lista tal-UE; jitlob li jkun hemm aktar konverġenza u armonizzazzjoni tal-kriterji biex jiġu żgurati standards ogħla u koerenza;

19.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tqis, waqt l-iskrinjar tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa, il-metodoloġija żviluppata għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli għall-iskop tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, biex tiżgura li ż-żewġ proċessi ta' elenkar isaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

20.  Jinnota l-isforzi biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet indaqs wara t-tluq tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea; jitlob li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-ġurisdizzjonijiet imsemmija, inkluża l-valutazzjoni kontinwa tat-territorji barranin u d-dipendenzi tal-Kuruna tar-Renju Unit, skont l-istandards stabbiliti mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; jenfasizza li r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tkun ibbażata fuq valuri reċiproċi u mmirata lejn prosperità komuni, li awtomatikament teskludi l-kompetizzjoni tat-taxxa aggressiva; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri potenzjali ta' riekwilibriju fil-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, f'każ ta' diverġenza futura tar-Renju Unit dwar kwistjonijiet relatati mal-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

21.  Jitlob li ssir valutazzjoni ugwali u imparzjali tas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE; jitlob, b'mod partikulari, li ssir valutazzjoni ċara tal-Istati Uniti fir-rigward tal-kriterji ta' trasparenza;

Il-koordinazzjoni tal-miżuri ta' difiża

22.  Jirrikonoxxi l-impatt fuq ir-reputazzjoni tal-inklużjoni fil-lista bħala inċentiv għall-parteċipazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet fil-proċess tal-iskrinjar; jissottolinja li dan mhuwiex biżżejjed biex effettivament jingħelbu l-effetti negattivi li għandhom ġurisdizzjonijiet bħal dawn fuq l-Istati Membri u s-suq intern, peress li l-impatt reputazzjonali fuq ċerti ġurisdizzjonijiet tal-inklużjoni tagħhom fil-lista huwa mminat min-nuqqasijiet tal-proċess ta' elenkar deskritt hawn fuq, b'mod partikolari n-nuqqas ta' trasparenza, kriterji mhux vinkolanti u l-ambitu ġeografiku limitat;

23.  Jilqa' r-rabta bejn l-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-użu tal-fondi tal-UE stabbilita fir-Regolament Finanzjarju(26), ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli(27), ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(28) u d-Deċiżjoni dwar il-Mandat ta' Self Estern(29), u jirrikonoxxi dawn l-istandards bħala prekundizzjoni għall-appoġġ ipprovdut mill-UE; iwissi, madankollu, kontra kwalunkwe effett detrimentali, kemm attwali kif ukoll potenzjali, fuq iċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati kundizzjonijiet ekwivalenti li għandhom jiġu applikati għall-korporazzjonijiet u l-abilitaturi u l-faċilitaturi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa fi proċeduri tal-akkwist pubbliku;

24.  Jitlob li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-programmi ta' appoġġ nazzjonali tal-Istati Membri jiżguraw li n-negozji b'rabtiet ekonomiċi ma' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, bħal dawk residenti għal skopijiet ta' taxxa f'ġurisdizzjonijiet bħal dawn, ma jkunux eliġibbli għall-appoġġ; jenfasizza l-importanza ta' dan fil-kuntest tas-solidarjetà intra-Ewropea u l-bini tal-fiduċja bejn l-Istati Membri; ifakkar li t-trasparenza permezz tar-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż għas-setturi kollha hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ; jistieden lill-Kunsill biex b'mod urġenti jikkonkludi d-diskussjonijiet u jadotta l-approċċ ġenerali tiegħu dwar il-proposta leġiżlattiva;

25.  Jappoġġja u jitlob li jissaħħu r-rekwiżiti addizzjonali tal-awditjar u tad-diliġenza dovuta għall-kumpaniji u l-investituri stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; iqis il-miżuri ta' difiża bħala kritiċi sabiex il-lista jkollha impatt;

26.  Jinnota li kontromiżuri stretti jnaqqsu l-inċentivi għall-evitar tat-taxxa; jenfasizza li s-sett ta' għodod tal-UE ta' miżuri ta' difiża huwa mminat mill-applikazzjoni diskrezzjonali mill-Istati Membri individwali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkunsidra li tressaq proposta leġiżlattiva għal miżuri ta' difiża kkoordinati kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, li tqis in-negozjati dwar il-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv jew dwar rata ta' taxxa minima effettiva fil-livell tal-UE, li tista' tinkludi dan li ġej:

   (a) Il-fatt li l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jitnaqqsu;
   (b) Regoli msaħħa dwar il-Kumpaniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż;
   (c) Miżuri ta' taxxa minn ras il-għajn;
   (d) Limitazzjoni tal-eżenzjoni mill-parteċipazzjoni;
   (e) Regola ta' bdil;
   (f) Konsegwenzi għall-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat;
   (g) Rekwiżiti ta' dokumentazzjoni speċjali;
   (h) Sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ta' trattati kontra t-taxxa doppja;

jinnota li kwalunkwe miżura tat-taxxa applikata lill-kumpaniji għandha tkun kondizzjonali fuq ir-rabta tar-regoli indikati meta jiġu ssodisfati kriterji dannużi speċifiċi mit-tranżazzjoni jew mill-kontribwent ikkonċernat; iqis li dawn il-miżuri għandhom ikunu applikabbli bl-istess mod fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u pajjiż terz u fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri;

27.  Jinnota l-"lista griża" għal ġurisdizzjonijiet li mhumiex konformi iżda li huma impenjati li jinbidlu; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċifiċi bħal aktar awditi jew politiki mtejba ta' "kun af lill-klijent tiegħek" għat-tranżazzjonijiet u d-diliġenza dovuta għal dawk il-ġurisdizzjonijiet;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex telenka liema ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi jew reġjuni terzi naqsu milli jinkludu "klawżola ta' governanza tajba" kif meħtieġ mill-paragrafu 3.1 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva u kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2018, li adottaw id-dispożizzjonijiet standard miftiehma għal ftehimiet ma' pajjiżi terzi(30); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jispjegaw in-nuqqas ta' tali klawżola;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) L-Anness I tal-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-1 ta' Diċembru 1997 dwar il-politika tat-tassazzjoni – Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, laqgħa fi ħdan il-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 1997 rigward il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi (ĠU C 2, 6.1.1998, p. 1).
(2) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/08/ecofin-conclusions-code-conduct-business-taxation/
(3) ĠU C 331, 7.10.2020, p. 3.
(4) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(5) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.
(6) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(7) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.
(8) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(9) Is-segwitu konġunt għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (ECON) b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tat-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza tal-politiki tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (TAXE) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Marzu 2016; is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (TAX2) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Novembru 2016; is-segwitu għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew (PANA) tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, adottat mill-Kummissjoni f'April 2018; u s-segwitu tas-27 ta' Awwissu 2019 għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (TAX3) dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa.
(10) Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' April 2016 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198).
(11) Testi adottati, P8_TA(2019)0309.
(12) Il-Kummissjoni Ewropea, "The Impact of Tax Planning on Forward-Looking Effective Tax Rates", Dokument ta' Xogħol dwar it-Tassazzjoni Nru 64, 25 ta' Ottubru 2016.
(13) Il-Kummissjoni Ewropea, "Aggressive tax planning indicators – Final Report", Dokument ta' Xogħol dwar it-Tassazzjoni Nru 71, 7 ta' Marzu 2018.
(14) Kiendl Krišto I. u Thirion E., "An overview of shell companies in the European Union", Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, Ottubru 2018.
(15) ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1
(16) Cobham u Janský (2018); https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/jid.3348
(17) https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/51abaf14-6b6e-11e7-b2f2-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF
(18) https://www.imf.org/external/pubs/ft/fandd/2019/09/the-rise-of-phantom-FDI-in-tax-havens-damgaard.htm
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(20) Tørsløv, Wier u Zucman (2020); http://gabriel-zucman.eu/files/TWZ2020.pdf
(21) https://www.taxjustice.net/reports/the-state-of-tax-justice-2020/
(22) https://www.oecd.org/tax/exchange-of-tax-information/global-forum-reveals-compliance-ratings-from-new-peer-review-assessments-for-anguilla-chile-china-gibraltar-greece-korea-malta-papua-new-guinea-and-uruguay.htm
(23) ĠU C 331, 7.10.2020, p. 3.
(24) https://ec.europa.eu/info/publications/2020-european-semester-country-specific-recommendations-commission-recommendations_mt
(25) Tax policies in the European Union: 2020 Survey, DG Taxation and Customs Union, il-Kummissjoni Ewropea, p. 100.
(26) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(27) Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).
(28) Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
(29) Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).
(30) https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2018/05/25/tax-fraud-standard-provision-agreed-for-agreements-with-third-countries/

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza