Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Renju tal-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet tal-priġunieri li qed jistennew il-piena tal-mewt u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Renju tal-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet tal-priġunieri li qed jistennew il-piena tal-mewt u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2021/2578(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(1), u tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-13 ta' Lulju 2020 dwar iż-żamma ta' pieni tal-mewt fil-Bahrain, tal-10 ta' Ġunju 2020 dwar il-ħelsien tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Nabeel Rajab, tad-9 ta' Jannar 2020 dwar il-konferma tal-piena tal-mewt għal żewġ ċittadini tal-Bahrain, u tas-27 ta' Lulju 2019 dwar l-eżekuzzjonijiet ta' Ali al-Arab u Ahmed al-Malali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Frar 2020 ta' Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Fionnuala Ni Aolain, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u Nils Melzer, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li tħeġġeġ lill-Bahrain biex iħassar il-pieni tal-mewt fil-konfront ta' Mohammed Ramadan u Husain Moosa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2019 tal-VP/RGħ Federica Mogherini, f'isem l-UE, u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-Libertà tal-Espressjoni,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-promozzjoni, ir-rispett u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-25 sessjoni tal-Kunsill Konġunt u tal-Laqgħa Ministerjali tal-UE-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Bahrain,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, li l-Bahrain huwa parti għalihom,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (Bahrain Independent Commission of Inquiry - BICI),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara r-rewwixta popolari tal-2011, l-awtoritajiet tal-Bahrain għadhom qed jiksru u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi għal protesta paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali kemm online kif ukoll offline; billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti politiċi qed jiffaċċjaw attakki sistematiċi kontinwi, fastidju, detenzjoni, tortura, intimidazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u revoka taċ-ċittadinanza; billi, mill-2011 'l hawn, l-awtoritajiet irrifjutaw it-talbiet kollha tal-oppożizzjoni demokratika u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex jiġu rispettati l-libertajiet tal-kelma u ta' għaqda; billi fil-Bahrain ma hija ttollerata l-ebda oppożizzjoni politika; billi l-awtoritajiet arrestaw bosta tfal talli ssieħbu fi protesti fi Frar 2021, u ġie rrappurtat li dawn ġew soġġetti għal theddid ta' stupru u ta' xokkijiet tal-elettriku; billi, mill-4 ta' Marzu 2021 'l hawn, mill-inqas tlieta minnhom għadhom f'detenzjoni, inkluża persuna ta' 16-il sena b'kundizzjoni medika serja;
B. billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, ċittadin Bahraini u Daniż, kofundatur taċ-Ċentru tal-Bahrain għad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, bħalissa qed itemm l-għaxar sena tiegħu fil-ħabs filwaqt li qed jiskonta sentenza ta' għomru l-ħabs fuq akkużi li "ffinanzja t-terroriżmu u pparteċipa fih biex iwaqqa' l-gvern u jispjuna għal pajjiż barrani"; billi wara l-arrest ta' Abdulhadi Al-Khawaja, huwa ġie msawwat, ittorturat u kkundannat fi proċess inġust li ma kienx konformi mad-dritt kriminali tal-Bahrain jew mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust; billi, f'Lulju 2012, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li l-arrest ta' Al-Khawaja kien arbitrarju, peress li rriżulta mill-eżerċizzju tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u appella għall-ħelsien tiegħu;
C. billi Nabeel Rajab, wieħed mill-aktar difensuri Bahraini prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, inħeles mill-ħabs fid-9 ta' Ġunju 2020 biex jiskonta l-bqija tas-sentenza ta' ħames snin tiegħu skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi;
D. billi bejn l-2011 u l-2020, il-Bahrain ikkundanna għall-mewt madwar 50 persuna, meta mqabbel mas-seba' pieni tal-mewt mogħtija bejn l-2001 u l-2010; billi 27 persuna huma bħalissa kkundannati għall-mewt fil-Bahrain, li minnhom 26 jinsabu f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni; billi fil-15 ta' Jannar 2017 il-Bahrain temm moratorju de facto ta' seba' snin fuq il-piena tal-mewt billi ġġustizzja tliet persuni ċivili; billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, ġew iġġustizzjati sitt persuni; billi dawn l-eżekuzzjonijiet ġew iddikjarati qtil ekstraġudizzjarju mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji; billi l-piena tal-mewt hija l-aktar piena krudili, inumana u degradanti, u tikser id-dritt għall-ħajja li huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta' dawk li jkunu qed jistennew il-piena tal-mewt jikkawżaw tbatija psikoloġika estrema;
E. billi osservaturi indipendenti jirrapportaw li fil-maġġoranza tal-eżekuzzjonijiet reċenti, l-awtoritajiet tal-Bahrain akkwistaw konfessjonijiet permezz tat-tortura, u l-imputati ma ġewx garantiti proċessi ġusti; billi mill-protesti tal-2011 'l hawn, u wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-BICI dwar l-abbużi tal-gvern, twaqqfu għadd ta' korpi interni, bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, Unità Speċjali tal-Investigazzjonijiet (SIU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC), iżda mhumiex effettivi u indipendenti biżżejjed; billi n-nuqqas ta' indipendenza ta' dawn il-korpi allegatament ikkawża nuqqas ta' obbligu ta' rendikont fil-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain; billi dan rawwem kultura ta' impunità li ddgħajjef it-tentattivi ta' riforma demokratika u sservi biex tkompli tiddestabbilizza l-pajjiż;
F. billi Ali Al-Arab u Ahmed Al-Malili, it-tnejn li huma ċittadini tal-Bahrain, ikkundannati għal reati terroristiċi fi proċess tal-massa miżgħud b'allegazzjonijiet ta' tortura u ksur serju ta' proċess ġust, ġew iffuċilati fis-27 ta' Lulju 2019; billi fit-18 ta' Frar 2014 Mohamed Ramadan ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Bahrain talli allegatament ħa sehem – flimkien ma' Hussein Ali Moosa – f'attakk bil-bombi f'Al Dair fl-14 ta' Frar 2014; billi fl-appell, fit-13 ta' Lulju 2020, il-Qorti tal-Kassazzjoni affermat mill-ġdid is-sentenza finali tagħha u kkonfermat il-pieni tal-mewt imposti fuq Mohamed Ramadan u Hussein Ali Moosa, minkejja proċess inġust b'verdett ibbażat fuq konfessjonijiet allegatament furzati minn imputati taħt tortura, u l-eżiti tal-investigazzjoni tal-Unità ta' Investigazzjoni Speċjali dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura ta' Moosa u Ramadan; billi Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, wissiet li l-kundanna u l-piena tal-mewt ta' Moosa u Ramadan ikunu arbitrarji u ksur ċar tad-dritt tagħhom għall-ħajja u jikkostitwixxu qtil arbitrarju; billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU appellaw lill-Bahrain biex jipprevjeni l-eżekuzzjoni taż-żewġt irġiel; billi Mohamed Ramadan u Hussein Ali Moosa jinsabu f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni u eżawrew ir-rimedji legali kollha;
G. billi l-awtoritajiet tal-Bahrain xoljew al-Wefaq, l-akbar partit politiku paċifiku tal-oppożizzjoni tal-pajjiż, ikkonfiskaw l-assi tiegħu u arrestaw il-mexxejja tiegħu; billi l-mexxej tal-partit, Shaikh Ali Salman, bħalissa qed jiskonta piena ta' għomru l-ħabs fuq allegati akkużi ta' spjunaġġ;
H. billi diversi persuni pubbliċi ttellgħu l-qorti sempliċiment minħabba l-attività tal-midja soċjali tagħhom, inklużi l-avukati prominenti Abdullah Al Shamlawi u Abdullah Hashim; billi l-ebda midja indipendenti ma operat fil-Bahrain minn mindu l-Ministeru tal-Affarijiet tal-Informazzjoni ssospenda fl-2017 lil Al Wasat, l-unika gazzetta indipendenti tal-pajjiż;
I. billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tal-iġjene fil-ħabsijiet iffullati tal-Bahrain għadhom estremament serji; billi l-Bahrain irrilaxxa 1 486 priġunier f'Marzu 2020 minħabba r-riskju għas-saħħa kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; billi r-rilaxxi, fil-biċċa l-kbira tagħhom, eskludew il-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-attivisti, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-awtoritajiet tal-Bahrain qed jiċħdu l-attenzjoni medika urġenti lill-priġunieri, u b'hekk qed jirriskjaw saħħithom u l-benessri tagħhom, bi ksur tar-Regoli Standard Minimi dwar it-Trattament tal-Priġunieri; billi bosta priġunieri politiċi strajkjaw biex jipprotestaw kontra t-trattament ħażin fil-ħabsijiet;
J. billi l-qrati tal-Bahrain għadhom joħorġu u jikkonfermaw deċiżjonijiet li jċaħħdu liċ-ċittadini miċ-ċittadinanza tagħhom; billi aktar minn 300 persuna fl-2018 u aktar minn 100 persuna fl-2019, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi, ġurnalisti u awtoritajiet reliġjużi anzjani, fost oħrajn, kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata mill-Qrati tal-Bahrain u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għadhom mingħajr Stat; billi r-revoka taċ-ċittadinanza qed tintuża bi ksur tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
K. billi f'Diċembru 2018, il-Bahrain emenda l-liġi tax-xogħol tiegħu biex jipprojbixxi lil min iħaddem milli jiddiskrimina kontra ħaddiema abbażi ta' sess, oriġini, lingwa jew twemmin; billi adotta sanzjonijiet kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; billi l-Bahrain għadu post fejn il-ħaddiema migranti, speċjalment in-nisa impjegati bħala ħaddiema domestiċi, jiġu sfruttati minħabba s-sistema Kafala li tippermetti l-isfruttament;
L. billi l-liġi Bahraini tkompli tiddiskrimina kontra n-nisa fil-liġi tal-familja, bħal fid-dritt għad-divorzju u t-trażmissjoni taċ-ċittadinanza Bahraini lil uliedhom fuq bażi ugwali għall-irġiel; billi l-Bahrain aderixxa għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) fl-2002, iżda għandu riżervi għal diversi artikoli li fihom dispożizzjonijiet li huma ċentrali għall-iskop tal-konvenzjoni; billi l-Artikolu 353 tal-kodiċi kriminali jeżenta lill-awturi ta' stupru mill-prosekuzzjoni u l-kastig jekk jiżżewġu lill-vittmi tagħhom; billi l-Parlament tal-Bahrain ippropona revoka sħiħa ta' dak l-artikolu fl-2016, iżda l-kabinett irrifjuta l-proposta; billi l-Artikolu 334 tal-kodiċi kriminali jnaqqas il-pieni għall-awturi tal-hekk imsejħa delitti tal-unur u tal-adulterju, u billi r-relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ għadhom kriminalizzati;
M. billi l-Bahrain huwa sieħeb importanti tal-UE fil-Golf Persjan, inkluż fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, l-enerġija u s-sigurtà; billi r-Renju tal-Bahrain għandu storja rikka u twila ta' ftuħ għal kulturi oħra minn madwar id-dinja, u huwa attur attiv fil-ħolqien tal-momentum għall-bini tal-fiduċja u t-trawwim tad-djalogu u l-istabbiltà fil-Golf u fir-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani;
N. billi l-bidla fit-tmexxija f'Novembru 2020 u l-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid, il-Prinċep Salman bin Hamad Al Khalifa, jagħtu lill-Bahrain opportunità li jimxi lejn riforma politika u rikonċiljazzjoni nazzjonali inklużiva, inkluża r-rikonċiljazzjoni bejn is-Sunni u x-Shia; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Bahrain sar fi Frar 2021; billi l-Bahrain huwa t-tieni pajjiż fir-reġjun tal-Golf li miegħu l-UE stabbiliet Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
1. Huwa mħasseb ħafna li għaxar snin wara r-rewwixta tar-"Rebbiegħa Għarbija" fil-Bahrain, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż qed tkompli tmur għall-agħar, bl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, l-arresti arbitrarji, il-prosekuzzjoni u l-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u ċ-ċaħda tad-drittijiet ċivili u politiċi u tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-piena tal-mewt mogħtija lil Mohammed Ramadan u Husain Ali Moosa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain, u b'mod partikolari lill-Maestà Tiegħu x-Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa, biex iwaqqfu immedjatament l-eżekuzzjoni tagħhom, ibiddlu s-sentenzi tagħhom, jordnaw proċess mill-ġdid li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali dwar proċess ġust u li jeskludi evidenza miksuba taħt tortura, u jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura; jistieden lill-Bahrain jeżamina mill-ġdid l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi interni li jimmonitorjaw l-abbużi governattivi bħall-Ombudsman, l-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali (SIU) u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC) li qed iwettqu investigazzjonijiet inadegwati u qed jgħattu d-dipendenza tal-qorti tal-Bahrain fuq konfessjonijiet furzati biex jiggarantixxu l-kundanni, inkluż fl-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet tas-Sur Ramadhan u s-Sur Moosa;
3. Jiddeplora bil-qawwa t-tneħħija tal-moratorju de facto fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jitlob li jsir rieżami komprensiv tal-pieni tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li dawn il-proċessi kienu konformi mal-istandards internazzjonali u li l-vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu ġew ikkundannati għall-mewt illegalment jingħataw rimedju; ifakkar li l-UE topponi l-piena kapitali u tqisha bħala kastig krudili u inuman li ma jservix ta' deterrent għall-imġiba kriminali u huwa irriversibbli f'każ ta' żball;
4. Jenfasizza li l-bidla fit-tmexxija minn Novembru 2020 hija opportunità għall-UE biex tiffoka mill-ġdid il-politika barranija tagħha fil-konfront tal-Bahrain, anki fid-dawl tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali l-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Prim Ministru l-ġdid, il-Prinċep Salman bin Hamad Al Khalifa, biex juża l-awtorità tiegħu biex imexxi l-Bahrain lejn ir-riforma politika u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
5. Jappella għar-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-priġunieri minħabba twemmin kollha, inklużi Abdulhadi al-Khawaja, Dr Abduljalil al-Singace, Naji Fateel, Abdulwahab Hussain, Ali Hajee, Sheikh Ali Salman u Hassan Mshaima, li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, u jitlob li jiġu rtirati l-akkużi kollha kontrihom; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsostnu u jippromwovu kampanja vigoruża biex jiżguraw ir-rilaxx immedjat tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs, bħala element ewlieni għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Bahrain; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiggarantixxu spazju sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lill-ġurnalisti barranin u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-aċċess għall-Bahrain; ifaħħar bil-qawwa l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-avukati kollha li xogħolhom huwa essenzjali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jerġa' jistabbilixxi l-uniku mezz ta' komunikazzjoni indipendenti tal-pajjiż, Al Wasat, u jippermetti lis-soċjetajiet politiċi indipendenti joperaw fil-Bahrain, inklużi dawk li ġew xolti;
6. Jilqa' r-rilaxx ta' Nabeel Rajab skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirrevokaw il-projbizzjoni tiegħu li jivvjaġġa;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain iwaqqaf il-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jirrevoka minnufih il-projbizzjoni tagħhom li jivvjaġġaw, u jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż;
8. Jesprimi tħassib partikolari dwar l-użu ħażin tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain, u jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bahrain jemendaw minnufih l-Att Nru 58 (2006) tiegħu dwar il-protezzjoni tas-soċjetà minn atti ta' terroriżmu u l-liġijiet l-oħra kollha li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertajiet politiċi, u li mhumiex kompletament konformi mal-obbligi u l-istandards internazzjonali;
9. Jikkundanna l-użu kontinwu tat-tortura, inkluż iċ-ċaħda tal-kura medika, u trattament jew pieni krudili u degradanti oħra tad-detenuti, inklużi d-dimostranti paċifiċi u ċ-ċivili; jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa u kredibbli dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura bl-għan li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jiddeplora l-kundizzjonijiet terribbli tal-ħabs fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jipproteġu lid-detenuti kollha mill-periklu tal-COVID-19;
10. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jirrispetta l-obbligi u l-impenji tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, inkluż l-Artikolu 15 tagħha, li jipprojbixxi l-użu ta' kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir taħt tortura bħala evidenza fi kwalunkwe proċediment; jappella għar-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT) u tat-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU, jestendi stedina permanenti biex iżuru l-Bahrain lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jikkoopera b'mod proattiv; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lil uffiċjali tal-UE, osservaturi indipendenti u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iżuru l-ħabsijiet tal-Bahrain, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw b'mod partikolari li r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar il-Libertà tal-Espressjoni u dwar il-Libertà tal-Assemblea jitħallew jidħlu fil-pajjiż;
12. Jikkundanna l-prattika fis-seħħ li ċ-ċittadini titneħħielhom b'mod arbitrarju ċ-ċittadinanza tagħhom, li f'ħafna każijiet wasslet biex persuni sfaw apolidi bi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż u jerġgħu jagħtu ċ-ċittadinanza tal-Bahrain lil dawk l-individwi li tneħħitilhom inġustament;
13. Jinnota l-isforzi li qed isiru mill-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi kriminali u l-proċeduri legali tal-pajjiż, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' dan il-proċess; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-BICI u tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU); ikompli jappoġġja l-aġenda ta' riforma tal-Gvern tal-Bahrain, u jħeġġeġ lir-Renju tal-Bahrain jipprova jikseb l-istabbiltà permezz ta' riformi ulterjuri u rikonċiljazzjoni inklużiva f'ambjent fejn l-ilmenti politiċi paċifiċi jistgħu jiġu espressi liberament, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu;
14. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timplimenta bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, tipprovdi l-appoġġ xieraq kollu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu detenuti, inkluż permezz ta' żjarat fil-ħabs, monitoraġġ tal-proċessi u dikjarazzjonijiet pubbliċi, u toffri appoġġ lis-soċjetà ċivili u aċċess għall-protezzjoni għal persuni f'riskju ta' persekuzzjoni;
15. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex sistematikament iqajmu tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' spazju politiku għall-espressjoni ta' dissens leġittimu u paċifiku, u biex jikkunsidraw miżuri speċifiċi kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Jinnota d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain; jappella għat-tisħiħ tad-djalogu skont il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li djalogu bejn l-UE u l-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem mhuwiex sostitut għal djalogu xieraq bejn il-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain stess; iħeġġeġ lis-SEAE jiżgura li d-djalogu informali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Bahrain ikollu l-għan li jikseb riżultati u impenji konkreti, inkluża l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili qabel u wara d-djalogu; jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Bahrain għandhom jieħdu sehem f'dan il-proċess b'mod sinifikanti u ġenwin; jappoġġja aktar djalogu, impenn u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-proċeduri ġudizzjarji bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Renju tal-Bahrain;
17. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni mal-Bahrain, inkluż fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain, li ġie konkluż reċentement u ma kienx jinkludi referenzi għad-drittijiet tal-bniedem;
18. Huwa preokkupat dwar ir-rapporti tal-użu ta' teknoloġija ta' sorveljanza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-Bahrain; itenni li t-teknoloġiji ta' sorveljanza esportati minn kumpaniji Ewropej lejn il-Bahrain jistgħu jiffaċilitaw ir-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE jqisu l-kriterji tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jagħtu liċenzji tal-esportazzjoni lil pajjiż terz; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari biex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir tas-sorveljanza u tal-intelligence u materjal li jista' jintuża mill-Bahrain fir-repressjoni li għaddejja tad-drittijiet tal-bniedem;
19. Jisħaq li l-Premju Chaillot tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf m'għandux jingħata lil dawk li jiġġustifikaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
20. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li s-sistema Kafala tippermetti ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u restrizzjonijiet kontra movimenti soċjali u tat-trade unions fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain jemenda l-leġiżlazzjoni tax-xogħol biex jiżgura li l-ħaddiema domestiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħall-ħaddiema l-oħra, inklużi limiti fuq is-sigħat tax-xogħol tagħhom, jiem ta' mistrieħ fil-ġimgħa u paga minima;
21. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jemenda l-leġiżlazzjoni kif meħtieġ biex jelimina d-diskriminazzjoni kontra n-nisa marbuta maż-żwieġ, fiż-żwieġ, matul ix-xoljiment taż-żwiġijiet, u fir-rigward tat-tfal u l-wirt, u jippermetti lin-nisa jgħaddu ċ-ċittadinanza lil uliedhom fuq l-istess bażi bħall-irġiel; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain ineħħi r-riżervi kollha għas-CEDAW, jirrevoka l-Artikoli 353 u 334 tal-Kodiċi Kriminali li jiskużaw il-vjolenza kontra n-nisa, u jirrevoka d-dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali konsenswali bejn l-adulti;
22. Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiż u fir-reġjun tal-Golf b'mod ġenerali, u jużaw il-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tagħhom; jiddeplora l-indħil barrani fil-politika nazzjonali tal-Bahrain bl-għan li jiddestabbilizza l-pajjiż;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.