Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-assassinju tal-ambaxxatur Taljan Luca Attanasio u tal-entourage tiegħu (2021/2577(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dik tat-18 ta' Jannar 2018(1) bl-istess titolu u dik tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-każ ta' Dr Denis Mukwege fir-RDK(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-22 ta' Frar 2021 dwar ir-RDK,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Mejju 2020 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Ituri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2463 tad-29 ta' Marzu 2019 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) sal-20 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2033 tal-10 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo(3),
– wara li kkunsidra l-miżuri stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2528 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar it-tiġdid ta' miżuri dwar l-embargo fuq l-armi kontra r-RDK impost bir-riżoluzzjoni 2293 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà sal-1 ta' Lulju 2021 u l-estensjoni tal-mandat tal-Grupp ta' Esperti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) sal-1 ta' Awwissu 2021, li ġeddet sal-1 ta' Lulju 2021 serje ta' sanzjonijiet bħal embargo fuq l-armi fuq gruppi armati fir-RDK, projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar ta' individwi u ffriżar tal-assi ta' individwi u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU ta' Awwissu 2010 dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar li jiddokumenta l-każijiet ta' ksur l-aktar serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa fit-territorju tar-RDK bejn Marzu 1993 u Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u MONUSCO tas-6 ta' Lulju 2020 intitolat "Ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-grupp armat tal-Forzi Demokratiċi Alleati u minn membri tal-forzi tad-difiża u tas-sigurtà fit-territorju Beni, fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Kivu u fit-territorji ta' Irumu u Mambasa, fil-provinċja ta' Ituri, bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-31 ta' Jannar 2020",
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni tal-landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitt u ta' riskju għoli (ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt)(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija tat-23 ta' Ġunju 2000 bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou)(5),
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-22 ta' Frar 2021 Luca Attanasio, ambaxxatur Taljan għar-RDK, is-sewwieq tiegħu Mustapha Milambo, u Vittorio Iacovacci, uffiċjal tal-pulizija militari Taljan, inqatlu minn persuni armati waqt attakk fuq il-konvoj tagħhom; billi l-ambaxxatur u l-persunal tiegħu kienu qed jivvjaġġaw f'vettura tan-NU minn Goma biex iżuru proġett tal-iskola tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU (WFP) f'Rutshuru; billi r-rotta kienet tgħaddi minn triq li qabel kienet identifikata bħala sikura għall-ivvjaġġar mingħajr tim ta' sigurtà;
B. billi l-gwardjani mill-Park Nazzjonali Virunga ppruvaw isalvaw il-ħajjiet tal-ambaxxatur u tal-entourage tiegħu; billi l-gwardjani nfushom jaħdmu taħt it-theddida kostanti ta' ħtif u qtil minn gruppi ribelli; billi sitt gwardjani nqatlu u s-seba' wieħed indarab f'attakk f'Jannar 2021 f'Nyamitwitwi; billi 12-il gwardjan u ħames ċivili nqatlu f'imbuskata f'April 2020;
