Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0033/2021

Testi mressqa :

A9-0033/2021

Dibattiti :

PV 24/03/2021 - 28
CRE 24/03/2021 - 28

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 10
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0109

Testi adottati
PDF 207kWORD 68k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
L-Istrateġija tal-UE għal turiżmu sostenibbli
P9_TA(2021)0109A9-0033/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-istabbiliment ta' strateġija tal-UE għal turiżmu sostenibbli (2020/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 195 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 349 TFUE, li jistabbilixxi reġim speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 174 TFUE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550) u l-adozzjoni tal-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titlu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha bit-titlu "L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għall-irkupru tal-Ewropa" [titlu mhux uffiċjali] (SWD(2020)0098),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-Ekonomija Blu tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2019 dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu bħala promotur tat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-UE għall-għaxar snin li ġejjin,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil(3),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titlu "Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura" (COM(2018)0267),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018)(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titlu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali" (COM(2014)0086), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2017 dwar it-turiżmu nawtiku (SWD(2017)0126),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (COM(2016)0356) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Ġunju 2017 dwarha(5),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Cork 2.0 tal-5 u s-6 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titlu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(10) u dik tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titlu "Towards more sustainable tourism for EU cities and regions" (Lejn turiżmu aktar sostenibbli għall-ibliet u r-reġjuni tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020 dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0033/2021),

A.  billi t-turiżmu huwa attività ekonomika trażversali b'impatt mifrux fuq l-ambjent u l-klima u fuq l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, b'mod partikolari fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u sostenibbli tar-reġjuni;

B.  billi l-industrija tat-turiżmu direttament u indirettament timpjega 27 miljun ruħ, li jirrappreżenta 11,2 % tal-impjiegi totali fl-UE, u li, fl-2019, kien jirrappreżenta 10,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE; billi t-turiżmu jgħin fil-promozzjoni ta' struttura reġjonali bbilanċjata, għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali, u għandu jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-benessri soċjali u s-sigurtà ekonomika tal-komunitajiet lokali;

C.  billi l-katina tal-valur tat-turiżmu hija waħda mill-ekosistemi industrijali Ewropej ewlenin identifikati mill-Kummissjoni u billi hija kumplessa u magħmula mill-erba' vetturi kruċjali u interkonnessi tat-trasport, l-akkomodazzjoni, l-esperjenza u l-intermedjazzjoni; billi s-suċċess tal-industrija jinsab fil-grad ta' influwenza bejn dawn l-erba' vetturi; billi t-turiżmu għandu impatt fuq it-tibdil fil-klima u jikkontribwixxi għal 8 % tal-emissjonijiet globali ta' CO2(12); billi s-settur tat-turiżmu jħaddan fih diversità enormi ta' servizzi u professjonijiet; billi s-settur huwa prinċipalment dominat minn impriżi żgħar u medji (SMEs) li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw impjiegi u ġid fir-reġjuni li jiddependu minnu;

D.  billi fl-2018, 51,7 % tal-istabbilimenti ta' akkomodazzjoni turistika fl-UE kienu f'żoni kostali u marittimi, li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, filwaqt li 32,9 % minnhom kienu f'żoni rurali; billi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni huma kkaratterizzati mill-fatt li jinsabu mbiegħda ħafna, kif ukoll mill-insularità u d-dipendenza ekonomika u soċjali qawwija tagħhom mis-setturi tat-turiżmu u t-trasport, li tagħmilhom saħansitra aktar vulnerabbli għall-effetti tal-pandemija tal-COVID-19;

E.  billi l-industriji tat-turiżmu u t-trasport kienu fost dawk li ntlaqtu l-aktar mill-COVID-19; billi fl-UE, mill-inqas sitt miljun impjieg – fosthom dawk ta' ħaddiema staġjonali u ta' oħrajn f'sitwazzjonijiet vulnerabbli – jinsabu f'riskju; billi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar introdotti b'rispons għall-pandemija qed ikomplu jolqtu ħażin ħafna t-turiżmu globali u Ewropew, u l-aħħar data mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) turi tnaqqis ta' 70 % f'termini ta' wasliet mit-turiżmu internazzjonali fl-2020; billi fil-qafas ta' Next Generation EU, il-Kummissjoni identifikat il-bżonn ta' investiment bażiku ta' EUR 161 biljun għall-ekosistema tat-turiżmu – 22 % tat-total tad-diskrepanza fl-investiment fl-UE; billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt sever fuq il-modi kollha ta' trasport, partikolarment il-konnettività bl-ajru, u ġabet magħha tnaqqis fis-servizzi bl-ajru, li f'xi każijiet irriżulta f'telf ta' rotot; billi dan tal-aħħar kellu impatt partikolari fuq ir-reġjuni ultraperifiċi u insulari tal-UE, fejn l-aċċessibbiltà u l-konnettività huma kruċjali; billi l-kriżi tal-COVID-19 ħalliet miljuni ta' passiġġieri u konsumaturi f'sitwazzjoni ta' inċertezza dwar id-drittijiet tagħhom, fosthom fir-rigward ta' talbiet għal rimborż kumplessi u spiss mhux issodisfati; billi għall-futur tas-settur huwa kruċjali li terġa' tinbena l-fiduċja tal-konsumaturi;

F.  billi l-Artikolu 195 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tikkoordina u tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fit-turiżmu, partikolarment billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f'dan is-settur; billi l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet komuni fis-settur tat-turiżmu, bħall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżijiet, il-progress lejn it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, is-sostenibbiltà soċjoekonomika u ambjentali, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, l-għoti ta' ħiliet professjonali u taħriġ lill-ħaddiema u l-appoġġ għall-SMEs;

G.  billi l-miżuri li tibbenefika minnhom l-industrija tat-turiżmu u l-ivvjaġġar ikunu effettivi l-aktar meta jittieħdu bħala parti minn strateġija koordinata tal-UE filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali;

H.  billi s-settur huwa impenjat li jħaffef u jimplimenta miżuri u azzjonijiet li jagħmluh aktar sostenibbli u reżiljenti u jqarrbuh lejn l-ilħuq tal-objettivi dwar it-tnaqqis tal-impronta ekoloġika u l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, partikolarment dik tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

I.  billi qed isir progress fil-qasam tal-mobilità mhux motorizzata u r-rotot assoċjati, li jikkostitwixxu risposta għax-xewqa tal-konsumaturi Ewropej għal opportunitajiet turistiċi aktar ekoloġiċi u eqreb tan-natura;

J.  billi sistema ta' trasport kollettiv effiċjenti, sikura, multimodali u sostenibbli tagħti kontribut pożittiv lill-ekonomija fl-oqsma tat-turiżmu, l-ivvjaġġar għad-divertiment u l-ospitalità, billi tippermetti soluzzjonijiet sostenibbli u flessibbli għall-mobilità fl-UE kollha kemm hi, filwaqt li tgħin biex ikunu ppreservati l-ekosistemi naturali u l-ambjenti urbani lokali u naturali;

K.  billi s-Sena Ewropea tal-Ferrovija għandha tirrappreżenta l-qafas ideali għal inizjattivi li jsaħħu t-turiżmu sostenibbli sabiex tiżdied l-attraenza tad-destinazzjonijiet turistiċi;

L.  billi l-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-konnessjonijiet tiegħu maż-żoni urbani, lokali u kostali se jkollhom rwol kruċjali fil-provvista ta' soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli, alternattivi u flessibbli għall-ivvjaġġar u t-turiżmu;

M.  billi fit-turiżmu bdew ifeġġu x-xejriet ġodda, l-aktar minħabba d-diġitalizzazzjoni, inklużi forom alternattivi ta' turiżmu bħall-ekoturiżmu, l-agrituriżmu, it-turiżmu rurali u t-turiżmu mediku;

Rikostruzzjoni: pjanijiet ta' rispons għall-impatt tal-COVID-19

1.  Jisħaq li t-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat is-settur tat-turiżmu tal-UE u qiegħdet l-ekosistema tiegħu taħt pressjoni bla preċedent; jenfasizza li appoġġ finanzjarju kontinwu f'qasir żmien huwa essenzjali għas-sopravivenza tas-settur, speċjalment fid-dawl tat-tieni u t-tielet mewġa tal-pandemija; jemmen, madankollu, li l-kriżi attwali għandha twassal lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jirrikonoxxu bis-sħiħ l-importanza tal-industrija tat-turiżmu, jintegrawha għalkollox fil-pjanijiet ta' żvilupp Ewropej u nazzjonali, isaħħu l-kwalità tal-offerta tagħha, jagħmluha aktar sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd u jniedu l-investimenti pubbliċi u privati li ilhom mistennija fil-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ġenerali tas-settur;

2.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ, mingħajr dewmien, kriterji komuni u koordinati għal vjaġġar sikur, kif adottati mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu(13), filwaqt li jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-Formola għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri tal-UE, diġitalment jekk jista' jkun, b'rispett sħiħ għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati apps ta' traċċar, rintraċċar u twissija volontarji, interoperabbli u anonimizzati, bl-użu tal-gateway ta' interoperabbiltà tal-Kummissjoni, mingħajr ma d-data tintuża għal skopijiet oħra, bħal skopijiet kummerċjali jew ta' infurzar tal-liġi, u li jiġu stabbiliti kriterji ta' iġjene komuni fil-pjattaformi ċentrali ewlenin tat-trasport;

3.  Jitlob liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jissorvelja u jkompli jippubblika, fil-ħin, mappa bil-kodiċi kromatiku tal-pajjiżi u r-reġjuni tal-Unjoni, inklużi l-gżejjer – jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli – bil-ħsieb li l-vjaġġaturi u n-negozji jingħatalhom rispons effiċjenti u koordinat; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tixrid tal-mappa permezz tal-mezzi tax-xandir nazzjonali biex jiġi żgurat li din tasal anke għand iċ-ċittadini li jkollhom ftit – jew ma jkollhomx – aċċess għall-broadband;

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19(14) u l-linji gwida tal-ECDC u tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxu protokoll komuni u nondiskriminatorju dwar is-sikurezza tas-saħħa tal-UE għall-ittestjar qabel it-tluq, li għandu jkun affidabbli u affordabbli u jinkludi teknoloġiji tal-ittestjar rapidu, testijiet PCR u oħrajn; jirrakkomanda li l-kwarantina tibqa' strument tal-aħħar istanza iżda, fejn applikabbli, it-tul tagħha għandu jitnaqqas għal għadd ta' jiem minimu u armonizzat fl-Unjoni kollha; jisħaq li kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu trid tkun proporzjonata, temporanja u marbuta b'mod ċar mal-pandemija tal-COVID-19; jirrimarka li sabiex il-protokoll jiġi implimentat korrettament, l-Istati Membri kollha għandhom jingħataw appoġġ b'finanzjament mill-UE; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-ġestjoni tal-ittestjar fl-istadji differenti tal-perjodu ta' vvjaġġar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' ċertifikat tal-vaċċinazzjoni komuni u sistema ta' rikonoxximent reċiproku tal-proċeduri tat-tilqim għal skopijiet mediċi, li għandhom jiġu introdotti b'mod parallel mad-distribuzzjoni tal-vaċċini, filwaqt li jiġu ppreservati d-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jemmen li ladarba l-vaċċini jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali u jkun hemm biżżejjed evidenza xjentifika li l-persuni mlaqqma ma jittrażmettux il-virus, iċ-ċertifikat ikun jista' jiġi kkunsidrat għal skopijiet ta' vvjaġġar bħala alternattiva għat-testijiet PCR u l-obbligu ta' kwarantina, filwaqt li tinżamm il-ħtieġa li jiġu rispettati l-miżuri sanitarji attwali, bħall-ilbies ta' maskri fil-pubbliku u l-osservazzjoni tat-tbegħid fiżiku; jenfasizza li huwa neċessarju u importanti li jerġa' jiġi stabbilit il-moviment liberu fl-UE u li jiġi żgurat ritorn gradwali għan-normalità għas-setturi tat-trasport u t-turiżmu;

6.  Jilqa' l-portal Re-open EU u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni li tinftiehem b'mod ċar dwar l-applikazzjoni jew it-tneħħija ta' restrizzjonijiet futuri fuq il-moviment liberu malli tali bidliet ikunu ġew deċiżi sabiex jiġi żgurat li l-portal ikun affidabbli għall-vjaġġaturi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta applikazzjoni mobbli sabiex l-informazzjoni tinxtered aħjar, u tkompli tipprovdi informazzjoni f'ħin reali dwar l-istatus tal-fruntieri u dwar is-servizzi tat-trasport u t-turiżmu disponibbli fl-Istati Membri tal-UE, inkluża informazzjoni dwar miżuri ta' saħħa u sikurezza pubblika u informazzjoni rilevanti oħra; iqis li l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw dan il-portal b'informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt fid-destinazzjonijiet rispettivi, pereżempju fl-għamla ta' sit web pubbliku u uffiċċji ta' informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanja ta' komunikazzjoni ddedikata dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-UE permezz ta' "Marka tat-Turiżmu tal-UE" bil-mira li jiġi promoss l-ivvjaġġar fl-UE u terġa' tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-ivvjaġġar u t-turiżmu waqt il-pandemija tal-COVID-19;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu kodiċi kromatiku u kriterji komuni għall-ivvjaġġar lejn pajjiżi terzi permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri protettivi komparabbli kontra l-COVID-19 fil-modi kollha ta' vvjaġġar, iżda speċjalment fis-settur tal-avjazzjoni u s-settur marittimu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu sistema ta' twissija bikrija li, permezz ta' teknoloġiji ġodda, tavża faċilment lit-turisti dwar kwalunkwe theddida potenzjali għas-saħħa fid-destinazzjoni ta' pajjiż terz; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-operaturi turistiċi fl-organizzazzjoni ta' esperjenzi ta' vvjaġġar f'żoni magħżula f'pajjiżi terzi, b'rispett sħiħ ta' protokolli sanitarji robusti li jimminimizzaw ir-riskju ta' kontaġju;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi siġill ta' ċertifikazzjoni tal-iġjene tal-UE, li għandu jiġi żviluppat b'mod konġunt mill-ECDC u l-Istati Membri u għandu jiċċertifika l-attivitajiet turistiċi, filwaqt li jiżgura l-konformità mal-istandards minimi tal-iġjene għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-virus tal-COVID-19 u ta' infezzjonijiet possibbli oħra; jemmen li dan is-siġill għandu jkollu l-għan li jistabbilixxi standards tas-saħħa madwar l-Ewropa kollha li jgħinu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fis-settur tat-turiżmu u b'hekk jikkontribwixxu għar-rivitalizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi għall-mikrointrapriżi u l-SMEs;

10.  Jiddeplora l-fatt li Next Generation EU ma jinkludix finanzjament dirett lill-industrija tat-turiżmu u jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinkludu s-setturi tat-turiżmu u l-ivvjaġġar fil-pjanijiet għall-irkupru tagħhom u fl-inizjattiva REACT-EU, filwaqt li jirrispettaw l-istandards ambjentali u soċjali; jenfasizza li filwaqt li hu importanti li l-azzjonijiet fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkunu eliġibbli retroattivament b'appoġġ għas-settur u fil-prevenzjoni tal-fallimenti, dawn per se mhumiex biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni speċifika rigward ir-reġjuni Ewropej fejn it-turiżmu jammonta għal sehem aktar sostanzjali tal-PDG tagħhom kif ukoll rigward il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE li qed jitqassmu fl-Istati Membri b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19 mhux dejjem qed jilħaq lil dawk l-operaturi turistiċi li għandhom bżonn urġenti ta' finanzjament dirett sabiex ikomplu u jżommu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom għaddejjin;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiffissaw temporanjament rati mnaqqsa tal-VAT fuq is-servizzi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu, akkumpanjati minn pakkett speċjali ta' stimolu għall-mikrointrapriżi u l-SMEs kollha għall-perjodu 2020-2024, sabiex jiġi minimizzat l-għadd ta' fallimenti u jiġu ppreservati l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu Ewropea, filwaqt li jintużaw l-investimenti biex titrawwem it-tranżizzjoni lejn ekosistema turistika aktar diġitali u sostenibbli;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jinkludu t-turiżmu bħala prijorità orizzontali fil-programmi operattivi tagħhom, fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u fil-ftehimiet ta' sħubija għall-2021-2027 sabiex jiġu ffinanzjati proġetti turistiċi;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-azzjoni preparatorja li ġiet adottata dwar mekkaniżmu Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-qasam tat-turiżmu, flimkien mal-Parlament, bil-ħsieb li nkunu lesti niffaċċjaw kriżijiet futuri u ngħinu lid-destinazzjonijiet turistiċi jistabbilixxu pjanijiet ta' prevenzjoni tal-kriżijiet, miżuri ta' kontinġenza kif ukoll pjanijiet u azzjonijiet ta' tħejjija;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u tikkoopera regolarment miegħu dwar ix-xogħol preparatorju u l-progress li jkun sar fl-iżvilupp ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji u żżomm lill-kumitat parlamentari responsabbli u l-MEPs li jkunu bdew il-proġetti involuti fil-proċess;

Iffukar mill-ġdid: il-politika ta' governanza fil-qafas tal-Unjoni

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mudell ta' governanza ġdid bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, billi ssaħħaħ l-istruttura organizzattiva, finanzjarja u tar-riżorsi umani bit-twaqqif ta' Direttorat dedikat li jittratta speċifikament it-turiżmu, bil-ħsieb li jkun hemm approċċ integrat u effiċjenti għat-turiżmu, jiġi appoġġjat l-irkupru tat-turiżmu fir-reġjuni Ewropej u tingħata għajnuna lin-negozji biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi kruċjali fl-oqsma tas-sostenibbiltà u l-innovazzjoni, filwaqt li jiżdiedu l-kompetittività u l-attraenza tagħhom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra s-sinerġiji li jista' jkun hemm bejn id-diversi Direttorati Ġenerali fid-dawl tan-natura trażversali tat-turiżmu, f'oqsma bħall-agrikoltura, it-trasport, il-kultura, l-affarijiet marittimi, l-iżvilupp reġjonali, l-impjiegi u l-klima;

17.  Jitlob li fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tinbeda diskussjoni dwar kif it-turiżmu jista' jsir kompetenza kondiviża tal-UE, aktar milli kompetenza komplementari kif inhu l-każ bħalissa; jenfasizza li fil-preżent it-Trattati jipprovdu flessibbiltà sinifikanti għall-politiki tal-UE fil-qasam tat-turiżmu, li mhijiex qed tintuża bis-sħiħ mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tibda tagħmel użu sħiħ mit-Trattati biex tiġi żviluppata politika komprensiva Ewropea dwar it-turiżmu bil-ħsieb li tinħoloq Unjoni Ewropea tat-Turiżmu;

18.  Jiddeplora l-fatt li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 ma jinkludix linja ddedikata għat-turiżmu sostenibbli, li tkun turija ta' impenn favur l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar it-turiżmu approvata mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn; jinnota li din il-linja ma tkunx ta' trikkib jew sostituzzjoni għall-appoġġ finanzjarju disponibbli għas-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu permezz ta' fondi eżistenti tal-UE; jiddeplora l-fatt li t-turiżmu għadu ma ġiex inkluż bħala objettiv indipendenti fir-regolamenti għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jew fil-Programm għas-Suq Uniku;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-għoti ta' appoġġ lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs li jiffoka fuq il-likwidità, it-trasparenza u valur miżjud għall-UE sabiex tiżdied il-kapaċità ta' dawk l-intrapriżi li jiksbu aċċess għall-fondi u l-istrumenti finanzjarji tal-UE u jużawhom biex jiffaċilitaw il-modernizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti innovattivi u sostenibbli, filwaqt li jiżguraw responsabbiltà u simplifikazzjoni amministrattiva;

20.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli organizzat il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Turiżmu fl-2020 u jistedinha biex, fl-2021, tippreżenta pjan ta' azzjoni u tiżviluppa strateġija tal-UE f'waqtha għal turiżmu sostenibbli u strateġiku li tkun allinjata mal-Aġenda Diġitali, il-Patt Ekoloġiku u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u li tissostitwixxi l-istrateġija tal-2010, sabiex tinżamm il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ewlenija; ifakkar li fit-tfassil ta' din l-istrateġija jrid ikun hemm konsultazzjoni mal-professjonisti fis-settur turistiku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' azzjoni konkreta biex tingħeleb il-kriżi attwali u l-promozzjoni ta' forom alternattivi ta' turiżmu bħat-turiżmu kulturali u sostenibbli, l-agrituriżmu, it-turiżmu tal-fawna selvaġġa, l-ekoturiżmu u esperjenzi oħra, li għandhom jirrispettaw l-ambjent u l-wirt kulturali tal-popolazzjoni lokali biex jiġi evitat turiżmu eċċessiv;

21.  Huwa tal-fehma li billi t-turiżmu huwa industrija globali, huwa ta' importanza kbira li jitrawmu djalogu u kooperazzjoni mal-UNWTO abbażi tal-Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn il-Parlament u l-UNWTO fl-2018;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tal-UE dwar l-appoġġ għall-finanzjament u tinkludi link għal punt ta' kuntatt nazzjonali li jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, permezz ta' one-stop shop jew għodda online bl-assistenza u l-gwida tal-Istati Membri, jekk ikun hemm bżonn; jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar din il-gwida fost il-kumpaniji u l-SMEs fis-settur turistiku;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu fil-QFP li jmiss u tfassal soluzzjoni għal żmien qasir billi toħloq dipartiment tat-turiżmu f'waħda mill-aġenziji eżekuttivi eżistenti, partikolarment l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) jew l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA) li se tinħoloq dalwaqt;

ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu għandhom ikunu, fost l-oħrajn:

   li tipprovdi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'ħarsa ġenerali fattwali u data għal dawk li jfasslu l-politika, li jippermettulhom ifasslu strateġiji infurmati bbażati fuq data turistika miġbura u analizzata, inkluż dwar l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali li jista' jkollhom;
   li tħaddem mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex jiġi żgurat li s-settur tat-turiżmu jkun imħejji adegwatament għal kriżijiet futuri, fejn ir-reazzjonijiet nazzjonali wrew li mhumiex biżżejjed;
   li tagħti appoġġ tekniku u amministrattiv lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jiksbu aċċess għal finanzjamenti u strumenti finanzjarji tal-UE u jagħmlu użu minnhom;
   li tgħin lill-ekosistema tat-turiżmu billi, pereżempju, tikkondividi prattiki tajbin biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar it-titjib tal-politiki tat-turiżmu;
   li tippromwovi l-marka Ewropea f'pajjiżi terzi u tiffoka fuq id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku Ewropew;

Tisħiħ: it-tranżizzjoni lejn turiżmu sostenibbli, responsabbli u intelliġenti

24.  Jinnota li t-turiżmu sostenibbli għandu jqis l-effetti attwali u futuri mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali, billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-viżitaturi, l-industrija, l-ambjent u l-komunitajiet lokali(15); ifakkar li l-industrija tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar toħloq impronta ekoloġika mad-dinja kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu soluzzjonijiet sostenibbli u flessibbli għat-trasport multimodali u li jiġu żviluppati politiki għall-preservazzjoni tal-wirt naturali u l-bijodiversità, filwaqt li tiġi rispettata l-awtentiċità soċjokulturali tal-komunitajiet ospitanti, tiġi żgurata s-sostenibbiltà u jiġu ġġenerati benefiċċji soċjoekonomiċi għall-partijiet ikkonċernati kollha;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa malajr pjan direzzjonali għal turiżmu sostenibbli li jinkludi miżuri innovattivi biex titnaqqas l-impronta klimatika u ambjentali tas-settur bl-iżvilupp ta' forom aktar sostenibbli ta' turiżmu, id-diversifikazzjoni tal-offerta, it-tisħiħ ta' inizjattivi ġodda għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi diġitali ġodda;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni għal turiżmu sostenibbli fil-livell nazzjonali u reġjonali f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà ċivili u f'konformità ma' pjan direzzjonali futur għal turiżmu sostenibbli fil-livell Ewropew, u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi ta' Next Generation EU biex jiffinanzjaw il-pjanijiet ta' azzjoni għat-tranżizzjoni tat-turiżmu;

27.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal bidla fin-natura tal-esiġenzi tal-vjaġġaturi għal turiżmu sikur, nadif u aktar sostenibbli; jissottolinja li l-attivitajiet artiġjanali lokali, l-agrituriżmu, it-turiżmu rurali u l-ekoturiżmu huma parti integrali mit-turiżmu sostenibbli, b'enfasi fuq l-iskoperta tan-natura u tal-kampanja fl-Ewropa permezz ta' rotot pedonali, ċiklabbli jew ekwestri b'aċċess kondiviż;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda topera s-Sistema Ewropea ta' Indikaturi tat-Turiżmu (ETIS), tgħammarha bi struttura ta' governanza permanenti u tintroduċiha fid-destinazzjonijiet turistiċi, b'indikaturi statiċi u data f'ħin reali għall-ġestjoni u l-evalwazzjoni tagħhom, bi sħab mar-reġjuni; jenfasizza li l-għan tat-tabella ta' valutazzjoni tal-ETIS hu li timmonitorja l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-turiżmu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ostakli għall-ksib tal-Ekotikketta u tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal servizzi turistiċi oħra – bħala suppliment għall-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) għat-turiżmu – u tistabbilixxi mekkaniżmi li jappoġġjaw dawk l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u jippromwovu l-operaturi turistiċi li jkunu kisbu dawk l-iskemi;

30.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-entitajiet nazzjonali tat-turiżmu u lill-industrija jsaħħu l-koordinament tagħhom fir-rigward tal-kriterji u l-applikazzjoni tat-tikketti ta' kwalità eżistenti fl-Unjoni, u jinkoraġġixxu lill-Kummissjoni tkompli bir-rwol tagħha bħala koordinatriċi u tappoġġja l-inizjattivi lokali;

31.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli stabbiliet il-Grupp għas-Sostenibbiltà tat-Turiżmu u jistieden lill-grupp jissokta l-ħidma tiegħu u jirrevedi l-Karta Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli tal-2012, bħala mezz ta' inkoraġġiment għall-parteċipazzjoni u l-adozzjoni ta' prattiki tajba fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jemmen li l-grupp jista' jservi bħala referenza għal network Ewropew ta' partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu sostenibbli, jippreżenta għodod u inizjattivi ġodda biex jivvaluta l-impatt ekonomiku, soċjali u ekoloġiku ta' attivitajiet relatati mat-turiżmu, jinvolvi lill-vjaġġaturi u jippermetti lill-vjaġġaturi u lill-kumpaniji turistiċi jifhmu l-impronta ambjentali tagħhom;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Qafas tal-Istatistika għall-Kejl tas-Sostenibbiltà tat-Turiżmu tal-UNWTO, li għandu l-għan li jintegra l-istatistika dwar id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tat-turiżmu sostenibbli;

33.  Ifakkar li n-nuqqas ta' data metrika kwantitattiva u kwalitattiva preċiża dwar l-effetti tat-turiżmu fuq is-sostenibbiltà jimpedixxi t-teħid ta' deċiżjonijiet min-naħa tal-atturi pubbliċi u privati; jitlob lill-Eurostat jistabbilixxi qafas ta' referenza għall-ġbir ta' data relatata mas-sostenibbiltà, it-turiżmu eċċessiv, is-sottoturiżmu u l-kriterji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jappella biex ir-Regolament (UE) Nru 692/2011(16) jiġi aġġornat; jisħaq fuq il-potenzjal kbir tal-big data u d-data aġġornata, partikolarment dwar l-oriġini u t-tip ta' prenotazzjonijiet, it-tul tas-soġġorni, l-infiq medju maqsum skont il-kategorija u r-rata ta' okkupazzjoni, biex tkun mifhuma aħjar l-evoluzzjoni tal-flussi tat-turiżmu u l-bidliet fid-domanda u biex tiġi adattata l-offerta u jiġu implimentti politiki adegwati f'dan is-sens;

34.  Jilqa' l-Istrateġija Ewropea għad-Data u l-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar il-Governanza tad-Data; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora t-turiżmu fil-qafas ta' governanza għall-ispazji komuni tad-data u tirregola aħjar l-attività tal-pjattaformi ta' prenotazzjoni u l-intermedjarji tal-ivvjaġġar online, u b'hekk tippermetti lill-impriżi turistiċi jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ favur l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, billi dawn tal-aħħar huma kruċjali għall-modernizzazzjoni tas-settur kollu u għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda u offerta usa' u ta' kwalità għolja; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippromwovi l-ippuljar ta' data għat-turiżmu kif ukoll inkubaturi u aċċeleraturi reġjonali għall-impriżi turistiċi u tħaddan ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tgħin lill-ħafna SMEs fis-settur jiġbru, jipproċessaw u jużaw id-data li jipproduċu u tippermettilhom jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-ekonomija tad-data u jimplimentaw soluzzjonijiet sostenibbli;

35.  Jinnota li għadd dejjem akbar ta' akkwisti ta' prodotti u servizzi turistiċi qed isir online; jirrikonoxxi r-rwol imsaħħaħ tal-pjattaformi ekonomiċi kollaborattivi bħala intermedjarji u l-merti tagħhom b'rabta mal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali u Att dwar is-Swieq Diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn in-negozji online u offline biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u tinżamm kompetizzjoni sana, partikolarment b'rabta mad-distinzjoni bejn il-pari u l-fornituri ta' servizzi professjonali; jenfasizza, f'dan l-ambjent ta' bidla, l-impatt tal-evalwazzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet online fuq l-esperjenza turistika;

36.  Iqis li hu daqstant ieħor importanti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet ta' konoxxenza u innovazzjoni fis-setturi tal-ikel u l-kultura; jemmen li l-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar is-suq, kwalifiki aħjar, effiċjenza akbar fil-ġestjoni, sħubijiet fil-ħajja reali u opportunitajiet ta' networking immirati, kif ukoll l-iżvilupp ta' miżuri innovattivi għal-futur, huma fatturi ta' suċċess kruċjali għall-agrituriżmu; jemmen ukoll li hemm bżonn kooperazzjoni u koordinament aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati, involviment akbar tal-awtoritajiet lokali fit-turiżmu u r-riċerka tas-suq u strateġiji ta' komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni professjonali sabiex tingħata spinta lill-prestazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tal-agrituriżmu;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta d-dritt tal-awtoritajiet lokali li jirregolaw kontra l-effetti dannużi tat-turiżmu eċċessiv;

38.  Jinnota li t-turiżmu hu marbut mill-qrib mal-mobilità u li l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, iżidu l-investiment fit-tranżizzjoni lejn fjuwils aktar nodfa, f'vetturi b'emissjonijiet baxxi jew żero, kemm jista' jkun, f'mezzi ta' trasport aktar aċċessibbli, inkluż għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa għal kull mod ta' trasport, u f'appoġġ għall-mobilità bħala servizz u pjattaformi li jiggarantixxu l-interoperabbiltà u l-intermodalità tas-sistemi tal-biljetti biex jiġu offruti biljetti transnazzjonali u intermodali minn bieb għal bieb;

39.  Jemmen li l-mobilità tat-turiżmu għandha tipprijoritizza l-użu tal-aktar mezzi ta' trasport sostenibbli, li jiġġeneraw impronta tal-karbonju iżgħar; ifakkar fil-ħtieġa li kull Stat Membru jkollu infrastruttura tat-trasport moderna, sikura u sostenibbli sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar madwar l-UE u biex iż-żoni ultraperiferiċi, periferiċi u remoti u l-gżejjer isiru aktar aċċessibbli għat-turiżmu fl-Ewropa stess u t-turiżmu internazzjonali u tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali; jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-konnessjonijiet transfruntiera neqsin, lit-tlestija tagħhom u lill-konformità mal-iskadenzi tal-2030 u l-2050 tat-TEN-T;

40.  Jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Ferrovija tista' tkun opportunità biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar it-turiżmu sostenibbli u r-rotot transfruntiera l-ġodda li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiskopru permezz tal-konnessjonijiet ferrovjarji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, ittejjeb in-network ferrovjarju Ewropew; ifaħħar l-inizjattiva tal-Unjoni DiscoverEU, li tagħti – l-aktar liż-żgħażagħ – l-opportunità li jiskopru l-Ewropa permezz ta' esperjenzi edukattivi u kulturali u l-promozzjoni tal-wirt kulturali lokali;

41.  Jissottolinja l-importanza tal-kultura u l-wirt kulturali fit-turiżmu Ewropew; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jallokaw biżżejjed finanzjament għall-kultura u s-siti ta' wirt kulturali, mingħajr ma jintesa l-valur intrinsiku tagħhom bħala parti mill-wirt kulturali li jeħtieġ li jkun protett, b'mod speċjali mit-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv;

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi studjata r-reżiljenza tal-wirt kulturali u jinnota r-rabta bejn it-turiżmu sostenibbli u l-wirt kulturali; jemmen li t-turiżmu kulturali jista' jaġixxi bħala katalist biex isaħħaħ il-komprensjoni reċiproka taċ-ċittadini fl-UE billi jippermettilhom jiskopru l-wirt kulturali Ewropew fid-diversità kollha tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mis-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali; ifakkar li ttieħdu ħafna inizjattivi fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali biex jittejjeb it-turiżmu sostenibbli permezz tal-integrazzjoni tal-wirt kulturali fil-politiki ambjentali, arkitettoniċi u tal-ippjanar; iqis il-ħtieġa li jiġi protett il-wirt industrijali tar-reġjuni fi tranżizzjoni biex ikunu jistgħu jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u professjonali ġodda f'dawk iż-żoni; itenni l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-wirt fost l-atturi kollha, inkluż ir-riskju ta' traffikar illeċitu ta' beni kulturali; jirrimarka li kwalunkwe riflessjoni dwar turiżmu sostenibbli trid tagħti ħarsa oħra lejn ix-xogħlijiet u l-beni kulturali li jkunu ġew issakkeġġati, insterqu jew inkisbu illegalment waqt il-gwerer; jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-eċċellenza f'turiżmu kulturali sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex irawmu kollaborazzjoni bejn l-esperti fit-turiżmu kulturali u jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fis-settur;

43.  Iqis li l-programm Rotot Kulturali mniedi mill-Kunsill tal-Ewropa jgħin biex tiġi enfasizzata l-istorja varjata tal-Ewropa u jippromwovi l-wirt kulturali; jinnota l-importanza tal-konnessjonijiet bejn l-attrazzjonijiet turistiċi; jemmen li l-programm għandu potenzjal kbir għan-negozji ż-żgħar, id-djalogu interkulturali u l-kooperazzjoni transnazzjonali, u jeħtieġ jevolvi billi jippromwovi dejjem aktar is-sostenibbiltà fit-turiżmu, inkluża l-protezzjoni tal-wirt kulturali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà ta' sinerġiji ma' EuroVelo u s-17-il kuritur tagħha, partikolarment billi żżid l-appoġġ finanzjarju, sabiex tippromwovi t-turiżmu tar-roti fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi r-rikonverżjoni ta' linji ferrovjarji li ma jkunux għadhom jintużaw, inkluż permezz ta' appoġġ għal proġetti li jipprevedu l-użu tar-roti u l-ferroviji, u tappoġġja attivament it-trasport intermodali tar-roti u l-ferroviji; jipproponi l-promozzjoni ta' pakketti ċiklistiċi mmirati lejn it-turisti flimkien ma' offerti sostenibbli oħra; jemmen li r-rotot transfruntiera għal attivitajiet fuq barra, inkluż it-turiżmu rurali, nawtiku jew tal-muntanji, promossi permezz ta' networks speċifiċi appoġġjati minn fondi tal-UE, jista' jkollhom rwol kruċjali fil-konnessjoni ta' reġjuni differenti fl-Istati Membri u fid-devjazzjoni effiċjenti tal-flussi tat-turiżmu, filwaqt li jingħataw opportunitajiet biex jiġi intensifikat it-turiżmu fir-reġjuni inqas żviluppati;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi skema tat-turiżmu Ewropea inklużiva ġdida fuq il-mudell tal-inizjattiva Calypso, li tippermetti lil gruppi soċjali vulnerabbli jużaw vouchers turistiċi nazzjonali fi stabbilimenti assoċjati fi Stati Membri oħra li joffru wkoll programmi ta' turiżmu soċjali liċ-ċittadini tagħhom; jinnota li ħafna Stati Membri qed jimplimentaw dawn il-programmi b'riżultati tajbin ħafna u jemmen li jkun pożittiv ħafna li dawn l-iskemi jkunu interoperabbli fil-livell tal-UE;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tal-proġett pilota dwar destinazzjonijiet turistiċi intelliġenti u tiddeskrivi kif beħsiebha timplimenta l-iskema, billi torbot l-innovazzjoni mal-protezzjoni tas-siti UNESCO u naturali u mal-ispeċjalitajiet lokali tradizzjonali u ċ-ċentri kulturali;

47.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu l-Kapitali Ewropea għat-Turiżmu Intelliġenti proġett permanenti bi kriterji usa' u aktar ġusti, li jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija lokali u l-industriji lokali; jitlob impenn aktar b'saħħtu għal żieda progressiva fl-opportunitajiet ta' mobilità sostenibbli fl-Ewropa kollha;

48.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-Premju Access City u jitlob l-implimentazzjoni ta' inizjattivi simili fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

49.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħha fl-14-il azzjoni li jiffurmaw l-Istrateġija għat-Turiżmu Kostali u Marittimu, u jistedinha tippreżenta r-riżultati, li jistgħu jintużaw biex il-finanzjament imur għall-infrastruttura (portijiet u marinas), l-appoġġ loġistiku u operattiv, il-prevenzjoni tal-iskart u l-użu ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rispettata l-ekosistema marittima, jiġi promoss id-djalogu bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali u marittimu; jistieden lill-Kummissjoni biex, bi qbil mal-Istati Membri, tieħu azzjoni b'appoġġ għall-industrija tal-kruċieri, li għadha qed tintlaqat ħażin ferm mill-pandemija tal-COVID-19, u tiffaċilita r-ritorn tagħha għall-operat b'rispett sħiħ għall-istandards soċjali u ambjentali;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi għat-turiżmu nawtiku u kostali fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-kaptani, ir-regoli tal-VAT dwar id-dgħajjes, il-marinas u l-ankraġġi, tindirizza l-istaġjonalità u tippromwovi rotot transfruntiera, bħal network ta' rotot għat-turiżmu nawtiku, u trendi pubbliku l-istat attwali tal-proġett pilota: karta ta' prattiki tajba għal turiżmu sostenibbli fis-settur tal-kruċieri;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi lill-atturi lokali li jaħdmu f'żoni rurali u kostali f'inizjattivi ta' diversifikazzjoni tal-introjtu bil-ħolqien ta' prodotti, servizzi jew esperjenzi turistiċi, fit-tfassil ta' inizjattivi ġodda u ft-tfittxija għal sinerġiji bejn dawk eżistenti; jinkoraġġixxi sforzi biex produtturi mis-settur primarju (l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u s-sajd) jiġu involuti f'dawn l-inizjattivi u jiġi esplorat jekk dawn l-inizjattivi jistgħux jintużaw bħala mezz ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom u tixrid tat-tradizzjonijiet kulturali jew gastronomiċi tagħhom;

52.  Jissottolinja l-opportunitajiet potenzjali ta' impjieg fiż-żoni rurali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment, biex b'hekk tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u ekonomika tagħhom;

53.  Jenfasizza l-kontribut pożittiv tat-turiżmu rurali għas-salvagwardja ta' biedja fuq skala żgħira u varjata, għall-indirizzar tal-inugwaljanzi soċjali u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg għan-nisa, meta l-proporzjon tan-nisa fis-settur fl-UE huwa madwar 50 %, u b'hekk jikkontribwixxi għat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet u t-treġġigħ lura tad-depopolazzjoni;

54.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li t-turiżmu tas-saħħa, b'mod partikolari t-turiżmu tal-ispas u l-benessri, jiġi inkluż bħala industrija separata b'potenzjal kompetittiv u innovattiv kbir f'miżuri futuri għall-iżvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa, fid-dawl tal-bidliet demografiċi u ż-żieda fl-għarfien dwar is-saħħa fost il-pubbliku;

Kunsiderazzjoni mill-ġdid: l-ippjanar tal-futur tal-industrija tat-turiżmu

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija tat-turiżmu tingħata appoġġ fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, billi pereżempju tingħata spinta lill-provvista ta' prodotti newtrali għall-klima, tintuża enerġija nadifa, jitnaqqas l-użu ta' sustanzi kimiċi dannużi u plastik li jintuża darba biss, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini billi tiġi inċentivata r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tat-turiżmu, jiġu implimentati proċessi ta' riċiklaġġ tal-ilma tax-xita u tal-ilma domestiku mormi, jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ u jiġi evitat l-iskart;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, fl-ewwel semestru tal-2021, analiżi tat-talbiet li jkunu waslu mingħand kull Stat Membru għal skemi ta' għajnuna mill-Istat għall-industrija tat-turiżmu u tal-finanzjament tal-UE użat biex jiġu indirizzati l-effetti tal-COVID-19, inkluża l-applikabbiltà tal-programm SURE; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsolida u testendi x-SURE sa tmiem l-2022 fid-dawl tad-diffikultajiet soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu affettwati mill-kriżi tal-COVID-19 u jikkunsidraw il-possibbiltà li jistabbilixxu qafas Ewropew, fl-ambitu tal-pjan ta' azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tul il-katina tal-valur kollha tal-industrija, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u n-negozji, permezz ta' djalogu kostruttiv dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur, li huwa kkaratterizzat mill-istaġjonalità u minn forom ta' impjieg part-time u atipiċi; jenfasizza li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għandu jiġi garantit;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tistabbilixxi biżżejjed appoġġ iddedikat għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur turistiku, għal proġetti ta' innovazzjoni u diġitalizzazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċess mill-intrapriżi mikro u l-SMEs għal InvestEU, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu ħiliet ġodda u jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità; jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinament aħjar bejn il-livell tal-UE u dak lokali sabiex tissolva l-kwistjoni tal-aċċess għall-finanzi; jenfasizza li teknoloġiji ġodda, bħalma huma l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u r-realtà virtwali u awmentata, jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-industrija tat-turiżmu; jinnota li l-adozzjoni tagħhom tirrikjedi finanzjament adegwat għall-istabbilimenti turistiċi, partikolarment il-mikrointrapriżi u l-SMEs;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi programmi ġodda li jappoġġjaw l-innovazzjoni tas-settur turistiku permezz tal-ħsieb proġettwali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tappoġġja l-aħjar prattiki użati fil-preżent mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, it-tranżizzjoni għal intermodalità bla xkiel fit-trasport u l-iżvilupp ta' biljetti globali għall-ivvjaġġar bil-ferrovija; ifakkar fl-importanza ta' networks TEN-T moderni u kontinwi u servizzi transfruntiera b'veloċità għolja fl-Ewropa kollha biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-trasport sostenibbli kollettiv internazzjonali u b'hekk it-turiżmu jsir aktar sostenibbli f'kull staġun tas-sena; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li jissaħħu n-nodi urbani u t-trasport pubbliku, li huma parti importanti mill-esperjenza tat-turisti u mill-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini f'destinazzjonijiet turistiċi;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-viża elettronika, flimkien mal-viża għall-ivvjaġġar u miżuri oħra li jippermettu lill-viżitaturi jidħlu fl-Unjoni legalment;

62.  Jemmen li l-promozzjoni tal-marka turistika Ewropea f'pajjiżi terzi għandha tiffoka fuq id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku biex tattira firxa usa' ta' turisti u żżid is-sehem mis-suq, filwaqt li tippromwovi destinazzjonijiet ewlenin li joffru alternattiva għal żoni ta' turiżmu tal-massa; jenfasizza l-attraenza tal-prodotti u s-servizzi turistiċi pan-Ewropej, bħall-itinerarji transnazzjonali;

63.  Jindika l-kontribut ewlieni tal-isport għat-turiżmu fl-Ewropa u jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi, mingħajr ma tintesa l-importanza li tittejjeb is-sostenibbiltà ta' avvenimenti kbar; jissottolinja l-importanza tal-gastronomija Ewropea, ir-rotot gastronomiċi u s-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-catering għall-industrija tat-turiżmu; jissottolinja l-importanza tat-turiżmu tas-saħħa u tal-ispas u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi turistiċi li jistgħu jgħinu biex titnaqqas l-ispiża tas-saħħa permezz ta' miżuri preventivi u konsum farmaċewtiku iżgħar; jemmen li l-promozzjoni tal-marka tat-turiżmu fil-livell Ewropew għandha tiffoka fuq id-diversifikazzjoni tal-offerta tal-UE fil-wirt kulturali u naturali, l-ikel u s-saħħa, f'kooperazzjoni mad-destinazzjonijiet u l-operaturi turistiċi;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti mhux agrikoli, anke fid-dawl tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-2014, li tindika li tali rikonoxximent jagħti spinta lis-settur tat-turiżmu billi jassoċja immedjatament prodott ma' territorju;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-professjonijiet artistiċi u artiġjanali tradizzjonali, li huma xempju tal-eċċellenza tal-prodotti magħmulin fl-Ewropa bħala espressjoni tal-identità u t-tradizzjonijiet tat-territorji Ewropej, inkluż fil-kuntest tal-industrija tat-turiżmu, permezz tar-rikonoxximent uffiċjali bħala parti mill-wirt kulturali tal-Ewropa;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u, jekk hemm bżonn, tirrevedi d-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar(17) u tiżblokka n-negozjati fil-Kunsill dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru(18) biex jitqiesu l-effetti tal-kriżi reċenti, tiġi evitata kwalunkwe inċertezza ġuridika u jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni mill-insolvenza billi żżid approċċ preventiv biex tgħin lill-kumpaniji u l-SMEs fi stadju aktar bikri u tipproteġi lill-ħaddiema f'każ ta' xokkijiet sistemiċi u/jew insolvenza;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skema Ewropea ta' garanzija tal-ivvjaġġar, abbażi tal-esperjenza tal-kriżi tal-COVID-19 u ta' skemi simili fl-Istati Membri, biex tiġi żgurata likwidità finanzjarja għall-kumpaniji u biex il-vjaġġaturi jingħataw garanziji dwar rifużjonijiet kif ukoll spejjeż ta' ripatrijazzjoni, flimkien ma' kumpens ġust għal kwalunkwe dannu mġarrab f'każ ta' falliment;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma unika għall-ħolqien ta' programmi ta' litteriżmu fl-innovazzjoni diġitali għad-diriġenti tal-mikrointrapriżi u l-SMEs, li tagħtihom il-ħiliet li jeħtieġu biex jottimizzaw il-potenzjal tagħhom li joħolqu l-ġid; jemmen li t-taħriġ regolari u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti fis-settur hu tal-akbar importanza, b'enfasi partikolari fuq il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali tal-UE għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur, inkluża skema ta' finanzjament mill-UE għal dan il-għan;

69.  Jinnota li l-ħiliet u l-kwalifiki mhumiex dejjem armonizzati bejn il-pajjiżi u jeżisti nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa l-possibbiltajiet ta' armonizzazzjoni tar-regoli u l-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward;

70.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien ma' assoċjazzjonijiet fis-settur u tuża l-aħjar prattiki biex toħroġ rakkomandazzjonijiet u tagħti appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti turistiċi kummerċjali, fieri, kungressi u turiżmu relatat ma' avvenimenti artistiċi u ta' divertiment, bħal kunċerti u festivals;

71.  Jitlob li l-Kummissjoni tippubblika u taqsam mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri prattiki tajbin għall-professjoni ta' gwida turistika professjonali sabiex jiġu indirizzati l-problemi li jaffettwaw dan is-settur; iqis li l-gwidi turistiċi professjonali għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-wirt kulturali f'sinerġija mat-territorju lokali, it-tradizzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet tiegħu; jemmen, għalhekk, li din il-professjoni għandha tgawdi protezzjoni adegwata fis-suq tax-xogħol sabiex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja filwaqt li tinżamm kompetizzjoni miftuħa u ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza n-nuqqas ta' rikonoxximent reċiproku fis-settur sabiex jiġi aċċertat fejn l-Unjoni tista' tagħmel it-titjib meħtieġ;

72.  Jissottolinja l-importanza tal-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għal kulħadd, inklużi t-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew mill-vulnerabbiltajiet li jista' jkollhom; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tiffaċilita l-implimentazzjoni u r-rikonoxximent possibbilment usa' tal-iskema tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE; jenfasizza li turiżmu aċċessibbli għal kulħadd jista' jsir realtà biss b'taħlita korretta ta' standards ġuridiċi implimentati mill-Istati Membri, innovazzjoni u żviluppi teknoloġiċi, taħriġ tal-persunal, sensibilizzazzjoni, promozzjoni u komunikazzjoni adegwati, fil-katina tal-provvista kollha tal-offerta turistika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' networks Ewropej fejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jistgħu jikkooperaw u jikkondividu l-aħjar prattiki; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jixprunaw attivament il-proċess ta' żvilupp li għaddej bħalissa fir-rigward tal-istandard tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar servizzi turistiċi aċċessibbli u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u korretta tiegħu ladarba jiġi adottat, filwaqt li jiżguraw ukoll li l-fornituri tas-servizzi jirrispettaw l-istandards rilevanti tal-aċċessibbiltà li diġà qegħdin fis-seħħ jew li jinsabu fil-proċess li jiġu implimentati u jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħhom;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi metodu standardizzat għall-ġbir ta' feedback interattiv dwar l-aċċessibbiltà tad-destinazzjonijiet min-naħa tal-intrapriżi u t-turisti u tippromwovi l-użu tiegħu fis-settur turistiku kollu kemm hu;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet addizzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-formulazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni dwar it-turiżmu, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, billi dawk ir-reġjuni jiddependu ħafna mit-turiżmu għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom; iwissi, f'dan il-kuntest, dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament xieraq għas-salvagwardja tal-aċċessibbiltà tar-reġjuni ultraperiferiċi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tqis it-tranżizzjoni klimatika u diġitali fir-reġjuni ultraperiferiċi;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer, ir-reġjuni insulari u ż-żoni rurali, u jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni istituzzjonali strutturata tajjeb mal-atturi reġjonali interessati kollha, kif ukoll mal-Kumitat tar-Reġjuni;

76.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-mobilità fit-territorji li jbatu minn insularità doppja u tripla, fid-dawl ta' tnaqqis f'daqqa fil-provvista; jenfasizza l-possibbiltà li jiġu stabbiliti kurituri tas-saħħa sikuri fit-traffiku mar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer li jgħinu biex jittaffew ir-restrizzjonijiet permanenti li jiffaċċjaw;

77.  Jisħaq li l-miżuri tal-iżvilupp rurali tal-UE jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-settur agroalimentari tal-UE, għas-sostenibbiltà ambjentali u għall-benessri taż-żoni rurali;

o
o   o

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0169.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0047.
(3) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179.
(4) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1.
(5) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 125.
(6) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
(7) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 71.
(8) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.
(9) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 41.
(10) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(11) Testi adottati, P9_TA(2020)0156.
(12) "The carbon footprint of global tourism", Nature Climate Change, Mejju 2018.
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1595 tat-28 ta' Ottubru 2020 dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19, inkluż l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi (ĠU L 360, 30.10.2020, p. 43).
(15) UNWTO u Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, Making Tourism More Sustainable – A Guide for Policy Makers, 2005.
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17).
(17) ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1.
(18) ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza