Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2110(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0051/2021

Testi mressqa :

A9-0051/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 2
CRE 25/03/2021 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2021)0092

Testi adottati
PDF 138kWORD 47k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Francois Jalkh
P9_TA(2021)0092A9-0051/2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2020/2110(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fis-16 ta' Ġunju 2020, mill-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi b'rabta ma' kawża pendenti quddiem il-Maġistrati Istrutturi rigward inkjesta ġudizzjarja fuq il-bażi tal-allegati reati ta' ksur ta' fiduċja, frodi organizzata, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti ffalsifikati, impjieg illeċitu li jinvolvi nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' impjegat, miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u l-ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Lulju 2020,

–  wara li sema' lil Thierry Mariani, li kien qed jissostitwixxi lil Jean-François Jalkh, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0051/2021),

Α.  billi l-Maġistrati Istrutturi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jean-François Jalkh sabiex jisimgħuh b'rabta mar-reati kriminali allegati;

Β.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh tirrigwarda allegati reati ta' ksur ta' fiduċja, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti ffalsifikati, frodi organizzata, impjieg illeċitu li jinvolvi nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' impjegat, miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u l-ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati, reati stabbiliti u kkastigati skont l-Artikoli 314–1, 314–10, 321–2, 321–3, 321–4, 321–9, 321–10, 441–l, 441–10, 441–11, 313–1, 313–2, 313–3, 313–7, 313–8, 313–9, 432–15 u 432–17 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, u L8221–1, L8221–5, L8224–1, L8224–3, L8224–4 u L8224–5 tal-Kodiċi tal-Impjiegi Franċiż;

C.  billi fil-5 ta' Diċembru 2016 tnediet investigazzjoni ġudizzjarja b'segwitu għal investigazzjoni preliminari li tnediet wara denunzja mill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien fid-9 ta' Marzu 2015 dwar ċertu għadd ta' assistenti parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front National;

D.  billi t-tabella tal-persunal tal-Front National, ippubblikata fi Frar 2015 elenkat biss 15-il Membru tal-PE (minn total ta' 23), 21 assistent parlamentari lokali u 5 assistenti parlamentari akkreditati (minn total ta' 54 assistent); billi għadd ta' assistenti parlamentari ddikjaraw il-kwartieri ġenerali tal-Front National f'Nanterre bħala l-post tal-impjieg tagħhom, u f'xi każijiet indikaw li kienu impjegati hemmhekk fuq bażi full-time, minkejja li kienu jirrisjedu bejn 120 km u 945 km 'il bogħod mill-post tal-impjieg iddikjarat tagħhom; billi f'dan l-istadju tal-investigazzjoni, irriżulta li 8 assistenti parlamentari prattikament ma wettqu l-ebda xogħol ta' assistenza parlamentari jew li wettquh biss bħala parti żgħira ħafna mid-dmirijiet globali tagħhom:

E.  billi l-investigazzjonijiet żvelaw ukoll ċirkostanzi li wasslu għal dubji dwar kemm l-assistenti parlamentari kkonċernati kienu ġenwinament qed iwettqu dmirijiet marbuta mal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari:

   kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE li ddaħħlu bejn żewġ kuntratti tal-impjieg mal-Front National,
   kuntratti ta' impjieg simultanji ta' assistenti parlamentari Ewropej kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Front National;
   kuntratti ta' impjieg mal-Front National konklużi għal perjodi eżatt wara perjodi koperti minn kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE;

F.  billi l-investigazzjoni żvelat li Jean-François Jalkh kien impjegat bħala assistent parlamentari lokali ma' Jean-Marie Le Pen minn Lulju 2009 sa April 2014 fuq bażi full-time, b'salarju gross fix-xahar ta' EUR 3 011,14; billi fl-istess ħin huwa kellu diversi karigi maniġerjali fi ħdan il-Front National, kemm wara xulxin jew fl-istess ħin, u rċieva remunerazzjoni minn żewġ kumpaniji differenti għall-awditjar tal-kontijiet tal-kampanja; billi fid-29 ta' Jannar 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jirkupra mingħand Jean-Marie Le Pen is-somma ta' EUR 320 026,23 imħallsa mill-Parlament b'rabta mal-kuntratt ta' Jean-François Jalkh; billi d-diversi appelli ppreżentati kontra din id-deċiżjoni ġew miċħuda, b'mod partikolari permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2018(2) u bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Novembru 2018(3);

G.  billi l-investigazzjoni żvelat ukoll li, fil-kapaċità tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh impjega assistent parlamentari lokali full-time mill-1 ta' Lulju 2014 sal-4 ta' Jannar 2016, bl-eċċezzjoni tal-perjodu mill-24 ta' Awwissu 2015 sal-14 ta' Diċembru 2015, b'salarju gross fix-xahar ta' EUR 2 950; billi ma nstabu la emails u lanqas evidenza oħra li turi x-xogħol tagħha bħala assistent parlamentari; billi l-assistent parlamentari inkwistjoni ġiet inkluża fit-tabella tal-persunal tal-Front National ippubblikata fi Frar 2015 bħala assistenta tal-Viċi President responsabbli għall-affarijiet legali, Jean-François Jalkh; billi matul il-perjodu tal-kampanja għall-elezzjonijiet Franċiżi tal-2015, u għall-elezzjonijiet muniċipali tal-2014, instabu emails li jġorru l-firma tal-assistenta u li kienu jgħidu "Assistenta ta' Jean-François Jalkh – Servizz għall-elezzjonijiet"; billi, għall-perjodu minn Ġunju 2015 sal-21 ta' Diċembru 2015, instabu wkoll emails li żvelaw il-ħidma tagħha għall-kampanja elettorali ta' Wallerand de Saint-Just, li kien il-kandidat ewlieni tal-Front National għall-elezzjonijiet reġjonali fl-Île de France, minkejja l-fatt li l-kuntratt tagħha bħala assistent parlamentari kien ġie sospiż minħabba din ir-raġuni biss, għall-perjodu bejn l-24 ta' Awwissu sal-14 ta' Diċembru 2015; billi fil-11 ta' Diċembru 2019 hija ġiet imputata bl-akkuża ta' ħabi intenzjonali ta' fondi pubbliċi miżapproprjati;

H.  billi l-Maġistrati Istrutturi jqisu li jeħtieġ jisimgħu lil Jean-François Jalkh;

I.  billi wara li fit-18 ta' Diċembru 2018 ġie mħarrek mill-investigaturi, u wara li indika d-disponibbiltà tiegħu, Jean-François Jalkh ma deherx, b'segwitu għal talba għal differiment ippreżentata mill-avukat tiegħu erbat ijiem qabel id-data tad-dehra miftiehma, filwaqt li ddikjara li Jean-François Jalkh xtaq juża d-dritt tiegħu li jibqa' sieket; billi minkejja ittra tad-19 ta' Frar 2019 mill-avukat tiegħu li tikkonferma li kien lest li jinstema' volontarjament, Jean-François Jalkh għal darb'oħra naqas milli jidher meta tħarrek mill-investigaturi fil-25 ta' Ġunju 2019, u ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni talli naqas milli jidher; billi huwa mbagħad irrifjuta li jidher quddiem l-imħallfin istrutturi, li kienu ħarrkuh biex jidher fil-15 ta' Novembru 2019 filwaqt li invokaw l-immunità parlamentari tiegħu;

J.  billi bil-ħsieb li Jean-François Jalkh jiġi interrogat b'rabta mal-akkużi miġjuba kontrih, l-awtorità kompetenti ressqet talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu;

K.  billi, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, billi fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, il-Membru ma jistax jitqies bħala akkużat(4);

L.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament nazzjonali tagħhom;

M.  billi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jiddikjara li "L-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li ċċaħħadlu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà għal delitt kriminali serju jew reat serju ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li tagħha jkun membru. Din l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każ ta' delitt serju jew reat serju ieħor imwettaq in flagrante delicto jew meta kundanna tkun saret definittiva";

N.  billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti legali fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

O.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri fatti li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Franċiżi u lil Jean-François Jalkh.

(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tas-7 ta' Marzu 2018, Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew, Kawża T-140/16, ECLI:EU:T:2018:122;
(3) Id-digriet tal-Qorti (ir-Raba' Awla) tat-28 ta' Novembru 2018, Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew, Kawża C-303/18 P, ECLI:EU:C:2018:962.
(4) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, Kawża T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza