Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Filip De Man (2020/2271(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Filip De Man, ikkomunikata f'ittra datata t-30 ta' Ottubru 2020 mill-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Brussell b'rabta ma' proċediment kriminali, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Filip De Man għad-dritt li jinstema' tiegħu, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tal-kostituzzjoni tar-Renju tal-Belġju,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0134/2021),
A. billi l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Brussell bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Filip De Man, Membru tal-Parlament Ewropew elett għar-Renju tal-Belġju, fir-rigward ta' inċident tat-traffiku, li allegatament ikkawża fl-1 ta' Mejju 2019 fejn iġġarrbu danni materjali, biċ-ċirkostanza aggravanti tat-tluq minn fuq il-post tal-inċident;
B. billi Filip De Man ġie akkużat li ħabat ma' traffic island fl-1 ta' Mejju 2019 f'Vilvorde, u mhux talli ma waqafx iżda talli baqa' sejjer lejn daru; billi l-pulizija kkonstatat li kien hemm residwu mill-vettura tal-Membru mxerred mat-triq kollha u traċċi viżibbli mill-post tal-inċident sa daru; billi wara bosta taħrikiet, fl-aħħar Filip De Man mar għand il-pulizija ġudizzjarja fejn ġie intervistat u, infurmahom li kien hu li effettivament kisser il-pilastru tal-konkrit u li ma setax jieqaf minħabba l-folla li nġabret mat-triq;
C. billi l-allegat reat jaqa' taħt l-Artikolu 33 tal-Liġi Belġjana dwar il-Pulizija tat-Traffiku tas-16 ta' Marzu 1968 u billi dan ir-reat huwa punibbli bi priġunerija ta' bejn ħmistax-il jum sa sitt xhur u b'multa ta' bejn EUR 200 u EUR 2 000;
D. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jiġi assimilat ma' qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru tal-Parlament, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, ma jistax jitqies li huwa "akkużat"(2);
E. billi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u prosekuzzjoni;
F. billi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59 tal-Kostituzzjoni tar-Renju tal-Belġju jipprevedi li "[g]ħajr għall-każijiet ta' flagrante delicto, l-ebda membru ta' kwalunkwe awla ma jista', matul is-seduta, jiġi mressaq jew imħarrek direttament quddiem qorti jew tribunal, jew jiġi arrestat, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha huwa membru";
G. billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni dwar jekk ineħħix l-immunità tiegħu(3);
H. billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi minn Filip De Man tal-funzjonijiet tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
I. billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Filip De Man;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Belġju u lil Filip De Man.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10,ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.