Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0208/2021

Testi mressqa :

B9-0208/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 2
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 2
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0103

Testi adottati
PDF 140kWORD 47k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092: il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt
P9_TA(2021)0103B9-0208/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt (2021/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(1), 3(3), it-tieni subparagrafu, 4(3) u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13, 14(1), 16(1), 17(1) u 17(3), it-tieni subparagrafu, u 17(8) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli tat-TFUE relatati mar-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, inklużi l-Artikoli 234, 265, 310, 317 u 319 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Novembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0580),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 – 2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-11 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Lulju 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17–21 ta' Lulju 2020(4),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 – 11 ta' Diċembru 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi(6), li daħal fis-seħħ fis-17 ta' Jannar 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

B.  billi r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni ("ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u ilu applikabbli minn dakinhar;

C.  billi, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni "għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati fl-ambitu tagħhom mill-istituzzjonijiet";

D.  billi, f'konformità mal-Artikolu 234 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jivvota dwar mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni;

E.  billi skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, "il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit";

F.  billi l-applikabbiltà, l-għan u l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huma definiti b'mod ċar fih;

1.  Itenni l-pożizzjonijiet tiegħu kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020; jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt daħal fis-seħħ u huwa vinkolanti fl-intier tiegħu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kollha fl-Istati Membri kollha u għall-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja l-importanza tal-applikabbiltà diretta tar-Regolament mill-1 ta' Jannar 2021, b' mod partikolari fil-kuntest tal-iżborż tal-fondi tan-NextGenerationEU li se jseħħ kmieni fiċ-ċiklu baġitarju;

2.  Jinnota li l-ksur li seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament jista' wkoll jiskatta l-adozzjoni ta' miżuri skont ir-Regolament sakemm dawn jibqgħu jeżistu u jaffettwaw jew jirriskjaw li jaffettwaw b'mod serju l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett;

3.  Jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt; jenfasizza r-relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

4.  Ifakkar li skont l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, l-istat tad-dritt "jirreferi għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE", u "l-prinċipji ta' legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi"; ifakkar ukoll li "l-istat tad-dritt għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE";

5.  Ifakkar li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, "il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji";

6.  Ifakkar li l-Kummissjoni "għandha tkun kompletament indipendenti", u l-membri tagħha "la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi Gvern" f'konformità mal-Artikolu 17(3) tat-TUE u l-Artikolu 245 tat-TFUE; ifakkar ukoll li f'konformità mal-Artikolu 17(8) tat-TUE, il-Kummissjoni "għandha tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew";

7.  Jemmen li s-sitwazzjoni rigward ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri teħtieġ kunsiderazzjoni immedjata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta' investigazzjoni tagħha għal kull każ ta' ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt minn Stat Membru, li jista' jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa b'mod serju l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett;

8.  Ifakkar li r-Regolament rivedut tal-OLAF jistabbilixxi kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u jsaħħaħ il-mezzi tal-OLAF biex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu stess, b'mod partikolari billi jsaħħaħ ir-regoli dwar is-servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi fl-Istati Membri u dwar il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali qabel, matul u wara investigazzjoni;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien dwar kwalunkwe notifika mibgħuta lill-Istati Membri f'każ li jkollha raġunijiet raġonevoli biex tqis li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament huma ssodisfati; jinnota b'diżappunt in-nuqqas ta' kwalunkwe notifika bil-miktub lill-Istati Membri mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, minkejja ħafna tħassib dwar il-ksur tal-istat tad-dritt identifikat fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, li għandu impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u jibqa' mhux solvut mill-Istati Membri; jinnota li l-proċeduri l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jippermettux lill-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b'mod aktar effettiv;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment dwar l-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin dwar ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jistgħu jaffettwaw, jew jirriskjaw li jaffettwaw b'mod serju, il-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett, kif inhu d-dmir tagħha skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u l-Ftehim Qafas Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex fir-Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt tinkludi taqsima ddedikata b'analiżi tal-każijiet fejn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru partikolari jista' jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa b'mod serju l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett;

12.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) biss għandha s-setgħa li tannulla r-Regolament jew kwalunkwe parti tiegħu; jafferma mill-ġdid li l-Parlament se jiddefendi l-validità tar-Regolament quddiem il-QĠUE fil-Kawżi C-156/21 u C-157/21, u se jitlob proċedura sommarja; ifakkar, madankollu, li l-azzjonijiet imressqa quddiem il-QĠUE ma għandhom l-ebda effett sospensiv skont l-Artikolu 278 tat-TFUE;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt ma tistax tkun soġġetta għall-adozzjoni ta' linji gwida, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita kwalunkwe dewmien ulterjuri fl-applikazzjoni tiegħu; ifakkar li kwalunkwe linja gwida m'għandhiex iddgħajjef l-intenzjoni tal-koleġiżlaturi; jinnota li l-Kummissjoni bdiet tabbozza linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament; jitlob li, jekk il-Kummissjoni tqis li tali linji gwida huma meħtieġa, dawn jiġu adottati malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2021, u jinsisti li l-Parlament jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tagħhom;

14.  F'każ li l-Kummissjoni ma tissodisfax l-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament u ma tipprovdix lill-Parlament bl-informazzjoni msemmija hawn fuq sal-1 ta' Ġunju 2021, il-Parlament se jqis li dan jikkostitwixxi nuqqas ta' azzjoni u sussegwentement għandu jieħu azzjoni kontra l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0360.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(5) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/speech_20_2442
(6) ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza