Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2031(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0022/2021

Testi mressqa :

A9-0022/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2021 - 3

Testi adottati :

P9_TA(2021)0061

Testi adottati
PDF 147kWORD 45k
It-Tlieta, 9 ta' Marzu 2021 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Clara Ponsatí Obiols
P9_TA(2021)0061A9-0022/2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Clara Ponsatí Obiols (2020/2031(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità, imressqa fl-10 ta' Frar 2020 u trażmessa mill-President tat-Tribunal Supremo Spanjol, (il-Qorti Suprema) u fformulata mill-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol b'rabta mal-proċedimenti speċjali Nru 3/20907/2017 fl-4 ta' Frar 2020; wara li kkunsidra t-tħabbira tat-talba msemmija għat-tneħħija tal-immunità fis-seduta plenarja fit-13 ta' Frar 2020,

–  wara li sema' lil Clara Ponsatí Obiols, f'konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Junta Electoral Central ta' Spanja (Bord Elettorali Ċentrali ) tat-23 ta' Jannar 2020(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta' Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE(4),

–  wara li kkunsidra t-tħabbira li saret fil-plenarja fl-10 ta' Frar 2020 li skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018 u insegwitu tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta' Jannar 2020, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Clara Ponsatí Obiols bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mill-1 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0022/2021),

A.  billi l-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol talab it-tneħħija tal-immunità ta' Clara Ponsatí Obiols, Membru tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-proċedimenti speċjali Nru 3/20907/2017 – il-proċediment kriminali għal allegat reat ta' sedizzjoni, previst fl-Artikoli 544 u 545 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol;

B.  billi l-atti soġġetti għal prosekuzzjoni allegatament twettqu fl-2017; billi d-digriet ta' prosekuzzjoni f'dan il-każ inħareġ fil-21 ta' Marzu 2018 u ġie ikkonfermat minn digrieti sussegwenti li ċaħdu l-appelli; billi l-investigazzjoni ngħalqet b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018 u ġiet ikkonfermata bħala finali fil-25 ta' Ottubru 2018; billi b'digriet tad-9 ta' Lulju 2018, Clara Ponsatí Obiols, fost l-oħrajn, ġiet ddikjarata ħatja ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti u ġie deċiż li l-proċediment fil-konfront tagħha u ta' persuni oħra jiġi sospiż sakemm dawn il-persuni jinstabu;

C.  billi Clara Ponsatí Obiols kienet iddikjarata eletta mill-Junta Electoral Central ta' Spanja (Bord Elettorali Ċentrali) fit-23 ta' Jannar 2020; billi insegwitu tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta' Jannar 2020, il-Parlament ħa att tal-elezzjoni ta' Clara Ponsatí Obiols bħala Membru tal-Parlament Ewropew b'effett mill-1 ta' Frar 2020;

D.  billi l-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew inkiseb b'effett mit-23 ta' Jannar 2020; billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità għalhekk tikkonċerna fatti u prosekuzzjoni li jippreċedu l-kisba tal-istatus u, konsegwentement, l-immunità inkwantu Membru tal-Parlament Ewropew;

E.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ħa att tad-dokumenti ppreżentati lill-Membri tal-Kumitat minn Clara Ponsatí Obiols fis-sens tal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura u kkunsidrati minnha bħala rilevanti għall-proċedura;

F.  billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-adegwatezza tal-proċedimenti ġudizzjarji;

G.  billi mhijiex fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew li jeżamina l-merti tas-sistemi ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali;

H.  billi l-Parlament Ewropew ma għandu l-ebda kompetenza biex jivvaluta jew jeżamina l-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali inkarigati mill-proċedimenti kriminali inkwistjoni;

I.  billi skont il-liġi Spanjola kif interpretata mill-qrati nazzjonali u kif ikkomunikata lill-Parlament mill-Istat Membru, it-Tieni Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo Spanjol hija l-awtorità kompetenti biex titlob it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew;

J.  billi l-proċedimenti ma trattaw ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.  billi l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (a), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

L.  billi l-Artikolu 71(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprevedi li:

‘1. Id-Deputati u s-Senaturi jgawdu minn privileġġ assolut fir-rigward tal-opinjonijiet espressi fil-qadi ta' dmirijiethom.

2. Matul il-mandat tagħhom, id-Deputati u s-Senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f'każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom";

M.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tindika, f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola u b'mod speċifiku l-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji li għalihom mhuwiex obbligatorju li tinkiseb awtorizzazzjoni parlamentari biex jinfetħu proċedimenti kriminali kontra persuna akkużata li tikseb l-istatus ta' membru parlamentari, li d-domanda għat-tneħħija tal-immunità mhijiex meħtieġa f'każijiet fejn l-istatus ta' membru parlamentari jinkiseb waqt li jkun għaddej proċess miftuħ preċedentement jew f'każijiet fejn membru tal-parlament jassumi l-kariga wara li jkun ġie formalment imħarrek; billi għalhekk mhuwiex meħtieġ li tintalab it-tneħħija tal-immunità fis-sens tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (a), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jittieħdu miżuri fit-territorju ta' Spanja;

N.  billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament;

O.  billi l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti legali;

P.  billi fl-4 ta' Novembru 2019 it-Tieni Awla tat-Tribunal Supremo Spanjol ordnat li toħroġ "għall-iskop tal-iżvolġiment xieraq tal-proċedimenti kriminali [...]: mandat(i) ta' arrest nazzjonali, mandat(i) ta' arrest Ewropew jew mandat(i) ta' arrest internazzjonali għall-finijiet tal-estradizzjoni fir-rigward ta', Clara Ponsatí Obiols, fost l-oħrajn, li ġiet iddikjarata ħatja ta' disprezz lejn l-awtorità tal-qorti; billi, kif spjegat fit-talba għat-tneħħija tal-immunità, fit-3 ta' Frar 2020 id-deċiżjoni fir-rigward tal-ħruġ ta' mandat nazzjonali ta' tiftix, arrest u detenzjoni kif ukoll il-mandat ta' arrest Ewropew u l-mandat ta' tfittix u ta' arrest internazzjonali fil-konfront ta' Clara Ponsatí Obiols għall-finijiet tal-estradizzjoni tagħha ġiet ikkonfermata u, fl-istess ħin, saret talba għat-tneħħija tal-immunità tagħha sabiex jiġi eżegwit il-mandat ta' arrest Ewropew li kien inħareġ;

Q.  billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza ma għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-Kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ;

R.  billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

S.  billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

T.  billi jidher ċar li l-akkuża ma għandha l-ebda relazzjoni mal-pożizzjoni ta' Clara Ponsatí Obiols bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda hija relatata mal-pożizzjoni preċedenti tagħha bħala Ministru Reġjonali għall-Edukazzjoni tal-Govern (il-gvern reġjonali Katalan);

U.  billi Clara Ponsatí Obiols hija waħda mill-individwi fost grupp ta' individwi li jinsabu f'sitwazzjoni simili u li qed jiġu mħarrka u akkużati bir-reati inkwistjoni, u l-unika differenza hija li hija attwalment tgawdi minn immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; billi għalhekk wieħed għandu jżomm f'moħħu li Clara Ponsatí Obiols mhijiex l-unika persuna mħarrka fil-każ inkwistjoni;

V.  billi l-fatti inkriminati twettqu fl-2017 u l-proċedimenti kriminali inkwistjoni fil-konfront ta' Clara Ponsatí Obiols bdew fl-2018; billi abbażi ta' dan, ma jistax jingħad li l-proċedimenti ġudizzjarju tnehdew bl-intenzjoni li jxekklu l-attività politika futura ta' Clara Ponsatí Obiols bħala Membru tal-Parlament Ewropew, meta dak iż-żmien l-istatus tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew kien għadu ipotetiku u futur;

W.  billi f'dan il-każ, il-Parlament għalhekk ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċediment legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Clara Ponsatí Obiols fis-sens tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt (b), tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Spanjoli u lil Clara Ponsatí Obiols.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Parliament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Parliament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Boletín Oficial del Estado, Nru 21, tal-24 ta' Jannar 2020, p. 7441-7442.
(3) ĠU L 165 I, 2.7.2018, p. 1.
(4) ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza