Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2505(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0068/2021

Dibattiti :

PV 21/01/2021 - 7.1
CRE 21/01/2021 - 7.1

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2021 - 9
PV 21/01/2021 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2021)0027

Testi adottati
PDF 149kWORD 51k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2021 - Brussell
Ir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika f'Hong Kong
P9_TA(2021)0027RC-B9-0068/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika f'Hong Kong (2021/2505(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 rigward il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong(1) u tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong(2), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(3) u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(4), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020(5), b'mod partikolari fir-rigward tal-importanza li tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea effettiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tat-12 ta' Settembru 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(6) u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina(8),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tas-7 ta' Jannar 2021 dwar l-arrest tal-massa tal-persuni involuti fl-elezzjonijiet primarji favur id-demokrazija f'Hong Kong f'Lulju 2020, id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tad-29 ta' Diċembru 2020 dwar il-proċess tal-10 persuni minn Hong Kong, id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tat-12 ta' Novembru 2020 dwar l-iskwalifika ta' Membri tal-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong, id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tat-2 ta' Novembru 2020 dwar l-arrest ta' diversi persuni li jfasslu jew kienu jfasslu l-liġijiet u li huma favur id-demokrazija f'Hong Kong, id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-24 ta' Settembru 2020 dwar l-arrest ta' Joshua Wong u attivisti oħra favur id-demokrazija, id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-10 ta' Awwissu 2020 dwar arresti u raids reċenti fl-ambitu tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong, id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tat-3 ta' Awwissu 2020 dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Hong Kong, u d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tal-1 ta' Lulju 2020 dwar l-adozzjoni mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina ta' Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali dwar Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tas-6 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż fit-30 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar Hong Kong,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR), adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat Annwali li sar f'Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Jannar 2021, il-pulizija ta' Hong Kong arrestat 53 attivist u rappreżentant tal-oppożizzjoni demokratika fuq akkużi ta' sovverżjoni taħt il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali għal Hong Kong; billi l-persuni detenuti kien hemm l-organizzaturi u l-kandidati tal-primarji demokratiċi f'Lulju li għadda qabel l-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, ex-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv, kunsillieri distrettwali, u avukat Amerikan involut fil-moviment favur id-demokrazija; billi fuq l-istruzzjonijiet tal-Pulizija ta' Hong Kong, il-banek iffriżaw HKD 1.6 miljun relatati ma' dawn it-53 persuna; billi sadanittant, 50 persuna minnhom inħelsu fuq pleġġ sakemm tkompli ssir l-investigazzjoni;

B.  billi dan kien l-aktar arrest reċenti f'sensiela twila ta' arresti ta' attivisti u rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika u azzjonijiet oħra mwettqa bl-għan li jdgħajfu l-istituzzjonijiet demokratiċi f'Hong Kong sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali fl-1 ta' Lulju 2020; billi 93 rappreżentant tal-oppożizzjoni ġew arrestati taħt din il-liġi minn meta ġiet introdotta; billi fl-1 ta' Settembru 2020, l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU affermaw li l-liġi "timplika kemm tħassib serju fir-rigward tal-legalità kif ukoll limitazzjonijiet indebiti fuq il-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika";

C.  billi l-Ministru tas-Sigurtà ta' Hong Kong iddikjara li l-persuni arrestati kienu ssusspettati li ppruvaw jipparalizzaw lill-gvern permezz tal-pjanijiet tagħhom li jużaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom u jiksbu maġġoranza tas-siġġijiet fil-leġiżlatura;

D.  billi bosta personalitajiet favur id-demokrazija ġew soġġetti għal skwalifika politikament motivata minn karigi eletti, abbażi ta' riżoluzzjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu tal-10 ta' Novembru 2020 biex il-patrijottiżmu jsir rekwiżit legali għal dawk li jfasslu l-liġijiet, li wasslet għar-riżenja ta' kważi kull membru tal-oppożizzjoni mill-Kunsill Leġiżlattiv; billi l-ġudikatura ta' Hong Kong, li fil-passat kienet indipendenti, qed tiġi attakkata dejjem aktar mill-Partit Komunista Ċiniż u mill-istampa kkontrollata mill-istat;

E.  billi fil-15 ta' Jannar 2021, in-Network tal-Broadband ta' Hong Kong ibblokkat sit web favur id-demokrazija fuq talba tal-awtoritajiet ta' Hong Kong fl-ambitu tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali; billi din l-ewwel avveniment ta' ċensura tal-internet taħt il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tqajjem tħassib li l-awtoritajiet ta' Hong Kong qed jippjanaw li jużaw din il-leġiżlazzjoni biex ikomplu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni online; billi dan ikollu konsegwenzi ta' ħsara kemm għal-libertajiet ċivili kif ukoll għad-demokrazija;

F.  billi l-Gvern ta' Hong Kong ħa d-deċiżjoni li jipposponi b'sena l-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv, li oriġinarjament kienu skedati għas-6 ta' Settembru 2020, u dan b'mod ċar huwa sforz biex ixekkel lill-oppożizzjoni, li għall-ewwel darba kellha ċans reali li tirbaħ maġġoranza; billi immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali, il-mexxejja ta' Hong Kong Carrie Lam iddikjarat li l-primarji kienu illegali u jaf jiksru l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali;

G.  billi, fit-23 ta' Awwissu 2020, l-awtoritajiet Ċiniżi qabdu 12-il attivist minn Hong Kong li allegatament kienu qed jippruvaw jaħarbu minn Hong Kong fuq dgħajsa; billi 10 mit-12-il attivist ngħataw sentenzi ta' priġunerija ta' bejn 7 xhur u 3 snin fuq akkużi ta' qsim illegali tal-fruntiera fi proċess li ma rrispettax id-dritt tal-akkużati għal proċess ġust; billi wieħed minn dawn l-attivisti, Kok Tsz-Lun, hu student ta' 19-il sena b'ċittadinanza doppja Ċiniża u Portugiża, u għaldaqstant huwa ċittadin tal-UE; billi l-akkużati ġew detenuti, miżmuma f'iżolament u mressqa quddiem il-qrati f'Shenzhen; billi ġew miċħuda wkoll il-possibiltà li jagħżlu lil min jiddefendihom;

H.  billi ġew detenuti u l-proċess tagħhom li sar f'Shenzhen kiser il-prinċipji ta' proċess ġust; billi fil-15 ta' Jannar 2021, l-avukat Ċiniż tad-drittijiet tal-bniedem Lu Siwei tteħditlu l-liċenzja tiegħu ta' avukat mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Provinċjali tas-Sichuan talli rrappreżenta lil wieħed mit-12-il attivist; billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Ren Quanniu iffċċa seduta ta' smigħ fid-Dipartiment Ġudizzjarju Provinċjali ta' Henan fid-19 ta' Jannar 2021 talli kkontesta d-deċiżjoni tad-Dipartiment Ġudizzjarju li jibda l-proċess ta' revoka tal-liċenzja tiegħu minħabba l-istess kwistjoni; billi ż-żewġ avukati qed jissugraw li jitilfu l-liċenzja tagħhom wara li ppruvaw jirrappreżentaw lil attivisti minn Hong Kong li ġew interċettati mill-awtoritajiet Ċiniżi waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu b'dgħajsa lejn it-Tajwan; billi 10 membri ta' rappreżentanzi diplomatiċi, inklużi wħud li jirrappreżentaw Stati Membri tal-UE, ġew miżmuma milli jattendu s-smigħ ta' Lu Siwei f'Chengdu fit-13 ta' Jannar 2021;

I.  billi fl-10 ta' Awwissu 2020, Jimmy Lay, il-persunaġġ tal-media u fundatur tal-ġurnal favur id-demokrazija Apple Daily, ġie arrestat fuq akkużi li kiser il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali;

J.  billi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali qed tikser b'mod ċar id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tal-1990 tal-HKSAR, li tiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza tal-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi bħal-libertà tal-kelma, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali barra minn hekk tipprevjeni lil Hong Kong milli jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-implimentazzjoni tiegħu min-naħa ta' Hong Kong se tiġi rieżaminata fil-futur qarib;

K.  billi r-rapport annwali ta' Human Rights Watch jiddikjara li ċ-Ċina tinsab f'nofs l-aktar perjodu skur tagħha għad-drittijiet tal-bniedem sa mill-massakru tal-Pjazza Tiananmen;

L.  billi l-Unjoni Ewropea għad għandha tħassib serju rigward il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Hong Kong; billi din hija kwistjoni sensittiva, b'konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u l-poplu tiegħu, għaċ-ċittadini tal-UE u dawk barranin, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u dawk internazzjonali, u għall-fiduċja kummerċjali f'Hong Kong; billi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali żżid is-sogri li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tal-UE f'Hong Kong;

M.  billi l-UE dejjem appoġġat bis-sħiħ il-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u l-preservazzjoni tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, f'konformità mal-Liġi Bażika u l-impenji internazzjonali; billi fiċ-ċirkostanzi attwali teżisti probabbiltà li dawn il-prinċipji jiddgħajfu b'mod irriversibbli;

N.  billi f'Diċembru 2020 l-UE u ċ-Ċina qablu fil-prinċipju fuq il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina (CAI);

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni arrestati f'Hong Kong fl-ewwel ġimagħtejn tal-2021, u ta' dawk kollha li ġew arrestati preċedentement fuq akkużi skont il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrispettaw l-istat tad-dritt ta' Hong Kong, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-livell għoli ta' awtonomija fl-ambitu tal-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi", kif minqux fil-Liġi Bażika ta' Hong Kong u f'konformità mal-obbligi domestiċi u internazzjonali;

2.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-attivisti minn Hong Kong detenuti fit-23 ta' Awwissu 2020 waqt li allegatament kienu qed jippruvaw jaħarbu fuq dgħajsa, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fiċ-Ċina, ikompli jipprovdi l-assistenza dovuta lil Kok Tsz-Lun, li għandu ċittadinanza doppja Ċiniża u Portugiża u għaldaqstant huwa ċittadin tal-UE, li kien ukoll wieħed mill-10 persuni kkundannati f'Shenzhen; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex b'mod immedjat jerġgħu jistabbilixxu l-liċenzji tad-difensuri tagħhom, l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem Lu Siwei u Ren Quanniu;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi ta' Hong Kong li ġew arrestati f'dawn l-aħħar snin, fosthom Joshua Wong, Ivan Lam, u Agnes Chow, u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jitlob investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jieqfu minnufih minn kwalunkwe użu ulterjuri tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali biex irażżnu d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata, bħala pass ulterjuri, l-iskwalifika tal-kunsilliera tad-distrett, u li tiġi evitata wkoll kwalunkwe bidla fil-liġi elettorali li tkompli tillimita l-ispazju tal-kamp prodemokratiku, peress li dan imur kontra l-garanziji legali tal-Liġi Bażika ta' Hong Kong u kontra l-istandards u l-obbligi internazzjonali;

5.  Jitlob l-irtirar komplut tal-liġi bit-titolu "Deċiżjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu dwar r l-Istabbiliment u l-Ikkompletar tas-Sistema Legali tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tal-Mekkaniżmi ta' Implimentazzjoni għaż-Żamma tas-Sigurtà Nazzjonali", li hija ta' ħsara għall-istatus internazzjonali ta' Hong Kong peress li tnaqqar l-awtonomija u d-demokrazija tiegħu, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu; jissottolinja li l-poplu ta' Hong Kong għandu jgawdi l-libertajiet u l-livell għoli ta' awtonomija garantiti kemm skont il-Liġi Bażika kif ukoll skont l-ICCPR li Hong Kong huwa parti għalih;

6.  Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali hija ksur tal-impenji u l-obbligi skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, ma tippermettix li tiġi stabbilita relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, u timmina l-kooperazzjoni futura;

7.  Jesprimi tħassib dwar in-numru li qed jiżdied ta' attakki kontra l-ġudikatura ta' Hong Kong min-naħa tal-Partit Komunista Ċiniż u tal-istampa Ċiniża kkontrollata mill-istat bil-għan li jinxteħet dubju fuq l-indipendenza tal-ġudikatura; jinsab imħasseb peress li l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tista' tiġi invokata wkoll, bħala pass ulterjuri, biex tiġi mminata l-indipendenza tal-ġudikatura ta' Hong Kong, minħabba li l-Kap Eżekuttiv qed jingħata s-setgħa li jaħtar l-imħallfin biex jipproċedu kontra każijiet ta' sigurtà nazzjonali, u minħabba li dawk akkużati jkunu jistgħu jiġu estraditi lejn iċ-Ċina kontinentali u pproċessati fi qrati Ċiniżi;

8.  Jilqa' bil-qawwa d-deċiżjoni mill-Gvern tar-Renju Unit li joħloq triq għaċ-ċittadinanza għal aktar minn miljun resident ta' Hong Kong b'passaport BNO (British National Overseas); jikkundanna t-theddid miċ-Ċina li tirtira r-rikonoxximent tagħha ta' dawn il-passaporti bħala dokument tal-ivvjaġġar validu u jinsab imħasseb dwar l-aħħar informazzjoni li skontha ċ-Ċina qiegħda allegatament tikkunsidra li teskludi lid-detenturi ta' passaporti BNO mis-servizz pubbliku ta' Hong Kong jew saħansitra li ċċaħħadhom mid-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet ta' Hong Kong; jistieden lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jtejbu l-koordinazzjoni sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni b'suċċess u effettiva tal-pakkett ta' miżuri għal Hong Kong adottat f'Lulju 2020; jistieden lis-SEAE jipprovdi valutazzjoni aktar trasparenti ta' dawn il-miżuri, inkluża l-urġenza li titwaqqaf skema tas-salvataġġ għaċ-ċittadini ta' Hong Kong f'każ ta' deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

9.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tal-persunal diplomatiku tal-UE u dak tal-Ewropa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ lill-attivisti paċifiċi f'Hong Kong, inkluż billi jattendu l-proċessi, jitolbu żjarat fil-ħabs u jżommu l-kuntatt b'mod konsistenti u riżolut mal-awtoritajiet lokali, filwaqt li japplikaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u politiki rilevanti oħra tal-UE, inkluż il-Pjan ta 'Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

10.  Jinsab imħasseb ħafna mir-rapporti li l-awtoritajiet ta' Hong Kong qed jikkunsidraw li jħarrku lid-deputati parlamentari Daniżi Uffe Elbæk u Katarina Ammitzbøll talli għenu lill-attivist ta' Hong Kong Ted Hui jmur f'eżilju fir-Renju Unit; jemmen li l-akkużi proposti kontra d-deputati parlamentari Daniżi huma illeġittimi u foloz, u jesprimi tħassib serju dwar id-determinazzjoni tal-Partit Komunista Ċiniż li jrażżan l-ilħna ta' dissens ta' Hong Kong madwar id-dinja demokratika permezz ta' applikazzjoni extraterritorjali tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali; iħeġġeġ liċ-Ċina teħles liċ-ċittadini tal-UE detenuti inġustament, bħaċ-ċittadin Irlandiż Richard O'Halloran; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-riskju dwar kif il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali ta' Hong Kong tista' taffettwa liċ-ċittadini Ewropej;

11.  Għadu partikolarment irrabjat bid-detenzjoni li għadha għaddejja tal-pubblikatur Svediż Gui Minhai, u jħeġġeġ intervent robust u kostanti mill-UE u l-Istati Membri fl-ogħla livell biex jiġi żgurat ir-rilaxx tiegħu; jitlob il-ħelsien ta' Kok Tsz-Lun li għandu ċittadinanza doppja – dik ta' Hong Kong u dik Portugiża – u jħeġġeġ sabiex jingħata aċċess għall-persunal konsulari Portugiż u għall-avukat tal-għażla tiegħu;

12.  Jilqa' d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri tal-UE u sħab internazzjonali oħra li jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni ma' Hong Kong; jenfasizza l-importanza li jkomplu jiġu osservati l-proċessi u li jkomplu jiġu vvalutati u ppreparati r-reazzjonijiet għall-implikazzjonijiet possibbli tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali barra Hong Kong; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni tagħhom mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, biex jipprevjenu l-estradizzjoni ta', pereżempju, Ujguri, ċittadini ta' Hong Kong, Tibetani jew dissidenti Ċiniżi fl-Ewropa biex jibdew proċess ġudizzjarju politiku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

13.  Jikkundanna r-rwol tal-banek ibbażati fl-Ewropa li assistew lill-awtoritajiet Ċiniżi jużaw l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali billi ffriżaw l-assi u l-kontijiet bankarji li jappartjenu lil ex deputati parlamentari prodemokratiċi u mexxejja reliġjużi;

14.  Ifakkar li Hong Kong għandha aċċess miftuħ għall-internet, iżda jinsab imħasseb li l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tagħti lill-pulizija s-setgħa li jordnaw lill-fornituri tal-internet jimblukkaw is-siti web; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet reċenti mill-fornitur tas-servizz tal-internet Hong Kong Broadband Network li kien biħsiebu jirrifjuta kwalunkwe sit li jista' jinċita "atti illegali" abbażi tal-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali, u, konsegwentement, dwar ir-riskju tanġibbli li Hong Kong jista' jiġi integrat fil-firewall Ċiniż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jirtiraw minnufih l-ordnijiet kollha ta' tneħħija li diġà nħarġu u jirrestawraw l-aċċessibilità sħiħa tal-internet;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jintensifika d-diskussjonijiet tiegħu dwar il-pakkett ta' miżuri dwar Hong Kong u l-valutazzjoni tiegħu, u jikkunsidra minnufih l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi f'Hong Kong u ċ-Ċina, fosthom Carrie Lam, Teresa Yeuk-wah Cheng, Xia Baolong, Xiaoming Zhang, Luo Huining, Zheng Yanxiong, Ping-kien Tang, Wai-Chung Lo u Ka-chiu Lee, fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, b'kont meħud, matul l-2021, tal-imperattiv tar-restawr tad-drittijiet ċivili u politiċi, u l-konformità mal-kundizzjoni li r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika jinħelsu u jitħallew jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li ġejjin, f'konformità sħiħa mal-Liġi Bażika ta' HKSAR;

16.  Jiddispjaċih għall-fatt li d-deċiżjoni dwar konklużjoni politika tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina ma rriflettietx it-talbiet magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar Hong Kong biex in-negozjati dwar l-investiment jintużaw bħala għodda ta' ingranaġġ għaż-żamma tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tiegħu; jiddispjaċih għall-fatt li, bl-għaġla biex jintlaħaq dan il-ftehim bla ma tittieħed azzjoni konkreta kontra l-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju f'Hong Kong, fil-provinċja ta' Xinjiang u fit-Tibet, l-UE tirriskja li tikkomprometti l-kredibbiltà tagħha bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-Parlament se jeżamina bir-reqqa l-ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tax-xogħol u jfakkar lill-Kummissjoni li se jqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong, meta jintalab japprova l-ftehim ta' investiment jew il-ftehimiet kummerċjali futuri mar-RPĊ;

17.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha jaġixxu b'mod unit u determinat lejn l-istabbiliment ta' korp ta' monitoraġġ indipendenti tan-NU dwar iċ-Ċina, billi jespandu b'mod proattiv il-koalizzjonijiet ta' pajjiżi tal-istess fehma billi jorganizzaw laqgħa dwar il-formula “Arria” dwar iċ-Ċina fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, billi jħeġġu lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iniedi investigazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-abbużi, u billi jħeġġu lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jaħtar Mibgħut Speċjali dwar iċ-Ċina; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iqajmu pubblikament tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet taċ-Ċina, pereżempju billi jieħdu l-inizjattiva li jitolbu Sessjoni Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż Hong Kong, matul iċ-ċiklu tal-Kunsill tal-2021, u jenfasizza li s-sħubija taċ-Ċina fil-Kunsill tirrikjedi li din tinżamm fi standard ogħla ta' sigurtà tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tinsisti biex is-Segretarju Ġenerali tan-NU jew il-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jaħtru Mibgħut Speċjali tan-NU jew Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong, biex tingħaqad mal-inizjattiva tal-Presidenti tal-Kumitati Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, tal-Kanada, tal-Awstralja u ta' New Zealand; Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong;

19.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-wegħdiet tagħha lill-poplu ta' Hong Kong u tieħu azzjoni urġenti u bla preċedent biex iżżomm liċ-Ċina responsabbli għal dan il-ksur tad-dritt internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jressqu każ quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fuq il-bażi li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali fuq Hong Kong u l-applikazzjoni sussegwenti tagħha tikser id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

20.  Jilqa' d-Djalogu bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina li għadu kif ġie stabbilit, u li tnieda fit-23 ta' Ottubru 2020; jitlob koordinazzjoni msaħħa mas-sħab internazzjonali, inkluża l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li jmiss, fir-rigward tal-aspetti kollha tar-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u Hong Kong; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni f'Hong Kong, ikunu prominenti fuq l-aġenda tad-Djalogu li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti;

21.  Josserva li l-politika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li tabbanduna l-approċċ ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan, u jenfasizza r-rieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex tiġi żgurata d-demokrazija fit-Tajwan;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0174.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0004.
(3) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 78.
(4) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 46.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0375.
(6) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(7) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(8) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 156.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza