Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0166/2021

Testi mressqa :

B9-0166/2021

Dibattiti :

PV 10/03/2021 - 11
CRE 10/03/2021 - 11

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2021 - 11
PV 11/03/2021 - 18

Testi adottati :

P9_TA(2021)0089

Testi adottati
PDF 163kWORD 54k
Il-Ħamis, 11 ta' Marzu 2021 - Brussell
Proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ
P9_TA(2021)0089B9-0166/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ (2021/2557(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(4),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025"(COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(6),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE li tnieda mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1)TUE, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Marzu 2010 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru (CM/Rec(2010)5) u l-istandards adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum tat-3 ta' Diċembru 2020 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istigmatizzazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-Kumitat għall-Affarijiet Attwali tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u r-rapporti sussegwenti tiegħu bit-titolu "Fact-finding report on the role of local authorities with regard to the situation and rights of LGBTIQ people in Poland" (Rapport ta' ġbir ta' informazzjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tas-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Polonja) tas-27 ta' Jannar 2021 u "Protecting LGBTIQ people in the context of rising anti-LGBTIQ hate speech and discrimination: The role of local and regional authorities" (Nipproteġu lill-persuni LGBTIQ fil-kuntest ta' diskors ta' mibegħda u diskriminazzjoni akbar kontra l-persuni LGBTIQ: Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali) tal-10 ta' Frar 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-drittijiet tal-LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem;

B.  billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta u għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ; billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali; billi l-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-UE hija responsabbiltà kondiviża, li tirrikjedi azzjoni u sforzi konġunti f'kull livell tal-gvern;

C.  billi minn Marzu 2019, aktar minn 100 reġjun, kontea u muniċipalità madwar il-Polonja adottaw riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jew adottaw "Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja"; billi f'Novembru 2020, il-belt Ungeriża ta' Nagykáta adottat riżoluzzjoni li tipprojbixxi "d-disseminazzjoni u l-promozzjoni tal-propaganda LGBTQ"; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet jiddiskriminaw direttament u indirettament kontra l-persuni LGBTIQ; billi r-riżoluzzjonijiet ta' żoni ħielsa mil-LGBT jiddikjaraw oppożizzjoni għall-"ideoloġija tal-moviment LGBT" u jitolbu lill-gvernijiet lokali biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li tinkoraġġixxi t-tolleranza fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, inkluż l-irtirar tal-għajnuna finanzjarja minn organizzazzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza; billi l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" jużaw definizzjoni stretta ħafna tal-familja, filwaqt li jitolbu lill-muniċipalitajiet jipproteġu d-drittijiet tal-familja fil-politiki, l-inizjattivi u l-finanzjament kollha tagħhom; billi, peress li jagħmlu enfasi biss fuq dawn it-tipi ta' familja, il-Karti Reġjonali qegħdin jitolbu b'mod indirett li ssir diskriminazzjoni kontra l-forom l-oħra kollha ta' familji, b'mod partikolari l-familji b'ġenitur wieħed, il-koppji tal-istess sess u l-familji b'ġenituri tal-istess sess, u li ma jiġix ipprovdut appoġġ finanzjarju għal proġetti u inizjattivi li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, li jorganizzaw edukazzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew li bi kwalunkwe mod ieħor jappoġġjaw l-ugwaljanza u l-persuni LGBTIQ;

D.  billi l-Ombudsman Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem beda disa' lmenti kontra xi wħud mir-reġjuni, il-kontej u l-muniċipalitajiet li adottaw riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-"ideoloġija LGBT", u dan s'issa wassal biex erba' riżoluzzjonijiet ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mill-qrati amministrattivi; billi f'Jannar 2021, il-belt Pollakka ta' Nowa Dęba rtirat ir-riżoluzzjoni tagħha fejn iddikjarat lilha nnifisha ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT wara t-telf ta' ftehim ta' ġemellaġġ mal-belt Irlandiża ta' Fermoy; billi l-kontea Pollakka ta' Sztum u l-belt Pollakka ta' Tomaszów Mazowiecki rtiraw ir-riżoluzzjonijiet tagħhom li adottaw il-Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja f'Settembru u f'Ottubru 2020 rispettivament;

E.  billi n-Norveġja rtirat mill-għoti ta' fondi lir-reġjuni, lill-kontej u lill-muniċipalitajiet Pollakki li kienu adottaw riżoluzzjonijiet fejn iddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jew li kienu adottaw "Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja"; billi l-Kummissjoni rrifjutat applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-UE skont il-programm tagħha ta' ġemellaġġ bejn il-bliet minn bliet Pollakki li kienu adottaw żoni ħielsa mil-LGBTI jew riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-familja; billi l-fondi kollha tal-UE ġestiti skont ir-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 iridu jirrispettaw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabbilit fit-Trattat, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u billi l-muniċipalitajiet li jaġixxu bħala impjegaturi jridu jirrispettaw id-Direttiva 2000/78/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni u l-fastidju abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-impjieg, f'konformità mas-sentenza fil-Kawża C-507/18 Associazione Avvocatura per i ditti LGBTI(9);

F.  billi tliet NGOs ressqu lment legali quddiem il-Kummissjoni fejn enfasizzaw li l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" u r-riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw ir-reġjuni, il-kontej u l-muniċipalitajiet ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jintroduċu diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ u b'hekk jiksru d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 15 u 21 tal-Karta dwar il-libertà tal-għażla ta' xogħol u d-dritt li wieħed jaħdem u dwar in-nondiskriminazzjoni rispettivament; billi sal-lum il-Kummissjoni la pprovdiet tweġiba għal dan l-ilment legali u lanqas irrikonoxxiet formalment ksur tad-dritt tal-UE;

G.  billi l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT jew il-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" huma parti minn kuntest usa' ta' diskriminazzjoni u attakki akbar kontra l-komunità LGBTIQ fil-Polonja, li jinkludu l-karatterizzazzjoni tad-diversità tas-sesswalità, l-identità u l-espressjoni bħala ideoloġija perikoluża, ta' diskors ta' mibegħda dejjem akbar minn awtoritajiet pubbliċi, uffiċjali eletti – inkluż mill-President attwali – u l-midja favur il-Gvern, kif ukoll ta' arresti ta' attivisti favur id-drittijiet tal-LGBTIQ, ta' attakki kontra l-mixjiet Pride u programmi u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u l-projbizzjonijiet tagħhom, inkluż fl-iskejjel, u ta' dimostrazzjonijiet diskriminatorji kontra l-LGBT; billi d-diskors ta' mibegħda mill-awtoritajiet pubbliċi jilleġittimizza u jkompli jinstiga l-klima ta' intolleranza u diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ; billi l-eżerċitar tal-libertà tal-espressjoni għandu dmirijiet u responsabbiltajiet, b'mod partikolari għall-awtoritajiet pubbliċi, il-politiċi u l-opinjonisti, u billi dawn ma għandhomx jieħdu sehem f'diskors ta' mibegħda jew kwalunkwe diskors li jistigmatizza lill-persuni LGBTIQ, u għandhom jiddenunzjaw u jiġġieldu bis-sħiħ dawn in-narrattivi u l-istigmatizzazzjoni, inkluż meta dawn ikunu espressi minn partijiet privati;

H.  billi l-attivisti Pollakki li qed jaġixxu kontra u jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI u l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" qed jiffaċċjaw kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) minħabba x-xogħol tagħhom; billi l-attivisti Pollakki li qed jaħdmu biex jiddenunzjaw id-dikjarazzjonijiet kontra l-LGBTIQ u l-karti tal-familja, inklużi l-awturi tas-sit web "Atlas of Hate" u l-ħallieq tal-proġett tar-ritratti "żoni ħielsa mil-LGBT", ġew soġġetti għal kawżi mingħajr bażi mressqa minn gvernijiet lokali jew organizzazzjonijiet fundamentalisti li qed jitolbu kumpens finanzjarju sostanzjali, u għal kampanja ta' tħammiġ li tiddiskrevihom bħala giddibin talli jużaw għodod kreattivi ta' promozzjoni; billi dawn l-azzjonijiet huma maħsuba b'mod ċar biex jintimidaw u jsikktu lis-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Pollakki għandhom id-dmir li jipproteġu bis-sħiħ lill-persuni kollha li jappartjenu għall-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTIQ, mill-ostilità u l-aggressjoni, u li jippermettulhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod liberu; billi l-Kummissjoni ma introduċietx leġiżlazzjoni anti-SLAPP, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament;

I.  billi ġew ippreżentati żewġ petizzjonijiet (Nru 0448/2020 u Nru 0354/2020) dwar il-kwistjoni taż-"żoni ħielsa mil-LGBTI fil-Polonja" quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi dawn il-petizzjonijiet ġew diskussi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-26 ta' Jannar 2021 u, minħabba t-tweġiba mhux sodisfaċenti tal-Kummissjoni, għadhom miftuħa biex il-Kummissjoni tkompli tiċċara s-sitwazzjoni;

J.  billi l-Istħarriġ II dwar l-LGBTI ippubblikat mill-FRA f'Mejju 2020 jenfasizza żieda fl-intolleranza u l-vjolenza fil-konfront tal-persuni LGBTIQ jew il-persuni meqjusa li huma LGBTIQ fil-Polonja, u juri n-nuqqas sħiħ ta' fiduċja min-naħa tal-persuni LGBTIQ Pollakki fl-isforzi tal-gvern biex jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-vjolenza, filwaqt li jirreġistra l-inqas perċentwal mill-postijiet kollha fl-Unjoni (4 % biss), u l-ogħla perċentwal ta' persuni li wieġbu li jevitaw li jmorru f'ċerti postijiet minħabba l-biża' li jiġu attakkati, iffastidjati jew mhedda (79 %); billi dan juri korrelazzjoni ċara bejn il-governanza fobika għal-LGBTIQ u ż-żieda fid-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ;

K.  billi l-Parlament diġà ħeġġeġ lill-Istati Membri jikkriminalizzaw "l-hekk imsejħa prattiki ta' terapija ta' konverżjoni"; billi r-rapport ta' Mejju 2020 tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru talab lill-Istati Membri jadottaw projbizzjonijiet fuq prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni"; billi l-prattika għadha titwettaq f'mill-anqas 69 pajjiż madwar id-dinja, inkluż fl-Unjoni Ewropea, fejn ġie rrapportat li l-użu ta' medikazzjoni, psikoterapija u tindif ritwali fit-terapija ta' konverżjoni seħħew fl-Istati Membri tal-UE(10); billi l-prattika ġiet ipprojbita biss f'żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri Malta u l-Ġermanja;

L.  billi l-oppożizzjoni kontra l-persuni LGBTIQ ta' spiss tkun marbuta ma' deterjorament aktar mifrux fis-sitwazzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; billi l-Parlament Ewropew esprima t-tħassib serju tiegħu f'diversi riżoluzzjonijiet dwar id-deterjorament fl-istat tad-dritt fil-Polonja, b'mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; billi għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa għall-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li għandu jkun irregolat minn ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

M.  billi l-Parlament esprima l-pożizzjoni tiegħu f'diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija fil-Polonja, filwaqt li kkonkluda li teżisti theddida sistemika għall-valuri tal-Artikolu 2 TUE u li din tikkostitwixxi riskju ċar ta' ksur serju ta' dawn il-valuri; billi s-seduti ta' smigħ mal-awtoritajiet Pollakki organizzati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) TUE b'reazzjoni għat-theddid għal valuri komuni Ewropej fil-Polonja ma taw l-ebda riżultat; billi s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Polonja mhux biss ma ġietx indirizzata iżda marret għall-agħar ukoll b'mod serju minn mindu tnediet il-proċedura, flimkien mas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, speċifikament dawk tal-persuni LGBTIQ u n-nisa; billi l-Kunsill għandu jiżgura li s-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7(1) TUE jindirizzaw ukoll żviluppi ġodda u jivvalutaw ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet fundamentali;

N.  billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen iddikjarat fid-diskors tagħha tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni waqt il-Plenarja tal-Parlament Ewropew li "żoni fejn ma hemmx rispett lejn l-LGBTQI huma żoni fejn ma hemmx umanità. U ma hemmx posthom fl-Unjoni tagħna"; billi l-President tal-Kummissjoni ddikjarat ukoll li LGBTQI hija l-identità ta' persuna mhux ideoloġija(11); billi l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom joqogħdu lura milli jinterpretaw b'mod strett il-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-Kummissjoni ma għandhiex toqgħod lura milli tuża l-għodod kollha, inklużi l-proċeduri ta' ksur, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, l-Artikolu 7 TUE, kif ukoll ir-Regolament adottat reċentement dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, sabiex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ kullimkien fl-Unjoni; billi l-programm il-ġdid taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' soċjetà mhux diskriminatorja u aktar ugwali billi jagħmel il-fondi disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-ugwaljanza LGBTIQ;

O.  billi bosta Stati Membri fil-passat iddiskriminaw u ppersegwitaw persuni LGBTIQ permezz ta' liġijiet u politiki diskriminatorji; billi eluf ta' persuni LGBTIQ ġew arrestati, inżammu l-ħabs u mietu f'kampijiet ta' konċentrament matul it-Tieni Gwerra Dinjija; billi filwaqt li l-persuni LGBTIQ fil-Polonja qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni sistematika, din hija wkoll kwistjoni madwar l-UE, filwaqt li ftit li xejn sar progress jew ma sar l-ebda progress biex tittaffa d-diskriminazzjoni persistenti kontra l-persuni LGBTIQ u l-fastidju li dawn isofru; billi d-diskriminazzjoni pubblika, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ għadhom prevalenti madwar l-UE; billi dawn l-attakki jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ u r-rispons mill-awtoritajiet pubbliċi ta' spiss għadu inadegwat; billi l-persuni LGBTIQ f'kull Stat Membru għadhom jiffaċċjaw rata ogħla ta' diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fuq il-post tax-xogħol u fl-iskola, u prevalenza għolja ta' attakki fiżiċi, emozzjonali u sesswali, kemm online kif ukoll offline, u dan iwassal għal rata ta' suwiċidju inkwetanti fost iż-żgħażagħ LGBTIQ(12), u b'mod speċjali fost il-persuni transġeneru; billi diversi Stati Membri aġġornaw il-leġiżlazzjoni biex ikunu aktar inklużivi tal-persuni LGBTIQ; billi madankollu hemm diversi lakuni leġiżlattivi li jeħtieġu rieda politika u impenn mil-leġiżlaturi nazzjonali biex tiġi żgurata ugwaljanza reali għall-persuni LGBTIQ;

P.  billi l-persuni transġeneru għadhom jiffaċċjaw uħud mill-agħar forom ta' diskriminazzjoni, vjolenza u persekuzzjoni; billi fl-2018 il-Kummissjoni ppubblikat studju bit-titolu "Trans and intersex equality rights in Europe – a comparative analysis" (Id-drittijiet tal-ugwaljanza bejn il-persuni trans u intersesswali – analiżi komparattiva); billi 13-il pajjiż biss mill-31 pajjiż li ġew mistħarrġa fl-istudju għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-anqas sa ċertu punt, li tipprovdi protezzjoni fuq il-bażi ta' identità tal-ġeneru u/jew karatteristiċi sesswali;

Q.  billi fl-2021 tfaċċaw inizjattivi fuq il-midja soċjali bħall-moviment #MeTooGay biex jiġi kkundannat l-abbuż sesswali fi ħdan il-komunità LGBTIQ; billi Guillaume Tran Thanh, l-istudent li beda din il-manifestazzjoni ta' libertà tal-espressjoni, temm ħajtu ftit wara minħabba wisq pressjoni wara l-kundanna tiegħu fuq il-midja soċjali; billi traġedja bħal din tqajjem mistoqsijiet dwar in-nuqqasijiet fl-appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza sesswali;

R.  billi ħafna Stati Membri ma għandhomx liġijiet speċifiċi kontra d-diskriminazzjoni li mill-anqas jaderixxu mal-istandards minimi tal-UE li jipproteġu lill-persuni mid-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali, u billi naqsu milli jieħdu azzjoni biex jirrimedjaw din il-lakuna legali; billi d-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni, li tista' telimina parzjalment din id-diskrepanza fil-protezzjoni lil hinn mill-impjieg, ilha imblukkata fil-Kunsill għal aktar minn 10 snin; billi l-implimentazzjoni ta' miżuri legali kontra d-diskriminazzjoni, meta jkunu jeżistu, għadha insuffiċjenti f'ħafna Stati Membri; billi l-Kummissjoni biħsiebha testendi l-lista ta' "reati tal-UE" skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tkopri r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda, inkluż meta jkunu mmirati lejn il-persuni LGBTIQ;

S.  billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza mill-pulizija kontra persuni LGBTIQ għadha problema fl-Unjoni; billi, mingħajr taħriġ adegwat, il-pulizija jaf tiskoraġġixxi lill-persuni LGBTIQ milli jirrapportaw vjolenza u diskriminazzjoni kontrihom; billi dan għadu ostaklu kbir għal ugwaljanza effettiva; billi l-programmi ta' taħriġ għal awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jgħinu fil-prevenzjoni u l-indirizzar ta' prattiki diskriminatorji u reati ta' mibegħda; billi d-diskors ta' mibegħda u r-reati kontra persuni LGBTIQ għandhom jiġu kompletament investigati, filwaqt li titqies il-motivazzjoni ta' preġudizzju u, fejn xieraq, issir prosekuzzjoni kif xieraq;

T.  billi Malta, il-Portugall u xi reġjuni ta' Spanja biss ipprojbixxew intervent mediku fuq persuni intersesswali mingħajr il-kunsens tagħhom; billi ħafna Stati Membri qed ikomplu jsegwu approċċ li huwa medikalizzat u patoloġiku ħafna;

U.  billi l-iżviluppi legali fl-Ungerija fixklu b'mod serju d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ; billi l-adozzjoni tal-Artikolu 33 tal-Abbozz Omnibus T/9934 tipprojbixxi de facto r-rikonoxximent legali tal-ġeneru għal persuni trans u intersesswali fl-Ungerija, u tesponihom għal diskriminazzjoni u tikser id-dritt għall-privatezza tagħhom; billi f'Diċembru 2020, il-Parlament Ungeriż adotta emendi kostituzzjonali li jkomplu jirrestrinġu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, jinjoraw l-eżistenza ta' persuni transġeneru u mhux binarji u jirrestrinġu d-dritt tagħhom għall-ħajja tal-familja, u liġi li se ċċaħħad lil koppji mhux miżżewġa mid-dritt għall-adozzjoni;

V.  billi f'Jannar 2021, il-Parlament Latvjan beda jeżamina l-emenda kostituzzjonali li għandha l-għan li tillimita l-estensjoni tal-kunċett tal-familja, kif indikat fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, fejn din irrikonoxxiet l-applikazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol għal mudelli tal-familja differenti u obbligat lil-leġiżlatur jiżgura l-appoġġ u l-protezzjoni ta' koppji tal-istess sess;

W.  billi abbozz ta' liġi li jipprojbixxi attivitajiet li għandhom l-għan li jindirizzaw it-teorija tal-identità tal-ġeneru fil-kuntesti edukattivi ġie adottat mis-Senat Rumen f'Ġunju 2020; billi l-President Rumen irrifjuta li jimplimenta l-liġi, u minflok talab rieżami tal-kostituzzjonalità; billi f'Diċembru 2020 il-Qorti Kostituzzjonali Rumena ddikjarat li l-liġi kienet inkompatibbli mal-Kostituzzjoni; billi dan juri li kontrolli u bilanċi effettivi fl-Istati Membri fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-demokrazija huma kruċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-LGBTIQ;

X.  billi li tkun ġenitur fi Stat Membru wieħed ifisser li inti ġenitur fl-Istati Membri kollha; billi hemm każijiet ta'tfal b'żewġ ġenituri tal-istess sess li qed jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali għar-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikat tat-twelid b'żewġ ġenituri tal-istess sess; billi deċiżjoni preliminari tal-QĠUE msemmija mill-Administrativen sad Sofia-grad (Bulgarija) fil-Kawża C-490/20 se tiddeċiedi dwar il-każ ta' wild b'żewġ ommijiet leżbjani li qed jiffaċċja apolidija minħabba din il-lakuna legali; billi l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ tipprevedi inizjattiva leġiżlattiva biex tiġi eliminata din id-diskrepanza legali u reviżjoni tal-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu, it-tnejn skedati għall-2022; billi l-koppji tal-istess sess għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet meta jeżerċitaw il-libertà tal-moviment fl-UE, iżda l-Kummissjoni madankollu ma pproponietx li tagħti bidu għal leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet;

Y.  billi l-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-UE hija responsabbiltà kondiviża, li tirrikjedi azzjoni u sforzi konġunti f'kull livell tal-gvern, u billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu f'dan ir-rigward; billi dawn l-awtoritajiet huma ta' spiss responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE u għat-tħaddin tal-ugwaljanza u d-diversità; billi l-Kungress tal-Awtoritajiet lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa adotta riżoluzzjoni li tfakkar fir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u stednithom jaħtru "Espert Lokali dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità"(13);

Z.  billi l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, ġie mistieden jikkunsidra jieħu azzjoni, fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu, b'rispons għall-iżvilupp ta' żoni ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT;

AA.  billi l-persuni LGBTIQ għandhom igawdu f'kull post fl-Unjoni Ewropea l-libertà li jgħixu u juru pubblikament l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali tagħhom mingħajr biża' ta' intolleranza, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni għal dawk ir-raġunijiet; billi d-dritt għall-ażil huwa ggarantit mill-Karta; billi jeħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tal-applikanti vulnerabbli, inklużi l-applikanti LGBTIQ, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u r-riforma tagħha;

AB.  billi, pjuttost milli jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTIQ, l-awtoritajiet fil-livelli kollha ta' governanza madwar l-Unjoni Ewropea kollha għandhom jipproteġu u jippromwovu l-ugwaljanza u d-drittijiet fundamentali ta' kulħadd, inklużi l-persuni LGBTIQ, u jiżguraw id-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ;

1.  B'dan jiddikjara lill-Unjoni Ewropea "Żona ta' Libertà LGBTIQ";

2.  Jiddenunzja kull forma ta' vjolenza jew diskriminazzjoni kontra persuni abbażi tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-qtil ċar omofobiku ta' David Polfliet imwettaq fil-Belġju;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(2) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(3) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(4) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(5) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 146.
(6) Testi adottati, P9_TA(2019)0101.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0225.
(8) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.
(9) Sentenza tat-23 ta' April 2020, Associazione Avvocatura per i ditti LGBTI, C-507/18, EU:C:2020:289.
(10) https://www.theparliamentmagazine.eu/news/article/meps-condemn-lgbt-conversion-therapy-in-appeal-to-european-commission
(11) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/SPEECH_20_1655
(12) A long way to go for LGBTI equality (Fadal ħafna xi jsir fir-rigward tal-ugwaljanza tal-LGBTI), FRA, 2020, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-lgbti-equality-1_en.pdf; Rapport tal-2020 Rainbow Europe, ILGA-Europe, https://www.ilga-europe.org/rainboweurope/2020
(13) https://rm.coe.int/protecting-lgbti-people-in-the-context-of-rising-anti-lgbti-hate-speec/1680a16129

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza