Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2170(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0041/2021

Testi mressqa :

A9-0041/2021

Dibattiti :

PV 25/03/2021 - 8
CRE 25/03/2021 - 8

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2021 - 10
PV 25/03/2021 - 17
CRE 25/03/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0112

Testi adottati
PDF 188kWORD 62k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2021 - Brussell
Ir-Rapporti 2019-2020 dwar l-Albanija
P9_TA(2021)0112 A9-0041/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar l-Albanija (2019/2170(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li pposponew id-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, li approvat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 intitolata "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata ''Komunikazzjoni dwar il-Politika ta' Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Albania 2019 Report" (Rapport 2019 dwar l-Albanija) (SWD(2019)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata ''Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE'' (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Albania 2020 Report" (Rapport 2020 dwar l-Albanija) (SWD(2020)0354),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 intitolata "Pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar" (COM(2020)0608),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 intitolata "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),

–  wara li kkunsidra s-summit UE-Balkani tal-Punent li sar fl-10 ta' Novembru 2020 f'Sofija fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014, li fihom hemm inkluża d-deċiżjoni li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-media: il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-aġenda ta' prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb miftiehma waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-ODIHR (Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-5 ta' Settembru 2019 għall-elezzjonijiet lokali tar-Repubblika tal-Albanija tat-30 ta' Ġunju 2019, u l-Opinjoni Konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar l-emendi tal-Kostituzzjoni Albaniża tat-30 ta' Lulju 2020 u tal-Kodiċi Elettorali,

–   wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma annwali għall-2021 tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Diċembru 2020 ta' aktar minn 20 Membru tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0041/2021),

A.  billi t-tkabbir huwa wieħed mill-aktar strumenti effikaċi tal-politika estera tal-UE, inkwantu jikkontribwixxi biex jestendi l-firxa tal-valuri fundamentali tal-Unjoni, bħar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-konsolidament tal-paċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-Albanija kompliet taħdem b'impenn kbir fi triqitha lejn l-UE, peress li ssodisfat il-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet imressqa mill-UE biex torganizza l-ewwel konferenza intergovernattiva;

C.  billi l-istat tad-dritt huwa parametru ta' riferiment fundamentali għall-valutazzjoni tal-progress ta' pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE;

D.  billi l-Albanija jeħtieġ li tkompli tagħmel progress biex tikkonsolida l-istituzzjonijiet u l-proċeduri demokratiċi, tiżgura l-funzjonament korrett tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħha, tiġġieled kontra l-korruzzjoni u tħares il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi;

E.  billi l-isforzi kostanti biex isiru ir-riformi fundamentali fl-Albanija jirrikjedu l-impenn konġunt tal-partijiet ikkonċernati kollha;

F.  billi l-prospettiva li l-Albanija ssir Stat Membru abbażi tal-mertu hija fl-interess politiku, ekonomiku u tas-sigurtà tal-Unjoni; billi d-dedikazzjoni tal-pajjiż għar-riformi neċessarji u l-kwalità tagħhom għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

G.  billi t-tkabbir tal-UE u l-progress tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-prosperità fil-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà u tal-istabbiltà tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, li tiegħu l-Albanija tagħmel parti;

H.  billi fil-25 ta' April 2021 se jsiru l-elezzjonijiet ġenerali fl-Albanija u billi r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR ma ġewx implimentati fl-intier tagħhom;

I.  billi l-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta' qafas ta' negozjar għall-Albanija fl-1 ta' Lulju 2020;

J.  billi l-pandemija li għaddejja bħalissa wriet b'mod ċar li l-UE u l-Balkani tal-Punent jeħtiġilhom ikomplu jindirizzaw l-isfidi komuni flimkien;

K.  billi l-Albanija għad trid tirkupra mill-ħsarat estiżi kkawżati mit-terremot tas-26 ta' Novembru 2019 u mill-pandemija tal-COVID-19, tqawwi l-mekkaniżmi tagħha ta' protezzjoni ċivili u ta' preparazzjoni għad-diżastri u tmexxi 'l quddiem il-preparamenti biex tagħmel parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

L.  billi l-UE mobilizzat għotjiet b'valur ta' EUR 115-il miljun għar-riabilitazzjoni u għar-rikostruzzjoni ta' wara t-terremot fi ħdan l-EUR 400 miljun previsti mill-appoġġ li wiegħdet;

M.  billi l-ekonomija tal-Albanija ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus qegħdin ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-baġit nazzjonali;

N.  billi l-UE mobilizzat EUR 3,3 biljun biex tkun indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 fil-Balkani tal-Punent, li minnhom EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 467 miljun biex tinbena r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 385 miljun għall-appoġġ favur is-settur privat u għar-riattivazzjoni tiegħu u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

O.  billi l-UE mobilizzat EUR 51 miljun biex tgħin lill-Albanija tindirizza l-COVID-19 u għamlet għad-dispożizzjoni somma sa EUR 180 miljun f'assistenza makrofinanzjarja;

P.  billi l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Albanija u l-akbar donatur u billi mill-2007 l-pajjiż ibbenefika minn EUR 1,25 biljun f'fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-UE;

Q.  billi l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (PEI) għall-Balkani tal-Punent se jiffaċilita l-irkupru fit-tul tar-reġjun wara l-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u r-riformi;

R.  billi ċ-ċittadini Albaniżi ilhom minn Diċembru 2010 jgawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen;

S.  billi mill-2015 iċ-ċittadini Albaniżi jistgħu jipparteċipaw fi skambji bejn studenti, skambji akkademiċi u skambji bejn iż-żgħażagħ fl-ambitu ta' Erasmus+;

T.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li ssostni l-għażla strateġika tal-Albanija lejn l-integrazzjoni fl-UE, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

U.  billi l-Albanija tibqa' sieħba affidabbli fil-qasam tal-politika estera, bis-saħħa tal-isforzi tagħha li tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

1.  Jilqa' pożittivament l-orjentament strateġiku u l-impenn ċari tal-Albanija għall-integrazzjoni fl-UE, li jidhru fir-relazzjonijiet ta' bon viċinat u fl-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi relatati mal-adeżjoni; ifaħħar, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija; jisħaq fuq l-importanza tal-proċess ta' integrazzjoni bħala mutur tar-riformi u jilqa' favorevolment l-appoġġ li jgawdi minnu fost il-poplu Albaniż;

2.  Jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinkludi, kif inhu xieraq, u tinvolvi b'mod attiv lir-rappreżentanti tal-Albanija u tal-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll tas-soċjetà ċivili, bl-inklużjoni taż-żgħażagħ;

3.  Jappoġġa l-konvokazzjoni mingħajr aktar dewmien tal-ewwel konferenza intergovernattiva wara li jiġu sodisfatti totalment il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u jiġi adottat il-qafas ta' negozjar min-naħa tal-Kunsill; ifakkar li l-Albanija ilha pajjiż kandidat sa mill-2014, u li mill-2018 il-Kummissjoni ilha tirrakkomanda li jinbdew it-taħditiet ta' adeżjoni;

4.  Ifakkar fin-natura trasformattiva tal-negozjati tal-adeżjoni u josserva li bil-għan li tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess ta' adeżjoni, it-twettiq tal-istadji importanti jrid jiġi rifless fil-progress lejn l-adeżjoni mal-UE; ifakkar li l-atturi rivali qegħdin jippruvaw jikkompromettu l-integrazzjoni ulterjuri u l-istabbiltà politika tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

5.  Iqis li l-ħatra tal-kap negozjatur u tat-tim tan-negozjati, flimkien mal-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet stabbiliti mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2020, huma sinjal ta' impenn politiku ċar biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE;

6.  Ifakkar li l-progress tal-adeżjoni fl-ambitu tar-reviżjoni tal-metodoloġija tat-tkabbir jiddependi minn riformi dejjiema, approfonditi u irreversibbli f'oqsma fundamentali, ibda mill-istat tad-dritt, mill-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-amministrazzjoni pubblika u mill-ekonomija; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tar-riforma ġudizzjarja u fl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, flimkien ma' relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu d-djalogu politiku u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, u fl-istess ħin itejbu l-klima għall-pluraliżmu medjatiku u għas-soċjetà ċivili;

Funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi

8.   Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi fl-Albanija joħolqu klima ta' fiduċja billi jżidu t-trasparenza u jegħlbu n-nuqqas ta' djalogu, u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-klima politika polarizzata u n-nuqqas ta' kooperazzjoni sostenibbli bejn il-partiti li jkomplu jostakolaw il-proċess demokratiku; ifakkar fl-importanza ta' djalogu politiku kostruttiv biex jimxi 'l quddiem il-proċess tar-riformi u jsir aktar progress fil-garanzija tal-funzjonament demokratiku normali tal-istituzzjonijiet tal-Albanija;

9.  Ifakkar fir-responsabbiltà konġunta tal-forzi politiċi biex jgħaddu minn klima kkaratterizzata minn akkużi reċiproċi, deċiżjonijiet unilaterali u bojkotts għal waħda bbażata minflok fuq eżempji pożittivi ta' sforzi maħsuba biex jibnu kunsens, bħal dawk li wasslu għall-ftehim tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar ir-riforma elettorali;

10.  Jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Albanija jaġixxu b'mod trasparenti u jimplimentaw prattiki ta' governanza tajba; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri proattivi biex l-informazzjoni ssir disponibbli għas-soċjetà ċivili, għall-mezzi ta' informazzjoni u għall-pubbliku ġenerali b'mod regolari u puntwali, partikolarment meta din tirrigwarda kwistjonijiet ta' interess pubbliku importanti, bħall-emerġenza tas-saħħa li għaddejja bħalissa;

11.  Jisħaq fuq il-fatt li l-elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta' April 2021 se jkunu kruċjali għall-konsolidament u għat-tiġdid tal-proċeduri u tal-istrutturi demokratiċi tal-pajjiż kif ukoll għall-ksib ta' livell ogħla ta' stabbiltà politika; jissottolinja li elezzjonijiet liberi u ġusti huma fundamentali għall-integrazzjoni fl-UE;

12.  Jesprimi tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' xiri ta' voti u jfakkar li l-prosekuzzjoni ta' dan hija fost il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill fil-25 ta' Marzu 2020; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-preparamenti għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2021 isiru b'mod trasparenti u inklużiv; jinnota li l-forzi politiċi, l-organi statali, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' informazzjoni kollha għandhom dmir komuni li jiżguraw li l-kampanja elettorali tkun trasparenti, kredibbli u oġġettiva u ħielsa minn diżinformazzjoni, intimidazzjonijiet u akkużi foloz;

13.  Jissottolinja l-importanza li jiġu implimentati l-miżuri ta' riforma elettorali kodifikati f'Lulju 2020, li huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kunsill tal-Ewropa; jisħaq fuq l-importanza li tiġi implimentata l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR ta' Diċembru 2020 b'mod totali u puntwali; jilqa' favorevolment l-eżitu pożittiv tal-ftehim tal-5 ta' Ġunju 2020, li jimplimenta wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; josserva li ngħatax segwitu għal dan, minkejja li saru ripetutament appelli internazzjonali biex qabel il-Kummissjoni ta' Venezja toħroġ l-opinjoni tagħha, ittieħdu miżuri ġodda mingħajr il-kunsens wiesa' bejn il-partiti, u dan irriżulta fl-adozzjoni mill-Parlament Albanija f'Ottubru 2020 tal-emendi kontroversjali għall-Kodiċi Elettorali;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament Albaniż fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE, u jkomplu jitjiebu l-kapaċitajiet leġiżlattivi, ta' sorveljanza u ta' skrutinju tiegħu tal-baġit biex jiġi żgurat l-allinjament ġuridiku mal-acquis tal-UE;

15.  Iħeġġeġ lill-Albanija ttejjeb il-koordinament intragovernattiv, tħaffef id-deċentralizzazzjoni fl-ambitu tar-riforma tal-amministrazzjoni territorjali, tippromwovi l-konsultazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u tipproċedi bir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;

Stat tad-dritt

16.  Ifakkar fl-importanza assoluta li jiġi ssalvagwardjat l-istat tad-dritt permezz ta' reviżjoni ġudizzjarja u ta' prosekuzzjoni kostanti u konsistenti tal-korruzzjoni fil-livelli għoljin; ifaħħar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' riforma ġudizzjarja komprensiva, li hi mirfuda minn proċess ta' skrutinju mingħajr preċedent u mill-ħolqien ta' istituzzjonijiet u organi speċjalizzati rilevanti, u jitlob li dawn il-proċeduri jitħaffu bil-għan li tinkiseb bidla tanġibbli lejn ġudikatura responsabbli, indipendenti u funzjonali, inkwantu kundizzjoni preliminari għall-ewwel konferenza intergovernattiva;

17.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Albanija tiżviluppa approċċ aktar strateġiku fil-konfront tar-riforma tas-settur ġudizzjarju li tindirizza l-għadd dejjem jikber ta' każijiet arretrati; jitlob li jiġu żgurati standards għoljin ta' trasparenza fis-settur tal-ġustizzja u li jiġu riattivati strumenti bħal bażijiet tad-data online li fl-imgħoddi diġà kienu operattivi; jilqa' pożittivament il-ħatra tal-membri l-ġodda tal-Qorti Kostituzzjonali, fatt li rripristina l-funzjonalità tagħha, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Albaniżi jikkonkludu rapidament il-proċess ta' ħatra biex b'hekk il-Qorti Kostituzzjonali terġa' tkun tista' taħdem b'mod sħiħ u effiċjenti; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu tal-Qorti tal-Appell u li din tkun mgħammra b'persunal adegwat;

18.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Qorti Għolja reġgħet kisbet parzjalment il-kapaċità tagħha li tiffunzjona u li kienet qed tistħarreġ l-ammissibbiltà ta' aktar minn elf każ, u jinkoraġġiha tagħmel aktar progress fil-ħatra ta' mħallfin addizzjonali biex tkun totalment funzjonali u tnaqqas drastikament l-għadd insostenibbli ta' każijiet pendenti arretrati quddiemha;

19.  Jesprimi sodisfazzjon għat-twaqqif tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni, għall-fatt li d-direttriċi tiegħu qed taqdi dmirijietha u li bħalissa għaddej proċess ta' reklutaġġ ta' persunal investigattiv;

20.  Jisħaq li hu neċessarju li l-Albanija tiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà, tal-gvern u tal-amministrazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-prattika attwali li tħalli lill-pulizija tal-Istat tirċievi donazzjonijiet u sponsorizzazzjonijiet privati; jinnota bi tħassib li l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni jkomplu jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-gvern u, b'mod aktar ġenerali, fl-istituzzjonijiet demokratiċi;

21.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żgurati l-funzjonament effikaċi, il-kooperazzjoni u l-indipendenza finanzjarja u operattiva tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta' dawk inkarigati mill-infurzar tal-liġi u mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi jkunu fornuti riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati; jissottolinja l-importanza li jinkisbu riżultati tanġibbli fil-forma ta' investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali li jwasslu għal prosekuzzjoni ta' suċċess tal-kriminalità ta' profil għoli, inkluża l-korruzzjoni;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' organi kontra l-korruzzjoni u jinnota l-progress miksub fil-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li qed isiru investigazzjonijiet fil-fond min-naħa tal-Istruttura Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (SPAK) li għadha kif ġiet stabbilita, u qed jinħarġu atti ta' akkuża mill-Qrati kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata; jisħaq fuq il-bżonn li tinżamm l-indipendenza tagħhom favur il-ġlieda effikaċi u proattiva kontra l-impunità u l-korruzzjoni fil-livell għoli;

23.  Jitlob li jiġu adottati u implimentati malajr pjanijiet ta' integrità konkreti fi ħdan il-ministeri kollha, kif hu ppjanat fl-Istrateġija Intersettorjali kontra l-Korruzzjoni u mill-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li jitjiebu t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-finanzjament tal-partiti politiċi fl-ambitu tal-liġi emendata dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi; jinnota l-importanza li jiġu implimentati b'effikaċja r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri Albaniża;

24.  Jieħu nota li qegħdin jiżdiedu l-investigazzjonijiet proattivi, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni definittivi mmirati lejn il-patrimonju illeċitu u l-ħasil tal-flus, li wasslu għall-iffriżar u għas-sekwestru sistematiċi ta' assi kriminali, u jitlob prosekuzzjoni msaħħa u kundanni definittivi mill-qrati ta' dawn il-każijiet, bi qbil mal-prinċipji tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, tal-proċess korrett tal-liġi u tal-proċess ġust; jissottolinja l-problemi mifruxa ta' ħasil tal-flus b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni u immobiljari;

25.  Jilqa' pożittivament il-miżuri meħuda biex jitjiebu l-leġiżlazzjoni u l-mekkaniżmi bil-għan li jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jappella għal aktar miżuri mmirati lejn l-implimentazzjoni rapida tal-pjan ta' azzjoni tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja, b'mod partikolari dwar it-tnaqqis tad-daqs tal-ekonomija informali;

26.  Jissottolinja l-importanza tal-isforzi kontinwi u tat-titjib sistematiku tal-Albanija fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, tal-armi tan-nar u tal-oġġetti kontrafatti, kif ukoll fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u t-theddid terroristiku;

27.  Jistieden lill-Albanija tkompli tintensifika l-isforzi eżawrjenti u rigorużi tagħha biex iżżarma x-xbieki kriminali lokali u internazzjonali u telimina l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga, billi tibbaża fuq l-isforzi sinifikanti li għamlet f'dawn l-aħħar snin; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni msaħħa mal-Europol u mal-istituzzjonijiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE, li wasslet għal numru ta' operazzjonijiet effikaċi ta' infurzar tal-liġi fuq skala kbira, anki permezz ta' kollaborazzjoni eżemplari bejn l-awtoritajiet Albaniżi u Taljani taħt l-awspiċji tal-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jikkonkludu malajr il-proċedura ta' ħatra ta' prosekutur ta' kollegament Albaniż fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust); jirrakkomanda li l-Albanija tadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda dwar id-drogi, biex timla, fost affarijiet oħra, il-vojt leġiżlattiv dwar il-prekursuri tad-droga;

Drittijiet fundamentali

28.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal politiki inklużivi u jitlob li jsir progress fl-adozzjoni ta' miżuri li jipproteġu b'mod effikaċi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha, b'attenzjoni speċjali fuq in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi etniċi u l-persuni LGBTQI+;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon in-nomina min-naħa tal-Albanija tal-osservatur fi ħdan l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jisfruttaw bis-sħiħ l-għarfien espert tal-FRA bil-għan li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Albanija jinġiebu f'konformità mal-acquis u mal-istandards tal-UE;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni u jitlob lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi ħalli jistabbilixxu ġuriżprudenza soda fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw prevenzjoni u prosekuzzjoni effikaċi tad-diskors ta' mibegħda u tar-reati ta' mibegħda, inkluż l-antisemitiżmu;

31.  Josserva li l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 2016-2020 tal-Albanija għall-Kwistjonijiet LGBTI skada u jitlob lill-gvern jiżviluppa pjan ta' azzjoni ġdid permezz ta' konsultazzjoni trasparenti u inklużiva mas-soċjetà ċivili, u jiżgura li jiġu assenjati riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jrawmu l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTQI+, li għadhom ikunu regolarment vittma ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li telimina t-"terapija ta' konverżjoni", li hi inaċċettabbli, b'hekk jissaħħaħ id-dritt għall-identità tal-ġeneru u għall-espressjoni tal-ġeneru;

32.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li jkunu fornuti biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji lill-organi rilevanti, bħall-uffiċċji tal-Ombudsperson, tal-Kummissarju għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, u tal-Kummissarju għad-Dritt ta' Informazzjoni u għall-Protezzjoni tad-Data, u jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom jiġu implimentati sistematikament; jisħaq fuq il-fatt li għal dawn il-karigi jmisshom jinħatru biss persuni b'indipendenza u bi professjonalità indiskutibbli;

33.  Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu effikaċi għall-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-fastidju, il-vjolenza domestika u l-vjolenza fuq it-tfal, li ħraxu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u għall-protezzjoni u għas-sostenn tal-vittmi ta' din il-vjolenza, flimkien mal-prosekuzzjoni effikaċi u effiċjenti tal-awturi tagħha;

34.  Ifakkar fl-appell li sar lill-Albanija biex tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi pubbliċi u tagħmel aktar titjib fl-edukazzjoni, fir-rati ta' impjieg u fil-kundizzjonijiet ta' ħajja u ta' saħħa tal-persuni b'diżabbiltà, tar-Rom, tal-Eġizzjani u tal-minoranzi etniċi l-oħra; jilqa' pożittivament id-Dikjarazzjoni ta' Poznań tal-2019 dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fil-Proċess tat-Tkabbir; iħeġġeġ lill-awtoritajiet imexxu 'l quddiem il-politiki ta' integrazzjoni tar-Rom bi qbil mal-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom;

35.  Iħeġġeġ lill-Albanija tadotta malajr il-ħames bye-laws li fadal biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi qafas tal-2017 dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u tad-drittijiet relatati marbuta mal-awtoidentifikazzjoni, mal-użu tal-lingwi minoritarji, meta jkun neċessarju fil-livell tal-amministrazzjoni lokali, u mal-koedukazzjoni bil-lingwi minoritarji; jistieden lill-Albanija tipproteġi u tippromwovi l-patrimonju kulturali, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali tagħha, u tipprevedi spazju speċifiku għal-lingwi minoritarji fl-organi ta' informazzjoni Statali u lokali;

36.  Jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-liġi dwar iċ-ċensiment demografiku li se jsir fil-ħarifa tal-2021 u jistieden lill-Albanija tieħu kull miżura neċessarja biex timplimentaha b'mod effikaċi, anki permezz tat-tħejjija ta' kwestjonarju u tal-manwal b'tali mod li jkopru l-gruppi minoritarji rikonoxxuti kollha;

37.  Jitlob lill-Albanija tiżgura li l-gruppi minoritarji jkollhom opportunitajiet indaqs u jkun rrappreżentati adegwatament fil-ħajja politika, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura;

38.  Jistieden lill-Albanija tagħmel aktar progress fil-miżuri li jikkonsolidaw id-drittijiet ta' reġistrazzjoni, restituzzjoni u kumpens tal-proprjetajiet, jimplimentaw il-liġi dwar il-proċeduri tranżitorji ta' dwar is-sjieda, prinċipalment billi jitmexxa 'l quddiem b'mod trasparenti l-proċess ta' reġistrazzjoni tal-proprjetajiet u tiġi kkompletata r-riforma komprensiva tas-settur tal-artijiet, inkluż f'żoni minoritarji;

39.  Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-Albanija biex tippromwovi t-tolleranza, l-armonija interreliġjuża u tindirizza l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni, inkluż l-antisemitiżmu, kif affermat mill-approvazzjoni parlamentari tad-definizzjoni ta' antisemitiżmu tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst, u dan jagħmel lill-Albanija l-ewwel pajjiż b'maġġoranza Musulmana li aċċetta l-formulazzjoni; jitlob sforzi kontinwi biex jiġu żgurat ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertà ta' twemmin jew ta' reliġjon;

40.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-libertà tal-għaqda bħala dritt fundamentali, fir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, anki fil-perjodi ta' stat ta' emerġenza jew ta' stat ta' diżastru naturali; jisħaq fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dan ir-rigward;

41.  Josserva l-importanza li jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta' kondotta ħażina min-naħa tal-pulizija u li jiġi investigat l-użu sproporzjonat tal-forza u li jittieħdu passi legali kontrih, anki fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; ifakkar fil-bżonn li jintemm il-maltrattament għad-danni tal-indagati u tal-ħabsin;

42.  Ifakkar fl-obbligu tal-awtoritajiet li jiżguraw proċess ġust tal-applikanti għall-ażil f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Albanija, u li jindirizzaw b'mod adegwat il-bżonnijiet tar-rifuġjati, tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti, filwaqt li jitjiebu t-tħejjija għal żidiet potenzjali fil-flussi migratorji u tiżdied il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri; jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet biex jiġu pproċessati t-talbiet għall-ażil u l-investigazzjonijiet tal-każijiet irrapportati għal ksur tal-proċeduri ta' ritorn, fosthom il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

43.  Jisħaq fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-fruntieri u l-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera għandhom ikunu prijorità u għandhom jitwettqu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-liġijiet u fil-prinċipji internazzjonali u reġjonali applikabbli; jilqa' pożittivament il-varar tal-ewwel operazzjoni konġunta vera u proprja mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) barra mill-Unjoni Ewropea;

44.  Jissottolinja li l-kontribut tal-Albanija għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea huwa ta' importanza kruċjali u jistieden lill-UE tintensifika l-appoġġ tagħha għall-protezzjoni tal-fruntieri fir-reġjun u toffri appoġġ għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet Albaniżi li jieħdu ħsieb ir-rifuġjati, l-applikanti għall-ażil u l-migranti;

45.  Japprezza l-isforzi li qegħdin isiru mill-awtoritajiet Albaniżi u jħeġġiġhom jadottaw approċċ sod fil-konfront tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni u tal-impożizzjoni ta' pieni għat-traffikar tal-bnedmin u għall-isfruttament tal-vittmi tiegħu, li fosthom hemm tfal u gruppi vulnerabbli oħra, bil-għan li jiżdied in-numru ta' servizzi ta' reintegrazzjoni u tiġi żgurata l-protezzjoni tax-xhieda;

46.  Jilqa' pożittivament il-miżuri li hemm bħalissa u jitlob li jsir aktar progress biex jonqsu konsiderevolment il-migrazzjoni irregolari u n-numru ta' talbiet għall-ażil infondati min-naħa ta' ċittadini Albaniżi, inklużi l-wasliet ta' minuri mhux akkumpanjati, fl-Istati Membri tal-UE; josserva li l-Albanija kompliet tissodisfa l-parametri ta' riferiment għal-liberalizzazzjoni tal-viżi;

Soċjetà ċivili u mezzi ta' informazzjoni

47.  Jissottolinja l-bżonn li titjieb il-klima għal funzjonament tas-soċjetà ċivili fl-Albanija u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw konsultazzjonijiet sinifikattivi, puntwali u rappreżentattivi matul il-proċess deċiżjonali kollu fid-diversi livelli ta' governanza kif ukoll jitjieb il-qafas ġuridiku u fiskali, b'hekk tissaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-settur mhux governattiv;

48.  Jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjonijiet regolari dwar il-funzjonament tas-soċjetà, li tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-affarijiet tal-pajjiż;

49.  Jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet u jinħoloq ambjent li jrawwem l-obbligu ta' rendikont u l-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi, partikolarment permezz tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-ġurnalisti, u billi jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-ġustizza u għaċ-ċertezza tad-dritt; jinsab ferm imħasseb bl-allegazzjonijiet allarmanti fir-rigward tal-użu mifrux tad-diżinformazzjoni kontra l-ġurnalisti investigattivi, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u oħrajn li jippruvaw jitolbu lill-atturi potenti jagħtu kont ta' għemilhom;

50.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress f'dik li hija l-libertà ta' espressjoni u l-ostakli għall-funzjonament korrett tal-mezzi ta' informazzjoni indipendenti;

51.  Ifakkar fl-importanza li jiġu żgurati ġurnaliżmu ta' kwalità u li jogħlew il-livelli ta' litteriżmu medjatiku biex jiġi żgurat funzjonament tad-demokrazija fl-Albanija u biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-aħbarijiet foloz; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jtejbu l-koordinament u jindirizzaw id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li jippruvaw idgħajfu l-perspettiva tal-UE billi jenfasizzaw b'mod aktar strateġiku r-rilevanza tal-UE għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent, u jħeġġiġhom irawmu l-ħolqien ta' ċentru ta' eċċellenza ffukat fuq il-Balkani biex jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni;

52.  Jitlob li jkun hemm inizjattivi li jrawmu ambjent medjatiku ħieles minn influwenzi esterni u li jikkontribwixxi għal kondotta professjonali min-naħa tal-mezzi ta' informazzjoni, inkluż il-ġurnaliżmu investigattiv;

53.  Jissottolinja l-bżonn li jissaħħu l-awtoregolamentazzjoni, l-istandards etiċi, l-indipendenza, l-imparzjalità, is-sostenibbiltà finanzjarja u l-kwalità tar-rappurtar tal-organi ta' informazzjoni pubbliċi u privati, u li tiġi żgurata aktar trasparenza fil-qasam tas-sjieda, tal-finanzjamenti u tar-reklamar pubbliku tal-mezzi ta' informazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri li jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-mezzi ta' informazzjoni tal-kumpaniji tax-xandir; josserva l-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tal-professjonisti tal-mezzi ta' informazzjoni bil-għan li jiġi żgurat ġurnaliżmu ta' kwalità;

54.  Jikkundanna l-vjolenza, l-intimidazzjonijiet, il-kampanji ta' malafama u l-pressjoni politika u finanzjarja indiretta fil-konfront tal-ġurnalisti, li joħonqu serjament il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni, iwasslu għall-awtoċensura u jimminaw serjament l-isforzi biex jinkixfu l-kriminalità u l-korruzzjoni; jitlob lill-awtoritajiet jiftħu investigazzjoni dwar is-sensiela reċenti ta' vjolenza u detenzjonijiet inġustifikati ta' ġurnalisti u jirrispondu minnufih għall-allegazzjonijiet ta' attakki fuq il-ġurnalisti min-naħa tal-pulizija, inkluż waqt li jkunu f'kustodja;

55.  Japprezza l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet biex jirtiraw l-abbozzi proposti li jemenda l-liġi dwar il-mezzi ta' informazzjoni, u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Ġunju 2020 fil-proposti futuri kollha; itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-miżuri proposti inizjalment fl-ambitu tal-hekk imsejjaħ "pakkett kontra l-malafama" u josserva li kwalunkwe reviżjoni tal-liġijiet relatati mal-mezzi ta' informazzjoni u mal-komunikazzjoni għandha ssir b'mod trasparenti u inklużiv, bil-garanzija li leħen is-soċjetà ċivili u l-fehmiet tagħha jinstemgħu, bil-għan li jitjiebu l-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u l-ambjent li fih jaħdmu l-ġurnalisti indipendenti;

Riformi soċjoekonomiċi

56.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern Albaniż jagħti prijorità lill-miżuri mmirati biex itaffu r-riperkussjonijiet soċjoekonomiċi u fuq is-saħħa tal-pandemija tal-COVID-19, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-gruppi emarġinati u vulnerabbli bħar-Rom, l-Eġizzjani, il-komunità LGBTQI+, il-persuni b'diżabbiltà u l-ġenituri waħedhom, filwaqt li jieħu miżuri ulterjuri biex itejbu d-diversifikazzjoni, il-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni, isaħħu r-rappreżentattività tad-djalogu soċjali u jaffrontaw l-ekonomija informali mifruxa;

57.  Ifakkar li t-tkabbir sostenibbli jiddependi mill-qerda tal-korruzzjoni endemika, mit-titjib tat-trasparenza, miċ-ċertezza u l-effiċjenza tad-dritt, mill-kompetizzjoni ġusta u mis-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi;

58.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jikkonsolidaw il-kopertura tal-assistenza soċjali u jtejbu l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli, biex jonqos ir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

59.  Jitlob li jkunu intensifikati l-miżuri konkreti li jindirizzaw id-deklin demografiku u l-eżodu tal-imħuħ permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jindirizzaw id-diskrepanza bejn id-domanda u l-offerta ta' ħiliet u jnaqqsu l-qgħad fit-tul, partikolarment fost iż-żgħażagħ u l-gruppi l-aktar emarġinati; jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg sostenibbli u fit-tul għaż-żgħażagħ billi tiġi promossa edukazzjoni aċċessibbli, ta' kwalità u inklużiva u jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-alloġġi; jistieden lill-Gvern Albaniż itejjeb id-disponibbiltà tal-aċċess għall-internet u jagħmlu aktar aċċessibbli mil-lat ekonomiku, anki għal skopijiet ta' tagħlim;

60.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tendenzi pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, u jitlob miżuri ulterjuri biex jiġi indirizzati l-iżbilanċi tal-ġeneru, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

61.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw it-tħaddim tat-tfal fis-settur informali kollu u jintensifikaw l-prosekuzzjoni tal-abbuż fuq it-tfal;

62.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-komunikazzjoni rigward l-għajnuna tal-UE u l-finanzjamenti li l-Unjoni tagħti lill-Albanija u li tiżguralhom aktar viżibbiltà; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu li jippremja l-prestazzjoni previst mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni ddestinat għall-Maċedonja ta' Fuq u għall-Albanija u, b'mod partikolari, l-appoġġ sostanzjali li l-UE tforni lill-Balkani tal-Punent biex jiġġieldu kontra l-pandemija tal-COVID-19;

63.  Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex isiru investimenti b'mod aktar strateġiku fil-Balkani tal-Punent permezz ta' PEI speċifiku; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe investiment irid ikun konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi l-importanza tal-PEI biex isostni l-konnettività sostenibbli, il-kapital uman, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv, kif ukoll biex isaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera; jitlob kofinanzjament adegwat u aktar titjib fit-trasparenza u fil-viżibbiltà tal-finanzjamenti tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn, fil-kuntest tal-Albanija, li l-finanzjamenti jkunu kkonċentrati fuq it-tranżizzjoni demokratika li għaddejja u fuq il-ġlieda kontra d-deklin demografiku u l-eżodu tal-imħuħ;

Ambjent, enerġija u trasport

64.  Ifakkar li għad hemm bżonn sforzi sostanzjali biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-effiċjenza enerġetika, mas-sigurtà tal-provvista, mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u mal-enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tagħha, permezz tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija, it-tisħin u t-trasport sostenibbli;

65.  Jinkoraġġixxi lill-Albanija tiddiversifika l-produzzjoni tal-enerġija, tiżgura investimenti sikuri f'termini ekonomiċi u ambjentali fl-operazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika, u żżid l-investimenti effiċjenti meta mqabbla mal-kostijiet fis-sorsi eoliċi u solari; iħeġġeġ lill-Gvern inaqqas sal-minimu l-impatt fuq il-bijodiversità billi jinterrompi l-iżvilupp tal-enerġija idroelettrika fiż-żoni protetti, b'mod partikolari qrib ix-xmajjar Valbona u Vjosa, u jistabbilixxi mill-aktar fis possibbli l-Park Nazzjonali ta' Vjosa, li jestendi tul ix-xmara kollha, skont kif ħabbar il-Gvern; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, il-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi u t-trasparenza tal-proċeduri fis-setturi ekosensittivi u li titqawwa l-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali; jisħaq fuq l-importanza li titjieb l-istrateġija tal-Albanija dwar is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni; ifakkar li l-Albanija għad trid tallinja ruħha bis-sħiħ mad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti;

66.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea, anki billi l-kambju tal-enerġija tal-Albanija jsir operattiv, jitkompla l-ftuħ tas-suq, tiġi żgurata s-separazzjoni funzjonali tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u jiġi żgurat l-akkoppjament tas-swieq tal-elettriku; jissottolinja l-kontribut tal-gassdott trans-Adrijatiku li għadu kif ġie inawgurat, u tal-konnessjoni imminenti tal-impjant termiku rikonvertit ta' Vlora għas-sigurtà enerġetika reġjonali; ifakkar fil-bżonn li titlesta r-riforma tas-suq tal-elettriku u li jiġi varat interkonnettur tal-elettriku Bitola-Elbasan mal-Maċedonja ta' Fuq;

67.  Jitlob li jitkompla l-progress fit-tisħiħ tan-netwroks tat-trasport strateġiċi bi qbil mal-qafas regolatorju tan-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), jitkompla x-xogħol fis-sezzjonijiet Albaniżi tal-"awtostrada blu", jitlestew ir-riformi tas-settur ferrovjarju u jsir aktar progress fil-konnessjoni ferrovjarja Tirana-Podgorica-Durrës;

68.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward ċerti proġetti ekonomiċi fl-Albanija li wasslu għal ħsara ambjentali f'żoni protetti; jissottolinja l-fatt li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali ekosensittivi fil-qasam tat-turiżmu u tal-enerġija għandhom isiru fil-qafas ta' konsultazzjoni wiesgħa fuq skala nazzjonali mas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet lokali qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni u għandhom jirrispettaw in-normi internazzjonali u tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-ħarsien tal-ambjent;

69.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jiżviluppaw strateġija enerġetika nazzjonali li tiggarantixxi l-allinjament sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-politiki rilevanti tal-UE dwar il-klima, mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni u mal-istrumenti ta' pprezzar tal-karbonju, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawn kollha, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-impenji politiċi meħuda fid-Dikjarazzjoni ta' Sofija tal-2020; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jadottaw mingħajr dewmien l-abbozz tal-liġi dwar il-klima kif ukoll il-liġi u d-deċiżjoni dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jitlob il-finalizzazzjoni mħaffa tal-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima għal rieżami min-naħa tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

70.  Jappella għal aktar sforzi fil-qasam tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali; jemmen li huwa importanti li tiġi stabbilita sistema solida għal konsultazzjonijiet bejn dawk li jfasslu l-politiki u l-varji gruppi ta' interess fiż-żoni rurali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata agrikoltura moderna, ekoloġika, li ma tagħmilx ħsara lill-klima fuq skala żgħira u medja li tiżgura l-għajxien tal-bdiewa u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tal-Albanija kif ukoll tal-bijodiversità;

71.  Ifakkar li l-Albanija teħtieġ tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart il-ġdida tal-perjodu 2020-2035 u lill-ħolqien ta' sistema reġjonali integrata tal-ġestjoni tal-iskart, u tippromwovi r-riċiklaġġ, tagħlaq is-siti fejn jintrema skart perikoluż, tallinja ruħha mal-istandards tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-inċinerazzjoni u tipprevjeni d-deforestazzjoni u t-tniġġis marin mill-plastik; jiġbed l-attenzjoni għat-tniġġis tal-Baħar Adrijatiku u r-rimi frekwenti ta' żibel li jinġarr mill-kurrenti tal-baħar; jissottolinja l-bżonn li jitjiebu l-kontroll tal-kwalità tal-ilma u l-kapaċitajiet ta' trattament tal-ilma mormi u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-aġenziji responsabbli għall-ambjent u għaż-żoni protetti;

Kooperazzjoni reġjonali u politika estera

72.  Jilqa' pożittivament l-isforzi kontinwi tal-Albanija fil-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u tal-integrazzjoni reġjonali; jissottolinja l-importanza li jittieħdu miżuri ulterjuri biex jiġu promossi r-rikonċiljazzjoni mal-ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali, li għandhom ikunu mirfuda mir-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE u tal-futur komuni fl-UE;

73.  Jitlob li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' djalogu politiku u strateġiku ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari UE-Balkani tal-Punent u kuntatti ministerjali intensifikati, sabiex tissaħħaħ is-sjieda politika tal-proċess tat-tkabbir u jiġu żgurati tmexxija aktar b'saħħitha u impenn ta' livell għoli, anki skont l-objettivi fl-ambitu tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir;

74.  Ifaħħar l-azzjonijiet kostruttivi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inkluż impenn konġunt min-naħa tal-Greċja u tal-Albanija li jiddifferixxu l-kwistjoni tad-delimitazzjoni taż-żoni marittimi lill-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali;

75.  Jilqa' pożittivament il-passi inklużivi meħuda biex tkun approfondita l-integrazzjoni reġjonali, ikunu aġevolati l-konnettività u l-moviment liberu ta' persuni, merkanzija, kapital u servizzi u jingħata kontribut lis-suq reġjonali komuni;

76.  Jilqa' pożittivament ir-rwol kostruttiv tal-Albanija fl-inizjattivi multilaterali, inkluż taħt il-presidenza tagħha tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u tal-OSKE;

77.  Jilqa' pożittivament il-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-inizjattiva mini-Schengen bħala mezz biex jitjiebu r-relazzjonijiet ta' viċinat u jiġu offruti opportunitajiet ġodda għall-persuni u għall-impriżi fl-Albanija;

78.  Jistieden lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu miżuri urġenti biex jistabbilixxu l-Kummissjoni Reġjonali inkarigata li taċċerta l-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fit-territorju f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja bejn l-1 ta' Jannar 1991 u l-31 ta' Diċembru 2001 (RECOM), abbażi tal-ħidma sinifikanti li għamlet l-Koalizzjoni RECOM; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi fil-Balkani tal-Punent jippromwovu r-rikonċiljazzjoni reġjonali u jastjenu milli jistrumentalizzaw dawn il-kwistjonijiet fit-taqbidiet politiċi interni;

79.  Jilqa' favorevolment l-allinjament sħiħ u kontinwu tal-Albanija mad-deċiżjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni fformulati mill-2012 u jfaħħar il-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-UE ta' ġestjoni tal-kriżijiet, kif ukoll il-kontribut tagħha fil-missjonijiet tan-NATO ta' importanza strateġika għall-UE; iħeġġeġ lill-Albanija tikkonforma mal-pożizzjoni tal-UE dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

80.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinament tagħhom fil-Balkani tal-Punent sabiex imexxu 'l quddiem riformi fundamentali, u jtejbu l-governanza u r-rikonċiljazzjoni; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżidu s-sostenn lill-Albanija fil-ġlieda kontra l-indħil barrani doluż minn pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran; iqis li, b'kont meħud tal-allinjament hawn fuq imsemmi u tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE tal-Albanija, Tirana għandha tiżviluppa kooperazzjoni dejjem aktar stretta mal-Istati Membri tal-UE u tan-NATO dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u mad-difiża;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Albanija.

(1) ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0320.
(3) Testi adottati, P9_TA(2019)0050.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0168.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza