Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2198(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0050/2021

Testi mressqa :

A9-0050/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 2
CRE 25/03/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0091

Testi adottati
PDF 129kWORD 45k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka
P9_TA(2021)0091A9-0050/2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka (2020/2198(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka, imressqa fid-9 ta' Lulju 2020 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta' Appell ta' Brussell, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Lívia Járóka għad-dritt li tinstema', skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0050/2021),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta' Brussell ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Lívia Járóka, Membru tal-Parlament Ewropew għall-Ungerija, fir-rigward ta' ksur fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Digriet Irjali Belġjan tal-1 ta' Diċembru 1975 li jistabbilixxi regolament ġenerali dwar il-Pulizija tat-Traffiku u l-użu tat-toroq pubbliċi, u l-Artikolu 29(3) tal-Liġi tas-16 ta' Marzu 1968 dwar il-Pulizija tat-Traffiku; billi, b'mod partikolari, il-ksur jikkonċerna eċċess ta' veloċità;

B.  billi fis-17 ta' Novembru 2018 fl-10.30, apparat awtomatiku fiss f'Uccle, li jaħdem fin-nuqqas ta' aġent kwalifikat, irreġistra ksur tal-veloċità massima awtorizzata ta' vettura rreġistrata f'isem Lívia Járóka; billi tfassal rapport u kopja tiegħu b'formola ta' tweġiba ntbagħtet lil Lívia Járóka fid-29 ta' Novembru 2018; billi sabiex jiġi determinat jekk is-Sa Járóka kinitx is-sewwieq tal-vettura inkwistjoni, il-Ministeru Pubbliku pprova jinterpellaha diversi drabi, mingħajr suċċess; billi skont is-Servizz tal-Protokoll tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Affarijiet Barranin, Lívia Járóka ma kinitx irregolarizzat il-post ta' residenza tagħha fil-Belġju; billi ħmistax-il jum wara li ntbagħtet il-kopja tar-rapport, il-fajl intbagħat lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi Brussell;

C.  billi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali;

D.  billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"(2);

E.  billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni dwar jekk ineħħix l-immunità tiegħu(3);

F.  billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi, minn Lívia Járóka, tal-funzjonijiet tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Lívia Járóka;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju u lil Lívia Járóka.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.
(3) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440, punt 28.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza