Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2022, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2020/2265(BUI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1) (ir-“Regolament Finanzjarju”),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2) (ir-“Regolament dwar il-QFP”), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest(3), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(5),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(8),
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021(9) u d-dikjarazzjonijiet komuni maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5° C,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "L-Isfidi Demografiċi – It-Triq 'il Quddiem",
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwaru(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(11),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2021 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2022,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru(12),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020 bit-titolu "Qafas Temporanju għall-miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19" (C(2020)1863),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0046/2021),
Lura fit-triq it-tajba: baġit 2022 għall-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19
1. Jemmen li, minħabba l-inċertezza partikolari dwar il-prospettivi ekonomiċi, li mhumiex mistennija jirkupraw sal-livell tagħhom ta' qabel il-pandemija fl-2022, u l-ħtieġa ta' importanza fundamentali ta' rkupru rapidu, ekwu u inklużiv mill-ħsara ekonomika, soċjali u relatata mal-impjiegi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-baġit tal-Unjoni għall-2022 għandu jkollu rwol saħansitra aktar ċentrali biex jiġi żgurat impatt pożittiv u tanġibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini u jingħata kontribut biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea, jiġu stimolati l-investimenti sostenibbli u jingħata appoġġ lill-ħarsien tal-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fl-Unjoni kollha, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tat-tranżizzjoni diġitali, u l-ambizzjoni klimatika msaħħa tal-Unjoni għall-2030, bl-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, u biex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali, territorjali, edukattivi, ġenerazzjonali u tal-ġeneru;
2. Biħsiebu, għalhekk, jistabbilixxi baġit progressiv li jkun strumentali fil-proċess ta' rkupru, u jippermetti lill-Unjoni tagħti spinta lill-investimenti u tindirizza l-qgħad, trawwem it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, tiffoka fuq Unjoni Ewropea tas-Saħħa b'saħħitha, tippromwovi rkupru inklużiv b'enfasi fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u tiżgura ambjent sikur u prosperu għaċ-ċittadini tal-UE; iqis li dawn il-prijoritajiet huma essenzjali sabiex isostnu l-irkupru u jitqiegħdu l-pedamenti għal Unjoni aktar reżiljenti, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;
Ekonomija vibranti biex tagħti spinta lill-investiment u tindirizza l-qgħad
3. Ifakkar li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, billi jirrappreżentaw kważi 99 % tan-negozji kollha fl-Istati Membri, u jipprovdu madwar tliet kwarti tal-impjiegi kollha; jissottolinja l-kontribut sinifikanti tal-SMEs għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà; huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi gravi u dejjiema tal-kriżi għall-SMEs u biħsiebu jiżgura finanzjament suffiċjenti għalihom permezz ta' diversi programmi tal-UE;
4. Jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' Programm tas-Suq Uniku ffinanzjat b'mod adegwat biex jagħti spinta lill-kompetittività, jippromwovi l-intraprenditorija, itejjeb l-aċċess għas-swieq u jappoġġa b'mod effettiv lin-negozji ż-żgħar, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u intraprenditorjali; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal tal-programm InvestEU li jistimola investimenti sostenibbli, innovattivi u soċjali, iżda anki fl-għoti ta' appoġġ kapitali lill-SMEs li ntlaqtu ħażin mill-kriżi; jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli għall-SMEs u li jiġu appoġġati r-raggruppamenti u n-networks tal-SMEs, kif ukoll li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji; jissottolinja, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu appoġġati inizjattivi fil-livell tal-UE li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' negozji ġodda u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-fondi, bħala mezz biex jitrawmu l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ;
5. Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tingħata spinta enormi lill-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, sabiex l-UE tkun forza mexxejja fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tat-tranżizzjoni diġitali; jissottolinja, f'dak ir-rigward, il-merti partikolari ta' Orizzont Ewropa, inkluża l-attività tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka; iqis li huwa essenzjali li l-SMEs, in-negozji ġodda u l-universitajiet jingħataw appoġġ adegwat u mfassal apposta fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv f'dawn l-isfidi enormi; jirrimarka dwar l-importanza li titrawwem kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija; jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 uriet biċ-ċar l-importanza tar-riċerka Ewropea dwar il-prodotti farmaċewtiċi u l-vaċċini bħala mezz biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE f'każ ta' kriżi tas-saħħa;
6. Jisħaq li r-rispons tal-Unjoni għall-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 irid ikun iffaċilitat minn deċiżjonijiet baġitarji rapidi u mmirati; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-ammont għoli u mhux mistenni ta' diżimpenji fir-riċerka jsir kompletament disponibbli fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, f'konformità sħiħa mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju, bħala wieħed mill-mezzi fundamentali biex jiġu newtralizzati varjanti ġodda tal-virus filwaqt li jiġi antiċipat theddid futur, fl-interess tas-saħħa pubblika u biex jiġu salvati l-ħajjiet; jisħaq li dan il-livell ta' diżimpenji ma kienx antiċipat u, konsegwentement, ma ġiex inkorporat fil-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);
7. Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE bħala l-politika ta' investiment ewlenija tal-Unjoni u wieħed mill-pedamenti ta' rkupru sostenibbli u inklużiv, u jirrimarka dwar il-valur miżjud Ewropew u l-kontribut uniku tagħha għall-iżvilupp armonjuż ġenerali tal-UE u l-Istati Membri u r-reġjuni tagħha; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-potenzjal tagħha li tistimola t-tkabbir ekonomiku u toħloq aktar impjiegi ta' kwalità, li huma ċentrali għall-proċess ta' rkupru; jenfasizza r-rwol fundamentali tagħha biex jintlaħqu objettivi strateġiċi tal-UE bħall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, it-tranżizzjoni ġusta, l-impjiegi ta' kwalità, ekonomija kompetittiva, soċjali, ekoloġika u ċirkolari, u l-innovazzjoni, u bħala forza mexxejja ta' Unjoni ekwa, inklużiva u sostenibbli;
8. Jirrimarka dwar l-effetti fit-tul tal-estensjoni tad-deroga għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat waqt il-kriżi li għaddejja bħalissa fuq is-Suq Uniku għall-Istati Membri li għandhom fondi pubbliċi limitati u kapaċità fiskali limitata; jissottolinja li l-baġit tal-UE għandu rwol fundamentali fl-iżgurar li l-Istati Membri u l-UE jaħdmu mill-qrib biex itaffu l-effetti soċjoekonomiċi tal-pandemija filwaqt li jsibu soluzzjonijiet konkreti biex jippreservaw il-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni tal-UE;
9. Jisħaq li l-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika komuni tas-sajd (PKS) huma pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea li għandhom l-għan li jiżguraw provvista tal-ikel sikura, affordabbli u ta' kwalità għolja u sovranità tal-ikel għall-Ewropej, il-funzjonament tajjeb tas-swieq agrikoli, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni rurali u t-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa; ifakkar fir-rwol fundamentali ta' dawn il-politiki fil-kontribut għal qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u għas-sajjieda, speċjalment fil-kuntest diffiċli attwali; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura fuq skala żgħira, lill-bdiewa żgħażagħ u lin-negozji ż-żgħar tas-sajd u liż-żamma ta' katina tal-ikel stabbli u sikura għaċ-ċittadini Ewropej; jirrimarka li għadd ta' setturi agrikoli ntlaqtu ħażin ħafna mit-tifqigħa tal-COVID-19 u minn kriżijiet oħra, u jappoġġa, meta jkun xieraq, tisħiħ immirat tal-linji baġitarji rilevanti għall-miżuri ta' appoġġ għas-suq; ifakkar li dawn l-isfidi jridu jiġu indirizzati waqt li fl-istess ħin issir tħejjija għal riforma tal-PAK li mistennija jkollha rwol aktar strumentali fit-twettiq tal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
10. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata spinta partikolari lis-settur tat-turiżmu, speċjalment lill-industrija tal-ospitalità, li esperjenzat kontrazzjoni partikolarment qawwija b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, b'impatt devastanti, b'mod partikolari fuq dawk ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu; jenfasizza li s-settur tat-turiżmu jirrappreżenta pilastru importanti tal-ekonomija tal-Unjoni u jimpjega sehem sinifikanti mill-forza tax-xogħol tagħha, speċjalment fl-SMEs u n-negozji tal-familja; jistenna li l-programmi rilevanti tal-UE, inklużi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-politika reġjonali, Ewropa Diġitali u InvestEU, jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur u li r-riżorsi meħtieġa jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-baġit tal-UE fl-2022; itenni d-diżappunt tiegħu li t-talba tal-Parlament għal programm tal-UE ddedikat dwar it-turiżmu ma ngħatatx segwitu;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġija spazjali Ewropea komprensiva u jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-programm spazjali tal-UE; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li l-Ewropa trawwem l-iżvilupp ta' setturi innovattivi u kompetittivi upstream (industrija spazjali tqila) u downstream (applikazzjonijiet ibbażati fuq data spazjali); jirrimarka dwar ir-rwol importanti tal-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA) u l-ħtieġa li jiġi ggarantit il-livell meħtieġ ta' finanzjament u persunal;
L-indirizzar tal-isfida tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi
12. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti, li saret ferm akbar minħabba l-kriżi tal-COVID-19, li jingħalaq id-distakk diġitali, b'mod partikolari billi titlesta ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u bl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-edukazzjoni diġitali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ħiliet diġitali, u billi jitrawwem it-tagħlim inklużiv, kif ukoll tiżdied bil-qawwa t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa; jirrimarka dwar l-importanza li jiġu żgurati biżżejjed finanzjament u sinerġiji bejn il-programmi tal-UE biex jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għall-aċċellerazzjoni tal-adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, u biex l-ekonomija u s-settur pubbliku tal-Ewropa jkunu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni diġitali; iqis li l-programm Ewropa Diġitali huwa essenzjali biex tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali globali u biex tinkiseb is-sovranità teknoloġika; jistenna li dan il-programm jagħti spinta lill-investimenti fil-computing ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali etika, it-teknoloġija 5G u ċ-ċibersigurtà tal-UE, kif ukoll lill-promozzjoni ta' ħiliet diġitali avvanzati fl-ekonomija u s-soċjetà kollha; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrispettaw il-kriterji li jiddikjaraw li minimu ta' 20 % tal-finanzjament tal-RRF għandu jiġi allokat għat-tranżizzjoni diġitali;
13. Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-baġit tal-UE fl-iżgurar tas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża l-istrateġija għall-bijodiversità, u l-applikazzjoni tal-prinċipju "tagħmel l-ebda ħsara", fl-għoti ta' spinta lill-irkupru ekonomiku u soċjali tal-Istati Membri mill-kriżi tal-coronavirus billi jibdel l-isfidi ekoloġiċi f'investimenti u opportunitajiet ta' riformi strutturali u fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni ekwa lejn ekonomija aktar sostenibbli, inklużiva u reżiljenti; ifakkar li din it-tranżizzjoni tirrikjedi tibdil strutturali sinifikanti u li mhux l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet kollha qed jibdew it-tranżizzjoni minn livell ugwali jew għandhom l-istess kapaċità biex jindirizzawha; jisħaq, b'mod partikolari, fuq l-ħtieġa li jiġi żgurat li riżorsi adegwati, inklużi fondi għall-irkupru kif ukoll il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, jirfdu l-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir, sabiex l-Unjoni tkun tista' twettaq l-impenji tagħha filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla lura, u biħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-baġit 2022; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika, l-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà intelliġenti sostenibbli u affordabbli u l-infrastruttura moderna u reżiljenti tal-UE huma fatturi fundamentali biex terġa' tinkiseb il-kompetittività, jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi klimatiċi tal-UE u tinbena l-awtonomija strateġika tal-UE, kif ukoll biex jiġu promossi l-industriji sostenibbli; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rwol fundamentali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fl-interkonnessjoni tal-Unjoni u tar-reġjuni kollha tagħha, inklużi dawk ultraperiferiċi, insulari u skarsament popolati, fis-setturi diġitali, tat-trasport u tal-enerġija;
14. Jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati l-azzjoni klimatika u l-protezzjoni ambjentali billi jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali għall-programmi u l-istrumenti rilevanti fil-baġit tal-UE, b'mod partikolari l-programm LIFE; jenfasizza, barra minn hekk, li fl-ispirtu tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima, għandhom jissaħħu l-isforzi fl-oqsma ta' politika kollha bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira tal-infiq globali għall-klima matul il-QFP 2021-2027 kollu ta' mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni u n-nefqa tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa ta' ħidma kontinwa biex 7,5 % tal-infiq annwali fl-ambitu tal-QFP jiġi allokat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024, u 10 % mill-2026; jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fl-iżvilupp ta' metodoloġiji aktar robusti, trasparenti u komprensivi għall-implimentazzjoni u t-trekkjar ta' tali nefqa, u jistenna b'ħerqa l-konsultazzjonijiet annwali mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw biżżejjed finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – inkluż billi tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni għat-tranżizzjoni lejn sustanzi kimiċi, materjali u prodotti sikuri u sostenibbli mid-disinn u billi jiġu żgurati riżorsi adegwati u sostenibbli għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari bbażat fuq ċikli ta' materjal mhux tossiku u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero li se jiġi adottat għall-ilma, l-arja u l-ħamrija;
Unjoni Ewropea tas-Saħħa b'saħħitha
16. Jafferma mill-ġdid l-importanza u l-potenzjal tal-programm l-UE għas-Saħħa, li fl-ambitu tal-QFP il-ġdid sar l-akbar programm tas-saħħa li qatt ġie ffinanzjat mill-baġit tal-UE; jistenna li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-programmi kollha tal-UE involuti fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa tal-UE, kif ukoll il-kapaċità ta' tħejjija u prevenzjoni tagħhom f'każ ta' kriżijiet, u dawk li jipprovdu investimenti addizzjonali fis-settur tas-saħħa bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali; iqis li l-kumulazzjoni ta' riżervi għandha tibqa' prijorità fil-baġit tal-UE permezz tal-programmi RescEU u l-UE għas-Saħħa; jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili biex jiġi żgurat li l-UE tkun ippreparata aħjar u tkun tista' tirrispondi aħjar għat-tipi kollha ta' diżastri naturali, pandemiji u emerġenzi;
17. Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 poġġiet lis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri taħt stress mingħajr preċedent u kixfet nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni għall-vaċċini u għal prodotti mediċi essenzjali oħra fl-Unjoni; jisħaq, għalhekk, li l-Unjoni teħtieġ solidarjetà u responsabbiltà kollettiva, li jissarrfu f'aktar kompetenzi tas-saħħa tal-UE u f'passi aktar konkreti lejn Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b'saħħitha; jissottolinja l-ħtieġa ta' investiment aktar qawwi fl-infrastrutturi u l-ħiliet tal-kura tas-saħħa, ħtieġa li ġiet żvelata mill-kriżi li għaddejja, u l-ħtieġa li nirkupraw min-nuqqas ta' investiment li sar fil-passat; jilqa', f'dan il-kuntest, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inkubatur HERA (COM(2021)0078) bħala għodda biex jiżdiedu l-isforzi biex jiġu identifikati l-varjanti tal-COVID-19, jiġu adattati l-vaċċini, tittejjeb l-effiċjenza tal-provi kliniċi, titħaffef l-approvazzjoni regolatorja u tiżdied il-produzzjoni tal-vaċċini; jirrimarka li ħafna mill-kapaċità ta' produzzjoni tinsab barra l-Unjoni, u dan jikkomplika l-konsenja tal-mediċini fi żminijiet ta' bżonn u jikkostitwixxi ostaklu li jrid jingħeleb fil-bini tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati biżżejjed fondi bħala għajnuna biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' produzzjoni għall-vaċċini, l-antidoti u mediċini essenzjali oħra fl-Istati Membri u li jippermettu li l-baġit tal-UE għall-2022 jirreaġixxi malajr f'każ ta' emerġenza;
18. Jiddeplora l-fatt li 2,7 miljun ruħ fl-UE ġew dijanjostikati bil-kanċer fl-2020 u madwar 1,3 miljun ruħ tilfu ħajjithom minħabba fih; jilqa' l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, li huwa pilastru importanti għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b'saħħitha; jirrikonoxxi, f'konformità mal-pjan, il-ħtieġa ta' approċċ imsaħħaħ u infurzat tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer; jitlob allokazzjoni baġitarja xierqa fl-2022 għall-programmi rilevanti tal-UE, jiġifieri l-UE għas-Saħħa, ir-raggruppament tas-Saħħa fil-Pilastru II ta' Orizzont Ewropa, u Ewropa Diġitali, biex jiġu ffinanzjati teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala parti mill-ġlieda tal-Unjoni kontra l-kanċer;
19. Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar ir-rwol kritiku li għandhom l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fil-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja; jitlob finanzjament adegwat fil-baġit 2022 biex dawn l-aġenziji fundamentali jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom; jistenna b'ħerqa l-proposta biex tiġi stabbilita l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex tiġi żgurata kapaċità ta' tħejjija u ta' rispons tal-Unjoni effikaċi u koordinata f'każ ta' kriżijiet tas-saħħa futuri; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi ġodda lill-HERA biex jiġi żgurat li ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-programmi, il-politiki u l-aġenziji eżistenti u biex jiġu żgurati sinerġiji effikaċi mal-EMA u l-ECDC;
Irkupru inklużiv b'enfasi fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa
20. Jissottolinja li, kif kien il-każ wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, iż-żgħażagħ għal darb'oħra ntlaqtu partikolarment ħażin mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, b'żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-impatti negattivi fuq l-edukazzjoni u s-saħħa mentali, speċjalment għal dawk li deħlin fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għalhekk, li l-possibbiltajiet kollha ta' finanzjament iridu jiġu esplorati bis-sħiħ sabiex tittejjeb b'suċċess l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ vokazzjonali, miżuri li jtejbu l-inklużjoni soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, inkluż għall-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll il-prospetti tal-familja u tal-ħajja għaż-żgħażagħ, filwaqt li titqies id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
21. Jinsisti li l-Unjoni ma tistax issib triq sostenibbli lejn l-irkupru mingħajr strateġija strutturata għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħha; jirrimarka, f'dan ir-rigward, dwar ir-rilevanza estrema taż-żieda fir-riżorsi finanzjarji għall-programmi tal-Unjoni bħal Erasmus+, li s-suċċess tiegħu fit-twessigħ tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta' impjieg madwar l-Unjoni huwa indiskutibbli; jenfasizza li Erasmus+ huwa programm emblematiku tal-Unjoni li huwa magħruf sew fost iċ-ċittadini tagħha u ta riżultati tanġibbli; jenfasizza l-potenzjal ta' dan il-programm fil-promozzjoni tal-eċċellenza u fl-iżgurar tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija billi jipprovdi gwida u edukazzjoni b'mod inklużiv, kif ukoll il-ħtieġa ta' azzjonijiet ta' taħriġ u mobbiltà fl-edukazzjoni għall-adulti; jiddeplora l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-programm Erasmus+, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' parteċipanti li jistgħu jibbenefikaw minn din l-esperjenza; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-baġit 2022 biex jagħmel tajjeb għall-opportunitajiet mitlufa; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropa u l-parteċipazzjoni ċivika; itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri jiddedikaw mill-inqas 10 % tal-finanzjament tagħhom fl-ambitu tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom lil edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva;
22. Jisħaq li jridu jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul biex jiġu miġġielda b'suċċess l-isfidi demografiċi strutturali, kif ukoll biex jittaffa l-eżodu ta' mħuħ fiż-żoni u r-reġjuni rurali, insulari remoti u inqas żviluppati tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' riżorsi finanzjarji biex ir-reġjuni li qed ibatu minn tnaqqis fil-popolazzjoni jerġgħu jingħataw il-ħajja permezz ta' investimenti f'politiki soċjali u demografiċi li jappoġġaw il-familji u biex il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu fl-Ewropa jingħataw appoġġ adegwat f'termini ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, mobbiltà u servizzi pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti strutturi xierqa biex jiġu studjati x-xejriet u jiġu proposti miżuri biex it-tibdil demografiku jiġi indirizzat b'mod adegwat billi jiżdiedu, pereżempju, kriterji speċjali mal-metodoloġija ta' allokazzjoni għall-fondi strutturali fil-futur;
23. Jenfasizza li n-nisa ġew affettwati b'mod sproporzjonat mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta' bbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ugwali mill-infiq pubbliku; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni taċċellera l-introduzzjoni ta' metodoloġija effikaċi, trasparenti u komprensiva, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, biex tkejjel in-nefqa rilevanti fir-rigward tal-ġeneru, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex tkun tista' turi riżultati tanġibbli għall-baġit 2022 u fid-dawl tal-estensjoni tal-metodoloġija għall-programmi kollha tal-QFP; jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq fuq ir-reazzjoni negattiva inkwetanti u li qed tiżdied fil-konfront tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-importanza li jiġu mobilizzati l-istrumenti kollha tal-UE biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata; jappella għal riżorsi addizzjonali biex jiġu appoġġati l-protezzjoni, il-promozzjoni u l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u biex jiġu appoġġati d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;
24. Jissottolinja li l-proċess ta' rkupru m'għandu jħalli lil ħadd lura u li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jindirizzaw ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni għall-2022 u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jwettqu l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja, isaħħu d-djalogu soċjali u jiggarantixxu aċċess għal kulħadd għal servizzi vitali bħall-kura tas-saħħa, il-mobbiltà, nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni diċenti; jissottolinja, f'dak ir-rigward, il-valur miżjud tal-FSE+ u jemmen li għandu jiġi allokat finanzjament adegwat b'ġestjoni kondiviża għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għat-Tfal futura; jilqa' l-enfasi fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa fis-Summit Soċjali li jmiss f'Porto;
25. Jissottolinja li s-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll it-turiżmu kulturali, huma u se jkomplu jkunu fost is-setturi ewlenin li jġarrbu l-piż tal-kriżi li qed tesperjenza l-UE; jitlob miżuri addizzjonali għal dawk is-setturi u finanzjament addizzjonali għal programmi relatati tal-UE, b'mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva; jilqa' l-inizjattiva kreattiva u interdixxiplinari tal-Bauhaus Ewropew Ġdid;
L-iżgurar ta' ambjent sikur u prosperu għaċ-ċittadini Ewropej
26. Iqis li t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità, is-sigurtà interna, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen u l-libertà ta' moviment fi ħdan l-UE huma marbuta b'mod inseparabbli u huma ta' benefiċċju reċiproku; jisħaq li l-integrazzjoni ulterjuri taż-żona Schengen, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-esperti, tipprovdi lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni b'opportunitajiet finanzjarji msaħħa għall-ġestjoni tal-fruntieri; ifakkar li ż-żona Schengen iġġib benefiċċji ekonomiċi għall-istati parteċipanti tagħha; jisħaq li l-ekonomija tal-UE tista' tingħata spinta bl-adeżjoni maż-żona Schengen tal-pajjiżi kandidati li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi kollha; jisħaq li l-adeżjoni ta' dawn l-Istati Membri maż-żona Schengen tamplifika l-impatt tal-baġit tal-UE u l-fondi ta' rkupru u li jkollha impatt dirett fit-twettiq ta' rkupru ekonomiku aktar mgħaġġel; itenni t-talba tiegħu għall-integrazzjoni rapida tar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja fiż-żona Schengen; jissottolinja l-importanza ta' investiment sod tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna bil-għan li ssaħħaħ l-infurzar tad-dritt tal-UE u r-rispons ġudizzjarju għat-theddid kriminali transfruntier, u li tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni;
27. Jieħu nota tal-fatt li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 jipprevedi ammonti akbar minn dawk tas-snin preċedenti għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni; jistenna li l-ażil u l-migrazzjoni jibqgħu prijorità fuq l-aġenda tal-UE; jisħaq li miżuri ta' solidarjetà, bħall-programmi ta' rilokazzjoni, risistemazzjoni, jew ammissjoni umanitarja, jibqgħu kruċjali sakemm issir riforma sinifikanti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil; jenfasizza, f'dak ir-rigward, li l-Istati Membri se jkomplu jeħtieġu appoġġ finanzjarju għall-akkoljenza, ir-reġistrazzjoni u l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil, kif ukoll għar-ritorni u r-rilokazzjoni; jitlob li jiġu diretti aktar fondi lejn il-koordinazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi ta' oriġini tal-migrazzjoni irregolari bil-għan li jiġu kkontrollati u mwaqqfa t-traffikar ta' bnedmin u l-kuntrabandu ta' bnedmin; huwa mħasseb ħafna dwar it-telf kontinwu ta' ħajjiet fil-Mediterran u jemmen li t-tiftix u s-salvataġġ huma responsabbiltà li ma tistax titħalla esklussivament f'idejn atturi mhux statali; iżid li pajjiżi mhux tal-UE fil-fruntieri esterni tal-Unjoni li jiffaċċjaw flussi migratorji lejn l-UE se jkomplu jeħtieġu wkoll appoġġ finanzjarju; jenfasizza r-rwol importanti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) f'dan ir-rigward u l-mandat imsaħħaħ reċentement tagħha, u jitlob finanzjament adegwat għall-Frontex biex tkun tista' tikseb riżultati fl-oqsma kollha ta' responsabbiltà li jaqgħu taħt il-mandat il-ġdid tagħha; jinsisti li l-ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni trid tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali, billi tirrispetta, b'mod partikolari, id-dritt għall-ażil u l-prinċipju ta' non-refoulement, speċjalment fil-kuntest ta' allegazzjonijiet reċenti dwar il-possibbiltà ta' involviment f'pushbacks; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa ta' reklutaġġ ta' uffiċjali tad-drittijiet fundamentali, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896(13), sabiex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala parti mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri; jissottolinja li ż-żidiet fl-allokazzjonijiet baġitarji lill-Frontex jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn żieda korrispondenti fl-obbligu ta' rendikont u fit-trasparenza, u huma subordinati għall-impenn tal-Aġenzija fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni;
28. Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament, persunal u taħriġ tal-persunal adegwati għall-aġenziji kollha li joperaw fil-qasam tas-sigurtà, il-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi, id-drittijiet fundamentali, l-ażil u l-migrazzjoni, u l-ġestjoni tal-fruntieri sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet addizzjonali tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejniethom, il-ħtieġa ta' innovazzjonijiet u adattament teknoloġiċi, u r-rwol vitali tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni operattiva xierqa tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-UE fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;
29. Jappoġġa bil-qawwa t-tisħiħ tal-isforzi tal-UE biex tindirizza t-theddid li qed jikber għas-sigurtà bħat-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, il-kuntrabandu kriminali, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar ta' droga, iċ-ċiberkriminalità u t-theddid ibridu fl-Ewropa u fil-pajjiżi tal-viċinat, u l-kampanji ta' diżinformazzjoni kontra d-demokraziji Ewropej immexxija minn pajjiżi terzi kif ukoll biex ittejjeb il-koordinazzjoni ta' tali programmi fil-livell tal-UE; ifakkar li l-attakki terroristiċi reċenti juru li t-titjib fl-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern huwa meħtieġ biex tissaħħaħ is-sigurtà interna tal-Unjoni; jinnota li l-pandemija wasslet għal sfidi ġodda fir-rigward tal-kriminalità; jilqa', għalhekk, l-istrateġija għal unjoni tas-sigurtà ppreżentata mill-Kummissjoni fl-24 ta' Lulju 2020, u jappella għal finanzjament adegwat għall-pjanijiet ta' azzjoni inklużi fiha;
30. Ifakkar li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda kif minqux fl-Artikolu 317 TFUE; jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 tar-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt, li jistabbilixxi reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u huwa impenjat bis-sħiħ li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa, immedjata u korretta tiegħu; jappella għal tisħiħ konsiderevoli tal-finanzjament allokat biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' dawn il-prinċipji fundamentali; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) mgħammar sew u b'fondi suffiċjenti biex jiġġieled ir-reati kontra l-baġit tal-Unjoni, u jinsisti li għandu jkun jista' jsegwi x-xogħol b'lura ta' każijiet miftuħa u jkollu l-kapaċità jeżamina mill-ġdid u jinvestiga l-każijiet ġodda kollha;
31. Jisħaq li l-promozzjoni tal-valuri u l-kulturi Ewropej għandha rwol attiv fl-appoġġ tad-demokrazija, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz; jesprimi tħassib dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali f'xi Stati Membri u jissottolinja l-ħtieġa ta' riżorsi finanzjarji biex jappoġġaw il-libertà tal-istampa, tal-midja u artistika fl-Unjoni; jenfasizza li l-programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri huwa ta' importanza strateġika biex jissaħħu ċ-ċittadinanza u d-demokrazija Ewropej, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt fl-UE, kif ukoll biex jappoġġa lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; ifakkar ukoll li l-programm dwar il-Ġustizzja jinkludi objettiv speċifiku mmirat lejn l-appoġġ u l-promozzjoni tat-taħriġ ġudizzjarju, bil-ħsieb li titrawwem kultura komuni legali, ġudizzjarja u tal-istat tad-dritt; jitlob li l-finanzjament ta' dawn il-programmi jintefaq b'mod ugwali matul il-perjodu tal-QFP u jħeġġeġ l-infiq sħiħ tal-fondi annwali għall-objettivi speċifiċi enfasizzati; jilqa', barra minn hekk, il-ħidma komprensiva kontinwa mwettqa mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex jiġu koperti d-dritt u l-prattika tal-Istati Membri f'dawk l-oqsma; jemmen li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa hija fost l-għodod biex jiġu indirizzati għadd ta' sfidi demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali u jqis li huwa ta' importanza kbira li kull istituzzjoni tal-UE involuta fit-twaqqif u l-ġestjoni tal-Konferenza li jmiss għandha tkun mgħammra b'mod adegwat b'baġits amministrattivi;
32. Ifakkar fil-kontribut fundamentali tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-ispostament furzat, biex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli, id-demokrazija, ir-riformi politiċi u ekonomiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex jiġu appoġġati l-proċessi elettorali; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza strateġika tal-politika tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jappella, f'dan ir-rigward, għal finanzjament addizzjonali għall-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, kif ukoll għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u l-għajnuna umanitarja; jissottolinja r-responsabbiltà tal-UE li tiżgura li jkollha r-riżorsi adegwati biex tindirizza l-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-kriżi tal-COVID-19, tiżgura ambjent globali sikur u stabbli u turi solidarjetà mal-pajjiżi terzi affettwati ħażin ħafna billi timmobilizza l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE biex tgħin lil dawn il-pajjiżi jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, inkluż it-titjib tal-aċċess tagħhom għall-vaċċini, u biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi; jenfasizza l-importanza tal-konformità mas-sistema ta' distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19, COVAX, sabiex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-vaċċini għall-pajjiżi l-aktar fraġli; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li se jingħata appoġġ dirett lill-viċinat tal-UE, u b'mod partikolari lill-viċinat immedjat tagħha;
33. Ifakkar fl-importanza li l-baġit tal-UE jingħata nomenklatura dettaljata biżżejjed li tippermetti lill-awtorità baġitarja twettaq ir-rwol deċiżjonali tagħha b'mod effikaċi u lill-Parlament, b'mod partikolari, jissodisfa r-rwoli ta' sorveljanza u skrutinju demokratiċi tiegħu; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li n-nomenklatura baġitarja tirrifletti bis-sħiħ, u malajr kemm jista' jkun, il-ftehim dwar ir-Regolament NDICI; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan is-sens, tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju għall-baġit tal-UE għall-2021, li jimplimenta l-ftehim milħuq fin-negozjati dwar ir-Regolament NDICI dwar ħames pakketti separati għall-programmi ġeografiċi fl-Asja, b'mod partikolari l-Lvant Nofsani, l-Asja tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali, l-Asja tat-Tramuntana u tax-Xlokk u l-Paċifiku, billi jinħolqu linji baġitarji korrispondenti separati; jemmen li tali armonizzazzjoni tista' u għandha ssir qabel il-proċedura baġitarja tal-2022;
34. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat, kemm mill-Istati Membri kif ukoll permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża, għall-fini ta' definizzjoni progressiva tal-politika ta' difiża komuni tal-UE u biex jiżdiedu s-sigurtà u l-awtonomija strateġika tal-UE; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tad-difiża Ewropea, li jistgħu jikkontribwixxu biex jistimulaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u l-ħtieġa li jissaħħu l-iskjerabbiltà u l-effikaċja operattiva permezz ta' aktar sforzi fl-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet militari u ċivili;
Kwistjonijiet speċifiċi u trażversali tal-baġit 2022
35. Jistenna, fit-tħejjija għall-adozzjoni tal-baġit 2022, li l-potenzjal sħiħ tal-pakkett tal-QFP jitqiegħed fil-prattika u biħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-elementi kollha tal-ftehim milħuq; ifakkar li l-2022 se tkun l-ewwel sena ta' applikazzjoni tal-aġġustamenti speċifiċi għall-programm skont l-Artikolu 5 tar-Regolament QFP, fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-pakketti tal-programmi emblematiċi tal-UE li għandhom jiġu ffinanzjati mill-mekkaniżmu l-ġdid ibbażat fuq il-multi;
36. Jirrimarka dwar id-dewmien serju fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-fondi tal-UE, speċjalment dawk taħt ġestjoni kondiviża, għall-perjodu 2014-2020; jistieden lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi, sabiex ma jipperikolawx il-varar f'waqtu tal-programmi l-ġodda tal-UE fl-ambitu tal-QFP 2021-2027, kif ukoll dawk iffinanzjati mill-EURI; huwa mħasseb dwar ir-riskju ta' aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tal-QFP, minħabba l-ħtieġa li l-ewwel l-Istati Membri jridu qabelxejn jikkonformaw mal-iskeda ta' żmien ristretta ħafna għall-implimentazzjoni tal-RRF;
37. Jiddispjaċih, barra minn hekk, dwar l-adozzjoni tard tal-QFP 2021-2027 u jqis li l-konsegwenzi ta' dan id-dewmien se jinħassu matul il-perjodu kollu tal-QFP attwali; jissottolinja li, konsegwentement, il-varar tal-programmi emblematiċi kollha tal-UE, kif ukoll il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġija għad-diġitalizzazzjoni, iddewmu b'mod sinifikanti; jistenna, għalhekk, li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-programmi l-ġodda kollha tal-UE jkunu kompletament operattivi fl-2022; ifakkar, f'dak ir-rigward, fid-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, maħruġa fil-konklużjonijiet konġunti dwar il-baġit tal-2021, li ssostni b'mod speċifiku li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi tal-ekonomija li huma l-aktar milquta mill-kriżi, bħat-turiżmu u l-SMEs, kif ukoll lill-persuni l-aktar milquta mill-kriżi;
38. Jistenna, barra minn hekk, livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li għandhom jiddaħħlu fil-baġit 2022 biex ikopru kemm il-programmi l-ġodda kif ukoll it-tlestija ta' dawk tal-passat, speċjalment fil-kuntest ta' ħtieġa ogħla mistennija għal pagamenti fil-qasam tal-koeżjoni u l-iżvilupp rurali, u biex jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi l-istimolu ekonomiku meħtieġ; huwa determinat li jipprevjeni kwalunkwe kriżi futura tal-pagamenti, bħal dik esperjenzata fil-bidu tal-perjodu tal-QFP preċedenti, u biħsiebu, għal dak il-għan, jimmonitorja mill-qrib ħafna l-livell ta' impenji pendenti (RAL); jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien kwalunkwe abbozz ta' baġit emendatorju li jitqies neċessarju għal żieda fil-pagamenti marbuta ma' aċċellerazzjoni ulterjuri tal-programmi tal-UE;
39. Jisħaq li l-baġit tal-UE se jissaħħaħ b'mod sinifikanti mill-EURI fl-2022, b'mill-inqas 60 % tal-allokazzjoni totali tiegħu li għandha tiġi impenjata fl-ambitu tal-programmi differenti sa tmiem dik is-sena; jisħaq li l-implimentazzjoni ġenerali tal-EURI se tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Parlament, filwaqt li se tingħata attenzjoni partikolari lill-iskrutinju tal-RRF; huwa mħasseb, madankollu, dwar id-dewmien fil-bidu tal-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self fl-ambitu ta' dan l-istrument, peress li d-deċiżjoni l-ġdida dwar ir-riżorsi proprji (ORD), li tipprovdi l-awtorizzazzjoni għal dawn l-operazzjonijiet, għadha mhix fis-seħħ; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' ratifika urġenti mill-Istati Membri tal-ORD il-ġdida, sabiex ma jiġix ipperikolat l-irkupru f'waqtu, għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet futuri;
40. Jirrimarka dwar in-natura legalment vinkolanti tal-pjan direzzjonali biex jiddaħħlu riżorsi proprji ġodda matul il-QFP attwali, li huwa minqux fil-Ftehim Interistituzzjonali, u jafferma mill-ġdid l-impenn b'saħħtu tiegħu favur dan il-proċess; jissottolinja li l-baġit tal-Unjoni għall-2022 se jikkostitwixxi pont bejn l-ewwel u t-tieni pass ta' dan il-pjan direzzjonali; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kunsill biex jibda jiddelibera mingħajr dewmien, malli l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda bbażati fuq mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, imposta diġitali u l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS), bl-għan li tittieħed deċiżjoni sal-1 ta' Lulju 2022; jistenna, barra minn hekk, li d-diskussjonijiet dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji taħt kooperazzjoni msaħħa jiġu konklużi b'mod pożittiv sa tmiem l-2022, li jippermetti lill-Kummissjoni tressaq proposta għal riżorsa proprja ġdida; jirrimarka, f'dak ir-rigward, dwar il-ħtieġa ta' implimentazzjoni bla xkiel sabiex ir-riżorsi proprji l-ġodda jkopru mill-inqas in-nefqa relatata mal-ħlas lura tal-kapital u l-imgħax tal-EURI;
41. Jenfasizza, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali huma affettwati b'mod negattiv mill-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jappella għal koordinazzjoni msaħħa fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex jiġu protetti s-sorsi ta' dħul tal-UE u dawk nazzjonali;
42. Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni fl-għoti ta' appoġġ operattiv u għarfien espert biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-objettivi politiċi tal-UE; ifakkar li l-aġenziji jrid ikollhom ammont xieraq ta' persunal u riżorsi adegwati sabiex ikunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom u jiksbu l-aħjar riżultati possibbli; jissottolinja li l-kompiti tal-aġenziji jevolvu f'konformità mal-prijoritajiet politiċi u jisħaq li r-responsabbiltajiet ġodda jridu jkunu akkumpanjati minn riżorsi ġodda;
43. Jissottolinja l-valur tal-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji (PP-PAs) fl-ittestjar ta' inizjattivi politiċi ġodda u fit-tħejjija tal-pedamenti għal azzjonijiet futuri tal-Unjoni; biħsiebu, għalhekk, jipproponi pakkett ta' PP-PAs f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-PP-PAs adottati fil-baġit jiġu implimentati bis-sħiħ, b'mod f'waqtu u f'kooperazzjoni mal-Parlament, u jingħataw viżibbiltà akbar sabiex l-impatt tagħhom jiġi massimizzat;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq il-prijoritajiet politiċi u baġitarji tal-Parlament, stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni, meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' baġit għall-2022; huwa lest, madankollu, li jagħmel l-aħjar użu mill-flessibbiltà eżistenti u dispożizzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament QFP u fir-Regolament Finanzjarju, sabiex isaħħaħ il-programmi ewlenin tal-UE fil-baġit tal-2022 u biex iwieġeb b'mod adegwat għall-ħtiġijiet urġenti li jinqalgħu b'rabta mal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 u l-proċess ta' rkupru, fost oħrajn; jinsisti, f'dan il-kuntest, fuq l-attivazzjoni f'waqtha tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza kif ukoll fuq il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali tal-QFP, bħall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, biex tingħata appoġġ finanzjarju kull meta jkun meħtieġ;
o o o
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027, Anness 2: Dikjarazzjonijiet (Testi adottati, P9_TA(2020)0357).
Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).