Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0017/2021

Testi mressqa :

A9-0017/2021

Dibattiti :

PV 24/03/2021 - 25
CRE 24/03/2021 - 25

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 10
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0108

Testi adottati
PDF 275kWORD 87k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Strateġija ġdida UE-Afrika
P9_TA(2021)0108A9-0017/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv (2020/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25, is-26 u s-27 ta' Settembru 2015 u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 intitolat "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", kif ukoll is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tal-2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp intitolat "Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna", iffirmat fis-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tal-2015 (il-“Ftehim ta’ Pariġi”),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana (UA) adottata fil-31 ta' Jannar 2015 fl-24 Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana li saret f'Addis Ababa,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, adottata f'Lisbona fid-9 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Abidjan, l-eżitu tar-raba' Summit taż-Żgħażagħ bejn l-Afrika u l-Ewropa, adottata fil-11 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, li sar f'Abidjan fid-29 u t-30 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 bit-titlu "Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss" (COM(2018)0643),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-erba' task forces dwar l-ekonomija diġitali, l-enerġija, it-trasport u l-agrikoltura stabbiliti fil-kuntest tal-alleanza ġdida,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-għaxar laqgħa tal-Kulleġġi tal-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana tas-27 ta' Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tad-9 ta' Marzu 2020 intitolata "Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett, tat-30 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Protokoll ta' Maputo,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għall-2010–2020 u l-Aġenda Ewropea msaħħa dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità għall-2020–2030,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Afrikana għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Nisa għall-perjodu 2018–2028, adottata f'Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP II – "L-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nibdlu l-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016–2020"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali (CFTA) tal-Afrika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU , intitolat "The State of the World's Biodiversity for Food and Agriculture" (L-istat tal-Bijodiversità tad-Dinja għall-Ikel u l-Agrikoltura), u dak tal-2016 bit-titolu "The State of the World's Forests" (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015–2030, adottat min-NU fit-18 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li ġejjin: "Global Warming of 1.5°C" (It-Tisħin Globali ta' 1.5 °C), "Climate Change and Land" (It-Tibdil fil-Klima u l-Art), u "the Ocean and Cryosphere in a Changing Climate" (L-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, ippubblikata fl-20 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tipproklama l-perjodu bejn l-2019 u l-2028 bħala d-Deċennju tal-Biedja Familjari,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Digital4Development: mainstreaming digital technologies and services into EU Development Policy" ("Digital4Development: l-integrazzjoni tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali fil-Politika tal-UE għall-Iżvilupp") (SWD(2017)0157),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati tan-NU, adottat fis-17 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, adottat min-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza ta' Persuni Spostati Internament fl-Afrika (il-Konvenzjoni ta' Kampala),

–  wara li kkunsidra d-Deċennju Internazzjonali għall-Persuni ta' Nisel Afrikan (2015–2024) ipproklamat min-NU, u b'mod partikolari l-pilastru intitolat "Rikonoxximent",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 dwar ir-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp (COM(2013)0280),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2019 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew dwar il-miri tal-UE ta' għajnuna għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar "l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar "Diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp: tnaqqis tal-faqar permezz tat-teknoloġija"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (pajjiżi AKP), b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Ottubru 2016(6), l-14 ta' Ġunju 2018(7) u t-28 ta' Novembru 2019(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0017/2021),

A.  billi s-Summit UE-UA li jmiss għandu jagħti spinta ġdida lis-sħubija u joħloq strateġija komuni b'azzjoni konkreta fir-rigward tal-isfidi u l-opportunitajiet komuni tagħna bi qbil mal-impenji internazzjonali li saru taħt l-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi;

B.  billi huwa kruċjali li l-pajjiżi jinvestu aktar fil-ġbir sistematiku ta' data diżaggregata preċiża u komparabbli, sabiex isiru jafu fejn u liema intersezzjonalitajiet jeżistu, biex jiddeterminaw kif għandhom jiġu indirizzati, u biex janalizzaw jekk ir-riżultati tal-azzjonijiet meħuda taħt din l-istrateġija humiex qed ikollhom impatt pożittiv fuq kulħadd, inklużi dawk li l-aktar baqgħu lura; billi, f'konformità mal-mira 17.18 tal-SDG, id-data għandha tiġi diżaggregata skont l-introjtu, il-ġeneru, l-età, ir-razza, l-etniċità, l-istatus migratorju, id-diżabilità u l-post ġeografiku;

C.  billi l-interessi u l-prijoritajiet tal-Afrika, espressi b'mod partikolari fil-kuntest tal-Aġenda 2063, iridu jkollhom rwol ċentrali fil-bini mill-ġdid tar-relazzjoni tagħna;

D.  billi l-Afrika tospita l-aktar popolazzjoni żagħżugħa fid-dinja u xi wħud mill-aktar stati fraġli tad-dinja; billi kull xahar madwar miljun Afrikan jidħlu fis-suq tax-xogħol;

E.  billi l-valur miżjud li ġġib magħha l-UE għas-sħubija tagħha mal-Afrika se jiddependi fuq il-kapaċità tal-UE li tgħaqqad id-djalogu interkontinentali ma' approċċ sensittiv għall-kuntest li jqis il-varjetà ta' speċifiċitajiet lokali u reġjonali, is-sensibilitajiet tal-pajjiżi sħab u l-istrutturi soċjali eżistenti, kif ukoll ix-xewqa tagħha li tibni viżjoni fit-tul mal-Afrika bbażata fuq valuri kondiviżi, interessi reċiproċi u impenn ġdid għall-multilateraliżmu;

F.  billi l-aċċess għal xogħol u kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti fil-livell lokali huma essenzjali biex tittaffa x-xejra lejn il-migrazzjoni;

G.  billi fl-2018, il-materja prima kienet tammonta għal 49 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE mill-Afrika; billi s-settur tal-estrazzjoni huwa l-aktar mutur importanti tal-investiment dirett barrani fl-Afrika;

H.  billi s-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba huma prerekwiżiti għat-tkabbir ekonomiku u l-investiment; billi t-tkabbir ekonomiku u l-investiment iridu jkunu sostenibbli u jridu jimxu id f'id ma' miżuri biex tiġi miġġielda l-inugwaljanza permezz ta' politiki ridistributtivi, it-tisħiħ tal-kapital uman, l-ekwità, il-parteċipazzjoni politika, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

I.  billi l-paċi u s-sigurtà huma prekundizzjonijiet essenzjali għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli fit-tul u għat-trawwim tal-istabbilizzazzjoni u ta' istituzzjonijiet b'saħħithom fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u huma meħtieġa għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u t-twettiq tal-SDGs;

J.  billi l-bini tal-istat huwa prijorità fi stati Afrikani politikament fraġli u amministrattivament dgħajfa, li jimplika l-bini tal-kapaċità fiskali tagħhom;

K.  billi 94 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin qatt ma ġew irreġistrati fl-Afrika sub-Saħarjana, 51 miljun fl-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar u 43 miljun fl-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali; billi d-dritt li wieħed ikun rikonoxxut bħala persuna quddiem il-liġi huwa pass kritiku biex tiġi żgurata l-protezzjoni tul il-ħajja u huwa prerekwiżit għall-eżerċizzju tad-drittijiet l-oħra kollha; billi ċertifikat tat-twelid huwa prova tal-identità legali ta' persuna, li jipprevjeni r-riskju ta' apolidija u jippermetti lid-detentur ifittex protezzjoni mill-vjolenza u l-isfruttament;

L.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun prijorità għas-sħubija futura UE-Afrika u għalhekk trid tiġi integrata fl-istrateġija UE-Afrika kollha; billi n-nisa u ż-żgħażagħ spiss jiffaċċjaw ostakli biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, kif rifless fil-piż akbar tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, l-infezzjoni tal-HIV, it-tqala mhux intenzjonata, it-tluq bikri mill-iskola, u l-aċċess limitat għall-finanzi u l-intraprenditorija;

M.  billi fl-Afrika, 390 miljun ruħ bħalissa qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar fl-isfond ta' nuqqas ta' inklużività li tistimula l-inugwaljanzi; billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-vulnerabbiltà tal-Afrika fir-rigward tad-diversifikazzjoni ekonomika fqira, il-livelli baxxi ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, il-flussi finanzjarji illeċiti, id-dipendenza kbira fuq l-esportazzjoni tal-materja prima u l-prezzijiet volatili tal-prodotti bażiċi; billi l-kriżi ekonomika l-ġdida li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19 x'aktarx li żżid l-inugwaljanza u l-faqar, bil-konsegwenzi indiretti tagħha li diġà qed ikollhom impatt qawwi, b'mod partikolari f'termini ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, telf ta' introjtu, telf ta' rimessi u għajxien, u kriżi tad-dejn imminenti;

N.  billi l-COVID-19 xeħtet dawl fuq il-lakuni fis-sistemi tas-saħħa u tal-ikel u fuq il-ħtieġa urġenti li jinbnew sistemi tas-saħħa u tal-ikel iffukati fuq il-persuni, universali u reżiljenti bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi kriżijiet bħal dawn jistgħu jimmultiplikaw fid-deċennji li ġejjin bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; billi l-pandemija thedded li twaqqaf jew saħansitra treġġa' lura l-progress fuq tliet epidemiji ewlenin eżistenti, jiġifieri l-HIV, it-tuberkulożi u l-malarja, li jeħtieġu l-adozzjoni ta' approċċi integrati innovattivi, filwaqt li jinvolvu lill-komunitajiet affettwati u jagħtu s-setgħa lis-soċjetà ċivili, biex jilħqu lil dawk li jeħtieġu servizzi li jsalvaw il-ħajja;

O.  billi l-kuntatti bejn iż-żewġ kontinenti għandhom jitħeġġu fil-livelli kollha u bejn is-setturi kollha tas-soċjetà;

P.  billi l-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA kklassifika t-tibdil fil-klima bħala theddida kbira għas-sigurtà fl-2019;

Q.  billi l-kontinent Afrikan huwa affettwat b'mod partikolari mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u mid-diversi sorsi tat-tniġġis atmosferiku, tal-ħamrija u tal-ilma; billi l-Afrika teħtieġ investimenti fl-adattament għall-kriżijiet klimatiċi, filwaqt li l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Marzu 2020 tiffoka fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; billi Alleanza għall-Klima Afrika-Ewropa li tirnexxi tista' ssir forza mexxejja ġdida fid-diplomazija globali dwar il-klima;

R.  billi fl-20 ta' Diċembru 2017, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni li permezz tagħha ddikjarat id-Deċennju tal-Biedja Familjari bejn l-2019 u l-2028;

S.  billi l-Afrika sub-Saħarjana għandha l-aktar rati baxxi ta' aċċess għall-enerġija fid-dinja; billi l-elettriku jilħaq biss madwar nofs in-nies tagħha, filwaqt li terz biss għandhom aċċess għal tisjir nadif; billi madwar 600 miljun persuna m'għandhomx elettriku u 890 miljun isajru bi fjuwils tradizzjonali;

T.  billi l-finanzjament privat huwa wkoll kruċjali biex jitwasslu għażliet deċentralizzati ta' enerġija rinnovabbli; billi l-investiment privat, l-enerġija rinnovabbli deċentralizzata u mudelli ta' negozju ta' finanzjament għall-konsumatur imfassla apposta (eż. permezz ta' flus pay-as-you-go u mobbli) għandhom il-potenzjal li jġibu aċċess għall-enerġija għal partijiet kbar tal-Afrika, u b'mod partikolari għall-Afrika sub-Saħarjana, fejn ir-rati ta' aċċess għall-enerġija huma l-aktar baxxi fid-dinja;

U.  billi s-salvagwardja, il-preservazzjoni u l-apprezzament tal-wirt kulturali u s-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jistimulaw l-impjiegi, jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ u lin-nisa, u jikkontribwixxu għal soċjetà reżiljenti u tolleranti li tirrispetta d-differenzi kulturali u tnaqqas l-inugwaljanzi billi tibni pontijiet bejn komunitajiet differenti;

Lejn strateġija riveduta mal-Afrika

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Marzu 2020 u jaraha bħala pass lejn sħubija verament ġeopolitika; jissottolinja li l-Ewropa u l-Afrika jinsabu fi prossimità ġeografika mill-qrib u għandhom rabtiet qawwija, storiċi, kulturali u soċjoekonomiċi, li qed jissaħħu biż-żieda fl-isfidi komuni u l-interessi strateġiċi tagħhom; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkostitwixxu l-akbar sieħeb tal-Afrika fuq kollox f'termini ta' kummerċ, investiment, għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), assistenza umanitarja u sigurtà;

2.  Ifakkar li l-Afrika fiha aktar minn biljun ruħ u li aktar minn nofs it-tkabbir tal-popolazzjoni tad-dinja sal-2050 huwa previst li jseħħ fl-Afrika, filwaqt li 6 mill-10 ekonomiji li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla fid-dinja huma Afrikani; jenfasizza li r-relazzjonijiet tal-UE mal-Afrika huma tal-akbar importanza għall-futur taż-żewġ kontinenti tagħna u li l-prosperità taż-żewġ kontinenti hija marbuta mill-qrib; jissottolinja li l-iżvilupp tal-bniedem, il-kisba tal-SDGs u l-qerda tal-faqar iridu jibqgħu l-qalba tar-relazzjonijiet UE-Afrika;

3.  Itenni l-appelli tiegħu għal sħubija ġenwina "bejn il-kontinenti" bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana; jenfasizza li s-Summit UE-UA li jmiss li se jsir fl-2021 għandu jwitti t-triq għal sħubija strateġika, ta' benefiċċju għal kulħadd u orjentata lejn ir-riżultati li tirrifletti l-interessi taż-żewġ naħat u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ kontinenti;

4.  Jappella biex tinbena sħubija reali bejn partijiet ugwali abbażi tal-liġi internazzjonali u l-konvenzjonijiet, il-ftehimiet u l-istandards internazzjonali, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat imorru lil hinn mir-relazzjoni donatur-benefiċjarju; jenfasizza l-importanza li jkun hemm kollegament mas-sħab Afrikani tagħna, inkluża s-soċjetà ċivili Afrikana u d-dijaspora Afrikana, u li jiġi definit b'mod ċar il-pjan direzzjonali għas-sħubija u r-responsabbiltajiet ta' kull naħa abbażi ta' evalwazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet konġunti preċedenti;

5.  Jinnota li l-potenzjal tal-Afrika jattira interess akbar minn ħafna atturi fix-xena dinjija u jesprimi tħassib li, f'ħafna żoni, l-Afrika saret arena ġdida ta' kompetizzjoni kbira għall-poter; jisħaq fuq il-fatt li l-UE hija minn tal-ewwel li tgħin lill-kontinent Afrikan, filwaqt li l-politiki distruttivi użati minn atturi oħra jwasslu għad-detriment tan-nazzjonijiet Afrikani, li għandhom ukoll riperkussjonijiet negattivi fuq l-UE; jissottolinja li l-UE fil-qalba tagħha, fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħha ma' pajjiżi terzi, hija motivata mill-avvanz tad-drittijiet fundamentali, mill-għoti ta' appoġġ lill-istituzzjonijiet demokratiċi u mis-sostenn tar-responsabbiltà demokratika; jemmen li pajjiżi terzi, bħaċ-Ċina, qed ifittxu li jiksbu objettivi oħra li, xi drabi, huma ta' tħassib għalina; jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tagħna huwa li nsaħħu r-reżiljenza u l-indipendenza tas-sħab Afrikani tagħna; jesprimi d-dispjaċir tiegħu, għalhekk, li l-azzjonijiet ta' atturi oħra, speċjalment iċ-Ċina u r-Russja, qed javvanzaw l-interessi ġeopolitiċi tagħhom u huma ffukati fuq l-unilateraliżmu li qed jikber, u jisħaq li l-benefiċċji proprji tagħhom huma askapitu tas-sovranità tal-pajjiżi Afrikani u s-sigurtà Ewropea; jistieden lill-UE tikkoordina ma' kull pajjiż li huwa verament interessat fi żvilupp fit-tul prosperuż u pożittiv tal-kontinent Afrikan, abbażi tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà u r-responsabbiltà tal-midja, il-governanza trasparenti u reattiva u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li huma elementi vitali biex jiġi żgurat ambjent politiku, soċjali u ekonomiku stabbli u inklużiv fl-Afrika; jistieden lill-UE tiżviluppa rispons strateġiku u fit-tul għall-Inizjattiva Ċiniża "Belt and Road", li għandha tkun iggwidata mill-valuri komuni tagħna kif ukoll mill-prijoritajiet u l-ħtiġijiet espressi mill-ġirien Afrikani tagħna; jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jsiru sors ta' stabbiltà u affidabbiltà fir-reġjun; jemmen li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jkollha rwol ġeopolitiku akbar fl-Afrika u tistabbilixxi relazzjonijiet li huma ta' ġid għal kulħadd;

6.  Huwa tal-fehma li r-rwol tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq għandu jissaħħaħ fi ħdan is-sħubija u l-kooperazzjoni trilaterali promossi sabiex tingħata spinta ġdida lill-kooperazzjoni Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar u tittejjeb il-koerenza tal-approċċ kontinentali;

7.  Jitlob li din is-sħubija tirrifletti l-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiżi Afrikani li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19; jappoġġa r-rispons tal-UE għall-kriżi permezz tal-approċċ "Tim Ewropa" u jarah bħala sinjal ewlieni u reali ta' solidarjetà globali u ta' valuri Ewropej;

8.  Jenfasizza li l-impatti detrimentali tal-kriżi tal-coronavirus iridu jġiegħlu liż-żewġ kontinenti jimpenjaw ruħhom għal sħubija li tqis bis-sħiħ il-konsegwenzi tagħha u twitti t-triq għal irkupru sostenibbli u inklużiv iffukat fuq l-iżvilupp tal-bniedem, b'mod partikolari fuq l-edukazzjoni u fuq sistemi tas-saħħa aktar b'saħħithom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrispondu għal pandemiji emerġenti ġodda u jaċċelleraw ir-rispons għal dawk eżistenti, kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fuq it-tkabbir sostenibbli, fuq tranżizzjonijiet aktar rapidi, inklużi tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u fuq governanza tajba;

9.  Jenfasizza l-impenn tal-komunità internazzjonali għall-kisba tas-sbatax-il SDG filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-Aġenda 2030; iqis li s-sħubija Afrika-UE se tiddetermina b'mod deċiżiv jekk dak l-impenn jintlaħaqx u għandhiex tkun ibbażata fuq approċċ strateġiku u trasversali li jinkorpora l-SDGs kollha u jirrikonoxxi l-interkonnessjonijiet tagħhom;

10.  Ifakkar li flimkien l-UA u l-UE jirrappreżentaw piż politiku ta' 81 pajjiż u jenfasizza l-importanza tas-sħubija fi ħdan is-sistema multilaterali; jistieden liż-żewġ partijiet isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'fora multilaterali u jitlob koordinazzjoni mill-qrib, inklużiva u sistematika qabel kwalunkwe avveniment kbir relatat mal-governanza globali;

11.  Ifakkar fir-rwol importanti li għandhom l-Unjoni Afrikana u l-istati Afrikani f'organizzazzjonijiet multilaterali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, fejn l-istati Afrikani jammontaw għal 28 % tas-sħubija; jissottolinja li l-objettiv tal-UE li ssaħħaħ l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u s-sistema multilaterali jinvolvi l-promozzjoni ta' aktar ġustizzja u rappreżentanza ugwali għall-Afrika fil-korpi ta' governanza globali; jistieden, b'mod partikolari, lill-UE tappoġġa t-talba tal-Afrika biex tespandi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex tinkludi rappreżentanza permanenti għall-kontinent;

12.  Jenfasizza li l-influwenza tal-UE ġejja mir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha kemm fl-Oċean Atlantiku kif ukoll fl-Oċean Indjan, u li r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha huma storikament, ekonomikament u kulturalment marbuta ma' diversi pajjiżi Afrikani; jappella għal integrazzjoni aħjar tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ambjent reġjonali tagħhom, flimkien ma' kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi Afrikani dwar kwistjonijiet komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambjent u l-migrazzjoni;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Istrateġija Konġunta Afrika-UE u li jiġi żgurat li l-istrateġija konġunta l-ġdida tkun kompletament konsistenti ma' u komplementari għall-"pilastru Afrikan" tal-Ftehim futur ta' wara Cotonou u politiki eżistenti oħra tal-UE sabiex tinkiseb aktar koerenza fil-politika tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sħubija bejn il-kontinenti tiġi implimentata f'koerenza mal-kuntesti lokali, nazzjonali u reġjonali u l-ħtiġijiet speċifiċi;

14.  Huwa tal-fehma li sħubija olistika bejn il-kontinenti għandha tippermetti wkoll aktar reġjonalizzazzjoni; itenni l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-integrazzjoni reġjonali (f'kuntest li fih il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista globali) u l-organizzazzjonijiet reġjonali fl-Afrika; jappoġġa l-fehma li l-UE jeħtiġilha żżomm approċċi flessibbli minn pajjiż għal pajjiż u fil-livell sottoreġjonali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tagħha u l-appoġġ skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż fil-ħames reġjuni tal-Afrika; jitlob li jkun hemm aġġornament tad-diversi politiki reġjonali tal-UE lejn is-sottoreġjuni Afrikani; jiddispjaċih għall-fatt li 25 sena mill-bidu tal-Proċess ta' Barċellona, il-ħolqien ta' żona ta' prosperità kondiviża, stabbiltà u libertà mal-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar għad fadallu biex jitlesta;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-UA f'termini tal-integrazzjoni tal-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tingħata spinta lill-kummerċ intra-Afrikan; jissottolinja li din l-integrazzjoni għandha tkun definita b'mod ċar u bbażata fuq il-ħtiġijiet tas-soċjetajiet Afrikani; ifakkar li sħubija b'saħħitha mhux biss teħtieġ UE b'saħħitha iżda wkoll Unjoni Afrikana b'saħħitha; jitlob lill-UE tappoġġa l-isforzi ta' integrazzjoni fil-livell reġjonali u kontinentali, kif ukoll l-istituzzjonalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-Unjoni Afrikana billi tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-finanzjament estern u ttejjeb l-istruttura ta' governanza tagħha, u permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u assistenza teknika u finanzjarja; jilqa' l-proposta għal Programm Pan-Afrikan fil-kuntest tal-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li għandu l-għan li jindirizza l-isfidi tal-kontinent Afrikan kollu kemm hu;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-indikazzjoni li saret mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li tixtieq li r-relazzjonijiet mal-Afrika jkunu l-punt fokali tal-mandat tagħha; jilqa' l-vjaġġi reċenti lejn Addis Ababa mill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li jissaħħu u jsiru aktar regolari dawn il-kuntatti fl-ogħla livell politiku; huwa tal-fehma li taħdidiet konġunti regolari mill-mexxejja tal-Unjoni Afrikana u tal-Unjoni Ewropea jtejbu l-viżibilità u s-sensibilizzazzjoni pubblika tas-sħubija tagħna fil-midja nazzjonali rispettiva tagħna u juru l-importanza mogħtija lilha fl-aġendi politiċi taż-żewġ kontinenti; iqis li dawn l-indirizzi għandhom jippermettu feedback dwar l-implimentazzjoni tas-sħubija, l-inklużjoni tal-partijiet interessati fil-proċess, il-progress lejn l-SDGs u diskussjoni tal-kwistjonijiet ewlenin komuni għaż-żewġ kontinenti;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili Afrikana u Ewropea, inklużi l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, is-settur privat, id-dijaspora, il-membri parlamentari taż-żewġ reġjuni, iż-żgħażagħ, il-minoranzi u l-komunitajiet reliġjużi, jiġu involuti fid-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta' strateġiji ġodda u eżistenti sabiex tinħoloq sħubija ffukata fuq il-persuni li tinkludi lil u tkun aċċessibbli għal kulħadd;

18.  Jissottolinja li l-isforzi tal-UE biex tinvolvi lis-soċjetà ċivili għandhom isiru b'mod trasparenti, billi joffru opportunitajiet, riżorsi finanzjarji u qafas meħtieġa biex jippermettu l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, inklużi l-atturi lokali u territorjali; jenfasizza li biex tinħoloq sħubija ffukata fuq in-nies, mhuwiex biss tali involviment tas-soċjetà ċivili li huwa kruċjali, iżda wkoll l-impenn tal-UE li tiġġieled kull forma ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata, fi ħdan il-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom;

19.  Jappella għall-monitoraġġ sistematiku, trasparenti u bbażat fuq l-evidenza mill-partijiet interessati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet Ewropej u Afrikani, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali, tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u għall-konformità mal-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

20.  Jindika l-importanza tad-diplomazija parlamentari u jqis li l-assemblej parlamentari bħall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u l-Parlament Pan-Afrikan għandhom rwol fundamentali fit-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika; jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni effikaċi tas-sħubija; ifakkar fil-bosta laqgħat u missjonijiet parlamentari mmexxija mill-Parlament, u jitlob għat-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet UE-UA permezz ta' missjonijiet regolari biex il-kumitati ewlenin tal-Parlament ikunu jistgħu jiltaqgħu u jiskambjaw mal-kontropartijiet Afrikani tagħhom;

21.  Jemmen li r-rwol tad-dijaspori huwa fundamentali fil-bini ta' pontijiet u fil-promozzjoni ta' fehim reċiproku bejn iż-żewġ kontinenti permezz tat-trasferiment tal-għarfien, l-investiment u r-rimessi u li l-UE għandha tippermetti l-involviment tad-dijaspora fit-tfassil tal-politika billi trawwem strutturi li jiżguraw l-involviment tal-gruppi tad-dijaspora fl-affarijiet soċjali u politiċi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-aħjar taħdem mad-dijaspora bħala parti mill-istrateġija komprensiva mal-Afrika, inkluż billi tapprofitta mis-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament interni u esterni meta tindirizza sfidi komuni;

22.  Ifakkar li r-rimessi tad-dijaspora huma essenzjali għall-ekonomiji lokali; iwissi li, skont il-Bank Dinji, il-flussi ta' rimessi lejn l-Afrika huma mistennija li jonqsu b'madwar 20 % fl-2020 bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati fejn huma sors vitali ta' introjtu għall-familji foqra; jitlob, għalhekk, li l-UE u l-pajjiżi Afrikani jaħdmu biex inaqqsu l-ispejjeż tar-rimessi għal inqas minn 3 % sal-2030 f'konformità mal-mira 10.c tal-SDG;

23.  Ifakkar li s-suċċess tas-sħubija se jiddependi mill-pakketti finanzjarji allokati lilha; jitlob sforz kbir ta' appoġġ għall-Afrika taħt l-NDICI futur, filwaqt li jindika li l-UE għadha l-akbar donatur għall-Afrika; jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri naqsu milli jilħqu l-mira li jiddedikaw 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom lill-ODA u li xi wħud saħansitra naqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp;

24.  Jenfasizza li biex ir-relazzjonijiet UE-Afrika jitbiegħdu minn dinamika ta' donatur-riċevitur u biex il-pajjiżi Afrikani jingħataw is-setgħa li jwettqu l-iżvilupp sostenibbli, il-qafas ta' sħubija mġedded irid jipprevedi azzjonijiet konkreti biex jappoġġa ż-żieda fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi Afrikani, bħall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżvilupp ta' sistemi tat-taxxa ġusti u effettivi, u l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

25.  Jitlob li jkun hemm aktar riżorsi disponibbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-baġit tal-UE, iffinanzjati minn riżorsi proprji ġodda, inkluża taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

26.  Ifakkar li skont il-prinċipji tas-sjieda nazzjonali, il-politiki u l-programmi ta' żvilupp jistgħu jirnexxu biss jekk jitmexxew mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jekk ikunu mfassla għas-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż; jenfasizza l-bżonn, f'dan ir-rigward, ta' kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet lokali biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet u l-vulnerabbiltajiet tan-nies jiġu indirizzati;

27.  Jitlob l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ, kif ukoll trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ tal-finanzjamenti tal-UE;

28.  Iħeġġeġ il-fatt li l-għajnuna tal-UE m'għandhiex ittawwal il-kunflitti jew tiffaċilita l-imġiba predatorja tar-reġimi awtokratiċi, li huma l-kawża ta' ħafna mill-problemi soċjoekonomiċi u l-kunflitti politiċi tal-Afrika; jenfasizza li l-insegwiment tal-interessi komuni u l-kooperazzjoni jrid ikun konsistenti mad-dritt internazzjonali, mal-valuri fundamentali tal-UE u mal-objettivi ta' appoġġ għad-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem;

29.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jkunu attur aktar koerenti u unifikat fir-relazzjonijiet tagħhom mal-kontinent Afrikan u b'mod obbligatorju jikkoordinaw il-politiki tagħhom, filwaqt li jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq il-ħolqien ta' oqfsa għal opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi;

30.  Huwa tal-fehma li s-sħubija għandha tinvolvi s-27 pajjiż tal-UE u l-55 pajjiż tal-UA; jitlob l-involviment sħiħ tal-Istati Membri kollha tal-UE sabiex tiżdied il-viżibilità u jiġi promoss il-valur tas-sħubija fost l-Ewropej u l-pajjiżi sħab, biex b'hekk tkun tista' ssir komunikazzjoni aħjar tal-azzjonijiet u l-ambizzjonijiet konġunti;

Sħab għall-iżvilupp uman u ekonomiku

31.  Jitlob li l-iżvilupp tal-bniedem jitqiegħed fil-qalba tal-istrateġija biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura, bi prijorità mogħtija lill-indirizzar tal-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, u l-iżgurar tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, b'attenzjoni partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar emarġinati u vulnerabbli; jenfasizza li għandha tingħata prijorità wkoll lill-aċċess għal servizzi soċjali bażiċi bħall-ikel, l-ilma u s-sanità, għal sistemi tas-saħħa ta' kwalità, għal edukazzjoni ta' kwalità, għall-protezzjoni soċjali u għall-preservazzjoni ambjentali;

32.  Iqis li huwa fundamentali li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, jissaħħu d-drittijiet soċjali, jittejbu d-djalogi soċjali u tax-xogħol, jinqerdu t-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, u jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

33.  Jissottolinja bil-qawwa l-importanza tar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-istat, l-awtoritajiet u l-infrastruttura li jiffunzjonaw, u jemmen li n-nuqqas tagħhom jista' jkun ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp, il-progress u l-paċi; jissottolinja li s-sigurtà, l-istabbiltà u fl-aħħar mill-aħħar il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli se jinkisbu biss fir-reġjuni kkonċernati jekk tiġi segwita strateġija komprensiva; jenfasizza l-importanza tar-riformi demokratiċi, il-governanza tajba u l-bini tal-istat għall-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-appoġġ għall-aċċess għall-ġustizzja jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kisba tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fiż-żewġ kontinenti;

34.  Jenfasizza li, filwaqt li għadd ta' pajjiżi għadhom qed jitħabtu mal-korruzzjoni u man-nuqqas ta' governanza tajba u mal-libertajiet soċjali u politiċi, ħafna pajjiżi bdew it-tranżizzjoni lejn riforma u demokrazija; ifakkar li l-pajjiżi fi tranżizzjoni huma partikolarment vulnerabbli u għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq l-UE meta jitolbu appoġġ; jitlob, għalhekk, li jingħataw appoġġ u assistenza kkoordinati tajjeb lil dawk il-pajjiżi fil-bini ta' stati u soċjetajiet aktar reżiljenti sabiex jinżammu u jiġu appoġġati l-aspirazzjonijiet għal bidla pożittiva espressi mill-popli tagħhom; jissuġġerixxi li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jistabbilixxi gruppi ta' kuntatt ad hoc speċjali biex jissimplifikaw u jiffaċilitaw l-appoġġ għall-UE kollha għal pajjiżi individwali fi tranżizzjoni; huwa tal-fehma li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu promossi sistemi politiċi inklużivi b'diversi partiti u governanza demokratika u responsabbli fl-Afrika, speċjalment fi stati fraġli, billi jiġu ffaċilitati l-gruppi ta' ħidma bejn iċ-ċittadini u l-gvern u s-sorveljanza parlamentari – inkluż permezz tal-użu ta' pjattaformi teknoloġiċi – biex jinġabar il-kontribut taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta' politika u biex jiġu promossi l-aħjar prattiki permezz ta' skambji bejn il-pari, sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-gvern u r-rispons tiegħu, li huwa fundamentali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, jiġu indirizzati l-isfidi globali u jitnaqqas ir-riskju taż-żieda tal-instabbiltà;

35.  Jissottolinja l-importanza li jingħata appoġġ għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u kompetittivi u favur proċessi elettorali kredibbli; jappoġġa l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-UA dwar il-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali u l-assistenza fit-titjib tal-kapaċità tal-UA fit-twettiq ta' osservazzjoni elettorali fit-tul, li tagħmilhom konformi mal-istandards internazzjonali, u l-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi rispettivi u s-soċjetajiet ċivili tagħhom, fi sforz biex jitwettqu elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u kredibbli fl-Afrika; jindika, għalhekk, l-għadd kbir ta' missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali (MOE) immexxija mill-UE, li għandhom l-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-UE, lill-NGOs Ewropej, lill-partiti politiċi u lis-soċjetà ċivili jikkooperaw mill-qrib mal-kontropartijiet Afrikani, inklużi uffiċjali pubbliċi, biex jiġġeneraw djalogu politiku sostantiv permezz tal-iżvilupp ta' politiki bbażati fuq kwistjonijiet, jippromwovu prattiki b'saħħithom ta' governanza demokratika, isaħħu r-rappreżentanza u l-inklużjoni ta' popolazzjonijiet emarġinati, u jippromwovu parteċipazzjoni sinifikanti mis-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini fil-ħajja pubblika fil-livelli kollha;

36.  Japprezza l-isforzi li saru biex jissaħħu l-mekkaniżmi u r-regolamenti ta' sjieda Afrikana dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokolli tagħha, il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli; japprezza l-fatt li tali mekkaniżmi u regolamenti jkomplu jassistu lis-sħab Afrikani biex jadattaw l-istrumenti u l-mekkaniżmi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-prinċipji, il-liġijiet u l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment;

37.  Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tiġi indirizzata l-impunità u biex jiġu difiżi l-valuri tal-paċi, is-sigurtà, l-ugwaljanza, il-korrettezza, il-ġustizzja u l-kumpens; jistieden lill-UE u lill-Istati Afrikani jkomplu jappoġġaw l-Istatut ta' Ruma u l-QKI; jistieden lill-istati Afrikani kollha li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma biex jagħmlu dan;

38.  Jenfasizza l-importanza li l-aħjar interessi tat-tfal isiru kunsiderazzjoni primarja u li jiġi promoss id-dritt għal tfulija paċifika u għall-benessri għat-tfal kollha; jitlob li tingħata attenzjoni urġenti lill-kundizzjonijiet diffiċli u marġinalizzati tat-tfal, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana u f'għadd ta' żoni oħra ta' kunflitt jew faqar estrem, li ħafna drabi jiġu mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom, bħall-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa bażika u, b'mod aktar ġenerali, id-dritt għal tfulija; jappella, għalhekk, biex il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tiġi implimentata b'mod sħiħ;

39.  Jirrimarka li l-popolazzjoni Afrikana rduppjat f'dawn l-aħħar 30 sena u li dan it-tkabbir demografiku qawwi huwa mistenni li jkompli fid-deċennji li ġejjin; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li tiġi żviluppata strateġija konġunta bejn l-UA u l-UE li tqiegħed lit-tfal u liż-żgħażagħ fil-qalba tas-sħubija u li tqis il-konklużjonijiet tas-Summit taż-Żgħażagħ tal-2017;

40.  Jenfasizza li l-aħjar mod biex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa huwa li jiżviluppaw u jippromwovu opportunitajiet għalihom biex javvanzaw, b'mod partikolari permezz ta' opportunitajiet ta' impjieg u intraprenditorija, kif ukoll opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-proċessi demokratiċi u fit-teħid ta' deċiżjonijiet; huwa tal-fehma li din l-istrateġija għandha ssaħħaħ l-opportunitajiet għall-iskambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat b'mod partikolari, filwaqt li tagħti prijorità lis-17-il SDG fil-kuntest ta' kwalunkwe kuntatti u proġetti proposti;

41.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Unjoni Afrikana joħolqu opportunitajiet ta' internship għaż-żgħażagħ Ewropej fil-pajjiżi tal-Unjoni Afrikana u għaż-żgħażagħ Afrikani fl-Unjoni Ewropea sabiex iħarrġuhom fil-proċessi rispettivi ta' integrazzjoni;

42.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-aċċess universali għaż-żgħażagħ kollha, fid-diversità kollha tagħhom, inklużi l-bniet adolexxenti u l-bniet b'diżabilità, għal servizzi tas-saħħa adattati għaż-żgħażagħ, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u tal-HIV, li huma ekwi, aċċessibbli, affordabbli u bbażati fuq il-ħtiġijiet, inkluż f'kuntesti ta' kunflitt u umanitarji;

43.  Jindika li ċerti Stati Afrikani ma għandhomx reġistri tal-istat ċivili affidabbli, u b'hekk bosta ċittadini huma miċħuda mill-eżistenza legali u, għalhekk, mid-drittijiet ċivili tagħhom, minn aċċess għall-espressjoni demokratika u mid-dritt tal-vot; jindika li dan in-nuqqas iwassal għal nuqqas ta' affidabbiltà u rilevanza tal-istatistika demografika;

44.  Jenfasizza l-importanza li jsir investiment f'inizjattivi konkreti tal-UE mmirati lejn it-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali ta' reġistrazzjoni ċivili Afrikani, l-iżgurar li dawk is-servizzi jkunu aċċessibbli u kunfidenzjali, u l-appoġġ lill-gvernijiet Afrikani biex jinvestu f'soluzzjonijiet teknoloġiċi sikuri u innovattivi biex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tat-twelid f'konformità mal-mira 16.9 tal-SDG;

45.  Jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet għandhom jiġu prijoritizzati u integrati fid-dimensjonijiet kollha tas-sħubija; jistieden, għalhekk, lill-kontropartijiet tiegħu jippromwovu b'mod attiv ir-rwol u l-kontribut tan-nisa fl-ekonomija u s-soċjetà, filwaqt li jirrikonoxxu d-drittijiet ċivili u legali tagħhom, inkluż id-dritt li jkollhom proprjetà u d-dritt li jipparteċipaw f'setturi ekonomiċi u politiċi differenti; jilqa' ż-żieda fir-rappreżentanza politika tan-nisa f'ċerti nazzjonijiet Afrikani; josserva, madankollu, li n-nisa għadhom ftit li xejn rappreżentati f'għadd ta' pajjiżi fil-kontinent Afrikan; jisħaq fuq il-fatt li r-rispett u t-twettiq sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma s-sisien ta' soċjetà demokratika; iqis, għalhekk, li dawn id-drittijiet u l-objettivi fundamentali jridu jintlaħqu biex tinbena soċjetà tassew demokratika;

46.  Jappella biex il-GAP III li tnieda dan l-aħħar isaħħaħ l-isforzi, b'mod partikolari, biex itemm il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura sinerġiji bejn is-sħubija UE-Afrika u l-GAP III sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li s-sħubija UE-Afrika tqiegħed enfasi fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob pjan direzzjonali konġunt dwar l-objettivi li għandhom jintlaħqu fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa;

47.  Jenfasizza li l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità (CSE) b'mod partikolari hija kruċjali għat-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, għat-trasformazzjoni ta' normi dannużi tal-ġeneru, u għall-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru u domestika, kif ukoll għat-tqala mhux intenzjonata u l-infezzjoni tal-HIV;

48.  Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u r-rispett tagħhom huma komponent kruċjali tas-sħubija UE-Afrika; jinnota l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-fatt li l-konsegwenzi tal-kriżi tal-coronavirus llimitaw aktar l-aċċess għas-servizzi u l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, u żiedu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lis-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fis-sħubija l-ġdida UE-Afrika u timpenja ruħha għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq, u jiddeċiedi liberament u b'mod responsabbli fuq, kwistjonijiet relatati mas-sesswalità u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tiegħu, ħielsa mid-diskriminazzjoni, il-koerċizzjoni u l-vjolenza;

49.  Jinnota li l-persuni b'diżabilità għadhom il-vittmi ta' diversi forom ta' diskriminazzjoni; jitlob l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-Afrika fl-istrateġija kollha u fl-istrumenti finanzjarji kollha mobilizzati, u jitlob il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà u l-involviment sistematiku fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġiji mmirati lejn il-promozzjoni tal-inklużjoni tagħhom, b'mod partikolari f'termini ta' edukazzjoni, intraprenditorija u trasformazzjoni diġitali; huwa tal-fehma li dan jista' jinkiseb biss permezz tal-involviment sinifikanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità;

50.  Jinsab imħasseb dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni persistenti kontra persuni LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, u jitlob liż-żewġ kontinenti jżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom;

51.  Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs lokali, u l-libertà tal-espressjoni biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tad-demokraziji; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti u promossi r-rwoli u l-kontribuzzjonijiet multipli tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden liż-żewġ kontinenti jiggarantixxu qafas li jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fit-tfassil u l-evalwazzjoni tal-politika fid-diversi livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

52.  Jenfasizza r-rwol importanti ta' settur tal-midja u tal-istampa ħieles u vibranti u jfakkar li huwa kruċjali biex jiġi żgurat pubbliku infurmat tajjeb li jkun jista' jiddefinixxi l-prijoritajiet tiegħu stess u biex tiżdied ir-reżiljenza kontra l-aħbarijiet foloz; jinkoraġġixxi l-isforzi Afrikani kontinwi fil-qasam tal-libertà tal-midja u l-appoġġ għall-ġurnalisti u jissottolinja r-rwol importanti ta' stampa ħielsa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll mas-superviżjoni u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi;

53.  Ifakkar li s-saħħa hija kundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp tal-bniedem u li d-dritt għas-saħħa huwa dritt fundamentali; jissottolinja li n-natura multidimensjonali tas-saħħa għandha tiġi indirizzata bis-sħiħ; jenfasizza l-importanza ta' ambjent sikur għas-salvagwardja tas-saħħa tal-bniedem u li l-approċċ "Saħħa Waħda" għandu jiġi integrat fis-sħubija futura;

54.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinbena sħubija ġenwina fil-qasam tas-saħħa mmirata lejn it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa billi jissaħħaħ ir-rwol tal-komunitajiet; jissottolinja li l-bini tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi jrid ikun il-pedament għat-trawwim ta' aċċess universali għal kura tas-saħħa adegwata, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għal kulħadd billi jissaħħaħ l-għoti pubbliku tas-servizzi tas-saħħa;

55.  Jisħaq, barra minn hekk, li din is-sħubija għandha tiffoka fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tas-saħħa globali u fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Afrika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa, biex b'hekk tissaħħaħ b'mod konġunt il-kapaċità ta' produzzjoni lokali Afrikana u Ewropea għall-prodotti u t-tagħmir tas-saħħa u l-mediċini; iħeġġeġ lill-UE, għal dan il-għan, tappoġġa lill-pajjiżi Afrikani, b'mod partikolari lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, fl-implimentazzjoni effettiva tal-flessibbiltajiet għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika previsti fil-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS), bħal-liċenzjar obbligatorju u l-importazzjonijiet paralleli; iħeġġeġ in-networking bejn il-komunitajiet xjentifiċi Afrikani u Ewropej u l-iskambji ta' għarfien espert u esperjenza, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħeleb il-fenomenu tal-mediċini ffalsifikati;

56.  Jenfasizza li l-aċċess għall-ilma, is-sanità u s-servizzi tal-iġjene huwa prerekwiżit essenzjali għal kwalunkwe azzjoni mmirata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra t-trażmissjoni tal-mard u għandu jkun element essenzjali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-qasam tal-ġestjoni u l-governanza tal-ilma, il-bini tal-infrastruttura, u l-promozzjoni tal-iġjene u l-edukazzjoni; jitlob titjib immirat fl-aċċess għal dawn is-servizzi, b'mod partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli u dawk li jsofru diskriminazzjoni;

57.  Jissottolinja l-benefiċċji għas-saħħa li tiġi sostnuta l-immunizzazzjoni ta' rutina tat-tfal u jitlob li jkomplu jissaħħu l-programmi relatati mal-immunizzazzjoni; jenfasizza li l-kriżi tal-coronavirus aċċentwat il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għat-tilqim u t-trattament, u jistieden liż-żewġ kontinenti jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li kulħadd jibbenefika f'dan ir-rigward;

58.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li aktar u aktar kriżijiet interkonnessi, kemm jekk huma kriżijiet tas-saħħa, tal-ikel, tal-ambjent jew tas-sigurtà, qed ifeġġu u huma mistennija li jiggravaw bit-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, u jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-importanza li tissaħħaħ b'mod komprensiv ir-reżiljenza tan-nies u tal-ekosistemi, kif ukoll il-prevenzjoni, it-tħejjija, is-sorveljanza, u l-kapaċitajiet ta' ġestjoni u rispons transsettorjali tal-kriżijiet, fl-istrateġija futura u fl-istrateġija kkombinata għal reazzjonijiet futuri għal pandemiji globali; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni aktar dettaljata lill-mudelli ta' protezzjoni soċjali, id-dħul universali u l-formalizzazzjoni tal-ekonomija informali, u jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati x-xogħol deċenti u d-djalogu soċjali; iħeġġeġ l-appoġġ għall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, kriżi u kriżijiet fit-tul, bħala fatturi ewlenin fl-istabbiltà u l-iżgurar tal-għajxien;

59.  Jenfasizza li l-edukazzjoni inklużiva, aċċessibbli u ta' kwalità hija dritt fundamentali u prerekwiżit għall-protezzjoni tat-tfal kif ukoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni lill-bniet, inkluż f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

60.  Ifakkar li l-Afrika għandha waħda mill-akbar popolazzjonijiet żgħażagħ fid-dinja, li tirrappreżenta sfida enormi f'termini ta' edukazzjoni iżda, fl-istess ħin, hija ta' vantaġġ għall-iżvilupp futur tal-kontinent; ifakkar fl-importanza tal-edukazzjoni fit-tiswir tar-rwol taċ-ċittadini fis-soċjetà u fl-istimolu tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-illitteriżmu u n-nuqqas ta' edukazzjoni ta' kwalità u professjonisti mħarrġa huma ostaklu għall-iżvilupp sostenibbli; jisħaq li l-edukazzjoni għal kulħadd hija kwistjoni orizzontali u olistika li taffettwa kull dimensjoni tal-SDGs; jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 4.1, li l-għan tiegħu huwa ċiklu sħiħ u ta' kwalità ta' edukazzjoni primarja u sekondarja fuq perjodu ta' 12-il sena bla ħlas għal kulħadd;

61.  Jemmen li l-edukazzjoni għandha tkun prijorità tal-għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, u pilastru ewlieni tas-sħubija bejn l-Afrika u l-UE; jitlob li s-sħubija l-ġdida tipprijoritizza t-taħriġ tal-għalliema u t-tisħiħ tal-istrutturi edukattivi, b'mod partikolari f'pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, speċjalment f'żoni rurali, b'mod partikolari billi jiġu pprovduti kantins tal-iskola adegwati u servizzi ta' iġjene; jitlob li ssir promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali; jistieden lill-Istati jinvestu ħafna fl-infrastruttura u fid-diġitalizzazzjoni sabiex jippermettu l-akbar numru ta' tfal kemm minn żoni rurali kif ukoll urbani biex ikunu jistgħu jintegraw fis-sistema skolastika;

62.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli li jiffaċċjaw il-bniet fl-aċċess tagħhom għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, sikuri u inklużivi fil-livelli kollha u fil-kuntesti kollha, inkluż f'kuntesti umanitarji u ta' kunflitt; jenfasizza li l-edukazzjoni "inklużiva" tfisser li d-dritt tat-tfal kollha għal aċċess ugwali għall-edukazzjoni jiġi rispettat bis-sħiħ irrispettivament mill-ġeneru, l-istatus soċjoekonomiku, l-isfond kulturali u r-reliġjon, b'enfasi partikolari fuq il-komunitajiet marġinalizzati u t-tfal b'diżabilità;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa għal rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiġu integrati l-ħiliet diġitali u ekoloġiċi fil-kurrikuli tal-iskejjel; jissottolinja li Edukazzjoni u Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali (TVET) ta' kwalità jiżvolġu rwol ewlieni għall-impjieg taż-żgħażagħ u għandhom jiġu mħeġġa; jistieden appoġġ għad-djalogu fis-settur privat biex jinkoraġġixxi l-allinjament tat-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

64.  Jitlob li jkun hemm networking fost l-universitajiet Afrikani u Ewropej u li jitħaffef l-iskambju tal-għarfien; jitlob li jkun hemm aktar mobilità bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana fl-oqsma tat-taħriġ vokazzjonali, il-boroż ta' studju u l-programmi ta' skambju akkademiku bejn iż-żgħażagħ fl-Afrika u fl-UE permezz ta', pereżempju, Erasmus u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, bil-għan li tgħin lil imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni ta' negozju;

65.  Jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinjora d-dimensjoni tal-politika kulturali barranija u l-potenzjal promettenti offrut minn kollaborazzjoni kulturali Ewropea u Afrikana approfondita; ifakkar fl-importanza tad-djalogu kulturali bejn l-Ewropa u l-Afrika u jqis li r-relazzjonijiet kulturali u d-djalogu interkulturali jistgħu jikkontribwixxu għall-bini tal-fiduċja u t-trawwim ta' sens kondiviż ta' appartenenza fi sħubija; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni fost ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri, id-delegazzjonijiet tal-UE, u l-partijiet interessati Ewropej u lokali, u man-network tal-Istituti Nazzjonali tal-UE għall-Kultura, fl-implimentazzjoni ta' proġetti komuni u azzjonijiet konġunti f'pajjiżi terzi bbażati fuq il-prinċipji tar-relazzjonijiet kulturali, li jiffukaw fuq il-bini ta' fiduċja u fehim reċiproċi permezz ta' djalogu bejn il-persuni bejn l-Ewropa u l-Afrika;

66.  Ifakkar li l-kooperazzjoni kulturali fi ħdan l-UE u mal-pajjiżi sħab tagħha tippromwovi ordni globali bbażat fuq iż-żamma tal-paċi u fuq il-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni permezz ta' djalogu interkulturali u interreliġjuż dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali;

67.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-wirt, l-identità kulturali, l-istorja u l-arti Afrikani; jitlob li l-prodotti kulturali jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi Afrikani u li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għar-restituzzjoni permanenti tal-patrimonju Afrikan lejn l-Afrika; jistieden lill-UE u lill-Afrika jistabbilixxu "kultura ta' tifkira" li tippermetti liż-żewġ kontinenti jidentifikaw fdalijiet tal-ħakma kolonjali fir-relazzjonijiet attwali u jinnegozjaw miżuri xierqa biex jikkontrobattuhom;

68.  Ifakkar fid-diversità lingwistika rikka fil-kontinent Afrikan; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jippreservawha fir-relazzjonijiet futuri tagħhom; itenni l-ħtieġa li ssir ħidma f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO biex tiġi żgurata l-preservazzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u biex jinstabu raġunijiet komuni għall-kooperazzjoni;

Sħab għal tkabbir sostenibbli u inklużiv

69.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha rabtiet ekonomiċi importanti mal-istati Afrikani, u dawn ir-rabtiet għandhom jissaħħu aktar fil-futur biex tiġi żgurata trasformazzjoni produttiva tar-reġjun u l-bini ta' reżiljenza; jinnota li ċ-Ċina intensifikat il-preżenza tagħha fl-Afrika filwaqt li l-Istati Membri wrew biss interess selettiv ħafna fil-kummerċ mal-istati Afrikani u fl-investiment fihom, li jispjega għalfejn il-volum ta' kummerċ bejn l-UE u ħafna stati Afrikani għadu relattivament baxx; jissottolinja li l-UE teħtieġ bażi kompletament ġdida għas-sħubija ekonomika tagħha mal-Afrika, li jfisser li teħtieġ tasal għal realtà ġdida fejn l-UE u l-Afrika jiżviluppaw sħubija sostenibbli ta' benefiċċju komuni, li ssawwar mill-ġdid ir-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u ta' negozju diretti lejn is-solidarjetà u l-kooperazzjoni u tiżgura wkoll negozju ġust u etiku; jissottolinja li din is-sħubija għandha bħala prerekwiżit l-iżvilupp sostenibbli sostanzjali ulterjuri fl-istati Afrikani kollha; f'dan il-kuntest, jisħaq fuq il-bżonn li jiġi pprovdut investiment u jingħata appoġġ immirat u li tiġi rrispettata l-koerenza politika għall-iżvilupp;

70.  Jissottolinja l-konvinzjoni tiegħu li l-Afrika, bħala kontinent sinjur fir-riżorsi, b'ekonomiji dinamiċi u li qed jiżviluppaw li juru livelli għoljin ta' tkabbir, klassi medja li qed tikber u popolazzjoni żagħżugħa u kreattiva, hija kontinent ta' opportunitajiet li wera, f'diversi okkażjonijiet, li l-progress ekonomiku u l-iżvilupp huma possibbli;

71.  Jisħaq fuq l-importanza li jitqiesu l-kawżi strutturali kollha u l-fatturi esterni li jiġġeneraw l-insigurtà u l-faqar fl-Afrika, billi jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-kunflitti, il-ġuħ, it-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi, in-nuqqas ta' servizzi bażiċi u mudelli agrikoli mhux xierqa, u billi jiġu promossi soluzzjonijiet politiċi u inklużivi għall-kunflitti u jiġi implimentat approċċ komprensiv li jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tbatija tal-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;

72.  Jirrimarka l-importanza li jiġu avvanzati l-kapaċitajiet ta' produzzjoni domestika u tal-manifattura, li jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet barranin; jissottolinja li l-Afrika teħtieġ trasformazzjoni industrijali u infrastrutturali li se tkun possibbli biss permezz ta' investimenti sostenibbli kbar li fihom il-modi ta' operat pubbliċi-privati jirrappreżentaw għażla vijabbli biex jitrawwem l-iżvilupp; jinnota li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) għandu jiffinanzja investiment li jippromwovi żvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv u sostenibbli, abbażi tal-aċċessibbiltà u d-disinn universali għal kulħadd, filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqasijiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs);

73.  Jenfasizza li l-investimenti tas-settur privat għandhom jaqdu lis-suq u lill-popolazzjoni lokali u jimmiraw lil dawk bi ftit aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jiggarantixxu inklużività finanzjarja għal gruppi marġinalizzati, pereżempju, permezz ta' investimenti diretti f'intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) lokali u mudelli ta' negozju tal-ekonomija soċjali, b'mod partikolari l-intrapriżi tal-familja;

74.  Jappella għal mekkaniżmi b'saħħithom ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dawn l-objettivi; jissottolinja li l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili, u b'hekk l-inklużjoni ta' kontroparti soċjali fl-investiment, huwa aspett vitali tal-politiki tal-UE eżistenti lejn l-Istati Afrikani u magħhom.

75.  Itenni s-sejbiet tar-rapport ta' valutazzjoni reċenti dwar l-EFSD, li wrew nuqqas ta' evidenza tal-potenzjal ta' żvilupp, l-addizzjonalità u s-sjieda tal-pajjiż tal-mekkaniżmi ta' taħlit;

76.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Patt tal-G20 mal-Afrika (CwA), varata fl-2017 sabiex jiġi promoss l-investiment privat fl-Afrika, inkluż fl-infrastruttura, u jaraha bħala pjattaforma tajba għall-avvanz ta' aġendi ta' riforma komprensivi, koordinati u speċifiċi għall-pajjiż; jilqa' l-fatt li, s'issa, 12-il pajjiż Afrikan ingħaqdu mal-inizjattiva:

77.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn l-UE u l-Afrika għandha tagħti prijorità lill-integrazzjoni reġjonali fil-kontinent Afrikan; jitlob lill-Unjoni żżid l-appoġġ tagħha għall-istrateġiji ta' integrazzjoni Afrikana u tiżgura li tkun konsistenti bejn il-livelli kontinentali, reġjonali u nazzjonali li fihom tiġi implimentata;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Afrika fl-ambizzjonijiet tagħha għal żona ta' kummerċ ħieles kontinentali; jilqa' t-tnedija taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (CFTA tal-Afrika) u jissottolinja l-potenzjal enormi tagħha bħala strument li jrawwem il-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni reġjonali, u jtejjeb l-aċċess tal-Afrika għas-swieq globali; jenfasizza li s-CFTA tal-Afrika għandha tippermetti integrazzjoni li tkun ta' benefiċċju għall-popolazzjonijiet Afrikani kollha, inklużi dawk l-iktar marġinalizzati; ifakkar li hemm differenzi fl-iżvilupp bejn il-pajjiżi Afrikani li jridu jitqiesu sabiex ma jiżdidux l-inugwaljanzi; huwa tal-fehma li l-appoġġ tal-UE għas-CFTA tal-Afrika għandu jiffoka fuq l-iżvilupp ta' oqfsa regolatorji biex tiġi evitata "ġirja lejn l-iktar livell baxx" ta' normi soċjali u ambjentali; jemmen li s-CFTA tal-Afrika u l-isforzi kontinwi għall-integrazzjoni reġjonali jipprovdu opportunità tajba biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid ir-reġim tal-investiment internazzjonali sabiex dan isir responsabbli, ekwu u jwassal għall-iżvilupp sostenibbli;

79.  Jisħaq fuq il-ħtieġa fl-Afrika li jiġu stabbiliti u diversifikati l-ktajjen tal-valur intrakontinentali sabiex jiġi ġġenerat aktar valur miżjud fl-istati Afrikani nfushom; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi implimentata assistenza teknika dwar il-kooperazzjoni fuq il-fruntieri u kwistjonijiet tekniċi oħra għall-finijiet tal-iżvilupp tal-katina tal-valur reġjonali; jinnota li għadhom jeżistu ostakli sinifikanti għal tali kummerċ minħabba l-prevalenza ta' tariffi u ostakli oħra, kif ukoll infrastruttura fqira u kostijiet għoljin ta' tranżazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa, għalhekk, li jsir investiment sinifikanti fl-infrastruttura tat-trasport biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ intra-Afrikan;

80.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Unjoni Afrikana jikkondividu interess komuni f'sistema kummerċjali multilaterali stabbli u bbażata fuq ir-regoli li hija ċċentrata fuq l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

81.  Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija li javvanzaw fil-katina ta' valur mondjali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika; jappella lill-UE żżomm lura milli tadotta politika kummerċjali li bħala regola ġenerali tipprojbixxi lill-pajjiżi Afrikani milli jimponu taxxi fuq l-esportazzjoni tal-materja prima, sakemm din tkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO;

82.  Ifakkar li l-kummerċ ħieles u ġust mal-kontinent Afrikan huwa essenzjali għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi lis-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tad-djalogu politiku, speċjalment meta jitħejjew, jiġu mmonitorjati u evalwati l-ftehimiet kummerċjali; jenfasizza li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSEs) u l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) huma strumenti importanti fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tirrikonoxxi fehmiet diverġenti dwar l-FSEs u ssib soluzzjonijiet konkreti biex twieġeb għat-tħassib tal-pajjiżi Afrikani, b'mod partikolari rigward il-prijorità tagħhom li jibnu ktajjen ta' valur reġjonali u jagħtu spinta lill-kummerċ intra-Afrikan; itenni t-talba tiegħu għal analiżi fil-fond tal-impatt tal-FSEs;

83.  Jappella għall-inklużjoni sistematika ta' mekkaniżmi vinkolanti u infurzabbli għall-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u ambjentali fl-FSEs kollha nnegozjati bħalissa u fil-futur, filwaqt li jenfasizza li l-ftehimiet jeħtieġ li jkunu koerenti mal-politiki tal-iżvilupp u mal-SDGs, speċjalment fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq id-deforestazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità;

84.  Jinnota li l-pajjiżi Afrikani, filwaqt li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-benefiċjarji tal-SĠP, jirrappreżentaw anqas minn 5 % tal-importazzjonijiet tal-SĠP tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-atturi ekonomiċi fil-pajjiżi benefiċjarji dwar l-aderenza mar-regoli tal-oriġini u biex jingħelbu l-ostakli tekniċi, fost l-oħrajn; jiddispjaċih li l-SĠP s'issa ma kkontribwixxietx għad-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi benefiċjarji Afrikani; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tespandi l-lista ta' prodotti koperti mir-Regolament SĠP(9);

85.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-riskju ddokumentat dejjem akbar tat-tixrid ta' patoġeni żoonotiċi fl-Afrika, biex tippromwovi standards aktar stretti fil-pajjiżi Afrikani f'termini ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) u ta' trattament xieraq tal-annimali, permezz ta' djalogu u ta' kooperazzjoni regolatorja;

86.  Jirrimarka li l-investiment privat u s-sħubijiet pubbliċi-privati huma essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs u għall-iżvilupp tas-settur privat lokali u jridu jkunu kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istandards tax-xogħol deċenti u mal-istandards ambjentali, kif ukoll mal-objettivi klimatiċi internazzjonali u mat-tranżizzjoni ekoloġika, u li, bħala prijorità, għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' finanzjament ta' intrapriżi żgħar ħafna u SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni biex tagħmel mill-"Alleanza Afrika-Ewropa'" pilastru ċentrali tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ kontinenti;

87.  Jinnota li l-SMEs u n-negozji tal-familja jiżvolġu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ekonomiji lokali; jirrimarka li l-SMEs huma mutur ewlieni għall-ħolqien tal-impjiegi u jirrappreżentaw 95 % tan-negozji fl-Afrika; jemmen li l-istrateġija għandha tipprijoritizza l-intraprenditorija u l-aċċess għall-finanzi filwaqt li toħloq ambjent tan-negozju affidabbli; iqis, barra minn hekk, li l-appoġġ għas-settur privat lokali se jkun deċiżiv fl-irkupru ta' wara l-COVID-19; jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet li għandha l-Aġenzija Eżekuttiva tal-UE għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) biex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-impriżi konġunti ma' kumpaniji Afrikani, li, barra minn hekk, mhux biss iżid il-viżibbiltà tal-opportunitajiet ta' negozju iżda jrawwem ukoll l-aċċess tant meħtieġ għall-finanzi u l-aċċess għat-teknoloġija permezz ta' trasferiment tal-għarfien;

88.  Jisħaq li sħubija bejn l-Afrika u l-UE dwar is-settur privat għandha tinkludi dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar finanzi responsabbli; ifakkar li għad irid isir progress konsiderevoli biex jiġi evitat l-abbuż korporattiv u, għalhekk, jisħaq li l-iżgurar tar-rispett għall-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali għandu jiġi stabbilit b'mod ċar bħala prijorità għolja fis-sħubija UE-Afrika;

89.  Jissottolinja li l-kumpaniji Afrikani huma responsabbli mill-ktajjen ta' provvista tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bi proposta leġiżlattiva ambizzjuża dwar obbligi vinkolanti ta' diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u l-ambjent għall-kumpaniji tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex fl-iżvilupp ta' proposti simili, tiżgura li jkunu japplikaw għall-katina ta' provvista kollha u jissodisfaw il-linji gwida tal-OECD dwar ir-responsabbiltà soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ u jkunu kompatibbli mad-WTO, u biex wara valutazzjoni attenta, il-proposti jinstabu li jkunu funzjonali u applikabbli għall-atturi kollha fis-suq, inklużi l-SMEs, u jinkludu dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw ir-rikors għall-ġustizzja lill-partijiet li jġarrbu ħsara;

90.  Jisħaq li l-investiment privat ingranat għandu jkun parti minn, pjuttost milli minflok, l-impenn tal-pajjiżi żviluppati li jallokaw 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, u 0,15-0,2 % tal-ING ikun riżervat għal-LDCs;

91.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija UE-Afrika għandha tinkludi wkoll miżuri li jgħinu lill-pajjiżi Afrikani jikkonvertu l-ġid tar-riżorsi minerali tagħhom f'riżultati ta' żvilupp reali u jitlob li jsir rieżami tal-effikaċja tal-miżuri eżistenti, anke fir-rigward tal-isfruttament dubjuż tal-Afrika miċ-Ċina u r-Russja; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab Afrikani tal-UE jimplimentaw l-miżuri meħtieġa fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt(10) mingħajr ostakli, u jippubblikaw mingħajr dewmien il-lista ta' kumpaniji barra mill-UE li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti minn dak ir-regolament; jenfasizza l-punti b'saħħithom tal-Ewropa (jiġifieri t-trasparenza, il-prodotti u s-servizzi ta' kwalità għolja u l-governanza demokratika) u jittama li l-attrazzjoni ta' dawk il-valuri fundamentali tkun alternattiva konvinċenti għall-mudelli awtoritarji;

92.  Jinnota l-importanza li tiġi implimentata l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri adottata fl-2009 mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Afrikani biex jiġi żgurat sfruttament trasparenti, ekwu u ottimali tar-riżorsi minerali;

93.  Ifakkar li s-settur tal-estrazzjoni jaqdi rwol importanti fl-ekonomiji ta' bosta pajjiżi Afrikani u huwa marbut ma' interdipendenza mhux ugwali tar-riżorsi mal-Ewropa, li għandha tiġi korretta billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-flussi illeċiti ta' dħul mit-taxxa u royalties fis-settur tal-estrazzjoni permezz tad-Direttiva dwar it-Trasparenza(11) u d-Direttiva dwar il-Kontabilità(12);

94.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem akbar ta' każijiet ta' Soluzzjoni ta' Tilwim bejn Investituri u Stati (ISDS) li saru kontra stati Afrikani, speċjalment minn kumpaniji Ewropej; jistieden lill-gvernijiet u lill-kumpaniji fl-UE jżommu lura milli jużaw l-ISDS, u jtemmu l-għadd kbir ta' każijiet ISDS li saru kontra pajjiżi Afrikani;

95.  Iqis li din is-sħubija għandha tappoġġa l-intraprenditorija femminili u taż-żgħażagħ f'żoni rurali u urbani, u li biex isir dan huwa essenzjali li jiġi appoġġat l-aċċess ugwali għar-riżorsi ekonomiċi u produttivi bħas-servizzi finanzjarji u d-drittijiet tal-art; jitlob li jiġu żviluppati skambji bejn l-imprendituri nisa Afrikani u Ewropej permezz ta' pjattaformi li jippermettu n-networking, il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-produzzjoni ta' proġetti komuni;

96.  Ifakkar li l-pożizzjoni tan-nisa tista' tissaħħaħ permezz ta' dispożizzjonijiet b'saħħithom fil-ftehimiet kummerċjali dwar il-ġeneru u l-kummerċ; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tassisti lill-Unjoni Afrikana fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa tagħha, u timplimenta miżuri li jikkontribwixxu għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tagħha mal-pajjiżi Afrikani;

97.  Jenfasizza r-restrizzjonijiet fiskali enormi tal-Afrika biex tlaħħaq mal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija; ifakkar li xi pajjiżi Afrikani qed jonfqu aktar flus fuq il-ħlasijiet lura tad-dejn milli fuq is-servizzi tas-saħħa; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni dettaljata biex jittaffew il-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli li jirriżultaw f'telf kbir ta' servizzi pubbliċi u miżuri soċjali; jieħu nota tat-tħabbir mill-G20 dwar moratorju temporanju fuq il-ħlasijiet lura tad-dejn għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp l-aktar dgħajfa bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; itenni t-talba tiegħu lill-kredituri privati biex jipparteċipaw fl-inizjattiva fuq termini kumparabbli, u jħeġġeġ lill-G20, lill-Fond Monetarju Internazzjoni (FMI) u lill-Bank Dinji, kif ukoll lill-banek tal-iżvilupp multilaterali, biex jaħdmu aktar fuq il-ħelsien mid-dejn u jesploraw aktar għażliet għas-sospensjoni tal-pagamenti tas-servizz tad-dejn; jappella, b'mod aktar wiesa', għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni tad-dejn multilaterali biex jindirizza kemm l-impatt tal-kriżi kif ukoll ir-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-miżuri ta' ħelsien mid-dejn jintrabtu ma' mobilizzazzjoni addizzjonali tal-ODA u li jiġi prijoritizzat il-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet bħala l-għażla prestabbilita, speċjalment għal-LDCs;

98.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-pajjiżi Afrikani biex iżidu l-kapaċità tagħhom għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi sabiex jiżdied l-investiment fis-servizzi pubbliċi bażiċi; ifakkar li l-flussi finanzjarji illeċiti (IFFs) jirrappreżentaw id-doppju tal-ammont tal-ODA li jirċievu l-pajjiżi Afrikani, total ta' madwar USD 50 biljun fis-sena, u għandhom impatt drammatiku fuq l-iżvilupp u l-governanza tal-kontinent; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa lis-sħab Afrikani fit-titjib tal-governanza, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fiż-żieda tat-trasparenza tas-sistemi finanzjarji u tat-taxxa tagħhom u fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi regolatorji u ta' monitoraġġ adegwati;

99.  Jirrakkomanda li l-UE u l-UA jimplimentaw u jinfurzaw aħjar l-istrumenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni, u jagħmlu użu mit-teknoloġiji l-ġodda u mis-servizzi diġitali; jistieden lill-UE tadotta qafas regolatorju strett dwar il-korruzzjoni;

Sħab għal Patt Ekoloġiku tal-UA-UE

100.  Ifakkar li l-pajjiżi Afrikani u l-popolazzjonijiet tagħhom huma partikolarment affettwati mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; ifakkar li skont iċ-Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemjoloġija tad-Diżastri (ĊRED), fl-2019, kważi 16,6 miljun Afrikan ġew affettwati minn avvenimenti estremi tat-temp, 195 % aktar milli fl-2018; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent titqiegħed fil-qalba tas-sħubija f'konformità mal-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; ifakkar li talab li 45 % tal-pakkett tal-NDICI futur ikun iddedikat għal dawn l-objettivi;

101.  Jesprimi tħassib dwar kif it-tibdil fil-klima jista' jreġġa' lura l-iżvilupp tal-bniedem u jimmina l-prospetti ta' żvilupp ta' pajjiżi Afrikani b'introjtu baxx u fraġli u jisħaq li huwa fattur ta' riskju għad-destabbilizzazzjoni, il-vjolenza u l-kunflitt; jenfasizza li l-UE għandha toffri appoġġ finanzjarju u tekniku konkret, prevedibbli, responsabbli u fit-tul lill-pajjiżi Afrikani biex isaħħu bl-istess mod l-adattament tagħhom għall-klima (jiġifieri permezz ta' proġetti li jiffukaw fuq l-agrikoltura sostenibbli, l-adattament ibbażat fuq l-ekosistemi u l-bliet sostenibbli) u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-prevenzjoni tar-riskju ta' diżastri u fuq il-komunitajiet żvantaġġati;

102.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tad-diplomazija dwar l-ilma, peress li, bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, hemm ir-riskju li l-ilma jsir riżorsa dejjem aktar skarsa; jissottolinja l-ħtieġa għal diplomazija klimatika aktar effettiva sabiex jiġu promossi r-rabtiet bejn il-politika domestika, barranija u internazzjonali dwar il-klima;

103.  Jitlob li jingħata appoġġ mill-UE biex il-pajjiżi Afrikani jiġu megħjuna jimplimentaw u jżidu l-ambizzjoni tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tagħhom fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Qafas ta' Sendai, filwaqt li jiġi żgurat li jkollhom finanzjament adegwat għall-adattament, il-mitigazzjoni, it-telf u l-ħsara kif ukoll l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom għall-bijodiversità; jisħaq li biex tali appoġġ ikun effettiv, is-sħubija UE-Afrika futura għal tranżizzjoni trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' responsabbiltà komuni iżda differenzjata (CBDR) u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika li tkun ġusta u inklużiva;

104.  Jenfasizza li l-istrateġiji ta' adattament għandhom iħeġġu bidla fil-mudell fil-pajjiżi Afrikani, abbażi ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura; jitlob il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni inklużiva tal-partijiet interessati fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-NDCs, il-pjanijiet nazzjonali ta' adattament u l-pjanijiet nazzjonali ta' investiment agrikolu, fost oħrajn;

105.  Jenfasizza l-perspettiva u l-ħtiġijiet uniċi tal-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS) fir-rigward tal-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima;

106.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi inkluża dimensjoni tal-ġeneru fl-azzjoni klimatika, minħabba l-konsegwenzi partikolari tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali għan-nisa u l-bniet; jistieden lis-sħab Afrikani u Ewropej biex fis-sħubija UE-Afrika futura jenfasizzaw aħjar ir-rwol li n-nisa jista' jkollhom fit-tmexxija tal-komunitajiet tagħhom lejn prattiki aktar sostenibbli u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

107.  Jitlob li tiġi implimentata malajr "diplomazija tal-Patt Ekoloġiku" billi titwaqqaf task force li tiffoka fuq id-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet għal Patt Ekoloġiku tal-UA-UE billi tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'approċċ li jinvolvi diversi livelli u diversi partijiet interessati; iqis li dan il-patt għandu jappoġġa b'mod partikolari l-adozzjoni ta' oqfsa regolatorji li jippermettu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari u l-ħolqien ta' impjiegi f'setturi sostenibbli;

108.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni permezz ta' assistenza teknika, skambju ta' informazzjoni u prattiki tajba; jinsisti fuq l-importanza li jiġu kkomunikati aħjar ir-riskji futuri tal-klima u tad-diżastri u li jitrawwem it-trasferiment legali ta' teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima; jitlob lill-UE, għal dan il-għan, tippromwovi l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u t-tibdil fil-klima, komparabbli mad-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika;

109.  Jissottolinja l-ħtieġa għal politiki u proġetti ta' innovazzjoni sostenibbli li jippermettu lill-istati Afrikani "jaqbżu" teknoloġiji eqdem u li jniġġsu aktar bl-għan speċifiku ta' sostenibbiltà ekoloġika u soċjali, u jitlob, f'dan ir-rigward, li ssir investigazzjoni dwar kif il-qabża tista' tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet fl-istati Afrikani;

110.  Ifakkar li l-Afrika tospita diversità eċċezzjonali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u l-impatt tat-tnaqqis tal-bijodiversità fuq il-livelli ta' reżiljenza; jinsab partikolarment allarmat dwar il-fatt li r-rata tad-deforestazzjoni fl-Afrika qed tiżdied; jirrimarka li l-qerda tal-foresti tropikali Afrikani twassal għal telf irriversibbli tal-bijodiversità u tal-bjar ta' karbonju, kif ukoll tad-djar u l-modi ta' għajxien ta' komunitajiet indiġeni li jgħixu fil-foresti; ifakkar li l-foresti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-miri klimatiċi, jipproteġu l-bijodiversità u jipprevjenu d-deżertifikazzjoni u l-erożjoni estrema tal-ħamrija;

111.  Jitlob li titqies ir-rabta bejn is-saħħa pubblika u l-bijodiversità f'konformità mal-approċċ "saħħa waħda"; jilqa' t-tħabbir tal-inizjattiva NaturAfrika, li għandha l-għan li tipproteġi l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi, u r-rieżami tal-pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi; jisħaq li l-inizjattiva NaturAfrika għandha tiġi żviluppata f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-komunitajiet lokali, tal-popli indiġeni u tan-nisa; jissottolinja li għandha tappoġġa lill-gvernijiet Afrikani u lill-popolazzjonijiet lokali biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali b'mod olistiku u sistematiku, inkluż billi toffri appoġġ lil networks ta' żoni protetti ġestiti tajjeb; iħeġġeġ lill-UE u lill-Afrika jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni għas-sjieda u l-kontroll konswetudinarji tal-artijiet u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u jikkonformaw mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat;

112.  Jappella għall-allokazzjoni ta' riżorsi adegwati biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titlu "Larger than elephants: Inputs for an EU strategic approach to wildlife conservation in Africa" (Lil hinn mill-iljunfanti: Inputs għal approċċ strateġiku tal-UE għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-Afrika" u tal-2019 bit-titlu "Study on the interaction between security and wildlife conservation in sub-Saharan Africa" (Studju dwar l-interazzjoni bejn is-sigurtà u l-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-Afrika sub-Saħarjana);

113.  Iqis li l-isforzi ta' konservazzjoni ffukati, pereżempju, fuq il-foresti, l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi tal-baħar u kostali jeħtieġ li jiġu intensifikati billi jsir użu minn oqfsa regolatorji, riżorsi suffiċjenti u data xjentifika u jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta' restawr u ġestjoni tal-ekosistemi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Afrika jkollhom rwol ewlieni fil-konklużjoni ta' ftehim dinji ambizzjuż fil-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

114.  Ifakkar li l-oċeani huma l-akbar sors globali ta' proteini; ifakkar fl-importanza li ssir ħidma favur governanza aħjar tal-oċeani, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u ekonomija blu, li huma vetturi tal-iżvilupp; jenfasizza li l-azzjoni kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat trid tkun prijorità sabiex jiġu limitati l-impatti ambjentali u tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u d-dħul mis-sajd;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod espliċitu timmonitorja l-attivitajiet relatati mas-sajd industrijali peress li dawn jistgħu jkunu ta' theddida għall-istokkijiet disponibbli għall-popolazzjonijiet lokali li jużaw riżorsi tas-sajd tradizzjonali, filwaqt li jirriskjaw ukoll li joħolqu żbilanċ fl-istatus ekoloġiku tajjeb tal-istokkijiet tas-sajd;

116.  Ifakkar li l-Afrika hija l-inqas reġjun elettrifikat fid-dinja u jenfasizza l-fatt li l-aċċess għall-enerġija mhuwiex uniformi fil-kontinent Afrikan; jinnota li l-aċċess għal enerġija għall-but ta' kulħadd, affidabbli, sostenibbli u moderna huwa għodda essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inkluż fiż-żoni rurali; jitlob li jiġi żviluppat il-potenzjal tal-Afrika għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

117.  Iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni mas-sħab Afrikani tagħhom fis-setturi tal-enerġija u tal-klima f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ bi pjan ambizzjuż għall-implimentazzjoni ta' sħubija tal-enerġija sostenibbli, u jinnota għal dan il-għan li l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika huma elementi kruċjali biex jitnaqqas id-distakk fl-aċċess għall-enerġija fil-kontinent Afrikan, filwaqt li jiġi żgurat it-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi Afrikani rispettivi jisfruttaw il-possibbiltajiet għal sħubijiet tal-enerġija ta' benefiċċju reċiproku għall-produzzjoni tal-idroġenu bl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

118.  Jisħaq fuq l-importanza li l-investiment jiġi dirett lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju billi jiġu żviluppati sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jiġi ffaċilitat it-trasferiment tat-teknoloġija, inkluża l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u t-teknoloġiji tal-enerġija solari li jissodisfaw id-domanda lokali għall-enerġija, inkluż fir-rigward tal-infrastruttura u l-konnettività;

119.  Jisħaq li l-urbanizzazzjoni tal-kontinent Afrikan tikkostitwixxi opportunità biex l-ippjanar urban jiġi kkunsidrat mill-ġdid u jiġu introdotti soluzzjonijiet sostenibbli għall-bliet, u li dan għandu jkun is-suġġett ta' djalogu aktar intensiv mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ta' kooperazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki bejn iż-żewġ kontinenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura ekoloġika, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema, il-ġestjoni tal-iskart u s-sistemi tas-sanità, u bi sforzi partikolari biex jiġu involuti ż-żgħażagħ u l-gruppi marġinalizzati; jitlob appoġġ għall-iżvilupp ta' trasport urban sostenibbli mmirat lejn inklużjoni u aċċessibbiltà akbar tal-komunità, inkluż it-trasport lejn l-iskejjel u ċ-ċentri mediċi;

Sħab għal agrikoltura sostenibbli u reżiljenti

120.  Jirrimarka l-importanza ċentrali tas-settur agrikolu u dak alimentari fl-ekonomija u biex jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg deċenti u sostenibbli f'żoni rurali; jissottolinja li f'ħafna każijiet dan jirrigwarda azjendi żgħar u azjendi agrikoli tal-familja; jinnota l-importanza li jkunu promossi u msaħħa miżuri u għodda li jappoġġaw il-kwalità miżjuda tal-prodott, id-diversifikazzjoni tal-prodotti, il-modernizzazzjoni sostenibbli tal-prattiki agrikoli, il-kundizzjonijiet sikuri tax-xogħol u l-miżuri li jsaħħu r-reżiljenza tal-bdiewa; iqis li l-iżvilupp ta' settur agrikolu sostenibbli u ta' żoni rurali għandu jkun fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika;

121.  Jilqa' l-fatt li s-sħubija UE-Afrika tirrakkomanda l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli favur l-ambjent; ifakkar fil-fatt li l-kapaċità tal-agroekoloġija li tirrikonċilja d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà ġiet rikonoxxuta fir-rapporti storiċi mill-IPCC u l-IPBES, kif ukoll mill-Bank Dinji u l-valutazzjoni internazzjonali agrikola mmexxija mill-FAO (IAASTD); jisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi l-agroekoloġija, l-agroforestrija, il-produzzjoni lokali u s-sistemi tal-ikel sostenibbli li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' ktajjen tal-provvista qosra kemm fil-politiki nazzjonali kif ukoll fil-fora internazzjonali, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali għal kulħadd filwaqt li tiżdied il-produttività sostenibbli tas-settur agrikolu u r-reżiljenza tiegħu għat-tibdil fil-klima;

122.  Jappella lill-UE tqis il-konklużjonijiet tat-Task Force għall-Afrika Rurali dwar il-ħtieġa ta' investiment fil-ktajjen alimentari Afrikani, b'enfasi fuq il-prodotti bażiċi b'valur miżjud; u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien b'mod attiv mas-sħab Afrikani biex joħolqu sinerġiji bejn l-istrateġija UE-Afrika u l-politiki tal-Patt Ekoloġiku, b'mod partikolari d-dimensjoni esterna tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt";

123.  Jissottolinja l-fatt li l-użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura intensiva fl-Afrika jista' jkollu impatt fuq is-saħħa tal-ħaddiema li ftit għandhom aċċess għal taħriġ dwar il-protezzjoni tal-pjanti u l-kura tas-saħħa, apparti li jikkawża ħsara ambjentali; jitlob li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ f'approċċi sostenibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u alternattivi għall-pestiċidi kif ukoll il-minimizzazzjoni tal-esponiment għal sustanzi perikolużi; jiddenunzja l-istandards doppji applikati mill-UE fir-rigward tal-pestiċidi meta tiġi permessa l-esportazzjoni ta' sustanzi perikolużi li huma pprojbiti fl-UE lejn pajjiżi Afrikani u pajjiżi terzi oħra; jitlob, għalhekk, li jiġu modifikati r-regoli attwali tal-UE sabiex tiġi eliminata din l-inkonsistenza legali, f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Rotterdam tal-1998 u mal-Patt Ekoloġiku;

124.  Jinsab ferm imħasseb dwar id-dipendenza għolja tal-istati Afrikani fuq l-importazzjonijiet tal-ikel, speċjalment mill-Unjoni Ewropea, partikolarment meta dawn l-importazzjonijiet huma magħmula minn prodotti sussidjati li l-prezz baxx tagħhom jirrappreżenta kompetizzjoni dannuża għall-agrikoltura fuq skala żgħira fl-Afrika;

125.  Jinsab imħasseb dwar l-esportazzjoni Ewropea tat-trab tal-ħalib appoġġata mill-Politika Agrikola Komuni lejn l-Afrika tal-Punent, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-triplikar tal-esportazzjonijiet minn mindu l-UE neħħiet il-kwoti tagħha tal-ħalib fl-2015 kellu konsegwenzi diżastrużi fuq ir-rgħajja u l-bdiewa, li ma jistgħux jikkompetu; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq soluzzjonijiet mal-gvernijiet u l-partijiet interessati Afrikani;

126.  Ifakkar li l-ġuħ u l-insigurtà tal-ikel qed jerġgħu jiżdiedu madwar id-dinja u li se jkomplu jiżdiedu sakemm ma titteħidx azzjoni fil-pront, u li l-Afrika tinsab lura sew biex tilħaq il-mira ta' ġuħ żero (SDG 2) fl-2030; ifakkar li t-tmiem tal-malnutrizzjoni fil-forom kollha tagħha u l-SDG 2 għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet fis-sħubija l-ġdida, b'attenzjoni partikolari għall-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli;

127.  Jisħaq li l-COVID-19 u l-kriżi ekonomika li tirriżulta u l-għeluq tal-fruntieri, l-infestazzjonijiet tal-ġrad u d-deżertifikazzjoni ddeterjoraw is-sitwazzjoni diġà diffiċli tas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika u jitfgħu dawl fuq il-vulnerabbiltajiet tas-sistema globali tal-ikel; jisħaq fuq il-potenzjal tas-swieq lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-fallimenti attwali tas-sistema tal-ikel;

128.  Jappella lis-sħubija UE-Afrika tiffoka l-isforzi tagħha fil-qasam tal-agrikoltura fuq is-salvagwardja tad-dritt tal-pajjiżi Afrikani għas-sovranità tal-ikel u fuq iż-żieda tas-sigurtà tal-ikel tagħhom bħala prijorità, kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrittivi tal-popolazzjonijiet tagħhom;

129.  Jenfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni rurali u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur lokali, reġjonali u trasparenti sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli, jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jittaffa t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati ż-żgħażagħ u n-nisa, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ, l-aċċess għall-kreditu u l-aċċess għas-swieq; jitlob l-involviment tagħhom fil-formulazzjoni ta' politiki agrikoli u għal appoġġ għal azzjoni kollettiva permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi żgħar;

130.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tan-nisa rurali Afrikani fl-ekonomiji agrikoli u rurali madwar il-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel; ifakkar li kważi nofs ix-xogħol agrikolu fl-Afrika jsir min-nisa, filwaqt li l-bdiewa nisa huma fil-biċċa l-kbira bdiewa żgħar jew ta' sussistenza li m'għandhomx l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni, il-kreditu, l-art, ir-riżorsi jew it-teknoloġija; jinkoraġġixxi l-avvanz tad-drittijiet tal-wirt għan-nisa u l-bniet u jistieden lill-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tagħhom tad-dritt sħiħ tan-nisa għad-drittijiet tal-art;

131.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nisa li jaħdmu fl-agrikoltura ta' sussistenza jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex iżommu s-sovranità tal-ikel minħabba l-protezzjoni qawwija tal-varjetajiet il-ġodda tal-pjanti min-naħa tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV) fil-ftehimiet kummerċjali;

132.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-azjendi agrikoli żgħar, tal-pastoraliżmu u ta' sistemi tradizzjonali/lokali oħra tal-ikel sabiex isaħħu r-reżiljenza tagħhom u jagħtu spinta lill-kontribut tagħhom għas-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

133.  Jitlob li jiġu indirizzati t-tensjonijiet soċjali bejn il-popolazzjonijiet agrikoli stabbiliti u l-komunitajiet pastorali nomadiċi, speċjalment f'reġjuni b'kunflitti etnoreliġjużi li jikkoinċidu;

134.  Jissottolinja l-importanza li għandhom ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu mħeġġa prattiki agrikoli sostenibbli u agroekosistemi produttivi ta' art niexfa u sistemi tal-ikel; jappella, f'dan ir-rigward biex it-tranżizzjoni ġusta tinkludi dipendenza akbar fuq il-kontributi tal-għarfien tradizzjonali Afrikan, speċjalment rigward il-prattiki agrikoli, is-sajd u l-protezzjoni tal-foresti, u b'hekk tingħata s-setgħa lill-poplu Afrikan u lill-komunitajiet lokali;

135.  Jinkoraġġixxi l-iskambji ta' għarfien u tal-aħjar prattiki bejn il-bdiewa Ewropej u Afrikani u, b'mod partikolari, il-kuntatti bejn il-bdiewa żgħażagħ, in-nisa u r-rappreżentanti tal-komunitajiet rurali dwar il-metodi ta' produzzjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-bijodiversità, anke fil-qafas tal-assoċjazzjonijiet;

136.  Jilqa' l-proposta tat-Task Force għall-Afrika Rurali għall-istabbiliment ta' programm ta' ġemellaġġ bejn l-Ewropa u l-Afrika li jgħaqqad flimkien il-korpi agrikoli tal-Istati Membri tal-UE mal-pajjiżi sħab fl-Afrika, bil-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jitrawmu relazzjonijiet bejn sħab simili u b'parteċipazzjoni qawwija;

137.  Jisħaq fuq l-importanza li l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-dritt tal-komunitajiet lokali li jaċċessaw u jikkontrollaw ir-riżorsi naturali bħall-art u l-ilma, jiġu inklużi fis-sħubija UE-Afrika; jiddeplora l-fatt li l-ħtif tal-art huwa komuni immens fl-Afrika; jirrimarka li din hija prattika brutali li ddgħajjef is-sovranità tal-ikel u tipperikola l-komunitajiet rurali Afrikani; jisħaq fuq l-importanza li jitnieda proċess inklużiv li jkollu l-għan li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-ħtif tal-art; jitlob li l-proġetti kollha li jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, inkluż il-kummerċ, jirrispettaw il-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art (VGGT), u li jiġu inklużi miżuri li jiżguraw li l-proġetti ma jipperikolawx id-drittijiet tal-art tal-bdiewa fuq skala żgħira;

138.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-importanza strateġika tal-mergħat, li jkopru madwar 43 % tas-superfiċje tal-art Afrikana u għaldaqstant huma bjar tal-karbonju importanti; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-komunitajiet lokali u l-partijiet interessati lokali, tiżviluppa strateġija biex dan il-potenzjal jiġi ottimizzat permezz tal-ġestjoni sostenibbli tar-ragħa bħal ma jiġi pprattikat mir-rgħajja;

139.  Jinnota, pereżempju, li d-drittijiet għall-mergħat u l-mergħat komunitarji huma drittijiet tal-użu tal-art tradizzjonali bbażati fuq id-dritt komuni u mhux fuq drittijiet titolizzati tas-sjieda; jenfasizza, madankollu, l-importanza fundamentali tal-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet komuni għall-popolazzjonijiet rurali;

Sħab biex id-diġitalizzazzjoni tkun ta' lieva għall-inklużjoni u l-iżvilupp

140.  Jisħaq fuq il-fatt li t-trasformazzjoni diġitali tirrappreżenta lieva ta' żvilupp tremenda għall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u s-saħħa, kif ukoll għall-modernizzazzjoni tas-settur agrikolu, il-kapaċità tas-settur pubbliku li jipprovdi servizzi diġitali bħall-identifikazzjoni elettronika (eID), is-saħħa elettronika (eHealth) jew il-Gvern elettroniku (eGovernment), u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni, iżdatista' ġġib magħha wkoll ir-riskju li ddgħajjef id-demokrazija, tipperikola d-drittijiet ċivili u tal-bniedem u żżid l-inugwaljanzi; jisħaq fuq il-fatt li t-trasformazzjoni diġitali trid tappoġġa aċċess għall-but ta' kulħadd, ugwali u inklużiv għall-internet kif ukoll l-użu u l-ħolqien ta' servizzi tat-teknoloġija diġitali li jaderixxu mal-istandards u l-linji gwida internazzjonali u nazzjonali rilevanti;

141.  Jenfasizza li d-distakk diġitali għandu jitqies u jingħata kunsiderazzjoni xierqa; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-aċċess għall-konnettività tal-internet għall-maġġoranza tal-komunitajiet Afrikani emarġinati bil-għan li jiġi evitat li jitfaċċa distakk enormi bejn il-popolazzjonijiet rurali u urbani; iqis li jeħtieġ li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri bil-għan li titmexxa 'l quddiem trasformazzjoni diġitali tassew inklużiva; jinkoraġġixxi lin-nisa u l-bniet jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fir-rigward ta' teknoloġija ġdida;

142.  Ifakkar fl-impatt negattiv li l-vjolenza online kontra n-nisa u l-bniet u d-diskors ta' mibegħda sessista, il-bullying ċibernetiku, il-ksenofobija, id-diżinformazzjoni u l-istigmatizzazzjoni jista' jkollhom fuq l-inklużjoni soċjali u jistieden lis-sħab Afrikani u Ewropej jindirizzaw kwistjonijiet simili fis-sħubija UE-Afrika; jisħaq li jeħtieġ jiġi żgurat li l-edukazzjoni u l-litteriżmu diġitali jkunu olistiċi, jinkludu ħiliet personali u trasversali bħall-ħsieb kritiku u l-fehim interkulturali;

143.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ġenerazzjoni ta' skart elettroniku madwar id-dinja toħloq sfidi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u l-ambjent; jistieden lill-UE u lill-Afrika jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw investiment responsabbli, sabiex jgħinu jimminimizzaw il-produzzjoni tal-iskart elettroniku, jipprevjenu r-rimi illegali u t-trattament mhux xieraq tal-iskart elettroniku, jippromwovu l-użu effiċjenti tar-riżorsi u r-riċiklaġġ, u joħolqu impjiegi fis-setturi tar-rinnovament u r-riċiklaġġ;

144.  Jappoġġa d-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tapajjiżi Afrikani, b'mod partikolari bil-għan li jiġu żviluppati reġistri tal-istati ċivili affidabbli, dokumenti tal-identità sikuri, u li jiġu promossi l-iskambji ta' data; jisħaq fuq il-fatt li d-data kollha skambjata trid tkun suġġetta għal-liġijiet rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza; jistieden lill-UE taħdem id f'id man-nazzjonijiet Afrikani sabiex taħdem favur standards globali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data li, min-naħa tagħhom, se jgħinu biex jiġu indirizzati l-kriminalità u t-tisħiħ tal-ekonomiji reċiproċi;

145.  Jenfasizza li l-innovazzjoni hija meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u t-tranżizzjoni ekoloġika; jisħaq fuq il-fatt li s-sħubija għandha tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll l-aċċessibilità għas-servizzi diġitali u l-użu tagħhom sabiex jitrawmu l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali; ifakkar, madankollu, li t-tranżizzjoni diġitali ma tistax isseħħ mingħajr aċċess għall-enerġija u li l-provvisti tal-enerġija irregolari fiż-żoni rurali jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-aċċess għas-servizzi diġitali;

146.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 ġiegħlet l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali fl-Afrika; jilqa' r-rieda tal-UA li tistabbilixxi suq uniku diġitali; jistieden lill-UE tappoġġa l-istabbiliment ta' industrija diġitali Afrikana u ta' qafas regolatorju xieraq għall-iżvilupp tal-kummerċ online u l-protezzjoni tad-data abbażi tal-ogħla standards eżistenti billi tipprovdi assistenza teknika, tagħti spinta lill-investiment fl-infrastrutturi diġitali u l-intraprenditorija, u ssaħħaħ is-sħubijiet mal-partijiet interessati governattivi, ekonomiċi, akkademiċi, xjentifiċi u tas-soċjetà ċivili;

147.  Jenfasizza li skont ir-Rapport tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (2019), għad iridu jiġu indirizzati bosta sfidi biex jintlaħqu l-SDGs, b'mod partikolari fl-Afrika, f'termini ta' aċċess għall-ikel, l-enerġija, l-ilma u s-sanità, l-edukazzjoni u s-saħħa; jemmen li l-assistenza finanzjarja u l-investiment għandhom jimmiraw primarjament lejn is-sodisfar ta' dawk il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, li jibqgħu prerekwiżit għall-qerda tal-faqar u l-avvanzi fil-benessri tal-bniedem, speċjalment fi żmien meta r-riżorsi pubbliċi qed isiru dejjem aktar limitati minħabba żieda fit-talbiet kompetittivi, bħas-saħħa u l-edukazzjoni;

148.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ġbir ta' data diżaggregata preċiża u komparabbli u l-analiżi statistika, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-privatezza, huma fundamentali għat-teħid ta' deċiżjonijiet infurmati, b'mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-governanza u s-saħħa fil-livelli nazzjonali u deċentralizzati;

149.  Jisħaq li jeħtieġ li jittieħed vantaġġ mit-trasformazzjoni diġitali bħala mezz biex jiġu promossi l-iskambji bejn iż-żewġ kontinenti, b'mod partikolari bejn iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili, permezz tal-pjattaformi;

150.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi Afrikani jżidu l-isforzi konġunti tagħhom biex jiżguraw li l-ekonomija diġitali tkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli u jikkontribwixxu għall-objettiv li jiġi stabbilit standard ta' tassazzjoni modern, ġust u effiċjenti għall-ekonomija diġitali;

Sħab għal mobbiltà u migrazzjoni ta' benefiċċju reċiproku

151.  Jirrikonoxxi l-isfidi u l-opportunitajiet kumplessi li l-movimenti tal-migrazzjoni għandhom kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika għall-prosperità u l-iżvilupp taż-żewġ kontinenti u jisħaq li jeħtieġ tissaħħaħ il-kooperazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li, f'dawn l-aħħar snin, il-kwistjoni tal-migrazzjoni ddominat ir-relazzjoni UE-Afrika u li dan il-fatt seta' kellu effett ta' ħsara fuq il-perċezzjonijiet reċiproċi taż-żewġ kontinenti; jisħaq fuq il-fatt li l-migrazzjoni tikkostitwixxi strument ta' żvilupp sostenibbli reċiproku għaż-żewġ reġjuni;

152.  Ifakkar li sa 80 % tal-migranti internazzjonali kollha li joriġinaw mill-pajjiżi Afrikani qed jiċċaqilqu fil-kontinent Afrikan; jinnota li l-pajjiżi Afrikani jospitaw fihom sehem kbir mit-total ta' rifuġjati u tal-persuni spostati internament (IDPs) tad-dinja, u li s-sitwazzjoni vulnerabbli tagħhom kompliet tiġi aggravata mill-kriżi tal-COVID-19; jappella biex ir-responsabbiltà globali għar-rifuġjati tkun waħda kondiviża;

153.  Iqis li d-dimensjoni umana tal-migrazzjoni għandha tiġi enfasizzata u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi ta' migranti l-aktar żvantaġġati; jitlob li tiġi adottata sħubija UE-Afrika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità li tkun iċċentrata fuq id-dinjità tal-bniedem tar-rifuġjati u l-migranti, li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, ir-responsabbiltà kondiviża u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali, tal-UE u nazzjonali u l-liġi dwar ir-rifuġjati;

154.  Ifakkar li għandhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex il-migranti jiġu protetti mill-mewt, l-għajbien u s-separazzjoni tal-familja u biex jiġi evitat il-ksur ta' drittijiethom, inklużi azzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-prinċipju ta' non-refoulement u tal-aħjar interessi tat-tfal;

155.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati bl-użu ta' finanzjament adegwat il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostamenti furzati, bħall-instabbiltà politika, il-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà u s-sigurtà tal-ikel, il-vjolenza u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;

156.  Iqis li s-suċċess tas-sħubija se jiddependi fuq titjib sinifikanti fl-opportunitajiet ta' mobilità bejn id-diversi komponenti tas-soċjetajiet Afrikani u Ewropej u li s-sħubija għandha titfassal b'mod sostenibbli biex toħloq "kisba ta' mħuħ" minflok "eżodu ta' mħuħ"; iqis li politika tal-viża aktar effiċjenti u żieda fil-finanzjament għall-programm Erasmus+ jagħtu kontribut utli biex jinkiseb dan;

157.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata politika tal-migrazzjoni ċirkolari ġenwina li tippermetti lill-ħaddiema b'ħiliet u mingħajr ħiliet biex jibbenefikaw minn skambju ta' għarfien professjonali u mill-mobilità bejn l-UE u l-Afrika, li tiffaċilita r-ritorn ta' persuni fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; jappoġġa l-għoti ta' prijorità tal-applikazzjonijiet eleġibbli għal permessi tax-xogħol mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu lejn l-UE (pereżempju, permezz ta' ambaxxati jew online) bil-għan li jiskoraġġixxu lill-migranti milli jirrikorru għal rotot migratorji irregolari, u jtaffu l-piż fuq is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-ażil;

158.  Ifakkar li l-mobilità tal-ħaddiema tista' tkun waħda mir-risponsi għall-isfidi demografiċi tal-UE u għan-nuqqasijiet u l-ispariġġi tas-suq tax-xogħol; jitlob l-iżvilupp ta' mezzi ta' migrazzjoni sikuri u legali, u l-promozzjoni ta' approċċ aktar armonizzat, komprensiv u fit-tul għall-migrazzjoni relatata max-xogħol fil-livell Ewropew, abbażi ta' approċċ ta' sħubija li jista' jkun ta' benefiċċju fit-tul għaż-żewġ sħab; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ id-Djalogu Afrika-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (MMD) u s-Sħubija Afrika-UE dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi (MME);

159.  Jikkundanna b'mod qawwi l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar ta' bnedmin; jitlob li jissaħħu l-isforzi biex jiġu ttraċċati u miġġielda n-networks kriminali ta' kuntrabandisti u jfittex kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani fil-ġlieda kontrihom; jitlob, f'dan ir-rigward, sforz komprensiv u multidixxiplinari u l-koordinament fil-livelli kollha, f'kooperazzjoni mal-gvernijiet lokali, inkluża l-kooperazzjoni internazzjonali għall-infurzar tal-liġi; iqis li l-ġlieda kontra l-faċilitaturi u t-traffikanti tal-bnedmin trid issir b'mod konġunt bejn iż-żewġ partijiet, u bl-appoġġ tal-Europol, fost oħrajn;

160.  Jitlob li l-UE u n-nazzjonijiet Afrikani jaħdmu flimkien biex joħolqu kampanja ta' informazzjoni effikaċi u wiesgħa rigward ir-riskji u l-perikli tat-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali bil-għan li jipprevjenu lill-individwi milli jipperikolaw ħajjithom biex jidħlu fl-UE b'mod irregolari;

161.  Jisħaq li jeħtieġ impenn koerenti tal-UE, li jiżgura li l-kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari jew dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri ma jkollha l-ebda impatt negattiv fuq l-oqfsa eżistenti tal-mobilità reġjonali fil-kontinent Afrikan jew fuq id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li jeħtieġ li kwalunkwe sħubija dwar il-Migrazzjoni u l-mobilità trid tqis iż-żewġ patti globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati (Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari (GCM), Patt Globali dwar ir-Rifuġjati (GCR));

162.  Iqis li l-frammentazzjoni tar-regolamenti nazzjonali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema fl-UE, kif ukoll il-kumplessità u n-natura burokratika ħafna tal-proċeduri, jiskoraġġixxu l-użu ta' rotot migratorji legali fl-UE; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' proċedura ta' applikazzjonijiet armonizzata u mhux burokratika tal-UE fil-qafas tas-Sħubija UE-Afrika;

163.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi stabbilita operazzjoni speċifika u komuni ta' tiftix u salvataġġ ċivili fil-livell Ewropew, sabiex ma jintilfux aktar ħajjiet fuq il-baħar;

164.  Jistieden lill-UE tintensifika l-impenji tagħha dwar ir-risistemazzjoni u l-mezzi legali l-oħra għall-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u żżid bl-istess mod l-impenji politiċi u finanzjarji tagħha biex tappoġġa s-sħab Afrikani fl-iżvilupp ta' approċċi sostenibbli għar-rifuġjati, l-IDPs u l-persuni apolidi, b'mod partikolari billi tikkoopera mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u aġenziji oħra tan-NU biex issaħħaħ il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tipprovdi assistenza diretta lill-organizzazzjonijiet umanitarji qrib id-djar li minnhom ikunu ħarbu r-rifuġjati;

165.  Jirrakkomanda l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi reġjonali għall-protezzjoni tal-persuni spostati fil-kuntest tad-diżastri u t-tibdil fil-klima, f'konformità mal-Aġenda għall-Protezzjoni ta' Persuni Spostati Transkonfinalment fil-Kuntest tad-Diżastri u t-Tibdil fil-Klima, il-Pjattaforma dwar l-Ispostament minħabba Diżastri u l-Konvenzjoni ta' Kampala;

166.  Jissottolinja li jeħtieġ jiġu ggarantiti proċeduri ġusti u aċċessibbli ta' ażil għal persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi Afrikani u biex jiġi rispettat il-prinċipju ta' non-refoulement bi qbil mad-dritt internazzjonali u tal-UE; jemmen li kwalunkwe ftehim mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għandu jiżgura l-protezzjoni sħiħa tal-ħajja tal-bniedem, tad-dinjità u tad-drittijiet tal-bniedem;

167.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati l-effikaċja, l-ekwità u l-proċess ġust fil-politika dwar ir-ritorn, fil-ħruġ tal-laissez-passers konsulari u fil-konklużjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni, billi tingħata preferenza lir-ritorn volontarju, u jiġi żgurat li d-drittijiet u d-dinjità tal-individwi jkunu protetti u rrispettati bis-sħiħ; jappella għal involviment qawwi min-naħa tal-UE matul il-perjodi ta' qabel ir-ritorn u ta' wara r-ritorn biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rimpatrijati;

168.  Jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-kooperazzjoni mal-IOM u aġenziji oħra tan-NU biex jingħata appoġġ addizzjonali lir-rifuġjati u lill-IDPs;

169.  Jinnota li fil-mandat ta' negozjar tal-UE għall-Ftehim ta' wara Cotonou, ir-referenzi għall-migrazzjoni mmultiplikaw, b'mod partikolari fir-rigward tat-twaqqif tal-migrazzjoni irregolari, filwaqt li, b'kuntrast, il-mandat ta' negozjar tal-AKP jagħmel enfasi fuq il-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-migrazzjoni legali, l-importanza tal-flussi ta' rimessi, il-ħtieġa li r-ritorni u r-riammissjoni jkunu volontarji u l-preklużjoni tal-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp għan-negozjar ta' kontrolli restrittivi fil-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni tikkkunsidra l-prijoritajiet tal-pajjiżi Afrikani dwar il-migrazzjoni sabiex tinħoloq "sħubija bejn partijiet ugwali" reali;

Sħab għas-sigurtà

170.  Jinnota li l-indirizzar ta' kunflitti mtawla jirrikjedi li jittieħdu azzjonijiet konġunti minn atturi umanitarji u tal-iżvilupp u sħab b'leġittimità u kredibbiltà lokali għolja; jistieden, għalhekk, lill-UE trawwem approċċ nexus bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp fir-rispons tagħha, b'enfasi fuq sjieda lokali b'saħħitha;

171.  Jilqa' l-fatt li l-UE tqis il-paċi u s-sigurtà fl-Afrika bħala kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli u li l-Unjoni hija impenjata li "żżid b'mod sinifikanti l-appoġġ tagħha lill-Afrika f'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali"; jikkondividi l-fehma li l-kwistjoni tas-sigurtà fl-Afrika hija ta' importanza kbira għall-iżvilupp tal-kontinent bis-sostenn ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, filwaqt li l-istati Afrikani huma l-garanti ewlenin tas-sigurtà tagħhom stess; jistieden, għalhekk, lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex taħdem f'kooperazzjoni mas-sħab Afrikani tagħha fl-iżvilupp ulterjuri ta' Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA), biex tikseb paċi u stabbiltà fit-tul u tegħleb il-kriżijiet u l-kunflitti f'dak il-kontinent permezz ta' approċċ integrat li jisfrutta l-għodod kollha disponibbli, inkluż l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Afrikani u l-operazzjonijiet militari tagħha, il-missjonijiet ċivili, il-bini tal-paċi u l-proġetti ta' demilitarizzazzjoni b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u l-indipendenza u s-sovranità tal-pajjiżi Afrikani, u l-appoġġ għal inizjattivi li joriġinaw mill-UA, minn organizzazzjonijiet reġjonali bħall-ECOWAS u l-G5 tas-Saħel; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipparteċipaw f'missjonijiet u operazzjonijiet tal-UE u jilqa' l-isforzi bilaterali li jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà u jħeġġeġ lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex japprova malajr il-Faċilità Ewropea għall-Paċi sabiex jipprovdi assistenza aktar komprensiva lis-sħab Afrikani fir-reġjuni milquta mill-kunflitt; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni multilaterali fi ħdan it-triangolu UA-UE-NU fil-qasam tas-sigurtà lokali, reġjonali u internazzjonali u r-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili fl-isforzi għaż-żamma tal-paċi u l-bini tal-paċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-riforma tas-settur tas-sigurtà, ir-riforma tal-ġustizzja, il-governanza tajba, ir-responsabbiltà demokratika, u l-protezzjoni taċ-ċivili huma prerekwiżit biex tintrebaħ il-fiduċja tal-popolazzjonijiet fil-gvernijiet u fil-forzi tas-sigurtà tagħhom; jissottolinja, barra minn hekk, in-nexus bejn iċ-ċivil u l-militar u l-ħtieġa li ż-żewġ komponenti tal-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) jiġu armonizzati aħjar; jappoġġa l-approċċ dejjem aktar proattiv meħud mill-organizzazzjonijiet kooperattivi ta' sigurtà reġjonali lejn l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-APSA, li tipprovdi lill-Unjoni Afrikana u lill-organizzazzjonijiet fil-livell reġjonali bl-għodod meħtieġa għall-prevenzjoni, il-ġestjoni u s-soluzzjoni tal-kunflitti; ifaħħar, b'mod partikolari, inizjattivi bħall-G5 tas-Saħel b'kunsiderazzjoni tar-rwol dejjem aktar kruċjali tiegħu fit-teħid ta' azzjoni deċiżiva biex in-nazzjonijiet Afrikani jiżguraw il-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tagħhom stess u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ politiku, finanzjarju, operattiv u loġistiku lill-G5 tas-Saħel; jisħaq fuq il-fatt li, sabiex jiġu żgurati livelli xierqa ta' sigurtà u żvilupp, il-pajjiżi Afrikani jrid ikollhom kapaċitajiet adegwati fis-setturi essenzjali kollha, l-aktar importanti fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-UE tikkoordina l-inizjattivi ta' żvilupp u sigurtà li fihom hija involuta fil-kontinent Afrikan bħala parti minn strateġija integrata li tinkludi l-governanza tajba, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni fejn il-vulnerabbiltajiet u t-tensjonijiet huma l-ogħla; jilqa' l-kooperazzjoni mwettqa bejn l-UE u l-Afrika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-gruppi armati f'konformità mad-dritt internazzjonali; jitlob, fil-kuntest tal-politiki kontra t-terroriżmu, biex jiġu stabbiliti proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar trasparenti, aktar konformi ma' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u aktar involviment mal-komunitajiet affettwati minn dawn il-miżuri;

172.  Jissottolinja r-rwol importanti li s-Saħel għandu mil-lat strateġiku u ta' sigurtà; f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istabbiliment tal-G5 tas-Saħel fl-2014 kif ukoll il-Forza Konġunta tal-G5 (G5 Force Conjointe), li nħolqot fl-2017 biex tiġġieled it-theddid għas-sigurtà fir-reġjun;

173.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-UE tindirizza r-ribelljoni terroristika li qed teskala fit-Tramuntana tal-Mozambique, li diġà kkawżat aktar minn 1 000 persuna mejta u ġiegħlet lil madwar 200 000 persuna jaħarbu minn djarhom, u li toħloq riskju serju li tixtered fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Afrika; iħeġġeġ lill-VP/RGħ joffri l-appoġġ tal-UE lill-Mozambique u liċ-ċittadini tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' rispons mill-UE jista' jwassal biex atturi internazzjonali oħra jieħdu r-rwol mexxej li l-UE biħsiebha tikseb fil-kontinent;

174.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Botswana, il-Ghana, l-Uganda u ż-Żimbabwe huma inklużi fil-lista s-sewda aġġornata tal-UE ta' pajjiżi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), u jappella lil dawn il-pajjiżi biex minnufih jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha (jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/855(13)); jilqa' l-fatt li l-Etjopja u t-Tuneżija, wara li wettqu għadd ta' riformi, issa tneħħew mil-lista s-sewda;

175.  Jenfasizza l-fatt li l-mandati tal-missjoni tal-PSDK huma komprensivi u għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, javvanzaw ir-riforma tal-ġustizzja u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija, u li jmexxu 'l quddiem is-sorveljanza; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jsir titjib kemm fil-politika ta' komunikazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK kif ukoll fl-ippjanar strateġiku ġenerali tal-UE bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE u l-għan tagħha li tissalvagwardja s-sigurtà u l-benessri tal-poplu Afrikan;

176.  Jenfasizza r-rwol speċjali tal-entitajiet reliġjużi fl-Afrika li regolarment jaġixxu ta' medjaturi fil-kunflitti, li magħhom jeħtieġ li jkun hemm djalogu u kooperazzjoni, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt peress li d-djalogu interreliġjuż jista' jikkontribwixxi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

177.  Jieħu nota li l-komunikazzjoni għandha timmira li tapprofondixxi l-appoġġ tal-UE għall-isforzi għall-paċi Afrikani permezz ta' forma aktar strutturata u strateġika ta' kooperazzjoni li tiffoka fuq reġjuni fl-Afrika fejn it-tensjonijiet huma l-ogħla u jitlob li strateġiji speċifiċi fir-reġjuni ta' kunflitt jitqiesu bħala prijorità; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu l-kondiviżjoni tal-piżijiet ma' organizzazzjonijiet u sħab internazzjonali, inklużi alleati u stati Afrikani li jservu bħala alleati affidabbli kontra t-terroriżmu bħall-Kenja, il-Marokk, in-Niġerja, il-Ghana u l-Etjopja; jitlob li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-UE ma' dawn l-istati ewlenin; jistieden lill-UE tkompli tassisti lis-sħab Afrikani fil-bini tal-kapaċità tal-forzi u tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà tagħhom, sabiex tipprovdi servizzi ta' sigurtà u infurzar tal-liġi effettivi u sostenibbli liċ-ċittadini tagħhom, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-missjonijiet tal-PSDK tagħha, u jistieden lill-UE tiffoka fuq approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, filwaqt li taġixxi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt, mill-prevenzjoni u r-rispons tal-kunflitti sal-ġestjoni u s-soluzzjoni tal-kunflitti;

178.  Jenfasizza l-fatt li l-objettiv tal-appoġġ tal-UE lis-settur tas-sigurtà Afrikan huwa li jħeġġeġ is-sjieda Afrikana rigward kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; iqis li l-Unjoni Afrikana u l-Istati Afrikani huma atturi ewlenin li magħhom l-UE hija involuta b'mod sinifikanti sabiex b'mod konġunt jinkisbu l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem; jilqa' bil-qawwa, f'dan ir-rigward, il-pjanijiet tal-Unjoni Afrikana li tibgħat 3 000 suldat b'appoġġ għall-G5 tas-Saħel u jarah bħala sinjal li l-UA u l-UE qegħdin tassew isegwu objettivi ta' sigurtà simili, mibnija fuq objettivi u responsabbiltajiet kondiviżi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-kummenti li saru mill-VP/RGħ Borrell lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-28 ta' Mejju 2020 meta tkellem dwar "is-sejba ta' soluzzjonijiet Afrikani għall-problemi Afrikani";

179.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU fil-kontinent Afrikan u jistieden lill-atturi ewlenin, b'mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Russja, iċ-Ċina u r-Renju Unit, biex jingħaqdu mal-isforzi ta' medjazzjoni tal-UE u biex flimkien magħha javvanzaw il-kooperazzjoni u l-paċi sostenibbli fil-kontinent Afrikan kollu; itenni, f'dan ir-rigward, ir-rieda tal-UE li żżid l-appoġġ tagħha għall-missjonijiet tan-NU u li tavvanza l-koordinazzjoni bejn id-diversi missjonijiet tan-NU u tal-UE;

180.  Jilqa' t-tnaqqis deċiżiv fil-piraterija 'l barra mill-kosti tal-Afrika tal-Lvant u tal-Punent bħala riżultat ta' sforzi ta' sigurtà marittima internazzjonali li jservu ta' preċedent għall-kooperazzjoni fis-sigurtà Ewropea, Afrikana u transatlantika;

181.  Iqis li huwa importanti li l-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tibni stati u soċjetajiet aktar reżiljenti permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-riformi tas-settur tas-sigurtà, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-missjonijiet tal-PSDK tagħha, u tiffoka fuq approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, filwaqt li taġixxi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt;

182.  Ifakkar it-theddida li l-kriminalità organizzata transnazzjonali, l-inkwiet ċivili u l-kriminalità domestika joħolqu għal Stati fraġli u ta' wara l-kunflitt, li jsibuha diffiċli biex jipprovdu s-sigurtà meħtieġa liċ-ċittadini tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' forza tal-pulizija nazzjonali u reġjonali mħarrġa sew; jinnota, madankollu, li l-forzi tal-pulizija spiss huma nieqsa mit-taħriġ kif ukoll mit-tagħmir xieraq, u, l-aktar kruċjali, mhux dejjem ikollhom komunikazzjoni tajba mal-popolazzjoni lokali u l-fiduċja tagħha; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tat-tisħiħ u l-bini ta' strutturi professjonali tal-pulizija, u jitlob, fost l-oħrajn, appoġġ kunċettwali, loġistiku u amministrattiv intensifikat għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija bbażat fl-Alġier, li ġie varat fl-2014; jemmen li l-kooperazzjoni f'dan il-qasam se tgħin ukoll biex tiġi avvanzata l-kapaċità tal-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u biex trawwem il-komponent tal-pulizija tal-APSA;

183.  Jinnota li l-isfera tal-informazzjoni fl-Afrika qed tiġi influwenzata dejjem aktar mill-avversarji globali tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jindirizzaw b'mod attiv il-problema tan-nuqqas ta' preżenza ta' vuċi Ewropea fis-soċjetajiet Afrikani u biex jiġġieldu kontra n-narrattivi foloz u jippromwovu aħjar l-approċċ Ewropew u l-valuri demokratiċi għall-poplu Afrikan; jinnota li dan jirrikjedi komunikazzjoni strateġika aħjar li tkun iffukata fuq reġjuni u pajjiżi ewlenin, u wkoll l-istabbiliment ta' unità speċjali responsabbli għal tali azzjonijiet li taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-UE;

184.  Jissottolinja l-perikli tal-proliferazzjoni ta' armi ħfief illeċiti, u jfakkar li dawn l-armi mingħajr dokumenti, u fil-biċċa l-kbira jinżammu illegalment, mhux biss jheddu s-sikurezza u s-sigurtà tal-komunitajiet iżda huma wkoll jintużaw minn networks kriminali transnazzjonali perikolużi involuti f'diversi forom ta' traffikar, inkluż ta' armi, bnedmin u drogi illegali;

185.  Iħeġġeġ it-tkomplija tal-Laqgħat Konsultattivi Konġunti Annwali tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana bil-għan li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni biex jinkludi żjarat konġunti fuq il-post, sessjonijiet konġunti, l-iżvilupp ta' fehim u analiżi kondiviżi dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi, u biex jiġu investigati modi għal azzjoni bikrija konġunta bħala l-aħjar mezz għall-istabbiliment ta' sħubiji strateġiċi vijabbli;

186.  Ifakkar li l-Afrika tospita l-ogħla numru ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi (PSOs) fid-dinja u hija l-akbar kontributur ta' truppi u ta' pulizija fihom; jindika l-ħtieġa li l-PSOs madwar l-Afrika jiġu adattati għar-realtà l-ġdida tal-COVID-19 sabiex kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-persunal tal-PSO jiġu protetti kif xieraq; jindika l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn il-missjonijiet, minħabba l-biża' ta' kriżi ekonomika imminenti u t-tnaqqis fil-finanzjament disponibbli;

187.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-missjonijiet tal-PSDK jiġu ppjanati b'mod effettiv, responsabbli u robust b'operazzjonijiet effiċjenti u b'mandati aktar b'saħħithom marbuta ma' rieda politika sostantiva, li jkollhom l-għan li jsolvu l-kunflitti minflok jiffriżawhom;

188.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE biex isaħħaħ il-preżenza tiegħu fid-delegazzjonijiet tal-UE fil-kontinent kollu, b'mod partikolari fl-Istati Membri ewlenin tal-UA, sabiex isir aktar progress fir-relazzjonijiet bilaterali u reġjonali tal-UE u jiġi żgurat skambju xieraq mal-partijiet interessati rilevanti; jissottolinja li tali rabtiet mill-qrib jikkostitwixxu l-bażi biex jiġu żgurati sħubijiet globali xierqa u strutturati tajjeb, kif ukoll għal risponsi mfassla apposta; jistieden lis-SEAE jtejjeb b'mod sinifikanti l-istrateġija dwar il-midja u l-komunikazzjoni tiegħu, mhux biss sabiex irawwem għarfien dwar l-isforzi tal-UE fir-reġjuni rispettivi, iżda wkoll biex iżid is-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ fost iċ-ċittadini tal-UE għal aktar kooperazzjoni UE-Afrika;

189.  Ifakkar fl-importanza li l-istrateġija UE-Afrika tiġi koordinata flimkien man-NU, in-NATO, l-OSKE u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, l-Awstralja u l-Ġappun;

o
o   o

190.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 66.
(2) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 11.
(3) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 27.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0173.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0298.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 2.
(7) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 101.
(8) Testi adottati, P9_TA(2019)0084.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).
(11) Id-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013, (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13).
(12) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, , (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(13) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/855 tas-7 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-inklużjoni tal-Bahamas, il-Barbados, il-Botswana, il-Kambodja, il-Ghana, il-Ġamajka, il-Mauritius, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nikaragwa, il-Panama u ż-Żimbabwe fit-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tneħħija tal-Bożnija-Ħerzegovina, l-Etjopja, il-Guyana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos, is-Sri Lanka u t-Tuneżija minn din it-tabella (ĠU L 195, 19.6.2020, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza