Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proċessi tal-massa kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Kambodja (2021/2579(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha(1), tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja(2) u tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, anke min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Frar 2020(4) li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, Kollox Ħlief Armi (EBA), mit-12 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-arrest tat-trejdjunjonista prominenti Rong Chhun u 24 difensur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent(5),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-2 ta' Marzu 2021 dwar il-proċessi tal-massa mwettqa kontra esponenti tal-oppożizzjoni,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-Membri tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u r-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' opinjoni u espressjoni tas-16 ta' Novembru 2020 dwar ir-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja tad-29 ta' April 1997(6),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, Rhona Smith, tal-25 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Novembru 2020 tal-anqas 137 individwu ġew akkużati li kellhom rabta mal-Partit ta' Salvataġġ Nazzjonali (CNRP - Cambodia National Rescue Party) tal-oppożizzjoni li ġie xolt, biex jiġu proċessati fuq akkużi b'motivazzjoni politika ta' inċitament, ippjanar u attakki kontra l-istat skont l-Artikoli 451, 453, 494 u 495 tal-Kodiċi Kriminali;
B. billi fl-1 ta' Marzu 2021, il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh ikkundannat lid-disa' mexxejja l-aktar anzjani tas-CNRP fuq akkużi li "ppruvaw jorganizzaw kolp ta' stat biex iwaqqgħu l-gvern" b'rabta mat-tentattiv tagħhom li jirritornaw fil-Kambodja fid-9 ta' Novembru 2019;
C. billi l-eks President tas-CNRP, Sam Rainsy, ipprova jirritorna fil-Kambodja fl-2019; billi s-Sur Rainsy ingħata l-aktar sentenza ħarxa ta' 25 sena ħabs; billi Mu Sochua, Eng Chhay Eang, Ou Chanrith, Ho Vann, Long Ry, Men Sothavrin, Tiolung Saumura u Nuth Romduol ġew ikkundannati flimkien ma' Sam Rainsy; billi l-konvenuti kollha qed jiffaċċjaw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 20 u 25 sena; billi d-dritt tagħhom li jivvutaw u d-dritt li joħorġu għall-elezzjoni ġew revokati;
D. billi l-politiċi tal-oppożizzjoni ġew ipproċessati in absentia, peress li ma tħallewx jirritornaw fil-Kambodja biex jiddefendu lilhom infushom fil-qorti;
E. billi, filwaqt li dawn il-każijiet qed jitħaffu mill-qrati, il-proċess kontra l-eks president tas-CNRP, Kem Sokha, li nħeles fuq pleġġ restrittiv, għadu sospiż u l-petizzjonijiet tiegħu għat-tkomplija tal-proċedimenti ġew miċħuda;
F. billi f'Lulju 2019 il-qorti kkundannat in absentia lil Kong Atith, il-president il-ġdid elett tal-Koalizzjoni tal-Union Demokratika tal-Ħaddiema tat-Tessuti Kambodjani (CCAWDU - Coalition of Cambodian Apparel Workers Union Democratic Union), fuq atti ta' vjolenza intenzjonali b'rabta ma' protesta fl-2016 bejn is-sewwieqa u l-Kumpanija Capitol Bus; billi bħala riżultat tas-sentenza sospiża għal tliet snin tiegħu, is-Sur Kong Atith ma jistax jibqa' jaħdem bħala mexxej ta' union ta' ħaddiema;
G. billi fil-31 ta' Lulju 2020, l-awtoritajiet arrestaw lil Rong Chhun, president tal-Konfederazzjoni Indipendenti tal-Unions Kambodjani (Cambodian Confederation of Unions), mingħajr mandat ta' arrest f'daru fi Phnom Penh, u billi fl-1 ta' Awwissu 2020, huwa ġie akkużat b' "istigazzjoni biex jiġi kommess delitt" skont l-Artikoli 494 u 495 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja; billi sussegwentement huwa tqiegħed taħt arrest preventiv fiċ-Ċentru Korrezzjonali 1 ta' Phnom Penh;
H. billi matul il-proċessi tal-massa mwettqa minn Novembru 2020 sa Frar 2021, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza affidabbli; billi l-konvenuti ma tħallewx ikunu preżenti matul il-proċessi; billi l-pubbliku ġie fil-biċċa l-kbira eskluż mill-proċedimenti legali; billi kien hemm rapporti ta' konvenuti li oġġezzjonaw għall-konfessjonijiet allegati li ntużaw matul il-proċess, billi sostnew li dawn ġew iffirmati jew bil-marka tas-swaba miżjuda taħt pressjoni u mingħajr il-preżenza ta' rappreżentanza legali;
I. billi l-proċessi li saru mill-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh jiksru r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi ta' proċess ġust kif rifless fil-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja u l-Artikolu 14(3)(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
J. billi mill-2017 il-Gvern tal-Kambodja wettaq sensiela ta' azzjonijiet repressivi intiżi biex jillimitaw il-parteċipazzjoni politika u d-drittijiet elettorali fil-pajjiż, u biex jmorru lil hinn mit-triq lejn id-demokrazija u joħolqu stat awtoritarju;
K. billi fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP;
L. billi l-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja naqsu milli jissodisfaw l-istandards internazzjonali minimi għal elezzjonijiet demokratiċi u ppermettew lill-partit fil-gvern, il-Partit Popolari tal-Kambodja (CPP - Cambodian People's Party), jieħu kontroll totali tas-siġġijiet kollha, kemm fis-Senat kif ukoll fl-Assemblea Nazzjonali, u b'hekk de facto jinħoloq stat b'partit wieħed mingħajr l-ebda oppożizzjoni parlamentari;
M. billi l-awtoritajiet tal-Kambodja ħabbru li l-elezzjonijiet lokali li jmiss se jsiru fil-5 ta' Ġunju 2022, filwaqt li l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, is-CNRP, għadu legalment xolt u l-mexxejja tiegħu ġew ikkundannati u pprojbiti milli jipparteċipaw fil-politika, bis-sostenituri tiegħu jiġu ffastidjati, arrestati u soġġetti għal vjolenza;
N. billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew tħassib dwar l-issikkar tar-restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili fil-Kambodja;
O. billi fit-12 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali Kollox Ħlief Armi (EBA) tal-Unjoni Ewropea minħabba l-ksur serju u sistematiku tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
1. Jappella lill-Gvern tal-Kambodja jtemm kull forma ta' fastidju, intimidazzjoni u akkużi kriminali motivati politikament kontra membri tal-oppożizzjoni, trejdjunjonisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-media u l-atturi tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-forzi tas-sigurtà jevitaw forza eċċessiva u bla bżonn kontra dawk involuti fi protesti paċifiċi;
2. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jipproċedu bl-annullament immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tas-sentenzi kontra Sam Rainsy, Mu Sochua, Eng Chhay Eang, Ou Chanrith, Ho Vann, Long Ry, Men Sothavrin, Tiolung Saumura u Nuth Romduol;
3. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani biex jibdew proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali permezz ta' djalogu ġenwin u inklużiv mal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili;
4. Jappella lill-Gvern tal-Kambodja biex jeħles, mingħajr dewmien, lill-persuni kollha li ġew detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jenfasizza li l-akkużi miġjuba kontra aktar minn 130 persuna fil-mira huma motivati politikament u mmirati biex jeqirdu kwalunkwe dissens;
5. Jinsab ixxukkjat bil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed dejjem jiżdied fil-Kambodja, inkluż il-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi, l-adozzjoni ta' liġijiet ripressivi ġodda u l-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, ambjentalisti, studenti u ċittadini ordinarji talli esprimew l-opinjonijiet tagħhom b'mod paċifiku, u jikkundannhom;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jirrevoka l-liġijiet repressivi kollha, inklużi d-digrieti u l-abbozzi ta' liġijiet reċenti li jirregolaw l-ambjent diġitali u li jippermettu lill-gvern iżid is-sorveljanza, iċ-ċensura u l-kontroll online tal-internet, kif ukoll jirrevoka l-emendi reċenti kollha għall-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Kriminali, il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-Liġi dwar it-Trade Unions, il-Liġi dwar l-NGOs u kull leġiżlazzjoni oħra li tillimita l-libertà tal-kelma u l-libertajiet politiċi, u li mhumiex kompletament konformi mal-obbligi u l-istandards internazzjonali tal-Kambodja;
7. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha għal proċess ġust, il-libertà ta' espressjoni, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika;
8. Jappella lill-awtoritajiet Kambodjani jwaqqfu minnufih forom oħra ta' fastidju, inkluż il-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni fil-pajjiż;
9. Jikkundanna l-azzjoni repressiva bl-iskuża tal-protezzjoni tas-saħħa u jfakkar li l-miżuri ta' emerġenza fil-qafas tat-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19 ma għandhomx jintużaw sempliċement biex joħonqu d-dissens;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fir-repressjoni fuq l-attivisti ambjentali; jinsab allarmat bl-inklużjoni tagħhom fil-proċessi tal-massa reċenti;
11. Itenni li l-elezzjonijiet la kienu ħielsa u lanqas ġusti u s-CPP ma għandux jitqies bħala l-partit leġittimu fil-gvern tal-Kambodja; jenfasizza li l-elezzjonijiet jistgħu jkunu verament ħielsa u ġusti biss jekk il-partiti tal-oppożizzjoni jitħallew jipparteċipaw;
12. Jappella lill-Gvern Kambodjan jirritorna d-demokrazija u jiżgura li l-applikazzjoni tal-liġi tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
13. Jesprimi tħassib serju dwar miżuri governattivi kontinwi u atti ta' fastidju kontra stabbilimenti tal-media indipendenti u ġurnalisti li joħonqu d-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, inkluż id-dritt tagħhom li jħaddnu opinjonijiet u li jirċievu u jagħtu informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika, u jesprimi allarm dwar il-priġunerija ta' diversi ġurnalisti fuq akkużi foloz minħabba rappurtar indipendenti;
14. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern Kambodjan naqas milli jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jegħleb il-ksur serju u sistematiku tal-parteċipazzjoni politika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, li wassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira parti mill-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Kambodja skont l-iskema kummerċjali EBA tal-Unjoni Ewropea mit-12 ta' Awwissu 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq punti ta' riferiment definiti b'mod ċar dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-interazzjonijiet kollha tagħha mal-Gvern Kambodjan, u tinkludi l-kwistjonijiet ta' tħassib enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni bħala parti mill-impenn imsaħħaħ kontinwu tagħha mal-awtoritajiet, inkluż dwar l-EBA; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja is-sitwazzjoni mill-qrib, u tivvaluta l-effett tal-irtirar parzjali tal-EBA fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà ċivili;
15. Jinnota li s-Summit tal-Laqgħa Asja-Ewropa ta' din is-sena huwa skedat li jsir fi Phnom Penh; jemmen li l-UE m'għandhiex taċċetta dan il-post sakemm ma tirritornax id-demokrazija ;
16. Jistieden lill-Istati Membri jissospendu l-appoġġ finanzjarju bilaterali kollu lill-Gvern Kambodjan u minflok jiffukaw fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partiti tal-oppożizzjoni;
17. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jaġixxu f'konformità sħiħa mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fi Phnom Penh u l-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi u jwettqu żjarat fil-ħabsijiet;
18. Jinsisti li l-Gvern Kambodjan jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċeduri Speċjali tan-NU sabiex iħallihom iwettqu l-mandati tagħhom mingħajr indħil;
19. Jappella lill-Gvern Kambodjan jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li x-xoljiment tas-CNRP jitreġġa' lura malajr u jerġgħu l-5 007 kunsillier lokali tiegħu jiġu riintegrati;
20. Itenni l-appell lill-awtoritajiet Kambodjani minn Rhona Smith, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, biex jiftħu l-ispazju ċiviku, jipproteġu u jippromwovu l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta' għaqda u ta' espressjoni, u jiżguraw id-dritt għal proċess ġust għal kulħadd, kif iggarantit min-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mil-liġijiet tal-Kambodja;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ifasslu inizjattiva komprensiva u strateġika dwar id-demokrazija fir-rigward tal-pajjiżi tar-reġjun tal-ASEAN u jippreżentawha lill-Parlament Ewropew fi żmien sitt xhur;
22. Jemmen li s-sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra l-mexxejja Kambodjani u l-interessi ekonomiċi tagħhom imisshom ilhom li ttieħdu; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra l-mexxejja politiċi u l-mexxejja tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xoljiment u r-repressjoni sussegwenti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja, u kontra l-interessi ekonomiċi tagħhom fl-ambitu tar-reġim ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem globali tal-UE;
23. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex imexxu l-isforzi fit-48 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-adozzjoni ta' riżoluzzjoni b'saħħitha li tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, li testendi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, u biex il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tintalab timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u tiddeskrivi l-azzjonijiet li l-gvern għandu jieħu biex jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem;
24. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta pożizzjoni formali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-deterjorament tad-demokrazija fil-Kambodja;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/550 tat-12 ta' Frar 2020 li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irtirar temporanju tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 fir-rigward ta' ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Kambodja, (ĠU L 127, 22.4.2020, p. 1).