Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0043/2021

Testi mressqa :

A9-0043/2021

Dibattiti :

PV 24/03/2021 - 29
CRE 24/03/2021 - 29

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0110

Testi adottati
PDF 204kWORD 67k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
It-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro
P9_TA(2021)0110 A9-0043/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro (2020/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lis-Summit taż-Żona tal-Euro tal-5 ta' Diċembru 2018 bit-titlu "Lejn rwol internazzjonali aktar b'saħħtu tal-euro" (COM(2018)0796),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titlu "Strengthening the International Role of the Euro – Results of the Consultations" (SWD(2019)0600),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro fil-qasam tal-enerġija (C(2018)8111) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2018)0483),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1308 tal-21 ta' Settembru 2020 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), partikolarment il-premessi (5) u (6) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rieżami annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tad-9 ta' Ġunju 2020 dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar żvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): titjib tal-aċċess għall-finanzjament fis-swieq kapitali, b'mod partikolari mill-SMEs, u żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-18 ta' Settembru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli – Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2018(7),

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta' Settembru 2020(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE ta' Ottubru 2020 dwar euro diġitali(9),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020(10) (COM(2020)0440),

–  wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tiegħu ta' Settembru 2020 bit-titlu "Post-COVID-19 Global Currency Order: Risks and Opportunities for the Euro"(11),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma 26760 mis-sensiela NBER ta' Ethan Ilzetzki (London School of Economics), Carmen M. Reinhart (Università ta' Harvard) u Kenneth S. Rogoff (Harvard Kennedy School) ta' Frar 2020 bit-titlu "Why is the euro punching below its weight?"(12),

–  wara li kkunsidra l-kontribut politiku ta' Bruegel tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titlu "Is the COVID-19 crisis an opportunity to boost the euro as a global currency?"(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni tal-Unjoni (DĠ IPOL) tat-13 ta' Frar 2019 bit-titlu "Euro at 20: Background reader – collection of studies and assessments"(14),

–  wara li kkunsidra d-diskors ewlieni tal-5 ta' Marzu 2020 mogħti mill-President Charles Michel fiċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro(15),

–  wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-President Charles Michel wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2019(16),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond ta' Ġunju 2020 mitluba mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu bħala parti mid-Dokumenti ta' Djalogu Monetarju, bit-titlu "The International Role of the Euro: State of Play and Economic Significance"(17),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE Christine Lagarde fis-seduta ta' smigħ tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tat-8 ta' Ġunju 2020(18),

–  wara li kkunsidra d-diskors tas-7 ta' Lulju 2020 mogħti minn Fabio Panetta, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, bit-titlu "Unleashing the euro's untapped potential at global level"(19),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Barry Eichengreen (l-Università ta' California, Berkeley) ta' April 2010 bit-titlu "Managing a Multiple Reserve Currency World"(20),

–  wara li kkunsidra l-post tat-3 ta' Diċembru 2018 fuq il-blogg ta' Bruegel bit-titlu "The international role of the euro"(21),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Jannar 2020 bit-titlu "Economic and Budgetary Outlook for the European Union 2020"(22),

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-EPRS tat-2 ta' Lulju 2019 bit-titlu "Towards unified representation for the euro area within the IMF"(23),

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika tad-DĠ IPOL ta' Ottubru 2020 bit-titlu "Guidance by the EU supervisory and resolution authorities on Brexit"(24),

–  wara li kkunsidra d-data tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) dwar il-kompożizzjoni monetarja tar-riżervi uffiċjali tal-muniti barranin (COFER)(25),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat 84/2020 tad-19 ta' Mejju 2020 bit-titlu "The 2017 results of the International Comparison Program"(26),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat 137/2020 tas-16 ta' Settembru 2020 bit-titlu "Euro area international trade in goods surplus €27.9 bn"(27),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0043/2021),

A.  billi fl-għoxrin sena li ilu jeżisti, l-euro sar simbolu pożittiv tal-għaqda, l-integrazzjoni u s-saħħa ekonomika tal-Ewropa u tal-pożizzjoni tagħha fid-dinja, filwaqt li sar mezz ta' kif jixterdu l-valuri Ewropej tad-demokrazija, is-swieq ħielsa u l-kooperazzjoni internazzjonali;

B.   billi l-euro huwa l-munita uffiċjali taż-żona tal-euro, li fil-preżent tinkludi 19 mis-27 Stat Membru tal-UE, u jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro bħala munita komuni(28); billi l-Bulgarija, il-Kroazja u d-Danimarka ankraw il-muniti tagħhom mal-euro permezz tal-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) u billi l-euro huwa wkoll il-munita uffiċjali(29) jew de facto(30) ta' xi territorji li mhumiex fl-UE; billi d-deċiżjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li jorbtu l-muniti tagħhom mal-euro tista' tinfluwenza l-ekonomiji tagħhom u l-prospetti fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli;

C.  billi minkejja d-daqs ekonomiku u l-influwenza taż-żona tal-euro fil-kummerċ globali, l-użu tal-euro bħala valuta ta' riżerva(31) u munita ta' fatturazzjoni(32) fil-livell internazzjonali, kif ukoll fis-sehem tiegħu ta' tranżazzjonijiet ta' kambju internazzjonali u titoli ta' dejn(33), għadu lura ferm meta mqabbel mad-dollaru Amerikan, iżda jikklassifika kważi fl-istess livell meta mqabbel mad-dollaru f'termini ta' proporzjon ta' pagamenti internazzjonali; billi l-euro għadu t-tieni l-aktar munita importanti fis-sistema monetarja internazzjonali;

D.  billi l-potenzjal globali tal-euro għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ u l-benefiċċji tiegħu mhumiex imqassma ndaqs fost il-membri taż-żona tal-euro;

E.  billi s-sommarju tal-indiċi kompost tal-BĊE dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro jissuġġerixxi li l-euro bħala munita internazzjonali laħaq il-quċċata fl-2005, li l-internazzjonalizzazzjoni tiegħu marret lura minn hemm 'il quddiem, u li minn dak iż-żmien 'l hawn l-euro ma reġax lura għall-istatus preċedenti tiegħu; billi l-kriżi tal-COVID-19 ipprovdiet impetu ġdid għall-argument ta' rwol internazzjonali akbar għall-euro;

F.  billi rwol internazzjonali akbar għall-euro jippermetti lill-UE ttejjeb il-benessri taċ-ċittadini Ewropej kif definit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u governanza globali tajba kif definit fl-Artikolu 21 tat-TUE; billi l-politiki stabbiliti biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro għandhom jiġu segwiti f'konformità mal-objettivi ġenerali tal-Unjoni, inklużi l-iżvilupp sostenibbli, l-okkupazzjoni sħiħa u l-politika industrijali, kif ukoll jimmiraw li jtejbu r-reżiljenza soċjali, il-koeżjoni interna u l-funzjonament taż-żona tal-euro u jippromwovu relazzjonijiet ekonomiċi globali li jkunu konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Ftehim ta' Pariġi, l-SDGs u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

G.  billi l-bidliet ġeopolitiċi attwali u l-isfidi tal-kummerċ internazzjonali – fosthom it-tfixkil tal-katini tal-valur, l-iżviluppi teknoloġiċi, it-trasformazzjoni diġitali, iż-żieda fis-saħħa ekonomika taċ-Ċina u l-isfidi ġeopolitiċi reċenti għall-multilateraliżmu – jistgħu jwasslu għal ekonomija dinjija multipolari, u b'hekk titwitta t-triq għal bidla potenzjali lejn sistema ta' riżerva ta' diversi muniti fejn l-euro jista' joffri għażliet ta' muniti addizzjonali għall-parteċipanti tas-suq globalment u jippermetti tnaqqis fir-riskji finanzjarji globali;

H.  billi rwol internazzjonali akbar għall-euro u żieda fl-użu tiegħu bħala valuta ta' riżerva jipprovdu grad ogħla ta' awtonomija finanzjarja liż-żona tal-euro, filwaqt li jħarsuha mill-użu ta' muniti oħrajn bħala għodod ta' politika barranija minn amministrazzjonijiet nazzjonali oħra u jżidu l-kapaċità tal-UE li tinkwadra l-pożizzjoni politika tagħha globalment;

I.  billi l-UE għandha tħares l-integrità tal-infrastrutturi finanzjarji tagħha, l-indipendenza tal-operaturi tas-suq tagħha u l-indipendenza tan-networks ta' tranżazzjonijiet finanzjarji globali mill-unilateraliżmu fil-politika barranija u s-sanzjonijiet ekstraterritorjali li jista' jkun hemm minn ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi, u fl-istess ħin tiżgura l-infurzar effettiv tal-politika tas-sanzjonijiet tal-UE;

J.  billi d-deċiżjoni li tintuża munita hija fl-aħħar mill-aħħar determinata mill-preferenzi tal-parteċipanti fis-suq, u l-fiduċja fl-istabbiltà ta' munita hija komponent kruċjali li jinfluwenza l-għażliet tagħhom u kriterju importanti għall-banek ċentrali u l-gvernijiet fid-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tar-riżervi internazzjonali tagħhom; billi l-grad sa fejn munita partikolari tintuża minn atturi esterni huwa marbut mal-integrità u l-koeżjoni tal-ġuriżdizzjoni li toħroġ dik il-munita; billi l-istabbiltà ta' munita hija ddeterminata wkoll mill-istabbiltà tal-istituzzjonijiet warajha, u hemm bżonn integrazzjoni Ewropea akbar sabiex tinbena stabbiltà istituzzjonali u politika addizzjonali wara l-euro;

K.  billi taħlita wiesgħa ta' fatturi tiddetermina r-rwol tal-muniti internazzjonali; billi, storikament, il-pajjiżi li joħorġu muniti dominanti kienu kkaratterizzati minn ekonomija mdaqqsa u dejjem akbar, moviment liberu tal-kapital, rieda li jaqdu rwol internazzjonali, stabbiltà, kapaċità li jipprovdu provvista kbira u elastika ta' assi sikuri, swieq finanzjarji żviluppati u preżenza ġeopolitika sinifikanti; billi, fit-tul, l-attraenza ta' munita partikolari hija ddeterminata wkoll mill-vitalità tal-ekonomija tal-ġuriżdizzjoni li toħroġha; billi, minn naħa waħda, id-daqs tal-ekonomija taż-żona tal-euro u l-moviment liberu tal-kapital jissodisfaw il-prerekwiżiti bażiċi li jippermettu t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, filwaqt li, min-naħa l-oħra, is-swieq finanzjarji u tal-kapital għadhom frammentati u l-arkitettura fiskali taż-żona tal-euro – ibbażata ħafna fuq il-banek – mhijiex kompluta u hemm inadegwatezza fil-provvista affidabbli ta' assi ta' kwalità għolja utilizzabbli mill-investituri globali;

L.  billi munita internazzjonali b'saħħitha tippermetti lill-ġuriżdizzjoni tibbenefika mill-ħruġ ta' ammonti kbar ta' titoli ta' dejn ikkunsidrati bħala ħielsa mir-riskju fis-swieq mondjali, tibbenefika mill-hekk imsejjaħ "privileġġ eżorbitanti", mis-sinjoraġġ u mill-kapaċità li tbigħ titoli tal-gvern b'rati tal-imgħax baxxi, u tippermetti wkoll lill-kumpaniji jgawdu l-istabbiltà li tiġi mill-kapaċità li jagħmlu tranżazzjonijiet internazzjonali fil-munita tagħhom stess;

M.  billi r-rwol internazzjonali fit-tul tal-euro jiddependi l-aktar mill-attraenza taż-żona tal-euro bħala post fejn isir in-negozju u s-solidità tal-politiki fiskali tal-Istati Membri; billi l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija jirrikjedi politiki monetarji u baġitarji sodi, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri taż-żona tal-euro; billi hemm bżonn taħlita tajba ta' politiki fiskali u monetarji biex tinbena unjoni ekonomika u monetarja (UEM) aktar profonda u stabbli, li hija neċessarja biex tiżdied l-influwenza tal-euro u jikbru l-benefiċċji għall-membri taż-żona tal-euro;

N.  billi ż-żona tal-euro qed tiffaċċja sfidi sinifikanti, speċjalment b'rabta mat-tibdil fil-klima, iċ-ċibersigurtà, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll sfidi ġeopolitiċi, inkluż il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

O.  billi, mill-31 ta' Jannar 2020, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE; billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jġib miegħu bidliet strutturali fis-sistema finanzjarja tal-UE u l-istabbiltà tagħha, filwaqt li jintensifika l-ħtieġa li s-swieq kapitali tal-UE jkomplu jiġu żviluppati u integrati aktar, bil-għan li jsiru attraenti, kompetittivi, reżiljenti u sostenibbli, biex b'hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u jitħallew jikkompetu globalment filwaqt li tinżamm mentalità globali u kooperattiva, billi trid tingħata attenzjoni konsiderevoli biex jiġi żgurat li kwalunkwe sistema ta' swieq finanzjarji u kapitali poliċentrika li tista' tirriżulta mill-ħruġ tar-Renju Unit ma twassalx għal frammentazzjoni finanzjarja; billi t-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE mill-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit huwa essenzjali biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;

P.  billi l-irkupru globali għadu irregolari, inċert u inkomplet, u l-politiki ta' trażżin bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19 qed iqiegħdu aktar pressjoni fuq l-irkupru ekonomiku, li tista' taffettwa l-pożizzjonijiet tal-muniti tad-dinja;

Q.  billi l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija jirrikjedi implimentazzjoni rapida tal-pjan ta' rkupru ta' Next Generation EU, li huwa rispons fiskali Ewropew li jindirizza d-dgħufijiet strutturali u jistabbilixxi politiki li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività billi jiffoka fuq (i) tranżizzjoni ekoloġika ġusta, (ii) it-trasformazzjoni diġitali, (iii) il-koeżjoni ekonomika, il-produttività u l-kompetittività, (iv) il-koeżjoni soċjali u territorjali, (v) ir-reżiljenza istituzzjonali u (vi) politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, kif ukoll fuq il-bini tal-fiduċja fost l-investituri; billi politiki bħal dawn jistgħu jkunu rilevanti kemm biex l-euro jsir aktar stabbli u attraenti globalment kif ukoll biex tissaħħaħ l-awtonomija ekonomika u finanzjarja tal-Ewropa; billi stimolu fiskali sinifikanti, inkluż sforz konġunt fil-livell Ewropew, flimkien ma' politika monetarja mmirata lejn iż-żamma tal-istabbiltà fil-prezzijiet, se jsaħħu l-kapaċitajiet ta' self kontroċikliku tal-UE u konsegwentement ikollhom effett pożittiv fuq il-pożizzjoni internazzjonali tal-euro; billi l-irtirar prematur tal-istimolu fiskali u n-nuqqas ta' koordinazzjoni fl-azzjoni fiskali jistgħu jimminaw l-irkupru soċjali u ekonomiku tal-Unjoni, iżidu d-diverġenzi eżistenti fiż-żona tal-euro – u b'hekk jimminaw il-koeżjoni u l-integrità tagħha – u jdgħajfu l-attraenza tal-euro bħala munita internazzjonali;

R.  billi Next Generation EU – pjan ta' EUR 750 biljun – jipprovdi opportunità storika biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro billi jikkontribwixxi biex tiżdied il-likwidità globali, jappoġġja l-infiq kontroċikliku u jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell Ewropew; billi l-ħruġ ta' bonds li jimxi id f'id mal-fond ta' rkupru se jippermetti lill-investituri globali jiksbu skopertura għaż-żona tal-euro kollha kemm hi filwaqt li tiġi stabbilita wkoll kurva ta' rendiment ġenwina għaż-żona tal-euro;

S.  billi l-programm ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija (PEPP) tal-BĊE huwa element deċiżiv biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet u jiġi żgurat sors stabbli ta' finanzjament għall-ekonomija taż-żona tal-euro;

T.  billi sistema finanzjarja effiċjenti u żviluppata bbażata fuq varjetà kbira ta' strumenti finanzjarji, swieq kapitali żviluppati tajjeb u assi sikuri likwidi tista' ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-unjoni monetarja;

U.  billi f'xi swieq strateġiċi, bosta kumpaniji Ewropej xorta ma jagħżlux l-euro bħala munita ta' referenza għall-ipprezzar u l-kummerċ;

V.  billi setgħat ġodda għall-ħruġ temporanju ta' dejn ta' rkupru, inklużi bonds ekoloġiċi u soċjali – li jistgħu jagħmlu lill-UE l-akbar emittent ta' dejn bħal dan fid-dinja – jirrikjedu implimentazzjoni adegwata u kapaċitajiet ta' infurzar, kif ukoll standards b'saħħithom ta' trasparenza u traċċabbiltà tar-rikavati minn ħruġ ta' bonds ekoloġiċi, sabiex jiġi evitat li tiddgħajjef il-kredibbiltà fit-tul tal-euro bħala munita tal-assi sikura;

W.  billi s-sitwazzjoni tal-pandemija aċċelerat it-trasformazzjoni diġitali tal-finanzi; billi l-iżvilupp ta' finanzi u pagamenti diġitali, b'atturi Ewropej b'saħħithom fuq quddiem nett, ikun il-pedament ta' rwol internazzjonali b'saħħtu għall-euro; billi euro diġitali jrendi l-munita Ewropea aktar adatta għad-dinja diġitali u jippermetti lill-euro jespandi fil-qasam tal-pagamenti diġitali, li jsiru eħfef biex jintużaw, inqas għaljin u aktar effiċjenti;

X.  billi studji kkummissjonati mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Ewropew urew li użu usa' ta' munita internazzjonali jġib miegħu vantaġġi iżda jimplika wkoll responsabbiltajiet, dipendenzi u spejjeż globali li għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil ta' politiki monetarji ambizzjużi li jkollhom l-għan li jagħmlu lill-euro munita aktar kompetittiva;

Y.  billi l-bidliet immexxija mis-suq lejn it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro jirrikjedu impenn b'saħħtu favur swieq internazzjonali miftuħa u ħielsa, imsaħħaħ minn politiki ta' faċilitazzjoni mmirati, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, li jkunu allinjati ma' dan l-objettiv u jkunu parti minn pjan direzzjonali komprensiv;

Benefiċċji u sfidi tat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro

1.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, ħlief id-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; jilqa' d-dħul tal-Bulgarija u l-Kroazja fl-ERM II f'Lulju 2020 u jesprimi l-appoġġ tiegħu favur mira għal data rapida għall-adozzjoni tal-euro fiż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b'rabta ma' dan, tivvaluta l-impatt potenzjali tat-tkabbir ulterjuri taż-żona tal-euro fil-proċess tat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro;

2.  Jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jenfasizza li l-euro mhuwiex biss proġett monetarju iżda anke proġett politiku;

3.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li mhux l-effetti kollha tal-internazzjonalizzazzjoni tal-euro jistgħu jiġu kkwantifikati faċilment, it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro f'termini tar-rwol tiegħu bħala valuta ta' riżerva u munita ta' fatturazzjoni internazzjonali u l-użu tiegħu fis-swieq tal-kambju, tad-dejn internazzjonali u tas-self jista' jiġġenera benefiċċji kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul; jinnota, madankollu, li jġib ukoll riskji u responsabbiltajiet li jridu jitqiesu fil-proċess ta' kkomplementar tal-forzi tas-suq b'miżuri ta' politika; jissottolinja, b'mod partikolari, li status monetarju internazzjonali aktar b'saħħtu għall-euro jista' jżid l-użu tal-euro bħala valuta ta' riżerva, jipprovdi privileġġ eżorbitanti u jnaqqas l-ispejjeż ta' finanzjament estern u tranżazzjoni għall-iskambju ta' muniti, kif ukoll inaqqas l-ispejjeż u r-riskji mġarrba min-negozji u l-familji Ewropej; jenfasizza li rwol internazzjonali aktar b'saħħtu għall-euro gradwalment joħloq swieq finanzjarji Ewropej aktar profondi, likwidi u integrati, li jagħmilhom inqas vulnerabbli għal xokkijiet fir-rata tal-kambju u b'hekk ikun hemm lok għal aċċess aktar affidabbli għall-finanzi għan-negozji u l-gvernijiet Ewropej; jissottolinja li status monetarju aktar b'saħħtu għall-euro jista', barra minn hekk, isaħħaħ l-awtonomija tal-politika monetarja, isaħħaħ it-trażmissjoni globali tagħha u jrendi l-politika monetarja tal-UE inqas dipendenti fuq effetti ekonomiċi u finanzjarji eżoġeni, kif ukoll itejjeb il-likwidità tas-sistema monetarja, inaqqas l-ispejjeż tal-kummerċ u jsaħħaħ l-effiċjenza tas-suq u r-reżiljenza taż-żona tal-euro għax-xokkijiet finanzjarji, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għall-istabbiltà monetarja u finanzjarja tal-UE, minbarra li jipprovdi aġġustament bla xkiel għall-iżbilanċi makroekonomiċi; iqis li rwol internazzjonali aktar b'saħħtu għall-euro jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha indipendentement mill-iżviluppi globali; jinnota, madankollu, li xi studji jirrimarkaw li r-rwol internazzjonali aktar b'saħħtu ta' munita jista' jwassal għal telf ta' sinjoraġġ, sopravalutazzjoni tal-munita, volatilità ogħla tal-fluss tal-kapital fi żminijiet ta' stress globali u aktar responsabbiltajiet fil-livell internazzjonali;

4.  Jenfasizza li rwol aktar prominenti għall-euro fil-livell internazzjonali jista' jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja internazzjonali, filwaqt li joffri għażla akbar għall-parteċipanti fis-swieq madwar id-dinja u jrendi l-ekonomija internazzjonali inqas vulnerabbli għax-xokkijiet relatati mad-dipendenza kbira ta' bosta setturi minn munita waħda; jikkontempla li l-internazzjonalizzazzjoni tal-euro tista' ssir fattur ewlieni biex jiġi stabbilit il-pedament għal sistema monetarja internazzjonali mġedda, li tkompli sserraħ fuq għadd limitat ta' muniti filwaqt li tagħmilha aktar ibbilanċjata u sostenibbli;

5.  Iqis li hu fl-interess strateġiku fit-tul taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha li jisfruttaw il-benefiċċji possibbli kollha marbutin mal-ħruġ tal-munita tal-euro, u partikolarment mar-rwol internazzjonali msaħħaħ tagħha; jenfasizza li biex dawk il-benefiċċji jimmaterjalizzaw ruħhom, hemm bżonn sforzi politiċi orkestrati tajjeb fil-livell Ewropew u nazzjonali, inkluż bil-kontribut tal-BĊE, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB), l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

6.  Jirrimarka li, sabiex ir-rwol internazzjonali tal-euro jissaħħaħ, l-Unjoni trid tkompli tiżviluppa u tlesti l-infrastruttura inkompleta tal-munita komuni u tagħmel aktar progress fil-funzjonijiet kritiċi tagħha;

7.  Itenni l-ħtieġa li l-UEM, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) jiġu approfonditi u kkompletati, bil-ħsieb li tiżdied il-kompetittività internazzjonali tas-swieq Ewropej kif ukoll l-istabbiltà u l-attraenza tal-euro u, fl-aħħar mill-aħħar, l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

8.  Ifakkar fil-progress li sar fil-bini tal-Unjoni Bankarja u jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fil-Grupp tal-Euro dwar ir-riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-avvanz tad-dħul fis-seħħ tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni; jilqa' r-rieżami kontinwu tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżi u l-assigurazzjoni ta' depożitu min-naħa tal-Kummissjoni biex jiżdiedu l-effiċjenza, il-proporzjonalità u l-koerenza ġenerali tal-qafas sabiex jiġu ġestiti l-kriżijiet tal-banek fl-UE;

9.  Jieħu nota tat-talba tas-Summit tal-Euro tal-11 ta' Diċembru 2020 lill-Grupp tal-Euro biex iħejji pjan ta' ħidma gradwali u marbut biż-żmien dwar l-elementi kollha pendenti meħtieġa biex titlesta l-unjoni bankarja; ifakkar li l-unjoni bankarja għad m'għandhiex skema ta' assigurazzjoni tad-depożiti, kif ukoll mekkaniżmu biex jiġi żgurat li bank f'riżoluzzjoni jista' jingħata likwidità; jenfasizza, għalhekk, li l-finalizzazzjoni tal-unjoni bankarja, b'mod partikolari l-ħolqien ta' sistema mfassla tajjeb biex jiġu ggarantiti u protetti d-depożiti tal-banek fl-UE, u t-tlestija tal-mekkaniżmu li jindirizza l-banek li jkunu qed ifallu, isaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro;

10.  Iqis li approċċ ta' "portafoll sikur" u l-għoti ta' setgħat lill-SRB permezz tar-riforma tal-qafas ta' riżoluzzjoni u l-ħolqien ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' suq uniku għall-banek Ewropej u jkissru ċ-ċirku ta' feedback bejn Stat Membru u s-sistema finanzjarja tiegħu stess, u b'hekk tiżdied l-attraenza tal-assi denominati f'euro u jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;

11.  Jissottolinja li r-rwol internazzjonali tal-euro jibbenefika wkoll mill-isfruttament tal-potenzjal ta' wieħed mill-akbar valuri miżjuda tal-UE: is-suq uniku tagħha; jitlob, għal dan il-għan, l-ikkompletar tas-suq uniku;

12.  Jirrimarka li l-ikkompletar tas-CMU jippromwovi r-rwol tal-euro fis-suq internazzjonali, billi swieq kapitali domestiċi, finanzjarji u denominati f'euro profondi u likwidi huma essenzjali biex munita tikseb u tgħolli l-istatus internazzjonali tagħha; jissottolinja li aktar progress fl-iżvilupp tas-CMU jżid kemm ir-reżiljenza għal żviluppi globali u l-indipendenza minnhom kif ukoll l-attraenza tal-assi denominati f'euro; jiddeplora s-sottożvilupp u s-segmentazzjoni tas-swieq tal-kapital taż-żona tal-euro skont linji nazzjonali, li rriżulta fi swieq ta' daqs żgħir; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar it-tassazzjoni ta' prodotti finanzjarji, jitlob li jitnaqqsu l-għażliet u d-diskrezzjonijiet fil-livell nazzjonali sabiex jitnaqqsu l-ostakli transfruntiera u jitlob sforzi biex tinbeda armonizzazzjoni minima gradwali u progressiva tar-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza; iqis li wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex issaħħaħ il-kompetittività globali tagħha billi tibni fuq il-punti b'saħħithom li għandha biex issir suq attraenti għall-kumpaniji u l-investituri Ewropej u internazzjonali; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-rwol potenzjali tal-euro biex jittaffa l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-Irlanda;

13.  Jenfasizza l-bżonn ta' politiki strutturali sostenibbli, ġusti u sodi mil-lat ekonomiku, fiskali u ta' tisħiħ tal-produttività u t-tkabbir, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, li jkunu bbażati fuq impenn għal regoli fiskali kredibbli biex jinżammu l-istabbiltà u l-integrità tal-euro; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pjan deskritt fil-pakkett ta' rkupru ta' Next Generation EU li jintuża impuls fiskali, b'mod partikolari s-self ta' EUR 750 biljun minn bonds tas-swieq tal-kapital biex jiġi ffinanzjat l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; iqis li l-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza jista' jtejjeb il-funzjonament tas-suq tad-dejn sovran attwalment frammentat, jiffaċilita t-tlestija tal-unjoni bankarja u jsostni l-progress lejn l-ikkompletar tas-CMU; jilqa', barra minn hekk, il-ħruġ ta' EUR 100 biljun f'bonds fl-ambitu tal-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE); jinnota li l-esperjenza reċenti bil-ħruġ ta' SURE tikkonferma l-livell ta' interess għoli tal-investituri fil-bonds Ewropej; jirrikonoxxi li l-finanzjament tal-pjan għall-irkupru permezz ta' rispons kollettiv għal xokk komuni huwa l-approċċ it-tajjeb; jenfasizza li l-użu ta' varjetà ta' taxxi biex jiżdiedu r-riżorsi proprji tal-UE huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, u, għalhekk, wieħed li jsaħħaħ ir-rwol tal-euro; iqis li l-Parlament għandu jingħata rwol demokratiku aktar b'saħħtu fl-implimentazzjoni ta' dan il-proċess permezz ta' skrutinju politiku;

14.  Jenfasizza l-bżonn ta' qafas fiskali kredibbli li jsaħħaħ l-attraenza tal-euro billi jiġi promoss tkabbir fit-tul, tiġi żgurata l-istabbiltà biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-finanzi tal-Istati Membri u jiġu minimizzati r-riskji ta' ridenominazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, li ssir aktar riflessjoni dwar il-qafas tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir attwali u l-infurzar tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi diffiċli u l-kwistjonijiet ta' legat li jirriżultaw mir-rispons għall-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li se jdumu magħna għal għexieren ta' snin; jinnota li filwaqt li wħud mill-miżuri ta' appoġġ se jiskattaw awtomatikament, l-għażla tal-iskadenzi xierqa għall-irtirar ta' dawk li jifdal se tkun essenzjali sabiex jiġi evitat li jiddgħajfu l-irkupru u t-tkabbir, li se jkunu fundamentalment importanti biex, wara l-kriżi, id-dejn jiġi indirizzat u jitniżżel għal livelli sostenibbli;

15.  Jenfasizza li provvista adegwata ta' assi sikuri hija prekundizzjoni għall-istatus tal-munita internazzjonali, u jissottolinja d-disponibbiltà limitata ta' assi sikuri denominati f'euro; iqis li l-iżvilupp ta' għodod ta' politika adegwati jista' jiffaċilita l-provvista ta' assi sikuri, u jqis ukoll li l-ħruġ propost ta' dejn komuni biex jiġi ffinanzjat l-irkupru ekonomiku u soċjali se jipprovdi valur referenzjarju ta' assi ta' riżerva fil-livell tal-UE u jżid il-provvista ta' assi sikuri denominati f'euro; jistieden lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku jaġġorna r-rapport tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Assi Sikuri tiegħu tal-2018; iħeġġeġ lill-BEI joħroġ għadd akbar ta' bonds denominati f'euro, li jtejjeb id-disponibbiltà ta' assi mingħajr riskju denominati f'euro;

16.  Jirrikonoxxi li l-euro diġà hija l-munita ta' denominazzjoni ewlenija għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi, hekk kif, kif skont il-BĊE, fl-2019 aktar minn nofs il-bonds ekoloġiċi maħruġa globalment inħarġu f'euro; jemmen li l-UE għandha tkun fuq quddiem nett fid-dinja anke fl-istabbiliment ta' standards għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż ġdid dwar finanzi sostenibbli u proposta għal standard robust dwar il-bonds ekoloġiċi tal-UE; iqis li l-konsolidazzjoni tar-rwol awtorevoli mondjali tal-UE fil-finanzi ekoloġiċi u l-kapaċità tagħha li tissettja l-istandards tista' ssaħħaħ l-euro bħala l-munita tal-għażla għal prodotti finanzjarji sostenibbli u ssostni r-rwol internazzjonali tagħha; ifaħħar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħroġ bonds ekoloġiċi bħala element importanti tal-finanzjament tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza; itenni li l-bonds ekoloġiċi huma strumenti ta' dejn li r-rikavat tagħhom għandu l-għan li jiffinanzja strumenti sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-investituri, permezz ta' standards b'saħħithom ta' trasparenza u traċċabbiltà tar-rikavat, grad b'saħħtu ta' ċertezza tad-dritt li l-investiment tagħhom se jintuża għall-iskop iddikjarat; jitlob, f'dan il-kuntest, l-ikkompletar u l-implimentazzjoni rapida tat-tassonomija ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli; jirrimarka l-bżonn li jiġi evitat ir-riskju tal-effetti potenzjali negattivi tal-likwidità li jistgħu jirriżultaw b'riżultat tal-frammentazzjoni tal-assi sikuri Ewropej bejn bonds ekoloġiċi, bonds soċjali u bonds "standard";

17.  Jieħu nota tar-rwol tal-ġeopolitika fir-rwol globali ta' munita; jitlob li r-rwol ġeopolitiku tal-UE jissaħħaħ sabiex jiġi appoġġjat rwol imsaħħaħ għall-euro, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ minnu; jenfasizza li l-internazzjonalizzazzjoni tal-euro tagħti aktar spazju lill-UE biex tinfluwenza deċiżjonijiet ġeopolitiċi globali, li, min-naħa tiegħu, jista' jsaħħaħ l-attraenza globali tal-euro; jinnota li filwaqt li r-rwol tal-ġeopolitika fid-dinja tal-lum għandu jkun parti mir-riflessjoni dwar it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, b'mod partikolari meta l-internazzjonalizzazzjoni tal-munita tista' tipproduċi effetti pożittivi għas-sigurtà, l-Unjoni għandha tikkunsidra l-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà, filwaqt li tippromwovi sistema internazzjonali li tqis il-koopearazzjoni multilaterali u governanza globali tajba;

18.  Jinnota li l-applikazzjoni unilaterali ta' sanzjonijiet min-naħa ta' pajjiżi terzi tista' toħloq riskju ta' effetti extraterritorjali u ġġib magħha sfidi għall-awtonomija deċiżjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll għad-dritt tagħhom li jirregolaw; jinsisti li l-promozzjoni ta' rwol internazzjonali akbar għall-euro tikkostitwixxi mod ta' kif tiġi evitata s-saħħa tas-sanzjonijiet ta' pajjiżi terzi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-miżuri li diġà ttieħdu mill-Unjoni bħall-attivazzjoni tal-"istatut ta' imblukkar"(34) tal-UE u l-ħolqien tal-Strument ta' Appoġġ għall-Iskambji ta' Kummerċ (INSTEX); jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha kemm fuq l-effikaċja tas-sanzjonijiet tagħha stess kif ukoll fuq l-effetti extraterritorjali tas-sanzjonijiet ta' pajjiżi terzi fuq l-operaturi tal-UE;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-istruttura istituzzjonali frammentata tal-UE u n-nuqqas ta' kapaċità li titkellem b'vuċi waħda fl-istituzzjonijiet internazzjonali jistgħu jimminaw il-kredibbiltà tal-politiki monetarji u fiskali tal-UE, filwaqt li jżommu lura l-iżvilupp istituzzjonali ulterjuri taż-żona tal-euro kif ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro; itenni l-bżonn ta' aktar rappreżentanza simplifikata u kodifikata tal-UE f'organizzazzjonijiet u korpi multilaterali, partikolarment ir-rappreżentanza taż-żona tal-euro fil-FMI, biex tkun tista' titrawwem l-influwenza globali tal-euro; iqis li, sa ma tiġi solvuta l-kwistjoni tar-rappreżentanza, koordinazzjoni aktar effettiva fost id-diversi rappreżentanti tal-UE tista' tiffavorixxi r-rwol internazzjonali tal-euro; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi tweġibiet dettaljati dwar l-azzjonijiet konkreti meħuda b'segwitu għall-proposti magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji;

Politiki li jsaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro

20.  Jissottolinja li rwol internazzjonali msaħħaħ għall-euro jista' jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni u jsaħħaħha; jirrakkomanda, għalhekk, azzjonijiet kemm għat-tfassil kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika li jrawmu r-rwol internazzjonali tal-euro u jappoġġjaw bidliet xprunati mis-suq f'din id-direzzjoni, filwaqt li jikkonsolidaw ukoll il-funzjonament u l-koeżjoni taż-żona tal-euro internament, u jippromwovu t-twettiq ta' objettivi importanti mil-lat ta' klima u sostenibbiltà, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni periferiċi;

21.  Jemmen li minbarra l-approfondiment u l-ikkompletar tal-UEM, politiki kritiċi li jiffavorixxu t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro jistgħu jkollhom fil-mira, fost l-oħrajn, is-servizzi finanzjarji u s-swieq tal-kapital, is-suq tax-xogħol, is-sistemi ta' pagament, il-kummerċ internazzjonali, l-enerġija, it-trasformazzjoni diġitali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-politiki barranin u ta' sigurtà; jenfasizza li politiki bħal dawn iridu jiġu segwiti bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Unjoni;

22.  Jinnota li swieq finanzjarji b'saħħithom u kompetittivi huma essenzjali biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali ta' munita, u jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni effettiva, proporzjonata u prevedibbli f'dan il-qasam;

23.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-suq tal-ikklirjar ċentralizzat huwa kkonċentrat ħafna, partikolarment għall-ikklirjar tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax denominati f'euro li jiddependi ħafna minn kontropartijiet ċentrali tal-ikklirjar (CCPs) ibbażati fir-Renju Unit; jieħu nota, f'dan il-kuntest, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza limitata fiż-żmien, u jħeġġeġ lill-industrija ssegwi l-appell tal-Kummissjoni biex inaqqsu l-iskoperturi tagħhom u d-dipendenza fuq CCPs ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari skoperturi derivattivi barra l-Borża (OTC) denominati f'euro u f'muniti oħra tal-Unjoni; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-isforzi tas-CCPs tal-UE biex jibnu l-kapaċitajiet ta' kklirjar tagħhom, kif ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea u l-BĊE biex fix-xhur li ġejjin jgħinu lill-industrija fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' kwalunkwe ostaklu tekniku għat-trasferiment ta' skoperturi eċċessivi lejn l-UE; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-kooperazzjoni regolatorja bejn l-UE u r-Renju Unit, ibbażata fuq qafas volontarju u mhux vinkolanti barra mill-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni (TCA) li jippermetti djalogu dwar il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija regolatorja u superviżorja ta' kull naħa;

24.  Jinnota li l-prominenza globali ta' munita hija marbuta direttament mar-rwol tal-pajjiż emittenti fil-kummerċ globali; jisħaq li l-UE, li tikkostitwixxi wieħed mill-akbar blokok kummerċjali tad-dinja b'impenn favur swieq internazzjonali miftuħin u ħielsa, tista' tibbenefika minn rwol internazzjonali msaħħaħ tal-munita tagħha; jissottolinja li l-ispinta favur l-għażla tal-euro fil-kummerċ tnaqqas ir-riskju tal-kambju u spejjeż oħra relatati mal-munita, speċjalment għall-SMEs Ewropej; josserva, madankollu, li minkejja l-pożizzjoni tagħhom bħala xerrejja u produtturi kbar, il-kumpaniji Ewropej ġieli jagħżlu li jagħmlu kummerċ fi swieq strateġiċi ewlenin f'muniti oħrajn jew jiffaċċjaw diffikultajiet biex iwettqu negozju f'euro minħabba ċerti strutturi tas-suq u dipendenzi storiċi; jieħu nota tal-istudji li juru li s-sehem tal-euro fil-fatturazzjoni mill-kumpaniji jiddependi minn bosta fatturi li jinkludu d-daqs tal-kumpanija u l-pajjiż li tkun lokalizzata fih, l-omoġeneità tal-prodotti u l-ktajjen tal-provvista eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippromwovi l-użu tal-euro fl-ipprezzar u l-fatturazzjoni fi tranżazzjonijiet kummerċjali u tagħmel użu mill-potenzjal għoli offrut mill-istrumenti finanzjarji denominati f'euro billi tiddjaloga attivament mal-partijiet ikkonċernati privati u s-sħab kummerċjali u tippromwovi l-użu tal-euro fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jirrimarka wkoll, f'dan il-kuntest, il-potenzjal offrut mill-ktajjen tal-provvista li jkunu konformi mal-għanijiet klimatiċi u ta' sostenibbiltà tal-Unjoni kif ukoll ma' standards rilevanti oħra;

25.  Iqis li l-Kummissjoni tista' tkompli tippromwovi l-użu tal-euro fl-ipprezzar u l-fatturazzjoni kummerċjali, u tippromwovi l-investimenti denominati f'euro, billi żżomm djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-investituri istituzzjonali, filwaqt li tipprovdi għarfien sħiħ u komprensjoni tal-inizjattivi tagħha u d-diversi sforzi li għandhom l-għan li jsaħħu l-attraenza u r-reżiljenza taż-żona tal-euro u l-euro; jara mertu fit-tisħiħ tal-impatt tad-diplomazija ekonomika Ewropea permezz ta' skambji regolari mas-sħab tal-G20, kif ukoll mal-pajjiżi tal-viċinat u l-pajjiżi kandidati, biex jiġu identifikati azzjonijiet ta' politika konkreti ta' interess reċiproku bil-ħsieb li jikber ir-rwol tal-euro f'pajjiżi terzi;

26.  Jirrimarka li sehem ogħla ta' kuntratti tal-enerġija kkummerċjalizzati fl-euro jista' jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-munita unika u jappoġġja politiki li jkomplu jiżviluppaw dak l-għan; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tas-swieq tal-enerġija u tal-komoditajiet ekoloġiċi bħala pijunieri għall-kummerċ mondjali ta' beni denominati f'euro, fejn il-kwoti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUAs) fl-ambitu tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU-ETS) jgħinu biex jissaħħaħ ir-rwol tal-euro fil-kummerċ internazzjonali, kif ukoll biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE; jitlob ukoll li tittieħed azzjoni biex jiġu ffaċilitati kuntratti innovattivi ġodda, b'mod partikolari għal sorsi ta' enerġija sostenibbli u swieq tal-enerġija ġodda, li joħolqu opportunità biex aktar kuntratti tal-enerġija jiġu negozjati f'euro, u b'hekk jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bil-konsultazzjoni u t-tħejjija ta' studji bil-għan li jiġi identifikat il-potenzjal li l-użu tal-euro jiżdied f'setturi oħra, partikolarment fit-trasport, kif ukoll fl-agrikoltura u l-prodotti bażiċi tal-ikel, sabiex ikompli jiġi appoġġjat u promoss l-użu tal-euro għal dan it-tip ta' kuntratti; jitlob, għalhekk, aktar azzjoni biex jiġu riveduti r-regoli tas-suq finanzjarju, inklużi d-Direttiva(35) u r-Regolament(36) dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II/MIFIR), u biex jiġi ssimplifikat u jkompli jiġi armonizzat il-qafas ta' trasparenza tas-swieq tat-titoli bil-għan li jiżdied il-kummerċ sekondarju fi strumenti ta' dejn denominati f'euro, kif ukoll ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' parametri referenzjarji tal-euro għas-swieq tal-komoditajiet u jissaħħaħ ir-rwol tal-euro bħala munita ta' referenza;

27.  Jenfasizza r-rwol li għandu l-BĊE fiż-żamma tal-fiduċja fl-euro u s-salvagwardja tal-awtonomija monetarja fil-kuntest globali u l-istabbiltà tal-prezzijiet; jissottolinja l-fatt li munita li żżomm valur stabbli fit-tul tippromwovi din il-fiduċja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jintlaħqu l-miri ta' stabbiltà tal-prezzijiet u l-kredibbiltà tal-politika monetarja; jinnota, madankollu, li l-mira tal-inflazzjoni ma ntlaħqitx sistematikament;

28.  Jisħaq fuq l-importanza tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro bħala prekundizzjoni għall-istatus ta' munita internazzjonali; jenfasizza l-effetti tal-politika monetarja tal-BĊE fuq l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji; jilqa' r-reazzjonijiet rapidi u sostanzjali tal-BĊE għall-politika monetarja għall-kriżi tal-COVID-19 meħuda f'kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-miżuri fil-pront tal-BĊE għas-sitwazzjoni ekonomika u l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, kif ukoll għall-attraenza tal-euro, bl-istabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, is-salvagwardja tad-disponibbiltà tal-likwidità f'euro, l-appoġġ għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament fl-ekonomija taż-żona tal-euro u, globalment, it-tisħiħ tal-fiduċja fis-suq;

29.  Jissottolinja l-importanza tal-ftehimiet ta' swap u tal-linji repo fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fis-swieq tal-finanzjament tal-euro fuq livell globali, billi tiġi żgurata provvista adegwata ta' likwidità f'euro u, indirettament, jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro; josserva l-impenn tal-Eurosistema li tappoġġja l-likwidità u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fi żminijiet ta' kriżi, kif ukoll it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tagħha; jistieden lill-BĊE, f'dan ir-rigward, ikompli jespandi l-ftehimiet ta' swap tiegħu għall-pajjiżi tal-viċinat li mhumiex fiż-żona tal-euro u lil hinn minnhom; jistieden lill-BĊE jesplora aktar modi biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro bil-ħsieb li tikber il-pożizzjoni politika indipendenti tiegħu fil-kuntest globali u tissaħħaħ l-awtonomija deċiżjonali ekonomika u finanzjarja tal-Ewropa;

30.  Jisħaq li l-obbligu li jiġu rispettati l-appelli għall-marġni tal-kontropartijiet ċentrali Ewropej wara l-ħin tal-għeluq ta' TARGET2 (is-sistema ta' pagament gross f'ħin reali taż-żona tal-euro) ma' muniti mhux Ewropej tpoġġi lill-banek Ewropej fi żvantaġġ konsiderevoli, speċjalment fi żminijiet ta' stress fis-suq bħal fl-ewwel ġimgħat tal-COVID-19; jenfasizza li l-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ ta' TARGET2 biex jaqblu mal-ħinijiet tal-ftuħ tas-swieq tal-kambju ssaħħaħ ir-rwol tal-euro u l-awtonomija tas-swieq tal-kapital Ewropej, u b'hekk tippermetti lill-banek Ewropej jevitaw li jirrikorru għal likwidità mhux f'euro sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-marġni tas-CCP; jilqa' l-konsolidazzjoni ta' TARGET2-T2S bl-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ, skedata għal Novembru 2022; iħeġġeġ lill-BĊE u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jaċċeleraw l-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ ta' TARGET2;

31.  Jisħaq li, minbarra l-mandat primarju li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet u l-mandat sekondarju li jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu l-kompitu li jiffaċilita t-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta' pagamenti u saldu; jissottolinja l-importanza ta' soluzzjonijiet ta' pagament Ewropej awtonomi; jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ xieraq bejn l-innovazzjoni finanzjarja, l-istabbiltà u l-ħarsien tal-konsumatur; jilqa' l-inizjattiva meħuda minn 16-il bank Ewropew biex titnieda l-Inizjattiva Ewropea għall-Pagamenti li għandha l-għan li toħloq soluzzjoni ta' pagamenti unifikata għall-konsumaturi u n-negozjanti fl-Ewropa kollha;

32.  Jilqa' r-rapport tal-BĊE dwar l-euro diġitali u jissottolinja l-valur li munita diġitali tista' żżid fit-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, inkluża l-fiduċja taċ-ċittadini fil-munita komuni; jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Fabio Panetta, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE inkarigat mit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-munita diġitali tal-bank ċentrali (CBDC), li l-euro diġitali ma jiħux post il-flus kontanti iżda jikkomplementahom; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli l-ħidma tiegħu fir-rigward tal-euro diġitali u jistenna bil-ħerqa l-pass li jmiss tal-BĊE f'dan il-proċess, abbażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li hi mistennija tinħareġ f'nofs l-2021; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat livell għoli ta' reżiljenza ċibernetika u ċibersigurtà u jappoġġja l-isforzi tal-BĊE biex tippromwovi dan l-aspett; jitlob, barra minn hekk, li l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-użu ta' munita diġitali jkomplu jiġu evalwati sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kompetittività globali, l-innovazzjoni, is-sigurtà u l-privatezza;

33.  Jenfasizza li rwol aktar b'saħħtu għall-euro fl-era diġitali għandu jkun sostnut minn soluzzjonijiet innovattivi ta' finanzjament diġitali u pagamenti diġitali effettivi f'euro; jitlob li dan jiġi promoss bl-implimentazzjoni ta' strateġiji komprensivi dwar il-finanzjament diġitali u l-pagamenti bl-imnut; iqis li, fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali, l-UE għandha tistabbilixxi qafas biex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja, b'konformità mal-ogħla standards għaċ-ċibersigurtà u l-ħarsien tal-konsumatur, inkluża l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data, kif ukoll biex tipproteġi l-aktar gruppi vulnerabbli, bħall-anzjani u l-persuni b'diżabilità, li jistgħu jiltaqgħu ma' problemi fl-użu ta' teknoloġiji ġodda; jissottolinja l-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus billi jiġi stabbilit superviżur u unità tal-intelligence finanzjarja Ewropej, filwaqt li jintesa n-nazzjonaliżmu ekonomiku mnejn toriġina s-sistema superviżorja deċentralizzata attwali f'dan il-qasam; jirrikonoxxi l-isforzi tal-EBA f'dan ir-rigward għall-ħolqien ta' kulleġġi kontra l-ħasil tal-flus li jippermettu lis-superviżuri jaqblu dwar approċċ komuni, inklużi azzjonijiet koordinati, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;

34.  Jieħu nota taż-żieda fil-popolarità tal-kriptoassi u jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-iżvilupp tagħhom u r-riskji ta' muniti stabbli għas-sovranità monetarja; jirrikonoxxi l-ħidma ta' monitoraġġ fuq il-kriptoassi min-naħa ta' banek ċentrali, awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' gwida ċara u konsistenti fil-livell tal-UE dwar il-proċessi regolatorji u prudenzjali attwali, li tippromwovi aktar innovazzjoni, tiżgura stabbiltà finanzjarja u tippreserva l-ħarsien tal-konsumatur; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jkollu l-għan li jtejjeb iċ-ċertezza tad-dritt fit-trattament regolatorju tal-kriptoassi;

35.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza", adottata fid-19 ta' Jannar 2021, li tistabbilixxi strateġija komprensiva għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa fil-qasam makroekonomiku u finanzjarju; japprova, b'mod partikolari, l-azzjonijiet ewlenin imressqa mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu globali tal-euro;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 306, 21.9.2020, p. 1.
(2) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0266.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0265.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0305.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0165.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0034.
(8)https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/state_of_the_union_mt.pdf
(9)https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/Report_on_a_digital_euro~4d7268b458.en.pdf
(10)https://ec.europa.eu/info/publications/2020-commission-work-programme-key-documents_mt
(11)https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/652751/IPOL_STU(2020)652751_EN.pdf
(12)https://scholar.harvard.edu/files/rogoff/files/nber26760_why_is_euro_punching_below_its_weight.pdf
(13) https://www.bruegel.org/2020/06/is-the-covid-19-crisis-an-opportunity-to-boost-the-euro-as-a-global-currency/
(14) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/624431/IPOL_STU(2019)624431_EN.pdf
(15) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/05/keynote-speech-at-europe-s-next-stage-at-the-centre-for-european-policy-studies-ideas-lab-2020/pdf
(16) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/12/13/remarks-by-president-charles-michel-after-the-european-council-meetings-on-13-december-2019/
(17) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2020/648806/IPOL_IDA(2020)648806_EN.pdf
(18) https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2020/html/ecb.sp200608~4225ba8a1b.mt.html
(19) https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2020/html/ecb.sp200707~3eebd4e721.mt.html
(20) https://eml.berkeley.edu/~eichengr/managing_multiple_res_curr_world.pdf
(21) https://www.bruegel.org/2018/12/the-international-role-of-the-euro/
(22) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/646139/EPRS_STU(2020)646139_EN.pdf
(23) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2019/637969/EPRS_BRI(2019)637969_EN.pdf
(24) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/651369/IPOL_BRI(2020)651369_EN.pdf
(25) https://data.imf.org/?sk=E6A5F467-C14B-4AA8-9F6D-5A09EC4E62A4
(26) https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10868691/2-19052020-BP-EN.pdf/bb14f7f9-fc26-8aa1-60d4-7c2b509dda8e
(27) https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10569467/6-16092020-AP-EN.pdf/861498a9-16ca-3fd1-6434-aee64bfa7192
(28) Skont l-Ewrobarometru Flash 481 ta' Novembru 2019, l-appoġġ għall-euro żdied: żewġ terzi tar-rispondenti jaħsbu li l-fatt li għandhom l-euro hija ħaġa tajba għal pajjiżhom, proporzjon ogħla mill-2018 fi 13-il pajjiż (u aktar baxx f'erba' pajjiżi).
(29) L-euro jintuża bħala munita uffiċjali, abbażi ta' arranġament formali mal-Unjoni Ewropea, mill-Prinċipat ta' Monaco, ir-Repubblika ta' San Marino, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-Prinċipat ta' Andorra kif ukoll minn Saint-Pierre-et-Miquelon u l-Gżira ta' Saint Barthélemy, li t-tnejn huma territorji Franċiżi extra-Ewropej li mhumiex membri tal-UE.
(30) L-euro sar munita domestika de facto fil-Kosovo u l-Montenegro, u ħa post il-mark Ġermaniż.
(31) Skont l-aħħar data dwar il-COFER maħruġa mill-MFI fit-30 ta' Settembru 2020, ir-riżervi f'euro madwar id-dinja kienu jammontaw għal 20,27 % fl-2020, meta mqabbla ma' 61,26 % miżmuma f'dollari Amerikani u 2,05 % f'renminbi.
(32) L-użu tal-euro bħala munita ta' fatturazzjoni jikkorrispondi għal 30 % tat-tranżazzjonijiet kummerċjali globali f'beni, iżda l-użu tiegħu għadu limitat meta t-tranżazzjonijiet ma jinvolvux iż-żona tal-euro, għall-kuntrarju tad-dollaru Amerikan.
(33) Skont ir-rapport tal-BĊE ta' Ġunju 2020 dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro, is-sehem tal-euro fl-istokk tat-titoli tad-dejn internazzjonali kien jammonta għal 22 % fl-aħħar tal-2019, wara tnaqqis minn nofs is-snin 2000, filwaqt li s-sehem tad-dollaru Amerikan baqa' jiżdied u tela' għal madwar 64 %.
(34) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1).
(35) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(36) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza