Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, rigward l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE, rigward it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża (2019/2204(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(1) ("id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(2) ("id-Direttiva dwar it-Trasferimenti"),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, għall-konformità mal-Artikolu 73(2) ta' dik id-Direttiva" (COM(2016)0762),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità" (COM(2016)0760),
– wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Gwida dwar l-għoti ta' kuntratti bejn il-gvernijiet fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (l-Artikolu 13(f) tad-Direttiva 2009/81/KE)" (C(2016)7727),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/624 tal-20 ta' April 2018 dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża(3),
– wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-gwida għall-akkwist kooperattiv fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fl-Oqsma tad-Difiża u tas-Sigurtà 2009/81/KE(4),
– wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Settembru 2020 bit-titolu "EU Defence Package: Defence Procurement and Intra Community Transfers Directives" (Il-Pakkett tad-Difiża tal-UE: Id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża u t-Trasferimenti Intra-Komunitarji),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0025/2021),
A. billi d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża tfittex li tintroduċi regoli ġusti u trasparenti għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji tad-difiża fl-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw swieq tad-difiża ta' Stati Membri oħra;
B. billi d-Direttiva dwar it-Trasferimenti għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża (EDEM), tippromwovi l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista tad-difiża tal-UE u żżid is-sigurtà tal-provvista, billi tissimplifika r-regoli u l-proċeduri għal trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża;
C. billi ż-żewġ direttivi għandhom l-għan li jagħtu spinta lis-suq intern għal prodotti relatati mad-difiża u li jsaħħu l-kompetittività tal-EDEM;
D. billi d-Direttivi dwar il-Pakkett tad-Difiża huma meħtieġa għall-iżvilupp ulterjuri ta' kultura ta' sigurtà u difiża Ewropea komuni, ibbażata fuq il-valuri u l-objettivi kondiviżi tal-Unjoni, fir-rispett tal-karattru speċifiku tal-politiki tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri;
E. billi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 ikkonkludiet li l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża kienu nkisbu biss parzjalment, minħabba li ppermettiet żieda inizjali fil-kompetizzjoni, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża tal-UE, iżda li kien meħtieġ ħafna aktar progress fl-użu konsistenti mill-Istati Membri tad-Direttiva biex jinkisbu bis-sħiħ dawk l-objettivi;
F. billi l-istudju tal-EPRS indika l-effett insuffiċjenti tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża fuq l-Ewropizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur tad-difiża;
G. billi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 uriet li d-differenzi fil-mod kif ġiet trasposta d-Direttiva dwar it-Trasferimenti ħolqu ostakli kbar għall-applikazzjoni effettiva tagħha, u dan irriżulta f'applikazzjoni bil-mod jew b'mod mhux komplut fl-Istati Membri individwali, nuqqas ġenerali ta' armonizzazzjoni fir-rekwiżiti u l-proċeduri bejn l-Istati Membri, u kundizzjonijiet u limitazzjonijiet diverġenti ħafna fil-Liċenzji Ġenerali ta' Trasferiment (GTLs) ippubblikati mill-Istati Membri;
H. billi, flimkien mal-ostakli ġenerali għad-dħul fis-suq ta' distanza ġeografika, ostakli lingwistiċi, u nuqqas ta' għarfien dwar is-suq transfruntier, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fis-settur tad-difiża jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet amministrattivi addizzjonali bħal tħassib rigward is-sigurtà tal-provvista, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet dwar is-subkuntrattar, u l-ispejjeż għoljin ta' ċertifikazzjoni;
I. billi l-SMEs jiffaċċjaw sfidi kbar meta jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku;
J. billi raġuni ewlenija għan-nuqqas ta' parteċipazzjoni tal-SMEs hija n-nuqqas ta' aċċess transfruntier għall-ktajjen tal-provvista; billi l-ktajjen tal-provvista tad-difiża għandhom fokus nazzjonali sostanzjali, u dan iżid l-isfidi għall-SMEs li jkunu jixtiequ jidħlu fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża f'pajjiżi Ewropej oħra; billi, barra minn hekk, il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali għadhom jillimitaw ruħhom għas-subkuntrattar tal-SMEs li diġà għandhom relazzjoni ta' ħidma eżistenti magħhom, minħabba restrizzjonijiet finanzjarji;
K. billi jeħtieġ li jiġi żviluppat kunċett komprensiv u olistiku għal suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża li jgħaqqad formalment il-frammenti eżistenti kollha bħall-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR), il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), il-Pożizzjoni Komuni dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju(5), iż-żewġ direttivi tal-Pakkett tad-Difiża tal-2009 u inizjattivi futuri bħar-regoli komuni dwar is-sigurtà tal-provvista;
L. billi mingħajr koerenza tal-politiki u sforz biex jinbnew konnessjonijiet bejn il-frammenti ta' politika differenti hemm riskju li azzjoni fil-livell tal-UE tkompli żżid mad-distorsjonijiet tas-suq eżistenti u proċessi u politiki oħra ineffiċjenti ħafna fis-settur tad-difiża;
It-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għal prodotti tad-difiża permezz ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-Pakkett tad-Difiża
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-ambizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Pakkett tad-Difiża, li ġew stabbiliti għall-promozzjoni ulterjuri tal-katina tal-provvista tad-difiża tal-UE u ż-żieda tat-trasparenza u l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, it-trattament ugwali u l-kompetittività ġenerali tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa;
2. Jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva tad-direttivi hija pass lejn l-ambizzjoni tal-UE ta' awtonomija strateġika u Unjoni Ewropea tad-Difiża; jissottolinja li d-direttivi jistgħu jagħmlu l-politika tal-UE dwar id-difiża aktar koerenti u jrawmu l-iżvilupp tal-industrija Ewropea tad-difiża, dment li l-Istati Membri jkollhom viżjoni komuni u prospettiva strateġika kondiviża dwar l-inizjattivi Ewropej fil-qasam tad-difiża;
3. Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kontinwa tas-suq intern tal-UE għal prodotti tad-difiża, peress li dan għadu qed iwassal għal duplikazzjonijiet bla bżonn u l-multiplikazzjoni tal-ineffiċjenzi fl-infiq fil-qasam tad-difiża mill-Istati Membri;
4. Jilqa' xi wħud mix-xejriet pożittivi osservati fl-implimentazzjoni progressiva tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża, b'mod partikolari l-għadd dejjem jiżdied ta' avviżi dwar kuntratt u avviżi ta' għoti ta' kuntratt maħruġa mill-Istati Membri, u l-proporzjon dejjem jiżdied ta' akkwist pubbliku li fir-rigward tiegħu tkun saret sejħa għall-offerti kompetittiva permezz ta' Tenders Electronic Daily (TED); jisħaq, madankollu, li volum għoli ħafna tan-nefqa fuq l-akkwist pubbliku għadu jiġġarrab barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u li persentaġġ għoli ħafna ta' kuntratti għadhom jingħataw fuq livell nazzjonali; jenfasizza wkoll li l-proċeduri mhumiex aċċessibbli faċilment għall-SMEs;
5. Jissottolinja li l-użu eċċessiv mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet relatati mal-esklużjoni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jista' jdgħajjef l-implimentazzjoni sħiħa u tajba tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża;
6. Ifakkar fil-gwida interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet li skonthom l-Artikolu 346 TFUE jista' jiġi invokat fl-ambitu tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, li għandu l-għan li jipprevjeni r-rikors potenzjalment abbużiv, l-użu ħażin u l-interpretazzjoni ħażina ta' din id-dispożizzjoni mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jsegwu strettament il-gwida interpretattiva tal-Kummissjoni u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tiġi implimentata u infurzata b'mod konsistenti;
7. Jitlob l-użu korrett tal-eżenzjonijiet u r-rekwiżiti ta' kumpens fl-akkwisti tad-difiża, li jillimitaw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża, u b'mod aktar partikolari l-monitoraġġ u l-infurzar aħjar tal-użu korrett tal-eżenzjoni għall-bejgħ bejn il-gvernijiet f'konformità mal-avviż ta' gwida tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-bejgħ bejn il-gvernijiet u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża; jitlob lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, rappurtar aktar sistematiku u komprensiv ta' data konsistenti, preċiża u kumparabbli rigward l-użu li jagħmlu mill-eżenzjonijiet sabiex jitjiebu l-iskrutinju u l-implimentazzjoni tal-linji gwida rilevanti tal-Kummissjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-monitoraġġ tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-esklużjonijiet invokati mill-Istati Membri fl-għoti tagħhom ta' kuntratti barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża, u m'għandhiex tiddependi prinċipalment mill-ilmenti rċevuti, imressqa mill-industrija; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, iżżid l-isforzi tagħha u tieħu miżuri kuraġġużi u proattivi biex tipprevjeni l-użu ħażin tal-eċċezzjonijiet u tadotta politika ta' infurzar aktar assertiva, b'mod partikolari billi tiżgura l-effettività tal-proċeduri ta' ksur;
8. Iqis li għad hemm ħtieġa qawwija li jkun hemm fokus fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża, iqis li, sabiex dan iseħħ, l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżgurar ta' trattament ugwali, it-trasparenza u l-kompetizzjoni kif ukoll fuq l-aċċess għall-akkwist pubbliku f'dan il-qasam, u li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta' standards ta' rapportar komuni u li tipprovdi lill-Istati Membri linji gwida u informazzjoni ulterjuri dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva;
9. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod xieraq id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża u jitlob lil dawk b'industrija tad-difiża stabbilita kbira jmexxu bl-eżempju;
10. Iqis li, sabiex jiġi pprovdut akkwist pubbliku mmexxi mill-kwalità u aġli, xi aspetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża jistgħu jittejbu, bħall-użu mill-Istati Membri tal-proċedura miftuħa, is-sħubijiet għall-innovazzjoni jew proċeduri ġodda oħra kif previst fid-Direttiva 2014/24/UE(6), u jħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw b'mod konsistenti dik id-direttiva kull meta jkun possibbli; jemmen, madankollu, li l-ebda reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża mhi meħtieġa f'dan l-istadju, peress li l-qafas regolatorju eżistenti huwa suffiċjenti jekk jiġi implimentat b'mod korrett u jintuża u jiġi infurzat b'mod xieraq;
11. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tad-direttivi, ittejjeb it-trasparenza tagħhom u tipprovdi gwida lill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-infurzar konsistenti u sħiħ tagħhom u għalhekk jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi tagħhom, peress li n-nuqqas ta' reċiproċità jista' jkun diżinċentiv għall-Istati Membri bi grad ogħla ta' implimentazzjoni;
12. Josserva li, fir-rigward tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti, l-adozzjoni ta' għodod ġodda, inklużi l-GTLs, hija pjuttost baxxa meta mqabbla mal-Liċenzji Individwali ta' Trasferiment (ITLs), li kienu maħsuba li jiġu sostitwiti mill-għodod il-ġodda;
13. Josserva wkoll li kien hemm adozzjoni aktar bil-mod u anqas milli mistenni ta' ċertifikazzjoni, u li għad hemm ostakli għall-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti, b'livelli baxxi ta' sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fost l-SMEs, dwar l-għodod disponibbli fl-ambitu tad-Direttiva u l-opportunitajiet li jeżistu fis-suq intern, u dwar is-sistema użata mill-Istati Membri fil-kontrolli tal-esportazzjoni tagħhom, flimkien man-nuqqas ta' armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni tal-GTLs, li jaġixxu ta' ostakli kbar għall-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva;
14. Iqis, għalhekk, li d-Direttiva dwar it-Trasferimenti kisbet l-objettivi ewlenin tagħha parzjalment biss, b'mod partikolari dak ta' ċirkolazzjoni bla xkiel ta' prodotti relatati mad-difiża fis-suq intern u tal-eżistenza ta' suq intern effiċjenti, sigurtà tal-provvista akbar u kompetittività mtejba;
15. Jissottolinja l-importanza ta' suq intern ġenwin għal trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża, fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu konxji dwar liema u lil min jiġu ttrasferiti l-prodotti u fejn l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni u restrizzjonijiet oħra għall-esportazzjonijiet jitnaqqsu għal livell minimu meħtieġ;
16. Jinnota, f'dan il-kuntest, il-progress miksub mill-Kummissjoni bir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-GTLs;
17. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti fl-Istati Membri individwali billi tinsisti li l-awtoritajiet nazzjonali jsolvu l-kwistjonijiet pendenti;
18. Jappella biex jiġu żviluppati aktar il-kuntatti u l-iskambji bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll tat-trasferimenti madwar l-UE biex jiġu indirizzati d-diverġenzi eżistenti fil-prattiki ta' kontroll tat-trasferimenti u n-nuqqas ta' fiduċja bejn l-Istati Membri, kif ukoll biex tiġi vvalutata l-ħatra tal-punti ta' kuntatt nazzjonali uniċi għal kwistjonijiet relatati mat-trasferimenti intra-UE;
19. Jistieden lill-Istati Membri jqisu kif mistħoqq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-GTLs u jevitaw li jżidu l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti fl-ambitu tal-GTLs, peress li dan jikkontradixxi jew jimmina l-kundizzjonijiet elenkati fir-rakkomandazzjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti traduzzjonijiet tar-regolamenti nazzjonali dwar il-liċenzji ta' trasferiment; jistieden lill-Kummissjoni tassisti u tappoġġja bis-sħiħ lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' liċenzji ta' trasferiment armonizzati globali u individwali għall-proġetti tal-EDIDP u tal-EDF;
20. Jilqa' d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti li għandhom l-għan li jrawmu l-akkwist pubbliku kooperattiv fil-qasam tad-difiża u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltajiet kollha ta' kooperazzjoni offruti bid-Direttiva fi spirtu ġenwin ta' solidarjetà, b'mod partikolari fl-ambitu tal-EDIDP u l-EDF futur;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tqis bħala prijorità s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-GTLs, inkluż billi tikkunsidra l-possibbiltà li tikkonverti r-rakkomandazzjonijiet f'dispożizzjonijiet vinkolanti, bil-għan ta' armonizzazzjoni progressiva bħala objettiv globali għas-snin li ġejjin;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi fis-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod u l-benefiċċji tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti, b'mod partikolari fost l-SMEs;
23. Jieħu nota tal-Boxxla Strateġika maħsuba biex titwettaq analiżi ta' theddid komuni; jemmen li l-Pakkett tad-Difiża għandu jkun wieħed mill-elementi kostitwenti tagħha li jikkontribwixxi għall-politiki ta' kontroll tal-esportazzjoni;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità, it-trasparenza, il-konsistenza u d-disponibbiltà tad-data u jikkunsidraw il-ħolqien ta' kodiċijiet ta' klassifikazzjoni tal-istatistika ddedikati sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ direttivi u jiġi pprovdut skrutinju sinifikanti;
25. Jenfasizza d-differenzi fir-rati ta' pubblikazzjoni ta' avviżi ta' kuntratti bejn l-Istati Membri fuq it-TED; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-faċilità tal-użu tal-bażi tad-data online tar-Reġistru tal-Intrapriżi Ċertifikati relatati mad-Difiża (CERTIDER); jenfasizza l-ħtieġa li d-data dwar it-trasferimenti intra-UE tkun disponibbli b'mod sistematiku, inkluż permezz ta' data kwantitattiva u tqassim skont il-kategoriji ta' liċenzja, sabiex jitqiesu aħjar l-attivitajiet ta' difiża u armament; jinnota li tali disparitajiet jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' data affidabbli u jistgħu jikkawżaw tfixkil fis-suq intern, u li n-nuqqas ta' reċiproċità jista' jkun ta' diżinċentiv għal dawk l-Istati Membri bi grad ogħla ta' implimentazzjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà li tistabbilixxi formoli amministrattivi standardizzati komuni bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, u jinbena approċċ Ewropew għat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tkun soda fl-infurzar tad-Direttivi, inkluż billi tagħmel aktar użu mid-dritt tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 258 TFUE li tibda proċeduri ta' ksur; jitlob lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur minflok ma taġixxi biss fuq l-ilmenti mressqa mill-industrija;
Il-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs
28. Jinnota li l-SMEs jidher li għandhom inqas suċċess fir-rebħ ta' kuntratti fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża milli fl-akkwist pubbliku ġenerali tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li jidher ċar li d-dispożizzjonijiet ta' subkuntrattar tad-Direttiva ma ntużawx fuq bażi regolari u strutturata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li xi Stati Membri jesperjenzaw dawn id-dispożizzjonijiet bħala kumplessi u diffiċli biex jintużaw, u dan jispjega parzjalment l-impatt limitat tad-Direttiva, u li għalhekk hemm bżonn li l-SMEs jiġu mħeġġa jipparteċipaw f'dan il-proċess u li l-proċeduri jiġu ssimplifikati;
29. Jenfasizza li l-proċessi ta' ċertifikazzjoni huma meqjusa għaljin, twal u ta' piż, u għalhekk la huma aċċessibbli u lanqas attraenti għall-SMEs;
30. Jitlob lill-Istati Membri jsegwu b'mod sistematiku r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża, bħar-rekwiżiti għall-kwalità tal-informazzjoni, it-tqassim tal-kuntratti f'lottijiet jew it-tnaqqis tal-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura tal-akkwist;
31. Iqis, għalhekk, li l-għan taż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs inkiseb biss parzjalment;
32. Huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża rigward il-kompetizzjoni bejn is-subkuntratturi ma kellhom l-ebda impatt, jew kellhom impatt limitat ħafna, fuq l-aċċess transfruntier tas-subfornituri u l-SMEs fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-Istati Membri jaċċertaw li l-proċeduri interni tagħhom jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs, u jissimplifikaw l-aċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċeduri tal-offerti fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà;
33. Josserva li għadd ta' SMEs attivi fis-swieq tad-difiża huma involuti fl-użu doppju, filwaqt li ħafna għadhom speċjalizzati speċifikament f'attivitajiet relatati mad-difiża u għalhekk huma partikolarment dipendenti fuq intrapriżi militari u relatati mad-difiża;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha u teżamina bir-reqqa l-kawżi tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni tal-SMEs;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' mappa aġġornata tad-data dwar l-SMEs rilevanti, li, filwaqt li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data sensittiva u tal-proprjetà intellettwali, tiddeskrivi l-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi tagħhom, u li tkun tista' tiġi aċċessata pubblikament minn kuntratturi ewlenin minn Stati Membri oħra sabiex jidentifikaw l-SMEs bil-kapaċitajiet rilevanti meħtieġa għal proġetti speċifiċi, u tipproponi għodod effettivi oħra li jistgħu jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proċess tal-akkwist pubbliku;
37. Iqis li azzjoni min-naħa tal-Istati Membri tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-aċċess transfruntier għas-suq għall-SMEs u s-subfornituri fis-setturi tad-difiża, u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni b'mod kemm jista' jkun komprensiv;
38. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar sistematiku mill-għodod eżistenti fil-livell tal-UE, bħan-Network Enterprise Europe, biex jappoġġjaw l-attivitajiet transfruntiera tal-SMEs;
Il-kisba ta' suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża miftuħ
39. Iqis li l-implimentazzjoni aħjar tad-Direttivi hija ta' importanza kritika sabiex jinkiseb l-objettiv globali li jitjieb il-funzjonament tas-suq intern għal prodotti tad-difiża u li jingħata kontribut għall-istabbiliment ta' EDEM miftuħ;
40. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur iż-żieda fl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar it-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża, billi ttejjeb id-disponibbiltà tal-GTLs fl-UE kollha u tindirizza l-applikazzjoni limitata tal-iskema ta' ċertifikazzjoni, peress li dan jista' jagħti spinta lill-iżvilupp tal-EDEM u b'hekk jitjieb il-funzjonament tas-suq intern għal prodotti tad-difiża;
41. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq azzjonijiet speċifiċi li jkollhom l-għan li jibnu aktar fiduċja fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà sabiex tingħata spinta lill-kooperazzjoni ta' bejniethom u jinħoloq suq uniku ġenwin għall-prodotti tad-difiża;
42. Jemmen li l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttivi tkompli ttejjeb l-effettività tal-inizjattivi tad-difiża mnedija matul dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari l-PESCO, ir-Rieżami Annwali Koordinat tad-Difiża (CARD), l-EDF u l-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) rivedut, li flimkien jistgħu jagħtu spinta lill-ippjanar, l-iżvilupp, l-akkwist u l-operat kollaborattivi tal-kapaċità ta' difiża; jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-EDEM permezz ta' kooperazzjoni fuq proġetti fl-ambitu tal-PESCO u l-EDF; jinnota, f'dan ir-rigward, li t-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki li rriżultaw sa issa mill-implimentazzjoni tal-Pakkett tad-Difiża għandhom jiġu kondiviżi fost l-Istati Membri sabiex jiġi rrimedjat il-livell mhux uniformi tal-implimentazzjoni tagħhom;
43. Jissottolinja li huma meħtieġa interpretazzjoni aktar koerenti u implimentazzjoni aktar konsistenti tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, filwaqt li jitqiesu t-tmien kriterji tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi, sabiex tiġi limitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tad-difiża tal-UE u tissaħħaħ il-konsistenza tal-politika barranija tagħha; jitlob azzjoni biex tiġi indirizzata kwalunkwe lakuna li tista' teżisti bejn id-Direttiva dwar l-Trasferimenti, il-Pożizzjoni Komuni u r-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju;
44. Jistieden lill-Istati Membri juru rieda politika favur iż-żieda tal-kooperazzjoni fir-R&Ż u l-akkwist fil-qasam tad-difiża intra-UE u jużaw ir-R&Ż u l-akkwiżizzjonijiet komuni fil-qasam tad-difiża sabiex jagħtu spinta lill-interoperabbiltà bejn il-forzi militari tagħhom;
45. Jitlob sforzi mġedda biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi u n-nuqqasijiet persistenti b'rabta mat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-EDTIB sabiex titnaqqas id-dipendenza dejjem tikber tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet fil-qasam tad-difiża; jenfasizza li sabiex jinbnew suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża affidabbli u komprensiv u settur tad-difiża effiċjenti, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva għar-reġim tas-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha;
46. Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn l-UE u r-Renju Unit mhijiex koperta mill-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni u jirrakkomanda li titwettaq analiżi xierqa dwar l-impatt li l-Brexit se jkollu fuq is-suq tal-UE tat-tagħmir għad-difiża;
47. Iqis li, mill-adozzjoni taż-żewġ Direttivi, l-EDEM esperjenza ħafna tibdil; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effiċjenza tal-għodod disponibbli fid-dawl ta' dak it-tibdil;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).