Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD (2020/2086(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(1),
– wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tal-UNCRPD dwar l-implimentazzjoni tal-UNCRPD, b'mod partikolari l-Kumment Ġenerali Nru 2 (2014) tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-aċċessibilità, il-Kumment Ġenerali Nru 3 (2016) tas-26 ta' Awwissu 2016 dwar in-nisa u l-bniet b'diżabilità, il-Kumment Ġenerali Nru 5 (2017) tas-27 ta' Ottubru 2017 dwar il-ħajja indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità, u l-Kumment Ġenerali Nru 6 (2018) tas-26 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tal-UNCRPD tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-Aġenda 2030 tan-NU) u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR),
– wara li kkunsidra l-mira tal-Ewropa 2020 dwar il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2)(id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(3),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-2 ta' April 2009(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi(6),
– wara li kkunsidra r-regolamenti li jistabbilixxu r-regoli dwar il-programmi ta' finanzjament tal-UE taħt il-qafas finanzjarju pluriennali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-programm Erasmus, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li jipprovdu assistenza finanzjarja tal-UE għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol(7), b'mod partikolari l-obbligu tal-impjegatur li jiżgura s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema f'kull aspett relatat max-xogħol u li ma jistax jimponi spejjeż finanzjarji fuq il-ħaddiema biex jikseb dan l-għan,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropea Mingħajr Ostakli" (COM(2010)0636) (l-Istrateġija tad-Diżabilità),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2017 bit-titolu "Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020" (SWD(2017)0029),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza(8),
– wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni tal-2013 dwar karta tad-diżabilità tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u tal-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għal wara l-2020(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tal-UNCRPD(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għall-persuni neqsin mis-smigħ(17), tat-18 ta' Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali(18), u tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(20),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(21),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(22),
– wara li kkunsidra l-istudji rilevanti tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu, speċjalment l-istudju bit-titolu "Discrimination and Access to Employment for Female Workers with Disabilities" (Diskriminazzjoni u Aċċess għall-Impjiegi għal Ħaddiema Nisa b'Diżabilità) tal-2017, u l-istudju bit-titolu "Reasonable Accommodation and Sheltered Workshops for People with Disabilities: Cost and Returns of Investments" (Akkomodazzjoni Raġonevoli u Workshops Protetti għal Persuni b'Diżabilità: Spejjeż u Redditi) tal-2015,
– wara li kkunsidra l-istudji rilevanti tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari l-Valutazzjonijiet tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-2016 bit-titolu "EU Implementation of the UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities (CRPD)" (L-Implimentazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD)) u "The obligations of the EU public administration under the UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities" (L-obbligi tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità),
– wara li kkunsidra l-korp dejjem jikber tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2018 u 2019 tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-inkjesti strateġiċi tal-Ombudsman Ewropew dwar kif il-Kummissjoni tiżgura li persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw is-siti web tagħha (OI/6/2017/EA), kif il-Kummissjoni tittratta lil persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard għall-persunal tal-UE (OI/4/2016/EA), u d-deċiżjoni tagħha f'inkjesta konġunta fil-każijiet 1337/2017/EA u 1338/2017/EA dwar aċċessibilità għal kandidati b'vista batuta għall-proċeduri tal-għażla organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal biex jiġu rreklutati impjegati taċ-ċivil tal-UE,
– wara li kkunsidra l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE (OI/8/2014/AN),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "It-tiswir tal-aġenda tal-UE għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għall-perjodu 2020-2030",
– wara li kkunsidra r-rapporti tematiċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, inkluż il-bullettini tagħhom dwar il-pandemija tal-Coronavirus,
– wara li kkunsidra l-Kompendju ta' Prattiki dwar id-Data dwar l-Ugwaljanza u l-Linji Gwida dwar it-titjib tal-ġbir u l-użu tad-data dwar l-ugwaljanza (Linji gwida dwar id-data dwar l-ugwaljanza) imħejji mis-Sottogrupp dwar id-Data dwar l-Ugwaljanza tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza u d-Diversità,
– wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilità, b'mod speċjali Autism Europe, Bundesarbeitsgemeinschaft Inklusionsfirmen, l-Unjoni Ewropea tal-Għomja, il-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, in-Network Ewropew għal Għajxien Indipendenti, il-Unjoni Ewropea tal-Persuni Torox, l-Inclusion Europe, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ispina Bifida u tal-Idroċefalu u Mental Health Europe, kif ukoll ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Equinet u l-akkademiċi li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll il-punt (e) tal-Artikolu 1(1) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0014/2021),
A. billi l-persuni b'diżabilità(23) għandhom id-dritt li jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà iżda d-drittijiet fundamentali tagħhom ħafna drabi jinżammu mill-UE; billi huma esklużi bil-qawwa mis-suq tax-xogħol miftuħ u mċaħħda mid-dritt tagħhom li jaħdmu fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor jew jiffaċċjaw diffikultajiet kbar f'li jiksbu aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol kif ukoll kundizzjonijiet ugwali ta' parteċipazzjoni fih;
B. billi l-persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali bbażata fuq id-diżabilità tagħhom u l-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' migrazzjoni jew l-isfond soċjoekonomiku tagħhom, inkluż il-livell tal-edukazzjoni tagħhom; billi d-diskriminazzjoni hija preżenti fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu tax-xogħol, li jibda mir-reklutaġġ, li jista' jwassal għall-esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità; billi d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' diversità fuq il-postijiet tax-xogħol jikkawżaw spejjeż sinifikanti kemm umani kif ukoll ekonomiċi;
C. billi l-Karta tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, inkluża dik dwar id-diżabilità, u tirrikonoxxi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità(24);
D. billi l-UE saret parti mill-UNCRPD f'Diċembru 2010, bil-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għall-UE f'Jannar 2011; billi l-UNCRPD hija vinkolanti fuq l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri tagħha, li għandhom obbligu dirett li jimplimentawha bis-sħiħ, inkluż l-Artikolu 27 tagħha dwar ix-xogħol u l-impjieg; billi mill-adozzjoni tagħha, sar xi progress, iżda mhux biżżejjed, biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UNCRPD;
E. billi l-UE, għalhekk, hija obbligata li taġixxi b'mod kompatibbli mal-UNCRPD u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) hija obbligata li tinterpreta l-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, b'mod kompatibbli mal-UNCRPD;
F. billi l-UNCRPD tirrifjuta l-mudell mediku tad-diżabilità u minflok tapprova l-mudell tad-drittijiet tal-bniedem u l-mudell soċjali u kuntestwali tad-diżabilità; billi l-UNCRPD titlob ugwaljanza inklużiva għall-persuni b'diżabilità; billi l-UNCRPD tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b'diżabilità li jaħdmu fuq bażi ugwali mal-oħrajn, li jagħżlu x-xogħol tagħhom liberament, li jiġu aċċettati u li jaħdmu f'ambjent tax-xogħol miftuħ, inklużiv u aċċessibbli;
G. billi, f'konformità mad-definizzjoni u r-rekwiżiti skont il-UNCRPD, akkomodazzjoni raġonevoli tiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta' individwu, filwaqt li azzjonijiet pożittivi japplikaw għal grupp sħiħ ta' persuni soġġetti għal diskriminazzjoni potenzjali; billi t-tnejn huma meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata l-kisba tad-diversità fil-post tax-xogħol u biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għax-xogħol b'mod ugwali; billi hemm nuqqas ta' linji gwida ċari tal-UE dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli, li għadha mhijiex mifhuma biżżejjed mill-impjegaturi u spiss ma tkunx disponibbli jew tkun insuffiċjenti; billi l-akkomodazzjoni raġonevoli tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema b'diżabilità għandha impatt essenzjali fuq il-kwalità tal-impjiegi u l-prospetti tal-karriera kif ukoll is-sostenibilità tax-xogħol tagħhom;
H. billi wieħed mill-aspetti ewlenin tal-impjieg tal-persuni b'diżabilità huwa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità u t-tranżizzjoni minn appoġġ istituzzjonali għal appoġġ ibbażat fil-komunità; billi l-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni fl-Istati Membri jeħtieġ li jiġi finalizzat, peress li l-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu fil-komunità u li jkunu inklużi kompletament fiha; billi l-progress li sar fid-deistituzzjonalizzazzjoni mhuwiex ugwali fl-Istati Membri kollha u minkejja l-introduzzjoni ta' politiki u l-allokazzjoni ta' finanzjament sostanzjali fl-UE, xorta għad hemm miljun persuna jgħixu f'istituzzjonijiet;
I. billi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi ("id-Direttiva"), li daħlet fis-seħħ fl-2000, bħalissa hija l-istrument legali ewlieni tal-UE li jipprovdi protezzjoni mid-diskriminazzjoni għall-persuni b'diżabilità; billi s-salvagwardja tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri;
J. billi d-Direttiva hija biss f'allinjament parzjali mal-UNCRPD, peress li ma tħaddanx il-mudell tad-drittijiet tal-bniedem tad-diżabilità, ma tindirizzax id-diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità preżunta jew futura, ma għandhiex fil-mira tagħha d-diskriminazzjoni intersezzjonali, ma tirrikjedix li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta' azzjoni pożittiva, hija limitata għall-qasam tal-impjieg, l-okkupazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u ma testendix għall-oqsma kollha tal-ħajja kif meħtieġ mill-UNCRPD, ma tindirizzax il-libertà tal-moviment għal finijiet ta' impjieg, ma tirrikjedix il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti, ma tipprevedix l-involviment sistemiku tal-persuni b'diżabilità u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fil-proċess ta' monitoraġġ, u ma tinkludix l-obbligu li tinġabar data diżaggregata;
K. billi d-Direttiva ma tirrikjedix b'mod legali lill-Istati Membri jaħtru korp għall-ugwaljanza biex jindirizza d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità, u dan huwa problematiku ħafna peress li l-korpi għall-ugwaljanza għandhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tad-direttivi dwar it-trattament ugwali abbażi tar-raġunijiet mogħtija fil-mandat tagħhom, bħall-ġeneru, u r-razza u l-oriġini etnika;
L. billi l-ġbir ta' data komparabbli dwar l-ugwaljanza huwa vitali għat-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil ta' politika bbażati fuq l-evidenza; billi hemm nuqqas ta' statistika uffiċjali, b'mod partikolari dwar il-persuni b'diżabilità li jgħixu f'ambjenti ta' kura istituzzjonali u dwar karatteristiċi bħar-razza/l-oriġini etnika jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, li ġie indikat ukoll fil-linji gwida dwar id-data dwar l-Ugwaljanza; billi r-Regolament (UE) Nru 2019/1700(25) se jirrimedja b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni relatata mad-data tal-istħarriġ tal-unitajiet domestiċi dwar l-impjiegi, data diżaggregata skont it-tipi ta' diżabilità u data dwar il-pajjiż tal-oriġini (l-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni), u jipprevedi studji pilota dwar persuni fl-istituzzjonijiet; billi l-lakuni se jkomplu jippersistu u għandhom jiġu rimedjati;
M. billi 50,6 % biss tal-persuni b'diżabilità għandhom impjieg (48,3 % tan-nisa u 53,3 % tal-irġiel) meta mqabbla ma' 74,8 % tal-persuni b'diżabilità(26); billi l-persuni b'diżabilità li jgħixu f'istituzzjonijiet jew li jitqiesu li ma jistgħux jaħdmu huma esklużi minn din l-istatistika(27); billi dawn iċ-ċifri ma jiżvelawx it-tip, il-kwalità u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri jekk l-impjieg huwiex ipprovdut fis-suq tax-xogħol miftuħ, u jekk huwiex garantit status ta' impjegat bit-tgawdija tad-drittijiet tax-xogħol u l-provvista ta' paga minima; billi l-persuni b'diżabilità huma grupp varjat u ħafna drabi huma soġġetti għal diskriminazzjoni intersezzjonali, li l-effetti kumulattivi tagħha għandhom impatt tanġibbli fuq l-impjiegi;
N. billi f'ċerti Stati Membri persuni b'diżabilità huma fil-biċċa l-kbira impjegati f'workshops protetti; billi tali workshops protetti għandu jkollhom l-għan li jservu l-inklużjoni, ir-riabilitazzjoni u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ mill-aktar fis possibbli; billi workshops protetti ħafna drabi huma ambjent segregat li fih il-ħaddiema b'diżabilità ma jkollhomx status ta' impjegat, drittijiet tax-xogħol, jew paga minima garantita; billi dan jikkostitwixxi b'mod ċar ksur tal-UNCRPD; jinnota li f'xi Stati Membri, sessjonijiet ta' ħidma protetti bħalissa qed jintużaw bħala tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ; billi r-riċerka fil-livell Ewropew dwar il-karatteristiċi u d-diversità ta' workshops protetti, xi drabi msejħa wkoll impjiegi protetti, tista' tgħin biex tiġi identifikata l-aħjar prattika, jittejjeb id-dibattitu u tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-UNCRPD; billi mudelli inklużivi ta' impjiegi appoġġjati jistgħu, jekk ikunu bbażati fuq id-drittijiet u rikonoxxuti bħala impjieg, jirrispettaw id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u jservu l-inklużjoni u t-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ;
O. billi r-rata tal-qgħad tal-persuni b'diżabilità (17,1 %) hija kważi d-doppju tal-popolazzjoni ġenerali (10,2 %)(28), u l-qgħad tal-persuni b'diżabilità idum aktar minn dak tal-persuni mingħajr diżabilità irrispettivament mill-kwalifiki;
P. billi r-rata tal-qgħad hija l-ogħla fost iż-żgħażagħ persuni b'diżabilità (dawk li għandhom bejn 16 u 24 sena), b'24,9 % meta mqabbla ma' 16,6 % fil-popolazzjoni ġenerali; billi din id-differenza hija intrinsikament marbuta mal-opportunitajiet edukattivi;
Q. billi n-nisa b'diżabilità, li jikkostitwixxu 16 % tal-popolazzjoni totali tan-nisa, u 60 % tal-popolazzjoni ġenerali tal-persuni b'diżabilità fl-UE, għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali fl-oqsma kollha tal-ħajja; billi r-rata ta' inattività ekonomika fost in-nisa b'diżabilità hija aktar minn żewġ terzi ogħla minn dik tal-popolazzjoni totali tan-nisa fl-età tax-xogħol (16-64 sena); billi 20,7 % biss tan-nisa b'diżabilità għandhom impjieg full-time, meta mqabbla ma' 28,6 % tal-irġiel b'diżabilità;
R. billi n-nisa prinċipalment huma responsabbli għall-indukrar tal-unità domestika, u jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li jieħdu ħsieb il-persuni b'diżabilità; billi l-ommijiet waħedhom li jindukraw it-tfal b'diżabilità huma f'riskju serju li jisfaw vittmi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-età taffettwa l-gruppi kollha tal-età, flimkien ma' stereotipi u ostakli possibbli; billi n-nisa anzjani b'diżabilità ta' spiss ikunu l-uniċi persuni li jindukraw il-membri tal-familja b'diżabilità; billi dan għandu effett dirett fuq il-vulnerabilità tagħhom għall-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll fuq l-aċċess tagħhom għall-impjiegi u l-iżvilupp professjonali tagħhom, u jista' jaffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;
S. billi hemm aktar minn 30 miljun persuna għomja u b'vista parzjali fl-Ewropa kollha; billi r-rata medja tal-qgħad fosthom hija ta' 75 % – u saħansitra ogħla fost in-nisa – u dan iwassal għall-esklużjoni soċjali u l-faqar tagħhom(29); billi hemm madwar miljun utent tal-lingwa tas-sinjali tal-persuni neqsin mis-smigħ fl-UE u 51 miljun persuna li jbatu biex jisimgħu, li ħafna minnhom huma wkoll utenti tal-lingwa tas-sinjali li l-qgħad tagħhom huwa sottorapportat u riċerkat b'mod inadegwat; billi hemm madwar seba' miljun persuna b'diżabilitajiet intellettwali fl-UE li l-livell ta' impjieg tagħhom huwa konsiderevolment baxx mir-rata medja(30); billi l-istimi jindikaw li madwar l-Ewropa bejn wieħed u ieħor 10 % biss tal-persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu huma impjegati, l-aktar f'impjiegi part-time u b'paga baxxa, f'pożizzjonijiet sottokwalifikati jew f'ambjenti protetti(31);
T. billi fost il-persuni b'diżabilità, 29,5 % tan-nisa u 27,5 % tal-irġiel jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE meta mqabbla ma' 22,4 % tal-popolazzjoni kollha kemm hi; billi l-persuni b'diżabilità għandhom aktar tendenza jiffaċċjaw il-faqar fost dawk li jaħdmu minn dawk mingħajr diżabilità (11 % meta mqabbla ma' 9,1 %) minħabba l-ispejjeż żejda tad-diżabilità tagħhom, bħall-kura tas-saħħa, l-appoġġ fil-loġistika u uman, in-nuqqas tagħhom ta' intitolamenti ladarba jibdew jaħdmu u l-fatt li jaqilgħu inqas mill-kollegi tagħhom fi rwol ekwivalenti u huma inqas probabbli li jiksbu promozzjoni(32); billi r-riskju tal-faqar huwa enfasizzat għal dawk li jiddikjaraw livelli aktar severi ta' diżabilità;
U. billi għadd sproporzjonat ta' persuni b'diżabilità huma mingħajr dar u hemm riskju akbar li l-persuni b'diżabilità jispiċċaw mingħajr dar; billi l-persuni mingħajr dar jistgħu jiżviluppaw diżabilità, bħal dirgħajn amputati, minħabba r-riskji li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;
V. billi, minħabba l-effetti kumulattivi tad-diskriminazzjoni intersezzjonali, il-persuni b'diżabilità Rom huma preżunti li jiffaċċjaw aktar ostakli, jesperjenzaw livelli ogħla ta' qgħad, faqar aktar sever u inqas aċċess għall-edukazzjoni u s-servizzi mill-pari tagħhom mingħajr diżabilità(33);
W. billi l-persuni LGBTI b'diżabilità jiffaċċjaw ostakli addizzjonali għall-impjieg, b'16 % jirrapportaw li ġew miċħuda impjiegi jew promozzjonijiet minħabba l-identità tagħhom, meta mqabbla ma' 10 % tal-persunal LGBTI b'mod ġenerali; billi persuna minn kull erba' persuni b'diżabilità LGBTI kienet soġġetta għal rimarki derogatorji, bullying u abbuż, u "nkixfet" mingħajr kunsens(34);
X. billi stħarriġ reċenti madwar l-UE kollha dwar il-persuni b'diżabilità juri li 96 % isibu li l-aċċess għas-suq tax-xogħol miftuħ huwa inadegwat jew jirrikjedi titjib, filwaqt li 10 % biss minnhom isibu li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija adegwata biex tipproteġi lill-persuni b'diżabilità minn diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ, u 18 % ma kinux konxji mill-eżistenza ta' leġiżlazzjoni f'pajjiżhom li tipproteġihom mid-diskriminazzjoni(35);
Y. billi din id-data turi li Strateġija tad-Diżabilità tal-UE 2010-2020 ma poġġietx biżżejjed enfasi fuq l-impjieg tal-persuni b'diżabilità u d-diskriminazzjoni intersezzjonali li jiffaċċjaw;
Z. billi l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali u r-ritaljazzjoni meta jsemmgħu leħinhom, ixekkel l-aċċess għax-xogħol u l-impjieg, iż-żamma tal-impjieg u perkorsi ugwali fil-karriera, b'mod partikolari għan-nisa b'diżabilità;
AA. billi l-iżvantaġġ, l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol mhumiex sfida awtonoma iżda huma interrelatati man-nuqqas ta' edukazzjoni inklużiva, inkluż fit-tfulija bikrija; it-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; l-ostakli, is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni preżenti fl-oqsma tad-djar u s-saħħa; u n-nuqqas ta' aċċessibilità tat-trasport u servizzi u prodotti oħra; billi approċċ kumpless u miżuri komprensivi huma għalhekk meħtieġa biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni;
AB. billi l-miżuri għall-promozzjoni tal-benesseri mentali u l-prevenzjoni tal-mard mentali u d-diżabilitajiet psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali;
AC. billi l-aċċessibilità tal-postijiet tax-xogħol, it-trasport u s-servizzi ta' appoġġ, b'mod partikolari l-assistenza personali, u s-soċjetà inġenerali hija essenzjali għall-persuni b'diżabilità biex igawdu b'mod effettiv id-dritt tagħhom għal għajxien indipendenti u d-dritt tagħhom għax-xogħol; billi l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ukoll il-ħolqien ta' ambjent mibni mingħajr ostakli; billi ladarba tiġi trasposta, id-Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u s-servizzi se tipprovdi titjib sinifikanti għal soċjetà mingħajr ostakli, u billi t-traspożizzjoni tagħha għalhekk jeħtieġ li tiġi mmonitorjata f'waqtha u mill-qrib;
AD. billi t-tneħħija tal-benefiċċji malli l-persuni b'diżabilità jibdew xogħol bi ħlas hija politika ta' riskju u stress kbir, ostaklu kbir għall-aċċess għax-xogħol, u soċjalment inġusta minħabba li ma tinkludix l-ispejjeż ogħla ta' għajxien b'diżabilità;
AE. billi d-definizzjonijiet differenti ta' diżabilità, id-diversità tal-valutazzjoni tad-diżabilità u l-metodi ta' klassifikazzjoni varjati u spiss mhux ċari applikati fl-Istati Membri, kif ukoll in-nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' diżabilità, ifixklu l-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE għall-persuni b'diżabilità;
AF. billi s-sensibilizzazzjoni hija essenzjali biex l-impjegaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jaġixxu u jirreaġixxu b'mod adegwat, abbażi tal-għarfien tal-obbligi u d-drittijiet tagħhom fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni;
AG. billi t-teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari s-sistemi tal-IA, għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw proċessi ta' reklutaġġ effiċjenti, aċċessibbli u mhux diskriminatorji, iżda żviluppi teknoloġiċi li mhumiex inklużivi jistgħu jirrappreżentaw riskju li jiżdiedu ostakli u forom ta' diskriminazzjoni ġodda; billi l-Artikolu 9 tal-UNCRPD jirrikjedi informazzjoni aċċessibbli kif ukoll aċċess għat-teknoloġiji u s-sistemi ta' komunikazzjoni fuq bażi ugwali ma' oħrajn;
1. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jwettqu ugwaljanza inklużiva għall-persuni b'diżabilità u jimplimentaw bis-sħiħ l-UNCRPD, inkluż l-Artikolu 27 tagħha dwar ix-xogħol u l-impjieg; jistedinhom, għal dan l-għan iżidu l-isforzi tagħhom u jistinkaw biex joħolqu suq tax-xogħol tal-UE inklużiv, aċċessibbli u nondiskriminatorju b'approċċ olistiku ta' politika taċ-ċiklu tal-ħajja għall-persuni b'diżabilità u għal kulħadd, f'konformità mat-Trattati tal-UE u d-drittijiet stabbiliti fl-EPSR kif ukoll mal-valuri internazzjonali stabbiliti fl-Aġenda tan-NU għall-2030 u fl-SDGs; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-UNCRPD;
2. Jemmen li trid issir reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi malajr kemm jista' jkun sabiex tiġi armonizzata b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-UNCRPD u jiġi implimentat proċess parteċipatorju mmirat lejn l-iżgurar tal-involviment dirett u sħiħ tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilità;
Għal post tax-xogħol inklużiv u aċċessibbli
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw standards u linji gwida ta' disinn universali dwar l-aċċessibilità ta' ambjenti, programmi, servizzi u prodotti, inklużi l-postijiet tax-xogħol, it-tagħmir u l-faċilitajiet tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jintużaw minn kulħadd;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-provvista ta' akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol, mingħajr mal-ħaddiema jkollhom għalfejn iġarrbu spejjeż; jistieden lill-Kummissjoni tħejji linji gwida ċari tal-UE dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli li jagħtu dettalji dwar liema forom tista' tieħu f'konformità mal-ħtiġijiet ta' individwu sabiex l-Artikolu 5 tad-Direttiva jkun jista' jiġi traspost b'mod effettiv fil-liġi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema ta' sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' provvediment ta' akkomodazzjoni raġonevoli, peress li tikkostitwixxi forma ta' diskriminazzjoni; iqis li l-Parlament jista' juża l-għażla li jistieden lill-Kummissjoni tniedi tali proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Istati Membri jippreparaw materjali ta' appoġġ u ta' gwida u jipprovdu taħriġ rilevanti f'formati aċċessibbli għall-impjegaturi, min għandu d-dmirijiet, il-ħaddiema u l-persuni b'diżabilità sabiex jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-konoxxenza neċessarji dwar l-implimentazzjoni prattika tal-akkomodazzjoni raġonevoli, u b'hekk iġibu fix-xejn il-ħrejjef dwar l-ispejjeż projbittivi tagħha;
5. Jiddeplora bil-qawwa l-infurzar dgħajjef u mhux omoġenju tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE f'xi Stati Membri, li qed jonqsu milli jimmonitorjaw u jissanzjonaw b'mod effettiv u uniformi l-ksur persistenti tad-dritt tal-UE;
6. Jiddikjara li d-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għall-protezzjoni mid-diskriminazzjoni jikkostitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, mill-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji; ifakkar li l-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw jew jeżaminaw l-introduzzjoni ta' kwoti obbligatorji għad-diversità fuq il-post tax-xogħol sabiex jitrawwem post tax-xogħol inklużiv b'sanzjonijiet effettivi u proporzjonati għan-nuqqas ta' konformità; jissuġġerixxi li l-multi għandhom jiġu investiti mill-ġdid għall-inklużjoni; jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati filwaqt li jitqiesu strutturi żgħar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-impriżi pubbliċi u privati fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' diversità annwali b'miri miżurabbli u evalwazzjoni perjodika, u jappoġġjaw lill-impjegaturi f'li jirreklutaw persuni b'diżabilità permezz ta' miżuri bħall-istabbiliment ta' lista volontarja jew punt uniku ta' applikanti b'diżabilità li minnu jirreklutaw il-kandidati; jistieden lill-Istati Membri jakkumpanjaw l-introduzzjoni ta' kwoti b'taħriġ għall-impjegaturi dwar il-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli applikabbli; jistieden lill-Istati Membri jqabbdu lis-servizzi pubbliċi tal-impjieg jippreparaw lista volontarja ta' persuni b'diżabilità li qed ifittxu impjieg biex tgħin lill-impjegaturi jissodisfaw ir-rekwiżit tal-kwoti tad-diversità;
8. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex imexxu bl-eżempju billi jistabbilixxu kwota tad-diversità u kwota tad-diversità speċifika dwar ir-reklutaġġ tal-persuni b'diżabilità, jiżviluppaw linji gwida interni dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli, jiżguraw il-ġustizzja u l-aċċessibilità sħiħa fil-proċess tar-reklutaġġ u fil-post tax-xogħol, u jimpjegaw persuni b'kull xorta ta' diżabilità fil-livelli kollha u jfittxu b'mod attiv il-persuni b'diżabilità li jimlew il-pożizzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess fl-amministrazzjoni pubblika tagħhom;
9. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki ta' impjieg inklużivi sostenibbli, bħal proċeduri ta' reklutaġġ adattati, l-indukrar tal-impjiegi, l-impjieg personalizzat, flessibbli u appoġġjat, il-kondiviżjoni tal-impjiegi, kollokament u appoġġ individwali, u intrapriżi inklużivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' persuni b'tipi differenti ta' diżabilitajiet u b'hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri
–
jużaw inċentivi fiskali u miżuri oħra ta' appoġġ finanzjarju għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, jirreklutaw il-persuni b'diżabilità jew jipprovdulhom taħriġ vokazzjonali u apprendistati;
–
jappoġġjaw kumpaniji inklużivi li jipprovdu impjiegi għal persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol miftuħ permezz tal-akkwist pubbliku;
–
jippromwovu mudelli ta' intermedjazzjoni tax-xogħol imfassla apposta;
–
jippromwovu r-responsabilità soċjali korporattiva dwar l-impjieg tal-persuni b'diżabilità u jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet tal-Ekonomija Soċjali li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom f'għanijiet soċjali;
–
u jinfurmaw lill-impjegaturi dwar dawn il-politiki u l-inċentivi;
jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-kumpaniji li joffru miżuri ta' azzjoni pożittiva mmirati biex jindirizzaw żvantaġġ multiplu; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jidentifikaw u japplikaw taħlita mmirata ta' miżuri biex jappoġġjaw l-impjieg ugwali tal-persuni b'diżabilità;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu b'mod urġenti miżuri biex jivvalutaw ix-xejriet ewlenin għall-futur tax-xogħol minn perspettiva ta' diżabilità bl-involviment attiv tal-persuni b'diżabilità, sabiex jidentifikaw u jniedu azzjonijiet speċifiċi biex jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar inklużiv, b'kunsiderazzjoni tad-diversità tal-persuni b'diżabilità; jisħaq f'dan il-kuntest dwar l-importanza ta' inizjattivi inklużivi u aċċessibbli mmirati lejn it-tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u żvilupp tal-ħiliet għall-persuni b'diżabilità minn età bikrija, b'fokus partikolari fuq il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi f'konformità mal-evoluzzjoni rapida tar-realtajiet u d-domandi tas-suq tax-xogħol attwali u futur; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jingħata appoġġ xieraq lill-persuni b'diżabilità tul ħajjithom kollha, billi jsir użu aħjar tat-teknoloġiji innovattivi biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi u jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni u l-impjiegi, u biex il-persuni b'diżabilità jingħataw għajnuna biex jiksbu aċċess għal għodod u softwer diġitali li huma indispensabbli għall-għajxien indipendenti tagħhom;
11. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex joħolqu network ta' kumpaniji inklużivi, jirreklutaw, f'kull livell, awżiljarji tal-impjieg speċjalizzati bħal kowċis tal-impjiegi, li jipprovdu valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwalizzata, taħriġ u appoġġ għal persuni b'diżabilità li qed ifittxu impjieg, u assistenti għat-twassil tal-impjiegi għal kemm ikun hemm bżonn żmien biex jgħinu lil persuni b'diżabilità jagħmlu xogħolhom fis-suq tax-xogħol miftuħ;
12. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu approċċi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-edukazzjoni bl-għan li jiġu stabbiliti sistemi edukattivi li jaċċettaw lil kulħadd u li huma inklużivi u nondiskriminatorji, kif ukoll jappoġġjaw l-iżvilupp u l-provvista ta' taħriġ dwar id-disinn universali, akkomodazzjoni raġonevoli u diversità fuq il-post tax-xogħol għall-istudenti universitarji fil-fakultajiet rilevanti bl-involviment tal-persuni b'diżabilità, u jiffaċilitaw it-taħriġ ta' kowċis tal-impjiegi, assistenti għat-twassil tal-impjiegi u konsulenti dwar id-diżabilità u d-diversità b'enfasi fuq l-ispeċifiċitajiet ta' diżabilitajiet differenti;
13. Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod kontinwu, flimkien mar-rappreżentanti tal-persuni b'diżabilità, il-karatteristiċi, id-diversità u l-effikaċja ta' workshops protetti eżistenti fl-għoti ta' ħiliet lill-persuni b'diżabilità biex jiksbu impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ, biex jiżguraw li jkunu koperti u protetti b'oqfsa legali li jkopru s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi minimi u n-nondiskriminazzjoni, filwaqt li gradwalment jeliminaw dispożizzjonijiet li ma jkunu fi ksur tal-UNCRPD, speċjalment l-Artikolu 27; jistieden lill-Kummissjoni tikkontrolla dan il-proċess; ifakkar li l-workshops protetti għandhom ikunu limitati b'għazla għal perjodu temporanju għall-persuni b'diżabilità fiċ-ċiklu tagħhom tal-ħajja tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jiżviluppaw u jippromwovu mudelli ta' impjieg inklużivi fis-suq tax-xogħol miftuħ u barra workshops protetti f'konformità sħiħa mal-UNCRPD; jinsisti wkoll li l-ħaddiema b'diżabilità f'workshops protetti għandhom jiġu ggarantiti mill-inqas id-drittijiet u l-istatus ekwivalenti għad-drittijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fis-suq tax-xogħol miftuħ; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, iħaffu d-deistituzzjonalizzazzjoni, jipprovdu sistemi ta' kura effettivi, reġjonali u deċentralizzati, inklużi servizzi ta' attivazzjoni soċjali, fil-livelli kollha tas-soċjetà, u jiżguraw l-involviment bla xkiel ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol miftuħ u fis-soċjetà kollha kemm hi;
14. Jiddeplora l-fatt li d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tista' timmina l-ilħuq tal-objettivi tat-TUE;
15. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni, bħall-Access City Award (Premju għall-Bliet Aċċessibbli), u jsostni inizjattivi fil-livell nazzjonali, f'dak reġjonali u f'dak lokali;
16. Jesprimi dispjaċir li l-persuni b'diżabilità intellettwali jew psikosoċjali jesperjenzaw diversi ostakli legali, istituzzjonali, soċjali u tal-komunikazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u dan iżommhom milli jivvutaw, jikkontestaw elezzjoni għal kariga pubblika, jeżerċitaw parteċipazzjoni ċivika jew sempliċement ikollhom kontroll fuq ħajjithom stess; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri immedjati biex jirriformaw l-oqfsa legali tagħhom sabiex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jgawdu kapaċità ġuridika fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor fl-aspetti kollha tal-ħajja, f'konformità mal-Artikolu 12 tal-UNCRPD, u jfakkar li d-drittijiet politiċi tal-persuni b'diżabilità u l-opportunità li jgawduhom fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor għandhom jiġu ggarantiti, f'konformità mal-Artikolu 29 tal-UNCRPD;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-fondi tal-UE ma jintefqux fuq skemi ta' impjieg segregat tal-persuni b'diżabilità mingħajr ebda prospett li jsibu impjieg mhux protett;
Għal post tax-xogħol mhux diskriminatorju
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw ix-xogħol tagħhom mal-persuni b'diżabilità, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom u l-korpi bl-għan li jippreparaw u jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni komprensivi u taħriġ f'formati aċċessibbli u lingwi tas-sinjali, immirati lejn l-impjegaturi, min għandu d-dmirijiet fl-oqsma kollha u s-soċjetà usa' dwar il-kapaċitajiet u l-kontributi tal-persuni b'diżabilità, u dwar il-benefiċċji tad-diversità, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, sabiex tinqered l-istigma eżistenti u l-preġudizzju kontra l-persuni b'diżabilità, biex jiġu miġġielda l-bullying, il-fastidju u l-isfruttament, u tinkiseb ugwaljanza inklużiva għal kulħadd;
19. Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi tad-diskriminazzjoni; iqis li huwa neċessarju li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw li jkunu jistgħu jinkisbu konsulenza u assistenza legali raġonevoli u aċċessibbli u jiġu pprovduti lill-vittmi fl-istadji kollha tal-proċess legali, inklużi konsulenza kunfidenzjali u wiċċ imb wiċċ u appoġġ emozzjonali, personali u morali, mill-korpi tal-ugwaljanza jew intermedjarji xierqa; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jiġġieldu kontra l-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, li jmorru kontra d-dinjità tal-persuna u/jew joħolqu ambjent offensiv fuq il-post tax-xogħol;
20. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri attivi biex jissalvagwardjaw in-nondiskriminazzjoni għal kulħadd, inklużi l-persuni b'diżabilità, biex jiżguraw, f'konformità mal-UNCRPD, l-aċċessibilità tal-postijiet tax-xogħol, it-trasport u l-ambjent mibni, u jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b'diżabilità fl-istadji kollha tax-xogħol, mir-reklutaġġ sal-progress fil-karriera, għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa u r-rijabilitazzjoni tal-impjieg; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-istess miżuri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b'diżabilità ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions tagħhom fuq termini ugwali u li jkunu protetti mill-vjolenza, il-mobbing, il-bullying ċibernetiku u l-fastidju, inkluż il-fastidju sesswali, b'mod partikolari dak fuq nisa b'diżabilità; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li suppost se jkollha impatt trasversali fuq il-leġiżlazzjoni kollha tal-UE b'fokus speċifiku fuq in-nisa b'diżabilità li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u huma aktar vulnerabbli għall-fastidju fil-post tax-xogħol; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-istess miżuri;
21. jisħaq, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' Garanzija tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa b'diżabilità;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-politiki tal-inklużjoni segwiti fil-livell settorjali u tal-kumpaniji jiġu stabbiliti f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lil ħaddiema b'diżabilitajiet li jirriżultaw minn aċċident, biex ikomplu bl-impjieg tagħhom jew joffru lill-persuna kkonċernata impjieg ekwivalenti li jirrifletti l-ħiliet ġodda tagħha, mingħajr telf tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienet tgawdi qabel il-korriment;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu approċċ preventiv u inklużiv fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol meta jappoġġjaw ir-reklutaġġ u r-ritorn għax-xogħol ta' persuni b'diżabilità; jinnota li dan jista' jinkiseb permezz ta' mogħdijiet integrati li jikkombinaw il-prevenzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) ma' diversi forom ta' miżuri ta' impjegabilità bħal appoġġ individwalizzat, konsulenza, gwida, u aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ġenerali u vokazzjonali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw id-differenza eżistenti fil-pagi bejn il-ġeneri, id-diżabilità u fuq bażi etnika, u b'hekk jiġġieldu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi u r-riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu għall-ħaddiema li jiffaċċjaw ostakli fix-xogħol u li huma soġġetti għal diskriminazzjoni multipla, speċjalment għall-persuni LGBTI, in-nisa, ir-Rom u r-rifuġjati; jistenna l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni mħabbra dwar it-trasparenza fil-pagi fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel kwart tal-2021 biex tiġi miġġielda d-differenza fil-pagi li jiffaċċjaw il-gruppi soċjali żvantaġġati, b'mod partikolari l-persuni b'diżabilità;
26. Jisħaq li l-protezzjoni tal-persuni trans mid-diskriminazzjoni fl-impjieg trid tkun effettiva u jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu din id-diskriminazzjoni, speċjalment fil-qasam tal-impjieg;
27. Jistieden lill-Istati Membri biex ma jċaħħdux lill-persuni b'diżabilità mill-intitolamenti ta' diżabilità tagħhom li jkopru l-ispejjeż żejda relatati mad-diżabilità meta jidħlu fis-suq tax-xogħol jew meta jaqbżu ċertu limitu ta' dħul, peress li din il-prattika tikkontribwixxi għall-faqar fost dawk li jaħdmu u fost l-anzjani peress li dawn l-intitolamenti jservu biex jappoġġjaw lill-persuni b'diżabilità f'li jegħlbu lill-ostakli u huma jistgħu jgħinu jiggarantixxu d-dinjità u l-ugwaljanza tagħhom;
28. Jistieden lill-Istati Membri jippermettu biżżejjed flessibilità fil-provvista tal-appoġġ u l-benefiċċji soċjali biex jiżguraw li jkunu aġġustabbli għall-ħtiġijiet u l-karrieri individwali tal-persuni b'diżabilità;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-Istati Membri għandhomx stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati biex jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-kura, kif ukoll arranġamenti għal xogħol flessibbli, u jekk dawn humiex adattati għall-ħtiġijiet varjati tal-ommijiet b'diżabilità, tal-ommijiet ta' tfal b'diżabilità jew li jsofru b'mard fit-tul, jew tal-ommijiet f'ċirkostanzi speċifiċi, bħal dawk li jiffaċċjaw twelid prematur; jitlob miżuri aktar ambizzjużi biex jiġi promoss ir-rwol ugwali tal-irġiel bħala persuni li jindukraw; jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw strateġiji nazzjonali biex jappoġġjaw lil dawk li jindukraw b'mod informali; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u aċċessibbli biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-ambjent tax-xogħol;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza wara konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità, u b'hekk tipprovdilhom mandat aktar b'saħħtu u riżorsi adegwati biex jissalvagwardja t-trattament ugwali tal-persuni b'diżabilità u jiżguraw it-tixrid ta' informazzzjoni aċċessibbli għal kulħadd;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament sostenibbli għall-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol importanti tagħhom biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilità;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jarmonizzaw id-definizzjoni ta' diżabilità u jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' diżabilità fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni b'diżabilità u t-tgawdija tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu studju tal-leġiżlazzjoni eżistenti u jiġbru l-aħjar prattiki mill-Istati Membri; jirrikonoxxi li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jestendu l-użu tal-karta tad-diżabilità tal-UE għall-Istati Membri kollha u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, sabiex tkun tista' tintuża għar-rikonoxximent tal-istatus ta' diżabilità u biex wieħed ikollu aċċess għas-servizzi fl-UE kollha, u b'hekk issir eħfef għall-persuni b'diżabilità biex jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf punt ta' informazzjoni ċentrali bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali u f'formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità dwar is-servizzi disponibbli għall-persuni b'diżabilità fl-Istat Membri differenti;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jippromwovu l-assistenza personali mmexxija mill-utenti f’konformità mal-Kumment Ġenerali Nru 5 tal-Kumitat tal-UNCRPD, biex jitrawmu għajxien indipendenti u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol; ifakkar li minħabba n-natura speċjali tal-assistenza personali, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu jeħtieġ li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità; jitlob azzjoni tal-UE biex tindirizza l-assistenza personali, speċjalment fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni b'diżabilità u l-assistenti personali tagħhom;
34. Ifakkar li t-teknoloġiji l-ġodda jirrappreżentaw kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari l-persuni b'diżabilità; jenfasizza f'dan ir-rigward li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu joħolqu sfidi kbar ta' aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità; għalhekk, jissottolinja li l-aċċessibilità trid tiġi inkluża bħala prekundizzjoni fi kwalunkwe inizjattiva tal-UE, u li l-UE għandha tieħu azzjoni biex tappoġġja l-applikazzjoni tad-disinn universali u tiżgura d-disponibilità u l-affordabilità ta' teknoloġiji assistivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, f'konformità mal-UNCRPD, aċċessibilità sħiħa u effettiva tat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fuq bażi ugwali u tapplika, f'dan il-kuntest, linji gwida li jappoġġjaw lill-iżviluppaturi tal-IA jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità permezz tal-proċessi tal-iżvilupp, u jevitaw il-ħolqien ta' preġudizzji diskriminatorji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-programmi ta' riċerka ffukati fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' assistenza inklużi r-robotika, it-teknoloġiji diġitali u l-intelliġenza artifiċjali bl-għan li jippermettu l-integrazzjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità fl-aspetti kollha tal-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b'diżabilità ikollhom aċċess għal għodod diġitali u software affordabbli mfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom u jibnu fuq l-għarfien espert tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilità fid-definizzjoni tal-għodod diġitali jew software l-aktar xierqa għall-ħtiġijiet individwali tal-persuni b'diżabilità;
Aktar azzjonijiet immirati u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità
35. Jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi speċjali fl-Istrateġija dwar l-impjiegi, kif ukoll biex tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-UNCRPD, biex tistabbilixxi miri ċari, li jistgħu jitkejlu u ambizzjużi relatati mad-diversità fuq il-post tax-xogħol bħala riflessjoni tal-eteroġeneità tal-persuni b'diżabilità, biex tindirizza d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, u biex timmonitorja l-effiċjenza tal-istrateġija bl-involviment tal-persuni b'diżabilità u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom; jisħaq li kollaborazzjoni mal-awtoritajiet, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet u s-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali hija indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-UNCRPD; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-COVID-19 u l-ksur tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jenfasizza li d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilità marret għall-agħar matul il-pandemija tal-COVID-19, u b'hekk ipperikolat ħajjet il-persuni b'diżabilità u heddet is-saħħa fiżika u mentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni torbot l-Istrateġija dwar id-Diżabilità futura mal-proċess tas-Semestru Ewropew;
36. Jappella għall-ġbir ta' data relatata mad-diżabilità fl-UE kollha b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fuq l-impjieg u l-VET, diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, it-tip ta' diżabilità, ir-razza/l-oriġini etnika, l-orjentazzjoni sesswali, il-livell ta' edukazzjoni, eċċ., inkluż il-persuni b'diżabilità li s'issa tħallew barra mill-istatistika; jitlob il-ġbir ta' data relatata mal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-persuni b'diżabilità sabiex jitressqu politiki biex jippreparaw għal kriżijiet futuri;
37. Jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jaġixxu f'konformità mas-slogan "xejn dwarna mingħajrna" u jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib mal-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, jibnu fuq l-għarfien espert tagħhom u b'mod attiv jinvolvuhom f'kull stadju tat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-legiżlazzjoni, l-istrateġiji, il-politiki u l-programmi rilevanti, inklużi dawk ewlenin;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni speċifika ta' dawk soġġetti għal diskriminazzjoni multipla, fil-proposti kollha relatati mal-impjiegi, inklużi dawk li jikkonċernaw it-trasformazzjonijiet mistennija fil-futur tax-xogħol, kif ukoll meta jfasslu u jimplimentaw azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ekoloġiċi;
39. Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari t-Task Force għall-Ugwaljanza, u lill-Istati Membri biex sistematikament jintegraw id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, b'attenzjoni speċjali għal dawk soġġetti għal diskriminazzjoni intersezzjonali, fil-liġijiet, il-politiki u l-programmi rilevanti kollha, peress li l-ugwaljanza fl-impjieg ma tistax tiġi sseparata mill-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, u biex jespandu l-fokus fuq l-aċċessibilità biex jagħmlu progress lejn ambjent mibni, spazji pubbliċi, trasport u teknoloġioji ta' informazzjoniu komunikazzjoni, eċċ.; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-ħtieġa li jinħatar punt fokali tad-diżabilità fl-istituzzjonijiet tal-UE kollha, inkluż fid-DĠ tal-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, flimkien mal-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni interistituzzjonali sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tad-diżabilità fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE;
40. Huwa mħasseb dwar l-eżistenza ta' ostakli sinifikanti fl-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari għall-persuni li huma għomja jew torox, il-persuni b'diżabilità intellettwali u l-persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu; ifakkar li d-differenzi fil-kapaċitajiet tal-individwi li jirċievu u jagħtu informazzjoni u li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jirrappreżentaw distakk fl-għarfien li joħloq inugwaljanza;
41. Jappella għal rieżami trasversali u komprensiv tad-dritt u tal-politika tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa tagħhom mal-UNCRPD;
42. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra t-tfal b'diżabilità permezz ta' approċċ integrat, filwaqt li jirrikonoxxi li dawn iħabbtu wiċċhom ma' riskju akbar li jkunu vittmi ta' tali mġiba; jenfasizza li leħen it-tfal b'diżabilità għandu jkun rappreżentat fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-liġijiet, il-politiki, is-servizzi u l-miżuri li jindirizzawhom;
43. Jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi u adegwati sabiex jiġu indirizzati kif jixraq il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità fl-istadji kollha u fil-proċessi kollha;
44. Jiddispjaċih li d-dritt tal-Unjoni ma jipproteġix lill-individwi mid-diskriminazzjoni minħabba d-diżabilità barra mill-post tax-xogħol u mill-impjieg;
45. Jistieden lill-Kunsill jiżblokka n-negozjati dwar id-direttiva orizzontali proposta kontra d-diskriminazzjoni mingħajr aktar dewmien u jersaq lejn ftehim, b'tali mod li jestendi l-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità barra mill-isfera tal-impjieg;
46. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li l-biċċa l-kbira tal-programmi ewlenin, inklużi dawk koperti mill-Fondi Strutturali, jonqsu milli jilħqu lill-gruppi l-aktar żvantaġġati, inklużi l-persuni b'diżabilità; jistieden, għalhekk, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika l-prestazzjoni tal-programmi tal-UE, b'enfasi speċjali fuq il-programmi tal-edukazzjoni u l-impjiegi, pereżempju l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u Erasmus+, b'mod dettaljat;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-fondi tal-UE se jirrispettaw l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u konvenzjonijiet bħall-UNCRPD u mhux se tappoġġja kwalunkwe miżura u programm li jikkontribwixxu għas-segregazzjoni jew għall-esklużjoni soċjali; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja azzjonijiet li joħolqu ambjenti, prodotti, servizzi, prattiki u apparati aċċessibbli, li jrawmu d-deistituzzjonalizzazzjoni u jappoġġjaw l-assistenza personali, u tiggarantixxi li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE jilħqu l-persuni b'diżabilità u jiżguraw l-involviment attiv tagħhom fis-soċjetà;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, biex iqassamha lill-parlamenti u lill-kunsilli sottonazzjonali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.
Napplikaw il-kunċett ta' "persuni b'diżabilità" previst fl-Artikolu 1 tal-UNCRPD: "Il-persuni b'diżabilità jinkludu dawk li għandhom indeboliment tas-saħħa fiżika, mentali, intellettwali jew sensorjali fuq perjodu fit-tul flimkien ma' diversi ostakli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma' oħrajn."
Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma' persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta' data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (ĠU L 261 I, 14.10.2019, p. 1).
ONCE u l-Unjoni Ewropea tal-Għomja, "Rapport dwar is-sitwazzjoni ta' persuni għomja u b'vista mnaqqsa fir-rigward tal-impjiegi fl-Ewropa wara 10 snin tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità: Sfidi u Opportunitajiet", Ottubru 2019.
Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem, rapport ta' riċerka 107 – Riċerka dwar Diskrepanzi bejn il-Pagi, "The Disability Pay Gap" (Id-Diskrepanza bejn il-Pagi tal-Persuni b'Diżabilità), Awwissu 2017.
Ċentru Ewropew għal Kwistjonijiet ta' Minoranzi, studju #8, "Not Even in the Margins: Where are Roma with Disabilities?" (Lanqas Biss Jinsabu fil-Marġini: Fejn Jinsabu r-Rom b'Diżabilità?), Frar 2016.