Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 (2021/2004(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121, 126 u 136 tiegħu u l-Protokoll Nru 12,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2020 dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (COM(2020)0123),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa" (COM(2020)0442),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0441),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021" (COM(2020)0575), u tat-18 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2021" (COM(2020)0745),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Bord Fiskali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2019, id-dikjarazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tal-24 ta' Marzu 2020 dwar il-COVID-19 u l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tal-1 ta' Lulju 2020 tal-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro fl-2021,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja l-ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda(9),
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni: Xitwa 2021 (Dokument Istituzzjonali 144)(10),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 dwar il-QFP u n-Next Generation EU, il-COVID-19, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u r-relazzjonijiet esterni (EUCO 22/20),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0036/2021),
A. billi s-Semestru Ewropew għandu rwol essenzjali fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, baġitarji u tal-impjiegi fl-Istati Membri, li jservi biex jiżgura finanzi pubbliċi sodi, jipprevjeni żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, jappoġġa riformi strutturali u jagħti spinta lill-investiment, u attwalment jirrappreżenta l-qafas użat biex l-Unjoni u l-Istati Membri jiġu ggwidati biex jegħlbu l-isfidi tal-irkupru abbażi tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE; billi mill-kriżi tad-dejn sovran tal-2008, l-Unjoni hija ħafna aktar robusta biex tiffaċċja kriżi, iżda qed joħorġu sfidi ġodda għall-istabbiltà makroekonomika;
B. billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-valuri fundamentali bbażati fuq it-Trattati, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;
C. billi l-aspetti relatati mal-futur possibbli tal-qafas fiskali tal-UE ser jiġu ttrattati mir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku fir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew iddedikat għal dik il-kwistjoni; jinnota li l-qafas ser jiġi rivedut, u għandu jiġi adattat skont l-eżitu tar-rieżami;
D. billi l-aspetti soċjali u dawk relatati mal-impjieg tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS) huma ttrattati mir-rapport doppju bit-titlu "Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u Dawk Marbuta mal-Impjiegi fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021";
E. billi livelli għoljin ta' dejn pubbliku jistgħu jirrappreżentaw piż tqil fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u jxekklu l-irkupru;
F. billi l-pandemija laqtet lill-Istati Membri kollha, u ħolqot xokk simmetriku, iżda l-iskala tal-impatt, l-esponimenti ekonomiċi speċifiċi u l-kundizzjonijiet inizjali, kif ukoll il-pass u s-saħħa tal-irkupru ser ivarjaw b'mod sinifikanti;
G. billi l-perjodi fejn is-sitwazzjoni kienet favorevoli jeħtieġ li jintużaw biex jiġu implimentati riformi strutturali, b'mod partikolari miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tad-defiċits tal-baġit, id-dejn tal-gvern u s-self improduttiv u biex nippreparaw ruħna għall-possibbiltà ta' kriżi ekonomika jew reċessjoni oħra;
H. billi n-nisa ġew milquta b'mod sproporzjonat b'riżultat tal-kriżi u r-rispons ta' rkupru propost jindirizza l-isfidi marbuta mal-kriżi tal-COVID-19 fis-settur tal-kura u l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa;
I. billi l-Istati Membri ħadu miżuri fiskali mdaqqsa b'rispons għall-pandemija (4,2 % tal-PDG fl-2020 u 2,4 % tal-PDG fl-2021); billi l-output fl-ekonomija Ewropea bilkemm se jerġa' lura għal-livelli ta' qabel il-pandemija fl-2022;
J. billi l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati mill-Istati Membri se jinkludu l-aġenda nazzjonali tagħhom ta' riformi u investimenti mfassla f'konformità mal-objettivi tal-politika tal-UE, iffokata, fost oħrajn, fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
I.Il-kriżi tal-Covid, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-aġġustament temporanju tas-Semestru
1. Jieħu nota tal-fatt li s-Semestru Ewropew u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma marbutin mill-qrib; jinnota li l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza (RRPs) ser issir fil-kuntesttal-11-il kriterju raggruppati skont ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza; jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza l-pjanijiet bir-reqqa sabiex tiżgura li l-irkupru jiġġenera valur miżjud Ewropew, itejjeb il-kompetittività fit-tul u l-prospetti ta' tkabbir sostenibbli tal-Istati Membri, u jiggwida lill-ekonomiji Ewropej biex jindirizzaw l-isfidi u jisfruttaw il-benefiċċji tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-EPSR u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;
2. Jilqa', barra minn hekk, ir-rispons rapidu u intens għall-kriżi fil-qasam tal-politika monetarja u fiskali, fil-livell tal-UE u f'dak tal-Istati Membri, kif ukoll l-adozzjoni tal-QFP li jmiss u n-Next Generation EU (NGEU); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-iżborż rapidu tal-finanzjament; jisħaq li, sabiex ikunu ta' suċċess, it-tranżizzjoni klimatika u dik diġitali jrid ikollhom id-dimensjonijiet soċjali u tas-suq uniku fil-qalba tagħhom; jinsisti li l-fondi u r-riżorsi jkunu diretti lejn proġetti u benefiċjarji li jonfqu r-riżorsi b'mod responsabbli, effettiv u fuq proġetti vijabbli u sostenibbli li jiġġeneraw l-aktar impatt qawwi possibbli; ifakkar fir-rwol li l-Parlament Ewropew ser ikollu fid-djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilit mir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; li ser jara wkoll lill-kumitati kompetenti tiegħu jiskrutinizzaw ir-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;
3. Jissottolinja li l-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa li l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri jsiru aktar reżiljenti filwaqt li jfittex is-sostenibbiltà kompetittiva, il-konverġenza u l-koeżjoni fl-UE; jenfasizza li s-sjieda nazzjonali u t-trasparenza ser ikunu elementi essenzjali għall-implimentazzjoni rapida u b'suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-pjanijiet ta' rkupru; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li jsiru dibattiti fil-parlamenti nazzjonali u li l-Kummissjoni tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet interessati rilevanti b'mod proattiv sabiex jiġu diskussi l-abbozzi ta' pjanijiet nazzjonali fi stadju bikri, b'mod li jrendi possibbli soluzzjonijiet imfassla apposta u riformi speċifiċi;
4. Jilqa' l-fatt li sabiex jiffaċċjaw il-kriżi bla preċedent ikkawżata mill-COVID-19, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE stabbilixxew l-NGEU sabiex jgħin fl-irkupru; jinnota, għalhekk, li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza toħloq opportunità unika biex jitwettqu r-riformi u l-investimenti meħtieġa biex l-UE tkun lesta tindirizza l-isfidi attwali;
5. Jemmen li l-effetti "simetriċi" tal-COVID 19 fil-fatt wessgħu d-diverġenza soċjoekonomika bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħhom;
6. Jinnota wkoll li l-iskadenzi tas-Semestru Ewropew u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser jikkonċidu, fatt li jirrikjedi li l-proċess tas-Semestru jiġi temporanjament adattat sabiex titnieda sew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. jenfasizza li l-irkupru tal-UE joffri opportunità unika biex tingħata gwida lill-Istati Membri dwar fejn ir-riformi u l-investimenti huma l-aktar meħtieġa sabiex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn UE aktar sostenibbli, reżiljenti u inklużiva;
7. Jappoġġa l-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jinkludu fl-RRPs tagħhom investimenti u riformi f'oqsma ewlenin li huma konformi mal-objettiv tal-UE ta' tranżizzjoni klimatika u dik diġitali ekwi;
8. Iqis li l-erba' dimensjonijiet identifikati fl-ASGS tal-2020 - is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà - għandhom jitqiesu fit-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, li għandhom ikunu ffokati fuq is-sitt pilastri definiti fir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; itenni li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-Kummissjoni ser tittrażmetti l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mfassla mill-Istati Membri kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Parlament Ewropew simultanjament;
9. Jissottolinja li r-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jirrikonoxxi li n-nisa kienu partikolarment milquta mill-kriżi tal-COVID-19, peress li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni, u jibbilanċjaw ix-xogħol ta' indukrar mhux imħallas mar-responsabbiltajiet tal-impjieg tagħhom.
10. Iqis li l-adattament temporanju taċ-ċiklu ta' din is-sena ma jistax jegħleb l-iskop u l-funzjoni oriġinali tas-Semestru Ewropew, u ma jridx jimpedixxi l-iżvilupp ulterjuri tiegħu; ifakkar li ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew huwa qafas stabbilit sew għall-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki baġitarji, ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tagħhom, u wara l-kriżi tal-COVID-19, ser ikun meħtieġ aktar minn qatt qabel Semestru Ewropew li jiffunzjona biex jikkoordina dawn il-politiki madwar l-Unjoni Ewropea, iżda jinnota wkoll li s-Semestru, sa mill-bidu nett, ġie estiż biex jinkludi, fost l-oħrajn, kwistjonijiet relatati mas-settur finanzjarju u t-tassazzjoni, kif ukoll l-objettivi tal-SDGs tan-NU fis-Semestru Ewropew, u hekk qed tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-poplu tal-pjaneta tagħna fil-politika ekonomika tagħna; jinnota li sabiex tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, l-UE jeħtiġilha twettaq il-prinċipji tal-EPSR; ifakkar li l-promozzjoni b'mod sostenibbli tat-tkabbir b'saħħtu u sostenibbli tinvolvi l-promozzjoni ta' politiki fiskali responsabbli, riformi strutturali, investiment effettiv, trasformazzjoni diġitali u tranżizzjonijiet ekoloġiċi u ekwi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsibu bilanċ xieraq bejn it-tisħiħ tal-investiment pubbliku u privat li jkun sostenibbli u favur it-tkabbir u r-riformi strutturali fil-pjanijiet għall-irkupru;
11. Jemmen li l-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew 2021 joffri opportunità kbira biex tittejjeb is-sjieda nazzjonali, peress li l-Istati Membri qed jiżviluppaw RRPs speċifiċi għalihom biex jirrispondu għall-ħtiġijiet differenti tagħhom; f'dan ir-rigward, huwa konvint li l-leġittimità demokratika trid tiġi garantita u eventwalment imsaħħa, inkluż ir-rwol xieraq tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, kif minqux fir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jistieden lill-Istati Membri jibnu, jekk meħtieġ bl-użu tal-Istrument ta' Appoġġ Tekniku, il-kapaċità amministrattiva u ta' monitoraġġ meħtieġa biex jipprovdu garanziji sodi tal-użu xieraq u effiċjenti tal-fondi, kif ukoll livell għoli ta' kapaċità ta' assorbiment; ifakkar li l-RRPs huma soġġetti għar-rekwiżiti orizzontali ta' governanza ekonomika soda u r-reġim ġenerali ta' regoli għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni;
II.Prospetti ekonomiċi għall-UE
12. Josserva bi tħassib kbir is-sitwazzjoni diffiċli immens li l-ekonomiji tal-UE sabu rwieħhom fiha u li, skont it-tbassir ekonomiku tax-Xitwa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG naqas b'rata bla preċedent kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE kollha kemm hi; jinnota li l-PDG tal-UE naqas b'6,3 % (6,8 % fiż-żona tal-euro) fl-2020 filwaqt li huwa mbassar irkupru ekonomiku ta' 3,7 % (3,8 % fiż-żona tal-euro) fl-2021;
13. Jenfasizza li r-riċessjoni ekonomika bla preċedent fl-2020 u l-miżuri meħuda b'rispons għall-pandemija huma mistennija li jgħollu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-UE għal quċċata ġdida ta' madwar 93,9 % (101,7 % fiż-żona tal-euro) fl-2020, b'żieda ulterjuri mbassra għal madwar 94,6 % (102,3 % fiż-żona tal-euro) fl-2021; jenfasizza li għad hemm livell għoli ta' inċertezza u li l-perspettiva ekonomika tiddependi ħafna fuq kemm tista' tingħeleb malajr il-pandemija; jifhem, barra minn hekk, li dawn il-livelli ta' dejn jistgħu jiġu sostnuti minn tkabbir ekonomiku suffiċjenti; itenni l-importanza tas-sostenibbiltà fit-tul tad-dejn sovran; jinnota l-fatt li bosta Stati Membri daħlu fil-kriżi attwali f'pożizzjoni fiskali dgħajfa, li qed taggrava aktar bil-pandemija;
14. Jinsab imħasseb dwar l-impatt partikolarment negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-UE, b'mod partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), is-suq uniku u l-kompetittività tiegħu u jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-EPSR u l-SDGs tan-NU; jemmen, għalhekk, li l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri hija, fost l-oħrajn, għodda essenzjali għat-tnaqqis tal-impatt negattiv imsemmi; huwa tal-opinjoni li jekk l-UE ma tkunx tista' tipprovdi rispons adegwat għal din il-kriżi attwali, kemm iż-żona tal-euro u kif ukoll l-UE fit-totalità tagħha jkunu f'riskju li jaqgħu iżjed lura f'termini tal-kisba tal-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali, il-kompetittività, il-produttività, l-ekwità u l-istabbiltà makroekonomika;
15. Itenni l-importanza li jiġu salvagwardjati l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi fiżiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni insulari, periferiċi u skarsament popolati tal-UE kif ukoll l-importanza tas-sitwazzjoni tar-reġjuni l-anqas żviluppati tal-UE, li hija prekundizzjoni meħtieġa għat-trawwim, fost affarijiet oħra, tat-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u ekwi, l-innovazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-irkupru u l-kompetittività;
16. Jappella għal implimentazzjoni aħjar ta' finanzi pubbliċi responsabbli, riformi strutturali soċjalment ekwilibrati li jtejbu il-prospettivi fit-tul u investiment pubbliku u privat ta' kwalità għolja u effiċjenti, fost oħrajn, sabiex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;
17. Huwa mħasseb dwar l-impatt tal-miżuri ta' konteniment adottati b'reazzjoni għall-pandemija fuq ir-rata baxxa ta' tkabbir fil-produttività fl-UE u t-tnaqqis evidenti fit-tkabbir tal-produttività fiż-żona tal-euro qabel il-pandemija; huwa tal-fehma li għandha tiġi segwita strateġija ekwilibrata għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u ambjent favorevoli għall-investiment, filwaqt li tittejjeb is-sostenibbiltà fiskali; jisħaq li għandha ssir enfasi speċjali fuq investimenti u politiki li jħarsu lejn il-futur, speċjalment minn dawk l-Istati Membri li għandhom spazju fiskali biex jinvestu sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv;
18. Jilqa' l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija l-ġdida ta' tkabbir sostenibbli tal-UE li tlaqqa' flimkien erba' dimensjonijiet: l-ambjent, il-produttività, l-istabbiltà u l-ekwità, bis-saħħa tat-teknoloġiji diġitali u ekoloġiċi, bażi industrijali innovattiva u awtonomija strateġika;
III.Politiki fiskali u sostenibbli responsabbli
19. Jinnota li għalkemm hemm sfidi ġodda rigward l-istabilità makroekonomika, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tinsab f'pożizzjoni ħafna aħjar biex tiffaċċja l-kriżijiet milli kienet matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008; jinsab konvint li l-promozzjoni ta' rkupru ekonomiku reżiljenti u sostenibbli f'konformità mal-objettivi tal-politika tal-UE, iffokat fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, ġusti u diġitali hija waħda mill-aktar prijoritajiet immedjati importanti; jinnota li l-mezzi biex tingħeleb il-kriżi attwali huma ta' natura tali, li jirrikjedu politika fiskali espansjonarja sakemm dan ikun meħtieġ;
20. Jirrimarka li dawk l-Istati Membri li kellhom buffers fiskali kienu kapaċi jimmobilizzaw pakketti ta' stimolu fiskali b'pass ħafna aktar mgħaġġel u mingħajr spejjeż assoċjati mas-self, li għenu biex jittaffew l-effetti soċjoekonomiċi negattivi tal-pandemija; itenni li r-riforniment tal-buffers fiskali matul iż-żmien, b'mod soċjalment responsabbli, ser ikun importanti fit-tħejjija għal kriżijiet futuri; iħeġġeġ, madankollu, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex ma jirrepetux l-iżbalji tal-passat fir-rispons għall-kriżi ekonomika; jikkondividi l-fehma tal-Bord Fiskali Ewropew li t-treġġiħ lura rapidu tal-pożizzjoni fiskali mhuwiex rakkomandabbli għall-irkupru;
21. Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fl-2021 kif previst skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. jirrimarka li l-qafas ta' governanza ekonomika għandu jqis ukoll ir-realtajiet ekonomiċi attwali u jkun koerenti mal-prijoritajiet politiċi tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin itejjeb ir-rispett tar-regoli fiskali, li għandhom jiġu simplifikati u jkunu ċari u prattiċi, u jiġu rieżaminati u adattati skont l-eżitu; jappella għal approċċ aktar prammatiku u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li dan il-qafas il-ġdid ikun aktar strett fi żminijiet ekonomiċi tajbin u aktar flessibbli fi żminijiet ekonomiċi ħżiena;
22. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, jenfasizza li r-regoli fiskali u baġitarji attwali tal-UE jipprovdu l-flessibilità meħtieġa fi żminijiet ta' kriżi, permezz tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jippermettu lill-Istati Membri kollha jadottaw il-pożizzjoni fiskali meħtieġa biex jipproteġu l-ekonomiji tal-UE, u b'hekk juru kontroċikliċità straordinarja;
23. Jistenna li l-klawżola liberatorja ġenerali ser tibqa' attivata sakemm il-ġustifikazzjoni sottostanti tal-attivazzjoni tkun teżisti sabiex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jirkupraw mill-kriżi pandemika u jsaħħu l-kompetittività, kif ukoll ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħhom; jieħu nota tal-fehma tal-Kummissjoni li, skont l-indikazzjonijiet preliminari attwali, il-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tkompli tiġi applikata fl-2022 u tiġi diżattivata fl-2023; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew tagħha abbażi tat-tbassir ekonomiku tagħha tar-rebbiegħa 2021; jinnota li l-Kummissjoni se tkompli tikkunsidra sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali;
24. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rispons ta' politika fiskali għall-COVID-19(11), li tistabbilixxi l-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar kif it-tmexxija tal-politika fiskali għandha tiġi koordinata fil-livell tal-UE, billi jittieħed għall-fażi li jmiss l-approċċ miftiehem biex tiġi indirizzata l-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija, jiġi appoġġat l-irkupru sostenibbli u tinżamm is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju; jirrikonoxxi li l-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq il-perjodu ta' żmien medju, sakemm din id-devjazzjoni ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu ta' żmien medju u ma twassalx biex jiġu sospiżi l-proċeduri tal-Patt; jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li r-riskji għas-sostenibbiltà żdiedu minħabba l-impatt sever tal-kriżi u li dan aktarx iwassal għal anqas tkabbir favorevoli u trajettorji fiskali fil-perjodu medju; jenfasizza s-sejħa tal-Kummissjoni biex isir l-aħjar użu mill-klawżola liberatorja ġenerali u n-Next Generation EU;
25. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv sabiex tindirizza l-frodi tat-taxxa, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll kwistjonijiet ta' ħasil tal-flus, li jnixxu riżorsi potenzjali mill-baġits nazzjonali u jfixklu l-kapaċità ta' azzjoni tal-gvernijiet biex jirkupraw mill-pandemija tal-COVID-19;
26. Jinnota l-fatt li, sal-aħħar ta' April 2021, il-Kummissjoni beħsiebha twettaq reviżjonijiet dettaljati li jivvalutaw is-sitwazzjoni attwali tal-iżbilanċi għal Stati Membri partikolari; jinnota, barra minn hekk, li għadd ta' żbilanċi makroekonomiċi eżistenti qed jiġu aggravati mill-kriżi tal-COVID-19;
27. Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li titlesta u tissaħħaħ l-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi jitlestew l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bil-ħsieb li jiġu protetti ċ-ċittadini u titnaqqas il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi matul xokkijiet esterni sabiex jingħelbu l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi;
IV.Riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir, ekwilibrati u sostenibbli
28. Huwa konxju li l-kriżi tal-COVID-19 ma tistax tissolva biss permezz tal-pożizzjoni fiskali attwali; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li jiġu implimentati riformi strutturali profondi, ekwilibrati u sostenibbli u soċjalment ġusti li huma favur it-tkabbir u mfassla apposta biex iwettqu, fost affarijiet oħra, tkabbir u impjiegi sostenibbli u soċjalment inklużivi, li jistgħu jappoġġaw l-irkupru b'mod effiċjenti, kif ukoll jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, l-impjiegi ta' kwalità, it-tnaqqis tal-faqar, u l-SDGs tan-NU, u jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u lis-suq uniku, iżidu l-konverġenza u t-tkabbir aktar b'saħħtu u sostenibbli fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri; jirrimarka li l-potenzjal ta' tkabbir fit-tul tal-ekonomiji tal-Istati Membri b'mod partikolari, jista' jissaħħaħ biss permezz ta' titjib strutturali; jinnota, madankollu, li l-effettività u s-suċċess tal-allinjament tal-miżuri ta' politika tal-Istati Membri ser jiddependu fuq ir-rieżami tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u, skont l-eżitu tiegħu, l-adattament tiegħu kif ukoll is-sjieda miżjuda mill-Istati Membri tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdem fuq il-ħolqien ta' indikatur tal-klima li jivvaluta d-diskrepanza bejn l-istruttura tal-baġits tal-Istati Membri u xenarju allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi għal kull wieħed mill-baġits nazzjonali tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li dan l-indikatur jipprovdi lill-Istati Membri b'informazzjoni dwar it-trajettorja tagħhom fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi bil-għan li jiżguraw li l-Ewropa tkun tista' ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050; jistenna li l-indikatur tal-klima jkun ta' referenza għad-diversi politiki tal-UE u b'hekk jintuża wkoll bħala gwida għas-Semestru Ewropew, mingħajr ma jiddgħajjef l-iskop oriġinali tiegħu;
30. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali huwa prekundizzjoni biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà u jibbenefikaw mill-vantaġġi tat-tranżizzjoni diġitali; jirrimarka li dan jirrikjedi riformi fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-ħiliet u anki fl-edukazzjoni tul il-ħajja biex is-suq tax-xogħol jiġi dirett waqt it-tranżizzjoni u biex jiġu żviluppati u permessi teknoloġiji diġitali ewlenin u biex jinbena l-futur diġitali tal-Ewropa; jirrimarka barra minn hekk li għandha tiġi appoġġata l-ugwaljanza fl-aċċess trasversali għall-infrastruttura, it-tagħmir u l-ħiliet diġitali bil-għan li jiġi evitat id-distakk diġitali;
31. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, biex filwaqt li jirrispettaw is-sostenibbiltà fiskali u r-regoli baġitarji sodi, joħolqu qafas regolatorju u ta' governanza li jinkludi regoli ta' investiment jew mekkaniżmi adegwati oħra, li jkunu prevedibbli u li jsostnu l-investimenti pubbliċi u privati f'konformità mal-objettivi fit-tul tal-UE, filwaqt li jiżguraw il-kapaċità tal-Istati Membri li jirrispondu għal kriżijiet futuri;
32. Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jippreżentaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u l-RRPs tagħhom f'dokument uniku integrat;
33. Jenfasizza li l-fatt li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju, tista' tkun opportunità unika biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi tagħhom kif identifikati fil-qafas tas-Semestru Ewropew;
34. Ifakkar li riformi strutturali soċjalment ekwilibrati u li jiffavorixxu t-tkabbir mhux dejjem jeħtieġu spazju fiskali, iżda pjuttost sforzi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi;
35. Jenfasizza li ser ikunu meħtieġa monitoraġġ u viġilanza kontinwi u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi emerġenti permezz ta' riformi li jżidu r-reżiljenza ekonomika u soċjali u jippromwovu t-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u ġusti; jinsab kuntent li l-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-riformi proposti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-snin preċedenti; iqis li dan il-proċess għandu jqis il-prospettiva ekonomika u soċjali tal-Istati Membri;
V.Investiment
36. Jisħaq fuq il-fatt li l-UE qed tiffaċċja l-isfida bla preċedent li ttaffi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija, b'kunsiderazzjoni tal-istrateġiji tal-UE bil-għan li jkun hemm impatt dejjiemi fuq ir-reżiljenza tal-Istati Membri, u jemmen li l-irkupru ekonomiku għandu jitwettaq permezz tat-tisħiħ tas-suq uniku, tar-riċerka u l-innovazzjoni, u bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-SDGs tan-NU, l-implimentazzjoni tal-EPSR u l-kompetittività, filwaqt li tittaffa s-sitwazzjoni tal-SMEs u jitjieb l-aċċess tagħhom għall-kapital privat; jinsab konvint li dan jirrikjedi kemm livell ogħla ta' investiment ekonomikament, soċjalment, ambjentalment u diġitalment vijabbli fit-tul kif ukoll konverġenza u koeżjoni msaħħa fl-UE u fl-Istati Membri;
37. Jagħmel enfasi fuq in-nuqqas ta' investiment, peress li l-projezzjonijiet jiżvelaw il-ħtieġa għal espansjoni tal-investiment; jenfasizza li l-investimenti pubbliċi huma limitati peress li jirrappreżentaw riżorsi skarsi li fil-parti l-kbira tagħhom huma ffinanzjati mill-kontribwenti; jirrimarka li d-daqs tad-diskrepanza fl-investiment jirrikjedi wkoll investimenti privatiu pubbliċi mdaqqsa, li jiġġeneraw livell ta' infrastruttura adegwat, kif ukoll ambjent tan-negozju prevedibbli u favorevoli li jiffavorixxi tali investimenti;
38. Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq investiment pubbliku u privat immirat u sostenibbli f'infrastruttura valida għall-futur u f'oqsma oħra li jsaħħu aktar is-suq uniku, it-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar nadifa, soċjalment inklużiva, sostenibbli u diġitali u li jżidu l-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-proġetti transfruntiera u multinazzjonali għandhom jingħataw prijorità;
39. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu adottati politiki favur l-investiment, jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti, b'mod partikolari għall-SMEs, li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u tal-ħolqien tal-impjiegi; iqis li dan kollu jiffaċilita kemm l-irkupru ekonomiku kif ukoll joħloq kundizzjonijiet vantaġġużi għat-tkabbir fit-tul;
VI.Semestru Ewropew aktar demokratiku
40. Jenfasizza l-importanza ta' dibattitu sħiħ u l-involviment xieraq tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew fil-proċess tas-Semestru Ewropew; itenni s-sejħa tiegħu biex jissaħħaħ ir-rwol demokratiku tal-Parlament Ewropew fil-qafas tal-governanza ekonomika, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu kif xieraq ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-parlamenti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, infurmati tajjeb f'miżura ugwali dwar l-aspetti kollha relatati mal-applikazzjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE, inkluż dwar l-istadji preparatorji;
41. Jappella għal koordinazzjoni impenjata mas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, bil-ħsieb li jissaħħu l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza;
42. Jissottolinja r-rwol importanti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jieħu azzjoni bl-għan li jittejjeb l-obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-Parlament, peress li l-esperjenza miksuba s'issa fl-applikazzjoni tas-Semestru Ewropew uriet li l-qafas attwali tal-obbligu ta' rendikont jista' jissaħħaħ sabiex jittejbu l-leġittimità u l-effikaċja tiegħu;
43. Ifakkar li s-Semestru Ewropew huwa eżerċizzju mħallat li jikkonsisti fl-hekk imsejħa semestri nazzjonali u Ewropej matul is-sena; ifakkar fl-importanza tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;
o o o
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.