C. billi s-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK qed tkompli tiddeterjora, b'mod partikolari fil-fruntiera bejn Ituri, in-Nofsinhar ta' Kivu u t-Tramuntana ta' Kivu; billi madwar 120 grupp armat, inklużi l-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda, il-Forzi Demokratiċi Alleati, u Nduma défence de la Congo-Rénové, joperaw fir-reġjun u jikkompetu għall-aċċess għar-riżorsi naturali u għall-kontroll tagħhom, inklużi l-minerali, u kienu responsabbli għall-każijiet ta' ħtif, qtil, tortura u vjolenza sesswali;
D. billi l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK kkawżat aktar minn 2 000 vittma fl-2020; billi l-vjolenza żdiedet anke aktar mill-bidu tal-2021; billi ċ-ċivili, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal, huma fil-mira tal-vjolenza ripetuta, li rriżultat fil-mewt ta' aktar minn 150 persuna bejn il-11 ta' Diċembru 2020 u l-10 ta' Jannar 2021; billi sal-ewwel xahrejn tal-2021, aktar minn 100 persuna nħatfu u ħafna oħrajn indarbu; billi l-infrastruttura medika u r-riżorsi naturali nqerdu, u ġie rrapportat li d-djar ingħataw in-nar; billi l-konsegwenzi umanitarji ta' din il-vjolenza huma kawża ta' tħassib; billi sal-lum in-NU rreġistraw aktar minn 67 000 persuna spostata;
E. billi, skont il-Kivu Security Tracker, ġew irrapportati 152 każ ta' qtil ċivili, 61 każ ta' ħtif għal riskatt u 34 każ ta' sekwestru ta' persuna kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar ta' Kivu mill-1 ta' Jannar 2021;
F. billi fit-12 ta' Marzu 2017, irġiel armati qatlu żewġ investigaturi tan-NU – Zaida Catalán, Żvediża, u Michael Sharp, Amerikan – u l-interpretu tagħhom Betu Tshintela waqt li kienu qed jiddokumentaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ċentrali ta' Kasai fir-RDK;
G. billi r-RDK għandha waħda mill-ogħla rati ta' spostament intern fid-dinja; billi aktar minn ħames miljun persuna ġew spostati minħabba nuqqas ta' sigurtà fi ħdan il-fruntieri tal-pajjiż; billi ħafna nisa u tfal jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji, jorqdu barra jew fi spazji pubbliċi ffullati żżejjed u huma esposti għar-riskju ta' fastidju, attakk jew sfruttament sesswali; billi l-popolazzjonijiet spostati spiss ma jirċievu l-ebda servizz bażiku ta' salvataġġ u huma f'riskju ta' malnutrizzjoni u mard; billi mill-4 ta' Frar 2021, ġiet iddikjarata tifqigħa tal-Ebola fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Kivu;
H. billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji rrapporta żieda fil-każijiet ta' ħtif u attakki fuq ħaddiema u konvojs umanitarji, li ġiegħlu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom; billi membri tas-soċjetà ċivili, inklużi attivisti, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, intimidazzjoni u attakki; billi ħafna minnhom jirriskjaw ħajjithom biex jiddefendu l-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
I. billi l-mandat tal-MONUSCO jiskadi fl-20 ta' Diċembru 2021 u billi r-reġim ta' sanzjonijiet tar-RDK stabbilit bir-Riżoluzzjoni 1533 tan-NU jiskadi fil-1 ta' Lulju 2021; billi l-għadd ta' truppi u l-baġit allokat lill-MONUSCO qed ikomplu jonqsu;
J. billi f'Diċembru 2020, l-UE ġeddet is-sanzjonijiet immirati stabbiliti kontra ħdax-il uffiċjal tar-RDK responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
K. billi r-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar ippubblikat fl-2010 ddokumenta 617-il każ ta' ksur serju kkorroborati tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK bejn l-1993 u l-2003; billi r-rapport ta dettalji dwar sensiela ta' rakkomandazzjonijiet, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma ġewx implimentati; billi l-impunità għadha problema serja.
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil ta' Luca Attanasio, Moustapha Milambo u Vittorio Iacovacci, u jesprimi s-simpatija profonda tiegħu mal-familji tal-vittmi, il-Gvern tal-Italja u l-persunal nazzjonali tal-WFP; jiddeplora it-telf tal-ħajjiet u l-qtil ta' ċivili innoċenti;
2. Jappella biex issir investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti u trasparenti taċ-ċirkostanzi tal-qtil; jilqa' l-impenn tal-President Tshisekedi li jniedi inkjesta u jħeġġeġ kemm lill-Gvern tar-RDK kif ukoll lill-mexxejja provinċjali biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet Taljani u man-Nazzjonijiet Uniti;
3. Jisħaq fuq il-fatt li hija r-responsabbiltà primarja tal-Gvern tar-RDK biex jiżgura s-sigurtà fit-territorju tiegħu u jipproteġi l-popolazzjonijiet tiegħu filwaqt li jħares ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-protezzjoni minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;
4. Jinsisti bil-qawwa li l-awtoritajiet tar-RDK għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itemmu l-attakki armati fuq ċivili u għandhom jinvestigaw bir-reqqa, b'mod indipendenti, effettiv u imparzjali kull qtil u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja permezz ta' proċessi ġusti;
5. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-milizzja lokali fil-Lvant tar-RDK; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fir-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar, kif ukoll għal delitti oħra mwettqa fir-RDK meqjusa bħala serji skont id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali;
6. Iħeġġeġ lill-President Félix Tshisekedi jissodisfa l-impenn tiegħu li jiżgura li jinżammu responsabbli dawk responsabbli għall-qtil tal-investigaturi tan-NU Zaida Catalán u Michael Sharp u l-interpretu tagħhom Betu Tshintela, u jappella għal trasparenza sħiħa f'din l-investigazzjoni;
7. Jinsab imħasseb dwar il-persistenza ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali kontra ċivili fil-Lvant tar-RDK, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji, vjolenza sesswali u sessista flimkien mar-reklutaġġ u l-użu fuq skala kbira ta' tfal minn gruppi armati, kif ukoll il-qtil ta' ċivili minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK; jisħaq li dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; jiddeplora t-theddida kontinwa ta' vjolenza esperjenzata mill-popolazzjoni lokali, il-ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-komunità diplomatika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li joperaw fil-Lvant tar-RDK;
8. Jinsab estremament imħasseb dwar il-livelli kontinwi ta' impunità fil-pajjiż; jinnota li meta ma tiġix indirizzata l-impunità għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, dan jipperpetwa biss aktar abbużi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK iressqu malajr quddiem il-ġustizzja lill-awturi tal-attakk tat-22 ta' Frar 2021 u jieħdu passi serji biex issir ġustizzja tranżizzjonali;
9. Itenni l-appell tiegħu biex jiġu avvanzati r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tan-NU dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni dwar il-ħolqien ta' kmamar imħallta speċjalizzati fil-qrati tar-RDK li jippermettu kooperazzjoni bejn il-ġudikatura tar-RDK u l-komunità internazzjonali dwar il-prosekuzzjoni ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għat-tisħiħ tas-settur tal-ġustizzja nazzjonali kollu biex jittieħdu passi kontra reati li kkawżaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-forzi tas-sigurtà u tad-difiża; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK biex ineħħu minn fost l-uffiċjali tal-forzi tas-sigurtà u uffiċjali oħra tal-fergħa eżekuttiva lil dawk li ġew irrapportati min-NU u r-RDK u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem minħabba li huma implikati fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' skrutinju formali bħala parti minn sforzi aktar mifruxa fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, biex jiġi żgurat li jiġu impjegati l-aktar kandidati adegwati u li l-forzi tas-sigurtà jaġixxu b'mod konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella lill-awtoritajiet biex itemmu l-appoġġ kollu li l-uffiċjali tal-forzi tas-sigurtà u l-mexxejja politiċi jagħtu lill-gruppi armati u jiżguraw li dawk responsabbli għal dan l-appoġġ jinżammu responsabbli fi proċessi ġusti;
11. Jappella lill-Gvern tar-RDK jadotta approċċ ta' tolleranza żero għall-kollaborazzjoni bejn il-mexxejja politiċi, il-forzi armati u l-pulizija, u l-gruppi armati;
12. Jappella lill-awtoritajiet tar-RDK jistabbilixxu b'mod urġenti programm effettiv ta' demobilizzazzjoni, diżarm u riintegrazzjoni (DDR) u strateġija għat-trattament ta' gruppi armati, b'appoġġ fit-tul biex jiġi evitat li jirritornaw l-eks ġellieda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jipprovdu assistenza umanitarja kritika lil mijiet ta' ġellieda demobilizzati li attwalment huma stazzjonati f'kampijiet tad-DDR bi provvisti tal-ikel skarsi u ebda aċċess għal kura medika adegwata;
13. Jisħaq fuq id-determinazzjoni tal-MONUSCO li tkompli tagħmel il-massimu tagħha biex tiżgura l-protezzjoni ta' ċivili f'konformità mal-mandat tagħha u biex tappoġġja l-isforzi nazzjonali biex jiġu kkonsolidati l-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; jinnota li r-rwol tagħha għandu jiġi rriaffermat permezz ta' mandat ċar fejn għandhom jintlaħqu l-punti ta' riferiment relatati mas-sitwazzjoni tas-sigurtà qabel l-irtirar possibbli tagħha mir-reġjun;
14. Ifakkar li l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK hija marbuta ħafna mal-kummerċ tal-materja prima; jenfasizza li kwalunkwe negozju, individwu, stat jew attur relatat ma' stat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta' reati bħal dawn irid jitressaq quddiem il-ġustizzja; jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt f'Jannar 2021; jisħaq li dan ir-regolament iżomm lir-RDK fil-lista ta' pajjiżi meqjusa li huma milquta minn kunflitti u ta' riskju għoli; jinnota li l-akbar sfida għadha d-deheb artiġjanali, li l-ġestjoni tiegħu hija sors ta' instabbiltà fir-reġjun; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' aktar azzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja u l-imġiba kummerċjali responsabbli min-negozji li joperaw f'żoni ta' kunflitt;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi biex jinqata' l-finanzjament għall-gruppi armati involuti f'attivitajiet destabbilizzanti permezz tal-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inkluż deheb jew prodotti ta' organiżmi selvaġġi;
16. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja, speċjalment iż-żieda reċenti fl-għadd ta' persuni spostati internament fir-RDK, li għadha taffettwa serjament il-popolazzjoni ċivili; ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar l-attivitajiet militari li għaddejjin ta' gruppi armati barranin u domestiċi u l-kuntrabandu tar-riżorsi naturali tar-RDK; jappella lill-investituri internazzjonali kollha, inkluża ċ-Ċina, biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali, l-istandards u l-aħjar prattiki tal-estrazzjoni responsabbli;
17. Jikkundanna l-qtil tal-ekogwardji tal-Park Nazzjonali ta' Virunga matul l-attakki li seħħew fl-2020; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK iżarma lir-ribelli mill-armi u jistabbilixxi mill-ġdid is-sigurtà fir-reġjun tal-Park;
18. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Kunsill tan-NU dwar is-Sigurtà tal-14 ta' Jannar 2021 bit-titolu "United Nations Strategy for Peace Consolidation, Conflict Prevention and Conflict Resolution in the Great Lakes region" (Strateġija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi, il-Prevenzjoni tal-Konflitti u r-Riżoluzzjoni tal-Konflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar); iħeġġeġ lill-partijiet involuti biex ikomplu l-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż permezz tal-Uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal-Lagi l-Kbar, biex jindirizzaw il-vjolenza, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità fil-Lvant tar-RDK;
19. Jappella lill-Gvern tar-RDK biex jiżgura governanza aħjar fil-livelli kollha tal-istat u tas-soċjetà, inkluż il-finanzi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella biex il-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE jintuża fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jisħaq fuq l-importanza li fl-2023 jiġi organizzat proċess elettorali kredibbli u li tiġi garantita sigurtà sostenibbli fil-Lvant tar-RDK;
20. Jappella lill-VP/RGħ, lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet tal-UE fir-RDK biex iżidu l-viżibbiltà tal-appoġġ tagħhom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fir-RDK permezz tal-għodod kollha disponibbli (jiġifieri politiċi, diplomatiċi u finanzjarji), bħala miżura protettiva li tipprovdi rikonoxximent għall-ħidma tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u jirrikonoxxu r-rwol importanti tagħhom bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jiġġieldu għall-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri;
21. Jappella lill-Unjoni Ewropea biex iżżid il-finanzjament għar-RDK biex tindirizza s-sottofinanzjament serju tal-aġenziji tan-NU li jaħdmu mal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali biex jipproteġu liċ-ċivili;
22. Jissottolinja bil-qawwa l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani u l-istabbiliment ta' strateġija reġjonali mill-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK; jappella biex il-missjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sigurtà u t-titjib tas-sitwazzjoni umanitarja;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.