Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 20 ta' Jannar 2021 - Brussell
Il-Mandat ta' Arrest Ewropew u tal-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membr
 It-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi
 Il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali
 Intelliġenza Artifiċjali: kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt internazzjonali
 Ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)
 Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2017, fl-2018 u fl-2019
 L-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020
 L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni - rapport annwali 2020
 Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2019

Il-Mandat ta' Arrest Ewropew u tal-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membr
PDF 210kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u tal-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (2019/2207(INI))
P9_TA(2021)0006A9-0248/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 47, 48 u 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) li tirreferi għar-rikonoxximent reċiproku, id-drittijiet fundamentali u l-obbligi skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) fir-rigward tad-dritt għall-ħajja(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri(2) (Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b'hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta' persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(5),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(COM(2005)0063 u SEC(2005)0267, COM(2006)0008 u SEC(2006)0079, COM(2007)0407 u SEC(2007)0979 u COM(2011)0175 u SEC(2011)0430),

–  wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-manwal dwar il-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE(6), tas-27 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew(7), u tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja(9),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kunsill tal-2009 għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali(14),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(15),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew(16),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali(17),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), ta' Ġunju 2020, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (COM(2020)0270),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li tlestiet f'Jannar 2014, fuq talba tal-EPRS, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, u l-ispiża tal-EPRS ta' studju mhux dwar l-Ewropa dwar id-drittijiet proċedurali u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2009 dwar ir-raba' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi – l-applikazzjoni prattika tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja korrispondenti bejn l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (COM(2019)0560),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2018 fuq ir-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali – "Promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka"(18),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2019 dwar miżuri alternattivi għad-detenzjoni: l-użu ta' sanzjonijiet u miżuri mingħajr detenzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali(19),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (COM(2020)0258),

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA(20),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 intitolata "Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt: Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0580),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(21),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-2002 għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–  wara li kkunsidra x-xogħol li għamlet l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari r-rapporti bit-titlu "Rights in practice: access to a lawyer and procedural rights in criminal and European arrest warrant proceedings" (Id-drittijiet fil-prattika: aċċess għal avukat u drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u ta' mandat ta' arrest Ewropew) tat-13 ta' Settembru 2019, "Criminal detention conditions in the European Union: rules and reality" (Kundizzjonijiet tad-detenzjoni kriminali fl-Unjoni Ewropea: regoli u realtà) tal-11 ta' Diċembru 2019 u "Criminal detention and alternatives: fundamental rights aspects in EU cross-border transfers" (Id-detenzjoni kriminali u alternattivi: aspetti tad-drittijiet fundamentali fit-trasferimenti transfruntiera tal-UE) tad-9 ta' Novembru 2016, u l-bażi tad-data dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni kriminali mnedija f'Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kwistjonijiet penitenzjarji u dwar il-kooperazzjoni tal-liġi kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0248/2020),

A.  billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni hija fattur rilevanti għall-indirizzar b'suċċess tal-isfidi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u diġitali eżistenti;

B.  billi l-proċedura tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE) hija proċedura ta' konsenja ġudizzjarja transfruntiera simplifikata u rapida li ġiet adottata wara l-attakki terroristiċi tad-9/11 u li, sa mill-varar tagħha, saret l-istrument emblematiku u l-aktar waħda frekwentement użata għar-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali;

C.  billi l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa ġeneralment suċċess u ssostitwixxa l-estradizzjonijiet b'konsenji; billi l-konsenji tnaqqsu għal medja ta' 40 jum fl-2017 minn medja ta' 50 jum fl-2016, fejn l-individwu ma jagħtix il-kunsens tiegħu, għalkemm f'xi Stati Membri hemm dewmien jew nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tar-rikonoxximent reċiproku; billi f'ċerti każijiet rari xi Stati Membri rrappurtaw proċeduri ta' konsenja li damu sa 90 jum meta l-individwu ma jagħtix il-kunsens tiegħu;

D.  billi bejn l-2005 u l-2016, mill-150 000 Mandat ta' Arrest Ewropew maħruġa ġew eżegwiti biss 43 000; billi, kif spjegat il-Kummissjoni, tali numri meħuda weħedhom huma qarrieqa fir-rigward tal-metodoloġija użata u s-suċċess ġenerali;

E.  billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE dwar kwistjonijiet kriminali hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku fformulat mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-1999; billi t-Trattat ta' Lisbona biddel b'mod sinifikanti l-isfond kostituzzjonali tal-UE u pprovda bażi ġuridika espliċita għar-regoli u l-proċeduri biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta' kull forma ta' sentenza u deċiżjoni ġudizzjarja fl-Artikolu 82 TFUE;

F.  billi r-rikonoxximent reċiproku mhuwiex kunċett ġdid żviluppat fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ), iżda kien ġie żviluppat inizjalment fis-suq intern (il-loġika tal-Kawża Cassis de Dijon); billi, madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku fil-ġustizzja kriminali għandu loġika u bażi ġuridika differenti mir-rikonoxximent reċiproku ta' regoli dwar l-aċċess għas-suq; billi, f'dak ir-rigward, ir-rikonoxximent reċiproku fl-AFSJ għandu karatteristiċi speċifiċi, minħabba l-implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali u s-sovranità nazzjonali u l-punt sa fejn jeħtieġ li jiġi ffaċilitat mill-armonizzazzjoni ta' liġi kriminali sostantiva u proċedurali, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji proċedurali; billi kwalunkwe tbegħid mill-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam kriminali jista' jkollu konsegwenzi negattivi u jaffettwa l-implimentazzjoni tiegħu f'oqsma oħra, bħas-suq intern;

G.  billi r-rikonoxximent reċiproku jfisser ir-rikonoxximent dirett ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji minn Stati Membri oħra b'nonrikonoxximent bħala eċċezzjoni, u jfisser li deċiżjoni ġudizzjarja m'għandhiex tiġi rifjutata biss fuq il-bażi li tinħareġ fi Stat Membru ieħor; billi l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet meħuda minn Stati Membri oħra mhijiex kompatibbli mar-reviżjoni ta' tali deċiżjonijiet sakemm ma ssirx għar-raġunijiet previsti fid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew; billi l-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu determinanti fl-implimentazzjoni ta' dan l-istrument; billi r-rikonoxximent reċiproku u d-drittijiet fundamentali jridu jimxu id f'id;

H.  billi r-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u huwa r-riżultat ta' tali fiduċja fuq il-bażi ta' fehim komuni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; billi, sabiex tindirizza l-isfidi komuni b'suċċess, l-Unjoni Ewropea teħtieġ din il-fiduċja f'dan il-mument storiku u kruċjali; billi t-tisħiħ tal-fiduċja huwa essenzjali biex il-Mandat ta' Arrest Ewropew jopera mingħajr xkiel;

I.  billi l-istabbiliment tal-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jkun strumentali għall-fini tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka peress li huwa maħsub biex jindika oqsma fejn huwa meħtieġ titjib fir-rigward tal-istat tad-dritt; billi l-implimentazzjoni inadegwata u inkonsistenti tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew minn ċerti Stati Membri mhux qed tgħin biex tissaħħaħ din il-fiduċja reċiproka; billi mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jista' jkun utli biex jipprovdi elementi li jiżguraw applikazzjoni konsistenti fejn l-eżekuzzjonijiet ikunu ġew irrifjutati abbażi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u għalhekk jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istat Membru;

J.  billi l-fiduċja reċiproka teħtieġ lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-UE u, b'mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u mal-istat tad-dritt, bħall-indipendenza ġudizzjarja;

K.  billi l-Mandat ta' Arrest Ewropew għen biex jiġi żviluppat u kkonsolidat l-AFSJ; billi l-Artikolu 6 tat-TUE dwar il-Karta u l-KEDB, l-Artikoli 8, 15(3), 16 u 18 sa 25 TFUE, id-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali u d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-vittmi(22) huma kollha elementi kruċjali tal-qafas tal-AFSJ; billi l-applikazzjoni żbaljata tal-Mandat ta' Arrest Ewropew jista' jkollha effetti dannużi fuq il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja madwar l-Unjoni, fuq l-individwi u l-familji tagħhom, u fuq il-funzjonament taż-żona Schengen u d-drittijiet fundamentali;

L.  billi s-sħubija mal-Unjoni Ewropea timplika r-rispett lejn serje ta' valuri bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbilit kemm fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, f'konformità magħhom;

M.  billi Unjoni tal-ugwaljanza, sabiex taqdi l-funzjoni protettiva tagħha, jeħtiġilha tiżgura l-protezzjoni għall-vittmi kollha ta' reati(23) filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi d-drittijiet ta' persuni suspettati u akkużati; billi l-UE adottat strumenti li għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi billi adottat varjetà ta' strumenti apparti d-detenzjoni u l-konsenja ta' persuni suspettati u kkundannati;

N.  billi l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imqajma mill-applikazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) f'ċerti domandi preliminari, bħal ne bis in idem(24), l-awtorità ġudizzjarja(25), is-supremazija u l-armonizzazzjoni tal-UE(26), l-indipendenza tal-ġudikatura(27), id-drittijiet fundamentali(28), l-inkriminazzjoni doppja(29), ir-raġunijiet għal rifjut u l-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-UE lejn pajjiżi terzi(30); billi, fl-istess ħin, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jistgħux isiru sostitut għal leġiżlazzjoni mfassla sew fil-livell tal-Unjoni;

O.  billi l-inkriminazzjoni doppja hija kunċett tal-estradizzjoni internazzjonali u, minkejja li bilkemm hija kompatibbli mar-rikonoxximent reċiproku, fil-prattika tista' tkun meħtieġa b'mod limitat ferm għall-persuni rikjesti bi qbil mal-ġurisprudenza tal-QĠUE; billi l-inkriminazzjoni doppja hija biss raġuni fakultattiva għal rifjut tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u hija rarament invokata mill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni; billi l-lista ta' reati mingħajr inkriminazzjoni doppja diġà tinkludi firxa wiesgħa ta' reati, li ħafna minnhom għadhom ma ġewx armonizzati tajjeb ħafna fl-Istati Membri, u billi tali lista għandha tiġi vvalutata mill-ġdid u possibbilment titwessa' skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew;

P.  billi l-kunċett tar-rikonoxximent reċiproku ma jkunx jirrikjedi l-armonizzazzjoni tad-dritt sostantiv u tal-proċeduri fil-qasam kriminali bħala tali, iżda billi l-prattika tal-kooperazzjoni ġudizzjarja wriet li hija meħtieġa l-armonizzazzjoni ta' ċerti standards u definizzjonijiet komuni limitati biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku, kif rikonoxxut mill-Artikolu 82(2) TFUE; billi f'dawn l-aħħar snin sar ftit progress, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' sitt direttivi dwar id-drittijiet proċedurali, id-Direttiva 2012/29/UE, miżuri alternattivi għall-Mandat ta' Arrest Ewropew bħall-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea (OIE) u l-armonizzazzjoni ta' xi reati kriminali; billi, madankollu, is-sitt direttivi dwar is-salvagwardji proċedurali ma ġewx implimentati b'mod sħiħ u korrett, u dan ikompli joħloq tħassib;

Q.  billi l-Kummissjoni saħqet fuq il-fatt li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48/UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm aċċess għal avukat kemm fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni kif ukoll f'dak emittenti; billi t-traspożizzjoni tad-direttivi l-oħra dwar is-salvagwardji proċedurali li fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew (2010/64/UE, 2012/13/EU, (UE) 2016/800 u (UE) 2016/1919) kienet s'issa inadegwata, anki fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet;

R.  billi strumenti oħra għenu fl-indirizzar ta' ċerti kwistjonijiet marbuta mal-Mandat ta' Arrest Ewropew, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-OIE u r-Regolament (UE) 2018/1805 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ordnijiet ta' konfiska(31), u applikaw il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku għal tipi oħra ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji;

S.  billi l-pjan direzzjonali tal-UE tal-2009 għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali fil-qasam kriminali jirrikonoxxi l-kwistjoni ta' perjodi ta' arrest preventiv; billi l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet huma problema f'ħafna Stati Membri u dawn iridu jkunu konformi mal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE; billi hemm kwistjonijiet tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri, kif rifless fis-sentenzi tal-QEDB;

T.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, il-Parlament Ewropew talab, fost oħrajn, l-introduzzjoni ta' raġuni ta' rifjut mandatorju fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-miżura hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu 6 TUE u mal-Karta; billi fl-2017, kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali wasslu għal rifjut ta' konsenja f'109 każijiet;

U.  billi r-rikonoxximent reċiproku jirrikjedi li l-prattikanti, inklużi l-avukati tad-dritt kriminali, jitħarrġu fid-dritt tal-UE;

V.  billi l-Eurojust għandha rwol essenzjali fil-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-eżekuzzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej; billi l-assistenza tal-Eurojust qiegħda tintalab dejjem aktar fl-eżekuzzjoni tal-Mandati ta' Arrest Ewropej, u dan żid l-ammont ta' xogħol tagħha b'mod sinifikanti; billi fl-2019 biss l-Eurojust iffaċilitat l-eżekuzzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej relatati ma' 703 każijiet ġodda u 574 każ pendenti; billi l-Eurojust hija aġenzija indipendenti u awtonoma qrib l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

W.  billi t-tqabbil tad-data juri xejra ta' żieda fl-għadd ta' Mandati ta' Arrest Ewropej, u l-għadd ta' Mandati ta' Arrest Ewropej maħruġa qed jiżdied sena wara sena;

X.  billi implimentazzjoni armonizzata tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, flimkien mal-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali, użu msaħħaħ ta' miżuri alternattivi għall-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-istabbiliment ta' standards minimi tal-UE bħal pereżempju dawk dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u tad-detenzjoni, se jipprevjenu l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni; billi implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri kollha hija meħtieġa sabiex jiġi vvalutat kif xieraq il-funzjonament tal-istrumenti leġiżlattivi rilevanti u l-ħtieġa ta' emendi possibbli;

Valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

1.  Jirrimarka li l-Mandat ta' Arrest Ewropew jirrappreżenta suċċess kbir u jikkostitwixxi strument effettiv, utli u indispensabbli sabiex jiġu miġġielda r-reati transfruntiera serji u sabiex dawk li jwettqu reati serji jitressqu quddiem il-ġustizzja fl-Istat Membru fejn ikunu saru jew ikunu qed isiru l-proċedimenti kriminali, u għandu effetti pożittivi fuq iż-żamma tal-AFSJ; jirrikonoxxi li l-Mandat ta' Arrest Ewropew iffaċilita u tejjeb b'mod sostanzjali l-kooperazzjoni fuq il-konsenji; jindika, madankollu, li f'dawn l-aħħar għoxrin sena d-dinja għaddiet minn trasformazzjoni diġitali li biddlet l-ekosistema tar-reati;

2.  Jieħu nota tal-eżistenza ta' problemi partikolari; iqis li dawn il-problemi ma jixħtux dubju fuq is-sistema jew iqegħduha f'riskju, iżda juru li din għandha tittejjeb u tiġi aġġornata u li tali kwistjonijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jiġu eliminati ċerti punti mhux viżibbli u b'hekk tissaħħaħ is-sistema ġenerali u tiġi ssalvagwardjata l-konformità mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha; jiddikjara li ż-żona Schengen u t-trasformazzjoni diġitali ħolqu bosta opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE; jinnota, madankollu, li l-fruntieri miftuħa u t-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġu wkoll għodod effettivi li jippermettu l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura biex jipproċedu fir-rigward ta' reati transnazzjonali serji;

3.  Jinnota li tali problemi jirrigwardaw prinċipalment il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u d-detenzjoni, il-proporzjonalità, l-implimentazzjoni fi proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew tas-salvagwardji proċedurali stabbiliti fil-liġi tal-UE, b'mod partikolari r-rappreżentazzjoni ġurdika doppja kemm fl-Istat ta' eżekuzzjoni kif ukoll f'dak emittenti, u taħriġ, kwistjonijiet speċifiċi dwar l-istat tad-dritt, l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' kustodja(32), il-limiti ta' żmien(33) u d-deċiżjonijiet mogħtija in kontumaċja; jirrikonoxxi li ċerti każijiet qajmu l-kwistjoni ta' inkriminazzjoni doppja(34); josserva li f'każijiet oħrajn hemm inkonsistenza fl-applikazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jenfasizza barra minn hekk in-nuqqas ta' sistema kompluta ta' data li tippermetti l-kumpilazzjoni ta' statistika affidabbli kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-ħruġ, l-eżekuzzjoni jew iċ-ċaħda ta' Mandati ta' Arrest Ewropej; jirrimarka li tali problemi mhux biss ifixklu l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri iżda huma għandhom piż soċjali u ekonomiku għall-individwi kkonċernati, il-familji tagħhom u s-soċjetajiet inġenerali;

4.  Jinnota li ċerti kwistjonijiet diġà ġew parzjalment indirizzati u li qed isiru tentattivi biex dawn jiġu solvuti permezz ta' taħlita ta' miżuri mhux vinkolanti (manwal dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew), valutazzjonijiet reċiproċi, assistenza tal-Eurojust, finanzjament ta' programmi ta' taħriġ u settijiet ta' għodod għall-prattikanti fl-ambitu tal-Programm Ġustizzja tal-UE, il-ġurisprudenza tal-QĠUE u leġiżlazzjoni supplimentari (id-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI u l-adozzjoni tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali għal persuni suspettati u akkużati kif stabbilit fil-pjan direzzjonali tal-2009, b'mod partikolari d-Direttiva 2013/48/UE), għalkemm għad fadal kwistjonijiet oħra;

5.  Jindika li l-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jissaħħaħ u jittejjeb biex isir aktar effettiv, immedjat u għandu josserva aktar id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, filwaqt li jirrispetta l-proporzjonalità, peress li wieħed mill-għanijiet ta' Unjoni aktar b'saħħitha jeħtieġ li l-Istati Membri jafdaw is-sistemi ġudizzjarji u penitenzjarji tal-Istati Membri l-oħra u dan il-mekkaniżmu huwa essenzjali għal dan l-għan; ifakkar li kwalunkwe dgħufija tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam kriminali tista' twassal biss għad-dgħufija tiegħu f'oqsma oħra, u dan ikun ta' detriment għall-indirizzar effettiv tal-politiki komuni, bħas-suq intern;

6.  Jinnota li l-Protokolli 21 u 22 għat-TUE jipprovdu status speċjali lil żewġ Stati Membri: l-Irlanda għandha għażla ta' inklużjoni fakultattiva u d-Danimarka ma tiħux sehem fid-dritt kriminali tal-UE, u dan ifisser li huma jagħmlu użu mis-sistema tal-Mandat ta' Arrest Ewropew iżda ma jipparteċipawx neċessarjament fi strumenti oħra, bħad-direttivi dwar is-salvagwardji proċedurali; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-konsistenza fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

7.  Jenfasizza li l-Mandat ta' Arrest Ewropew ma għandux jintuża b'mod abbużiv għal reati minuri, fejn ma hemmx raġunijiet għal arrest preventiv; ifakkar li l-użu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkun limitat għal reati serji fejn ikun strettament neċessarju u proporzjonat; iħeġġeġ l-użu ta' strumenti ġuridiċi inqas intrużivi meta possibbli qabel ma jinħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew, bħal pereżempju l-OIE; jindika li l-awtoritajiet emittenti għandhom iwettqu verifiki tal-proporzjonalità, hekk kif iqisu (i) is-serjetà tar-reat, (ii) il-piena li probabbilment tiġi imposta jekk il-persuna tinstab ħatja tal-allegat reat, (iii) il-probabbiltà tad-detenzjoni tal-persuna fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja, (iv) l-impatt fuq id-drittijiet tal-persuna rikjesta u l-familja tiegħu jew tagħha, u (v) l-interessi tal-vittmi tar-reat; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jittrattaw, mingħajr dewmien żejjed, il-kawżi fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew ladarba jkun inħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew biex l-arrest preventiv jinżamm kemm jista' jkun qasir;

8.  Jenfasizza li skont il-QĠUE, ir-rifjut ta' eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew huwa eċċezzjoni għar-rikonoxximent reċiproku li trid tiġi interpretata b'mod strett(35) meta waħda mir-raġunijiet għan-nonrikonoxximent (l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew jew waħda mill-garanziji (l-Artikolu 5 tal-istess) japplikaw jew ikunu f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE;

9.  Jitlob li r-rifjut jiġi awtorizzat meta jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew tkun inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu 6 TUE u l-Karta; jirrimarka li meta n-nuqqas ta' eżekuzzjoni jkun ġustifikat abbażi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jattribwixxi r-riskju serju ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u jistabbilixxi r-raġunijiet għar-rifjut tal-eżekuzzjoni abbażi ta' elementi fattwali u oġġettivi, sabiex jiġu evitati l-inċertezza tad-dritt u impunità potenzjali; ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-Karta hija l-istandard komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE(36);

Rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data ċara, li tista' tinftiehem, kompleta u komparabbli, għax id-data eżistenti toħloq konfużjoni u tista' tagħti impressjoni falza tal-effiċjenza (jew tan-nuqqas ta' effiċjenza) tal-Mandati ta' Arrest Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-metodu li bih l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiġbru u jittrasferixxu sistematikament data affidabbli u aġġornata lill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tinħoloq bażi ta' data komuni li jkun fiha d-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar Mandati ta' Arrest Ewropej, billi tuża esklużivament data anonimizzata, li ssir strument intelliġenti u effiċjenti biex tiġi vvalutata l-kooperazzjoni ġudizzjarja, jiġu identifikati d-dgħufijiet u jkun hemm preparazzjoni aqwa għal kwalunkwe aġġustament; ifakkar li l-kooperazzjoni ġudizzjarja hija element ewlieni li jiggarantixxi l-istabbiltà fi kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi, ambjentali u diġitali; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex titlob mill-Istati Membri data kompleta relatata mal-operat tal-mekkaniżmu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u biex tinkludi tali data fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha li jmiss;

11.  Jemmen li jeħtieġ li jiġu adottati aktar miżuri orizzontali sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fis-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali, u b'hekk ikun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti; jirrimarka li verifika tal-inkriminazzjoni doppja tillimita r-rikonoxximent reċiproku u, skont il-QĠUE, trid tiġi interpretata b'mod restrittiv; jenfasizza, madankollu, li hemm tħassib kontinwu dwar in-nuqqas ta' definizzjoni proprja ta' reati kriminali li għalihom ma għadhiex tapplika l-inkriminazzjoni doppja; jinnota li r-rikonoxximent reċiproku idealment għandu japplika awtomatikament(37) mingħajr il-valutazzjoni mill-ġdid tar-raġunijiet sostanzjali tal-akkuża u li d-deċiżjonijiet ma għandhomx jiġu rrifjutati, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex tiġi invokata waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati f'lista eżawrjenti fid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew jew sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi oħra, kif rikonoxxut mill-QĠUE, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' limiti fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri;

12.  Jissottolinja li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jrid ikun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tista' tinkiseb biss jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali jiġi ggarantit fl-Unjoni kollha; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali bl-għan li jiġi ggarantit id-dritt għal proċess ġust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u korretta ta' dawn id-direttivi u tqis li, fejn neċessarju, tibda l-proċedimenti tal-ksur;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza reati komuni fl-Istati Membri bl-għan li jiġi ddefinit aħjar meta għandu jintuża l-Mandat ta' Arrest Ewropew u tiffaċilita l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni formali u sostanzjali tal-konsistenza tal-lista tat-32 kategorija li ma jeħtiġux verifika tal-inkriminazzjoni doppja, billi tinkorpora l-kriterji bħal pereżempju s-serjetà tar-reat, id-dimensjoni transnazzjonali tiegħu jew l-impatt negattiv tiegħu fuq il-valuri fundamentali tal-Unjoni; trid tingħata ċertezza tad-dritt akbar lill-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni u b'hekk jiġu evitati kunflitti mhux meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa bis-sħiħ il-kwistjonijiet marbuta mat-tfassil, fejn possibbli, ta' lista omoġenja ta' kategoriji ta' reati, ibbażati fuq reati speċifiċi u l-interessi protetti mil-liġi; jirrakkomanda, barra minn hekk, li tiġi evalwata l-inklużjoni ta' anness b'definizzjonijiet għal kull entrata fil-lista, biex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni;

14.  Jenfasizza l-importanza li tiġi vvalutata l-inklużjoni ta' reati jew kategoriji ta' reati addizzjonali, bħar-reati ambjentali (eż. reati ta' tniġġis ikkawżat minn vapuri), ċerti forom ta' evażjoni fiskali, reati ta' mibegħda, abbuż sesswali, vjolenza sessista, reati mwettqa permezz ta' mezzi diġitali bħas-serq tal-identità, reati li jinvolvu l-użu ta' vjolenza jew theddida serja kontra l-ordni pubbliku tal-Istati Membri u reati kontra l-integrità kostituzzjonali tal-Istati Membri mwettqa bl-użu ta' vjolenza, reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fil-qafas ta' impenn imsaħħaħ min-naħa tal-Istati Membri favur il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza li livell akbar ta' kooperazzjoni ġudizzjarja għal reati ta' dan it-tip se jgħin lill-Unjoni tikseb l-objettivi ta' prijorità tagħha filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ ukoll il-kunċett ta' rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Unjoni;

15.  Jilqa' l-grupp ta' koordinazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew li twaqqaf dan l-aħħar mill-Kummissjoni; jemmen li dan il-grupp se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-iskambju rapidu ta' informazzjoni aġġornata u affidabbli, għal prattiki tajbin u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, u dan għandu jwassal għal applikazzjoni aktar uniformi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll għal skambju aqwa ta' informazzjoni bejn l-avukati li jirrappreżentaw lill-persuni taħt Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri ta' eżekuzzjoni u dak emittenti;

16.  Ifakkar li fil-prinċipju, il-limitu tal-piena imniżżel fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu l-għan li jiżgura l-proporzjonalità tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tanalizza l-possibbiltà li tnaqqas il-limitu ta' tliet snin għal ċerti reati, bħal pereżempju t-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kwistjoni tar-reati aċċessorji mar-reati prinċipali jew dawk relatati mar-reati prinċipali li jissodisfaw il-limitu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, pereżempju billi tikkunsidra taġġorna l-manwal tal-Mandat ta' Arrest Ewropew jew possibbilment permezz ta' strumenti tal-UE fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali, inkluża l-indikazzjoni, f'dak ir-rigward, tal-applikazzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej fl-Istati Membri; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jirregolax il-konsenja għal reati aċċessorji jew relatati u li r-regola tal-ispeċjalità tista' tapplika u timpedixxi lill-Istat Membru emittenti milli jipproċedi fir-rigward ta' dawk ir-reati;

18.  Jenfasizza l-importanza li jiġu definiti b'mod aktar preċiż id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-korpi tal-UE involuti fil-proċeduri tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u li jiġi żgurat li dawn ikunu speċjalizzati u jkollhom esperjenza prattika; jafferma li marġni wiesa' ta' diskrezzjoni għall-awtorità ta' eżekuzzjoni hija meqjusa ftit li xejn kompatibbli mal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jew saħansitra tmur kontrih, lil hinn mir-raġunijiet tan-nonrikonoxximent stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u kif spjegat mill-QĠUE; jemmen li kwalunkwe rieżami tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew irid jistabbilixxi proċedura li biha Mandat ta' Arrest Ewropew ikun jista', jekk meħtieġ, jiġi vvalidat minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat Membru emittenti, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet differenti tat-terminu "awtorità ġudizzjarja"; iqis li, jekk tista' tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt fir-rigward ta' reati li b'mod ċar jidħlu fl-ambitu tad-definizzjoni ta' inkriminazzjoni doppja, u dawk li ma jagħmlux dan, mela d-diskrezzjoni għandha tkun limitata f'każijiet ta' inkriminazzjoni doppja; jafferma li t-titjib tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali, tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u tal-għarfien tal-prattikanti ta' sistemi ġuridiċi oħra se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta t-traspożizzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u strumenti oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tibda proċedimenti ta' ksur fejn meħtieġ;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw fil-ħin u b'mod xieraq il-Mandat ta' Arrest Ewropew, is-sentenzi rilevanti tal-QĠUE dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew kif ukoll strumenti ġuridiċi oħra fil-qasam kriminali; jisħaq li strumenti bħad-Deċiżjoni Kwadru 2008/909/ĠAI dwar it-trasferiment ta' priġunieri, id-Deċiżjoni Kwadru 2008/947/ĠAI dwar il-probation u sanzjonijiet alternattivi, l-OIE, l-Ordni ta' Superviżjoni Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali(38), jikkomplementaw il-Mandat ta' Arrest Ewropew kif ukoll jipprovdu alternattivi utli u inqas intrużivi għalih; jenfasizza li l-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jintuża biss jekk il-possibbiltajiet alternattivi l-oħra kollha jkunu ġew eżawriti u jissottolinja li l-Istati ma għandhomx jirrikorru għall-Mandat ta' Arrest Ewropew f'sitwazzjonijiet fejn miżura inqas intrużiva twassal għall-istess riżultati, pereżempju seduti ta' smigħ permezz ta' vidjokonferenza jew għodod relatati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex, fejn possibbli, jużaw dawn l-istrumenti minflok joħorġu Mandat ta' Arrest Ewropew;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jiddisponu mill-possibbiltà li jordnaw alternattivi disponibbli oħra li mhumiex miżuri ta' detenzjoni u koerċittivi fil-kuntest ta' proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, b'mod partikolari meta persuna tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, sakemm rifjut ma jkunx strettament meħtieġ u ġġustifikat;

22.  Jieħu nota tar-rapport inkwetanti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u tieħu miżuri xierqa, inklużi proċedimenti tal-ksur, biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi kollha dwar is-salvagwardji proċedurali, sabiex tiżgura li l-persuni rikjesti jkunu jistgħu jirrikorru għal difiża effettiva fi proċedimenti transfruntiera; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra tieħu azzjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni inadegwata tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali(39), b'mod partikolari fir-rigward ta' adulti vulnerabbli;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu flessibbiltà għar-reġimi lingwistiċi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u jiżviluppaw u japplikaw prattiki komuni f'dak ir-rigward, filwaqt li jirrispettaw id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal persuni fi proċedimenti kriminali f'konformità mad-Direttiva 2010/64/UE; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jintroduċu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi evitat dewmien jew xkiel; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-Deċiżjoni Kwadru tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ma tistipulax skadenzi għat-trażmissjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew tradotti;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi applikazzjoni uniformi u monitoraġġ effettiv tal-limiti taż-żmien;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat għall-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) sabiex ikunu jistgħu jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-Mandat ta' Arrest Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-approprjazzjonijiet baġitarji attwali tal-Kummissjoni għall-Eurojust mhumiex biżżejjed fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-aġenzija fir-rigward tal-ammont ta' xogħol li għandha li qiegħed kontinwament jiżdied, u li dawn wasslu għal staġnar fil-finanzjament minkejja ż-żieda fix-xogħol; jinnota li huwa essenzjali li l-baġit tal-Eurojust ikun jaqbel mal-kompiti u l-prijoritajiet tal-aġenzija sabiex tkun tista' tissodisfa l-mandat tagħha; itenni s-sejħa tiegħu għal network ġudizzjarju speċifiku tal-Mandat ta' Arrest Ewropew;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq għall-għajnuna legali lill-persuni kkonċernati minn proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, inkluż għal għajnuna legali kemm fl-Istat Membru emittenti kif ukoll f'dak ta' eżekuzzjoni qabel ma tiġi ordnata l-konsenja, finanzjament għal interpreti u tradutturi li għandhom il-kwalifiki xierqa, taħriġ speċifiku fil-qasam tal-Mandat ta' Arrest Ewropew għall-prattikanti, inklużi l-pulizija, il-prosekuturi, il-ġudikatura u l-avukati difensuri, b'mod partikolari f'oqsma bħall-aspetti tad-drittijiet fundamentali tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u miżuri alternattivi għad-detenzjoni, ir-rappreżentazzjoni f'kawżi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, u għal dak li jirrigwarda l-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-QĠUE u l-ksib ta' garanziji mill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra; jissottolinja l-valur tal-programmi tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), bħas-simulazzjonijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u t-taħriġ lingwistiku; jissottolinja l-fatt li biex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-avukati għandu jkollhom aċċess għal taħriġ immirat, aċċessibbli u affordabbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffaċilita l-provvista ta' tali taħriġ;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tappoġġa u eventwalment tiżviluppa aktar l-EJTN u l-pjattaformi nazzjonali ta' taħriġ eżistenti għall-ġudikatura u, jekk ikun meħtieġ, tniedi pjattaforma ta' taħriġ addizzjonali dwar strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, inkluż il-Mandat ta' Arrest Ewropew, għall-esperti u l-prattikanti; jafferma li għandha tipprovdilhom għarfien dwar ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-istrumenti, inkluż spazju komuni għall-iskambju tal-esperjenzi;

28.  Jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, inkluża l-konformità fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, tista' tittejjeb bl-użu tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni siguri; jilqa' l-istabbiliment tal-Bażi tad-Data tad-Detenzjoni Kriminali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); jitlob li tiġi żviluppata bażi tad-data ċentralizzata li jkun fiha l-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-applikazzjoni nazzjonali tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (bħal f'oqsma oħra tad-dritt tal-UE)(40); iqis li bażi tad-data pubblika speċifika ta' avukati speċjalizzati fil-Mandati ta' Arrest Ewropej tista' twassal biex jiġi ggarantit id-dritt tal-aċċess għal avukat;

29.  Jappella għal rieżami regolari ta' Mandati ta' Arrest Ewropej mhux eżegwiti u jitlob li jitqies jekk dawn, flimkien mall-allerti korrispondenti tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (SIS II) u tal-Interpol, għandhomx jiġu rtirati; jitlob ukoll li l-Mandati ta' Arrest Ewropej u l-allerti korrispondenti tal-SIS II u tal-Interpol jiġu rtirati fejn il-Mandat ta' Arrest Ewropew ikun ġie rrifjutat għal raġunijiet mandatorji bħal -pereżempju l-prinċipju ne bis in idem;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-opinjonijiet tal-parlamenti nazzjonali, f'konformità mal-Protokoll 2 tat-TUE, jekk tiddeċiedi li tipproponi atti leġiżlattivi fil-qasam tal-liġi kriminali tal-UE, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom tipprovdi skrutinju fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-liġi kriminali tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali

31.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 2 TUE dwar id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi; jisħaq li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li kull persuna, inklużi l-vittmi ta' reat jew persuni rikjesti minn Mandat ta' Arrest Ewropew, li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha kif garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu miksura, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠustizzjaUE; jenfasizza li r-rimedji fl-Istat ta' eżekuzzjoni, filwaqt li jridu jirrispettaw id-dritt għal rimedju effettiv, iridu jkunu konformi mal-limiti ta' żmien stabbiliti mill-istrument ta' rikonoxximent reċiproku applikabbli jew, fin-nuqqas ta' limiti ta' żmien espliċiti, iridu jseħħu b'rapidità suffiċjenti li tiżgura li l-għan tar-rikonoxximent reċiproku ma jiġix ipperikolat;

32.  Jinnota li għalkemm l-applikazzjoni tal-proċeduri prevista fl-Artikolu 7(1) TUE għandha impatt fuq ir-rikonoxximent reċiproku, skont il-ġurisprudenza eżistenti tal-QĠUE, l-awtorità ta' eżekuzzjoni jeħtiġilha tivvaluta f'kull każ speċifiku jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li, wara l-konsenja, hemm riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-persuna; jissottolinja li l-attivazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) TUE ma tikkostitwixxix nonrikonoxximent awtomatiku fid-dawl tal-importanza tal-kooperazzjoni f'materji kriminali u l-funzjonament tat-totalità tas-sistema ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-Eurojust meta tassisti lill-Istati Membri biex joħorġu jew jeżegwixxu ordnijiet f'dan il-kuntest, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jirrakkomanda, għalhekk, l-introduzzjoni ta' sistema ta' miżuri prekawzjonarji, li tinkludi s-sospensjoni tal-istrument, biex jissaħħu l-garanziji provduti, filwaqt li jiżdiedu l-fiduċja u rikonoxximent reċiproċi bejn l-Istati Membri;

33.  Jenfasizza r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-miżuri tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u jfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza rilevanti jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, iżda anki obbligi attivi, billi jobbligawhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni huma konsistenti mad-dinjità umana, u li jitwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi jekk dawn id-drittijiet jiġu miksura; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi legali u finanzjarji disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex ittejjeb l-istandards ta' detenzjoni;

34.  Huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni f'ċerti Stati Membri; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Bażi tad-Data tad-Detenzjoni Kriminali(41) tal-FRA u jqis li hija l-ewwel pass pożittiv lejn valutazzjoni komuni aħjar tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-UE;

35.  Itenni t-talba(42) tiegħu lill-Istati Membri biex itejbu l-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabsijiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltà ta' finanzjament tal-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet ta' detenzjoni mill-Fondi Strutturali tal-UE; ifakkar f'dan ir-rigward li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka(43), il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-fondi tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-problema ta' kundizzjonijiet ħżiena ta' detenzjoni;

36.  Itenni l-importanza ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, fil-forma ta' proposta leġiżlattiva possibbli u sosnut minn ftehim interistituzzjonali li jikkonsisti f'rieżami annwali indipendenti u bbażat fuq l-evidenza biex tiġi vvalutata l-konformità tal-Istati Membri kollha mal-Artikolu 2 TUE, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, biex tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; jinnota li mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jkun għodda ewlenija li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà ta' strumenti supplimentari dwar id-drittijiet proċedurali, bħal pereżempju dawk dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza u l-kundizzjonijiet fil-ħabs fl-arrest preventiv, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa jew ogħla minnhom, anki fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-arrest preventiv; jiddikjara li l-Kummissjoni għandha timmira għall-ogħla standards filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jemmen li n-nuqqas ta' standards minimi dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u waqt l-arrest preventiv fil-livell tal-UE, il-limitazzjoni tal-użu tal-arrest preventiv bħala miżura tal-aħħar għażla u l-kunsiderazzjoni ta' alternattivi, flimkien man-nuqqas ta' valutazzjoni xierqa ta' jekk il-kawżi jkunux lesti biex jitressqu għal smigħ ta' proċess, jistgħu jwasslu biex il-persuni suspettati u akkużati jqattgħu perjodi ta' żmien eċċessivi u mhux ġustifikati f'arrest preventiv; ifakkar li din is-sitwazzjoni kompliet tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tikseb standards minimi tal-UE, b'mod partikolari għas-salvagwardji proċedurali kriminali u għall-kundizzjonalitajiet tal-ħabsijiet u tad-detenzjoni, kif ukoll issaħħaħ l-għodod ta' informazzjoni maħsuba għall-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-infurzar dwar il-kundizzjonijiet tal-arrest preventiv u l-priġunerija f'kull Stat Membru;

38.  Jissottolinja li m'hemm l-ebda mekkaniżmu stabbilit sabiex jiġi żgurat segwitu xieraq għall-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti wara l-konsenja; jitlob li l-Kummissjoni tesplora l-miżuri possibbli f'din id-direzzjoni;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, inter alia, valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta' ne bis in idem, kontroll tal-proporzjonalità għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, ibbażat fuq il-fatturi u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħas-serjetà tar-reat, jekk il-każ huwiex lest għal proċess, l-impatti fuq id-drittijiet tal-persuna rikjesta, l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż u d-disponibbiltà ta' miżuri alternattivi xierqa u inqas intrużivi, proċedura ta' konsultazzjoni standardizzata li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta' eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, u b'mod partikolari dwar il-proporzjonalità, l-istat ta' tħejjija għas-smigħ ta' proċess u t-tilwim dwar il-ġurisdizzjoni, u studju dwar l-azzjonijiet leġiżlattivi possibbli fis-sens tal-Artikolu 82(1) TFUE;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

41.  Jindika li n-nuqqasijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, inkluża dik fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew, jistgħu jippreġudikaw l-interessi tal-vittmi u jwasslu għal ċaħda ta' aċċess għall-ġustizzja u nuqqas ta' protezzjoni għall-vittmi; jenfasizza li l-impunità, bħala riżultat ta' nuqqasijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, jista' jkollha impatt detrimentali u negattiv ħafna fuq l-istat tad-dritt, is-sistemi ġudizzjarji, il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet kif ukoll fuq il-vittmi nfushom u s-soċjetà inġenerali;

42.  Jisħaq li skont l-FRA, l-informazzjoni mogħtija lill-akkużati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom fi proċedimenti kriminali tvarja kemm fil-forma kif ukoll f'kif tingħata; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-individwi jiġu infurmati b'mod effettiv dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom malli jkunu ssuspettati li wettqu reat;

43.  Jieħu nota tal-istandards tal-QEDB kif ukoll ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2013/48/UE u fid-Direttiva 2010/64/UE; ifakkar li l-iżgurar li jkun hemm biżżejjed ħin biex tiġi ppreparata kawża u l-aċċess sħiħ u rapidu għall-materjali tal-kawża jtejbu l-kwalità tar-rappreżentanza; jenfasizza li minħabba n-natura transfruntiera tal-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, li sikwit jinvolvu konvenuti li ma jitkellmux bil-lingwa tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi ta' interpretazzjoni fl-istadju inizjali tal-proċedimenti, u b'mod partikolari, l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni mal-avukati, huwa salvagwardja essenzjali ta' proċess ġust u rekwiżit fl-ambitu tad-Direttiva 2010/64/UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-dritt ta' aċċess għal avukat u għall-għajnuna legali kemm fl-Istat Membru emittenti kif ukoll f'dak ta' eżekuzzjoni jiġi ggarantit kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika;

Għal qafas ġuridiku koerenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

44.  Jiddikjara li l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa effettiv; jemmen, madankollu, li l-kwistjonijiet ewlenin tal-Mandat ta' Arrest Ewropew huma relatati mal-koerenza u l-effiċjenza tiegħu, fejn hemm lok għal titjib, anke jekk tqajmu xi ftit mistoqsijiet dwar il-konformità mal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi politika koerenti fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku, li tqis il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-livell attwali ta' armonizzazzjoni tal-proċeduri u tad-dritt kriminali, u d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju trasversali ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu evitati d-diverġenzi u jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-interazzjoni korretta bejniethom; iħeġġeġ, b'mod partikolari, l-osservanza tal-implimentazzjoni prattika tal-istrument fil-pajjiżi differenti, bil-għan li jiġu identifikati l-prattiki tajba li jwasslu għal mandati maħruġa minn ċerti pajjiżi bi grad għoli ta' konformità kif ukoll id-diffikultajiet speċifiċi osservati f'dawk il-pajjiżi li fihom il-livell tan-nuqqas ta' konformità mal-Mandati ta' Arrest Ewropej huwa partikolarment għoli;

47.  Jiddikjara li l-kwistjonijiet ta' koerenza identifikati relatati mal-implimentazzjonii tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Mandat ta' Arrest Ewropew iridu jiġu indirizzati permezz ta' taħlita ta' miżuri prattiċi (taħriġ tal-prattikanti), miżuri mhux vinkolanti (manwali u rakkomandazzjonijiet), leġiżlazzjoni mmirata ħafna (id-definizzjoni ta' awtorità ġudizzjarja, ne bis in idem, drittijiet fundamentali, eċċ.) u bħala t-tieni pass, permezz ta' mezzi meqjusa neċessarji, b'kunsiderazzjoni tad-disa' ċiklu tal-evalwazzjoni reċiproka, permezz ta' leġiżlazzjoni supplimentari immirata (arrest preventiv); iqis li l-Kummissjoni għandha taħdem favur l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri kollha, hekk kif tqis il-ġurisprudenza tal-QĠUE;

48.  Jirrakkomanda, fuq perjodu ta' żmien medju, il-promozzjoni ta' kodiċi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet kriminali li jiġbor il-leġiżlazzjoni fis-seħħ biex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza tad-dritt u l-koerenza tad-diversi strumenti eżistenti tal-UE;

Brexit

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati mar-Renju Unit intiżi biex iżommu l-istandards tal-UE fir-rigward tad-drittijiet proċedurali u fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati; jesprimi t-tħassib tiegħu li r-riżultati miksuba fir-Renju Unit minn meta ġie introdott il-Mandat ta' Arrest Ewropew jistgħu jitreġġgħu lura b'mod drastiku;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Ara s-sentenza tal-QEDB tad-9 ta' Lulju 2019 f'Romeo Castaño vs il-Belġju dwar ksur ta' aspett proċedurali tal-Artikolu 2 tal-KEDB (investigazzjoni effettiva).
(2) ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
(3) ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.
(4) ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24.
(5) ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.
(6) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 82.
(7) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 135.
(8) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 94.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0406.
(10) ĠU C 295, 4.12.2009, p. 3.
(11) ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.
(12) ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1.
(13) ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1.
(14) ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.
(15) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(16) ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1.
(17) ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
(18) ĠU C 449, 13.12.2018, p. 6.
(19) ĠU C 422, 16.12.2019, p. 9
(20) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138.
(21) Testi adottati, P9_TA(2020)0251.
(22) Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.)
(23) Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-25).
(24) QĠUE, C-261/09, Mantello.
(25) QĠUE, C-453/16 PPU, Özçelik; C-452/16 PPU, Poltorak; C-477/16 PPU, Kovalkovas; Kawżi Magħquda C- 508/18 u C-82/19 PPU, OG u PI.
(26) QĠUE, C-399/11, Melloni jew C-42/17, M.A.S. u M.B.
(27) QĠUE, C-216/18 PPU, Minister for Justice and Equality.
(28) QĠUE, Kawżi Magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU, Aranyosi u Căldăraru; C-128/18, Dorobantu.
(29) QĠUE, C-289/15, Grundza.
(30) QĠUE, C-182/15, Petruhhin. C-191/16, Pisciotti; C-247/17 Raugevicius; C-897/19 PPU, I.N. vs Ruska Federacija; eċċ.
(31) ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1.
(32) QĠUE, C-579/15, Popławski.
(33) QĠUE, C-168/13 PPU, Jeremy F.
(34) QĠUE, bi gwida minn C-289/15, Grundza, li tirreferi għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI.
(35) Ara, pereżempju, QĠUE, Kawża C-216/18 PPU, Minister for Justice and Equality.
(36) Ara QĠUE, C-399/11, Melloni, punt 63 u C-128/18, Dorobantu, punt 79.
(37) Ara, pereżempju, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-26 ta' Lulju 2000 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet Finali f'Materji Kriminali (COM(2000)0495).
(38) Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 073, 15 ta' Mejju 1972.
(39) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8.
(40) Ara l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS, ta' Ġunju 2020, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew.
(41) Bażi ta' Data ta' Detenzjoni Kriminali tal-FRA 2015-2019, https://fra.europa.eu/en/databases/criminal-detention/criminal-detention/home
(42) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 94).
(43) ĠU C 449, 13.12.2018, p. 6.


It-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi
PDF 194kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar it-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi (2020/2020(INI))
P9_TA(2021)0007A9-0250/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(1) (id-"Direttiva tas-Servizzi"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali(2) ("id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali"),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet(5) ("id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1724 tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012(6) ("ir-Regolament dwar Gateway Diġitali Unika"),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(7) ("id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pakkett dwar is-suq uniku(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ta' Frar 2019 bit-titolu "Contribution to Growth: The Single Market for Services – Delivering economic benefits for citizens and businesses" (Kontribut għat-Tkabbir: Is-Suq Uniku għas-Servizzi – It-twassil ta' benefiċċji ekonomiċi liċ-ċittadini u n-negozji),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2018 bit-titolu "Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21" (COM(2018)0219),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM(2020)0093),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 bit-titolu "COVID-19: "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni" (C(2020)3250),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż(9),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Prim Ministri tal-Istati Membri lill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2019, li fiha ġie indirizzat l-iżvilupp futur tas-suq uniku,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi?",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0250/2020),

A.  billi d-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali huma strumenti ewlenin biex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea, iżda xi potenzjal tas-suq uniku għas-servizzi għadu mhux sfruttat;

B.  billi s-servizzi jikkostitwixxu 73 % tal-PDG tal-UE u jikkontribwixxu għal 74 %(10) tal-impjiegi, li huwa enfasizzat mill-fatt li sa 9 minn kull 10 impjiegi ġodda fl-Unjoni Ewropea jinħolqu f'dan is-settur, filwaqt li s-sehem tas-servizzi fil-kummerċ intra-UE huwa biss madwar 20 %, u jiġġeneraw biss 6,5 % tal-PDG tal-UE; billi studji juru li l-kisbiet potenzjali assoċjati mal-approfondiment tas-suq uniku għas-servizzi permezz tal-implimentazzjoni effettiva u armonizzazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni potenzjalment jistgħu jkunu sa EUR 297 biljun, li jikkorrispondu għal 2 % tal-PDG tal-UE; billi 27 %(11) tal-valur miżjud tal-prodotti manifatturati fl-UE huwa ġġenerat mis-servizzi u billi 14-il miljun impjieg b'appoġġ għall-manifattura jinsabu fis-settur tas-servizzi; billi hemm għadd ta' servizzi li għandhom ktajjen ta' provvista kumplessi u għalhekk huma inqas esposti għall-kummerċ;

C.  billi l-ibbilanċjar bejn il-libertajiet ekonomiċi, id-drittijiet soċjali, l-interessi tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tan-negozji, u l-interess ġenerali huwa vitali għall-qafas tas-suq uniku; billi l-allinjament tat-tkabbir ekonomiku mal-aspetti kwalitattivi tal-iżvilupp, bħat-titjib tal-kwalità u s-sikurezza tal-ħajja u servizzi ta' kwalità għolja, huwa kruċjali biex jiġi evalwat l-iżvilupp tas-suq uniku u għandu jġib aktar titjib fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-ħaddiema;

D.  billi servizzi ta' kwalità għolja huma fl-interess tal-konsumaturi u l-frammentazzjoni tas-suq uniku permezz ta' regolamentazzjoni nazzjonali mhux iġġustifikata u ċerti prattiki kummerċjali, li fost l-oħrajn iwasslu għal anqas kompetizzjoni, mhux biss ixekklu n-negozji, iżda jagħmlu ħsara wkoll lill-konsumaturi, li għandhom anqas għażliet u jħallsu prezzijiet ogħla;

E.  billi d-Direttiva dwar is-Servizzi, li tkopri madwar żewġ terzi tal-attivitajiet tas-servizzi, teskludi – f'konformità mal-oqfsa regolatorji speċjali li huma fl-interess ġenerali, l-Artikolu 2 tal-Protokoll 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 14 TFUE – kompletament jew parzjalment, is-servizzi soċjali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa, u servizzi pubbliċi oħra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjoni tagħha; billi s-servizzi ta' interess ġenerali jista' jkollhom bżonn jiġu pprovduti, ikkummissjonati u organizzati mill-Istati Membri f'konformità mar-rekwiżiti u ċ-ċirkostanzi lokali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-utenti fl-aktar livell lokali possibbli;

F.  billi l-UE bħalissa qed tiffaċċja reċessjoni u żieda fil-qgħad ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u, billi l-approfondiment tas-suq uniku għas-servizzi huwa metodu ewlieni ta' kif jiżdiedu l-flussi kummerċjali tal-UE u jittejbu l-ktajjen tal-valur, u b'hekk jagħti kontribut għat-tkabbir ekonomiku;

G.  billi l-impjegati fis-settur tas-servizzi li ħadmu bla heda matul il-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea qed jiġu affettwati b'mod negattiv, jew minħabba insigurtà ekonomika serja jew minħabba li kienu l-aktar esposti; billi hemm il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell tal-UE;

H.  billi l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jissorveljaw id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema(12) b'mod korrett u fil-ħin biex jiġu protetti l-ħaddiema stazzjonati matul l-istazzjonament tagħhom u biex tiġi evitata kwalunkwe restrizzjoni bla bżonn fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jistabbilixxu dispożizzjonijiet obbligatorji rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema;

I.  billi jinħtieġ suq tas-servizzi aktar integrat u interkonness biex jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, tinħoloq ekonomija sostenibbli li tinkludi l-kummerċ diġitali u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

J.  billi l-għażliet regolatorji differenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali u t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni imperfetti u inadegwati tal-leġiżlazzjoni eżistenti joħolqu distakk fl-infurzar, minħabba li jista' jkun ukoll impossibbli li d-dispożizzjonijiet li mhumiex implimentati kif suppost jiġu infurzati b'mod effettiv; billi leġiżlazzjoni koerenti u ċara hija prerekwiżit biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi; billi l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi jista' jkun diffiċli biex jiġi identifikat u indirizzat permezz tal-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, speċjalment fil-livell lokali;

K.  billi l-proċeduri amministrattivi, ir-regolamenti nazzjonali diverġenti u, speċjalment, l-ostakoli biex tiġi aċċessata l-informazzjoni meħtieġa għamlu l-involviment fil-kummerċ transfruntier ikkumplikat, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi l-għodod eżistenti biex jiġu appoġġjati l-ħtiġijiet ta' kumpaniji iżgħar bħall-portal L-Ewropa Tiegħek ‑ In-Negozju, iċ-ċentri tat-trattament tal-każijiet ta' SOLVIT, il-punti uniċi ta' kuntatt tal-portali tal-gvern elettroniku, il-gateway diġitali unika u strumenti oħra għandhom jiġu promossi aħjar sabiex jittejjeb il-kummerċ transfruntier fis-servizzi;

L.  billi ma hemm l-ebda eżerċizzju ta' ġbir sistematiku ta' data fis-seħħ fl-UE kollha biex tiġi pprovduta data adegwata dwar ħaddiema mobbli jew biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jistabbilixxu l-istatus tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom u jitolbu diversi intitolamenti akkumulati; billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll il-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar effettivi huma prekundizzjonijiet meħtieġa għal mobbiltà ġusta u l-ġlieda kontra l-abbużi tas-sistema; billi t-teknoloġija diġitali, li tista' tiffaċilita s-superviżjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli, għandha għalhekk tiġi promossa u użata, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

M.  billi n-nuqqas ta' strumenti ta' rikonoxximent awtomatiku għal diplomi, kwalifiki, ħiliet u kompetenzi bejn l-Istati Membri qed jimpedixxi l-mobbiltà tal-istudenti, l-apprendisti, il-gradwati kif ukoll il-ħaddiema tas-sengħa u dan ixekkel il-fluss tal-ideat fl-UE, il-potenzjal għall-innovazzjoni tal-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp ta' suq intern Ewropew tassew integrat;

L-indirizzar tal-ostakoli fis-suq uniku

1.  Jissottolinja li l-promozzjoni tas-suq uniku, inkluż il-moviment liberu, ġust u sikur tas-servizzi u tal-persuni, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-infurzar strett tad-dritt tal-Unjoni, hija fundamentali biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID-19; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jtaffu l-ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati li jipprevjenu l-moviment liberu tas-servizzi fis-suq uniku mill-aktar fis possibbli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pjan ta' rkupru propost mill-Kummissjoni ma jipprevedi l-ebda finanzjament speċifiku relatat mal-moviment tas-servizzi billi jirrikonoxxi l-importanza tiegħu bħala għodda għall-irkupru ekonomiku;

2.  Jenfasizza li madwar l-Unjoni Ewropea n-negozji u l-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu biex joffru s-servizzi tagħhom, iżda l-implimentazzjoni u l-infurzar insuffiċjenti tar-regoli tas-suq uniku, il-proċeduri elettroniċi inadegwati, ir-restrizzjonijiet regolatorji mhux iġġustifikati fuq il-fornituri tas-servizzi u l-ostakoli għall-aċċess għal professjonijiet regolati għadhom joħolqu ostakli li jċaħħdu liċ-ċittadini mill-impjiegi, lill-konsumaturi mill-għażliet, u lill-intraprendituri, speċjalment l-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom, mill-opportunitajiet; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu r-rekwiżiti mhux meħtieġa u jiddiġitalizzaw il-proċess ta' dokumentazzjoni għall-forniment transfruntier ta' servizzi; jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servitizzazzjoni – jiġifieri r-rwol dejjem akbar tas-servizzi fis-settur tal-manifattura – u jisħaq li l-ostakoli għall-kummerċ tas-servizzi qed isiru dejjem aktar ostakoli għall-manifattura; jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ u jżidu l-kummerċ intra-UE fis-settur tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi skeda ta' azzjonijiet speċifiċi rigward il-konklużjonijiet tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM(2020)0093) u pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM(2020)0094);

3.  Jilqa' l-fatt li l-armonizzazzjoni tal-kwalifiki permezz tar-rikonoxximent reċiproku ispirat mid-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali kellha suċċess fir-rigward ta' diversi professjonijiet u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu mill-ġdid u jikkoordinaw ir-regoli li jirregolaw ir-rekwiżiti ta' dħul u eżerċizzju fir-rigward ta' attivitajiet jew professjonijiet speċifiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-komparabbiltà tal-livell ta' kwalifiki professjonali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni aktar faċli lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward tas-settur tas-servizzi madwar l-UE;

4.  Jenfasizza li l-Karta Professjonali Ewropea tintuża biss għal ħames professjonijiet regolati u għalhekk mhijiex qed tintuża sal-potenzjal sħiħ tagħha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' professjonijiet li għalihom tapplika l-karta professjonali, Ewropea, inkluża l-inġinerija b'mod partikolari;

5.  Ifakkar fl-istatus speċifiku li l-professjonijiet regolati għandhom fis-suq uniku u r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-interess pubbliku; jenfasizza li dan l-istatus speċifiku ma għandux jintuża biex jinżammu l-monopolji nazzjonali mhux iġġustifikati fil-forniment tas-servizzi, li jirriżulta fil-frammentazzjoni tas-suq uniku;

6.  Jirrimarka li r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' diplomi, kwalifiki, ħiliet u kompetenzi bejn l-Istati Membri jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq is-suq intern u l-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi; jilqa' l-fatt, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jixtiequ jippromwovu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri jestendu r-rikonoxximent reċiproku għal-livelli kollha ta' edukazzjoni u jtejbu jew jintroduċu l-proċeduri meħtieġa malajr kemm jista' jkun;

7.  Jitlob li jiġi promoss il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu madwar l-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li dan isir għodda ta' rikonoxximent aċċettata b'mod wiesgħa; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex telimina restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-kwalifiki professjonali u jqis li għandha tibqa' attiva u viġilanti fit-twettiq tal-politika ta' ksur tagħha meta l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki;

8.  Jesprimi dispjaċir li għadhom jeżistu kumplessitajiet legali u ostakoli amministrattivi mhux iġġustifikati għall-akkwist pubbliku fil-qasam tas-servizzi fl-UE minħabba implimentazzjonijiet nazzjonali diverġenti tad-Direttiva 2014/24/UE(13); jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tħeġġeġ aktar armonizzazzjoni speċifika għas-settur tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u gwida dwarhom bil-għan aħħari li jinkisbu l-benefiċċji potenzjali u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist transfruntier għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom; jenfasizza l-importanza ta' servizzi li jiffaċilitaw tnaqqis li jista' jitkejjel fl-impronta ambjentali tal-UE ("servizzi ekoloġiċi") u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni u jagħmlu użu aħjar mill-iskemi eżistenti għall-promozzjoni ta' servizzi sostenibbli fl-akkwist pubbliku sabiex tinkiseb ekonomija ċirkolari u sostenibbli;

9.  Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li tiżgura servizzi ta' kwalità għolja, tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern, tapprofondixxi l-integrazzjoni u t-tisħiħ tas-suq uniku bbażat fuq it-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta, u twitti t-triq għan-negozji biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi, kif ukoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE;

10.  Iqis li l-iżvilupp ta' servizzi marbuta ma' teknoloġiji fixkiela jew emerġenti jirrikjedi skala xierqa tas-suq sabiex jiġi ġġustifikat l-investiment u jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-kumpaniji involuti; jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq intern ta' spiss tiskoraġġixxi tali investimenti;

11.  Jesprimi dispjaċir li bosta kumpaniji innovattivi jew li qed jespandu jfittxu li jistabbilixxu ruħhom barra mill-UE ladarba jilħqu ċertu daqs filwaqt li jkomplu joperaw fis-suq uniku; jemmen li l-kisba tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista' tikkontribwixxi għar-rilokalizzazzjoni tal-produzzjoni lura lejn l-Unjoni Ewropea u l-kompetittività tan-negozji tal-UE fis-swieq globali;

12.  Jinnota li żewġ terzi tal-attivitajiet tas-servizzi huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa u ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha biex issaħħaħ il-qafas legali tas-suq uniku;

13.  Ifakkar li s-servizzi tal-kura tas-saħħa transfruntiera jaqgħu fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi f'konformità mad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dment li n-natura speċjali tas-servizzi tas-saħħa tkun rikonoxxuta u s-saħħa pubblika tkun protetta; jinnota li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali ġiet adottata wkoll abbażi tal-Artikolu 114TFUE; jisħaq li r-regolamenti nazzjonali ma jridux joħolqu ostakoli addizzjonali għall-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa transfruntiera meta mqabbla mad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi; jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew ukoll ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' kura tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

14.  Ifakkar li l-prinċipji tad-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida aġġornati dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi bil-għan li ssaħħaħ l-infurzar u l-armonizzazzjoni u l-konformità fost l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi;

15.  Jirrikonoxxi l-istatus speċjali tas-servizzi ta' interess ġenerali u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti fl-interess pubbliku, kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbiliti fil-Protokoll Nru 26 TFUE dwar is-servizzi ta' interess ġenerali; jesprimi, madankollu, dispjaċir li xi Stati Membri għadhom jużaw raġunijiet mhux iġġustifikati ta' interess pubbliku biex jiżolaw lis-suq domestiku tagħhom għal servizzi li jistgħu ma jitqisux bħala servizzi ta' interess ġenerali jew servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali;

16.  Jenfasizza li r-rekwiżiti bħal restrizzjonijiet territorjali bla bażi, rekwiżiti tal-lingwa u testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi mhux iġġustifikati jistgħu joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati u sproporzjonati għall-iskambji transfruntiera, jekk jiġu applikati b'mod eċċessiv;

17.  Iħeġġeġ kontra r-referenza għall-COVID-19 bħala ġustifikazzjoni biex jiġi limitat il-moviment liberu tas-servizzi fis-suq uniku sakemm ma jkunx iġġustifikat kif xieraq, u jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tibqa' viġilanti għal kwalunkwe abbuż ta' din il-ġustifikazzjoni;

18.  Jesprimi dispjaċir, filwaqt li jirrikonoxxi l-istatus speċjali tas-servizzi pubbliċi u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti fl-interess pubbliku, li l-Istati Membri xi kultant jużaw il-kunċett ta' servizzi mhux ekonomiċi ta' interess ġenerali biex jeskludu ċerti setturi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern, minkejja li dan ma jkunx iġġustifikat mill-interess ġenerali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ddefinit aktar it-terminu biex jiġu evitati frammentazzjoni nazzjonali u interpretazzjonijiet differenti;

19.  Jilqa' l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħaddiema staġjonali tas-16 ta' Lulju 2020 dwar l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema tal-fruntiera, stazzjonati u staġjonali fil-kuntest tal-UE tal-pandemija tal-COVID-19 u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema tal-fruntiera u l-ħaddiema staġjonali jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri;

20.  Jinnota li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha għal proċedura ta' notifika ta' servizzi; jesprimi dispjaċir li ma seta' jinkiseb l-ebda riżultat leġiżlattiv ibbażat fuq il-pożizzjoni tal-Parlament, li kellu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni ta' ostakoli regolatorji bla bżonn fis-settur tas-servizzi permezz ta' approċċ ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

21.  Jinnota li l-Kummissjoni dan l-aħħar iddeċidiet li tirtira l-proposti tagħha dwar l-e-Card tas-servizzi; ifakkar li l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur irrifjuta dawk il-proposti, li suppost kellhom jindirizzaw il-kumplessitajiet amministrattivi għall-fornituri tas-servizzi transfruntiera li għadhom jeżistu; jitlob li ssir valutazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni biex jissolvew il-problemi amministrattivi eżistenti filwaqt li tiġi rrispettata d-Direttiva dwar is-Servizzi, kif ukoll il-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni attwali, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 15(7) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, dwar kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ġdida u abbozzi tagħhom li jistabbilixxu rekwiżiti kif imsemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, flimkien mar-raġunijiet għal dawk ir-rekwiżiti, jevitaw rekwiżiti mhux iġġustifikati, u jintroduċu proċeduri elettroniċi sempliċi biex jinkisbu d-dokumenti meħtieġa għall-forniment transfruntier tas-servizzi, u b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji u l-ħaddiema filwaqt li jiggarantixxu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;

23.  Jissottolinja li żieda fil-mobbiltà transfruntiera tista' tintlaħaq billi jiġi implimentat il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, kif ukoll billi jiġu kkoordinati r-regoli fost l-Istati Membri; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali skont l-Artikolu 153 TFUE, li jiddikjara b'mod espliċitu li r-regoli tal-UE adottati skont l-Artikolu 153 ma jridux jaffettwaw id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jridux jaffettwaw b'mod sinifikanti l-bilanċ finanzjarju tagħhom, u ma jridu jwaqqfu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti kompatibbli mat-Trattati;

24.  Jisħaq li l-persuni b'diżabilità għadhom jiffaċċjaw ostakoli multipli li jagħmluha diffiċli jew impossibbli li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-moviment liberu tas-servizzi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, sabiex ineħħu b'mod effettiv l-ostakoli għall-persuni b'diżabilità u jiżguraw id-disponibbiltà ta' servizzi aċċessibbli, kif ukoll l-adegwatezza tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi; jenfasizza l-importanza kbira li jinkiseb suq uniku kompletament aċċessibbli li jiżgura t-trattament ugwali u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza strutturata u toħroġ gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-proporzjonalità ex ante tar-regolamenti nazzjonali ġodda relatati mas-servizzi f'konformità mad-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità;

26.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-appoġġ għall-infurzar tar-regoli eżistenti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' skrutinju fuq l-awtoritajiet nazzjonali;

27.  Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati, lill-komunità tan-negozju u lis-sħab soċjali jibqgħu jagħmlu l-parti tagħhom biex jistiednu lill-gvernijiet jagħtu ħajja ġdida lis-settur tas-servizzi tal-UE u jsaħħu l-interoperabbiltà kemm settorjali kif ukoll dik transsettorjali f'oqsma li jinkludu l-ambjent, it-trasport u s-saħħa biex jaħdmu għal servizzi transfruntiera interkonnessi; jissottolinja li suq uniku sostenibbli, ġust u bbażat fuq ir-regoli għas-servizzi fejn il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jippromwovu standards soċjali u ambjentali għoljin, servizzi ta' kwalità u kompetizzjoni ġusta;

L-iżgurar tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti

28.  Jinnota li l-moviment liberu tas-servizzi huwa fil-qalba tas-suq uniku, u jista' jipprovdi kisbiet ekonomiċi sostanzjali, kif ukoll standards għolja ta' protezzjoni ambjentali, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, meta l-bilanċ bejn l-ekonomija tas-suq u d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġi rrispettat, sakemm ikun hemm infurzar suffiċjenti u attiv mill-awtoritajiet responsabbli, il-qrati nazzjonali, u l-Kummissjoni, u l-konformità min-naħa tan-negozji mar-regolamenti nazzjonali u tal-UE; jisħaq li l-fruntieri bejn l-Istati Membri għandhom jibqgħu miftuħa biex jiggarantixxu l-prinċipji fundamentali tal-UE; jenfasizza li kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni matul sitwazzjoni ta' kriżi, bħal kriżi tas-saħħa, trid issir b'attenzjoni u bħala l-aħħar miżura biss, abbażi ta' koordinazzjoni bir-reqqa bejn l-Istati Membri, peress li l-għeluq tal-fruntieri jhedded il-prinċipji fundamentali tal-UE, u jisħaq ukoll li hekk kif jitneħħew ir-regoli ta' konfinament nazzjonali, l-enfasi immedjata trid tkun fuq it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri;

29.  Jirrimarka li n-negozji u l-konsumaturi madwar l-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tinforza bis-sħiħ ir-regoli eżistenti u tiddeċiedi minnufih dwar l-ilmenti biex tiżgura li l-kwistjonijiet rilevanti minn perspettiva ta' utent aħħari jiġu indirizzati b'mod effettiv; jitlob li l-valutazzjoni ta' mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni u proċeduri ta' ksur tiġi applikata b'mod strett u mingħajr dewmien żejjed kull meta jiġi identifikat ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti li jmur kontra l-funzjonament xieraq tas-suq intern u jiġu introdotti piżijiet sproporzjonati;

30.  Jenfasizza li r-raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku jridu jiġu invokati biss mill-Istati Membri fejn ikun leġittimu; jissottolinja, madankollu, id-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw is-settur tas-servizzi fl-interess pubbliku ġenerali biex jipproteġu l-konsumaturi u l-kwalità tas-servizzi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kwalità tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, inkluż rapport annwali dwar dawn il-kwistjonijiet, u tiżviluppa mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra evalwazzjonijiet trasparenti u parteċipattivi li jkunu bbażati fuq kriterji kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi;

32.  Jesprimi dispjaċir li għoxrin Stat Membru damu biex jittrasponu d-Direttiva dwar is-Servizzi fil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-firxa ta' strumenti, bħall-punti uniċi ta' kuntatt, għadhom limitati u li l-fornituri tas-servizzi mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-possibbiltajiet kollha disponibbli għalihom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinforma lill-partijiet interessati, fost l-oħrajn, permezz ta' reklamar fuq l-internet dwar il-possibbiltajiet ipprovduti mid-Direttiva;

33.  Jisħaq li l-istabbiliment ta' suq dinamiku u ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-forniment transfruntier tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa komponent ewlieni tal-kompetittività futura tal-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli li fadal għall-forniment transfruntier tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-pakkett leġiżlattiv tas-servizzi diġitali;

34.  Jitlob li l-Kummissjoni turi aktar ħeġġa biex tiżgura koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni effiċjenti bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri u tal-kontrolli għall-forniment transfruntier tas-servizzi;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-istruttura u l-modus operandi tat-Task Force għall-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET) li għadha kif inħolqot, inkluża d-dimensjoni prattika tagħha, u jipprovdu skeda ta' azzjonijiet speċifiċi f'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti mill-SMET(14) billi jistabbilixxu pjan ta' azzjoni ġdid fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-suq uniku għas-servizzi; jemmen li l-SMET tista' tipprovdi valur addizzjonali billi tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-istrateġiji kollha tas-suq uniku u l-kondiviżjoni tad-data u l-metrika dwar il-kisbiet; iħeġġeġ lill-SMET tistabbilixxi bażi tad-data miftuħa u trasparenti li tkun tinkludi ostakoli nazzjonali mhux tariffarji speċifiċi u l-proċeduri ta' ksur li jkunu għaddejjin;

36.  Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjonijiet preliminari fit-tfassil tad-dritt tal-Unjoni; jesprimi dispjaċir li, minkejja li t-tul tal-proċedura ta' deċiżjoni diġà tnaqqas b'mod konsiderevoli, il-medja ta' 14,4-il xahar(15) għadha għolja; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivvaluta kif għandu jitnaqqas aktar iż-żmien sabiex jiġu evitati problemi għall-fornituri u r-riċevituri tas-servizzi fis-suq uniku; jisħaq li d-deċiżjonijiet preliminari għandhom impatt importanti fuq l-iżvilupp tas-suq uniku u fuq it-tnaqqis tal-ostakoli mhux iġġustifikati li jeżistu fih;

L-avvanz tal-informazzjoni u ċ-ċarezza regolatorji bit-tisħiħ tar-rwol ta' dawn il-punti uniċi ta' kuntatt

37.  Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat in-nuqqas ta' ċarezza regolatorja u n-nuqqas ta' komunikazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri dwar regolamenti li jinbidlu malajr; jissottolinja l-importanza ewlenija tal-gateway diġitali unika u tal-punti uniċi ta' kuntatt bħala punt ta' aċċess online għas-servizzi ta' informazzjoni, proċeduri u assistenza nazzjonali u tal-UE fis-suq uniku, kif previst fid-Direttiva dwar is-Servizzi;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw il-gateway diġitali unika b'mod favorevoli għaċ-ċittadini u għall-SMEs u jittrasformaw il-punti uniċi ta' kuntatt minn sempliċi portali regolatorji għal portali kompletament funzjonali; jemmen li dan għandu jinkiseb billi tiġi pprovduta informazzjoni ċċentrata fuq l-utenti, servizzi ta' assistenza u proċeduri simplifikati fuq il-gateway u billi l-gateway diġitali unika tiġi konnessa mal-punti uniċi ta' kuntatt, biex din issir punt uniku ta' servizz virtwali sa fejn ikun possibbli, u jiġi żgurat li tkun iċċentrata kemm jista' jkun possibbli fuq l-utenti; jipproponi li l-istandards tad-disinn tal-Europa Web Guide jiġu adottati biex tiġi ggarantita interfaċċja li tkun faċli biex tintuża u li tkun rikonoxxibbli għall-punti uniċi ta' kuntatt kollha;

39.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu b'mod sistematiku informazzjoni faċli għall-utenti permezz tal-gateway diġitali unika dwar il-leġiżlazzjoni ġdida kollha tal-UE li toħloq drittijiet jew obbligi għaċ-ċittadini u għan-negozji; jirrakkomanda li għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkonsultaw ta' spiss mal-partijiet ikkonċernati; jenfasizza li t-trasparenza, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huma essenzjali għall-moviment liberu tas-servizzi;

40.  Jinnota li l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi fattibbli kollha rigward l-istabbiliment ta' kumpaniji u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkunu jistgħu jitlestew f'ambjent diġitali f'konformità mar-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma tagħhom fid-diġitalizzazzjoni, speċjalment għall-proċeduri li jaffettwaw in-negozji u l-konsumaturi, biex jippermettulhom iwettqu proċeduri amministrattivi mill-bogħod u online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi ta' dawk involuti, u b'mod partikolari tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri li għandhom prestazzjoni dgħajfa;

41.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali f'kull Stat Membru biex itejbu l-punti uniċi ta' kuntatt sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bl-Ingliż bejn l-awtoritajiet involuti, minbarra l-lingwa lokali tagħhom, u sservi bħala intermedjarju f'każ li l-iskadenzi ma jiġux irrispettati jew jekk ma tingħatax tweġiba għall-mistoqsijiet; jissottolinja li l-punt uniku ta' kuntatt għandu jipprovdi lill-konsumaturi, lill-impjegati u lin-negozji l-informazzjoni u l-appoġġ li ġejjin, filwaqt li jirrispetta skadenzi rapidi:

   Ir-regoli nazzjonali u tal-UE li l-kumpaniji jridu japplikaw fl-Istat Membru inkwistjoni, u l-informazzjoni għall-impjegati, fosthom dwar il-liġi tal-impjiegi, il-protokolli tas-saħħa u tas-sikurezza, il-ftehimiet kollettivi applikabbli, l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali u l-istrutturi ta' konsulenza għall-ħaddiema u l-impjegati minn fejn jistgħu jinfurmaw ruħhom dwar id-drittijiet tagħhom u jirrapportaw l-abbużi;
   L-azzjoni li l-kumpaniji jridu jieħdu biex ikunu konformi ma' dawn ir-regoli, miġbura fil-qosor skont il-proċedura, bi gwida pass pass;
   Id-dokumenti li l-kumpaniji jrid ikollhom disponibbli u f'liema skadenza ta' żmien;
   L-awtoritajiet li l-kumpaniji jridu jikkuntattjaw biex jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa, eċċ.;

42.  Jissottolinja li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar kwalunkwe rekwiżit relatat man-negozju għall-kumpaniji fl-Istat Membru rilevanti; jinnota li l-eżempji ta' dan ta' hawn fuq jinkludu r-rekwiżiti ta' kwalifiki professjonali, il-VAT (ir-rati, ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni, l-obbligi ta' rapportar, eċċ.), it-taxxa fuq l-introjtu u s-sigurtà soċjali u l-obbligi skont il-liġi tax-xogħol; jisħaq li l-informazzjoni leġiżlattiva u amministrattiva rilevanti kollha, kif ukoll kwalunkwe dokument rilevanti pprovdut minn kull punt uniku ta' kuntatt, għandhom ikunu disponibbli bl-Ingliż, jekk ikun possibbli u xieraq, flimkien mal-lingwa lokali;

43.  Jirrakkomanda li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom ikunu konnessi aħjar u għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri li l-kumpaniji jridu jikkonformaw magħhom fl-Istati Membri tagħhom, kif ukoll informazzjoni speċifika għas-settur dwar il-kwalifiki professjonali; jirrakkomanda wkoll li l-punti uniċi ta' kuntatt għandhom jassistu lill-kumpaniji barranin li jkunu jixtiequ jagħmlu negozju fl-Istat Membru inkwistjoni, kif ukoll lill-kumpaniji lokali li jkunu jixtiequ jesportaw servizzi u prodotti lejn Stati Membri oħrajn billi jipprovdulhom l-informazzjoni skambjata u d-dettalji ta' kuntatt meħtieġa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tesplora aktar sinerġiji ma', pereżempju, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), sabiex tippromwovi dan l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, jekk il-punti uniċi ta' kuntatt humiex se jirrikjedu riżorsi addizzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti;

44.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-punti uniċi ta' kuntatt tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji, l-impjegati u partijiet interessati oħra jiġu pprovduti b'informazzjoni rapida, korretta, komprensiva u aġġornata bil-lingwa lokali u bl-Ingliż;

45.  Jitlob li l-Kummissjoni taqdi rwol ta' koordinazzjonali fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-punti uniċi ta' kuntatt u, fejn ikun xieraq, tipprovdi linji gwida biex tgħin lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri, b'mod partikolari għall-SMEs; jissottolinja li tali kooperazzjoni għandha tiżgura wkoll il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri, inkluż dwar il-ħaddiema mobbli, kemm f'termini tal-aħjar prattiki ta' komunikazzjoni kif ukoll fir-rekwiżiti amministrattivi u mhux meħtieġa tas-suq uniku;

46.  Jisħaq li l-punti uniċi ta' kuntatt kollha għandhom ikunu aċċessibbli faċilment permezz tal-gateway diġitali unika u għandhom jipprovdu informazzjoni u joffru servizzi amministrattivi tal-Istati Membri permezz ta' terminoloġija aċċessibbli u b'disponibbiltà sħiħa, b'persunal imħarreġ tal-help desk li jipprovdi appoġġ effettiv u faċli għall-utent;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u jimplimentaw il-komponenti kollha tas-sistema ta' Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà libera u ġusta tal-ħaddiema tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' għodod diġitali u lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi suffiċjenti lill-ispettorati tax-xogħol biex dawn jindirizzaw il-forom kollha ta' abbuż; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva għal numru tas-sigurtà soċjali tal-UE, li jipprovdi ċertezza legali għall-ħaddiema u n-negozji, filwaqt li jservi biex jiġu kkontrollati b'mod effettiv il-prattiki ta' sottokuntrattar u jiġu miġġielda l-frodi soċjali, bħal impjieg indipendenti fittizju, kumpaniji ta' stazzjonar u kumpaniji fantażma; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-verifiki mwettqa jkunu proporzjonati, iġġustifikati u mhux diskriminatorji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELA tibda topera b'mod sħiħ kemm jista' jkun malajr biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-ispettorati tax-xogħol nazzjonali u biex jiġi indirizzat id-dumping soċjali transfruntier;

49.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe direttiva, regolament jew rakkomandazzjoni ġdida li jikkonċernaw is-suq uniku għas-servizzi jinkludu rekwiżit biex jissaħħu l-punti uniċi ta' kuntatt fil-funzjonijiet tagħhom u jiddedikaw riżorsi adegwati biex iwettqu funzjonijiet addizzjonali possibbli fil-qafas tad-Direttiva dwar is-Servizzi mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' funzjonijiet u setgħat fost l-awtoritajiet fis-sistemi nazzjonali;

Forniment ta' evalwazzjonijiet: it-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku u l-indikaturi tar-restrittività

50.  Jappoġġja l-inizjattiva preliminari tal-Kummissjoni li taġġorna t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku b'sett ġdid ta' indikaturi li bih tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq uniku min-naħa tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissupplimenta d-data ppubblikata bid-data rilevanti estratta minn IMI, SOLVIT, ir-reġistru ċentrali tal-ilmenti CHAP u riżorsi rilevanti oħra; jissottolinja li għandu jkun hemm enfasi fuq il-kwalità tal-implimentazzjoni;

51.  Jirrakkomanda li t-tabella ta' valutazzjoni aġġornata tas-suq uniku tenfasizza r-rapportar ta' kwistjonijiet rilevanti minn perspettiva tal-utent aħħari, billi tevalwa jekk it-tħassib u l-ilmenti humiex solvuti, pereżempju, fl-ambitu ta' SOLVIT jew fil-qafas tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; jesprimi dispjaċir ukoll li l-istrument SOLVIT ftit li xejn jintuża f'bosta Stati Membri u ħafna drabi huwa nieqes minn kapaċitajiet diġitali tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku; jissottolinja li tinħtieġ trasparenza akbar fir-rigward tal-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi; iqis li t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku għandha tinkludi informazzjoni xierqa, inkluż l-għadd ta' lmenti, l-għadd ta' każijiet mibdija, is-settur tal-ksur tagħhom, l-għadd ta' każijiet kompletati u r-riżultat jew ir-raġuni għall-għeluq tal-każ;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta metodu ta' evalwazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li jinkludi b'mod partikolari l-objettivi ta' interess ġenerali u l-kwalità tas-servizz ipprovdut; jissottolinja li l-metodu għall-indikaturi kwalitattivi għandu jkun trasparenti u jivvaluta d-differenzi fir-regolamentazzjoni ex ante u ex post; jinnota l-importanza li jiġi evalwat jekk id-direttivi rilevanti tal-UE humiex implimentati fil-ħin u kif maħsub mill-koleġiżlaturi tal-UE;

53.  Jirrakkomanda li tabella ta' valutazzjoni aġġornata tas-suq uniku torbot il-kwalità tal-implimentazzjoni mal-indikaturi tar-restrittività eżistenti, u tidentifika r-restrizzjonijiet tas-servizzi f'oqsma ta' politika ġodda u eżistenti u l-livelli diverġenti ta' implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrakkomanda wkoll li s-Semestru Ewropew jintuża wkoll għat-tisħiħ tas-suq uniku, billi t-tneħħija tal-aktar piżijiet regolatorji u amministrattivi problematiċi hija ta' tħassib kontinwu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-attivitajiet ta' nofs it-terminu tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jkomplu jneħħu l-ostakoli amministrattivi u regolatorji li fadal fis-suq uniku għas-servizzi meta tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

54.  Iqis li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, għandha tanalizza l-kisbiet tagħhom fir-rigward tat-twettiq tal-potenzjal tas-suq uniku u l-ħidma lejn ekonomija aktar sostenibbli;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-indikaturi eżistenti u tintroduċi indikaturi ġodda biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw f'liema oqsma jistgħu jsiru sforzi biex itejbu r-riżultati ta' politika tagħhom, u tissorvelja l-isforzi tagħhom biex inaqqsu r-restrizzjonijiet;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali annwali għall-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi u jwettqu evalwazzjonijiet f'dan ir-rigward; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tuża t-tabella ta' valutazzjoni tas-suq uniku biex turi l-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi fl-Istati Membri, kif muri fit-tabella ta' valutazzjoni tal-innovazzjoni Ewropea, billi dan jippermetti lill-Istati Membri jieħdu impenji kredibbli, konkreti u li jistgħu jitkejlu biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni u fl-infurzar fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi intra-UE;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(2) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(3) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(4) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16.
(5) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.
(6) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1.
(7) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.
(8) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 39.
(9) ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1.
(10) Eurostat, "The European economy since the start of the millennium" (L-ekonomija Ewropea mill-bidu tal-millenju), l-Unjoni Ewropea, Brussell, 2018.
(11) Rytter Synesen, E., u Hvidt Thelle, M., "Making EU Trade in Services Work for All", (Nagħmlu li l-Kummerċ tal-UE fis-Servizzi Jaħdem għal Kulħadd), Copenhagen Economics, Copenhagen, 2018.
(12) Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).
(13) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(14) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM(2020)0093).
(15) Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, "The Year in Review: Annual Report 2019" (Is-Sena Mistħarrġa: Rapport Annwali 2019).


Il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali
PDF 201kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2019/2194(INI))
P9_TA(2021)0008A9-0210/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddikjara li l-firmatarji jieħdu ispirazzjoni "mill-wirt kulturali, religjuż u umanista tal-Ewropa" u għandhom ix-xewqa "li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom", kif ukoll l-Artikolu 3(3) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-33 sessjoni tagħha fl-20 ta' Ottubru 2005(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fis-17-il sessjoni tagħha fis-16 ta' Novembru 1972 (il-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji)(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-32 sessjoni tagħha fis-17 ta' Ottubru 2003(3),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali ta' Taħt l-Ilma, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fil-31 sessjoni tagħha fit-2 ta' Novembru 2001(4),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u ta' Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illeċiti tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-UNESCO fis-16-il sessjoni tagħha tal-14 ta' Novembru 1970(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Ottubru 2019 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 (COM(2019)0548),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-23 ta' Novembru 2018 dwar Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-governanza partiċipatorja tal-patrimonju kulturali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2000 dwar il-konservazzjoni u t-titjib tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2018 dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tat-13 ta' Ottubru 2005(14),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2018 dwar il-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali (SWD(2018)0491),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2019 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli (13956/19),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Wirt Kulturali (Ewrobarometru Speċjali 466)(15),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' Novembru 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Approċċ integrat għall-wirt kulturali tal-Ewropa" (2015/C 195/04)(16),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018)(17),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (2011/711/UE)(18),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni għall-avvanz tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali tad-9 ta' April 2019(19),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 – Unjoni li tirsisti għal aktar (COM(2020)0037),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2018 dwar il-kontribut taż-żoni rurali tal-Ewropa għas-Sena tal-Wirt Kulturali 2018 sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-koeżjoni rurali/urbana (NAT/738-EESC-2018-01641),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Davos 2018 dwar il-promozzjoni ta' Baukultur ta' kwalità għolja fl-Ewropa(20),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Leeuwarden tat-23 ta' Novembru 2018 dwar l-Użu mill-ġdid Adattiv tal-Wirt Mibni(21),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fil-laqgħa informali tal-ministri tal-Istati Membri responsabbli għall-affarijiet kulturali u Ewropej tat-3 ta' Mejju 2019 wara n-nirien fil-Katidral ta' Notre Dame f'Pariġi(22),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kulturali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Diċembru 1954(23),

–  wara li kkunsidra s-Sejħa għal Azzjoni ta' Berlin ta' Europa Nostra ("Cultural Heritage for the Future of Europe" [Wirt Kulturali għall-Futur tal-Ewropa]) tat-22 ta' Ġunju 2018(24), u l-Manifest ta' Pariġi tagħha ("Relançons l'Europe par la culture et le patrimoine culturel!" [Ir-rilanċ tal-Ewropa bis-saħħa tal-kultura u l-wirt kulturali"]) tat-30 ta' Ottubru 2019(25),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 bit-titolu "Cultural Heritage Counts for Europe" (Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa)(26),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona dwar it-Turiżmu u l-Wirt Kulturali ("Better Places to Live, Better Places to Visit" [Postijiet Aħjar Fejn Tgħix, Postijiet Aħjar Biex Iżżur]) tal-11 ta' Ottubru 2018(27),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2018 bit-titolu "Safeguarding cultural heritage from natural and man-made disasters" (Inħarsu l-wirt kulturali minn diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem)(28),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-2019 tal-Kunsill Internazzjonali dwar il-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) bit-titolu "European quality principles for EU-funded interventions with potential impact upon cultural heritage" (Il-prinċipji ta' kwalità Ewropej għal interventi ffinanzjati mill-UE b'impatt potenzjali fuq il-wirt kulturali)(29),

–  wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti (il-Karta ta' Venezja tal-1964)(30),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Granada tal-1985 għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa(31),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 tal-Belt Valletta dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku tal-Ewropa(32),

–  wara li kkunsidra l-Premjijiet Ewropej għall-Wirt Kulturali / Il-Premjijiet Europa Nostra,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod speċjali l-għanijiet 4, 11 u 13,

–  wara li kkunsidra r-raggruppament tat-Tieni Pilastru ta' Orizzont Ewropa "Kultura, kreattività u soċjetà inklużiva"(33),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(34),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(35),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(36),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali(37),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE(38),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(39),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(40),

–  wara li kkunsidra l-impenji li ħadet il-Kummissarju nnominat ta' dak iż-żmien għall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ fis-smigħ tagħha tat-30 ta' Settembru 2019 quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0210/2020),

A.  billi l-wirt kulturali tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali tal-Ewropa huwa sors ta' ġid li ntiret mill-passat, li jagħti xhieda tal-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet Ewropej fid-diversità kollha tagħhom u li għandu jissaħħaħ b'mod kostanti matul iż-żmien, li jrid jiġi ppreservat sabiex jiġi trażmess lill-ġenerazzjonijiet futuri;

B.  billi l-wirt kulturali Ewropew huwa sors għat-tifkira, il-memorija kollettiva u l-għarfien li jsaħħaħ is-sens komuni ta' appartenenza tagħna;

C.  billi l-kultura u l-wirt kulturali jgħinu biex isaħħu l-identità tal-individwi u jippromwovu l-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà u l-fehim fis-soċjetà;

D.  billi l-wirt kulturali huwa valur fih innifsu, huwa diversifikat, u għandu diversi saffi (lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali) u forom (tanġibbli, intanġibbli, naturali, diġitali u diġitalizzati) li huma interkonnessi;

E.  billi l-wirt kulturali jipprovdi kontribut kbir għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha;

F.  billi 'l fuq minn 300 000 ruħ fl-Ewropa huma impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, filwaqt li 7,8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbuta b'mod indirett mas-settur;

G.  billi matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (EYCH) fl-2018 ġew organizzati aktar minn 23 000 avveniment, u dawn laħqu aktar minn 12,8-il miljun persuna (2,5 % tal-popolazzjoni tal-EU-28)(41) fl-Istati Membri(42);

H.  billi l-viżjoni strateġika tal-EYCH, artikolata fil-motto tagħha "Wirtna: fejn il-passat jiltaqa' mal-futur", tibqa' valida bħala prinċipju ta' gwida għall-eredità tagħha bil-għan li jiġu żviluppati rabtiet bejn il-wirt kulturali Ewropew u l-produzzjoni kulturali preżenti, kif ukoll li titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej;

I.  billi l-attivitajiet tal-EYCH kienu ffokati fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u fuq proġetti interattivi u kreattivi;

J.  billi l-EYCH 2018 saret f'sena b'anniversarji storiċi importanti; billi matul dik is-sena saru ħafna ċelebrazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u avvenimenti kommemorattivi, u dawn ħallew impronta sinifikanti fuq il-mappa kulturali Ewropea;

K.  billi waħda mill-kisbiet tal-EYCH kienet l-istabbiliment ta' network ta' partijiet ikkonċernati Ewropej b'rabtiet dejjiema; billi dan in-network għandu jkun sostenibbli u durabbli;

L.  billi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) lokali u pan-Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata kkontribwew ħafna għas-suċċess tal-EYCH;

M.  billi, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-wirt kulturali, 84 % tar-rispondenti fl-Istati Membri huma tal-fehma li l-wirt kulturali huwa importanti għalihom personalment u għall-komunità lokali tagħhom, filwaqt li tmienja minn kull għaxra (80 %) jaħsbu li huwa importanti għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

N.  billi kważi terz tas-siti fuq il-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO jinsabu fl-EU-27, inklużi 326 sit kulturali, 26 sit naturali u ħames siti mħallta; billi l-Ewropa kollha hija responsabbli għal kważi nofs il-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO;

O.  billi l-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO tinkludi mill-inqas 131 iskrizzjoni li huma attribwiti lill-pajjiżi tal-EU-27;

P.  billi l-Ewropa u l-Amerika ta' Fuq jirrappreżentaw 52 % tal-iskrizzjonijiet fir-Reġistru Internazzjonali tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO;

Q.  billi s'issa 48 sit Ewropew ingħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew;

R.  billi kważi disgħa minn kull għaxar Ewropej mistħarrġa (88 %) jemmnu li l-wirt kulturali tal-Ewropa għandu jiġi mgħallem fl-iskejjel(43);

S.  billi l-EYCH 2018 uriet li l-wirt kulturali jista' jipprovdi bażi għal proġetti internazzjonali li jinvolvu liċ-ċittadini tal-kategoriji tal-età kollha u jippermettilhom jaħdmu flimkien ma' esperti; billi dawn il-proġetti wrew li huma għodda tajba biex titqajjem kuxjenza dwar l-istorja kulturali komuni Ewropea;

T.  billi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni toħloq possibbiltajiet u sfidi ġodda għas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa;

U.  billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 adottat mill-Kunsill fil-21 ta' Diċembru 2018 jinkludi s-sostenibbiltà fil-wirt kulturali bħala l-ewwel waħda mill-ħames prijoritajiet għall-kooperazzjoni Ewropea fit-tfassil tal-politika kulturali;

V.  billi t-tifqigħa tal-COVID-19 sfrattat il-parti l-kbira tal--avvenimenti kulturali u fixklet b'mod serju l-kapaċità tan-nies li jżuru, igawdu u jistudjaw parti kbira mill-wirt kulturali Ewropew, bil-mezzi diġitali ta' spiss ikunu l-uniku mod possibbli biex jiksbu aċċess għalih; billi r-restrizzjonijiet fuq laqgħat u avvenimenti pubbliċi jew il-projbizzjoni tagħhom, l-għeluq ta' mużewijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kellhom konsegwenzi dannużi ħafna għall-artisti u l-operaturi kulturali;

W.  billi fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-QFP 2021-2027 hemm opportunità biex jiġu stabbiliti termini ġodda u favorevoli għall-investiment fil-wirt kulturali mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

Rikonoxximent tal-valur tal-wirt kulturali

1.  Iqis li l-wirt kulturali huwa riżorsa imprezzabbli, jippermettilna nirriflettu fuq l-istorja u ninvolvu ruħna magħha b'mod kritiku, jgħinna nidentifikaw mhux biss memorji differenti, iżda anke l-elementi komuni li jorbtuna lkoll, u b'hekk jippromwovi d-diversità, id-djalogu, il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-fehim reċiproku kif ukoll itejjeb l-għarfien dwar il-beni tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali tagħna;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-wirt kulturali fil-promozzjoni tal-kreattività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà u biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet intellettwali; iqis li l-wirt kulturali jista' jkun ukoll sors ta' ispirazzjoni u ta' tgawdija u jista' jikkontribwixxi għal attivitajiet ta' rikreazzjoni;

3.  Jisħaq li l-lingwi jippermettu u jippromwovu r-rikkezza u d-diversità tal-wirt kulturali Ewropew, peress li l-lingwi materni huma mezzi li jittrażmettu valuri u għarfien li ta' spiss jintużaw biex jittrażmettu l-wirt kulturali intanġibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni akbar biex jipproteġu, jiżviluppaw, u jippromwovu d-diversità lingwistika fl-era diġitali, anke billi jallokaw baġit suffiċjenti għal politiki li jittrattaw lingwi kklassifikati bħala mhedda u jiżviluppaw kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rikkezza lingwistika u kulturali li jirrappreżentaw il-komunitajiet ikkonċernati;

4.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jinkludu bis-sħiħ il-wirt kulturali tal-minoranzi preżenti fl-Ewropa fi kwalunkwe riflessjoni dwar il-wirt Ewropew, billi jimpenjaw ruħhom li jirrikonoxxu u jippromwovu l-kontribut tagħhom għall-ġid kulturali, lingwistiku u artistiku u d-diversità tal-Unjoni u jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu u jimplimentaw miżuri miftiehma u kkoordinati għall-ġestjoni u l-promozzjoni sostenibbli ta' dawn il-kulturi;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-avvenimenti kulturali Ewropej u pan-Ewropej u tal-festivals kulturali tradizzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar ir-rikkezza u d-diversità kulturali tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw tali attivitajiet u jipproteġu t-tradizzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffinanzja tali inizjattivi;

Edukazzjoni u ħiliet

6.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tipi kollha ta' edukazzjoni – formali, mhux formali u informali – relatati mal-wirt kulturali u l-istudji umanistiċi, inklużi l-istorja u l-filosofija, fl-etajiet kollha; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-istudenti b'diżabilità u lil dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati; itenni l-importanza li jiġu inklużi forom artistiċi varji bħall-mużika, il-films, it-teatru, il-letteratura, id-disinn u l-arkitettura fil-kurrikuli tal-iskejjel jew f'attivitajiet ta' appoġġ fil-kurrikulu; jemmen li diversi materjali eżistenti prodotti fl-okkażjoni tal-EYCH, bħas-sett rilevanti tal-eTwinning, għandhom jiġu promossi b'mod aktar attiv; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aktar komprensiv il-wirt kulturali fl-istrateġija tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, sabiex tgħin lill-istudenti jiżviluppaw sens qawwi ta' ċittadinanza Ewropea;

7.  Iqis, f'dan ir-rigward, li Dar l-Istorja Ewropea trid tingħata finanzjament adegwat sabiex tkun tista' ssir hub ta' għarfien u kollaborazzjoni għar-riċerkaturi żgħażagħ, l-għalliema u l-istudenti minn madwar l-UE u tista' sservi wkoll bħala strument għall-promozzjoni tal-wirt kulturali Ewropew; iqis li huwa meħtieġ li jiġu żviluppati modi addizzjonali biex jiġi promoss l-aċċess għad-Dar, fost l-oħrajn permezz ta' żjarat diġitali sabiex tkun tista' taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala portal għas-sezzjonijiet kollha tal-pubbliku biex jitgħallmu dwar esperjenzi kondiviżi Ewropej u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment gradwali, soġġett għal kapaċitajiet finanzjarji, ta' network pan-Ewropew ta' kollaborazzjoni ta' ċentri fil-qafas tad-Dar;

8.  Jenfasizza r-rwol dejjem akbar li l-edukazzjoni diġitali jista' jkollha biex tippermetti t-tagħlim dwar il-wirt kulturali u permezz tal-wirt kulturali; jinnota l-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi ta' tagħlim elettroniku ta' kwalità għolja, inklużi korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) sabiex it-tagħlim dwar il-wirt kulturali jsir aktar aċċessibbli u jittejbu l-ħiliet marbuta mal-patrimonju fl-Ewropa kollha; iqis f'dan ir-rigward li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kawża, u jitlob li l-aġġornament propost ta' dan il-pjan jinkludi appoġġ għall-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas dejjem akbar ta' nies tas-sengħa, professjonisti fil-qasam tar-restawr u esperti tal-patrimonju u d-diffikultajiet biex jattiraw liż-żgħażagħ biex jitgħallmu dawn it-tipi ta' ħiliet; jisħaq fuq in-nuqqas ta' approċċ sistemiku u mekkaniżmi effiċjenti bħal korsijiet ta' taħriġ fit-tekniki tal-antenati biex jiġu trażmessi l-ħiliet u l-għarfien rilevanti, u li dan qed ipoġġi l-wirt Ewropew f'riskju; jemmen li fil-ġejjieni l-konservazzjoni tal-kwalità tal-wirt kulturali se tkun possibbli biss jekk il-ħiliet u l-għarfien rilevanti jiġu kkonservati b'mod komprensiv, inkluż permezz ta' mezzi diġitali, u jingħaddew; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura li l-inizjattivi futuri dwar il-konservazzjoni tal-wirt kulturali jinkludu l-konservazzjoni tal-prattiki u l-għarfien meħtieġa; ifakkar fil-valur tal-iskambji, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-programm Erasmus+, li jippermetti wkoll il-mobilità tal-apprendisti;

10.  Itenni l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tax-xogħol u l-bilanċ bejn il-ġeneri u li jiġu promossi opportunitajiet ta' mobilità għall-operaturi u l-ħaddiema impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, inkluż għall-persuni b'diżabilità; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki professjonali;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-wirt kulturali għall-Ewropa u li jintlaħqu ċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali; jenfasizza l-importanza ta' għarfien aħjar tal-wirt kulturali Ewropew biex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali, u jinnota li l-aċċess għal tali għarfien, b'mod partikolari, jiffavorixxi l-inklużjoni soċjali u kulturali taċ-ċittadini bi sfond ta' migranti u l-familji tagħhom;

12.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) ġdida dwar l-industriji kulturali u kreattivi (CCI) fl-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li tirrifletti d-diversità soċjali u li fiha l-wirt kulturali għandu jitqies ukoll bħala sors ta' ispirazzjoni għal kreazzjonijiet u soluzzjonijiet kontemporanji;

Il-wirt kulturali diġitali

13.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-wirt kulturali diġitali, b'għadd dejjem akbar ta' persuni, inklużi dawk minn sfondi żvantaġġati u persuni b'diżabilità, li jkollhom opportunitajiet mingħajr paragun u aċċess ekwu biex jinvolvu ruħhom ma' materjal kulturali; jirrikonoxxi r-rilevanza dejjem akbar tal-wirt kulturali diġitali, speċjalment matul il-pandemiji u l-konfinamenti assoċjati, fejn żjarat u wirjiet virtwali tal-mużewijiet, libreriji diġitali, enċiklopediji online u soluzzjonijiet diġitali simili u għodod ta' komunikazzjoni virtwali jikkonfortawhom u jkunu l-uniċi mezzi biex in-nies ikollhom aċċess għall-wirt kulturali u l-kultura u jinvolvu ruħhom magħhom b'mod aktar wiesa'; jisħaq fuq l-importanza li l-materjal kulturali jiġi ddiġitalizzat ħalli mhux biss jiġi kkonservat għall-ġenerazzjonijiet futuri (il-funzjoni tal-ħżin), iżda jsir ukoll aċċessibbli aktar faċilment għal udjenzi akbar billi l-wirt kulturali jkun disponibbli online;

14.  Jenfasizza li l-avvanzi teknoloġiċi rilevanti bħall-istħarriġ diġitali, l-immudellar u l-istampar 3D, ir-Realtà Awmentata (AR) u r-Realtà Virtwali (VR), kif ukoll ir-rwol tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-Big Data, qed jiftħu possibbiltajiet ġodda mhux biss għall-ġbir, il-konservazzjoni u l-viżwalizzazzjoni tal-wirt kulturali, iżda wkoll għall-ipproċessar, l-analiżi, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet għalih;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-proġett Europeana, li jservi ta' pjattaforma edukattiva, mużew, arkivju u librerija diġitali tal-Ewropa; jitlob sforzi akbar biex il-pjattaforma tiġi żviluppata aktar, inkluż billi jiġi allokat finanzjament adegwat għaliha, u billi tiġi promossa aktar lill-pubbliku ġenerali u lill-għalliema;

16.  Huwa tal-fehma li l-materjal li għandu jiġi ddiġitalizzat irid jintgħażel b'mod imparzjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-arkivji u tal-kollezzjonijiet diġitali;

17.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa wkoll l-eżistenza u l-valur tal-arkivji diġitalizzati, kif ukoll li jittejbu l-ħiliet diġitali tal-pubbliku sabiex jiżdied l-użu tal-kontenut diġitali;

18.  Jemmen li l-enċiklopediji online huma riżorsa imprezzabbli ta' informazzjoni vverifikata u affidabbli li jippermettu l-aċċess għall-wirt kulturali u li għandhom rwol fil-konservazzjoni u l-promozzjoni tiegħu, u huma wkoll għodda vitali biex il-wirt kulturali b'oriġini diġitali jiġi kklassifikat u jingħata aċċess sostnut għalih; huwa tal-fehma li għandhom jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-promozzjoni, l-iżvilupp u l-avvanz tal-enċiklopediji online;

19.  Jenfasizza li l-interoperabbiltà hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jkun jista' jintuża jew jerġa' jintuża fit-tul; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tal-istandards u l-oqfsa;

20.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn is-setturi rilevanti sabiex jiġi promoss b'mod komprensiv il-wirt kulturali diġitalizzat; jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni dwar l-avvanz fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, li issa ġiet iffirmata minn kważi l-Istati Membri kollha;

21.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas komprensiv tal-UE b'finanzjament adegwat għall-protezzjoni u l-promozzjoni ta' wirt kulturali diġitalizzat u b'oriġini diġitali; jinnota l-ħtieġa ta' politiki nazzjonali għall-konservazzjoni b'deċiżjonijiet dwar l-għażla li jkunu bbażati fuq prinċipji ddefiniti b'mod ċar u li jitwettqu b'mod responsabbli; jinnota l-kontribut imprezzabbli li l-kuraturi diġitali jistgħu jagħtu biex jiżguraw li l-wirt kulturali diġitali jkun protett u jkun disponibbli għall-udjenzi Ewropej u globali f'diversi lingwi; jinnota b'interess il-bosta proġetti ta' diġitalizzazzjoni li diġà twettqu permezz tal-FEŻR, u jitlob li l-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss jippermetti li jkompli dan it-tip ta' finanzjament;

22.  Jitlob li jsir aġġornament komprensiv tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali, sabiex jiġu riflessi l-progress teknoloġiku u l-isfidi u l-opportunitajiet ta' dawn l-aħħar għaxar snin; iqis, madankollu, li l-enfasi fuq il-wirt diġitali ma għandhiex issir għad-detriment tal-ħarsien tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli eżistenti u tal-impjiegi relatati;

Potenzjal ekonomiku u sostenibbiltà

23.  Jenfasizza li s-settur tal-wirt kulturali jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku b'effetti konsegwenzjali notevoli f'setturi ekonomiċi oħra; itenni l-korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-wirt kulturali u l-iżvilupp sostenibbli;

24.  Jirrikonoxxi li t-turiżmu kulturali sostenibbli għandu potenzjal sinifikanti biex jiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, peress li erbgħa minn kull għaxar turisti diġà jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha; jisħaq, madankollu, li l-promozzjoni tat-turiżmu kulturali jeħtieġ li ssir b'mod inklużiv fir-rigward tal-komunitajiet u l-ekonomiji lokali u l-istili ta' ħajja u t-tradizzjonijiet, u jeħtieġ li tikseb bilanċ bejn ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali; jinnota li l-offerti tal-wirt kulturali jirkupraw biss sehem minimu tal-valur ekonomiku li jiġġeneraw, li jirrikjedu sorsi ġodda, alternattivi u stabbli ta' finanzjament sabiex ikomplu jaġixxu bħala katalizzaturi għat-turiżmu sostenibbli;

25.  Jirrimarka li l-eżistenza ta' siti ta' wirt kulturali tħeġġeġ lin-nies jivvjaġġaw u jitgħallmu dwar soċjetajiet u kulturi differenti; ifakkar li 72 % tal-parteċipanti ta' età bejn 15 u 24 sena, fi stħarriġ li kellhom, jaqblu li l-preżenza tal-wirt kulturali jista' jkollha influwenza fuq id-destinazzjoni għall-vaganza tagħhom; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol li jista' jkollha l-inizjattiva DiscoverEU; jinnota, madankollu, li l-inizjattiva ma kinitx ta' benefiċċju ugwali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi biex tinvolvi aħjar liż-żgħażagħ minn ambjenti soċjalment żvantaġġati u dawk minn żoni rurali u remoti tal-Istati Membri, kif ukoll minn Stati Membri mingħajr rabtiet ferrovjarji tajbin ma' pajjiżi oħra tal-UE;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi b'saħħithom biex jipprevjenu l-isfruttament żejjed tal-wirt kulturali, inkluż permezz ta' flussi ta' turisti ġestiti b'mod ħażin; iwissi kontra l-influwenza tal-interessi kummerċjali fuq terminu qasir li jirriskjaw li jimminaw l-awtentiċità tas-siti u l-prattiki kulturali u li jbaxxu l-kwalità tagħhom; jilqa' f'dan ir-rigward it-tnedija tal-programm Il-Wirt Kulturali fl-Azzjoni, li bis-saħħa tat-tagħlim bejn il-pari jgħin biex il-politiki dwar il-wirt kulturali fil-livell lokali u reġjonali jissaħħu; jisħaq fuq il-kapaċità tiegħu li jissorvelja u jappoġġja l-programm jekk dan ikun ta' suċċess;

27.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura biex jiġu promossi l-bliet u r-reġjuni, peress li bl-iżvilupp ta' qafas ekonomiku madwar il-proġetti kulturali, artistiċi u soċjali tagħhom, jintegraw il-kunċett ta' turiżmu sostenibbli u jtejbu l-patrimonju, it-tradizzjonijiet u l-innovazzjonijiet tanġibbli u intanġibbli tagħhom, għall-benefiċċju u l-apprezzament taċ-ċittadini Ewropej kollha u taċ-ċittadini lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa;

28.  Jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi biex jiġu mħeġġa l-ivvjaġġar lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa u popolari u lejn żoni rurali, kif ukoll l-ivvjaġġar matul l-istaġun b'domanda baxxa, sabiex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà fit-turiżmu, speċjalment għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollu l-FAEŻR fl-appoġġ tal-inizjattivi tat-turiżmu lokali, speċjalment permezz tal-programm LEADER; jitlob li dan il-programm ikun iffinanzjat b'mod adegwat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027;

29.  Jinsab mħasseb dwar l-impatt tat-tniġġis, il-vandaliżmu, is-serq, it-turiżmu ġestit b'mod ħażin u l-iżvilupp bla rażan, kif ukoll tat-tisħin globali u t-tibdil fil-klima fuq il-wirt kulturali, b'mod partikolari minħabba żieda fl-okkorrenzi ta' avvenimenti estremi tat-temp, inklużi xita torrenzjali, mewġiet ta' sħana, għargħar, nirien u riskju ta' riħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti biex jiġi kkonservat u protett il-wirt kulturali fid-dawl ta' dawn il-perikli naturali u kkawżati mill-bniedem;

30.  Jissottolinja r-rwol tas-soċjetà ċivili u l-importanza u l-valur tal-volontarjat għall-protezzjoni u anke l-iskoperta tal-wirt kulturali u jenfasizza l-importanza tiegħu, kif ukoll l-għarfien, l-għarfien espert u l-enerġija li l-voluntiera jġibu magħhom għall-kawża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw azzjonijiet f'dan ir-rigward; jinnota r-rwol li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jkollu biex jippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-konservazzjoni u r-rinnovazzjoni tal-wirt Ewropew u biex titqajjem sensibilizzazzjoni; jilqa' t-talba speċifika għall-wirt kulturali fl-ambitu ta' dik l-inizjattiva;

31.  Huwa mħasseb ukoll dwar it-theddid għall-wirt kulturali minħabba t-terroriżmu kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jikkundanna l-qerda tas-siti tal-wirt kulturali; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol aktar attiv fil-promozzjoni tar-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali madwar id-dinja;

32.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tinkludi l-protezzjoni tal-wirt kulturali bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni;

33.  Itenni li t-traffikar illeċitu u l-kummerċ ta' artefatti kulturali, inkluż permezz ta' mezzi diġitali, huwa kwistjoni serja b'dimensjoni globali li tirrikjedi azzjoni kkoordinata mhux biss fost l-Istati Membri, iżda wkoll fuq livell internazzjonali; jirrimarka li kwalunkwe riflessjoni dwar il-wirt Ewropew trid tagħti ħarsa ġdida lejn xogħlijiet u oġġetti kulturali li ġew issakkeġġjati, misruqa jew miksuba illegalment matul il-gwerer; itenni l-appoġġ tiegħu għall-promozzjoni attiva tar-riċerka tal-provenjenza fil-kuntest tal-EYCH;

Lejn approċċ strateġiku għall-wirt kulturali

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar integrat fir-rigward tal-wirt kulturali, filwaqt li tagħti trattament ugwali għall-patrimonju tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali u tittratta dawn id-dimensjonijiet bħala interkonnessi u inseparabbli;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita u appoġġjata b’mod xieraq pjattaforma permanenti, bis-soċjetà ċivili organizzata fil-qalba tagħha, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politiki tal-wirt kulturali fil-livelli kollha, b’mod partikolari fil-livell tal-UE;

36.  Jirrikonoxxi l-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali; jisħaq li l-azzjonijiet inklużi fil-Qafas jeħtieġ li jiġu ssodisfati u appoġġjati b'riżorsi adegwati;

37.  Huwa tal-fehma li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji rilevanti kkummissjonati mill-Kummissjoni għandhom ikunu riflessi fl-azzjonijiet tagħha għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali;

38.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' portal uniku tal-UE li għandu jingħata l-isem "Sir af l-Ewropa", li jiġbor flimkien informazzjoni mill-programmi kollha tal-UE li jiffinanzjaw il-wirt kulturali, flimkien mal-istabbiliment ta' approċċ komuni fil-Kummissjoni permezz ta' kooperazzjoni mtejba fl-oqsma ta' politika differenti relatati mal-wirt kulturali;

39.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħidma ta' komunikazzjoni dwar iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew mhijiex żviluppata biżżejjed u jitlob li jingħata appoġġ biex jiġi stabbilit network tas-siti kkonċernati; jemmen li l-postijiet li diġà ngħataw dan iċ-ċertifikat jeħtieġ jiġu promossi u offruti appoġġ loġistiku;

40.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikulari l-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiġu kkoordinati aħjar l-isforzi u l-istandards komuni biex jiġi kkonservat u promoss il-wirt kulturali u jsir skambju tal-aħjar prattiki;

41.  Jinnota li kważi tliet kwarti tal-Ewropej mistħarrġa jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jallokaw aktar riżorsi għall-wirt kulturali; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE għall-attivitajiet marbuta mal-wirt kulturali;

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar finanzjament għall-wirt kulturali u l-kultura b'mod aktar wiesa' fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' wara l-2020; itenni t-talba tiegħu biex il-baġit għall-programm Ewropa Kreattiva jiġi rdoppjat u biex il-baġit għall-programm Erasmus+ fil-QFP li jmiss jiżdied bit-triplu; jenfasizza l-potenzjal ta' Ewropa Kreattiva biex jibni rabtiet bejn l-arti ħajja u l-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli; jitlob li tissaħħaħ l-allokazzjoni tal-baġit għar-riċerka dwar il-wirt f'Orizzont Ewropa; jinnota l-ħtieġa ta' sinerġiji bejn politiki settorjali oħra kif ukoll il-fondi strutturali, id-diversi programmi tal-Unjoni, inklużi Orizzont Ewropa, Ewropa Kreattiva u LIFE, u l-iskemi ta' finanzjament, sabiex il-wirt kulturali jingħata tassew prominenza; jinnota l-importanza li jiżdied il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fir-rigward tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-investiment fl-infrastruttura tat-turiżmu kulturali u sostenibbli għandu jitqies bħala investiment fuq skala żgħira u eliġibbli għall-appoġġ fejn il-kofinanzjament tal-FEŻR ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun, u li fejn l-infrastruttura titqies bħala wirt kulturali dinji, il-limitu massimu għandu jiżdied għal EUR 20 miljun;

43.  Jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jinkludi azzjonijiet biex jiġi mitigat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-wirt kulturali u jirrikonoxxi li l-wirt kulturali jista' jkollu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri tas-sostenibbiltà fil-klima permezz tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-adattament mill-ġdid tal-prattiki tradizzjoni sostenibbli Ewropej;

44.  Jilqa' r-rispons rapidu u l-espressjoni ta' solidarjetà mis-setturi kulturali u kreattivi matul il-kriżi tal-COVID-19 billi għamlu l-wirt kulturali disponibbli online b'mod wiesa' u liberu għall-pubbliku; jinsab imħasseb dwar l-impatt kbir ħafna li l-konsegwenzi tal-COVID-19 se jkollhom fuq il-wirt kulturali u s-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi komprensiva tal-impatt tal-pandemija fuq is-setturi rilevanti u b'mod partikolari s-settur tal-wirt kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju adegwat u mmirat biex tittaffa l-kriżi f'dawn is-setturi u biex jgħinu lill-persuni impjegati fihom, inkluż l-aċċess għall-benefiċċji soċjali għal dawk f'forom ta' impjieg mhux standard;

45.  Jitlob li jsiru sforzi akbar biex jinbena fuq il-momentum tal-EYCH bil-għan li din tiġi żviluppata f'eredità politika dejjiema fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, peress li dan min-naħa tiegħu jagħti kontribut ekonomiku, kulturali u soċjali pożittiv u jgħin biex jiżviluppa s-sens ta' appartenenza għall-ispazju kulturali Ewropew għall-Ewropej kollha, kif ukoll dak ta' responsabbiltà kondiviża għall-konservazzjoni, l-arrikkiment u l-promozzjoni tal-wirt kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li torganizza Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali oħra fil-futur;

46.  Jitlob li d-dimensjoni kulturali tal-integrazzjoni Ewropea, inkluż il-wirt, tiġi inkluża fis-suġġetti strateġiċi biex jiġu diskussi fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa li jmiss;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) https://en.unesco.org/creativity/convention.
(2) http://whc.unesco.org/archive/convention-en.pdf.
(3) https://ich.unesco.org/doc/src/2003_Convention_Basic_Texts-_2018_version-EN.pdf.
(4) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000126065.locale=en.
(5) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000082464.locale=en.
(6) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000133378.locale=en.
(7) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1.
(8) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.
(9) Testi adottati, P9_TA(2019)0021.
(10) ĠU C 463, 23.12.2014, p. 1.
(11) ĠU C 193, 11.7.2000, p. 1.
(12) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36.
(13) ĠU C 196, 8.6.2018, p. 20.
(14) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/0900001680083746.
(15) https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/80882.
(16) ĠU C 195, 12.6.2015, p. 22.
(17) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1.
(18) ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.
(19) https://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=58564.
(20) https://davosdeclaration2018.ch/media/Brochure_Declaration-de-Davos-2018_WEB_2.pdf.
(21) https://www.ace-cae.eu/uploads/tx_jidocumentsview/LEEUWARDEN_STATEMENT_FINAL_EN-NEW.pdf
(22) https://www.diplomatie.gouv.fr/en/french-foreign-policy/europe/news/article/declaration-adopted-during-the-informal-meeting-of-european-union-member-state.
(23) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/090000168006457e.
(24) https://www.europanostra.org/wp-content/uploads/2018/09/Berlin-Call-Action-Eng.pdf
(25) https://www.europanostra.org/wp-content/uploads/2019/11/Paris-Manifesto_English.pdf
(26) http://blogs.encatc.org/culturalheritagecountsforeurope/wp-content/uploads/2015/06/CHCfE_FULL-REPORT_v2.pdf.
(27) https://onedrive.live.com/?authkey=%21ALGmRQscySOLV5Q&cid=19E1928B8C6B7F5A&id=19E1928B8C6B7F5A%21157090&parId=19E1928B8C6B7F5A%21105860&o=OneUp
(28) https://op.europa.eu/portal2012-portlet/html/downloadHandler.jsp?identifier=8fe9ea60-4cea-11e8-be1d-01aa75ed71a1&format=pdf&language=en&productionSystem=cellar&part=.
(29) http://openarchive.icomos.org/2083/1/European_Qualit/y_Principles_2019_EN.PDF.
(30) https://www.icomos.org/charters/venice_e.pdf.
(31) https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=090000168007a087.
(32) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/090000168007bd25.
(33) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/research_and_innovation/strategy_on_research_and_innovation/presentations/horizon_europe_en_investing_to_shape_our_future.pdf.
(34) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(35) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(36) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(37) ĠU L 433, 23.12.20139 p. 42
(38) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 13.
(39) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 52.
(40) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(41) Kalkoli bbażati fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Population_and_population_change_statistics.
(42) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52019DC0548&from=MT., p. 4.
(43) https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/80882 , p. 68.


Intelliġenza Artifiċjali: kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt internazzjonali
PDF 206kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2021 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali: kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fil-livell li fih l-UE hija affettwata fl-oqsma tal-użi ċivili u militari u tal-awtorità tal-Istat barra l-ambitu tal-ġustizzja kriminali (2020/2013(INI))
P9_TA(2021)0009A9-0001/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 2, 3, 10, 19, 20, 21, 114,167, 218, 225 u 227 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dritt għall-petizzjoni inkluż fl-Artikoli 20 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (Id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (GDPR)(3), u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Frar 2020 intitolata "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' April 2019 tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali mwaqqaf mill-Kummissjoni f'Ġunju 2018, intitolat "Linji gwida dwar l-etika għal IA affidabbli",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Etika dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u l-ambjent tagħhom, adottata mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kwalità tal-Ġustizzja (CEPEJ-GT-QUAL) f'Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-Intelliġenza Artifiċjali adottata fit-22 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0001/2021),

Introduction

A.  billi l-intelliġenza artifiċjali (IA), ir-robotika u t-teknoloġiji relatati qed jiġu żviluppati b'rata mgħaġġla, u għandhom impatt dirett fuq l-aspetti kollha tas-soċjetajiet tagħna, inklużi prinċipji u valuri soċjali u ekonomiċi bażiċi;

B.  billi l-IA qed tikkawża rivoluzzjoni fid-duttrina u t-tagħmir militari permezz ta' bidla profonda fil-mod ta' kif joperaw l-armati, prinċipalment minħabba l-integrazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda u kapaċitajiet awtonomi;

C.  billi l-iżvilupp u t-tfassil tal-hekk imsejħa "intelliġenza artifiċjali", tar-robotika u t-teknoloġiji relatati jsiru mill-bnedmin, u l-għażliet tagħhom jiddeterminaw il-potenzjal tat-teknoloġija li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà;

D.  billi qafas komuni tal-Unjoni jrid ikopri l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, u jrid jiżgura r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà partikolari li jiżguraw li l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati – peress li jistgħu jintużaw b'mod transfruntier – ikunu ċċentrati fuq il-bniedem, jiġifieri bażikament maħsuba għall-użu fis-servizz tal-umanità u l-ġid komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-benessri u l-interess ġenerali taċ-ċittadini tagħhom; billi l-Unjoni għandha tgħin lill-Istati Membri jiksbu dan, b'mod partikolari dawk li bdew jirriflettu dwar l-iżvilupp possibbli ta' standards legali jew bidliet leġiżlattivi f'dan il-qasam;

F.  billi ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibbenefikaw minn approċċ regolatorju xieraq, effikaċi, trasparenti u koerenti fil-livell tal-Unjoni li jiddefinixxi kundizzjonijiet ċari biżżejjed għall-kumpaniji biex jiżviluppaw l-applikazzjonijiet u jippjanaw il-mudelli tan-negozju tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jżommu l-kontroll fuq ir-regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti, sabiex ma jkunux imġiegħla jadottaw jew jaċċettaw standards stabbiliti minn oħrajn;

G.  billi gwida etika, bħall-prinċipji adottati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tipprovdi punt ta' tluq tajjeb iżda mhijiex biżżejjed biex tiżgura li n-negozji jaġixxu b'mod ġust u jiggarantixxu l-protezzjoni effettiva tal-individwi;

H.  billi din ir-responsabbiltà partikolari timplika ħtieġa li jiġu analizzati kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt internazzjonali b'rabta mal-parteċipazzjoni attiva tal-UE f'negozjati internazzjonali, fil-livell li fih l-UE hija affettwata fl-oqsma tal-użi ċivili u militari ta' dan it-tip ta' IA, robotika u teknoloġiji relatati, u kwistjonijiet tal-awtorità tal-istat fuq dawn it-teknoloġiji jinsabu barra l-ambitu tal-ġustizzja kriminali;

I.  billi huwa essenzjali li jiġi pprovdut qafas legali xieraq u komprensiv għall-aspetti etiċi ta' dawn it-teknoloġiji kif ukoll għall-imputabbiltà, it-trasparenza u l-obbigu ta' rendikont (b'mod partikolari għall-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati meqjusa li huma ta' riskju għoli); billi dan il-qafas irid jirrifletti li l-valuri umanisti intrinsikament Ewropej u universali huma applikabbli għall-katina tal-valur kollha fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użi tal-IA; billi dan il-qafas etiku jrid japplika għall-iżvilupp (inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni), l-iskjerament u l-użu tal-IA, b'rispett sħiħ għad-dritt tal-Unjoni u l-valuri stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

J.  billi l-għan ta' din l-analiżi huwa li tinvestiga l-punt sa fejn ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku u privat u d-dritt tal-UE huma adatti biex jittrattaw dawn it-teknoloġiji, u li titfa' dawl fuq l-isfidi u r-riskji li dawn tal-aħħar jippreżentaw għall-awtorità tal-istat, sabiex ikunu jistgħu jiġu ġestiti sew u b'mod proporzjonat;

K.  billi l-Kummissjoni Ewropea ma tqisx l-aspetti militari tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-White Paper tagħha;

L.  billi approċċ armonizzat Ewropew għal dawn il-problemi jitlob definizzjoni komuni tal-IA, u għal passi biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-leġiżlazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati;

M.  billi l-IA qed tipprovdi opportunitajiet mingħajr preċedent biex tittejjeb il-prestazzjoni fis-settur tat-trasport billi tindirizza l-isfidi tad-domanda dejjem akbar għall-ivvjaġġar, it-tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent, filwaqt li trendi l-modi kollha tat-trasport aktar intelliġenti, aktar effiċjenti u aktar konvenjenti;

N.  billi l-indirizzar tal-IA fid-difiża fil-livell tal-UE huwa indispensabbli għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE f'dan is-settur;

Id-definizzjoni ta' intelliġenza artifiċjali

1.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi adottat qafas legali Ewropew komuni b'definizzjonijiet armonizzati u prinċipji etiċi komuni, inkluż l-użu tal-IA għal skopijiet militari; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta d-definizzjonijiet li ġejjin:

   "sistema tal-IA" tfisser sistema li jew hija bbażata fuq software jew inkorporata f'tagħmir tal-hardware, u li turi mġiba li tissimula l-intelliġenza billi, fost l-oħrajn, tiġbor u tipproċessa d-data, tanalizza u tinterpreta l-ambjent tagħha, u billi tieħu azzjoni, b'ċertu livell ta' awtonomija, biex tikseb għanijiet speċifiċi;
   "awtonoma/u" tfisser sistema tal-IA li taħdem billi tinterpreta ċertu input, u billi tuża ġabra ta' istruzzjonijiet predefiniti, mingħajr ma tkun limitata għal dawn l-istruzzjonijiet, minkejja li l-imġiba tas-sistema hija limitata mill-għan mogħti lilha u hija mmirata li tilħaq dan l-għan u għażliet rilevanti oħra tad-disinn magħmula mill-iżviluppaturi tagħha;

2.  Jenfasizza li l-politiki ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma ggwidati mill-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tan-NU, li titlob lill-Istati kollha biex joqogħdu lura milli jheddu u jużaw il-forza fir-relazzjonijiet tagħhom ma' xulxin, kif ukoll mid-dritt internazzjonali, mill-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u minn fehim komuni tal-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-persuna umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt; jenfasizza li l-attivitajiet kollha relatati mad-difiża fil-qafas tal-Unjoni jridu jirrispettaw dawn il-valuri universali filwaqt li jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja;

Id-dritt internazzjonali pubbliku u l-użi militari tal-intelliġenza artifiċjali

3.  Iqis li l-IA użata f'kuntest militari u ċivili trid tkun soġġetta għal kontroll uman sinifikattiv, sabiex f'kull waqt ikun hemm bniedem li jkollu l-mezzi biex jikkoreġiha, iwaqqafha jew jiddiżattivaha f'każ ta' mġiba mhux prevista, intervent aċċidentali, attakki ċibernetiċi jew indħil minn partijiet terzi fit-teknoloġija bbażata fuq l-IA jew fejn partijiet terzi jakkwistaw tali teknoloġija;

4.  Iqis li r-rispett għad-dritt pubbliku internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt umanitarju, li japplika b'mod inekwivoku għas-sistemi kollha tal-armi u għall-operaturi tagħhom, huwa rekwiżit fundamentali li l-Istati Membri jridu jikkonformaw miegħu, speċjalment meta jipproteġu l-popolazzjoni ċivili jew jieħdu miżuri ta' prekawzjoni f'każ ta' attakk bħal pereżempju aggressjoni militari jew gwerra ċibernetika;

5.  Jenfasizza li l-IA u t-teknoloġiji relatati jista' jkollhom ukoll rwol fi gwerer irregolari jew mhux konvenzjonali; jissuġġerixxi li r-riċerka, l-iżvilupp u l-użu tal-IA f'każijiet bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-użu f'kunflitti konvenzjonali;

6.  Jenfasizza li l-użu tal-IA jipprovdi opportunità biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha, u li huwa essenzjali għall-UE li tadotta approċċ integrat f'dibattiti internazzjonali futuri dwar dan is-suġġett;

7.  Jistieden lill-komunità tar-riċerka tal-IA tintegra dan il-prinċipju fis-sistemi kollha mħaddma bl-IA msemmija iktar 'il fuq li huma maħsuba għal użu militari; iqis li l-ebda awtorità ma tista' tistabbilixxi eċċezzjonijiet għal dawk il-prinċipji jew tiċċertifika sistema bħal din;

8.  Itenni li t-teħid awtonomu tad-deċiżjonijiet m'għandux jeżenta lill-bnedmin mir-responsabbiltà, u li n-nies jeħtieġ li dejjem ikollhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-bniedem responsabbli għad-deċiżjoni jkun jista' jiġi identifikat;

9.  Jenfasizza li waqt l-użu tal-IA f'kuntest militari, l-Istati Membri, il-partijiet f'kunflitt u l-individwi jridu dejjem jaderixxu mal-obbligi tagħhom fl-ambitu tad-dritt internazzjonali applikabbli u jieħdu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta' dawn is-sistemi; jissottolinja li fiċ-ċirkostanzi kollha, l-azzjonijiet u l-effetti antiċipati, aċċidentali jew mhux mixtieqa tas-sistemi bbażati fuq l-IA jeħtieġ li jitqiesu bħala r-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-partijiet f'kunflitt u l-individwi;

10.  Jilqa' l-possibbiltajiet għall-użu ta' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali għat-taħriġ u l-eżerċizzji, li l-potenzjal tagħhom m'għandux jiġi sottovalutat, speċjalment minħabba li l-UE twettaq eżerċizzji ta' natura doppja ċivili u militari;

11.  Jenfasizza li matul il-fażijiet tad-disinn, l-iżvilupp, l-ittestjar, l-iskjerament u l-użu ta' sistemi mħaddma bl-IA, jeħtieġ li jitqiesu s-sogri potenzjali fi kwalunkwe ħin, b'attenzjoni partikolari għall-vittmi kollaterali fost il-popolazzjoni ċivili, it-telf aċċidentali ta' ħajjiet, u l-ħsara għall-infrastruttura ċivili, kif ukoll is-sogri relatati mal-involviment mhux intenzjonat, il-manipulazzjoni, il-proliferazzjoni, l-attakki ċibernetiċi, l-interferenza minn partijiet terzi ma' teknoloġija awtonoma bbażata fuq l-IA, jew fejn partijiet terzi jakkwistaw tali teknoloġija;

12.  Ifakkar li skont l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1996, il-prinċipju tal-oriġinalità ma jistax jiġi ċċitat b'appoġġ għal xi deroga rigward il-konformità man-normi attwali tad-dritt umanitarju internazzjonali;

13.  Iqis li, minbarra l-operazzjonijiet ta' appoġġ, l-IA se tkun ta' benefiċċju wkoll għall-persunal tas-servizzi tal-forzi armati permezz tal-ipproċessar tal-massa tad-data dwar saħħithom u l-espansjoni tal-monitoraġġ tas-saħħa, se tidentifika l-fatturi ta' riskju relatati mal-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tipproponi salvagwardji xierqa biex jiġu limitati l-impatti fuq is-saħħa tal-persunal tas-settur tas-servizzi;

14.  Itenni li l-isforzi regolatorji jeħtieġ li jiġu appoġġati minn skemi xierqa ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza, kif ukoll mekkaniżmi ċari ta' awditjabbiltà, spjegabbiltà, obbligu ta' rendikont u traċċabbiltà, sabiex il-qafas regolatorju ma jsirx antikwat minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi.

15.  Jenfasizza l-importanza, f'dinja iperkonnessa, tal-involviment tal-Unjoni Ewropea fil-ħolqien ta' qafas legali internazzjonali għall-użu tal-intelliġenza artifiċjali: iħeġġeġ lill-UE tieħu rwol mexxej u tassumi, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti u l-komunità internazzjonali, rwol attiv fil-promozzjoni ta' dan il-qafas dinji li jirregola l-użu tal-IA għal skopijiet militari u skopijiet oħra, filwaqt li tiżgura li dan l-użu jibqa' fil-limiti stretti stabbiliti mid-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tat-12 ta' Awwissu 1949; jenfasizza li dan il-qafas jeħtieġ li qatt ma jikser jew jippermetti l-ksur tad-dettati tal-kuxjenza pubblika u l-umanità kif iddikjarat fil-klawżola Martens, u jkun konformi mar-regoli tas-sikurezza u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiddefinixxu sistemi robusti ta' sorveljanza u evalwazzjoni għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-IA, b'mod partikolari dawk użati għal skopijiet militari fi stati awtoritarji;

16.  Jenfasizza li r-robotika mhux biss se tippermetti lill-persunal militari jibqa' 'l bogħod, iżda se tipprovdi wkoll awtoprotezzjoni aħjar, pereżempju f'operazzjonijiet f'ambjenti kkontaminati, fit-tifi tan-nar, fit-tneħħija tal-mini fuq l-art jew fil-baħar, u fid-difiża kontra l-qatgħat ta' droni;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp, l-introduzzjoni, l-użu u l-ġestjoni tal-IA jridu jirrispettaw id-drittijiet, il-valuri u l-libertajiet fundamentali minquxa fit-Trattati tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jintroduċu sistemi tal-IA b'riskju għoli li jkunu ta' theddida għad-drittijiet fundamentali; jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u jinkoraġġixxi riċerka aktar profonda dwar ir-riskju potenzjali għad-drittijiet fundamentali li jirriżulta mill-użu tal-IA mill-awtoritajiet tal-istat u mill-aġenziji, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita r-riċerka u d-diskussjoni dwar l-opportunitajiet għall-użu tal-IA f'għajnuna f'każ ta' diżastru, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u ż-żamma tal-paċi;

19.  Jilqa' l-ħolqien ta' Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE) tan-NU dwar il-Promozzjoni ta' imġiba responsabbli tal-Istati fiċ-ċiberspazju fil-kuntest tas-sigurtà internazzjonali, u jistieden lill-UE tipparteċipa bis-sħiħ fil-ħidma tiegħu;

20.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) iwitti t-triq għal negozjati dinjija bil-ħsieb li jiġi stabbilit reġim ta' kontroll tal-armi tal-IA u jiġu aġġornati l-istrumenti kollha eżistenti tat-trattat dwar il-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni sabiex jitqiesu s-sistemi mħaddma bl-IA li jintużaw fil-gwerer; jitlob li l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġiji u tagħmir militari tqis u tkopri għalkollox is-sistemi ta' armi mħaddma bl-IA;

21.  Itenni li dawn ir-regoli jridu dejjem ikunu konsistenti mal-prinċipji msemmija fil-Konvenzjoni ta' Ruma tas-17 ta' Lulju 1998 rigward il-projbizzjoni tad-delitti ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra;

22.  Jindika s-sogri ċari involuti f'deċiżjonijiet meħuda mill-bnedmin jekk dawn jiddependu biss fuq id-data, il-profili u r-rakkomandazzjonijiet iġġenerati mill-magni; jinnota li d-disinn ġenerali tas-sistemi tal-IA għandu jinkludi wkoll linji gwida dwar is-sorveljanza u s-superviżjoni tal-bniedem; jitlob li jiġi impost obbligu rigward it-trasparenza u l-ispjegabbiltà tal-applikazzjonijiet, u l-ħtieġa ta' intervent mill-bniedem, kif ukoll miżuri oħra, bħal awditi indipendenti u testijiet tal-istress speċifiċi biex tiġi faċilitata u infurzata l-konformità; jenfasizza li tali awditi għandhom jitwettqu perjodikament minn awtorità indipendenti li għandha tissorvelja l-applikazzjonijiet tal-IA b'riskju għoli użati mill-awtoritajiet tal-istat jew mill-militar;

23.  Jenfasizza l-importanza li jiġi vverifikat kif it-teknoloġiji tal-IA b'riskju għoli jaslu għad-deċiżjonijiet; Ifakkar li jeħtieġ jiġu rrispettati l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u proporzjonalità u li jeħtieġ li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet ta' kawżalità, imputabbiltà u responsabbiltà, kif ukoll dawk ta' trasparenza, obbligu ta' rendikont u spjegabbiltà, biex jiġi ddeterminat jekk, u sa liema punt, l-istat, bħala attur fid-dritt internazzjonali pubbliku iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-awtorità proprja, jistax jaġixxi bl-għajnuna ta' sistemi bbażati fuq l-IA b'ċerta awtonomija, mingħajr ma jikser l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, bħal pereżempju dak ta' proċess ġust;

24.  Jinsisti dwar l-importanza li jsir investiment fil-ħiliet tal-bniedem, inklużi l-ħiliet diġitali, sabiex dawn jiġu adattati għall-progress xjentifiku li jinvolvi soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA għal individwi li jeżerċitaw professjonijiet regolati, inklużi attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-istat, bħall-amministrazzjoni tal-ġustizzja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu dan debitament bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE(11);

25.  Jinsisti li s-sistemi tal-IA jridu dejjem jikkonformaw mal-prinċipji ta' responsabbiltà, ekwità, governabbiltà, prekawzjoni, obbligu ta' rendikont, imputabbiltà, prevedibbiltà, traċċabbiltà, affidabbiltà, sigurtà tal-funzjonament, trasparenza, spjegabbiltà, il-kapaċità li jiġu identifikati bidliet possibbli fiċ-ċirkostanzi u fl-ambjent operattiv, id-distinzjoni bejn kombattenti u mhux kombattenti, u l-proporzjonalità; jenfasizza li dan il-prinċipju tal-aħħar jagħmel il-legalità ta' azzjoni militari kondizzjonali fuq bilanċ bejn l-objettiv imfittex u l-mezzi użati, u li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità trid issir dejjem minn persuna umana;

26.  Jenfasizza li meta jintużaw sistemi mħaddma bl-IA fis-sigurtà u d-difiża, huma meħtieġa l-fehim komprensiv tas-sitwazzjoni mill-operatur uman, il-prevedibbiltà, l-affidabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema mħaddma bl-IA, kif ukoll il-kapaċità tal-operatur uman li jagħraf tibdil possibbli fiċ-ċirkostanzi u l-ambjent operazzjonali u l-kapaċità tiegħu li jintervjeni jew iwaqqaf attakk biex jiġi żgurat li l-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari d-distinzjoni, il-proporzjonalità u l-prekawzjoni f'attakk, jiġu applikati b'mod sħiħ fil-katina kollha ta' kmand u ta' kontroll; jenfasizza li s-sistemi mħaddma bl-IA jridu jippermettu lill-umani fil-kmand jeżerċitaw kontroll sinifikattiv, jassumu r-responsabbiltà sħiħa fuq is-sistemi u jkollhom l-obbligu ta' rendikont għall-użi kollha tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni trawwem djalogu, kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġiji bejn l-Istati Membri, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-atturi tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, b'mod partikolari l-kumpaniji ewlenin, u l-militar, biex tiżgura li l-proċessi ta' tfassil ta' politika għal regolamenti tal-IA relatati mad-difiża jkunu inklużivi;

27.  Jenfasizza li l-Parlament talab għall-abbozzar u l-adozzjoni urġenti ta' pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS), li tipprevjeni l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' LAWS li kapaċi jattakkaw mingħajr kontroll uman sinifikattiv, kif ukoll il-bidu ta' negozjati effettivi għall-projbizzjoni tagħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi; ifakkar li t-terminu "Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali" (LAWS) jirreferi għal sistemi ta' armi mingħajr kontroll uman sinifikattiv fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-immirar u l-attakkar ta' objettivi individwali; jenfasizza li d-deċiżjoni li jingħażel objettiv u li tittieħed azzjoni letali permezz ta' sistemi ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija dejjem trid tittieħed minn operaturi umani li jeżerċitaw kontroll sinifikattiv, sorveljanza u l-ġudizzju meħtieġ f'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità; jenfasizza li s-sistemi mħaddma bl-IA ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jitħallew jissostitwixxu t-teħid ta' deċiżjonijiet uman f'dan il-qasam;

28.  Jinnota, barra minn hekk, li s-sistemi ta' armi awtonomi, bħala kategorija partikolari tal-IA fil-qasam militari, għandhom jiġu diskussi u jsir qbil fuqhom fil-livell internazzjonali, b'mod speċifiku fil-forum tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali tan-NU; jiġbed l-attenzjoni għad-dibattitu internazzjonali li għaddej bħalissa dwar il-LAWS biex jiġu regolati t-teknoloġiji militari emerġenti, li s'issa ma rnexxilux jilħaq ftehim; jirrimarka li kien biss reċentement li l-UE qablet li tiddiskuti l-effetti tal-iżviluppi tal-IA u d-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tad-difiża; jemmen li l-UE tista' taqdi rwol kruċjali biex tgħin lill-Istati Membri jarmonizzaw l-approċċ tagħhom fir-rigward tal-IA militari, sabiex imexxu d-diskussjonijiet internazzjonali;

29.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' strateġija għall-UE kollha kontra l-LAWS u projbizzjoni fuq l-hekk imsejħa "robots qattiela";

30.  Jenfasizza li l-IA użata f'kuntest militari jeħtieġ li tissodisfa sett minimu ta' rekwiżiti, jiġifieri għandha tkun kapaċi tiddistingwi bejn kombattenti u mhux kombattenti, u kombattenti fil-kamp tal-battalja, tagħraf li kombattent ikun ċeda jew hors de combat (mhux f'kundizzjoni li jiġġieled), ma jkollhiex effetti indiskriminati, ma tikkawżax tbatija umana bla bżonn, ma tkunx preġudikata jew imħarrġa fuq data intenzjonalment mhux kompluta, u tikkonforma mal-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali, il-proporzjonalità fl-użu tal-forza u l-prekawzjoni qabel l-intervent;

31.  Iqis li l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali jqajjem mistoqsijiet etiċi u legali fundamentali dwar il-ħila tal-bnedmin li jikkontrollaw dawn is-sistemi, u jirrikjedi li t-teknoloġija bbażata fuq l-IA ma tkunx tista' tieħu deċiżjonijiet awtonomi li jinvolvu l-prinċipji legali ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni;

32.  Jitlob miżuri trasparenti ta' tnaqqis tar-riskju fil-livell internazzjonali għall-iżvilupp u l-użu tal-IA militari, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tal-integrità territorjali, in-nuqqas ta' intervent u l-użu tal-forza; jisħaq fuq l-importanza li jitqiesu l-aspetti militari fl-indirizzar tal-kwistjonijiet legali u etiċi fil-qafas Ewropew dwar l-IA; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar projbizzjoni fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' LAWS; jiddispjaċih li ma teżisti l-ebda konvenzjoni dinjija espliċita dwar l-użu ta' dawn l-armi;

33.  Jirrikonoxxi li d-dinamiki moderni tat-tlielaq tal-armi jirriżultaw mill-fatt li l-istati nazzjon militari ewlenin jiżviluppaw LAWS li qed jissuperaw il-progress u l-applikazzjoni u l-infurzar b'mod effettiv u universali tar-regoli u l-oqfsa legali komuni minħabba li l-informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-iskjerar ta' dawn is-sistemi hija klassifikata, u l-istati nazzjon għandhom interess inerenti li joħolqu l-kapaċitajiet offensivi l-aktar rapidi u l-aktar effettivi, irrispettivament minn oqfsa jew prinċipji legali attwali jew futuri potenzjali;

34.  Iqis li l-LAWS għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar alternattiva, u huma legali biss jekk ikunu soġġetti għal kontroll uman strett, u dment li bniedem ikun jista' jieħu l-kmand fi kwalunkwe ħin, peress li intervent u superviżjoni sinifikanti mill-bniedem huma essenzjali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet letali, u peress li l-bnedmin dejjem għandhom ikunu responsabbli f'każ ta' deċiżjoni bejn ħajja u mewt; jemmen li s-sistemi mingħajr ebda kontroll uman ("human off the loop") u mingħajr sorveljanza umana jridu jiġu pprojbiti mingħajr ebda eċċezzjoni u fiċ-ċirkostanzi kollha;

35.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jiżviluppaw u jadottaw, bħala kwistjoni ta' urġenza, pożizzjoni komuni dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikattiv fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi, inkluż waqt l-iskjerar, biex jitkellmu b'leħen wieħed fil-fora rilevanti u jaġixxu b'dan il-mod; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill jikkondividu l-aħjar prattiki u jiksbu l-input mingħand esperti, akkademiċi u s-soċjetà ċivili, kif rifless fil-pożizzjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi, li tiddikjara li l-attakki għandhom dejjem jitwettqu b'intervent uman sinifikanti;

36.  Iħeġġeġ lill-istati kollha jwettqu valutazzjoni ta' jekk, l-apparati militari awtonomi jkunux ikkontribwew għas-sigurtà nazzjonali tagħhom, u jekk iva, dwar kif ikunu għamlu dan, u valutazzjoni ta' x'tista' tikseb is-sigurtà nazzjonali tagħhom minn sistemi ta' armi mħaddma bl‑IA, b'mod partikolari mill-potenzjal ta' tali teknoloġiji biex jiġi appoġġat u msaħħaħ it-teħid ta' deċiżjonijiet uman f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-prinċipji tiegħu; ifakkar li kwalunkwe LAWS jew arma b'livell għoli ta' awtonomija tista' taħdem ħażin minħabba żball fil-programm jew minħabba attakk ċibernetiku mwettaq minn stat għadu jew minn attur mhux statali;

37.  Jinsisti li l-LAWS għandhom jintużaw biss f'każijiet definiti b'mod ċar u skont proċeduri ta' awtorizzazzjoni stabbiliti minn qabel u fid-dettall f'dokumenti li l-istat ikkonċernat, kemm jekk jagħmel parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana kif ukoll jekk le, jiggarantixxi l-aċċess għalihom lill-pubbliku, jew tal-inqas, lill-parlament nazzjonali tiegħu;

38.  Iqis li l-LAWS iridu jikkonformaw mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-10 ta' Ottubru 1980 dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, inkluża l-projbizzjoni ta' armi li jagħmlu "ħsara eċċessiva";

39.  Jissuġġerixxi, għall-prevenzjoni tat-tixrid bla kontroll tal-LAWS, li dawn għandhom jitniżżlu fil-lista ta' armi soġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tat-2 ta' April 2013, fl-Artikolu 2 ta' dan it-Trattat;

40.  Jitlob li l-antropomorfizzazzjoni tal-LAWS tiġi projbita, sabiex tiġi eliminata kwalunkwe konfużjoni bejn persuna umana u robot;

41.  Jilqa' l-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament biex armi awtonomi letali "mingħajr il-possibbiltà ta' kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jsiru attakki" jiġu esklużi minn azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża (European Defence Fund - EDF); ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni ta' LAWS mingħajr kontroll uman sinifikattiv mhumiex eliġibbli għal finanzjament fl-ambitu tal-EDF;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka, l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-IA għall-preservazzjoni tal-paċi u għall-prevenzjoni tal-kunflitti;

43.  Jinnota li l-ekosistema globali tal-IA hija ddominata minn ġganti diġitali Amerikani u Ċiniżi, li qed jiżviluppaw kapaċitajiet domestiċi u jixtru ħafna kumpaniji promettenti; isostni b'qawwa, għalhekk, li sabiex tevita li tibqa' lura fir-rigward tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali, l-UE jeħtieġ li timxi lejn bilanċ aħjar bejn ir-riċerka bażika u l-applikazzjonijiet industrijali, filwaqt li tiżviluppa vantaġġi strateġiċi komparattivi billi tkompli tibni l-potenzjal u r-riżorsi tagħha stess;

44.  Jenfasizza li dment li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' makkinarju stipulata fid-Direttiva 2006/42/KE(12), ir-robots għandhom jiġu ddisinjati u mmuntati f'konformità mal-istandards u l-miżuri ta' sikurezza previsti fiha;

45.  Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi, u jitlob li jikber ir-rwol tagħha fl-isforzi dinjija għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni, u li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu favur il-preżervazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili u tal-infrastruttura ċivili;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat l-impatt potenzjali tal-IA bħala fattur strateġiku għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE, speċjalment f'missjonijiet u operazzjonijiet militari u ċivili, u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE;

47.  Ifakkar li l-alleati tagħna fi ħdan l-oqsfa nazzjonali, tan-NATO jew tal-UE qegħdin huma stess fil-proċess li jintegraw l-IA fis-sistemi militari tagħhom. jemmen li l-interoperabbiltà mal-alleati tagħna trid tiġi ppreservata permezz ta' standards komuni, li huma essenzjali għat-tmexxija tal-operazzjonijiet f'koalizzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni fl-IA għandha titwettaq fi ħdan qafas Ewropew, li huwa l-uniku qafas rilevanti biex verament jiġu ġġenerati sinerġiji b'saħħithom, kif propost mill-istrateġija tal-UE għall-IA;

48.  Iqis li l-UE jeħtiġilha timmonitorja bir-reqqa u tikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-avvanzi fl-IA għad-difiża u l-gwerer, inklużi l-iżviluppi u l-iskjeramenti potenzjalment destabbilizzanti, u tiggwida r-riċerka u d-disinn etiċi, filwaqt li tiżgura l-integrità tad-data personali u l-aċċess u l-kontroll individwali, filwaqt li tqis ukoll kwistjonijiet ekonomiċi u umanitarji;

49.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi, li tiddikjara li l-attakki ma jridux jitwettqu mingħajr intervent uman sinifikattiv; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikattiv fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi, inkluż waqt l-iskjerament tagħhom; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-ħidma rigward il-LAWS tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, li jibqa' l-forum internazzjonali rilevanti għal diskussjonijiet u negozjati dwar l-isfidi legali li joħolqu s-sistemi ta' armi awtonomi; jitlob li jiġu aċċellerati l-isforzi multilaterali attwali kollha, sabiex l-oqfsa normattivi u regolatorji iżommu l-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u mal-metodi ġodda tal-gwerra; jistieden lill-VP/RGħ, fil-qafas tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-regolamentazzjoni internazzjonali tal-LAWS mill-istati partijiet għas-CCW, jibqa' impenjat u jgħin biex isir progress, mingħajr dewmien, fl-isforz biex jiġi żviluppat qafas regolatorju dinji ġdid u strument legalment vinkolanti ffukat fuq id-definizzjonijiet, il-kunċetti u l-karatteristiċi ta' teknoloġiji emerġenti fil-qasam tal-LAWS, kwistjonijiet etiċi u legali tal-kontroll uman, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet kritiċi tagħhom, bħall-għażla u l-ingaġġ tal-objettivi, iż-żamma tar-responsabbiltà u tal-obbligu ta' rendikont umani u l-livell meħtieġ ta' interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni, inkluż il-kunċett tal-kontroll uman u tal-ġudizzju uman; jitlob li dawn l-isforzi jiżguraw il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul l-istadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-armi mħaddma bl-IA, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-kjarifika, il-kunsiderazzjoni u l-iżvilupp ta' aspetti tal-qafas normattiv relatati mat-teknoloġiji emerġenti fil-qasam tal-LAWS;

50.  Jemmen li mekkaniżmu effettiv għall-infurzar tar-regoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-LAWS u kwalunkwe teknoloġija offensiva futura mħaddma bl-IA huwa ta' importanza kbira għas-sigurtà dinjija;

L-awtorità tal-istat: eżempji minn oqsma ċivili, inkluża s-saħħa u l-ġustizzja

51.  Jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ li jaġixxu b'mod effettiv biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq data barranija u, mingħajr ma joħolqu distorsjoni b'mod sinifikanti tas-suq, jiżguraw li l-pussess ta' teknoloġiji tal-IA sofistikati ħafna minn gruppi privati b'ħafna poter ma jirriżultax f'kontestazzjoni jew saħansitra ħtif tal-awtorità tal-istat minn entitajiet privati, speċjalment jekk dawn il-gruppi privati jkunu jappartjenu lil pajjiż terz barra mill-Unjoni Ewropea;

52.  Jenfasizza li l-użu tas-sistemi tal-IA fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jista' jirriżulta f'deċiżjonijiet preġudikati li jolqtu liċ-ċittadini b'mod negattiv, u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal kriterji stretti ta' kontroll fir-rigward tas-sigurtà, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, in-nondiskriminazzjoni u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali tagħhom, fost oħrajn; iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji relatati ma' deċiżjonijiet xprunati mill-IA marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat, u jipprevedu salvagwardji bħal superviżjoni umana sinifikattiva, rekwiżiti ta' trasparenza u l-possibbiltà li tali deċiżjonijiet jiġu kkontestati;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji relatati mat-teknoloġiji bbażati fuq l-IA qabel ma jawtomatizzaw attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-istat, bħall-amministrazzjoni tal-ġustizzja; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħtieġa li jipprevedu salvagwardji bħal superviżjoni minn professjonist kwalifikat u regoli stretti dwar l-etika professjonali;

54.  Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni fil-livell Ewropew biex tgħin ħalli jkun promoss l-investiment tant meħtieġ, l-infrastruttura tad-data, ir-riċerka, inkluża r-riċerka fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali mill-awtoritajiet pubbliċi u qafas etiku komuni;

55.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taħdem bla heda għal reżiljenza strateġika sabiex qatt ma terġa' ssib ruħha mhux imħejjija fil-każ ta' kriżi, u jissottolinja li dan huwa ta' sinifikat kruċjali, speċjalment għall-intelliġenza artifiċjali u l-applikazzjonijiet militari tagħha; jenfasizza li l-katini ta' provvista għal sistemi tal-IA militari li jistgħu jwasslu għal dipendenza teknoloġika għandhom jiġu rieżaminati, u li dawn id-dipendenzi għandhom jitneħħew gradwalment; jitlob investiment akbar fl-IA Ewropea għad-difiża u fl-infrastruttura kritika li ssostniha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsegwenzi ta' moratorju fuq l-użu ta' sistemi ta' rikonoxximent tal-wiċċ, u, skont ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni, tikkunsidra moratorju fuq l-użu ta' dawn is-sistemi fl-ispazji pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi u fil-bini maħsub għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll fuq l-użu ta' sistemi ta' rikonoxximent tal-wiċċ mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fi spazji semipubbliċi bħall-ajruporti, sakemm l-istandards tekniċi jkunu jistgħu jitqiesu kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali, ir-riżultati miksuba ma jkunux preġudikati u ma jkunux diskriminatorji, u jkun hemm salvagwardji stretti kontra l-użu ħażin li jiżguraw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-użu ta' tali teknoloġiji;

57.  Jenfasizza l-importanza taċ-ċibersigurtà għall-IA, kemm fix-xenarju offensiv kif ukoll f'dak difensiv; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-pubblikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-vulnerabbiltajiet u r-rimedji għas-sigurtà tal-IT; jitlob il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà għall-użu u l-iskjerament effettivi tal-IA, u salvagwardji kontra l-użu ħażin tal-IA u l-attakki ċibernetiċi; jinnota, barra minn hekk, in-natura b'użu doppja tas-sistemi tal-IT (jiġifieri l-użu għal skopijiet ċivili u militari), u tal-IA, u jitlob ir-regolamentazzjoni effettiva tagħhom;

58.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-teknoloġiji tal-IA li jaħdmu għall-bniedem, u li l-persuni li kienu s-suġġett ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità pubblika bbażata fuq l-informazzjoni minn sistema tal-IA għandhom jiġu infurmati b'dan, għandhom jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti mingħajr dewmien, jiġu offruti l-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni, u li jagħżlu li dan l-appell jiġi solvut mingħajr l-intervent ta' sistema tal-IA; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħtieġa li jistabbilixxu salvagwardji, kif previst fid-Direttiva (UE) 2018/958(13), bħal pereżempju superviżjoni minn professjonist kwalifikat u regoli dwar l-etika professjonali;

59.  Jissottolinja li t-tbassir ibbażat fuq il-kondiviżjoni tad-data, l-aċċess għad-data jew l-użu tagħha jrid jiġi rregolat bir-rekwiżiti ta' kwalità, integrità, trasparenza, sigurtà, privatezza u kontroll; jenfasizza l-ħtieġa, matul il-proċess kollu tal-iżvilupp, l-iskjerar u l-użu tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, li jiġi rrispettat il-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni u l-privatezza tad-data, sabiex jiżdiedu s-sigurtà taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom f'dawk it-teknoloġiji;

60.  Josserva l-iżvilupp rapidu ta' applikazzjonijiet tal-IA li jirrikonoxxu elementi karatteristiċi uniċi, bħall-fattizzi, il-movimenti u l-attitudnijiet; iwissi dwar kwistjonijiet ta' invażjoni tal-privatezza, nondiskriminazzjoni u protezzjoni ta' data personali relatati mal-użu ta' applikazzjonijiet ta' rikonoxximent awtomatizzati;

61.  Jissottolinja li kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward ta' persuna fiżika li tkun ibbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili, u li tipproduċi effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew li tolqot lil dik il-persuna b'mod sinifikanti, hija pprojbita fl-ambitu tal-GDPR, sakemm ma tkunx awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, soġġett għal miżuri xierqa biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data;

62.  Jitlob li jkun hemm spjegabbiltà tal-algoritmi, trasparenza u sorveljanza regolatorja meta l-intelliġenza artifiċjali tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi, u li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt qabel l-introduzzjoni ta' għodod li jużaw teknoloġiji tal-IA mill-awtoritajiet tal-istat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data joħorġu linji gwida u rakkomandazzjonijiet u jiżviluppaw l-aħjar prattiki sabiex jispeċifikaw aktar il-kriterji u l-kundizzjonijiet applikabbli għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili u l-użu tal-IA mill-awtoritajiet pubbliċi;

63.  Jinnota li l-intelliġenza artifiċjali għandha rwol dejjem aktar fundamentali fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b'mod partikolari permezz tal-algoritmi li jassistu d-dijanjożi, il-kirurġija assistita mir-robots, il-proteżi intelliġenti, it-trattamenti personalizzati bbażati fuq l-immudellar tridimensjonali tal-ġisem ta' pazjent individwali, ir-robots soċjali maħsuba biex jassistu lill-anzjani, it-terapiji diġitali mfassla biex itejbu l-awtonomija ta' persuni b'ċertu mard mentali, il-mediċina predittiva u s-software b'rispons għall-epidemiji;

64.  Jinsisti, madankollu, li l-użi kollha tal-IA fil-qasam tas-saħħa pubblika jridu jirrispettaw il-protezzjoni tad-data personali tal-pazjenti u jipprevjenu t-tixrid bla kontroll ta' din id-data;

65.  Jitolbu li l-użi kollha tal-IA fis-saħħa pubblika jirrispettaw il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-pazjenti f'termini ta' aċċess għat-trattament, jippreservaw ir-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib, u jkunu konsistenti mal-Ġurament ta' Ħippokrate f'kull ħin, sabiex it-tabib ikun jista' dejjem jiddevja mis-soluzzjoni ssuġġerita mill-IA, u b'hekk iżomm ir-responsabbiltà għal kwalunkwe deċiżjoni;

66.  Jinnota li l-użu tal-IA fil-ġlieda kontra l-kriminalità u ċ-ċiberkriminalità jista' jġib firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet u opportunitajiet; jafferma, fl-istess ħin, li l-prinċipju li dak li huwa illegali offline huwa illegali online għandu jibqa' prevalenti;

67.  Jinnota li l-IA qed tintuża dejjem aktar fil-qasam tal-ġustizzja sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jkunu aktar razzjonali, aktar konformi mal-liġijiet fis-seħħ, u aktar malajr; jilqa' l-fatt li l-użu tal-IA huwa mistenni li jħaffef il-proċedimenti ġudizzjarji;

68.  Iqis li huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk huwiex xieraq li d-deċiżjonijiet tal-infurzar tal-liġi jiġu parzjalment iddelegati lill-IA, filwaqt li jinżamm il-kontroll uman fuq id-deċiżjoni finali;

69.  Jenfasizza li l-użu tal-IA jista' jtejjeb l-analiżi u l-ġbir tad-data u l-protezzjoni tal-vittmi, u li dan jista' jiġi esplorat fir-riċerka u l-iżvilupp u jkun akkumpanjat minn valutazzjonijiet tal-impatt, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji għal proċess xieraq u kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni; ifakkar, madankollu, li dan mhux sostitut għall-involviment tal-bnedmin fl-għoti tas-sentenzi jew fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

70.  Ifakkar fl-importanza tal-prinċipji ta' governanza, trasparenza, imparzjalità, obbligu ta' rendikont, korrettezza u integrità intellettwali fl-użu tal-IA fil-ġustizzja kriminali;

71.  Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jivvalutaw is-sogri relatati mat-teknoloġiji mmexxija mill-IA qabel ma jawtomatizzaw attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-istat, speċjalment fil-qasam tal-ġustizzja; jistedinhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jipprovdu salvagwardji bħas-superviżjoni minn professjonist kwalifikat u regoli dwar l-etika professjonali;

72.  Jinnota li ċerti t-teknoloġiji tal-IA jagħmlu possibbli l-awtomatizzazzjoni tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-azzjoni fuq skala mingħajr preċedent, bħal fil-każ tas-sorveljanza tal-massa ċivili u militari, li tikkostitwixxi theddida għad-drittijiet fundamentali u twitti t-triq għal indħil illegali fis-sovranità nazzjonali; jitlob li jsir skrutinju tal-attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni u ta' infurzar; jesprimi tħassib serju dwar xi applikazzjonijiet ta' punteġġ soċjali intrużivi ħafna li ġew żviluppati, għax dawn jipperikolaw serjament ir-rispett tad-drittijiet fundamentali; jitlob projbizzjoni espliċita fuq l-użu tal-punteġġ soċjali tal-massa mill-awtoritajiet pubbliċi biex jirrestrinġu d-drittijiet taċ-ċittadini; jitlob li jiġi msaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-atturi privati skont id-dritt internazzjonali, minħabba l-eġemonija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kontroll ta' ċerti atturi privati fuq l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari meta jinnegozjaw, jikkonkludu u jirratifikaw ftehimiet internazzjonali relatati ma' każijiet transfruntiera tal-familja, bħall-ħtif internazzjonali tat-tfal, u biex jiżguraw li f'dan il-kuntest, is-sistemi tal-IA jintużaw dejjem taħt verifika umana effettiva, u jirrispettaw il-proċess dovut fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi firmatarji ta' dawn il-ftehimiet;

73.  Jitlob li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-użu tal-IA fil-qasam tal-ġustizzja, u li tali użi ma jwasslux għal diskriminazzjoni li tirriżulta minn preġudizzji tal-ipprogrammar; jenfasizza li d-dritt ta' kull individwu li jkollu aċċess għal uffiċjal pubbliku jrid jiġi rrispettat, kif ukoll id-dritt tal-uffiċjal responsabbli li jieħu d-deċiżjoni personalment u jiddevja mill-informazzjoni riċevuta mill-IA meta jqis li dan ikun meħtieġ fid-dawl tad-dettalji tal-kwistjoni kkonċernata; jenfasizza d-dritt tal-konvenut li jappella d-deċiżjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma tiġi eliminata qatt ir-responsabbiltà finali tal-ġudikatura;

74.  Jitlob, għaldaqstant, li dawn l-użi pubbliċi u amministrattivi kollha jitqiesu bħala informazzjoni fid-dominju pubbliku, u li tiġi evitata d-diskriminazzjoni minħabba l-preġudizzji tal-ipprogrammar;

75.  Jenfasizza l-importanza li jiġu abilitati l-iskjerar u l-użu xierqa tal-IA; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-persunal ċivili u militari tagħhom b'taħriġ xieraq sabiex jippermettilhom jidentifikaw b'mod preċiż u jevitaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju fis-settijiet tad-data;

76.  Jinsab imħasseb ħafna dwar teknoloġiji deepfake li jippermettu li jsiru falsifikazzjonijiet ta' ritratti, audio u video dejjem aktar realistiċi li jistgħu jintużaw għar-rikatt, jiġġeneraw rapporti ta' aħbarijiet foloz, inaqqru l-fiduċja tal-pubbliku u jinfluwenzaw id-diskors pubbliku; jemmen li tali prattiki għandhom il-potenzjal li jiddestabilizzaw il-pajjiżi, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jinfluwenzaw l-elezzjonijiet; jitlob, għalhekk, obbligu li kull materjal deepfake jew kwalunkwe video sintetiku ieħor magħmul b'mod realistiku jiġi ttikkettat bħala "mhux oriġinali" minn min joħolqu, b'limitazzjonijiet stretti fuq l-użu tiegħu għal finijiet elettorali u infurzar robust; jitlob riċerka adegwata f'dan ir-rigward biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji li jiġġieldu lil dawn il-fenomeni jżommu l-pass mal-użu malizzjuż tal-IA;

It-trasport

77.  Jieħu nota tal-potenzjal ekonomiku sinifikanti tal-applikazzjonijiet tal-IA, inkluż għall-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni fit-tul, il-manutenzjoni, it-tbassir ta' falliment u l-ippjanar tal-kostruzzjoni fl-infrastruttura tat-trasport u l-bini, kif ukoll għas-sikurezza, l-effiċjenza enerġetika u l-ispejjeż; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tippromwovi r-riċerka dwar l-IA u l-iskambju tal-prattiki tajba fit-trasport;

78.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-intelliġenza artifiċjali għat-trawwim tal-multimodalità, l-interoperabbiltà u l-effiċjenza enerġetika tal-modi kollha tat-trasport, biex tittejjeb l-effiċjenza fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri, isir użu aħjar mill-infrastruttura u mir-riżorsi tul in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u jiġu indirizzati l-ostakoli għall-ħolqien ta' żona unika Ewropea tat-trasport;

79.  Ifakkar fil-benefiċċji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), sistema integrata ta' protezzjoni awtomatika tal-ferroviji, u jappoġġa l-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni internazzjonali tal-awtomatizzazzjoni tal-operazzjonijiet ferrovjarji;

80.  Jilqa' l-ħidma tal-proġett ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) dwar sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, kemm ċivili kif ukoll militari;

81.  Ifakkar li l-vetturi awtonomi għandhom potenzjal kbir biex itejbu l-mobbiltà u s-sikurezza u biex iġibu magħhom benefiċċji ambjentali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni fost ir-regolaturi u l-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti għall-użu ta' vetturi tat-triq awtomatizzati fl-UE;

82.  Jirrimarka li l-industrija dinjija tat-trasport marittimu nbidlet ħafna minħabba l-integrazzjoni tal-IA f'dawn l-aħħar snin; ifakkar fid-diskussjonijiet komprensivi attwali fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-integrazzjoni b'mod effikaċi ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħall-vapuri awtonomi, fil-qafas regolatorju tagħha;

83.  Jenfasizza li s-sistemi tat-trasport intelliġenti jtaffu l-konġestjoni tat-traffiku, iżidu s-sikurezza u l-aċċessibbiltà u jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku, l-effiċjenza u s-soluzzjonijiet tal-mobbiltà; jiġbed l-attenzjoni dwar iż-żieda fl-esponiment tan-networks tat-trasport tradizzjonali għat-theddid ċibernetiku; ifakkar fl-importanza ta' riżorsi suffiċjenti u ta' riċerka ulterjuri dwar is-sogri għas-sigurtà fl-iżgurar tas-sikurezza tas-sistemi awtomatizzati u d-data tagħhom; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi ċ-ċibersigurtà bħala punt regolari tal-aġenda għal diskussjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali relatati mat-trasport;

84.  Jilqa' l-isforzi intiżi biex jintroduċu s-sistemi tal-IA fis-settur pubbliku, u se jappoġġa aktar diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni tal-IA fit-trasport; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-użu tal-IA u teknoloġiji simili fis-settur tat-trasport u tiġbor lista mhux eżawrjenti tat-taqsimiet b'riskju kbir f'sistemi tal-IA li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet fil-qafas tal-prerogattivi tal-poter pubbliku f'dan il-qasam;

85.  Jissottolinja li l-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti għandhom jistimolaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-industriji tad-difiża Ewropej biex jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża Ewropej ġodda fl-IA u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, filwaqt li jqisu kunsiderazzjonijiet etiċi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-frammentazzjoni billi jinħolqu punti ta' kuntatt bejn id-diversi atturi u l-oqsma ta' applikazzjoni, billi jiġu promossi l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà fil-livelli kollha, u billi ssir enfasi fuq ħidma konġunta fuq soluzzjonijiet tal-istruttura u tal-pjattaformi; ifakkar, barra minn hekk, li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li jmiss, li tippromwovi wkoll l-infrastruttura intelliġenti, se tipprevedi fond għall-adattament u għall-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport b'użu doppju ċivili/militari fit-TEN-T sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet ċivili u dawk tad-difiża u bil-ħsieb li tittejjeb il-mobbiltà ċivili u militari fi ħdan l-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' aktar investiment, riċerka, u tmexxija Ewropej f'teknoloġiji li għandhom kemm impatt kbir fuq it-tkabbir ekonomiku kif ukoll potenzjal sinifikanti ta' użu doppju;

86.  Jenfasizza li ħafna investimenti fit-teknoloġiji ġodda fit-trasport u l-mobbiltà huma deċiżi mis-suq, iżda li t-teknoloġiji u l-prodotti kummerċjali b'użu doppju li huma disponibbli għall-bejgħ spiss jintużaw b'modi innovattiv għal skopijiet militari; jenfasizza, għalhekk, li l-potenzjal ta' użu doppju tas-soluzzjonijiet imħaddma bl-IA jeħtieġ li jitqies meta jkunu qed jiġu abbozzati l-istandards għall-użu tal-IA f'diversi oqsma tas-setturi kummerċjali u militari; jitlob li standards u politiki etiċi għoljin jiġu inklużi fl-iżvilupp tat-teknoloġiji, il-prodotti u l-prinċipji ta' funzjonament tad-difiża;

87.  Jirrimarka li t-trasportazzjoni effikaċi ta' merkanzija, munizzjon, armamenti u tat-truppi hija komponent essenzjali ta' operazzjonijiet militari ta' suċċess; jenfasizza li l-IA hija mistennija li taqdi rwol kruċjali u toħloq possibbiltajiet numerużi fil-loġistika u t-trasport militari; jirrimarka li pajjiżi mid-dinja kollha, inklużi Stati Membri tal-UE, qed jinkorporaw armi u sistemi oħra tal-IA fuq pjattaformi tal-art, navali u tal-ajru; ifakkar li l-applikazzjonijiet tal-IA fis-settur tat-trasport jistgħu jipprovdu kapaċitajiet ġodda u jippermettu forom ġodda ta' tattiki, bħall-ikkombinar ta' ħafna sistemi bħal droni, dgħajjes jew tankijiet mingħajr ekwipaġġ f'operazzjoni indipendenti u kkoordinata;

Id-dritt internazzjonali privat

88.  Jinnota li, bl-għadd dejjem jikber ta' tilwim li jaqa' taħt id-dritt internazzjonali privat li qed jirriżulta mill-internalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-bniedem, jew online jew fid-dinja reali, l-IA tista' tgħin biex dan it-tilwim jiġi solvut billi joħolqu mudelli li jidentifikaw il-ġurisdizzjoni kompetenti u d-dritt applikabbli għal kull kawża, iżda wkoll li jidentifikaw il-kunflitti tal-liġijiet l-aktar delikati u li jipproponu soluzzjonijiet biex isolvuhom;

89.  Iqis, madankollu, li l-pubbliku jeħtieġ li jiġi infurmat sew dwar l-użi tal-IA fid-dritt internazzjonali privat, li dawn l-użi jeħtieġ li ma jwasslux għal diskriminazzjoni permezz tal-ipprogrammar, għax jekk dan iseħħ, iwassal biex il-liġijiet ta' nazzjon sistematikament jieħdu preċedenza fuq il-liġijiet ta' nazzjon ieħor, jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet tal-qorti predeterminati mil-liġi, jippermettu appelli f'konformità mal-liġi applikabbli, u jippermettu lil kwalunkwe mħallef jinjora s-soluzzjoni ssuġġerita mill-IA;

90.  Jenfasizza li ċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi awtonomi fl-Unjoni Ewropea, li tista' twassal għal għadd partikolarment kbir ta' tilwim li jaqa' fl-ambitu tad-dritt internazzjonali privat, trid tkun soġġetta għal regolamenti Ewropej partikolari li jispeċifikaw is-sistema legali applikabbli f'każ ta' ħsara trasfruntiera;

91.  Jirrimarka li minħabba ż-żieda fl-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat u l-investimenti enormi minn pajjiżi terzi, l-UE qed tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni qawwija; jappoġġa, għaldaqstant, l-isforzi tal-UE biex tiżviluppa aktar il-vantaġġi kompetittivi tagħha, u jemmen li l-UE għandu jkollha l-għan li tieħu r-rwol ta' entità li tistabbilixxi n-normi għall-IA f'dinja iperkonnessa billi tadotta strateġija effettiva fil-konfront tas-sħab esterni tagħha, filwaqt li żżid l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi normi etiċi globali għall-IA fil-livell internazzjonali f'konformità mar-regoli dwar is-sikurezza u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll mal-valuri Ewropej u d-drittijiet taċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet fundamentali; iqis li dan huwa kruċjali wkoll għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-kumpaniji Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-OECD, il-G7 u l-G20, u jinvolvu rwieħhom fi djalogu usa' biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' din it-teknoloġija li tinbidel malajr; iqis li dawn l-isforzi għandhom ifittxu, b'mod partikolari, li jiġu stabbiliti standards komuni u li tittejjeb l-interoperabbiltà ta' sistemi mħaddma bl-IA; jistieden lill-Kummissjoni trawwem djalogu, kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġiji bejn l-Istati Membri, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-atturi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, b'mod partikolari l-kumpaniji ewlenin, u l-militar, biex tiżgura li l-proċessi tat-tfassil tal-politika għal regolamenti dwar l-IA relatata mad-difiża jkunu inklużivi;

Prinċipji gwida

92.  Iqis li t-teknoloġiji tal-IA u s-sistemi tan-network għandhom jimmiraw li jipprovdu ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini; jissottolinja, għalhekk, li r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet għandhom ikomplu japplikaw, filwaqt li jitqiesu l-interessi taċ-ċittadini, kif ukoll il-ħtieġa li jitnaqqas ir-riskju ta' għażla opportunistika tal-ġurisdizzjonijiet; ifakkar li l-IA ma tistax tissostitwixxi lill-bnedmin fil-proċess ġudizzjarju f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' sentenza jew it-teħid ta' deċiżjoni finali ta' kwalunkwe tip, peress li tali deċiżjonijiet iridu dejjem jittieħdu minn bniedem, u jridu jkunu strettament soġġetti għal verifika umana u proċess ġust; jinsisti li meta jużaw evidenza pprovduta mit-teknoloġiji assistiti mill-IA, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-obbligu li jipprovdu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom;

93.  Ifakkar li l-IA hija progress xjentifiku li jeħtieġ li ma ddgħajjifx il-liġi, iżda jeħtieġ, għall-kuntrarju, li tkun dejjem iggvernata minnha – fl-Unjoni Ewropea bid-dritt li joriġina mill-istituzzjonijiet tagħha u mill-Istati Membri tagħha – u li l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati qatt m'għandhom imorru kontra d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

94.  Jenfasizza li l-IA użata għal skopijiet ta' difiża għandha tkun responsabbli, ekwa, traċċabbli, affidabbli u governabbli;

95.  Iqis li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inkluż is-software, l-algoritmi u d-data użata jew prodotta minn tali teknoloġiji, irrispettivament mill-qasam li jintużaw fih, għandhom jiġu żviluppati b'mod sikur u teknikament rigoruż;

o
o   o

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(4) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(5) ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1.
(6) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.
(7) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.
(8) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.
(9) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 42.
(10) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 37.
(11) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22)
(12) Id-Direttiva 2006/42/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(13) Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25).


Ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)
PDF 195kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) (2019/2192(INI))
P9_TA(2021)0010A9-0251/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(1) (ir-Regolament TEN-T),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq(3), (Ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(8),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu ''Infrastrutturi tat-trasport tal-UE: tinħtieġ aktar rapidità fl-implimentazzjoni ta' megaproġetti biex l-effetti tan-network jitwasslu fil-ħin"(9),

–  wara li kkunsidra r-Reviżjoni Nru 09/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-6 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati"(10),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?" (11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0251/2020),

A.  billi l-infrastruttura tat-trasport multimodali aġġornata, sostenibbli u aċċessibbli u l-loġistika orjentata lejn il-futur huma fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-konnessjoni u l-kompetittività tal-UE, u bħala fattur li jagħmel possibbli mobbiltà sostenibbli, affordabbli, intelliġenti, effiċjenti, interoperabbli u sikura;

B.  billi n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandu jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll aċċessibbiltà madwar l-UE u r-reġjuni tagħha, inklużi dawk rurali, remoti, muntanjużi u skarsament popolati, periferali, insulari u ultraperiferiċi u b'hekk jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-inugwaljanzi, filwaqt li jrawwem id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, jindirizza t-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-adattabbiltà u r-reżiljenza;

C.  billi t-TEN-t jagħti kontribut vitali biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE fil-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat, speċjalment permezz ta' proġetti transfruntiera, u billi ż-żamma u t-tisħiħ tar-rabtiet tat-trasport mill-qrib ma' pajjiżi terzi, fi ħdan it-TEN-T, u l-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant huma ta' importanza sinifikanti għall-UE;

D.  billi t-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) hija kruċjali biex isir progress lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli, bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni, l-użu ta' fjuwils alternattivi f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

E.  billi huwa meħtieġ żvilupp ibbilanċjat tal-kurituri tat-trasport madwar l-Ewropa, li jiżgura l-konnettività bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u l-Lvant u l-Punent fl-Ewropa kollha, sabiex tissaħħaħ aktar il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali;

F.  billi n-negozjati li għaddejjin dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) matul is-snin li ġejjin għandhom iqisu b'mod xieraq l-impenn tal-Istati Membri li jlestu n-network ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u n-network komprensiv sal-2050;

G.  billi t-tlestija f'waqtha tan-network tat-TEN-T tidher li, bil-pass attwali, ġiet kompromessa, b'mod partikoalri b'dewmien sinifikanti fir-rigward tal-proġetti transfruntiera u l-konnessjonijiet neqsin u l-konnessjonijiet taċ-ċirkwit lokali minħabba d-diffikultajiet finanzjarji, operazzjonali u amministrattivi li ltaqgħu magħhom il-promoturi tal-proġetti; billi r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jindika li n-nuqqasijiet fil-qafas ta' sorveljanza tal-Kummissjoni u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali, u l-impetu dgħajjef ta' xi Stati Membri u l-interess muri minnhom fit-TEN-T huma fatturi ewlenin fid-dewmien;

H.  billi r-riżorsi allokati għat-tlestija tat-TEN-T fil-qafas tal-programm tal-FNE huma mhedda li jonqsu b'mod sinifikanti, speċjalment wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew kif adottati f'Lulju 2020, b'ammont previst għall-pakkett ġenerali tat-trasport li huwa evidentement insuffiċjenti;

I.  billi l-implimentazzjoni tan-network tat-TEN-T għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kurituri ewlenin tan-network, mingħajr ma tiffavorixxi xi wħud għad-detriment ta' oħrajn;

J.  billi l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi l-użu madwar l-UE kollha tas-soluzzjonijiet għal trasport innovattiv u aċċessibbli, bidla modali, mobbiltà b'emissjonijiet baxxi jew żero, sistemi ta' trasport intelliġenti (pereżempju ITS, Sistema ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS)), infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil u fjuwils alternattivi; billi l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-TEN-T jirrikjedu investiment addizzjonali;

K.  billi l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa wriet l-importanza eżistenzjali tas-settur tat-trasport u l-loġistika u tal-ħaddiema tiegħu għall-ekonomija, li jiddependi minn networks li jiffunzjonaw mingħajr xkiel għat-trasport tal-passiġġieri u l-oġġetti bħala l-arterji tiegħu, u huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista; billi l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport effiċjenti u reżiljenti għandu jkun fil-qalba tal-pjanijiet u l-isforzi Ewropej u nazzjonali kollha għall-irkupru, b'enfasi partikolari fuq il-konnessjonijiet tat-trasport multimodali bejn il-portijiet, l-ajruporti, il-ferroviji u t-toroq;

L.  billi s-Sena Ewropea tal-Ferrovija fl-2021 hija opportunità biex jingħata bidu għal bidla li tagħmel il-ferrovija s-sinsla tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija madwar l-Unjoni u biex jiġi stabbilit ir-rwol deċiżiv tan-networks tat-TEN-T fl-avvanz tal-koeżjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, filwaqt li jissaħħaħ is-suq intern u jiġu promossi modi tat-trasport sostenibbli aktar kompetittivi u effiċjenti bil-għan li tiżdied il-bidla modali lejn il-ferroviji u titlesta ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea sal-2030;

TEN-T tajjeb għall-futur

1.  Jisħaq fuq il-valur miżjud tal-kurituri multimodali tan-network ewlieni li jkopru l-flussi ewlenin tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn u fl-Istati Membri; iqis li l-valur miżjud Ewropew ta' dawn il-proġetti huwa fattur ewlieni li jiġġenera l-appoġġ pubbliku; huwa tal-fehma li t-tlestija fil-ħin tagħhom sal-2030 hija imperattiva, filwaqt li trid tingħata prijorità lill-eliminazzjoni tal-punti ta' konġestjoni u l-konnessjonijiet neqsin, kif ukoll it-tlestija tas-sezzjonijiet transfruntiera, flimkien mal-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sezzjonijiet eżistenti tan-network fil-kurituri;

2.  Ifakkar li l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi networks interoperabbli; jinnota li r-reġjuni tal-fruntieri tal-art interni madwar l-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u fihom jgħixu terz tal-popolazzjoni tagħha; itenni li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jagħtu attenzjoni partikolari li jiffaċilitaw il-konnessjonijiet transfruntiera, itejbu l-interoperabbiltà u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni multimodali tal-infrastruttura tat-trasport madwar l-Unjoni kollha;

3.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma allinjawx biżżejjed il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar it-trasport mal-objettivi tat-TEN-T biex jindirizzaw dan in-nuqqas mingħajr dewmien żejjed, bil-għan li japplikaw u jirrispettaw l-iskadenzi, il-miri u l-perjodi ta' żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; ifakkar ukoll li, minħabba l-karattru tan-network tat-TEN-T, in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' operabbiltà ta' segment żgħir jista' jfixkel l-effiċjenza u l-kompetittività tas-sistema kollha kemm hi; jitlob, għalhekk, li jiġu identifikati u kkompletati b'mod urġenti dawk il-hotspots u s-segmenti strateġiċi;

4.  Iqis li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T hija opportunità importanti biex in-network isir b'tali mod li jibqa' validu fil-futur sabiex jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE u t-twettiq ulterjuri taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, kif ukoll il-kompetittività globali tal-UE għad-deċennji li ġejjin u biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tagħha lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, effiċjenti u sikura; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li n-network jiġi aġġornat biex jitqiesu r-realtajiet ġodda tas-suq, il-bidliet fil-klima, fl-ambjent u fis-soċjetà u l-ħtiġijiet diġitali, li tiżdied l-effiċjenza tan-network eżistenti u li jiġi aċċellerat l-użu ta' fjuwils alternattivi għat-trasport;

5.  Iqis li huwa importanti li t-TEN-T jiġi żviluppat aktar biex jiffoka fuq l-interkonnettività bejn in-networks ewlenin u dawk komprensivi inkluż fir-reġjuni rurali, periferiċi, skarsament popolati, insulari u ultraperiferiċi u fis-sezzjonijiet bl-akbar potenzjal li jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi; jisħaq li ma għandha ssir l-ebda bidla kbira fil-mapep sakemm jitlesta n-network ewlieni; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti limitati fit-TEN-T sabiex jiġi rifless l-iżvilupp tan-networks tat-trasport u bil-għan li tittejjeb il-konnettività bejn kurituri differenti u reġjuni periferiċi, inkluż li jissaħħu l-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera lil hinn mill-assi ewlenin, b'mod partikolari l-konnessjonijiet neqsin fuq skala iżgħar b'valur miżjud Ewropew għoli fir-reġjuni transfruntiera u billi tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn it-TEN-T u l-politiki reġjonali, u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu; jistieden lill-Kummissjoni tieħu f'idejha l-aġġustamenti kollha msemmija fir-reviżjoni tal-FNE(12), kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar miżuri ta' razzjonalizzazzjoni għall-avvanz tat-twettiq tat-TEN-T (COM(2018)0277);

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità fl-ambitu tat-TEN-T lill-użu sħiħ ta' fjuwils alternattivi għall-modi kollha ta' trasport, speċjalment il-fjuwils rinnovabbli, fid-dawl tad-dekarbonizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' teknoloġiji rilevanti, infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil (jiġifieri faċilitajiet ta' ċċarġjar elettroniku u faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u tal-idroġenu), l-istandards ta' interoperabbiltà, sikurezza u sigurtà, u l-qafas regolatorju għall-fjuwils alternattivi sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u tiġi żgurata d-diversità teknoloġika; jitlob li jiġi stabbilit pjan direzzjonali tal-UE għall-infrastruttura tat-toroq li jkun allinjat mal-pjan direzzjonali tal-industrija tal-karozzi sabiex jiġi żgurat li l-investimenti fl-infrastruttura jimxu id f'id mal-produzzjoni tal-vetturi fuq il-perjodu ta' żmien qasir u dak medju;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar il-konnessjonijiet tat-trasport fin-nodi urbani u magħhom, fl-istazzjonijiet u l-hubs ferrovjarji, fil-portijiet interni u marittimi, fl-ajruporti, fil-hubs tal-loġistika u fil-pjattaformi multimodali, inkluż permezz tat-tlestija u t-titjib tal-konnessjonijiet magħhom, kemm fin-networks ċentrali kif ukoll dawk komprensivi, biex tiġi żgurata sistema ta' mobilità bla xkiel, effiċjenti, aċċessibbli, integrata, intelliġenti, sikura, interkonnessa, mgħammra tajjeb u sostenibbli għat-trasport tal-passiġġieri u l-loġistika tal-merkanzija, kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta' biljetti globali, biex b'hekk tiġi promossa bidla modali effiċjenti, b'mod partikolari billi jissaħħu s-sistemi tat-trasport pubbliku u tiżdied il-konnettività tan-nodi urbani u ż-żoni rurali;

8.  Jisħaq, għalhekk, li r-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida tat-TEN-T timxi id f'id mar-reviżjonijiet imħabbra tad-direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi(13), tar-regolament dwar it-TEN-E(14) u tar-Regolament dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv(15);

9.  Jissottolinja li r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tat-trasport waqt li tiġi indirizzata ż-żieda fil-volumi tat-trasport kemm f'termini ta' passiġġieri kif ukoll ta' merkanzija, it-titjib tal-interoperabbiltà multimodali u l-fatt li t-trasport isir aktar sikur, effiċjenti u reżiljenti, f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-TEN-T jagħti spinta lill-applikazzjonijiet diġitali innovattivi fil-modi kollha, inklużi s-sistemi ta' trasport intelliġenti, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), is-sistemi għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti, is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, is-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) u s-sistemi ta' monitoraġġ għas-saħħa strutturali tal-infrastruttura; itenni f'dan il-kuntest l-importanza tat-tlestija tal-proġett Galileo; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi fost l-Istati Membri l-finanzjament ta' dawn is-sistemi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

10.  Jirrimarka li s-soluzzjonijiet ta' mobbiltà intelliġenti u awtonoma qed isiru kummerċjalment vijabbli u li l-aġġornament tat-trasport u tal-infrastruttura diġitali rilevanti fit-TEN-T jeħtieġ li jiġi aċċelerat filwaqt li jiġu żgurati l-interoperabbiltà transfruntiera, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà, sabiex jiġi ffaċilitat it-tħaddim sikur ta' vetturi awtomatizzati u konnessi konformi mar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali li għadu kif jiġi adottat;

11.  Jenfasizza li l-appoġġ Ewropew għar-riċerka u l-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' trasport huwa meħtieġ ħafna, bħal, pereżempju, għall-iżvilupp ta' vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ u t-teknoloġija maglev; jisħaq li s-sħubijiet Ewropej fil-modi differenti tat-trasport jista' jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq l-użu sikur, effiċjenti u intelliġenti tat-TEN-T;

12.  Huwa tal-fehma li standards tal-infrastruttura man-network kollu u armonizzati jippermettu Żona Unika Ewropea tat-Trasport reali; iqis li huwa importanti li tinżamm u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura eżistenti, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera, fid-dawl tal-progress teknoloġiku, it-tibdil fl-istandards tas-sikurezza, iż-żieda fl-effiċjenza, il-prestazzjoni ta' kwalità għolja, iż-żieda fil-kapaċità, funzjonijiet ġodda, it-titjib fl-affidabbiltà u l-interoperabbiltà transfruntiera u l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ta' ċiklu tal-ħajja u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura għall-impatti ta' kriżijiet bħall-pandemiji u t-tibdil fil-klima; jinnota, madankollu, li l-finanzjament tal-FNE mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha; jirrimarka li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija kruċjali biex jiġu ġestiti l-kriżijiet u jiġu żgurati l-fluss kontinwu tal-merkanzija u l-forniment tal-oġġetti essenzjali lill-popolazzjoni tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv biex jittejbu l-ġestjoni tar-riskji, ir-reżiljenza u l-adattament għall-klima tal-infrastruttura tat-trasport fin-network ewlieni, inklużi l-modi kollha;

13.  Iqis li manutenzjoni fqira tal-infrastruttura tat-trasport tista' taffettwa l-kontinwità, is-sostenibbiltà, il-prestazzjoni, is-sikurezza u b'hekk ir-reżiljenza tat-TEN-T; jindika l-importanza li ssir manutenzjoni regolari u standardizzata tal-infrastruttura tat-TEN-T, b'mod partikolari l-pontijiet u l-mini, biex tiġi żgurata infrastruttura ta' kwalità għolja dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi punt ta' riferiment ċar għar-rekwiżiti dwar il-kwalità għall-infrastruttura, b'mod partikolari għall-pontijiet u l-mini, u tiżviluppa approċċ Ewropew komuni għall-ispezzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tal-kwalità tal-infrastruttura tat-TEN-T; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' monitoraġġ tan-network ewlieni dwar il-manutenzjoni fil-livell Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs), jistudjaw skemi ta' finanzjament ġodda biex jiffaċilitaw investimenti fil-manutenzjoni tan-network; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali speċifiċi għall-finanzjament ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja;

Iffinanzjar, governanza u sorveljanza

14.  Jisħaq li sabiex jiġi żgurat biżżejjed investiment fl-infrastruttura tat-TEN-T, huwa essenzjali li l-fondi rilevanti kollha tal-UE (l-FNE, InvestEU, il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Orizzont Ewropa, eċċ.) u s-self mill-BEI jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tat-trasport u li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal finanzjament suffiċjenti; jesprimi dispjaċir kbir għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jipproponi tnaqqis fil-baġit għal programmi orjentati lejn il-futur bħall-FNE u l-InvestUE, speċjalment meta jitqies ir-rwol ta' abilitazzjoni ewlieni li għandu l-programm tal-FNE fit-tlestija tan-network TEN-T; jinnota li, sabiex tirnexxi, l-aġenda ta' dekarbonizzazzjoni ambizzjuża ħafna tal-UE jeħtieġ li tkun appoġġjata minn finanzjament u strumenti ta' finanzjament korrispondenti, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tas-setturi involuti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji u l-koerenza tal-politiki bejn l-istrumenti rilevanti tal-UE lil hinn mill-FNE (eż. il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u, barra minn hekk, biex ittejjeb l-użu tat-taħlit ta' għodod sabiex jiġu attirati investituri privati u jiġi ġġenerat il-finanzjament pubbliku; jindika li strumenti rilevanti orjentati għall-klima u l-ambjent fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom isiru disponibbli għall-investimenti fin-network tat-TEN-T li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-settur b'mod effikaċi;

15.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-proposta l-ġdida tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u fil-pjan ta' rkupru, l-Istati Membri għad mhumiex qed jagħtu sinjal qawwi lejn l-investimenti fl-infrastruttura u lanqas mhuma qed jagħtu prijorità lit-tlestija tat-TEN-T; jisħaq, għalhekk, li r-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-fond ta' Next Generation EU jipprovdu opportunità unika biex jiġi ggarantit l-iżvilupp tan-networks ewlenin tat-TEN-T sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni biex, ta' kull sena, taġġorna lill-Parlament dwar il-progress tal-kostruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, matul in-negozjati mal-Istati Membri, tirriżerva ammont xieraq mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-politiki tat-trasport tal-UE u tippreżenta rapport finali lill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi nazzjonali li jimplimentaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jagħtu rwol prominenti lill-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport moderna, diġitali, sostenibbli u sikura;

16.  Ifakkar li t-tlestija tal-ERTMS maġenb il-binarji u abbord il-ferroviji hija prerekwiżit fundamentali għall-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, u biex is-suq ferrovjarju jkun jista' jiffunzjona tajjeb fil-kurituri tat-TEN-T; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li madwar EUR 15-il biljun huma meħtieġa għat-tlestija tal-ERTMS fin-networks ewlenin, u li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol prominenti fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' skjerament;

17.  Jisħaq li għandha titqies il-konformità mal-iskadenza mogħtija fid-direttiva proposta dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T(16) meta jkunu qed jiġu evalwati l-proġetti f'termini tal-kriterji ta' maturità tal-għażla tal-proġetti stabbiliti mill-FNE; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe dewmien li jseħħ għandu jiġġustifika investigazzjoni dwar l-istat tal-progress tal-proġett u reviżjoni tal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni fl-ambitu tal-FNE, kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013(17), li jistgħu jirriżultaw fit-tnaqqis jew l-irtirar tal-għotja;

18.  Jisħaq li għalkemm in-Network tat-TEN-T qed jiġi implimentat fi stadji u t-tlestija tan-network ewlieni hija l-prijorità fuq terminu qasir, peress li dan jikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp ta' network tat-trasport multimodali sostenibbli u jistimula l-iżvilupp tan-network komprensiv kollu kemm hu, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għan-network komprensiv mhux kopert min-network ewlieni sabiex jiġu evitati disparitajiet dejjem akbar; jenfasizza f'dan ir-rigward li ż-żewġ livelli tat-TEN-T huma kruċjali għall-konnettività u l-integrazzjoni tal-loġistika tal-UE;

19.  Iqis li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk allokati fl-ambitu tal-FNE, għandhom jikkontribwixxu b'mod flessibbli u effettiv għat-tlestija ta' proġetti transfruntiera u konnessjonijiet neqsin b'mod korrettiv, fejn id-diskrepanzi jew l-iżbilanċi pperċepiti bejn il-piż tal-ispejjeż li għandhom jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mistennija f'kull naħa tal-fruntiera u minn perspettiva Ewropea usa' jpoġġu f'riskju l-progress lejn it-tlestija fil-ħin tal-proġett; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu approċċ aktar immirat billi tapplika rati ogħla ta' kofinanzjament għal proġetti bl-ogħla valur miżjud Ewropew sabiex jiġu żblukkati l-investimenti nazzjonali;

20.  Huwa mħasseb ħafna dwar id-dewmien biex jitlestew il-proġetti, b'mod partikolari l-proġetti transfruntiera, li jxekkel l-istabbiliment fil-ħin ta' kurituri kontinwi tan-network ewlieni tat-TEN-T bla xkiel u li jirriżulta fi spejjeż akbar tal-proġetti; jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-partijiet tagħhom tan-network u jiżguraw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji effettivi u f'waqthom b'rispett sħiħ għal-liġi Ewropea u dik nazzjonali, u jħeġġiġhom iżidu d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji; ifakkar lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' Stati Membri oħra fi proġetti transfruntiera, pereżempju billi tiġi stabbilita awtorità konġunta bi ftehim reċiproku, b'mod partikolari bil-għan li jiġu kkoordinati l-iskedi u l-iskadenzi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw id-direttiva l-ġdida dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu klawżoli sostantivi ta' preklużjoni – f'konformità mad-dritt tal-Unjoni – li jistgħu jħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali b'mod sinifikanti;

21.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni tal-UE fil-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, fil-proċeduri ta' akkwist transfruntier u fi proċeduri amministrattivi oħra hija kruċjali biex jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi u l-piż amministrattiv, u b'hekk id-dewmien possibbli u ż-żieda fl-ispejjeż tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T; jinnota li dan huwa ta' importanza partikolari f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' aktar ċertezza lill-promuturi tal-proġetti u lill-investituri privati potenzjali(18); jistieden lill-Kummissjoni żżid kapitolu dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux iġġustifikati fir-rapport ta' progress tat-TEN-T;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tal-implimentazzjoni tat-TEN-T billi tuża s-setgħat diġà mogħtija lilha mir-regolament, filwaqt li tirrinforza l-istrumenti rilevanti biex l-Istati Membri jkunu mitluba jissodisfaw l-obbligi tagħhom u ssaħħaħ ir-rwol tal-koordinaturi Ewropej fil-governanza tal-kurituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet transfruntiera, kif ukoll ir-rwol tal-"punt uniku ta' kuntatt" tal-awtorità maħtura fil-proċedura tal-għoti tal-permessi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 fir-reviżjoni tagħha tal-linji gwida tat-TEN-T bil-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-ippjanar u t-tlestija tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara kif ir-regoli u r-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati għall-finijiet ta' evalwazzjoni, rappurtar u valutazzjonijiet tal-eliġibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u tippromwovi dawn fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-koerenza bejn il-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u n-networks tat-TEN-T, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tar-regolament dwar it-TEN-T;

24.  Huwa tal-fehma li l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA) għandha tingħata rwol aktar prominenti fl-implimentazzjoni tat-TEN-T, b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera, it-titjib tas-sikurezza, iż-żieda fil-kompetittività u l-implimentazzjoni tal-ERTMS; jitlob li jkun hemm żieda fil-baġit 2021 tal-ERA, biex din tiġi mgħammra b'mezzi finanzjarji adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari peress li l-2021 ġiet iddeżinjata bħala s-sena Ewropea tal-Ferrovija;

Modi ta' trasport

25.  Jindika l-importanza li tittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq fit-TEN-T madwar l-Unjoni kollha;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu aktar miżuri biex iżżid l-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u l-varar ta' punti tal-iċċarġjar elettriku u ta' pompi tar-riforniment tal-idroġenu, filwaqt li tqis soluzzjonijiet futuri possibbli ta' fjuwils alternattivi u b'rispett sħiħ tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

27.  Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ aktar is-sikurezza fit-toroq u biex tinżamm u tittejjeb is-sikurezza operattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-infrastruttura kritika, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti tat-trasport mhux motorizzat u bil-għan li jiġu protetti l-utenti vulnerabbli tat-triq; ifakkar fl-importanza li jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti għas-sikurezza fit-toroq sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku tal-UE tal-Viżjoni Żero; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda tas-sikurezza tad-Direttiva (UE) 2019/1936 u jirrimarka li, għal dan il-għan, hemm bżonn u għandu jiġi żgurat aktar investiment fl-adattament u l-manutenzjoni tal-infrastruttura; jisħaq li kwalunkwe simplifikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji għall-proċeduri tal-proġetti fir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T ma għandhiex issir għad-detriment tal-ogħla standards tas-sikurezza;

28.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jipprovdu biżżejjed żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet tul it-TEN-T biex jiżdiedu kemm is-sikurezza fit-toroq kif ukoll il-benessri tal-utenti tan-network, b'mod partikolari l-ħaddiema tat-trasport;

29.  Jenfasizza li sezzjonijiet iċċertifikati speċjali tan-network TEN-T, kif ukoll fin-network tal-awtostradi, għandhom jiġu introdotti u adattati sabiex jissodisfaw l-istandards minimi ta' prestazzjoni għall-vetturi awtomatizzati u semiawtomatizzati u biex jikkonformaw mal-istandards tal-prestazzjoni tal-infrastruttura fir-rigward tal-viżibbiltà, l-istat tas-sinjali tat-traffiku, is-sinjali tat-toroq u l-immarkar tat-toroq;

30.  Jirrimarka l-potenzjal ta' modi ġodda u attivi ta' mobbiltà konnessa fit-trasport urban u lokali tal-persuni u l-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet, b'mod partikolari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, biex isaħħu u jlestu l-infrastruttura taċ-ċirkwit lokali u l-konnessjonijiet intermodali u transfruntiera rilevanti neqsin madwar it-TEN-T kollu, biex b'hekk ikun jista' jsir l-użu aktar effiċjenti u mingħajr xkiel tal-infrastruttura u s-servizzi li min-naħa tiegħu jipprevjeni l-konġestjoni u jnaqqas l-emissjonijiet;

31.  Itenni r-rwol kruċjali tat-trasport ferrovjarju fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jfakkar fl-importanza li jiġi implimentat bis-sħiħ ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, sabiex is-settur ferrovjarju jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu; jitlob li l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja jkun akkumpanjat minn miżuri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar il-progress f'dan il-qasam; iqis li l-promozzjoni ta' bidliet modali u trasport effiċjenti bil-ferrovija u trasport ikkombinat, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera u fejn hemm konnessjonijiet nieqsa f'sezzjonijiet li jintużaw b'mod intensiv, trid tkun prijorità għat-TEN-T u għandha titwettaq billi tintuża bis-sħiħ l-ERTMS, filwaqt li jitneħħew l-ostakoli regolatorji, operattivi u tekniċi fin-network u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-operaturi ferrovjarji, tiġi aċċellerata l-elettrifikazzjoni, jiġu żgurati l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà, inkluż permezz tal-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir tal-vetturi ferrovjarji, jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni inkluża l-impriża konġunta Shift2Rail u jiġu ottimizzati l-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija f'konformità mad-domanda, b'mod partikolari f'hubs tal-loġistika bħall-portijiet u l-ajruporti; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu ddefiniti nodi ta' tranżitu u terminali fin-network, filwaqt li n-nodi ewlenin jiġu mgħammra bi pjattaformi għat-tranżitu biex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-passiġġieri u tal-merkanzija; jissottolinja l-importanza ta' proġetti li jtejbu l-aċċessibbiltà, speċjalment għall-persuni b'diżabilità u għall-persuni anzjani;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta b'mod regolari miri perjodiċi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, sabiex titlesta l-introduzzjoni tagħha fi ħdan in-network ewlieni tat-TEN-T, mistennija sal-2030; iqis li l-ERA għandha taġixxi bħala awtorità effiċjenti u effettiva tas-sistema u tissodisfa r-rwol u r-responsabilitajiet imsaħħa tagħha dwar l-ERTMS skont ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju; jitlob li pjan direzzjonali tal-implimentazzjoni tal-ERTMS dwar il-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jiġi ffinanzjat permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jirrimarka l-importanza tal-istabbiltà regolatorja fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà bħala mezz biex jiġu żblokkati l-investimenti fl-ERTMS u jitlob lill-Kummissjoni tanalizza b'attenzjoni bidliet ulterjuri meta tkun qed taġġorna t-TSI għall-2030 u tiżgura l-kompatibbiltà;

33.  Jissottolinja li l-infrastruttura ferrovjarja Ewropea trid tiżgura kapaċità suffiċjenti kemm għall-ferroviji tal-merkanzija kif ukoll għall-ferroviji tal-passiġġieri, filwaqt li tipprevedi użu akbar tal-infrastruttura u tiġġenera redditu akbar fuq l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-konnettività ferrovjarja transfruntiera sabiex issaħħaħ il-bidla modali fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-potenzjal tal-ferroviji ta' billejl għal vjaġġar kompetittiv u li ma jagħmilx ħsara lill-klima; huwa tal-fehma li t-trasport ferrovjarju transfruntier mingħajr interruzzjonijiet fuq in-network tat-TEN-T u tul il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija Ewropej jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera mandatarja fost il-maniġers tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri vinkolanti għall-maniġers tal-infrastruttura bħala parti mir-rieżami tat-TEN-T;

34.  Jissottolinja li l-iżvilupp ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ta' veloċità għolja u ta' kwalità għolja fin-networks ewlenin kollha tat-TEN-T irid jirrappreżenta prijorità kbira fis-snin li ġejjin, bil-għan li jinħoloq network mifrux ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja bejn il-bliet ewlenin Ewropej li bħalissa ma għandhomx aċċess għal tali servizzi u li tiżdied b'mod sostanzjali l-kompetittività tal-modi tat-trasport sostenibbli fuq l-art;

35.  Jisħaq fuq l-importanza tat-trasport fl-ilmiijiet navigabbli interni bħala mod ta' trasport sostenibbli u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati infrastruttura ta' kapaċità għolja valida għall-futur, u l-affidabbiltà, il-kwalità u n-navigabbiltà tajba tal-passaġġi fuq l-ilma, b'mod partikolari fl-isfond tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-portijiet bħala nodi strateġiċi kemm fin-networks ewlenin kif ukoll f'dawk komprensivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konnessjonijiet mingħajr interruzzjoni bejn il-portijiet interni u dawk marittimi u n-networks tal-ferroviji u tat-toroq, kemm ewlenin u kemm komprensivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-multimodalità; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat il-varar transfruntier armonizzat tas-Sistema tal-RIS u biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, effiċjenti u sostenibbli fis-settur;

36.  Jitlob li jiġi ffinanzjat pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-passaġġi fuq l-ilma interni permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

37.  Jenfasizza r-rwol li l-konnessjonijiet marittimi ta' kwalità għolja għandhom, mhux biss għall-kummerċ internazzjonali tal-UE, iżda wkoll għall-kummerċ fi ħdan l-UE; jissottolinja r-rwol importanti tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar tat-TEN-T u t-tbaħħir fuq distanzi qosra bħala modi sostenibbli ta' trasport f'dan il-kuntest; iqis li l-iskop tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar huwa li jiffaċilita l-konnessjonijiet u s-servizzi bil-baħar fuq distanzi qosra skont il-ħtiġijiet, li huma integrati bla interruzzjoni mat-trasport fuq l-art u li jikkomplementawh, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-portijiet marittimi u li jagħti spinta lill-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni tal-pajjiż tagħhom, u li jippromwovi l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' fjuwils nodfa u alternattivi, soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt, u soluzzjonijiet ta' effiċjenza enerġetika għat-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa liema punti aħħarin tal-kuritur ewlieni għandhom ikunu disponibbli bħala konnessjonijiet marittimi għal kurituri ewlenin oħra u fejn il-mapep tat-TEN-T għandhom jiġu aġġornati skont is-sejbiet ta' dik l-evalwazzjoni;

38.  Jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-portijiet marittimi u interni bħala nodi strateġiċi tan-network tat-trasport, li jgħaqqdu t-trasport marittimu fuq distanzi qosra u t-trasport marittimu fil-baħar miftuħ mal-ferroviji, it-toroq, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-pipelines u li jinsabu f'salib it-toroq tal-ktajjen tal-provvista tal-loġistika; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-portijiet tat-TEN-T għall-akbar bastimenti permezz ta' miżuri ta' garanzija tal-kapaċità; jenfasizza d-dimensjoni transfruntiera tal-portijiet marittimi u jisħaq li l-portijiet mhumiex biss komponent tat-trasport marittimu, iżda qed isiru dejjem aktar raggruppamenti tal-modi kollha tat-trasport, kif ukoll huma parti mill-ekonomiji tal-enerġija, tal-industrija u tal-ekonomija blu; jinnota l-importanza u ż-żieda fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni u r-raggruppament tal-portijiet; jemmen li t-TEN-T għandu għalhekk jiffaċilita proġetti maħsuba biex iżidu s-sinerġiji fil-portijiet bejn it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi diġitali u jipprevedi azzjonijiet biex jittejbu l-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq mal-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiġi appoġġjata l-bidla modali u tittejjeb il-loġistika sostenibbli;

39.  Jenfasizza l-importanza ta' konnessjonijiet bil-baħar fuq distanzi qosra għall-konnettività reġjonali, b'mod partikolari għar-reġjuni periferiċi u l-gżejjer; iqis li r-rekwiżiti tal-Awtostradi tal-Baħar fir-Regolament jeskludu l-konnessjonijiet nazzjonali bil-baħar fuq distanzi qosra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika dawn ir-rekwiżiti fir-regolament dwar it-TEN-T, sabiex il-konnessjonijiet marittimi jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-konnessjonijiet ibbażati fuq l-art, filwaqt li tqis, b'mod partikolari, il-konnessjonijiet mal-portijiet fin-network komprensiv;

40.  Jenfasizza l-potenzjal li jeżisti biex l-emissjonijiet tal-industrija tat-trasport bil-baħar jitnaqqsu b'mod sinifikanti permezz ta' investimenti fl-infrastruttura tal-portijiet li jappoġġjaw l-użu ta' fjuwils alternattivi u t-tranżizzjoni għall-iċċarġjar tal-batteriji u l-provvista tal-elettriku waqt li l-bastimenti jkunu rmiġġati; jirrimarka li tali investimenti għandhom jingħataw prijorità partikolari bħala mod kif jiġi promoss it-trasport multimodali bbażat fil-portijiet; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-istrumenti finanzjarji li huma disponibbli biex jagħtu spinta lill-investimenti għal dak il-għan u tkompli tappoġġja l-iżvilupp kontinwu ta' teknoloġiji nodfa differenti billi tistimula r-riċerka;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol usa' tal-portijiet, lil hinn mill-funzjonijiet purament tat-trasport, f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni, b'mod l-aktar partikolari l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta;

42.  Jissottolinja li t-trasport bl-ajru u l-infrastrutturi relatati miegħu, bħall-ajruporti, huma essenzjali biex l-UE tiġi konnessa globalment u internament, inklużi r-reġjuni rurali, skarsament popolati, periferiċi, insulari u ultraperiferiċi tagħha, u biex tiġi żgurata l-multimodalità, pereżempju permezz tal-interoperabbiltà b'mod partikolari mat-trasport ferrovjarju, kif ukoll biex jinħolqu sinerġiji bejn l-aġenziji relatati tal-UE; iqis it-TEN-T bħala għodda importanti biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi fis-settur, kif ukoll tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tagħhom, billi tiġi pprovduta l-kapaċità meħtieġa fl-ajruporti fin-network ewlieni u komprensiv; iqis li l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew II+ huwa urġenti u kruċjali biex ikun hemm konnettività tal-infrastruttura aktar effiċjenti u sostenibbli; ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-valur tat-trasport bl-ajru għall-ekonomija kif ukoll għall-konnettività tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu fil-konfront ta' riskji u kriżijiet ġodda;

43.  Iqis li għandhom jiġu promossi s-sinerġiji u l-komplementaritajiet tat-TEN-T u tat-TEN-E, filwaqt li jiġu żgurati bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti u futuri u l-livelli ta' finanzjament għall-iżvilupp tat-TEN-T; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-pipelines ma jitqisux biss bħala parti mill-infrastruttura tal-enerġija, iżda wkoll bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni lejn trasport aktar sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol tal-pipelines bħala konnessjoni bejn ir-raggruppamenti tal-industrija u l-hubs tat-trasport u bħala mezz ta' trasport għall-komoditajiet, u jissottolinja l-importanza tagħhom għall-implimentazzjoni ta' ċerti teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni;

44.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network tat-TEN-T żviluppat sew, intelliġenti, sikur u sostenibbli li jiffaċilita l-mobbiltà, il-konnettività u l-aċċessibbiltà territorjali fl-UE kollha, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi, ir-reġjuni insulari u dawk ultraperiferiċi, sabiex jiġi promoss u msaħħaħ it-turiżmu Ewropew u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora s-sinerġiji possibbli ma' EuroVélo u s-16-il kuritur tagħha, b'mod partikolari billi żżid l-appoġġ finanzjarju, sabiex jiġi promoss iċ-ċikloturiżmu lokali u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fl-Ewropa;

Orjentazzjoni strateġika

45.  Jenfasizza l-valur strateġiku għall-UE li żżomm fit-TEN-T konnessjonijiet mill-qrib tat-trasport ma' pajjiżi terzi u li tintegra aktar lill-pajjiżi sħab taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-Komunità tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk, u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u li tippromwovi konnettività aħjar maż-żoni periferiċi tal-UE; iqis ukoll li jkun prattiku, fid-dawl tal-investimenti strateġiċi u ż-żieda qawwija fl-influwenza minn pajjiżi terzi f'dan ir-reġjun, li l-konnessjonijiet tat-trasport tat-TEN-T tiegħu jiġu estiżi għall-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar u dawk tas-Sħubija tal-Lvant, u għall-Asja, abbażi tal-istandards tal-UE u assigurazzjonijiet ta' reċiproċità; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza strateġika tal-Baħar Mediterran għall-Unjoni u l-ħtieġa li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tar-reġjuni insulari tal-UE;

46.  Jirrimarka l-importanza li jinżammu l-konnessjonijiet tat-TEN-T mar-Renju Unit, l-ewwel billi dan jiġi rikonoxxut bħala "pajjiż ġar" kif iddefinit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament dwar it-TEN-T, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-implimentazzjoni u t-tlestija ta' proġetti infrastrutturali tat-TEN-T maqbula b'mod konġunt u jiġi żgurat li r-Renju Unit jipparteċipa fil-finanzjament ta' din il-konnessjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-fruntieri esterni tal-UE u tissorvelja l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq ir-reġjuni tal-fruntieri; ifakkar fir-rwol ewlieni tar-Renju Unit u l-hekk imsejjaħ pont tal-art bħala parti min-network tat-TEN-T u jirrikonoxxi l-impatt negattiv tal-Brexit fuq il-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-koeżjoni ekonomika bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali, kif ukoll madwar il-gżira kollha tal-Irlanda; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konnessjoni effettiva tal-Irlanda mal-Ewropa kontinentali, b'attenzjoni partikolari lir-rotot marittimi, permezz tan-network ewlieni u komprensiv, tkun xi tkun il-forma tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

47.  Jissottolinja li t-TEN-T, bil-hubs ewlenin tiegħu, għandu funzjoni strateġika għall-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet biex tipproteġi l-infrastruttura strateġika u t-TEN-T kollu kemm hu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-interess strateġiku tal-UE, il-projbizzjoni tad-dumping tal-prezzijiet, ir-rispett sħiħ ta' standards tax-xogħol Ewropej għoljin u l-prinċipju tar-reċiproċità fir-rigward tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jiġu applikati bis-sħiħ matul il-proċeduri tal-offerti għall-proġetti tat-TEN-T;

48.  Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu s-sinerġiji bejn in-networks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u bejn il-kurituri rispettivi tagħhom sabiex jiġi żgurat aċċess għas-suq bla xkiel u d-distribuzzjoni ta' fjuwils alternattivi għat-trasport u biex jitqiesu l-ħtiġijiet diġitali li qed jevolvu tas-settur tat-trasport u tal-utenti tiegħu;

49.  Jenfasizza li l-politika tal-infrastruttura tat-trasport toffri opportunità ċara biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u t-TEN-T, bil-għan ġenerali li tittejjeb il-mobbiltà militari madwar l-Unjoni, filwaqt li jitqies il-bilanċ ġeografiku u jiġu kkunsidrati l-benefiċċji potenzjali għall-protezzjoni ċivili; jinsisti li l-infrastruttura tat-trasport fis-sezzjonijiet tan-network trans-Ewropew li ġew identifikati bħala xierqa għal użu doppju għandhom jiġu adattati b'mod strett skont il-prinċipju tal-użu doppju biex jiġu indirizzati kemm il-ħtiġijiet ċivili kif ukoll dawk tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta oriġinali tagħha għall-finanzjament tal-mobbiltà militari fl-ambitu tal-QFP 2021-2027;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0420.
(3) ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1.
(4) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0169.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 152.
(7) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 22.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(9) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_10/SR_Transport_Flagship_Infrastructures_MT.pdf
(10) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/LR_TRANSPORT/LR_TRANSPORT_MT.pdf
(11) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR17_13/SR_ERTMS_RAIL_MT.pdf
(12) B'mod partikolari, l-aġġustamenti stipulati fil-Parti III tal-Anness (mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)).
(13) Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).
(15) Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).
(16) Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (COM(2018)0277), inbidlet għal proposta għal direttiva skont in-nota tal-Kunsill 8726/20 tat-12 ta' Ġunju 2020 (2018/0138(COD)).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010. ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(18) Kif iddikjarat fil-ftehim provviżorju tas-17 ta' Ġunju 2020 li jirriżulta min-negozjati interistituzzjonali dwar ir-regolament dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport.


Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2017, fl-2018 u fl-2019
PDF 167kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2017, fl-2018 u fl-2019 (2019/2132(INI))
P9_TA(2021)0011A9-0270/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2017, 2018 u 2019 (COM(2018)0540, COM(2019)0319) u COM(2020)0350),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni – Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar"(4) (C(2016)8600),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 bit-titolu "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(5),

–  wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt. Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea" (COM(2020)0580),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (COM(2016)0448),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Id-disa' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina" (COM(2017)0407),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(6) (ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE(7) (il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 07/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-prattika: Ir-responsabbiltajiet ta' sorveljanza tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Analiżi Panoramika)",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 02/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "It-tfassil tal-liġijiet fl-Unjoni Ewropea wara kważi 20 sena ta' Regolamentazzjoni Aħjar",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0270/2020),

A.  billi skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 288(3) u 291(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod korrett u fiż-żmien previst, kif ukoll li jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mill-kompetenzi tal-UE; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE hija effettiva biss sa fejn tkun, fuq naħa, trasposta fil-ħin, b'mod sħiħ u preċiż u, min-naħa l-oħra, applikata kif xieraq fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri, ħaġa neċessarja biex jiġu ggarantiti l-benefiċċji tal-politiki tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej kollha u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fis-suq intern kollu; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tirrispetta l-prinċipji ta' kooperazzjoni sinċiera, konferiment, sussidjarjetà u proporzjonalità;

B.  billi huwa neċessarju li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-kontribut attiv tal-parlamenti nazzjonali fil-funzjonament xieraq tal-UE, u li jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà skont il-proċedura stipulata fil-Protokoll 2 TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; billi għandna nkomplu nrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet; ifakkar li fl-2019, tressqu 159 rapport u l-ebda opinjoni motivata minn total ta' 4 918-il rapport u 439 opinjoni motivata f'dawn l-aħħar disa' snin; billi sal-lum, il-proċedura tal-"karta s-safra" ġiet attivata biss tliet darbiet, u l-"karta oranġjo" qatt ma ntużat;

C.  billi d-djalogu bejn l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali kien strumentali biex jiġu riżolti 90 % tal-proċedimenti ta' ksur mill-2014 'l hawn mingħajr l-involviment tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE); billi l-proċedimenti ta' ksur għandhom jintużaw bħala miżura tal-aħħar istanza; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi fformulata b'mod li jiffaċilita t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali;

D.  billi ġew introdotti proċedimenti tal-EU Pilot sabiex jiġi riżolt malajr il-ksur potenzjali tad-dritt tal-UE fi stadju bikri f'każijiet xierqa permezz ta' djalogu strutturat għas-soluzzjoni tal-problemi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; billi l-użu tagħhom ilu jonqos mill-2017 peress li ġie rikonoxxut li żiedu livell burokratiku addizzjonali mal-proċedura mingħajr ma żiedu l-valur reali; billi l-Kummissjoni għadha ma weġbitx għat-talbiet ripetuti tal-Parlament biex jinżamm infurmat dwar l-EU Pilot u l-proċedura ta' ksur mibdija, speċjalment meta jirriżultaw minn petizzjonijiet;

E.  billi fl-2016 il-Kummissjoni stabbiliet il-prijoritajiet fil-ħidma tagħha dwar każijiet ta' ksur u lmenti u ffukat fuq l-aktar ksur importanti tad-dritt tal-UE li jaffettwa b'mod sinifikanti l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji u billi s-sena 2017 kienet l-ewwel waħda li fiha dan l-approċċ il-ġdid, aktar immirat, ġie applikat mill-Kummissjoni;

F.  billi l-proċedimenti ta' ksur, flimkien ma' mekkaniżmi oħra ta' implimentazzjoni u ta' promozzjoni tal-konformità, jiggarantixxu li ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE ma jiġux affettwati b'mod negattiv mit-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta jew mill-applikazzjoni mhux korretta tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; billi l-proċedimenti ta' ksur għandhom l-effett pervers li jġiegħlu li ċ-ċittadini jħallsu għat-traspożizzjoni inkompleta jew għall-applikazzjoni mhux korretta tad-dritt Ewropew min-naħa tal-Istati Membri; billi hija mixtieqa kooperazzjoni interistituzzjonali aktar effettiva, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, u li jiġu introdotti mekkaniżmi ġodda jew riveduti l-mekkaniżmi eżistenti biex tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE;

G.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa l-pedament għad-demokrazija u jirfed id-drittijiet fundamentali; billi l-ħarsien tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha li joriġinaw mit-Trattati u minn leġiżlazzjoni sekondarja; billi l-UE għandha rwol x'taqdi fir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet tal-istat tad-dritt kull fejn iqumu; billi l-qrati nazzjonali fl-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi previsti fid-dritt tal-UE jiġu infurzati b'mod effettiv; billi sistemi tal-ġustizzja indipendenti u effettivi fl-Istati Membri huma l-bażi għall-fiduċja reċiproka, li hija l-pedament tal-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, ambjent li jiffavorixxi l-investiment, is-sostenibbiltà tat-tkabbir fit-tul, u l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE;

H.  billi l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, qrati imparzjali u indipendenti, il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja mill-influwenza jew il-pressjoni politika, ir-rispett għal-legalità minn entitajiet subnazzjonali, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-infiltrazzjonijiet tal-kriminalità organizzata fl-ekonomiji legali huma kundizzjonijiet fundamentali biex ikun garantit trattament ekwu quddiem il-liġi, id-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini, il-prevenzjoni tal-abbużi u l-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont ta' dawk li jamministraw l-affarijiet pubbliċi; billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u billi l-midja indipendenti u libera għandha rwol kruċjali f'soċjetà demokratika, kif speċifikat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea( il-Karta’) u fit-TUE; billi kampanji ta' diżinformazzjoni li għandhom l-għan li jqarrqu bil-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-UE jimmiraw ukoll lejn il-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri;

I.  billi l-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluż abbażi ta' diżabilità; billi bosta atti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jimplimentaw b'mod konkret dan il-prinċipju fundamentali għadhom mhux qed jiġu implimentati b'mod korrett f'diversi Stati Membri;

J.  billi l-Europol sab li bejn 0,7 % u 1,28 % tal-prodott domestiku gross annwali tal-UE ntuża għal attività finanzjarja suspettuża, bħall-ħasil ta' fondi miksuba b'mod illeċitu, u billi l-Kummissjoni nediet proċedimenti ta' ksur fil-konfront tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri minħabba li naqsu milli jittrasponi b'mod xieraq id-Direttivi kontra l-Ħasil tal-Flus, b'mod partikolari r-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

K.  billi xi Stati Membri introduċew skemi li, direttament jew indirettament, ibigħu ċ-ċittadinanza tal-UE, u billi hemm tħassib serju li skemi bħal dawn jistgħu jiffaċilitaw l-abbuż, li jwassal għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u t-trasparenza, u dan idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-valuri u l-prinċipji tal-UE, u jiffaċilita t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus;

L.  billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata(8) ma tilħaqx il-livell minimu ta' approssimazzjoni rigward it-tmexxija jew il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali abbażi ta' definizzjoni unika ta' tali organizzazzjoni; billi d-Deċiżjoni Kwadru tippermetti lill-Istati Membri ma jintroduċux il-kunċett ta' organizzazzjoni kriminali fid-dritt nazzjonali tagħhom, iżda li jkomplu japplikaw id-dritt kriminali nazzjonali attwali billi jkollhom rikors għar-regoli ġenerali dwar il-parteċipazzjoni f'reati speċifiċi u t-tħejjija tagħhom, u billi dan jista' jkollu l-effett li joħloq disparitajiet addizzjonali fl-implimentazzjoni prattika tad-deċiżjoni kwadru;

M.  billi l-kriżi tar-rifuġjati wriet il-bżonn ta' riforma urġenti tas-sistema Ewropea komuni ta' asil u ta' kondiviżjoni aktar effettiva tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri; billi l-iskemi obbligatorji għar-rilokazzjoni ta' emerġenza ta' persuni li jfittxu asil mill-Italja u l-Greċja wrew li ma kinux effettivi, u jinvolvu, b'mod partikolari, konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi serji fuq minorenni, u speċjalment minorenni mhux akkumpanjati; billi l-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta' ksur fil-konfront tar-Repubblika Ċeka, tal-Polonja u tal-Ungerija talli rrifjutaw li jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni;

N.  billi, skont il-kodiċi tal-fruntieri Schengen, ir-reintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija biss permessa f'ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala soluzzjoni tal-aħħar istanza; billi bosta Stati Membri kisru r-regoli billi żammew il-kontrolli fil-fruntieri stabbiliti mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; billi l-Kummissjoni ma dehrilhiex opportun tibda proċedimenti ta' ksur fil-konfront ta' dawn l-Istati Membri;

O.  billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u billi l-midja għandha rwol kruċjali f'soċjetà demokratika, kif speċifikat fil-Karta u fit-TUE;

P.  billi l-għan tad-Direttiva 2014/59/UE li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment huwa li tillimita l-ħsara kkawżata mill-impatt ta' kriżijiet ekonomiċi fuq il-baġits pubbliċi, tillimita permezz ta' rikapitalizzazzjoni interna l-effetti ta' inadempjenzi ta' banek fuq l-azzjonisti, id-detenturi ta' bonds u d-detenturi ta' kontijiet kurrenti li fihom aktar minn EUR 100 000; billi d-detenturi tal-kontijiet kurrenti, u għalhekk dawk li jfaddlu, jirriskjaw li jkollhom iħallsu għal ġestjoni ħażina li tikkawża l-inadempjenza tal-banek, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), u b'mod partikolari r-rikapitalizzazzjonijiet interni previsti minnha;

Q.  billi fl-2019 il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital IV, id-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti, il-BRRD u d-Direttiva dwar il-Ġerarkija tal-Kredituri Bankarji; billi fl-2019 inbdew proċedimenti ta' ksur fil-konfront ta' 12-il Stat Membru talli ma adottawx il-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Ġerarkija tal-Kredituri Bankarji;

1.  Jilqa' r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE għas-snin 2017, 2018 u 2019, inklużi r-rapporti pajjiż b'pajjiż; jirrikonoxxi li dawn ir-rapporti annwali, id-dritt ta' petizzjoni u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma għodod siewja li jippermettu lil-leġiżlaturi tal-UE jidentifikaw kwistjonijiet potenzjali; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti importanza kbira lill-kontribut taċ-ċittadini, tan-negozji u ta' partijiet ikkonċernati oħra biex jinstab ksur tad-dritt tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb id-dibattitu pubbliku dwar ir-rapporti annwali tagħha;

2.  Jinnota għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet li jesprimu t-tħassib taċ-ċittadini dwar il-ksur allegat tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, u jilqa' l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom; iqis li dan il-monitoraġġ huwa essenzjali biex jiġu identifikati u esklużi r-riskji għall-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE qabel ma tkun meħtieġa risposta formali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ewwel Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt bħala għodda preventiva ġdida u bħala parti mill-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt annwali l-ġdid; itenni l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandu jiġi rregolat minn ftehim interistituzzjonali;

3.  Ifakkar li kull sena l-Parlament jirċievi għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet minn ċittadini kkonċernati li jesprimu nuqqas ta' sodisfazzjon bl-istat ta' implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri; huwa partikolarment imħasseb dwar il-prattika li għadd sinifikanti ta' petizzjonanti jiġu riferuti lil korpi oħra; itenni t-tħassib tiegħu li dan l-approċċ jista' jwassal biex iċ-ċittadini jaħsbu li leħinhom ma jinstemax mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, b'mod partikolari l-informaturi, fil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

4.  Jinsab imħasseb li, fl-2019, il-Kummissjoni nediet 797 proċedura ta' ksur ġdida, ammont akbar minn dak fl-2018 (644) u fl-2017 (716); jinsab inkwetat ukoll li fl-2019 l-Kummissjoni bagħtet 316-il opinjoni motivata, meta mqabbla ma' 157 fl-2018 u 275 fl-2017; jinnota, madankollu, li fl-2019, kienu għadhom miftuħa 1 564 proċedura ta' nuqqas ta' konformità, tnaqqis żgħir ħafna meta mqabbel mal-1 571 proċedura li kienu għadhom miftuħa fi tmiem l-2018, u żieda żgħira ħafna meta mqabbla ma' dawk li kienu għadhom miftuħa fl-2017 (1 559); jilqa' l-fatt li l-għadd ta' proċeduri għal nuqqas ta' konformità ma' obbligi ta' traspożizzjoni fil-ħin li kienu għadhom miftuħa fl-2019 naqas għal 599, 21 % inqas mill-għadd ta' proċeduri li kienu għadhom miftuħa fi tmiem l-2018 (758);

5.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-QĠUE bħala l-unika istituzzjoni responsabbli li tiddeċiedi dwar il-validità tad-dritt tal-UE, biex b'hekk jiġu żgurati l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti tiegħu mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri; ifakkar li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija mekkaniżmu fundamentali tad-dritt tal-UE li jgħin biex jiċċara kif għandu jiġi interpretat u applikat id-dritt tal-UE; iħeġġeġ lill-qrati nazzjonali jirreferu l-mistoqsijiet tagħhom lill-QĠUE fil-każ ta' dubju, u b'hekk jevitaw il-proċedimenti ta' ksur;

6.  Jinnota li, fl-2019, infetħu proċedimenti ta' ksur fl-oqsma ta' politika ewlenin li ġejjin, ikklassifikati minnfuq għal isfel skont in-numru ta' każijiet: l-ambjent, is-suq intern, l-industrija, in-negozju u l-SMEs, il-mobilità u t-trasport; jinnota b'dispjaċir li l-leġiżlazzjoni ambjentali ġġenerat l-akbar numru ta' kwistjonijiet ta' traspożizzjoni u infurzar fl-2019 filwaqt li fl-2018 l-ambjent kien fit-tielet post f'termini tan-numru ta' proċedimenti ġodda ta' ksur;

7.  Jinnota li, skont dawn ir-rapporti, l-oqsma li fihom infetħu l-akbar numru ta' proċedimenti ta' ksur tat-traspożizzjoni fil-konfront tal-Istati Membri f'dawk is-snin kienu l-ambjent, il-mobilità, it-trasport u s-suq intern;

8.  Jenfasizza li nuqqas ta' infurzar mhux biss idgħajjef l-effiċjenza tas-suq intern, iżda għandu wkoll impatt dirett fuq id-drittijiet individwali u b'hekk jaffettwa l-kredibbiltà u l-immaġni tal-Unjoni; iqis li l-għadd kbir ta' proċedimenti ta' ksur juri li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha, korretta u effettiva tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri għadu jikkostitwixxi sfida kbira u prijorità; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-kriterji applikati taħt l-approċċ metodoloġiku l-ġdid applikat mill-2017 bl-għan li jiġu ddeterminati l-aktar każijiet serji ta' ksur u l-aktar ilmenti serji dwar id-dritt tal-UE; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-numru dejjem akbar ta' proċeduri wassal biex il-medja taż-żmien biex jiġu investigati każijiet ta' ksur potenzjali tad-dritt tal-UE żdiedet b'mod kontinwu mill-2017; jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas iż-żmien medju biex jiġu ttrattati l-ilmenti u l-proċedimenti ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun xieraq, tnaqqas drastikament iż-żmien li tieħu biex tressaq lill-Istati Membri quddiem il-Qorti skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260TFUE;

9.  Jinnota bi tħassib li ż-żmien medju ta' traspożizzjoni fl-UE żdied, u d-direttivi fl-2019 ħadu tliet xhur aktar biex jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta mqabbla ma' dawk tal-2018; jitlob li l-proċeduri leġiżlattivi jiġu skedati b'mod xieraq sabiex iħallu biżżejjed żmien għat-traspożizzjoni; jissottolinja li d-dritt tal-UE jeħtieġ li jiġi fformulat b'mod ċar u li jinftiehem, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji taċ-ċarezza tad-dritt, tat-trasparenza u taċ-ċertezza tad-dritt; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post xierqa tad-dritt tal-UE; ifakkar li l-leġiżlazzjoni li tagħti lok għall-proċedimenti ta' ksur l-aktar serji ġejja mid-direttivi; ifakkar li r-regolamenti huma applikabbli b'mod dirett u obbligatorju fl-Istati Membri kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun tagħmel użu mir-regolamenti meta tikkunsidra proposti leġiżlattivi;

10.  Jisħaq fuq ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament li jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri permezz ta' petizzjonijiet u ta' mistoqsijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tal-mod kif jiġi applikat id-dritt tal-UE fl-Istati Membri, f'konformità mal-Analiżi Panoramika mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jisħaq li djalogu mill-qrib u strutturat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi stadju bikri huwa essenzjali għall-applikazzjoni effettiva u korretta tad-dritt tal-UE, u anki biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni żejda ("gold-plating") matul it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu stabbiliti bażi tad-data u sit web komuni għall-partijiet kollha tal-proċedura leġiżlattiva sabiex tiżdied it-trasparenza fid-diskussjonijiet leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-konformità b'mod aktar konsistenti fl-oqsma differenti ta' politika, u, fejn possibbli u xieraq, ittejjeb l-istrumenti preventivi bħal, pereżempju, it-tħejjija ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni, pjanijiet direzzjonali, dokumenti ta' spjegazzjoni, siti web dedikati, u l-iskambju ta' prattiki tajba maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri jidentifikaw il-problemi tat-traspożizzjoni, jindirizzawhom fi stadju bikri tal-proċedimenti ta' ksur u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet konġunti u għalhekk itejbu l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

11.  Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea u r-rispett tagħha għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-parlamenti nazzjonali, u, fejn rilevanti, tal-parlamenti reġjonali, fl-iskrutinju preleġiżlattiv tal-abbozzi tal-liġijiet tal-UE; jinnota li l-forom attwali ta' kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali jistgħu jittejbu; jesprimi dispjaċir għall-istruttura attwali tal-proċedura għall-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, li ġġiegħel lill-kumitati tal-UE fil-parlamenti nazzjonali jiddedikaw ħin eċċessiv għal valutazzjonijiet tekniċi u legali filwaqt li jkollhom jikkonformaw ma' skadenzi qosra; jissuġġerixxi reviżjoni ta' dawn il-mekkaniżmi sabiex isiru aktar funzjonali u effettivi, u sabiex ikun jista' jiġi żviluppat approċċ aktar politiku għall-kontroll tas-sussidjarjetà madwar l-UE; jissuġġerixxi aktar involviment tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jirrappreżenta lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, fil-kontroll tas-sussidjarjetà;

12.  Jinsab serjament imħasseb li ħafna Stati Membri għadhom ma implimentawx id-Direttivi kontra l-Ħasil tal-Flus (ir-Raba' u l-Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus); iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu b'urġenza u kif dovut dawn id-Direttivi; jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjoni bit-titolu "Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu", li, flimkien ma' sensiela ta' rapporti, tista' tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jindirizzaw aħjar il-ħasil tal-flus, inkluż ir-riskju ta' finanzjament tat-terroriżmu;

13.  Jesprimi tħassib dwar l-implikazzjonijiet ta' ċerti skemi ta' investiment u ta' ċittadinanza li dan l-aħħar adottaw xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal leġiżlazzjoni biex tipprojbixxi dawn il-prattiki;

14.  Jiddeplora l-inkonsistenzi u n-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni Ewropea mfassla biex tiġġieled il-kriminalità organizzata transfruntiera inkluż, fost l-oħrajn, it-traffikar tad-droga jew it-traffikar ta' bnedmin; jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja t-traspożizzjoni korretta tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata billi tagħmel użu mis-setgħat li jagħtuha t-Trattati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Direttiva bbażata fuq l-Artikolu 83(1) TFUE biex tirrevedi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż aġġornament tad-definizzjonijiet ta' reati kriminali biex tiġi enfasizzata n-natura transfruntiera tal-organizzazzjonijiet kriminali, kif enfasizzat b'mod ripetut fir-rapporti tal-aġenziji Ewropej rilevanti, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, inklużi pieni ogħla u ż-żieda tar-reat ta' assoċjazzjoni kriminali, li fil-mudell tal-mafja huwa kkaratterizzat minn tattiċi ta' intimidazzjoni, assoċjazzjoni bl-intenzjoni deliberata li jkun hemm attività kriminali, u l-kapaċità li jiġu influwenzati korpi pubbliċi; jilqa', f'dan il-kuntest, leġiżlazzjoni Ewropea ġenerali dwar il-protezzjoni ta' dawk li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

15.  Jisħaq fuq l-importanza ta' leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jindirizzaw b'mod effettiv l-assi miksuba b'mod illeċitu, billi jipprevjenu lill-kriminali milli jibbenefikaw mir-reati tagħhom u mbagħad jerġgħu jdaħħlu l-qligħ lura fl-ekonomija legali jew jużawh biex jiffinanzjaw attivitajiet kriminali oħrajn; jinnota li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha xi nuqqasijiet f'dan ir-rigward, minkejja d-dħul fis-seħħ li ġej tar-Regolament (UE) 2018/1805; jilqa', għalhekk, l-impenn tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas legali sħiħ għall-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u r-rikavat kriminali fl-UE, u li tanalizza l-ħtieġa possibbli għal aktar regoli komuni, b'attenzjoni partikolari għall-qbid jew il-konfiska tar-rikavat kriminali fin-nuqqas ta' kundanna, u l-ġestjoni ta' dawn l-assi;

16.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja t-traspożizzjoni sħiħa tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali fl-ispazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jissottolinja, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet persistenti ffaċċjati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(9); jissottolinja t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti ta' ksur mibdija fil-konfront ta' diversi Stati Membri għan-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(10);

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tassazzjoni sabiex is-sistemi tat-taxxa jsiru aktar trasparenti, responsabbli u effettivi, kif ukoll biex titrażżan il-kompetizzjoni inġusta bejn l-Istati Membri, u l-proliferazzjoni tar-rifuġji fiskali; iqis li tassazzjoni ġusta u l-ġlieda deċiża kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ħasil tal-flus għandhom jiżvolġu rwol ċentrali fil-politika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistema ta' tassazzjoni kompetittiva, ġusta u robusta li tkun adattata għall-era diġitali u mudelli ġodda ta' negozju;

18.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma ddeċidietx li tiftaħ proċedimenti ta' ksur fil-konfront ta' dawk l-Istati Membri li kisru r-regoli ta' Schengen;

19.  Jikkritika n-nuqqas ta' rispett min-naħa tal-Istati Membri lejn l-impenji favur is-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltà fir-rilokazzjoni tal-applikanti għall-asil;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu; jinnota b'mod partikolari n-nuqqasijiet tat-traspożizzjoni f'diversi Stati Membri identifikati mill-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu(11) ; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li l-Kummissjoni ressqet proċedimenti ta' ksur fil-konfront tagħhom fl-2019 għan-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681 dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR)(12)sadanittant innotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittrasponu b'suċċess dan l-att;

21.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta fid-deċiżjonijiet, fl-azzjonijiet u fil-politiki kollha tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett totali tal-pluraliżmu, tal-indipendenza u tal-libertà tal-midja; jinsab imħasseb bil-qagħda tal-midja fl-UE; jikkundanna bil-kbir il-prattiki kollha maħsuba biex jintimidaw jew jheddu lill-ġurnalisti; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta komprensiva għal att leġiżlattiv li jkollu l-għan li jistabbilixxi standards minimi kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri biex trażżan l-użu mhux xieraq tal-qrati biex jiġu intimidati jew imminati l-ġurnalisti;

22.  Jikkundanna n-numru dejjem akbar ta' kampanji ta' diżinformazzjoni li għandhom l-għan li jqarrqu bil-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-UE, kif ukoll jimmiraw lejn il-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled dan il-fenomenu, peress li għandu l-għan li jdgħajjef il-proċess demokratiku u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta sett ċar, komprensiv u wiesa' ta' azzjonijiet biex tindirizza t-tixrid u l-impatt tad-diżinformazzjoni online fl-Ewropa, u biex tiżgura l-protezzjoni tal-valuri Ewropej u tas-sistemi demokratiċi;

23.  jesprimi tħassib dwar in-nuqqasijiet gravi li nstabu fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar u r-rimi tal-iskart, mal-effiċjenza enerġetika, mat-telfien tal-bijodiversità, mal-isfruttament tar-riżorsi naturali u ż-żoni protetti, mat-trattament insuffiċjenti tal-ilma urban mormi u mat-tniġġis tal-arja, li għandhom ukoll impatti serji fuq is-saħħa tal-bniedem; jinnota bi tħassib li hemm 19-il proċedura ta' ksur li għadhom għaddejjin għal traspożizzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, li hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u tar-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali b'mod ġenerali;

24.  Jinnota, b'mod partikolari, li l-maġġoranza tal-Istati Membri b'mod persistenti u sistematiku kisru l-istandards Ewropej dwar il-valuri ta' limitu għas-sustanzi li jniġġsu fl-arja; jenfasizza li d-degradazzjoni tal-ekosistemi u t-telfien tal-bijodiversità huma kwistjonijiet ewlenin madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi liġi ġdida dwar il-ksib mill-ġdid tal-ekosistemi li tibni fuq l-obbligi eżistenti li diġà jinsabu fid-Direttiva dwar il-Ħabitats u f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE u lil hinn minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi b'mod sod it-traspożizzjoni rapida, kompleta u korretta tad-direttivi ambjentali kollha tal-UE fl-Istati Membri kollha, filwaqt li tqis il-prijoritajiet stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar";

25.  Jisħaq li n-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati dwar l-amministrazzjoni tajba applikabbli madwar l-Unjoni jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jifhmu faċilment u b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-kodifikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba bħala regolament li jistabbilixxi d-diversi aspetti tal-proċeduri amministrattivi – inklużi n-notifiki, il-limiti ta' żmien vinkolanti, id-dritt għas-smigħ u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – tirriżulta fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tat-trasparenza; jemmen li dan ir-regolament iżid l-effettività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi, u f'dan ir-rigward jirrispondi għall-ħtieġa ta' investiment u riforma fl-Unjoni Ewropea;

26.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni tal-UE miftuħa, effiċjenti u indipendenti skont l-Artikolu 298TFUE, u jinnota li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda proposta ta' segwitu għal din it-talba; jistieden, għalhekk, għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;

27.  Jieħu nota tal-fatt li hemm nuqqas partikolari ta' traspożizzjoni, implimentazzjoni u superviżjoni tad-dritt tal-UE dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, minkejja l-insistenza tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-urġenza kbira ta' dawn il-proposti matul il-proċess leġiżlattiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw u jinfurzaw b'mod proattiv u komprensiv l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f'dan il-qasam;

28.  Jirrikonoxxi li sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, iċ-ċittadini u l-intraprendituri jeħtieġ li jiġu infurmati dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' kuljum tad-dritt tal-UE; jitlob kooperazzjoni aktar b'saħħitha f'dan il-qasam, inkluż permezz tas-servizz SOLVIT;

29.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas kontinwu ta' omoġeneità bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni li għandha l-għan li tibni Unjoni soċjali u inklużiva, filwaqt li tiġġieled il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet serji u d-dewmien fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol(13), u l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament u s-salarju ndaqs bejn in-nisa u l-irġiel; jissottolinja l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-QĠUE fis-sentenzi tagħha dwar il-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel aktar biex tindirizza d-diskriminazzjoni u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fil-livell Ewropew;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pandemija tal-COVID-19 ma tintużax mill-Istati Membri bħala skuża għall-applikazzjoni mhux korretta tad-dritt tal-UE, u li kwalunkwe dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordnijiet legali nazzjonali jkun ġustifikat kif xieraq;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 108.
(2) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 126.
(3) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.
(4) ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(5) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(6) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(7) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(8) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (COM(2016)0448).
(9) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(10) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(11) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(12) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132.
(13) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).


L-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020
PDF 221kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020 (2020/2206(INI))
P9_TA(2021)0012A9-0266/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), tal-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ integrat għal kunflitti u kriżijiet esterni tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen, bit-titolu "Yemen: A Pandemic of Impunity in a Tortured Land" (Il-Jemen: Pandemija ta' Impunità f'Art Ittorturata), li jkopri l-perjodu minn Lulju 2019 sa Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS),

–  wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 – X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża tas-17 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2020 – Inwittu t-triq lejn Ewropa aktar reżiljenti",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019, tal-15 ta' Lulju 2019, tal-14 ta' Ottubru 2019 u tat-12 ta' Diċembru 2019, id-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tal-15 ta' Mejju 2020 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019 tas-17 ta' Ottubru 2019 u tal-1 ta' Ottubru 2020 dwar l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-laqgħa tal-mexxejja UE-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020" (COM(2020)0315),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0266/2020),

A.  billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita s-sorveljanza demokratika tiegħu fuq il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u għandu jingħata l-informazzjoni neċessarja b'mod trasparenti u f'waqtha kif ukoll il-mezzi neċessarji u effikaċi biex jiżvolġi dan ir-rwol bis-sħiħ, inkluż fir-rigward tal-programmi industrijali tad-difiża kollha;

B.  billi l-PESK tal-UE timmira li tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi d-dinja quddiemha għandha sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ġeopolitika aggressiva li tirrikjedi mekkaniżmi ta' rispons u kapaċitajiet rapidi u xierqa f'termini ta' politika estera;

D.  billi l-ħtieġa ta' politika estera komuni aktar b'saħħitha, aktar ambizzjuża, kredibbli u magħquda saret kruċjali, minħabba li l-UE qiegħda tħabbat wiċċha ma' diversi sfidi ġeopolitiċi fir-reġjun usa' li jaffettwaw direttament jew indirettament lill-Istati Membri kollha tagħha u liċ-ċittadini tagħha;

E.  billi l-UE mhijiex qed tivvalorizza l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà minħabba nuqqas ta' għaqda fost l-Istati Membri tagħha;

F.  billi l-ebda Stat Membru tal-UE mhuwa kapaċi jindirizza waħdu kwalunkwe waħda mill-isfidi globali li l-Ewropa għandha quddiemha llum; billi PESK ambizzjuża u effikaċi trid tkun mirfuda b'riżorsi finanzjarji adegwati u b'mekkaniżmi mtejba għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

G.  billi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali marru għall-agħar f'ħafna nħawi tad-dinja, filwaqt li żdiedu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; billi t-tendenzi iżolazzjonisti, unilaterali u antiglobalizzazzjoni u r-rivalitajiet sistemiċi saru aktar prominenti mill-kooperazzjoni multilaterali skont l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

H.  billi sfidi bħat-tfaċċar mill-ġdid tal-populiżmu u tal-awtoritariżmu, iż-żieda fir-riluttanza biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-attakki fuq id-demokrazija liberali u l-multilateraliżmu, flimkien mal-kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar, li nbidlet f'rivalitajiet, speċjalment bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, joħolqu sfida reali għas-sigurtà internazzjonali u għall-valuri, l-interessi u l-influwenza tal-UE, bir-riskju li l-UE titħalla barra mill-isferi deċiżjonali u tkun żvantaġġata ħafna minn din il-kompetizzjoni;

I.  billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija strument fundamentali fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

J.  billi l-instabbiltà u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-Unjoni u fil-viċinat immedjat tagħha jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; billi l-pandemija tal-COVID-19 tista' twassal għal deterjorament tal-klima tas-sigurtà internazzjonali; billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ta' din il-pandemija se jkollhom impatt sever fuq il-livelli attwali ta' faqar u inugwaljanza fid-dinja, u billi, għalhekk, jistgħu jwasslu għal diżordni soċjali akut u protesti serji, u jsiru kawża ġdida ta' instabbiltà f'ħafna pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġli; billi ħafna mit-theddid li tfaċċa fis-snin preċedenti, inkluż it-theddid ċibernetiku, it-tibdil fil-klima u l-pandemiji, issa saru realtajiet li qed ikollhom impatti dejjem aktar severi fuq diversi aspetti tal-ħajja tal-bniedem, kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp, l-ordni ġeopolitiku u l-istabbiltà dinjija;

K.  billi l-użu ta' informazzjoni marittima globali huwa vitali biex jiġi żgurat monitoraġġ strateġiku, biex l-analiżi tar-riskji u t-twissija bikrija lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsiru possibbli u biex jissaħħaħ l-għoti ta' informazzjoni biex jiġu appoġġjati operazzjonijiet ċivili u militari ta' sigurtà marittima;

L.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità assoluta fl-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà 2015-2020;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-vulnerabbiltà tal-UE fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, il-fraġilità tal-alleanzi esterni tradizzjonali tal-UE u l-ħtieġa li l-Unjoni tiżgura politika estera li tkun konsistenti mal-valuri fundamentali tagħha; billi dan jitlob li l-UE terġa' tikkunsidra r-relazzjonijiet esterni tagħha u tibbażahom fuq il-prinċipji ta' solidarjetà u multilateraliżmu; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi estensivi tagħha qegħdin jolqtu lil dawk l-aktar vulnerabbli b'mod partikolarment iebes, l-aktar fir-reġjuni b'sistema soċjali u b'sistema ta' assistenza tas-saħħa aktar dgħajfa;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin tfaċċaw sfidi multidimensjonali ġodda, bħall-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, id-dubitar fir-rigward tal-ftehimiet dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi, il-kunflitti reġjonali li qed imorru għall-agħar li wasslu għall-ispostament tal-popolazzjonijiet, il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali, id-dipendenza mill-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-konsolidament ta' Stati falluti, it-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali organizzata, iċ-ċiberattakki u l-kampanji ta' diżinformazzjoni;

O.  billi fid-dawl tal-kollass ta' ftehimiet importanti dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm u tal-iżviluppi mgħaġġla ta' teknoloġiji ġodda tal-armi, id-diżarm, il-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni għandhom jirċievu l-akbar attenzjoni fl-ambitu tal-PESK sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali; billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK trid tiġi aġġornata biex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett;

L-UE ssir "sieħba ta' fiduċja" f'ordni ġeopolitiku li qed jinbidel

1.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-UE tirrealizza li għandha bżonn politika estera u ta' sigurtà aktar b'saħħitha, aktar awtonoma, aktar magħquda u assertiva biex jikber ir-rwol prominenti ta' tmexxija tal-Unjoni fix-xena internazzjonali sabiex tiddefendi u tiżviluppa ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jiżgura l-multilateraliżmu, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha b'mod aktar deċiżiv madwar id-dinja; jissottolinja li sabiex jinkiseb dan, l-UE l-ewwel trid tassisti b'suċċess lis-sħab tagħha fil-viċinat immedjat;

2.  Jippromwovi u jiddefendi r-rwol tal-UE bħala sieħba affidabbli mad-dinja kollha, "sieħba ta' fiduċja " privileġġjata għall-partijiet terzi, intermedjarju onest ibbażat fuq prinċipji iżda mhux dogmatiku, attur ta' riferiment għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-medjazzjoni, li tippromwovi d-diplomazija u d-djalogu bħala l-mod preferut biex taqdi rwol kostruttiv fil-kunflitti globali, bħala promotur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u kontributur ewlieni għall-qafas multilaterali, iżda wkoll bħala attur globali li huwa lest jaġixxi b'mod awtonomu u deċiżiv meta jkun meħtieġ biex tiddefendi l-valuri u l-interessi tal-UE stess, li tassumi r-responsabbiltà billi tiżgura s-sigurtà tagħha stess u tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, abbażi tal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u kif minqux fid-dritt internazzjonali, fir-rispett tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; huwa tal-fehma li l-kreattività, attitudni aktar proattiva u aktar magħquda u solidarjetà fost l-Istati Membri, kif ukoll l-impenn u r-riżorsi mill-Istati Membri, huma meħtieġa biex tiżdied l-influwenza tal-UE fuq livell globali u biex jiġi promoss il-mudell tal-poter pożittiv tagħha u r-rwol responsabbli tagħha fil-governanza globali, u sabiex tkun tista' tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat immedjat tagħha;

3.  Jisħaq li l-instabbiltà dejjem tikber tad-dinja, l-ambjent dejjem aktar kunflittwali, l-erożjoni tal-multilateraliżmu u ż-żieda tal-awtoritariżmu, kif ukoll sfidi globali multidimensjonali, speċjalment il-klima dejjem tiżdied tal-kunflitt li tissarraf fit-tkomplija u xi kultant fl-issuktar tal-kunflitti armati inkluż fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u t-theddid li qed jiżdied għar-riżorsi naturali, il-flussi migratorji mhux ikkontrollati, ir-riskji relatati mas-saħħa, it-theddid ibridu bħal kampanji ta' diżinformazzjoni, miżuri attivi u ċiberattakki, fost l-oħrajn, għandhom iwasslu lill-UE sabiex tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-alleati tagħha; jissottolinja l-importanza għall-Unjoni, f'dan ir-rigward, li tistabbilixxi kooperazzjoni aktar strateġika ma' pajjiżi terzi bbażata fuq il-fiduċja u l-benefiċċju reċiproku, u li tibni alleanzi ma' demokraziji tal-istess fehma, inkluż mill-emisfera tan-Nofsinhar, kif ukoll koalizzjonijiet ad hoc ma' sħab oħra tal-istess fehma fejn meħtieġ;

4.  Jissottolinja, f'dak ir-rigward, l-ħtieġa li l-Unjoni tikkoopera mill-qrib ma' sħab ewlenin fuq livell globali u li jkollha rwol attiv fid-difiża tal-istituzzjonijiet ewlenin għad-dritt internazzjonali u s-sistema multilaterali; jinsisti fuq l-importanza li tissaħħaħ is-sħubija tal-UE man-NU u man-NATO, kif ukoll li tiġi approfondita l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), il-Lega Għarbija, il-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-Mercosur; jitlob kooperazzjoni u koordinament msaħħa bejn l-UE u n-NATO, l-akkomunament tal-għarfien u tar-riżorsi u l-evitar tad-duplikazzjoni, sabiex jinbena approċċ komplementari komuni għall-isfidi attwali u futuri tas-sigurtà reġjonali u globali kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt, il-kriżijiet tas-saħħa, it-theddid asimmetriku u ibridu, iċ-ċiberattakki u d-diżinformazzjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fl-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità u fid-difiża tal-vittmi tagħhom u jilqa' l-appoġġ qawwi li esprimiet l-Unjoni għall-Qorti, li dan l-aħħar kienet fil-mira ta' pressjoni u attakki;

5.  Jesprimi tħassib dwar l-kobor bla preċedent tal-kampanji ta' diżinformazzjoni u tal-propaganda sponsorizzati mill-Istat u mhux mill-Istat, li għandhom effetti devastanti fuq is-soċjetajiet, inkluż fil-viċinat Ewropew u b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent; jikkundanna l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-użu tagħha bħala arma, inkluż minn atturi statali, sottostatali u mhux statali b'intenzjonijiet ħżiena, u pjattaformi u organizzazzjonijiet użati minn pajjiżi terzi awtoritarji biex jiffinanzjaw u jinfluwenzaw direttament u indirettament il-partiti u l-atturi politiċi Ewropej; jilqa' r-rispons tant meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-UE għal din l-isfida l-ġdida, bħall-istabbiliment ta' kumitat speċjali ġdid fil-Parlament li jiffoka fuq l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fl-UE, inkluża d-diżinformazzjoni, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha(5); jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rispons li ma jillimitax id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jinnota l-importanza ta' komunikazzjoni strateġika effettiva tal-UE u jfaħħar it-tisħiħ ta' Stratcom fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-isforzi tiegħu biex jidentifika u jrażżan il-kampanji ta' diżinformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ aktar il-kapaċitajiet tagħha biex tiġġieled b'mod proattiv l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni bħala theddida għad-demokrazija, u biex ittejjeb il-kultura tas-sigurtà tagħha sabiex tipproteġi aħjar in-networks tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha; jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fil-promozzjoni ta' qafas kollettiv ta' awtodifiża u ta' kooperazzjoni kontra theddid ibridu u l-influwenza malinja ta' reġimi awtoritarji b'mod partikolari fuq il-governanza demokratika u l-impriżi privati fuq livell globali; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-alleanzi tagħha ma' atturi demokratiċi globali oħra biex taffronta tali theddid fuq livell globali, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet multilaterali riformati u aktar reżiljenti;

6.  Jinsisti li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE trid tkun iggwidata mill-promozzjoni tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 21 TUE, bħad-demokrazija, id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, il-protezzjoni tal-minoranzi kollha u tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Lhud, il-Musulmani, dawk li ma jemmnux u oħrajn, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li ġġedded il-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra mill-UE, iżda jħeġġeġ biex issir il-ħatra mill-aktar fis possibbli; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem, jidentifikaw it-tendenzi u jappoġġjaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura t-tendenzi negattivi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jisħaq li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE għandha ssir aktar effikaċi permezz tal-użu tal-kundizzjonalità fl-inċentivi ekonomiċi u politiċi tagħha; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tal-eżenzjoni mill-viża u għandha tissospendi din l-eżenzjoni f'każ ta' ksur fil-pajjiż ikkonċernat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Unjoni fuq livell globali billi jrawmu proċessi minn isfel għal fuq li huma favur id-demokrazija u jibnu reżiljenza istituzzjonali, u billi jappoġġjaw il-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi; itenni l-appell tiegħu, li sar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019, għal riforma u rieżami tar-Rappreżentanti Speċjali u tal-Mibgħuta Speċjali tal-UE;

7.  Jissottolinja li l-UE għandha tindirizza l-kawżi profondi tal-migrazzjoni, bħall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, il-qgħad, l-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiżi terzi fejn toriġina l-immigrazzjoni illegali tal-massa; jisħaq li l-enfasi għandha tkun ukoll fuq l-għajnuna għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet stabbli biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà f'dawn l-Istati;

Livell ġdid ta' ambizzjoni għall-PESK: approċċi reġjonali strateġiċi bbażati fuq rieda politika aktar b'saħħitha

8.  Ifakkar li l-ebda Stat Membru tal-UE waħdu ma għandu biżżejjed kapaċità u riżorsi biex jindirizza b'mod effikaċi l-isfidi internazzjonali ta' bħalissa; iqis li, f'dan il-kuntest, l-UE teħtieġ l-ewwel u qabel kollox rieda politika aktar b'saħħitha u ġenwina min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex jaqblu bejniethom u flimkien jagħtu spinta lill-għanijiet tal-politika estera tal-UE bħall-prevenzjoni ta' kunflitti u ftehimiet ta' paċi u jiġġieldu kontra t-tentattivi min-naħa tal-pajjiżi terzi biex idgħajfu u jifirdu lill-UE, inkluż billi jimminaw il-valuri Ewropej; jisħaq li hija biss Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda b'politiki esteri, ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti, u bl-Istati Membri tal-UE li jappoġġjaw lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni tal-objettivi miftiehma, li se jkollha rwol b'saħħtu fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw kwalunkwe azzjoni bħala risposta lill-kriżi tal-COVID-19 bejniethom u ma' sħab internazzjonali sabiex tkun promossa risposta globali koerenti u inklużiva għall-pandemija u jilqa' f'dan ir-rigward l-approċċ "Tim Ewropa";

9.  Itenni l-appell tiegħu għal reviżjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE sabiex jinstiltu t-tagħlimiet mid-dinamika ġeopolitika l-ġdida, it-theddid attwali inkluża l-pandemija tal-COVID-19 u l-isfidi futuri mistennija, u jiġu vvalutati mill-ġdid l-għanijiet u l-mezzi tal-PESK; jenfasizza li filwaqt li tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha mas-sħab u l-alleati internazzjonali l-UE trid tħaffef il-proċess deċiżjonali fl-affarijiet barranin u l-kapaċità tagħha li taħdem ma' sħab bl-istess fehma filwaqt li ssaħħaħ il-multilateraliżmu, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet strateġiċi tagħha li taġixxi, anke b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ; jisħaq li l-UE għandha r-responsabbiltà li ssawwar l-awtonomija strateġika tagħha dwar id-diplomazija, is-sigurtà u kwistjonijiet ta' difiża komuni kif ukoll dwar kwistjonijiet ekonomiċi, tas-saħħa u kummerċjali, bil-għan li tindirizza l-bosta sfidi komuni biex tiddefendi l-interessi, in-normi u l-valuri tagħha fid-dinja ta' wara l-pandemija; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej iżommu l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet u azzjoni waħedhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw malajr ir-regolament il-ġdid biex jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiġu eżaminati l-investimenti barranin f'setturi kritiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE joħolqu forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali, billi jitgħallmu mill-wirt tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjonijiet, biex jissorveljaw u jikkontrollaw l-esportazzjoni ta' teknoloġiji, flussi ta' kummerċ u investimenti sensittivi lejn pajjiżi li jqajmu tħassib;

10.  Huwa tal-fehma li għad hemm potenzjal kbir mhux sfruttat fil-kombinazzjoni u l-integrazzjoni tal-aspetti kollha tas-setgħa ta' koerċizzjoni (hard power) kif ukoll tas-setgħa ta' persważjoni (soft power) tal-azzjoni esterna tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, li d-diplomazija tal-Parlament Ewropew tikkostitwixxi pilastru importanti tal-politika estera tal-UE, bl-istrumenti u l-kanali distinti u komplementari tiegħu stess; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu għalhekk jiġi rikonoxxut bħala parti integrali mill-approċċ "Tim Ewropa" promoss mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tar-rwol tal-Parlament fil-medjazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, kif ukoll il-kontribut siewi tal-assemblej parlamentari għall-azzjoni esterna tal-Ewropa, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, u l-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet tagħhom u li jiġi żgurat li il-ħidma tagħhom issir kif suppost; jistieden lill-VP/RGħ u lill-presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jinfurmaw kontinwament lill-Parlament u jinvolvuh fl-azzjoni esterna tal-UE;

11.  Iqis li l-ambizzjoni li jkun hemm politika estera u ta' sigurtà tal-UE li tkun robusta, indipendenti u żviluppata bis-sħiħ tinvolvi wkoll l-eżistenza ta' korp diplomatiku bl-istess karatteristiċi, stabbilit mill-bidu nett bħala korp speċifikament Ewropew; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-progress lejn il-ħolqien ta' akkademja diplomatika Ewropea fdata bil-mandat li tistabbilixxi sistema indipendenti ta' selezzjoni u taħriġ għad-diplomatiċi futuri tal-UE, fil-qafas ta' karriera diplomatika Ewropea reali;

12.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar il-konsultazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament fil-qasam tal-PESK għandhom jissarrfu f'regoli ċari dwar il-kondiviżjoni trasparenti u f'waqtha tad-dokumenti rilevanti, inklużi abbozzi ta' strateġiji; jindika l-ħtieġa li jittejjeb b'mod sinifikanti l-mod li bih il-Kummissjoni u s-SEAE attwalment jgħaddu informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali lill-Parlament; jitlob li jiġi eżaminat, barra minn hekk, kif jistgħu jittejbu l-kwalità, il-kamp ta' applikazzjoni u l-format tal-laqgħat tal-kumitati u l-iskambji mas-SEAE u l-Kummissjoni; iqis li d-"dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà politika" tal-2010 ma għadhiex bażi xierqa għar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-VP/RGħ u għandha tiġi sostitwita bi ftehim interistituzzjonali biex jissaħħu d-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament, skont it-Trattati; ifakkar, barra minn hekk, li talab rieżami tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE;

13.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-proċess deċiżjonali dwar kwistjonijiet tal-PESK, li għandu impatt fuq l-effiċjenza, il-ħeffa u l-kredibbiltà tal-azzjoni tal-UE u l-proċess deċiżjonali fix-xena internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jiftħu dibattitu dwar il-possibbiltà li minn vot bl-unanimità jgħaddu għal vot b'maġġoranza kwalifikata tal-inqas fl-oqsma magħżula tal-PESK, bħal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem u sanzjonijiet, bħala mezz konkret biex tissaħħaħ l-influwenza tal-UE fix-xena globali;

14.  Jilqa' l-adozzjoni ta' reġim globali ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem (att tal-UE bħal dak ta' Magnitsky), li jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jirrakkomanda li l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim ta' sanzjonijiet jitwessa' fil-futur biex jinkludi atti ta' korruzzjoni;;

15.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-listi ta' tagħmir li l-esportazzjoni tiegħu lejn pajjiżi terzi hija pprojbita, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jipprovdu strumenti, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, li eventwalment jintużaw għall-oppressjoni taċ-ċittadini;

16.  Jappoġġja dibattitu fil-livell tal-UE biex jiġu kkunsidrati formati ġodda ta' kooperazzjoni bħal Kunsill Ewropew tas-Sigurtà, peress li wasal iż-żmien li jiġu stabbiliti formalment il-formati u l-istituzzjonijiet effikaċi biex jittejbu l-koerenza u l-influwenza tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; jemmen li din l-idea għandha tiġi diskussa fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jtenni wkoll it-talba tiegħu li jitwaqqaf Kunsill tal-Ministri tad-Difiża;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ ir-rwol tan-NU fix-xena internazzjonali u jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi riformata s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, li tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet tal-aġenziji, l-organizzazzjonijiet u l-programmi kollha tagħha sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030; jitlob, għal darb'oħra, lill-Istati Membri jappoġġjaw riformi tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jagħmluh aktar effikaċi u operattiv, vitali fl-iżgurar tal-paċi dinjija, b'aġenda li tmur lil hinn mis-sigurtà militari u tinkludi l-movimenti tar-rifuġjati u l-persuni spustati, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-pandemiji;

18.  Jenfasizza l-importanza vitali tal-UE fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi u elettorali li qed iseħħu u fis-salvagwardja tat-trasparenza u l-leġittimità tagħhom;

19.  Jirrikonoxxi li l-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar jaffettwaw direttament l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni stess u dik tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha bħala attur globali; jissottolinja l-fatt li l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħba kummerċjali u investitur fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob lill-UE tassumi r-responsabbiltà strateġika tagħha fil-viċinat tal-UE u tiżvolġi rwol aktar f'waqtu, attiv, unifikat u effikaċi fil-medjazzjoni u fir-riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet u l-kunflitti li għaddejjin bħalissa, u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt fil-viċinat; jemmen li dan jista' jinkiseb billi jiġu definiti fi prijoritajiet l-isforzi fil-konsolidament preventiv tal-paċi, inklużi d-diplomazija preventiva u l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u jiġu appoġġjati l-forzi demokratiċi u l-istat tad-dritt, billi jinħolqu inċentivi pożittivi għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, u billi tinbena r-reżiljenza tas-soċjetajiet, sostnuta minn riżorsi baġitarji adegwati; jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Format tan-Normandija, għall-Konferenza ta' Berlin dwar il-Libja u għall-Grupp ta' Minsk;

20.  Itenni l-impenn tiegħu għat-tkabbir bħala politika trasformattiva ewlenija tal-UE u jilqa' l-metodoloġija riveduta mill-Kummissjoni u l-enfasi aktar qawwija tagħha fuq in-natura politika tal-proċess tat-tkabbir; jappoġġja l-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ inekwivoku tal-Istati Membri tal-UE għal din il-perspettiva, kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020 kif ukoll id-deċiżjoni li jinfetħu t-taħditiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jniedu l-konferenzi intergovernattivi ma' dawn iż-żewġ pajjiżi mingħajr dewmien u, b'mod aktar ġenerali, iħaffu l-proċess ta' adeżjoni, peress li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa; iħeġġeġ lill-Bulgarija, b'mod partikolari, biex tieqaf topponi l-ftuħ tal-konferenza intergovernattiva mal-Maċedonja ta' Fuq; jissottolinja li l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-UE hija ta' importanza ewlenija għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għall-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu; jisħaq li l-proċess ta' adeżjoni għandu jġib trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali; ifakkar li l-proċess ta' tkabbir huwa wieħed meritokratiku u għandu għeruqu f'kundizzjonalità stretta u ġusta skont il-kriterji ta' Copenhagen; itenni li l-adozzjoni tar-riformi trid tkun tanġibbli fil-post u jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw punti ta' riferiment ċari, trasparenti u konsistenti għall-adeżjoni kif ukoll appoġġ politiku, finanzjarju (IPA III) u tekniku kontinwu tul il-proċess, b'kejl ċar tal-progress; jisħaq li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati għandhom jallinjaw ruħhom mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-PESK li joħroġ il-VP/RGħ f'isem l-UE, u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

21.  Jilqa' r-riżultati tas-summit tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u jittama li s-sitt pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin favur il-proċessi ta' riforma meħtieġa għall-bini ta' soċjetajiet li huma aktar demokratiċi, aktar għanja, aktar ġusti, aktar stabbli u eqreb lejn il-valuri u l-prinċipji fundamentali; jissottolinja li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL u mal-pajjiżi ġirien l-oħra tal-UE għandha tkun prijorità għall-PESK minħabba l-interess vitali tal-UE fl-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta r-rekwiżiti kollha jkunu sodisfatti; jenfasizza li dawn ta' hawn fuq jistgħu jservu bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u l-adozzjoni ta' regoli u tal-istandards tal-UE; jistieden lill-UE żżomm differenzjazzjoni mfassla apposta fis-SL ibbażata fuq il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas"; jirrikonoxxi l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL, inkluż il-kontribut tagħhom għall-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet tal-UE, u jitlob l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-SL fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE;

22.   Jappoġġja t-talbiet tal-poplu tal-Belarussja biex ikun hemm libertà, demokrazija u dinjità, u biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda, liberi u ġusti; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kunsill ta' Koordinament bħala rappreżentant tal-poplu Belarussu li qed jipprotesta; jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti fuq id-dimostranti paċifiċi u jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront tar-reġim ta' Lukashenka, inkluż Aliaksandr Lukashenka nnifsu, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jirrikonoxxix ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali ffalsifikati tad-9 ta' Awwissu 2020; jitlob lill-UE tirrevedi bir-reqqa r-relazzjonijiet tagħha mal-Belarussja fid-dawl tan-nuqqas ta' konformità tar-reġim mal-impenji tiegħu stess skont id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet tiegħu mal-UE, kif ukoll toħloq inċentivi għall-istabbilizzazzjoni soċjoekonomika, l-iżvilupp tal-forzi demokratiċi u l-appoġġ għalihom;

23.  Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE li tappoġġja s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tagħha fil-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fil-livell internazzjonali; jinsab imħasseb dwar il-proliferazzjoni ta' żoni ta' kunflitt jaħraq fl-eqreb viċinat tal-UE, kif ukoll kunflitti ffriżati u l-okkupazzjoni de facto li għaddejja min-naħa tal-Federazzjoni Russa ta' territorji li jappartjenu għal Stati sovrani; itenni l-kundanna tiegħu tal-politiki aggressivi tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna, ir-rwol negattiv tagħha f'diversi kunflitti ffriżati u l-pressjoni tagħha kontra wħud mill-ġirien immedjati tagħha tal-UE, minbarra l-ksur tagħha tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, l-imblokk tagħha tal-Baħar ta' Azov, is-sekwestru kontinwu tagħha tad-depożiti tal-gass tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed, u l-ksur min-naħa tagħha tal-integrità territorjali tal-Georgia u l-Moldova; jibqa' impenjat bis-sħiħ favur il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jistieden lir-Russja terfa' r-responsabbiltà tagħha, tuża l-influwenza tagħha fuq is-separatisti appoġġjati mir-Russja u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha skont il-ftehimiet ta' Minsk; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE żżid l-azzjoni tagħha fir-riżoluzzjoni paċifika tal-hekk imsejħa kunflitti ffriżati, anke fi djalogu mal-pajjiżi terzi involuti, tippromwovi b'mod attiv soluzzjonijiet ibbażati fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, u żżid l-appoġġ liċ-ċivili milquta mill-kunflitti, lill-persuni spostati internament (IDPs) u lir-rifuġjati; jitlob, bl-istess mod, li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u twaqqaf l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;

24.  Jieħu nota adegwata tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied totali fin-Nagorno-Karabakh iffirmat mill-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Russja fid-9 ta' Novembru 2020; jittama li dan il-ftehim isalva l-ħajja kemm tal-popolazzjoni ċivili kif ukoll tal-persunal militari u jiftaħ perspettivi aktar pożittivi għal soluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt mortali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-bidliet fl-istatus quo saru bl-użu tal-forza militari, aktar milli permezz ta' negozjati paċifiċi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' ċivili u l-qerda ta' faċilitajiet ċivili u postijiet ta' qima, jikkundanna l-użu rrappurtat ta' munizzjonijiet dispersivi fil-kunflitt; iħeġġeġ kemm lill-Armenja kif ukoll lill-Ażerbajġan jirratifikaw mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, li b'mod komprensiv tipprojbixxi l-użu tagħhom; jisħaq li għad irid jinstab ftehim dejjiemi u li l-proċess tal-ksib tal-paċi u d-determinazzjoni tal-istatus ġuridiku futur tar-reġjun għandu jitmexxa mill-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk u għandu jkun ibbażat fuq il-Prinċipji Bażiċi tal-grupp; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tista' tilħaq lil dawk fil-bżonn, li s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena u l-wirt kulturali tagħha fin-Nagorno-Karabakh tiġi żgurata, u li l-persuni spustati internament u r-rifuġjati jitħallew jirritornaw fil-postijiet ta' residenza preċedenti tagħhom; jitlob li l-allegazzjonijiet kollha ta' delitti tal-gwerra jiġu investigati kif xieraq u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tkun involuta b'mod aktar sinifikattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u ma tħallix id-destin tar-reġjun f'idejn setgħat oħra;

25.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta li jmiss mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar; jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet ta' kull wieħed mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-politiki tagħha fir-rigward tar-reġjun; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' atturi reġjonali bħal-Lega Għarbija, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni għall-Mediterran u tappoġġja b'mod attiv il-kooperazzjoni intrareġjonali fost il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, bħala strument indispensabbli għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, 25 sena wara t-tnedija tal-hekk imsejjaħ Proċess ta' Barċellona, il-bini taż-żona ta' prosperità, stabbiltà u libertà kondiviżi mal-pajjiżi Mediterranji tal-Viċinat tan-Nofsinhar għadu ma tlestiex; jappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta' Berlin u l-inizjattivi kollha tan-NU li għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni politika komprensiva għall-kriżi fil-Libja;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar attenzjoni mill-qrib lill-kunflitt li għaddej fis-Sirja u taħdem biex il-membri tar-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'mod partikolari mir-Russja u l-Iran, li huma responsabbli għal għadd kbir ta' delitti tal-gwerra mwettqa mill-2011 'l hawn;

27.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tkompli taqdi rwol proattiv fir-rigward tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-konklużjoni ta' ftehim bejn il-partijiet, inkluż dwar kwistjonijiet ta' qbil dwar status finali, billi tiffoka, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet fuq il-post għal soluzzjoni paċifika ta' żewġ stati, ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, bl-Istat sigur ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

28.  Jieħu nota tal-Ftehimiet ta' Abram, li nnormalizzaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda u l-Bahrain; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Istati Uniti fl-iffaċilitar tal-Ftehimiet ta' Abram; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Għarab bħall-Eġittu jew il-Ġordan, li għal snin sħaħ żammew relazzjonijiet diplomatiċi ma' Iżrael, kellhom rwol sinifikattiv fil-promozzjoni tad-djalogu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, inkluż dwar is-sigurtà u l-istabbiltà; jissottolinja r-rilevanza kontinwa tal-investiment f'negozjati sinifikanti bejn Iżrael u l-Palestina; jilqa' l-fatt li waħda mill-premessi tal-Ftehimiet ta' Abram kienet il-waqfien tal-pjanijiet ta' annessjoni fix-Xatt tal-Punent u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw dan;

29.  Jilqa' l-ftehim reċenti tas-setgħat politiċi Palestinjani li l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali se jsiru fis-sitt xhur li ġejjin u jenfasizza li l-elezzjonijiet demokratiċi jibqgħu prijorità assoluta għall-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati għall-ħidma tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' donaturi internazzjonali;

30.  Jilqa' l-impenn tal-UE biex tippreserva l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u tiżgura li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jisħaq li dan il-ftehim multilaterali huwa kisba kruċjali tad-diplomazija Ewropea u li jibqa' pilastru ewlieni tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni, li jaġixxi bħala l-pedament tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, u li huwa fl-interess tal-UE li tiżgura l-preservazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu; jistieden lill-Istati Uniti jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u globali, u għal ordni globali bbażat fuq ir-regoli; iħeġġeġ lill-VP/RGħ juża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha disponibbli biex jissalvagwardja l-PAKK; jistieden lill-VP/RGħ, fid-dawl tar-rivalitajiet eżistenti fir-reġjun tal-Golf, jintensifika d-djalogu politiku mal-pajjiżi tar-reġjun bil-għan li jippromwovi t-taffija tat-tensjonijiet u arkitettura ta' sigurtà reġjonali inklużiva, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Jannar 2020; jistieden lill-VP/RGħ, f'dan ir-rigward, jikkunsidra li jaħtar Mibgħut Speċjali għar-reġjun tal-Golf biex jiffaċilita dan il-kompitu;

31.  Jistieden lil Franza, lill-Ġermanja u lir-Renju Unit, bħala firmatarji tal-PAKK, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibnu l-unità, l-iskoraġġiment u r-reżiljenza tagħhom kontra sanzjonijiet sekondarji minn pajjiżi terzi, u biex jimplimentaw miżuri biex jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tal-UE, inkluż permezz tat-tħaddim sħiħ tal-Istrument b'Appoġġ għall-Iskambji Kummerċjali (INSTEX); jirrifjuta l-impożizzjoni mill-ġdid ekstraterritorjali unilaterali tas-sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-irtirar tagħhom mill-PAKK, minħabba li din timmina l-interessi leġittimi tal-politika ekonomika u estera tal-UE, b'mod partikolari billi tfixkel il-kummerċ umanitarju mal-Iran fiż-żmien tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Uniti jerġgħu jingħaqdu mingħajr kundizzjonijiet mal-PAKK, filwaqt li fl-istess ħin l-Iran jiġi mħeġġeġ jerġa' jirrispetta bis-sħiħ l-impenji tiegħu skont il-ftehim; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Iran li jibda jarrikkixxi l-uranju għal 20 %, li huwa ksur dirett u gravi tal-ftehim nukleari;

32.  Jieħu nota tar-rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali tan-NU dwar il-Jemen li stabbilixxa li l-Gvern tal-Jemen, il-Houthis, il-Kunsill ta' Tranżizzjoni tan-Nofsinhar u l-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda kkommettew ksur gravi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħal attakki mingħajr distinzjoni fuq ċivili u strutturi ċivili, li jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għall-aktar delitti serji billi, fost l-oħrajn, jappoġġjaw ir-rinviju tas-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali fl-Arabja Sawdija u fl-Emirati Għarab Magħquda li kienu involuti f'allegati delitti tal-gwerra; itenni, għal darb'oħra, it-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija u lill-Emirati Għarab Magħquda, li jagħmilhom biss kompliċi fil-perpetwazzjoni tal-kunflitt u fit-titwil tat-tbatija tal-poplu Jemenit;

33.  Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ li tiddefinixxi b'mod urġenti strateġija ġeopolitika u globali aħjar għar-relazzjonijiet tagħha fit-terminu qasir, medju u twil mat-Turkija, b'mod partikolari fid-dawl tar-rigress demokratiku kontinwu u l-assertività dejjem akbar tal-politika estera tat-Turkija, li qed jikkontribwixxu għaż-żieda fit-tensjonijiet u li għandhom impatt destabbilizzanti li jhedded il-paċi u l-istabbiltà reġjonali fil-Lvant tal-Mediterran, fil-Lvant Nofsani u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, u r-rwol tagħha fil-kunflitti fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libja u fin-Nagorno-Karabakh;

34.  Jitlob li l-UE tiżvolġi rwol sinifikanti fil-Mediterran, ladarba saret attur bil-kapaċità li jiggarantixxi l-istabbiltà tar-reġjun, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-migrazzjoni irregolari; jenfasizza li l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tippreżenta opportunità ewlenija għall-koleġiżlaturi tal-UE biex itejbu l-politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni sabiex issir tiddependi inqas mit-Turkija;

35.  Itenni li n-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija huma formalment iffriżati, fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rigress demokratiku u l-isfidi għall-istat tad-dritt fit-Turkija; iqis li r-relazzjonijiet mat-Turkija ma għandhomx ikunu bbażati fuq proċess ta' adeżjoni illużorju u antikwat; jisħaq li huwa ta' interess strateġiku komuni għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u t-Turkija li jiġi stabbilit ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran; ifakkar, madankollu, li d-djalogu essenzjali li jrid jipprevali fil-ħolqien ta' dan l-ambjent stabbli u sikur jista' jeżisti biss billi tiġi evitata kwalunkwe provokazzjoni unilaterali, a fortiori permezz ta' azzjonijiet militari, navali jew mill-ajru; ifakkar f'dan ir-rigward fis-solidarjetà sħiħa tal-UE mal-Istati Membri tagħha, jiġifieri l-Greċja u Ċipru;

36.  Itenni li l-Unjoni hija lesta li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 29 TUE u fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għad-difiża tal-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistiednu lill-Istati Membri jieħdu pożizzjonijiet nazzjonali b'saħħithom rigward il-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' inizjattiva li tobbliga lill-Istati Membri kollha jwaqqfu l-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija skont din il-Pożizzjoni Komuni; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2020 li jenfasizzaw li l-UE se tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' reġim ta' sanzjonijiet fuq it-Turkija sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE u d-dritt internazzjonali, u ma tinvolvix ruħha fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali; jistieden lill-mexxejja tan-NATO jikkomunikaw bl-aktar mod qawwi lit-Turkija li mhumiex se jittolleraw l-atti ta' aggressjoni tal-pajjiż fil-konfront ta' membri sħabha tan-NATO;

37.  Jikkundanna bil-qawwa l-iffirmar taż-żewġ Memoranda ta' Qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi u dwar is-sigurtà komprensiva u l-kooperazzjoni militari, li huma interkonnessi u li jiksru biċ-ċar kemm id-dritt internazzjonali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi embargo fuq l-armi fuq il-Libja;

38.  Jikkundanna bil-qawwa r-rwol destabbilizzanti tat-Turkija li jkompli jdgħajjef l-istabbiltà fraġli fir-reġjun kollu tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden lit-Turkija ma tindaħalx fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, inkluż billi toffri appoġġ militari lill-Ażerbajġan, u biex tieqaf tieħu azzjonijiet destabbilizzantiu tippromwovi l-paċi b'mod attiv; jikkundanna, barra minn hekk, it-trasferiment mit-Turkija ta' ġellieda terroristi barranin mis-Sirja u minn postijiet oħra lejn in-Nagorno-Karabakh, kif ikkonfermat minn atturi internazzjonali, inklużi l-pajjiżi kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għar-rieda tagħha li tiddestabilizza l-Grupp ta' Minsk tal-OSKE billi ssegwi l-ambizzjoni tagħha li tiżvolġi rwol aktar deċiżiv fil-kunflitt;

39.  Jissottolinja li huwa essenzjali u fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit, amplifikat mill-prinċipji komuni u l-valuri kondiviżi tagħhom, kif ukoll mill-prossimità ġeografika tagħhom u l-kooperazzjoni strateġika konġunta li ilha teżisti, li jaqblu dwar risposti komuni biex jindirizzaw l-isfidi tal-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża abbażi tal-prinċipji tal-multilateraliżmu, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti permezz tad-djalogu u d-diplomazija, u d-dritt internazzjonali, filwaqt li jqisu li l-biċċa l-kbira tat-theddid internazzjonali jaffettwa liż-żewġ naħat bl-istess intensità; jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, li jipprovdi ċarezza u ċertezza għaċ-ċittadini u n-negozji fuq iż-żewġ naħat; jissottolinja li bħalissa qed jiskrutinizza l-ftehim, u biħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit fid-dettalji kollha tiegħu;

40.  Jisħaq li l-kooperazzjoni trans-Atlantika tibqa' kruċjali u hija ta' importanza kbira fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE; jitlob aktar sforzi lejn sħubija trans-Atlantika b'saħħitha u mġedda u djalogu kostanti, ibbażati fuq ir-rispett reċiproku u azzjonijiet konkreti għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà trans-Atlantika u l-kooperazzjoni ekonomika u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u biex tinżamm sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-kriżijiet barranin, tas-sigurtà u tal-kummerċ attwali u futuri, b'enfasi partikolari fuq l-emerġenza tas-saħħa attwali u l-isfidi ekonomiċi, soċjali, tas-sigurtà u politiċi li ġġib magħha;

41.  Jinsisti li s-sħubija trans-Atlantika għandha tingħata nifs ġdid sabiex tindirizza b'mod aktar effikaċi l-pandemija u l-isfidi internazzjonali ewlenin l-oħra bħat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tinstab bażi ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kontra ambizzjonijiet nazzjonalistiċi, awtoritarji u eġemoniċi, it-tensjonijiet espansjonistiċi fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, il-multipolarità tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati li qed jikbru fid-dominanza u l-kriżi ekonomika attwali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jilqa' l-inizjattiva tal-UE biex tistabbilixxi djalogu trans-Atlantiku dwar iċ-Ċina;

42.  Jemmen li din is-sħubija tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq ir-relazzjonijiet ta' valuri u interessi komuni u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-istituzzjonijiet multilaterali, iżda wkoll fuq il-fiduċja li, sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin intlaqtet ħażin minn azzjonijiet unilaterali eċċessivi li dgħajfu wkoll l-oqfsa multilaterali li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma parti minnhom; jiddeplora, f'dan ir-rigward, it-tendenzi unilateralistiċi tal-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump; jenfasizza li rabtiet aktar dgħajfa fil-Punent jippermettu lill-Istati illiberali jimlew il-vojt tat-tmexxija fix-xena internazzjonali; jesprimi t-tama tiegħu li l-Istati Uniti jerġgħu lura fil-passi li ħadu f'dawn l-aħħar snin meta rtiraw mill-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli globali, u b'hekk tkun tista' tissokta l-unità mill-qrib f'azzjoni trans-Atlantika li tkun allinjata bis-sħiħ mal-valuri u l-prinċipji komuni tal-UE u l-Istati Uniti; itenni l-ħtieġa li l-pajjiżi membri Ewropej tan-NATO jieħdu aktar responsabbiltajiet ta' qsim tal-piż fil-ħarsien tal-ispazju trans-Atlantiku u jirreaġixxu għal theddid ibridu ġdid; jissottolinja li jekk jingħaqdu mal-Istati Uniti fl-isforzi għall-konsolidament tal-paċi fil-futur ikun hemm aktar sinerġija u jkun hemm risposta aqwa għall-isfidi globali;

43.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakk tal-marmalja fuq il-Kungress tal-Istati Uniti minn irvellijiet inċitati mit-teoriji ta' kospirazzjoni tal-President Donald Trump u allegazzjonijiet bla bażi li l-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta' Novembru 2020 ġiet imbagħbsa; jinsab fiduċjuż li l-Istati Uniti se jiżguraw trasferiment paċifiku tal-poter lill-President elett Joseph Biden u lill-Viċi President elett Kamala Harris; jinsab allarmat biż-żieda tal-populiżmu u l-estremiżmu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu mħarsa fuq livell globali;

44.  Jitlob li tinżamm pożizzjoni b'saħħitha u magħquda fil-konfront tal-Federazzjoni Russa, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-ħames prinċipji politiċi bażiċi tal-UE; jitlob li tiġi elaborata strateġija ġdida bejn l-UE u r-Russja, li tibgħat sinjal ċar lill-fazzjoni favur id-demokrazija fis-soċjetà Russa tar-rieda kontinwa tal-UE li timpenja ruħha u tikkoopera; jitlob li jissaħħaħ ir-reġim tas-sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin bħalissa relatati mal-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny fit-territorju Russu permezz ta' aġent nervin militari tal-familja "Novichok" li ġie żviluppat fir-Russja; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' miżuri ristretti marbuta mal-użu ta' armi kimiċi fit-tentattiv ta' qtil ta' Alexei Navalny; itenni t-talba tiegħu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvelenament tiegħu;

45.  Itenni li r-rispett tal-ftehimiet ta' Minsk huwa kundizzjoni fundamentali għal kwalunkwe bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jiddeplora r-rwol negattiv tar-Russja fil-kampanji ta' diżinformazzjoni u forom oħra ta' gwerer ibridi mibdija kontra l-UE u l-Punent, li jimmiraw li jdgħajfu l-koeżjoni interna tagħna u b'hekk il-kapaċità tagħna li naġixxu b'mod effikaċi fix-xena globali; jiddeplora, barra minn hekk, il-qtil immirat fit-territorju tal-UE u l-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll is-sitwazzjoni interna diffiċli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jissottolinja l-ħtieġa li titpoġġa pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tikkonforma mad-dritt u t-trattati internazzjonali; huwa mħasseb dwar il-ksur ripetut min-naħa tar-Russja tal-ftehimiet u l-istandards dwar il-kontroll tal-armi, li wasslu għall-falliment tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja (INF), kif ukoll il-ksur tagħha tal-konvenzjoni dwar l-armi kimiċi, bl-użu ta' aġenti nervini ta' tip militari kemm fit-territorju tagħha stess kif ukoll fit-territorju tal-UE;

46.  Jissottolinja li l-Afrika hija sieħba strateġika importanti fis-sistema multilaterali; jilqa' l-isforzi attwali biex titfassal mill-ġdid u tiġi aġġornata b'mod sinifikanti l-istrateġija UE-Afrika, bl-użu ta' mudell li mhuwiex ibbażat fuq relazzjonijiet bejn id-donatur u r-riċevitur iżda fuq sħubija konġunta u kkoordinata bejn il-pari u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku b'fehim ċar tal-interessi u r-responsabbiltajiet rispettivi u reċiproċi, bil-ħsieb li tiġi żviluppata sħubija ġusta, iċċentrata fuq il-persuni u sostenibbli, inkluż f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, sigurtà u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fis-Saħel, minħabba l-instabbiltà li qed tiżdied u l-effetti diretti u indiretti sinifikanti għall-UE tal-avvenimenti f'dan ir-reġjun; jinsisti fuq viżjoni Ewropea għas-solidarjetà quddiem l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Libja, iżda wkoll għad-drittijiet tal-bniedem, fil-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-konsolidament ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika; jitlob approċċ komuni tal-UE biex jissaħħu l-konnettività tal-UE mal-Afrika, l-għarfien dwarha u l-impenn lejha; ifakkar li l-preżenza u l-impenn kredibbli tal-Ewropa huma kruċjali fil-mitigazzjoni tal-isfidi umanitarji u soċjoekonomiċi;

47.  Jinnota l-importanza tal-bini tal-kapaċitaijiet Ewropej u l-missjonijiet ta' taħriġ fit-trawwim tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afrika; itenni l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE li jsiru fl-Afrika, b'mod partikolari fir-reġjuni fin-Nofsinhar tas-Saħara u tas-Saħel, u jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandat u l-mezzi tal-missjonijiet tal-PSDK fl-Afrika jissaħħu, billi jingħataw il-mezzi biex ikomplu joperaw b'mod effikaċi biex iwieġbu għall-isfidi gravi li għandhom quddiemhom; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE fir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, fosthom permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni;

48.  Jemmen li relazzjoni msaħħa mal-Amerka Latina u l-Karibew (ALK) hija ċentrali għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE fid-dinja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqdu l-UE mal-pajjiżi ALK, li flimkien jirrappreżentaw terz tal-membri tan-NU, ibbażati fuq valuri u prinċipji komuni, b'mod partikolari fid-difiża tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, il-promozzjoni ta' aġenda ekoloġika u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Unjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala s-sieħba privileġġjata tal-pajjiżi tal-Amerka Latina fid-dawl tal-prospettiva li atturi ġeopolitiċi oħrajn jokkupaw spazju dejjem akbar fir-reġjun;

49.  Jitlob, f'dan ir-rigward, impenn immirat u multidimensjonali mar-reġjun, appoġġjat minn narrattiva komuni tal-UE li tippromwovi strateġiji li jgħinu biex jiġu indirizzati flimkien sfidi komuni bħall-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità filwaqt li jiġi żgurat front komuni fid-dawl tat-theddid li ġej mit-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza tal-Amerka Latina għall-UE u jitlob li dan ir-reġjun ikompli jitqies bħala ta' interess ġeostrateġiku ewlieni għall-PESK, permezz tal-parteċipazzjoni fil-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-għajnuna fl-iżvilupp ekonomiku tiegħu; jenfasizza li r-rispett tal-istat tad-dritt u qafas politiku u ġuridiku stabbli, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-progress lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali, huma l-pedamenti għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar fil-fond mal-pajjiżi ALK; jisħaq fuq l-importanza li tissokta u titlesta r-reviżjoni tal-ftehimiet globali maċ-Ċilì u l-Messiku, kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, u jenfasizza li dawn huma alleati u sħab ewlenin tal-UE; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u dwar l-attakki fuq il-mexxejja tal-oppożizzjoni eletti demokratikament, ġurnalisti, studenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali, u l-avukati tagħhom;

50.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja u għall-implimentazzjoni tiegħu, li huwa pass deċiżiv għall-futur tal-Kolombjani u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jitlob li tinżamm pożizzjoni konġunta b'saħħitha fir-rigward tar-reġim fil-Venezwela, u fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim tal-President Nicolás Maduro, kif ukoll fir-rigward tas-sistema ta' sanzjonijiet, speċjalment fid-dawl ta' dak li ġara dan l-aħħar, u tal-ilmenti reċenti li saru minn diversi korpi, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti;

51.  Jissottolinja l-importanza għall-UE li ssegwi strateġija unifikata, realistika, effikaċi, soda u aktar assertiva li tgħaqqad l-Istati Membri kollha u ssawwar relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), fl-interessi tal-UE kollha kemm hi, fejn għandha tfittex b'mod proattiv u assertiv relazzjonijiet ekonomiċi aktar bilanċjati u reċiproċi, ibbażati fuq valuri u interessi Ewropej, b'attenzjoni speċjali u qawwija ħafna fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tal-għan li jintlaħaq approċċ komuni mal-Istati Uniti u ma' sħab oħra li jaħsbuha b'mod simili dwar iċ-Ċina;

52.  Jitlob li politika tal-UE rigward iċ-Ċina tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin: kooperazzjoni fejn ikun possibbli; kompetizzjoni fejn meħtieġ; konfrontazzjoni fejn tkun neċessarja; ifakkar li d-diplomazija pubblika assertiva taċ-Ċina għamlet għadd ta' pajjiżi kodipendenti mill-investiment u s-self tagħha; jisħaq li l-UE għandha żżid b'mod attiv il-preżenza u l-viżibbiltà tagħha fl-istati sħab fid-dinja kollha bħala investitur u donatur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp;

53.  Iħeġġeġ lir-RPĊ terfa' responsabbiltà akbar fit-trattament tal-isfidi globali, filwaqt li tippreserva l-kooperazzjoni f'oqfsa multilaterali kull meta jkun possibbli, inkluż, b'mod partikolari, li tieħu azzjonijiet aktar ambizzjużi u impenji vinkolanti dwar il-klima, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u dwar il-bijodiversità, u tappoġġja reazzjonijiet multilaterali għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż billi tippermetti investigazzjoni internazzjonali dwar l-oriġini tal-marda; jiddeplora d-diżinformazzjoni Ċiniża dwar l-oriġini tal-pandemija tal-COVID-19, il-manipulazzjoni tagħha tas-sistema multilaterali, it-tixrid tal-influwenza malinja Ċiniża, l-attakki ċibernetiċi u proġetti ta' investiment korrotti; ifaħħar l-isforzi effikaċi tat-Tajwan biex irażżan it-tixrid tal-coronavirus u s-solidarjetà tiegħu mal-UE, kif wera bid-donazzjoni ta' aktar minn seba' miljun maskra lil ħafna Stati Membri matul il-pandemija;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ikomplu jikkomunikaw lir-RPĊ li l-UE mhux se tittollera l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, fit-Tibet u f'Xinjang, u lanqas it-trattament tagħha ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u biex tassumi rwol deċiżiv fix-xena internazzjonali biex tiżgura l-awtonomija ta' Hong Kong; jikkundanna l-ksur tal-mudell ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" bl-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fiċ-Ċina, li timmina serjament il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u għandha impatt detrimentali fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong; jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-impożizzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong fuq ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u t-Tajwan; jissottolinja li l-imminar kontinwu tal-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing mhux biss imur kontra l-obbligi taċ-Ċina skont it-trattati bilaterali u d-dritt internazzjonali, iżda jqajjem ukoll dubji dwar ir-rwol ta' Beijing bħala sieħeb kredibbli; jinnota li l-Parlament se jqis l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong meta jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment u kwalunkwe ftehim kummerċjali futur maċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-pakkett ta' miżuri miftiehem mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-28 ta' Lulju 2020, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020(6); jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv kontra l-persekuzzjoni brutali tal-Ujguri f'Xinjang, kif ukoll ta' gruppi ta' minoranza etniċi u reliġjużi oħra, b'mod partikolari l-Insara u t-Tibetani; jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jadottaw sanzjonijiet fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-uffiċjali Ċiniżi u l-entitajiet immexxija mill-istat responsabbli għall-organizzazzjoni tal-politika ta' detenzjoni tal-massa tal-Ujguri u x-xogħol furzat fiċ-Ċina;

55.  Jafferma mill-ġdid li l-Unjoni se tibqa' għassa tas-sitwazzjoni fit-Tajwan u tat-titjib tar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Repubblika taċ-Ċina (it-Tajwan); jistieden lir-RPĊ tilħaq riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim kollu dwar il-fruntieri tal-art u tal-baħar bi qbil mad-dritt internazzjonali u tevita kwalunkwe mossa militari provokatorja mmirata biex jiddestabbilizza l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jissottolinja li l-preservazzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku tibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jinnota bi tħassib serju ż-żieda reċenti fit-tensjonijiet fuq il-fruntiera bejn l-Indja u ċ-Ċina, kif ukoll fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokatorji taċ-Ċina kontra t-Tajwan; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku permezz ta' djalogu kostruttiv u jastjenu milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo; huwa tal-fehma li r-relazzjonijiet bejn l-Istrett għandhom jiġu żviluppati b'mod kostruttiv, mingħajr inizjattivi ta' destabilizzazzjoni jew koerċizzjoni minn naħa jew oħra, u li kwalunkwe bidla fir-relazzjonijiet bejn l-Istrett ma tridx issir kontra r-rieda taċ-ċittadini tat-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu l-politika tagħhom ta' impenn mat-Tajwan u jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jgħinu ħalli jappoġġjaw demokrazija fit-Tajwan mingħajr theddid barrani; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adeżjoni tat-Tajwan bħala osservatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, u ta' organizzazzjonijiet, mekkaniżmi u attivitajiet internazzjonali oħra, kif ukoll tan-network globali għall-prevenzjoni tal-mard;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar attenzjoni lir-reġjuni strateġiċi li qed jiksbu dejjem aktar attenzjoni internazzjonali, bħal, fost l-oħrajn, l-Afrika u l-Artiku, kif ukoll ir-reġjun Indo-Paċifiku, fejn iċ-Ċina qed issegwi politika ta' espansjoni li għaliha l-UE trid tiżviluppa rispons koerenti; jinnota l-ħtieġa li tiġi estiża aktar il-kooperazzjoni ma' sħab importanti bl-istess fehma fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħall-Ġappun, l-Indja, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi favur l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-Indo-Paċifiku bbażata fuq il-prinċipji u l-valuri tal-UE, li tista' tinkludi eżerċizzji militari konġunti bejn l-Awstralja u n-NATO fil-Paċifiku; huwa tal-fehma li, bħala parti minn strateġija koerenti għaċ-Ċina li fiha l-UE u l-Istati Membri jirreżistu flimkien meta jkun meħtieġ, l-UE għandha tfittex kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi fir-reġjun u ma' demokraziji oħra, li għaliha għandha tintuża bl-aktar mod sħiħ l-istrateġija tal-konnettività tal-UE; iwissi kontra l-isforzi taċ-Ċina biex tipproġetta b'aktar saħħa s-setgħa tagħha fir-reġjun, b'mod partikolari fit-Tajwan, li jwassal għal tilwim fil-fruntieri ma' ħafna mill-ġirien tagħha;

57.  Jissottolinja l-ħtieġa li jintuża l-potenzjal għal aktar titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fir-reġjun u r-rwol importanti tal-Indja kemm fir-reġjun kif ukoll fuq livell globali;

58.  Jilqa' l-inklużjoni ta' komunikazzjoni konġunta dwar l-Artiku fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2021; iqis li jeħtieġ li l-UE jkollha strateġija għall-Artiku;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mezzi tal-UE fil-PESK

59.  Jisħaq fuq l-appoġġ tiegħu għad-definizzjoni u l-promozzjoni gradwali ta' politika ta' difiża komuni mmirata lejn it-tisħiħ tal-PSDK u l-objettivi u l-kompiti tagħha kif stabbilit fit-Trattati, lejn unjoni ta' difiża żviluppata bis-sħiħ li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni kostituzzjonali speċifika tal-pajjiżi newtrali, ibbażata fuq objettivi strateġiċi ċari u orjentati lejn is-sigurtà tal-bniedem u paċi sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-adozzjoni ta' Boxxla Strateġika fl-2022; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li jissottolinja l-kompatibbiltà u r-rilevanza strateġika tagħhom għal xulxin; jistieden lill-pajjiżi Ewropej jinvestu aktar fil-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, biex jibbilanċjaw mill-ġdid ir-responsabbiltajiet fi ħdan in-NATO u biex isiru sħab aktar ugwali għall-Istati Uniti; jirrikonoxxi l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; ifaħħar il-progress lejn l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li mmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u li tittieħed azzjoni, b'mod partikolari billi l-UE tingħata bażi industrijali tad-difiża verament Ewropea permezz ta' fond Ewropew tad-difiża bil-baġit meħtieġ, u li tiġi żgurata implimentazzjoni aktar rapida u koerenti tal-kooperazzjoni strutturata permanenti li taħdem lejn l-awtonomija strateġika tal-UE, li tippermetti lill-UE tippromwovi suq intern aktar integrat għat-tagħmir tad-difiża; jissottolinja l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet inklużivi bejn diversi partijiet ikkonċernati bil-għan li titrawwem kultura strateġika komuni fis-sigurtà u d-difiża;

60.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi u s-sigurtà jista' jkollha rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tas-suċċess u s-sostenibbiltà tal-ftehimiet ta' paċi, kif ukoll it-tul ta' żmien u l-kwalità tal-paċi; jisħaq li l-impenji u d-dikjarazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) u r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fil-politika estera u ta' sigurtà spiss jibqgħu retorika minflok jimmiraw u jiżguraw li tiġi effettivament implimentata, u dan iwassal għal progress limitat fl-għanijiet tal-aġenda madwar id-dinja; ifakkar fis-suċċess akbar tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti meta l-parità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu rrispettati tul il-proċess u jitlob li jkun hemm żieda fil-parteċipazzjoni, b'mod partikolari fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u fil-pożizzjonijiet maniġerjali għan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm integrazzjoni aktar sistematika ta' perspettiva tal-ġeneru f'missjonijiet bħal dawn, għal garanziji ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u WPS għall-persunal militari u ċivili kollu stazzjonat mill-UE, inkluż il-maniġment medju u superjuri tas-SEAE u l-kapijiet u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u għal kontributi attivi għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jitlob li jkun hemm objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fir-rigward tad-diversità u l-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fis-SEAE, inkluż l-objettiv li jintlaħqu 50 % tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali bħala kapijiet tad-delegazzjoni, Rappreżentanti Speċjali tal-UE u kapijiet ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III (GAP III) u l-Pjan ta' Azzjoni WPS li jmiss jissarrfu fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, inkluża evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, u li l-Pjan ta' Azzjoni WPS jiġi anness mal-GAP III;

61.  Jisħaq li l-UE trid tassumi rwol ta' tmexxija globali fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija, rwol li jirrikjedi riżorsi finanzjarji suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas finanzjarju pluriennali (QFP) aktar ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża, inklużi aktar allokazzjonijiet għall-PESK, għall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), għall-Fond Ewropew għad-Difiża, u għall-mobbiltà militari u jistieden lill-Kunsill jiżgura l-approvazzjoni bikrija tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jesprimi dispjaċir għat-tnaqqis propost mill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji esterni fil-QFP il-ġdid u n-nuqqas ta' finanzjament permezz tal-pakkett ta' rkupru ta' Next Generation EU; jissottolinja li dan it-tnaqqis jista' jostakola r-rwol tal-UE fix-xena globali u jagħti daqqa ta' ħarta lill-kapaċità tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni; jenfasizza li l-Parlament jeħtieġ li jkun involut b'mod sinifikattiv fit-tmexxija strateġika tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali u l-kontroll tal-istrumenti finanzjarji esterni; ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu b'mod sinifikanti r-riżorsi tal-baġit tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili għall-QFP li jmiss u li jiżdied il-finanzjament għall-konsolidament tal-paċi, id-djalogu, il-medjazzjoni u r-rikonċiljazzjoni;

62.  Jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża filwaqt li jingħataw prijorità d-distakki fil-kapaċità identifikati fl-ambitu tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-fond bħall-akkomunament u l-kondiviżjoni u l-finanzjament suffiċjenti ta' proġetti sinifikattivi u Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) aktar ambizzjuża, il-FEŻ, il-mobbiltà militari u l-programm spazjali Ewropew; jinnota li dawn il-passi għandhom ikunu ta' benefiċċju wkoll għan-NATO u għar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar koerenza tal-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-UE fil-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE u jitlob f'dan ir-rigward li r-riżorsi jiġu ottimizzati biex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż u l-istrumenti; jitlob aktar appoġġ u persunal, u riżorsi baġitarji adegwati u permanenti għat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, bil-kundizzjoni li ssir valutazzjoni indipendenti fil-fond tal-attivitajiet attwali u preċedenti tagħha; jitlob rieżami tal-mandat tat-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tinkludi l-indħil barrani minn atturi emerġenti bħaċ-Ċina;

63.  Itenni t-talba tiegħu ta' appoġġ aktar b'saħħtu għall-istrateġija tal-UE għas-sigurtà marittima, billi l-libertà tan-navigazzjoni hija sfida li qed tikber kemm fuq livell globali kif ukoll fil-viċinat; jissottolinja li l-libertà tan-navigazzjoni għandha tiġi rrispettata dejjem; jirrakkomanda, sabiex tinkiseb ġestjoni effikaċi tal-informazzjoni marittima globali, li l-koordinament strutturali bejn l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tissaħħaħ u tiġi appoġġjata, b'mod partikolari billi tkun permessa l-konverġenza taż-żewġ komponenti ċivili u militari ewlenin li jipprovdu l-bażi għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jenfasizza l-eżistenza ta' ftehimiet qafas ma' pajjiżi mhux tal-UE għall-parteċipazzjoni tagħhom f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar ta' kriżijiet; jirrimarka li dawn il-ftehimiet jenfasizzaw l-approċċ kollettiv li jirregola t-tfittxija tal-paċi u s-sigurtà;

65.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddid fuq żmien medju u fit-tul li jeħtieġ li jiġi indirizzat mill-PESK fil-futur, inklużi r-riskji għas-sigurtà kkawżati minn reġimi awtoritarji, atturi mhux statali, mit-tibdil fil-klima, it-theddid ċibernetiku, attakki CBRN, it-theddid ibridu inkluż l-użu usa' tal-intelliġenza artifiċjali, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, it-tellieqa spazjali u l-militarizzazzjoni tagħha, u minn teknoloġiji emerġenti, it-terroriżmu u l-flussi migratorji mhux ikkontrollati, flimkien ma' sfidi ġeopolitiċi diġà stabbiliti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tagħmel progress fid-definizzjoni u r-rikonoxximent ta' theddid ibridu; jitlob lill-UE ttejjeb l-għarfien ta' dan it-theddid u tibni kapaċità komuni ta' reżiljenza; jisħaq li dan it-theddid jista' jiġi miġġieled biss permezz ta' azzjoni koordinata u investiment f'waqtu u adegwat fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej; jilqa' l-ħolqien min-naħa tal-Parlament tal-Kumitat Speċjali dwar l-Intelligenza Artifiċjali fl-Era Diġitali bħala forum li fih jiġu indirizzati kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-intelliġenza artifiċjali; iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu favur l-għanijiet tal-PESK, inkluża l-politika tal-enerġija tal-UE;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata dimensjoni koerenti tal-PESK relatata mal-politika dwar il-klima, peress li r-rwol tat-tibdil fil-klima ta' destabilizzatur ekonomiku, soċjali u politiku u multiplikatur tar-riskju qiegħed dejjem jiżdied;

67.  Jilqa' l-analiżi tat-theddid immexxija mill-intelligence li bħalissa qed titwettaq mill-VP/RGħ bħala punt tat-tluq għall-Boxxla Strateġika futura, u jitlob dibattitu fil-Parlament dwar l-eżitu ta' din l-analiżi; jilqa' l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni biex tinkorpora l-previżjoni strateġika fit-tfassil tal-politika tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0286.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0172.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13).
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0174.


L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni - rapport annwali 2020
PDF 222kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni - rapport annwali 2020 (2020/2207(INI))
P9_TA(2021)0013A9-0265/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, tat-28 ta' Ġunju 2018, tal-14 ta' Diċembru 2018, tal-20 ta' Ġunju 2019, tat-12 ta' Diċembru 2019 u tal-21 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018, tas-17 ta' Ġunju 2019 u tas-17 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-istabbiliment ta' Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-10 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi tad-19 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2018 u dwar iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-5 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isforzi komplementari għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu tal-10 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u s-Sigurtà ral-Unjoni Ewropea)" ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari tat-28 ta' Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tat-12 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u l-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ħames rapport ta' progress tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u l-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-impatt enormi li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu fuq il-kapaċitajiet ta' difiża potenzjali tal-UE, peress li huwa wieħed mill-aktar poteri militari Ewropej effettivi,

–  wara li kkunsidra l-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja,

–  wara li kkunsidra l-ksur tar-Russja tal-ispazju tal-ajru u tal-fruntieri marittimi tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra ż-żieda fil-preżenza ekonomika u militari taċ-Ċina fil-pajjiżi Mediterranji u Afrikani,

–  wara li kkunsidra t-theddida tat-terroriżmu domestiku u barrani, primarjament minn gruppi bħall-ISIS,

–  wara li kkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali u l-informatika kwantistika, li joffru opportunitajiet ġodda għall-umanità, iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda fl-ambitu tal-politika estera u ta' difiża li għalihom hemm bżonn strateġija ċara u kunsens bejn l-alleati,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Rapport ta' Progress dwar il-prijoritajiet tal-UE u tan-NU 2019-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-immaniġġjar tal-kriżijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 3212(1974), 32/15(1977), 33/15(1978), 34/30(1979) u 37/253(1983),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 353(1974), 361(1975), 367(1975), 458(1979), 541(1983), 550(1984), 649(1990), 716(1991), 750(1992), 774(1992), 789(1992), 889 (1993), 939(1994), 1032(1995), 1062(1996), 1250(1999), 2009(2011), 2095(2013) u 2174(2014),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'attenzjoni speċjali lill-SDG 16, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-NU ta' Ġunju 2018 bit-titolu "Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament" (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 09/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar id-Difiża Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016(2), tat-13 ta' Diċembru 2017(3), tat-12 ta' Diċembru 2018(4) u tal-15 ta' Jannar 2020(5) dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħejjija tal-proċess ta' rieżami 2020 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), tal-kontroll tal-armi nukleari u tal-opzjonijiet ta' diżarm nukleari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar id-deċiżjoni li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0265/2020),

1.  Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi u s-sigurtà, u jitlob li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu lejn iż-żamma tal-paċi internazzjonali, is-sigurtà, il-multilateraliżmu effettiv, il-kooperazzjoni, l-istabbiltà globali u l-appoġġ attiv għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, f'konformità mal-prinċipji u l-valuri tal-Karta tan-NU u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

2.  Jisħaq li, minħabba t-theddid multidimensjonali attwali li qed jiżdied għas-sigurtà u l-istabbiltà globali, reġjonali u nazzjonali li qed tiffaċċja l-UE f'ambjent multipolari ħafna u imprevedibbli b'setgħat globali u reġjonali aktar assertivi u kompetittivi u b'tibdil fl-alleanzi, huwa biss permezz tal-isforz konġunt ta' Unjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda u tal-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' demokraziji tal-istess fehma, li l-atturi Ewropej se jkollhom il-potenzjal li jiżviluppaw Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) aktar robusta sabiex ikollhom rwol aktar b'saħħtu u rilevanti fix-xena internazzjonali fl-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u biex jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, il-prosperità, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet u l-valuri fundamentali u d-demokrazija;

3.  Jinnota li d-deterjorament dejjiemi fl-ambjent strateġiku tal-Unjoni qiegħed jaffettwa direttament jew indirettament is-sigurtà tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja li, f'dan l-ambjent instabbli u imprevedibbli, l-Unjoni u l-Istati Membri flimkien għandhom rwol akbar x'jaqdu biex jiżguraw is-sigurtà tal-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-valuri tal-Unjoni kontra t-theddid multilaterali, ir-riskji u l-isfidi;

4.  Jinnota l-objettiv tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa awtonomija strateġika Ewropea, li hija ambizzjoni bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tivvaluta b'mod indipendenti sitwazzjoni ta' kriżi u tieħu deċiżjonijiet awtonomi, u fuq il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, sabiex tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha, b'rispett sħiħ tal-alleanzi u tas-sħab strateġiċi tagħha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' komplementarjetà man-NATO;

5.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu definizzjoni formali komuni tal-awtonomija strateġika u jiddefinixxu l-objettivi, il-mezzi u r-riżorsi tagħha għall-implimentazzjoni b'mod ċar ħafna; iqis il-kapaċità li taġixxi b'mod awtonomu bħala mezz importanti għall-UE biex issaħħaħ l-azzjoni multilaterali tagħha, issir inqas vulnerabbli għal theddid estern u tkun sieħeb aktar affidabbli f'ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli;

6.  Jemmen li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-vulnerabbiltà tal-UE u d-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa saħansitra aktar importanti li jiġu intensifikati l-isforzi tal-UE lejn awtonomija strateġika f'dan il-kuntest;

7.  Jinnota li sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-PSDK; jilqa' l-fatt li l-UE tibqa' impenjata li żżid il-preżenza globali tagħha u l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala promotur u fornitur tas-sigurtà globali, inkluż permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tagħha, bl-għan li tikseb paċi, stabbiltà, sigurtà u prosperità sostenibbli u tikkontribwixxi b'mod attiv biex jiġu eliminati u riżolti l-kunflitti madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-viċinat tal-UE;

8.  Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ li, sa tmiem l-2020, se tiġi ppreżentata analiżi tat-theddid u l-isfidi komuni, li se tipprovdi l-bażi għad-diskussjonijiet dwar il-politika mal-Istati Membri u għall-iżvilupp ta' Boxxla Strateġika; jinnota li l-Boxxla Strateġika se ttejjeb u tiggwida l-implimentazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE, kif stipulat fl-2016, u se tiddefinixxi approċċ strateġiku, għanijiet u objettivi speċifiċi fl-erba' oqsma ewlenin: il-maniġġar ta' kriżijiet, ir-reżiljenza, il-kapaċitajiet u s-sħubiji, sa mhux aktar tard mill-2022; jisħaq li dan huwa meħtieġ minħabba li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa xenarji illustrattivi għall-interventi militari u ċivili u biex tipprepara sew fil-livelli operazzjonali u politiċi; jittama li l-Boxxla Strateġika, bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta' kapaċità operattiva indipendenti tal-UE, se twitti t-triq għal kultura strateġika aktar armonizzata u b'hekk tiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;

9.  Qed iqis li jressaq ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess dwar l-oqsma ewlenin tal-Boxxla Strateġika sabiex jipprovdi input u gwida parlamentari, f'konformità mal-prinċipji istituzzjonali demokratiċi tagħna;

10.  Jissottolinja l-importanza ġeopolitika primarja għall-Unjoni ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità reġjonali sostenibbli u tal-prevenzjoni ta' proċessi destabbilizzanti fil-viċinat tagħha, kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar u fl-Artiku; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li għandhom l-operazzjonijiet EUFOR Althea u EULEX Kosovo fil-promozzjoni tal-istabbiltà u s-sigurtà billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi u jiġi promoss it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'reġjun ta' importanza strateġika għall-UE; jilqa' l-estensjoni tal-mandati ta' EULEX Kosovo u EUAM Ukraine u jtenni l-importanza tal-involviment tal-PSDK fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant; jinkoraġġixxi rieżami tal-missjoni tal-PSDK attwali EUAM Ukraine biex jiġi ddeterminat kif tista' tappoġġja aktar is-sigurtà tal-Ukrajna;

11.  Jinnota l-fatt li l-instabbiltà fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b'mod partikolari fir-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika fl-aħħar mill-aħħar għandha effett kollaterali negattiv b'mod partikolari fuq il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, u għalhekk toħloq sfida diretta għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni Ewropej tagħna;

12.  Huwa mħasseb li l-forzi militari tal-Federazzjoni Russa għadhom qed jokkupaw partijiet kbar mill-Ukrajna u l-Georgia bi ksur tad-dritt internazzjonali, li għadhom preżenti fir-Repubblika tal-Moldova, u li r-Russja għadha tiddestabilizza l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskala bla preċedent ta' kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-Istat fil-Viċinat tal-Lvant; ikompli jikkundanna l-intervent militari tar-Russja u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea u ż-żamma tal-kunflitt iffriżat fil-Moldova; jisħaq fuq il-ħtieġa li nitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tal-UE f'dak il-kuntest;

13.  Jilqa' l-waqfien tal-ostilitajiet fin-Nagorno-Karabakh u madwaru; jissottolinja bi tħassib l-involviment militari ta' pajjiżi terzi fil-kunflitt u b'mod partikolari r-rwol destabbilizzanti u l-interferenza tat-Turkija; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali dwar l-allegata preżenza ta' ġellieda barranin u l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi u bombi tal-fosfru; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-korpi internazzjonali jiżguraw li ma jkunx hemm impunità għal delitti tal-gwerra fin-Nagorno-Karabakh u għall-użu ta' armi pprojbiti fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-għajnuna umanitarja titħalla tidħol, li l-iskambju ta' priġunieri u ta' persuni maqtula jsir mingħajr dewmien, u fuq il-ħtieġa li jiġi ppreservat il-wirt kulturali tan-Nagorno-Karabakh;

14.  Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda reċenti fit-tensjonijiet dwar xi punti ta' tħassib potenzjali fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku, bħall-fruntiera kkontestata bejn l-Indja u ċ-Ċina, il-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Istrett tat-Tajwan, inklużi l-manuvri militari dejjem aktar provokattivi taċ-Ċina mmirati lejn it-Tajwan; jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' mezzi paċifiċi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u joqogħdu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex jibdlu l-istatus quo; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp paċifiku tul l-Istrett tat-Tajwan biex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-Ċina u t-Tajwan, u fir-reġjun Asja-Paċifiku, li jibqa' ta' importanza kritika għall-interessi tal-UE; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirrevedu l-politika ta' involviment tagħhom mat-Tajwan u jaħdmu ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma biex jipproteġu lit-Tajwan demokratiku ħieles minn theddid barrani; jesprimi tħassib dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni mnedija minn pajjiżi terzi malizzjużi biex ifixklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 kontra demokraziji fir-reġjun Indo-Paċifiku, inkluż it-Tajwan; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sinifikanti u prammatika tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, il-mekkaniżmi u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), sabiex flimkien jiġġieldu kontra l-kriżi globali tas-saħħa pubblika;

15.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-attivitajiet illegali u t-theddid ta' azzjoni militari kontra l-Istati Membri min-naħa tat-Turkija fil-Mediterran tal-Lvant, u jikkundanna dan bil-qawwa; jinnota bi tħassib li l-azzjonijiet unilaterali mmexxija mit-Turkija, minkejja l-isforzi ta' dieskalazzjoni, qed jiksru d-dritt internazzjonali u qed jaffettwaw direttament is-sovranità ta' xi Stati Membri; itenni r-rieda tal-Unjoni li tuża l-istrumenti u l-għażliet kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż f'konformità mal-Artikolu 29 tat-TUE u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-Lvant tal-Mediterran u jitlob strateġija komprensiva ġdida bejn l-UE u t-Turkija;

16.  Jisħaq li l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur jista' jwassal għal kunflitti serji; jisħaq li l-Unjoni Ewropea trid tistabbilixxi strateġija politika biex tiffaċilita s-soluzzjonijiet f'dawn iż-żoni ta' potenzjal destabbilizzanti għoli filwaqt li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li jinsabu fl-aktar żoni importanti ta' kunflitt relatat mal-ilma biex jiffirmaw il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki dwar l-Ilma tal-1992 li tlestiet fi New York fl-1997 dwar il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi fuq l-ilma transfruntiera u lagi internazzjonali;

Il-konsolidazzjoni tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea: it-tisħiħ tal-effettività tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'ambjent imprevedibbli u destabbilizzat

17.  Iqis li l-PSDK hija primarjament ibbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li twettaq missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew li jeħtieġu intervent internazzjonali skont id-dritt internazzjonali u l-karta u r-riżoluzzjonijiet tan-NU; jinnota li l-Unjoni bħalissa qed twettaq 11-il missjoni u operazzjoni ċivili u sitta militari, li minnhom, fil-każ ta' dawn tal-aħħar, tlieta huma missjonijiet eżekuttivi (ATALANTA, EUNAVFOR MED IRINI, EUFOR ALTHEA) u tlieta mhumiex eżekuttivi (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUTM RCA); ifakkar li l-mandati tal-missjonijiet tal-PSDK għandhom l-għan, fost oħrajn, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, imexxu 'l quddiem ir-riforma tal-ġustizzja, u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija; jirrakkomanda evalwazzjoni xierqa tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq bażi regolari sabiex jiġi identifikat fejn tista' tissaħħaħ aktar l-effettività tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li l-missjonijiet jitwettqu b'mod aktar rapidu, flessibbli u konsistenti;

18.  Jinnota, sfortunatament, li għad hemm nuqqas ta' rieda politika minn xi Stati Membri biex jipparteċipaw fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK b'mod sinifikanti u kredibbli; jissottolinja l-importanza li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet isiru aktar robusti, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' mandati; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribut tal-forzi u l-assi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, filwaqt li jindirizzaw b'mod partikolari n-nuqqasijiet eżistenti, peress li l-kwistjoni tal-finanzjament għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK hija kruċjali għas-sostenibbiltà tagħhom, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, u l-kwistjoni ta' tensjonijiet u kunflitti potenzjali li qed jiżdiedu; jisħaq li l-baġit tal-PSDK ma għandux jidgħajjef;

19.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet tal-PSDK tikkontribwixxi għall-effettività tal-missjoni u hija mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa madwar id-dinja; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat; jilqa' l-fatt li l-missjonijiet ċivili kollha tal-PSDK issa ħatru konsulent tal-ġeneru u jistieden lill-missjonijiet militari tal-PSDK jagħmlu l-istess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippreżentaw kandidati nisa għall-pożizzjonijiet vakanti eżistenti; jitlob li l-persunal militari u ċivili kollu skjerat mill-UE jiġi mħarreġ biżżejjed dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u speċifikament dwar kif jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-kompiti tagħhom; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-għadd ta' nisa li jaħdmu fil-missjonijiet tal-PSDK u speċjalment f'operazzjonijiet militari għadu baxx ħafna; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jippromwovi l-ħtieġa ta' mira konkreta u impenn politiku biex jiżdied l-għadd ta' nisa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħarsu lejn modi kif isaħħu l-politiki ta' reklutaġġ u taż-żamma tal-persunal u jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-missjonijiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi u taż-żamma tal-paċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi inkluża linja baġitarja ġdida tal-UE li tiffinanzja l-pożizzjoni tal-konsulenti tal-ġeneru fil-missjonijiet militari tal-PSDK;

20.  Jissottolinja l-impenn globali tal-Unjoni fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika permezz ta' sitt missjonijiet ċivili (EUCAP Mali, EUCAP Niger, EUCAP Somalia) u militari (EUTM Mali, EUTM Somalia, EUNAVFOR ATALANTA, EUNAVFOR MED Irini);

21.  Jinnota li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK qed ikollhom tendenza dejjem akbar li jiffukaw fuq it-taħriġ tal-forzi armati (jiġifieri missjonijiet ta' taħriġ tal-UE) mingħajr dimensjoni eżekuttiva; iqis li, mingħajr ma tiġi affettwata d-dimensjoni mhux eżekuttiva ta' dawn il-missjonijiet, il-mandat għandu jsir aktar robust sabiex il-konsulenti Ewropej ikunu jistgħu jivverifikaw, mill-aktar qrib possibbli, ir-raġuni għall-iskjerament, jekk il-programmi ta' formazzjoni ġewx implimentati sew u humiex konformi b'mod sħiħ mal-ħtiġijiet operattivi attwali tal-forzi armati lokali; jinnota li dan jippermetti wkoll prevenzjoni aħjar ta' ġestjoni ħażina u ta' każijiet ta' abbuż ladarba l-forzi mħarrġa jiġu skjerati fil-post; jisħaq li dan huwa speċjalment il-każ f'EUTM Mali, fejn il-forzi armati tal-Mali jiġu skjerati f'żoni ferm differenti u diffiċli, u b'hekk jirrikjedu sorveljanza tal-mod kif il-formazzjonijiet Ewropej qed jiġu implimentati attwalment;

22.  Jisħaq li ftit biss mill-missjonijiet tal-PSDK jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali u sessist, u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju biex dan it-tip ta' fastidju jiġi miġġieled fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha u jiżguraw li l-vittmi u l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv; jitlob li l-Istandards Ġeneriċi Mtejba tal-Imġiba għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu aġġornati biex jinkludu l-prinċipju ta' tolleranza żero ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tat-tmexxija u l-maniġment tal-UE fir-rigward tal-vjolenza sesswali u sessista;

23.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2020 dwar l-Operazzjoni EUFOR Althea u r-rieda li jitkompla l-mandat tal-Operazzjoni biex jiġu appoġġjati l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jinżamm l-ambjent sikur u sigur taħt awtorizzazzjoni mġedda tan-NU; jirrikonoxxi l-isfidi li qed jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u jfaħħar lill-persunal tal-missjonijiet talli baqa' kompletament operattiv matul dan iż-żmien;

24.  Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja hija inkwetanti ħafna u hija fattur destabbilizzanti fil-Qarn tal-Afrika u anke lil hinn; jemmen, f'dan ir-rigward, li t-tisħiħ tal-EUTM Somalia b'kapaċità konsultattiva fi strutturi ta' kmand jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq kif jitwettqu l-operazzjonijiet fil-qafas multilaterali tal-assistenza militari;

25.  Jinkoraġġixxi l-isforzi li saru fir-rigward tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li tnieda permezz taċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 biex dan jidħol fit-tieni fażi tiegħu, u b'hekk jissaħħaħ l-approċċ reġjonali tal-UE fis-Saħel, b'mod partikolari f'EUTM Mali billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, bil-għan li l-azzjoni tal-UE ssir aktar effettiva u operazzjonali bejn il-fruntieri tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, u tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni transfruntiera, biex b'hekk il-ħidma ta' EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger u EUTM Mali ssir aktar effettiva; jitlob li l-isem tagħha jinbidel għal EUTM Sahel; jinnota li l-konsistenza u l-kooperazzjoni fis-sigurtà mal-pajjiżi Afrikani huma kruċjali biex jinkisbu l-istabbiltà u l-iżvilupp fit-tul tal-kontinent; huwa tal-fehma li r-reġjonalizzazzjoni tal-approċċ tal-PSDK fis-Saħel hija rilevanti iżda tirrikjedi organizzazzjoni aktar ċara bejn il-missjonijiet ċivili u militari diġà eżistenti tal-PSDK, l-atturi lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (jiġifieri l-missjoni taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti MINUSMA u l-Operazzjoni Barkhane mmexxija mill-militar Franċiż) biex jiġu żgurati s-sinerġija operazzjonali u l-isforzi kkoordinati fil-livell tal-Unjoni;

26.  Jinsab imħasseb dwar il-kampanja ta' diżinformazzjoni li għaddejja bħalissa fir-rigward tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-VP/RGħ jieħu azzjoni sabiex jidentifika b'mod effiċjenti l-oriġini tal-kampanja ta' diżinformazzjoni u jiġġieled dawn l-attakki; jilqa' t-tnedija ta' EUAM RCA bil-ħsieb li jiġu appoġġjati r-riforma tas-settur tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-estensjoni tal-mandat ta' EUTM RCA; iqis li l-Unjoni jeħtieġ li ttejjeb malajr u b'mod effettiv il-kapaċitajiet tagħha li tforni tagħmir minbarra t-taħriġ ipprovdut mill-missjonijiet EUCAP u EUTM; jinnota li t-twaqqif tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi se jiżgura approċċ komprensiv għall-bini tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sħab tagħna; jissottolinja li l-atturi barranin assertivi, preżenti u attivi, li mhux neċessarjament ikollhom l-istess prinċipji etiċi bħall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jimlew id-distakk fil-kapaċitajiet u huma involuti fil-provvista ta' tagħmir lil dawn il-forzi, mingħajr ebda rispett għall-istat tad-dritt u l-istandards internazzjonali;

27.  Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u umanitarja fir-reġjun tas-Saħel, fejn it-terroriżmu qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-viċinat tagħhom, u dan qed jaggrava t-tensjonijiet politiċi, etniċi u reliġjużi lokali; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ li jġibu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fis-Saħel f'dan ir-rigward; ifakkar li huwa essenzjali li jinżamm l-investiment fit-tul li sar mill-komunità internazzjonali biex taħdem lejn is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u fis-Saħel; jilqa' t-tkomplija mill-ġdid tal-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fil-Mali;

28.  Jitlob approċċ ġdid fil-livell operazzjonali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-assistenza tas-sigurtà u l-bini tal-kapaċità militari, li jinkorpora t-tagħlimiet meħuda, b'mod partikolari fil-Mali, u li jenfasizza (a) il-kontroll demokratiku tal-forzi tas-sigurtà kollha inklużi l-forzi armati, (b) il-governanza demokratika u trasparenti tas-settur, (c) il-monitoraġġ sistematiku tal-konformità sħiħa u stretta tal-atturi kollha mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u (d) mekkaniżmi ċari għas-sospensjoni, jew l-irtirar f'każ ta' impunità, u ksur kontinwu;

29.  Jinnota l-livell imtejjeb ta' koordinazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari fi tliet pajjiżi: il-Mali, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Somalja; jilqa' l-isforzi kkoordinati tal-missjoni tal-UE tal-bini tal-kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) u ta' EUTM Somalia li jakkumpanjaw it-tqarrib operazzjonali bejn il-pulizija tas-Somalja u l-armata tas-Somalja fiż-żoni liberati mill-influwenza ta' Al Shabaab; jisħaq li l-approċċ integrat tal-għodod, l-istrumenti baġitarji u l-atturi f'EUAM CAR u EUTM CAR għandu jiġi ddupplikat meta jkun rilevanti f'missjonijiet u operazzjonijiet oħra tal-PSDK;

30.  Jilqa' t-tnedija tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED Irini, li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà sostenibbli billi tappoġġja l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi fuq il-Libja skont il-UNSCR 2526 (2020), it-taħriġ tal-gwardja tal-kosta Libjana u t-tfixkil tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Istati Membri biex jassenjaw b'mod urġenti l-assi tal-intelligence, tas-sorveljanza, ta' rikonjizzjoni mill-pulizija u dawk navali meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Operazzjoni Irini li sa issa kienu limitati u jinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-operazzjoni marittima tan-NATO li għaddejja bħalissa Sea Guardian, kif ukoll kooperazzjoni mas-sħab reġjonali; ifakkar fl-obbligi internazzjonali rigward it-tiftix u s-salvataġġ fil-baħar; jistieden lill-VP/RGħ jagħmel użu sħiħ mill-assi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari ċ-ċentru satellitari tal-UE u ċ-ċentru tal-intelligence tal-UE; jilqa' l-progress li qed isir lejn l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja, jistieden lill-UE tassumi rwol attiv fil-proċess ta' medjazzjoni sabiex tikkontribwixxi għat-twaqqif tal-pedamenti meħtieġa għal Libja paċifika, stabbli u demokratika;

31.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2020 li jestendi l-mandati ta' tlieta mill-missjonijiet ċivili tiegħu tal-PSDK: il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), il-Missjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah), u l-Missjoni tal-Pulizija Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS);

32.  Jitlob żvilupp u tisħiħ ulterjuri tal-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ċivili u militari tal-UE u tal-istrutturi ta' kmand u ta' kontroll, filwaqt li jiġu garantiti linji ta' kmand militari u ċivili separati;

33.  Jinnota li r-rieżami strateġiku tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jinbeda fl-2020; jistieden, fid-dawl tal-impatt ta' dan ir-rieżami fuq l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, lill-VP/HR iżomm lill-Parlament infurmat fil-ħin dwar l-għażliet disponibbli u magħżula; itenni li l-UE tirrikjedi struttura ta' kmand militari permanenti u sħiħa sabiex tkun tista' taġixxi b'mod awtonomu u għalhekk jistieden lill-Kunsill jimplimenta struttura bħal din;

34.  Jieħu nota tal-progress u l-isforzi ġenerali li saru fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, li għandu l-għan li jagħmel lill-PSDK ċivili aktar kapaċi, aktar effettiva, flessibbli u risponsiva kemm fil-livell nazzjonali billi jiġu żviluppati u implimentati l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali biex jiżdiedu l-kontributi nazzjonali għall-PSDK ċivili, kif ukoll fil-livell tal-UE bl-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Konġunt; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK sal-bidu tas-sajf 2023; jinnota l-isfidi marbuta mal-kapaċità li qed tiffaċċja l-PSDK ċivili fir-rigward tad-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' pulizija, imħallfin, prosekuturi, u esperti oħra fis-settur tal-ġustizzja u tas-sigurtà ċivili; huwa tal-fehma li l-UE trid issegwi l-evalwazzjoni komprensiva tagħha tal-missjonijiet ċivili EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger, EUCAP Somalia u EUAM RCA f'termini tal-mandati, il-baġits u r-riżorsi umani tagħhom, sabiex tagħmilhom kompletament operattivi u effettivi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rieżami annwali dettaljat li jqis il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK; jistieden lill-atturi rilevanti kollha jintensifikaw il-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-missjonijiet ċivili u militari skjerati fl-istess żona, speċjalment fir-rilevanza għall-mobbiltà u infrastrutturi diġitali siguri; jilqa' l-ħolqien taċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Maniġġar Ċivili ta' Kriżijiet li nfetaħ f'Settembru 2020 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tiegħu;

35.  Ifaħħar il-kontinwità u l-preżenza sostnuta tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK minkejja l-ambjent mimli sfidi u l-impatt negattiv kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ li l-baġit, ir-riżorsi, l-ippjanar u t-tagħmir tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiġu vvalutati u aġġustati fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li tinżamm l-effettività operazzjonali; jissottolinja l-importanza li l-UE tqis x'jista' jsir aktar biex jitnaqqas u jiġi ġestit ir-riskju li l-persunal jiġi infettat; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt amplifikat negattiv tal-COVID-19 fuq il-kriżijiet eżistenti u jemmen li huwa imperattiv għall-UE li tipprevjeni l-COVID-19 milli jisfida ħafna snin ta' progress fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jinsab allarmat dwar il-mewġa ta' diżinformazzjoni, b'mod partikolari kontra l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-għodod strateġiċi ta' komunikazzjoni u d-diplomazija pubblika tagħha, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn jitwettqu missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

36.  Jirrikonoxxi l-kontribut magħmul mill-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK għaż-żamma tal-paċi, l-istabbiltà u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-UE ttejjeb il-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha għall-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti; jitlob approċċ aktar proattiv fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti mtawla fil-viċinat immedjat tal-UE; jitlob approċċi sensittivi għall-kunflitti u ffukati fuq in-nies li jpoġġu s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-impenn tal-UE;

37.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet li fihom tiġġenera l-akbar valur miżjud; għaldaqstant jilqa' riflessjoni dwar ir-rilevanza u l-effiċjenza ta' ċerti missjonijiet;

38.  Jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li għandha l-għan li żżid l-effettività tal-missjonijiet tal-UE, tappoġġja s-sħab tagħha, u tikkontribwixxi għal operazzjonijiet ta' paċi; jissottolinja li dan l-istrument se jiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-UE, inklużi l-ispejjeż konġunti tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK u dawk relatati mal-bini tal-kapaċità militari għas-sħab f'pajjiżi li fihom qed tintervjeni l-UE u għalhekk għandhom jingħataw baġit kbir biżżejjed biex jindirizzaw b'mod effiċjenti l-isfidi attwali relatati mat-taħriġ, l-operazzjonijiet, il-missjonijiet, il-proġetti u tagħmir militari inklużi armi, munizzjonijiet u trasport, f'konformità sħiħa mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju internazzjonali, u b'dispożizzjonijiet effettivi ta' trasparenza, kif elenkati fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru valutazzjonijiet komprensivi ex ante tar-riskju u li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-użu mill-pajjiżi riċevituri, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn volatilità għolja tal-pajsaġġ politiku u permeabbiltà kbira tal-fruntieri nazzjonali, u li jiġu stabbiliti s-salvagwardji meħtieġa fil-livell tal-UE li jipprevjenu l-akkwist ta' dawn l-armi minn gruppi terroristiċi u atturi malizzjużi oħra;

39.  Jilqa' t-tħabbira fl-ittra ta' intenzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-2020 ta' Komunikazzjoni konġunta dwar approċċ strateġiku li jappoġġja d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-eks kumbattenti fl-2021, bħala reviżjoni f'waqtha tal-Kunċett tal-UE tal-2006 għall-Appoġġ tad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni (DDR); jissottolinja l-importanza tar-riforma tas-settur tas-sigurtà bħala prijorità speċjalment għall-missjonijiet ċivili tagħna tal-PSDK, li għandu jkollhom bħala l-objettiv ewlieni tagħhom l-implimentazzjoni tal-approċċ tas-sigurtà tal-bniedem; jisħaq li l-approċċ strateġiku l-ġdid tad-DDR jeħtieġ li jiżgura l-konsistenza bejn l-istrumenti tal-PSDK u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

L-iżvilupp ta' kapaċitajiet effettivi tal-PSDK

40.  Jilqa' l-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, bħall-CARD, il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) futur u l-programmi prekursuri tiegħu l-PADR u l-EDIDP, peress li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar koerenza, koordinazzjoni, u interoperabbiltà fl-implimentazzjoni tal-PSDK u jwittu t-triq lejn it-twettiq tal-Kompiti ta' Petersburg u l-konsolidazzjoni tas-solidarjetà, il-koeżjoni, u r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

41.  Jirrikonoxxi li l-integrazzjoni fl-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni sinifikanti ta' aktar Stati Membri fi proġetti kbar Ewropej tad-difiża li bħalissa huma mmexxija fuq bażi kważi esklużivament bilaterali (jiġifieri l-FCAS u l-MGCS) huma ta' importanza kritika għas-suċċess tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni fil-qasam tad-difiża u jirrappreżentaw valur miżjud ċar għall-isforzi Ewropej lejn kooperazzjoni, integrazzjoni fid-difiża, u interoperabbiltà msaħħa għall-benefiċċju tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

42.  Jinnota li huwa kruċjali li jittejbu l-koerenza, l-inklużività, il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-istrumenti kollha tal-UE tal-ippjanar tad-difiża u l-għodod u l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, sabiex joħolqu sinerġiji sinifikanti u tisħiħ reċiproku, jevitaw duplikazzjoni, jiżguraw użu effiċjenti u strateġiku tar-riżorsi, jiżguraw l-interoperabbiltà u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża u jimmiraw għal 2 % tal-PDG;

44.  Jilqa' l-ftehim milħuq fuq ir-regolament tal-EDF, u jitlob l-adozzjoni u l-istabbiliment rapidi tal-EDF, li se jindirizza u jħaffef il-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża komuni maqbula fl-oqsma tal-ajru, tal-art, tal-baħar, u taċ-ċibernetika u b'hekk irawwem il-kapaċità tal-UE li topera bħala attur globali u kontributur u fornitur tas-sigurtà internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament adegwat lill-EDF u jiffukaw fuq proġetti strutturali b'valur miżjud għoli, biex b'hekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni industrijali bejn l-Istati Membri u l-konsolidazzjoni ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) b'saħħitha, li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi, industrijali u strateġiċi sabiex tiżdied il-kapaċità tal-UE li tipproduċi u tiddisponi minn kapaċitajiet militari b'mod awtonomu u li żżomm l-awtonomija teknoloġika tal-Ewropa fuq medda twila ta' żmien; jinkoraġġixxi inizjattivi ta' kapaċitajiet tad-difiża biex jiffaċilitaw l-involviment ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għan-natura sensittiva ħafna u strateġika tar-riċerka dwar id-difiża u l-ħtieġa li jiġi rregolat l-aċċess għal entitajiet ikkontrollati minn partijiet terzi mhux tal-UE għal proġetti ffinanzjati mill-EDF sabiex ikunu konsistenti mal-ambizzjoni tal-UE ta' awtonomija strateġika; jissottolinja li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-EDF, f'xi każijiet adattati speċifiċi u eċċezzjonali meta din iġġib magħha valur miżjud teknoloġiku u operattiv ippruvat għal ċerti proġetti, għandha titwettaq fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva, ma għandhiex iddgħajjef l-interessi strateġiċi tas-sigurtà tal-UE, ma għandhiex timmina l-objettivi tal-EDF u trid tkun f'konformità strettament sorveljata mar-regoli stabbiliti fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2018)0476), bħaż-żamma tal-proprjetà intellettwali fl-UE;

46.  Jilqa' r-Rieżami Strateġiku tal-ewwel fażi tal-PESCO sal-aħħar tal-2020, li jinkludi għarfien dwar il-progress tal-programm u l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex il-PESCO ssir aktar effiċjenti u orjentata lejn l-objettivi; iqis li l-PESCO hija strument li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni sostenibbli u effiċjenti tal-UE fil-qasam tad-difiża u l-integrazzjoni tad-difiża billi jtejjeb il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tad-difiża tal-Istati Membri parteċipanti, speċjalment f'termini tad-disponibbiltà, il-flessibbiltà u l-iskjerabbiltà tal-forzi; ifakkar li l-proġetti tal-PESCO għandhom jgħinu biex tiġi mmassimizzata l-effettività tal-infiq fuq id-difiża; iqis li l-PESCO għandha tintuża bħala għodda komplementari fl-ilħuq tal-għanijiet tal-UE u tagħti kontribut lil dawk tan-NATO; jilqa' l-adozzjoni reċenti tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-PESCO, għalkemm jinnota li kwalunkwe parteċipazzjoni eċċezzjonali bħal din fi proġetti individwali tal-PESCO trid tipprovdi valur miżjud għall-Istati Membri tal-UE u għall-proġetti, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-PESCO u l-PSDK u biex jiġu ssodisfati impenji aktar eżiġenti, tkun soġġetta għal kundizzjonijiet politiċi, sostantivi u legali stretti ħafna, u titwettaq abbażi ta' reċiproċità stabbilita u effettiva;

47.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti (pMS) biex juru impenn politiku sħiħ, jagħmlu sforzi u jkollhom ambizzjoni strateġika, biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa u biex jissodisfaw l-impenji komuni ambizzjużi u vinkolanti li jkunu qablu dwarhom filwaqt li jiġi żgurat progress tanġibbli fl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-proġetti attwali tal-PESCO; jisħaq li l-proġetti fl-ewwel fażi huma prinċipalment proġetti ta' bini tal-kapaċitajiet li jinvolvu kemm jista' jkun Stati Membri u li n-natura inklużiva tal-proġetti PESCO ma għandhiex twassal biex l-Istati Membri parteċipanti jnaqqsu l-ambizzjonijiet tagħhom; huwa mħasseb li l-lakuni fil-kapaċitajiet u n-nuqqasijiet kritiċi, kif identifikati mill-Proċess tal-Objettivi Ewlenin permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), mhux se jimtlew u jiġu indirizzati b'mod adegwat jew sħiħ biex jitwettqu operazzjonijiet militari b'suċċess; jagħti parir li jitwettaq rieżami tas-47 proġett attwali tal-PESCO sabiex jiġi vverifikat il-progress li sar, u biex jiġu identifikati dawk il-proġetti li jistgħu jinġabru flimkien, fid-diskrezzjoni tal-pMS; iħeġġeġ lill-pMS jiffukaw fuq proġetti tal-PESCO li jagħtu valur miżjud ġenwin b'fokus aktar operazzjonali, gwadann ta' benefiċċju reċiproku u fatturi abilitanti strateġiċi għall-Unjoni, u fuq dawk b'dimensjoni strateġika li tindirizza t-theddid futur għas-sigurtà; iħeġġeġ ħafna lill-Istati Membri biex, bħala parti mir-riforma tas-sistema tal-Grupp Tattiku tal-UE (EU BG), jistudjaw l-għażliet kif iġibuha taħt il-PESCO sabiex jiżdiedu l-kapaċità operazzjonali, il-modularità u l-aġilità tagħha, billi jiġu stabbiliti unitajiet multinazzjonali permanenti ddedikati għat-twettiq ta' kompiti militari kif speċifikat fl-Artikolu 43 tat-TUE u għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li twettaq operazzjonijiet robusti ta' maniġġar tal-kriżijiet;

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-Sħab Strateġiċi

48.  Jilqa' l-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO mid-Dikjarazzjoni Konġunta f'Varsavja fl-2016; ifaħħar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti tal-2016 u l-2017, b'mod partikolari l-intensifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u n-NATO fil-livelli kollha, kif ukoll id-djalogu strutturat dwar il-mobbiltà militari, l-isforzi biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-proċessi ta' ppjanar rispettivi fil-qasam tad-difiża, u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam taċ-ċibersigurtà u d-difiża, u fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-kampanji ta' diżinformazzjoni; jinnota l-livell ta' kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE fl-għajnuna lill-awtoritajiet ċivili biex irażżnu u jwaqqfu t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni ta' tisħiħ reċiproku inkluż bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet, u japprofondixxu s-Sħubija Strateġika tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-mobbiltà militari; jenfasizza l-importanza li jiġu organizzati u mwettqa taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, kif ukoll eżerċizzji paralleli u kkoordinati bejn l-UE u n-NATO;

49.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-Operazzjoni Atlantic Resolve u l-Preżenza Avvanzata Msaħħa tan-NATO fil-kontinent Ewropew u jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-truppi tan-NATO għall-isforzi mmirati biex jiddiżinċentivaw aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja u biex jingħata sostenn kruċjali f'każ ta' kunflitt;

50.  Ifakkar li n-NATO tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva għal dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, kif huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fit-TFUE; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkun komplementari u tqis bis-sħiħ il-karatteristiċi u r-rwoli speċifiċi ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet, u ma għandhiex tirriproduċi u tissostitwixxi strutturi bla bżonn; ifakkar li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża hija waħda mill-pilastri tal-kooperazzjoni transatlantika u tibqa' fundamentali għas-sigurtà reċiproka tal-pajjiżi alleati u sħab, u għalhekk itenni l-ħtieġa ta' relazzjonijiet aktar b'saħħithom; ifakkar li, skont il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi", l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE ma joħloqx theddida kompetittiva għall-Alleanza u huwa ta' benefiċċju għall-pajjiżi li huma partijiet kemm tal-PSDK kif ukoll tan-NATO; u li kooperazzjoni aktar effettiva tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandha titqies bħala fattur li jsaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u bħala li l-UE qed tieħu sehem akbar fl-iżgurar tas-sigurtà tagħha stess; huwa tal-fehma li l-inizjattivi ta' kapaċitajiet għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà mal-alleati u jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu; jinnota bi tħassib li xi diverġenzi dgħajfu s-solidarjetà tal-Alleanza wara azzjonijiet imwettqa mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran;

51.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-istatus tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima, ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri għal sitwazzjonijiet ta' kriżi fl-ibħra territorjali tagħhom u l-importanza ta' strateġija marittima koerenti biex jiġu miġġielda l-atturi marittimi mhux Statali illegali; iqis li huwa meħtieġ li jiġu armonizzati r-regoli ta' intervent, l-istandards tat-tagħmir u li jissaħħaħ it-taħriġ tal-persunal sabiex jitwettqu azzjonijiet ikkoordinati u unitarji fl-operazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew fil-każ ta' kriżijiet, avvenimenti u inċidenti marittimi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO bil-għan li jinkiseb approċċ komuni u effettiv għat-theddid għas-sigurtà marittima, bħall-kriminalità transfruntiera u organizzata, inklużi n-networks tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-drogi, il-kuntrabandu u l-piraterija marittima;

52.  Jappoġġja bil-qawwa s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u n-NU fil-maniġġar tal-kriżijiet u ż-żamma tal-paċi minn komponenti ċivili, tal-pulizija u militari; jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tat-tmien prijoritajiet identifikati u maqbula b'mod konġunt mill-UE u n-NU bejn l-2019 u l-2021 dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-maniġġar tal-kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu aktar għall-attivitajiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu assistenza f'dan ir-rigward; jinnota li nkiseb xi progress fir-rigward tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet fuq il-post – b'mod partikolari permezz tal-iffirmar fid-29 ta' Settembru 2020 tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u n-NU dwar l-għoti ta' appoġġ reċiproku fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-post, bl-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tagħti kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll il-progress fil-livelli politiċi u strateġiċi; jitlob lill-UE u lin-NU jkomplu jesploraw l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment f'żoni ta' operazzjonijiet konġunti, f'oqsma li jinkludu ppjanar għat-tranżizzjoni ta' missjoni, arranġamenti ta' appoġġ fuq il-post, skambji ta' informazzjoni barra miż-żoni ta' missjoni u ppjanar ta' kontinġenza fid-dawl tal-COVID-19, kif ukoll fil-qasam tal-klima u d-difiża;

53.  Jafferma mill-ġdid li, minkejja l-Brexit, ir-Renju Unit jibqa' sieħeb strateġiku qrib tal-UE u l-Istati Membri tagħha u li huwa essenzjali li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha u mill-qrib fid-difiża u s-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit, billi kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jaqsmu l-istess ambjent strateġiku u l-istess theddid għall-paċi u s-sigurtà tagħhom; iħeġġeġ lir-Renju Unit jipparteċipa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fl-operazzjonijiet ta' maniġġar tal-kriżijiet, fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, fl-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll fi proġetti taħt il-PESCO, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, is-sovranità tar-Renju Unit, il-prinċipju ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati, fuq il-bażi ta' reċiproċità effettiva u li tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa; jieħu nota tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-PSDK fil-31 ta' Diċembru 2020; jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sostituzzjoni rapida sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fejn il-persunal Brittaniku skjerat kellu rwol sinifikanti;

54.  Jitlob lill-UE żżomm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-forzi reġjonali eżistenti bħall-Unjoni Afrikana, l-ECOWAS, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-Kunsill tal-Artiku u ma' pajjiżi li mhumiex fin-NATO tal-istess fehma;

55.  Jitlob implimentazzjoni aktar sistematika tal-UNSCR 1325 dwar id-WPS peress li għaddew 20 sena mill-adozzjoni tagħha, u t-tisħiħ tal-aġenda tal-UE dwar id-WPS; jitlob integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat;

56.  Jitlob l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà (YPS) u l-integrazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ u l-perspettivi tagħhom fl-analiżijiet tal-kunflitti, li huma l-bażi tal-appoġġ ipprovdut mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jitlob li l-miżuri tal-UE jtejbu l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fiż-żamma u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà;

57.  Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċaħda tas-soċjetajiet mill-wirt kulturali u l-għeruq storiċi tagħhom tagħmilhom iżjed vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni u aktar suxxettibbli għal ideoloġiji ġiħadisti globali; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija wiesgħa biex tiġġieled tali theddid;

Żieda fir-reżiljenza u t-tħejjija tal-Unjoni

58.  Huwa mħasseb li xi atturi globali u għadd dejjem akbar ta' atturi reġjonali qegħdin deliberatament jevitaw jew jippruvaw ikissru l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu u l-valuri tal-paċi, il-prosperità u l-libertà sostenibbli, li jikkorrispondu għall-pedamenti li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat fraġilitajiet u tensjonijiet globali ġodda u amplifikat dawk eżistenti; jisħaq li l-pandemija saħħet l-appoġġ pubbliku għal Unjoni li hija inqas dipendenti mill-bqija tad-dinja, li hija protetta aħjar u li tista' taġixxi b'mod indipendenti; jitlob rwol aktar b'saħħtu għall-Unjoni Ewropea fix-xena internazzjonali, li jkun hemm aktar unità, solidarjetà u reżistenza Ewropej, u politika barranija aktar koeżiva b'multilateraliżmu effettiv bħala element ċentrali; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2020 favur Unjoni Ewropea b'saħħitha li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà u li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha;

59.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-forzi armati matul il-pandemija tal-COVID-19 u jilqa' l-assistenza militari għall-awtoritajiet ċivili, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' sptarijiet fuq il-post, trasport tal-pazjenti, u l-konsenja u d-distribuzzjoni tat-tagħmir; iqis li dan il-kontribut siewi wera l-ħtieġa li jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda sabiex jissaħħu l-assi u l-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri b'appoġġ għall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni, għodda primarja għall-indirizzar tal-emerġenzi, kif ukoll għall-finijiet ta' assistenza umanitarja; iqis ukoll li, sabiex jiġu ttrattati b'mod effettiv il-kriżijiet tas-saħħa, huwa essenzjali li l-persunal mediku militari tal-Istati Membri jiġi ppreparat biex jipparteċipa b'mod rapidu; itenni l-importanza ta' assistenza u solidarjetà reċiproċi, f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE u l-Artikolu 222 tat-TFUE;

60.  Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà militari; iqis li huwa neċessarju li titmexxa 'l quddiem u tiġi ffaċilitata mobbiltà militari sħiħa madwar l-Ewropa u jitlob għalhekk is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu aktar malajr, peress li l-mobbiltà militari hija ta' benefiċċju fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili; jinsisti fuq l-importanza li jkun hemm baġit xieraq disponibbli għal proġetti ta' mobbiltà militari; jilqa' l-fatt li l-proġett ta' mobbiltà militari huwa parti mill-PESCO; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi Ewropej li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta' kapaċitajiet loġistiċi militari biex jiġu indirizzati tali emerġenzi, sabiex ikunu permessi koordinazzjoni, sinerġiji, solidarjetà u appoġġ akbar; jinsisti li assistenza u solidarjetà simili fi żminijiet ta' pandemiji u kriżijiet simili jistgħu jiġu estiżi għal, fost oħrajn, il-pajjiżi sħab fil-viċinat immedjat tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu t-tħejjija tal-UE fil-qasam kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN) u l-kapaċitajiet neċessarji tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-infrastruttura vitali u kritika, speċjalment fuq kejbils tal-internet tal-fibra ottika taħt il-baħar;

61.  Iqis li huwa importanti li tiġi żgurata rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jaġixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika tal-UE dwar l-enerġija;

62.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu protetti l-punti dgħajfa kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata d-difiża komuni effettiva taċ-ċittadini Ewropej; jinnota bi tħassib il-militarizzazzjoni dejjem akbar tal-peniżola tal-Krimea u t-tentattivi mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, fejn din is-sitwazzjoni wasslet għar-rikonoxximent, fis-Summit tan-NATO f'Wales fl-2014, tal-vulnerabbiltà tat-tarf tal-Lvant tal-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jitlob lill-UE tirrikonoxxi l-vulnerabbiltà tal-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant bħala mezz biex tissaħħaħ id-difiża Ewropea, u tiżviluppa, flimkien man-NATO, strateġija komprensiva għas-sigurtà u d-difiża tat-tarf tal-Lvant;

Il-ġlieda u l-prevenzjoni b'mod proattiv tat-theddid ibridu

63.  Jilqa' s-sett ta' prijoritajiet u linji gwida adottati għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu u t-titjib tar-reżiljenza fir-rigward ta' dan it-theddid, inklużi l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-gwerra ibdrida, l-ispjunaġġ, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, u l-istabbiliment ta' Sistema ta' Twissija Bikrija biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mal-G7 u n-NATO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jsaħħu s-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni tagħhom, inklużi mezzi ta' komunikazzjoni sikuri; jissottolinja l-importanza u l-urġenza li l-UE ssaħħaħ u tinvesti aktar fil-komunikazzjoni strateġika tagħha, u li l-kapaċitajiet tagħha jsiru aktar reżiljenti biex tindirizza u tiskoraġġixxi l-interferenza barranija kollha li thedded is-sistema demokratika, is-sovranità u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja r-rwol importanti tat-Task Force EastStratCom u jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa taħt il-proġett EU vs Disinfo u jitlob appoġġ baġitarju u politiku addizzjonali biex tittejjeb aktar il-kapaċità tagħha li tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tinforma dwar l-azzjonijiet u l-politiki tal-UE;

64.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-UE tintroduċi strateġija aktar robusta biex tidentifika u tiġġieled b'mod proattiv kampanji aggressivi u malizzjużi ta' diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux Statali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mandat tat-tim tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE biex tiġi indirizzata l-interferenza barranija u jiġu involuti l-verifikaturi tal-fatti, ir-riċerkaturi, in-negozji ġodda u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti biżżejjed persunal u finanzjament lis-servizzi kollha tal-UE li jittrattaw l-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni sabiex jiġu identifikati, investigati u miġġielda aħjar it-tentattivi ta' interferenza fil-proċessi demokratiċi tal-UE jew fl-azzjonijiet tal-UE f'pajjiżi oħra; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-assistenza lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw u jiġġieldu l-interferenza barranija malizzjuża, b'mod partikolari d-diżinformazzjoni u l-propaganda, billi f'ħafna każijiet dawn l-atti jippruvaw jiddevjaw lil dawn il-pajjiżi mit-triq tar-riformi favur id-demokrazija u jattakkaw il-valuri u l-ideali Ewropej;

65.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' deċiżjoni li, għall-ewwel darba, tippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu u jirrispondu għall-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-Istati Membri tagħha, inklużi attakki ċibernetiċi kontra pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u li timponi sanzjonijiet fuq persuni jew entitajiet responsabbli għall-attakki ċibernetiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb is-sistema ta' restrizzjoni tal-viża bħala parti mill-mekkaniżmu għas-sanzjonijiet tal-UE, billi jsir użu mill-proċeduri tal-viża bijometrika sabiex l-entitajiet involuti fil-gwerra ibrida jiġu ristretti biex jivvjaġġaw lejn l-UE taħt identità falza; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu integrati aktar l-aspetti ċibernetiċi fis-sistemi ta' maniġġar tal-kriżijiet tal-UE; jissottolinja li kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi hija essenzjali f'dawn iż-żminijiet ta' vulnerabbiltà partikolari sabiex jiġu avvanzati s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali fiċ-ċiberspazju; jilqa' l-progress tajjeb miksub mill-proġett tat-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku tal-PESCO f'dan ir-rigward; jitlob it-tisħiħ tal-appoġġ għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u koordinazzjoni b'saħħitha maċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO f'dan ir-rigward; jitlob aktar koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' attribuzzjoni kollettiva għal inċidenti ċibernetiċi malizzjużi, kif ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet u pajjiżi internazzjonali tal-istess fehma; jinsab partikolarment imħasseb bl-iskoperta kontinwa ta' attakki ċibernetiċi jew intrużjonijiet fuq skala żgħira f'sistemi infrastrutturali kritiċi li jibqgħu inattivi iżda li jista' jkollhom impatt kbir; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-ridondanzi fis-sistemi infrastrutturali kritiċi tagħhom, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-komunikazzjonijiet strateġiċi, fil-livelli kollha;

66.  Jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-kapaċitajiet ta' intelligence ċibernetika u awtomatizzata, u jisħaq li dawn huma ta' theddida għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE jkomplu jtejbu t-teknoloġiji ċibernetiċi u awtomatizzati tagħhom, u jħeġġeġ aktar il-kooperazzjoni dwar dawn l-avvanzi teknoloġiċi;

67.  Jissottolinja l-importanza li jinkisbu l-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku u jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li l-computing kwantistiku jiġi realizzat l-ewwel fost sħab li għandhom relazzjonijiet ta' ħbiberija u jappoġġjaw l-istess objettivi;

68.  Josserva l-importanza dejjem akbar tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti; jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u jikkummissjona lill-aġenzija biex tanalizza u tipprovdi rapport dwar is-sigurtà u/jew il-vulnerabbiltajiet tas-satelliti tal-UE u tal-Istati Membri għall-iskart spazjali, għall-attakki ċibernetiċi u għall-attakki missili diretti;

L-Unjoni tingħata l-mezzi biex timplimenta l-PSDK

69.  Jissottolinja li livelli xierqa ta' riżorsi finanzjarji, persunal u assi huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha s-saħħa u l-kapaċità li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fil-fruntieri tagħha u fid-dinja; jistieden lill-Istati Membri juru r-rieda politika li jilħqu l-ambizzjonijiet Ewropej fil-qasam tad-difiża u jissodisfaw l-impenji tagħhom;

70.  Jesprimi dispjaċir dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Kunsill Ewropew fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-inizjattivi fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta u timplimenta programm ta' ħidma strateġiku ambizzjuż għall-EDF (kemm għar-riċerka kif ukoll mhux għar-riċerka) li jkun imfassal biex isaħħaħ l-azzjonijiet kollaborattivi u l-kooperazzjoni transfruntiera madwar l-Unjoni u għall-mobbiltà militari sabiex jgħin lill-Istati Membri jaġixxu b'mod aktar rapidu u effettiv, inkluż billi jiffinanzja infrastruttura tat-trasport b'użu doppju u jissimplifika l-awtorizzazzjonijiet diplomatiċi u r-regoli doganali, ; jitlob lill-UE tibni s-sistema ta' difiża tagħha stess kontra l-missili ballistiċi, kif ukoll sistema ta' difiża tal-ajru strateġika, integrata u b'livelli differenti, li tkun iddisinjata wkoll biex tiġġieled kontra missili ipersoniċi; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej talbu b'mod ċar u konsistenti lill-Unjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħha fit-twassil ta' stabbiltà u sigurtà sostenibbli, u dan jista' jinkiseb biss bil-mezzi finanzjarji meħtieġa u b'QFP ambizzjuż fil-qasam tal-azzjoni esterna u d-difiża;

71.  Iwissi dwar il-periklu ta' nuqqas ta' ambizzjoni biex jiġu ffinanzjati inizjattivi tad-difiża Ewropea fil-QFP, flimkien ma' tnaqqis sinifikanti u mhux ikkoordinat fil-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa fil-livell nazzjonali sabiex l-Unjoni tingħata l-kapaċità li topera bħala attur globali għall-paċi; f'dan ir-rigward, jaqbel mal-valutazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li "l-Istati Membri tal-UE għadhom 'il bogħod milli jkollhom il-kapaċitajiet militari li jeħtieġu biex jilħqu l-livell militari ta' ambizzjoni tal-UE";

72.  Ifakkar li filwaqt li l-proġetti u l-inizjattivi Ewropej komuni fil-qasam tad-difiża huma strumentali fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fl-oqsma tar-R&Ż relatati mad-difiża, il-ġbir ta' riżorsi u l-koordinazzjoni tal-isforzi, il-parti l-kbira tal-assi tad-difiża li jintużaw għall-missjonijiet tal-PSDK għadhom jiġu prodotti mill-Istati Membri u mħallsa mill-baġits nazzjonali fil-qasam tad-difiża;

73.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-impenn formali tagħhom fil-livell tal-Kunsill u jieħdu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom fil-Kunsill biex jiskjeraw missjonijiet ċivili u militari billi jipprovdu lill-Unjoni bil-persunal u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet li qablu dwarhom b'mod unanimu, u b'hekk iwettqu l-impenn tagħhom lejn Unjoni Ewropea aktar sigura;

74.  Jenfasizza l-valur tal-parteċipazzjoni internazzjonali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK bħala tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej u jitlob l-implimentazzjoni msaħħa tal-ftehimiet qafas eżistenti dwar il-parteċipazzjoni li jinkoraġġixxu n-natura kollettiva tal-kontribuzzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà;

75.  Jinnota l-ħidma importanti mwettqa mis-SatCen tal-UE u jissottolinja li l-Unjoni jrid ikollha riżorsi adegwati fl-oqsma tal-immaġni tal-ispazju u l-ġbir ta' intelligence; jisħaq li s-SatCen tal-UE għandu jibbenefika minn finanzjament strutturali tal-Unjoni biex ikun jista' jżomm il-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-azzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex jipprovdi immaġni bis-satellita ta' riżoluzzjoni għolja b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

L-istabbiliment ta' aġenda ambizzjuża tal-UE għall-kontroll globali tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm

76.  Jinsab allarmat bit-theddid attwali għall-valuri internazzjonali u l-istat tad-dritt u l-erożjoni potenzjali futura tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm; jibża' li n-nuqqas ta' konformità ma', l-irtirar minn, jew in-nuqqas ta' estensjoni ta' trattati ewlenin dwar il-kontroll tal-armi jkunu ta' ħsara serja għar-reġimi internazzjonali tal-kontroll tal-armi li pprovdew deċennji ta' stabbiltà, idgħajfu r-relazzjonijiet bejn l-Istati b'armi nukleari, jistgħu jkunu ta' theddida diretta għas-sigurtà Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' normi li jirregolaw u jnaqqsu l-armi nukleari tattiċi u ta' medda qasira u medja u jistgħu jwasslu għal tlielaq ġodda tal-armi nukleari; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja transfruntiera;

77.  Jinnota bi tħassib in-normalizzazzjoni ta' retorika perikoluża li tikkonċerna l-utilità tal-armi nukleari; jafferma mill-ġdid li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali jiġu msaħħa f'dinja ħielsa mill-eżistenza jew il-proliferazzjoni ta' armi nukleari u li d-diżarm ifisser mhux biss tnaqqis fin-numru ta' testati attivi, iżda wkoll tnaqqis fir-rwol militari u politiku assenjat lil dan it-tip ta' armi;

78.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni u diżarm nukleari; itenni t-talba tiegħu ta' pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE qabel il-konferenza, li titlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti u effettivi matul l-għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP, li jkunu element essenzjali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà strateġika u tiġi evitata tellieqa ġdida tal-armi;

79.  Itenni d-dispjaċir kbir tiegħu dwar l-irtirar mit-Trattat għall-Eliminazzjoni tal-Missili b'Medda Medja (INF) mill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa; jinnota r-responsabbiltà tar-Russja għat-tmiem tat-Trattat, minħabba li b'mod persistenti naqset milli tikkonforma miegħu; jiddeplora l-fatt li l-kollass tat-Trattat jista' jwassal biex jeskalaw it-tensjonijiet u jiżdiedu t-theddid u r-riskji nukleari u militari, filwaqt li jiġi pperikolat il-futur tar-reġimi tal-kontroll tal-armi; jissottolinja li huwa ferm kontra tellieqa ġdida tal-armi bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa u l-konsegwenzi potenzjali tagħha għall-Ewropa u l-militarizzazzjoni mill-ġdid fit-territorju Ewropew; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ iniedu inizjattiva mmexxija mill-UE bil-għan li tiġi appoġġjata l-konverżjoni tat-Trattat INF fi trattat multilaterali;

80.  Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà globali u Ewropej;

81.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-Federazzjoni Russa jagħmlu aktar progress fin-negozjati dwar l-estensjoni tat-trattat START Ġdid, li se jiskadi fi Frar 2021; jemmen li estensjoni tat-trattat tagħti liż-żewġ firmatarji żmien addizzjonali biex isegwu negozjati bil-għan li jaqblu dwar strument ġdid għall-kontroll tal-armi; jitlob l-involviment immedjat ta' Stati oħra, speċjalment iċ-Ċina, fi kwalunkwe trattat eżistenti (bħal START ĠDID, l-INF u s-Sema Miftuħ) jew f'negozjati futuri dwar strumenti għall-kontroll tal-armi nukleari;

82.  Jiddeplora l-implimentazzjoni selettiva tar-Russja tal-obbligi tagħha skont it-Trattat dwar is-Sema Miftuħ; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ, strument ewlieni għall-kontroll tal-armi li kkontribwixxa għall-bini tal-fiduċja u pprovda lil Stati iżgħar bil-kapaċità siewja li jimmonitorjaw u jivverifikaw l-attivitajiet militari tal-ġirien tagħhom; jistieden lill-firmatarji li jifdal biex ikomplu jimplimentaw it-trattat, filwaqt li jiżguraw li dan jibqa' jiffunzjona u jibqa' jkun utli; jistieden lill-Istati Uniti jirrevokaw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mit-trattat dwar is-Sema Miftuħ;

83.  Jilqa' l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-proġetti u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' reġim ta' sanzjonijiet orizzontali biex jiġu indirizzati l-użu u l-proliferazzjoni dejjem akbar ta' armi kimiċi; jikkundanna l-użu reċenti ta' armi kimiċi u huwa tal-fehma li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal inċidenti bħal dawn idgħajjef in-norma internazzjonali kontra l-armi kimiċi; jitlob lill-UE tieħu l-inizjattiva biex tindirizza l-kwistjoni tal-impunità għall-użu tal-armi kimiċi u tqis kif tista' ssaħħaħ l-OPCW biex jiġu żgurati mekkaniżmi rapidi u preċiżi ta' attribuzzjoni u rispons effettiv; jitlob lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi, biex tappoġġja l-projbizzjoni globali tal-armi kimiċi kif stabbilit mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC);

84.  Jesprimi tħassib serju dwar l-attentat ta' qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni prominenti Russu Alexei Navalny permezz ta' aġent nervin ipprojbit li, skont is-CWC, jitqies bħala użu ta' arma kimika u, bħala tali, huwa ksur serju tan-normi internazzjonali; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet biex iżomm responsabbli lil dawk kollha responsabbli għall-avvelenament;

85.  Jitlob lill-VP/RGħ jressaq proposti biex jissaħħaħ l-għarfien disponibbli fl-UE dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, u jiżgura li l-UE tieħu rwol qawwi u kostruttiv fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isforzi globali ta' nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi u l-arkitettura ta' diżarm ibbażati fuq ir-regoli; jilqa' l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali ġdid għad-Diżarm u n-Nonproliferazzjoni f'dan ir-rigward; jirrealizza li hemm ħtieġa urġenti ta' ftehimiet internazzjonali ġodda fil-qasam tal-kontroll tal-armi; jiddikjara li fil-kuntest tad-deterrenza nukleari, l-iżvilupp ta' missili ipersoniċi jista' jdgħajjef il-prinċipji tal-qerda ċerta għal kull naħa u jitlob, għalhekk, li jkun hemm trattat dinji dwar il-kontroll tal-armi dwar l-użu, il-medda, il-veloċità, il-prinċipju, l-ispezzjoni ta' tagħbijiet utli nukleari, u t-tqegħid qrib il-kosti ta' sistemi ta' armi ipersoniċi, mibdi mill-UE;

86.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effettivi għall-kontroll tal-armi, għad-diżarm u għan-nonproliferazzjoni, bħala pedament tas-sigurtà dinjija u Ewropea; jisħaq fuq l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm u għall-Aġenda tan-NU għad-Diżarm; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex isir progress fit-tnaqqis tal-ħażniet nukleari kollha;

87.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(13); jemmen bis-sħiħ li, peress li l-UE qed issir dejjem aktar ambizzjuża fil-qasam tad-difiża, hemm il-ħtieġa ta' konverġenza, trasparenza u konsistenza akbar fil-politiki tal-Istati Membri dwar l-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll ta' tisħiħ tas-sorveljanza pubblika; jistieden lill-Istati Membri biex jgħaqqdu l-interpretazzjoni differenti tagħhom tal-Pożizzjoni Komuni u biex jikkonformaw bis-sħiħ mat-tmien kriterji tagħha, u b'mod partikolari biex jimplimentaw b'mod strett il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali u jwaqqfu kull esportazzjoni ta' tagħmir militari li jista' jintuża kontra Stati Membri oħra; jilqa' l-isforzi li saru biex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku u parlamentari tal-esportazzjonijiet tal-armi; jitlob sforz konġunt biex jittejbu l-valutazzjoni tar-riskju, il-kontrolli tal-utenti aħħarin u l-verifiki ta' wara l-konsenji;

88.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK; ifakkar li l-Istati Membri ħadu impenn favur pożizzjonijiet nazzjonali qawwija rigward il-politika tagħhom għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; itenni t-talbiet tiegħu lill-VP/RGħ biex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet illegali u unilaterali attwali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran li jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru (b'mod partikolari l-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, tintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha jwaqqfu l-esportazzjoni tal-armi għat-tipi kollha ta' tagħmir militari, inklużi armi, armi għal oġġetti b'użu doppju u għarfien, lejn it-Turkija f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;

89.  Jilqa' l-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u jistieden lill-pajjiżi kollha ewlenin tal-esportazzjoni tal-armi biex jiffirmawh u jirratifikawh malajr kemm jista' jkun;

90.  Jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-IA joħolqu sfidi etiċi ġodda; jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv biex jiġi żgurat kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-għażla ta' miri u l-attakk fuqhom fl-iżvilupp u l-użu ta' armi li jaħdmu bl-IA; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni konġunta dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi; jinsisti fuq il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar definizzjoni komuni u qafas dwar l-użu ta' armi b'ċertu grad ta' awtonomija, u jitlob l-adozzjoni ta' strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi armi letali awtonomi mingħajr kontroll uman sinifikanti;

91.  Jitlob lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi globali biex tiġi stabbilita sistema globali ta' kontroll tal-armi komprensiva u effettiva għall-proliferazzjoni tat-teknoloġija ta' missili u ta' vetturi tal-ġlied mingħajr bdot abbord;

L-iżgurar tas-sorveljanza demokratika, tal-leġittimità u tal-impenn inklużiv

92.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mad-difiża b'mod konsistenti; jitlob li l-mandat tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża jiġi vvalutat mill-ġdid u estiż fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta' inizjattivi fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE, u tal-ħolqien tad-DĠ DEFIS tal-Kummissjoni;

93.  Jilqa' l-iskambji regolari ta' fehmiet mal-VP/RGħ dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK u jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati briefings regolari mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-Mibgħuta Speċjali, u l-kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet; iqis li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat minn qabel dwar l-ippjanar strateġiku għall-missjonijiet tal-PSDK, il-bidliet fil-mandati tagħhom u l-pjanijiet biex dawn jintemmu; jitlob implimentazzjoni komprensiva tal-Artikolu 36 tat-TUE;

94.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiġu żgurati obbligu ta' rendikont, trasparenza u skrutinju msaħħa;

95.  Itenni l-importanza li jittejbu l-għodod disponibbli għas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u sostanzjali tagħha fil-formulazzjoni ta' politika relatata mad-difiża u s-sorveljanza effettiva tagħha;

o
o   o

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13.
(2) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 50.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 36.
(4) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 91.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0008.
(6) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 49.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0224.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0130.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0430.
(10) Testi adottati, P8_TA(2019)0330.
(11) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.
(12) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(13) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2019
PDF 268kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2019 (2020/2208(INI))
P9_TA(2021)0014A9-0259/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali"),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3, 11 u 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 17 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Kumment Ġenerali tal-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) u l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-20 ta' Novembru 1989 u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha adottati fil-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-30 ta' Marzu 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-HIV u l-AIDS: Dwar il-Pass Mgħaġġel biex Tiġi Aċċellerata l-Ġlieda kontra l-HIV u biex Tintemm l-Epidemija tal-AIDS sal-2030, adottata fit-8 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jagħmlu parti minn Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi, adottata fit-18 ta' Diċembru 1992,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-22 ta' Diċembru 2018 dwar sejħa globali għal azzjoni konkreta għall-eliminazzjoni totali tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata u l-implimentazzjoni komprensiva tad-Dikjarazzjoni ta' Durban u l-Programm ta' Azzjoni u s-segwitu tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li taħtar it-22 ta' Awwissu bħala l-Jum Internazzjonali ta' Tifkira għall-Vittmi ta' Atti ta' Vjolenza Bbażata fuq Reliġjon jew Twemmin, adottata fit-28 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2467 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-29 ta' April 2019 dwar vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitt,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-approċċ strateġiku tal-UE lejn in-nisa, il-paċi u s-sigurtà 2019-2024 (WPS),

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-21 ta' Ġunju 2019 dwar il-Vjolenza u l-Fastidju,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol tal-21 ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tas-16 ta' Awwissu 2019 dwar il-kooperazzjoni bejn il-Programm Ambjentali tan-NU u l-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, adottata fil-5 ta' Novembru 1992,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (minn hawn 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Istanbul") tal-11 ta' Mejju 2011, li ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 – "Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-aġenda tal-UE" tat-28 ta' April 2015 (JOIN(2015)0016), adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, u r-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tiegħu ta' Ġunju 2017 (SWD(2017)0254),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, adottat mill-Kunsill fis-17 ta' Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-Fora tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-azzjoni tal-UE biex jissaħħaħ il-multilateriżmu bbażat fuq ir-regoli,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u fl-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar id-demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, aġġornati mill-Kunsill fit-12 ta' April 2013, dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline, adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Mejju 2014, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għan-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna, adottati mill-Kunsill fit-18 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, adottati mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra r-Reviżjoni tal-2019 tal-Linji Gwida għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, adottati mill-Kunsill fis-16 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE" (COM(2020)0660), u l-aġenda ġeopolitika tal-leġiżlatura tal-UE 2019-2024,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Legal gender recognition in the EU – The journey of trans people towards full equality" (Rikonoxximent legali tal-ġeneru fl-UE – Il-vjaġġ ta' persuni trans lejn ugwaljanza sħiħa),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2020)0017), u l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-GAP III,

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-LGBTI II tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), tat-14 ta' Mejju 2020 bit-titolu "A long way to go for LGBTI equality" (Triq twila għall-ugwaljanza tal-LGBTI),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman tal-UE tat-30 ta' Lulju 2020 dwar ir-rwol tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE u r-rapporti mill-Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin u t-Tolleranza Reliġjuża,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2018(4), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha tiegħu adottati fl-2019 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (magħrufa bħala riżoluzzjonijiet ta' urġenza) f'konformità mal-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb, li fl-2019 ingħata lil Ilham Tohti, difensur tad-drittijiet tal-bniedem ta' Ujguri, professur tal-ekonomija, promotur tad-drittijiet tal-minoranzi Ujguri taċ-Ċina u priġunier politiku detenut fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0259/2020),

A.  billi ċ-ċelebrazzjoni fl-2019 tal-10 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fakkret lill-Unjoni dwar l-impenn iddikjarat tagħha u l-obbligu bbażat fuq it-Trattat biex b'mod riżolut issegwi azzjonijiet li jipproteġu, jippromwovu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħha; billi f'din l-okkażjoni, l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tibqa' protagonista influwenti fix-xena dinjija u li żżomm rwol ewlieni bħala difensur globali tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE, u d-dritt għal trattament ugwali u nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru għandha għalhekk tiġi implimentata u integrata bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE;

C.  billi l-Insara huma l-aktar grupp reliġjuż ippersegwitat fid-dinja, u jikkostitwixxu 80 % tal-persuni li jemmnu kollha li huma ippersegwitati; billi tali persekuzzjoni tvarja minn diskriminazzjoni ta' rutina fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjieg u l-ħajja soċjali, sa limitazzjonijiet fuq il-forom kollha ta' espressjoni u saħansitra attakki fiżiċi kontra komunitajiet Insara, li joqorbu lejn l-ilħuq tad-definizzjoni internazzjonali ta' ġenoċidju li ġiet adottata min-NU;

D.  billi d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 issa ilhom għal 25 sena sħaħ jenfasizzaw l-importanza tad-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa kif ukoll tal-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess demokratiku għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija;

E.  billi n-nuqqas ta' nisa involuti fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali (IA) iżid ir-riskju ta' preġudizzju; billi l-edukazzjoni xjentifika hija importanti biex jinkisbu ħiliet, xogħol deċenti u l-impjiegi tal-futur, kif ukoll biex jitkissru l-istereotipi tal-ġeneri li jqisuhom bħala oqsma tipikament maskili, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

F.  billi matul iċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tal-UNCRC f'Novembru 2019, l-UE saħqet fuq l-impenn tagħha li tiżviluppa strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal u tal-ġenituri u tpoġġihom fil-qalba tal-politiki tal-UE; billi fl-20 ta' Novembru 2019, il-Parlament ospita konferenza ddedikata li indirizzat firxa ta' kwistjonijiet, inklużi sfidi għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'dinja diġitali li dejjem qed tinbidel, b'mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjoni ta' aċċess għall-pornografija tat-tfal u l-ġlieda kontra l-fastidju u l-vjolenza, il-fatt li jingħelbu l-ostakli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tat-tfal u l-indirizzar tan-natura li qed tinbidel tal-kunflitti armati u l-impatt tagħhom fuq il-futur tat-tfal, inkluż l-impatt ta' dawn il-kunflitti fuq l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħajja tagħhom fil-futur, filwaqt li jitqiesu d-dikjarazzjonijiet magħmula mit-tfal fid-diskuzzjoni;

G.  billi l-kriżi li rriżultat mill-pandemija globali tal-COVID-19, il-modi li bihom l-Istati rreaġixxew għaliha, l-approfondiment tal-inugwaljanzi u t-tbatija li kkawżat, b'mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli u emarġinati, kif ukoll għan-nisa, u l-impatt tagħha fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-ordni u l-kunflitti internazzjonali bbażati fuq ir-regoli, li kollha għandhom implikazzjonijiet fit-tul fuq il-kwistjonijiet kollha li jinvolvu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi, bħala eżempju, il-kriżi kkawżata mill-pandemija wasslet lill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi biex jadottaw miżuri ta' emerġenza, li jillimitaw il-libertajiet biex wieħed igawdi minn ħafna drittijiet tal-bniedem, bl-ewwel fosthom il-libertajiet ta' moviment u ta' għaqda, jew biex jistabbilixxu mezzi ġodda ta' sorveljanza sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni tal-virus COVID-19; billi dawk il-miżuri qajmu b'mod leġittimu mistoqsijiet dwar il-ħtieġa, il-legalità, il-proporzjonalità, in-natura mhux diskriminatorja, it-tul ta' żmien u l-implikazzjonijiet tagħhom, fl-ispirtu tas-salvagwardja tal-libertajiet fundamentali fuq perjodu ta' żmien qasir u itwal; billi l-pandemija kienet akkumpanjata wkoll minn aktar xejriet negattivi li mminaw id-demokrazija u naqqsu l-ispazju tas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi;

I.  billi r-reċessjoni globali kkawżata mill-pandemija tista' twassal lill-gvernijiet biex jagħtu prijorità lill-istimulazzjoni tal-attività ekonomika u biex jattiraw l-investimenti; jenfasizza li dan m'għandux iseħħ għad-detriment tal-ambizzjoni tagħhom f'termini ta' objettivi u standards politiċi għal xi oqsma oħra, bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-azzjoni dwar il-klima u l-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment dak tat-tfal u tal-familji tagħhom;

J.  billi ż-żieda globali fl-awtoritarjaniżmu u l-populiżmu toħloq theddida għall-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

K.  billi r-reġimi illiberali qed jitbiegħdu dejjem aktar mit-triq ta' demokraziji maturi u standards demokratiċi tal-Punent, filwaqt li jrabbu l-għeruq f'pożizzjonijiet li jwasslu għal ksur kontinwu u intenzjonat tad-drittijiet tal-bniedem; billi dawn ir-reġimi illiberali qed jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b'hekk joħolqu impressjoni falza ta' leġittimità elettorali f'elezzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu bħala ħielsa, ġusti jew trasparenti;

L.  billi l-emerġenzi ambjentali, inklużi t-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni, huma r-riżultat ta' azzjonijiet tal-bniedem u jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem mhux biss kontra l-persuni affettwati direttament, iżda wkoll kontra l-umanità kollha kemm hi; billi huwa importanti li tiġi rikonoxxuta r-rabta bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali; billi l-iżgurar tal-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-prevenzjoni ta' tensjonijiet f'ċerti reġjuni;

M.  billi iżjed koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE, kif ukoll bejn il-politiki esterni tal-UE, tirrappreżenta rekwiżit indispensabbli għal politika tal-UE effettiva u ta' suċċess fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-politiki b'appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-impunità għandhom jiġu integrati fil-politiki l-oħra kollha tal-UE b'dimensjoni esterna, bħall-iżvilupp, il-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tkabbir u l-kummerċ; billi konsistenza akbar għandha tippermetti lill-UE tirreaġixxi aktar malajr matul l-istadji bikrija tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tkun attur tad-drittijiet tal-bniedem aktar attiv u kredibbli fil-livell globali;

N.  billi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards Ewropej fost is-sħab u l-ġirien tal-UE, inkluż fil-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati u fl-indirizzar tal-migrazzjoni, huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, affettwata mill-pandemija tal-COVID-19, hija kwistjoni ta' tħassib fil-pajjiżi ġirien, li jridu jieħdu miżuri xierqa f'dan ir-rigward u jaħdmu flimkien mas-soċjetajiet ċivili rispettivi tagħhom, li jinkludu membri pro-Ewropej u demokratiċi;

O.  billi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar biex jiġi evitat li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) jattendu avvenimenti internazzjonali ntużaw minn għadd dejjem jikber ta' pajjiżi, b'mod partikolari fl-Asja, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Amerika Latina;

Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija: xejriet ġenerali u sfidi ewlenin

1.  Jilqa' r-reazzjonijiet għall-pandemija tal-COVID-19 ta' dawk l-Istati li poġġew id-drittijiet għall-ħajja u s-saħħa bħala l-ewwel imperattivi tagħhom; jisħaq li, fl-istess ħin, huwa kruċjali li jiġi żgurat li n-nies ikollhom standards ta' għajxien xierqa; jenfasizza li l-miżuri kollha b'reazzjoni għall-pandemija għandhom ikunu bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, u jkunu f'konformità magħhom, u għandhom jissalvagwardjaw il-progress lejn l-SDGs;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-osservanza tal-prinċipju li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati, u jikkundanna kull tentattiv ta' relattiviżmu;

3.  Jesprimi tħassib serju ħafna dwar it-tnaqqis fl-istandards demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem u fit-tgawdija ta' libertajiet fundamentali li l-kriżi kkawżat f'xi pajjiżi; huwa tal-fehma li din il-pushback primarjament tirriżulta minn żieda fl-awtoritarjaniżmu, kif ukoll mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali devastanti tal-kriżi u l-użu tagħhom bħala skuża biex jiġu mmanipulati l-istituzzjonijiet tal-Istat u l-iskedi ta' żmien elettorali, jitrażżnu l-attivitajiet tad-DDB, b'mod partikolari d-difensuri ta' minoranzi, l-avversarji politiċi, il-midja jew ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u jiġu ristretti l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni jew gruppi esposti għal diskriminazzjoni, bħal minoranzi reliġjużi u ta' twemmin, u persuni LGBTI, għal skopijiet mhux relatati mal-pandemija; jisħaq f'dan ir-rigward fuq iż-żieda fid-diskors ta' mibegħda, ibbażat fuq ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon jew il-kasta, id-diżinformazzjoni, l-immirar ta' gruppi vulnerabbli akkużati li jxerrdu l-virus, iż-żieda fil-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; jesprimi tħassib dwar każijiet ta' diskriminazzjoni fid-distribuzzjoni ta' għajnuna relatata mal-pandemija tal-COVID-19; jirrifjuta kull ċaħda ta' għajnuna taħt kwalunkwe ċirkostanza, inkluż fuq il-bażi ta' reliġjon; jisħaq ukoll, bi tħassib, fuq l-użu, bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ta' teknoloġiji diġitali bil-għan li tiġi mrażżna l-pandemija billi jiġu traċċati ċ-ċittadini u tiġi rkuprata d-data privata tagħhom;

4.  Jafferma li l-Istati jridu jżommu lura milli jisfruttaw il-pandemija tal-COVID-19 biex jikkonsolidaw is-setgħa awtoritarja, idgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, jew jiddisprezzaw id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-aggravar ta' miżuri meħuda minn reġimi awtoritarji, immirati lejn ir-repressjoni tad-dissens u t-tnaqqis tal-ispazju għal azzjoni tas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-importanza ta' soċjetà ċivili, li l-eżistenza tagħha tippermetti reazzjonijiet flessibbli, f'waqthom u effettivi għal reġimi li jiksru d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-miżuri ta' emerġenza relatati mal-COVID-19 ta' spiss ma jkunux akkoppjati ma' obbligi ċari biex jitħassru ladarba l-kriżi tkun intemmet;

5.  Ifakkar li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa huwa dritt tal-bniedem u jappoġġja kwalunkwe progress lejn kopertura universali tas-saħħa bħala essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli; jilqa' r-reazzjoni globali tal-Unjoni Ewropea għall-pandemija tal-COVID-19, ibbażata fuq l-approċċ Team Europe, li jiffoka fuq l-espressjoni ta' solidarjetà u l-għoti ta' assistenza tanġibbli lis-sħab, b'mod partikolari lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli u affettwati;

6.  Jinnota bi tħassib in-nuqqasijiet f'ħafna stati tas-sistema tal-kura tas-saħħa, li jimminaw id-dritt tal-popli għas-saħħa fiżika u mentali u għar-rimedju, u n-nuqqasijiet fl-azzjonijiet preventivi biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni, fil-miżuri dwar l-ilma u dawk sanitarji, fl-informazzjoni u fin-nondiskriminazzjoni fl-aċċess u d-drittijiet; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-vaċċini kontra l-COVID-19 għandhom ikunu disponibbli globalment u li l-UE se tagħmel kull sforz għal dan il-għan;

7.  Ifakkar li fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati jridu jiżguraw li r-reazzjonijiet tagħhom jinkludu approċċ sensittiv għall-ġeneru u intersezzjonali sabiex ikunu ggarantiti d-drittijiet tan-nisa u l-bniet kollha biex jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u mill-vjolenza, u biex ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva essenzjali li jeħtieġu;

8.  Ifakkar li l-pandemija wasslet ukoll għal tnaqqis fil-monitoraġġ u d-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell globali; jappoġġja l-isforzi internazzjonali biex jiġu evalwati r-reazzjonijiet nazzjonali differenti għall-pandemija fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet politiċi, soċjali u ekonomiċi, u biex issir ħidma lejn it-twaqqif ta' qafas konġunt ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li se jinforma reazzjonijiet futuri għal kriżijiet sanitarji; jilqa', f'dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-Moniter Globali mill-Kummissjoni u l-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Assistenza Elettorali (IDEA);

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-bosta każijiet ta' diskriminazzjoni, intolleranza, persekuzzjoni u qtil relatati mar-razza, l-etniċità, in-nazzjonalità, il-klassi soċjali, id-diżabilità, il-kasta, ir-reliġjon, it-twemmin, il-lingwa, l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali li għadhom qed iseħħu f'ħafna pajjiżi u soċjetajiet; jiddeplora l-immirar ta' individwi jew komunitajiet b'dikjarazzjonijiet u azzjonijiet intolleranti u mifnija bil-mibegħda; iqis li l-prevalenza tar-razziżmu, l-antisemitiżmu u l-ksenofobija f'ħafna pajjiżi mhix aċċettabbli; jinsisti li l-gvernijiet madwar id-dinja jikkundannaw b'mod ċar u jieħdu approċċ ta' tolleranza żero għar-razziżmu u d-diskriminazzjoni;

10.  Jissottolinja t-theddida tremenda u dejjem tikber għad-drittijiet tal-bniedem li t-tibdil fil-klima, il-qerda ambjentali u t-telfien tal-bijodiversità jġibu magħhom billi jċaħħdu lin-nies mid-dritt fundamentali għall-ħajja, b'mod partikolari minħabba livell ogħla ta' ġuħ globali, inugwalanzi ekonomiċi u soċjali, restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-ilma u mwiet addizzjonali minħabba malnutrizzjoni u ż-żieda fit-tixrid tal-mard; jisħaq li t-tibdil fil-klima jimmina wkoll it-tgawdija ta' drittijiet oħra tal-bniedem, inkluż id-dritt għas-sigurtà tal-ikel, l-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità, is-saħħa, l-akkomodazzjoni xierqa, l-awtodeterminazzjoni, ix-xogħol u l-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għar-riskji ppreżentati mit-tibdil fil-klima għall-paċi u s-sigurtà, peress li l-insigurtà tal-ikel u l-iskarsezza tal-ilma jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni fir-rigward tar-riżorsi naturali u mbagħad għal instabilità u kunflitti fi ħdan u bejn Stati fraġli; jiġbed attenzjoni partikolari għar-rabta bejn l-isfruttar tar-riżorsi naturali u l-finanzjament tal-kunflitti, il-gwerer u l-vjolenza, direttament jew indirettament, inkluż minn xi atturi mis-settur privat; jenfasizza li l-pajjiżi l-anqas żviluppati huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, peress li jsibuha l-aktar diffiċli biex jirreżistu l-impatti devastanti tiegħu, minkejja li jipproduċu inqas gassijiet b'effett ta' serra minn pajjiżi aktar sinjuri, li huma anqas probabbli li jintlaqtu mit-tibdil fil-klima;

11.  Jafferma li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-azzjoni dwar il-klima u dik ambjentali huma interkonnessi, minħabba li, b'mod partikolari, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprovdi aċċess għal rimedji u mezzi legali biex tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima, biex jiġu implimentati miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex l-Istati, in-negozji u l-individwi jinżammu responsabbli għar-reazzjonijiet tagħhom għat-tibdil fil-klima u azzjonijiet li jikkontribwixxu għal degradazzjoni ulterjuri tal-ambjent;

12.  Jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti, u jfakkar fl-obbligi tal-Istati fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li jipproteġu l-bijodiversità li jiddependu minnha dawk id-drittijiet, inkluż billi jipprevedu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'deċiżjonijiet relatati mal-bijodiversità u jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telfien u degradazzjoni tal-bijodiversità; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal sforzi normattivi naxxenti f'livell internazzjonali b'rabta ma' reati ambjentali; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

13.  Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-għajnuna lil persuni li jiġu spostati għal raġunijiet ambjentali u klimatiċi; iqis li huwa importanti li jkun hemm ħidma fuq livell internazzjonali biex jiġi definit il-kunċett ta' "persuni li jiġu spostati għal raġunijiet ambjentali" fin-Nazzjonijiet Uniti bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas legali internazzjonali u li jiġi adottat approċċ komuni għall-ħarsien ta' dawk li huma obbligati jitilqu mill-post ta' residenza tagħhom; jirrikonoxxi li l-konsegwenzi ambjentali tat-tibdil fil-klima jistgħu jaggravaw l-ispostament furzat, u għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati malajr politiki biex jitnaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

14.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deforestazzjoni, l-estrazzjoni illegali u l-produzzjoni ta' drogi illeċiti, b'mod partikolari fl-Amażonja fl-2019, minħabba li l-foresti jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jassorbu u jaħżnu d-diossidu tal-karbonju; jisħaq li l-popli indiġeni spiss kienu l-ewwel vittmi tad-deforestazzjoni, li tipperikola d-drittijiet tagħhom għall-art, fost affarijiet oħra, u l-aċċess għar-riżorsi vitali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, id-dritt li jiġu determinati u stabbiliti prijoritajiet u strateġiji għall-iżvilupp tagħhom stess u għall-użu tal-artijiet, it-territorji u riżorsi oħra tagħhom; jisħaq li l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni hija forza li tmexxi d-deforestazzjoni u għalhekk iqis li l-obbligu ta' rendikont għal dan il-ksur huwa essenzjali; jinnota li l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali jista' jirriżulta f'impatti negattivi serji fuq id-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili u politiċi tal-komunitajiet lokali, inkluż id-dritt fundamentali tal-popli għall-awtodeterminazzjoni u l-prinċipju ta' sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali tagħhom;

15.  Jilqa' l-aspirazzjonijiet u l-mobilizzazzjonijiet dejjem jikbru taċ-ċittadini, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ, għal tibdil politiku u soċjali li jiffavorixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza demokratika, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, azzjoni dwar il-klima aktar ambizzjuża u protezzjoni aħjar tal-ambjent; jenfasizza t-tfaċċar fl-2019 ta' movimenti massivi ta' protesta f'kull reġjun fid-dinja li jirriflettu dawn l-aspirazzjonijiet, li jitolbu t-tibdil fl-ordinijiet istituzzjonali u ekonomiċi tas-soċjetajiet, azzjoni għall-ġlieda konta t-tibdil fil-klima u l-appoġġ tal-iżvilupp ta' soċjetà globali aktar ġusta; jikkundanna l-fatt li f'ħafna pajjiżi n-nies huma mċaħħda mid-dritt tad-dimostrazzjoni paċifika, b'miżuri legali, amministrattivi u oħrajn bħat-trażżin tad-dimostrazzjonijiet permezz tal-użu tal-forza, il-fastidju u d-detenzjoni arbitrarja; jisħaq li fl-2019, mijiet ta' dimostranti paċifiċi ġew arrestati, ħafna minnhom kienu soġġetti għal trattament ħażin u detenzjoni arbitrarja u kienu mġiegħla jħallsu multi ħorox fi proċessi fejn l-istandards minimi proċedurali ma kinux garantiti; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm in-natura paċifika tal-azzjonijiet ta' protesta u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar xi gruppi periferiċi li kienu qed jieħdu l-opportunità pprovduta mid-dimostrazzjonijiet u l-espressjonijiet tal-movimenti soċjali biex iwettquhom permezz tal-vjolenza u l-interruzzjoni tal-ħajja ta' kuljum; jistieden lill-gvernijiet ma jużawx forza sproporzjonata kontra dimostranti paċifiċi u biex iżommu responsabbli lill-awturi kollha ta' dawn l-atti;

16.  Iqis essenzjali r-reazzjonijiet politiċi għat-talbiet leġittimi tas-soċjetajiet, il-familji u l-individwi li huma bbażati fuq djalogu inklużiv li jwassal għal bidla pożittiva; jikkundanna, min-naħa l-oħra, ir-repressjoni ta' movimenti paċifiċi, b'mod partikolari permezz tal-użu eċċessiv tal-forza minn aġenti tas-sigurtà, li ċerti gvernijiet wettqu fuq il-popolazzjonijiet tagħhom bil-għan li joħonqu l-ilħna kuntrarji u kritiċi;

17.  Jisħaq li l-qtil, l-attakki fiżiċi u diffamatorji, il-priġunerija, it-theddid ta' mewt, il-fastidju, l-intimidazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni għadhom jintużaw b'mod sistematiku madwar id-dinja kontra d-DDB, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa (WHRDs), id-difensuri tad-drittijiet reliġjużi u tat-twemmin, il-komunitajiet lokali, gruppi indiġeni, id-difensuri ambjentali u tal-art, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u attivisti tas-soċjetà ċivili, informaturi u ġurnalisti; jinnota li d-WHRDs jiffaċċjaw theddid speċifiku għall-ġeneru;

18.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-użu minn xi pajjiżi ta' leġiżlazzjoni repressiva dwar iċ-ċibersigurtà u kontra t-terroriżmu biex trażżan id-DDB; jissottolinja l-eżistenza ta' xejriet politiċi lejn nazzjonaliżmu aktar profond u l-użu ħażin tar-reliġjon għal gwadann politiku, li jwasslu għall-intolleranza;

19.  Jisħaq li huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet tal-UE li jappoġġjaw b'mod attiv l-organizzazzjonijiet u l-individwi impenjati fid-difiża tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob ġustizzja u obbligu ta' rendikont għall-attakki kollha kontra d-DDB; jitlob lill-UE tappoġġja u tipproteġi d-DDB fid-diversità kollha tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-azzjoni tal-Parlament biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u biex jagħmel pressjoni fuq awtoritajiet ta' pajjiżi terzi biex jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjoni DDB detenuti bħala riżultat tal-attiviżmu tagħhom; jappoġġja l-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi u fit-trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja politiċi madwar id-dinja;

20.  Huwa mħasseb serjament dwar il-persistenza tal-pjaga tal-gwerer u l-kunflitti militari, u tal-okkupazzjoni jew l-annessjoni fit-tul tat-territorji, li ħolqu ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-ġenoċidji, il-qtil tal-massa u l-ispostamenti furzati tal-popolazzjonijiet ċivili, inklużi minoranzi reliġjużi, u vjolenza seswali, b'mod partikolari kontra n-nisa u t-tfal; jikkundanna bil-qawwa l-involviment ta' setgħat dittatorjali jew awtoritarji fi gwerer bi prokura u jisħaq li s-soluzzjonijiet politiċi nnegozjati huma prerekwiżit għal paċi sostenibbli; jesprimi tħassib serju dwar tensjonijiet politiċi internazzjonali akbar, u f'ċerti reġjuni tad-dinja, dwar iż-żieda fl-attività ta' gruppi armati mhux Statali u organizzazzjonijiet terroristiċi u l-iżvilupp ta' vjolenza komunali;

21.  Jiddeplora l-fatt li filwaqt li n-NU mmarkat il-ħamsa u sebgħin anniversarju tagħha fl-2020, għadd ta' gvernijiet ispirati minn attitudnijiet li jħarsu 'l ġewwa ħadu azzjoni biex jiġġieldu kontra l-multilateraliżmu u l-isforzi ta' kooperazzjoni internazzjonali favur il-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fuq l-għanijiet u l-prinċipji tal-UDHR, id-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Ħelsinki; jikkritika n-nuqqas ta' tmexxija internazzjonali konġunta minn pajjiżi demokratiċi biex jirreaġixxu b'mod konsistenti għal ksur serju tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jingħaqdu flimkien biex javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u biex isostnu s-sistemi internazzjonali bbażati fuq ir-regoli, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jimlew dan il-vojt fit-tmexxija;

22.  Jiddeplora l-qagħda mwiegħra tal-migranti u r-rifuġjati madwar id-dinja, b'mod partikolari nisa spostati, tfal, persuni b'diżabilità u mard kroniku, persuni b'diversi orjentazzjonijiet sesswali, persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi, reliġjużi u twemmin ippersegwitati, li huma fost dawk l-aktar vulnerabbli; jinnota li huwa stmat l-għadd ta' migranti internazzjonali fl-2019 huwa kważi 272 miljun(5), li huwa ekwivalenti għal 3,5 % tal-popolazzjoni globali, fejn aktar minn 20 miljun minnhom kienu rifuġjati(6), u li avvenimenti ta' spostament u migrazzjoni fuq skala kbira seħħew matul dawn l-aħħar sentejn; jinnota ż-żieda fl-għadd ta' persuni li qed ifittxu l-asil fl-2019, li qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-EU-27(7) bħala konsegwenza ta' prattiki repressivi u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta', fost oħrajn, dittatorjati li għandhom b'mod illegali poter politiku; jikkundanna l-miżuri politiċi li jnaqqsu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u tar-rifuġjati u li jpoġġu f'riskju s-sikurezza u l-ħajja tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' diskriminazzjoni, intolleranza, persekuzzjoni u qtil marbuta mal-istat ta' migrazzjoni jew ta' rifuġjat; jiċħad it-tendenza negattiva lejn il-fastidju u l-kriminalizzazzjoni tal-ħidma ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u tar-rifuġjati u li jipprovdulhom assistenza;

23.  Jilqa' l-fatt li l-isforzi biex jiġu avvanzati d-drittijiet tan-nisa u l-bniet kisbu aktar prominenza mad-dinja kollha; jinnota, madankollu, li sa issa l-ebda pajjiż fid-dinja ma kiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

24.  Jisħaq fuq il-persistenza ta' vjolenza mifruxa abbażi tal-ġeneru, inkluż il-femminiċidju, u d-diskriminazzjoni f'kull reġjun tad-dinja, inkluża l-UE, li jirriżultaw minn inugwaljanza bejn il-ġeneri, normi tal-ġeneru u dinamika tal-poter mhux indaqs, prattiki kulturali bħad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta jew sistemi legali diskriminatorji stabbiliti fit-tul, kif ukoll minn azzjonijiet ta' propaganda u diżinformazzjoni li jimminaw id-drittijiet tan-nisa; jikkundanna l-isfruttament tan-nisa permezz tat-traffikar tal-bnedmin u l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza sesswali, fiżika u psikoloġika, li huma fost l-aktar ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-użu ta' vjolenza sesswali mmirata lejn in-nisa minħabba l-opinjonijiet, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni filosofika jew sesswali jew l-attiviżmu tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li n-nisa u l-bniet minn minoranzi etniċi, reliġjużi u ta' twemmin huma vulnerabbli d-doppju għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni speċifiċi għall-ġeneru; ifakkar li l-vjolenza kontra n-nisa leżbjani u bisesswali fil-forma ta' "stupru korrettiv" tibqa' problema sistemika f'xi pajjiżi minħabba stigma soċjali u sistemi legali diskriminatorji;

26.  Jikkundanna r-rigressjoni li għaddejja bħalissa kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inklużi t-tentattivi kollha biex jitreġġgħu lura intitolamenti u protezzjonijiet eżistenti fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR), kif ukoll leġiżlazzjoni, politiki u prattiki li jkomplu jiċħdu jew jirrestrinġu dawn id-drittijiet f'ħafna pajjiżi fid-dinja; jikkundanna, f'dan ir-rigward, iċ-ċaħda ta' aċċess għal edukazzjoni komprensiva u ta' kwalità għolja dwar is-sesswalità, servizzi ta' ppjanar tal-familja, kontraċettivi moderni, kura sikura u legali f'każ ta' abort u kura tas-saħħa materna, u abbużi u trattament ħażin tan-nisa f'ambjenti tal-kura tas-saħħa materni, qabel it-twelid u wara t-twelid, kif ukoll prattiki tas-saħħa sesswali u riproduttiva koerċittivi u li ma jirrispettawx il-kunsens liberu u infurmat tan-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-ġenituri f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari ġenituri waħedhom u dawk li għandhom familji kbar, biex jiġu megħjuna jevitaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu ambjent soċjali u ekonomiku u kundizzjonijiet li jippermettu lill-ġenituri jkomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-ommijiet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari ommijiet waħedhom, biex issir prevenzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu l-ambjent soċjali u ekonomiku u l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-ommijiet ikomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom;

28.  Jikkundanna wkoll gvernijiet mad-dinja kollha li qed jopponu jew jaggravaw rigressjoni negattiva kontra t-talbiet tan-nisa għal drittijiet indaqs; jissottolinja r-rwol prominenti li n-nisa għandhom permezz tal-attiviżmu tagħhom f'movimenti politiċi u soċjali u jiddeplora l-konsegwenzi kbar li ġarrbu minħabba li kienu vittmi ta' vjolenza kkawżata minn repressjoni brutali u gwerra, kif ukoll sfruttament sesswali matul kunflitti armati;

29.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kontinwazzjoni ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra t-tfal madwar id-dinja fl-2019, is-sena tat-30 anniversarju tal-UNCRC, jiġifieri t-tħaddim tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u sfurzati, it-traffikar u l-isfruttament tat-tfal, inkluż għal skopijiet sesswali, il-lieva jew l-ingaġġ tat-tfal fi gruppi, l-użu ta' suldati tfal f'kunflitti armati, abbuż sesswali u prostituzzjoni tat-tfal, separazzjoni tal-familja u d-detenzjoni tat-tfal, inkluż għal raġunijiet relatati mal-immigrazzjoni, kif ukoll l-isfidi li jiffaċċjaw il-bniet f'termini ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, tqala mhux f'waqtha, l-infezzjoni tal-HIV u t-tluq bikri mill-iskola; jesprimi dispjaċir li fil-kuntest tal-pandemija, għadd kbir ta' tfal u żgħażagħ kellhom jibdew jaħdmu sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi u jappoġġjaw lill-familji tagħhom u, b'riżultat ta' dan, telqu mill-iskola; jisħaq li dan l-iżvilupp mhux mixtieq huwa rigressjoni f'termini tal-edukazzjoni skolastika tat-tfal;

30.  Jesprimi s-sogħba kbira tiegħu lejn l-attakki terroristiċi u l-attakki bil-bombi mwettqa fl-ewwel nofs tal-2019 li kienu mmirati lejn nies reliġjużi u l-postijiet ta' qima tagħhom li jeħtieġ li jiġu ppreservati u mħarsa, u jikkundanna dawn l-attakki; huwa allarmat li dawn l-atti orribbli ħabtu mal-kampanji ta' mibegħda xprunati minn ċerti mexxejja politiċi u gruppi terroristiċi li għandhom l-għan li jiċħdu jew jillimitaw id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin; iħeġġeġ lill-Istati jippromwovu l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin u biex jipproteġu minoranzi reliġjużi u ta' twemmin vulnerabbli, billi jieħdu azzjoni rapida kontra l-awturi ta' vjolenza jew inċitament għall-mibegħda;

Inpoġġu l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politika barranija tal-UE

31.  Ifakkar li l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE; jisħaq li l-promozzjoni ta' dawn il-valuri esternament, l-avvanz tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, jinsabu fil-qalba tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 21 TUE u l-interess strateġiku tal-Unjoni, u għandhom jiġu riflessi, b'mod effettiv u koerenti, fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet tal-Unjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tal-isforzi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Kummissjoni biex jieqfu kontra u jirreaġixxu b'mod robust u bil-vuċi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull fejn iseħħu, inkluż f'pajjiżi sħab viċin, u biex kontinwament isaħħu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li involviment effettiv u djalogu sinifikattiv mas-soċjetà ċivili huma l-pedament ta' politika tad-drittijiet tal-bniedem li tkun ta' suċċess; jistieden lid-delegazzjonijiet kollha tal-UE u lill-punti fokali rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem biex b'mod konsistenti jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiltaqgħu mad-DDB, inklużi WHRDs u membri tas-soċjetà ċivili, iżuru attivisti detenuti, dissidenti favur id-demokrazija u DDB, jimmonitorjaw il-proċessi tagħhom u jippromwovu l-protezzjoni tagħhom fil-prattika; jistieden ukoll lid-delegazzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw it-tentattiv ta' azzjonijiet bħal dawn minn MEPs li jwettqu żjarat fil-qafas ta' missjonijiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew; jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati mhux biss il-konsegwenzi, iżda anke l-kawżi ewlenin tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Ħidma tal-UE fuq livell multilaterali

33.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija espliċita biex jiġġieldu kontra ż-żieda fl-irtirar mill-Istat u l-pushback kontra l-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-impenji ddikjarati għall-multilateraliżmu fil-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll tentattivi fil-livell internazzjonali biex jiġi mminat il-kunċett tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fl-UDHR; jisħaq fuq il-fehma tiegħu li d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-wegħda li jintlaħqu l-SDGs sal-2030 għandhom jibqgħu pedamenti; jirrakkomanda li l-UE tkompli bl-isforzi tagħha billi timpenja ruħha ma' pajjiżi u partijiet ikkonċernati li jistgħu jew ma jistgħux jaqsmu l-istess valuri bħall-UE, sabiex jippreservaw jew jiżviluppaw standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-Artikolu 21 TUE;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva billi jużaw ir-regola tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, speċjalment fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jitkellmu b'vuċi waħda u b'saħħitha tal-UE fil-fora multilaterali, u jaġixxu flimkien meta ffaċċjati minn kriżi li tisfida l-valuri u l-interessi ewlenin tal-Unjoni Ewropea, peress li dan huwa l-uniku mod li bih l-Unjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xena internazzjonali u tuża l-influwenza tagħha biex iġġib tibdil pożittiv u reazzjonijiet aktar koordinati għall-isfidi globali, primarjament il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll sfidi ambjentali u dawk relatati mal-klima;

35.  Itenni li l-UE se tkun rikonoxxuta, kredibbli u effettiva biss fix-xena globali jekk il-valuri fundamentali tagħha, b'mod partikolari dawk tar-rispett għal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza jkunu kredibbli esternament, u dan ikun possibbli biss jekk l-UE tiżgura l-koerenza interna u esterna tal-politiki tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jmexxu bl-eżempju, billi jirrispettaw b'mod strett id-drittijiet tal-bniedem, jiżguraw il-konsistenza fid-difiża u fl-osservanza tal-valuri tagħha, u jiżguraw ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili;

36.  Jiddeplora l-fatt li reġimi awtoritarji abbużaw minn istituzzjonijiet multilaterali, u qed jippruvaw jinnewtralizzaw istituzzjonijiet u mekkaniżmi multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem fil-kapaċità tagħhom li jżommu lill-Istati responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma' alleati demokratiċi tal-istess fehma biex jappoġġjaw riforma tal-istituzzjonijiet multilaterali sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar reżiljenti kontra l-influwenza negattiva ta' reġimi awtoritarji; jiddeplora wkoll il-fatt li s-siġġijiet fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) huma ħafna drabi okkupati minn pajjiżi b'rekords ippruvati ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE joqogħdu attenti ħafna fit-tendenzi tal-votazzjoni tagħhom u jevitaw li jappoġġjaw pajjiżi li huma kandidati biex iservu bħala membri tal-UNHRC u li jiksru b'mod ċar id-drittijiet tal-bniedem;

37.  Iqis li d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jikkostitwixxu għodda utli għal involviment bilaterali fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sakemm jitwettqu b'mod orjentat lejn ir-riżultati u jiġu rieżaminati regolarment; ifakkar li l-linji gwida tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem jiddeskrivu għadd ta' kriterji għall-ftuħ ta' djalogu inkluż "kemm il-gvern huwa lest li jtejjeb is-sitwazzjoni, l-impenn tal-gvern fir-rigward tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rieda tal-gvern li jikkoopera mal-proċeduri u l-mekkaniżmi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-attitudni tal-gvern lejn is-soċjetà ċivili"; jitlob lis-SEAE jwettaq valutazzjoni regolari ta' kull djalogu, kif previst mil-linji gwida tal-UE; jinsisti fuq l-importanza li jitqajmu każijiet individwali fil-kuntest tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jiġu żgurati segwitu u trasparenza adegwati dwar dawn il-każijiet;

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem

38.  Jilqa' l-ħatra ta' Eamon Gilmore fit-28 ta' Frar 2019 bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE); itenni li l-ħatra tar-RSUE għandha tkun soġġetta għal seduta ta' smigħ minn qabel fil-Parlament; iħeġġeġ lir-RSUE jkompli bl-isforzi diplomatiċi biex itejjeb l-effikaċja tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jikkonsolida alleanzi internazzjonali għall-promozzjoni tal-aġenda dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jikkonvinċi lil interlokuturi madwar id-dinja biex jadottaw u jimplimentaw politiki li jikkonformaw mal-ogħla standards tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u d-dritt u n-normi internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt umanitarju internazzjonali u l-ġustizzja kriminali internazzjonali; jirrakkomanda, barra minn hekk, li r-RSUE jirdoppja l-isforzi tiegħu biex jiżgura l-koerenza interna tal-UE fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika barranija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li r-rapporti regolari tiegħu lill-Kunsill huma kondiviżi wkoll mal-Parlament; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-viżibilità tar-RSUE u t-trasparenza tal-attivitajiet u l-missjonijiet tal-pożizzjoni, inkluż permezz ta' sezzjoni ddedikata tas-sit web tas-SEAE, u biex tagħmel ir-RSUE pożizzjoni permanenti, b'riżorsi adegwati u l-kapaċità li jitkellem pubblikament sabiex jirrapporta dwar il-kisbiet taż-żjarat f'pajjiżi mhux tal-UE u jikkomunika l-pożizzjonijiet tal-UE dwar suġġetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bħala parti minn riforma ġenerali tal-pożizzjoni tar-RSUE;

Ftehimiet internazzjonali

39.  Itenni t-talba tiegħu biex il-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi b'mod sistematiku fil-ftehimiet internazzjonali kollha, b'mod partikolari dawk dwar il-kummerċ u l-assoċjazzjoni, bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE u biex jiġu infurzati u mmonitorjati kif xieraq, inkluż permezz ta' punti ta' riferiment li jistgħu jitkejlu u valutazzjonijiet tal-impatt regolari, bl-involviment tal-Parlament u tas-soċjetà ċivili; jisħaq li dawn il-klawżoli għandhom jipprevedu mekkaniżmi li jiżguraw l-infurzar effettiv tagħhom u proċeduri li jistabbilixxu konsegwenzi ċari u kredibbli li jirriżultaw minn ksur tal-ftehimiet, inklużi s-sospensjoni jew, bħala l-aħħar alternattiva, l-irtirar tal-UE mill-ftehimiet; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn l-atturi speċjalizzati responsabbli għall-oqsma ta' politika rilevanti bħall-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem, għal integrazzjoni aktar effiċjenti tal-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika tal-kummerċ u l-investiment; iħeġġeġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment barrani, kif ukoll mekkaniżmu indipendenti tal-ilmenti, biex iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati lokali affettwati jingħataw rikors effettiv għar-rimedju;

40.  Jisħaq li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi jistgħu jinkisbu b'mod effettiv permezz tal-użu ta' kundizzjonalità fl-inċentivi ekonomiċi u politiċi tal-UE bħall-aċċess għall-finanzjament tal-UE, l-għoti tas-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP) u ta' aktar faċilitazzjonijiet tariffarji, u l-għoti ta' eżenzjonijiet mir-rekwiżit tal-viża ta' Schengen tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest,li skont ir-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment lill-Parlament, inkluż dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża u għandha tissospendi l-eżenzjoni mill-viża fil-każ ta' ksur fil-pajjiż ikkonċernat;

L-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali

41.  Jitlob li l-implimentazzjoni ta' baġit adegwat għal attivitajiet u l-appoġġ għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem skont l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) ikunu jaqblu mal-livell tal-impenn u l-ambizzjoni tal-Unjoni;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tinkludi bħala parti mir-rapport annwali tagħha dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-NDICI, kapitolu dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-Artikolu 8 – Prinċipji ġenerali tal-Istrument mill-pajjiżi sħab li jibbenefikaw mill-finanzjament tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa, inklużi s-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE għal atturi statali u d-direzzjoni mill-ġdid ta' għajnuna lejn is-soċjetà ċivili, f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-prinċipji tal-NDICI mill-benefiċjarji tagħha; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' finanzjament u kjarifika tal-mekkaniżmu u l-kriterji għas-sospensjoni ta' ftehimiet bħal dawn fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt u f'każijiet serji ta' korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod strettament lura milli tuża l-appoġġ baġitarju għall-gvernijiet ta' pajjiżi terzi bħala modalità operattiva f'pajjiżi li qed jaraw ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tad-DDB;

43.  Jitlob lill-UE tagħti attenzjoni partikolari biex tivvaluta u tipprevjeni kwalunkwe ksur marbut mal-politiki, il-proġetti u l-finanzjament tal-Unjoni stess f'pajjiżi terzi, inkluż bil-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-ilmenti għal individwi jew gruppi li d-drittijiet tagħhom setgħu ġew miksura mill-attivitajiet tal-UE f'dawn il-pajjiżi;

44.  Jilqa' l-assistenza imprezzabbli pprovduta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mad-dinja kollha fl-ambitu tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, li kkostitwixxa l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-politika esterna tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li fl-ambitu tal-istrument globali suċċessur ikompli jiżdied il-finanzjament għas-soċjetà ċivili u għad-drittijiet tal-bniedem;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mas-SEAE, qafas għar-rapportar annwali mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra l-UE fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u l-qafas strateġiku tal-UE u l-pjan ta' azzjoni għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti appoġġjati mill-BEI jkunu konformi mal-politika u l-impenji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li jeżistu mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont għall-individwi biex jirrapportaw ksur relatat mal-attivitajiet tal-BEI; jistieden lill-BEI jkompli jiżviluppa l-politika tiegħu dwar l-istandards soċjali f'politika dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-qasam bankarju; jitlob l-inklużjoni ta' punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti tiegħu;

Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija

46.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li s-SEAE ma kienx ta attenzjoni xierqa lill-offerta tal-Parlament u tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jikkontribwixxu b'mod attiv għat-tħejjija tiegħu, fi spirtu ta' kooperazzjoni interistituzzjonali tajba;

47.  jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jorganizzaw konsultazzjonijiet regolari mas-soċjetà ċivili u biex jinvolvu ruħhom fi djalogu strutturat u regolari mal-korpi kompetenti tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni l-ġdid sabiex il-Parlament ikun jista' jwettaq il-parti tiegħu fl-attivitajiet tal-pjan ta' azzjoni, b'mod partikolari permezz tad-diplomazija parlamentari, u jwettaq b'mod effettiv ir-rwol ta' skrutinju tiegħu; jirrakkomanda li jiġi stabbilit sett ta' punti ta' riferiment u indikaturi tal-progress sabiex l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tiġi mmonitorjata b'mod effettiv; jistieden lis-SEAE jirrapporta dwar il-progress li sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-pjan ta' azzjoni skont dawn il-punti ta' riferiment; jitlob li s-SEAE jsegwi regolarment ir-riżoluzzjonijiet u d-dibattiti tal-Parlament li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; jinsisti li l-Istati Membri jieħdu l-pussess tal-pjan ta' azzjoni u jikkontribwixxu għar-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tiegħu billi jirrapportaw dwar l-attivitajiet tagħhom stess imwettqa skont dan id-dokument strateġiku;

Nirreaġixxu għall-isfidi globali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija

Governanza demokratika u spazju favorevoli għas-soċjetà ċivili

48.  Huwa tal-fehma li l-governanza demokratika u l-istat tad-dritt qed jiġu attakkati globalment minħabba taħlita ta' fatturi li jinkludu ż-żieda ta' awtoritarjaniżmu u populiżmu, iż-żieda fl-inugwaljanzi u l-faqar, il-pressjoni fuq is-soċjetà ċivili, il-proliferazzjoni ta' aħbarijiet foloz, id-diżinformazzjoni, it-theddid ċibernetiku u l-gwerer ibridi, l-interferenza politika u kampanji mwettqa minn atturi esterni, it-telf tal-kredibilità tal-awtoritajiet pubbliċi, il-polarizzazzjoni tas-soċjetajiet u d-dgħufija tal-organizzazzjonijiet kollettivi li jiddefendu l-interess pubbliku; jenfasizza wkoll li l-attakki fuq il-libertà tal-midja u t-tentattivi ta' manipulazzjoni tad-diskors pubbliku permezz tat-tixrid ta' aħbarijiet foloz fil-midja soċjali qatt ma kienu daqshekk frekwenti u b'saħħithom; jesprimi tħassib li prattiki awtoritarji bħall-istigmatizzazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili bħala "aġenti barranin" qed jiġu kkupjati u mxerrda globalment;

49.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġaw it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u proċessi elettorali trasparenti u kredibbli mad-dinja kollha, biex iħeġġu u jwettqu dibattitu demokratiku, jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi, jiżguraw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jappoġġaw id-djalogu bejn oqsma differenti tas-soċjetà, jiġġieldu l-korruzzjoni u l-impunità, u jsaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikaturi u l-mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont; jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha dwar l-osservazzjoni elettorali u tikkoopera aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, speċjalment ma' dawk ta' rilevanza speċjali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa;

50.  Jisħaq li l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma marbuta b'mod intrinsiku; jitlob lill-UE tintegra l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-aġenda tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni d-dmir tal-UE li tipproteġi l-assoċjazzjonijiet kontra l-korruzzjoni, il-ġurnalisti investigattivi u l-informaturi li jaħdmu biex jikxfu l-korruzzjoni u l-frodi;

L-azzjoni dwar il-klima u d-drittijiet tal-bniedem

51.  Jafferma li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-azzjoni dwar il-klima u dik ambjentali huma interkonnessi, b'mod partikolari, minħabba li d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprevedi toroq legali biex tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima, biex jiġu implimentati miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex l-Istati, b'mod partikolari dawk li jniġġsu l-aktar, in-negozji u dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet jinżammu responsabbli għar-reazzjonijiet tagħhom għat-tibdil fil-klima;

52.  Jappoġġja approċċ inklużiv u bbażat fuq id-drittijiet biex tingħata spinta lil azzjoni dwar il-klima li tiżgura l-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fit-teħid, l-implimentazzjoni u r-rieżami tad-deċiżjonijiet politiċi relatati mat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu; jafferma li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima timxi id f'id mal-appoġġ u l-protezzjoni ta' dawk li jiddefendu l-pjaneta u r-riżorsi naturali tagħha, inklużi d-difensuri tal-art u tal-ambjent u l-komunitajiet indiġeni;

L-approċċ tal-UE għall-kunflitti, l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-impunità

53.  Jenfasizza l-kumplessità tal-kunflitti moderni, li ta' spiss jiżviluppaw b'mod domestiku fil-livell nazzjonali jew reġjonali, xi drabi fil-forma ta' attakki ibridi jew ċibernetiċi, jinvolvu ħafna partijiet, inklużi organizzazzjonijiet terroristiċi u atturi mhux statali, u għandhom konsegwenzi umanitarji diżastrużi, b'mod partikolari minħabba d-diffikultà li ssir distinzjoni bejn kumbattenti u mhux kumbattenti; jitlob lill-UE ssaħħaħ ir-reazzjoni tagħha għall-kunflitti, billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħhom, tinvesti fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fl-isforzi ta' medjazzjoni, tfittex u żżomm spazju għal soluzzjonijiet politiċi, toħloq alleanzi ma' pajjiżi bl-istess fehma u organizzazzjonijiet reġjonali, billi tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju u tekniku u persunal għal missjonijiet ċivili u missjonijiet ta' operazzjonijiet militari għaż-żamma tal-paċi, u tippromwovi inizjattivi ta' bini ta' fiduċja bejn belliġerenti; jitlob ukoll lill-UE tiżgura l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru f'dawn l-isforzi kollha, filwaqt li żżid ir-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fiż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fl-operazzjonijiet ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitti, il-ġustizzja tranżitorja u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi; jistieden ukoll lill-UE tindirizza t-traffikar u l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, u tiżgura aċċess sostnut għal servizzi tas-saħħa essenzjali u li jsalvaw il-ħajja; jinsisti fuq l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju; ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-politika tal-UE fir-rigward ta' dawn is-sitwazzjonijiet kollha, inkluż f'każijiet ta' okkupazzjoni fit-tul;

54.  Jistieden lill-gvernijiet kollha jagħtu aċċess bla limitu lit-territorji kollha tagħhom għall-osservaturi internazzjonali, inklużi r-RSUE, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċeduri Speċjali tan-NU; jenfasizza l-importanza li jingħata aċċess bla xkiel lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali ewlenin u lill-osservaturi internazzjonali fiż-żoni milquta mill-kunflitti li jkunu għaddejjin u minn aggressjoni militari;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw b'mod strett mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tat-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi dwar l-Esportazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Esportazzjoni u tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, billi jirrifjutaw kwalunkwe trasferiment ta' armi u tagħmir ta' sorveljanza li jirriżulta fir-riskju li l-atturi importaturi statali jew mhux statali jikkommettu jew jiffaċilitaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF);

56.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pilastru tad-drittijiet tal-bniedem fl-EPF li jkun fih, fost affarijiet oħra, l-għan li s-soċjetà ċivili tingħata s-setgħa u tiġi appoġġjata, inkluż permezz ta' programmi b'fondi allokati speċifikament għall-appoġġ tad-DDB bħala kontributuri għall-bini tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jinkludu salvagwardji obbligatorji tad-drittijiet tal-bniedem u valutazzjonijiet tal-impatt fl-EPF futur, inkluża l-konformità ma' qafas ta' politika b'saħħtu tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem (HRDD) dwar kwistjonijiet ta' difiża u ta' sigurtà, ispirat mill-politika tal-HRDD tan-NU;

57.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jistieden lill-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma biex jipprovdu lill-QKI riżorsi finanzjarji xierqa sabiex din tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha fil-mandat tagħha; jitlob lill-QKI tkompli l-ħidma tagħha b'imparzjalità u indipendenza; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-membri kollha tan-NU biex jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-firmatarji tal-Istatut ta' Ruma jikkooperaw mal-QKI; iqis li l-attakki kontra l-QKI huma ta' dispjaċir kbir u fl-aħħar jikkundanna s-sanzjonijiet individwali imposti fuq il-persunal tagħhom, b'mod partikolari dawk kontra l-prosekutur ewlieni tal-QKI, li huma inaċċettabbli; jistieden lill-Istati Partijiet jieħdu azzjoni konkreta biex ifittxu t-tneħħija ta' dawk is-sanzjonijiet u biex jappoġġjaw lil dawk milquta minnhom; jisħaq li l-QKI hija l-unika istituzzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità li tieħu azzjoni kontra xi wħud mill-aktar reati orribbli tad-dinja u li tiddefendi l-vittmi li m'għandhom imkien ieħor fejn jirrikorru; jirrikonoxxi l-ħidma tar-Reviżjoni Esperta Indipendenti, li għandha l-kompitu li tidentifika oqsma għar-riforma, u jistieden lill-QKI tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ittejjeb il-prestazzjoni, l-effikaċja u l-impatt pożittiv tagħha, b'mod partikolari fuq il-komunitajiet u l-vittmi influwenzati mill-ħidma tagħha; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-QKI kontra attakki li għandhom l-għan li jfixklu l-funzjonament tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jesploraw modi u jippreżentaw għodod ġodda biex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra r-reati internazzjonali, jgħinu lill-vittmi tal-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali biex ikollhom aċċess għall-ġustizzja internazzjonali u jiksbu rimedju u riparazzjoni, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità tal-Istati Membri u tal-pajjiżi mhux tal-UE biex japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fis-sistemi legali domestiċi tagħhom;

58.  Itenni t-talba tiegħu biex il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali b'mandat biex jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità;

59.  Jistieden lill-Istati Membri u lin-Network tal-UE għall-Ġenoċidju jappoġġjaw lit-tim investigattiv tan-NU fil-ġbir, il-preservazzjoni u l-ħżin ta' evidenza ta' reati li attwalment qed jitwettqu jew li saru dan l-aħħar sabiex ma tintilifx;

60.  Jesprimi l-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja għall-vittmi kollha tal-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju u, fid-dawl tal-kunflitti armati li għaddejjin bħalissa, jitlob li l-ostilitajiet jieqfu immedjatament; jisħaq li l-komunità internazzjonali għandha r-responsabilità li ttemm l-impunità u l-ksur gravi li twettaq f'diversi pajjiżi;

61.  Jesprimi tħassib serju dwar l-użu tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma tal-gwerra; jisħaq fuq il-fatt li l-Istatut ta' Ruma jqis ir-reati sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità jew elementi kostituttivi ta' ġenoċidju jew tortura; jitlob li tittieħed azzjoni miftiehma biex jintemm l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra; jilqa' r-riżoluzzjoni 2467 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitt u r-riżoluzzjonijiet kollha relatati tal-KSNU, qabelxejn ir-riżoluzzjoni 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tafferma l-impenn tal-KSNU li jipprevjeni l-użu tal-vjolenza sesswali bħala tattika tal-gwerra u t-terroriżmu permezz tal-użu tal-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, inklużi sanzjonijiet u miżuri mmirati oħra kontra l-awturi tar-reati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-vittmi nisa ta' stupru tal-gwerra jingħataw l-assistenza u s-servizzi mediċi u psikoloġiċi sikuri kollha meħtieġa, inkluż abort sikur, kif previst fid-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob lill-UE tiġġieled l-impunità għall-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u jappoġġja d-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-verità, rimedji effettivi u kumpens għall-ksur ta' dawn id-drittijiet; jilqa', barra minn hekk, il-ħolqien min-NU ta' Fond Globali għas-Superstiti ta' Vjolenza Sesswali b'rabta mal-kunflitt fit-30 ta' Ottubru 2019, bil-għan li jiġu megħjuna jiksbu kumpens;

62.  Ifakkar fir-Rapporti ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi; jissottolinja l-ħtieġa li n-NU, l-Istati Membri tal-UE u l-korpi tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE jinvestigaw, iħarrku u jikkundannaw lil kwalunkwe membru tal-persunal tan-NU, nazzjonali u tal-UE li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali mingħajr dewmien u bl-aktar determinazzjoni soda; ifakkar fil-ħtieġa li l-istrutturi rilevanti jiġu riformati b'tali mod li tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU u tal-UE, u billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' obbligu ta' rendikont li jiffunzjonaw u li jkunu trasparenti; iqisha inaċċettabbli li azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; huwa konvint li reati gravi bħal dawn jistgħu jitnaqqsu u jiġu pprevenuti wkoll permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni; ifakkar fl-urġenza li jiġu evitati tali reati fil-futur, anke sabiex il-popolazzjonijiet lokali jerġgħu jiksbu l-fiduċja fiż-żamma tal-paċi internazzjonali;

63.  Jisħaq fuq ir-rabta bejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità mifruxa u n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont fir-reġjuni u l-pajjiżi affettwati minn kunflitti jew ikkaratterizzati minn intimidazzjoni, diskriminazzjoni, fastidju u attakki, sekwestri ta' persuni, brutalità mill-pulizija, arresti arbitrarji, każijiet ta' tortura u qtil; jitlob lill-UE tappoġġja azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-impunità u biex tippromwovi l-obbligu ta' rendikont f'pajjiżi fejn id-dinamika tal-impunità tippremja lil dawk li għandhom l-akbar responsabilità u tneħħi kwalunkwe setgħa lill-vittmi;

64.  Jesprimi dispjaċir għall-ħtieġa li r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi tiġi sospiża mill-Komunità tal-Premju Sakharov, iżda jilqa' d-deċiżjoni bħala reazzjoni għan-nuqqas tagħha li taġixxi u l-aċċettazzjoni tagħha tar-reati li għaddejjin bħalissa kontra l-komunità Rohingya fil-Myanmar;

65.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li qtil ekstraġudizzjarju, tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem qed iseħħu f'isem il-ġlieda kontra d-drogi illeċiti; itenni li l-ġlieda kontra l-kriminalità ma tiġġustifika l-ebda ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob li jinġabru flimkien l-aħjar prattiki li jinvolvu approċċ għall-minimizzazzjoni tal-ħsara bbażat fuq l-istat tad-dritt;

66.  Ifaħħar il-ħidma u l-kontribut għall-ġlieda kontra l-impunità ta' Agnès Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fit-twettiq ta' investigazzjonijiet f'każijiet issuspettati ta' qtil extraġudizzjarju fl-2019, pereżempju, fir-rigward tal tal-ġurnalist Jamal Khashoggi, filwaqt li kienet soġġetta għal intimidazzjoni u theddid;

67.  Jappoġġja r-riformi tal-ġudikatura biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza tagħha, inklużi dawk li jindirizzaw kwistjonijiet assoċjati mar-reklutaġġ u l-ħatra tal-imħallfin, il-korruzzjoni u l-preġudizzju bejn il-ġeneri fi ħdan il-ġudikatura;

68.  Jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni urġenti ta' mekkaniżmu globali tal-UE ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem awtonomu, flessibbli u reattiv, l-hekk imsejjaħ Att ta' Magnitsky tal-UE, bħala parti essenzjali mis-sett ta' għodod eżistenti tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem, u li jippermetti sanzjonijiet immirati kontra individwi, u atturi statali u mhux statali u entitajiet oħra responsabbli għal jew kompliċi fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi atti ta' korruzzjoni sistematika relatati ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-adozzjoni ta' mekkaniżmi globali ta' sanzjoni b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi; jisħaq fuq l-importanza li din is-sistema tkun konformi mal-mekkaniżmu ta' rieżami ġudizzjarju tal-UE; jissottolinja n-neċessità li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex ikun jista' jiġi implimentat b'mod effettiv; jitlob li jitwaqqaf kumitat konsultattiv fil-livell tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-Parlament; jisħaq li mekkaniżmu bħal dan se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità u l-protezzjoni tal-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, kif ukoll jafferma mill-ġdid l-importanza li l-Unjoni Ewropea taġixxi fir-rigward ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem b'mod effiċjenti, li għalhekk ifisser li tintuża votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata; jilqa' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi mmirati biex jiskoraġġixxu u jirreaġixxu għal attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna għall-UE jew l-Istati Membri tagħha;

69.  Iqis li t-tifqigħa globali tal-COVID-19 m'għandhiex tintuża bħala skuża biex jiddgħajfu r-reġimi tas-sanzjonijiet; jisħaq, madankollu, li s-sanzjonijiet m'għandhomx ifixklu l-għoti ta' għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna medika, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

70.  Jikkundanna l-qtil, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura, il-persekuzzjoni, il-fastidju, l-intimidazzjoni, ir-rikatt, is-sorveljanza diġitali u fiżika mill-bogħod u l-kampanji ta' malafama kontra d-DDB, il-familji u l-avukati tagħhom, kif ukoll dawk li jappoġġjawhom u jissimpatizzaw magħhom; jinnota bi tħassib kbir l-għadd dejjem akbar ta' attakki vjolenti kontra DDB ambjentali u tal-art, kif ukoll il-qtil tagħhom, fl-2019 minħabba li tkellmu favur il-protezzjoni tar-riżorsi naturali u d-drittijiet tal-individwi li jgħixu f'ambjent sikur u b'saħħtu; jinnota li f'xi partijiet tad-dinja dawn l-attakki laħqu livelli perikolużi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-vulnerabilità partikolari tad-DDB u l-ħtieġa ta' protezzjoni adegwata biex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol vitali tagħhom mingħajr fastidju u persekuzzjoni; jissottolinja r-rwol li jista' jkollhom l-organizzazzjonijiet reliġjużi biex jirreaġixxu għall-kriżijiet umanitarji, jippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw in-nuqqas ta' vjolenza u jaġixxu bħala medjaturi fin-negozjati għar-riżoluzzjoni ta' kunflitti;

71.  Huwa partikolarment imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' sentenzi imposti mingħajr garanziji tal-istandards minimi ta' proċess ġust meħtieġa mid-dritt internazzjonali; jistieden lill-UE tkompli tuża l-kooperazzjoni u d-diplomazija biex tiżgura li d-dritt għal proċess ġust ikun irrispettat bis-sħiħ għal kull persuna;

72.  Jitlob li jintemmu l-attakki kollha kontra d-DDB, li jinħelsu dawk kollha detenuti arbitrarjament u li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw viżjoni strateġika ta' livell għoli biex jiġġieldu kontra l-attakki globali dejjem jiżdiedu kontra d-DDB, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' konklużjonijiet b'saħħithom tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li fihom il-Ministri tal-Affarijiet Barranin għandhom jitolbu azzjoni globali ambizzjuża tal-UE biex jiddefendu d-DDB; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu l-appoġġ tagħhom għad-DDB bħala parti ewlenija u integrali mill-politika esterna tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li d-djalogu politiku u l-involviment mal-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux tal-UE, l-osservazzjoni ta' proċessi, il-laqgħat mad-DDB fi żjarat tal-pajjiżi, iż-żjarat lid-DDB detenuti, l-appoġġ għar-rilokazzjoni u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi huma elementi essenzjali ta' implimentazzjoni ta' din il-politika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom billi jaġixxu b'mod aktar magħqud u billi jużaw dawn l-istrumenti b'mod koerenti u uniformi, irrispettivament mill-pajjiż ikkonċernat, f'każijiet fejn id-drittijiet tad-DDB ikunu nkisru; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex joħorġu, f'dan l-ispirtu, konklużjonijiet annwali tal-Kunsill dwar id-DDB, filwaqt li jqisu l-azzjoni tagħhom dwar id-DDB u jistabbilixxu impenji strateġiċi fl-ogħla livell għad-DDB; jenfasizza l-azzjoni kontinwa fl-2019 tal-Parlament u tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jappoġġjaw u jiġbdu l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tad-DDB, inklużi r-rebbieħa u l-persuni nominati tal-Premju Sakharov, b'mod partikolari meta jkunu fil-periklu jew jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tagħhom;

73.  Jitlob lill-UE tiggarantixxi l-aċċess tad-WHRDs li jiffaċċjaw vjolenza speċifika għall-ġeneru għal mekkaniżmi ta' protezzjoni u riżorsi, tappoġġjahom politikament, iżżid l-allokazzjonijiet finanzjarji għal organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, u tadotta bħala anness għal-Linji Gwida tal-UE dwar id-DDB, sett ta' għodod li jipprovdi passi prattiċi għall-UE biex tissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tad-WHRDs mad-dinja kollha;

74.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jgħollu l-livell ta' ambizzjoni biex jiżguraw il-ħelsien ta' DDB li qegħdin il-ħabs, inklużi każijiet emblematiċi ta' DDB li qegħdin il-ħabs li juru kif il-gvernijiet repressivi madwar id-dinja jużaw b'mod konsistenti l-liġi, f'tentattiv biex jimmalafamaw u jsikktu d-DDB; jisħaq li każijiet bħal dawn jinkludu r-rebbieħa u l-finalisti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew;

75.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri jkomplu jużaw id-diplomazija pubblika u l-inizjattivi biex iqajmu każijiet individwali ta' DDB, u, fejn xieraq, biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

76.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtejbu l-aċċess għall-viżi tal-UE għar-rilokazzjoni fuq terminu qasir tad-DDB, b'mod partikolari permezz tal-inklużjoni ta' istruzzjonijiet fil-Manwal tal-Viża tal-UE dwar l-għoti ta' faċilitazzjonijiet għad-DDB u l-membri tal-familja tagħhom, u jaħdmu biex jemendaw l-istrumenti legali dwar il-viżi, b'mod partikolari l-Kodiċi dwar il-Viżi;

77.  Jilqa' t-tiġdid f'Novembru 2019 għal tliet snin oħra tal-mekkaniżmu tad-DDB tal-UE ProtectDefenders.eu; ifakkar fl-importanza ta' dan il-mekkaniżmu fil-konfront tal-ħtiġijiet dejjem jikbru u d-diversità tal-problemi li qed jiffaċċjaw id-DDB; jitlob li dan il-mekkaniżmu jissaħħaħ u li jiġi vvalutat mill-ġdid b'mod kostanti f'konformità mal-ħtiġijiet tiegħu;

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

78.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod koerenti kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, u biex jieħdu azzjonijiet effettivi u konkreti biex jiġġieldu kontra rigressjoni fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR;

79.  Ifakkar li l-SRHR, u edukazzjoni sesswali adegwata, huma drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet inaljenabbli tan-nisa għall-integrità fiżika, id-dinjità u t-teħid awtonomu tad-deċiżjonijiet, u jirrispettaw l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet kollha tal-bniedem fil-kuntesti kollha, u jiddefendu u jippromwovu b'mod partikolari lil dawk li huma l-aktar mhedda, bħall-SRHR;

80.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill, bl-appoġġ ta' 24 Stat Membru, dwar il-pjan ta' azzjoni ambizzjuż tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fir-relazzjonijiet esterni għall-2021-2025 (GAP III), b'impenji u azzjonijiet dwar l-SRHR; jitlob, f'dan ir-rigward, li jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari għall-pajjiżi tat-tkabbir u dawk ġirien, li qed jimplimentaw politiki ġodda u tibdil leġiżlattiv bil-għan li jallinjaw l-oqfsa legali nazzjonali mal-impenji internazzjonali u tal-SDGs dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, li jipproteġu lid-WHRDs, li javvanzaw l-SRHR tan-nisa, li jipprovdu liż-żgħażagħ b'edukazzjoni sesswali bbażata fuq ix-xjenza, komprensiva u adegwata, li jippermettu lill-bniet u lin-nisa żgħażagħ jagħmlu tranżizzjoni sikura lejn età adulta u li jipprevjenu u jtemmu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki dannużi oħra, inkluż iż-żwieġ prekoċi u sfurzat;

81.  Jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR fl-azzjonijiet esterni kollha tagħhom, inkluż f'fora multilaterali u bilaterali, b'attenzjoni speċjali għal gruppi emarġinati jew vulnerabbli, bħal persuni LGBTI, u l-objettiv li tinkiseb kopertura universali tas-saħħa permezz ta' interventi marbuta mal-SRHR u l-HIV;

82.  Jinkoraġġixxi li wieħed imur lil hinn mis-sempliċi indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-inugwaljanzi strutturali bejn il-ġeneri billi jiġu garantiti opportunitajiet indaqs u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa;

83.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu ambjent soċjali u ekonomiku u kundizzjonijiet li jippermettu lill-ġenituri jkomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom;

84.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ komuni u jikkooperaw ma' istituzzjonijiet internazzjonali biex jiksbu data ġdida, komparabbli u diżaggregata, kif ukoll biex jiżviluppaw politika ffukata u interventi leġiżlattivi biex jiġġieldu kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi impenji u punti ta' riferiment biex tinqered il-mutilazzjoni ġenitali femminili fin-negozjati u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi kkonċernati;

85.  Ifakkar li l-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħala l-ewwel trattat vinkolanti b'mod universali li jiġġieled kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika, tistabbilixxi l-punt ta' riferiment għal standards internazzjonali li jeħtieġ li jiġu ratifikati u implimentati; itenni li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ġiet rikonoxxuta bħala prijorità ewlenija tal-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-aktar fis possibbli; jitlob lill-UE taħdem ma' pajjiżi oħra biex iżżid l-azzjonijiet tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, il-ġbir tad-data, il-finanzjament u l-ipprogrammar, biex tipprevjeni u tirreaġixxi aħjar għall-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru madwar id-dinja;

86.  Jisħaq li n-nisa u l-bniet migranti u rifuġjati li jeħtieġu l-protezzjoni għandhom jitqiesu bħala detenturi tad-drittijiet;

87.  Ifaħħar il-progress li sar fuq l-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti sponsorjati mill-inizjattiva jaħdmu biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-ksur tad-drittijiet tan-nisa, inkluża t-tkomplija ta' stereotipi dannużi bbażati fuq il-ġeneru;

Id-drittijiet tat-tfal

88.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi mhux tal-UE, bid-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità, bil-għan li d-drittijiet tat-tfal jiġu rrispettati kullimkien fid-dinja u li l-ebda tifel/tifla ma jitħalla/titħalla jibqa'/tibqa' lura; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu ma' pajjiżi sħab u biex iwiegħdu aktar riżorsi finanzjarji, b'mod partikolari fil-qafas tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, sabiex jilħqu l-isfidi globali rigward is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal, inkluż id-dritt għal edukazzjoni fl-ewwel lingwa tal-individwu, il-qerda tat-tħaddim tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza, l-abbuż sesswali u ż-żwieġ tat-tfal prekoċi u sfurzat, it-traffikar u l-isfruttament, u r-reklutaġġ jew l-użu f'kunflitti armati, li miljuni ta' tfal huma vittmi tagħhom; ifakkar li l-aħjar interessi tat-tfal jinkludu l-protezzjoni, il-kura u s-sikurezza tat-tfal f'ambjent fejn ikunu jistgħu jikbru bl-appoġġ u l-protezzjoni li jeħtieġu, u bil-ħtiġijiet primarji tagħhom koperti; jisħaq li l-edukazzjoni hija strument essenzjali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra t-tfal; jitlob li jittieħdu miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni;

89.  Jilqa' l-attenzjoni mogħtija lill-azzjonijiet tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-UNCRC u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tesplora kif bħala korp l-UE tista' taderixxi mal-UNCRC;

Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità

90.  Jilqa' r-ratifiki tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u tal-Protokoll Fakultattiv tagħha li saru fl-2019; jisħaq fuq l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa lill-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità; jitlob lill-UE tinkorpora l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' persuni b'diżabilità fil-politiki tagħha ta' azzjoni esterna u dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, flimkien mal-ġlieda għal aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li tippromwovi soluzzjonijiet li jagħmluha aktar faċli għall-persuni b'diżabilità li joperaw fis-soċjetà; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità kemm mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll mill-istituzzjonijiet tagħha, speċjalment fir-rigward tal-obbligi tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-politiki rilevanti kollha tal-UE; jisħaq fuq l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u l-ħtieġa li l-prinċipju tal-aċċessibilità universali jiġi integrat b'mod kredibbli, u li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet kollha tal-persuni b'diżabilità;

Id-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali

91.  Jikkundanna l-istigmatizzazzjoni, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura, il-persekuzzjoni u l-qtil ta' persuni LGBTI u l-inċitament għall-vjolenza kontrihom; jiddispjaċih dwar l-iżviluppi diverġenti dejjem jiżdiedu bejn il-pajjiżi li qed jersqu lejn protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, b'mod partikolari billi l-omosesswalità tiġi dekriminalizzata, u dawk li jimminawhom u jħallu l-qasam ħieles mill-persekuzzjoni, id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI; jemmen li l-prattiki u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali reali u perċepiti tagħhom m'għandhomx jitħallew bla kastig, u jridu jinqerdu;

92.  Jitlob lill-UE jkollha rwol ewlieni fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI, l-hekk imsejħa terapija ta' konverżjoni, mutilazzjoni ġenitali u sterilizzazzjoni furzata ta' persuni transġeneri; jitlob, barra minn hekk, lill-UE tuża l-għodod diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi d-dekriminalizzazzjoni tar-relazzjonijiet sesswali bejn sħab konsenswali tal-istess sess, u tkun ta' eżempju fl-indirizzar tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali, permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza LGBTI+, kemm l-UE kif ukoll barra minnha; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri japplikaw bir-reqqa u b'mod konsistenti l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI fil-politika esterna tagħha;

93.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 laqtet b'mod qawwi lill-komunitajiet LGBTI, minħabba żieda fil-vjolenza domestika kontra l-persuni LGBTI li kienu mġiegħla joqogħdu kwarantina jew jirritornaw lura lejn familji u djar diskriminatorji, żieda fil-qgħad u l-persuni mingħajr dar, in-nuqqas ta' kapaċità ta' aċċess għal trattament mediku li jsalva l-ħajja, bħas-servizzi tal-HIV u l-kura medika relatata mat-tranżizzjoni, u li wasslet għal żieda fit-tfigħ inġust tal-ħtija; jitlob l-inklużjoni tal-persuni LGBTI fil-programmi ta' għajnuna fir-rigward tal-COVID-19;

Il-popli indiġeni

94.  Huwa mħasseb serjament dwar it-tbatija u l-vulnerabilità tal-komunitajiet indiġeni u l-individwi li jirriżultaw, fost affarijiet oħra, mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, il-pandemija tal-COVID-19, it-telf tal-artijiet u l-għajxien tagħhom minħabba attivitajiet korporattivi u ħsarat relatati; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-popli indiġeni jkomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni u persekuzzjoni mifruxa u sistematiċi mad-dinja kollha, inklużi l-ispostamenti furzati, l-arresti arbitrarji u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-art; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinkludu referenzi għall-popli indiġeni u d-drittijiet li jinsabu fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni fl-oqfsa rilevanti u emerġenti għad-diliġenza dovuta, u jiżguraw li l-kumpaniji multinazzjonali jinżammu responsabbli f'każ ta' ksur tal-obbligi tagħhom;

95.  Itenni t-talba lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab tagħhom fil-komunità internazzjonali biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa għar-rikonoxximent, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, inklużi l-lingwa, l-artijiet, it-territorji u r-riżorsi tagħhom; jilqa' l-ħidma tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs fuq dawn il-kwistjonijiet; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu ta' lmentar biex jitressqu lmenti dwar il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-popli indiġeni li jirriżultaw mill-attivitajiet tan-negozji multinazzjonali; ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jaħtar rapporteur permanenti dwar il-popli indiġeni fil-Parlament, bl-objettiv li jimmonitorja s-sitwazzjoni tal-popli indiġeni relatata mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-pajjiżi jirratifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO tas-27 ta' Ġunju 1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

96.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet isegwu politiki ta' żvilupp u ambjentali li jirrispettaw id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u li jkunu jinkludu popli indiġeni u popolazzjonijiet lokali, f'konformità mal-SDGs tan-NU;

Ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata

97.  Jilqa' l-adozzjoni fl-2019 mill-Kunsill tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għan-Nondiskriminazzjoni fl-Azzjoni Esterna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet minħabba d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kasta (xogħol u dixxendenza), ir-reliġjon jew l-oriġini etnika jew nazzjonali jinżammu responsabbli;

98.  Jinnota bi tħassib kbir l-iskala u l-konsegwenzi tal-ġerarkiji tal-kasti, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u t-tkomplija tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq il-kasta, inkluża ċ-ċaħda tal-aċċess għas-sistema ġuridika jew għall-impjieg, is-segregazzjoni kontinwa, il-faqar u l-istigmatizzazzjoni, u l-ostakli relatati mal-kasta għall-eżerċitar tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-faċilitazzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw l-isforzi u l-inizjattivi ta' appoġġ fin-NU u fid-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

99.  Ifakkar fl-importanza li jkunu appoġġjati b'mod attiv inizjattivi inklużivi u kontra r-razziżmu, speċjalment minħabba ż-żieda fl-attakki ksenofobiċi u razzisti madwar id-dinja, fil-kuntest taż-żieda fit-talbiet għal ġustizzja soċjali li ispiraw mewġa ta' protesti madwar id-dinja;

100.  Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jingħelbu l-preġudizzji u l-istereotipi, biex jiġu promossi t-tolleranza, il-fehim u d-diversità, u jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija biex jintemmu d-diskriminazzjoni u r-razziżmu strutturali fis-soċjetajiet tagħna; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha; iqis li l-ġlieda kontra r-razziżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni;

101.  Jistieden lid-delegazzjonijiet kollha tal-UE u lill-punti fokali rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem biex b'mod konsistenti jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jivvalutaw u janalizzaw l-istat tan-nondiskriminazzjoni u jippreżentawh fl-Istrateġiji tal-Pajjiż tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (HRDCS) skont il-kapitolu li jappartjeni għan-Nondiskriminazzjoni u l-Esklużjoni, kif ukoll is-sezzjonijiet rilevanti tiegħu dwar ir-raġunijiet speċifiċi għad-diskriminazzjoni u/jew għal gruppi ddiskriminati; jisħaq li l-aġġornamenti għall-istat tan-nondiskriminazzjoni fir-Rapporti Annwali ta' Implimentazzjoni tar-rapporti tal-HRDCS u tal-Kapijiet tal-Missjonijiet huma vitali għat-tħejjija tad-djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għall-informazzjoni dwarhom u li l-linji gwida jiddikjaraw ukoll li l-UE trid tinkoraġġixxi u tappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fil-fora u l-mekkaniżmi multilaterali fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (xogħol u dixxendenza);

Minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi

102.  Jiddeplora l-fatt li ħafna pajjiżi, minkejja l-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom biex jipproteġu l-minoranzi, qed isegwu politika ta' assimilazzjoni furzata tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi billi jinjoraw id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem tagħhom;

103.  Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab tal-UE biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi, inklużi l-kultura, il-lingwa, ir-reliġjon, it-tradizzjonijiet u l-istorja tagħhom, sabiex jippreservaw il-kulturi u d-diversità; itenni l-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-obbligi u l-impenji li ħadu skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali, bħar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa;

Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin

104.  Huwa xxukkjat bl-għadd ta' każijiet ta' qtil, attakki u atti ta' persekuzzjoni, diskriminazzjoni, fastidju u inċitazzjoni għall-antagoniżmu li seħħew, u l-għadd ta' restrizzjonijiet fuq drittijiet li ġew imposti fl-2019 kontra individwi u gruppi mmirati minħabba r-reliġjon, it-twemmin, l-ateiżmu jew l-anjostiċiżmu tagħhom; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-vittmi ta' vjolenza bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin u l-impenn tiegħu biex tinqered din il-vjolenza; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi ppersegwitati madwar id-dinja, li jiffaċċjaw diskriminazzjoni, theddid, liġijiet dwar il-blasfemija, liġijiet kontra l-konverżjoni, twaqqigħ tal-postijiet ta' qima tagħhom, vjolenza, tjassir, stupru, għajbien furzat, eżekuzzjonijiet u ġenoċidju; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali inter alia lis-sitwazzjoni tal-Insara persegwitati madwar id-dinja, li jiffurmaw il-maġġoranza vasta tal-gruppi reliġjużi li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni, vjolenza u mewt;

105.  Jesprimi aktar tħassib dwar l-użu ħażin u l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon biex jiġu mminati drittijiet oħra tal-bniedem, inklużi l-SRHR u d-drittijiet tal-persuni LGBTI; jiddeplora l-fatt li xi pajjiżi diġà għandhom, jinfurzaw jew qed ifittxu li jintroduċu liġijiet penali, sabiex jikkastigaw każijiet ta' blasfemija, konverżjoni jew apostasija; jisħaq li l-libertà tar-reliġjon u t-twemmin tinkludi d-drittijiet li wieħed ma jemminx, li wieħed iħaddan opinjonijiet teistiċi, mhux teistiċi, anjostiċi jew atei u d-dritt għall-apostasija;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimplimentaw il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; itenni t-talbiet tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu valutazzjoni trasparenti u komprensiva tal-effikaċja u l-valur miżjud tal-pożizzjoni tal-Mibgħut Speċjali qabel it-tnedija tal-proċess tat-tiġdid ta' dan il-mandat u l-pożizzjoni mill-Kummissjoni; jinsisti li wara l-valutazzjoni, il-ħidma tiegħu għandha tingħata riżorsi adegwati biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-UE f'dan il-qasam; jesprimi dispjaċir għad-dewmien fit-twettiq ta' din il-valutazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi t-trasparenza fin-nomina, fil-mandat, fl-attivitajiet u fl-obbligi ta' rapportar tal-Mibgħut Speċjali li jmiss u tiżgura l-impenn tagħhom għall-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendenza tad-drittijiet kollha tal-bniedem u għall-valuri Ewropej; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tappoġġja b'mod adegwat il-mandat, il-kapaċità u d-dmirijiet istituzzjonali tal-Mibgħut Speċjali;

107.  Jilqa' l-Iskambju Globali dwar ir-Reliġjon fis-Soċjetà, imniedi mill-VP/RGħ fi Brussell fit-6 ta' Settembru 2019; jirrakkomanda, madankollu, li tingħata attenzjoni indaqs kemm lir-relazzjonijiet intrareliġjużi kif ukoll lil dawk interreliġjużi; jitlob, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' appoġġ tal-UE għad-djalogu interreliġjuż fil-livell lokali bil-għan li jiġu miġġielda l-estremiżmu u d-diskors ta' mibegħda; jitlob, madankollu, li l-objettivi tal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin jiġu integrati f'firxa usa' ta' attivitajiet tal-UE relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

108.  Itenni l-importanza li jagħti lil-libertà akkademika u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi diplomatiċi tagħhom permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali fir-rigward ta' theddid jew attakki fuq il-libertà akkademika minn atturi statali u mhux statali, b'mod partikolari attakki vjolenti fuq istituzzjonijiet u membri tal-komunità tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll politiki jew prattiki diskriminatorji, restrizzjonijiet jew pressjoni żejda fuq ir-riċerka jew l-espressjoni, u prosekuzzjoni jew detenzjoni inġusta; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jirrevedu l-mekkaniżmi eżistenti ta' appoġġ u protezzjoni għad-DDB, sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità li tiġi identifikata u pprovduta assistenza, inklużi l-protezzjoni u l-appoġġ ta' emerġenza, f'każijiet li jinvolvu attakki fuq il-libertà akkademika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ kontinwu ta' livell għoli liċ-Ċentru Interuniversitarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni u l-Kampus Globali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, bħala inizjattiva ewlenija tal-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha;

Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u d-dritt għall-informazzjoni

109.  Jikkundanna l-qtil, il-ħtif, il-priġunerija, il-fastidju u l-intimidazzjoni ta' bosta ġurnalisti, bloggers u informaturi, u l-attakki kontrihom, kemm fiżikament kif ukoll b'mod ġudizzjarju, u l-kontroll jew l-għeluq tal-internet u l-midja; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja huma pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika; jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt għall-informazzjoni f'soċjetajiet moderni, inkluż fil-lingwa nattiva għall-komunitajiet etniċi kollha u r-rwol li għandhom il-forom kollha ta' komunikazzjoni fl-iżvilupp ta' kultura ta' pluraliżmu; ifakkar li l-midja għandha tkun f'konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

110.  Jikkundanna t-tentattivi ta' xi reġimi u awtoritajiet biex jeliminaw jew jirrestrinġu d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni jew għal-libertà tal-midja, li jiġġustifikaw b'mod leġittimu bħala neċessarji għall-finijiet tat-tisħiħ tas-sigurtà jew tas-saħħa pubblika, jew il-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-diffamazzjoni, l-insult jew il-blasfemija; jenfasizza l-mewġa l-ġdida ta' ċensura min-naħa ta' xi gvernijiet li qed jużaw il-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz matul il-pandemija tal-COVID-19 bħala kopertura;

111.  Jikkundanna l-attakki ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda mmirati lejn id-deleġittimizzazzjoni tal-valuri li l-UE tirrappreżenta u li huma mmirati lejn il-minoranzi; jinsab imħasseb ferm dwar it-tkabbir fid-diskors ta' mibegħda u l-inċitamenti għall-vjolenza fil-komunikazzjoni online u offline peress li dan jirrappreżenta theddida diretta għall-istat tad-dritt u l-valuri inkorporati fid-drittijiet tal-bniedem; jinnota li ż-żieda fil-polarizzazzjoni soċjali u politika mkabbra mill-algoritmi tal-midja soċjali li jużaw tekniki ta' seduzzjoni mentali ssaħħaħ ir-radikaliżmu, timpedixxi kompletament il-ħsieb kritiku, tagħmel id-djalogu impossibbli u twitti t-triq għall-estremiżmu;

112.  Jirrakkomanda li jiddaħħlu fis-seħħ l-aqwa salvagwardji possibbli kontra t-tixrid ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili, permezz tal-iżvilupp ta' qafas ġuridiku kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, inklużi l-gwerra ċibernetika u dik tal-informazzjoni; ikompli jappoġġja inizjattivi li jgħinu biex issir distinzjoni bejn l-aħbarijiet foloz jew id-diżinformazzjoni bi propaganda u l-informazzjoni miġbura bħala parti mill-ħidma ġenwina u indipendenti mwettqa mill-ġurnalisti;

113.  Jissottolinja l-każijiet ta' konċentrazzjoni tal-midja f'idejn l-individwi, kif ukoll in-nuqqas ta' trasparenza fis-sjieda tal-midja, li jillimitaw il-pluraliżmu li huwa essenzjali għall-aċċess għal informazzjoni mingħajr preġudizzju;

114.  Jikkundanna bil-qawwa l-proċedimenti legali mhux iġġustifikati kontra l-ġurnalisti bil-għan li jfallu (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (kawżi SLAPP)) u li dawn jiġu msikkta, b'mod partikolari f'każijiet ta' korruzzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jitwaqqfu pjattaformi li jipprovdu twissijiet bikrija meta l-ġurnalisti jkunu fil-periklu, kif ukoll pjattaformi li jipprovdu protezzjoni għal xogħolhom, sabiex il-ġurnalisti sħabhom ikunu jistgħu jsegwu l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin mingħajr interruzzjoni jew biża' ta' konsegwenzi legali;

115.  Ifakkar li kwalunkwe limitu fuq il-libertà tal-espressjoni jew il-libertà tal-midja għandu jkollu għan leġittimu f'konformità mal-obbligi internazzjonali minquxa fl-Artikolu 19 tal-ICCPR;

116.  Jitlob lill-UE tagħmel kull sforz biex tħares il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u dawk li jippruvaw jippromwovuhom; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jikkundannaw il-mezzi kollha ta' intimidazzjoni fiżika jew ġudizzjarja użati kontra l-ġurnalisti fi sforz biex isikktuhom; iħeġġeġ lir-RSUE biex jagħti attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja mad-dinja kollha; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u sistematika tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, u li jsir monitoraġġ regolari tal-impatt tagħhom;

117.  Jenfasizza l-bidla kontinwa fix-xenarji tal-midja u l-użu dejjem jikber tan-networks soċjali mad-dinja kollha; jissottolinja l-isfidi u r-riskji li din l-evoluzzjoni toħloq, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-ksur tal-libertà tal-espressjoni offline u online, iċ-ċensura, il-protezzjoni tad-data, id-diskors ta' mibegħda, il-fastidju u s-sikurezza tal-ġurnalisti u l-informaturi; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-politiki u l-prattiki tal-kumpaniji tal-midja soċjali, b'mod partikolari l-għodod awtoregolatorji tagħhom, li għandhom implikazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni mad-dinja kollha, u tippreżenta proposti għal tibdil fil-politika jew fil-leġiżlazzjoni fejn xieraq;

Il-piena tal-mewt, it-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin

118.  Jikkundanna l-użu tat-tortura, tat-trattament inuman jew degradanti u tal-piena tal-mewt, li għadhom iseħħu f'bosta pajjiżi madwar id-dinja kollha; jistieden lill-pajjiżi li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu moratorju immedjat fuq il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jilqa' l-iżvilupp pożittiv fl-2019 tad-dgħufija tal-appoġġ politiku għaż-żamma tal-piena tal-mewt f'xi pajjiżi li ma abolixxewx din il-piena; jiddeplora, madankollu, id-deċiżjonijiet ta' xi awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li wasslu għal żieda fl-eżekuzzjonijiet meta mqabbla mas-snin preċedenti; jistieden lill-UE tkompli tikkundanna b'mod sistematiku l-użu tal-piena tal-mewt u timplimenta kampanji ta' komunikazzjoni kontra l-piena tal-mewt mad-dinja kollha; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiddefendu l-abolizzjoni fil-fora internazzjonali kollha u jippromwovu l-akbar appoġġ possibbli għal din il-pożizzjoni;

119.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipprojbixxi t-tortura kullimkien fid-dinja, jappoġġja l-vittmi u jżomm responsabbli lil dawk li jittorturaw; jilqa' l-aġġornament tal-Linji Gwida tal-UE għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi l-oħra li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Protokoll fakultattiv tagħha (OPCAT), li l-35 anniversarju tagħha ġie ċċelebrat fl-2019; jirrikonoxxi l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-DDB fil-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin;

Il-ġlieda kontra l-iskjavitù modern u t-traffikar tal-bnedmin

120.  Jitlob li jkun hemm reazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha biex jinqerdu l-iskjavità modern u t-traffikar tal-bnedmin u n-networks tagħhom, bit-twaqqif ta' obbligi ġodda ta' diliġenza dovuta għan-negozji biex jidentifikaw, jivvalutaw, iwaqqfu, jipprevjenu u jimmitigaw dawn is-sitwazzjonijiet u jikkooperaw ma' awtoritajiet biex itejbu politiki penali kontra t-traffikanti u dawk li jisfruttaw jew jibbenefikaw mill-iskjavitù modern; ifakkar li dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol inaċċettabbli jimminaw id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem; jistieden lill-Istati li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti għall-ġlieda kontra dawn il-pjagi u t-tħaddim tat-tfal;

Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali

121.  Jitlob lill-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali permezz tal-politika barranija u l-azzjoni esterna tal-UE, b'mod partikolari billi tagħmel użu effettiv tal-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol, u billi tinvesti fil-kultura u l-edukazzjoni bħala vetturi għal bidla fit-tul; jilqa' l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, li fiha standards internazzjonali tax-xogħol ġodda u vinkolanti li huma essenzjali biex dawn il-pjagi ma jibqgħux jeżistu fil-qasam tax-xogħol u biex jiġu protetti l-vittmi; jenfasizza l-ħtieġa ta' protezzjoni speċifika għall-ommijiet fuq il-post tax-xogħol, matul u wara t-tqala tagħhom, inkluż fir-rigward tas-saħħa tal-ommijiet, il-liv u l-benefiċċji tal-maternità, il-ħarsien tal-impjieg u n-nondiskriminazzjoni, u t-treddigħ;

122.  Jikkundanna l-fatt li l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions qed ikompli jseħħ mad-dinja kollha u li l-libertà tal-assoċjazzjoni, id-dritt għan-negozjar kollettiv, id-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni u għat-teħid ta' azzjonijiet kollettivi, kif ukoll id-dritt għal remunerazzjoni ġusta, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, huma fil-qalba ta' dan il-ksur;

123.  Ifakkar li l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni huma drittijiet fundamentali; jinnota l-importanza tad-diplomazija kulturali għall-promozzjoni tal-valuri tal-paċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE tintegra l-kultura, l-edukazzjoni u d-drittijiet relatati rilevanti fil-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem fit-trattattivi esterni tagħha;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

124.  Jilqa' t-tentattivi li saru minn għadd ta' kumpaniji Ewropej biex jimplimentaw il-politiki ta' responsabilità korporattiva tagħhom, biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jimplimentaw il-politiki u l-leġiżlazzjoni varji li ġew stabbiliti biex jinkoraġġixxu jew jirrikjedu diliġenza dovuta f'diversi Stati Membri; jistieden lill-kumpaniji bbażati fl-UE biex jerfgħu r-responsabilità korporattiva tagħhom billi jimxu lejn l-osservanza tar-regoli u l-istandards etiċi mħaddna fis-suq uniku tal-UE;

125.  Jitlob li jiġi stabbilit strument obbligatorju tal-UE ta' diliġenza dovuta ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem li jirrikjedi li l-kumpaniji jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fl-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-mitigazzjoni, il-prevenzjoni u n-notifika ta' kwalunkwe impatt negattiv tan-negozji u l-ktajjen ta' provvista tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, applikabbli għall-korpi korporattivi, il-mexxejja u l-eżekuttivi tan-negozju f'każ ta' ksur u li l-vittmi jingħataw aċċess għal ġustizzja u rimedju; jilqa' t-tħabbira li l-proposta tal-Kummissjoni se tinkludi reġim ta' responsabilità; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tesplora l-possibilità li jiġu inkorporati aktar responsabilitajiet, inkluża r-responsabilità kriminali, għall-aktar ksur serju;

126.  Jirrakkomanda li obbligu legali ta' diliġenza jiġi inkluż bħala element speċifiku ta' dan l-istrument sabiex jiġi evitat l-użu tal-iskjavitù modern u t-tħaddim tat-tfal min-negozji fil-ktajjen ta' provvista tagħhom barra mill-pajjiż; jirrakkomanda li rekwiżit ta' trasparenza jkun parti mill-istrument ta' diliġenza dovuta sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-vittmi li jkollhom aċċess għal rimedju għall-ilmenti; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi effettivi biex jipproteġu lil dawk li jressqu lmenti minn ritaljazzjoni, inkluża leġiżlazzjoni li tiskoraġġixxi l-kawżi SLAPP; ifakkar fl-għadd kbir ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jseħħu fir-rigward tal-isfruttar tar-riżorsi naturali;

127.  Jisħaq fuq l-importanza li l-pajjiżi kollha jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE li għadhom m'adottawx il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tan-negozju biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar il-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Intrapriżi Kummerċjali Oħrajn tan-NU fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem;

128.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit strument internazzjonali vinkolanti sabiex, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jirregola l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet multinazzjonali u transnazzjonali u ta' kumpaniji oħrajn;

It-teknoloġiji ġodda u d-drittijiet tal-bniedem

129.  Jinsab imħasseb dwar l-użu ta' varjetà ta' għodod ibbażati fuq id-data u għodod ġodda mmexxija mit-teknoloġija bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja r-riskji, ħafna drabi diffiċli li jiġu perċepiti, li dawn joħolqu f'termini ta' tgawdija tal-libertajiet fundamentali, l-abbuż tal-poter u aktar vulnerabilità għaċ-ċiberattakki meta ma jkunux stabbiliti salvagwardji tekniċi u legali effettivi; jesprimi tħassib dwar l-użu kontinwu tat-teknoloġija għall-monitoraġġ u l-limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni u bħala għodda ta' fastidju; jitlob lill-UE, bħala mexxej fl-iffissar ta' standards globali dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, biex tistabbilixxi normi u l-aħjar prattiki ġodda kemm għall-użu intra-UE kif ukoll bħala soluzzjonijiet li għandhom jiġu imitati mad-dinja kollha, sabiex jiġu evitati effetti potenzjalment dannużi ta' għodod ġodda bbażati fuq id-data;

130.  Filwaqt li jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu tad-drones armati(8), jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar l-użu tad-drones armati barra l-qafas legali internazzjonali; jappella għal darb'oħra lill-UE biex tiżviluppa b'mod urġenti qafas ġuridikament vinkolanti għall-użu ta' drones armati sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi ġuridiċi tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw tali qtil minn Stati terzi; jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem rigward proġetti ulterjuri ta' żvilupp ta' drones; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi(9); iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li m'għandhomx kontroll sinifikattiv mill-bniedem fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-għażla u l-attakk tal-miri; jinsisti li jinbdew negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi armi awtonomi letali mingħajr kontroll sinifikattiv mill-bniedem; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni komuni għan-negozjati internazzjonali f'dan ir-rigward;

Il-migranti u r-rifuġjati

131.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jinvolvu ruħhom f'reazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità u s-soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata l-vulnerabilità tal-migranti u tar-rifuġjati u l-ħtieġa tagħhom għall-protezzjoni, f'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u s-sħubija, u biex jipprovdu ċarezza fir-rigward ta' perkorsi legali adegwati u aċċessibbli għall-migrazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni li jwasslu lill-individwi u lill-familji biex jitilqu minn pajjiżhom minħabba li ma jistgħux jgħixu f'ambjent dinjituż u sigur;

132.  Itenni l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali u l-individwi involuti fit-traffikar tal-bnedmin; jesprimi dispjaċir għas-sitwazzjoni skoraġġanti li jiffaċċjaw ir-rifuġjati fil-kampijiet tar-rifuġjati, in-nuqqas ta' prospetti tagħhom, iż-żmien twil ta' stennija għall-applikazzjonijiet għall-asil li jridu jiġu pproċessati u l-problema ta' aċċess għal kura medika bażika u, fil-każ tat-tfal, għall-edukazzjoni; iħeġġeġ li jinstabu alternattivi mhux ta' kustodja għad-detenzjoni għall-migranti u r-rifuġjati, u jirrifjuta f'dan il-kuntest, kwalunkwe trattament inuman jew degradanti tal-migranti; jissottolinja l-importanza li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem meta jsir skrinjar obbligatorju tas-saħħa, u jenfasizza li dawk kollha li jfittxu l-asil u l-migranti jridu jkunu garantiti aċċess għal servizzi essenzjali, inkluża kura tas-saħħa komprensiva; jisħaq fuq l-importanza li d-dritt għall-asil jiġi rrispettat mad-dinja kollha;

133.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE jittrattaw b'rieda tajba u diliġenza u f'konformità mal-prinċipji tal-istat tad-dritt lill-persuni li jitolbu status ta' rifuġjat, u biex jappoġġjaw ir-riunifikazzjoni tal-familja bil-ħsieb li jintemmu s-sitwazzjonijiet fejn ir-rifuġjati jiġu separati mill-qraba tagħhom, b'mod partikolari t-tfal;

Appoġġ għad-demokrazija

134.  Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-attiviżmu ċiviku demokratiku, li ilu jikber mill-2019 fil-kuntest taż-żieda tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u r-reġimi awtoritarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Unjoni globalment, billi jrawmu proċessi prodemokratiċi minn isfel għal fuq, u billi jibnu reżiljenza istituzzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija implimentati mill-Parlament, inklużi l-monitoraġġ tal-elezzjonijiet, il-programmi ta' medjazzjoni u taħriġ u mentoraġġ, li jeħtieġ li jiġu adattati għas-sitwazzjoni li qed tevolvi tal-pajjiżi sħab, filwaqt li jitqies l-isfond kulturali u nazzjonali tal-pajjiżi terzi involuti, sabiex jissaħħu d-djalogu u s-sħubija magħhom; japprova s-sejħa fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar id-demokrazija u fil-pjan ta' azzjoni tal-UE tal-2020-2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija biex jiġi promoss approċċ aktar flessibbli, innovattiv, fit-tul u sensittiv għall-kunflitti għall-appoġġ tad-demokrazija; jilqa' u, f'dan il-kuntest, jinkoraġġixxi u jappoġġja l-ħidma ta' organizzazzjonijiet indipendenti li joperaw abbażi tal-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea u li jrawmu t-tranżizzjoni demokratika fid-dinja;

135.  Jimpenja ruħu li jippromwovi trasparenza akbar tal-proċessi demokratiċi, b'mod partikolari tal-finanzjament minn atturi differenti mhux statali ta' kampanji politiċi u kampanji bbażati fuq kwistjonijiet;

o
o   o

136.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-75 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE.

(1) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.
(2) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 15.
(3) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 30.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0007.
(5) World Migration Report 2020 (Rapport Dinji dwar il-Migrazzjoni 2020) – l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (https://publications.iom.int/system/files/pdf/wmr_2020.pdf).
(6) Skont id-data ppubblikata mill-UNHCR (https://www.unhcr.org/refugee-statistics/download/?url=fd4J).
(7) Statistika dwar l-asil – Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Asylum_statistics).
(8) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.
(9) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.

Avviż legali - Politika tal-privatezza