Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2160(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0030/2021

Testi mressqa :

A9-0030/2021

Dibattiti :

PV 24/03/2021 - 27
CRE 24/03/2021 - 27

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0096

Testi adottati
PDF 197kWORD 65k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd
P9_TA(2021)0096A9-0030/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd (2019/2160(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 intitolata "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (COM(2020)0104),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(1) (id-Direttiva Ewropea dwar ir-Responsabbiltà),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 91/271/KEE tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd(6) (ir-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(9) (EMFF),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Lulju 2014, li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu(10)(Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfills(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(14),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta' skart minn bastimenti(15),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent(16),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-SDG 14: "Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tal-2005 intitolat "Marine Litter – An analytical overview" (L-iskart tal-baħar – ħarsa ġenerali analitika),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) adottata fl-1973 mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), inkluż l-Anness V tagħha, li daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1988,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Ottubru 2020 intitolat "State of nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018" (Is-sitwazzjoni tan-natura fl-UE – Riżultati mir-rappurtar taħt id-direttivi 2013-2018),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-proġett "Tackling marine litter in the Atlantic Area" (L-indirizzar tal-iskart tal-baħar fiż-Żona Atlantika" (CleanAtlantic), iffinanzjat mill-Programm Interreg taż-Żona Atlantika tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji għall-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, (Voluntary Guidelines for the Marking of Fishing Gear), adottati mill-Kumitat għas-Sajd f'Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-OMI biex jiġi indirizzat l-iskart tal-plastik fil-baħar mill-bastimenti (Action Plan to Address Marine Plastic Litter from Ships),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2019 dwar l-oċeani u l-ibħra, li jindirizzaw il-formulazzjoni ta' ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis tal-plastik,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta' Barċellona), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed (Konvenzjoni ta' Bucharest), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Konvenzjoni ta' Ħelsinki), u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (Konvenzjoni OSPAR).

–  wara li kkunsidra l-Pjan Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Iskart tal-Baħar fil-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kjoto għaliha u l-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 1973,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi ppubblikat mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-31 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-28 ta' Settembru 2020 tal-Ministri għall-Ambjent, l-Ekonomija Marittima, l-Agrikoltura u s-Sajd tal-Istati Membri tal-Baħar Baltiku u tal-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u Sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Mission Starfish 2030: Restore our Ocean and Waters" (Missjoni Stilla tal-Baħar: ir-Restawr tal-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna", ippubblikat mill-Bord tal-Missjoni tal-Kummissjoni għall-Oċeani, l-Ibħra u l-Ilmijiet Kostali u Interni Sani fit-22 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) intitolat "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi, ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1972 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Marittimu mir-Rimi ta' Skart u Materja Oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar ir-Responsabbiltà(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari(18),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(21),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0030/2021),

A.  billi l-iskart tal-baħar viżibbli fil-bajjiet, tul il-kosti, fiż-żoni kostali u fil-wiċċ ta' korpi tal-ilma miftuħa, jirrappreżenta biss frazzjoni ta' fenomenu ta' tniġġis ferm aktar mifrux kemm fil-kolonna tal-ilma kif ukoll f'qiegħ il-baħar; billi dan l-iskart jirriżulta fil-parti l-kbira sew minn attivitajiet fuq l-art (80 %), iżda wkoll minn attivitajiet fil-baħar fejn kien hemm żieda sinifikanti fit-trasport minn bastimenti kbar mhux tas-sajd;

B.  billi l-iskart tal-baħar ifisser li l-iskart kollu li jkun daħal fl-ambjent tal-baħar, kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk le, u huwa identifikat mid-daqs (skart nano, mikro u mega) u min-natura (kontenituri, skart goff li jinsab f'qiegħ l-oċean, oġġetti tal-plastik, irkaptu tas-sajd, fdalijiet ta' bastimenti nofshom mgħarrqa, skart perikoluż bħal splussivi u residwi tal-gwerra oħrajn, fibri tessili, mikroplastiċi, eċċ.);

C.  billi 70 % tal-iskart tal-baħar li jidħol fil-baħar jispiċċa f'qiegħ il-baħar u l-massa kumulattiva tal-iskart li jżomm fil-wiċċ tammonta għal 1 % biss tal-plastik fl-oċean; billi l-aħħar riċerka xjentifika turi li l-livell ta' tniġġis tal-plastik fl-oċean ġie sottovalutat bil-kbir u billi għad hemm lakuni kbar fl-għarfien oċeanografiku; billi r-riċerka dwar it-tixrid tal-iskart tal-baħar fl-oċean hija vitali sabiex nifhmu aħjar il-kobor tat-tniġġis tal-baħar;

D.  billi l-oċean tad-dinja huwa korp tal-ilma kontinwu li l-istatus ambjentali tajjeb tiegħu huwa vitali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu u l-provvista kontinwa tiegħu ta' servizzi tal-ekosistema bħall-assorbiment tas-CO2 u l-produzzjoni tal-ossiġenu, u kwalunkwe bidla fl-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta tista' tnaqqas ir-rwol tiegħu bħala regolatur tal-klima; billi l-iskart tal-baħar huwa ta' theddida għall-futur tas-settur tas-sajd b'mod ġenerali, peress li huwa biss ambjent kostali u tal-baħar nadif, san, produttiv u bijoloġikament varjat li jista' jissodisfa l-ħtiġijiet fit-tul tan-nies b'mod ġenerali u tas-sajjieda, dawk li jiġbru l-frott tal-baħar u l-komunitajiet tas-sajd b'mod partikolari;

E.  billi l-iskart tal-baħar huwa sfida globali peress li ma għandux fruntieri u jinġarr minn kurrenti u mir-riħ fuq distanzi twal madwar id-dinja, u dan jaffettwa żoni u setturi li jinsabu 'l bogħod mill-punt ta' oriġini tiegħu u li mhumiex responsabbli għall-produzzjoni tiegħu; billi kwantitajiet kbar ta' skart għadhom qed jintremew direttament fil-baħar madwar id-dinja kollha; billi jrid jittieħed approċċ olistiku għat-tniġġis tal-baħar billi tiġi appoġġjata azzjoni fil-livelli kollha, mil-livell lokali sa dak internazzjonali;

F.  billi t-tniġġis tal-oċean u tal-ibħra mill-iskart tal-plastik fil-baħar, u b'mod partikolari mill-mikroplastiċi, huwa aggravat minn fenomeni meteoroloġiċi li jippermettu li l-mikroplastiċi jinfirxu permezz tal-arja, ix-xita u s-silġ u li jirriżultaw fit-tniġġis ta' ambjenti li darba kienu meqjusa bħala verġni, bħal muntanji għoljin jew l-Antartiku, u anke lil hinn miċ-Ċirku Artiku;

G.  billi 730 tunnellata ta' skart jintremew kuljum fil-Baħar Mediterran; billi, skont rapport tal-World Wide Fund for Nature (WWF) ta' Ġunju 2019, kull sena 11 200 tunnellata ta' oġġetti tal-plastik mormi fl-ambjent isibu triqithom fil-Mediterran; billi l-ekwivalenti ta' 66 000 trakk għall-ġbir tal-iskart mimlija bil-plastik jintremew kull sena fil-Mediterran; billi l-mikroplastiċi fil-Mediterran qed jilħqu livelli ta' konċentrazzjoni rekord, b'1,25 miljun framment kull km2; billi partikoli żgħar jirrappreżentaw madwar 90 % tal-plastik kollu li jżomm f'wiċċ l-ilma fil-Mediterran, u dan ifisser li madwar 280 biljun framment ta' mikroplastiċi li jżommu f'wiċċ l-ilma; billi konsumatur medju tal-frott tal-baħar Mediterran jibla' medja ta' 11 000 framment tal-plastik kull sena; billi l-Mediterran huwa għalhekk wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja;

H.  billi l-aħjar mod biex jitnaqqas l-ammont ta' skart tal-plastik fil-baħar huwa li titnaqqas u tiġi evitata l-produzzjoni tiegħu u nersqu lejn ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta' materjali u prodotti;

I.  billi l-iskart tal-baħar joffri superfiċje li magħha ħafna organiżmi u batterji jistgħu jaqbdu, u dan jiffaċilita l-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi li jistgħu jbiddlu l-bilanċ tal-ekosistemi tal-baħar, u billi l-batterji fuq l-iskart tal-baħar jistgħu jinbelgħu wkoll mill-organiżmi selvaġġi tal-baħar meta l-iskart jaħsbuh ikel;

J.  billi l-iskart tal-baħar għandu effetti morfoloġiċi negattivi, b'mod partikolari fuq il-gżejjer;

K.  billi l-iskart tal-baħar jakkumula b'mod partikolari madwar gżejjer żgħar remoti u f'żoni kostali; billi r-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej jospitaw 80 % tal-bijodiversità tal-baħar tal-Ewropa; billi l-ekonomiji tagħhom huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq is-sajd u t-turiżmu;

L.  billi t-tixrid tal-iskart tal-baħar madwar id-dinja qed jaffettwa lill-pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-komunitajiet kostali li jiddependu mis-sajd u li mhux neċessarjament għandhom il-kapaċità jew il-mezzi biex jipproteġu lilhom infushom b'mod effettiv;

M.  billi l-problema tal-iskart tal-baħar hija fil-biċċa l-kbira r-riżultat ta' ġestjoni ħażina tal-iskart fuq l-art, bħal fil-passaġġi tal-ilma u x-xmajjar, il-ġestjoni ħażina tal-ilma mormi, il-landfills miftuħa illegali u l-landfills li jinsabu qrib il-passaġġi tal-ilma, il-fenomeni tar-rimi tal-iskart u l-ilma tax-xeba' bħall-maltempati u x-xita, u r-rimi tal-borra mit-toroq u l-bankini direttament fil-baħar;

N.  billi t-tniġġis diffuż, bħall-ilma mormi trattat jew mhux trattat, li jista' jkun fih sustanzi kimiċi jew skart farmaċewtiku, jew ilma li jiskula jew jiffiltra mill-ambjent urban jew agrikolu, bħar-rimi ta' nitroġenu u fosfru, jhedded l-ambjent tal-baħar b'ewtrofikazzjoni minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta' nutrijenti, li eventwalment jistgħu joħonqu qiegħ il-baħar mill-ossiġenu, u dan iwassal għall-proliferazzjoni ta' "żoni mejta" li żdiedu b'għaxar darbiet mill-1950, jikkawżaw żieda drastika fl-għadd ta' ċjanobatterji, jikkontribwixxi għall-fenomenu tal-alga ħadra u l-alga ħamra u jikkontamina b'mod aktar estensiv il-pjanti u l-organiżmi selvaġġi;

O.  billi l-ġestjoni ħażina tan-networks tal-ilma mormi tqiegħed lill-produtturi tal-akkwakultura u lil dawk li jikkoltivaw il-gajdri f'riskju peress li l-kwalità tal-prodotti tagħhom tista' tiġi mhedda mill-preżenza ta' viruses u batterji bħal noroviruses, u dan jista' jirriżulta fi projbizzjonijiet temporanji fuq il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom jekk ma jibqgħux tajbin għall-konsum;

P.  billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet kif il-ġestjoni ħażina tal-iskart fuq l-art tista' twassal malajr għal mewġiet ġodda ta' tniġġis tal-baħar, b'mod partikolari minħabba l-użu ta' prodotti li jintużaw darba bħal maskri kirurġiċi u ingwanti li jintremew wara l-użu;

Q.  billi proporzjon sostanzjali tal-plastiks u tal-mikroplastiċi fil-baħar jiġi minn sorsi bbażati fuq l-art;

R.  billi l-volum tal-plastik fil-baħar għandu wkoll impatt sinifikanti fuq is-sajd, u dan huwa saħansitra akbar u aktar għali fir-rigward tas-sajd fuq skala żgħira;

S.  billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-iskart tat-tabakk huwa l-aktar tip abbundanti ta' skart skont l-għadd fid-dinja; billi, skont l-NGO Amerikana Ocean Conservancy, il-loqom tas-sigaretti huma fil-quċċata tal-lista tal-10 oġġetti l-aktar miġbura matul l-operazzjonijiet internazzjonali ta' tindif tal-bajjiet; billi loqma waħda ta' sigarett tieħu 12-il sena biex tiddegrada u fiha kważi 4 000 sustanza kimika; billi għal kull loqma ta' sigarett li tispiċċa fl-oċeani u fix-xmajjar jiġu mniġġsa 500 litru ilma;

T.  billi l-preżenza tal-iskart tal-baħar timmina serjament ir-reżiljenza u l-produttività tal-ekosistemi tal-baħar, b'mod partikolari dawk l-aktar fraġli, li diġà qed jiffaċċjaw ħafna pressjonijiet kumulattivi, bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), is-sajd eċċessiv, u ż-żieda fl-attivitajiet bħat-trasport marittimu u t-turiżmu;

U.  billi dawn il-pressjonijiet akbar fuq l-ekosistemi tal-baħar iwasslu għal tnaqqis fil-bijodiversità u l-affumikar tal-organiżmi tal-qiegħ, u jirriskjaw li jżidu t-tixrid tal-mard minħabba l-preżenza ta' patoġeni kkawżati mill-akkumulazzjoni ta' skart tal-baħar f'qiegħ il-baħar;

V.  billi, għalkemm l-UE ffukat dejjem aktar fuq l-indirizzar tal-problema tal-irkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat fil-baħar, ammont ta' rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew skartat mod ieħor (ALDFG) jibqa' attiv għal xhur jew saħansitra snin, kif muri mill-fenomenu tax-xbieki fantażma, u jaffettwa b'mod indiskriminat l-organiżmi selvaġġi kollha tal-baħar, inklużi l-istokkijiet tal-ħut; billi s-sajd IUU huwa rikonoxxut bħala wieħed mis-sorsi ewlenin tal-"irkaptu fantażma";

W.  billi l-iskart tal-baħar joħloq theddida serja għal għadd ta' speċijiet ta' annimali tal-baħar, u dan jirrappreżenta riskju ta' tgħalliq, soffokazzjoni, inġestjoni, korriment u kontaminazzjoni, iżda wkoll speċijiet oħra ta' annimali bħall-għasafar tal-baħar, li wħud minnhom diġà jinsabu f'periklu jew saħansitra f'periklu serju ta' estinzjoni?;

X.  billi s-sajjieda, inklużi s-sajjieda fuq skala żgħira, u l-produtturi tal-akkwakultura huma l-ewwel li jħossu l-impatt tal-iskart tal-baħar, u dan ipoġġi l-attivitajiet tagħhom f'riskju serju, peress li dan l-iskart jista' jkun ta' ostaklu, jitħabbel mal-irkaptu tas-sajd, jagħmel ħsara lill-irkaptu u jkun il-kawża tat-telf tiegħu, jimblokka l-magni tal-bastimenti u s-sistemi tat-tkessiħ tagħhom, jirrappreżenta theddida għas-sigurtà tal-baħħara fuq il-bastiment, iġiegħel lill-baħħara jagħmlu xogħol żejjed biex inaddfu l-irkaptu u għalhekk iwassal għal telf ekonomiku sinifikanti;

Y.  billi l-impatt tal-iskart tal-baħar fuq is-settur tas-sajd jinħass aktar mis-sajd fuq skala żgħira milli mis-sajd industrijali, peress li bastimenti iżgħar huma aktar vulnerabbli għall-ħsara lill-iskrejjen, lill-magni u lill-irkaptu tas-sajd tagħhom ikkawżata mill-iskart u peress li l-iskart tal-baħar huwa aktar ikkonċentrat f'ilmijiet tal-baħar baxxi, fejn isir il-biċċa l-kbira tas-sajd fuq skala żgħira; billi l-iskart tal-baħar għandu impatt ukoll fuq il-kwalità tal-qabdiet, li jistgħu jiġu kkontaminati minn dan l-iskart u jsiru mhux kummerċjabbli, u dan jikkawża aktar telf finanzjarju għan-negozji tas-sajd u tal-akkwakultura;

Z.  billi s-settur tas-sajd għal xi żmien aġixxa bħala l-ewwel linja ta' difiża kontra t-tniġġis ikkawżat mill-iskart tal-baħar, għalkemm dan huwa biss kontribut żgħir biex tiġi indirizzata l-problema fuq skala globali, filwaqt li s-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura għal xi żmien kellhom rwol attiv u proattiv fil-kontribut għal ibħra aktar nodfa;

AA.  billi ġie kkalkolat li l-iskart tal-baħar ikkawża telf ta' dħul ta' bejn 1 u 5 % għall-industrija tas-sajd(22);

AB.  billi 1,5 %(23) biss tal-irkaptu tas-sajd jiġi riċiklat u billi hemm ħtieġa urġenti li jiġi pprovdut appoġġ ekonomiku għall-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tiswija tal-irkaptu tas-sajd kollu; billi s-settur jista' jibbenefika minn opportunitajiet ekonomiċi ġodda billi jimpenja ruħu għal ekonomija ċirkolari bbażata fuq disinn intelliġenti, riċerka u innovazzjoni;

AC.  billi s-sajjieda li jġibu lura lejn l-art l-iskart maqbud aċċidentalment waqt li jkunu qed jistadu u l-kampanji ta' ġbir tal-iskart tal-baħar jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-problema tal-iskart tal-baħar u huma ta' benefiċċju għall-komunità kollha;

AD.  billi l-ispejjeż diretti tar-rimi tal-iskart tal-baħar huma ħafna drabi koperti, filwaqt li l-ispejjeż tax-xogħol, l-ispejjeż li jirriżultaw min-nuqqas ta' spazju abbord il-bastimenti, u l-ispejjeż relatati mal-ħsara lill-irkaptu tas-sajd u lill-magni mhumiex koperti;

AE.  billi s-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura ma jistgħux ikunu mistennija li jiġbru l-iskart tal-baħar mingħajr mekkaniżmu ta' kumpens imfassal apposta għall-isforzi tagħhom; billi huwa stmat li sa 80 % tas-sajjieda jkunu lesti li jieħdu sehem fi skemi ta' ġbir tal-iskart tal-baħar jekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' appoġġ(24);

AF.  billi s-sajjieda u l-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda diġà qed jaħdmu biex jiġbru l-iskart, u soluzzjonijiet għall-irkupru tal-iskart tal-baħar, b'mod partikolari l-iskart mis-sajd, diġà jeżistu;

AG.  billi l-ekonomija blu, li hija mistennija tirdoppja sal-2030, tirrappreżenta opportunità reali għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi u kostali, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura b'impatt pożittiv, bħal skollijiet artifiċjali u innovazzjonijiet oħra li jinkoraġġixxu l-effett tal-iskoll u l-effett ta' riżerva, li jistgħu jgħinu biex jirrestawraw l-ekosistemi;

AH.  billi l-UE qed tfittex li tippromwovi approċċ integrat għall-attivitajiet tal-baħar u billi l-iskart tal-baħar irid jiġi indirizzat billi titqies aktar id-dimensjoni spazjali tal-attivitajiet marittimi u kostali u billi jiġu involuti l-komunitajiet kostali u s-sajjieda, peress li l-attività tas-sajd fil-biċċa l-kbira ssir f'żoni kostali, fil-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar biex jiġu riflessi l-karatteristiċi speċjali tal-komunitajiet lokali;

AI.  billi d-deterjorament tal-ekosistemi tal-baħar u ta' dawk kostali, anke minħabba l-iskart tal-baħar, joħloq riskju għall-operaturi ekonomiċi kollha fiż-żoni kostali u għalhekk jhedded is-sostenibbiltà, id-durabbiltà u l-attraenza tal-komunitajiet kostali;

Titjib fil-qafas leġiżlattiv u l-governanza dwar l-iskart tal-baħar u l-isforzi biex isiru aktar effettivi

1.  Jirrimarka li ż-żamma ta' ekosistemi tal-baħar b'saħħithom u l-indirizzar tal-iskart tal-baħar huma kwistjonijiet li jinvolvu ħafna liġijiet eżistenti, u li huwa biss approċċ integrat u koerenti għall-objettivi Ewropej li se jippermetti titjib fil-qafas leġiżlattiv eżistenti u fehim aħjar tal-kobor tal-pressjonijiet kumulattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi riveduta l-politika marittima integrata tal-UE bil-ħsieb li jinħoloq qafas strateġiku, inkluż dwar l-iskart tal-baħar, li jinkorpora l-liġijiet kollha dwar l-iskart u l-ambjent tal-baħar;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-baċiri tal-baħar sabiex jiġi żgurat approċċ integrat, li jippermetti lill-bastimenti tas-sajd iħottu l-art skart tal-baħar fi kwalunkwe port tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jimplimentaw, malajr u mingħajr dewmien, id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta' skart minn bastimenti(25), jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tippreżenta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kriterji ta' eliġibbiltà għal imposta mnaqqsa għal "bastimenti ekoloġiċi" u tfassal inċentivi xierqa għall-konsenja ta' skart miġbur għal fuq l-art, inkluż mekkaniżmu ta' kumpens imfassal apposta għall-isforzi tas-sajjieda u kriterji metodoloġiċi għall-kalkolu tal-volum u l-kwantità ta' skart maqbud b'mod passiv, sabiex il-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-baħar, kif stabbiliti fid-Direttiva, ikunu jistgħu jiġu implimentati malajr;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb il-qafas leġiżlattiv Ewropew sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji għas-sajjieda li aċċidentalment jaqbdu skart tal-baħar meta jistadu u biex jiġi evitat li dawn jiġu mgħobbija b'piż burokratiku eċċessiv; jisħaq, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-baħar għandha tagħti aktar attenzjoni lid-dimensjoni soċjali tal-problema;

4.  Jirrimarka li jeħtieġ li l-viżjoni marittima tissaħħaħ b'mod urġenti fl-istrateġiji ġodda tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt";

5.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina billi jiġu armonizzati l-indikaturi ta' status ambjentali tajjeb, b'mod partikolari dawk marbuta mad-deskrittur 10, "rifjuti marini";

6.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għar-reġjuni ultraperiferiċi;

7.  Jitlob li l-qafas tad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu jittejjeb sabiex din tqis id-dimensjoni tal-ispazju tal-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar;

8.  Ifakkar li l-kwistjoni tal-iskart tal-baħar ma tistax tiġi indirizzata b'mod effettiv fil-livell nazzjonali biss iżda teħtieġ kooperazzjoni fil-livelli kollha, inkluż fil-livell globali, Ewropew u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiddefendi mudell ta' governanza ambizzjuż f'negozjati internazzjonali tan-NU dwar il-bijodiversità tal-baħar lil hinn mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u tirrikonoxxi l-ibħra kollha u l-oċean bħala ġid komuni, globali, bil-ħsieb li tadotta approċċ ġdid li jagħti prijorità lir-responsabbiltajiet individwali u kollettivi fuq il-prinċipji tradizzjonali tal-libertà jew id-drittijiet sovrani, kif stabbilit bil-Liġi tal-Baħar, u b'hekk tiżgura li l-baħar jiġi protett, inkluż mill-impatt detrimentali tal-iskart tal-baħar;

9.  Jitlob lill-UE ssaħħaħ inizjattivi internazzjonali bħas-Sħubija Globali dwar l-Iskart tal-Baħar, imnedija mill-UNEP, sabiex jintlaħqu l-SDGs, b'mod partikolari l-SDG 14, "Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli", u l-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni responsabbli;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi lejn ftehim ambizzjuż u legalment vinkolanti dwar it-tniġġis tal-plastik fl-Assemblea Ambjentali tan-NU li jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-oġġetti tal-plastik, inklużi l-objettivi globali kondiviżi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-plastik fil-baħar u viżjoni għal tranżizzjoni lejn ekonomija sikura u ċirkolari għall-oġġetti tal-plastik, kif ukoll governanza globali effettiva tal-irkaptu tas-sajd mitluf, jew "irkaptu fantażma", li jirrappreżenta theddida għall-attivitajiet u l-ekosistemi tal-baħar kollha madwar id-dinja;

11.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda kontra s-sajd IUU, li intrinsikament iniġġes u jikkontribwixxi għall-iskart tal-baħar u d-deterjorament tal-ambjent tal-baħar, b'mod partikolari minħabba r-rimi illegali tal-irkaptu tas-sajd;

12.  Jenfasizza li r-Riżoluzzjoni 2/11 tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent tal-Programm Ambjentali tan-NU tas-26 ta' Mejju 2016 irrikonoxxiet li l-preżenza tal-iskart tal-plastik u l-mikroplastiċi fl-ambjent tal-baħar hija kwistjoni ta' tħassib globali li qed issir dejjem aktar u aktar inkwetanti u li teħtieġ rispons globali urġenti li jinkorpora approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw, fuq il-bażi ta' skeda ta' żmien waħda, il-ħidma tagħhom fuq il-liġijiet bħad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, id-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, bil-ħsieb li l-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam issir aktar konsistenti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-ġbir ta' data dwar l-ammont u t-tip ta' skart fl-ilmijiet Ewropej u l-effett tiegħu fuq is-sajd, kif ukoll iżżid il-ġbir u l-armonizzazzjoni tad-data dwar l-ammont, il-kwantità u l-kwalità tal-iskart tal-baħar li jinħatt, jintrema u jitwassal għar-riċiklaġġ, b'mod partikolari permezz tal-programm "Sajd għall-iskart" (Fishing for Litter - FFL), inkluż il-volum, il-materjali u t-tipi ta' oġġetti maqbuda; jitlob li d-data miġbura mill-Istati Membri dwar it-telf, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ġbir tal-irkaptu tas-sajd u l-iskart tal-baħar tiġi rreġistrata f'bażi ta' data fil-livell nazzjonali jew tal-baċir tal-baħar u armonizzata f'rapport annwali wieħed fil-livell Ewropew biex isir aktar faċli biex l-iskart tal-baħar jiġi identifikat u indirizzat u biex jiġu żgurati monitoraġġ u valutazzjoni aħjar;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mmappjar annwali tal-iskart tal-baħar miġbur permezz tal-programm FFL fir-rigward tad-diversi baċiri idrografiċi, bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni dwar l-oriġini tal-iskart tal-baħar maqbud u li jissaħħu l-kampanji ta' ġbir; jisħaq li dan irid ikun marbut mal-isforzi ta' mmappjar eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal rapport annwali dwar l-ammont ta' skart tal-baħar li jinħatt fil-portijiet permezz tal-programm FFL, inklużi l-volum, il-materjali u t-tipi ta' oġġetti maqbuda;

16.  Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' networks ta' kooperazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-ilma mormi, il-partijiet ikkonċernati kostali, il-portijiet, l-NGOs u l-konvenzjonijiet reġjonali sabiex jissaħħaħ approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq id-djalogu u l-inklużjoni u jiġu promossi soluzzjonijiet prattiċi għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd, bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effettiva tar-regoli u jiġu pprovduti riżorsi adegwati f'oqsma bħall-ġbir, ir-rimi u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-baħar;

17.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fost il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi ċ-ċittadini affettwati mill-problema tal-iskart tal-baħar, sabiex is-settur tas-sajd jiġi mħeġġeġ jgħin fil-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, jindirizza l-iskart tal-baħar u għalhekk jiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tiegħu; jilqa' inizjattivi bħall-"Plan Marlimpo" (proġett "Baħar Nadif") implimentat mill-Ministeru tal-Baħar tal-Gvern tal-Galicia (Spanja), li għandu l-għan li jnaqqas l-ammont ta' skart fiż-żoni kostali;

18.  Jisħaq li sabiex tittejjeb u tissaħħaħ l-effikaċja tal-qafas leġiżlattiv u l-governanza relatati mal-ġbir, ir-rimi u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-baħar, huwa essenzjali li jiġi promoss involviment akbar ta' dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-sajd u li jitwessgħu l-proġetti eżistenti ta' sensibilizzazzjoni, prevenzjoni u taħriġ bil-għan li jiġi żgurat l-iskambju kontinwu ta' informazzjoni sabiex jiġu appoġġjati t-tħejjija u l-aġġornament tar-regoli rilevanti;

19.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha, jiġifieri l-Kunsilli Konsultattivi dwar is-Sajd, biex jappoġġjaw it-tnaqqis tal-iskart tal-baħar permezz ta' miżuri effettivi u effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-Linji Gwida Volontarji għall-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU biex jippromwovu l-ġestjoni responsabbli tal-irkaptu tas-sajd, itejbu l-isforzi biex jiġi identifikat l-irkaptu mitluf u jappoġġjaw is-sostenibbiltà tas-sajd permezz tat-tnaqqis tal-ALDFG, anke f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi biex jiġu operazzjonalizzati l-immarkar u r-rappurtar ta' rkaptu tas-sajd mitluf fl-ilmijiet Ewropej u, permezz ta' sforzi fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, tagħti spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali bil-għan li jiġi indirizzat dan is-sors ta' tniġġis tal-plastik fil-baħar;

20.  Jirrimarka li ż-żoni protetti tal-baħar jistgħu jaġixxu bħala laboratorji eċċellenti għall-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet biex jiġi indirizzat l-iskart tal-baħar, u dan jippermetti li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet ta' interazzjoni bejn l-attivitajiet fuq l-art u dawk fil-baħar u li tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet ikkonċernati marittimi u dawk ibbażati fuq l-art fir-rigward tal-isfidi li jiffaċċjaw l-ekosistemi tal-baħar u dawk kostali;

21.  Jenfasizza n-nuqqas ta' effiċjenza tad-Direttiva Ewropea dwar ir-Responsabbiltà fir-rigward tal-iskart tal-baħar, inkluż f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni ristrett tagħha u d-diffikultajiet fl-identifikazzjoni ta' min iniġġes u fl-assenjazzjoni tar-responsabbiltà; ifakkar li l-Parlament talab viżjoni tad-Direttiva Ewropea dwar ir-Responsabbiltà li tqis il-limiti tal-effikaċja tagħha;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw aħjar il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas";

Titjib fir-riċerka u l-għarfien dwar l-iskart tal-baħar

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżvolġi rwol ewlieni fid-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza dwar l-Oċeani u biex tinkoraġġixxi d-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali bil-ħsieb li jittejjeb il-fehim tagħna tal-ibħra u l-oċeani u l-impatt tal-iskart tal-baħar fuqhom;

24.  Jisħaq li n-nuqqas ta' data u studji disponibbli jagħmilha diffiċli li jiġi kkwantifikat eżattament safejn il-ħsara kkawżata mill-iskart tal-baħar qed taffettwa s-settur tas-sajd u l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi għas-sajjieda; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament tar-riċerka u l-ġbir tad-data dwar l-ammont u d-diversi tipi ta' skart fl-ilmijiet Ewropej u l-impatt tiegħu fuq is-sajd, l-akkwakultura u l-ekosistemi u jipproponu miżuri robusti biex jindirizzaw u jipprevjenu l-impatt tan-nanoplastiċi u tal-mikroplastiċi kemm fuq ir-riżorsi tas-sajd kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem;

25.  Jirrimarka li d-Direttiva dwar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss tkopri l-iskart li normalment jinstab fil-bajjiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri eżistenti dwar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss, billi tibbaża b'mod partikolari fuq ix-xogħol mistenni fuq l-iskart fil-kolonna tal-ilma u f'qiegħ il-baħar bħala parti mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, u tqis li telimina gradwalment il-kontenituri u l-imballaġġ tal-polistiren estiż minn prodotti tas-sajd f'konformità mal-ambizzjoni li l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss jiġu sostitwiti minn alternattivi durabbli għall-ambjent u għas-sajjieda;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Mission Starfish 2030 dwar l-indirizzar tal-iskart tal-baħar, u b'mod partikolari tivvaluta l-proposta għall-immarkar tal-irkaptu tas-sajd bl-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' ġeolokalizzazzjoni sabiex tgħin fil-lokalizzazzjoni u l-ġbir tal-irkaptu mitluf, fejn rilevanti u possibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha ttejjeb l-immarkar tal-irkaptu tas-sajd skont il-Linji Gwida Volontarji għall-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura u tiżgura li s-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura jkunu akkumpanjati fit-tranżizzjoni minn programmi ta' finanzjament xierqa;

27.  Jappella għal rappurtar aħjar dwar it-telf tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża aktar informazzjoni, bħall-isem tal-bastiment, it-tip ta' rkaptu użat, il-ħin u l-pożizzjoni tat-telf, u l-miżuri ta' rkupru meħuda, sabiex id-data miġbura tkun tista' tintuża b'mod aktar effettiv fl-indirizzar tat-tniġġis tal-baħar permezz tal-kondiviżjoni tad-data trasparenti u mtejba u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod ġodda għall-identifikazzjoni u t-trekkjar tal-irkaptu tas-sajd mitluf fil-baħar u r-reġistrazzjoni ta' data dwar l-iskart tal-baħar, bħal applikazzjonijiet elettroniċi biex jgħinu lis-sajjieda jirreġistraw data u sistemi għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-ħatt l-art ta' skart tal-baħar, pereżempju bl-użu ta' rċevuti tal-konsenja tal-iskart kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/883, li tobbliga lill-operaturi tal-portijiet joħorġu tali rċevuti lill-kaptani tal-bastimenti;

28.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' proġetti Ewropej bħal "CleanAtlantic", iffinanzjat mill-Programm Interreg taż-Żona Atlantika tal-UE, bl-għan li jittejjeb l-għarfien dwar l-iskart tal-baħar u l-kapaċità ta' monitoraġġ, prevenzjoni u tnaqqis tiegħu, u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tiegħu; iħeġġeġ lis-sħab tad-19-il proġett, mill-Irlanda, Franza, Spanja u l-Portugall, u b'mod partikolari lill-koordinatur tal-proġett, is-Centro Tecnológico del Mar (Cetmar), biex ikomplu l-ħidma tagħhom u jippubblikaw ir-riżultati tal-proġett;

29.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata loġistika ġestita b'mod xieraq fir-rigward tal-iskart u l-ġbir ta' rkaptu fi tmiem l-użu sabiex is-sajjieda jiġu assistiti fl-isforzi volontarji tagħhom; jinnota li dan għandu jinkludi ġbir unifikat tal-irkaptu abbord bastimenti f'boroż jew kontenituri, u l-provvista ta' faċilitajiet adegwati fil-portijiet;

Tħaffif fl-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

30.  Jisħaq li t-tnaqqis tal-impatt tal-iskart tal-baħar jiddependi minn titjib fl-ekonomija ċirkolari fuq l-art, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-plastik u l-imballaġġ mhux neċessarji u t-trasformazzjoni tal-iskart f'riżorsi, u mill-adozzjoni ta' approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura; jissottolinja li l-ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd trid tiġi żviluppata permezz ta' appoġġ akbar għas-sejbien ta' soluzzjoni, id-disinn intelliġenti tal-irkaptu tas-sajd u l-innovazzjoni fit-tekniki tas-sajd u l-akkwakultura sabiex jiġi limitat ir-rimi tal-iskart, l-operazzjonijiet ta' ġbir isiru aktar attraenti u jiżdied l-iżvilupp ta' kanali ta' riċiklaġġ effiċjenti;

31.  Jitlob l-ekodisinn tal-irkaptu tas-sajd, li għandu jkun prattiku, sikur u effettiv fil-konfront tal-ispejjeż, jiġi appoġġjat permezz tal-adozzjoni rapida ta' linji gwida dwar l-iżvilupp ta' standards armonizzati għal ekonomija ċirkolari għall-irkaptu tas-sajd; jappoġġja l-immarkar tal-materjali użati fl-irkaptu tas-sajd permezz tal-passaporti tal-prodotti; jappoġġja l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni li jfittxu li jsibu materjali alternattivi u favorevoli għall-ambjent biex jintużaw fl-irkaptu tas-sajd, inklużi l-polimeri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li jistgħu jiġu stabbiliti proġetti pilota biex jiġi esplorat it-tnaqqis tal-materjali, iż-żarmar aktar faċli u aktar rapidu u l-ittestjar tal-funzjonalità tal-irkaptu biex tiġi megħjuna t-tranżizzjoni;

32.  Jisħaq dwar l-importanza, fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari għall-irkaptu tas-sajd, li jiġu involuti bis-sħiħ is-sajjieda, l-attivitajiet tas-sajd u s-settur tal-akkwakultura kollu kemm hu, in-negozji ġodda, l-inizjattivi u n-negozji privati, inklużi l-manifatturi tal-ħbula u tax-xbieki minn pajjiżi terzi, fl-identifikazzjoni ta' materjali ġodda, l-ekodisinn, id-disinn ta' rkaptu tas-sajd ġdid u r-riċiklaġġ tal-irkaptu tas-sajd; jisħaq fuq il-ħtieġa, barra minn hekk, li jissaħħaħ mudell għas-sinerġija bejn iż-żoni tas-sajd u tar-riċerka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, torganizza proġetti futuri għall-ekonomija ċirkolari għall-irkaptu tas-sajd b'rabta mal-programmi ta' finanzjament eżistenti tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni;

33.  Jisħaq li sabiex jitħaffef l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, huwa essenzjali li jiġu ppjanati soluzzjonijiet leġiżlattivi futuri għall-problema tal-ġbir u r-rimi tal-iskart tal-baħar flimkien mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jagħtu segwitu rapidu għall-istabbiliment ta' rati minimi nazzjonali ta' ġbir għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, kif miftiehem fid-direttiva dwar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu lill-kwistjoni dwar jekk dawn il-pjanijiet nazzjonali jirriżultawx f'żieda fil-ġbir u r-riċiklaġġ tal-irkaptu tas-sajd meta mqabbla mal-livelli tal-lum, u, f'dan ir-rigward, tfassal pjan xieraq u ambizzjuż biex tappoġġja l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd; jenfasizza li hemm suq għal irkaptu tas-sajd riċiklat li joffri potenzjal biex l-użu ta' materjal riċiklat isir rekwiżit legali, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) dwar l-ipprogrammar għall-ġestjoni kondiviża, li jirrappreżenta inċentiv importanti għas-sajjieda u mod kif wieħed jara l-valur tal-kontribut tagħhom għar-riċiklaġġ;

34.  Jappella għall-użu tal-FEMS biex jiġu appoġġjati s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura fit-tranżizzjoni lejn materjali aktar sostenibbli, inkluż l-akkwist ta' bastimenti ġodda, teknikament aktar effiċjenti u li jniġġsu inqas għal flotot artiġjanali fuq skala żgħira, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq inċentivi għall-ekonomija ċirkolari tul il-katina kollha tal-produzzjoni għall-irkaptu tas-sajd u tal-akkwakultura billi tippromwovi r-riċerka u tappoġġja n-negozji li jirriċiklaw l-irkaptu u jużawh mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, toħloq fond speċifiku biex tappoġġja lill-Istati Membri li jistabbilixxu ktajjen ta' produzzjoni għal irkaptu riċiklat u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, bl-użu ta' riżorsi bħal dawk fil-qafas tal-istrument NextGenerationEU u minn penali fiskali imposti wara proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri;

36.  Jenfasizza li għad hemm ħafna kwistjonijiet u differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, minkejja l-progress importanti li sar bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2019/883; jisħaq li f'ħafna portijiet tal-Unjoni għadu diffiċli ħafna għas-sajjieda li jillokalizzaw dawn il-faċilitajiet, fejn jeżistu, u li jkollhom aċċess għalihom; jissottolinja li dan kollu jaġixxi bħala ostaklu u diżinċentiv għall-operaturi tas-sajd biex jikkontribwixxu għal ibħra aktar nodfa;

37.  Jappoġġja l-iżvilupp u l-ħolqien ta' kanali effiċjenti ta' riċiklaġġ permezz tal-immodernizzar tal-infrastruttura tal-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-portijiet kollha Ewropej bil-ħsieb li tittejjeb is-separazzjoni selettiva tal-iskart; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, għal sforzi akbar mill-Istati Membri biex jimmodernizzaw il-faċilitajiet loġistiċi tal-portijiet permezz ta' loġistika ġestita b'mod xieraq fir-rigward tal-ġbir tal-iskart u tal-irkaptu fi tmiem l-użu, il-ġbir unifikat tal-irkaptu abbord il-bastimenti f'boroż jew kontenituri, u l-provvista ta' faċilitajiet adegwati fil-port biex jiġi żgurat li jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa ta' akkoljenza u ħżin għall-irkaptu tas-sajd mitluf u l-iskart tal-baħar miġbur, biżżejjed spazju għall-ħżin separat ta' diversi tipi ta' skart tal-baħar, biżżejjed persunal għat-trattament xieraq u sikur tal-iskart li jinħatt l-art, u l-provvista lill-bastimenti kollha ta' kontenituri għall-ġbir tal-iskart tal-baħar; jitlob li l-operazzjonijiet ta' ġbir isiru aktar attraenti billi jittieħdu miżuri li jinvolvu skemi ta' ppremjar u inċentivi, bħal inċentivi finanzjarji, għall-appoġġ tas-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura fil-ġbir, ir-rimi u r-riċiklaġġ tal-iskart maqbud fil-baħar u li jieħdu l-irkaptu tas-sajd jew tal-akkwakultura tagħhom li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja lura fil-portijiet;

Programmi ta' ġbir u mmaniġġjar għall-iskart tal-baħar

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra r-rimi tal-iskart fl-idrosfera tal-Unjoni billi tnaqqas l-iskart mis-sors tiegħu, tnaqqas l-użu u l-konsum tal-plastik, u tindirizza t-tniġġis tax-xmajjar, il-passaġġi tal-ilma u l-kosti minħabba r-rimi tal-iskart, li jista' jitnaqqas drastikament b'mod koordinat; jitlob li r-rimi ta' borra mit-toroq u l-bankini direttament fl-oċean jiġi minimizzat, b'mod partikolari billi jiġu appoġġjati metodi alternattivi ta' ġbir f'każijiet ta' maltempati tal-borra eċċezzjonalment qawwija;

39.  Jisħaq li n-networks tal-ilma mormi u l-impjanti tat-trattament iridu jiġu mmodernizzati sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-akkwakultura u l-ambjent tal-baħar u kostali b'mod ġenerali, u b'mod partikolari r-riskju ta' kontaminazzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura;

40.  Jisħaq li huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-immaniġġjar ħażin tal-iskart fuq l-art, primarjament ir-rimi mhux xieraq tal-iskart fil-bliet kostali, fil-bliet mibnija tul ix-xmajjar u fil-bliet insulari;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għarfien tal-operaturi marittimi fl-interazzjonijiet potenzjali kollha tagħhom mal-ambjent tal-baħar, b'mod partikolari matul il-bejgħ jew il-kiri ta' bastimenti;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni jiġbru data dwar il-kwistjoni ta' ġestjoni ħażina tal-iskart fuq l-art, jimmonitorjawha u jieħdu azzjoni dwarha, biex ineħħu ż-żoni hotspot fix-xmajjar u l-estwarji fejn ikun akkumula l-iskart tal-baħar u biex jintroduċu miżuri biex jipprevjenu l-iskart tal-baħar sa minn qabel ma jkun laħaq l-ambjent; iħeġġeġ l-allokazzjoni ta' finanzjament suffiċjenti biex jitnaddfu t-tipi kollha ta' sustanzi niġġiesa derivati mill-plastik;

43.  Ifakkar li l-programmi għall-ġbir tal-iskart tal-baħar jistgħu jkopru operazzjonijiet differenti, bħall-ġbir tal-iskart tal-baħar fix-xmajjar, l-estwarji, il-bajjiet jew il-portijiet, l-operazzjonijiet ta' riċerka, u l-identifikazzjoni ta' hotspots fil-baħar, u li jistgħu jitwettqu mis-sajjieda, mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali; jenfasizza li l-programmi ta' ġbir għandhom ikunu sostenibbli, jużaw tagħmir xieraq għall-ġbir tal-iskart, jevitaw li jipproduċu aktar emissjonijiet kemm jista' jkun, ikunu lesti jikkollaboraw ma' atturi li għandhom għarfien tal-ekosistemi tal-baħar u jirrikjedu identifikazzjoni strateġika tal-iskart qabel ma tittieħed azzjoni; jissottolinja li dawk il-programmi ta' ġbir jistgħu jitwettqu mhux biss permezz tal-programmi ta' finanzjament tal-UE iżda anki fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri;

44.  Jisħaq li seba' Stati Membri biss użaw ir-riżorsi fi ħdan il-qafas tal-FEMS attwali biex jiffinanzjaw programmi ta' ġbir ta' skart tal-baħar bħall-programm FFL, u li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet li jagħmluha possibbli li jiġi identifikat, miġbur u riċiklat l-iskart tal-baħar jikkonsistu f'inizjattivi u programmi volontarji mis-sajjieda, mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali;

45.  Jisħaq li sabiex jitnaqqas l-iskart mill-bastimenti tas-sajd, jeħtieġ li s-sajjieda jiġu inċentivati biex iwasslu l-iskart fil-faċilitajiet tar-riċiklaġġ, inkluż permezz ta' inċentivi finanzjarji u skemi ta' ppremjar biex jiġu inkoraġġiti prattiki tajba; jinnota, għalhekk, li s-sajjieda għandhom jiġu kkumpensati għall-ġbir ta' rkaptu tas-sajd mitluf u skart ieħor tal-baħar jew bħala minimu jkollhom aċċess għar-rimi tal-iskart b'xejn fil-faċilitajiet tal-port;

46.  Jisħaq li s-sajjieda għandhom ikunu mħarrġa b'mod adegwat dwar kif jittrattaw l-iskart tal-baħar kif suppost matul il-ġbir, il-ħatt l-art, ir-rimi u l-konsenja għar-riċiklaġġ sabiex ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza jiġu minimizzati;

47.  Jisħaq li t-tisħiħ u l-estensjoni tal-prattiki tajba eżistenti jinvolvu wkoll is-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi għall-bastimenti kollha li jipparteċipaw f'kampanji tal-FFL, irrispettivament mill-port jew id-daqs tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, ta' armonizzazzjoni u ta' approċċ aktar komplementari għar-regoli dwar il-ħatt l-art tal-iskart tal-baħar miġbur matul l-azzjonijiet tal-FFL fil-portijiet tal-Istati Membri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jappoġġjaw il-ġbir fil-baħar mis-sajjieda ta' rkaptu tas-sajd mitluf jew skart tal-baħar ieħor, b'mod partikolari l-oġġetti tal-plastik, billi jippromwovu l-aħjar prattiki, jinċentivaw il-parteċipazzjoni volontarja f'inizjattivi għall-ġbir tal-iskart tal-baħar u jappoġġjaw l-adozzjoni tal-programmi FFL; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jistabbilixxu "fond speċjali għat-tindif tal-ibħra", ġestit permezz tal-FEMSA jew linji baġitarji rilevanti oħra, sabiex jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet li ġejjin: 1) il-ġbir fil-baħar mis-sajjieda ta' skart tal-baħar, 2) il-provvista ta' faċilitajiet adegwati abbord għall-ħżin tal-iskart u l-monitoraġġ tal-iskart mistad b'mod passiv, 3) it-titjib fit-taħriġ tal-operaturi, 4) il-finanzjament tal-ispejjeż kemm tat-trattament tal-iskart kif ukoll tal-persunal meħtieġ għat-tħaddim ta' tali programmi biex tiġi evitata ż-żieda fl-ispejjeż għas-sajjieda li jipparteċipaw b'mod volontarju, u 5) l-investimenti fil-portijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa ta' akkoljenza u ħżin għall-irkaptu mitluf u l-iskart tal-baħar miġbur;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-kontribut soċjali u ekonomiku tas-sajjieda permezz ta' proġetti FFL, bil-ħsieb li jiġi kwantifikat b'mod aktar preċiż il-kontribut tas-settur tas-sajd għall-azzjoni għal ibħra aktar nodfa;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmur lil hinn mill-għanijiet tad-Direttiva (UE) 2019/883, billi tistudja u tikkwantifika f'termini ekonomiċi l-ħsara ambjentali kkawżata mill-iskart tal-baħar magħmul mill-bniedem u tistabbilixxi "Fond għall-iskart tal-baħar" biex jiġi miġġieled ir-rimi tal-iskart fil-baħar, tittaffa l-ħsara lis-sajd, u jiġu protetti l-ibħra u l-oċean;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw ġestjoni xierqa u rimi adegwat ta' skart maqbud jew miġbur b'mod aċċidentali matul kampanji volontarji, sabiex ir-responsabbiltà għall-konsenja, il-ġestjoni u r-rimi ta' tali skart kif ukoll l-ispejjeż għalihom ma jiġġarrbux mis-sajjieda, u jevitaw aktar ħsara lill-ambjent; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti sistemi effettivi għall-ġbir u r-rimi tal-iskart, filwaqt li tiġi żgurata wkoll il-preżenza ta' faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza tal-iskart fil-portijiet;

52.  Jirrimarka li l-kwistjoni tal-iskart tal-baħar hija transkonfinali u li, sabiex ikun aktar effiċjenti, l-indirizzar tal-iskart tal-baħar irid ikun sforz konġunt ma' pajjiżi terzi Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu pjan biex il-Mediterran, flimkien mal-pajjiżi kollha li jmissu mal-baħar, jiġi meħlus mit-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni ttemm l-esportazzjoni ta' skart lejn pajjiżi terzi, malajr kemm jista' jkun;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu ta' appoġġ għall-ġbir tal-iskart tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-vulnerabbiltà naturali ta' dawn ir-reġjuni, u b'hekk tipprovdilhom infrastruttura għar-riċiklar tagħhom tal-iskart miġbur;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE, titlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart fil-pajjiżi kandidati, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' infrastruttura integrata għall-immaniġġjar tal-iskart;

Għarfien aħjar u limitazzjoni tat-tniġġis ta' nanoplastiċi u mikroplastiċi

55.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-għarfien u l-kuxjenza pubblika dwar it-tniġġis ta' nanoplastiċi u mikroplastiċi u l-effett tiegħu fuq l-ambjent, il-bażi tal-katina alimentari tal-baħar, u fl-aħħar mill-aħħar is-saħħa tal-bniedem, u li għandha titwettaq aktar riċerka biex dan il-fenomenu tat-tniġġis ikun mifhum aħjar; jirrimarka li l-ħtieġa ta' aktar għarfien u n-nuqqas ta' kuxjenza mill-pubbliku jista' jkollhom l-effett li l-konsumaturi jitilfu l-fiduċja fil-kwalità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjoni tat-tniġġis tal-baħar ikkawżat mill-oġġetti tal-plastik u l-mikroplastiċi, filwaqt li jiġi sottolinjat il-fatt li s-sajjieda spiss jiġu affettwati wkoll minn dan il-fenomenu, speċjalment fil-każ tal-mikroplastiċi;

57.  Jilqa' x-xogħol preparatorju mwettaq mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar restrizzjonijiet fuq mikroplastiċi miżjuda b'mod intenzjonat fil-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża fis-segwitu ta' din il-proposta b'miżuri konkreti u, fejn xieraq, legali, inkluż billi tesplora l-problema tat-tixrid tan-nanoplastiċi u tal-mikroplastiċi fiċ-ċiklu tal-ilma, b'mod partikolari dawk rilaxxati fl-ambjent b'mod mhux intenzjonat, u tipproponi miżuri biex dawn jiġu eliminati gradwalment;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tat-telf u t-tixrid tal-mikroplastiċi, bħall-pelits tal-plastik, fl-ambjent tul il-katina tal-provvista kollha, speċjalment matul it-trasport fuq l-art u bil-baħar, u r-riskji assoċjati tat-tixrid;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(2) ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40.
(3) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(4) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(5) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(6) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(7) ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
(8) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(9) ĠU L 149, 20.05.2014, p. 1.
(10) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.
(11) ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11.
(12) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.
(13) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.
(14) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.
(15) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.
(16) ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.
(17) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 184.
(18) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 136.
(19) Testi adottati, P8_TA(2019)0343.
(20) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(21) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(22) "Lost fishing gear: a trap for our ocean" (Irkaptu tas-sajd mitluf: nassa għall-oċean tagħna), il-Kummissjoni Ewropea.
(23) "Lost fishing gear: a trap for our ocean" (Irkaptu tas-sajd mitluf: nassa għall-oċean tagħna), il-Kummissjoni Ewropea.
(24) https://cetmar.org/resultados-cleanatlantic/
(25) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza