Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar is-Serbja (2019/2175(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tas-Serbja tad-19 ta' Diċembru 2009 biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2011)0668), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Marzu 2012 biex jingħata status ta' pajjiż kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f' Tessaloniki fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-aġenda ta' prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' Ġunju 1999, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010 li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,
– wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Gvernijiet tas-Serbja u tal-Kosovo tad-19 ta' April 2013 u l-ftehimiet tal-25 ta' Awwissu 2015, u d-djalogu li għaddej iffaċilitat mill-UE għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar is-Serbja(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fil-ħdax-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) UE-Serbja tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019" (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Serbia 2019 Report" (Rapport 2019 dwar is-Serbja) (SWD(2019)0219),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2020" (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Serbia 2020 Report" (Rapport 2020 dwar is-Serbja) (SWD(2020)0352),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans" (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent) (SWD(2020)0223),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19" (JOIN(2020)0011),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2020 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tas-Serbja 2020-2022 (SWD(2020)0064) u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra l-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza ta' Adeżjoni mas-Serbja fil-livell ministerjali, li saret fl-10 ta' Diċembru 2019 u li matulha nfetħu n-negozjati dwar il-Kapitolu 4, "Moviment liberu tal-kapital",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ewwel fażi tad-Djalogu bejn il-Partiti dwar it-Titjib tal-Kundizzjonijiet biex isiru l-Elezzjonijiet Parlamentari, iffaċilitati mill-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni speċjali ta' valutazzjoni tal-elezzjoni tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-21 ta' Ġunju 2020 fis-Serbja, ippubblikat fis-7 ta' Ottubru 2020,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-esperti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar it-tħassib rigward l-użu ħażin tal-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex tiddaħħal fil-mira u titrażżan il-ħidma tal-NGOs, ippubblikata fil-11 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport ta' konformità dwar is-Serbja mill-Grupp ta' Stati Ewropej kontra l-Korruzzjoni (GRECO) dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-membri tal-parlament, l-imħallfin u l-prosekuturi, ippubblikat fis-26 ta' Novembru 2020 bħala parti mir-Raba' Ċiklu ta' Evalwazzjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni ta' Bażi dwar is-Serbja mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tat-22 ta' Jannar 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew – is-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent tat-28 ta' Jannar 2020, konvokat mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb miftiehma waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra s-summit UE-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin tal-10 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0032/2021),
A. billi s-Serbja jeħtiġilha tiġi ġġudikata, bħal kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE, fuq il-merti tagħha stess f'termini ta' twettiq, implimentazzjoni u konformità mas-sett ta' kriterji u valuri komuni meħtieġa għall-adeżjoni, u billi l-kwalità tar-riformi meħtieġa u d-dedikazzjoni għalihom jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien u l-progress tal-adeżjoni;
B. billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE u jinsabu fil-qalba tal-proċessi ta' tkabbir u stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi r-riformi sostenibbli huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi sinifikanti li jibqgħu f'dawn l-oqsma;
C. billi s-Serbja jeħtieġ li tiżviluppa rekord irriversibbli fl-aderenza mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u oħrajn, domestikament u fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha, u tiżviluppa l-istess rekord fir-rispett u d-difiża tagħhom;
D. billi mill-ftuħ tan-negozjati mas-Serbja 'l hawn infetħu tmintax-il kapitolu u tnejn minnhom ingħalqu b'mod provviżorju; billi s-Serbja ddeċidiet li taċċetta l-metodoloġija l-ġdida tat-tkabbir tal-UE;
E. billi għad irid jitfaċċa rekord sostenibbli ta' kisbiet fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali (il-Kapitolu 23) u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (il-Kapitolu 24); billi l-Kunsill iddeċieda li għalissa ma jiftaħx aktar kapitoli mas-Serbja;
F. billi l-GRECO jqis is-sitwazzjoni fis-Serbja bħala "globalment mhux sodisfaċenti" u s-Serbja nstabet li mhijiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO fir-rigward tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-membri tal-parlament, tal-imħallfin u tal-prosekuturi;
G. billi l-impenn tal-UE li trawwem l-istat tad-dritt jestendi għas-Serbja, fejn l-UE għandha tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa biex tappoġġja lis-Serbja fit-twettiq ta' riformi u taħriġ essenzjali rigward il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u r-rwol tal-midja ħielsa u indipendenti u tas-soċjetà ċivili, u fil-monitoraġġ tal-progress li sar f'dawk l-oqsma, f'konformità mal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir;
H. billi s-Serbja għandha interess fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo;
I. billi s-Serbja baqgħet impenjata li taħdem għall-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat;
J. billi s-Serbja baqgħet impenjata li toħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompliet timplimenta l-obbligi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), għalkemm għad fadal numru ta' kwistjonijiet relatati mal-konformità; billi l-korruzzjoni qed tkompli xxekkel l-iżvilupp ekonomiku;
K. billi s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);
L. billi l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqgħu tħassib serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni prijoritarja;
M. billi d-Djalogu bejn il-Partiti (IPD) dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet biex isiru l-elezzjonijiet parlamentari, iffaċilitat mill-Parlament Ewropew, ikompli jipprovdi pjattaforma unika biex jintlaħaq kunsens dwar l-impenji biex jitjiebu l-kundizzjonijiet elettorali;
N. billi l-UE qablet dwar ir-riallokazzjoni ta' EUR 374 miljun mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni biex tgħin ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19 fir-reġjun;
O. billi l-UE wriet l-impenn tagħha favur il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mmobilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-kriżi tas-saħħa immedjata u ttaffi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19;
P. billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza u għajnuna lis-Serbja għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19; billi s-Serbja rċeviet EUR 15-il miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 78,4 miljun f'appoġġ għall-irkupru soċjali u ekonomiku u EUR 93,4 miljun f'fondi ta' assistenza;
Q. billi s-Serbja tibbenefika minn assistenza tal-UE skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), b'allokazzjoni indikattiva totali ta' fondi ta' EUR 1 539,1 biljun għall-2014-2020;
R. billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja tas-Serbja; billi l-UE tat lis-Serbja aktar minn EUR 3,6 biljun f'għotjiet f'dawn l-aħħar 18-il sena għall-oqsma kollha, inklużi l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżvilupp soċjali, l-ambjent u l-agrikoltura; billi mill-2007 'l hawn is-Serbja bbenefikat minn assistenza tal-UE taħt l-IPA għal valur totali ta' EUR 2,79 biljun;
S. billi s-Serbja bbenefikat b'mod sostanzjali mill-kummerċ u l-integrazzjoni ekonomika mal-UE; billi l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tas-Serbja, li tirrappreżenta 67 % tal-esportazzjonijiet totali tas-Serbja u aktar minn 60 % tal-importazzjonijiet totali tagħha ta' prodotti fl-2018; billi l-investiment tal-UE fis-Serbja laħaq total ta' aktar minn EUR 13-il biljun bejn l-2010 u l-2018;
1. Jilqa' l-fatt li s-sħubija mal-UE għadha l-għan strateġiku tas-Serbja u li hija fost il-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid elett; jieħu nota tal-fatt li l-partiti parlamentari kollha jappoġġjaw il-proċess ta' integrazzjoni tas-Serbja fl-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jikkomunikaw b'mod aktar attiv u mhux ambigwu l-impenn tagħhom favur il-valuri Ewropej fid-dibattitu pubbliku u jistenna impenn ċar u mhux ambigwu mis-Serbja, kemm permezz tal-kliem kif ukoll tal-atti, li jissodisfa l-obbligi tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE b'mod viżibbli u verifikabbli;
2. Jenfasizza l-importanza li jiġi injettat aktar dinamiżmu fin-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja u tal-implimentazzjoni rapida tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir ibbażata fuq raggruppamenti tal-kapitoli tan-negozjati tematiċi u l-introduzzjoni gradwali ta' politiki u programmi individwali tal-UE, filwaqt li jiġu enfasizzati inċentivi ċari u tanġibbli ta' interess dirett għaċ-ċittadini tas-Serbja;
3. Jissottolinja li l-momentum maħluq mill-mandat il-ġdid ta' wara l-elezzjonijiet tal-21 ta' Ġunju 2020 fis-Serbja jirrappreżenta opportunità biex isir progress importanti favur il-perspettiva Ewropea tas-Serbja; huwa favur il-fatt li għandhom jinfetħu biss aktar kapitoli ta' negozjar meta s-Serbja tagħmel l-impenji meħtieġa u twettaq riformi dwar il-punti ta' riferiment meħtieġa; jinnota li l-ftuħ tal-kapitoli huwa għodda essenzjali biex jinkisbu riformi sostenibbli u bidla favur l-Ewropa fis-Serbja;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fejn xieraq bl-inklużjoni tas-sħab Serbi, biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, speċjalment dawk li jikkonċernaw ir-raggruppamenti tematiċi tan-negozjati, kif ukoll biex jużaw din il-metodoloġija l-ġdida bħala opportunità biex jaċċelleraw il-proċess tat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent u biex jiddefinixxu, flimkien mas-Serbja, passi ġodda fil-proċess tan-negozjati tas-Serbja;
5. Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-Gvern Serb u l-Assemblea Nazzjonali dwar il-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea (NCEU); jistieden lill-Gvern Serb jaħtar kap ġdid tat-tim tan-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea mill-aktar fis possibbli; jistieden ukoll lis-Serbja ttejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tal-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, sabiex tmexxi aħjar in-negozjati ta' sħubija u tagħmel l-almu tagħha biex tagħmel il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea kemm jista' jkun inklużiv u miftuħ;
6. Jinnota li s-Serbja kompliet issaħħaħ l-allinjament u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha f'konformità mal-acquis, u li jeħtiġilha tkompli tagħmel dan; jiddispjaċih li l-pass tal-allinjament kien ferm aktar bil-mod minn dak li l-gvern kien oriġinarjament ippjana; jissottolinja l-progress limitat fir-rigward tal-Kapitoli 23 (Ġudikatura u drittijiet fundamentali) u 24 (Ġustizzja, libertà u sigurtà); jinnota li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo u r-rispett ġenwin tad-drittijiet fundamentali għadhom essenzjali u se jiddeterminaw il-pass tan-negozjati tal-adeżjoni;
7. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress f'ħafna oqsma tal-aġenda ta' riforma tas-Serbja u l-fatt li saħansitra kien hemm rigress f'kwistjonijiet li huma fundamentali għall-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tbiddel il-metodoloġija ta' rappurtar tagħha sabiex tqis ir-rigress sinifikanti u tibgħat messaġġ ċar lill-pajjiżi tal-adeżjoni, inkluża s-Serbja;
8. Jisħaq fuq l-importanza ta' komunikazzjoni strateġika dwar il-benefiċċji tal-adeżjoni mal-UE min-naħa tal-partijiet interessati Serbi; jissottolinja li d-diskussjoni pubblika dwar l-adeżjoni mal-UE trid tkun ibbażata fuq fatti u trid tippromwovi r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi;
9. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi biex jikkomunikaw b'mod aktar attiv l-impenn tagħhom għall-valuri Ewropej fid-dibattitu pubbliku u biex iżidu t-trasparenza tal-komunikazzjoni tagħhom, inkluż billi jippermettu l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni, kif ukoll billi jestendu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-mezzi tal-midja ffinanzjati pubblikament, li spiss jikkwotaw uffiċjali b'kariga pubblika, jikkontribwixxu għat-tixrid tar-retorika kontra l-UE fis-Serbja;
10. Jistieden lis-Serbja u lill-Istati Membri tal-UE jsegwu politika ta' komunikazzjoni aktar attiva u effettiva dwar il-perspettiva Ewropea, li jkollha fil-mira liċ-ċittadini Serbi kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE, inklużi dawk li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali; jisħaq fuq ir-rabtiet storiċi ta' ħbiberija u fraternità bejn il-popli tal-Unjoni Ewropea u l-poplu Serb;
11. Jinnota l-viżibbiltà sproporzjonata mogħtija mis-Serbja lil pajjiżi terzi; jistieden lis-Serbja, lill-Kummissjoni u lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Serbja jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu r-rwol u l-benefiċċji tas-sħubija mill-qrib bejn l-UE u s-Serbja, inkluż permezz billi jippromwovu proġetti u riformi ffinanzjati mill-UE; jinnota li hemm ħtieġa urġenti ta' involviment maċ-ċittadini Serbi lil hinn mill-bliet il-kbar u jistieden lill-UE tkompli żżid l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili fil-livell lokali;
12. Jappella għal opportunitajiet ġodda għal djalogu politiku u djalogu ta' politika ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġu żgurati tmexxija aktar b'saħħitha u impenn ta' livell għoli, kif mitlub ukoll mill-metodoloġija riveduta tat-tkabbir; jemmen li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandha tinvolvi ruħha b'mod attiv u tinvolvi b'mod xieraq lir-rappreżentanti Serbi kif ukoll lil dawk mill-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;
13. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-missjoni speċjali ta' valutazzjoni tal-elezzjoni tal-OSKE/ODIHR li l-elezzjonijiet parlamentari tal-21 ta' Ġunju 2020 kienu amministrati b'mod effiċjenti iżda li d-dominanza tal-partit fil-gvern, inkluż fil-midja, iġġenerat tħassib; jiddispjaċih dwar it-tendenzi fit-tul tal-pressjoni fuq il-votanti, il-preġudizzju tal-midja u n-nuqqas ta' ċarezza dwar il-linji li jisseparaw l-attivitajiet tal-uffiċjali statali kollha mill-kampanji partiġġjani; jirrimarka, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mill-istat li għandhom l-għan li jbiddlu l-opinjonijiet vis-à-vis l-elezzjonijiet;
14. Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ODIHR; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-ODIHR ferm qabel l-elezzjonijiet li jmiss; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'għarfien espert dwar il-kundizzjonijiet elettorali għandhom jibqgħu involuti f'dan il-proċess;
15. Jinnota bi tħassib li l-bidliet għal elementi importanti tas-sistema elettorali, inkluż it-tnaqqis tal-limitu elettorali, għaddew fil-parlament ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet skedati mingħajr diskussjoni pubblika xierqa; jinnota li, skont il-Kummissjoni ta' Venezja, elementi fundamentali tal-liġi elettorali m'għandhomx jiġu emendati b'mod sinifikanti meta jkun għad fadal inqas minn sena qabel l-elezzjonijiet;
16. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta' partijiet mill-oppożizzjoni li jibbojkottjaw l-elezzjonijiet u jenfasizza li fid-dawl tas-sejbiet tal-missjoni speċjali ta' valutazzjoni tal-elezzjoni tal-OSKE/ODIHR, li ssottolinjat in-nuqqas ta' pluraliżmu ġenwin u l-frammentazzjoni tax-xena politika fis-Serbja, il-forzi politiċi kollha, speċjalment l-awtoritajiet governattivi, għandhom ir-responsabbiltà li jtejbu l-kundizzjonijiet elettorali; jisħaq li l-uniku mod biex tiġi garantita r-rappreżentanza politika u kapaċità biex jiġi influwenzat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-kostitwenti tagħhom huwa billi jinvolvu ruħhom fi proċessi politiċi u elettorali; jistieden lill-oppożizzjoni terġa' lura għall-mejda tan-negozjati u terġa' tibda l-parteċipazzjoni tagħha fl-attivitajiet politiċi u parlamentari; jinnota li minħabba l-bojkott tal-elezzjonijiet minn xi partiti tal-oppożizzjoni, il-Parlament Serb li għadu kif ġie kkostitwit huwa kkaratterizzat mill-maġġoranza assoluta tal-koalizzjoni fil-gvern u min-nuqqas ta' oppożizzjoni vijabbli – sitwazzjoni li ma twassalx għall-kisba tal-pluraliżmu politiku fil-pajjiż;
17. Ifakkar fil-prinċipji elettorali definiti mill-Kummissjoni ta' Venezja u jinnota bi tħassib li l-President Aleksandar Vučić ħabbar l-elezzjonijiet bikrija mingħajr bażi kostituzzjonali jew neċessità politika, filwaqt li ħabbar ukoll, bħala President tas-Serbja u tal-akbar partit politiku tal-pajjiż, li l-elezzjonijiet Presidenzjali, Parlamentari u muniċipali se jsiru kollha f'jum wieħed f'Belgrad fir-rebbiegħa tal-2022;
18. Jilqa' t-twaqqif tad-Djalogu Bejn il-Partiti (IPD) mal-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, iffaċilitat mill-Parlament Ewropew, u l-miżuri inizjali meħuda mill-awtoritajiet Serbi u l-maġġoranza parlamentari biex itejbu l-kundizzjonijiet elettorali; jappella għal implimentazzjoni ulterjuri tal-impenji kollha meħuda fil-qafas tal-IPD;
19. Jilqa' l-varar tat-tieni fażi tal-IPD mal-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, iffaċilitat mill-Parlament Ewropew, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha u tal-forzi politiċi pro-Ewropej fis-Serbja sabiex jittejbu l-klima politika u l-fiduċja fl-ispettru politiku kollu, u biex jinbena kunsens dwar kwistjonijiet pendenti relatati mal-proċess elettorali, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali; iħeġġeġ li jsiru rawnds ġodda ta' IPD aktar inklużiv malajr kemm jista' jkun u jistieden lin-naħat kollha jiddefinixxu għanijiet, kriterji, punti ta' riferiment u interlokuturi ċari; jenfasizza li l-IPD għandu jiġi konkluż sew qabel l-elezzjonijiet li ġejjin biex jitħalla żmien biżżejjed sabiex jiġu implimentati l-bidliet ġuridiċi u bidliet oħra meħtieġa għall-kundizzjonijiet elettorali u biex dawn isiru fil-prattika, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi qabel l-elezzjonijiet; ifakkar li l-gvern u l-korpi indipendenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-oqfsa legali relatati mal-impenji meħuda fil-qafas tal-IPD;
20. Jikkundanna l-attakki verbali inaċċettabbli u l-każijiet ta' diskors ta' mibegħda kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari dawk li jirrappreżentaw lill-Parlament fir-relazzjonijiet tiegħu mas-Serbja, inklużi l-President u l-Membri tad-delegazzjoni tal-SAPC kif ukoll il-faċilitaturi tal-IPD, bħala atti mhux konformi mal-ispirtu tal-obbligi tas-Serbja skont il-FSA; jitlob li l-President tal-Assemblea Nazzjonali u l-kelliema tal-gruppi politiċi rappreżentati fiha jirrispettaw l-istandards tad-diskors demokratiku;
21. Jistieden lill-gvern il-ġdid jaħdem fuq riformi fundamentali effettivi u verifikabbli, u jindirizza r-riformi u n-nuqqasijiet strutturali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-midja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-amministrazzjoni pubblika;
22. Jinnota bi tħassib li, b'mod ġenerali, il-korruzzjoni għadha kwistjoni fejn sar progress limitat; jilqa' l-passi li ttieħdu biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u r-riżultati li nkisbu s'issa fil-finalizzazzjoni tal-każijiet ta' korruzzjoni; jinkoraġġixxi li jsir aktar progress, b'mod partikolari fil-qasam tat-titjib tar-rekord ta' investigazzjonijiet, akkużi u kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni f'konformità mal-acquis tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO; jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport reċenti tal-GRECO u jħeġġeġ lill-Ministeru tal-Ġustizzja jaħdem fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;
23. Jirrimarka li skont l-aħħar rapport GRECO, is-Serbja implimentat biss parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet fl-2015 u li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hija "globalment mhux sodisfaċenti"; jisħaq fuq l-importanza li titkompla ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u jistieden lill-awtoritajiet Serbi jikkonformaw ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet malajr kemm jista' jkun; jinsab imħasseb dwar il-bidliet reċenti fil-liġi dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni marbuta mad-definizzjoni ta' "uffiċjali pubbliċi", li saru b'mod mhux trasparenti u mħaffef, u li jillimitaw b'mod sinifikanti l-għadd ta' persuni li għalihom tapplika l-liġi, u b'hekk ikomplu jdgħajfu l-mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni u jiftħu l-possibbiltajiet għall-abbuż tar-riżorsi tal-Istat li qabel kienu meqjusa illegali;
24. Iħeġġeġ lis-Serbja tagħti riżultati konvinċenti, inkluż rekord sostenibbli b'investigazzjonijiet effettivi f'oqsma ta' tħassib bħall-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, speċjalment f'każijiet b'livell għoli ta' interess pubbliku, inklużi l-każijiet ta' Krušik, Jovanjica u Telekom Srbija, u ttejjeb ir-rekord tagħha fl-investigazzjonijiet, it-tressiq ta' akkużi u l-kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, inkluż is-sekwestru u l-konfiska ta' assi kriminali; itenni t-talba tiegħu għall-ġustizzja mill-2018 fir-rigward tat-twaqqigħ illegali ta' proprjetà privata fid-distrett residenzjali ta' Savamala f'Belgrad; jinnota li l-liġi l-ġdida dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni ilha fis-seħħ mill-1 ta' Settembru 2020;
25. Ifakkar lis-Serbja biex iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza b'mod effettiv il-korruzzjoni, billi tiffoka fuq il-prevenzjoni u t-trażżin tal-korruzzjoni, inkluż billi tadotta strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni msejsa fuq pjan ta' azzjoni kredibbli u realistiku kif ukoll mekkaniżmu ta' koordinazzjoni effettiv;
26. Jistieden lis-Serbja ttejjeb il-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità organizzata u taqleb minn approċċ ibbażat fuq każijiet individwali għal strateġija kontra l-organizzazzjonijiet sabiex iżżarma organizzazzjonijiet kbar u mifruxin internazzjonalment; jinnota li tali strateġija għandha tinkludi investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali effettivi f'każijiet ta' kriminalità serja u organizzata, inklużi investigazzjonijiet finanzjarji, traċċar sistematiku tal-flussi tal-flus, mekkaniżmu ta' sorveljanza robust sabiex jiġu evitati l-abbużi, u żieda fil-kapaċità tar-riżorsi finanzjarji u umani għall-Uffiċċju tal-Prosekutur għall-Kriminalità Organizzata, li għandu jkun ħieles minn kwalunkwe influwenza politika indebita;
27. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fil-vjolenza minn gruppi estremisti u tal-kriminalità organizzata u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-każijiet skoperti minn ġurnalisti investigattivi jew informaturi jiġu investigati kif xieraq u li kwalunkwe uffiċjal pubbliku involut jinżamm responsabbli;
28. Jinnota bi tħassib l-influwenza politika kontinwa fuq il-ġudikatura, u jinnota l-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji għall-obbligu ta' rendikont, il-professjonaliżmu, l-indipendenza u l-effiċjenza ġenerali tal-ġudikatura, inkluż, jekk applikabbli, billi tiġi riveduta s-sistema attwali tar-reklutaġġ u l-ġestjoni tar-riżorsi umani; jinnota li l-gvern abbozza proposta għal riformi kostituzzjonali, li ġiet ivvalutata b'mod pożittiv mill-Kummissjoni ta' Venezja, u bagħatha lill-kumitat kompetenti tal-Assemblea Nazzjonali;
29. Jissottolinja l-importanza ta' proċess wiesa' ta' konsultazzjoni fir-riforma kostituzzjonali; jiddispjaċih li l-parlament Serb preċedenti ma rnexxilux jadotta riformi kostituzzjonali bil-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' riformi kostituzzjonali malajr kemm jista' jkun f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u l-prosekuturi u ma' atturi politiċi rilevanti oħra, inkluża l-oppożizzjoni mhux parlamentari;
30. Itenni l-importanza tal-adozzjoni rapida tal-liġi dwar il-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma ta' Vojvodina;
31. Jesprimi tħassib dwar il-funzjonament effettiv tal-parlament il-ġdid, fejn ma hemm l-ebda oppożizzjoni parlamentari, li l-leġittimità tiegħu hija kkontestata mill-partiti tal-oppożizzjoni u li l-mandat tiegħu għandu jitqassar, kif diġà tħabbar mill-President Serb, u li qed jadotta bidliet kostituzzjonali estensivi mingħajr dibattitu pubbliku miftuħ, inklużiv u demokratiku, speċjalment fil-qasam tal-ġudikatura;
32. Jilqa' l-bidliet li saru fil-funzjonament tal-Assemblea Nazzjonali favur l-istabbiliment mill-ġdid tal-prattiki u l-proċeduri u l-konformità mar-regoli ta' proċedura; jiddispjaċih li s-sorveljanza parlamentari ġenerali tal-eżekuttiv baqgħet pjuttost formalistika; jissottolinja li huma meħtieġa aktar riformi sostantivi fil-proċedura u l-prattiki biex titjieb il-kwalità tal-proċess leġiżlattiv, tiġi żgurata sorveljanza parlamentari effettiva u jitwaqqfu n-nuqqasijiet sistemiċi tal-Assemblea Nazzjonali, inkluż it-tnaqqis ta' azzjonijiet meħuda mill-filibustieri (filibustering), l-għadd ta' proċeduri urġenti u l-prattika ta' raggruppament ta' punti mhux relatati taħt l-istess punt tal-aġenda;
33. Jissottolinja li l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv għadha teħtieġ li tittejjeb billi jiżdiedu t-trasparenza u d-djalogu soċjali u politiku u billi jiġi żgurat li l-korpi regolatorji indipendenti jingħataw is-setgħa li jeżerċitaw ir-rwoli ta' sorveljanza tagħhom b'mod effettiv; jinnota li r-rapporti annwali tal-korpi indipendenti ġew diskussi fil-plenarja tal-Assemblea Nazzjonali, u l-konklużjonijiet ġew adottati;
34. Jitlob li l-parlament li għadu kif ġie elett iżid l-isforzi tiegħu biex jiżgura t-trasparenza, l-inklużività u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv kif ukoll sorveljanza parlamentari effettiva; jappella, barra minn hekk, għal miżuri addizzjonali li jiżguraw djalogu bejn il-partiti u rwol aktar b'saħħtu għas-soċjetà ċivili, li tibqa' element essenzjali ta' demokrazija li tiffunzjona tajjeb; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza rigward il-proċess tal-ħatra mill-ġdid tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza;
35. Jappella għal kooperazzjoni effettiva ma' korpi indipendenti u regolatorji u involviment akbar tal-Assemblea Nazzjonali fis-sorveljanza u l-kontroll tal-gvern u l-amministrazzjoni; jappella għall-impenn sostantiv tal-Assemblea Nazzjonali fil-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja mal-UE, f'konformità mar-riżoluzzjoni tagħha tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar ir-rwol tal-Assemblea Nazzjonali u l-prinċipji fin-negozjati dwar l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;
36. Jissottolinja li r-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti, inkluż l-Ombudsman tal-pajjiż, l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, l-Awtorità Nazzjonali tal-Awditjar u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali, jeħtieġ li jiġi għal kollox rikonoxxut u appoġġjat; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali Serba tinvolvi ruħha fl-implimentazzjoni tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi regolatorji indipendenti, b'mod partikolari dawk tal-Ombudsperson;
37. Ifakkar li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u, li konsultazzjoni regolari bejn il-gvern u s-sħab soċjali hija strumentali fil-prevenzjoni tat-tensjonijiet soċjali u tal-kunflitti; jissottolinja li huwa essenzjali li d-djalogu soċjali jmur lil hinn mill-iskambju ta' informazzjoni u li l-partijiet interessati għandhom jiġu kkonsultati dwar liġijiet importanti qabel ma jkunu soġġetti għal proċedura parlamentari;
38. Jinnota bi tħassib li l-Assemblea Nazzjonali ltaqgħet biss 44 jum wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza f'Marzu 2020, azzjoni li dgħajfet il-pożizzjoni tagħha bħala l-istituzzjoni ewlenija tad-demokrazija parlamentari kif minquxa fil-Kostituzzjoni tas-Serbja; jinnota bi tħassib li, minkejja maġġoranza parlamentari ċara, l-Assemblea Nazzjonali ma bdietx il-ħidma tagħha bis-sħiħ qabel ma għadda żmien twil wara d-dikjarazzjoni tar-riżultati finali tal-elezzjoni fil-5 ta' Lulju 2020; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali tevita lingwaġġ xewwiexi abbużiv u tiġġieled id-diskors ta' mibegħda matul id-dibattitu parlamentari; jissottolinja l-importanza tal-ħidma tal-oppożizzjoni f'demokrazija;
39. Jenfasizza li l-kampanji ta' lingwaġġ abbużiv, intimidazzjoni u malafama kontra l-avversarji politiċi u r-rappreżentanti tal-midja mwettqa mill-Membri Parlamentari fil-plenarja tal-Assemblea Nazzjonali jirrappreżentaw ksur tal-prattika demokratika u tal-valuri demokratiċi fundamentali li għandhom jiġu kkundannati u sanzjonati b'mod qawwi f'konformità mar-regoli ta' proċedura; jinsab ixxukkjat bl-attakki orkestrati reċentement u mwettqa minn diversi Membri Parlamentari u tabloids favur il-gvern fil-konfront ta' ġurnalisti investigattivi u membri tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk min-network tal-midja indipendenti KRIK u NGOs bħas-CRTA u l-"Open Parliament", li jpinġuhom bħala assoċjati ta' gruppi kriminali organizzati u l-imħuħ wara attentati ta' kolpi ta' stat, li huwa ksur serju tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri Parlamentari stess, adottata reċentement;
40. Jilqa' l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni l-ġdid għal strateġija tal-midja u l-fatt li twaqqaf grupp ta' ħidma biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni;
41. Huwa mħasseb dwar l-allegazzjonijiet li saru minn ġurnalisti investigattivi dwar manipulazzjoni tal-istatistika tal-COVID-19 mill-gvern għal finijiet politiċi u elettorali; jiddeplora l-kampanja ta' diżinformazzjoni minn uffiċjali tal-gvern li tikkonċerna l-assistenza tal-UE matul il-pandemija; jenfasizza li l-fiduċja u t-trasparenza huma ta' importanza partikolari fl-isforzi tal-gvern kontra l-COVID-19 u għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern Serb jipprovdi liċ-ċittadini bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-pandemija, inkluż il-vaċċini;
42. Jemmen li l-akkwist ta' żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni b'kopertura nazzjonali f'Diċembru 2018 minn individwu konness mal-partit fil-gvern irrappreżenta pass lejn il-monopolizzazzjoni tax-xenarju tal-midja fil-pajjiż mill-partit fil-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw u jmantnu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal kompetizzjoni ġusta u għat-trasparenza fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta' sjieda futuri kollha fl-isfera tal-midja; jistieden lit-timijiet editorjali tal-istazzjonijiet televiżivi kollha b'kopertura nazzjonali fis-Serbja biex jirrispettaw l-ogħla standards professjonali u jippermettu li jinstemgħu regolarment opinjonijiet differenti;
43. Jiddispjaċih għad-deterjorament tal-libertà tal-midja u ż-żieda fil-lingwaġġ abbużiv, l-intimidazzjoni u saħansitra d-diskors ta' mibegħda lejn membri tal-oppożizzjoni parlamentari, intellettwali indipendenti, NGOs, ġurnalisti u individwi prominenti, inkluż minn membri tal-partiti fil-gvern, li r-responsabbiltà tagħhom li jaġixxu fir-rigward tar-rappreżentanti kollha tal-midja hija ta' importanza kbira; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri immedjati biex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-midja u jiżguraw li jiġu investigati b'mod xieraq dawn il-każijiet;
44. Jiddispjaċih li l-impenji meħuda fl-IPD relatati mal-Kunsill Regolatorju dwar il-Midja Elettronika (REM) u max-xandar tas-servizz pubbliku (RTS) ma ġewx issodisfati jew ġew issodisfati biss parzjalment mill-awtoritajiet Serbi; ifakkar li l-midja ħielsa u indipendenti għandha rwol ewlieni fid-demokrazija; jiddispjaċih li sa mill-konklużjoni tal-ewwel fażi tal-IPD, il-ħidma tal-REM u tal-RTS naqset milli terġa' tikseb il-kredibbiltà tagħhom fost il-pubbliku u l-partiti tal-oppożizzjoni; jinnota li l-gvern stabbilixxa grupp ta' ħidma għas-sikurezza tal-ġurnalisti, iżda l-assoċjazzjonijiet kollha tal-ġurnalisti indipendenti u l-midja fis-Serbja diġà rtiraw minnu minħabba li l-grupp naqas milli jirreaġixxi għall-attakki ta' tabloids favur il-gvern fuq il-ġurnalisti tal-portal web investigattiv tan-Netwerk għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità u l-Korruzzjoni (KRIK);
45. Jinnota bi tħassib li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) isseħħ f'ambjent fejn mhijiex miftuħa għall-kritika; iħeġġeġ lill-Amministrazzjoni Serba għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Serbja biex tiċċara bis-sħiħ is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-investigazzjonijiet dwar l-OSĊ u l-ġurnalisti dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżommu lura milli jitfgħu fil-mira tagħhom b'mod arbitrarju lil dawn l-organizzazzjonijiet u l-individwi; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti u jiżguraw li jkunu jistgħu jaħdmu ħielsa minn kull restrizzjoni, inklużi l-intimidazzjoni jew il-kriminalizzazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex irawmu atmosfera li tiffavorixxi malajr kemm jista' jkun ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-midja indipendenti fuq il-post, u jsaħħu l-appoġġ tagħhom għalihom; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi demokratiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi tas-Serbja u fit-trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja politiċi;
47. Filwaqt li jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza, jinnota li l-inċidenti ta' użu sproporzjonat tal-forza tal-pulizija matul il-protesti ta' Lulju 2020 jistħoqqilhom attenzjoni partikolari mill-awtoritajiet, inkluż fir-rigward tan-nuqqas konsegwenti ta' kooperazzjoni mill-uffiċjali tal-pulizija mas-sistema tal-ġustizzja u l-prosekutur pubbliku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw kif xieraq il-każijiet kollha li fihom il-forza tal-pulizija tkun qabżet l-awtorità tagħha sabiex tipprevjeni l-impunità u ssaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-pulizija, kif ukoll biex tagħmilha aktar faċli għall-persuni li jiddikjaraw li huma vittmi ta' mġiba ħażina tal-pulizija biex iressqu lmenti u jiksbu rimedju, u biex juru tolleranza żero lejn l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jiksru l-etika professjonali jew il-liġi kriminali;
48. Jinnota li l-qafas legali u istituzzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem huwa formalment fis-seħħ b'mod ġenerali, iżda li huwa nieqes minn mekkaniżmi effettivi biex jiġi żgurat ir-rispett għal dawn id-drittijiet fundamentali; jitlob li l-emendi futuri kollha għal-liġijiet eżistenti dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Liġi dwar l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika, isiru b'mod trasparenti bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha; jitlob li tiġi implimentata b'mod aktar effettiv, b'attenzjoni partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi l-minoranzi nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni; jitlob lis-Serbja tipprevedi u tipproteġi l-użu nondiskriminatorju tal-lingwi minoritarji fl-edukazzjoni, fl-ispazji tal-midja ddedikati fil-midja tal-istat u fil-ħwienet lokali, kif ukoll tiżgura opportunitajiet indaqs għal rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura;
49. Jilqa' l-isforzi akbar tas-Serbja f'kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-inklużjoni tal-komunità tar-Rom, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjib tas-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw id-diskriminazzjoni strutturali li jiffaċċjaw ir-Rom fir-rigward tal-istatus taċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg; iħeġġeġ lis-Serbja ttejjeb u tissimplifika l-istruttura istituzzjonali li tittratta l-integrazzjoni tar-Rom, inkluż permezz ta' distribuzzjoni ċara tal-kompiti, il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, u l-ibbaġitjar sensittiv għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet Rom;
50. Jilqa' l-fatt li tlestiet it-traduzzjoni, li kellha dewmien twil, tal-kotba tal-iskola primarja għall-Bulgaru li se tippermetti li l-minoranza nazzjonali Bulgara tiġi edukata bil-lingwa materna tagħha; jinnota bi tħassib li għadhom ma ġewx tradotti l-kotba tal-iskola kollha għall-edukazzjoni fil-livell sekondarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw is-sostenibbiltà tal-proċess billi jipprovdu għadd suffiċjenti ta' għalliema, kotba tal-iskola u materjal addizzjonali (djarji tal-iskola, kotba tal-grad tal-istudenti, eċċ.) biex jindirizzaw b'mod adegwat il-ħtiġijiet tal-istudenti ta' din il-minoranza;
51. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas, min-naħa tal-awtoritajiet Serbi, li jrawmu l-użu de facto tal-lingwi reġjonali jew minoritarji;
52. Jistieden lis-Serbja ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, tallokalhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa u tiżgura segwitu f'waqtu tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom, kif ukoll tadotta u timplimenta strateġija ġdida kontra d-diskriminazzjoni;
53. Jistieden lis-Serbja ttejjeb il-kapaċitajiet tagħha biex tipprovdi statistika u twettaq iċ-ċensiment b'mod f'waqtu, filwaqt li taderixxi mal-ogħla standards internazzjonali u bl-inklużjoni ta' osservaturi indipendenti; itenni t-talba tiegħu għal koordinazzjoni u inklużjoni mtejba tal-partijiet interessati, u għall-implimentazzjoni u r-reviżjoni perjodika tal-Pjan ta' Azzjoni għat-Twettiq tad-Drittijiet tal-Minoranzi Nazzjonali;
54. Jinsab profondament imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet Serbi qed jabbużaw mil-liġi dwar ir-residenza taċ-ċittadini u l-"passivizzazzjoni", b'mod sistematiku u diskriminatorju, ta' indirizzi residenzjali ta' ċittadini ta' etniċità Albaniża li jgħixu fin-Nofsinhar tas-Serbja; jappella li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u bir-reqqa dwar dawn l-allegazzjonijiet u jappella lill-awtoritajiet Serbi biex iwaqqfu l-prattiki u l-azzjonijiet mmirati diskriminatorji kollha;
55. Jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' nisa u tfal li huma vittmi ta' vjolenza u vjolenza domestika; jieħu nota tal-isforzi tas-Serbja biex tiġġieled il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal u l-vjolenza domestika; iħeġġeġ, madankollu, li hija meħtieġa implimentazzjoni ulterjuri u aktar effettiva, u li hemm bżonn ta' titjib konkret, b'mod partikolari matul il-pandemija attwali, sabiex jittejjeb l-aċċess għal servizzi ta' kwalità f'dan il-qasam;
56. Jilqa' r-rapport GREVIO dwar is-Serbja, li jenfasizza n-nuqqas ta' approċċ ta' politika koerenti favur l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-ħtieġa għal miżuri preventivi, lakuni fil-provvista ta' servizzi għall-vittmi u livelli baxxi ta' sensibilizzazzjoni, sensitizzazzjoni u bini tal-kapaċità, kif ukoll ostakli partikolari għal firxa wiesgħa ta' nisa minħabba fatturi intersezzjonali bħall-etniċità, il-faqar, l-oriġini soċjali u d-diżabbiltà;
57. Huwa mħasseb li liġi ġdida dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġiet ittardjata serjament, li l-koordinazzjoni u l-istruttura istituzzjonali effiċjenti b'riżorsi adegwati f'dan il-qasam għadhom nieqsa, u li l-istatus soċjoekonomiku tan-nisa għadu ferm agħar minn dak tal-irġiel, kif ukoll minħabba l-prevalenza għolja ta' attitudnijiet patrijarkali u stereotipi tal-ġeneri fis-soċjetà u fid-diskors pubbliku, u n-nuqqas ta' għarfien tal-ġudikatura, tal-prosekuturi u tal-avukati f'dan ir-rigward;
58. Jistieden lis-Serbja żżid l-isforzi li għandhom fil-mira l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, billi tagħti attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u kooperazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa; jissottolinja l-importanza li tiġi inkluża perspettiva tal-ġeneru fil-programmi ekonomiċi;
59. Ifaħħar ir-rappreżentanza qawwija tan-nisa fil-parlament il-ġdid u l-gvern il-ġdid, bit-tama li dan iwassal għall-promozzjoni sostantiva tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet politiċi tan-nisa kif ukoll tal-gruppi vulnerabbli; jilqa' r-rappreżentanza sostanzjali tal-minoranzi nazzjonali fil-parlament;
60. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni LGBTI; jitlob li l-awtoritajiet jirreaġixxu b'mod aktar adegwat u effettiv għad-diskors ta' mibegħda u r-reati motivati mill-mibegħda; jilqa' l-fatt li fl-2019 saru żewġ parati tal-Pride b'mod paċifiku; jisħaq fuq l-importanza li l-istituzzjonijiet kollha jappoġġjaw it-tħejjija tal-EuroPride 2022 u jiżguraw is-sikurezza tal-parteċipanti kollha;
61. Jilqa' l-inizjattiva tal-gvern li javvanza bil-liġi dwar l-unjonijiet tal-istess sess u l-bidliet fl-isem u l-ġeneru tal-persuni transġeneru f'konformità mal-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-gvern joħloq ambjent sikur għall-persuni LGBTI u jippromwovi kultura ta' tolleranza lejhom;
62. Iħeġġeġ lis-Serbja ttejjeb l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għall-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jgħixu bl-HIV, it-tfal u l-adulti li jużaw id-drogi, il-ħabsin, il-ħaddiema tas-sess, il-persuni LGBTI, il-persuni spostati internament u r-Rom, b'mod partikolari fid-dawl tal-pandemija u l-problemi li għaddejjin fis-settur tas-saħħa;
63. Jilqa' l-impenn tas-Serbja f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali; iħeġġeġ lis-Serbja ssostni l-isforzi tagħha fil-livelli kollha mmirati lejn ir-rikonċiljazzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat; jistieden lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ il-ftehimiet bilaterali u timpenja ruħha fir-riżoluzzjoni tat-tilwim kollu li fadal dwar il-fruntieri mal-pajjiżi ġirien b'mod kostruttiv u f'waqtu, inkluż fi kwistjonijiet relatati mar-rikonċiljazzjoni mill-passat tal-Jugoslavja; jinnota li jeħtieġ li jiġu investiti sforzi addizzjonali fl-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni mal-fruntieri; jilqa' l-inizjattiva tal-integrazzjoni reġjonali permezz tal-iżvilupp ekonomiku;
64. Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u l-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fih; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 u jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat huma marbutin mal-għan tas-Serbja li jkollha perspettiva Ewropea ta' suċċess;
65. Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo hija prijorità u prekundizzjoni għall-adeżjoni tal-UE taż-żewġ pajjiżi, u tkun essenzjali wkoll biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun usa'; jirrikonoxxi l-involviment miżjud taż-żewġ naħat fid-djalogu ffaċilitat mill-UE u jappella għal involviment attiv u kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE u mmexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, li jfittex ftehim komprensiv, sostenibbli u legalment vinkolanti, skont id-dritt internazzjonali;
66. Itenni t-talba tiegħu biex tissokta l-implimentazzjoni sħiħa, in bona fide u f'ħin opportun, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, inkluż l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità tal-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba mingħajr aktar dewmien; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-verifika tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha li ntlaħqu s'issa u jirrapporta perjodikament lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu Belgrad-Pristina, Miroslav Lajčák;
67. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet Serbi u tal-Kosovo joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' ddgħajjef il-fiduċja bejn il-partijiet u tpoġġi f'riskju l-kontinwazzjoni kostruttiva tad-djalogu; itenni l-importanza tan-natura multietnika kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo u li l-objettiv fir-reġjun ma għandux ikun il-ħolqien ta' stati etnikament omoġenji;
68. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u tal-Kosovo jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn il-komunitajiet lokali sabiex isaħħu d-djalogu, inkluż fil-livell mhux governattiv; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex joqogħdu lura milli jużaw lingwaġġ xewwiexi fil-konfront ta' gruppi etniċi oħra; jiddispjaċih ukoll li l-Pont ta' Mitrovica għadu ma nfetaħx għat-traffiku kollu, minkejja t-tlestija tax-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni;
69. Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva ta' Belgrad fid-djalogu ma' Pristina u l-implimentazzjoni tal-obbligi miftiehma skont il-Ftehim ta' Brussell;
70. Ifaħħar il-kooperazzjoni reġjonali tajba bejn is-Serbja u l-Kosovo fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, inkluża l-kooperazzjoni bejn is-sindki ta' Mitrovica u l-komunikazzjoni bejn il-ministri tas-saħħa;
71. Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali dwar id-delitti tal-gwerra u l-investigazzjoni tal-każijiet ta' persuni nieqsa, inkluża żieda fl-isforzi biex jiġu rikonoxxuti u implimentati l-verdetti tal-qorti dwar id-delitti tal-gwerra, l-investigazzjoni tas-siti mimlijin oqbra, iċ-ċaħda tad-diskorsi ta' mibegħda u tal-glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra, u l-appoġġ għall-prosekuturi nazzjonali biex iressqu l-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu dawn il-kwistjonijiet u jikkundannaw il-forom kollha ta' diskors ta' mibegħda, kampanji ta' intimidazzjoni u approvazzjoni pubblika tal-ġenoċidji, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra kif ukoll ċaħda ta' dawn tal-aħħar; jiddispjaċih li xi awtoritajiet Serbi u xi politiċi Serbi għadhom jiċħdu l-ġenoċidju ta' Srebrenica; jilqa' l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja tranżizzjonali u l-kumpens dovut;
72. Jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa tas-Serbja taħt il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo u jfakkar fl-obbligu ta' kooperazzjoni sħiħa, taħt il-FSA, mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), li x-xogħol tiegħu ntemm, u l-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali tan-Nazzjonijiet Uniti, u jħeġġeġ lis-Serbja biex tiġġieled kontra l-isforzi kollha biex jiġu mfixkla r-riżultati miksuba s'issa u kontra l-falsifikazzjoni tal-fatti stabbiliti mill-ICTY;
73. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva biex tiġi stabbilita Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward id-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fit-territorju tal-eks Jugoslavja (RECOM); jisħaq fuq l-importanza tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO); jinnota li minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li tiġi posposta s-sena li fiha Novi Sad għandha tkun Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2021 sal-2022;
74. Jilqa' l-fatt li fl-2019 is-Serbja ngħatat l-istatus ta' pajjiż parteċipanti fil-programm Erasmus+;
75. Jilqa' l-progress li għamlet is-Serbja fl-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq funzjonali; jistieden lis-Serbja tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u lit-tkabbir sostenibbli, inklużiv u fit-tul permezz ta' riformi strutturali, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija u s-suq tax-xogħol, kif ukoll billi ttejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà fl-ambjent regolatorju; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati ħiliet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u jistieden lill-Gvern Serb jindirizza direttament il-kwistjoni tal-korruzzjoni, li toħnoq l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq funzjonali, kif ukoll jindirizza t-tħassib imqajjem mill-GRECO fl-2020;
76. Jinnota li s-sistema tal-kura tas-saħħa tas-Serbja tbati minn nuqqas ta' riżorsi u tluq tal-forza tax-xogħol professjonali tagħha, li jirriżultaw f'nuqqas ta' tagħmir mediku, għarfien espert mediku, u kapaċitajiet tal-ittestjar fil-laboratorji matul il-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lis-Serbja timplimenta riformi bil-għan li ssaħħaħ is-settur tas-saħħa pubblika, ittejjeb il-protezzjoni soċjali u tipprovdi appoġġ għas-settur privat sabiex ittaffi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19;
77. Jilqa' l-progress tajjeb li għamlet is-Serbja fl-oqsma ekonomiċi u finanzjarji bħal-liġi tal-kumpaniji, il-liġi tal-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni u s-servizzi finanzjarji, u l-obbligu ta' rendikont maniġerjali u l-awditjar; jinnota, madankollu, li huwa meħtieġ aktar progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku;
78. Jesprimi tħassib dwar l-influwenza dejjem akbar taċ-Ċina fis-Serbja u fil-Balkani tal-Punent u n-nuqqas ta' trasparenza u valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali tal-investimenti u s-self Ċiniżi; jistieden lis-Serbja ssaħħaħ l-istandards ta' konformità legali tagħha għall-attivitajiet kummerċjali Ċiniżi;
79. Jistieden lis-Serbja żżid is-sostenibbiltà tas-settur tal-enerġija tagħha billi tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha, tniedi tranżizzjoni tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju u timxi lejn sorsi rinnovabbli u fjuwils li jniġġsu inqas filwaqt li fl-istess ħin tneħħi s-sussidji kollha tal-faħam li mhumiex konformi; iħeġġeġ lis-Serbja tadotta l-miżuri meħtieġa biex tippreserva u tipproteġi żoni ambjentalment sensittivi u biex iżżid il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet;
80. Jilqa' l-varar tal-akbar park eoliku, Čibuk 1, u l-progress li sar fl-interkonnettur tal-gass bejn is-Serbja u l-Bulgarija; jinnota bi tħassib in-nuqqas konsistenti ta' konformità mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u l-ksur konsegwenti tiegħu; itenni t-talba tiegħu biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jitqiegħdu fil-qalba tal-istrateġija ta' konnettività tal-UE;
81. Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fil-Komunità tat-Trasport u fi proġetti tan-Network Trans-Ewropew, inkluż il-bini tal-awtostrada Niš-Merdare-Pristina;
83. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw allinjament mal-istandards u l-objettivi ta' politika tal-UE dwar il-protezzjoni tal-klima u l-ambjent kif ukoll l-effiċjenza enerġetika – b'mod partikolari fid-dawl tad-Dikjarazzjoni ta' Sofija dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent – inkluż iżda mhux limitat għall-introduzzjoni tal-ipprezzar tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu ppreservati u protetti żoni ambjentalment sensittivi;
84. Jinkoraġġixxi lis-Serbja tiffinalizza r-riformi tas-setturi nazzjonali tagħha tal-elettriku u tal-gass billi tiżgura, b'mod partikolari, is-separazzjoni tal-operaturi tas-sistema, u taħdem fuq il-konnettività reġjonali u t-tlestija tas-suq reġjonali tal-enerġija f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-obbligi internazzjonali skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija;
85. Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta' tniġġis tal-arja fis-Serbja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu miżuri malajr ħalli jtejbu l-kwalità tal-arja, speċjalment fi bliet kbar u f'żoni industrijali bħal Smederevo, Bor u Kolubara; jisħaq fuq l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u li jiġi limitat l-użu tal-linjite u ta' faħam ieħor b'ammont baxx ta' kaloriji fil-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll għat-tisħin;
86. Jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni dwar it-tniġġis tax-xmara Dragovishtitsa minn minjieri li joperaw fir-reġjun;
87. Jilqa' l-approvazzjoni kontinwa tas-Serbja tal-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta' sigurtà tal-UE;
88. Itenni l-importanza tal-allinjament mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK), li trid issir progressivament parti integrali mill-politika estera tas-Serbja bħala kundizzjoni għall-proċess ta' adeżjoni; jesprimi tħassib dwar ir-rata ta' allinjament tas-Serbja, li hija l-aktar baxxa fir-reġjun; jinnota li xi uffiċjali tal-gvern u xi politiċi qed ikomplu jagħmlu dikjarazzjonijiet okkażjonali li jqajmu dubji dwar l-orjentazzjoni tal-politika barranija tas-Serbja; huwa mħasseb dwar l-appoġġ ripetut tas-Serbja għar-Russja fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-annessjoni tal-Krimea;
89. Jilqa' l-fatt li, rigward l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja, is-Serbja allinjat ruħha mal-pożizzjoni tal-UE; jibqa' mħasseb, madankollu, li s-Serbja naqset milli tallinja ruħha mas-sanzjonar tal-uffiċjali Belarussi u mal-pożizzjoni tal-UE dwar il-liġi l-ġdida tas-sigurtà fiċ-Ċina; jistieden lis-Serbja żżid il-livell ta' allinjament tagħha mad-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, inklużi dawk dwar is-sanzjonijiet;
90. Jinnota l-iffirmar ta' ftehimiet għan-normalizzazzjoni ekonomika mis-Serbja u l-Kosovo fl-4 ta' Settembru 2020 f'Washington; jiddispjaċih, madankollu, dwar dispożizzjonijiet fit-test li jirrikjedu li l-Kosovo jieqaf ifittex sħubija f'organizzazzjonijiet internazzjonali; jilqa' l-impenn imġedded tal-Istati Uniti, u jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinazzjoni tagħhom fil-Balkani tal-Punent; jissottolinja li l-kooperazzjoni transatlantika hija fattur importanti għall-istabbiltà fir-reġjun, u jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE bħala medjatur fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo;
91. Ifakkar li ċ-ċaqliq tal-Ambaxxata Serba fl-Iżrael minn Tel Aviv għal Ġerusalemm imur kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-soluzzjoni ta' żewġ stati għat-tilwima bejn l-Iżrael u l-Palestina;
92. Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea mas-Serbja biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni għal finijiet ta' manipulazzjoni kif ukoll it-theddid ċibernetiku u ibridu li jfittxu li jifirdu s-soċjetajiet, jiddiskreditaw lill-UE u jikkompromettu l-perspettiva Ewropea tar-reġjun; jinkoraġġixxi passi konkreti fil-bini tar-reżiljenza u ċ-ċibersigurtà u jistieden lis-Serbja, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġjaw miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-pluraliżmu tal-midja u l-ġurnaliżmu ta' kwalità; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-koordinazzjoni Ewropea sabiex jiġu miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni reġjonali li ta' spiss joriġinaw fis-Serbja, pereżempju permezz tal-ħolqien possibbli ta' ċentru ta' eċċellenza ffukat fuq il-Balkani dwar id-diżinformazzjoni;
93. Huwa partikolarment imħasseb dwar in-narrattivi ta' diżinformazzjoni li joħorġu mill-Kremlin u li jitqassmu permezz ta' Sputnik Serbia u atturi domestiċi oħra; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jirrevedu l-arranġamenti li jippermettu dawn l-operazzjonijiet sabiex inaqqsu d-diżinformazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż u jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni, li żdiedu mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 'l hawn;
94. Jinnota l-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn is-Serbja u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) li se jippermetti lil Frontex jgħin lis-Serbja fil-ġestjoni tal-fruntieri u fit-twettiq ta' operazzjonijiet konġunti; jinnota li s-Serbja kellha rwol attiv, kooperattiv u kostruttiv fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE;
95. Itenni li l-UE hija s-sieħeb kummerċjali, l-investitur u d-donatur tal-għajnuna prinċipali tas-Serbja; jieħu nota tad-deċiżjoni tas-Serbja li tiffirma ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika f'Ottubru 2019; jistenna li s-Serbja, madankollu, tallinja ruħha mal-politika kummerċjali tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-Unjoni li tiddefendi l-interessi tagħha billi ttaffi l-effett negattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika ffirmati minn pajjiżi li applikaw għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u ffirmaw FSA, bħas-Serbja; jiddispjaċih li s-Serbja għadha mhijiex membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
96. Jistieden lis-Serbja ttejjeb l-allinjament mal-liġi tax-xogħol tal-UE, tadotta liġi ġdida dwar id-dritt tal-istrajkjar, tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat u temenda l-liġi dwar is-sorveljanza tal-ispezzjonijiet biex tikkonforma mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO li ġew ratifikati mis-Serbja;
97. Iħeġġeġ lis-Serbja tiżgura li jkollha biżżejjed riżorsi finanzjarji u istituzzjonali għall-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali;
98. Jilqa' l-parteċipazzjoni kontinwa tas-Serbja fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); iħeġġeġ lis-Serbja żżomm l-impenji attwali tagħha biex tipprovdi persunal għal erba' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll biex tfittex aktar parteċipazzjoni fil-futur; jilqa' l-arranġamenti relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu ffirmati bejn l-UE u s-Serbja; jilqa', f'dan ir-rigward, it-titjib fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti;
99. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li s-Serbja hija dejjem aktar dipendenti minn tagħmir u teknoloġiji tad-difiża u s-sigurtà mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, inklużi sistema ta' sorveljanza tal-massa f'Belgrad u ġbir tad-data personali tal-massa mingħajr salvagwardji xierqa, u t-trasparenza insuffiċjenti tal-prattiki ta' akkwist pubbliku tas-settur tas-sigurtà; jibqa' mħasseb dwar il-kooperazzjoni politika u militari mill-qrib tas-Serbja mar-Russja, inkluża l-preżenza kontinwa ta' faċilitajiet tal-ajru Russi f'Niš; jistieden lis-Serbja tallinja ruħha mal-PSDK u l-istrumenti tagħha;
100. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex, bħala pass lejn id-demokratizzazzjoni tas-Serbja, jeliminaw il-legat tal-eks servizzi sigrieti Komunisti billi jiftħu l-fajls tagħhom għall-pubbliku; jistieden lis-Serbja tintensifika l-proċess tas-suċċessjoni u l-implimentazzjoni tal-obbligi relatati mad-diviżjoni tal-arkivju komuni tal-eks Jugoslavja; itenni, f'dan ir-rigward, li l-aċċess sħiħ għall-materjali kollha tal-arkivji, speċjalment dawk tas-Servizzi Sigrieti tal-eks-Jugoslavja (UDBA) u tas-Servizz Sigriet tal-Armata tal-Poplu Jugoslav (KOS) huwa ta' sinifikanza vitali; itenni l-istedina tiegħu biex l-awtoritajiet jiffaċilitaw l-aċċess għal dawk l-arkivji li jikkonċernaw l-eks repubbliki tal-Jugoslavja u biex dawn jingħataw lura lill-gvernijiet rispettivi tagħhom jekk jitolbuhom;
101. Ifakkar li l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja tas-Serbja; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinvesti b'mod aktar strateġiku fil-Balkani tal-Punent permezz ta' Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP) għall-Balkani tal-Punent; jirrikonoxxi l-importanza tal-EIP fl-appoġġ tal-konnettività sostenibbli, il-kapital uman, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv kif ukoll fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera bil-ħsieb li jittejbu l-opportunitajiet tal-amministrazzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali biex jinkisbu l-benefiċċji ta' dan l-investiment; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe investiment irid jirrispetta l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;
102. Jenfasizza li l-EIP għandha tinkoraġġixxi r-riformi strutturali meħtieġa fl-infrastruttura, l-enerġija, l-ambjent u l-edukazzjoni u għandha tiġi implimentata malajr u b'mod effettiv kemm jista' jkun sabiex titjieb il-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-UE u biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini tas-Serbja fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha;
103. Jistieden lill-koleġiżlaturi jirfinaw kemm l-inċentivi kif ukoll il-kundizzjonalità fl-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) futur u jagħmlu użu mill-mekkaniżmi ta' sospensjoni f'każ ta' rigress serju; iqis li huwa essenzjali li l-IPA III jappoġġja t-tisħiħ ulterjuri tal-valuri fundamentali u l-governanza tajba; jemmen li l-prinċipju "aktar għal aktar" u "inqas għal inqas" tar-riversibbiltà tal-proċess ta' adeżjoni skont il-metodoloġija mġedda għandu wkoll ikun rifless b'mod ċar fil-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni; itenni li l-iskala tal-assistenza finanzjarja għandha taqbel mar-rata attwali tar-riformi implimentati;
104. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jagħmlu l-aħjar użu mir-riallokazzjoni tal-UE tal-finanzjament tal-IPA biex jgħinu jtaffu l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli;
105. Itenni l-fatt li l-UE mmobilizzat f'qasir żmien appoġġ immedjat favur il-Balkani tal-Punent biex tiġi indirizzata l-emerġenza tas-saħħa dovuta għall-pandemija tal-COVID-19 u jiġi ffaċilitat l-irkupru soċjoekonomiku tar-reġjun;
106. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed vaċċini kontra l-COVID-19 għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;
107. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.