Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2091(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0037/2021

Testi mressqa :

A9-0037/2021

Dibattiti :

PV 24/03/2021 - 22
PV 24/03/2021 - 24
CRE 24/03/2021 - 22
CRE 24/03/2021 - 24

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 2
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 2
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0107

Testi adottati
PDF 244kWORD 80k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali
P9_TA(2021)0107A9-0037/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali: id-Direttiva 2004/107/KE u d-Direttiva 2008/50/KE (2020/2091(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (l-SDGs) tan-NU,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (id-Direttiva dwar il-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet)(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kumissjoni 2011/850/UE tat-12 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi regoli għad-Direttivi 2004/107/KE u 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskambju reċiproku ta' informazzjoni u r-rappurtar dwar il-kwalità tal-arja ambjentali(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd" (COM(2018)0330),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2020 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (COM(2020)0080),

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali (2008/50/KE, 2004/107/KE) tat-28 ta' Novembru 2019 (SWD(2019)0427),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2020 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (COM(2020)0266),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Jannar 2021 bit-titolu "It-tieni perspettiva dwar l-arja nadifa" (COM(2021)0003),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali,

–  wara li kkunsidra l-politika tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2017 bit-titolu "Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd – Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali" (COM(2017)0012), u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (COM(2020)0663),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (COM(2020)0667) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(9),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta' Lulju 2020 dwar "Il-futur tal-Politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta' ambizzjoni ta' tniġġis żero"(10),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 23/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-11 ta' Settembru 2018 bit-titolu "It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)  09/2020 tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Air quality in Europe – 2020 report" (Il-kwalità tal-Arja fl-Ewropa – rapport 2020),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2021 bit-titolu "EU policy on air quality: implementation of selected EU legislation" (Il-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja: implimentazzjoni ta' selezzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE), u l-Anness I tagħha "Mapping and assessing local policies on air quality. What air quality policy lessons could be learnt from the COVID-19 lockdown?" (L-immappjar u l-valutazzjoni tal-politiki lokali dwar il-kwalità tal-arja. X'lezzjonijiet ta' politika dwar il-kwalità tal-arja jistgħu jinsiltu mill-lockdown tal-COVID-19?),

–   wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja ta' Jannar 2021 bit-titolu "Air Pollution and COVID-19" (It-Tniġġis tal-Arja u l-COVID-19),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tat-18 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Sampling points for air quality – Representativeness and comparability of measurement in accordance with Directive 2008/50/EC on ambient air quality and cleaner air for Europe" (Il-punti ta' kampjunar għall-kwalità tal-arja – Ir-rappreżentanza u l-komparabbiltà tal-kejl skont id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-26 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Health and the environment: addressing the health impact of air pollution" (Is-Saħħa u l-ambjent: nindirizzaw l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0037/2021),

A.  billi l-arja nadifa hija essenzjali għas-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll għall-ambjent, u ġiet identifikata bħala prijorità tas-saħħa globali fl-SDGs;

B.  billi t-tniġġis tal-arja huwa minnu nnifsu transkonfinali, u billi hemm skambju sinifikanti ta' sustanzi li jniġġsu l-arja bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE, kif innutat fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa; billi f'ħafna każijiet, l-effetti dannużi tal-kwalità ħażina tal-arja saru problema lokali għall-Istati Membri, li ma jistgħu jieħdu l-ebda azzjoni fir-rigward ta' sorsi tal-emissjonijiet barra mit-territorju tagħhom;

C.  billi t-tniġġis tal-arja huwa r-riskju maġġuri uniku għas-saħħa ambjentali fl-Ewropa(11), jaffettwa lir-reġjuni, il-gruppi soċjoekonomiċi u l-gruppi tal-età b'mod mhux uniformi, u jikkawża, skont l-istimi l-aktar reċenti tal-EEA tal-impatti fuq is-saħħa attribwibbli għall-esponiment għat-tniġġis tal-arja, il-mewt prematura ta' kważi 400 000 ruħ fis-sena; billi fl-2018, il-konċentrazzjonijiet ta' materja partikulata 2.5 (PM2.5 ) kienu responsabbli għal madwar 379 000 mewta prematura li joriġinaw minn esponiment fit-tul fl-UE-28; billi huwa stmat li l-esponiment għal konċentrazzjonijiet ta' NO2 u ta' O3 fl-UE fl-2018 ikkawża l-mewt prematura ta' madwar 54 000 ruħ u 19 400 ruħ, rispettivamen(12);

D.  billi t-tniġġis tal-arja huwa marbut ma' mard respiratorju u kardjovaskulari, puplesiji u kanċer, u studji reċenti jassoċjawh ukoll ma' impatti avversi fuq il-fertilità, it-tqala u t-trabi tat-twelid, kif ukoll mad-dimenzja(13), alterazzjonijiet strutturali fil-moħħ fit-tfal, il-marda ta' Alzheimer, infjammazzjoni sistemika u indeboliment konjittiv(14), u mortalità relatata mad-dijabete(15); billi l-għadd totali ta' mwiet prematuri mit-tniġġis tal-arja naqas b'aktar minn 50 % mill-1990(16);

E.  billi hemm evidenza li l-esponiment għat-tniġġis tal-arja jista' jaffettwa l-eżiti ta' saħħa tal-persuni li jaqbadhom il-COVID-19, prinċipalment minħabba ħsara fis-sistemi respiratorji u immunitarji u l-produzzjoni ta' proteini li jippermettu lill-virus jidħol fiċ-ċelloli(17);

F.  billi skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, l-għadd ta' mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja fis-sena x'aktarx jonqos b'madwar 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-2005, jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri kollha previsti fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tirregola s-sorsi tat-tniġġis tal-arja;

G.  billi l-popolazzjoni urbana hija l-aktar waħda esposta għat-tniġġis tal-arja, u persuna waħda biss minn kull għaxra tgħix f'belt li tikkonforma mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja(18); billi llum il-ġurnata 75 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni urbani u periurbani(19);

H.  billi 98 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE hija esposta għal livelli ta' ożonu li jaqbżu l-linji gwida tad-WHO; billi 77 % tal-popolazzjoni tal-UE-28 hija esposta għal livelli ta' PM2.5 ogħla mil-linji gwida tad-WHO(20);;

I.  billi l-ġurnal Lancet Planetary Health ippubblika studju fid-19 ta' Jannar 2021 dwar il-valutazzjoni tal-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq il-mortalità fi kważi elf belt fl-Ewropa(21); billi nstab li l-aqwa 10 bliet bl-inqas piż ta' mortalità minħabba tniġġis ta' NO2 u PM2.5 jinsabu prinċipalment fit-tramuntana tal-Ewropa; billi l-isfidi tal-kwalità tal-arja jvarjaw ħafna minn post għall-ieħor, u billi s-sors ewlieni tal-problemi jvarja minn sistemi tat-tisħin għat-trasport; billi minkejja t-tkabbir ekonomiku, hemm tendenza ġenerali ta' titjib fil-kwalità tal-arja, apparagun tal-1990;

J.  billi l-bniedem u l-ekonomija qed ikollhom iħallsu prezz sinifikanti għat-tniġġis tal-arja, pereżempju bit-tnaqqis tal-istennija tal-għomor, iż-żieda tal-ispejjeż mediċi, it-tnaqqis fil-produttività tax-xogħol, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima; billi l-kost tat-tniġġis tal-arja għas-soċjetà, is-saħħa u l-attivitajiet ekonomiċi fl-Ewropa tammonta għal bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun fis-sena b'mod kumplessiv, iżda billi l-kost tal-miżuri kollha li jirriżultaw f'titjib fil-kwalità tal-arja tammonta għal bejn EUR 70 biljun u EUR 80 biljun fis-sena(22); billi l-prezz li jkollu jitħallas jekk ma titteħidx azzjoni, inklużi l-impatti dannużi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa taċ-ċittadini, l-ekonomija u s-soċjetà, jaqbeż bil-kbir dak biex tittieħed azzjoni, minkejja li tali azzjoni tinvolvi diversi miżuri ta' politika; billi, skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-arja nadifa tista' twassal għal benefiċċji netti sa massimu ta' EUR 42 biljun fis-sena sal-2030, b'mod partikolari minn rati iktar baxxi ta' mortalità u morbożità(23);

K.  billi fil-perjodu mill-1990 sal-2018 l-UE rreġistrat tnaqqis fl-emissjonijiet tas-sustanzi kollha li jniġġsu l-arja; billi l-akbar tnaqqis ġie rrappurtat għall-ossidi tal-kubrit (SOx) li naqsu b'90 %, segwit minn dak għall-komposti volatili organiċi mhux metaniċi (NMVOC) u l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), li naqsu bejn wieħed u ieħor b'60 % u 55 % rispettivament; billi l-emissjonijiet ta' materja partikolata fina (PM2.5) naqsu kważi bin-nofs mill-1990 u l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) naqsu b'madwar kwart(24); billi l-emissjonijiet ta' NH3 ilhom li laħqu stat kostanti mill-2010;

L.  billi skont l-aħħar data disponibbli mill-2018, 10 Stati Membri kellhom bżonn inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' NH3 b'sa 10 % f'inqas minn sentejn, filwaqt li sitt u ħames Stati Membri rispettivament kellhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' PM2.5 u NOx bi 30 % jew aktar biex jikkonformaw mal-limiti massimi tal-2020 stabbiliti fid-Direttiva NEC(25);

M.  billi t-tniġġis tal-arja jwassal għal degradazzjoni ambjentali u għandu effetti avversi sinifikanti fuq l-ekosistemi naturali u l-bijodiversità – inklużi l-ewtrofikazzjoni, l-aċidifikazzjoni u l-ħsara lill-veġetazzjoni mill-ożonu troposferiku, il-kwalità tal-ilma u l-ħamrija u s-servizzi tal-ekosistema li huma jappoġġjaw – kif ukoll fuq il-klima u jista' jagħmel ħsara lill-ambjent mibni u l-wirt kulturali; billi s-sustanzi li jniġġsu l-arja li attwalment jikkawżaw l-aktar ħsara lill-ekosistemi huma l-O3, l-NH3 u l-NOX; billi t-tniġġis tal-arja attwalment ifisser li madwar żewġ terzi tal-erja tal-ekosistema fl-UE qed tiġi esposta għall-ewtrofikazzjoni;

N.  billi d-depożizzjoni ta' komposti tan-nitroġenu, emessi fl-arja bħala NOx u NH3, jista' jikkawża l-ewtrofikazzjoni, jiġifieri l-provvista eċċessiva ta' nutrijenti; billi kemm il-komposti tal-kubrit kif ukoll dawk tan-nitroġenu għandhom effetti ta' aċidifikazzjoni; billi kemm l-ewtrofikazzjoni kif ukoll l-aċidifikazzjoni jistgħu jaffettwaw l-ekosistemi terrestri u akkwatiċi u jistgħu jwasslu għal bidliet fid-diversità tal-ispeċijiet u invażjonijiet minn speċijiet ġodda; billi l-aċidifikazzjoni tista' twassal ukoll għal mobilizzazzjoni akbar ta' metalli tossiċi fl-ilma jew fil-ħamrija, u dan iżid ir-riskju ta' assorbiment fil-katina alimentari;

O.  billi l-livelli għoljin ta' O3 jagħmlu ħsara liċ-ċelloli tal-pjanti, billi jxekklu r-riproduzzjoni u t-tkabbir tal-pjanti u b'hekk inaqqsu r-rendimenti tal-għelejjel agrikoli, it-tkabbir tal-foresti u l-bijodiversità; billi l-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu u ż-żieda fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u sustanzi li jniġġsu oħra, bħan-nitroġenu reattiv, jimmodifikaw ir-reazzjonijiet tal-veġetazzjoni għall-O3; billi dawn il-modifikaturi jinfluwenzaw l-ammont ta' O3 assorbit mill-weraq, u b'hekk ibiddlu d-daqs tal-effetti fuq it-tkabbir tal-pjanti, ir-rendiment tal-għelejjel u s-servizzi tal-ekosistema(26);

P.  billi s-sustanzi li jniġġsu li huma metalli tossiċi, bħaċ-ċomb (Pb), il-merkurju (Hg) u l-kadmju (Cd), jistgħu jikkawżaw effetti dannużi fil-pjanti u fl-annimali, kif ukoll fil-bnedmin, u billi minkejja li l-konċentrazzjonijiet atmosferiċi tagħhom jistgħu jkunu baxxi, xorta waħda jikkontribwixxu għad-depożizzjoni u l-akkumulazzjoni ta' metalli tossiċi fil-ħamrija, fis-sedimenti u fl-organiżmi; billi l-metalli tossiċi u l-komposti organiċi persistenti, minbarra t-tossiċità ambjentali tagħhom, għandhom it-tendenza li jibbijoakkumulaw fl-annimali u l-pjanti u li jibbijoamplifikaw, u dan ifisser li l-konċentrazzjonijiet fit-tessuti tal-organiżmi jiżdiedu hekk kif jiżdied il-livell fil-katina alimentari;

Q.  billi kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-sustanzi kollha li jniġġsu l-arja fit-trasport bit-triq minkejja li t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija żdied meta mqabbel mal-1990; billi t-trasport bit-triq għadu l-kontributur primarju għall-emissjonijiet ta' NOx (responsabbli għal 39 % tal-emissjonijiet totali tal-NOx tal-UE) u t-tieni l-akbar kontributur għall-emissjonijiet tal-karbonju iswed (26 %) u taċ-ċomb (16 %) fl-UE; billi t-trasport bit-triq huwa s-sors ewlieni responsabbli għat-tniġġis tal-arja fiż-żoni urbani minħabba l-emissjonijiet mill-vetturi (emissjonijiet tal-egżost relatati mat-traffiku), kif ukoll minħabba t-tkagħbir bl-użu tal-brejkijiet u tat-tajers (emissjonijiet mhux tal-egżost relatati mat-traffiku); billi l-vetturi diżil huma responsabbli għal madwar 75 % tal-kosti totali tat-tniġġis tal-arja relatati mat-trasport bit-triq fl-Ewropa(27);

R.  billi l-agrikoltura hija t-tielet l-ikbar sors ta' emissjonijiet primarji ta' PM10 fl-UE, kif saħqet l-EEA; billi l-emissjonijiet ta' NH3 mill-agrikoltura jikkontribwixxu għall-episodji ta' konċentrazzjonijiet għoljin ta' PM li jiġu esperjenzati madwar l-Ewropa kull rebbiegħa, kif ukoll għal impatti negattivi fuq is-saħħa fuq terminu qasir kif ukoll twil(28); billi l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura huma prekursur importanti tal-ożonu troposferiku, li għandu effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem;

S.  billi s-settur tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija huwa responsabbli għal aktar minn nofs l-emissjonijiet ta' SOx(29) u għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet ta' NOx(30) fit-33 pajjiż membru tal-EEA;

T.  billi l-impjanti tal-faħam u tal-linjite jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-merkurju fl-UE, u billi 62 % tal-emissjonijiet tal-merkurju mill-industrija tal-UE jiġu minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam(31); billi l-merkurju huwa newrotossina perikoluża li tagħmel ħsara lis-sistema nervuża anke f'livelli ta' esponiment relattivament baxxi;

U.  billi fl-2005, kien stmat li fl-ibħra ta' madwar l-Ewropa (il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-parti tal-grigal tal-Atlantiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed), l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit (SO2) mit-trasport marittimu internazzjonali kienu jammontaw għal 1,7 miljun tunnellata fis-sena, l-emissjonijiet ta' NOx għal 2,8 miljun tunnellata, u l-PM2.5 għal 195 000 tunnellata(32); billi studju xjentifiku kkummissjonat mill-Kummissjoni kkonkluda li mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri x'aktarx li, fi żmien għaxar snin, l-emissjonijiet marittimi ta' NOx jkunu daqs l-emissjonijiet ta' NOx fuq l-art(33);

V.  billi, filwaqt li l-qafas ta' politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ta' barra huwa strutturat tajjeb, il-leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-kwalità tal-arja ta' ġewwa hija frammentata; billi jista' jkun meħtieġ approċċ ta' politika tal-UE aktar olistiku għat-tniġġis tal-arja, li jiggarantixxi li l-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-leġiżlazzjoni dwar il-bini, il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ambjentali ikunu koerenti għal kollox u jsaħħu lil xulxin reċiprokament, b'mod partikolari biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali minn sustanzi perikolużi fil-prodotti għall-konsumaturi;

W.  billi 13 minn 18-il proċediment ta' ksur li għaddejjin kontra 18-il Stat Membru tnedew minħabba emissjonijiet ta' PM10 ogħla mill-valuri ta' limitu tal-UE, 11 li jikkonċernaw l-emissjonijiet ta' NO2 u 1 li jikkonċerna l-emissjonijiet ta' SO2, filwaqt li sitt proċeduri ta' ksur oħra huma miftuħa minħabba nuqqasta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' monitoraġġ; billi li l-valuri ta' limitu għall-PM10 u għall-SO2 kellhom jiġu ssodisfati mill-2005;

X.  billi għall-2019, 17-il Stat Membru rrappurtaw qabżiet fuq l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għall-NO2, 14-il Stat Membru rrappurtaw qabżiet għall-PM10, 4 Stati Membri rrappurtaw qabżiet għall-PM2.5 u Stat Membru wieħed irrappurta qabżiet għall-SO2;

Y.  billi s-sitwazzjoni attwali titlob li l-pajjiżi jingħataw aktar appoġġ (appoġġ teknoloġiku, loġistiku u finanzjarju u linji gwida) biex itejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

Z.  billi skont deċiżjoni reċenti ta' qorti lokali, il-gvern tar-Reġjun ta' Brussell, fejn huma bbażati l-istituzzjonijiet Ewropej, huwa legalment obbligat li fi żmien sitt xhur iqiegħed sistemi ta' kejl tal-kwalità tal-arja fit-toroq l-aktar traffikużi, bħal "Rue de la loi", li jridu jkejlu l-konċentrazzjoni ta' NO2, ta' materja partikolata ħoxna (PM10) u ta' materja partikolata fina (PM2.5);

AA.  billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE tqis li l-azzjoni pubblika għall-promozzjoni tal-kwalità tal-arja hija insuffiċjenti, u billi aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tal-UE tistenna li l-UE tipproponi miżuri addizzjonali(34); billi t-titjib tal-kwalità tal-arja huwa marbut ukoll ma' bidliet fil-mentalità tas-soċjetà, u dawn ma jistgħux jinkisbu faċilment permezz ta' bidliet legali, iżda pjuttost permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-politiki dwar l-arja nadifa;

Għodda parzjalment effettiva li jeħtieġ li tittejjeb

1.  Jirrikonoxxi li t-tliet pilastri tal-politika tal-UE dwar l-arja nadifa rnexxielhom jippromwovu tendenza ta' tnaqqis fl-emissjonijiet u l-konċentrazzjonijiet tal-maġġoranza tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fl-Ewropa; jenfasizza li filwaqt li d-Direttivi tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali kienu effettivi fl-istabbiliment ta' standards komuni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u fil-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, huma kienu biss parzjalment effettivi fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u fit-trażżin tal-effetti avversi tiegħu fuq is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadd kbir ta' Stati Membri għadhom ma jikkonformawx kompletament mal-istandards attwali tal-kwalità tal-arja u ma ħadux biżżejjed azzjoni biex itejbu l-kwalità tal-arja u jżommu l-qabżiet f'livell minimu, anki wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' ksur mill-Kummissjoni u l-ħruġ ta' ordnijiet tal-qorti li jitolbu konformità mad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali;

2.  Jenfasizza li fil-maġġoranza tat-territorju Ewropew kien hemm żieda f'għadd ta' patoloġiji marbuta mat-tniġġis tal-arja, bħall-ażma, il-mard newrotossiku u l-mard ikkawżat mill-interferenti endokrinali, u dan jiġġustifika mhux biss l-applikazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni Ewropea iżda wkoll proċedimenti ta' ksur rapidi u effettivi mill-Kummissjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ripetut mill-Istati Membri;

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-tniġġis tal-arja m'għandux limiti u li hemm skambju sinifikanti ta' sustanzi li jniġġsu l-arja bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk li mhumiex fl-UE kif innutat fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa; jirrimarka li l-Istati Membri ma jistgħu jieħdu l-ebda azzjoni dwar is-sorsi ta' emissjonijiet li jinsabu barra mit-territorju tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis in-natura kumplessa tat-tniġġis tal-arja (eż. il-formazzjoni ta' materja partikolata sekondarja u t-trasferiment globali u tal-UE ta' tniġġis tal-arja) meta tfassal il-politika ġdida dwar il-kwalità tal-arja, biex jiġi żgurat approċċ integrat u olistiku;

4.  Jinnota li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali huma bbażati fuq standards tal-kwalità tal-arja li issa għandhom bejn 15 u 20 sena, u li xi wħud minnhom huma ħafna iktar dgħajfa mil-linji gwida attwali tad-WHO u l-livelli ta' referenza stmati abbażi tar-riskju eċċessiv ta' kanċer minħabba esponiment tul il-ħajja, u l-livelli ssuġġeriti mill-aħħar evidenza xjentifika dwar l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa tal-bniedem; jilqa' l-impenn meħud fil-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jiġu riveduti l-istandards tal-kwalità tal-arja, u jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-valuri tal-PM10, il-PM2.5, l-SO2 u l-O3 mal-linji gwida tad-WHO, u l-valuri tal-benżen (C6 H6) u tal-benżo(a)piren (BaP) mal-livelli ta' referenza tad-WHO, permezz ta' bidliet leġiżlattivi għad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali wara l-konklużjoni ta' valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq l-aspetti tas-saħħa, ambjentali, soċjetali u ekonomiċi; jinsisti fuq il-fatt li l-linji gwida tad-WHO attwalment qed jiġu riveduti u li l-pubblikazzjoni tagħhom issa hija imminenti; jindika l-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE malli l-linji gwida l-ġodda tad-WHO jsiru disponibbli, u li jiġi inkluż obbligu ta' rieżami perjodiku tal-istandards abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika u teknika sabiex jiġu allinjati mal-linji gwida tad-WHO li jiġu aġġornati regolarment; jistieden lill-Kummissjoni tqis ukoll l-aħħar tagħbijiet kritiċi għall-protezzjoni tal-ekosistemi stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila;

5.  Jenfasizza li, skont id-data miġbura mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u minkejja t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' PM10, il-maġġoranza tal-popolazzjoni urbana fil-pajjiżi Ewropej immonitorjati bejn l-2000 u l-2015 hija esposta għal konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur ta' referenza annwali rakkomandat fil-linji gwida tad-WHO; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni fejn jeżistu lakuni legali, filwaqt li teżamina wkoll il-kobenefiċċji għal dimensjonijiet oħra tat-tniġġis, pereżempju l-istorbju; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-konsegwenzi tat-tniġġis tal-arja ta' ġewwa u r-rimedji leġiżlattivi possibbli għas-sorsi rilevanti kollha tat-tniġġis tal-arja ta' ġewwa;

6.  Jirrakkomanda li l-istandards riveduti tal-kwalità tal-arja u r-rekwiżiti ta' monitoraġġ għandhom, fejn xieraq, u abbażi ta' valutazzjoni tal-aħħar evidenza xjentifika, ikopru wkoll sustanzi li jniġġsu mhux regolati oħra b'impatti negattivi murija fuq is-saħħa u l-ambjent fl-UE, bħall-partikoli ultrafini, il-karbonju iswed, il-merkurju u l-ammonijaka; jenfasizza l-ambizzjoni tal-UE li tmexxi t-tranżizzjoni lejn pjaneta b'saħħitha, u jfakkar li sabiex issir mexxej globali, hija għandha tmexxi bl-eżempju billi tadotta, u tinforza, fost l-oħrajn, standards ta' kwalità ambizzjużi għas-sustanzi kollha li jniġġsu l-arja;

7.  Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni s'issa jirrigwardaw il-qabżiet tal-valuri ta' limitu, u dan juri li l-valuri ta' limitu kienu l-aktar elementi infurzabbli tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi s-sostituzzjoni tal-valuri fil-mira attwali (O3, As, Cd, Ni u BaP) b'valuri ta' limitu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istandards annwali jippermettu li ż-żidiet qawwija fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu ma jiġux innutati, b'mod partikolari fil-każ tal-PM2.5;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi jew komposti ta' tħassib għall-pubbliku jew għall-komunità xjentifika minħabba raġunijiet ta' saħħa ("il-lista ta' sorveljanza"), bħall-mikroplastiks sabiex ikun jista' jingħata lok kemm għal segwitu fir-rigward tal-għarfien ġdid dwar ir-rilevanza għas-saħħa tal-bniedem ta' dawn il-komposti u s-sustanzi emerġenti, kif ukoll għall-approċċi u l-metodoloġiji l-aktar xierqa ta' monitoraġġ;

Kejl tat-tniġġis tal-arja

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li l-kwalità tal-arja qed titkejjel mill-Istati Membri fis-sorsi ta' emissjonijiet u l-postijiet xierqa, sabiex jiġi evitat li jkun hemm stima baxxa jew eċċessiva tat-tniġġis tal-arja u biex jinkisbu riżultati rappreżentattivi; jistieden lill-Istati Membri jtejbu n-networks ta' monitoraġġ tagħhom, isaħħu l-għarfien tal-livelli ta' sustanzi li jniġġsu li jeżistu fit-territorju tagħhom, u jevalwaw il-livell tan-network tagħhom ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja bil-għan li jidentifikaw sitwazzjonijiet kroniċi u episodiċi ta' tniġġis atmosferiku, u jaġixxu favur ir-riżoluzzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-obbligi tad-Direttiva f'dan ir-rigward u tiżgura li l-punti ta' kampjunar ikunu komparabbli u rappreżentattivi għal żona speċifika, inkluż billi tipprovdi appoġġ immedjat lill-Istati Membri fit-twaqqif ta' taħlita ta' stazzjonijiet fissi ta' monitoraġġ u ta' mmudellar, li jistgħu jkunu akkumpanjati b'punti passivi ta' kampjunar, biex jiġu ggarantiti riżultati rappreżentattivi u jiġu evitati nuqqasijiet sistemiċi, kif ukoll bit-taħriġ u r-reklutaġġ tal-esperti, u billi jiġu żgurati preċiżjoni akbar fl-ispezzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ u t-twaqqif ta' pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-ħtieġa li jitħarrġu esperti ġodda fuq bażi kontinwa, inkluż it-taħriġ mill-ġdid ta' persuni li jkunu ħadmu f'oqsma oħra u li jixtiequ jsiru attivi f'dan il-qasam, kif ukoll żgħażagħ qiegħda; jenfasizza li l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu s-siti ta' monitoraġġ li minnhom jikkomunikaw id-data lill-EEA, jista' jwassal ukoll għal sottovalutazzjoni potenzjali tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja;

10.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Istati Membri stabbilixxew network ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja abbażi tal-kriterji komuni definiti bid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, b'aktar minn 4 000 stazzjon ta' monitoraġġ u 16 000 punt ta' kampjunar; jirrimarka li d-dispożizzjonijiet dwar il-lokalizzazzjoni tas-sit jinvolvu diversi kriterji u joffru grad ta' flessibbiltà li jista' jagħmel il-verifika aktar diffiċli, li spiss jiġġenera sitwazzjonijiet fejn in-networks ta' monitoraġġ fil-bliet ma jipprovdux informazzjoni dwar il-postijiet fejn iseħħu l-ogħla konċentrazzjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, u dan joħloq ir-riskju li l-qabżiet tal-valuri ta' limitu ma jiġux innutati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi gwida immedjata lill-Istati Membri, permezz ta' att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/50/KE, dwar kif jistabbilixxu n-networks ta' monitoraġġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-proposti għal Direttivi riveduti dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, twettaq rieżami u tistabbilixxi regoli obbligatorji ġodda għal-lokalizzazzjoni tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u l-punti ta' kampjunar, bħall-possibbiltà li l-Kummissjoni tirrikjedi t-tqegħid fejn meħtieġ ta' punti ta' monitoraġġ addizzjonali biex jiġi żgurat kejl aħjar tat-tniġġis tal-arja jew jiġi stabbilit għadd minimu ta' stazzjonijiet tal-kejl għal kull tip ta' sors ta' emissjonijiet (mit-trasport, mill-industrija, mill-agrikoltura jew residenzjali);

11.  Iqis li network aktar effikaċi għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja jrid ikun kapaċi jkejjel l-impatt tas-sorsi ewlenin tat-tniġġis fuq l-istandards tal-kwalità tal-arja fl-irħula tal-viċin u fl-ekosistemi protetti fil-qrib, u jipprovdi aktar informazzjoni dwar id-diversi sustanzi li jniġġsu li jkunu qed jiġu vvalutati;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri għall-promozzjoni ta' investimenti mill-Istati Membri favur it-titjib tan-networks ta' monitoraġġ, li jkunu jinvolvu l-bini ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ, it-taħriġ u r-reklutaġġ ta' esperti u analisti, u tipprovdi appoġġ għal proċeduri aktar stretti ta' superviżjoni, kontroll u monitoraġġ;

13.  Jissuġġerixxi li tiġi introdotta taħlita ta' siti ta' monitoraġġ fissi u mmudellar, bil-possibbiltà li tkun akkumpanjata b'kampjunar passiv, minħabba li l-varjabbiltà għolja tas-sustanzi li jniġġsu l-arja hija diffiċli biex tinqabad bl-użu ta' siti ta' monitoraġġ fissi; jenfasizza li l-immudellar tal-kwalità tal-arja jista' jikkomplementa l-kampjunar; jirrimarka, għalhekk, li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali għandhom jinkorporaw l-immudellar tal-kwalità tal-arja (b'riżoluzzjoni spazjali xierqa) b'mod aktar ċar fil-proċess ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-arja; jissottolinja l-importanza tad-data f'ħin reali dwar il-kwalità tal-arja; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra l-aktar sistemi, normi u standards tekniċi ta' kejl reċenti;

14.  Jenfasizza li minkejja li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali jinkludu xi dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-postijiet fejn in-nies ibatu l-aktar mit-tniġġis tal-arja, jew fejn il-konċentrazzjonijiet huma l-ogħla, il-Kummissjoni jeħtieġ li tagħti aktar gwida dwar l-iskalar makro tal-punti ta' kampjunar sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi; jinnota li l-gruppi soċjoekonomiċi inqas sinjuri huma iktar esposti għat-tniġġis tal-arja minħabba li huwa aktar probabbli li jgħixu qrib sorsi ta' tniġġis qawwi, kemm fuq barra, bħat-traffiku u ż-żoni industrijali, kif ukoll fuq ġewwa, bħall-kombustjoni ta' fjuwils solidi ta' kwalità baxxa għat-tisħin domestiku; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-esponiment tal-bniedem għat-tniġġis tal-arja jiġi rifless aħjar u b'mod adegwat fid-dritt tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi indikaturi ġodda fl-indiċijiet tal-kwalità tal-arja, bħad-densità tal-popolazzjoni madwar l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u l-punti ta' kampjunar, sabiex tiffissa kriterji għall-esponiment ġenerali tal-popolazzjoni" u dispożizzjonijiet għar-rappreżentattività tas-siti ta' monitoraġġ, kif ukoll biex twettaq skambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, bħall-istabbiliment ta' Żoni Prijoritarji għat-Titjib tal-Kwalità tal-Arja; jenfasizza, madankollu, li dawn il-kriterji l-ġodda għandhom ikunu addizzjonali għall-valuri ta' limitu, u mhux jissostitwuhom, ladarba dawn il-valuri s'issa wrew li huma l-aktar standards infurzabbli, u li l-istess standards tal-kwalità tal-arja jridu japplikaw fl-Ewropa kollha;

Tagħlimiet misluta mill-kriżi tal-COVID-19

15.  Jirrimarka li l-pandemija tal-COVID-19 hija eżempju tar-rabtiet inseparabbli bejn is-saħħa tal-bniedem u dik tal-ekosistema; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi t-tagħlimiet dwar it-tniġġis tal-arja misluta mill-pandemija tal-COVID-19 fit-tfassil ta' politiki ġodda;

16.  Jinnota li l-miżuri ta' konfinament għall-kontroll tat-tixrid tal-pandemija wasslu għal tnaqqis drastiku temporanju fit-traffiku u fl-attività industrijali u bħala konsegwenza rriżultaw fi tnaqqis bla preċedent fl-emissjonijiet u t-tniġġis tal-arja fuq skala kontinentali, fejn il-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu kienu ferm taħt il-limiti legali u r-rakkomandazzjonijiet tad-WHO, u dan wera b'mod ċar l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent; jissuġġerixxi li l-miżuri kollha jiġu analizzati sabiex jiġi mifhum l-impatt tagħhom, u jinnota b'dispjaċir li l-esponiment kontinwu u għal żmien twil għat-tniġġis tal-arja jista' jaggrava l-impatt ta' mard respiratorju bħall-COVID-19; jinsab imħasseb dwar ir-riskju li t-tniġġis jista' jerġa' lura għal-livelli preċedenti jew, agħar, għal livelli saħansitra ogħla, u jwissi kontra l-posponiment jew il-kanċellazzjoni ta' miżuri lokali mmirati biex inaqqsu t-tniġġis tal-arja; jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis sostanzjali tat-tniġġis tal-arja fuq żmien fit-tul ikollu benefiċċji sostanzjali għas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll għall-agrikoltura u l-ekosistemi naturali; jissottolinja, madankollu, li l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja trid tkun fil-qalba tal-pjan ta' rkupru tal-UE, u li, biex tiġi ggarantita s-saħħa taċ-ċittadini u tittejjeb ir-reżiljenza tagħhom kontra theddidiet futuri għas-saħħa, huwa essenzjali li jkun hemm rekwiżiti obbligatorji dwar il-kwalità tal-arja li jiġu infurzati b'mod effettiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-ambizzjoni tal-politiki tagħhom dwar l-arja nadifa, inkluż permezz tal-użu mmirat ta' finanzjament mill-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

17.  Jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet li t-tnaqqis tat-traffiku motorizzat u l-bidliet fix-xejriet tal-mobilità huma għodda effettiva biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja fil-bliet; jemmen, għalhekk, li għandhom jiġu promossi prattiki tajba bħall-proximity shopping, it-telexogħol volontarju, l-amministrazzjoni elettronika jew il-ħinijiet tax-xogħol maqsuma;

Il-promozzjoni ta' politiki lokali ta' suċċess dwar il-kwalità tal-arja

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xejriet ċari ta' tnaqqis fit-tniġġis tal-arja jistgħu jiġu osservati prinċipalment meta l-politiki jiġu implimentati flimkien, u għalhekk approċċ koerenti madwar l-UE fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki lokali huwa fundamentali għas-suċċess tagħhom; jissottolinja li l-kisba tal-koerenza politika teħtieġ ukoll kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji koerenti u fit-tul għal arja aktar nadifa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet legali ġodda fid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali biex tevita li l-politiki u l-miżuri lokali li wrew li huma effettivi fit-titjib tal-kwalità tal-arja ma jitreġġgħux lura mingħajr ma titwettaq analiżi jew evalwazzjoni bir-reqqa;

19.  Jilqa' l-kontroll tal-idoneità mill-Kummissjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali ppubblikat fl-2019; jistieden lill-Kummissjoni tesplora mezzi għal kooperazzjoni rapida u aktar effiċjenti mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi promwossa l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, inkluż permezz ta' finanzjament mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u għarfien espert lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja;

20.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu u jimplimentaw pjanijiet strateġiċi u pjanijiet għall-mobilità urbana sostenibbli bbażati fuq l-evidenza, bil-għan li jkun hemm ippjanar ikkoordinat ta' politiki, inċentivi u sussidji mmirati lejn id-diversi setturi u modi tat-trasport, u l-investiment fi skemi ta' trasport pubbliku sostenibbli u aċċessibbli, miżuri ta' tiġdid tal-flotta tal-vetturi eżistenti, investimenti f'teknoloġiji relatati ma' modi ta' trasport nadif u mal-mobilità bħala servizz, kif ukoll għall-infrastruttura għall-mobilità attiva, kondiviża u b'emissjonijiet żero, żoni b'emissjonijiet baxxi, skemi għall-iċċarġjar tal-vetturi u miżuri relatati mad-domanda sabiex titkabbar is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u jiżdiedu l-attivitajiet ta' kommunikazzjoni marbuta mar-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-bliet ikunu aktar sani u jimplimentaw tnaqqis sostanzjali fil-livelli tat-tniġġis tal-arja; jistieden lill-awtoritajiet lokali jfasslu pjanijiet urbani sostenibbli li jinkludu miżuri bħall-ħolqien ta' żoni ekoloġiċi u żoni pedonali u mingħajr karozzi fiċ-ċentri urbani, u jinkoraġġixxu l-mixi u ċ-ċikliżmu, l-użu ta' trasport pubbliku aċċessibbli, ta' soluzzjonijiet ta' mobilità kondiviża u sostenibbli, filwaqt li jiżguraw il-koeżistenza mat-trasport motorizzat; jenfasizza li bankini u korsiji għar-roti li jkunu wesgħin, miżmuma tajjeb u mhux ostakolati, b'enfasi fuq it-toroq ċentrali tal-ivvjaġġar ta' kuljum u integrati f'networks tat-toroq eżistenti filwaqt li jkunu separati b'mod sigur mill-korsiji tal-karozzi, jistgħu jinċentivaw il-vjaġġar attiv, bħall-użu tar-roti u l-mixi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jadottaw politiki u miżuri ambizzjużi għal dan il-għan; jemmen li l-kunċett ta' "bliet fi 15-il minuta", li fihom id-djar, il-postijiet tax-xogħol, is-servizzi pubbliċi u l-ħwienet ikunu aċċessibbli f'ħin ta' 15-il minuta bil-mixi jew bit-trasport pubbliku, għandu jifforma l-bażi tal-ippjanar urban fit-tul; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi premju annwali għall-bliet jew ir-reġjuni li jkunu ħadu l-aħjar miżuri b'effetti viżibbli u riżultati konkreti fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali jkunu aktar attivi u effiċjenti u tippromwovi dawn il-miżuri fil-livell Ewropew;

22.  Jirrimarka li l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti reċenti tal-Kummissjoni tirrakkomanda żieda fl-ishma modali tat-trasport kollettiv, il-mixi u t-trasport bir-rota, kif ukoll mobilità awtomatizzata, konnessa u multimodali, sabiex jitbaxxew b'mod sinifikanti t-tniġġis u l-konġestjoni mit-trasport, speċjalment fil-bliet, u titjieb is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini;

23.  Jappella għal investiment xieraq f'infrastruttura estensiva tat-trasport bir-rota, b'mod partikolari fiż-żoni urbani, sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti vulnerabbli kollha tat-triq u tiżdied l-attraenza tar-rota bħala mod ta' vjaġġar effiċjenti u tajjeb għas-saħħa; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata intermodalità bla xkiel bejn il-ferrovija u t-trasport bir-rota sabiex jiġi offrut vjaġġar sostenibbli bejn żoni rurali u urbani; jinkoraġġixxi l-espansjoni tan-network EuroVelo għal dan il-għan;

24.  Jirrimarka li t-trasport pubbliku, speċjalment f'żoni rurali, ta' spiss ma jkunx attraenti, u jkun irregolari u għali;

L-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-kwalità tal-arja

25.  Jilqa' t-tħabbira tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Tniġġis Żero; ifakkar fir-rabta mill-qrib bejn il-konservazzjoni tan-natura u l-kwalità tal-arja, u jenfasizza li t-tniġġis tal-arja huwa piż li jeħtieġ approċċ olistiku, peress li għandu impatti negattivi fuq il-ħamrija u l-ħajja tal-ilma minħabba l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni; iwissi li kwalunkwe miżura ġdida tkun bla valur jekk il-kwalità tal-arja ma tingħatax prijorità u ma tiġix integrata kif xieraq fil-politiki kollha tal-UE, skont l-aktar evidenza xjentifika reċenti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sorsi tal-emissjonijiet, bħall-politiki dwar il-klima, l-enerġija, it-trasport, l-industrija, l-agrikoltura u l-ġestjoni tal-iskart, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkunx hemm kontradizzjonijiet u li jkun hemm sinerġiji bejn l-oqsma kollha ta' politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha, u jikkunsidraw is-soluzzjonijiet tekniċi kollha biex inaqqsu l-emissjonijiet b'mod teknoloġikament newtrali sabiex jgħinu lill-awtoritajiet lokali jaqbdu triq ambizzjuża iżda ta' sfida lejn emissjonijiet żero u jiksbu arja aktar nadifa;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta dejjem tikber bejn it-tniġġis tal-arja u t-tibdil fil-klima, kif muri miż-żieda fil-konċentrazzjonijiet tal-ożonu kkawżata minn żiedet fit-temperaturi u mewġiet ta' sħana aktar rikorrenti; iqis li approċċ olistiku għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja huwa kompatibbli ma' analiżi każ b'każ tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull sustanza li tniġġes, pereżempju l-ożonu, gass bla kulur u bir-riħa, li mhuwiex sustanza li tniġġes primarja u li l-prevenzjoni tiegħu tirrikjedi miżuri biex jitnaqqsu l-prekursuri (l-NOx u l-VOCs) fuq medda twila ta' żmien;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni kollha dwar l-emissjonijiet, u jsaħħuha, filwaqt li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħha; jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors huwa l-uniku mod effettiv biex tiġi ggarantita arja nadifa; iwissi li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mhumiex se jikkonformaw mal-impenji tagħhom ta' tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2020 u l-2030 skont id-Direttiva NEC; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miżuri stretti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi kollha, b'mod partikolari fit-trasport bit-triq u marittimu, l-avjazzjoni, l-installazzjonijiet industrijali, il-bini, l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li l-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet jiġu inkorporati fil-politika kummerċjali tagħha biex jiġi evitat it-trasferiment ta' emissjonijiet barra mill-UE, li jkompli jaggrava l-effett tat-tniġġis transfruntier tal-arja fuq il-kwalità tal-arja tal-UE; jirrakkomanda li jiġi ddedikat appoġġ finanzjarju xieraq mill-fondi eżistenti tal-UE għall-objettivi ta' arja nadifa sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-azzjonijiet tagħhom;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda malajr proċeduri ta' ksur biex tinforza l-impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva NEC; jenfasizza li l-miżuri tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi kollha jridu jwittu triq ċara lejn il-kisba ta' emissjonijiet żero u ta' tniġġis żero minn dawn is-setturi; jitlob approċċ ta' politika koerenti fir-regolamenti dwar il-gassijiet serra u l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu;

29.  Jiddispjaċih dwar il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà propost għat-taqsima 5 tad-Direttiva NEC fir-rapport tal-Kummissjoni intitolat "It-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa"; jenfasizza li, fl-2018, ħdax-il Stat Membru talbu aġġustamenti għal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tillimita kemm jista' jkun l-użu tal-aġġustament tal-inventarji tal-emissjonijiet u tara jekk l-Istati Membri jkunux ħadu azzjoni biex jikkumpensaw għal emissjonijiet mhux mistennija minn ċerti setturi qabel ma japplikaw għal kwalunkwe aġġustament tal-inventarji tal-emissjonijiet;

30.  Jenfasizza li l-emissjonijiet tal-metan mhumiex irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja u mhumiex irregolati speċifikament mill-politika tal-UE dwar il-klima; jilqa' l-"istrateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan" ippubblikata dan l-aħħar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza b'mod effettiv il-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet tal-metan, speċjalment mill-agrikoltura u l-iskart;

31.  Jinnota bi tħassib li filwaqt li l-emissjonijiet tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi li jniġġsu l-arja għadhom qed isegwu tendenza ta' tnaqqis fl-Unjoni Ewropea kollha, l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3), speċjalment mis-settur agrikolu qed ikomplu jiżdiedu, u dan joħloq sfida għall-Istati Membri tal-UE biex jirrispettaw il-limiti tat-tniġġis tal-arja tal-UE; jaċċentwa li fiż-żoni urbani l-emissjonijiet tal-ammonijaka huma responsabbli għal madwar 50 % tal-impatti fuq is-saħħa mit-tniġġis tal-arja, peress li l-ammonijaka hija prekursur ewlieni tal-materja partikolata; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Pjanijiet Strateġiċi nazzjonali tagħhom fl-ambitu tal-politika agrikola komuni (PAK) bħala opportunità biex jiġġieldu t-tniġġis tal-arja mis-settur agrikolu; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw ukoll l-opzjonijiet biex irażżnu dawn l-emissjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali(35) (DEI);

32.  Jirrimarka li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jnaqqas l-impatti ambjentali tal-UE u li fid-dawl tal-kontribut importanti tal-industrija għall-pressjonijiet ġenerali fuq l-ambjent, din trid tagħti kontribut xieraq biex jintlaħaq dan il-għan ġenerali; jesprimi tħassib dwar il-prattika tal-bini ta' installazzjonijiet industrijali ġodda b'kapaċità eżatt taħt il-limiti tad-DEI biex intenzjonalment jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; jilqa' f'dan ir-rigward ir-reviżjoni mħabbra tad-DEI sabiex jiġi indirizzat aħjar it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar, biex jiġu promossi attivitajiet industrijali bl-inqas impatt ambjentali, u biex dawn isiru kompletament konsistenti mal-politiki tal-UE dwar l-ambjent, il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri biex jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni dwar il-konformità u l-permessi;

33.  Iqis, f'dan ir-rigward, li jkun vantaġġuż li fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jiġu inklużi setturi oħra, li d-derogi mid-Direttiva jiġu limitati għal minimu, li ssir reviżjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli (BATs), li jiġi adottat approċċ konsistenti orjentat lejn ir-riżultati għall-promozzjoni tal-attività industrijali bl-inqas impatt ambjentali negattiv, u li jiġu integrati dispożizzjonijiet li jistimulaw il-progress fil-fażi tal-awtorizzazzjoni jew il-proċess tad-dokumenti ta' riferenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BREF);

34.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jimplimentaw, inkluż bħala parti mill-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja tagħhom (PKAs), kampanji ta' informazzjoni u skemi ta' inċentivi għar-rinnovazzjonijiet tal-bini u s-sostituzzjoni ta' sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ residenzjali qodma, ineffiċjenti u li jniġġsu, li huma responsabbli għal proporzjon kbir ta' tniġġis tal-arja minn sustanzi li huma perikolużi għas-saħħa; iqis li t-tisħin distrettwali bbażat fuq soluzzjonijiet sostenibbli jista' jkun alternattiva tajba għal sorsi ta' tisħin individwali mifruxa u ineffiċjenti ħafna;

35.  Jinnota li l-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-użu ta' fjuwils solidi se tkun is-sors ewlieni tal-emissjonijiet tal-merkurju fl-arja fl-Ewropa fil-futur prevedibbli; Jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenji li meħuda minn tal-anqas 10 Stati Membri tal-UE biex jeliminaw b'mod gradwali l-faħam; jappella lill-Istati Membri l-oħra jeliminaw b'mod gradwali l-faħam bħala sors tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2030;

36.  Jirrimarka li, filwaqt li l-emissjonijiet relatati mat-trasport tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi li jniġġsu naqsu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar deċennji, għad hemm hotspots persistenti fl-UE, fejn il-livelli tat-tniġġis tal-arja huma għoljin wisq, speċjalment fiż-żoni urbani, fejn kważi abitant minn kull sitta għadu espost għal konċentrazzjonijiet ta' tniġġis tal-arja ogħla mill-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għal ċerti sustanzi li jniġġsu; jissottolinja li livelli eċċessivi ta' tniġġis tal-arja relatat mat-trasport huma ta' riskju partikolari għas-saħħa tan-nies li jgħixu fiż-żoni urbani u qrib ċentri tat-trasport;

37.  Ifakkar li t-trasport bit-triq huwa s-sors ewlieni tal-NOx fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards stretti tal-UE għall-emissjonijiet tal-karozzi għas-sustanzi li jniġġsu l-arja (l-istandards Euro 7 futuri għall-vetturi light-duty u l-istandards Euro VII għall-vetturi heavy-duty) b'mod teknoloġikament newtrali li ma jiddiskriminax bejn il-fjuwils; jissottolinja li l-proċeduri ta' ttestjar ġodda għall-vetturi għandhom jiġu riveduti biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tas-sustanzi li jniġġsu rregolati u mkejla, jiżdiedu l-preċiżjoni u l-effikaċja tagħhom u jiġu eliminati l-lakuni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-istandards tal-emissjonijiet tabilħaqq jintlaħqu f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan;

38.  Jissottolinja li huwa kruċjali li s-suq għal vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxxi jew żero jiġi inċentivat, u li l-Istati Membri jingħataw rakkomandazzjonijiet ta' gwida biex jinkoraġġuhom jimplimentaw firxa wiesgħa ta' inċentivi għal vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxxi jew żero filwaqt li jiġi żgurat li inċentivi bħal dawn ikunu mmirati lejn il-vetturi bl-inqas emissjonijiet fid-dinja reali; jenfasizza li d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, inkluż fil-binjiet privati u pubbliċi f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija(36), kif ukoll il-kompetittività tal-vetturi b'livell ta' emissjonijiet baxxi jew żero, huma essenzjali biex il-konsumaturi jaċċettawhom aktar;

39.  Jemmen li sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-hotspots, huwa essenzjali li jsir progress lejn sistema tat-trasport u disinn tal-infrastruttura tal-mobilità aktar sostenibbli u inqas niġġiesa, bil-għan li titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq, speċjalment fiż-żoni urbani, filwaqt li jintużaw il-mezzi kollha disponibbli bl-aktar mod effettiv, u filwaqt li jitqiesu l-evidenza xjentifika u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi l-aktar reċenti; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta' kontrolli regolari tal-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport tagħhom sabiex jidentifikaw iż-żoni li jeħtieġu dekonġestjoni u ottimizzazzjoni, u biex tieħu miżuri xierqa f'dawn l-oqsma biex il-kwalità tal-arja ssir prijorità fiha nnifisha, inkluż billi jsir użu mill-fondi disponibbli tal-UE, u billi jkun hemm direzzjonar aħjar tal-mekkaniżmi ewlenin ta' finanzjament, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni;

40.  Itenni l-importanza li jkun hemm bidla modali sostanzjali mit-trasport bit-triq għal forom ta' trasport li jniġġsu inqas, bħat-trasport ikkombinat, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ferroviji, billi tiġi sfruttata b'mod partikolari s-Sena Ewropea tal-Ferroviji fl-2021; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa urġenti li tittejjeb u tiġi modernizzata l-infrastruttura ferrovjarja, bl-implimentazzjoni sħiħa tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), it-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni u t-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa, speċjalment fil-qafas tan-Network trans-Ewropew tat-trasport, u li jkomplu jiġu ffaċilitati u mħeġġa l-intermodalità u l-multimodalità; jemmen li għaċ-ċirkwiti lokali (l-aħħar mil) u għal distanzi medji, dan l-approċċ għandu jiġi kkombinat mal-ħtieġa li t-trasport bit-triq isir aktar effiċjenti u aktar sostenibbli;

41.  Jisħaq li l-aktar mod effettiv biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja mit-trasport bit-triq huwa l-promozzjoni tal-qalba mill-fjuwils konvenzjonali għal fjuwils alternattivi aktar nodfa, kif deskritt fid-Direttiva 2014/94/UE(37) dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi; jemmen li r-reviżjoni li jmiss tar-Regolament (UE) 2019/631(38) li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda se taċċellera l-adozzjoni ta' vetturi b'livell baxx jew żero ta' emissjonijiet;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-istandards tal-emissjonijiet fil-leġiżlazzjoni attwali jiġu infurzati aħjar, u joħolqu sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet ta' allinjament tal-karozzi użati mal-istandards ambjentali, pereżempju permezz ta' modifiki retroattivi;

43.  Jisħaq li t-trasport ikkombinat tal-merkanzija jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport billi jippromwovi qalba mit-trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi ta' trasport b'inqas emissjonijiet, inklużi kurituri ta' xmajjar b'emissjonijiet żero;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitqiesu r-restrizzjonijiet strutturali li jistgħu jaffettwaw l-introduzzjoni ta' modi alternattivi ta' trasport fir-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi jipprevedu pjan ta' azzjoni li jkollu l-għan li jipprovdi inċentivi u finanzjament speċifiku għat-trasport f'dawn ir-reġjuni;

45.  Jenfasizza li t-tniġġis tal-arja mit-trasport marittimu huwa responsabbli għall-mewt ta' aktar minn 50 000 ruħ fis-sena fl-UE u għalhekk jeħtieġ li jkompli jitnaqqas(39); jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tadotta miżuri xierqa u effettivi biex tirregola t-trasport marittimu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bliet portwarji li jiffaċċjaw tniġġis addizzjonali mit-tbaħħir, mill-krejnijiet, mill-kruċieri u minn diversi vetturi tat-trasport, jeħtiġilhom jindirizzaw dawn l-aspetti jekk iridu jtejbu l-kwalità tal-arja tagħhom; jirrimarka bi tħassib li l-impatt detrimentali tal-bastimenti fuq il-kwalità tal-arja qed ikompli jiżdied hekk kif is-settur qed jikber; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'urġenza l-impenn tagħha li tirregola l-aċċess għall-portijiet għall-vapuri li jniġġsu l-aktar, u tobbliga lill-bastimenti rmiġġati jużaw l-infrastruttura disponibbli għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil, bħall-elettriku mill-art, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu l-arja, u b'hekk jiġu protetti ż-żoni kostali u l-popolazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw "standard ta' emissjonijiet żero waqt l-irmiġġ" fil-portijiet Ewropej kollha;

46.  Jisħaq li ż-żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet (ECAs) huma għodda essenzjali biex jiġi limitat it-tniġġis tal-arja mit-tbaħħir u jikkontribwixxu għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u jnaqqsu l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-bijodiversità tal-baħar; jitlob, għalhekk, li l-ECAs jiġu estiżi għall-ibħra kollha tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jikkontrollaw b'mod strett l-ECAs fl-ibħra territorjali tagħhom;

47.  Jissottolinja l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tniġġis tal-arja u l-effetti negattivi korrispondenti fuq is-saħħa; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-provvista tal-elettriku lill-ajruplani wieqfa fl-ajruporti tista' ttejjeb il-kwalità tal-arja u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom iqisu l-ħtieġa li tiġi installata provvista tal-elettriku fl-ajruporti skont id-Direttiva 2014/94/UE;

Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja

48.  Jinnota li l-PKA, li huma rekwiżit ewlieni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali f'każijiet meta l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-istandards tal-kwalità tal-arja, spiss ma jkunux effettivi f'termini tal-kisba tar-riżultati mistennija minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi malajr kemm jista' jkun permezz ta' att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/50/KE sett ta' rekwiżiti minimi u tal-aħjar prattiki kemm għall-abbozzar kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja sabiex jiġi żgurat li l-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja jistabbilixxu azzjonijiet marbuta biż-żmien li jkunu proporzjonati mal-problema tat-tniġġis li jeħtieġu jindirizzaw; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li jkun hemm biżżejjed finanzjament biex titwettaq l-azzjoni ppjanata, u li jiġu inklużi kalkoli ta' tnaqqis affidabbli biex titkejjel l-implimentazzjoni; iqis li ż-żmien twil għall-produzzjoni attwali tal-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja jqiegħed f'riskju l-effikaċja tagħhom u jemmen li l-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja għandhom ikunu mmirati aħjar u jiffukaw fuq miżuri għal perjodu ta' żmien qasir u medju li jkunu orjentati lejn ir-riżultati u jindirizzaw l-emissjonijiet minn sorsi ta' tniġġis ewlenin identifikati; jirrimarka li miżuri aktar armonizzati u komparabbli meħuda fl-Istati Membri kollha jżidu l-effettività u l-aċċettazzjoni ġenerali tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet muniċipali u lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja minħabba n-natura lokalizzata tal-kawżi u l-konsegwenzi tat-tniġġis tal-arja;

49.  Jinnota li l-Istati Membri jipproduċu rapporti annwali pubbliċi dwar is-sustanzi li jniġġsu kollha koperti mid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, u kull sena jirrapportaw lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50/KE; jiddispjaċih, madankollu, li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali la jirrikjedu li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja u lanqas li jaġġornawhom meta jiġu adottati miżuri ġodda jew meta l-progress ma jkunx suffiċjenti; jirrimarka, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma twettaqx analażi u ma tagħti l-ebda feedback dwar l-AQPs ippreżentati u l-miżuri li jkunu jinsabu fihom; jinnota li feedback xieraq u kritiku dwar il-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja ppreżentati jista' jgħin lill-Istati Membri jfasslu Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja aħjar b'miżuri aktar effettivi u jista' jipprevjeni n-nonkonformità mal-istandards tal-kwalità tal-arja; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema iktar trasparenti u reattiva għall-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligu ta' rappurtar annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja, kif ukoll proċedura ta' evalwazzjoni għall-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja ppreżentati biex tiżgura li l-miżuri tal-Istati Membri jkunu rapidi u effettivi fit-titjib tal-kwalità tal-arja;

50.  Jenfasizza l-importanza ta' biżżejjed għarfien espert u riżorsi fil-livelli lokali u reġjonali għat-tfassil tal-PKA u għall-elaborazzjoni tal-għażla, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri biex titjieb il-kwalità tal-arja; jissottolinja l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli, ir-riżorsi tekniċi u l-perkorsi li jistgħu jitfasslu għar-realtajiet lokali u reġjonali;

L-infurzar tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali

51.  Iwissi li sa Frar 2021, kien hemm pendenti 31 proċedura ta' ksur kontra 18-il Stat Membru dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali; jirrikonoxxi li wħud minn dawn il-proċeduri ta' ksur ilhom għaddejjin mill-2009, u li minkejja l-proċeduri ta' ksur li għaddejjin, il-qabżiet fil-konċentrazzjoni tat-tniġġis fl-Istati Membri għadhom iseħħu; iqis li l-qabżiet persistenti u sistemiċi tal-istandards tal-kwalità tal-arja mill-Istati Membri jindikaw in-nuqqas ta' impenn tagħhom li jadottaw miżuri aktar effettivi biex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tagħhom u tal-ambjent, u jixhdu l-ineffettività tal-proċedura ta' infurzar attwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-proċedura ta' infurzar attwali għad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali;

52.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' infurzar tad-Direttiva NEC; iwissi li mill-2010 ma nfetħet l-ebda proċedura ta' ksur fir-rigward ta' emissjonijiet ogħla mil-limiti massimi stabbiliti mid-Direttiva NEC, minkejja li tliet Stat Membri qatt ma rrappurtaw emissjonijiet tal-NH3 taħt il-limitu massimu tagħhom;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali hekk kif issir konxja li l-liġijiet tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ma jkunux qed jiġu implimentati, u ssegwi malajr ir-riferimenti u s-sanzjonijiet ġudizzjarji meta jiġi stabbilit ksur; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi b'mod regolari ħarsa ġenerali ċara u komprensiva tal-proċeduri ta' ksur miftuħa, u tippubblika mingħajr dewmien l-iskambji ta' komunikazzjoni tagħha mal-Istati Membri mhux konformi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ir-riżorsi meħtieġa disponibbli biex tiżgura segwitu rapidu għall-każijiet ta' nonkonformità mill-Istati Membri;

54.  Ifakkar, barra minn hekk, li r-Rapport Speċjali Nru 23/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar it-tniġġis tal-arja jirreferi wkoll għall-għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur relatati mal-limiti tal-kwalità tal-arja, u għall-evidenza ta' distakk mifrux fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja madwar l-Unjoni; jinnota li dan id-distakk fl-implimentazzjoni qed jikber maż-żmien, mhux l-inqas minħabba d-dewmien twil rikorrenti fid-diversi stadji tal-proċeduri ta' ksur – normalment bejn sitt snin u tmien snin; iqis li l-perjodu ta' sentejn qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika dwar qabżiet fuq il-valuri ta' limitu huwa twil wisq biex jiġi żgurat infurzar f'waqtu;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti f'konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

It-titjib tal-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku

56.  Iqis li l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku għandhom rwol kritiku biex jindirizzaw it-tniġġis tal-arja u biex iċ-ċittadini jkunu involuti direttament f'azzjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-arja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet jiddefinixxu l-indiċi tal-kwalità tal-arja b'mod differenti, u li bħalissa, fir-rigward ta' ċerti sustanzi li jniġġsu, la hemm informazzjoni u lanqas livelli limitu ta' twissija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' klassifikazzjoni standardizzata tal-kwalità tal-arja li tkun applikabbli madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali rilevanti jniedu programmi li jiffaċilitaw l-investimenti li jtejbu l-kwalità tal-arja;

57.  Jenfasizza li l-informazzjoni dwar l-effetti possibbli tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa pprovduta mill-Istati Membri hija skarsa, mhux ċara u mhux faċilment aċċessibbli għall-pubbliku; jinnota, madankollu, li hemm tendenzi pożittivi fl-implimentazzjoni prattika tal-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali fir-rigward tal-informazzjoni għall-pubbliku dwar l-istat tal-kwalità tal-arja; jitlob aktar armonizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja disponibbli għall-pubbliku fl-iskali ġeografiċi kollha madwar l-Istati Membri u r-reġjuni, filwaqt li jiġi żgurat aċċess faċli għal informazzjoni preċiża u f'ħin reali dwar il-kwalità tal-arja; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali rilevanti jniedu kampanji pubbliċi ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni pubbliċi dwar suġġetti bħat-tipi differenti ta' sustanzi li jniġġsu l-arja u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem jew dwar il-livelli eżistenti tat-tniġġis tal-arja fit-territorju, inkluża informazzjoni mmirata lejn gruppi vulnerabbli, u jippubblikaw klassifikazzjonijiet tal-aħjar u l-agħar progress imwettaq skont iż-żoni tal-kwalità tal-arja; jemmen li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-effetti devastanti tat-tniġġis tal-arja ħdejn sorsi rilevanti ta' tniġġis u/jew l-installazzjoni ta' apparat ta' wiri tal-kwalità tal-arja jistgħu jtejbu wkoll is-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni pubblika u jqanqlu bidla fl-imġiba u x-xejriet li tista' tikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw u jippromwovu għodod li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni pubblika fl-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, bħall-iżvilupp mill-Istati Membri ta' għodda online jew/u app għall-apparati mobbli li jinformaw liċ-ċittadini dwar il-kwalità tal-arja u l-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem, tagħtihom il-possibbiltà jitolbu informazzjoni mill-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-arja jew il-punti ta' kampjunar, tirrapporta dwar ksur tal-kwalità tal-arja jew tipprovdi feedback lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri dwar il-kwalità tal-arja;

59.  Jissottolinja l-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-attivisti ambjentali u l-ġurnalisti investigattivi, minħabba l-prossimità u l-aċċess dirett tagħhom għad-data fil-prattika, għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ambjentali, u għalhekk għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fil-proċeduri ta' konsultazzjoni.

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali biex tinkludi dispożizzjonijiet espliċiti li jiggarantixxu d-dritt taċ-ċittadini għall-ġustizzja f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus u jistieden lill-Kunsill jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħha li hija ta' rilevanza partikolari meta l-Kunsill ikun qed jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu;

Rakkomandazzjonijiet oħra

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirregola l-kwalità tal-arja ta' ġewwa b'mod indipendenti jew bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-bini sostenibbli, filwaqt li tkopri l-kwalità tal-arja ta' ġewwa fi spazji magħluqa tal-anqas fil-proprjetà immobbli pubblika u kummerċjali;

62.  Iqis li huwa essenzjali li titwettaq analiżi ġenerali tar-riżultati miksuba min-networks ta' monitoraġġ u li jiġu prodotti rapporti annwali, li, ladarba jkunu disponibbli pubblikament, ikunu jinkludu analiżijiet spazjali u temporali tad-data u valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja u tal-ekosistemi, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw kwalunkwe sitwazzjoni kronika jew episodika tat-tniġġis tal-arja identifikata;

63.  Jemmen lil-Istati Membri għandhom jagħmlu minn kollox biex jiżguraw li l-eżempju tal-bliet bi prattiki tajbin f'dan il-qasam jiġi segwit minn bliet oħra b'mod ġenerali, permezz tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza jew emerġenza, li għandhom jiġu attivati malajr kemm jista' jkun meta konċentrazzjonijiet għoljin ta' gassijiet u partikolati li jniġġsu li jipperikolaw is-saħħa pubblika tal-popolazzjoni jkunu mbassra jew ikunu fil-fatt qed iseħħu;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport billi l-ħaddiema li huma esposti għal livelli għoljin ta' tniġġis tal-arja u dħaħen tossiċi jiġu protetti aħjar fuq bażi ta' kuljum, u billi jsir investiment fit-taħriġ mill-ġdid, fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ tagħhom;

65.  Jisħaq li l-innovazzjoni u r-riċerka f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi u li jnaqqsu l-emissjonijiet se jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħares il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet innovattivi bħal sistemi ta' filtrazzjoni fil-vetturi u fit-toroq, tiġdid tal-flotta u inizjattivi simili;

66.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki dwar il-kwalità tal-arja jiggarantixxu l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-setturi relatati filwaqt li jistinkaw biex jilħqu l-objettivi ta' tniġġis żero;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw lill-fora u jinkoraġġixxu konsultazzjonijiet ma' pajjiżi oħra bħala parti minn sforz biex jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' politiki Ewropej, nazzjonali u lokali li jkollhom l-għan li jinkisbu standards tal-kwalità tal-arja aċċettabbli;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
(2) ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3.
(3) ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.
(4) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 86.
(5) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.
(6) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(8) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 23.
(9) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(10) ĠU C 324, 1.10.2020, p. 35.
(11) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ambient Air Pollution: A global assessment of exposure and burden of disease, (It-Tniġġis tal-Arja Ambjentali: Valutazzjoni globali tal-esponiment u l-piż tal-mard), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2016.
(12) Ir-rapport tal-EEA Nru 9/2020 tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Air Quality in Europe – 2020 report" (Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa – rapport 2020).
(13) Chen, H. et al., "Living near major roads and the incidence of dementia, Parkinson's disease, and multiple sclerosis: a population based cohort study" (Għajxien qrib toroq ewlenin u l-inċidenza tad-dimenzja, il-marda ta' Parkinson, u l-isklerożi multipla: studju ta' koorti bbażat fuq il-popolazzjoni), The Lancet, Vol. 389, Nru 10070, Elsevier Ltd., 2017, p. 718 – 726.
(14) Guxens, M. et al. "Air Pollution Exposure During Fetal Life, Brain Morphology, and Cognitive Function in School-Age Children" (L-Esponiment għat-Tniġġis tal-Arja Matul il-Ħajja Fetali, il-Morfoloġija tal-Moħħ u l-Funzjoni Kognitiva fit-Tfal f'Età tal-Iskola), Biological Psychiatry, Vol. 84, Nru 4, Elsevier Inc., 2018, p. 295-303.
(15) Lim, C. C. et al., "Association between long-term exposure to ambient air pollution and diabetes mortality" (Assoċjazzjoni bejn l-esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja ambjentali u l-mortalità mid-dijabete), US Environmental Research, Vol. 165, Elsevier Inc., 2018, p. 330-336.
(16) EEA, Air pollution: how it affects our health (It-tniġġis tal-arja: kif jaffettwalna saħħitna), EEA, Copenhagen, 2020, https://www.eea.europa.eu/themes/air/health-impacts-of-air-pollution
(17) Studju tad-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja ta' Jannar 2021 bit-titolu "Air pollution and COVID-19. Including elements of air pollution in rural areas, indoor air pollution, vulnerability and resilience aspects of our society against respiratory disease, social inequality stemming from air pollution" (It-tniġġis tal-arja u l-COVID-19. Inklużi elementi tat-tniġġis tal-arja fiż-żoni rurali, it-tniġġis tal-arja ta' ġewwa, l-aspetti tal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tas-soċjetà tagħna kontra l-mard respiratorju u l-inugwaljanza soċjali li jirriżultaw mit-tniġġis tal-arja).
(18) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,Ambient air pollution: A global assessment of exposure and burden of disease, (It-Tniġġis tal-Arja Ambjentali: Valutazzjoni globali tal-esponiment u l-piż tal-mard), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2016.
(19) Il-ktieb statistiku tal-Eurostat tas-7 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Urban EuropeStatistics on cities, towns and suburbs" (L-Ewropa UrbanaStatistika dwar il-bliet u s-subborgi".
(20) Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nru 9/2020 tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Air Quality in Europe – 2020 report" (Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa – rapport 2020).
(21) Khomenko, S. et al., "Premature mortality due to air pollution in European cities: A health impact assessment" (Il-mortalità prematura minħabba t-tniġġis tal-arja fil-bliet Ewropej: valutazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa), The Lancet Planetary Health, Elsevier Inc., 2021.
(22) Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari tat-18 ta' Jannar 2021 bit-titolu "EU policy on air quality: implementation of selected EU legislation" (Il-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja: implimentazzjoni ta' selezzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE), paġna 26.
(23) Amann, M. et al., Support to the development of the Second Clean Air Outlook – Specific Contract 6 under Framework Contract ENV.C.3/FRA/2017/0012 (Final Report) (Appoġġ għall-iżvilupp tat-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, Kuntratt Speċifiku 6 fl-ambitu tal-Kuntratt Qafas ENV.C.3/FRA/2017/0012 (Rapport Finali), Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2020..
(24) Eurostat, Air pollution statistics – emission inventories (Statistika dwar it-tniġġis tal-arja – inventarji tal-emissjonijiet), Eurostat, il-Lussemburgu, 2020, www.ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Air_pollution_statistics_-_emission_inventories&oldid=403107
(25) COM(2021)0003,
(26) L-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa f'Copenhagen, "Air Quality Guidelines for Europe" (Linji Gwida dwar il-Kwalità tal-Arja għall-Ewropa),European Series, Vol. 2, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2000.
(27) Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nru 9/2020 tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Air Quality in Europe – 2020 report" (Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa – rapport 2020).
(28) EEA, Valutazzjoni tal-indikatur tat-23 ta' Frar 2018 bit-titolu "Emissions of primary PM2.5 and PM10 particulate matter" (Emissjonijiet ta' materja partikolata primarja PM2.5 u PM10".
(29) EEA, Viżwalizzazzjoni tad-data tat-18 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sector share of sulphur oxides emissions" (Is-sehem tas-settur tal-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit): https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/daviz/sector-share-of-sulphur-oxides-emissions#tab-chart_1
(30) EEA, Viżwalizzazzjoni tad-data tat-18 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sector share of nitrogen oxides emissions" (Is-sehem tas-settur tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu): https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/daviz/sector-share-of-nitrogen-oxides-emissions#tab-chart_1
(31) EEA, Rapport tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Mercury in Europe's environment. A priority for European and global action" (Il-merkurju fl-ambjent tal-Ewropa. Prijorità għal azzjoni Ewropea u globali).
(32) Campling, P. et al., Specific evaluation of emissions from shipping including assessment for the establishment of possible new emission control areas in European Seas (Evalwazzjoni speċifika tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu inkluża valutazzjoni għall-istabbiliment ta' żoni ġodda possibbli ta' kontroll tal-emissjonijiet fl-Ibħra Ewropej), Flemish Institute for Technological Research NV, Mol, 2013.
(33) Cofala, J. et al. The potential for cost-effective air emission reductions from international shipping through designation of further Emission Control Areas in EU waters with focus on the Mediterranean Sea" (Il-potenzjal ta' tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet fl-arja mit-trasport marittimu internazzjonali permezz tad-deżinjazzjoni ulterjuri ta' Żoni ta' Kontroll tal-Emissjonijiet fl-ilmijiet tal-UE b'enfasi għall-Baħar Mediterran), International Institute for Applied Systems Analysis, Laxenburg, 2018
(34) SWD(2019)427.
(35) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(36) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).
(37) Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).
(38) Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13).
(39) Brandt, J., Silver, J. D., u Frohn, L. M., Assessment of Health-Cost Externalities of Air Pollution at the National Level using the EVA Model System (Valutazzjoni tal-esternalitajiet tal-kosti tas-saħħa li ġejjin mit-tniġġis tal-arja fil-livell nazzjonali bl-użu tas-sistema tal-mudell tal-EVA), Rapport Xjentifiku Nru 3 tas-CEEH, 2011.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza