Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2217(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0027/2021

Testi mressqa :

A9-0027/2021

Dibattiti :

PV 25/03/2021 - 5
PV 25/03/2021 - 7
CRE 25/03/2021 - 5
CRE 25/03/2021 - 7

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0098

Testi adottati
PDF 224kWORD 70k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Strateġija Ewropea għad-data
P9_TA(2021)0098A9-0027/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar strateġija Ewropea għad-data (2020/2217(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonċerna l-kompetittività tal-industrija tal-UE u jirreferi, fost l-oħrajn, għal azzjonijiet immirati lejn it-trawwim ta' sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 16 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( il-‘Karta’),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2020 dwar Open source software strategy 2020-2023 (Strateġija għal software b'sors miftuħ 2020–2023) (C(2020)7149),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-Data" (COM(2020)0066) u r-rapport finali mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Kondiviżjoni tad-Data bejn Negozji u l-Gvern bit-titolu "Towards a European strategy on business-to-government data sharing for the public interest" (Lejn strateġija Ewropea dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvern għall-interess pubbliku),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Legislative framework of the governance of common European data spaces" (Il-qafas leġiżlattiv tal-governanza tal-ispazji komuni Ewropej tad-data),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2020 bit-titolu "Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data"(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/518 tat-8 ta' April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta' data anonimizzata dwar il-mobbiltà(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(3) (Direttiva dwar id-Data Miftuħa),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 bit-titolu "Għal spazju tad-data komuni Ewropew" (COM(2018)0232) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2018)0125),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/790 tal-25 ta' April 2018 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 bit-titolu "L-analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali: Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd" (COM(2017)0228) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2017)0155),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2017)0002),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits" (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea: Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea - Il-bini ta' data kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106 u SWD(2016)0107),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(5) (GDPR),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(7) (Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi – LED),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data" (COM(2014)0442) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2014)0214),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(8) (id-Direttiva STI) u l-atti delegati tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza elettronika)(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19 tal-15 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Istati Membri tal-15 ta' Ottubru 2020 dwar il-bini tal-cloud tal-ġenerazzjoni li jmiss għan-negozji u s-settur pubbliku fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2020 dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2019 dwar il-Futur ta' Ewropa b'diġitalizzazzjoni għolja wara l-2020: Tingħata spinta lill-kompetittività diġitali u ekonomika mal-Unjoni kollha u lill-koeżjoni diġitali,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Lulju 2020 fil-Kawża C-311/18 (Schrems II),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data"(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew(16),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data"(17),

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali annwali, ippubblikati fil-11 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Nibnu mill-ġdid għall-aħjar: Għal irkupru sostenibbli u reżiljenti, wara l-COVID-19",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0027/2021),

A.  billi d-diġitalizzazzjoni qiegħda tkompli tittrasforma l-ekonomija, is-soċjetà u l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, u billi d-data, li tiġi dduplikata kull 18-il xahar, tinsab fil-qalba ta' din it-trasformazzjoni; billi l-volum ta' data maħżuna madwar id-dinja huwa mistenni li jiżdied minn 33 zettabyte (ZB) fl-2018 għal 175 ZB fl-2025(18); billi fil-futur, dawn il-proċessi ser jaċċeleraw biss;

B.  billi d-diġitalizzazzjoni mhux biss tippreżenta opportunità ekonomika iżda hija wkoll rilevanti għas-sigurtà, ir-reżiljenza ġeopolitika u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

C.  billi l-UE tirrikjedi d-disponibbiltà ta' arkitettura tal-IT interoperabbli, flessibbli, skalabbli u affidabbli li tkun kapaċi tappoġġja l-aktar applikazzjonijiet innovattivi; billi l-intelliġenza artifiċjali (IA) hija waħda mit-teknoloġiji strateġiċi għas-seklu 21 kemm fuq livell globali kif ukoll fl-Ewropa(19); billi hija meħtieġa wkoll infrastruttura adegwata fl-UE, b'mod partikolari hardware ta' prestazzjoni għolja biex jitħaddmu l-applikazzjonijiet u tinħażen id-data;

D.  billi d-data hija riżorsa essenzjali għall-irkupru ekonomiku sostenibbli, it-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; billi t-teknoloġiji mmexxija mid-data jistgħu jippreżentaw opportunità biex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem għal kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħsara u ta' periklu u biex jiġi promoss il-progress tas-soċjetà, u jistgħu jkollhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet ekoloġiċi u newtrali għall-klima u biex tingħata spinta lill-kompetittività globali tal-Ewropa u l-kumpaniji tagħha;

E.  billi l-istrateġija Ewropea għad-data għandha tkun konsistenti mal-Istrateġiji tal-SMEs u l-Istrateġiji Industrijali, għaliex ser tkun essenzjali biex, fost oħrajn, jintlaħqu l-objettivi tal-politika industrijali u ser tkun ta' benefiċċju għan-negozji Ewropej, inklużi l-SMEs, billi tgħinhom jiffaċċjaw b'suċċess it-tranżizzjoni diġitali; billi għadu jeżisti distakk bejn in-negozji l-kbar u l-SMEs fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali avvanzati; billi l-inċentivar tal-użu tad-data u ż-żieda fl-aċċess għad-data u d-disponibbiltà tagħha, flimkien ma' ċertezza legali akbar, jistgħu jipprovdu vantaġġ kompetittiv għall-intrapriżi mikro, l-SMEs u n-negozji ġodda biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-benefiċċji tat-tranżizzjoni diġitali;

F.  billi d-data ġġenerata mis-settur pubbliku u mill-gvern fil-livell nazzjonali u lokali hija riżorsa li tista' sservi bħala magna b'qawwa kbira biex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ġodda li jistgħu jiġu sfruttati fl-iżvilupp ta' sistemi tal-IA u l-analitika tad-data, filwaqt li tikkontribwixxi għal industrija aktar b'saħħitha, kompetittiva u aktar interkonnessa;

G.  billi hemm inizjattivi differenti fis-seħħ biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u d-diversità tan-nisa fl-ICT; billi d-disparità bejn is-sessi għadha tippersisti fl-oqsma kollha tat-teknoloġija diġitali, bl-IA u ċ-ċibersigurtà jkunu l-oqsma bl-akbar disparitajiet; billi din id-disparità bejn is-sessi għandha impatt konkret fuq l-iżvilupp tal-IA, li fil-parti l-kbira tfasslet minn irġiel, u b'hekk tipperpetwa u tippromwovi l-isterjotipi u l-preġudizzju;

H.  billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija Ewropea għad-data, il-Kummissjoni tispeċifika li l-impronta ambjentali tal-ICT hija stmata li tammonta għal bejn 5 % u 9 % tal-użu globali tal-elettriku u aktar minn 2 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra globali; billi s-settur diġitali għandu potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-karbonju; billi skont studju tal-2018 dwar l-IA taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, iċ-ċentri tad-data u t-trażmissjoni tad-data jistgħu jirrappreżentaw bejn 3 % u 4 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-Unjoni; billi l-Kummissjoni tistenna żieda ta' 28 % fil-konsum taċ-ċentri tad-data bejn l-2018 u l-2030(20); billi 47 % tal-emissjonijiet tal-karbonju diġitali huma dovuti għal tagħmir tal-konsumaturi bħal kompjuters, smartphones, tablets u oġġetti oħra konnessi; billi huwa assolutament meħtieġ li tiġi minimizzata l-impronta ekoloġika tat-teknoloġija diġitali, b'mod partikolari l-volum tal-iskart elettriku u elettroniku;

I.  billi l-Unjoni trid tieħu azzjoni urġenti biex taħsad il-benefiċċji tad-data billi tibni soċjetà u ekonomija tad-data li jkunu kompetittivi, favorevoli għall-innovazzjoni, etikament sostenibbli, iċċentrati fuq il-bniedem, affidabbli u siguri u li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet fundamentali u tax-xogħol, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jkollhom l-għan li jibnu ekonomija ta' għarfien ġdida, miftuħa u inklużiva, b'kooperazzjoni mas-sistema tal-edukazzjoni u l-intrapriżi kulturali, li tiżgura d-dritt għal edukazzjoni u intraprenditorija ta' kwalità, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet ġodda u tippromwovi innovazzjoni soċjali u mudelli kummerċjali ġodda; billi l-investimenti fil-ħiliet fil-cloud u l-big data jistgħu jgħinu lill-kumpaniji li għadhom ma ħaddnux it-teknoloġija biex ibiddlu n-negozju tagħhom; billi l-kumpaniji meqjusa li jinsabu fuq quddiem nett tat-teknoloġija jridu jibqgħu aġġornati b'mod kostanti dwar innovazzjonijiet reċenti biex ma jitilfux il-vantaġġ kompetittiv tagħhom;

J.  billi s-swieq tal-cloud (jiġifieri l-Infrastruttura, il-Pjattaformi u s-Software bħala Servizz – IaaS, PaaS u SaaS) huma kkaratterizzati minn grad għoli ta' konċentrazzjoni tas-suq, li jaf iqiegħed lin-negozji ġodda, lill-SMEs u lil atturi Ewropej oħra fi żvantaġġ kompetittiv fl-ekonomija tad-data; billi l-Kummissjoni għandha tiżgura swieq kompetittivi permezz tal-interoperabilità, il-portabbiltà u l-infrastrutturi miftuħa, u tibqa' viġilanti dwar kwalunkwe abbuż potenzjali tas-saħħa fis-suq minn atturi dominanti;

K.  billi s-sistema tal-UE għall-Osservazzjoni tad-Dinja – Copernicus – għandha sservi bħala eżempju ta' benefiċċji soċjoekonomiċi li ammont kbir ta' data disponibbli b'mod liberu u miftuħ jista' joffri liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

L.  billi l-użi kollha tad-data personali u d-data industrijali mħallta għandhom ikunu konsistenti mal-GDPR u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika; billi, skont l-Ewrobarometru, 46 % tal-Ewropej jixtiequ jkollhom rwol aktar attiv f'dak li hu kontroll tal-użu tad-data personali tagħhom, inklużi s-saħħa, il-konsum tal-enerġija u d-drawwiet tax-xiri;

M.  billi l-Artikolu 8(1) tal-Karta u l-Artikolu 16(1) TFUE jipprevedu li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernahom;

N.  billi l-Karta tipprevedi wkoll li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri;

O.  billi l-ipproċessar tad-data tal-ħaddiema qiegħed isir dejjem aktar kumpless; billi f'għadd dejjem akbar ta' kuntesti, il-ħaddiema jinteraġixxu ma' teknoloġiji, applikazzjonijiet, software, apparati ta' traċċar, midja soċjali jew apparati fil-vetturi li jimmonitorjaw is-saħħa, id-data bijomedika, il-komunikazzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom ma' oħrajn, kif ukoll il-livell ta' impenn u konċentrazzjoni tagħhom, jew l-imġiba; billi l-ħaddiema u t-trade unions għandhom ikunu aktar involuti fit-tfassil ta' dan l-ipproċessar tad-data; billi l-Artikolu 88 biss tal-GDPR huwa ddedikat għall-impjiegi;

P.  billi l-inizjattivi ta' kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji (B2B) u bejn in-negozji u l-gvern (B2G) jistgħu jintużaw biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali u ambjentali; billi l-inċentivi għall-kondiviżjoni tad-data jistgħu jinkludu fost oħrajn kumpens ġust, l-iskambju tal-aħjar prattiki u programmi ta' rikonoxximent pubbliku;

Q.  billi għandu jiġi segwit infurzar xieraq b'attenzjoni partikolari għall-aspetti tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data; billi l-protezzjoni tal-privatezza għandha tibqa' prijorità; billi teżisti data mhux personali jew tas-settur pubbliku li hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2018/1807 dwar il-fluss liberu ta' data mhux personali u d-Direttiva dwar id-Data Miftuħa, rispettivament;

R.  billi s-saħħa hija settur partikolarment sensittiv għall-ipproċessar tad-data personali u billi ebda informazzjoni personali dwar is-saħħa ta' pazjent m'għandha tiġi kkomunikata mingħajr l-approvazzjoni sħiħa u informata tiegħu; billi fil-qasam tas-saħħa huwa partikolarment importanti li jiġi garantit standard għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi u li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-limitazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-data;

S.  billi strateġija Ewropea komuni għad-data għandha tipprovdi benefiċċji għas-settur Ewropew tat-trasport u t-turiżmu u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema tat-trasport sikura, sostenibbli u effiċjenti, filwaqt li tiżgura interoperabilità suffiċjenti ma' setturi oħra;

T.  billi l-kondiviżjoni tad-data fis-settur tat-trasport għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tat-traffiku u b'hekk is-sikurezza, is-sostenibbiltà, il-minimizzazzjoni tad-data u l-effiċjenza tat-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija;

U.  billi l-Unjoni diġà bdiet tieħu passi biex tirregola kif id-data għandha tintuża u tinħażen fit-trasport, fost l-oħrajn, permezz tar-Regolament (UE) 2020/1056 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija(21), id-Direttiva (UE) 2019/1936 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq(22), ir-Regolament (UE) 2019/1239 li jistabbilixxi sistema ta' Single Window Marittima Ewropea(23), u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b'mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (COM(2019)0038);

V.  billi l-Unjoni għandha tkun attur globali attiv fl-istabbiliment ta' regoli u standards ibbażati fuq il-valuri tagħha;

W.  billi tal-inqas 20 % tal-finanzjament fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser ikun disponibbli għall-infrastruttura u l-kapaċitajiet diġitali, liema ser jagħti spinta lit-tranżizzjoni diġitali tal-Unjoni u b'hekk jappoġġja l-ekonomija tad-data;

Aspetti Ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għad-data; jemmen li l-istrateġija ser tkun prerekwiżit għall-vijabbiltà tan-negozji Ewropej u l-kompetittività globali tagħhom u għall-progress tal-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u l-IA emerġenti, u ser tkun pass kruċjali lejn il-bini ta' soċjetà tad-data msejsa fuq id-drittijiet u l-valuri tal-UE u tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta' ekonomija tad-data u r-rwol ewlieni tal-Unjoni fiha, li jwassal għal servizzi aħjar, tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità; iqis li l-iżgurar tal-fiduċja fis-servizzi diġitali u fil-prodotti intelliġenti sikuri huwa fundamentali biex is-suq uniku diġitali jikber u jirnexxi u li dan l-objettiv għandu jkun fil-qalba kemm tal-politika pubblika kif ukoll tal-mudelli ta' negozju;

2.  Jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 aċċentwat kemm ir-rwol kif ukoll il-ħtieġa ta' bażijiet tad-data, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tad-data ta' kwalità għolja u f'ħin reali, u wkoll in-nuqqasijiet fl-infrastruttura u l-interoperabilità tas-soluzzjonijiet fl-Istati Membri; jisħaq fuq l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali u d-disponibbiltà ta' firxa vasta ta' teknoloġiji fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni; jilqa' l-impenn li jiġu stabbiliti spazji tad-data settorjali; iqis li, fost inizjattivi oħra, huwa kruċjali li l-ħolqien ta' spazju komuni Ewropew tad-data dwar is-saħħa jsir aktar rapidu;

3.  Jissottolinja li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-data trid titfassal biex tiffaċilita l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni, l-aċċess għad-data, l-interoperabilità u l-portabbiltà transkonfinali tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq evalwazzjoni u mmappjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex tivvaluta liema aġġustamenti u rekwiżiti addizzjonali huma meħtieġa biex jiġu appoġġjati s-soċjetà u l-ekonomija tad-data u jiġu salvagwardati l-kompetizzjoni ġusta u ċ-ċarezza legali għall-atturi rilevanti kollha; jappella biex l-Unjoni tkun minn ta' quddiem biex jiġi stabbilit qafas internazzjonali għad-data, filwaqt li jiġu rrispettati r-regoli internazzjonali;

4.  Jappella biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel mill-Kummissjoni dwar jekk l-ekonomija diġitali mmexxija mid-data teħtieġx xi bidliet jew aġġustamenti għall-qafas ġuridiku attwali għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) biex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali ġodda; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data(24) u tikkjarifika l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/943 dwar il-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali(25);

5.  Jemmen li l-fluss liberu tad-data fl-Unjoni jeħtieġlu jibqa' l-prinċipju fundatur u jissottolinja r-rwol vitali tiegħu fl-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-ekonomija tad-data; jaċċentwa li ż-żieda sinifikanti fl-ammont ta' data disponibbli, b'mod partikolari bħala riżultat ta' oġġetti konnessi b'mod intelliġenti, u l-aċċess għad-data u l-użu tagħha b'mod aktar miftuħ jaf jinvolvu sfidi relatati mal-kwalità tad-data, il-preġudizzju, il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data jew il-kundizzjonijiet kummerċjali inġusti li jridu jiġu indirizzati; jemmen li l-ksib tal-għanijiet tal-istrateġija għad-data m'għandux joħloq distorsjonijiet fis-swieq kompetittivi fl-Unjoni;

6.  Ifakkar li l-ipproċessar tad-data personali, inkluż it-trasferiment tagħha, irid dejjem jikkonforma mal-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni settorjali jew adattata għall-iskop futura trid tirrispettah;

7.  Ifakkar li kwalunkwe proposta futura li tinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, trid tkun soġġetta għas-superviżjoni mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data skont il-GDPR, biex jiġi żgurat li l-innovazzjoni tikkunsidra wkoll l-impatt fuq id-drittijiet taċ-ċittadini; jitlob li l-atti jibnu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u jallinjaw ruħhom magħha, b'mod partikolari l-GDPR;

8.  Jirrimarka li d-direttivi eżistenti, bħad-Direttiva STI, m'għandhomx jiddgħajfu minn sett ta' regoli ġenerali u li l-iffaċilitar ta' ambjent ta' kondiviżjoni tad-data ser ikun kruċjali għall-UE fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kondiviżjoni tad-data b'mod partikolari fil-qasam tas-sistemi tal-ħruġ ta' biljetti u ta' riżervazzjoni, fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva STI;

Valuri u prinċipji

9.  Jemmen li l-Unjoni għandha tistinka għal governanza tad-data fl-UE kollha u soċjetà u ekonomija tad-data ċċentrati fuq il-bniedem u bbażati fuq il-valuri tal-Unjoni rigward il-privatezza, it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha biex jieħdu deċiżjonijiet sinifikanti dwar id-data prodotta minnhom jew relatata magħhom;

10.  Jisħaq li l-individwi għandu jkollhom kontroll sħiħ tad-data tagħhom u jiġu assistiti aktar fl-infurzar tad-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza rigward id-data li jiġġeneraw; jissottolinja d-dritt għall-portabbiltà tad-data u d-drittijiet ta' aċċess, ta' rettifika u ta' tħassir tad-data tas-suġġett previsti mill-GDPR; jistenna li proposti futuri jappoġġjaw it-tgawdija u l-eżerċitar sinifikanti ta' dawn id-drittijiet; jisħaq li skont il-prinċipju tal-GDPR tal-limitazzjoni tal-iskop, il-kondiviżjoni libera tad-data trid tkun limitata għal data mhux personali, bħal data industrijali jew kummerċjali, jew data personali anonimizzata b'mod sigur, effettiv u irriversibbli, inkluż fil-każ ta' settijiet ta' data mħallta; jisħaq li għandu jiġi eskluż kwalunkwe użu ħażin tad-data, inkluż permezz tas-sorveljanza tal-massa;

11.  Jinnota li soċjetà u ekonomija tad-data mibnija sew jeħtiġilhom ikunu mfassla għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tal-ħaddiema, tal-intraprendituri, tan-negozji ġodda u tal-SMEs kollha, kif ukoll tar-riċerkaturi u tal-komunitajiet lokali, jeħtiġilhom jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol, joħolqu impjiegi ta' kwalità mingħajr ma jbaxxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE, u jeħtiġilhom inaqqsu l-lakuni diġitali eżistenti mingħajr ma joħolqu oħrajn ġodda, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli u għal dawk li huma żvantaġġati fir-rigward ta' kapaċitajiet u aċċess għal għodod diġitali;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti responsabbiltà lill-konsumaturi, b'attenzjoni partikolari għal ċerti gruppi ta' konsumaturi meqjusa bħala vulnerabbli; jemmen li d-data industrijali u d-data taċ-ċittadini tista' tgħin fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi, diġitali u sostenibbli għal prodotti u servizzi li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej;

13.  Jisħaq li l-volum, l-iżvilupp, il-kondiviżjoni, il-ħżin u l-ipproċessar dejjem akbar ta' data industrijali u pubblika fl-Unjoni huma sors ta' tkabbir sostenibbli u innovazzjoni li għandhom jiġu sfruttati, f'konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri bħall-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u l-IPR; jinnota li d-data qiegħda tiġi stmata dejjem aktar mis-suq; jemmen li t-tkabbir ekonomiku jista' jkun assigurat billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u ekonomija tas-suq kompetittiva, b'diversi atturi u ġusta, filwaqt li jiġu żgurati l-interoperabilità u l-aċċess għad-data għal atturi ta' kull daqs biex ipattu għall-iżbilanċi tas-suq;

14.  Jisħaq li l-istrateġija tad-data trid tappoġġja u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-innovazzjoni, il-Patt Ekoloġiku u l-miri klimatiċi tal-Unjoni, inkluż in-newtralità klimatika sal-2050, kif ukoll l-irkupru reżiljenti tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni; jirrimarka li l-ICT jista' jkollu rwol pożittiv fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju f'bosta setturi; jappella għal miżuri biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-settur tal-ICT billi tiġi żgurata effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, mhux wisq inqas minħabba t-tkabbir esponenzjali tal-ipproċessar tad-data u l-effetti ambjentali tiegħu, filwaqt li jfakkar f'dan ir-rigward l-objettivi tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2030;

Governanza u spazji tad-data

15.  Jappoġġja l-ħolqien ta' qafas ta' governanza tad-data u spazji komuni Ewropej tad-data, li għandhom ikunu soġġetti għar-regoli tal-UE u jkopru t-trasparenza, l-interoperabilità, il-kondiviżjoni, l-aċċess, il-portabbiltà u s-sigurtà tad-data, bil-ħsieb li jtejbu l-fluss u l-użu mill-ġdid ta' data mhux personali jew data personali li tkun kompletament konformi mal-GDPR u anonimizzata b'mod sigur kemm fl-ambjenti industrijali u pubbliċi kif ukoll f'setturi speċifiċi;

16.  Jinsisti li l-mudell ta' governanza tad-data, inkluż l-ispazji komuni Ewropej tad-data, għandu jitfassal fuq ambjent tad-data operattiv deċentralizzat biex jappoġġja l-ħolqien u l-emerġenza ta' ekosistemi tad-data interoperabbli u siguri; jenfasizza li dawn l-ispazji għandhom jisfruttaw il-potenzjal ta' spazji tad-data eżistenti u futuri jew skemi ta' kondiviżjoni tad-data, li jistgħu jiġu organizzati b'mod distribwit jew ċentralizzat;

17.  Jemmen li s-servizzi tal-ġestjoni tad-data u l-arkitettura tad-data ddisinjati biex jaħżnu, jużaw, jużaw mill-ġdid u jikkonservaw id-data huma komponenti kritiċi tal-katina tal-valur tal-ekonomija diġitali Ewropea; jagħraf li proporzjon kbir tal-ipproċessar tad-data ser ikun qiegħed juża pproċessar edge, pereżempju b'oġġetti konnessi intelliġenti; jappoġġja l-użu ulterjuri ta' teknoloġiji diġitali deċentralizzati li jippermettu lill-individwi u l-organizzazzjonijiet jamministraw fluss ta' data abbażi ta' awtodeterminazzjoni, pereżempju teknoloġiji tar-reġistru distribwit; jisħaq li l-ispejjeż u l-ħiliet relatati mal-aċċess għad-data u l-ħżin tagħha jiddeterminaw il-ħeffa, il-profondità u l-iskala tal-adozzjoni ta' infrastrutturi u prodotti diġitali, speċjalment għall-SMEs u n-negozji ġodda;

18.  Jappella għall-ħolqien ta' grupp ta' esperti mmexxi mill-Kummissjoni li jkollu l-kapaċità jgħin u jagħti pariri lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida komuni għall-UE kollha dwar il-governanza tad-data biex l-interoperabilità u l-kondiviżjoni tad-data jsiru realtà fl-UE; jappella lill-Kummissjoni tfittex l-involviment regolari tal-Istati Membri, l-aġenziji rilevanti u korpi u partijiet ikkonċernati oħra, bħaċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u n-negozji, fi sforz biex jittejjeb il-qafas ta' governanza; jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkoordinati r-regolaturi kollha involuti fl-ekonomija tad-data;

19.  Jisħaq li l-ispazji komuni Ewropej tad-data għandhom jagħtu prijorità lis-setturi ekonomiċi kruċjali, lis-settur pubbliku u lil oqsma oħra ta' interess pubbliku; jappoġġja l-ħolqien ta' aktar spazji tad-data bħal dawn fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-frammentazzjoni fis-suq uniku u r-regoli diverġenti mhux ġustifikati fl-Istati Membri, biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' spazji komuni tad-data fl-UE;

20.  Jinnota li l-ispazji komuni Ewropej tad-data jeħtiġilhom ikunu aċċessibbli għall-parteċipanti kollha tas-suq, kemm kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali, inklużi n-negozji ġodda u l-SMEs, u jużaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet ta' kollaborazzjoni mal-SMEs, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-amministrazzjoni pubblika u s-soċjetà ċivili, filwaqt li jżidu ċ-ċertezza legali tal-proċeduri tal-użu tad-data għall-atturi privati u pubbliċi ta' kull daqs; iqis li huwa kruċjali li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' aċċess mhux awtorizzat għal spazji tad-data Ewropej komuni u li jinħolqu għodod biex tiġi miġġielda l-possibbiltà ta' mġiba ħażina; jisħaq fuq l-importanza taċ-ċibersigurtà, inkluż il-kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u maċ-Ċentru tal-UE għall-Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu spazji tad-data settorjali interoperabbli li jsegwu linji gwida, rekwiżiti legali u protokolli tal-kondiviżjoni tad-data komuni, biex jiġi evitat il-ħolqien ta' silos u jkunu possibbli innovazzjonijiet transsettorjali; jisħaq li l-ġestjoni tal-ispazji tad-data settorjali għandha tqis ir-rekwiżiti u l-proċeduri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali; jinsisti li kwalunkwe attur li jopera fl-UE u li jieħu vantaġġ mill-ispazji tad-data Ewropej irid jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

22.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-ispazji tad-data Ewropej komuni biex ittejjeb il-fiduċja, tadotta standards u regolamenti komuni, u tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) flimkien ma' mekkaniżmi ta' awtentikazzjoni robusti, u tikkunsidra l-użu ta' ambjenti ta' esperimentazzjoni miftiehma minn qabel, speċifikati b'mod ċar u limitati biż-żmien għall-ittestjar ta' innovazzjonijiet u mudelli kummerċjali ġodda kif ukoll għodod ġodda għall-ġestjoni u l-ipproċessar tad-data, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

23.  Jemmen li APIs iffurmati tajjeb jipprovdu aċċess essenzjali għad-data u l-interoperabilità fi ħdan spazji tad-data, u jippermettu wkoll interoperabilità awtomatizzata u f'ħin reali bejn servizzi differenti u fi ħdan is-settur pubbliku; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu aktar l-aċċess tal-individwi għal rimedji effettivi skont il-GDPR, jiggarantixxu l-interoperabilità u l-portabbiltà tad-data tas-servizzi diġitali u, b'mod partikolari jużaw APIs li jippermettu lill-utent jagħmel interkonnessjoni bejn il-pjattaformi u biex iżidu l-firxa ta' għażliet għal tipi differenti ta' sistemi u servizzi;

24.  Jinnota l-ħtieġa li tingħata għajnuna lill-atturi tas-settur privat u pubbliku, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji ġodda, biex jidentifikaw u jikkapitalizzaw fuq id-data li jiġġeneraw u li tkun fil-pussess tagħhom; jappella għal azzjoni li ttejjeb il-kapaċità tal-iskoperta tad-data biex talimenta l-ispazji tad-data billi tiffaċilita, tikkontrolla, tikkataloga u tifforma tassonomiji ġeneralment aċċettati u rutini tat-tindif tad-data; jappella lill-Kummissjoni tipprovdi gwida, għodod u finanzjament minn programmi eżistenti biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-metadata fl-ispazji tad-data; jenfasizza inizjattivi bħall-programm Gvern Intelliġenti Nordiku li għandu l-mira li jippermetti lill-SMEs jikkondividu awtomatikament id-data b'mod volontarju u f'ħin reali permezz ta' ekosistema diġitali deċentralizzata;

25.  Ifakkar fir-rwol ewlieni ta' intermedjarji tad-data bħala faċilitaturi strutturali għall-organizzazzjoni tal-flussi tad-data; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' intermedjarji bil-għan li jinħolqu ekosistemi tad-data interoperabbli u nondiskriminatorji; jappella lill-Kummissjoni tiżgura interoperabilità bl-iżvilupp ta' kriterji minimi bejn l-intermedjarji tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-istandards Ewropej u internazzjonali biex jiġu identifikati u eliminati d-diskrepanzi fl-istandardizzazzjoni tad-data;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-aċċess għad-data tal-konsumaturi u l-kontroll tagħha, b'mod partikolari ċerti gruppi ta' konsumaturi meqjusa vulnerabbli bħall-minorenni, l-anzjani jew il-persuni b'diżabbiltà; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi kollha jiġu rrispettati f'kull waqt u li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-vantaġġi tal-ħolqien tas-suq uniku għad-data; jissottolinja li meta l-ipproċessar tad-data jinkludi settijiet ta' data mħallta, dawn is-settijiet ta' data jridu jiġu ttrattati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluża l-gwida tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (UE) 2018/1807 dwar il-fluss liberu ta' data mhux personali;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu spazji komuni Ewropej tad-data maħsuba biex jiżguraw il-fluss liberu ta' data mhux personali fil-fruntieri u fis-setturi kollha, biex jintensifikaw il-flussi tad-data bejn in-negozji, l-akkademja, il-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-settur pubbliku; jappella lill-Istati Membri biex, f'dan il-kuntest, jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2018/1807 biex jippermettu li d-data tinħażen u tiġi pproċessata madwar l-UE mingħajr ostakli u restrizzjonijiet mhux ġustifikati;

28.  Ifakkar li d-data personali u dik industrijali mhux dejjem hija separabbli u jaf ikun diffiċli jew tkun spiża wisq kbira biex din tiġi sseparata, b'riżultat li attwalment ammont kbir ta' data ma jintużax; ifakkar, f'dan il-kuntest, li settijiet ta' data li fihom tipi differenti ta' data jintrabtu b'mod inseparabbli, dejjem jiġu trattati bħala data personali, inkluż f'każijiet fejn id-data personali tirrappreżenta biss parti żgħira mis-sett ta' data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Ewropej tal-protezzjoni tad-data jipprovdu aktar gwida dwar l-ipproċessar legali tad-data u dwar il-prattiki dwar l-użu ta' settijiet ta' data mħallta f'ambjenti industrijali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-GDPR u r-Regolament (UE) 2018/1807; iqis li l-użu tat-teknoloġija għall-protezzjoni tal-privatezza għandu jitħeġġeġ biex tiżdied iċ-ċertezza legali għan-negozji, inkluż permezz ta' linji gwida ċari u lista ta' kriterji għal anonimizzazzjoni effettiva; jenfasizza li l-kontroll ta' tali data dejjem ikun f'idejn l-individwu u għandu jiġi protett awtomatikament; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi qafas leġiżlattiv u definizzjoni ċara ta' spazji orizzontali u trasversali tad-data personali flimkien ma' spazji oħra tad-data, u tkompli tiċċara l-isfida ta' settijiet ta' data mħallta; jappella lill-Kummissjoni tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-kumpaniji permezz, pereżempju, ta' intermedjarji affidabbli bħal operaturi ta' MyData li jiffaċilitaw it-trasferimenti tad-data bl-approvazzjoni tas-sid u jipprovdu livell adegwat ta' dettall dwar il-permessi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar l-identitajiet diġitali, li huma l-pedament essenzjali ta' ekonomija tad-data affidabbli u b'diversi atturi; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern(26) u tippubblika proposta leġiżlattiva dwar e-ID Ewropea affidabbli u sigura; jappella lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tanalizza jekk l-organizzazzjonijiet u l-apparat, bħal sensuri, jeħtiġux identitajiet diġitali biex jiffaċilitaw l-użu transfruntier tas-servizzi fiduċjarji, li huma essenzjali għall-ekonomija tad-data b'diversi atturi;

29.  Jaċċentwa l-potenzjal li tittejjeb il-kwalità tal-infurzar tal-liġi u li jiġi miġġieled il-preġudizzju li jista' jeżisti, billi tinġabar data affidabbli u ssir disponibbli għall-pubbliku, għas-soċjetà ċivili, u għall-esperti indipendenti; ifakkar li kwalunkwe aċċess mill-infurzar tal-liġi għal data personali miżmuma pubblikament jew mill-privat fi spazji tad-data, jeħtieġ li jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri, ikun strettament limitat għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat u jkollu miegħu salvagwardji adegwati; jissottolinja li l-użu tad-data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun permess biss b'sorveljanza demokratika stretta u b'salvagwardji addizzjonali kontra l-użu ħażin tagħha;

30.  Jinnota li l-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni huma importanti f'termini tat-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u li għandhom jiġu allokati riżorsi finanzjarji xierqa f'dan ir-rigward; jisħaq, madankollu, li huma meħtieġa salvagwardji aktar b'saħħithom f'termini tal-mod kif l-aġenziji tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni jipproċessaw, jużaw u jimmaniġġjaw l-informazzjoni u d-data personali fl-ispazji tad-data proposti tagħhom;

31.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iżvilupp ta' disa' spazji komuni Ewropej tad-data għall-industrija (il-manifattura), il-Patt Ekoloġiku, il-mobbiltà, is-saħħa, il-finanzi, l-enerġija, l-agrikoltura, l-amministrazzjoni pubblika u l-ħiliet; jappella biex dawn jiġu żviluppati b'urġenza; jappoġġja l-possibilità li l-kunċett ta' spazji komuni Ewropej tad-data jiġi estiż għal setturi oħra;

32.  Jaċċentwa l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti setturi bħas-saħħa; huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom aċċess sigur għal rekord elettroniku komprensiv tad-data dwar is-saħħa tagħhom, u għandhom jibqgħu fil-kontroll tad-data tas-saħħa personali u jkunu jistgħu jikkondividuha b'mod sigur mal-partijiet awtorizzati, b'kull aċċess mhux awtorizzat jiġi pprojbit f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data; jisħaq li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kwalunkwe fornitur ta' servizz ieħor intitolat li jaċċessa informazzjoni maħżuna f'applikazzjonijiet tas-saħħa elettronika ma għandhomx jitħallew jużaw data miksuba minn dawn l-applikazzjonijiet għall-fini ta' diskriminazzjoni, inkluż fl-iffissar tal-prezzijiet, peress li dan imur kontra d-dritt fundamentali tal-aċċess għas-saħħa;

33.  Ifakkar li l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali skont l-Artikolu 9 tal-GDPR huwa fil-prinċipju pprojbit, b'ċerti eċċezzjonijiet stretti, li jinvolvu regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar u dejjem jinkludu l-obbligu li titwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data; jenfasizza l-konsegwenzi potenzjalment diżastrużi u irriversibbli ta' pproċessar ħażin jew insigur ta' data sensittiva għall-individwi kkonċernati;

34.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li toħloq suq uniku Ewropew għad-data, inkluż spazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà, u jirrikonoxxi l-potenzjal ekonomiku kbir tiegħu;

35.  Jenfasizza li dan l-ispazju Ewropew tad-data jkun ta' interess partikolari għas-setturi tat-trasport u tal-loġistika Ewropej peress li għandu l-potenzjal li jsaħħaħ l-effiċjenza fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri, kif ukoll li jagħmel użu aħjar u aktar effiċjenti tal-infrastruttura u r-riżorsi fin-Network Trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) kollu;

36.  Jissottolinja, barra minn hekk, li dan l-ispazju Ewropew tad-data għandu jiżgura wkoll viżibilità mtejba fil-katina tal-provvista, il-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku u tal-merkanzija f'ħin reali, l-interoperabilità u l-multimodalità, kif ukoll is-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mat-TEN-T kollu, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera;

37.  Jenfasizza li l-kondiviżjoni tad-data tista' ttejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni tat-traffiku u s-sikurezza fit-toroq għall-modi kollha tat-trasport; jisħaq fuq il-benefiċċji potenzjali tal-kondiviżjoni tad-data, bħan-navigazzjoni f'ħin reali għall-evitar tat-traffiku u n-notifiki f'ħin reali għal trasport pubbliku b'dewmien, fl-iffrankar tas-sigħat tax-xogħol żejda, effiċjenza aħjar u evitar tal-konġestjonijiet;

38.  Jipproponi li, fil-proċess tal-ħolqien ta' qafas regolatorju għall-iskambju tad-data interoperabbli fit-trasport ferrovjarju, il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistema "applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri" tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea(27) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema "applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija" tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea(28);

39.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-agrikoltura; ifakkar fil-potenzjal tad-data agrikola u fl-aċċess estensiv għaliha biex jiżdiedu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-użu tar-riżorsi fil-ktajjen kollha tal-agroalimentazzjoni u tal-forestrija, biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' tekniki innovattivi u sostenibbli, biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti għall-konsumaturi u biex inaqqsu l-ħela tal-ikel u l-impronta ekoloġika tas-settur; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jsaħħu u jinvestu fl-iżvilupp ta' għodod ta' ġbir u pproċessar tad-data għas-sottosetturi agrikoli, kif ukoll għal data dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni, fost oħrajn, ta' merkanzija u prodotti agrikoli;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-merti potenzjali u l-ambitu tal-ħolqien ta' spazji komuni Ewropej tad-data għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u għall-wirt kulturali; jirrimarka li s-settur kulturali għandu ammont sinifikanti ta' data li tista' terġa' tintuża, li meta tiġi kkombinata ma' sorsi oħra, inklużi sorsi ta' data miftuħa u analitika tad-data, tista' tgħin lill-istituzzjonijiet kulturali;

41.  Jitlob li jinħoloq spazju Ewropew tad-data għat-turiżmu bl-objettiv li l-atturi kollha fis-settur, speċjalment l-SMEs, jiġu megħjuna biex jibbenefikaw minn ammonti vasti ta' data meta jimplimentaw il-politika u l-proġetti fil-livelli reġjonali u lokali, jiġi ffaċilitat l-irkupru u tingħata spinta lid-diġitalizzazzjoni;

42.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq approċċ definit b'mod strett madwar l-UE kollha għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data, u li tistabbilixxi definizzjoni u regoli ċari dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data f'konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-UE, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-iskop, li tirrikjedi li d-data tiġi pproċessata għal "finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi"; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu dejjem ikun kondizzjonali fuq kunsens infurmat u revokabbli fi kwalunkwe ħin; jissottolinja li d-data li tingħata b'donazzjoni fil-qafas tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data hija maħsuba biex tiġi pproċessata għall-finijiet ta' interess ġenerali u m'għandhiex tintuża purament biex jiġu segwiti interessi kummerċjali;

43.  Iħeġġeġ li l-qafas ta' governanza tad-data għandu jippromwovi l-prinċipju ta' data għall-ġid pubbliku, filwaqt li dejjem jirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;

44.  Jenfasizza li l-individwi ma għandhomx jitpoġġew taħt pressjoni biex jikkondividu d-data tagħhom, u li d-deċiżjonijiet ma jridux ikunu marbuta ma' benefiċċji jew vantaġġi diretti għal dawk li jagħżlu li jippermettu l-użu tad-data personali tagħhom;

L-att dwar id-data, l-aċċess u l-interoperabbiltà

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta att dwar id-data biex tinkoraġġixxi u tippermetti fluss akbar u ġust ta' data B2B, B2G, mill-gvern għan-negozji (G2B) u mill-gvern għall-gvern (G2G) fis-setturi kollha;

46.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita kultura ta' kondiviżjoni tad-data u skemi volontarji ta' kondiviżjoni tad-data, bħall-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki, ftehimiet mudell kuntrattwali ġusti u miżuri ta' sigurtà; jinnota li l-kondiviżjoni volontarja tad-data għandha tkun possibbli permezz ta' qafas leġiżlattiv solidu li jiżgura l-fiduċja u jinkoraġġixxi lin-negozji jagħmlu d-data disponibbli għal oħrajn, b'mod partikolari bejn il-fruntieri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara d-drittijiet ta' użu, b'mod partikolari f'ambjenti tas-suq B2B u B2G; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinċentiva lin-negozji biex jiskambjaw id-data tagħhom, kemm jekk oriġinali, derivata jew koġenerata, possibbilment permezz ta' sistema ta' premjazzjoni u inċentivi oħra, filwaqt li jiġu rrispettati s-sigrieti kummerċjali, id-data sensittiva u d-DPI; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċi kollaborattivi għall-kondiviżjoni tad-data u ftehimiet standardizzati dwar id-data sabiex jittejbu l-prevedibbiltà u l-affidabbiltà; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kuntratti li jistabbilixxu obbligi u responsabbiltajiet ċari għall-aċċess, l-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-ħżin tad-data sabiex jiġi llimitat l-użu ħażin ta' data bħal din;

47.  Jinnota li l-iżbilanċi tas-suq li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni tad-data jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżidu l-ostakli għad-dħul fis-suq u jnaqqsu l-aċċess u l-użu usa' tad-data; jinnota li l-ftehimiet kuntrattwali B2B ma jiggarantixxux neċessarjament lill-SMEs aċċess adegwat għad-data minħabba d-disparitajiet fil-poter ta' negozjar jew fl-għarfien espert; jinnota li hemm ċirkostanzi speċifiċi, bħal żbilanċi sistematiċi fil-ktajjen tal-valur tad-data B2B, li fihom l-aċċess għad-data għandu jkun obbligatorju, pereżempju bl-użu ta' APIs iffurmati sew li jiżguraw aċċess ġust għal atturi ta' kull daqs jew bl-implimentazzjoni ta' regoli tal-kompetizzjoni biex jiġu miġġielda prattiki B2B inġusti jew illegali; jenfasizza li tali żbilanċi jeżistu f'setturi differenti;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw id-drittijiet u l-obbligi tal-atturi biex jaċċessaw data li kienu involuti biex tiġi ġġenerata u biex itejbu l-għarfien tagħhom, b'mod partikolari dwar id-dritt li jaċċessaw id-data, li jittrasferuha, li jħeġġu lil parti oħra biex tieqaf tużaha, jew biex jirrettifikawha jew iħassruha, filwaqt li jidentifikaw ukoll id-detenturi u jiddelinjaw in-natura ta' tali drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara d-dritt tal-atturi li jibbenefikaw mill-valur ekonomiku maħluq minn applikazzjonijiet imħarrġa bl-użu ta' data li fiha kienu involuti fil-ġenerazzjoni tagħha;

49.  Iqis li huwa importanti li jiġi ggarantit li l-appoġġ legali u tekniku jiġi ffaċilitat għall-kumpaniji, speċjalment il-mikrointrapriżi, l-SMEs u n-negozji ġodda, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, bħal fil-kuntest taċ-Ċentri Ewropej ta' Innovazzjoni Diġitali fl-ambitu tal-Programm Ewropa Diġitali, bil-ħsieb li jittejbu l-użu u l-kondiviżjoni tad-data u li titjieb il-konformità mal-GDPR; iqis li l-aċċess għal data koġenerata għandu jiġi pprovdut b'mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jappoġġja l-kundizzjonijiet ekwi u l-involviment tas-sħab soċjali anke fil-livell tal-kumpaniji; jisħaq li tali drittijiet ta' aċċess iridu jsiru teknikament possibbli u jingħataw permezz ta' interfaċċi standardizzati;

50.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kif ukoll lill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jkunu eżemplari u jistabbilixxu servizzi f'ħin reali u politika bbażata fuq data f'ħin reali; jisħaq li d-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta opportunità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn u jindirizzaw is-silos fil-korpi u l-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li d-data mhux personali tiġi ġestita b'mod aktar effettiv, li jkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp u l-forniment ta' servizzi pubbliċi;

51.  Jappella għal aktar użi sekondarji u użi sekondarji aħjar ta' data personali anonimizzata b'mod sikur u l-użu ta' teknoloġiji żviluppati li jtejbu u jippreservaw il-privatezza, speċjalment fl-iskambji G2B/G2G, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lir-riċerka u jittejbu s-servizzi fl-interess pubbliku; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' għodod biex jiġi żgurat li tali użi sekondarji jkunu dejjem konformi bis-sħiħ mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jisħaq li l-aċċess għad-data ma jipprekludix il-privatezza;

52.  Jissottolinja wkoll li kwalunkwe użu ta' data personali aggregata minn sorsi tal-midja soċjali jeħtieġ li jew jikkonforma mal-GDPR jew ikun verament anonimizzat b'mod irriversibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattiki għat-tekniki tal-anonimizzazzjoni, u tippromwovi aktar ir-riċerka dwar il-proċess li bih tinqaleb l-anonimizzazzjoni u kif dan għandu jiġi miġġieled; jistieden lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data(EDPB) jaġġorna l-gwida tiegħu f'dan ir-rigward; jesprimi, madankollu, kawtela kontra d-dipendenza fuq l-anonimizzazzjoni bħala teknika għall-protezzjoni tal-privatezza, peress li, f'ċerti każijiet, l-anonimizzazzjoni sħiħa hija prattikament impossibbli li tinkiseb;

53.  Jisħaq fuq ir-rwol tas-settur pubbliku biex titrawwem ekonomija tad-data innovattiva u kompetittiva; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jiġu evitati lock-ins teknoloġiċi jew marbuta mal-fornituri ta' servizzi għal data miġbura pubblikament jew għal data ta' interess pubbliku ġenerali miġbura minn entitajiet privati; jitlob li fil-kuntest tal-proċessi ta' akkwist pubbliku u tal-programmi ta' finanzjament jiġu żgurati drittijiet sussegwenti għall-aċċess għad-data u rekwiżiti ta' interoperabbiltà u portabbiltà abbażi ta' standards tekniċi komuni; jappoġġja l-użu ta' standards miftuħa, software u hardware b'sors miftuħ, pjattaformi b'sors miftuħ u, fejn xieraq, APIs miftuħa u ffurmati tajjeb fi sforz biex tinkiseb l-interoperabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi protett u promoss l-aċċess tal-SMEs u, b'mod partikolari, tan-negozji ġodda għal proċessi ta' akkwist pubbliku fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jitrawwem il-ħolqien ta' settur diġitali Ewropew dinamiku u kompetittiv;

54.  Jenfasizza li l-kondiviżjoni tad-data għandha ttejjeb il-kompetizzjoni u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku għad-data;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi aktar fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data B2B iċ-ċirkostanzi, il-kundizzjonijiet u l-inċentivi li skonthom is-settur privat għandu jkun obbligat jikkondividi data mas-settur pubbliku, bħal pereżempju minħabba l-bżonn tiegħu li jorganizza servizzi pubbliċi bbażati fuq id-data; jisħaq li skemi obbligatorji ta' kondiviżjoni tad-data B2G, pereżempju f'sitwazzjonijiet ta' force majeure, għandu jkollhom kamp ta' applikazzjoni u skeda ta' żmien definiti b'mod ċar u jkunu bbażati fuq regoli u obbligi ċari biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta;

56.  Jitlob titjib fil-koordinazzjoni fost l-Istati Membri sabiex jiġu ffaċilitati il-kondiviżjoni tad-data G2G u l-fluss transfruntier ta' data bejn is-setturi, permezz ta' djalogu bejn il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati, bl-objettiv li jiġi stabbilit approċċ kollettiv għal data bbażata fuq il-prinċipji ta' rintraċċabbiltà, aċċessibbiltà, interoperabbiltà, u użu mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-opportunitajiet għal konservazzjoni tad-data proporzjonali;

57.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa, itejbu l-implimentazzjoni tagħha f'termini tal-kwalità u l-pubblikazzjoni tad-data, u jirrispettaw l-objettivi tagħha meta jinnegozjaw l-att ta' implimentazzjoni dwar settijiet ta' data ta' valur għoli; jitlob li dawn is-settijiet ta' data jinkludu, fost l-oħrajn, lista ta' reġistri tal-kumpaniji u tan-negozji; jissottolinja l-benefiċċji soċjetali tal-promozzjoni ta' aċċess aħjar għad-data tas-settur pubbliku b'modi li jsaħħu l-possibbiltà tal-użu tagħhom madwar l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rabta b'saħħitha bejn dawk is-settijiet ta' data ta' valur għoli u l-leġiżlazzjoni dwar id-data li jmiss u l-użu tal-ispazji komuni Ewropej tad-data;

58.  Jisħaq fuq l-importanza, kemm għall-ekonomija kif ukoll għas-soċjetà, li d-data tas-settur pubbliku terġa' tintuża b'mod estensiv, u li din id-data għandha tkun, sa fejn ikun possibbli, f'ħin reali jew tal-anqas aġġornata, faċli biex tiġi aċċessata u pproċessata bis-saħħa ta' formati li jinqraw mill-magni u faċli għall-utenti; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkoordina mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' settijiet ta' data mhux sensittivi u ġġenerati mis-settur pubbliku f'formati li jinqraw mill-magni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mid-Direttiva dwar id-Data Miftuħa, jew mingħajr ħlas, kull meta jkun possibbli, jew biex jiġu koperti l-ispejjeż, u biex toħroġ gwida dwar mudell komuni għall-kondiviżjoni tad-data f'konformità mar-rekwiżiti tal-GDPR; filwaqt li tippreserva l-flessibbiltà tal-aġġornamenti tas-settijiet ta' data ta' valur għoli, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Data Miftuħa għal settijiet ta' data pubblika addizzjonali u timplimenta l-prinċipju ta' trasparenza diġitali impliċita tad-data tas-settur pubbliku sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippubblikaw data mhux ipproċessata diġitali eżistenti f'ħin reali;

59.  Jirrimarka li l-iżvilupp rapidu ta' soluzzjonijiet diġitali moderni għat-trasport u t-turiżmu, bħall-vetturi awtonomi u s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS), huwa impossibbli mingħajr l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta' formati ta' data komuni, uniformi u strutturati li jinqraw mill-magni, li għandhom ikunu bbażati fuq standards ta' reġistrazzjoni miftuħa;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tistabbilixxi reġistru tad-data ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) volontarju, miftuħ u interoperabbli dwar is-sostenibbiltà korporattiva u l-prestazzjoni tar-responsabbiltà, li huwa kruċjali biex jiġu żgurati investimenti sostenibbli u li jtejjeb it-trasparenza tas-sostenibbiltà u r-responsabbiltà tal-kumpaniji biex ikunu jistgħu juru aħjar l-azzjoni meħuda lejn l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema settijiet ta' data huma essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u jappoġġja, b'mod partikolari, il-ftuħ ta' data privata meta dan ikun iġġustifikat għal skopijiet ta' riċerka pubblika;

Infrastruttura

61.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li jsaħħu s-sovranità teknoloġika tal-Unjoni, biex jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni u jaħdmu fuq teknoloġiji li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni miftuħa, il-kondiviżjoni u l-analitika tad-data, u jinvestu fil-bini tal-kapaċità, fil-proġetti b'impatt għoli, fl-innovazzjoni u fl-użu tat-teknoloġiji diġitali filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

62.  Jisħaq li l-emerġenza tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa kixfet nuqqasijiet u vulnerabbiltajiet fil-qasam diġitali, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jindirizzaw b'mod effettiv id-distakk diġitali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom, billi jtejbu l-aċċess għal broadband b'veloċità għolja, networks b'kapaċità għolja ħafna u servizzi tal-ICT, inkluż fil-maġġoranza taż-żoni periferiċi u rurali, u b'hekk jippromwovu l-koeżjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jindika r-rwol potenzjali għall-konnettività bis-satellita f'żoni remoti ħafna;

63.  Ifakkar li s-suċċess tal-istrateġiji tal-Unjoni dwar id-data u l-IA jiddependi fuq l-ekosistema usa' tal-ICT, fuq l-għeluq tad-distakk diġitali, fuq l-aċċelerazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-internet tal-oġġetti (IoT), l-IA, it-teknoloġija taċ-ċibersigurtà, il-fibra, il-5G, is-6G, il-quantum u l-edge computing, ir-robotika, it-teknoloġiji ta' reġistru distribwit inkluż il-blockchain, it-tewmin diġitali, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, it-teknoloġija tal-ipproċessar viżwali u l-konnettività intelliġenti edge, pereżempju permezz ta' sejħiet miftuħa fuq skala kbira għal proġetti li jikkombinaw l-edge u l-IoT; jissottolinja li l-avvanz teknoloġiku bbażat fuq l-ipproċessar tad-data u l-interkonnessjoni tal-prodotti u s-servizzi diġitali jrid ikun sostnut minn standards etiċi legalment vinkolanti biex jiġi mitigat it-theddid għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

64.  Jirrikonoxxi s-suċċess attwali tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew; jemmen li hija strument importanti biex jiġu skambjati l-informazzjoni u d-data bejn ix-xjenzati u r-riċerkaturi u, b'mod usa', l-atturi privati u pubbliċi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex iżżomm u tavvanza r-rwol ewlieni tal-Ewropa fis-supercomputing u l-computing kwantistiku;

65.  Jenfasizza li s-settur diġitali għandu potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-karbonju; jinnota li s-settur huwa stmat li huwa responsabbli għal aktar minn 2 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra; jisħaq li l-espansjoni kontinwa tas-settur trid tkun akkumpanjata minn enfasi fuq l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi biex jiġu miġġielda l-effetti ambjentali; jinnota li soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda bħall-fibra (meta mqabbla mar-ram) u l-ipprogrammar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jipproduċu impronta tal-karbonju ferm iżgħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-użu u ċ-ċirkolarità tal-materja prima kritika, filwaqt li jitnaqqas u jiġi rriċiklat l-iskart elettroniku;

66.  Jenfasizza li ċ-ċentri tad-data jirrappreżentaw sehem li qiegħed dejjem jikber tal-konsum dinji tal-elettriku, bil-potenzjal għal żieda ulterjuri jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li sal-2030 ikunu nħolqu ċentri tad-data effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, sostenibbli u newtrali għall-klima; jappoġġja l-promozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi u tal-aħjar soluzzjonijiet disponibbli, il-minimizzazzjoni tal-iskart, u tekniki ta' ħżin ta' data ekoloġika, b'enfasi partikolari fuq is-sinerġiji bejn it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-użu tas-sħana mormija ġġenerata meta jkunu qed jitkessħu l-faċilitajiet taċ-ċentru tad-data, bil-għan li jittaffa l-impatt taċ-ċentri tad-data f'termini ta' ambjent, riżorsi u enerġija użati; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza għall-konsumaturi dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tal-ħżin u l-kondiviżjoni tad-data;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu swieq kompetittivi filwaqt li jsaħħu n-negozji Ewropej u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' offerti Ewropej fis-settur tal-cloud; jilqa' l-inizjattivi tal-Federazzjoni Ewropea tal-Cloud, bħall-Alleanza Ewropea għad-Data u għall-Clouds Industrijali u l-inizjattivi ta' finanzjament, kif ukoll il-proġett GAIA-X, li għandhom l-għan li jiżviluppaw infrastruttura tad-data federata u joħolqu ekosistema li tippermetti l-iskalabbiltà, l-interoperabbiltà u l-awtodeterminazzjoni tal-fornituri tad-data bid-disinn biex tiġi żgurata l-awtodeterminazzjoni tal-organizzazzjonijiet jew tal-individwi li jkollhom kontroll fuq id-data tagħhom stess; jappoġġja s-swieq kompetittivi tal-UE fl-oqsma tal-IaaS, il-PaaS, u s-SaaS u fl-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet ta' cloud speċjalizzati u niċċa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti dwar kwalunkwe abbuż potenzjali tas-setgħa tas-suq minn atturi dominanti li joperaw fi swieq oligopolistiċi fl-Unjoni li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni jew l-għażla tal-konsumatur; jisħaq li l-infrastrutturi tal-cloud għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-fiduċja, il-ftuħ, is-sigurtà, l-interoperabbiltà u l-portabbiltà; jisħaq li l-prinċipji tal-portabbiltà tad-data għandhom, sa fejn ikun meħtieġ, jegħlbu d-differenzi fl-infrastrutturi u l-prattiki tal-fornituri tal-IT biex jiġi żgurat li d-data tal-utenti tiġi trasferita b'mod effettiv; jinnota li l-utenti jista' ma jkollhomx eżattament l-istess konfigurazzjoni u servizz meta jittrasferixxu d-data tagħhom minn fornitur għal ieħor;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tħaffef l-iżvilupp ta' "ġabra tar-regoli tal-cloud" li se tistabbilixxi prinċipji għall-forniment ta' servizzi cloud kompetittivi fl-Unjoni, tirrappreżenta qafas solidu biex tissaħħaħ iċ-ċarezza u tiġi ffaċilitata l-konformità għas-servizzi tal-cloud, kif ukoll, fost l-oħrajn, tobbliga lill-fornituri ta' servizzi jiżvelaw fejn tiġi pproċessata u maħżuna d-data, filwaqt li jiġi żgurat li l-utenti jkollhom sovranità fuq id-data tagħhom; jinnota li din il-ġabra tar-regoli għandha tippermetti wkoll lill-utenti jemigraw bla xkiel id-data tagħhom permezz ta' interfaċċi interoperabbli ma' fornituri oħrajn ta' servizzi; jemmen li għandu jkollha l-għan li tipprevjeni lock-ins teknoloġiċi, speċjalment fl-akkwist pubbliku; iqis l-użu tal-Ftehim tas-Sessjoni ta' Ħidma tas-CEN (CWA) f'oqsma speċifiċi, bħas-servizzi tal-cloud, bħala mod kif tiżdied l-effiċjenza fil-ħolqien ta' standards armonizzati; jisħaq li filwaqt li l-għażla ta' operatur tal-cloud hija f'idejn in-negozji u l-konsumaturi, l-operaturi kollha tal-cloud, meta jkunu stabbiliti jew jaġixxu fl-UE, jeħtiġilhom isegwu r-regoli, in-normi u l-istandards tal-UE u l-konformità tagħhom għandha tiġi mmonitorjata; jinnota li fil-każ li operatur tal-UE juża servizzi tal-cloud li jkunu jinsabu f'pajjiżi mhux tal-UE, huwa importanti li tiġi żgurata l-istess applikazzjoni ta' protezzjoni legali ta' livell għoli fil-każ ta' tilwim, inkluż dwar il-proprjetà intellettwali;

69.  Jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni li tieħu vantaġġ mir-rieżami tal-linji gwida orizzontali u vertikali dwar il-kompetizzjoni biex tintroduċi għodod ġodda biex tnaqqas il-konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq, inerenti għas-swieq tad-data, inkluż monitoraġġ kontinwu għas-swieq f'riskju u, fejn meħtieġ, regolamentazzjoni ex ante;

70.  Jenfasizza l-importanza ta' fiduċja u qafas taċ-ċibersigurtà aktar robust għal ekonomija tad-data stabbli, flimkien ma' kultura ta' sigurtà għal entitajiet li jimmaniġġjaw ammonti kbar ta' data; jisħaq fuq l-importanza ta' infrastruttura diġitali sottostanti tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu flimkien biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; jitlob li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġija għall-kondiviżjoni sigura tad-data, bħal pereżempju permezz ta' teknoloġija ta' computing u kriptaġġ sigura bejn diversi partijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta soluzzjonijiet u standards għaċ-ċibersigurtà adattati għall-parteċipanti tas-suq ta' kull daqs, inkluż il-mikrointrapriżi u l-SMEs; jappoġġja l-approċċ konġunt u koordinat dwar is-sett ta' għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G u l-introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi awditi dwar ir-riskji li jsir abbuż mill-infrastruttura għall-kondiviżjoni tad-data u l-vulnerabbiltà u l-interoperabbiltà tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż sinifikanti u li qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla ġġenerati miċ-ċiberattakki; ifakkar li konnettività akbar tista' żżid it-theddid ċibernetiku u l-kriminalità, kif ukoll iċ-ċiberterroriżmu u r-riskju ta' inċidenti naturali u teknoloġiċi, bħal dawk li jaffettwaw is-sigrieti kummerċjali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni(29) u Ċentru ġdid ta' Kompetenza tal-UE fil-qasam taċ-Ċibersigurtà sabiex itejjeb ir-reżiljenza ċibernetika u jwieġeb b'mod aktar effettiv għaċ-ċiberattakki;

72.  Jisħaq li l-użu sikur ta' prodotti u servizzi fl-ekosistemi Ewropej tal-Internet tal-Oġġetti industrijali, li jaħdmu bid-data u li jiffaċċjaw lill-konsumaturi għandu jinkludi s-sigurtà u l-privatezza fid-disinn; iħeġġeġ l-użu ta' għodod biex tissaħħaħ it-trasparenza; jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex tiżviluppa "passaport tal-prodott" diġitali;

73.  Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq ikollhom is-setgħa meħtieġa biex jaċċessaw id-data rilevanti, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament (UE) 2019/1020(30), meta jkollhom raġunijiet biex jemmnu li jeżistu prattiki potenzjalment illegali, sabiex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom u jiżguraw kontroll suffiċjenti tas-sikurezza tal-prodotti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati s-sikurezza u l-protezzjoni tad-data aċċessata mill-awtoritajiet ta' sorveljanza;

74.  Jitlob li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2020/1056, id-Direttiva (UE) 2019/1936, (UE) 2019/1239, bil-għan li jiġi żgurat l-appoġġ għan-negozji, tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni u jittejjeb l-iskambju ta' data fil-kuntesti min-negozju għall-amministrazzjoni (B2A), B2C, B2B, B2G u G2B;

Riċerka, ħiliet, kompetenza u IA

75.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-aċċess għad-data biex jiġu aċċelerati r-riċerka xjentifika u l-programmi edukattivi; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni biex tippermetti l-kondiviżjoni tad-data għar-riċerka u l-edukazzjoni; jilqa' l-iżvilupp tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħala ambjent miftuħ, fdat u federali fl-Ewropa biex tinħażen, tiġi kondiviża u użata mill-ġdid data ta' riċerka bejn il-fruntieri; jirrakkomanda l-promozzjoni tad-data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku f'konformità mal-prinċipju ta' "kemm jista' jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ"; jenfasizza l-valur tal-ftehimiet ta' sħubija strateġika bejn l-universitajiet biex tiġi promossa aktar il-kooperazzjoni fid-diversi oqsma tax-xjenza tad-data;

76.  Jissottolinja l-importanza li jinkiseb livell għoli ta' litteriżmu diġitali ġenerali u li jiġu promossi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; jisħaq li l-potenzjal ta' tkabbir tal-Unjoni jiddependi mill-ħiliet tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol tagħha; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, jagħtu attenzjoni partikolari lill-inġinerija tas-software, billi jattiraw talent għall-ICT u l-litteriżmu tad-data għal kulħadd sabiex jinbena għarfien Ewropew li jiffoka fuq il-ġenerazzjoni li jmiss u t-teknoloġiji l-aktar avvanzati; jenfasizza l-ħtieġa li l-persunal tal-infurzar tal-liġi u tal-amministrazzjoni ġudizzjarja jkollu ħiliet diġitali adegwati, peress li dawn huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja fl-Istati Membri kollha; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet miri ambizzjużi għall-ħiliet diġitali fl-UE permezz tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li l-implimentazzjoni, l-iżvilupp u l-prestazzjoni ta' dan il-Pjan jiġu mmonitorjati mill-qrib;

77.  Jissottolinja li l-aċċess kompetittiv għad-data u l-iffaċilitar tal-użu transfruntier tad-data huma tal-akbar importanza għall-iżvilupp tal-IA, li tiddependi fuq żieda fid-disponibbiltà ta' data ta' kwalità għolja biex jinħolqu settijiet ta' data mhux personali li jkunu kapaċi jħarrġu algoritmi u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;

78.  Jisħaq li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għad-Data trid tikseb bilanċ bejn il-promozzjoni tal-użu usa' tagħha u l-kondiviżjoni tad-data u l-protezzjoni tad-DPI, is-sigrieti kummerċjali, iżda ukoll drittijiet fundamentali bħall-privatezza; jissottolinja li d-data użata għat-taħriġ tal-algoritmi tal-IA xi drabi tiddependi fuq data strutturata bħal bażijiet ta' data, xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u kreazzjonijiet oħra li jgawdu minn protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li ġeneralment ma jistgħux jitqiesu bħala data;

79.  Jinnota li l-użu ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bħala input tad-data jeħtieġ li jiġi vvalutat fid-dawl tar-regoli attwali u l-eċċezzjoni tal-"estrazzjoni tat-test u tad-data" prevista mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur(31), kif ukoll id-drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar kif ir-riżervazzjoni tad-drittijiet se tkun disponibbli pubblikament għal kulħadd b'mod ċentralizzat;

80.  Jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tevalwa aktar il-bidliet għall-oqfsa ġuridiċi attwali fil-liġi tal-proċedura ċivili sabiex jitnaqqsu l-ostakli eżistenti għall-investiment minn investituri privati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tagħti segwitu minnufih u b'mod adegwat għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili(32);

81.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li kull tip ta' preġudizzju, speċjalment il-preġudizzji bejn il-ġeneri, jiġi rifless involontarjament f'applikazzjonijiet ibbażati fuq l-algoritmi; iħeġġeġ għal dan il-għan it-trasparenza tal-algoritmi, is-sistemi tal-IA u d-disinn tal-applikazzjoni;

82.  Ifakkar li skont il-GDPR, iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt jirċievu spjegazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-algoritmi, u jikkontestawhom, fl-interess li jitnaqqsu l-inċertezza u l-opaċità, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-benesseri u t-trasparenza fil-ħajja tax-xogħol;

83.  Jemmen li għalkemm il-prinċipji ta' responsabbiltà u r-regoli ta' responsabbiltà teknoloġikament newtrali attwalment fis-seħħ huma, b'mod ġenerali, adatti għall-ekonomija diġitali u għall-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji emerġenti, madankollu hemm xi każijiet, bħal dawk li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistemi tal-IA, fejn huma meħtieġa regoli ta' responsabbiltà ġodda jew addizzjonali sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u tiġi prevista skema ta' kumpens adegwata għall-persuna affettwata minn użu illegali tad-data;

84.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva ta' lakuni ġuridiċi potenzjali simili fir-rigward tar-responsabbiltà għad-data, bħal pereżempju ħsara kkawżata mill-IA u ħsara mhux ikkawżata mill-IA li tirriżulta minn nuqqasijiet fis-settijiet tad-data jew l-ineżattezza tagħhom, u tevalwa aġġustamenti possibbli għas-sistemi ta' responsabbiltà attwali qabel ma toħroġ bi proposti leġiżlattivi ġodda;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), b'enfasi speċifika fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-involviment u l-impjieg tan-nisa fit-teknoloġija;

86.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, il-Programm Spazjali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa kif ukoll il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej, li se jgħinu lin-negozji Ewropej ilaħħqu mal-opportunitajiet tat-tranżizzjoni diġitali; jissottolinja l-importanza tal-finanzjament allokat għar-riċerka dwar il-quantum f'Orizzont Ewropa; ifakkar, barra minn hekk, fir-rwol li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jkollha fil-kontribut għall-aġenda diġitali;

87.  Jappella għal finanzjament pubbliku u privat, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni diġitali u jittieħed vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-ekonomija tad-data kif ukoll biex jiġu integrati t-teknoloġiji u l-ħiliet diġitali; jissottolinja li l-fatt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-mikrointrapriżi u l-SMEs mhux biss jinkludi l-aċċess għad-data, iżda jinvolvi wkoll il-ħiliet meħtieġa biex titwettaq analitika u jiġi estratt l-għarfien minn tali informazzjoni;

88.  Jistieden lis-sħab soċjali jesploraw il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, id-data u l-IA biex iżidu l-produttività sostenibbli, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema, itejbu l-benesseri u l-impjegabbiltà tal-forzi tax-xogħol u jinvestu fit-titjib tal-ħiliet, fit-taħriġ mill-ġdid, fit-taħriġ għal impjieg ieħor, fit-tagħlim tul il-ħajja u fl-iskemi ta' litteriżmu diġitali; jinnota li s-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-trasparenza madwar it-teknoloġiji mmexxija mid-data huma importanti biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jifhmu, u jkunu parti mill-implimentazzjoni ġusta ta' dawk it-teknoloġiji; jissottolinja li l-impjegati għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu fejn u kif id-data tagħhom qed tinġabar, tintuża, tinħażen jew tiġi kondiviża; jappella għall-prevenzjoni ta' sorveljanza sproporzjonata u mhux xierqa fuq il-post tax-xogħol; iqis li t-trade unions nazzjonali għandhom ikunu aktar involuti fl-għoti ta' rakkomandazzjonijiet u linji gwida dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza fuq il-post tax-xogħol;

Regoli globali

89.  Jemmen li r-regoli globali li jirregolaw l-użu tad-data mhumiex adegwati; jistieden lill-Kummissjoni tressaq analiżi komparattiva tal-ambjent regolatorju għad-data f'pajjiżi terzi; jinnota li l-kumpaniji Ewropej li joperaw f'xi pajjiżi terzi qed jiffaċċjaw dejjem aktar ostakli u restrizzjonijiet diġitali mhux ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi ma' pajjiżi terzi tal-istess fehma f'fora internazzjonali u multilaterali u f'diskussjonijiet bilaterali u kummerċjali sabiex jintlaħaq qbil dwar standards etiċi u tekniċi internazzjonali ġodda biex jirregolaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-IA, l-IoT, il-5G u s-6G, li għandhom jippromwovu l-valuri, id-drittijiet fundamentali, il-prinċipji, ir-regoli u l-istandards tal-Unjoni u jiżguraw li s-suq tagħha jibqa' kompetittiv u miftuħ għall-bqija tad-dinja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli u standards internazzjonali biex titrawwem il-kooperazzjoni globali mmirata lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-data u l-istabbiliment ta' trasferimenti tad-data sikuri u xierqa filwaqt li jiġu rispettati l-liġijiet u l-istandards tal-UE u tal-Istati Membri;

90.  Jenfasizza li t-trasferimenti ta' data personali lejn ġuriżdizzjonijiet oħra jridu dejjem jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, tal-LED, u tal-Karta u jqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tal-EDPB qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment, u li tali trasferimenti jistgħu jsiru biss jekk ikun hemm livell suffiċjenti ta' protezzjoni tad-data personali;

91.  Jappella għall-fluss liberu tad-data bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li l-protezzjoni tad-data, il-privatezza, is-sigurtà u interessi oħra ta' politika pubblika definiti b'mod ċar, debitament ġustifikati u nondiskriminatorji jiġu ssodisfati, pereżempju permezz ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza; jemmen li l-fluss liberu ta' data bejn il-fruntieri huwa meħtieġ biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-ekonomija tad-data u jisħaq li l-preservazzjoni tal-fluss tad-data trid tibqa' l-bażi tal-objettivi tal-Ewropa; jappoġġja l-għoti ta' aċċess għal spazji komuni Ewropej tad-data lill-partijiet ikkonċernati li jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tinnegozja regoli ġodda għall-ekonomija diġitali globali, inkluża l-projbizzjoni ta' rekwiżiti mhux ġustifikati ta' lokalizzazzjoni tad-data; ifakkar fl-importanza li fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ isir progress fin-negozjati tal-kummerċ elettroniku u jitlob l-inklużjoni ta' kapitoli ambizzjużi u komprensivi dwar il-kummerċ diġitali fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE; jappoġġja r-rwol attiv u l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f'fora internazzjonali oħra għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni, bħan-NU, l-OECD, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-UNESCO;

o
o   o

92.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 124 I, 17.4.2020, p. 1.
(2) ĠU L 114, 14.4.2020, p. 7.
(3) ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56.
(4) ĠU L 134, 31.5.2018, p. 12.
(5) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(6) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.
(7) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(8) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(9) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(10) ĠU C 202 I, 16.6.2020, p. 1.
(11) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(12) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 37.
(13) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.
(14) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 50.
(15) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 2.
(16) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 2.
(17) ĠU C 345, 13.10.2017, p. 130.
(18) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data, p. 2.
(19) Kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika.
(20) L-Aġenzija tal-Awstrija għall-Ambjent u l-Istitut Borderstep, rapport finali ta' studju miġbur għall-Kummissjoni f'Novembru 2020 bit-titolu "Energy-efficient Cloud Computing Technologies and Policies for an Eco-friendly Cloud Market" (Teknoloġiji u Politiki tal-Cloud Computing Effiċjenti fl-użu tal-Enerġija għal Suq tal-Cloud li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent).
(21) ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33.
(22) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1.
(23) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64.
(24) ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20.
(25) ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.
(26) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(27) ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11.
(28) ĠU L 356, 12.12.2014, p. 438.
(29) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(30) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(31) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.
(32) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 39.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Awwissu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza